Language of document : ECLI:EU:C:2010:161

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fl-24 ta’ Marzu 2010 1(1)

Kawża C‑540/08

Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag GmbH & Co. KG

vs

“Österreich”-Zeitungsverlag GmbH

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Obersten Gerichtshofs (l-Awstrija)]

“Direttiva 2005/29/KE – Armonizzazzjoni – Protezzjoni tal-konsumatur – Prattiki kummerċjali żleali fin-negozju – Offerti konġunti – Kunċett ta’ prattika kummerċjali – Dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi li jiġu offruti benefiċċji b’xejn ma’ pubblikazzjonijiet perjodiċi – Protezzjoni tal-pluraliżmu tal-midja u tal-kompetizzjoni”







Werrej


I –   Introduzzjoni

II – Il-kuntest ġuridiku

A –   Id-dritt Komunitarju

B –   Id-dritt nazzjonali

III – Fatti, proċedura fil-kawża prinċipali u domandi preliminari

IV – Proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

V –   Argumenti prinċipali tal-partijiet

A –   L-ewwel domanda preliminari

B –   It-tieni domanda preliminari

VI – Evalwazzjoni ġuridika

A –   Osservazzjonijiet preliminari

B –   L-ewwel domanda preliminari

1.     Il-kunċett ta’ “prattiċi kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29

2.     Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 2005/29

a)     Il-qasam kopert mid-Direttiva 2005/29

b)     L-għan ta’ protezzjoni tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG

i)     Importanzi rispettivi differenti tad-drittijiet protetti

ii)   Eżami tad-dispożizzjonijiet u tal-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti.

c)     Konklużjoni

3.     L-eżami tal-istrutturi taż-żewġ testi

a)     Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29

i)     L-għan ta’ armonizzazzjoni sħiħa u massima tal-liġijiet nazzjonali

ii)   L-istruttura regolatorja tad-Direttiva 2005/29

b)     Id-dispożizzjonijiet tal-UWG

i)     Preżentazzjoni tal-istruttura regolatorja tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG

4.     Il-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni inkwistjoni mad-Direttiva 2005/29

a)     Id-dritt miktub nazzjonali

i)     Inverżjoni tas-sistema regolatorja

ii)   Insuffiċjenza tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 9a(2) tal-UWG

iii) Konklużjoni proviżorja

b)     Il-possibbiltà li tingħata interpretazzjoni konformi mad-Direttiva 2005/29

i)     Eżami fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29

–       L-Artikolu 5(4) u (5) tad-Direttiva 2005/29

–       L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29

c)     Konklużjoni

5.     Konklużjonijiet

C –   It-tieni domanda preliminari

VII – Konklużjoni

I –    Introduzzjoni

1.        Fil-kuntest ta’ din il-proċedura preliminari abbażi tal-Artikolu 234 KE (2), l-Oberster Gerichtshof tar-Repubblika tal-Awstrija (iktar ’il quddiem, il-“qorti tar-rinviju”) irrinvjat lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2005/29”). Essenzjalment il-kwistjoni tirrigwarda jekk dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi r-riklamar, l-offerta jew l-għoti ta’ benefiċċji b’xejn ma’ pubblikazzjonijiet perjodiċi kif ukoll ir-riklamar ta’ benefiċċji b’xejn abbinati ma’ prodotti jew servizzi oħrajn, mingħajr l-obbligu li tiġi vverifikata każ b’każ in-natura qarrieqa, aggressiva jew żleali ta’ tali prattika kummerċjali, hijiex kompatibbli mad-dritt Komunitarju.

2.        It-talba għal deċiżjoni preliminari oriġinat minn rikors ta’ inibizzjoni ppreżentat minn Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag GmbH & Co KG (iktar ’il quddiem, ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”) kontra “Österreich”-Zeitungsverlag GmbH (iktar ’il quddiem, il-“konvenuta fil-kawża prinċipali”) għall-użu anti-kompetittiv ta’ premju, fil-forma ta’ logħba promozzjonali, li fil-prinċipju huwa pprojbit mid-dritt nazzjonali.

3.        Wara l-Kawżi magħquda C-261/07 (VTB-VAB) u C-299/07 (Galatea) (4), kif ukoll il-Kawża C-304/08 (Plus Warenhandelsgesellschaft) (5), din hija t-tielet kawża f’serje ta’ rinviji għal deċiżjoni preliminari li permezz tagħhom il-qrati nazzjonali jqajmu l-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ projbizzjonijiet ta’ offerti konġunti imposti minn Stati Membri mad-Direttiva 2005/29. Waħda mill-kwistjonijiet ewlenin li tiddistingwi din il-kawża minn dawk preċedenti tirrigwarda l-possibbiltà li tiġi vverifikata l-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni meta jkun iddikjarat li l-għan ta’ din tal-aħħar ikun il-protezzjoni kemm tal-pluraliżmu tal-midja kif ukoll tal-kompetituri.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

4.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/29 huwa fformulat hekk:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.”

5.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/29 jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

d)      ‘prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘prattiċi kummerċjali’) tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi;

[…]”.

6.        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29 jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.”

7.        L-Artikolu 4 tad-Direttiva huwa fformulat hekk:

“L-Istati Membri la għandhom irażżnu l-libertà tal-provvista tas-servizzi u lanqas għandhom irażżnu l-moviment liberu ta’ merkanzija għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam approssimat minn din id-Direttiva.”

8.        L-Artikolu 5 tad-Direttiva, intitolat “Projbizzjoni ta’ Prattiċi Kummerċjali Żleali”, jipprovdi:

“1.       Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

2.       Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:

a)       hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali,

u

b)       toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi. 

3. Prattiċi kummerċjali li x’aktarx joħolqu distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika biss ta’ grupp identifikabbli b’mod ċar ta’ konsumaturi li huma partikolarment vulnerabbli għall-prattika jew għall-prodott li għalih din tirriferi minħabba l-mard mentali jew fiżiku, l-età jew il-kredulità tagħhom b’mod li l-kummerċjant jista’ raġonevolment ikun mistenni li jipprevedi, għandhom jiġu eżaminati mill-perspettiva ta’ membru medju ta’ dak il-grupp. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-prattika komuni u leġittima ta’ reklamar ta’ stqarrijiet eżaġerati jew stqarrijiet li mhumiex intiżi sabiex jittieħdu litteralment.

4. B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li:

a)       jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7,

jew

b)       jkunu aggressivi kif stabbilit fl-Artikoli 8 u 9.

5. Fl-Anness I hemm lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.”

9.        Ir-riklamar, l-offerta jew l-għoti ta’ benefiċċji b’xejn ma’ pubblikazzjonijiet ta’ perjodiċi ma humiex elenkati fl-Anness I tad-Direttiva fost il-prattiċi meqjusa bħala żleali fi kwalunkwe ċirkustanza.

B –    Id-dritt nazzjonali

10.      L-Artikolu 9a(1) tal-liġi Awstrijaka kontra l-kompetizzjoni żleali (iktar ’il quddiem, l-“UWG”) (6) huwa fformulat hekk:

“Kull min, fit-twettiq ta’ attività kummerċjali kompetittiva,

1) iħabbar, f’avviżi pubbliċi jew f’komunikazzjonijiet oħrajn intiżi għal numru sostanzjali ta’ persuni, li ser jagħti lill-konsumaturi benefiċċji b’xejn (premji) marbuta ma’ prodotti jew servizzi, jew li joffri, iħabbar jew jagħti lill-konsumaturi benefiċċji b’xejn (premji) b’rabta ma’ pubblikazzjonijiet perjodiċi jew

2) jipproponi, iħabbar jew jagħti lil impriżi benefiċċji b’xejn (premji) assoċjati ma’ prodotti jew servizzi,

jista’ jkun soġġett għal azzjoni ta’ inibizzjoni jew għad-danni u l-interessi. Dan japplika wkoll meta l-fatt li dak il-benefiċċju jkun b’xejn ikun moħbi permezz ta’ prezzijiet globali għal prodotti jew servizzi, prezzijiet fittizji għal premju jew bi kwalunkwe mod ieħor.”

III – Fatti, proċedura fil-kawża prinċipali u domandi preliminari

11.      Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar għandha taqta’ kawża bejn żewġ kompetituri fis-suq Awstrijak tal-pubblikazzjonijiet ta’ kuljum li nqalgħet minn avviż tal-konvenuta fil-ġurnal tagħha dwar l-għażla tal-“futboler tas-sena”. Fl-introduzzjoni tal-artiklu, stampata b’tipa skura, kien hemm miktub: “Jekk tipparteċipa jaqbillek żgur: tirbaħ ikla mar-rebbieħ tal-għażla l-kbira tal-futboler tas-sena” Fuq ix-xellug tal-artiklu kien hemm “kupun tal-vot” bil-kliem “aqta’ u ibgħat”. Fuq il-lemin kien hemm riferiment għall-possibbiltà li wieħed jivvota bl-Internet. Dehru artikli simili matul id-disgħat ijiem ta’ wara.

12.      Il-qorti nazzjonali tal-ewwel istanza iddeċidiet li l-avviż kien jikkostitwixxi premju pprojbit fis-sens tal-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG u laqgħet it-talba ta’ inibizzjoni b’digriet ta’ urġenza. Min-naħa l-oħra, il-qorti tal-appell iddeċidiet li l-avviż ma kellux effett sinjifikattiv fuq is-suq, u b’hekk ir-rikorrenti ressqet talba quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex jiġi kkonfermat mill-ġdid id-digriet mogħti b’urġenza mill-qorti nazzjonali tal-ewwel istanza. Skont l-evalwazzjoni provviżorja tal-qorti tar-rinviju, b’applikazzjoni tal-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG, għandha tiġi milqugħa t-talba tar-rikorrenti. Madankollu, din il-qorti għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG mad-Direttiva, li tiddependi mill-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar.

13.      Kien għal din ir-raġuni li l-Oberster Gerichtshof issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:

1.      Dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, bl-esklużjoni ta' eċċezzjonijiet elenkati b'mod eżawrjenti, l-avviż, l-offerta jew l-għoti ta' benefiċċji mingħajr ħlas f'perjodiċi kif ukoll ir-riklamar ta’ benefiċċji mingħajr ħlas assoċjati ma’ prodotti jew servizzi oħra, mingħajr l-obbligu li jiġi vverifikat każ b'każ il-karattru qarrieqi, aggressiv jew żleali ta’ tali prattika kummerċjali, tikser l-Artikoli 3(1) u 5(5) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/29/KE tal-11 ta' Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) jew dispożizzjonijiet oħra tal-istess direttiva, anki meta d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha bħala skop mhux biss il-ħarsien tal-konsumatur, iżda anki għanijiet oħra li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-imsemmija direttiva, bħal pereżempju, iż-żamma tal-pluraliżmu tal-istampa jew il-protezzjoni tal-kompetituri iktar dgħajfa?

2.      F’każ ta’ risposta fil-pożittiv għall-ewwel domanda, il-possibbiltà ta' parteċipazzjoni f'kompetizzjoni bi premju, marbuta mal-akkwist ta' ġurnal, hija prattika kummerċjali żleali skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, minħabba l-fatt biss li din il-possibbiltà ta' parteċipazzjoni f'logħba tirrappreżenta, għall-inqas għal parti mill-pubbliku kkonċernat, għalkemm mhux l-uniku motiv, iżda ċertament il-motiv determinanti li jwassalhom sabiex jixtru l-ġurnal?

IV – Proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14.      Id-digriet tat-18 ta’ Novembru 2008 wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Diċembru 2008.

15.      Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet tar-Repubblika tal-Awstrija u tar-Renju tal-Belġju, kif ukoll il-Kummissjoni, ippreżentaw noti ta’ osservazzjonijiet fit-termini previsti fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

16.      Waqt is-seduta tad-19 ta’ Jannar 2010, ir-rappreżentanti tal-partijiet fil-kawża prinċipali, l-aġenti tal-Gvern Awstrijak u dak Ġermaniż, kif ukoll il-Kummissjoni, għamlu l-interventi tagħhom.

V –    Argumenti prinċipali tal-partijiet

A –    L-ewwel domanda preliminari

17.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk dispożizzjoni tad-dritt ta’ Stat Membru li fil-prinċipju tipprojbixxi l-bejgħ akkumpanjat bi premji taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29 minkejja li ma għandhiex bħala għan esklużiv il-ħarsien tal-konsumatur.

18.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-Gvernijiet tal-Awstrija u tal-Belġju, jissuġġerixxu li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta negattiva għal din id-domanda.

19.      F’dan ir-rigward, huma josservaw, minn naħa waħda, li l-promozzjoni ta’ bejgħ kien is-suġġett ta’ proposta ta’ regolament li kienet tiddisingwi b’mod ċar bejn it-trattament ġuridiku ta’ tali miżuri ta’ promozzjoni u l-prattiki kummerċjali żleali, li issa huma rregolati bid-Direttiva 2005/29. Madankollu, il-Kummissjoni rtirat dik il-proposta fl-2006, sena wara l-adozzjoni tad-Direttiva. Konsegwentement, ma jistax jingħad li l-promozzjoni taqa’ impliċitament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Barra minn hekk, peress li, kif turi l-premessa 6 tagħha, id-Direttiva għandha l-għan li tipproteġi direttament l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi, din ma tistax tapplika għal dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, li jsegwu għanijiet prinċipali oħrajn, jiġifieri l-protezzjoni tal-kompetituri u ż-żamma tal-pluraliżmu tal-midja u, biss indirettament, il-ħarsien tal-konsumatur.

20.      Għal kull bon fini, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Awstrijak jiddikjaraw li, fi kwalunkwe każ, il-projbizzjoni tal-bejgħ akkumpanjat bi premji, prevista fl-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG, hija kompatibbli mad-Direttiva.

21.      Fil-fatt, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29 jippermetti lill-Istati Membri li jikkunsidraw bħala żleali u li b’hekk jipprojbixxu l-prattiki kummerċjali li jmorru kontra r-rekwiżiti tal-obbligu ta’ diliġenza professjonali u li jistgħu jbiddlu b’mod sostanzjali l-imġiba ekonomika tal-konsumatur medju. Barra minn hekk, il-projbizzjoni inkwistjoni fformulata mill-Istat Membru tapplika biss f’każ fejn il-qorti nazzjonali tikkonstata li l-konsumatur xtara l-perjodiku għal raġunijiet esterni għall-prodott innifsu, marbuta mal-perspettiva li eventwalment igawdi minn benefiċċji addizzjonali, u inkwantu tali benefiċċji ma jaqgħux taħt l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9a(2) tal-UWG. Minbarra dan, il-qrati nazzjonali jipproċedu għal evalwazzjoni każ b’każ.

22.      Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, id-dispożizzjoni Awstrijaka hija nettament distinta mid-dispożizzjonijiet li kienu s-suġġett tal-Kawżi magħquda C‑261/07 (VTB-VAB) u C-299/07 (Galatea), kif ukoll il-Kawża C-304/08 (Plus Warenhandelsgesellschaft), inkwantu dawn tal-aħħar kienu jinvolvu projbizzjonijiet ġenerali u b’hekk ma kinux jieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi partikolari ta’ każijiet differenti.

23.      Min-naħa l-oħra, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni li, b’mod konformi mal-premessa 6, huma suġġetti għall-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29 biss dawk il-liġijiet nazzjonali li jippreġudikaw “unikament” l-interessi ekonomiċi tal-kompetituri jew li jirrigwardaw tranżazzjoni bejn kummerċjanti. B’mod ċar, dan ma huwiex il-każ tad-dispożizzjoni inkwistjoni, peress li l-għan prijoritarju u dirett tal-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG huwa l-ħarsien tal-konsumatur.

24.      Huma barra minn hekk jikkunsidraw li l-projbizzjoni prevista minn dik id-dispożizzjoni ma hijiex kompatibbli mal-approċċ tad-Direttiva peress li, għalkemm il-promozzjoni ta’ bejgħ permezz tal-għoti ta’ premji ma tinsabx fil-lista ta’ prattiki kummerċjali meqjusa bħala żleali f’kull ċirkustanza fl-Anness I tad-Direttiva 2005/29, hija suġġetta għall-projbizzjoni ġenerali prevista fid-dritt Awstrijak, kif ikkonstatat l-Oberster Gericht fid-digriet tar-rinviju tagħha.

25.      Matul is-seduta, il-Gvern Ġermaniż irrefera għall-Kawża C‑304/08 (Plus Warenhandelsgesellschaft) u osserva li, minkejja l-armonizzazzjoni totali prevista mid-Direttiva, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tat-traspożizzjoni jibqgħu intatti. Dan jikkonċerna b’mod partikolari t-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ kunċetti li jeħtieġu li jiġu ppreċiżati, bħal dawk li jinsabu fid-definizzjonijiet legali tad-Direttiva 2005/29. Barra minn hekk il-Gvern Ġermaniż kien tal-fehma li d-Direttiva 2005/29 ma tipprekludix dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali meta dan tal-aħħar ikun isegwi għan differenti mill-imsemmija direttiva.

26.      Minn naħa, il-Kummissjoni tiddefendi l-kunċett tagħha stess, minn naħa waħda, billi tispjega li d-Direttiva 2005/29 tipprojbixxi projbizzjoni ġenerali u astratta, bħal dik li tinsab fid-dispożizzjoni inkwistjoni iżda, min-naħa l-oħra, tasal għall-konklużjoni li dik id-dispożizzjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, għaliex issegwi bħala prijorità għanijiet oħrajn, jiġifieri, iż-żamma tal-pluraliżmu tal-midja, u, biss sa grad inqas, il-ħarsien tal-konsumatur, kif ukoll il-lealtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali.

B –    It-tieni domanda preliminari

27.      F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju ssaqsi jekk il-bejgħ akkumpanjat bi premji għandux jitqies bħala prattika kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2055/29 għas-sempliċi fatt li dik il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni f’logħba tirrappreżenta, għall-inqas għal parti mill-pubbliku kkonċernat, għalkemm mhux l-uniku motiv, iżda ċertament il-motiv determinanti li jwassalhom sabiex jixtru l-prodott prinċipali.

28.      Peress li kemm il-Gvern Awstrijak kif ukoll dak Belġjan taw risposta negattiva għall-ewwel domanda preliminari, huma ma ppreżentawx osservazzjonijiet fir-rigward tat-tieni waħda, waqt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw risposti għat-tnejn, għal kull bon fini.

29.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sempliċement tikkonstata li l-aġir ikkontestat tal-konvenuta fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali iżda ma tippreżentax provi f’dan is-sens.

30.      Il-Kummissjoni hija tal-fehma li għalkemm il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni f’logħba-kompetizzjoni bi premju hija l-motiv determinanti li jħajjar lill-konsumatur biex jixtri l-perjodiku, din ma hijiex biżżejjed biex twassal għall-konklużjoni li teżisti prattika kummerċjali żleali fis-sens tad-Direttiva 2005/29, iżda tikkostitwixxi biss wieħed mill-elementi li l-qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni meta tevalwa l-kwistjoni f’din il-kawża.

31.      Min-naħa tagħha, il-konvenuta fil-kawża prinċipali tenfasizza li l-kunċett ta’ prattika kummerċjali jirreferi għall-konsumatur medju, deskritt fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala “konsumatur medju, li jkun normalment informat u raġjonevolment attent u prudenti”. Il-konsumatur hekk deskritt ikun konxju li, f’ekonomija ħielsa tas-suq, il-pubbliċità u l-promozzjoni jkollhom l-għan li jirbħu l-klijenti, u dan mhux biss bis-saħħa tal-prezz u l-kwalità tal-prodotti, iżda wkoll billi jwiegħduhom benefiċċji oħrajn. Din hija r-raġuni għalfejn huwa biss eċċezzjonalment li l-bejgħ akkumpanjat bi premji jista’ jikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali, jiġifieri meta l-għotja ssir b’tali mod li tista’ twassal lill-konsumatur biex jixtri l-prodott, mhux għal raġunijiet marbuta mal-prodott innifsu, iżda biss minħabba l-perspettiva li jinkiseb benefiċċju supplimentari.

VI – Evalwazzjoni ġuridika

A –    Osservazzjonijiet preliminari

32.      Din il-kawża hija diġà t-tielet waħda f’serje ta’ rinviji għal deċiżjoni preliminari, li permezz tagħhom il-qrati nazzjonali jitolbu kjarifiki lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar sa liema grad il-projbizzjonijiet ta’ offerti konġunti stabbiliti mill-Istati Membri jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mad-dritt Komunitarju fl-istat ta’ żvilupp attwali tiegħu. Din id-domanda hija iktar u iktar rilevanti peress li d-Direttiva 2005/29, li ġiet adottata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fil-11 ta’ Mejju 2005, għandha l-għan li toħloq kuntest ġuridiku wieħed għar-regolamentazzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali.

33.      Minħabba l-għan ta’ armonizzazzjoni sħiħa tal-liġijiet fil-qasam tal-prattiki kummerċjali żleali bejn impriżi u konsumaturi (7) fl-Istati Membri tal-Komunità, din il-kwistjoni tirrigwarda mhux biss id-dispożizzjonijiet il-ġodda li l-Istati Membri daħħlu biex jittrasponu d-Direttiva iżda wkoll dawk li, bħad-dispożizzjoni kkontestata tal-Artikolu 9a(1) tal-UWG, kienu diġà fis-seħħ qabel l-adozzjoni tad-Direttiva, iżda li l-Istat Membru inkwistjoni jikkunsidra li għandhom funzjoni ta’ traspożizzjoni.

34.      Minħabba li f’każ ta’ armonizzazzjoni sħiħa, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri għall-finijiet ta’ traspożizzjoni huma stretti ħafna, ġuridikament, iż-żamma tad-dispożizzjonijiet preċedenti mhux dejjem tkun mingħajr problemi. Effettivament, għalkemm dawk id-dispożizzjonijiet fl-aħħar mill-aħħar jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva kkonċernata, spiss ma jkunux konformi mal-ispeċifikazzjonijiet ta’ din id-direttiva. Kif jirriżulta mill-kawżi VTB u Galtea, kif ukoll Plus Warenhandelsgesellschaft, dan huwa dak li seħħ fil-Belġju (8) u fil-Ġermanja (9) matul it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/29.

35.      Skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2005/29, din daħlet fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fit-12 ta’ Ġunju 2005. Skont l-Artikolu 19(1), l-Istati Membri kienu marbuta li jittrasponuha fid-dritt nazzjonali, billi jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sa mhux iktar tard mit-12 ta’ Ġunju 2007, iżda bil-possibbiltà li, għal perijodu tranżitorju ta’ sitt snin oħra, ikomplu japplikaw ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali iktar restrittivi. Min-naħa l-oħra, dawn l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kellhom jiġu applikati biss mit-12 ta’ Diċembru 2007.

36.      Ir-Repubblika tal-Awstrija wettqet formalment dan l-obbligu ta’ traspożizzjoni billi adottat il-liġi li temenda l-Bundesgesetz gegen den unlauteren Wettbewerb 1984, l-UWG (UWG-Novelle 2007, liġi tal-2007 li temenda l-UWG) li daħlet fis-seħħ fit-12 ta’ Diċembru 2007 (10). Madankollu, kif diġà indikajt, id-dispożizzjoni kkontestata tal-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG ma ddaħħlitx bi traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/29 iżda toriġina minn leġiżlazzjoni nazzjonali preċedenti (11). Fid-digriet tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ dik id-dispożizzjoni mad-dritt Komunitarju (12).

B –    L-ewwel domanda preliminari

37.      Fuq bażi preliminari, għandu jiġi mfakkar li fil-kuntest ta’ proċedura mressqa abbażi tal-Artikolu 234 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex kompetenza biex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali mad-dritt Komunitarju. Hija madankollu tista’ tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi ta’ interpretazzjoni kollha tad-dritt Komunitarju li jistgħu jgħinuha tevalwa din il-kompatibbiltà biex tkun tista’ tagħti deċiżjoni dwar il-kawża li jkollha quddiemha (13).

38.      L-ewwel domanda preliminari għandha l-għan li tikkonstata jekk id-Direttiva 2005/29 tipprekludix dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG. Għal dan il-għan, l-ewwel nett għandu jiġi vverifikat jekk tali dispożizzjoni, meta titqies il-materja li tirregola, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u ratione personae tad-Direttiva 2005/29. Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk l-imsemmija direttiva għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-effetti ġuridiċi tal-ksur ta’ dik id-dispożizzjoni, previsti mid-dritt Awstrijak, jaqgħux ukoll taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

1.      Il-kunċett ta’ “prattiċi kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29

39.      Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG jipprojbixxi li l-impriżi joffru lill-konsumaturi benefiċċji b’xejn ma’ prodotti jew servizzi. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li teżisti projbizzjoni ta’ offerti konġunti.

40.      Barra minn hekk, dik il-projbizzjoni għandha tkopri wkoll il-prattiki kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29. Dik id-dispożizzjonijiet tiddefinixxi l-kunċett ta’ prattika kummerċjali billi tirrikorri għal formulazzjoni partikolarment wiesgħa (14), jiġifieri “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi”.

41.      Kif spjegajt b’mod dettaljat fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda C-261/07 (VTB-VAB) u C-299/07 (Galatea) (15) u kif ikkonfermat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza li hija tat f’dawk il-kawżi (16), l-offerti konġunti jikkostitwixxu atti kummerċjali li jaqgħu b’mod ċar fil-kuntest tal-istrateġija kummerċjali ta’ operatur u huma intiżi direttament għall-promozzjoni u għall-iżvilupp tal-bejgħ tiegħu. Minn dan isegwi li dawn jikkostitwixxu prattiki kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29 u, konsegwentement, il-projbizzjoni ta’ offerti konġunti prevista fl-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha (17).

2.      Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 2005/29

42.      Biex taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, l-għan tad-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali kkontestata tal-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG għandu jkun il-ħarsien tal-konsumatur, bl-istess mod bħad-Direttiva.

a)      Il-qasam kopert mid-Direttiva 2005/29

43.      Bħala prinċipju, id-Direttiva tkopri biss il-qasam ta’ B2C “business to consumer”, jiġifieri r-relazzjoni bejn kummerċjanti u konsumaturi. Dan jirriżulta parzjalment mill-Artikolu 3(1) li jipprovdi li din id-direttiva tapplika għall-prattiki kummerċjali żleali fin-negozju fil-konfront tal-konsumaturi qabel, matul u wara transazzjoni kummerċjali dwar prodott. Din il-konnessjoni hija enfasizzata b’mod partikolari fil-premessa 8, li tistipula li d-Direttiva tipproteġi direttament biss l-interessi leġittimi tal-konsumaturi kontra prattiki kummerċjali żleali fin-negozju fil-konfront tagħhom (18).

44.      Madankollu, jidhirli li jkun żbaljat jekk wieħed jippreżumi li, konsegwentement, id-Direttiva tikkunsidra li l-interessi ekonomiċi ta’ kompetituri regolari jixirqilhom inqas protezzjoni (19). Issollevajt din l-osservazzjoni l-aħħar fil-konklużjonijiet tiegħi tat-3 ta’ Settembru 2009 fil-kawża C-308/08 (Plus Warenhandelsgesellschaft) dwar argument f’dan is-sens tal-Gvern Awstrijak (20). Effettivament, kif jirriżulta b’mod ċar mill-premessa 8, id-Direttiva tipproteġi wkoll b’mod indirett lill-impriżi leġittimi mill-kompetituri tagħhom li ma jimxux mar-regoli ta’ din id-direttiva. L-espressjoni regolatorja tinsab fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva, li minnu jirriżulta l-obbligu tal-Istati Membri li jagħtu, ukoll lill-kompetituri, mezzi ta’ azzjoni kontra l-imġiba inkompatibbli mad-Direttiva, b’mod li dawn jistgħu jaġixxu ġudizzjarjament kontra prattiki kummerċjali żleali.

45.      Id-dikjarazzjoni tal-premessa 16 hija determinanti, inkwantu tindika li d-Direttiva 2005/29 għandha l-għan li tapprossima l-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-prattiki kummerċjali żleali li jippreġudikaw direttament l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u, konsegwentement, indirettament l-interessi ekonomiċi tal-kompetituri leġittimi. B’dan il-mod, id-Direttiva tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li ma huwiex dejjem possibbli li ssir distinzjoni ċara bejn konsumaturi u kompetituri peress li dawn iż-żewġ kategoriji spiss jidħlu f’xulxin (21). Għadd kbir ta’ prattiki kummerċjali ta’ impriżi jaffettwaw kemm l-interessi tal-konsumaturi kif ukoll dawk tal-kompetituri. Konxju minn din ir-rabta stretta, il-leġiżlatur Komunitarju ddeċieda li jieħu inkunsiderazzjoni l-interessi ta’ ħarsien tal-konsumaturi f’pożizzjoni li fil-fatt taqa’ taħt il-politika tal-kompetizzjoni, bħal dik tad-Direttiva 2005/29 (22). Ma hemm ebda kontradizzjoni sistematika bejn l-għan tal-politika tal-kompetizzjoni tad-Direttiva, li jimmira lejn il-funzjonament tas-suq intern, u l-għan regolatorju ta’ protezzjoni, li jimmira lejn l-interessi standardizzati tal-konsumatur Ewropew (23). B’hekk, l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva li jippreskrivi l-għoti ta’ dritt ta’ rikors, li jippermetti lill-kompetituri kkonċernati jressqu azzjoni ta’ inibizzjoni kontra kompetituri oħrajn li jaġixxu b’mod żleali, jista’ jkun ta’ benefiċċju kbir għall-ħarsien tal-konsumatur (24).

46.      Madankollu, sabiex tiddelimita aħjar il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, id-Direttiva tiddistingwi b’mod ċar bejn, minn naħa waħda, il-prattiki kummerċjali li jagħmlu ħsara kemm lill-konsumaturi kif ukoll lill-kompetituri, kif ukoll, min-naħa l-oħra, dawk li jistgħu jippreġudikaw biss l-interessi ta’ wieħed miż-żewġ gruppi. B’hekk, il-premessa 8 tindika li huwa mifhum li hemm prattiki kummerċjali oħrajn li, għalkemm ma jagħmlux ħsara lill-konsumatur, jistgħu jagħmlu ħsara lil kompetituri u klijenti kummerċjali.

47.      Kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010 fil-kawża Plus Warenhandelsgesellschaft, dan it-tieni każ ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29 (25), għaliex jirriżulta mill-premessa 6 ta’ din tal-aħħar li la tkopri u lanqas taffetttwa l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-prattiki kummerċjali żleali li jippreġudikaw biss l-interessi ekonomiċi tal-kompetituri jew li jikkonċernaw tranżazzjoni bejn kummerċjanti. Il-kelma “biss” ġeneralment tfisser l-esklużività, kif jirriżulta wkoll minn paragun bejn xi verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva 2005/29 (26). Din hija r-raġuni għalfejn il-premessa 6 tindika wkoll li sabiex jiġi kkunsidrat bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Istati Membri jżommu, jekk ikunu jixtiequ, il-fakultà li jirregolaw il-prattiċi msemmija, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja.

b)      L-għan ta’ protezzjoni tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG

i)      Importanzi rispettivi differenti tad-drittijiet protetti

48.      Għaldaqstant, wieħed għandu jsaqsi jekk il-projbizzjoni ta’ offerti konġunti li tinsab fl-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG, li jinsab inkwistjoni f’din il-kawża, hijiex dispożizzjoni intiża biex tipprojbixxi prattika kummerċjali li tagħmel ħsara biss lill-interessi ekonomiċi tal-kompetituri. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju (27) u l-Gvern Awstrijak (28) josservaw li l-projbizzjoni ta’ offerti konġunti prevista fl-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG, li jinsab inkwistjoni f’din il-kawża, isegwi għan leġiżlattiv ieħor li jmur lil hinn mill-għan tad-Direttiva ta’ ħarsien tal-konsumatur.

49.      Effettivament, minbarra l-ħarsien tal-konsumatur, il-projbizzjoni tirrigwarda kemm il-ħarsien tal-kompetizzjoni kif ukoll il-protezzjoni tal-pluraliżmu tal-midja. Permezz tal-projbizzjoni ta’ taqtigħa bejn il-kompetituri fil-forma ta’ minn joffri l-iktar benefiċċji żejda, qabel kollox tingħata protezzjoni lill-kompetituri li, minħabba li jkollhom inqas mezzi finanzjarji, ma jkunux f’pożizzjoni li jippromwovu l-bejgħ tagħhom billi joffru benefiċċji b’xejn. Dik il-protezzjoni hija ġġustifikata minħabba l-importanza tal-funzjoni tal-formazzjoni ta’ opinjoni li għandhom il-mezzi tal-midja f’soċjetà demokratika. Il-Gvern Awstrijak kien diġà qajjem dan l-argument fil-kawża C‑368/95, Familiapress (29) li kienet tirrigwarda l-kompatibbiltà ta’ dik il-projbizzjoni mal-moviment liberu tal-merkanzija u l-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma kienet ikkontestat li huwa għan leġittimu tal-leġiżlatur, li fil-prinċipju huwa ta’ tali natura li jiġġustifika limitazzjoni ta’ dik il-libertà fundamentali.

50.      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li hemm diverġenza fl-evalwazzjonijiet tal-importanza rispettiva tad-diversi drittijiet protetti mill-UWG.

51.      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, l-Artikolu 9(1)(1) tal-UWG probabbilment ma kienx intiż mil-leġiżlatur prinċipalment bil-għan tal-protezzjoni tal-konsumatur, iżda sabiex jiġu żgurati “ta’ mill-inqas ugwalment” kemm il-protezzjoni tal-konsumatur kif ukoll iż-żamma ta’ kompetizzjoni effikaċi (30). Dan, min-naħa l-oħra, huwa kkontestat espliċitament mill-Gvern Awstrijak li jsostni li l-projbizzjoni tal-offerti konġunti kienet “fl-ewwel lok” intiża biex tipproteġi l-kompetizzjoni fis-settur tal-midja (31), iżda li ma jippreżentax provi konvinċenti insostenn ta’ dan l-argument, b’mod partikolari peress li fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-offerta konġunta ta’ perjodiku ma’ logħba/kompetizzjoni bi premju, huwa f’diversi okkażjonijiet iwissi dwar ir-riskju li tiġi eżerċitata influwenza illeġittima fuq il-konsumatur billi jiġi sfruttat il-vizzju tiegħu tal-logħob (32). Fil-fehma tiegħi, mhemm kważi ebda riskju li t-tħassib li jesprimi l-Gvern Awstrijak huwa marbut qabel kollox mal-ħarsien tal-konsumatur.

52.      Fid-dawl ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet diverġenti dwar l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, għadhom isiru l-osservazzjonijiet segwenti.

53.      Minn naħa waħda, għandu jiġi mfakkar li l-proċedura skont l-Artikolu 234 KE hija bbażata fuq kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li fil-kuntest tagħha ma huwiex fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju hijiex korretta (33). Effettivament, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati Komunitarji u nazzjonali, il-kuntest fattwali u regolatorju li fih issir id-domanda preliminari, kif iddefinit fid-deċiżjoni ta’ rinviju (34).

54.      Min-naħa l-oħra, din l-evalwazzjoni differenti dwar il-merti fl-aħħar mill-aħħar ma hijiex importanti, għaliex fi kwalunkwe każ, ħadd ma jikkontesta li d-dispożizzjoni tal-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG ma għandhiex l-għan li tipprojbixxi l-prattiki kummerċjali żleali li, fis-sens tal-premessa 6 tad-Direttiva 2005/29, jippreġudikaw biss l-interessi ekonomiċi tal-kompetituri jew li jirrigwardaw tranżazzjoni bejn kummerċjanti. Għall-kuntrarju, huwa mifhum li, meta jitqies l-għan tal-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG, dan jipprojbixxi l-prattiki kummerċjali żleali li dejjem jipproduċu l-effetti tagħhom fil-qasam tal-B2B. Għaldaqstant, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG ukoll tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u ma huwiex wisq rilevanti f’dan ir-rigward jekk dik il-projbizzjoni tal-offerti konġunti tirrigwardax fl-ewwel lok il-protezzjoni ta’ dritt partikolari, l-interessi tal-konsumaturi, tal-kompetituri jew tal-pubbliku, pereżempju ż-żamma tal-pluraliżmu tal-midja. Din hija r-raġuni għalfejn, minn perspettiva ġuridika, ma huwiex wisq rilevanti jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni ssegwix barra minn hekk l-għan li jinżamm il-pluraliżmu tal-midja, u sa liema grad.

ii)    Eżami tad-dispożizzjonijiet u tal-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti.

55.      Waqt li nikkunsidra l-ħtieġa li tingħata risposta utli għad-domandi tal-qorti tar-rinviju (35), u biex nissodisfa l-obbligu li għandhom l-avukati ġenerali skont l-Artikolu 222 KE, li jippreżentaw konklużjonijiet b’mod għalkollox imparzjali u indipendenti (36), nosserva għal kull bon fini li eżami tal-miżuri inkwistjoni, inkluż tal-ħidmiet preparatorji tal-UWG, juri li l-leġiżlatur Awstrijak mingħajr dubju kien ikkonċernat kemm mill-ħarsien tal-konsumatur kif ukoll mill-protezzjoni tal-kompetituri. B’hekk, mill-ispjegazzjonijiet tal-proposta ta’ UWG-Novelle 2007 tal-gvern (37) jirriżulta li, essenzjalment, l-UWG ma tirregolax il-qasam tal-B2B b’mod differenti minn dak tal-B2C, għaliex, għal-leġiżlatur Awstrijak, “ma huwiex possibbli li wieħed jissepara” il-protezzjoni tal-kompetituri u l-ħarsien tal-konsumatur.

56.      Dan jikkorrispondi mal-opinjoni dominanti fid-duttrina li tikkunsidra, b’mod partikolari minħabba dan, li l-UWG tipproteġi kemm l-interessi tal-konsumaturi kif ukoll dawk tal-kompetituri u tal-pubbliku u titkellem dwar “għan triplu ta’ protezzjoni” (38). L-istess jgħodd għad-dispożizzjoni tal-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG, li tinsab inkwistjoni f’din il-kawża, li n-natura tagħha ta’ protezzjoni għall-konsumaturi ma hijiex ikkontestata mid-duttrina ġuridika (39).

57.      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, anki skont il-ġurisprudenza tal-Oberster Gerichtshof (40), li xi kultant tirreferi għall-opinjonijiet sostnuti mid-duttrina, l-għan tal-projbizzjoni tar-premji previst fl-Artikolu 9a(1) tal-UWG, jinsab b’mod speċjali fil-ħarsien tal-konsumatur. Hija tikkunsidra li l-ġudizzju tal-konsumaturi ma għandux ikun imfixkel bil-vizzju tal-logħob u mill-kilba għar-rebħ (pereżempju billi jingħataw il-possibbiltà li jipparteċipaw f’logħba-kompetizzjoni bi premju).

58.      Għaldaqstant, anki wara eżami tad-dispożizzjonijiet u l-ġurisprudenza Awstrijaki rilevanti, għandu jiġi kkunsidrat li l-projbizzjoni tar-premji prevista fl-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG hija intiża, ta’ mill-inqas sa l-istess grad, biex tipproteġi lill-konsumaturi.

c)      Konklużjoni

59.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nasal għall-konklużjoni li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29. Għaldaqstant, għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-preskrizzjonijiet tad-Direttiva (41).

3.      L-eżami tal-istrutturi taż-żewġ testi

a)      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29

60.      Biex jiġi kkonstatat jekk id-Direttiva 2005/29 topponix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħall-Artikolu 9a(1) tal-UWG, huwa neċessarju li jiġu eżaminati ż-żewġ testi mill-perspettiva tal-istruttura u l-għan regolatorju tagħhom sabiex jiġu mqabbla.

i)      L-għan ta’ armonizzazzjoni sħiħa u massima tal-liġijiet nazzjonali

61.      Kif indikajt fil-bidu (42), id-Direttiva 2005/29 timmira lejn armonizzazzjoni sħiħa tal-liġijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-prattiki kummerċjali żleali. Barra minn hekk, b’differenza mill-istrutturi ġuridiċi settorjali ta’ armonizzazzjoni tad-dritt dwar il-ħarsien tal-konsumatur adottati s’issa, din ma timmirax lejn armonizzazzjoni minima iżda armonizzazzjoni massima tal-liġijiet nazzjonali li, ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet, tippojbixxi lill-Istati Membri li jżommu jew jadottaw miżuri iktar restrittivi minn dawk iddefiniti mid-Direttiva, ukoll għall-fini li jiġi żgurat grad ogħla ta’ ħarsien tal-konsumatur (43). Dan jirriżulta fiż-żewġ każijiet kemm mill-preambolu kif ukoll mid-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttiva.

62.      Minn naħa waħda, dan jirriżulta mill-premessa 11 tad-Direttiva 2005/29 li tindika li l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali milħuqa permezz ta’ din id-Direttiva toħloq livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur. Min-naħa l-oħra, il-premessa 12 tagħha tindika li l-konsumaturi u l-kummerċjanti b’hekk jistgħu jserrħu fuq qafas regolatorju wieħed ibbażat fuq kunċetti legali definiti b’mod ċar li jirregolaw l-aspetti kollha ta’ prattiki kummerċjali żleali fl-Unjoni Ewropea. Isir ukoll riferiment għall-metodu ta’ approssimazzjoni tal-liġijiet fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/29, li jistabbilixxi li l-għan ta’ din tal-aħħar huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur.

63.      L-għan ta’ regolamentazzjoni kompleta u massima f’livell Komunitarju fil-qasam li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29, min-naħa l-oħra, mill-premessi 14 u 15 jirriżulta b’mod ċar li jsemmu espliċitament armonizzazzjoni sħiħa. Barra minn hekk, dan jirriżulta mill-klawżola dwar is-suq intern fl-Artikolu 4 li tipprevedi li l-Istati Membri la għandhom irażżnu l-libertà tal-provvista tas-servizzi u lanqas għandhom irażżnu l-moviment liberu ta’ merkanzija għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam li fih id-Direttiva tapprossima d-dispożizzjoni fis-seħħ.

64.      Bħala eċċezzjoni, l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva jipprevedi li matul perjodu ta’ sitt xhur li jibda jiddekorri mit-12 ta’ Ġunju 2007, l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jkomplu japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali approssimati minn din id-direttiva, li jkunu iktar restrittivi jew rigorużi mid-Direttiva. Madankollu, din l-eċċezzjoni hija llimitata għad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati biex jimplementaw direttivi inklużi klawżoli ta’ armonizzazzjoni minima (44). Finalment, eċċezzjoni oħra għall-armonizzazzjoni sħiħa tinsab fl-Artikolu 3(9), li tirrigwarda s-servizzi finanzjarji fis-sens tad-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 98/7/KE u 98/27/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 321) u l-beni immobbli.

ii)    L-istruttura regolatorja tad-Direttiva 2005/29

65.      Il-qofol tad-Direttiva 2005/29 jinsab fil-klawżola ġenerali tal-Artikolu 5(1) li tipprojbixxi l-prattiki kummerċjali żleali. It-tifsira ta’ “żleali” hija ppreċiżata fl-Artikolu 5(2). Skont dik id-dispożizzjoni, prattika kummerċjali hija żleali meta, minn naħa waħda, tkun kuntrarja għar-rekwiżiti tad-“diliġenza professjonali”, u, min-naħa l-oħra, tkun tista’ “toħloq distorsjoni sostanzjali” fl-imġiba ekonomika tal-konsumatur. Skont il-paragrafu 4, b’mod partikolari, huma żleali l-prattiki kummerċjali li jqarrqu (Artikoli 6 u 7) jew li jkunu aggressivi (Artikoli 8 u 9). Il-paragrafu 5 jirreferi għall-Anness I li jelenka l-prattiki kummerċjali li “f’kull ċirkustanza jitqiesu bħala żleali”. Din il-lista unika tapplika fl-Istati Membri kollha u tista’ tiġi mmodifikata biss jekk tiġi emendata d-Direttiva.

66.      Minn dan jirriżulta li, meta japplikaw id-dritt, il-qrati u l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali għandhom fl-ewwel lok jirreferu għal-lista ta’ 31 prattika kummerċjali żleali tal-Anness I. Meta prattika kummerċjali tkun tista’ tiġi relatata ma’ waħda minnhom, ma jkunx meħtieġ li jsir eżami iktar fil-fond, pereżempju tal-konsegwenzi. Meta l-fatti tal-każ inkwistjoni ma jkunux jikkorrispondu ma’ waħda mill-prattiki tal-lista, ikun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk jikkorrispondux ma’ wieħed mill-eżempji ġenerali msemmija fil-klawżola ġenerali, il-prattiċi qarrieqa jew aggressivi. Jekk, u biss jekk, dan ma jkunx il-każ, tapplika l-klawżola ġenerali tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2005/29 (45).

b)      Id-dispożizzjonijiet tal-UWG

67.      Skont ġurisprudenza stabbilita, kull Stat Membru li lilu tkun indirizzata direttiva għandu l-obbligu li jadotta, fis-sistema ġuridika nazzjonali tiegħu, il-miżuri kollha meħtieġa bil-għan li jiġi żgurat l-effett sħiħ tad-direttiva, b’mod konformi mal-għan li hija ssegwi (46). Minn dan jirriżulta l-obbligu tal-leġiżlatur nazzjonali li jittrasponi kif suppost id-direttiva inkwistjoni fid-dritt nazzjonali (47). Madankollu, it-test tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 249 iħalli fid-diskrezzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali l-forma u l-mezzi. Il-leġiżlatur nazzjonali, b’mod partikolari, għandu dik il-libertà ta’ għażla.

68.      Din hija r-raġuni għalfejn il-ġurisprudenza tirrikonoxxi li t-traspożizzjoni ta’ direttiva fid-dritt intern ma teħtiġx neċessarjament ir-riproduzzjoni formali u testwali tad-dispożizzjonijiet tagħha f’dispożizzjoni legali espressa u speċifika (48). Effettivament, l-importanti hu li t-testi ta’ traspożizzjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ċertezza ġuridika sabiex l-għan segwit mid-direttiva jitwettaq bis-sħiħ meta jiġi applikat id-dritt nazzjonali mill-qrati u l-awtoritajiet tal-Istat Membru inkwistjoni (49).

i)      Preżentazzjoni tal-istruttura regolatorja tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG

69.      Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG jipprojbixxi lill-impriżi li jirriklamaw lill-konsumaturi benefiċċji b’xejn assoċjati ma’ prodotti jew servizzi. Jekk il-prodott prinċipali jkun perjodiku (gazzetta, rivista), il-projbizzjoni testendi wkoll għas-sempliċi fatt li jiġu proposti u mogħtija premji. Skont il-ġurisprudenza tal-Obergerichtshof (50), premju jfisser, b’mod partikolari, il-possibbiltà, marbuta max-xiri ta’ prodott prinċipali, li wieħed jieħu sehem f’logħba-kompetizzjoni bi premju.

70.      Madankollu, kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju (51), il-ġurisprudenza tagħti interpretazzjoni restrittiva lil dik id-dispożizzjoni, b’mod illi mhux il-bejgħ kollu bi premji huwa illeċitu. B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Oberster Gerichtshof, l-applikazzjoni tal-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG tippresupponi li l-imġiba inkwistjoni tkun, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, (a) oġġettivament ta’ natura li tinfluwenza lill-konsumatur fid-deċiżjoni tiegħu biex jakkwista l-prodott prinċipali (servizz prinċipali) (52) u li b’hekk (b) tkun tista’ twassal għal spostament sinjifikattiv tad-domanda (53). Din hija r-raġuni għalfejn sa ċertu grad diġà huwa nieqes l-element kostituttiv previst f’dik id-dispożizzjoni, għaliex il-“premju” illeċitu fis-sens tal-paragrafu 1, huwa nieqes meta l-kundizzjonijiet elaborati mill-ġurisprudenza ma jkunux sodisfatti (54).

71.      Minkejja din l-interpretazzjoni restrittiva mogħtija mill-ġurisprudenza Awstrijaka, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjoni inkwistjoni tal-Artikolu 9a tal-UWG hija bbażata fuq prinċipju ta’ regola-eċċezzjoni inkwantu l-paragrafu 1 jipprojbixxi li jiġu assoċjati żewġ prodotti jew servizzi differenti bil-għan ta’ promozzjoni tal-bejgħ, ħlief meta jkunu applikabbli l-eċċezzjonijiet indikati fil-paragrafu 2. Fi kliem ieħor, dik id-dispożizzjoni tipprojbixxi li jiġu marbuta flimkien prodotti jew servizzi differenti għall-finijiet ta’ promozzjoni tal-bejgħ u b’hekk tinftiehem bħala projbizzjoni fil-prinċipju ta’ offerti konġunti li madankollu tippermetti eċċezzjonijiet f’ċerti każijiet (55).

4.      Il-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni inkwistjoni mad-Direttiva 2005/29

72.      Barra minn hekk, għandha tiġi studjata l-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni mad-Direttiva 2005/29 billi tiġi eżaminata, fl-ewwel lok, l-istruttura tal-imsemmija dispożizzjoni. Jekk dan iwassal biex tiġi kkonstatata l-inkompatibbiltà tad-dritt nazzjonali, kif jirriżulta mit-test tal-liġi, sussegwentement għandu jiġi eżaminat jekk dik id-dispożizzjoni tistax minkejja kollox titqies bħala konformi mad-direttiva abbażi tal-interpretazzjoni restrittiva tal-Oberster Gerichtshof.

a)      Id-dritt miktub nazzjonali

i)      Inverżjoni tas-sistema regolatorja

73.      Rigward jekk id-dispożizzjoni inkwistjoni hijiex kompatibbli mad-Direttiva 2005/29, għandu jiġi kkonstatat li l-projbizzjoni ta’ offerti konġunti, li hija inkwistjoni f’din il-kawża, prevista fl-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG tikkostitwixxi dispożizzjoni partikolari fi ħdan l-UWG li, għall-mument, ma għandhiex dispożizzjoni korrispondenti fid-Direttiva 2005/29. L-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG jipprevedi projbizzjoni fil-prinċipju tal-offerti konġunti li ma hijiex prevista fid-Direttiva nfisha.

74.      Barra minn hekk, id-dispożizzjoni nazzjonali tippreżenta struttura regolatorja differenti mid-Direttiva 2005/29, minħabba l-prinċipju ta’ regola-eċċezzjonali li fuqha hija bbażata. Hija fuq kollox din l-inverżjoni tas-sistema regolatorja li tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà mal-imsemmija direttiva, inkwantu ma hijiex daqstant il-konfigurazzjoni formali tad-dispożizzjoni li tinsab inkwistjoni, peress li l-leġiżlatur nazzjonali għandu ċerta marġni ta’ manuvrar meta jittrasponi direttiva, iżda l-kontenut regolatorju tagħha. Din tal-aħħar ma tikkorrispondix ma’ dik tad-Direttiva 2005/29. Effettivament, kif diġà spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda C-261/07 (VTB-VAB) u C-299/07 (Galatea), id-Direttiva 2005/29 issegwi konfigurazzjoni li tiffavorixxi l-libertà ta’ intraprenditorija tal-operaturi li, essenzjalment, tikkorrispondi mal-prinċipju tad-dritt “in dubio pro libertate” (56). Din hija r-raġuni għalfejn id-Direttiva tikkunsidra, għall-kuntrarju tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG, li prattiki kummerċjali huma leċiti kemm-il darba l-kundizzjonijiet, definiti sew, ta’ projbizzjoni ma jkunux sodisfatti (57).

75.      Din il-konfigurazzjoni liberali tikkorrispondi ma’ preokkupazzjoni regolatorja preċiża li jiġi żgurat li jintlaħaq l-għan tal-leġiżlatur Komunitarju stabbilit fil-premessi 4 u 5, kif ukoll fl-Artikolu 1 tad-Direttiva, jiġifieri, bis-saħħa ta’ regoli komuni fil-livell Komunitarju, li jitneħħew l-ostakli għall-moviment liberu tas-servizzi u l-merkanzija jew il-libertà ta’ stabbiliment li jirriżultaw minn għadd kbir ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-prattiki kummerċjali żleali, u dan, sal-grad meħtieġ għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u biex jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur (58).

ii)    Insuffiċjenza tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 9a(2) tal-UWG

76.      Barra minn hekk, eċċezzjonijiet għal projbizzjonijiet fil-prinċipju, bħal dik prevista fl-Artikolu 9a(2) tal-UWG, ma humiex ta’ tali natura li jkopru l-każijiet kollha li fihom prattika għandha titqies li hija leċita abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29, għaliex dawn ma jippermettux lill-qrati u lill-awtoritajiet nazzjonali li jipproċedu għal evalwazzjoni każ b’każ (59). Dan ġie kkonfermat ukoll mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza VTB-VAB u Galatea (60).

77.      Peress li l-offerti konġunti ma jiffurmawx parti mill-prattiki kummerċjali msemmija fl-Anness I li jitqiesu bħala żleali f’kull ċirkustanza, dawn ma jistgħux fil-prinċipju jiġi pprojbiti ħlief jekk jikkostitwixxu prattiċi żleali, pereżempju peress li jkunu qarrieqa jew aggressivi fis-sens tad-Direttiva 2005/29. Barra minn hekk, skont id-Direttiva, projbizzjoni hija prevedibbli biss meta prattika kummerċjali jkollha titqies bħala żleali minħabba li tkun tmur kontra r-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali jew peress li tkun tbiddel, jew tkun tista’ tbiddel, b’mod sostanzjali l-imġiba ekonomika tal-konsumatur medju fir-rigward tal-prodott.

78.      Huwa impossibbli li jiġi kkonstatat darba għal dejjem jekk dan jgħoddx ukoll għall-offerti konġunti – effettivament, jeħtieġ li ssir evalwazzjoni każ b’każ tal-prattiki kummerċjali. Dan jirriżulta b’mod ċar mill-premessa 7 tad-Direttiva, li tgħid li meta tiġi applikata d-Direttiva 2005/29, b’mod partikolari minn klawżoli ġenerali, għandhom jiġu kkunsidrati sew iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ. It-termini “b’mod partikolari” juru wkoll li l-evalwazzjoni każ b’każ ma hijiex limitata għall-applikazzjoni tal-klawżola ġenerali tal-Artikolu 5(1) iżda testendi għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva, li jippreċiżawha. Il-premessa 17 turi li l-leġiżlatur Komunitarju wkoll huwa tal-fehma li huwa neċessarju li ssir evalwazzjoni każ b’każ fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva meta prattika kummerċjali ma tkunx tagħmel parti mill-prattiċi msemmija fl-Anness I. Dan jirriżulta minn interpretazzjoni a contrario tat-tielet sentenza tal-premessa 17 li effettivament tindika li l-prattiki kummerċjali msemmija fl-Anness I huma l-uniċi li jistgħu jitqiesu bħala żleali “mingħajr l-eżami ta’ kull każ għalih fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 sa 9”.

iii) Konklużjoni proviżorja

79.      Skont dak li jirriżulta mit-test tal-liġi, id-dispożizzjoni inkwistjoni ma hijiex kompatibbli mad-Direttiva 2005/29.

b)      Il-possibbiltà li tingħata interpretazzjoni konformi mad-Direttiva 2005/29

80.      Kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Plus (61), biex jiġi stabbilit jekk dispożizzjoni nazzjonali tmurx kontra d-dritt Komunitarju, wieħed ma għandux jibbaża biss fiq it-test tagħha, iżda għandu jiġi kkunsidrat ukoll il-mod kif hija interpretata mill-qrati nazzjonali (62). Minħabba l-fatt li tirrifletti l-interpretazzjoni tal-liġi imponibbli fuq iċ-ċittadini kollha, il-ġurisprudenza ta’ Stat Membru tikkostitwixxi kriterju indispensabbli biex tiġi evalwata l-konformità mad-dritt Komunitarju tat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali u tal-interpretazzjoni tiegħu (63).

81.      Din hija r-raġuni għalfejn l-interpretazzjoni restrittiva mogħtija mill-Oberster Gerichtshof, bħala regola ġenerali, għall-projbizzjoni fil-prinċipju tal-offerti konġunti tista’ timmilita favur il-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni mad-Direttiva 2005/29. Ma jistax jiġi eskluż li billi jagħti interpretazzjoni li tirrestrinġi tali projbizzjoni, il-qorti nazzjonali ddagħjjifha b’tali mod li fl-aħħar mill-aħħar iġġibha kompatibbli mad-Direttiva. Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, qorti nazzjonali hija obbligata li tinterpreta d-dritt nazzjonali, kemm jekk ikunu dispożizzjonijiet li daħlu fis-seħħ qabel jew wara d-Direttiva, fid-dawl tat-test u l-għan tad-Direttiva (64) biex jintlaħaq ir-riżultat intiż tagħha u b’hekk tinkiseb konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 249 KE, skont liema huwa fil-kompetenza tal-qorti nazzjonali biex tagħti dik l-interpretazzjoni, sal-punt li tkun mogħtija marġni ta’ diskrezzjoni mid-dritt nazzjonali tagħha, b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju (65). Dan jinkludi l-possibbiltà ta’ interpretazzjoni restrittiva, konformi mad-dritt Komunitarju, tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni jew ta’ żvilupp fil-ġurisprudenza, sa fejn il-qrati nazzjonali jkollhom is-setgħa biex jagħmlu dan (66).

82.      Madankollu, l-interpretazzjoni restrittiva mogħtija mill-Oberster Gerichtshof għandha twassal għal qbil mill-qrib bejn il-kontenut regolatorju tal-Artikolu 9a(1) (1) tal-UWG u dak tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29.

i)      Eżami fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29

83.      Għandu jiġi eżaminat iktar ’il quddiem jekk il-projbizzjoni tal-offerti konġunti inkwistjoni f’din il-kawża, kif interpretata restrittivament mill-ġurisprudenza Awstrijaka, tistax titqies bħala kompatibbli mad-Direttiva 2005/29. F’dan ir-rigward, għandha tiġi segwita l-iskema ta’ eżami deskritta fil-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

–       L-Artikolu 5(4) u (5) tad-Direttiva 2005/29

Il-lista ta’ prattiċi żleali tal-Anness I tad-Direttiva

84.      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-prattika kummerċjali pprojbita mill-Artikolu 9a(1) tal-UWG, ma tikkorrispondi ma ebda wieħed mill-każijiet ta’ prattiki kummerċjali żleali msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2005/29. B’mod partikolari ma huwiex applikabbli l-każ deskritt fil-punt 16 li jikkonsisti fl-affermazzjoni li prodott iżid il-possibiltajiet li wieħed jirbaħ fil-logħob tal-ażżard. Dan jikkonċerna forma partikolari ta’ pubbliċità (67), u mhux l-użu ta’ offerti konġunti per se (68). Barra minn hekk, il-konvenuta lanqas ma tallega li x-xiri ta’ merkanzija huwa biżżejjed biex jiggarantixxi l-possibbiltà ta’ rebħ. Hija toffri sempliċement il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni f’logħba-kompetizzjoni bi premju li fi kwalunkwe każ hija aċċessibbli għal kulħadd fuq l-Internet, iżda mingħajr ma twiegħed lix-xerrej li l-possibiltajiet tiegħu li jirbaħ ser ikunu akbar. B’hekk, il-konsumatur li jkun jixtieq jipparteċipa fl-għażla ta’ “futboler tas-sena” mhux neċessarjament irid jixtri l-gazzetta inkwistjoni, iżda jista’ jagħżel fost diversi modi ta’ parteċipazzjoni. Ma huwiex issuġġerit li l-possibiltajiet tiegħu li jirbaħ ser ikunu inqas minn dawk ta’ parteċipanti oħrajn jekk jipparteċipa b’mod ieħor apparti mix-xiri tal-gazzetta inkwistjoni u dan lanqas ma jirriżulta minn eżami oġġettiv.

–        Prattiki kummerċjali qarrieqa u aggressivi fis-sens tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2005/29

85.      Wieħed għandu jsaqsi jekk il-prattika kummerċjali pprojbita mill-Artikolu 9a(1) tal-UWG tistax tiġi kkwalifikata bħala qarrieqa jew aggressiva fis-sens tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva. Dan huwa affermat mill-Gvern Awstrijak li jara wkoll fid-dispożizzjoni inkwistjoni traspożizzjoni tal-Artikolu 6(1)(d) jew tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva (69).

–        Prattiki kummerċjali qarrieqa fis-sens tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2005/29

86.      Kif turi interpretazzjoni tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva, il-prattiki kummerċjali qarrieqa huma kkaratterizzati qabel kollox minn element ta’ qerq fir-rigward tal-karatteristiċi essenzjali ta’ prodott. Skont l-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva, il-prezz huwa wkoll parti mill-karatteristiċi essenzjali ta’ prodott.

87.      Fis-sentenza Oosthoek’s Uitgeversmaatschappij (70), li l-Gvern Awstrijak jinvoka fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-projbizzjoni ta’ premji fil-Pajjiżi l-Baxxi mal-moviment liberu tal-merkanzija, li “l-għoti ta’ premji bħala mezz għall-promozzjoni tal-bejgħ tista’ twassal biex il-konsumaturi jieħdu żball dwar il-prezzijiet reali tal-prodotti u toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni bbażata fuq il-kompetittività” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Qorti tal-Ġustizzja minn dan iddeduċiet li “leġiżlazzjoni li, għal dik ir-raġuni, tirrestrinġi jew saħansitra tipprojbixxi tali prattiki kummerċjali b’hekk hija ta’ tali natura li tikkontribwixxi għall-ħarsien tal-konsumatur u għal-lealtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

88.      Dawn il-konstatazzjonijiet, li ġew stabbiliti żmien twil qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2005/29, jibqgħu attwali peress li, jekk wieħed jifhem korrettament is-silta ċċitata mis-sentenza, dawn jagħmlu riferiment għar-riskju astratt li jirrappreżentaw l-offerti konġunti, li jistgħu jfixklu l-kapaċità li wieħed jagħraf b’mod suffiċjenti l-valur tad-diversi prodotti. Dan huwa indikat mill-użu tal-verb “tista’” fl-ewwel sentenza. Din hija r-raġuni għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat impliċitament li kien neċessarju li ssir interpretazzjoni każ b’każ, kif jeħtieġ il-leġiżlatur Komunitarju fid-Direttiva 2005/29.

89.      Barra minn hekk, mill-imsemmija sentenza jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet esklużivament dwar il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-projbizzjoni inkwistjoni tar-premji fil-Pajjiżi l-Baxxi mal-moviment liberu tal-merkanzija waqt li kkunsidrat l-organizzazzjoni legali partikolari tagħha. Għaldaqstant, il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux jiġu trasposti tale quale għal din il-kawża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument li kull għoti ta’ premji, issir kif issir, hija potenzjalment qarrieqa, huwa infondat.

90.      Konsegwentement, id-dispożizzjoni inkwistjoni, kif interpretata restrittivament mill-ġurisprudenza Awstrijaka, ma tistax titqies bħala konformi mal-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva 2005/29.

–        Prattiki kummerċjali agressivi fis-sens tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/29

91.      L-offerti konġunti lanqas ma jistgħu jiġu kklassifikati b’mod ġenerali fil-kategorija ta’ prattiki kummerċjali aggressivi, għaliex l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/29 jeħtieġ għal dan il-għan tfixkil konsiderevoli fil-libertà tal-għażla jew l-imġiba tal-konsumatur medju fir-rigward tal-prodott, permezz ta’ fastidju, ġegħil jew l-użu ta’ forza fiżika.

92.      Dan l-element ma huwiex karatteristika tal-offerti konġunti u ma jeżistix f’din il-kawża. Għaldaqstant, minkejja interpretazzjoni restrittiva, id-dispożizzjoni ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 8 tad-Direttiva.

–       L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29

93.      Barra minn hekk, skont id-Direttiva, jista’ jkun hemm projbizzjoni biss meta prattika kummerċjali jkollha titqies bħala żleali peress li tmur kontra r-rekwiżiti ta’ diliġenza professjonali u tbiddel jew tkun tista’ tbiddel b’mod sostanzjali l-imġiba ekonomika tal-konsumatur medju fir-rigward tal-prodott. Għal din ir-raġuni jeħtieġ li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2)(a) u (b) ikunu sodisfatti (71).

94.      L-eżami tal-kompatibbiltà tal-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29 jsir f’żewġ stadji. Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk, meta titqies l-interpretazzjoni restrittiva diġà msemmija, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG tissuġġettax projbizzjoni għall-istess kundizzjonijiet bħad-Direttiva 2005/29. Jekk dan ikun il-każ, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk taħt dik id-dispożizzjoni nazzjonali jaqgħux biss il-prattiċi li għandhom jitqiesu bħala żleali fis-sens tal-Artikolu 5(2).

Kapaċità li tinbidel b’mod sostanzjali l-imġiba tal-konsumatur medju

–        Konkordanza tal-kundizzjonijiet stipulati

95.      Fi kwalunkwe każ teżisti konkordanza sostanzjali mill-qrib bejn id-dispożizzjoni inkwistjoni u d-Direttiva 2005/29 fir-rigward tal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 5(2)(b), peress li, skont l-interpretazzjoni restrittiva tal-qrati Awstrijaki, sabiex premju jkun illeċitu fis-sens tal-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG, l-avviż, l-offerta jew l-għoti tiegħu għandhom “oġġettivament ikunu jistgħu jinkluwenzaw l-imġieba tal-konsumaturi mmirati”. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju stess issemmi l-possibbiltà li dak ir-rekwiżit żviluppat mill-ġurisprudenza Awstrijaka jiġi interpretat fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) (72). Ma għandux ikun hemm oġġezzjonijiet għal dan jekk dan ir-rekwiżit tad-dritt nazzjonali, li essenzjalment huwa fformulat b’mod identifiku, jingħata l-istess tifsira bħala fid-dritt Komunitarju.

–        Konkordanza tal-kamp ta’ applikazzjoni

96.      Effettivament, skont id-definizzjoni legali li tinsab fl-Artikolu 2(e), “il-ħolqien ta’ distorsjoni sostanzjali fl-imġiba ekonomika ta’ konsumaturi” għall-finijiet tal-imsemmija dispożizzjoni tfisser “l-użu ta’ prattika kummerċjali sabiex tiġi mfixkla b’mod apprezzabbli l-kapaċità tal-konsumatur li jagħmel deċiżjoni informata, jew imġiegħel jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra”. Id-dritt protett minn din id-dispożizzjoni hija l-libertà tal-għażla tal-konsumatur (73).

97.      Għalkemm id-domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju tikkonċerna b’mod ġenerali l-kompatibbiltà tal-Artikolu 9a(1)(1) mad-Direttiva 2005/29, din hija determinanti biex tiġi deċiża l-kwistjoni fil-kawża prinċipali mhux fir-rigward tal-każijiet kollha koperti (pubblikazzjonijiet prejodiċi u premji) iżda biss l-offerti konġunti ma’ pubblikazzjonijiet perjodiċi u logħob bi premju. Fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-partijiet ukoll jirreferu l-iktar għal din il-forma ferm partikolari ta’ offerti konġunti, li madankollu toħloq problemi mill-perspettiva tal-ħarsien tal-konsumatur. Din hija r-raġuni għalfejn iktar ’il quddiem ser neżamina biss l-effetti ta’ din il-prattika kummerċjali fuq l-aġir tal-konsumatur.

98.      Il-Gvern Awstrijak jikkunsidra li l-kundizzjoni msemmija qabel hija sodisfatta fir-rigward tal-offerti konġunti ta’ prodotti u ta’ logħob bi premju (74). Huwa jispjega li, fil-każ ta’ perjodiku li l-prezz unitarju tiegħu jkun relattivament baxx, bħal f’dan il-każ, il-konsumatur jiddeċiedi li jixtri l-prodott prinċipali għal raġunijiet estraneji minnu, minħabba l-opportunitajiet ta’ rebħ. F’dan il-każ, il-perspettiva ta’ parteċipazzjoni b’xejn f’logħba-kompetizzjoni li tagħti l-opportunità ta’ rebħ ta’ premju b’valur sproporzjonat tista’ ġustament tbiddel b’mod sostanzjali l-imġiba tal-konsumatur fis-settur tal-midja.

99.      Il-Gvern Awstrijak għandu raġun meta jafferma li l-użu ta’ logħob-kompetizzjonijiet bi premju għal finijiet pubbliċitarji għandu tendenza li jqanqal il-leblieba għal-logħob li tinsab fin-natura tal-bniedem. Kif diġà semmejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Plus (75), huwa b’mod partikolari minħabba l-perspettiva ta’ rebħ, li jista’ jkun kbir ħafna, li dawn il-logħob għandhom ċertu poter ta’ attrazzjoni. Dawn jistgħu jiġbdu l-attenzjoni ta’ klijenti potenzjali u jorjentawhom lejn ċerti għanijiet, fil-kuntest tal-istrateġija pubbliċitarja adottata. B’hekk jidher diffiċli li jiġi miċħud kull valur tal-argument li tali prattika kummerċjali tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tbiddel b’mod sostanzjali l-imġiba tal-konsumatur.

100. Madankollu, huwa dubjuż li tali ġeneralizzazzjoni hija faċilment kompatibbli mar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju. Effettivament, minn naħa waħda, id-Direttiva teħtieġ li l-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali jipproċedu għal eżami fil-fond taċ-ċirkustanzi tal-każ qabel ma jkunu jistgħu jikkonkludu li prattika partikolari hija ta’ natura żleali (76), waqt li min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-analiżi tal-effetti tal-azzjoni pubbliċitarja inkwistjoni, din tibbaża fuq il-perċezzjoni ta’ konsumatur medju jew ta’ membru medju ta’ grupp ta’ konsumaturi.

101. Kif jirriżulta mill-premessa 18, il-kunċett ta’ konsumatur medju użat fid-Direttiva 2005/29 jikkorrispondi eżattament mal-mudell ta’ konsumatur ta’ referenza żviluppat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (77), li huwa “jkun normalment informat u raġjonevolment attent u prudenti”, waqt li jitqiesu fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi. Il-kunċett ta’ konsumatur medju huwa spjegat iktar ’il quddiem fl-aħħar sentenza tal-premessa 18 fejn huwa enfasizzat li dan “mhuwiex eżami statistiku”. Barra minn hekk, huwa indikat li “[i]l-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jeżerċitaw il-fakultà ta’ ġudizzju tagħhom, filwaqt li jittieħed kont tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiddeterminaw ir-reazzjoni tipika tal-konsumatur medju f’każ determinat”.

102. Il-metodu żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja biex teżamina l-effetti ta’ azzjoni pubbliċitarja fuq konsumatur medju huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan jimmira li jistabbilixxi bilanċ raġonevoli bejn, minn naħa waħda, l-għan ta’ ħarsien tal-konsumatur u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jiġi promoss il-moviment liberu tal-merkanzija f’suq intern ikkaratterizzat minn kompetizzjoni ħielsa. Bl-adozzjoni tad-Direttiva 2005/29, il-leġiżlatur Komunitarju issa kkodifika dan il-metodu u, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jafda din il-missjoni ta’ eżami lill-qrati u lill-awtoritajiet nazzjonali. Dan għandu jippermetti li jiġi evitat ir-riskju li prattiki kummerċjali identiċi ma jkunux suġġetti għal evalwazzjonijiet differenti bejn Stat Membru u ieħor u li jiġi żgurat livell ogħla ta’ ħarsien tal-konsumatur (78).

103. Ġuridikament, ir-riferiment għal “konsumatur medju, li huwa infurmat raġonevolment tajjeb u raġonevolment attent u kawt” ifisser li l-kundizzjoni fattwali prevista fl-Artikolu 5(1)(b) għandha tiġi interpretata b’mod suffiċjentement strett sabiex jinżamm bilanċ raġonevoli bejn iż-żewġ għanijiet. Dan ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li kull prattika kummerċjali tissodisfa dik il-kundizzjoni meta tkun sempliċement tista’ tinfluwenza d-deċiżjoni ta’ xiri. Effettivament, id-dritt Komunitarju jikkunsidra li l-konsumatur jinsab f’pożizzjoni li jagħraf il-periklu li jirrappreżentaw ċerti prattiki kummerċjali u li għaldaqstant jaġixxi b’mod razzjonali (79). Dan huwa wkoll koerenti mal-perspettiva leġiżlattiva jekk wieħed ma jridx jikkunsidra li kwalunkwe forma ta’ pubbliċià, li titqies bħala inoffensiva għalkemm xi kultant provokanti, hija żleali u b’hekk jistħoqqilha li tiġi pprojbita (80).

104. Kif tispjega, fil-fehma tiegħi ġustament, il-konvenuta (81), konsumatur medju huwa konxju mill-fatt li r-riklami u l-promozzjonijiet tal-bejgħ f’ekonomija ħielsa tas-suq jimmiraw li jakkwistaw il-klijenti mhux biss bil-prezz u l-kwalità ta’ prodott, iżda wkoll billi jwiegħdu għadd ta’ benefiċċji oħrajn. Dawn jistgħu jkunu ta’ natura emottiva, bħal pereżempju riklami li jqanqlu sens ta’ libertà u indipendenza jew ta’ appartenenza ma’ grupp soċjali partikolari, jew li jagħtu benefiċċju ta’ valur ekonomiku kbir, bħal fil-każ ta’ premji. Din hija r-raġuni għalfejn huwa loġiku, fil-kuntest leġiżlattiv stabbilit mid-dritt Komunitarju, li tali konsumatur normalment informat u raġonevolment attent u prudenti jitħalla jiddeċiedi jekk jixtrix prodott minħabba benefiċċji mwiegħda mir-riklami, il-kwalità tiegħu jew il-prezz baxx tiegħu (82).

105. Il-preżunzjoni, li hija inerenti f’kull leġiżlazzjoni li tistabbilixxi projbizzjoni fil-prinċipju, li kull offerta konġunta ma’ prodott u logħba-kompetizzjoni bi premju hija perikoluża indipendentement mir-riskju reali li tirrappreżenta, kif ukoll mill-karatteristiċi speċifiċi tal-pubbliku li lilu tkun indirizzata, u li b’hekk għandha tkun ipprojbita, b’hekk hija inkompatibbli mal-mudell tal-konsumatur ta’ referenza tad-dritt Komunitarju. Fl-aħħar mill-aħħar, din għandha tiġi perċepita bħala protezzjoniżmu żejjed tal-konsumatur (83). Din tirrestrinġi wkoll b’mod sproporzjonat il-moviment liberu tal-merkanzija u l-forniment liberu tas-servizzi. Effettivament, tali projbizzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jittieħdu f’kunsiderazzjoni kemm l-interessi tal-konsumatur kif ukoll il-moviment liberu tal-merkanzija u l-forniment liberu tas-servizzi.

–        Konklużjoni proviżorja

106. Fil-qosor, għandu jiġi kkonstatat li l-projbizzjoni tal-offerti konġunti prevista fl-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG, kif interpretata restrittivament mill-ġurisprudenza Awstrijaka, hija bbażata fuq kunsiderazzjoni tal-interessi preżenti li ma tikkorrispondix mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2005/29.

107. Għalkemm din il-konklużjoni hija biżżejjed biex tingħata risposta pożittiva għall-ewwel domanda preliminari, fuq bażi sussidjarja, ser neżamina iktar ’il quddiem, b’risposta għall-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju u tal-Gvern Awstrijak, il-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni inkwistjoni mal-kundizzjonijiet l-oħrajn imposti mill-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29.

Ksur tad-diliġenza professjonali

–        Konkordanza tar-rekwiżiti legali

108. Differenza ċara fir-rigward tar-rekwiżiti tad-Direttiva tinsab fil-fatt li d-dispożizzjoni inkwistjoni, anki jekk interpretata restrittivament, tirrinunzja totalment għall-kundizzjoni essenzjali ta’ ksur tad-diliġenza professjonali kif imposta mill-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2005/29.

109. F’dan ir-rigward, il-Gvern Awstrijak isostni li r-rekwiżit ta’ diliġenza professjonali huwa fir-realtà inerenti fid-dispożizzjoni inkwistjoni peress li din tal-aħħar hija intiża biex tipproteġi l-kompetizzjoni kontra r-riskju li jiġi sfruttat il-vizzju tal-logħob tal-konsumaturi. L-osservanza tad-diliġenza professjonali għandha tiġi eżaminata mill-qrati każ b’każ, skont ir-rekwiżiti speċifiċi għal kull professjoni (84). Din l-affermazzjoni għandha tinftiehem fis-sens li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha timplementa fil-prattika dak ir-rekwiżit, anki jekk permezz ta’ interpretazzjoni korrettiva mogħtija mill-qorti kompetenti.

110. Madankollu, dawk l-ispjegazzjonijiet fir-rigward tad-dritt nazzjonali ma humiex konvinċenti. Effettivament, il-qorti tar-rinviju tosserva espliċitament li, b’differenza mill-bidla sostanzjali fl-imġiba tal-konsumatur (85), li diġà ssemmiet, il-qrati Awstrijaki ma jistgħux jivverifikaw jekk l-avviż, l-offerta jew l-għoti ta’ premju humiex ugwalment żleali bħala tali minħabba li jmorru kontra r-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali (86). Din hija r-raġuni għalfejn il-qorti tar-rinviju tiddubita jekk, kif inhi fformulata attwalment, projbizzjoni ġenerali tar-premji hijiex kompatibbli mad-Direttiva 2005/29.

–        Konklużjoni proviżorja

111. B’hekk, l-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jikkonfermaw l-opinjoni tiegħi li l-projbizzjoni tal-offerti konġunti prevista fl-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG lanqas mhi konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva f’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni imposta mill-Artikolu 5(2)(a). Għaldaqstant fid-dispożizzjoni inkwistjoni ma tista’ tiġi kkonstatata ebda konkordanza mar-rekwiżiti legali tal-Artikolu 5(2)(a). Lanqas ma ġiet invokata l-eżistenza ta’ xi rekwiżit ieħor tad-dritt Awstrijak tal-kompetizzjoni żleali li jikkorrispondi approssimattivament mar-rekwiżiti legali tal-Artikolu 5(2)(a).

112. Peress li dan huwa biżżejjed biex jiġi konkluż li d-dispożizzjoni inkwistjoni ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29, ma nara li hemm ebda raġuni biex tkompli tiġi eżaminata fid-dawl ta’ dik id-dispożizzjoni tad-Direttiva.

c)      Konklużjoni

113. Għaldaqstant, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħall-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG, hekk kif hija interpretata, li timponi projbizzjoni fil-prinċipju tal-offerti konġunti mingħajr ma tipprevedi l-possibbiltà li jiġu kkunsidrati b’mod suffiċjenti ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, hija, min-natura tagħha stess, iktar restrittiva u iktar stretta mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29.

114. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG jikkonċerna qasam suġġett għall-armonizzazzjoni sħiħa u li għalih ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva. Barra minn hekk, ebda wieħed mill-parteċipanti fil-proċedura ma sostna li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni taqa’ taħt wieħed mill-oqsma indikati fil-premessa 9 tad-Direttiva (87). L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 3(9) tad-Direttiva b’hekk hija wkoll inapplikabbli.

115. Il-projbizzjoni fil-prinċipju tal-offerti konġunti prevista fl-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG, suġġetta għall-interpretazzjoni restrittiva msemmija preċedentement, fl-aħħar mill-aħħar twassal biex iżżid mal-lista eżawrjenti tal-prattiki kummerċjali pprojbiti tal-Anness I tad-Direttiva, li l-Istati Membri ma għandhomx id-dritt li jagħmlu peress li d-Direttiva twettaq armonizzazzjoni sħiħa u massima (88). Huwa pprojbit li l-Istati Membri unilateralment iżidu ma’ dik il-lista peress li, skont l-Artikolu 5(5), din tista’ tiġi mmodifikata biss permezz ta’ reviżjoni tad-Direttiva nfisha, jiġifieri skont il-proċedura ta’ kodeċiżjoni preskritta mill-Artikolu 251 KE.

116. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nasal għall-konklużjoni li, minkejja interpretazzjoni restrittiva, dispożizzjoni nazzjonali bħal dik tal-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG hija inkompatibbli mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2005/29.

L-irtirar tal-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar il-promozzjoni tal-bejgħ fis-suq intern

117. Parti mill-argument tal-Gvern Awstrijak hija msejsa fuq dispożizzjonijiet differenti tal-proposta tal-Kummissjoni, li finalment ġiet irtirata, għal regolament dwar il-promozzjoni tal-bejgħ fis-suq intern (89). Dawk id-dispożizzjonijiet kienu jirrigwardaw b’mod partikolari l-għoti ta’ benefiċċji b’xejn, ta’ premji jew tal-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni f’konkorsi promozzjonali u f’logħob-kompetizzjonijiet bi premju. Il-Gvern Awstrijak huwa tal-fehma li jista’ jiġi dedott mill-fatt li ġie rtirat dak l-abbozz ta’ regolament dwar il-promozzjoni tal-bejgħ li l-qasam li kien ser ikopri għadu mhu kopert minn ebda leġiżlazzjoni u ma jaqax, pereżempju, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29.

118. Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi VTB-VAB u Galatea (90) u fil-kawża Plus Warenhandelsgesellschaft (91), diġà ppreżentajt osservazzjonijiet iddettaljati dwar il-konsegwenzi tal-irtirar ta’ dik il-proposta tal-Kummissjoni dwar it-trattament ġuridiku tal-offerti konġunti. L-argument, identiku fis-sustanza, tal-gvernijiet tal-Belġju u tal-Ġermanja kien tani dik l-okkażjoni. Kont spjegajt għalfejn, fil-fehma tiegħi, la l-proposta ta’ regolament dwar il-promozzjoni tal-bejgħ fis-suq intern tal-Kummissjoni u lanqas il-proposti ta’ emenda sottomessi fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ma jippermettu li wieħed jasal għal konklużjonijiet dwar interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29.

119. Il-proposta msemmija iktar ’il quddiem, tikkonċerna regolamentazzjoni Komunitarja li finalment qatt ma daħlet fis-seħħ u għaldaqstant, qatt ma saret parti intergrali mis-sistema ġuridika Komunitarja. Huwa b’hekk diffiċli biex din tintuża bħala sors ta’ interpretazzjoni. U dan, a fortiori, meta l-Kummissjoni tirtira dik il-proposta fuq l-inizjattiva tagħha stess, bħal fil-każ taa-abbozz ta’ regolament inkwistjoni. Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha biss dritt ta’ inizjattiva u li hija b’hekk għandha l-possibbiltà li tirtira l-proposti tagħha. Dawn jistgħu barra minn hekk ikunu suġġetti għal għadd ta’ emendi mill-Kunsill u mill-Parlament matul il-proċedura leġiżlattiva, b’hekk illi jistgħu jintużaw bħala mezzi awżiljari ta’ interpretazzjoni biss sa grad limitat (92). Għaldaqstant, il-forma definittiva ta’ tali regolament tista’ tkun biss is-suġġett ta’ suppożizzjonijiet. Din hija r-raġuni għalfejn tali proposta ma tistax tagħti lok għal aspettattiva leġittima.

120. Fi kwalunkwe każ, Stat Membru ma jistax jinvoka aspettattiva leġittima meta kellu sehem importanti fiż-żewġ proċeduri leġiżlattivi. Il-proċeduri leġiżlattivi tar-regolament u tad-Direttiva 2005/29 żvolġew, parzjalment, fl-istess żmien. Il-Gvern Awstrijak, bħala rappreżentant kostituzzjonali ta’ Stat Membru fi ħdan il-Kunsill, kellu sehem importanti fiż-żewġ proċeduri leġiżlattivi, u b’hekk kien informat kostantament dwar l-iżviluppi f’dawn tal-aħħar. B’hekk ma jistax jissottometti validament li ma kienx jaf b’dak li kien għaddej matul iż-żewġ proċeduri leġiżlattivi.

121. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ir-responsabbiltà partikolari tal-gvernijiet tal-Istati Membri rappreżentanti fi ħdan il-Kunsill matul l-implementazzjoni tad-direttivi. Hija ddeduċiet mill-fatt li huma jipparteċipaw fil-ħidmiet preparatorji tad-direttivi li kellhom ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu l-liġijiet neċessarji għall-implementazzjoni tagħhom fiż-żmien stabbilit (93).

122. Għaldaqstant, l-iktar tard sal-mument tal-irtirar tal-proposta tal-Kummissjoni (94), il-Gvern Awstrijak kien imissu, jekk kien il-każ, jivverifika sa liema grad il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2005/29 kien jestendi għal oqsma li sa dak iż-żmien kienu koperti bir-regolament fi stat ta’ abbozz. Kien evidenti li dan kien il-mod kif kellu jipproċedi, b’mod partikolari peress li, skont il-formolazzjoni inizjali tagħha, id-Direttiva kienet intiża, minn naħa waħda, biex tintroduċi dispożizzjonijiet sussidjarji fid-dritt Komunitarju dwar il-ħarsien tal-konsumatur u, min-naħa l-oħra, li tarmonizza kompletament il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-prattiki kummerċjali żleali (95). Inkwantu l-irtirar seħħ f’mument meta t-terminu ta’ skadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva kien għadu qed jiddekorri, kien fir-responsabbiltà tal-leġiżlatur Awstrijak biex jieħu dan f’kunsiderazzjoni matul l-adattament tad-dritt nazzjonali.

123. Finalment, għandu jingħad li, fis-sentenza VTB-VAB u Galatea, il-Qorti tal-Ġustizzja ma aċċettatx l-argument, essenzjalment identiku, tal-Gvern Belġjan, biex b’hekk indikat impliċitament li hija me ssegwix dik il-linja ta’ raġunament. Dan finalment ġie kkonfermat mis-sentenza Plus Warenhandelsgesellschaft (96).

124. Għaldaqstant, dak l-argument għandu jiġi miċħud.

5.      Konklużjonijiet

125. Fil-qosor, għandu jiġi kkonstatat li, fl-ewwel lok, il-fatt li l-istruttura tad-dispożizzjoni nazzjonali, ifformulata bħala projbizzjoni fil-prinċipju, ma tippermettix, fl-istess grad bħad-Direttiva 2005/29, evalwazzjoni każ b’każ tan-natura żleali tal-prattika kummerċjali inkwistjoni, jimmilita favur l-inkompatibbiltà ta’ dik id-dispożizzjoni mar-rekwiżiti tad-Direttiva (97).

126. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tistax titqies bħala traspożizzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2), (4) u (5) tad-Direttiva 2005/29, anki jekk tiġi sottomessa għal interpretazzjoni restrittiva bħal dik tal-ġurisprudenza Awstrijaka. Dan jirriżulta mill-fatt li l-kundizzjonijiet legali applikabbli tad-dispożizzjoni nazzjonali ma jikkorrispondux mal-kundizzjonijiet stipulati mid-Direttiva biex prattika kummerċjali tiġi kkwalifikata bħala żleali jew li huwa impossibbli li jingħataw interpretazzjoni konformi mad-Direttiva.

127. Peress li d-Direttiva 2005/29 tipprekludi projbizzjoni tal-offerti konġunti bħal dik prevista fl-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat kienx hemm ksur eventwali tal-libertajiet fundamentali (98).

128. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29 jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, bl-esklużjoni ta’ eċċezzjonijiet elenkati b’mod eżawrjenti, l-avviż, l-offerta u l-għoti ta’ benefiċċji b’xejn ma’ pubblikazzjonijiet perjodiċi kif ukoll ir-riklamar ta’ benefiċċji b’xejn assoċjati ma’ prodotti jew servizzi oħrajn, mingħajr l-obbligu li tiġi vverifikata każ b’każ in-natura qarrieqa, aggressiva jew żleali ta’ tali prattika kummerċjali, anki meta d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni issegwi mhux biss l-għan ta’ ħarsien tal-konsumatur, iżda wkoll finijiet oħrajn li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-direttiva ċċitata iktar ’il fuq, bħal pereżempju, iż-żamma tal-pluraliżmu tal-istampa jew il-protezzjoni tal-kompetituri l-iktar dgħajfa.

129. Finalment, għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li, b’differenza minn dak li tidher li qed tippresupponi l-qorti tar-rinviju (99), skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (100), fi kwalunkwe każ id-dritt Komunitarju ma jeħtiġx li, f’kawża bejn individwi, il-qrati nazzjonali ma japplikawx id-dritt nazzjonali inkompatibbli ma’ direttiva.

C –    It-tieni domanda preliminari

130. Interpretata raġonevolment, it-tieni domanda preliminari essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkonstata jekk prattika kummerċjali partikolari tistax titqies bħala “żleali” fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29, abbażi ta’ ċerti kundizzjonijiet li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li ġew manifestament sodisfatti. Konkretament, fl-ispjegazzjonijiet tagħha, il-qorti tar-rinviju titlaq mill-ipoteżi li “il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni f’logħba” marbuta max-xiri ta’ gazzetta “tirrappreżenta, ta’ mill-inqas għal parti mill-pubbliku kkonċernat, għalkemm mhux l-uniku motiv, iżda ċertament il-motiv determinanti li jwassalhom sabiex jixtru”. Din il-karatteristika hija rilevanti fl-ewwel lok sabiex jiġi stabbilit jekk, f’din il-kawża, kienx hemm bidla sostanzjali fl-imġiba ekonomika tal-konsumatur medju, fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2005/29.

131. L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2005/29 jindika b’mod ċar li dak li huwa importanti fl-ewwel lok huwa l-effett ta’ prattika kummerċjali partikolari fuq l-imġiba tal-konsumatur medju li hija taffettwa jew tindirizza. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tad-direttiva tadotta l-metodu ta’ analiżi elaborat mill-Qorti tal-Ġustizzja u tirfinah billi tadattah għas-sitwazzjonijiet fejn ikunu kkonċernati l-interessi ta’ gruppi partikolari (101). Meta prattika kummerċjali partikolari tkun indirizzata lil grupp speċifiku, irid jiġi stabbilit jekk dik il-prattika kummerċjali tbiddilx jew tistax tbiddel, b’mod sostanzjali l-aġir ta’ membru medju ta’ dak il-grupp. Meta ssir dik l-analiżi, jeħtieġ li wieħed iħares mill-perspettiva ta’ dak il-konsumatur medju billi jiġu kkunsidrati b’mod partikolari l-aspettattivi tiegħu u r-reazzjonijiet li aktarx ser ikollu (102).

132. Peress li huwa ċar li l-istedina, li ġiet ippubblikata mill-konvenuta fil-kawża prinċipali fil-gazzetta tagħha, biex in-nies jipparteċipaw f’logħba-kompetizzjoni bi premju, dehret f’gazzetta ġenerali u mhux, pereżempju, f’gazzetta sportiva, huwa fil-kompitu tal-qorti nazzjonali biex teżamina sa liema grad dik l-għotja tista’ tkun indirizzata lil grupp ta’ qarrejja partikolari u b’hekk għandux jiġi applikat dan it-tieni kriterju ta’ evalwazzjoni.

133. Madankollu, għandu jiġi mfakkar li prattika kummerċjali tista’ titqies bħala żleali fis-sens tal-Artikolu 5(2) biss jekk tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 5(2)(a) u (b) (103). Din hija r-raġuni għalfejn, f’din il-kawża, jeħtieġ li jkun hemm ukoll ksur tar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali. L-espressjoni “diliġenza professjonali” hija ddefinita fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2005/29 bħala “l-istandard ta’ sengħa u kura speċjali li kummerċjant huwa raġonevolment mistenni li jeżerċita fir-rigward ta’ konsumaturi, proporzjonat ma’ prattika onesta fis-suq u/jew mal-prinċipju ġenerali tal-bona fidi fil-qasam ta’ attività tal-kummerċjant ”. Huwa fil-kompetenza tal-qorti nazzjonali biex tivverifika jekk kienx hemm tali ksur f’din il-kawża.

134. Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda preliminari hi li l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni f’logħba, marbuta max-xiri ta’ gazzetta ma tikkostitwixxix prattika kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29 għas-sempliċi fatt li tirrappreżenta, ta’ mill-inqas għal parti mill-pubbliku kkonċernat, għalkemm mhux l-uniku motiv, iżda ċertament il-motiv determinanti li jwassalhom sabiex jixtru l-gazzetta.

VII – Konklużjoni

135. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi skont kif ġej għad-domandi preliminari tal-Oberster Gerichtshof:

1.      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, bl-esklużjoni ta’ eċċezzjonijiet elenkati b’mod eżawrjenti, l-avviż, l-offerta u l-għoti ta’ benefiċċji b’xejn ma’ pubblikazzjonijiet perjodiċi kif ukoll ir-riklamar ta’ benefiċċji b’xejn assoċjati ma’ prodotti jew servizzi oħrajn, mingħajr l-obbligu li tiġi vverifikata każ b’każ in-natura qarrieqa, aggressiva jew żleali ta’ tali prattika kummerċjali, anki meta d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni issegwi mhux biss l-għan ta’ ħarsien tal-konsumatur, iżda wkoll finijiet oħrajn li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-direttiva ċċitata iktar ’il fuq, bħal pereżempju, iż-żamma tal-pluraliżmu tal-istampa jew il-protezzjoni tal-kompetituri l-iktar dgħajfa.

2.      Il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni f’logħba, marbuta max-xiri ta’ gazzetta ma tikkostitwixxix prattika kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29 għas-sempliċi fatt li tirrappreżenta, ta’ mill-inqas għal parti mill-pubbliku kkonċernat, għalkemm mhux l-uniku motiv, iżda ċertament il-motiv determinanti li jwassalhom sabiex jixtru l-gazzetta.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – B’mod konformi mat-Trattat ta’ Liżbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, iffirmat f’Liżbona fit-13 ta’ Diċembru 2007 (ĠU C 306, p. 1), il-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari issa hija rregolata mill-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


3 – Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, p. 22).


4 – Sentenza tat-23 ta’ April 2009, VTB-VAB (C‑261/07 u C‑299/07, Ġabra p. I-2949).


5 – Sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Plus Warenhandelsgesellschaft (C‑304/08, Ġabra p. I-217).


6 – Bundesgesetz gegen den unlauteren Wettbewerb 1984 – UWG (BGBl. 448/1984), liġi emendata bil-liġi tat-13 ta’ Novembru 2007 (BGBl. I, 79/2007).


7 – Ara s-sentenzi tat-23 ta’ April 2009, VTB-VAB (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 52) u tal-14 ta’ Jannar 2010, Plus Warenhandelsgesellschaft (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 41).


      F’każ ta’ armonizzazzjoni usa’ tad-dritt tal-prattiki kummerċjali żleali u tad-dritt tal-kuntratti fl-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll b’mod adegwat ir-rekwiżiti tad-“Draft Common Frame of Reference” (DCFR), peress li wieħed mill-aspetti essenzjali ta’ dan tal-aħħar huwa l-ħarsien tal-konsumatur, li jimponi, pereżempju, obbligi fuq il-kummerċjant fir-rigward tal-konsumatur biex jipprovdi informazzjoni partikolari dwar il-karatteristiċi partikolari ta’ prodotti u servizzi mixtrija (ara pereżempju II.-3:102 DCFR). Dawn il-“prattiċi tajbin kummerċjali” huma opposti, sa ċertu grad, għall-“prattiċi kummerċjali pprojbiti” msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2005/29.


8 – Dawn huma l-Artikoli 54 et seq tal-liġi Belġjana tal-14 ta’ Lulju 1991, dwar il-prattiċi kummerċjali u dwar l-informazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur.


9 –      Dawn kienu l-Artikoli 3 u 4(6) tal-liġi Ġermaniża kontra l-kompetizzjoni żleali – (Gesetz gegen den unlauteren Wettbwerb, UWG, BGBl. I p. 1414), emendata l-aħħar mill-Artikolu 1 tal-ewwel liġi ta’ emenda (erster Änderungsgesetz) tat-22 ta’ Diċembru 2008 BGBl. I, p. 2949)


10 – BGBl. I Nru 79/2007.


11 – Il-projbizzjoni tal-premji prevista fl-Artikolu 9a tal-UWG, li oriġinarjament kienet irregolata mill-Prämiengesetz tal-20 ta’ Lulju 1929 (BGBl. 227) u sussegwentement miz-Zugabengesetz 1934, ġiet integrata fl-UWG mill-Wettbewerbs-Deregulierungsgesetz 1992 (BGBl. 147/1992). Ara, fir-rigward tal-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni, D. Duursma f’: UWG – Kommentar (edizzjoni ta’ M. Gumpoldsberger u P. Baumann), Vjenna 2006, Artikolu 9a(1) p. 276 u L. Wiltschek, UWG – Kommentar, it-tieni edizzjoni, Vjenna 2007, Artikolu 9a, p. 44.


12 – Ara b’mod partikolari p. 9 u 10 tad-digriet tar-rinviju.


13 – Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa (6/64, Ġabra p. 1141); tad-29 ta’ Novembru 2001, De Coster (C‑17/00, Ġabra p. I‑9445, punt 23); u tas-16 ta’ Jannar 2003, Pansard et (C‑265/01, Ġabra p. I‑683, punt 18).


14 – Ara s-sentenzi tat-23 ta’ April 2009, VTB-VAB (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 49) u tal-14 ta’ Jannar 2010, Plus Warenhandelsgesellschaft (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 36 u 39). Ara B. Keirsbilck, “Towards a single regulatory framework of unfair commercial practices?”, European business law review, 4/2009, p. 505, li jikkunsidra li d-Direttiva 2005/29 hija kkaratterizzata mill-kamp ta’ applikazzjoni wiesgħa ħafna tagħha.


15 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi tal-21 ta’ Ottubru 2008 fil-kawżi VTB-VAB u Galatea (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 68 sa 70).


16 – Sentenza VTB-VAB (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 48 u 50). Ara, fir-rigward ta’ kampanja publiċitarja li tissuġġetta l-parteċipazzjoni b’xejn f’lotterija max-xiri jew l-użu ta’ ċerta kwantità ta’ prodotti jew servizzi, is-sentenza Plus Warenhandelsgesellschaft (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 37).


17 – F’dan is-sens ukoll, ara R. Heidinger, “Zugabenverbot, quo vadis?”, Medien und Recht, 1/2009, p. 45, li jikkunsidra li d-dispożizzjoni tal-Artikolu 9a tal-UWG taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29 peress li l-projbizzjoni fformulata minnha għandha tiġi kkwalifikata bħala regolamentazzjoni ta’ prattiki żleali fir-rigward tal-konsumaturi.


18 – F’dan is-sens ara wkoll T. Hoeren, “Das neue UWG – Der Regierungsentwurf im Überblick”, Betriebs-Berater, 2008, p. 1183; J. Stuyck, “The Unfair Commercial Practices Directive and its Consequences for the Regulation of Sales Promotion and the Law of Unfair Competition”, The regulation of unfair commercial practices under EC Directive 2005/29New rules and new techniques, Norfolk 2007, p. 166.


19 – F’dan is-sens ara wkoll, H.-G. Koppensteiner, “Grundfragen des UWG im Lichte der Richtlinie über unlautere Geschäftspraktiken”, Wirtschaftsrechtliche Blätter, 2006, Heft 12, p. 558, li jikkunsidra li jkun żbaljat jekk jitqies li d-direttiva ma hijiex rilevanti għar-relazzjonijiet bejn impriżi. L-awtur jibbaża l-argument tiegħu kemm fuq il-premessa 16 kif ukoll fuq il-premessa 18, li minnhom jirriżulta li l-interessi ekonomiċi tal-kompetituri leġittimi huma protetti indirettament, kif ukoll fuq l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2005/29, li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jagħtu, ukoll lill-kompetituri, mezzi ta’ azzjoni kontra l-aġir inkompatibbli mad-direttiva. L-istess awtur, f’“Das UWG nach der Novelle 2007”, Die Europäisierung des Kartell- und Lauterbarkeitsrechts, Tübingen 2009, p. 86, nota 8, josserva li l-kompetituri huma protetti wkoll indirettament mid-Direttiva.


20 – Ara l-punti 35 u 64 tal-konklużjonijiet tiegħi tat-3 ta’ Settembru 2009 fil-Kawża C‑304/08 (Plus Warenhandelsgesellschaft).


21 – V. Marsland, “Unfair Commercial Practices: Stamping out Misleading Packaging”, The regulation of unfair commercial practices under EC Directive 2005/29 – New rules and new techniques, Norfolk 2007, p. 194, josserva ġustament li, għalkemm hija orjentata lejn il-ħarsien tal-konsumatur, id-Direttiva 2005/29 tirrikonoxxi li l-interessi tal-konsumaturi u tal-kompetituri jikkoinċidu fil-qasam tal-prattiki kummerċjali żleali u li huwa fl-interess komuni tagħhom li l-kummerċjanti kollha jirrispettaw ir-regoli. E. Büllesbach, Auslegung der irreführenden Geschäftspraktiken des Anhangs I der Richtlinie 2005/207EG über unlautere Geschäftspraktiken, Munich 2008, p. 16, josserva li numru kbir ta’ prattiki kummerċjali ta’ impriżi jikkonċernaw kemm l-interessi tal-konsumaturi kif ukoll dawk tal-kompetituri. Din hija r-raġuni għalfejn biex jinkisbu riżultati ġusti matul l-evalwazzjoni tan-natura żleali tal-prattiki kummerċjali, jeħtieġ li jiġi adottat approċċ multi-dimensjonali li jikkunsidra bl-istess mod l-interessi tal-persuni kollha kkonċernati. B’hekk, l-eżempju tal-pubbliċità qarrieqa juri sew li, bħala regola ġenerali, il-protezzjoni tal-kompetituri u dik tal-konsumaturi jikkostitwixxu ż-“żewġ naħat tal-istess munita” peress li dik il-pubbliċità ma taffettwax biss l-interessi tal-konsumatur, iżda wkoll tal-kompetituri, billi tikkomprometti l-opportunitajiet kummerċjali tagħhom. L-istess jgħodd għall-pubbliċità dispreġjattiva li, minn naħa waħda, tagħmel ħsara lil dawk li jiġu kkritikati inġustament, u, min-naħa l-oħra, tfixkel il-bażi tad-deċiżjoni tal-konsumatur li ma jkunx informat sew. E. Bargelli, “L’àmbito di applizione della direttiva 2005/29/CE: La nozione di pratica commerciale”, Le pratiche commerciali sleali tra imprese e consumatori, Torino 2007, p. 80, jirreferi għad-diffikultà biex jiġu mifruda l-interessi tal-konsumaturi minn dawk tal-kompetituri. Skont W. Schuhmacher, “The Unfair Commercial Practices Directive”, Law Against Unfaire Competition – Towards a New Paradigm in Europe (ippubblikat minn R. M. Hilty u F. Henning-Bodewig), Berlin/Heidelberg 2007, p. 132, id-Direttiva turi b’mod ċar li fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni jeżistu każijiet fejn huwa impossibbli li tiġi sseparata l-protezzjoni tal-kompetituri minn dik tal-konsumaturi.


22 – H. Gamerith, “Richtlinie über unlautere Geschäftspraktiken: bisherige rechtspolitische Überlegungen zu einer Neugestaltung des österreichischen UWG”, Lauterkeitsrecht im Umbruch, 2005, p. 157, jikkunsidra wkoll li d-Direttiva 2005/29 fil-verità ma stabbilixxitx delimitazzjoni bejn l-interessi tal-konsumaturi u dawk tal-kompetituri fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u li din pjuttost tikkostitwixxi sistema “B2B + B2C inkompleta”, li timmilita favur traspożizzjoni permezz tal-UWG Awstrijaka.


23 – F’dan is-sens ara wkoll, J. Kessler. “Lauterkeitsschutz und Wettbewerbsordnung – Zur Umsetzung der Richtlinie 2005/29/EG über unlautere Geschaäftspraktiken in Deutschland und Österreich”, Wettbewerb in Recht und Praxis, 2007, numru 7, p. 116. Ara wkoll V. Falce,/ G.Ghidini, “The new regime on unfair commmercial practices at the intersection of consumer protection”, Antitrust between EC law and national law, 2009, p. 374, li jispjegaw li, fid-Direttiva 2005/29, il-leġiżlatur Komunitarju jikkunsidra li kompetizzjoni ħielsa fis-suq intern biss tippermetti li tiġi ggarantita l-libertà ta’ deċiżjoni tal-konsumaturi.


24 – F’dan is-sens ara wkoll, H. Gamerith, iċċitat iktar ’il fuq (nota 22), p. 157, li jikkunsidra li l-azzjonijiet ta’ inibizzjoni tal-kompetituri kkonċernati kontra kompetituri oħrajn li jaġixxu b’mod żleali jsaħħu l-protezzjoni tal-konsumaturi peress li dawn huma projbizzjonijiet kontra kull influwenza żleali fuq il-libertà ta’ deċiżjoni tal-konsumatur permezz ta’ qerq, element ta’ sorpriża, tentazzjoni, pressjoni, eċċ.


25 – Ara s-sentenza Plus Warenhandlesgesellschaft (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 39). Ara H.-W. Micklitz, “Full Harmonization of Unfair Commercial Practices under Directive 2005/29”, International Review of Intellectual Property and Competition Law, 2009, numru 4, p. 373, li jikkunsidra li d-Direttiva 2009/25 hija applikabbli għal relazzjonijiet ta’ B2B, meta jkunu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet: il-politika kummerċjali inkwistjoni taffettwa direttament l-interessi tal-konsumaturi u indirettament l-interessi tal-kompetituri. L-awtur jibża’ li tali limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tista’ tiftaħ it-triq għal strateġiji ta’ difiża ġodda. B’hekk, l-impriżi jista’ jkollhom it-tentazzjoni li jasserixxu li l-prattiki kummerċjali tagħhom jaffettwaw biss ir-relazzjonijiet ta’ B2B.


26 – Ġermaniż: “lediglich”; Daniż: “udeluklkende”; Ingliż: “only”; Franċiż; “uniquement”; Taljan: “unicamente”; Olandiż: “alleen”; Portugiż: “apenas”; Sloven: “samo”; Spanjol: ”solo”.


27 – Ara p. 10 sa 12 tad-digriet tar-rinviju.


28 – Ara p. 4 u 5 tal-osservazzjonijiet tal-gvern Awstrijak.


29 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ġunju 1997, Familiapress (C‑368/95, Ġabra p. I‑3689).


30 – Ara p. 10 sa 12 tad-digriet tar-rinviju.


31 – Ara l-punt 11, p. 4, tal-osservazzjonijiet tal-gvern Awstrijak.


32 – F’dan ir-rigward, hemm xebh bejn l-argument tal-gvern Ġermaniż fil-Kawża C‑304/08 (Plus Warenhandelsgesellschaft) li kienet tirrigwarda l-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni nazzjonali (l-Artikolu 4(6) tal-UWG Ġermaniż) li tipprojbixxi l-offerti konġunti ma’ kompetizzjonijiet jew logħob bi premji. Din il-projbizzjoni kienet ibbażata speċjalment fuq kunsiderazzjonijiet ta’ ħarsien tal-konsumatur. Fir-rigward tal-argument tal-gvern Ġermaniż f’din il-kawża, ara l-konklużjonijiet tiegħi tat-3 ta’ Settembru 2009 f’din il-kawża, b’mod partikolari l-punti 93 u 107.


33 – Ara f’dan is-sens is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, Corsten (C‑58/98, Ġabra p. I‑7919, punt 24); u tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C‑482/01 u C‑493/01, Ġabra p. I‑5257, punt 42).


34 – Ara s-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner (C‑475/99, Ġabra p. I‑8089, punt 10); tat-13 ta’ Novembru 2003, Neri (C‑153/02, Ġabra p. I‑13555, punti 34 u 35); Orfanopoulos u Oliveri (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 42); u tal-21 ta’ April 2005, Lindberg (C‑267/03, Ġabra p. I‑3247, punti 41 u 42).


35 – Fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1979, Union laitière normande (244/78, Ġabra p. 2663, punt 5), il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li għalkemm l-Artikolu 234 KE ma jippermettix li jiġu evalwati l-motivi tat-talba tar-rinviju, il-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni utli tad-dritt Komunitarju madankollu teħtieġ li jiġi ddefinit il-kuntest ġuridiku li fih għandha tkun inkwadrata l-interpretazzjoni mitluba. Skont K. Lenaerts,/A. Arts/I. Maselis, Procedural Law of the European Union, it-2 edizzjoni, p. 188, punt 6-021, xejn ma jżomm lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tindika l-mod kif hija tifhem il-fatti fil-kawża prinċipali u ċerti aspetti tad-dritt nazzjonali bħala punt ta’ tluq għal interpretazzjoni utli tad-dispożizzjonijiet u l-prinċipji applikabbli tad-dritt Komunitarju.


36 – L-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer, “La función del Abogado del Tribunal de Justicia de las Comunidades Europeas”, Problèmes d’interprétation, Brussell 2004, p. 334 et seq, jikkunsidra li l-konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali għandhom iservu bħala bażi għad-deliberazzjonijiet. Dawn għandhom ġeneralment jagħtu risposta għall-kwistjonijiet kollha tad-dritt li jinqalgħu fil-kuntest ta’ kawża billi jeżaminaw fid-dettall il-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-Avukat Ġenerali jenfasizza wkoll l-importanza dejjem akbar tal-prinċipji legali fl-eżami ta’ dawk il-kwistjonijiet.


37 – Fl-“Erläuterungen zur Regierungsvorlage für ein Bundesgesetz, mit dem das Bundesgesetz gegen den unlauteren Wettbewerb 1984 – UWG geändert wird (UWG-Novelle 2007)” li ġew ippubblikati fir-rivista Recht und Wettbewerb, it-53 sena, Nru 170, Diċembru 2007, p. 13, huwa indikat: “Bl-istess mod bħal fil-UWG attwalment fis-seħħ, essenzjalment, l-abbozz ta’ liġi ma jirregolax il-qasam tal-B2B b’mod differenti minn dak tal-B2C, għaliex ma huwiex possibbli li jiġu sseparati l-ħarsien tal-kompetituri u l-ħarsien tal-konsumatur.”


38 – Skont M. Prunbauer, “Kommentar zum Vorschlag für eine EU-Richtlinie über unlautere Geschäftspraktiken im binnenmarkt-internen Geschäftsverkehr zwischen Unternehmen und Verbrauchern – ein missglückter Ansatz der Harmonisierung des Lauterkeitsrecht in der EU” Recht und Wettbewerb, id-49 sena, Nru 161, Settembru 2003, p. 3, l-UWG fil-prinċipju ma tikkonċernax biss l-aspetti ta’ ħarsien tal-konsumatur fid-dritt tal-kompetizzjoni, iżda wkoll dawk tal-ħarsien tal-kompetituri u tal-pubbliku. Ikun impossibbli li azzjoni pubbliċitarja tiġi kkunsidrata jew iġġudikata biss mill-perspettiva tal-konsumatur. Il-ħarsien tal-kompetituri u tal-interessi tal-pubbliku fil-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni sservi wkoll, anki jekk biss indirettament, biex jiġi protett il-konsumatur, għaliex din tiżgura l-effettività tal-kompetizzjoni fl-interess tal-konsumatur. L-awtur jiddeduċi minn dan li ma huwiex possibbli li ssir distinzjoni stretta bejn “kompetizzjoni li tirrigwarda lill-konsumaturi” u “kompetizzjoni li tirrigwarda lill-impriżi”, la fil-ħajja ekonomika reali u lanqas mill-perspettiva tal-prinċpji legali. Skont A. Wiebe, “Umsetzung der Geschäftspraktikenrichtlinie und Perspektiven für eine UWG-Reform”, Juristische Blätter, il-129 sena, numru 2, Frar 2007, p. 71, fl-Awstrija u fil-Ġermanja, għal żmien twil ma huwiex ikkontestat li l-UWG isservi biex tipproteġi lill-kompetituri, il-konsumaturi u l-interessi tal-pubbliku, kif jindika espliċitament l-Artikolu 1 tal-UWG Ġermaniża ġdida. Il-fatt li dawn l-għanijiet ta’ protezzjoni huma interkonnessi daqstant mill-qrib jagħmilha impossibbli li ssir separazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-operazzjonijiet ta’ B2B u B2C. Fl-istess sens, E. Büllesbach, iċċitat iktar ’il fuq (nota ta’ qliegħ il-paġna 21), p. 15, jagħmel riferiment għall-għan triplu ta’ protezzjoni (tal-konsumaturi, tal-kompetituri u tal-pubbliku) li fuqu huma bbażati d-dritt Ġermaniż u dak Awstrijak tal-kompetizzjoni żleali. H. Lettner, “Die Umsetzung der EU-Richtlinie über unlautere Geschäftspraktiken – Eine bilanz des UWG-Neu in österreich und Deutschland”, European Law Reporter, 2009, Nru 9, p. 313, josserva wkoll li l-UWG Awstrijaka kellha għan ġenerali ta’ protezzjoni tal-interessi tal-impriżi, tal-pubbliku u tal-konsumaturi.


39 – B’hekk, D. Duursma-Kepplinger, iċċitat iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 11), josserva li l-Artikolu 9a tal-UWG iservi wkoll għall-ħarsien tal-konsumatur (paragrafu 16, punt 24, p. 808). L-għan tal-limitazzjoni leġiżlattiva tal-premji huwa b’mod partikolari li jiġu mħarsa x-xerrejja kontra l-pubbliċità suġġettiva u qarrieqa u sabiex tiġi evitata taqtigħa bejn il-kompetituri dwar min joffri l-iktar benefiċċji relatati (addizzjonali) (Artikolu 9a, punt 2, p. 276). L-awtur jikkunsidra li l-għan proprju tal-UWG huwa li tiġi offruta protezzjoni preventiva tal-interessi ġenerali tal-konsumaturi sabiex il-kompetizzjoni tibqa’ ħielsa minn prattiċi żleali (Artikolu 16, punt 26, p. 810). Skont l-indikazzjonijiet ta’ M. Horak, “Naht das Ende des Zugabenverbots?”, Ecolex, 2008, p. 1138, l-għan tal-projbizzjoni tal-premji prevista mill-Artikolu 9a tal-UWG essenzjalment huwa l-ħarsien tal-konsumatur. L-awtur jirreferi f’dan ir-rigward għas-sentenza tal-Oberster Gerichtshof iċċitata fil-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll G. Kucsko, “Zur rechtspolitischen Begründung des Zugabenverbots”, Ecolex, 1992, p. 709, li jirrintraċċa l-oriġini tal-projbizzjoni tal-premji fl-Awstrija sa mill-bidu tal-20 seklu. L-awtur josserva li, sa mill-bidu, l-għan ewlieni tal-“projbizzjoni tal-premji” fl-Awstrija kien li jiġi evitat li d-deċiżjoni ta’ xiri tal-konsumaturi tkun influwenzata b’mod suġġettiv minn premji u li dawn tal-aħħar jaħbu l-prezz veru tal-prodott prinċipali u b’hekk iwasslu biex jingannaw lill-klijent. Barra minn hekk kienet intiża biex tevita taqtigħat bejn il-kompetituri dwar min joffri l-iżjed.


40 – Ara s-sentenza tal-Oberster Gerichtshof tad-9 ta’ Marzu 1999, Fini’s Feinstes (referenza 4 Ob 28/99t). Huwa indikat: “L-għan ta’ projbizzjoni tal-premji huwa fuq kollox il-ħarsien tal-konsumatur: id-deċiżjoni tal-konsumatur ma tistax tiġi mfixkla b’vizzju għal-logħob u l-kilba għar-rebħ (pereżempju billi jingħata l-possibbiltà li jipparteċipa f’logħba-kompetizzjoni). Id-deċiżjoni ta’ xiri għandha tittieħed skont il-kwalità u l-prezz u fuq il-bażi ta’ paragun oġġettiv, u mhux, mingħajr riflessjoni ġenwina, biex jintrebaħ il-premju ppreżentat bħala lixka”.


41 – Ara M. Horak, “Zugabenverbot gemeinschaftsrechtswidrig?”, Ecolex, 2009/123, p. 341, li jikkunsidra li l-għan tal-ewwel domanda preliminari huwa li jiġi stabbilit jekk projbizzjoni per se tal-premji intiża biex jiġu protetti kemm il-konsumaturi kif ukoll l-impriżi hijiex kompatibbli mad-Direttiva 2005/29. Skont l-awtur, tali projbizzjoni per se tmur kontra d-dritt Komunitarju peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma jistax jiġi ddelimitat bi preċiżjoni u llimitat għal offerti ddestinati esklużivament għal impriżi u li ma jaffettwawx l-interessi tal-konsumaturi. L-Artikolu 9a (1)(1) tal-UWG ma jissodisfax dawk il-kundizzjonijiet. Skont H. Lettner, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 9, p. 317, il-fatt li l-projbizzjoni tal-offerti konġunti prevista fl-Artikolu 9a (1)(1) tal-UWG ma jimmirax biss li jipproteġi lill-konsumaturi iżda jsegwi wkoll għanijiet oħrajn li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, bħaż-żamma tal-pluraliżmu tal-midja u l-protezzjoni tal-kompetituri iktar dgħajfa, ma jiġġustifikax iż-żamma tal-projbizzjoni per se għas-settur tal-B2C, minbarra l-listi suwed. B’hekk, iż-żewġ awturi jikkunsidraw li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29.


42 – Ara l-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43 – Ara s-sentenza VTB-VAB u Galatea (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 52).


44 – Id-direttivi fis-sens tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva li jinkludu klawżola ta’ armonizzazzjoni huma, b’mod partikolari, dawn li ġejjin: id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE tal-20 ta’ Diċembru 1985 biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mil-lok tan-negozju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 1, p. 262); id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE, tat-13 ta’ Ġunju 1990, dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 10, p. 132); id-Direttiva 94/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ottubru 1994, dwar il-protezzjoni tax-xerrejja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ċerti aspetti tal-kuntratti li għandhom x’jaqsmu max-xiri tad-dritt għall-użu tal-propjetà immobbli fuq bażi ta’ timeshare (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 13, p. 315); id-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319); id-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 32); id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224).


45 – F’dan is-sens ara wkoll, l-iskema ta’ eżami ta’ G. De Critofaro, “La direttiva 2005/29/CE – Contenuti, rationes, caratteristiche”, Le pratiche commerciali sleali tra imprese e consumatori, Torino 2007, p. 12, u F. Henning-Bodewig, “Die Richtlinie 2005/29/EG über unlautere Geschäftspraktiken ”, Gewerblicher Rechtsschutz und Urheberrecht Internationaler Teil, 2005, numru 8 u 9, p. 631.


46 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi tal-1 ta’ Frar 1977, Verbond van Nederlandse Ondernemingen (51/76, Ġabra p. 113, punt 22); tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, Ġabra p. 723, punt 48); tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et (C‑72/95, Ġabra p. I‑5403, punt 55); tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑336/97, Ġabra p. I‑3771, punt 19); tat-8 ta’ Marzu 2001, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑97/00, Ġabra p. I‑2053, punt 9); tas-7 ta’ Mejju 2002, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑478/99, Ġabra p. I‑4147, punt 15); u tas-26 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑233/00, Ġabra p. I‑6625, punt 75).


47 – It-traspożizzjoni tad-direttiva hija parti integrali minn proċedura leġiżlattiva f’żewġ stadji, fejn it-tieni stadju jrid isir fil-livell tad-dritt nazzjonali. L-implementazzjoni materjali fil-livell tad-dritt nazzjonali tikkonkretizza d-dritt tad-direttiva [ara f’dan ir-rigward P. Vcelouch, Kommentar zu EU- und Eg-Vertrag (ippubblikat minn H. Mayer), Vjenna 2004, artikolu 249, punti 48 u 50, p. 17 u 18].


48 – Ara s-sentenzi tat-28 ta’ Frar 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑131/88, Ġabra p. I‑825, punt 6); tal-15 ta’ Novembru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑49/00, Ġabra p. I‑8575, punti 21 u 22); tat-28 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑410/03, Ġabra p. I‑3507, punt 60). Dan huwa ġustament osservat minn D. Seichert, “DerUmsetzungsbedarf der Richtlinie über unlautere Geschäftspraktiken”, Wettbewerb in Recht und Praxis, 2005, p. 1088, fir-rigward tan-neċessità li tiġi trasposta d-Direttiva 2005/29 fid-dritt Ġermaniż.


49 – F’dan is-sens ara M. Ruffert, f’Calliess u Ruffert (edituri), Kommentar zu EUV/EGV, it-3 edizzjoni, 2007, artikolu 249, punt 49, p. 2135. Skont ġurisprudenza stabbilita, it-traspożizzjoni ta’ direttiva għandha tassigura effettivament l-applikazzjoni sħiħa tagħha. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑217/97, Ġabra p. I‑5087, punt 31); tas-16 ta’ Novembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑214/98, Ġabra p. I‑9601, punt 49); tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer (C‑62/00, Ġabra p. I‑6325, punt 26).


50 – Ara l-paġna 10 tad-digriet tar-rinviju.


51 – Fil-paġna 8 tad-digriet tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju ssemmi s-sentenzi tal-Oberster Gerichtshof tal-20 ta’ Ottubru 1992, Welt des Wohnens (referenza Ob 273/07d); tat-30 ta’ Jannar 2008, ORF Teletext (referenza 3 Ob 273/07d); u tal-14 ta’ Frar 2008 (referenza 4 Ob 17/08s).


52 – Fil-paġna 8 tad-digriet tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju ssemmi s-sentenza Welt des Wohnens, iċċitata iktar ’il fuq.


53 – Fil-paġna 8 tad-digriet tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju ssemmi s-sentenza tal-Oberster Gerichtshof, tal-14 ta’ Diċembru 1999, Tipp des Tages III (referenza 4 Ob 290/99x).


54 – Ara wkoll il-paġna 4 tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.


55 – Ara M. Horak, iċċitat iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 39), p. 1137, li jqabbel id-dispożizzjoni tal-Artikolu 9a tal-UWG mal-“projbizzjonijiet per se”. Il-projbizzjonijiet per se jikkostitwixxu projbizzjonijiet fil-prinċipju ta’ prattiki kummerċjali deskritti b’mod astratt, mingħajr ma qorti tista’ tivverifika każ b’każ l-effetti fuq il-konsumaturi jew il-kompetituri. L-iktar spiss, ma’ tali projbizzjonijiet ikun hemm lista ta’ eċċezzjonijiet, sabiex jiġi żgurat bilanċ prattiku. Skont l-awtur, l-Artikolu 9a tal-UWG, li fih hemm projbizzjoni fil-prinċipju, fil-paragrafu 1, u lista ta’ eċċezzjonijiet, fil-paragrafu 2, isegwi dan il-mudell. R. Heidinger, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, p. 45, huwa tal-fehma li d-dispożizzjoni tal-Artikolu 9a tal-UWG hija konċepita bħala projbizzjoni per se ta’ ċerti prattiki kummerċjali mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu vverifikati każ b’każ l-effetti fuq il-konsumaturi.


56 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi VTB-VAB u Galatea, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 81. Ara fl-istess sens H.-W., Micklitz, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’qiegħ il-paġna 25, p. 374.


57 – Din hija r-raġuni għalfejn G. Abbamonte, “The unfair commercial practices Directive and its general prohibition”, The regulation of unfair commercial practices under EC Directive 2005/29 – New rules and new techniques, Norfolk 2007, p. 15, jikkwalifika bħala liberali l-approċċ segwit mid-Direttiva. Skont dan tal-aħħar, dak kollu li ma huwiex ipprojbit espressament huma permess. G. De Cristofaro, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45, p. 11, jirrimarka ġustament li d-Direttiva ssegwi approċċ selettiv billi tiffissa l-kriterji ta’ evalwazzjoni tan-natura żleali ta’ prattika kummerċjali mingħajr ma tagħti ebda indikazzjoni dwar il-karatteristiċi ta’ prattika kummerċjali leali.


58 – Ara A. Bakardjieva Engelbrekt, “An end to Fragmentation? The Unfair Commercial Practices Directive from the Perspective of the New Member States from Central and Eastern Europe”, The regulation of unfair commercial practices under EC Directive 20005/29 – New rules and new techniques, Norfolk 2007, p. 47 et seq, li tenfasizza l-effett ta’ armonizzazzjoni tad-Direttiva 2005/29 li l-għan tagħha huwa li jiġu ssuperati d-differenzi sinjifikattivi li kienu jeżistu bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati fil-qasam tal-kompetizzjoni żleali qabel id-dħul fis-seħħ tagħha. F’dan is-sens ara wkoll, E. Bargelli, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, p. 79. Weatherill, S., “Who is the ‘average Consumer’”, The regulation of unfair commercial practices under EC Directive 2005/29 – New rules and new techniques, Norfolk 2007, p. 137, jikkwalifika l-approċċ tad-Direttiva 2005/29 bħala tneħħija tar-regolamenti b’regolamenti simultanji. L-armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali toħloq it-tneħħija tar-regolamenti tas-suq billi tneħħi l-varjetà ta’ drittijiet nazzjonali tal-Istati Membri favur leġiżlazzjoni komuni. Skont V. Falce/G. Ghidini, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, p. 372, tfittex biex tistabbilixxi mill-ġdid il-bilanċ bejn, minn naħa waħda, il-kompetizzjoni fis-suq intern mingħajr fruntieri, u, min-naħa l-oħra, il-ħarsien tal-konsumatur.


59 – Ara wkoll f’dan is-sens ukoll R. Heidinger, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, p. 46.


60 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 64 u 65.


61 – Iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 82.


62 – K. Lenaerts, D. Arts, u I. Maselis, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 5-056, p. 162, josservaw li l-portata tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija lilhom mill-qrati nazzjonali. L-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali konformi mad-dritt Komunitarju kienet is-suġġett ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mill-Bundesgerichtshof fil-Kawża Siemens (sentenza tad-19 ta’ Novembru 1996, C‑42/95, Ġabra p. I‑6017) kif ukoll talba tal-Hof van beroep te Gent (il-Belġju) fil-Kawża Gysbrechts u Santurel Inter (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, C‑205/07,Ġabra p. I‑9947).


63 – Ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tiegħi tat-18 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑338/06, Ġabra p. I‑10139, punt 39).


64 – Sentenzi tal-10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann (14/83, Ġabra p. 1891, punt 26) u Harz (79/83, Ġabra p. 1921, punt 26); tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston (222/84, Ġabra p. 1651, punt 53); tat-8 ta’ Ottubru 1987, Kolpinghuis Nijmegen (80/86, Ġabra p. 3969, punt 12); tal-20 ta’ Settembru 1988, Beentjes (31/87, Ġabra p. 4635, punt 39); tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C‑91/92, Ġabra p. I‑3325, punt 24); tal-25 ta’ Frar 1999, Carbonari et (C‑131/97, Ġabra p. I‑1103, punt 48); tal-15 ta’ Ġunju 2000, Brinkmann (C‑365/98, Ġabra p. I‑4619, punt 40); tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, Ġabra p. I‑4941, punt 30); tat-13 ta’ Lulju 2000, Centrosteel (C‑456/98, Ġabra p. I‑6007, punt 16) u tat-3 ta’ Ottubru 2000, Gozza et (C‑371/97, Ġabra p. I‑7881, punt 37). F’dan is-sens ara wkoll is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing (C‑106/89, Ġabra p. I‑4135, punt 89; tal-15 ta’ Mejju 2003, Mau (C‑160/01, Ġabra p. I‑4791, punt 36); tat-22 ta’ Mejju 2003, Connect Austria (C‑462/99, Ġabra p. I‑5197, punt 38); tat-23 ta’ Ottubru 2003, Adidas-Salomon u Adidas Benelux (C‑408/01, Ġabra p. I‑12537, punt 21); u tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, Ġabra p. I‑8835, punt 113). Ara f’dan ir-rigward M. Schweitzer/ W. Hummer / W. Obwexer, Europarecht, Vjenna 2007, p. 82 et seq.


65 – Sentenzi von Colson u Kamann (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 64), punt 28; u Harz (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 64), punt 28.


66 – Skont R. Streinz, Europarecht, 8 edizzjoni, Heidelberg 2008, p. 161, punt 456, l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad-direttiva jilħaq il-limiti tiegħu fil-kapaċità tad-dritt nazzjonali li jiġi interpretat. Meta l-qrati nazzjonali jkollhom ukoll is-setgħa li jiżviluppaw il-ġurisprudenza, huma għandhom jużaw dik is-setgħa b’mod li jġibu d-dritt nazzjonali konformi mad-dritt Komunitarju.


67 – Fir-rigward tal-għan regolatorju ta’ din il-projbizzjoni, ara E. Büllesbach, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, p. 114. Jekk kummerċjant jasserixxi li prodott jista’ jżid il-probabbiltà li wieħed jirbaħ f’logħob tal-azzard, dan jissuġġerixxi lill-konsumatur li x-xiri tal-prodott jippermetti li jinfluwixxi r-riżultat favurih. Iżda l-karatteristika tal-logħob tal-azzard huwa li r-riżultat huwa ddeterminat mill-azzard. Minħabba dan l-element aleatorju, huwa a priori inkonċepibbli li jiġi influwenzat ir-riżultat. Għaldaqstant ikun hemm qerq dwar l-adegwatezza tal-prodott. Peress li l-affermazjoni tilgħab indirettament fuq it-tentazzjoni tal-logħob, din tpoġġi partikolarment fil-periklu lill-konsumatur, għaliex it-tama ta’ rebħ iktar faċli tista’ taffettwa bil-kbir ir-razzjonalità tad-deċiżjoni tiegħu.


68 – Ara l-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Plus Warenhandelsgesellschaft, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


69 – Ara l-punt 55, p. 21, tal-osservazzjonijiet tal-gvern Awstrijak.


70 – Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1982, Oosthoek’s Uitgeversmaatschappij (286/81, Ġabra p. 4575, punt 18).


71 – F’dan is-sens ara G. Abbamonte, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 57, p. 21; J. Massaguer, El nuevo derecho contra la competencia desleal – La Directiva 2005/29/CE sobre las Prácticas Comerciales Desleales, Cizur Menor 2006, p. 58; N. Maione, “Le Pratiche commerciali sleali nella direttiva 2005/29/CE”, Lezioni di diritto privato europeo, 2007, p. 1068.


72 – Ara l-paġna 10 tad-digriet tar-rinviju.


73 – Iżda mhux l-interess ekonomiku tal-konsumatur. Skont G. Abbamonte, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 57, p. 23, dik id-dispożizzjoni titlaq mill-prinċipji li bħala regola ġenerali l-prattiki kummerċjali żleali joħolqu distorsjoni fil-preferenzi tal-konsumaturi billi jippreġudikaw il-libertà jew il-kapaċità tagħhom li jiddeċiedu. Minħabba fihom, il-konsumaturi jixtru prodotti li ma jkollhomx bżonn jew li, inkella, mingħajr dik l-aspettattiva, kienu jikkunsidraw bħala ta’ kwalità inqas. Madankollu, l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2005/29 ma jeħtiġx li l-konsumatur iġarrab preġudizzju ekonomiku. L-awtur jikkunsidra li tali kundizzjoni tmur lil hinn minn dak li hu meħtieġ għaliex tbaxxi b’mod sinjifikattiv il-livell ta’ ħarsien tal-konsumatur fl-Unjoni Ewropea.


74 – Ara l-punt 51, p. 20, tal-osservazzjonijiet tal-gvern Awstrijak.


75 – Iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 93.


76 – Ara l-punti 76 sa 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


77 – Ara, fir-rigward tal-konsumatur ta’ referenza fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenzi tas-16 ta’ Jannar 1992, X (C‑373/90, Ġabra p. I‑131, punti 15 u 16); tas-16 ta’ Lulju 1998, Gut Springenheide u Tusky (C‑210/96, Ġabra p. I‑4657, punt 31); tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C‑108/97 u C‑109/97, Ġabra p. I‑2779, punt 29), tat-13 ta’ Jannar 2000, Estée Lauder (C‑220/98, Ġabra p. I‑117, punt 27); tal-21 ta’ Ġunju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑30/99, Ġabra p. I‑4619, punt 32); tal-24 ta’ Ottubru 2002, Linhart u Biffl (C‑99/01, Ġabra p. I‑9375, punt 31); tat-8 ta’ April 2003, Pippig Augenoptik (C‑44/01, Ġabra p. I‑3095, punt 55); tat-12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland (C‑363/99, Ġabra p. I‑1619, punt 77); u tat-12 ta’ Frar 2004, Henkel (C‑218/01, Ġabra p. I‑1725, punt 50); tad-9 ta’ Marzu 2006, Matratzen Concord (C‑421/04, Ġabra p. I‑2303, punt 24); tad-19 ta’ Settembru 2006, Lidl Belgium (C‑356/04, Ġabra p. I‑8501, punt 78).


78 – G. Abbamonte, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 57, josserva li meta adotta d-Direttiva 2005/29, il-leġiżlatur Komunitarju kkodifika dak il-metodu li l-qrati ta’ ċerti Stati Membru ma kinux japplikaw. L-awtur jikkunsidra li dan inaqqas ir-riskju li prattiki kummerċjali differenti ma jkunux suġġetti għal evalwazzjonijiet differenti bejn Stat Membru u ieħor u b’hekk isaħħaħ iċ-ċertezza ġuridika. F’dan is-sens ara wkoll, A. Wiebe, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, p. 75, u H. W. Micklitz, “Das Konzept der Lauterkeit in der Richtlinie 2005/29/CE”, Droit de la consommation/Konsumentenrecht/ Consunmer law, Liber amicorum Bernd Stauder, Basel 2006, p. 311. S. Weatherill, p. 135, jispjega li, għalkemm jista’ jidher artifiċjali li wieħed jibbaża fuq konsumatur medju minħabba d-differenzi fl-imġiba tal-konsumaturi, dan huwa indispensabbli għall-funzjonament tajjeb ta’ sistema ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet.


79 – H. Lecheler, “Verbraucherschutz”, f’: Handbuch des EU-Wirtschaftsrechts (editur: M. Dauses). Volum 2, Munich 2004, H. V, punt 27, p. 11, jinterpreta l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet) fis-sens li din tirreferi għal konsumatur li fil-prinċipju huwa raġonevoli u prudenti, kapaċi jorjenta ruħu u jagħżel għalih innifsu.


80 – B’hekk, N. Maione, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 71, p. 1068, jindika li l-leġiżlatur Komunitarju ma ridx jipprojbixxi kull prattika kummerċjali li tinfluwenza l-imġiba tal-konsumatur iżda biss il-prattiċi li jmorru kontra d-diliġenza professjonali peress li jippreġudikaw il-libertà ta’ deċiżjoni tal-konsumatur.


81 – Ara l-paġna 10 tal-osservazzjonijiet tal-konvenuta fil-kawża prinċipali.


82 – Ara wkoll f’dan is-sens G. Kucsko, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, p. 709, li jiddubita jekk l-argument li fuqu kienu bbażati l-ħidmiet preparatorji tal-Prämiengesetz tal-1929 (li finalment minnhom toriġina l-projbizzjoni tal-premji prevista fl-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG) għadux determinanti llum il-ġurnata. Il-konsumatur ta’ llum huwa ferm iktar kritiku u informat. Matul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, id-dinja tar-riklami biddlitu totalment. Il-konsumatur sar espost għal attività pubbliċitarja (li mhux dejjem tkun oġġettiva) ħafna iktar intensa u b’hekk huwa dera. Ix-“xbiha” ta’ ċerti marki tqanqal assoċjazzjonijiet li ma għandhom x’jaqsmu xejn mal-karatteristiċi reali tal-prodott. Barra minn hekk, madankollu, il-pubblikazzjoni regolari ta’ testi komparattivi, tikketti u rivisti tal-konsumaturi kritiċi, eċċ., saħħew il-kapaċità ta’ ġudizzju tal-konsumatur, mhux biss fir-rigward tal-prodotti eżaminati, iżda wkoll b’mod ġenerali. Din hija r-raġuni għalfejn, il-konsumaturi ta’ llum huma ħafna iktar kapaċi jiddeċiedi waħdu jekk iridx “jaqa’ għal offerta estranea għal prodott” jew jekk jarax il-prezz tal-prodott prinċipali bħala għoli wisq. Minbarra dan, permezz tal-premju huwa jakkwista xi ħaġa iktar minn “xbiha” immaterjali, billi jakkwista prodott jew servizz veru. Illum il-ġurnata, l-argument paternalist tal-protezzjonji tal-konsumaturi ma għadux konvinċenti.


83 – R. Heidinger, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, p. 46, u H. Wittmann, “EUGH: Zugabenverbot vor dem Fall?”, Medien und Recht, 6/2008, p. 284, jaqblu mar-riżervi li espremiet il-qorti tar-rinviju fid-digriet tar-rinviju. Huma josservaw li, f’din il-kawża, il-mudell tal-konsumatur ta’ referenza responsabbli, li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29, huwa oppost għal preżunzjoni ta’ żlealtà.


84 – Ara l-punt 47, p. 19, tal-osservazzjonijiet tal-gvern Awstrijak.


85 – Ara l-punt 95 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


86 – Ara p. 10 tad-digriet tar-rinviju.


87 – Kif jirrimarka ġustament W. Schuhmacher, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, p. 131, ċerti limiti għall-armonizzazzjoni kompleta huma elenkati fil-premessa 9. Madankollu, f’din il-kawża ebda wieħed mill-parteċipanti f’din il-kawża ma jsostni li dawn il-limiti huma applikabbli f’din il-kawża. Barra minn hekk, wara eżami oġġettiv, ma jidhirlix li dan huwa l-każ.


88 – G Abbamonte,. iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 57, p. 21, josserva li l-Istati Membri ma jistgħux iżidu mal-lista eżawrjenti ta’ prattiki kummerċjali pprojbiti tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29. Kieku kellhom id-dritt li jagħmlu dan, dan kien jippreġudika l-armonizzazzjoni sħiħa prevista mid-direttiva, u jostakola l-kisba tal-għan ta’ ċertezza ġuridika. B. Keirsbilck, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, p. 522, jikkwalifika l-lista ta’ prattiki kummerċjali pprojbiti tal-Anness I bħala waħda eżawrjenti.


89 – Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjonijiet tal-bejgħ fis-suq intern (COM(2001) 546 finali


90 – Iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punti 90 sa 94.


91 – Iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punti 106 sa 111.


92 – Ara l-punt 83 tal-konklużjonijiet tiegħi tad-29 ta’ Ottubru 2009 fil-kawża Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid vs Ausbanc (C-484/08, Ġabra p. I-4785). F’dan is-sens, ara K. Riesenhuber, “Die Auslegung”, f’: Europäische Methodenlehre, Berlin 2006, p. 257, punt 31. L-awtur jispjega li l-interpretazzjoni storika, li tikkonċentra fuq l-anteċedenti u l-oriġini, għandha post ċentrali fid-dritt Komunitarju. Jekk l-għan tal-interpretazzjoni huwa li jiġi stabbilit x’inhi l-volontà tal-leġiżlatur, jeħtieġ fl-ewwel lok li jiġi stabbilit liema volontà hija determinanti. Il-leġiżlatur demokratikament leġittimu mhu ħadd għajr il-korpi leġiżlattivi li jkunu approvaw l-att inkwistjoni. Korpi differenti jiġu biss mismugħa u l-Kummissjoni stess għandha biss dritt ta’ inizjattiva u l-possibbiltà li tirtira l-proposti; dawk il-proposti jistgħu jiġu emendati matul il-proċedura leġiżlattiva. Il-proposti jew ix-xewqat tal-Kummissjoni li ma jiġux adottati jistgħu, sal-iktar (iżda mhux neċessarjament), jipprovdu argument a contrario.


93 – Sentenzi tal-1 ta’ Marzu 1983, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (301/81, Ġabra p. 467, punt 11); u tat-23 ta’ Novembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑319/99, Ġabra p. I‑10439, punt 10).


94 – Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirtira l-abbozz tagħha ta’ regolament ġiet ippubblikata fil-ĠU 2006, C 64, p. 3. Madankollu, il-Kummissjoni kienet diġà ħabbret dik id-deċiżjoni fil-komunikazzjoni tagħha “Riżultat tal-eżami tal-proposti leġiżlattivi pendenti quddiem il-leġiżlatur” [COM(2005) 462 finali, tas-27 ta’ Settembru 2005, p. 10].


95 – F’dan is-sens ara wkoll, J. Stuyck, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, li jippreżumi li ċerti Stati Membri ma rrealizzawx b’mod ċar li d-dispożizzjonijiet tal-abbozz tar-regolament irtirat li kien jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn il-kummerċjant u l-konsumatur fl-aħħar mill-aħħar ġew riprodotti fid-Direttiva 2005/29 (meta jitqies l-għan tagħha ta’ armonizzazzjoni sħiħa).


96 – Sentenza Plus Warenhandelsgesellschaft (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 33).


97 – Ara l-punti 76 sa 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


98 – Ara s-sentenza VTB-VAB und Galatea (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 67).


99 – Ara l-punt 2.2, f’paġna 13 tad-digriet tar-rinviju. Il-qorti tar-rinviju tindika li hija tikkunsidra li l-Artikolu 9a(1)(1) tal-UWG isir “inutli” jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari.


100 – Ara, fir-rigward tal-effett orizzontali immedjat tad-direttivi, is-sentenzi Marleasing (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 64), punt 6; Faccini Dori (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 64), punti 24 et seq; tas-26 ta’ Settembru 2000, Unilever (C‑443/98, Ġabra p. I‑7535, punt 50). Ara, fir-rigward tal-possibbiltà li titressaq azzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-Istat abbażi tad-dritt Komunitarju meta dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jkunu jistgħu jiġu interpretati b’mod inkompatibbli mad-direttiva, is-sentenzi tat-8 ta’ Ottubru 1996, Dillenkofer et (C‑178/94, C‑179/94 u C‑188/94 sa C‑190/94, Ġabra p. I‑4845); tal-24 ta’ Settembru 1998, EvoBus Austria (C‑111/97, Ġabra p. I‑5411, punti 27 u 28); u tat-28 ta’ Ottubru 1999, Alcatel Austria et (C‑81/98, Ġabra p. I‑7671, punti 49 u 50).


101 – F’dan is-sens ara wkoll G. Abbamonte, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 57, p. 25, li jitkellem dwar titjib ta’ dan il-metodu ta’ analiżi billi jiġi mmodifikat meta jkunu involuti l-interessi ta’ gruppi partikolari.


102 – G. Abbamonte, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 57, p. 25, jagħti eżempji ta’ applikazzjoni ta’ dik ir-regola. Meta prattika kummerċjali tkun indirizzata lil grupp partikolari ta’ konsumaturi, pereżempju lil tfal jew lil esperti tal-missili, wieħed għandu jibbaża fuq membru medju ta’ dak il-grupp. Fil-każ ta’ pubbliċità għal ġugarell fil-kuntest ta’ trażmissjoni għat-tfal, skont l-awtur, wieħed għandu jibbaża fuq l-aspettattivi u r-reazzjonijiet probabbli ta’ tifel medju tal-grupp fil-mira, mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-aspettattivi u r-reazzjonijiet ta’ tifel li jkun eċċezzjonalment immatur.


103 – Ara l-punt 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet.