Language of document : ECLI:EU:T:2013:188

Kawża T-442/08

International Confederation of Societies of Authors and Composers (CISAC)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Drittijiet tal-awtur dwar l-eżekuzzjoni pubblika ta’ xogħlijiet mużikali bl-internet, bis-satellita u bit-trażmissjoni mill-ġdid bil-cable — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Tqassim tas-suq ġeografiku — Ftehimiet bilaterali bejn is-soċjetajiet nazzjonali ta’ ġestjoni kollettiva — Prattika miftiehma li teskludi l-possibbiltà li jingħataw liċenzji multiterritorjali u multirepertorjali — Prova — Preżunzjoni ta’ innoċenza”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat-12 ta’ April 2013

1.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Interess dirett — Kriterji — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata prattika antikompetittiva — Rikors ippreżentat minn organizzazzjoni li l-attivitajiet tagħha servew ta’ qafas għat-tfassil tal-ftehimiet li jimplementaw l-imsemmija prattika — Interess dirett tal-organizzazzjoni

(Artikolu 81 KE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

2.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Interess individwali — Kriterji — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata prattika antikompetittiva — Rikors ippreżentat minn organizzazzjoni li l-attivitajiet tagħha servew ta’ qafas għat-tfassil tal-ftehimiet li jimplementaw l-imsemmija prattika — Affettwar tal-pożizzjoni tagħha ta’ negozjatriċi — Involviment strett fil-proċedura amministrattiva

(Artikolu 81 KE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

3.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Prova tal-ksur li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni — Portata tal-oneru probatorju

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 2)

4.      Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Drittijiet fundamentali — Preżunzjoni ta’ innoċenza — Proċeduri fil-qasam tal-kompetizzjoni — Deċiżjoni li tikkonstata ksur iżda li ma timponix multa — Applikabbiltà

(Artikolu 81(1) KE; Artikolu 6(2) UE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 48(1))

5.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Modalità ta’ prova — Użu ta’ sensiela ta’ indizji — Grad ta’ saħħa probatorja neċessarja fir-rigward tal-indizji kkunsidrati individwalment — Provi bbażati biss fuq l-aġir tal-impriżi — Obbligi probatorji tal-impriżi li jikkontestaw ir-realtà tal-ksur — Obbligi tal-Kummissjoni li jikkontestaw il-plawżibbiltà tal-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-impriżi

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 2)

6.      Akkordji — Projbizzjoni — Akkordji li jestendu l-effetti tagħhom lil hinn mit-tmiem formali tagħhom — Applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE

(Artikolu 81(1) KE)

7.      Akkordji — Prattika miftiehma — Aġir parallel — Preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ ftehim — Limiti — Rifjut, mis-soċjetajiet nazzjonali ta’ ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur, li jħallu utent stabbilit fi Stat Membru ieħor jaċċedi direttament għar-repertorju tagħhom — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni

(Artikolu 81(1) KE)

1.      Il-kundizzjoni ta’ ammissibbiltà ta’ rikors dwar l-interess dirett teħtieġ, l-ewwel nett, li l-miżura kkontestata toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti u, it-tieni nett, li ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ din il-miżura li huma inkarigati mill-implementazzjoni tagħha, peress li din għandha natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra.

Għandha titqies li hija direttament interessata minn deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tikkonstata prattika antikompetittiva implementata mis-soċjetajiet għall-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur dwar l-eżekuzzjoni pubblika ta’ xogħlijiet mużikali permezz ta’ ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni reċiproċi, organizzazzjoni mhux governattiva li l-attivitajiet tagħha servew ta’ qafas għat-tfassil tal-imsemmija ftehimiet u li huma rilevanti biex jiġi evalwat jekk l-imsemmija soċjetajiet għall-ġestjoni kollettiva humiex qed jeżegwixxu d-deċiżjoni kkontestata billi jtemmu l-ksur ikkonstatat u billi jevitaw li jwettqu aġir simili fil-futur.

(ara l-punti 66-68, 72)

2.      Organizzazzjoni, li ma hijiex id-destinatarja tal-att ikkontestat, hija individwalment ikkonċernata mill-imsemmi att meta hija stess ikollha interess ġuridiku, b’mod partikolari għaliex il-pożizzjoni ta’ negozjatriċi tagħha tkun ġiet affettwata bl-att li qed jintalab l-annullament tiegħu.

Dan huwa l-każ ta’ organizzazzjoni li qed tikkontesta deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tikkonstata prattika antikompetittiva implementata mis-soċjetajiet għall-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur dwar l-eżekuzzjoni pubblika ta’ xogħlijiet mużikali permezz ta’ ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni reċiproka, u li taffettwa r-rwol tagħha ta’ faċilitatriċi tal-kooperazzjoni bejn l-imsemmija soċjetajiet għall-ġestjoni kollettiva.

L-interess dirett huwa kkonfermat mill-fatt li l-organizzazzjoni rikorrenti, destinatarja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u strettament involuta fil-proċedura amministrattiva bħala interlokatriċi importanti tal-Kummissjoni, kienet tokkupa pożizzjoni ta’ negozjatriċi kjarament ridotta u intimament marbuta mas-suġġett stess tad-deċiżjoni, li tqiegħda għalhekk f’sitwazzjoni de facto li tikkaratterizzaha meta mqabbla ma’ kull persuna oħra.

(ara l-punti73-77)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 91, 138)

4.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, l-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti tal-Unjoni għandha tibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur. Għalhekk, il-qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni b’mod suffiċjenti skont il-liġi jekk f’moħħ il-qorti jkun għad hemm dubju dwar din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa.

Fil-fatt, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li tagħmel parti mid-drittijiet fundamentali li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell ta’ gravità tas-sanzjonijiet li jistgħu jkunu marbuta miegħu, il-preżunzjoni ta’ innoċenza tapplika b’mod partikolari għall-proċeduri rigward ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità.

Din il-ġurisprudenza, żviluppata fil-kuntest ta’ kawżi fejn il-Kummissjoni kienet imponiet multa, tapplika wkoll fil-każ fejn id-deċiżjoni li tikkonstata ksur finalment ma tistabbilixxix ukoll multa. Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-preġudizzju mhux insinjifikattiv għar-reputazzjoni li tirrappreżenta, għal persuna fiżika jew ġuridika, il-konstatazzjoni li hija kienet involuta fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

(ara l-punti 92-95)

5.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur tal-Artikolu 81(1) KE, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konkordanti. Madankollu, kull waħda mill-provi prodotti mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li s-sensiela ta’ indizji invokata mill-istituzzjoni, evalwata globalment, tissodisfa dan ir-rekwiżit.

Fil-fatt, peress li l-projbizzjoni tal-parteċipazzjoni fi prattiki u fi ftehim antikompetittivi kif ukoll il-penalitajiet li jista’ jinkorri min jikser din il-projbizzjoni huma magħrufa, huwa komuni li l-attivitajiet li jinvolvu dawn il-prattiki u dawn il-ftehim iseħħu b’mod klandestin, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet, u li d-dokumentazzjoni relatata titnaqqas kemm jista’ jkun. Anki jekk il-Kummissjoni tiskopri atti li jiżvelaw b’mod espliċitu kuntatt illegali bejn l-operaturi, bħalma huma l-minuti ta’ laqgħa, normalment dawn ikunu biss frammentarji u skarsi, b’mod li spiss huwa neċessarju li wieħed jirrikostitwixxi ċerti dettalji billi jagħmel deduzzjoni. Madankollu, meta l-kuntest li fihom seħħew il-laqgħat bejn l-impriżi akkużati li kisru d-dritt tal-kompetizzjoni juri li dawn il-laqgħat kienu meħtieġa biex jiġu ttrattati b’mod kolleġjali kwistjonijiet li ma għandhomx bħala suġġett ksur tal-imsemmi dritt, il-Kummissjoni ma tistax tippreżumi li dawn il-laqgħat kellhom bħala għan il-qbil dwar il-prattiki antikompetittivi. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji li, meqjusa flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

Meta l-prova tal-prattika miftiehma bejn l-impriżi ma tirriżultax mis-sempliċi konstatazzjoni li kien hemm paralleliżmu fl-aġir fis-suq, iżda minn atti li minnhom jirriżulta li l-prattiki huma r-riżultat ta’ prattika miftiehma huwa l-obbligu tal-impriżi kkonċernati li mhux biss jippreżentaw spjegazzjoni oħra għall-fatti kkonstatati mill-Kummissjoni, iżda wkoll li jikkontestaw l-eżistenza ta’ dawn il-fatti stabbiliti permezz tal-atti prodotti mill-Kummissjoni.

Min-naħa l-oħra, meta r-raġunament tal-Kummissjoni jkun ibbażat fuq il-preżunzjoni li l-fatti stabbiliti fid-deċiżjoni tagħha setgħu jiġu spjegati biss abbażi ta’ prattika miftiehma bejn l-impriżi, huwa biżżejjed għall-impriżi kkonċernati li jistabbilixxu ċirkustanzi li jiddeskrivu b’mod differenti l-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni u li jippermettu għalhekk li l-ispjegazzjoni tal-fatti mogħtija mill-Kummissjoni tiġi ssostitwita.

F’dan ir-rigward, meta l-Kummissjoni tirrikorri għal ċerti eżempji biex tirrendi l-argument tal-impriża kkonċernata mhux plawżibbli, hija għandha l-oneru tal-prova biex turi għalfejn dawn l-eżempji huma rilevanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax takkuża lill-impriża kkonċernata talli ma pprovdietx iktar preċiżazzjonijiet fuq l-ispjegazzjoni l-oħra tagħha, sa fejn hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-prova tal-ksur. Għalhekk, jekk il-Kummissjoni, fil-fażi amministrattiva, tqis li l-impriża kkonċernata ma sostnietx biżżejjed l-ispjegazzjoni tagħha, hija għandha tkompli l-istruttorja tal-fajl jew tikkonstata fid-deċiżjoni tagħha li l-persuna kkonċernata ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi d-data meħtieġa biex teżamina jekk hemmx spjegazzjonijiet plawżibbli għall-aġir parallel tal-impriżi kkonċernati.

Qabel ma tiġi evalwata l-eżistenza ta’ spjegazzjonijiet li ssostni li ma hemmx prattika miftiehma, hemm lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx l-eżistenza ta’ ksur permezz ta’ provi li jmorru lil hinn mis-sempliċi konstatazzjoni ta’ aġir parallel. Fil-fatt, l-eżami ta’ din il-kwistjoni jippreċedi dak dwar il-fondatezza tal-ispjegazzjonijiet li ssostni li ma hemmx prattika miftiehma, peress li, jekk il-Qorti Ġenerali tasal għall-konklużjoni li tali provi ġew prodotti, l-imsemmija spjegazzjonijiet, anki jekk kienu plawżibbli, ma jikkontestawx il-konstatazzjoni ta’ dan il-ksur.

(ara l-punti 96-99, 101, 107, 161)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 123)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 137)