Language of document : ECLI:EU:C:2010:353

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis-17 ta’ Ġunju 2010 1(1)

Kawżi magħquda C-92/09 u C-93/09

Volker und Markus Schecke GbR (Kawża C-92/09)

vs

Land Hessen

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden, il-Ġermanja)

“Protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-fondi li ġejjin mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali – Validità tad-dispożizzjonijiet legali li jipprovdu għal din il-pubblikazzjoni u li jisabbilixxu r-regoli dettaljati tagħha”

Hartmut Eifert (Kawża C-93/09)

vs

Land Hessen

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden, il-Ġermanja)

“Protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-fondi li ġejjin mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali – Validità tad-dispożizzjonijiet legali li jipprovdu għal din il-pubblikazzjoni u li jistabbilixxu r-regoli dettaljati tagħha”





1.        Mill-perspettiva tal-baġit tal-Unjoni Ewropea, il-Politika Agrikola Komuni (iktar ’il quddiem il-“PAK”) ilha, għal iżjed minn 40 sena, l-iktar politika importanti tal-Unjoni. Fl-1984, il-PAK kienet tgħodd għal iktar minn 71 % tan-nefqa totali; attwalment, din il‑figura hi stmata madwar 40 %, u għadha s’issa l-komponent prinċipali tan-nefqa.

2.        Dan ir-rinviju mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden (Qorti Amministrattiva) Wiesbaden, (il-Ġermanja), jikkontesta l-validità tal‑leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “UE”) li teħtieġ l-iżvelar tal-ammonti mogħtija lil bdiewa mill-fondi tal-PAK, ta’ isimhom, tal-muniċipalità tar-residenza u, fejn disponibbli, tal-kodiċi postali. Din il-kawża tqajjem kwistjonijiet kostituzzjonali importanti fil-kuntest tad-dritt tal-UE: essenzjalment, jekk l-objettiv ta’ trasparenza fil-ġestjoni tal-finanzi tal-PAK jistax fil-prinċipju jieħu preċedenza fuq id‑dritt fundamentali tal-individwu għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu u tad-data personali u, jekk hu hekk, fejn irid jintlaħaq bilanċ bejniethom.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-drittijiet fundamentali

 Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (2)

3.        L-Artikolu 8 tal-KEDB jistipula:

“1.      Kulħadd għandu dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu u tal‑familja tiegħu u ta’ daru u tal-korrispondenza tiegħu.

2.      M’għandux ikun hemm indħil minn ebda awtorità pubblika dwar l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ħlief dak li jkun skont il-liġi u li jkun meħtieġ f’soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika jew il-ġid nazzjonali tal-pajjiż, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-għemil ta’ delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet jew l-libertajiet ta’ ħaddieħor.”

4.        Biex jiġi kkompletat dan l-artikolu, fit-28 ta’ Jannar 1981, il-Kunsill tal-Ewropa approva l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali (iktar ’il quddiem “Il-Konvenzjoni Nru 108”). L-Artikolu 1 tal‑Konvenzjoni Nru 108 jiddeskrivi l-għan u l-iskop tal-konvenzjoni kif ġej: “L-għan ta’ din il-konvenzjoni huwa li jiġi żgurat […] għal kull persuna […] ir-rispett għad-drittijiet u għal-libertajiet fundamentali tagħha, u b’mod partikolari d-dritt tagħha għall-ħajja privata, fir-rigward tal-ipproċessar awtomatiku ta’ data personali dwarha” (3).

 Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (4)

5.        L-Artikolu 7 tal-Karta jipprovdi: “Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha”.

6.        L-Artikolu 8 jistipula:

“1.      Kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li tirrigwardaha.

2.      Din id-data għandha tiġi trattata b’mod ġust għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi. Kull persuna għandha d‑dritt ta’ aċċess għad-data miġbura li għandha x’taqsam magħha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha.

3.      L-osservanza ta’ dawn ir-regoli għandha titqiegħed taħt il‑kontroll ta’ awtorità indipendenti.”

7.        L-Artikolu 52 tal-Karta jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jirregolaw kwalunkwe indħil jew deroga mid-drittijiet iggarantiti mill‑Karta. B’mod partikolari:

“1. Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad‑drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l‑libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill‑Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

[...]

3.     Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill‑Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.”

8.     L-Artikolu 6(1) TUE jiddikjara li d-drittijiet, il-libertajiet u l‑prinċipji stabbiliti fil-Karta “għandh[om] ... [i]kollh[om] ... l-istess valur legali bħat-Trattati”.

 Protezzjoni tad-data

 Id-Direttiva 95/46 (5)

9.      Il-premessa 1 tfakkar li:

“[…] l-għanijiet tal-Komunità, kif stabbiliti fit-Trattat, kif emendat bit‑Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, huma, fost oħrajn, li […] jmexxu ’l quddiem id-demokrazija imsejsa fuq id-drittijiet fundamentali magħrufa fil-kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ l-Istati Membri u fil-[KEDB]”.

10.   Il-premessi 10, 11 u 12 jipprovdu li d-direttiva għandha l-għan li tiżgura grad għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali:

‘‘(10) […] l-għan tal-liġijiet nazzjonali dwar il-proċessar ta’ data personali huwa l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-aktar id-dritt għall-ħajja privata, li huwa rikonoxxut kemm fl-Artikolu 8 tal-[KEDB] u fil-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità; […] għal dik ir-raġuni, l‑approssimazzjoni ta’ dawk il-liġijiet m’għandhiex bħala riżultat ta’ dan tnaqqas mill-protezzjoni minnhom mogħtija, imma, għandha għall-kuntrarju, tfittex li tassigura grad għoli ta’ protezzjoni fil-Komunità;

(11)      […] [i]l-prinċipji tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal‑persuna, l-aktar id-dritt għall-ħajja privata, li jinsabu f’din id-Direttiva, isostnu u jwessgħu dawk li jinsabu fil-[Konvenzjoni numru 108] …;

(12)      […] [i]l-prinċipji ta’ protezzjoni għandhom japplikaw għall-ipproċessar kollu ta’ data personali minn kull persuna li l-attivitajiet tagħha huma regolati bil-liġi tal-Komunità […]”

11.      Il-premessa 28 tipprovdi li l-ipproċessar ta’ data personali għandu jkun proporzjonat, “[…] kull ipproċessar ta’ data personali għandu jkun ġust u skond il-liġi għall-individwi konċernati; […] b’mod partikolari, id-data għandha tkun adekwata, rilevanti u mhux eċċessiv għall-għanijiet li għalihom ikun ipproċessat; […] dawn l-għanijiet għandhom ikunu espliċiti u leġittimi u stabbiliti waqt il-ġbir tad-data; […] l-għanijiet ta’ l-ipproċessar wara l-ġbir m’għandhomx ikunu inkompatibbli ma’ l-għanijiet kif stabbiliti oriġinarjament […]”.

12.      Il-premessi 30 u 33 jipprovdu:

“(30) […] biex l-ipproċessar ta’ data personali jsir skond il-liġi, dan għandu wkoll isir bil-kunsens tas-suġġett tad-data jew li jkun meħtieġ għall-konklużjoni jew eżekuzzjoni ta’ kuntratt li jorbot lis-suġġett tad-data, jew bħala kondizzjoni ta’ liġi, jew biex isir xogħol fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali, jew fl-interessi leġittimi ta’ persuna naturali jew ġuridika, sakemm l-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data ma jeħdux preċedenza;

[…]

(33)      […] data li minn natura tagħha tista’ tikser il-libertajiet fundamentali jew id-dritt għall-ħajja privata m’għandhiex tkun ipproċessata jekk is-suġġett tad-data ma jagħtix il-kunsens espliċitu tiegħu; […] iżda, derogi għal din il-projbizzjoni għandhom jissemmew espliċitament dwar ħtiġijiet speċifiċi, partikolarment meta l-ipproċessar ta’ dan id-data jsir għal ċerti għanijiet mediċi minn persuni soġġetti għal obbligazzjoni tas-sigriet professjonali skond il-liġi jew meta jsir waqt attivitajiet leġittimi minn ċerti assoċjazzjonijiet jew fondazzjonijiet li l-għan tagħhom hu li jippermettu l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali;

[…]”

13.   L-Artikolu 1 tad-Direttiva 95/46 jistipula b’mod espliċitu li: “[…] Stati Membri għandhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l‑libertajiet ta’ persuna naturali, u partikolarment tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata dwar l-ipproċessar ta’ data personali”.

14.      L-Artikolu 2 jiddefinixxi “data personali”, l-“ipproċessar ta’ data personali” u “il-kunsens tas-suġġett tad-data” rispettivament kif ġej:

“(a)      ‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

(b)      ‘ipproċessar ta’ data personali’ (‘ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

(h)      ‘il-kunsens tas-suġġett tad-data’ tfisser indikazzjoni speċifika u infurmata tax-xewqa tiegħu mogħtija liberament li biha s-suġġett tad-data jaqbel li jsir l-ipproċessar ta’ data personali dwaru.”

15.   L-Artikolu 7 jistipula li data personali tista’ tkun ipproċessata biss taħt ċerti kundizzjonijiet, jiġifieri, li s-suġġett tad-data jkun ta l‑kunsens tiegħu b’mod ċar [Artikolu 7(a)] jew li l-ipproċessar ikun “meħtieġ” għal xi raġuni jew raġunijiet elenkati b’mod eżawrjenti. Fost dawn, żewġ kundizzjonijiet biss jista’ jkollhom rilevanza f’din il-kawża:

“(c)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex titħares obbligazzjoni legali li s‑suġġett tagħha jkun il-kontrollur; jew

(e)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur (6) jew f’parti terza li lilha jkun żvelat id-data; […]”

16.   L-Artikolu 18 jistipula:

“1.      Stati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jew ir‑rappreżentant tiegħu, jekk ikun hemm, għandu jinnotifika lill awtorità ta’ superviżjoni msemmija fl-Artikolu 28 (7), qabel ma jagħmel l-operazzjoni parzjali jew kollha ta’ l-ipproċessar awtomatiku jew sett ta’ operazzjonijiet bħal dawn maħsuba biex jaqdu skop wieħed jew diversi għanijiet relatati.

2.      Stati Membri jistgħu jipprovdu għal simplifikazzjoni ta’, jew eżenzjoni minn, notifika, fil-każi biss li ġejjin u skond il-kondizzjonijiet li ġejjin:

–        meta, għal kategoriji ta’ operazzjonijiet ta’ ipproċessar li, meħud kont tad-data li tkun ser tiġi pproċessata, aktarx li ma jeffetwawx ħażin id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, jispeċifikaw l-għanijiet ta’ l-ipproċessar, id-data jew kategoriji ta’ data li jkunu qed tiġi pproċessata, il-kategorija jew kategoriji tas-suġġett tad-data, ir-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri li lilhom ikun ser jiġi żvelat id-data u għal kemm żmien id-data għanha tkun maħżuna, u/jew

–        meta l-kontrollur, b’konformità mal-liġi nazzjonali li tirregolah, jaħtar uffiċjal tal-protezzjoni ta’ data personali, responsabbli partikolarment:

–        li jassigura b’mod indipendenti l-applikazzjoni interna tad-dispożizzjonijiet nazzjonali meħuda skond din id-Direttiva;

–        għaż-żamma tar-reġistru ta’ operazzjonijiet ta’ ipproċessar li l-kontrollur ikun għamel, li jkun fihom dik l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 21(2),

biex b’dan jassigura li l-operazzjonijiet ta’ l-ipproċessar aktarx ma jkunux ser iħallu effett ħażin fuq id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data.

[…]”

17.   L-Artikolu 20 jistipula:

“1.      Stati Membri għandhom jiddeterminaw l-operazzjonijiet ta’ ipproċessar li aktarx jista’ jkollhom riskji speċifiċi għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, u għandhom jivverifikaw li dawn l-operazzjonijiet ta’ ipproċessar ikunu eżaminati qabel ma jinbdew.

2.      Verifiki bħal dawn minn qabel għandhom isiru mill-awtorità ta’ superviżjoni wara li tkun waslet notifika mingħand il-kontrollur jew l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, li, f’każ ta’ dubju, għandu jikkonsulta ma’ l-awtorità ta’ superviżjoni.

3.      Stati Membri jistgħu wkoll jagħmlu verifiki bħal dawn fil-qafas ta’ tħejjija jew ta’ miżura tal-Parlament nazzjonali jew ta’ miżura msejsa fuq miżura leġislattiva bħal dik, li tagħti tifsira tan-natura ta’ l-ipproċessar u tagħti l-protezzjoni xierqa.”

18.   L-Artikolu 21(2) jistipula li Stati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità ta’ superviżjoni żżomm reġistru ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar innotifikati skont l-Artikolu 18.

 Id-Direttiva 2006/24 (8)

19.   L-Artikolu 1(1) jiddikjara li l-“[…] għan ta’ din id-direttiva huwa li tarmonizza d-dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-obbligi imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fir-rigward taż-żamma ta’ ċerta data ġenerata jew proċessata minnhom, sabiex jiġi żgurat li d-data tkun disponibbli għal skopijiet ta’ investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati serji, kif definita minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu”.

20.   L-Artikolu 1(2) jistipula li d-Direttiva tapplika għal data dwar it‑traffiku u data dwar il-lok kemm dwar entitajiet ġuridiċi kif ukoll dwar persuni fiżiċi u għad-data relatata meħtieġa sabiex ikun identifikat l-abbonat jew l-utent reġistrat (9).

21.   L-Artikolu 3 jitlob lill-Istati Membri sabiex jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li ċerti kategoriji ta’ data (imsemmija fl-Artikolu 5) jinżammu skont id-dispożizzjonijiet tad-direttiva. Dawn jinkludu d-data meħtieġa sabiex jiġi traċċat u identifikat is-sors ta’ komunikazzjoni, fir‑rigward, b’mod partikolari, l-aċċess għall-Internet [Artikolu 5(1)(a)(2)]. Id-data miżmuma għandha tiġi pprovduta biss lill‑awtoritajiet kompetenti nazzjonali, f’każijiet speċifiċi u skont il-liġi nazzjonali, bla preġudizzju għal kontrolli xierqa (inkluż ir-rispett tal‑KEDB) (Artikolu 4).

22.   L-Artikolu 6 jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l‑kategoriji ta’ data speċifikati fl-Artikolu 5 tinżamm għal perjodi ta’ mhux inqas minn sitt xhur u għal mhux iżjed minn sentejn mid-data tal‑komunikazzjoni.”

 L-Inizjattiva Ewropea Favur it-Trasparenza

23.   Meta nediet l-Inizjattiva Ewropea Favur it-Trasparenza (iktar ’il quddiem l-“ETI”) fl-2005, il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza ta’ “livell għoli ta’ trasparenza” sabiex jiġi żgurat li l-Unjoni tkun “miftuħa għall-iskrutinju pubblika u responsabbli għal xogħolha” (10). Skont il-Kummissjoni, wieħed mill-oqsma prinċipali fejn hemm bżonn azzjoni huwa sabiex ikun hemm “skrutinju aħjar ta’ l-użu tal-fondi ta’ l-UE […]” (11).

 Ir-Regolament Finanazjarju (12)

24.   Ir-Regolament Finanzjarju jenfasizza b’mod espliċitu l‑importanza tat-trasparenza fil-ġestjoni tal-baġit ġenerali.

25.   Fit-tielet premessa, it-trasparenza hija indikata bħala prinċipju fundamentali. Il-premessa 12 tipprovdi: “[…] f’dak li jirrigwardja l‑prinċipju ta’ trasparenza, l-informazzjoni u l-implimentazzjoni tal‑budget u tal-kontijiet għandhom ikunu mtejba”.

26.   Bħala parti mill-inizjattiva sabiex tittejjeb it-trasparenza, l‑Artikolu 30(3) jistipula:

“Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli, b’mod xieraq, l‑informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ fondi li ġejjin mill-baġit miżmum minnha meta l-baġit ikun implimentat fuq bażi ċentralizzata u direttament mid-dipartimenti tagħha, u l-informazzjoni dwar il‑benefiċjarji ta’ fondi kif previst mill-entitajiet li lilhom ikunu delegati l-kompiti ta’ l-implimentazzjoni tal-baġit taħt modi oħrajn ta’ ġestjoni.

Din l-informazzjoni għandha ssir disponibbli b’osservanza debita tal‑ħtiġiet ta’ kunfidenzjalità, partikolarment il-protezzjoni tad-data personali kif stabbilit fid-[Direttiva 95/46/KE] (13) u fir-[Regolament (KE) Nru 45/2001] (14), u tal-ħtiġiet tas-sigurtà, b’kont meħud ta’ l‑ispeċifikatijiet ta’ kull mod ta’ ġestjoni kif imsemmi fl-Artikolu 53 u fejn applikabbli f’konformità mar-regoli rilevati speċifiċi għas-settur.”

27.   L-Artikolu 53b(2)(d) jistipula li Stati Membri għandhom “jiżguraw, permezz ta’ regolamenti rilevanti speċifiċi għas-settur u f’konformità ma’ l-Artikolu 30(3), il-pubblikazzjoni annwali ex post adegwata tal-benefiċjarji tal-fondi li ġejjin mill-baġit”.

 Il-finanzjament tal-PAK

 Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005 (15)

28.   Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005 jistabbilixxi l-prinċipji tal-amministazzjoni finanzjarja tal-PAK u joħloq żewġ fondi, il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (16).

29.   Il-premessa 36 tirrikonoxxi li “[…] peress li l-applikazzjoni tas-sistemi nazzjonali ta’ kontroll u tal-approvazzjoni tal-konformità tista’ tinvolvi l-komunikazzjoni ta’ data personali jew sigrieti kummerċjali, l-Istati Membru u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw il‑kunfidenzjalità tal-informazzjoni li jirċievu f’dan il-kuntest”. [traduzzjoni mhux uffiċċjali]

30.   L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005 jispjega l-għan li jiġu stabbiliti “[…] kundizzjonijiet u regoli speċifiċi li japplikaw għall-finanzjament ta’ nfiq b’konnessjoni mal-politika agrikola komuni, inkluż l-infiq fuq l-iżvilupp rurali”. [traduzzjoni mhux uffiċċjali]

31.   L-Artikolu 2 jistabbilixxi l-FAEG u l-FAEŻR u jistipula li ż‑żewġ fondi jaqgħu fil-baġit ġenerali tal-UE.

32.   L-Artikoli 6, 7 u 11 jistipulaw li l-ħlas lil benefiċjarji jsir minn aġenziji tal-ħlas, li huma dipartimenti jew korpi tal-Istati Membri. L‑aġenziji tal-ħlas għandhom jaċċertaw ruħhom li l-applikazzjonijiet għall-għajnuna huma skont il-kundizzjonijiet stipulati fid‑dispożizzjonijiet li jikkonferixxu din l-għajnuna.

33.   L-Artikolu 9 jimponi responsabbiltà fuq il-Kummissjoni u fuq l-Istati Membri sabiex iħarsu b’mod effettiv l-interessi finanzjarji Komunitarji (17).

34.   L-Artikolu 44 jistipula: “[l]-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw il‑kunfidenzjalità tal-informazzjoni li jirċievu fil-kuntest ta’ miżuri ta’ ispezzjoni u tal-ivverifikar ta’ kontijiet skont dan ir-regolament. Il‑prinċipji elenkati fl-Artikolu 8 tar-[Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96] (18) għandhom japplikaw għal dik l-informazzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċċjali]

35.   Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005 ġie emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 1437/2007 (19). L-iskop tal-emenda hu spjegat fil-premessi 12 sa 14 tal-preambolu għar-Regolament tal-Kunsill Nru 1437/2007, kif ġej:

“(12) Jeħtieġ li tiġi ċċarata l-bażi legali għall-adozzjoni ta’ regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tadotta regoli ddettaljati ta’ applikazzjoni fir-rigward tal‑pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal‑politika agrikola komuni, fir-rigward ta’ miżuri ta’ intervent fejn l-ebda somma fissa għal kull oġġett ma ġiet stabbilita fl‑organizzazzjoni tas-suq komuni u fir-rigward ta’ appropriazzjonijiet li ġew trasferiti biex jiffinanzjaw il-pagamenti diretti lill-bdiewa taħt il-politika agrikola komuni.

(13)      Fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir‑Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, id-dispożizzjonijiet dwar il‑pubblikazzjoni annwali ex-post tal-benefiċjarji tal-fondi li ġejjin mill-baġit tal-Komunitajiet Ewropej iddaħħlu f’dak ir‑Regolament sabiex jimplimentaw l-Inizjattiva Ewropea favur it-Trasparenza. Ir-Regolamenti speċifiċi għas-settur għandhom jipprovdu l-mezzi għal pubblikazzjoni bħal din. Kemm il-FAEG kif ukoll l-FEAŻR jiffurmaw parti mill-baġit ġenerali tal‑Komunitajiet Ewropej u min-nefqa finanzjarja fil-kuntest ta’ ġestjoni konġunta bejn l-Istati Membri u l-Komunità. Ir-regoli għalhekk għandhom jiġu stabbiliti għall-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ dawn il-Fondi. Għal dak il‑għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni ex-post annwali tal-benefiċjarji u l-ammonti rċevuti minn kull benefiċjarju taħt kull wieħed minn dawn il-Fondi.

(14)      Li din l-informazzjoni issir aċċessibbli għall-pubbliku ssaħħaħ it‑trasparenza fir-rigward ta’ l-użu tal-fondi Komunitarji fil-politika agrikola komuni u jtejjeb il-ġestjoni finanzjarja soda ta’ dawn il-fondi, b’mod partikolari bit-tisħiħ tal-kontroll pubbliku tal-flus li jintużaw. Minħabba l-importanza enormi ta’ l-objettivi segwiti, huwa ġġustifikat, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-ħtieġa tal-protezzjoni tad-data personali, li tkun prevista l-pubblikazzjoni ġenerali ta’ l-informazzjoni rilevanti billi din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju f’soċjetà demokratika u għall-prevenzjoni ta’ l-irregularitajiet. B’kont meħud ta’ l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall‑Protezzjoni tad-Data (20) [...] huwa xieraq li jsir provvediment għall-benefiċjarji tal-fondi biex dawn jiġu informati li dik id-data tista’ ssir pubblika u li din tista’ tiġi pproċessata minn korpi ta’ verifika u ta’ investigazzjoni.

[…]”

36.   Iż-żewġ emendi ta’ rilevanza fil-kuntest ta’ din il-kawża huma l‑Artikolu 42, punt 8b u l-Artikolu 44a.

37.   L-Artikolu 42 jawtorizza lill-Kummissjoni tadotta regoli għall‑implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005. Il‑punt 8b jipprovdi b’mod speċifiku li l-Kummissjoni għandha tadotta:

“[I]r-regoli dettaljati dwar il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji msemmija fl-Artikolu 44a u dwar l-aspetti prattiċi relatati mal-protezzjoni ta’ l-individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-data personali tagħhom skond il-prinċipji stabbiliti fil-leġislazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tad-data. Dawn ir-regoli għandhom jiżguraw, b’mod partikolari, li l-benefiċjarji tal-fondi jiġu informati li din id-data tista’ ssir pubblika u tista’ tiġi pproċessata minn korpi ta’ verifika jew ta’ investigazzjoni għall-fini tas-salvagwardja ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, inkluż il-ħin meta din l-informazzjoni għandha sseħħ.”

38.   L-Artikolu 44a jistipula:

“Skond l-Artikolu 53b(2)(d) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni ex post tal-benefiċjarji ta’ l-FAEG u l-FAEŻR u l-ammonti li jirċievi kull benefiċjarju taħt kull wieħed minn dawn il-Fondi. Il-pubblikazzjoni għandha għall-inqas tinkludi:

(a)      għall-FAEG, l-ammont suddiviż f’pagamenti diretti fis-sens ta’ l-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u infiq ieħor;

(b)      għall-FAEŻR, l-ammont totali tal-finanzjament pubbliku għal kull benefiċjarju.”

Ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 259/2008 (21)

39.   Il-preambolu jikkonferma li r-Regolament ġie adottat wara konsultazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (22).

40.   It-tieni premessa tispjega li l-għan tal-pubblikazzjoni huwa li tkabbar it-trasparenza fir-rigward tal-użu tal-Fondi u ttejjeb il-ġestjoni finanzjarja soda.

41,   It-tielet premessa tipprovdi li sabiex jintlaħaq dan il-għan, “[…] għandhom jiġu stabbiliti r-rekwiżiti minimi fir-rigward tal-kontenut tal‑pubblikazzjoni. Dawn ir-rekwiżiti ma għandhomx imorru lil hinn minn dak meħtieġ f’soċjetà demokratika sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti [...]”.

42.   Il-ħames premessa tirrikonoxxi li peress li “[…] l-għan tat‑trasparenza ma jirrekjedix li t-tagħrif jibqa’ disponibbli indefinittivament, għandu jiġi stipulat perjodu raġonevoli ta’ disponibbiltà għat-tagħrif ippubblikat […]”.

43.   Is-sitt premessa tispjega: “[l]i l-informazzjoni ssir disponibbli għall-pubbliku jtejjeb it-trasparenza fir-rigward ta’ l-użu tal-fondi Komunitarji fil-qasam tal-politika agrikola komuni kif ukoll il-ġestjoni finanzjarja tajba ta’ dawn il-fondi, b’mod partikolari billi jiġi rinfurzat il-kontroll pubbliku tal-flejjes li ntużaw. Minħabba l-impenn iebes ta’ l-għanijiet imfittxija, fir-rigward tal-prinċipju tal-proporzjonalità u tar‑rekwiżit dwar il-protezzjoni tad-data [dejta] personali jkun iġġustifikat il-forniment ta’ pubblikazzjoni ġenerali ta’ l-informazzjoni rilevanti għaliex dan ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ f’soċjetà demokratika u għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet […]”.

44.   L-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 259/2008 jistipula li l-informazzjoni ppubblikata dwar il-benefiċjarji tal-fondi għandha tinkludi t-tagħrif li ġej:

“(a)      l-ewwel isem u l-kunjom meta l-benefiċjarji huma persuni fiżiċi;

(b)      l-isem legali sħiħ kif ġie rreġistat meta l-benefiċjarji jkunu persuni ġuridiċi;

(c)      l-isem sħiħ ta’ l-assoċjazzjoni kif jiġi rreġistrat jew inkella rikonoxxut uffiċjalment meta l-benefiċjarji jkunu assoċjazzjonijiet ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma stess ma għandhomx personalità ġuridika;

(d)      il-muniċipalità fejn joqgħod il-benefiċjarju jew fejn huwa rreġistrat u, meta jkun disponibbli, il-kodiċi postali jew il-parti fih li tidentifika l-muniċipalità;

(e)      għall-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ l-FAEG, l-ammont ta’ ħlasijiet diretti fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li kull benefiċjarju jkun irċieva fis-sena finanzjarja kkonċernata;

(f)      għall-FAEG, l-ammont ta’ pagamenti għajr dawk imsemmija fil‑punt (e) li kull benefiċjarju jkun irċieva fis-sena finanzjarja kkonċernata;

(g)      għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ l-FAEŻR, l-ammont totali ta’ finanzjament pubbliku li kull benefiċjarju jkun irċieva fis-sena finanzjarja kkonċernata, li jkun jinkludi kemm il-kontribut tal-Komunità kif ukoll dak nazzjonali;

(h)      it-total ta’ l-ammonti msemmija fil-punti (e), (f) u (g) li kull benefiċjarju jkun irċieva fis-sena finanzjarja kkonċernata;

(i)      il-munita ta’ dawn l-ammonti.”

45.   L-Artikolu 1(2) jawtorizza lill-Istati Membri jippubblikaw informazzjoni iktar iddettaljata minn kif stipulat fl-Artikolu 1(1).

46.   L-Artikolu 2 jistipula li “[i]t-tagħrif imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun disponibbli fuq sit elettroniku uniku f’kull Stat Membru permezz ta’ għodda ta' tiftix li tippermetti lill-utenti jfittxu għal benefiċjarji skond l-isem, il-muniċipalità, l-ammonti li jkunu waslu f’(e), (f), (g) u (h) ta’ l-Artikolu 1 jew skond kombinazzjoni tagħhom u joħorġu t-tagħrif korrispondenti fis-sura ta’ sett uniku ta’ dejta”.

47.   L-Artikolu 3 jistipula li l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji għandha tiġi ppubblikata sat-30 ta’ April għas-sena finanzjarja ta’ qabel u għandha tinżamm disponibbli fis-sit elettroniku għal sentejn wara d-data tal-pubblikazzjoni inizjali tagħha.

48.   L-Artikolu 4 jistipula:

“1.      L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-benefiċjarji li skond ir‑Regolament (KE) Nru 1290/2005 u dan ir-Regolament id-dejta tagħhom se ssir pubblika u li jistgħu jiġu pproċessati mill‑entitajiet ta’ verifika u ta’ investigazzjoni tal-Komunitajiet u ta’ l‑Istati Membri bil-għan li jiġu ssalvagwardjati l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet.

2.      F’każ ta’ dejta personali, it-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jingħata skond ir-rekwiiżiti tad-Direttiva 95/46/KE u l-benefiċjarji għandhom jiġu mgħarrfa dwar it-drittijiet tagħhom bħala suġġetti għad-dejta taħt din id-Direttiva u dwar il-proċedura applikabbli għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet.

3.      It-tagħrif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandu jingħata lill‑benefiċjarji billi jiddaħħal fil-formoli ta’ l-applikazzjoni għall‑ksib tal-fondi mill-FAEG u mill-FAEŻR, jew inkella fil-ħin meta tinġabar id-dejta.

[...]”

49.   L-Artikolu 5 jistipula li l-Kummissjoni għandha toħloq u żżomm sit elettroniku Komunitarju fl-indirizz tal-Internet ċentrali tagħha li jinkludi l-konnessjonijiet mas-siti elettroniċi tal-Istati Membri.

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula

50.   Ir-rikorrenti f’dawn iż-żewġ kawżi huma kumpannija (Volker und Markus Schecke GbR: Kawża C-92/09) u individwu (Hartmut Eifert: Kawża C-93/09), li joperaw impriża agrikola kull wieħed. Ir-rikorrenti jikkontestaw il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwarhom, bħala benefiċjarji ta’ sussidji agrikoli, skont ir‑Regolament tal-Kummissjoni Nru 259/2008. Fil-31 ta’ Diċembru 2008, Volker und Markus Schecke GbR ingħatat ħlas ta’ EUR 64 623.65. Fil-5 ta’ Diċembru 2008, H. Eifert ingħata ħlas ta’ EUR 6 110.11 bħala sostenn lill‑agrikoltura f’żona żvantaġġata.

51.   Il-formoli tal-applikazzjoni għall-għajnuna finanzjarja kien fihom l-avviż li ġej: “Naf li l-Artikolu 44a tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 jitlob il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il‑benefiċjarji tal-FAEG u tal-FAEŻR kif ukoll ta’ ammonti rċevuti minn kull benefiċjarju. Il-pubblikazzjoni tirreferi għall-miżuri kollha li għalihom saret l-Applikazzjoni Komuni, li hi l-applikazzjoni waħdiena għall-finijiet tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004 (23), u li ssir kull sena sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara.”

52.   L-ismijiet tal-benefiċjarji, il-lokalità tagħhom, il-kodiċijiet postali u l-ammonti mogħtija huma disponibbli fuq is-sit elettroniku tal‑Bundesanstalt für Landwirtschaft und Ernährung (“BfLE”) (Aġenzija Federali għall-Agrikoltura u n-Nutrizzjoni), li hija l-parti interessata fil-proċeduri nazzjonali (24). Is-sit elettroniku fih għodda ta’ tiftix li biha l-utenti jistgħu jiksbu l-lista rilevanti tal-benefiċjarji ta’ fondi mill-FAEG u mill-FAEŻR billi sempliċement jindikaw dettalji f’qasam wieħed (pereżempju, il-kodiċi postali). Fl-avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinsab fis-sit elettroniku, hemm din id-dikjarazzjoni: “Kull darba li jsir aċċess għas-server, tinżamm data għal skopijiet statistiċi u ta’ sigurtà. Għal żmien limitat, tinżamm informazzjoni dwar l-indirizz tal-IP tal-fornitur ta’ aċċess għall-Internet, id-data u l-ħin u l-paġni li għalihom sar aċċess. Din l-informazzjoni tintuża biss għal skopijiet ta’ titjib tas-sit elettroniku u ma ssirx disponibbli lil terzi jew evalwata b’mod li twassal għall-identità tal-utenti”.

53.   Volker und Markus Schecke GbR u H. Eifert bdew proċeduri kontra l-Land Hessen fis-26 ta’ Settembru u fit-18 ta’ Diċembru 2008, rispettivament. It-tnejn ressqu talba biex tiġi pprojbita l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni personali dwarhom bħala benefiċjarji tal-għotjiet mill-fondi.

54.   Skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 44a tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005 jmur kontra d-dritt tal-UE rigward il-protezzjoni tad‑data. L-informazzjoni ppubblikata fuq is-sit elettroniku hi data personali u ma jeżistux interessi ġenerali superjuri li jiġġustifikaw dan l‑indħil fid-drittijiet tagħhom.

55.   Il-Land Hessen isostni li l-Artikolu 44a tar-Regolament tal‑Kunsill Nru 1290/2005 moqri flimkien mar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 259/2008 jobbliga lill-Istati Membri biex jippubblikaw dik l-informazzjoni fuq l-Internet. Fil-fehma tiegħu, ma hemmx dubju li dawn id-dispożizzjonijiet huma validi. Jeżisti interess pubbliku superjuri fil-pubblikazzjoni, li tiffaċilita t-trasparenza dwar l-infiq fis‑settur tal-agrikoltura u l-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet. Barra minn hekk ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ f’soċjetà demokratika. Barra dan, mill-formoli tal-applikazzjoni għall‑għajnuna finanzjarja, ir-rikorrenti kienu informati li l-awtoritajiet kienu obbligati jippubblikaw id-data personali tagħhom u għalhekk il-preżentazzjoni tal-formoli tal-applikazzjoni tagħhom tikkostitwixxi l-kunsens tagħhom għal dan l-iżvelar għall-finijiet tal-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 95/46. Il-Land ta’ Hessen isostni li fi kwalunkwe każ l-applikanti setgħu jaghżlu li jevitaw il-pubblikazzjoni billi jiċħdu l-għajnuna.

56.   Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li r-riżultat tal-kawża jiddependi mill-validità tal-Artikoli 42, punt 8b, u 44a tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005 u tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 259/2008. Jekk dawn l-atti huma invalidi, l-ipproċessar ta’ informazzjoni mill-BfLE ikun illegali u t-talba mressqa mir-rikorrenti biex tipprojbixxi l-pubblikazzjoni għandha għalhekk tintlaqa’.

57.   Il-qorti tar-rinviju identifikat ukoll sensiela ta’ domandi iktar tekniċi dwar jekk ir-rekwiżit li tiġi ppubblikata l-informazzjoni personali tal-benefiċjarji li jirċievu l-għajnuna skont l-FAEG u l-FAEŻR huwiex kompatibbli ma’ ċerti aspetti tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari, id-Direttivi 95/46 u 2006/24.

58.   Għaldaqstant, il-qorti nazzjonali ssospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      Il-punt 8b tal-Artikolu 42 u l-Artikolu 44a tar-[Regolament tal‑Kunsill Nru 1290/2005], introdotti permezz tar-[Regolament tal-Kunsill Nru 1437/2007], huma invalidi?

2.      Ir-[Regolament tal-Kummissjoni Nru 259/2008]

(a)      huwa invalidu,

(b)      jew validu biss minħabba l-invalidità tad-[Direttiva 2006/24]?

Fil-każ li d-dispożizzjonijiet iċċitati fl-ewwel u t-tieni domandi huma validi:

3.      it-tieni inċiż tal-Artikolu 18(2) tad-Direttiva [95/46] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-pubblikazzjoni taħt [ir-Regolament tal‑Kummissjoni Nru 259/2008] tista’ sseħħ biss jekk tkun preċeduta mill-proċedura prevista minn dan l-artikolu minflok in‑-notifika lill-awtorità ta’ superviżjoni?

4.      L-Artikolu 20 tad-Direttiva [95/46] għandu jiġi interpretat fis‑sens illi l-pubblikazzjoni taħt [ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 259/2008] tista’ sseħħ biss jekk titwettaq il-verifika minn qabel li d-dritt nazzjonali jistabbilixxi għal dan il-każ?

5.      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għar-raba’ domanda: l-Artikolu 20 tad-Direttiva [95/46] għandu jiġi interpretat fis-sens illi verifika minn qabel ma hijiex valida meta ssir fuq il-bażi ta’ reġistru, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 18(2) ta’ din l-istess direttiva, li ma jinkludix l-informazzjoni mandatorja kollha?

6.      L-Artikolu 7 – b’mod partikolari, is-subparagrafu (e), f’dan il-każ – tad-[Direttiva 95/46] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi prattika ta’ reġistrazzjoni tal-indirizzi tal-IP tal‑utenti ta’ sit Internet, mingħajr il-kunsens espress tagħhom?”

59.   Noti ta’ osservazzjonijiet ġew sottomessi f’isem Volker und Markus Schecke GbR, il-Land Hessen, il-Gvernijiet tal-Greċja, tal‑Pajjiżi l-Baxxi u tal-Isvezja, il-Kunsill u l-Kummissjoni, li lkoll (ħlief il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi) ippreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta tat-2 ta’ Frar 2010.

 Evalwazzjoni

60.   Is-sitt domandi preliminari magħmula mill-qorti nazzjonali jistgħu jinqasmu kif ġej.

61.   Id-domandi preliminari 1 u 2a jiffurmaw l-aspett ewlieni tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Permezz tagħhom, il-qorti tar-rinviju titlob deċiżjoni dwar il-validità tad-dritt Komunitarju li jimponi pubblikazzjoni obbligatorja fuq l-Internet ta’ ċerta informazzjoni dwar benefiċjarji tal-FAEG u tal-FAEŻR. L-ewwel ser nindirizza dawn id‑domandi, wara li nkun għamilt diversi osservazzjonijiet preliminari.

62.   Il-qorti tar-rinviju, wara, tagħmel tliet domandi ddettaljati rigward xi dispożizzjonijiet fid-Direttiva 95/46 li jirregolaw in-notifika tal-ipproċessar ta’ data (domandi preliminari 3, 4 u 5). Jekk il-Qorti tal‑Ġustizzja taqbel mar-risposti li qed nipproponi għad-domandi preliminari 1 u 2a, ma jkunx hemm ħtieġa ta’ risposta għad-domandi l‑oħra. Fl-eventwalità li l-Qorti ma taqbilx miegħi, ser nikkunsidrahom fil-qosor.

63.   Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi żewġ domandi li jirrigwardaw “utenti” li jagħmlu aċċess għal data permezz tal-Internet u l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/24 (domandi preliminari 2b u 6). Għal raġunijiet li ser nagħti iktar ’il quddiem, nikkunsidra li dawn id‑domandi preliminari huma inammissibbli.

 Domandi preliminari 1 u 2a

 Osservazzjonijiet preliminari

–       Introduzzjoni

64.   Mhux ser naħli żmien u spazju fuq espożizzjoni twila dwar l‑importanza tad-drittijiet fundamentali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea. Id-drittijiet fundamentali ilhom element essenzjali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għal ħafna snin (25). Il-KEDB hija sors importanti ta’ dawn id-drittijiet; u l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti attenzjoni partikolari lill‑ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (li, fil‑qosor, ser nirreferi għaliha bħala “il-Qorti ta’ Strasbourg”) (26). Nikkunsidra li huwa inkonċepibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-validità ta’ leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE meta din tmur kontra d‑drittijiet fundamentali b’mod ġenerali, jew kontra l-KEDB inkella l-Karta b’mod partikolari (27).

65.   Ser nibda b’ħarsa ġenerali lejn il-kunflitti bejn objettivi diversi li, f’din il-kawża, iridu jiġu bbilanċjati: minn naħa, id-dritt ta’ aċċess għall‑informazzjoni fl-interessi tat-trasparenza; u min-naħa l-oħra, id‑drittijiet għall-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali. Sussegwentement, ser neżamina oġġezzjoni partikolari li tressqet kontra r-rikorrenti meta invokaw id-drittijiet li altrimenti setgħu jgawdu (għall-ħajja privata u/jew għall-protezzjoni tad-data personali) – jiġifieri, li bil‑firma tagħhom fuq l-applikazzjonijiet għall-fondi tal-PAK, huma taw il-kunsens tagħhom għall-pubblikazzjoni.

–       It-trasparenza u l-għoti ta’ informazzjoni

66.   It-trasparenza hija stabbilita b’mod sod bħala prinċipju importanti tad-dritt tal-UE. L-Artikolu 1 UE jirreferi għal deċiżjonijiet li jittieħdu “[...] kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin [bil-miftuħ] [...]” (28). Il‑Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-għan tal-prinċipju ta’ trasparenza hu li ċ-ċittadin jingħata l-ikbar aċċess possibbli għal informazzjoni sabiex b’hekk tissaħħaħ in-natura demokratika tal-istituzzjonijiet u tal-amministrazzjoni (29). Waħda mill-miżuri indikati fl-ETI hi li l-pubbliku jingħata informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-fondi tal-UE taħt ġestjoni konġunta (30). Dan jindika li, fuq livell politiku, il-prinċipju ta’ trasparenza hu rikonoxxut bħala element essenzjali ta’ amministrazzjoni pubblika demokratika.

67.   Ma huwiex daqshekk ċar jekk il-prinċipju ta’ trasparenza huwiex prinċipju ġenerali tad-dritt tal-UE (31) jew, saħansitra, jekk huwiex dritt fundamentali. Il-prinċipju ta’ trasparenza u n-natura tiegħu fil-kuntest tad-dritt tal-UE ġie eżaminat f’diversi kawżi li jirrigwardaw l-aċċess għal dokumenti (32). Fil-konklużjonijiet tiegħu f’Hautala (33), l-Avukat Ġenerali Léger iddeskriva bħala dritt fundamentali t-trasparenza fil‑proċess deċiżjonali fil-kuntest li l-pubbliku jingħata l-ikbar aċċess possibbli għal dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ttrattatx dan l‑aspett b’mod espliċitu. F’Interporc (34), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l‑argument tar-rikorrenti li t-trasparenza hi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-UE u li għalhekk għandha tingħata prijorità fuq id‑Deċiżjoni 94/90/KEFA, KE, Euratom (35), l-att legali li bih il-Kummissjoni rrifjutat aċċess għal dokumenti (36). Ser inħalli, din il-kwistjoni miftuħa deliberatament għax deċiżjoni dwarha ma hijiex neċessarja f’din il-kawża. Dan għar-raġuni li ma hemmx ħtieġa li l‑objettiv ikun ikklassifikat bħala dritt fundamentali biex jaqa’ fl‑eċċezzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8(2) KEDB.

68.   Jidher li l-qorti nazzjonali għandha xi dubji dwar jekk it‑trasparenza fiha nnifisha tistax tikkwalifika bħala objettiv, fis-sens li tikkunsidraha biss bħala deskrizzjoni tal-miżuri kkontestati. Fl-opinjoni tiegħi, ma hemmx lok għal dawn id-dubji. Għalkemm hu veru li t-trasparenza ma hijiex “dritt” fis-sens li ma tissemmiex b’mod espliċitu fit-test klassiku tal-KEBD, il-prinċipju ta’ trasparenza ġie kkonfermat (b’mod ċar ħafna) bħala objettiv mixtieq u neċessarju f’soċjetà demokratika. Il-Karta – dokument ħafna iżjed reċenti dwar id-drittijiet fundamentali – tagħmel riferiment espliċitu għal dan il-prinċipju (37). Għalhekk, il-punt tat-tluq tiegħi hu li kull miżura meħuda fl-interess tat-trasparenza hija demokratikament mixtieqa.

69.   Min-natura tagħha stess, it-trasparenza hi kunċett miftuħ. It-trasparenza għandha l-iskop li tmexxi ’l quddiem l-aġir bil-miftuħ f’soċjetà demokratika. It-trasparenza tista’ tgħin biex tipproteġi liċ-ċittadin kontra l-abbuż tal-poter arbitrarju. B’mod iktar ġenerali, aċċess wiesa’ għal informazzjoni fl-interess ta’ soċjetà informata u ta’ dibattitu demokratiku, jgħin liċ-ċittadini jeżerċitaw kontroll effettiv fuq l-użu mill-awtoritajiet pubbliċi tal-poter li l-istess ċittadini tawhom. B’hekk, it-trasparenza tikkonċerna l-kontroll pubbliku fuq istituzzjonijiet pubbliċi. Sa fejn trasparenza akbar timplika aġir iktar bil-miftuħ u iktar responsabbiltà demokratika, aħjar ikun hemm iktar trasparenza milli inqas.

70.   Madankollu, xi drabi (bħal f’din il-kawża) hemm bżonn li l‑objettiv ta’ trasparenza jiġi kkunsidrat fid-dawl ta’ objettiv rivali ieħor. Fejn dan huwa l-każ, trasparenza mingħajr limiti ma timplikax neċessarjament ġid assolut. L-espressjoni “iktar hu aħjar” mhux dejjem tapplika. Għaldaqstant, “trasparenza massima fl-interess ġenerali” ma tistax issir formula inflessibbli li tiġġustifika l-preċedenza fuq drittijiet individwali. Sabiex jiġi ddeterminat f’dan il-każ jekk intlaħaqx bilanċ ġust bejn it-trasparenza, minn naħa, u l-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-data personali min-naħa l-oħra, hemm bżonn li wieħed jeżamina x’inhu l-iskop tat-trasparenza fil-kuntest tal-PAK.

–       Id-drittijiet għall-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali

71.   Din il-kawża tirrigwarda żewġ drittijiet distinti: dritt tradizzjonali (protezzjoni tal-ħajja privata li tirriżulta mill-Artikolu 8 KEDB) u dritt iktar reċenti (id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Nru 108 dwar il-protezzjoni tad-data). Il-Karta telenka drittijiet simili fl-Artikoli 7 u 8 rispettivament. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li teżisti rabta qawwija bejn id-drittijiet fundamentali għall-ħajja privata u għall‑protezzjoni tad-data (38).

72.   Il-Qorti ta’ Strasbourg diġà ddeċidiet li persuna ġuridika (kif ukoll persuna fiżika) tista’ tinvoka l-Artikolu 8 KEDB (39) u li l-istess artikolu jkopri wkoll attivitajiet professjonali u kummerċjali (40). Għaldaqstant, prima facie, id-drittijiet ta’ protezzjoni tal-ħajja privata u tad-data għandhom japplikaw fil-konfront taż-żewġ rikorrenti fil‑proċeduri nazzjonali (meta jitqies il-kontenut ta’ dawn id-drittijiet, ikun assurd li wieħed jargumenta li persuna ġuridika tista’ tinvoka l‑Artikolu 8 KEDB iżda mhux il-Konvenzjoni Nru 108). Bl-istess mod, il-Qorti ta’ Strasbourg iddeterminat li l-ħajja privata tinkludi l-identità personali, bħall-isem ta’ persuna (41), u li l-protezzjoni tad-data personali hi ta’ importanza fundamentali sabiex individwu jkun jista’ jeżerċita d‑dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu (42).

73.   Id-dritt għall-ħajja privata, bħal diversi drittijiet tradizzjonali oħra li jirriżultaw mill-KEDB, ma huwiex dritt assolut. L‑Artikolu 8(2) KEDB jirrikonoxxi espliċitament li hemm eċċezzjonijiet għal dan id-dritt, u l-istess jingħad għall-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Nru 108 rigward il-protezzjoni tad-data personali. L‑Artikolu 52 tal-Karta wkoll jistipula (b’mod ġenerali) kriterji simili li jawtorizzaw eċċezzjonijiet għad-drittijiet li jirriżultaw mill-Karta (jew derogi minnhom).

–       L-għotja tal-“kunsens” għall-pubblikazzjoni telimina l‑possibbiltà li wara jiġu invokati d-drittijiet pretiżi?

74.   Id-deċiżjoni tar-rinviju u n-noti tal-osservazzjonijiet ippreżentati mil-Land Hessen jistaqsu jekk in-notifika lir-rikorrenti, fuq il-formola tal-applikazzjoni għall-għajnuna skont il-PAK, li d-data dwarhom ser tiġi pproċessata, tipprekludihomx milli jopponu l-pubblikazzjoni wara li huma ffirmaw il-formoli. Din tqajjem żewġ domandi: (a) ir-rikorrenti taw il-kunsens tagħhom “b’mod ċar” skont l-Artikolu 7(a) tad‑Direttiva 95/46 [fis-sens ta’ indikazzjoni “speċifika u infurmata [...] [u] [...] mogħtija liberament” skont id-definizzjoni fl-Artikolu 2(h) tad‑Direttiva], bil-konsegwenza li dan il-kunsens jirrendi validu l-ipproċessar tad-data dwarhom; (b) jeżisti xi impediment, li jirriżulta minn xi prinċipju tad-dritt amministrattiv tal-UE, li jżomm lir-rikorrenti milli jinvokaw id-drittijiet li altrimenti setgħu jgawdu?

75.   Fir-rigward tal-ewwel domanda, b’risposta għal mistoqsija speċifika tal-Qorti matul is-seduta, l-aġent tal-Kummissjoni kkonferma b’mod espliċitu li l-Kummissjoni mhux qed tinvoka l-kunsens skont l-Artikolu 7(a) tad-Direttiva, iżda qed tibbaża ruħha biss fuq id‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(ċ) (illi l-ipproċessar kien “meħtieġ għall-finijiet tat-twettiq ta’ l-obbligazzjonijiet [...] tal-kontrollur”). Il‑Kunsill ma ressaqx raġunamenti differenti.

76.   L-invokazzjoni tal-Artikolu 7(ċ) tad-Direttiva 95/46 timplika li l-Kummissjoni tikkunsidra validi ż-żewġ miżuri li jippermettu l-ipproċessar tad-data dwar il-benefiċjarji ta’ fondi tal-FAEG jew tal-FAEŻR (l-Artikolu 44a tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005 u, b’mod partikolari, ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 259/2008). Issa, jekk waħda jew iż-żewġ dispożizzjonijiet jirriżultaw invalidi, din il‑ġustifikazzjoni għall-ipproċessar tad-data taqa’. Il-kontrollur ma jibqagħlux l-obbligu legali li jipproċessa d-data. F’kuntest bħal dan ta’ din il-kawża, fejn hi preċiżament il-validità tad-dispożizzjonijiet li jimponu dan l-obbligu legali li qed tiġi eżaminata, dan l-argument isir ċirkulari. Ma hemmx bżonn li niddiskuti iżjed dan il-punt. Minflok, nerġgħu lura għall-aspett tal-kunsens.

77.   Bil-firma tagħhom fuq il-formola tal-applikazzjoni, ir-rikorrenti taw il-kunsens tagħhom b’mod ċar? L-avukati tagħhom sostnew li minħabba l-formulazzjoni preċiża użata fil-formola tal-PAK (43) il-firma tindika biss għarfien dwar l-eventwali pubblikazzjoni, iżda mhux kunsens għal din il-pubblikazzjoni. Ħarsa iktar mill-qrib turi li dan hu argument ta’ sustanza u mhux biss ta’ natura teknika.

78.   Fil-fatt, il-formola tal-applikazzjoni ssemmi “pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-FAEG u tal-FAEŻR u l-ammonti riċevuti minn kull benefiċjarju” u tirreferi għall-Artikolu 44a tar‑Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005 (kif ukoll għall-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 796/2005). Meta tinqara waħedha, jiġifieri mingħajr ma jinqraw ukoll ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005 u r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 259/2008, il‑formola tal-applikazzjoni ma tagħmilhiex ċara b’mod univoku li l‑applikant qed jagħti l-kunsens tiegħu għall-pubblikazzjoni ta’ ismu, tal-muniċipalità ta’ residenza (u, meta jkun disponibbli, tal-kodiċi postali) tiegħu u tal-ammonti li ngħatawlu mill-FAEG u/jew mill‑FAEŻR. Applikant isir jaf biss is-sinjifikat veru tal-kunsens tiegħu jekk, għal xi raġuni, ikun jaf il-kontenut tal-Artikolu 1(1) tar‑Regolament tal-Kummissjoni Nru 259/2008. Hemmhekk biss hu stipulat fid-dettall x’tinvolvi l-pubblikazzjoni. Madankollu r-Regolament tal‑Kummissjoni Nru 259/2008 ma huwiex imsemmi fl-avviż fil-formola; u l‑eżistenza tiegħu lanqas ma tirriżulta miż-żewġ regolamenti li għalihom il‑formola tal-applikazzjoni tagħmel riferiment.

79.   L-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46 jelenka, b’mod eżawrjenti, il‑ kundizzjonijiet rigorużi li bihom l-ipproċessar tad-data jista’ jsir b’mod validu. L-Artikolu 7(a) jistipula li s-suġġett tad-data jrid jagħti l-kunsens tiegħu “b’mod ċar”. Il-fatt li applikant jirrikonoxxi li saritlu notifika minn qabel li ser ikun hemm xi forma ta’ pubblikazzjoni ma jfissirx li l-applikant ta kunsens “ċar” għal xi forma partikolari ta’ pubblikazzjoni ddettaljata. Lanqas tista’ validament tiġi deskritta bħala “indikazzjoni speċifika ... [u] ... mogħtija liberament” mill-applikant, skont id-definizzjoni fl-Artikolu 2(ħ), tal-kunsens tas-suġġett tad-data. Għaldaqstant, nikkunsidra li r-rikorrenti ma tawx il-kunsens tagħhom għall-ipproċessar (f’dan il-każ, għall-pubblikazzjoni) tad-data dwarhom fis-sens tal-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 95/46.

80.   Madankollu, dan hu argument formali li għat-tul ftit għandu valur. Anki jekk jintlaqa’ f’din il-kawża, l-effett tiegħu jista’ jiġi annullat fil-futur permezz tas-sempliċi tibdil fil-kliem użat fil-formola u billi jindika r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 259/2008, biex b’hekk jitneħħa kull dubju li s-suġġett tad-data ta l-kunsens tiegħu. Għaldaqstant, trid tingħata risposta għat-tieni domanda.

81.   L-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46 joħloq il-kuntest li fih l-ipproċessar tad-data personali fl-Istati Membri jista’ jsir b’mod validu (44). Dan jikkorrispondi mal-Artikolu 8(2) tal-Karta, li jaħseb biex id-data għandha tiġi pproċessata b’mod ġust u “abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata” (jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi). L‑Artikolu 7(a) tad-Direttiva 95/46 iżid ir-rekwiżit li l-kunsens irid jingħata “b’mod ċar”. F’dan il-qafas, jidher li, fl-ewwel lok, hemm bżonn eżami tan-natura tal-kunsens allegat; u, fit-tieni lok, l-applikant għandu jkollu d-dritt li jsostni li għalkemm ta l-kunsens tiegħu, ma kellux jiġi obbligat iċedi d-dritt inkwistjoni, jew, li l‑kunsens ma ngħatax liberament.

82.   L-ewwel alternattiva ma titlob ebda analiżi. Rigward it-tieni alternattiva, lesta li naċċetta li tbatija ekonomika konsistenti tista’ tikkaratterizza l-kunsens bħala mhux volontarju [u għalhekk mhux “mogħti liberament” fis-sens tal-Artikolu 2(ħ) tad-Direttiva 95/46].

83.   Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, bħala kwistjoni ta’ fatt, jekk ġenwinament hemmx tbatija. Ta’ min jinnota li fis‑seduta, l-avukati indikaw – mingħajr kontestazzjoni mill‑instituzzjonijiet – li l-fondi mill-PAK jistgħu jammontaw għal bejn 30 % u 70 % tad-dħul tal-bidwi.

84.   Il-qorti nazzjonali offriet kontroeżempju, fejn persuna titlob self mingħand bank: f’dan il-każ, tista’ din il-persuna tagħżel jekk taċċettax l-offerta tas-self bil-kundizzjonijiet imposti? Indipendentament minn kemm, fir-realtà, l-applikant jista’ jagħmel għażla kummerċjali fis-suq miftuħ, f’din il-kawża jeżisti “bankier” wieħed biss li jipprovdi fondi ta’ għajnuna lill-bdiewa li skont l-Unjoni Ewropea huma xierqa u ġġustifikati. Sar suġġeriment li, fil-fatt, ma teżistix alternattiva realistika għall‑PAK għal ħafna bdiewa li japplikaw għal finanzjament mill-PAK. Huma dawn il-fondi li jwassluhom joperaw impriżi agrikoli żgħar u medji li jiġġeneraw dħul adegwat għalihom u għall-familji tagħhom. Din ukoll hi kwistjoni ta’ fatt li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-qorti nazzjonali.

85.   Madankollu, bħala prinċipju, naħseb li individwu li japplika għal fondi minn awtorità pubblika bħall-Unjoni Ewropea (sew waħedha kif ukoll flimkien mal-Istati Membri) ma għandux ikun obbligat, bħala kundizzjoni waħedha sabiex jikseb dik l-għajnuna, li jirrinunzja għal xi dritt fundamentali li altrimenti jista’ jgawdi minnu.

86.   F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li l-firem tar-rikorrenti fuq il-formoli tal-applikazzjoni għall-fondi mill-PAK ma jipprekluduhomx milli jinvokaw id-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data (skont id-Direttiva 95/46 jew il-Konvenzjoni Nru 108). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tipproċedi għall-eżami tal-kwistjonijiet li jikkostitwixxu l-punti ċentrali ta’ din il-kawża.

 Analiżi

87.   Jidher ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina d-domandi 1 u 2a f’diversi fażijiet analitiċi (li minnhom, xi ftit jistgħu jiġu indirizzati fil-qosor) (45). Peress li l-kawża quddiem il-qorti nazzjonali hija bbażata fuq l-allegata vjolazzjoni preżunta tad-drittijiet tar-rikorrenti għall-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, huma dawk id-drittijiet (iktar milli d-dritt ta’ trasparenza) li għandom jiġu eżaminati fil-bidu. Hemm indħil fid-drittijiet għall-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data? Jekk iva, l-indħil sar skont il-liġi? Fil-prinċipju, dan l-indħil hu “meħtieġ f’soċjetà demokratika” għax hu bbażat fuq bżonn soċjali imperattiv? Barra minn dan, l-indħil hu proporzjonat? Ir-risposta għall-aħħar domanda titlob spjegazzjoni ċara u preċiża tal-għan tal-miżuri kkontestati, b’analiżi ta’ jekk il-miżuri speċifiċi magħżula (bil-grad partikolari tal-indħil fid-drittijiet li dawn il-miżuri jinvolvu) humiex adatti sabiex jintlaħaq dan il‑għan u l-verifika li dawn ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-għan jintlaħaq.

–       Hemm indħil fi dritt protett bil-liġi?

88.      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jammettu li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tikkawża indħil fid-dritt tar-rikorrenti għall-ħajja privata, għalkemm isostnu li dan l-indħil hu inqas serju minn dak eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’ÖRF (46). Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni hi kompatibbli mad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data privata. Il-Kunsill ma jittrattax din il-kwistjoni.

89.   Fil-fehma tiegħi, il-miżuri kkontestati jikkawżaw indħil ċar kemm fil-ħajja privata kif ukoll fil-protezzjoni tad-data personali.

90.   F’ÖRF, ċerti awtoritajiet pubbliċi li jaqgħu taħt il-kontroll tar-Rechnungshof (il-Qorti tal-Awdituri Awstrijaka) kellhom obbligu li jinformawha dwar salarji u pensjonijiet li jaqbżu ċertu livell, imħallsa lill-impjegati u l-pensjonanti tagħhom, flimkien mal-ismijiet tal-benefiċjarji. Din l-informazzjoni ntużat fil-pubblikazzjoni ta’ rapport annwali li jintbagħat lin-Nationalrat, lill-Bundesrat u lil-Landtage (il-kmamar ta’ isfel u ta’ fuq tal-Parlament Federali u tal-assemblea provinċjali) u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 95/46 kienet applikabbli; aċċettat li komunikazzjoni ta’ data rigward ħlas minn min iħaddem lil terz tikkostitwixxi ndħil fid-dritt għall-ħajja privata stabbilit fl-Artikolu 8 KEDB u wara kkunsidrat jekk dan l-indħil kienx iġġustifikat.

91.   F’Satakunnan Markkinapörssi (47), d-data inkwistjoni kienet tinkludi l-kunjom u l-isem ta’ xi individwi li kellhom dħul li jaqbeż ċertu ammont, kif ukoll, l-ammont, lejn l-eqreb EUR 100, tad-dħul tagħhom mix-xogħol u mill-kapital, u informazzjoni dwar it-tassazzjoni tal-partimonju tagħhom. Id-data, li l-gazzetta rnexxielha tikseb mingħand l-awtoritajiet tat-taxxa Finlandiżi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni, kienet tikkonsisti f’lista f’ordni alfabetika u kklassifikata skont il-muniċipalità u l-kategorija tad-dħul. Madankollu, kull individwu kellu d-dritt li jitlob it-tneħħija tad-data tiegħu mil-lista. Id-data kienu, bla dubju, “data personali” li ġew “ipproċessati” skont id-Direttiva 95/46. Il-Qorti sabet li dawn l-attivitajiet ta’ pproċessar kienu magħmula “biss għal għanijiet ġurnalistiċi” skont id-deroga fl-Artikolu 9 tad-Direttiva, u li, fin-nuqqas ta’ din id-deroga, l-istess attivitajiet jikkostitwixxu ksur illegali tad-drittijiet tal-persuna għall-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali.

92.   Fil-kawża preżenti, il-benefiċjarji skont il-PAK huma identifikati b’isimhom fuq bażi individwali. L-indirizz tagħhom hu indikat b’mod preċiż ħafna, fis-sens li jinkludi l-muniċipalità tar-residenza u, meta jkun disponibbli, il-kodiċi postali. Normalment, il-kodiċijiet postali jirreferu għal żoni ristretti (inkella ftit ikollhom użu għat-tqassim tal‑posta). Meta jintużaw flimkien ma’ sorsi ta’ informazzjoni elettroniċi aċċessibbli faċilment (bħal direttorji telefoniċi), ta’ spiss ikun possibbli li jiġi identifikat b’mod eżatt l-indirizz ta’ persuna. L-ammont preċiż ta’ għajnuna mogħtija lill-benefiċjarju huwa indikat. Hu plawsibbli li, almenu xi drabi, din l-informazzjoni twassal għal konklużjonijiet (korretti jew żbaljati) dwar id-dħul totali tal‑benefiċjarji (48). Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’ÖRF u f’Satakunnan Markkinapörssi tista’ faċilment tiġi applikata f’din il-kawża. Infatti, l-ewwel u t-tieni domandi preliminari, dwar il‑validità tal-atti inkwistjoni, jistaqsu essenzjalment jekk l-indħil huwiex ġustifikat jew le. Il-punt tat-tluq tagħhom (li fil-fehma tiegħi hu korrett) hu li, effettivament, hemm indħil.

–       L-indħil hu “skont il-liġi”?

93.   Bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 259/2008, li ser nittratta iktar ’il quddiem (49), naħseb li r-rekwiżiti għall-pubblikazzjoni huma ċari u preċiżi biżżejjed sabiex il-pubblikazzjoni tikkwalifika bħala “skont il-liġi”, “stabbilita mil-liġi” jew “prevista mil-liġi”: formulazzjonijiet differenti, iżda fil-fehma tiegħi sinonimi, fl-Artikolu 8(2) KEDB u l-Artikoli 8(2) u 52(1) tal-Karta. Id-dispożizzjonijiet ikkontestati jagħmluha ċara li informazzjoni dwar il-benefiċjarji ser tiġi ppubblikata u jispeċifikaw il-forma ta’ tali pubblikazzjoni.

–       L-indħil hu, fil-prinċipju, “meħtieġ f’soċjetà demokratika” għax hu bbażat fuq bżonn soċjali imperattiv?

94.   L-għan ġenerali ddikjarat tad-dispożizzjonijiet ikkontestati fl-ewwel u fit-tieni domandi preliminari (l-Artikoli 42, punt 8b, u 44a tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005, u r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 259/2008) hu li tiġi implementata l-ETI biex tissaħħaħ it-trasparenza dwar l-użu tal-fondi tal-PAK (50). Fil-prinċipju, il-promozzjoni tat-trasparenza tikkostitwixxi bażi valida għal indħil fid-drittijiet għall-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali. B’dan, infisser biss li potenzjalment hemm għan legittimu li jista’ jitqies bħala neċessarju f’soċjetà demokratika (51). Għaldaqstant, lesta li naċċetta fil-prinċipju – u nenfasizza dawn il-kliem – li xi livell ta’ indħil fid-drittijiet għall-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali hu “meħtieġ f’soċjetà demokratika”, bl-iskop li tippromwovi t-trasparenza fil-proċess demokratiku għax hu bbażat fuq bżonn soċjali imperattiv.

95.   Fit-termini użati mill-Karta dwar l-istess kwistjoni, il-promozzjoni ta’ trasparenza fil-proċess demokratiku tikkostitwixxi “bażi [...] leġittima” għall-ipproċessar ta’ data fis-sens tal-Artikolu 8(2) u “objettiv ta' interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni” skont l‑Artikolu 52(1).

96.   Jekk, u sa fejn, l-applikazzjoni xierqa tal-prinċipju tat-trasparenza teħtieġ miżuri sabiex ikun infurmat il-pubbliku inġenerali (u mhux gruppi determinati ta’ persuni, pereżempju ġurnalisti investigattivi li, x’aktarx, għandhom iżjed żmien u riżorsi biex jaslu għal sorsi ta’ informazzjoni tradizzjonali, bħal reġistri miżmuma f’uffiċċji muniċipali u xogħlijiet ta’ referenza li jinstabu biss fil-libreriji pubbliċi l-iktar importanti), il-mezz naturali għall-pubblikazzjoni sar l-Internet. Iżda, l‑fatt stess tal-aċċessibbiltà, tal-faċilità ta’ riċerka u tal-konvenjenza tal‑Internet jista’ potenzjalment jikkawża ndħil iktar serju fid-drittijiet tar-rikorrenti għall-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom milli f’każ ta’ pubblikazzjoni iżjed tradizzjonali. Eżami dwar jekk il-pubblikazzjoni ta’ data personali ta’ ċertu dettal hijiex indħil iġġustifikat u proporzjonali għandu jieħu kont tan-natura u tal-konsegwenzi ta’ pubblikazzjoni fuq l-Internet.

97.   Il-Kunsill u l-Kummissjoni sostnew li l-Artikolu 42, punt 8b, u l‑Artikolu 44a tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005 jirreferu għall-pubblikazzjoni li tidentifika kull benefiċjarju b’ismu flimkien mas-somma totali li jirċievi. Naħseb li hemm distinzjoni bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

98.   L-Artikolu 42, punt 8b, huwa dispożizzjoni li tawtorizza – xejn iktar jew inqas. Id-dispożizzjoni tagħti d-delegi neċessarji lill-Kummissjoni sabiex tadotta regoli ddettaljati. Ma naqbilx mal-fehma tal-qorti tar-rinviju li l-Artikolu 42, punt 8b, ma huwiex konformi mat-tielet inċiż tal-Artikolu 202 KE (delega ta’ funzjonijiet ta’ implementazzjoni lill-Kummissjoni mill-Kunsill) u mar-raba’ inċiż tal-Artikolu 211 KE (l‑eżerċizzju mill-Kummissjoni ta’ dawn il-funzjonijiet delegati) (52).

99.   Huwa minnu li l-Artikolu 42, punt 8b hu mfassal b’mod wiesa’. Madankollu, il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta jiffissa l-parametri li fihom il-Kummissjoni tista’ teżerċita s-setgħat delegati. Il-Kunsill ma huwiex marbut li jispeċifika l-elementi essenzjali tas‑setgħat delegati. Id-delega ta’ setgħa ġenerali hi suffiċjenti (53).

100. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ngħatatx libertà totali ta’ aġir. L-Artikolu 42, punt 8b, jistipula li l-Kummissjoni għandha tadotta regoli ddettaljati “skond il-prinċipji stabbiliti fil-leġislazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tad-data”. Għalhekk, meta l‑Artikolu 42, punt 8b, jitlob li dawk ir-regoli jkun fihom dispożizzjonijiet li data “tista’ ssir pubblika”, dan ma jfissirx li r‑regoli adottati għandhom ikollhom il-forma magħżula mill‑Kummissjoni. Minflok, il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tadotta regoli ddettaljati, iżda biss regoli ta’ natura li ma jiksrux id-dritt għal protezzjoni tad-data personali sa limitu mhux permissibbli.

101. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 42, punt 8b tar‑Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005 hu validu.

102. Is-sitwazzjoni hija pjuttost differenti fir-rigward tal-Artikolu 44a. Għalkemm il-kliem “il-pubblikazzjoni ex post tal-benefiċjarji ta’ l-FAEG u l-FAEŻR” fihom infushom ma jeħtiġux l-identifikazzjoni tal-benefiċjarji individwali (fil-fatt, huma jirriproduċu sempliċement it-terminoloġija użata fl-Artikolu 53b(2)(d) tar-Regolament Finanzjarju), ir-rekwiżiti li jsegwu, li tiżgura l-pubblikazzjoni tal-“ammonti li jirċievi kull benefiċjarju taħt kull wieħed minn dawn il-Fondi” u li l‑pubblikazzjoni għandha tinkludi “għall-FAEŻR, l-ammont totali tal-finanzjament pubbliku għal kull benefiċjarju”, meta moqrija mal‑premessi 13 u 14 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1437/2007 (li daħħal l-emendi kruċjali għar-Regolament Nru 1290/2005), flimkien jindikaw li l-Artikolu 44a tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005 għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi pubblikazzjoni individwalizzata.

103. Ir-rekwiżiti stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 259/2008 huma eżempju ta’ dan it-tip ta’ pubblikazzjoni individwalizzata. F’din il-kawża, hi din il-forma preċiża ta’ “pubblikazzjoni fl-interess tat-trasparenza” li għandha tiġi eżaminata fil-kuntest tal-proporzjonalità. Madankollu, nikkunsidra li hu possibbli, fil‑prinċipju, li pubblikazzjoni individwalizzata tista’ tinvolvi inqas informazzjoni dwar l-individwu – pereżempju billi titneħħa r-rabta bejn isem il-benefiċjarju u l-muniċipalità tar-residenza u/jew il-kodiċi postali.

–       L-indħil hu proporzjonat?

104. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja “[…] il‑prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jitlob li l-atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa idoneu u neċessarju għat-twettiq ta’ l-għanijiet leġittimi li jridu jintħalqu mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni, filwaqt li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi li jinħolqu m’għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla ma’ l‑għanijiet previsti” (54).

105. Il-Kunsill u l-Kummissjoni ma jistgħux sempliċement jinvokaw il-prinċipju tat-trasparenza b’mod ġenerali bħala ġustifikazzjoni għall-miżuri adottati u, għalhekk, bħala prova tal-validità tal-leġiżlazzjoni. Dan għar-raġuni li n-neċessità, l-idoneità u l-proporzjonalità ta’ att leġiżlattiv jistgħu jiġu evalwati biss meta mqabbla ma’ għan preċiż u speċifiku. Ma hemmx dubju li t-trasparenza fiha nnifisha hi kkunsidrata bħala għan mixtieq: bħala valur soċjali u demokratiku. Iżda, x’inhu l-għan preċiż li jrid jintlaħaq permezz tat-trasparenza fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ regolamenti?

106. Il-premessi tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1437/2007 (li daħħal l-emendi rilevanti fir-Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005), flimkien mal-premessi tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 259/2008, jindikaw l-objettivi tal-atti kkontestati f’termini li jissodisfaw ir-rekwiżit li l-atti legali għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li dwarhom ikunu bbażati (55).

107. F’dan is-sens, il-premessa 13 tispjega li r-Regolament tal‑Kunsill Nru 1437/2007 għandu l-objettiv li jimplementa l-ETI fir‑rigward tal-infiq tal- PAK. Il-premessa 14 tikkonferma li l‑pubblikazzjoni ex post annwali tal-benefiċjarji tal-FAEG u tal-FEAŻR għandha l-għan li ssaħħaħ it-trasparenza u ttejjeb il-ġestjoni finanzjarja soda fir-rigward tal-użu tal-fondi tal-PAK, b’mod partikolari bit-tisħiħ tal-kontroll pubbliku tal-flus li jintużaw. Dawn il-premessi jindikaw ukoll li l-leġiżlatur kien jaf li kull indħil fid-dritt għall-ħajja privata u fid-dritt għall-protezzjoni tad-data personali għandu jkun proporzjonat.

108. Il-premessa 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 259/2008 tuża l-kliem tal-bidu tal-premessa 14 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1437/2007, u tipprovdi li, “[l]-għan ta’ din il-pubblikazzjoni […] huwa li jittejbu t-trasparenza fir-rigward ta’ l-użu tal-Fondi u l-ġestjoni finanzjara soda tagħhom”. Il-premessa 3 tipprovdi li għandhom jiġu stabbiliti “r-rekwiżiti minimi” fir-rigward tal-kontenut tal‑pubblikazzjoni, u tfakkar li “[d]awn ir-rekwiżiti ma għandhomx imorru lil hinn minn dak meħtieġ f’soċjetà demokratika sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti”. Il-premessa 6 tirriproduċi verbatim l-ewwel żewġ sentenzi tal-premessa 14 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1437/2007. Premessi oħra tar-Regolament tal-Kummissjoni jżidu biss li, “għall‑konformità mar-rekwiżiti dwar il-protezzjoni tad-dejta”, il‑benefiċjarji għandhom jiġu infurmati minn qabel dwar il-pubblikazzjoni u għandhom jitgħarrfu dwar id-drittijiet tagħhom skont [id‑Direttiva 95/46]’ (premessa 7) (56); u li “[g]ħall-finijiet ta’ trasparenza”, il-benefiċjarji tal-Fondi “għandhom jiġu mgħarrfa ukoll […] li d-dejta personali tagħhom tista’ tiġi pproċessata mill-entitajiet ta’ verifika u ta’ l-investigazzjoni tal-Komunitajiet u ta’ l-Istati Membri” (premessa 8).

109. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub, ġew eżaminati r-rekwiżiti għall‑pubblikazzjoni għal numru ta’ fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew (iktar ’il quddiem l-“FSE”). Essenzjalment, ir-rikorrenti enfasizzaw li l-FSE ma jimponix l‑identifikazzjoni tal-benefiċjarji tal-għotjiet. B’analoġija, huma jsostnu li l-benefiċjarji ta’ fondi tal-PAK għandhom jirċievu l-istess trattament. Il-Kunsill u l-Kummissjoni kkontestaw din l-analoġija, u sostnew li hemm differenzi bejn il-pożizzjonijiet tal-benefiċjarji fiż‑żewġ setturi. Fl-ewwel lok, il-pagamenti tal-FSE ma jsirux direttament lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi bħala benefiċjarji, iżda jsiru lil entitajiet intermedjarji (bħal awtorità reġjonali), għal proġetti speċifiċi. Fit-tieni lok, kxif ekwivalenti fil-untest tal-FSE jikkawża ndħil ħafna iktar serju fid-dritt tal-benefiċjarju finali għall‑ħajja privata, għax din tiżvela informazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi personali u l-istatus tal-benefiċjarju, bħal diżabilità jew qgħad, li (skont l-istituzzjonijiet) bl-ebda mod ma hu l-każ fir-rigward tal‑benefiċjarji tal-PAK.

110. Fil-fehma tiegħi, jeżistu kemm aspetti komuni kif ukoll differenzi bejn il-fondi; u ma naħsibx li f’din il-kawża jista’ jgħin paragun bir-reqqa. L-istruttura tad-dispożizzjonijiet finanzjarji hija, effettivament, differenti. Fl-istess waqt, il-metodi użati mill‑istituzzjoniet biex implementaw l-ETI f’setturi oħra jistgħu jindikaw alternattivi oħra ta’ kif jiġu rrikonċiljati l-objettiv tat-trasparenza, minn naħa, u d-drittijiet għall-ħajja privata u għall‑protezzjoni tad-data personali, min-naħa l-oħra.

111. Fis-settur tas-sajd isiru pagamenti direttament lil benefiċjarji, iżda l-objettiv tat-trasparenza jintlaħaq b’mod differenti li, x’aktarx, hu iktar immirat. L-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 1198/2006 (57) jistipula metodu ta’ pubblikazzjoni li jistabbilixxi rabta ċara bejn l-għotja, il‑proġett u l-individwu. B’dan il-mod, wieħed faċilment jifhem kif din l-informazzjoni tista’ tinforma dibattitu pubbliku dwar il-finanzjament fis‑settur tas-sajd. Rabta ta’ din in-natura bejn il-benefiċjarju u l‑ammont ta’ għajnuna rċevuta, minn naħa, u l-għan tal-għoti tal‑għajnuna, min-naħa l-oħra, hija nieqsa fil-metodi tal‑pubblikazzjoni ineżami.

112. Madankollu, naħseb li, fl-aħħar mill-aħħar, id-diversi metodi ta’ pubblikazzjoni introdotti għal kull fond bl-għan li timplementa l‑ETI għandhom jiġu eżaminati jekk u meta jkun neċessarju fid-dawl taċ-ċirkustanzi, tar-rekwiżiti u tal-objettivi partikolari stabbiliti mil-leġiżlatur. Fil-fehma tiegħi, ma teżistix regola inflessibbli li waħedha tiddetermina x’inhu u x’ma huwiex aċċettabbli.

113. Biex niġbor il-konklużjonijiet tiegħi s’issa: id-diċitura tal-premessi u tad‑dispożizzjonijiet sostantivi inkwistjoni jistgħu jwasslu għall‑konklużjoni li, fl-interess tat-trasparenza, indħil fid-drittijiet għall-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali jista’ jissodisfa l-kriterju ta’ proporzjonalità. Madankollu, qabel ma wieħed jasal għal opinjoni definittiva dwar jekk, fil-fatt, l-indħil huwiex proporzjonat, irid isir eżami tal-elementi addizzjonali mressqa mill-partijiet matul il‑proċedura orali.

114. Waqt is-seduta, ġew eżaminati f’iktar dettal id-diversi objettivi possibbli. Iż-żewġ istituzzjonijiet għamlu osservazzjonijiet ġenerali dwar it‑trasparenza bħala dritt fundamentali u dwar l-importanza tagħha bħala prinċipju ta’ demokrazija. Il-Kunsill sostna li n-natura tal‑pubblikazzjoni ma twassalx għall-konklużjonijiet dwar iċ-ċirkustanzi personali jew id-dħul tal-benefiċjarji (argument ikkontestat b’forza kemm mill-avukati tar-rikorrenti kif ukoll minn V. Schecke, li personalment indirizza lill-Qorti, permezz ta’ risposta għal domanda li għamlitlu l-Qorti) (58). Iż-żewġ istituzzjonijiet għamlu affermazzjonijiet ġeneriċi dwar l-importanza tal-ġestjoni tajba tal-fondi Komunitarji u l-ħtieġa li ċ-ċittadin jipparteċipa f’dibattitu pubbliku, (mhux iddefinit b’mod preċiż) (59), u b’mod (mhux speċifikat). Il-Kunsill enfasizza li l-pubblikazzjoni ma tirrigwardax biss it-trasparenza, iżda hi wkoll rilevanti fil-kuntest tal-kontroll mill-pubbliku. Pubblikazzjoni li tkun limitata għal informazzjoni dwar il-benefiċjarji prinċipali tal-FAEG u tal‑FAEŻR tonqos milli tinforma u milli tagħti s-saħħa lil dawk li, inkwantu persuni taxxabbli f’komunità partikolari, għandhom interess fl-għajnuna mogħtija lill-ġirien tagħhom. Din il-kwistjoni kienet ukoll parti tad-dibattitu pubbliku u, għaldaqstant, l-identifikazzjoni ta’ min jirċievi l-għajnuna, kemm f’ammont kbir jew żgħir, mingħajr distinzjoni, kienet neċessarja. Il-Kummissjoni ma qablitx: l-għan tal‑miżuri, fl-opinjoni tagħha, ma huwiex li tissodisfa l-kurżità prurita tal-pubbliku dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-ġirien. L-għan, pjuttost, hu li jiffaċilita dibattitu pubbliku dwar jekk l-għajnuna tal-PAK għandiex tiġi mmodifikata, jew forsi mqassma b’mod differenti. Pereżempju, l-għajnuna għandha tingħata lil impriżi kbar jew lil ażjendi agrikoli lokali żgħar? Għandha tkun ikkonċentrata f’żoni żvantaġġati?

115. Saret mistoqsija speċifika lill-Kummissjoni, jekk il‑pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-benfiċjarji kellhiex l-iskop li ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi billi tippermetti viġilanza ogħla mill‑pubbliku. Il-Kummissjoni rrifjutat kategorikament dan is‑suġġeriment, u stqarret li l-miżuri attwali kontra l-frodi huma adegwati. (60) Il-Kunsill jidher li ma qabilx mal-Kummissjoni dwar din il‑kwistjoni pjuttost importanti, u sostna li l-pubblikazzjoni hija tajba, għax prevenzjoni ikbar kontra l-frodi huwa fatt pożittiv. Madankollu, jekk fhimt korrettament, il-Kunsill ma wasalx biex isostni li dan kien l-iskop ewlieni tar-regoli adottati mill-Kummissjoni.

116. L-objettiv kien, allura, li l-pubbliku jkollu iktar konoxxenza u għarfien dwar kif il-fondi tal-PAK jintefqu? L‑istituzzjonijiet isostnu li, fil-fatt, dan hu l-objettiv. Iżda, jekk dan hu l‑każ, għaliex kien neċessarju li jiġu ppubblikati l-isem u l-indirizz ta’ kull benefiċjarju, flimkien mas-somma rċevuta? Għaliex ma saritx xi forma ta’ ġabra flimkien tad-data? Ma setax il-pubbliku jingħata informazzjoni adegwata permezz ta’ data organizzata f’kategoriji rilevanti, b’mod li jkun protett l-anonimat tal-benefiċjarji individwali? Skont il-Kummissjoni, dan jeħtieġ sforz oneruż ħafna mil-lat amministrattiv; u, barra minn hekk, l-objettiv kien ukoll li jsaħħaħ il-konoxxenza tal-pubbliku dwar min jirċievi għajnuna finanzjarja (61). Jien ninterpreta din bħala affermazzjoni (indiretta) li l-pubbliku għandu jkollu informazzjoni preċiża dwar il-benefiċjari. Baqa’ mhux ċar jekk il‑Kummissjoni kinitx tirreferi għal “kull benefiċjarju” jew sempliċement individwi partikolari bħall-“konti Awstrijak” (ġentilment mhux identifikat b’ismu mill-aġent tal-Kummissjoni waqt is-seduta) li hu, apparentement, benefiċjarju ewlieni tal-fondi tal-PAK.

117. Deher, ċar, għalhekk, li l-istitizzjonijiet kellhom kunċetti diversi dwar x’inhuma l-objettivi tad-dispożizzjonijiet ikkontestati. Il‑Kummissjoni rreferiet f’diversi okkażjonijiet għad-“dibattitu pubbliku”. Madankollu, ma ddefinietx b’mod effettiv xi trid tfisser b’dan. Lanqas ma spjegat għaliex hemm il-ħtieġa li d-dettalji personali ta’ litteralment miljuni ta’ individwi kellhom jiġu ppubblikati f’forma mhux miġbura flimkien fuq l-Internet sabiex jiġi stimulat (jew forsi ffaċilitat) dak id-dibattitu. Barra minn hekk, il-Kunsill sostna wkoll li l‑pubblikazzjoni hi ġġustifikata għax issaħħaħ il-kontroll pubbliku fuq l‑infiq tal-PAK fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-frodi – pożizzjoni li magħha l-Kummissjoni ddisassoċjat ruħha.

118. Fl-opinjoni tiegħi, dan ma huwiex biżżejjed. Il-Qorti għandha teżamina l-proporzjonalità tal-miżuri magħżula b’riferiment għall-għan li jrid jintlaħaq. Fil-fehma tiegħi, eżami f’dan il-kuntest iwassal għall‑konklużjoni li mhux possibbli tiddefendi l-validità tal‑legiżlazzjoni. In-natura mhux ċara (u forsi wkoll kontradittorja) tal‑objettivi li l-istituzzjonijiet igħidu li jridu jilħqu ma jistgħux iwasslu għall-konklużjoni li l-miżuri jissodisfaw il-kriterju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, id-diskussjoni matul is-seduta (li kienet ibbażata fuq l-elementi sottomessi mal-osservazzjonijiet bil-miktub tal‑istituzzjonijiet, u sa ċertu punt ipprovokata minn dawn l-elementi) għamlitha ċara li, skont liema objettiv jiġi indikat bħala l-għan ewlieni, xi forma oħra ta’ pubblikazzjoni tad-data tista’ tkun kemm inqas ta’ indħil kif ukoll iktar xierqa.

119. Ħalli niċċara dan. Jekk l-għan hu li jinkixef preċiżamant min qed jirċievi ammonti sostanzjali ħafna mill-baġit tal-PAK, allura l‑pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-benefiċjarji (persuni fiżiċi u ġuridiċi) u tal-ammonti li kull wieħed jirċievi hija effettivament meħtieġa, iżda f’dan il-każ il-pubblikazzjoni għandha tkun limitata għal dawk li jirċievu iżjed minn ammont stipulat f’sena kalendarja. Jekk, min-naħa l‑oħra, l-għan tal-pubblikazzjoni hu li l-pubbliku, armat b’informazzjoni, ikun jista’ jipparteċipa f’dibattitu dwar liema kategorija ta’ ażjenda agrikola għandha tieħu l-parti l-kbira tal-għajnuna tal-PAK, jew liema tip partikolari ta’ attività agrikola għandu jiġi pprivileġġjat fl-għajnuna, allura d-data għandha tkun ippubblikata f’forma miġbura flimkien, b’mod li wieħed jista’ jifhem fejn il-flus qiegħdin jintefqu. Is-sottomissjonijiet tal-istituzzjonijiet, kemm bil-miktub kif ukoll oralment matul is-seduta, manifestament naqsu milli jispjegaw għaliex il-forma partikolari ta’ pubblikazzjoni magħżula – data li ma hijiex ipproċessata li ma hijiex ikklassifikata jew miġbura flimkien u li lanqas hi marbuta ma’ ebda karatteristika evidenti tal-PAK li potenzjalment tista’ tkun ta’ interess għal dibattitu pubbliku – taqdi l-funzjoni tagħha b’mod proporzjonat.

120. Sabiex jiġi evitat kull ekwivoku, irrid nippreċiża żewġ punti. L‑ewwel nett, ma rridx nimponi fuq il-Kummissjoni l-forma preċiża li għandha tintuża għall-pubblikazzjoni ta’ data. Xogħli ma huwiex ta’ statistiku; din hi funzjoni leġiżlattiva mhux ġuridika. Meta l-leġiżlatur jagħżel forma partikolari ta’ publikazzjoni li tindaħal fi dritt, l-istituzzjoni kkonċernata għandha tkun f’pożizzjoni li tispjega għaliex il-forma ta’ publikazzjoni magħżula hi neċessarja, xierqa u pproporzjonata għall-għan speċifiku li jrid jintlaħaq. Fil-fehma tiegħi, din l-spjegazzjoni ma ħarġitx fil-kawża preżenti. Ma nikkunsidrax il‑konvenjenza amministrattiva, fiha nnifisha, (hi kemm hi mixtieqa minn kwalunkwe istituzzjoni) bħala ġustifikazzjoni suffiċjenti.

121. It-tieni nett, bl-istess mod, ma rridx niddetermina x’għandu jkun l-għan preċiż tal-pubblikazzjoni. Din, ukoll, hi funzjoni leġiżlattiva (u, naturalment, il-leġiżlatur għandu marġni ta’ diskrezzjoni raġonevoli f’dak li jista’ jagħżel). Għanijiet differenti (multipli) jistgħu, fil-fatt, jirrikjedu forom ta’ pubblikazzjoni differenti (multipli). Iżda jeħtieġ li kull forma tista’ tiġi ġġustifikata mill-aspett ta’ proporzjonalità fid-dawl tal-għan preċiż u identifikat b’mod ċar li huwa maħsub li jintlaħaq.

 Konkluzjoni dwar l-proporzjonalità u risposti proposti gћad-domandi preliminari 1 u 2a

122. Il-motivazzjoni fil-premessi tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1437/2007 (li daħħal l-emendi inkwistjoni għar-Regolament tal‑Kunsill Nru 1290/2005) u tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 259/2008 hi adegwata, iżda fformulata f’termini ġenerali. Għaldaqstant, il-kwistjoni jekk l-Artikoli 42, punt 8b u 44a tar‑Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005 u r-Regolament tal‑Kummissjoni Nru 259/2008 għandhomx jitqiesu bħala ndħil proporzjonat fid-dritt għall-ħajja privata u fid-dritt għall-protezzjoni tad‑data personali tiddependi minn jekk hemmx raġuni koerenti għall‑għażla mill-istituzzjonijiet tal-forma partikolari ta’ pubblikazzjoni, li hija sew iddettaljata (data mhux ipproċessata u kompletament mhux miġbura flimkien), u mir-raġuni għaliex il-forma partikolari ta’ publikazzjoni kienet neċessarja, xierqa u proporzjonata għall-għan li ried jintlaħaq.

123. Fil-fehma tiegħi, l-istituzzjonijiet ma tawx spjegazzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja li, wara li tiġi eżaminata, tista’ tikkonvinċi. Ma jidhirlix li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha awtomatikament tapprova leġiżlazzjoni li ġustament tirreferi għal prinċipji ġenerali li huma għal kollox mixtieqa, iżda li – meta tintalab spjegazzjoni preċiża sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-funzjoni ġudizzjarja tagħha – tikxef il-konfużjoni u l-inkoerenza bejn l-istituzzjonijiet li ħarġu f’din il-kawża.

–       Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005

8.        Fir-rigward tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005, l-eżami tad-domanda preliminari 1 ma jiżvela ebda element li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 42, punt 8b. Madankollu, l-Artikolu 44a huwa invalidu sa fejn jimponi l-pubblikazzjoni awtomatika tal-ismijiet, tal‑muniċipalità ta’ residenza u, meta jkun disponibbli, tal-kodiċi postali tal-benefiċjarji kollha tal-FAEG u tal-FAEŻR u tal-ammont li kull benefiċjarju jirċievi minn dawn il-fondi.

–       Ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 259/2008

125. Il-validità tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 259/2008 tiddependi għal kollox fuq jekk ir-regoli ddettaljati adottati għall‑implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 1437/2007, humiex proporzjonati. Fil-fehma tiegħi, dawn ir-regoli ddettaljati ma humiex proporzjonati, kif jidher ċar mid-diskussjoni ta’ qabel. Għaldaqstant, ir‑risposta gћad-domanda preliminari 2a għandha tkun li r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 259/2008 huwa invalidu.

126. L-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 259/2008 jixraqlu diskussjoni separata fil-qasir. Dan l-artikolu jistipula: “L-Istati Membri jistgħu jippubblikaw tagħrif aktar iddettaljat minn kif stipulat fil-paragrafu 1” (illi jelenka r-rekwiżiti minimi għall-pubblikazzjoni skont ir-Regolament). Diġà kkonkludejt li r-Regolament tal‑Kummissjoni Nru 259/2008 għandu jiġi ddikjarat kollu kemm hu invalidu. Iżda, anki fl-assenza ta’ din il-konklużjoni, kont nistieden lill‑Qorti tal-Ġustizzja biex tannulla l-Artikolu 1(2) ta’ dak ir-regolament.

127. Il-Kummissjoni spjegat li, fl-abbozzar tar-regolament, l‑objettiv kien li jiġu stabbiliti rekwiżiti għall-pubblikazzjoni f’livell li jieħu inkunsiderazzjoni d-diversità fit-tradizzjonijiet tal-Istati Membri rigward l-iżvelar ta’ data personali. Qabel xejn, ninnota li l-Istati Membri huma, fi kwalunkwe każ, obbligati li jirrispettaw id-drittijiet iggarantiti skont l-Artikolu 8 KEDB u l-Konvenzjoni Nru 108. Ma għandhomx bżonn il-permess tal-Kummissjoni biex jippubblikaw livell ogħla ta’ informazzjoni, sakemm dan ma jmurx kontra r-rekwiżiti tal-imsemmija dispożizzjonijiet. Bil-maqlub, dan il-permess ma jistax jikkonvalida dak li altrimenti hu invalidu.

128. Fuq livell iktar fundamentali, sa fejn l-Artikolu 1(2) jawtorizza, jew għandu l-ħsieb li jawtorizza, livell ogħla ta’ pubblikazzjoni, ma narax kif l-indħil li jirriżulta mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, jista’ jkun “skont il-liġi”. Sabiex indħil ikun “skont il-liġi” skont l-Artikolu 8(2) KEDB, id-dispożizzjoni li tawtorizza l-indħil għandha tkun biżżejjed ċara li tagħti liċ-ċittadin indikazzjoni xierqa taċ-ċirkustanzi li jawtorizzaw lill-istituzzjonijiet pubbliċi jindaħlu fil-ħajja privata (62). Fil-fehma tiegħi, ma jistax ikun previst, abbażi tat-test tal-Artikolu 1(2), x’forma jew forom oħra jista’ jkollha l-pubblikazzjoni, x’dettall jew dettalji oħra jistgħu jiġu żvelati, u x’raġuni jew raġunijiet jistgħu jingħataw bħala ġustifikazzjoni għall-pubblikazzjoni addizzjonali. Dan ma jistax jiġi aċċettat; u, fih innifsu, jikkawża l-invalidità tal-att.

 Domandi preliminari 3, 4 u 5

129. Issa ngħaddi għall-eżami tad-domandi ddettaljati rigward id‑Direttiva 95/46, kif spjegati fil-punt 62 iktar ’il fuq.

130. Id-domandi preliminari 3, 4 u 5 jirreferu għall-Artikoli 18 sa 21 tat-Taqsima IX tad-Direttiva 95/46, li jirrigwardaw in-notifika. Essenzjalment, il-kontrollur tad-data [il-persuna li tiddetermina l-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data, skont l-Artikolu 2(d)] għandu jinnotifika lill-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni rilevanti qabel ma jagħmel operazzjonijiet speċifiċi ta’ pproċessar ta’ data. L-għan tan‑notifika hu li tissaħħaħ it-trasparenza fil-konfront tas-suġġetti tad‑data. Fil-preżent, kull Stat Membru għandu regoli għalih rigward notifiki u eċċezzjonijiet mill-obbligu tan-notifika (63).

 Domanda preliminari 3

131. Permezz tad-domanda preliminari 3, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk in-nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura ta’ notifika skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 95/46 jirrendix invalidu l-ipproċessar ta’ data personali li jsir wara.

132. L-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 95/46 jistipula li l-awtorità ta’ superviżjoni għandha tiġi nnotifikata qabel ma jsiru operazzjonijiet ta’ pproċessar. Iżda, skont l-Artikolu 18(2) l-Istati Membri jistgħu jissimplifikaw l-obbligu tan-notifika, jew jagħtu eżenzjoni minn dan l‑obbligu, f’żewġ sitwazzjonijiet: meta jistabbilixxu regoli ddettaljati dwar l-ipproċessar ta’ dawk il-kategoriji ta’ data li “aktarx li ma jeffetwawx ħażin id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data” [l‑ewwel inċiż tal-Artikolu 18(2)], u meta l-kontrollur tad-data, b’konformità mal-liġi nazzjonali, jaħtar uffiċjal tal-protezzjoni ta’ data personali, responsabbli biex jiżgura li l-operazzjonijiet tal-ipproċessar aktarx ma jkunux ser iħallu effett ħażin fuq id-drittijiet u l-libertajiet tas‑suġġetti tad-data [it-tieni inċiż tal-Artikolu 18(2)]. L-uffiċjal tal‑protezzjoni ta’ data għandu r-responsabbiltà “li jassigura b’mod indipendenti l-applikazzjoni interna tad-dispożizzjonijiet nazzjonali meħuda skond ... [id-Direttiva 95/46]” u “għaż-żamma tar-reġistru ta’ operazzjonijiet ta’ ipproċessar li l-kontrollur [tad-data] ikun għamel” (64) biex b’jekk tista’ ssir verifika ex post ta’ dawn l-operazzjonijiet.

133. L-Artikolu 19(1)(a) sa (f) jistabbilixxi l-kontenuti minimi fin‑notifika skont l-Artikolu 18. L-elementi indikati fl-Artikolu 19(1)(a) sa (e) inklużivi għandhom wara jiġu rreġistrati fir-reġistru ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar biex ikunu konformi mal-Artikolu 21(2) (65). L-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw elementi oħra għall-inklużjoni f’notifika u/jew fir-reġistru (66).

134. Il-Land Hessen għażel li jimplementa l-Artikolu 18(2), it-tieni inċiż, bil-konsegwenza li ma hijiex meħtieġa notifika minn qabel tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar lill-awtorità ta’ superviżjoni skont l-Artikolu 18(1). F’dawn iċ-ċirkustanzi (u bil-kuntrarju tal-fehma tal-qorti tar-rinviju), ma jeżisti ebda obbligu ta’ “notifika sħiħa u effettiva”. Il‑kontroll fuq il-legalità tal-ipproċessar isir ex post permezz tar‑reġistru, minflok ex ante.

135. L-informazzjoni li l-qorti nazzjonali identifikat bħala nieqsa mir‑reġistru hi informazzjoni li tmur lil hinn mir-rekwiżiti minimi stabbiliti bl-Artikolu 19(1)(a) sa (e). Pereżempju, il-qorti nazzjonali tinnota li r-reġistru huwa “inkomplet” għax ġew eliminati referenzi dwar it-termini għat-tneħħija ta’ data. Bħala kwistjoni ta’ liġi tal-UE, dan jikkawża l-invalidità tal-ipproċessar tad-data li jsir wara?

136. Fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex il-każ.

137. Stati Membri jistgħu, b’mod leġittimu, jissimplifikaw il‑proċedura tan-notifika u jeżentaw xi operazzjonijiet min-notifika sakemm jibqgħu konformi mal-kundizzjonijiet elenkati fl‑Artikolu 18(2). Sabiex ikun hemm konformità ma’ din il-parti tad‑Direttiva 95/46, huwa biżżejjed li uffiċjal tal-protezzjoni ta’ data maħtur skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 18(2), jaqdi l-obbligu imperattiv tiegħu “biex [...] jassigura li l-operazzjonijiet ta’ l-ipproċessar aktarx ma jkunux ser iħallu effett ħażin fuq id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data” u li r-reġistru tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar jinkludi r‑rekwiżiti minimi stipulati fl-Artikolu 21(2). Kwalunkwe konsegwenza li jista’ jkollu nuqqas ta’ informazzjoni oħra fir-reġistru li jmur lil hinn minn dawn ir-rekwiżiti minimi hija kwistjoni tad-dritt nazzjonali, mhux tad-dritt tal-UE.

 Domanda preliminari 4

138. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 20 tad-Direttiva 95/46 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar benefiċjarji tal-FAEG u tal-FAEŻR għandha ssir biss wara l‑verifika minn qabel skont id-dritt nazzjonali. Hi tikkunsidra li kemm id-dritt federali Ġermaniż kif ukoll id-dritt tal-Land Hessen jimponu tali verifika minn qabel. Fin-nuqqas, il-pubblikazzjoni ma tkunx saret b’mod ġust u skont il-liġi fis-sens tal-Artikolu 6(1)(a) tad‑Direttiva 95/46.

139. Skont il-Land Hessen, verifika minn qabel skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 95/46 ma hijiex prerekwiżit għall-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji skont ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 259/2008. Il-Land Hessen isostni, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 20(1) ma jimponix verifika awtomatika minn qabel ta’ kull operazzjoni ta’ pproċessar. Fit-tieni lok, il-pubblikazzjoni skont ir-Regolament tal‑Kummissjoni Nru 259/2008 ma tikkomportax “riskji speċifiċi għal soġġetti tad-data”. Fit-tielet lok, xi forma ta’ evalwazzjoni preliminari ssir fi kwalunkwe każ, u dan minħabba l-operat tal-Artikolu 44a tar‑Regolament tal-Kunsill 1290/2005, marbut mar-Regolament tal‑Kummissjoni 259/2008.

140. Id-Direttiva 95/46, fiha nnifisha, ma tispeċifikax liema operazzjonijiet ta’ pproċessar (67) joħolqu riskji speċifiċi għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data. Hi tagħti din il-funzjoni lill-Istati Membri. Għalhekk, l-Artikolu 20(1) jistipula li “Stati Membri għandhom jiddeterminaw l-operazzjonijiet ta’ pproċessar li aktarx jista’ jkollhom riskji speċifiċi għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data” u “għandhom jivverifikaw li dawn l-operazzjonijiet ta’ pproċessar ikunu eżaminati qabel ma jinbdew” (enfażi miżjuda). Huwa biss fil‑konfront ta’ dawn l-operazzjonijiet ta’ pproċessar li għandha ssir verifika minn qabel, skont il-proċedura stiplulata fl-Artikolu 20(2).

141. Madankollu, il-preambolu għad-Direttiva 95/46 jagħti għajnuna siewja biex jiġi ddeterminat liema operazzjonijiet jaqgħu fl-ambitu tal‑Artikolu 20. Hekk, il-premessa 53 tidentifika ċerti operazzjonijiet ta’ pproċessar li “aktarx [...] joħolqu riskji partikolari għad-drittijiet u l‑libertajiet tas-suġġett tad-data minħabba n-natura tagħhom, l-iskop tagħhom jew il-miri tagħhom, bħalma huwa dak li jeskludi individwi minn xi dritt, benefiċċju jew kuntratt, jew minħabba l-użu speċifiku ta’ teknoloġiji ġodda […]”. Il-premessa 54 tipprovdi li “dwar l‑ipproċessar kollu magħmul fis-soċjetà, l-ammont li jista’ jġib miegħu dawn ir-riskji partikolari għandu jkun limitat ħafna […]”

142. Prima facie l-Artikolu 20(1) japplika għall-operazzjonijiet tal‑ipproċessar kollha. Wara, jimponi obbligu fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu numru limitat ta’ kategoriji fejn dawn l-operazzjonijiet huma “operazzjonijiet ta’ ipproċessar li aktarx jista’ jkollhom riskji speċifiċi għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data”. Għal dan in‑numru limitat ta’ kategoriji (iżda mhux għall-operazzjonijiet ta’ pproċessar oħra), jeżisti l-obbligu ta’ verifika qabel ma jista’ jibda l‑ipproċessar. L-Artikolu 20(2) jispeċifika n-natura ta’ din il-verifika minn qabel.

143. Madankollu, huma l-Istati Membri skont id-dritt nazzjonali li jridu jispeċifikaw liema huma dawk il-kategoriji ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar li għalihom tapplika l-proċedura skont l-Artikolu 20(2). Minn dan jirriżulta li hija l-qorti nazzjonali, u l-qorti nazzjonali biss, li tista’ tiddetermina jekk il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il‑benefiċjarji tal-FAEG u tal-FAEŻR taqax jew le taħt xi waħda minn dawn il-kategoriji ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar skont id-dritt nazzjonali.

144. Għaldaqstant naħseb li ma hemmx lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domanda preliminari 4.

 Domanda preliminari 5

145. Il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk l-Artikolu 20 tad-Direttiva 95/46 għandux jiġi interpretat fis-sens li verifika minn qabel li ssir abbażi ta’ reġistru stabbilit skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 18(2), li jonqsu xi informazzjoni meħtieġa, tkunx saret validament.

146. Irrid ngħid li għandi diffikultà nifhem sew din id-domanda. In‑notamenti fir-reġistru li jsir riferiment għalihom fl-Artikolu 18(2) u fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 95/46 huma notamenti ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar innotifikati skont l-Artikolu 18. Iżda, fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar li ġew eżentati minn xi Stat Membru skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 18(2), in-notament fir-reġistru (skont it-test tad‑dispożizzjoni) jirreferi għal “reġistru ta’ operazzjonijiet ta’ ipproċessar li l-kontrollur ikun għamel” – jiġifieri, meta n-notamenti jsiru wara li jsir l-ipproċessar tad-data. B’kuntrast, il-verifika minn qabel indikata fl‑Artikolu 20 hija, preċiżament, verifika magħmula qabel tibda l-operazzjoni ta’ pproċessar. Minn dan jirriżulta li l-awtorità li tagħmel il-verifika minn qabel bl-ebda mod ma tista’ tiġi influwenzata bin-notament fir-reġistru dwar dik l-operazzjoni, għar-raġuni li tkun għadha ma nġabritx. Lanqas hu probabbli li l-operazzjoni ta’ pproċessar “[t]ingħata [...] pubbliċità” [skont l-Artikolu 21(1)] qabel mal-informazzjoni dwarha tiġi nnotata fir-reġistru.

147. Naturalment, is-sitwazzjoni setgħet tkun differenti kieku d-dritt nazzjonali, fl-għażla tal-kategoriji partikolari ta’ operazzjoni ta’ pproċessar li jimmeritaw verifika minn qabel, speċifika li (a) tali kategoriji ma jistgħux ikunu eżenti min-notifika skont l-Artikolu 18(2), (b) għandu minnufih jiddaħħal notament fir-reġistru man-notifika, (ċ) ċerta informazzjoni (minn ta’ lanqas, l-informazzjoni elenkata fl‑Artikolu 19(1)(a) u (f), u, possibilment, informazzjoni addizzjonali iktar iddettaljata) tiġi nnotata fir-reġistru, u (d) meta tiddeċiedi jekk tawtorizzax operazzjoni ta’ pproċessar, l-awtorità kompetenti għandha tibbaża ruħha fuq il-kontenut tar-reġistru. Iżda, dawn huma sempliċi suppożizzjonijiet. Ma hemm xejn fid-deċiżjoni tar-rinviju li tindika stipulazzjoni f’dan is-sens fid-dritt nazzjonali rigward il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar benefiċjarji tal-FAEG u tal-FAEŻR.

148. Fin-nuqqas ta’ elementi adegwati li jispjegaw ir-rilevanza ta’ din id-domanda preliminari – fil-fatt, fin-nuqqas ta’ konnessjoni ċara bejn id-domanda preliminari, minn naħa, u ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża u l‑kwistjonijiet li għandhom jiġu deċiżi mill-Qorti nazzjonali, min-naħa l-oħra, – nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta li tagħti risposta għal din id-domanda preliminari.

Domandi preliminari 2b u 6

149. Id-domandi preliminari 2b u 6 jirrigwardaw id-drittijiet tal‑utenti (68) (jiġifieri, dawk li jiksbu aċċess għal informazzjoni dwar benefiċjari ppubblikata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 259/2008) u mhux tas-suġġetti tad-data, bħal ma huma r-rikorrenti.

150.      Fil-fehma tiegħi, dawn iż-żewġ domandi preliminari huma inammissibbli.

 Domanda preliminari 2b

151. Din id-domanda preliminari hija fformulata b’mod kurjuż. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 259/2008 huwiex validu għar-raġuni biss li d-Direttiva 2006/24 hi invalida. Sa fejn nista’ nifhem, ir-raġunament tal-qorti nazzjonali hu kif ġej. Utenti li jridu jiksbu aċċess għal informazzjoni ppubblikata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 259/2008 jistgħu jagħmlu dan biss permezz tal‑Internet. Dan jimplika li l-aċċess ma jistax isir b’mod anonimu, għax l-informazzjoni dwarhom tinżamm sa sentejn skont id-Direttiva 2006/24. Iżda, jekk din id-disposizzjoni fid-Direttiva 2006/24 hija invalida, dan iwassal għall-invalidità tal-istess direttiva. Il‑konsegwenza ta’ dan hu li, wara kollox, ir-Regolament tal‑Kummissjoni Nru 259/2008 għandu jitqies bħala validu.

152. Proċeduri ta’ reviżjoni kontra l-validità ta’ leġiżlazzjoni tal-UE tradizzjonalment isiru “fuq il-bażi ta’ inkompetenza (69), ksur tal-forma sostanzjali (70), il-ksur [...] [ta]t-Trattat [KE] jew ta’ xi regola tal-liġi li għandha x’taqsam ma’ l-applikazzjoni tiegħu jew ta’ użu ħażin tal-poteri” (71). Hi ħaġa ġdida li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi interpellata dwar jekk il-validità ta’ att partikolari tal-UE (hawnhekk, ir-Regolament tal‑Kummissjoni Nru 259/2008) tiddependix mill-(in)validità ta’ att ieħor tal-UE f’qasam mhux direttament relatat (hawnhekk, id‑Direttiva 2006/24).

153. Fil-fehma tiegħi, id-domanda preliminari 2b hija purament ipotetika u għalhekk inammissibbli għal żewġ raġunijiet.

154. L-ewwel nett, id-domanda preliminari ma għandha ebda rilevanza għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali, li hi jekk il-qorti nazzjonali għandiex tiddeċiedi li żżomm il-Land Hessen milli jippubblika informazzjoni dwar ir-rikorrenti bħala benefiċjarji tal‑FAEG u/jew tal-FAEŻR.

155. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, deċiżjoni minn qorti nazzjonali għar-rinviju ma tiġix ikkritikata. Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali tinċaħad biss meta hu ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE jew l-eżami tal-validità ta’ regola tad-dritt tal-UE ma għandha ebda relazzjoni mal-fatti veri jew mas-suġġett tal-proċeduri prinċipali (72). Iżda, fil-kawża preżenti, dan hu effettivament il-każ.

156. Il-proċeduri nazzjonali jikkonċernaw, mill-aspett l-iktar wiesa’, id-drittijiet għall-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data fir-rigward ta’ benefiċjarji tal-FAEG u tal-FAEŻR: b’mod speċifiku, jekk l‑informazzjoni personali dwar dawn il-benefiċjarji għandhiex tiġi żvelata fuq database aċċessibbli permezz tal-Internet. Għaldaqstant, il‑proċeduri nazzjonali jirrigwardaw il-benefiċjarji bħala suġġetti tad-data, u ma jikkonċernawx la d-drittijiet tagħhom bħala utenti u lanqas id-drittijiet ta’ xi parti oħra.

157. Għaldaqstant, il-validità tad-Direttiva 2006/24 ma għandha ebda rilevanza għall-elementi li l-qorti nazzjonali trid teżamina sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali.

158. It-tieni nett, il-kuntest tad-domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hu differenti miċ-ċirkustanzi tal-kawża, li ma tinvolvix iż‑żamma ta’ informazzjoni dwar parti fil-proċeduri nazzjonali skont id‑Direttiva 2006/24 (inqas u inqas mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 4 tad-direttiva). Ma huwiex xieraq li l-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi għal eżami tal-validità tad-Direttiva 2006/24 b’mod astratt. Lanqas hu neċessarju l-eżami tal-validità tad-Direttiva 2006/24 għal deċiżjoni dwar il-validità tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 259/2008.

159. Għaldaqstant, nikkunsidra li d-domanda preliminari 2b hija inammissibbli.

 Domanda preliminari 6

160. Il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46 – b’mod partikolari, l-Artikolu 7(e) (73) – għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-ħażna ta’ indirizzi tal-IP ta’ utenti li jużaw dawk is-siti elettroniċi li għandhom l-informazzjoni ppubblikata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 259/2008 mingħajr il-kunsens espliċitu tal-istess utenti.

161. Għal darb’oħra, id-domanda preliminari hi pjuttost ikkumplikata. Jekk fhimt sew, il-qorti tar-rinviju tibda bil-premessa li jekk utenti jixtieq aċċess għal informazzjoni ppubblikata taħt ir-Regolament tal‑Kummissjoni Nru 259/2008, jista’ jagħmel dan biss permezz tal‑Internet. Dan jimplika li d-data personali dwaru (l-indirizz tal-IP) ser tkun “ipproċessata” fis-sens tad-Direttiva 95/46. Il-qorti tar-rinviju mbagħad tistaqsi jekk dan l-ipproċessar huwiex prekluż fin-nuqqas ta’ kunsens espliċitu.

162. Kif diġà indikajt, il-kawża prinċipali tirrigwarda l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar suġġetti tad-data (il-benefiċjarji tal-fondi tal-PAK), u ma tikkonċernax id-drittijiet ta’ utenti (u lanqas id-drittijiet ta’ utenti bħala suġġetti tad-data). Għaldaqstant, is-sitt domanda preliminari hija wkoll inammissibbli għar-raġunijiet mogħtija iktar ’il fuq.

 Konklużjoni

163. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja, b’risposta għad-domandi preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Ġermanja), għandha tiddeċiedi kif ġej:

“1)      Mill-eżami tal-ewwel domanda preliminari ma jirriżulta ebda element li jista’ jikkomprometti l-validità tal-Artikolu 42, punt 8b, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal‑21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni.

2)      L-Artikolu 44a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 huwa invalidu sa fejn jimponi l-pubblikazzjoni awtomatika tal‑ismijiet, tal-muniċipalità ta’ residenza u, meta jkun disponibbli, tal-kodiċi postali tal-benefiċjarji kollha tal-FAEG u tal-FAEŻR u tal-ammont li kull benefiċjarju jirċievi minn dawn il-fondi.

3)      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 259/2008, tat‑18 Marzu 2005, li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 rigward il‑pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-fondi tal-FAEG u tal-FAEŻR huwa invalidu.

4)      Id-domanda preliminari 2b u d-domanda preliminari 6 huma inammissibbli.

5)      Ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi preliminari 3, 4 u 5.”


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.


3 – Bħall-KEDB, il-Konvenzjoni Nru 108 hija fis-seħħ fl-Istati Membri kollha.


4 – Ipproklamata f’Nice fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU 2000 C 364, p. 1), fil-verżjoni approvata mill-Parlament Ewropew, fid-29 ta’ Novembru 2007, wara t-tneħħija tar‑riferimenti għall-Kostituzzjoni Ewropea li ma daħlitx fis-seħħ (ĠU 2007 C 303, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Karta”).


5 – Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).


6 –      L-Artikolu 2(d) jiddefinixxi l-kontrollur bħala l-persuna jew il-korp li jiddetermina l‑finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali.


7 –      L-Istat Membru jaħtar awtorità ta’ superviżjoni waħda jew iktar u jagħtihom is‑setgħa ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni tad-direttiva fit-territorju tiegħu. Il‑funzjonijiet u kompetenzi tagħhom huma elenkati b’mod dettaljat f’dan l‑artikolu. B’mod partikolari, l-awtorità ta’ superviżjoni għandha s-setgħa [skont it‑tieni inċiż tal-Artikolu 28(3)], li tagħti opinjonijiet qabel ma jsiru operazzjonijiet ta’ pproċessar skont l-Artikolu 20.


8 – Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika, jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU 2006 L 105, p. 54).


9 – L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/24/KE jipprovdi li “utent” ifisser kull entità ġuridika jew persuna fiżika li tuża servizz ta’ komunikazzjoni elettronika, disponibbli għall-pubbliku, għal skopijiet privati jew ta’ negozju, mingħajr il-ħtieġa li tkun abbonata għal dak is-servizz. L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514) jagħti d-definizzjonijiet li ġejjin: […] (b) “data dwar it-traffiku” tfisser data pproċessata għall-iskopijiet li tintbagħat komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjoni elettronika jew biex isir il-kont għaliha; (ċ) “data dwar is-sit” tfisser data pproċessata f’network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jindikaw il-pożizzjoni ġeografika tat-tagħmir terminali ta’ utent ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament.


10 – SEG (2005) 1300.


11 – Green Paper “L-Inizjattiva Ewropea Favur it-Trasparenza” KUMM (2006) 194 finali.


12 – Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006, tat-13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 390, p. 1) u bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1525/2007, tas-17 ta’ Diċembru 2007 (ĠU L 343, p. 9).


13 –      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.


14 –      Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2001, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102).


15 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 209, p. 1).


16 – F’dawn il-konklużjonijiet, se jsir riferiment għall-FAEG u l-FAEŻR bħala “il-fondi”.


17 – L-Artikoli 32 sa 37 jistabbilixxu dispożizzjonijiet iddettaljati dwar l-evalwazzjoni tal‑konformità u s-sorveljanza mill-Kummissjoni.


18 – Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96, tal-11 ta’ Novembru 1996, dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 303). B’mod ġenerali, dawn il-prinċipji huma li informazzjoni kkomunikata skont ir-regolament għandha tkun koperta bis-sigriet professjonali u tingħata l-istess protezzjoni li informazzjoni simili tingħata skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li rċeviha u skont id‑dispożizzjonijiet korrispondenti applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-UE. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tiżgura li, fl-implementazzjoni ta’ dan ir‑regolament, l-ispetturi tagħha jimxu mad-dispożizzjonijiet Komunitarji u nazzjonali dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni personali, partikolarment dawk stipulati fid-Direttiva 95/46/KE.


19 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1437/2007, tas-26 ta’ Novembru 2007, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 322, p. 1).


20 –      Opinjoni tal-10 ta’ April 2007 (ĠU C 134, p. 1).


21 –      Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 259/2008, tat-18 ta’ Marzu 2008, li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 rigward il-pubblikazzjoni ta’ tagħrif dwar il-benefiċjarji tal-fondi mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2008 L 76, p. 28).


22 – Ir-riżultati ta’ din il-konsultazzjoni ma humiex ippubblikati fuq is-sit elettroniku tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.


23 – Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixi regoli komuni għal skemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243).


24 – http://www.agrar-fischerei-zahlungen.de


25 – Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tmur lura għall-1969: ara, pereżempju, is‑sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1969, Stauder (29/69, Ġabra p. 419, punt 7) u tas‑17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft (11/70, Ġabra p. 1125, punt 4). Ara, iktar reċentement, is-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (iktar ’il quddiem “ÖRF”) (C-465/00, C-138/01 u C‑139/01, Ġabra p. I-4989, punti 68 u 69 u tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, Ġabra p. I-271, punt 62).


26 – Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni (C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 274); u tad-29 ta’ Ġunju 2006, Il‑Kummissjoni vs SGL Carbon (C-301/04 P, Ġabra p. I-5915, punt 43. Ara wkoll is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Teitosuojavaltuutettu vs Satakunnan Markkinapörssi Oy u Satamedia OY (C-73/07, Ġabra 2008 p. I-9831), b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott, punt 37.


27 – Fis-sentenza tat-30 ta’ Lulju 1996 (Bosphorus, C-84/95, Ġabra, p. I-3953), fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali Jacobs stqarr li “Ir-rispett tad-drittijiet fundamentali hu […] kundizzjoni tal-legalità tal-atti Komunitarji […]”.


28–      Skont l-Artikolu 6 UE, l-UE hija stabbilita fuq il-prinċipji ta’ libertà, demokrazija, rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri.


29 – Sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2001, Il-Kunsill vs Hautala (C-353/99, Ġabra I-9565, punt 24), u l-punt 52 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger.


30 – Ara l-punt 23 iktar ’il fuq.


31 – Ċerti awturi jinsistu li l-prinċipju ta’ trasparenza jaqa’, bla dubju, f’din il‑kategorija: ara, pereżempju, K. Lenaerts “In the Union we trust: trust – enhancing principles of Community Law”, Common Market Law Review 2004, p. 317 u Craig u de Búrca, EU Law text, cases and materials (ir-raba’ edizzjoni 2007), p. 567. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ppronunzjatx ruħha b’mod definittiv dwar din il-kwistjoni.


32 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ April 1996, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kunsill (C-58/94, Ġabra p. I-2169, punt 35); Hautala, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29 iktar ’il fuq (fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat appell tal-Kunsill mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li annullat deċiżjoni tal-Kunsill li tirrifjuta aċċess għal rapport dwar l-esportazzjoni ta’ armi ppreparat minn grupp ta’ ħidma tal-Kunsill), punt 22; u tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni (C-41/00 P, Ġabra p. I-2125), punti 38 sa 43.


33 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29 iktar ’il fuq, punti 76 u 77.


34 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 iktar ’il fuq.


35 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Frar 1994, dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU L 46, p. 58).


36 – Interporc, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 iktar ’il fuq, punt 43; ara wkoll il‑konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger, punt 80.


37 – Il-Karta ma kinitx vinkolanti fil-mument meta nbdiet il-kawża prinċipali: ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑540/03, Ġabra p. I-5769), punt 38. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, b’seħħ mill-1 ta’ Diċembru 2009, il-Karta għandha s-saħħa ta’ dritt primarju [l‑Artikolu 6(1) TUE].


38 – Ara s-sentenza Promusicae, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 iktar ’il fuq, punt 63, u l-punt 51 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott; ara, iktar reċentement, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer fis-sentenza tas-7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer (C-553/07, Ġabra p. I-3889), punti 18 sa 20. Ir-rabta bejn il-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data hija wkoll riflessa fil-premessi 10 sa 12 tad-Direttiva 95/46, u fl-Artikolu 1(1) tal-istess direttiva. Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑Bundesverfassungsgericht (Qorti Kostituzzjonali Federali Ġermaniża), tal-15 ta’ Diċembru 1983 (“Volkszählungsurteil”, 1 BvR 209, 269, 362, 420, 440, 484/83, BVerfGE 65, 1), u iktar reċentement, is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010 (BvR 256, 263, 586/08, disponibbli fuq is-sit www.bundesverfassungsgericht.de).


39 – Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Niemietz vs Il-Ġermanja, tas-16 ta’ Diċembru 1992, Serje A Nru 251‑B, punti 29 sa 31.


40 – Ara s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Colas Est et vs Franza, (Nru 37971/97, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 2002-III), punt 41; u Peck vs Ir‑Renju Unit, (Nru 44647/98, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 2003‑I), punt 57. Għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ara s-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Varec (C-450/06, Ġabra p. I-581), punt 48.


41 – Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Von Hannover vs Il‑Ġermanja (Nru 59320/00, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 2004‑VI), punt 50, u l-ġurisprudenza hemm iċċitata; u s-sentenza tat-28 ta’ April 2009 Karakó vs L‑Ungerija (Nru 39311/05), punt 21.


42 – Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, S & Marper vs Ir‑Renju Unit, tal-4 ta’ Diċembru 2008 [GC] (Nri 30562/04 u 30566/04), punt 103.


43 – Mogħtija b’mod komplet fil-punt 51 iktar ’il fuq.


44–      L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal‑ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102) jagħti protezzjoni ekwivalenti fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data mill-istituzzjonijiet.


45 – Ara l-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’ÖRF, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 iktar ’il fuq; skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti ta’ Strasbourg, dawn il‑kundizzjonijiet huma kumulattivi: ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Amann vs L-Isvizzera [GC] (Nru 27798/95, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 2000‑II), punt 80. L-eċċezzjonijiet fl-Artikolu 8(2) tal‑KEDB għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett u f’każ speċifiku l-ħtieġa tagħhom għandha tiġi stabbilita b’mod konvinċenti: ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Funke vs Franza, tal-25 ta’ Frar 1993 (Serje A, Nru 256-A), punt 55 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata, u Buck vs Il-Ġermanja (Nru 41604/98, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 2005‑IV), punt 37.


46 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 iktar ’il fuq u ttrattata fil-punt 90 iktar ’l isfel.


47 – Sentenza C‑73/07, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26 iktar ’il fuq.


48 – Ara l-punt 83 iktar ’l fuq u l-punt 114 iktar ’l isfel.


49 – Ara l-punti 126 sa 128 iktar ’l isfel.


50 – Ara l-premessi 13 u 14 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1437/2007 u l-premessa 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 259/2008. Bl-istess mod, ir-Regolament Finanzjarju (li l-validità tiegħu ma ġietx ikkontestata) jenfasizza l-importanza tat‑trasparenza (premessi 3 u 12), jiddisponi li l-Kummissjoni “għandha tagħmel disponibbli, b’mod xieraq, l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ fondi” b’osservanza debita “tal-ħtiġiet ta’ kunfidenzjalità, partikolarment il-protezzjoni tad-data personali’ [l-Artikolu 30(3)], u jimponi l-obbligu fuq l-Istati Membri li “jiżguraw, permezz ta’ regolamenti rilevanti speċifiċi għas-settur u f’konformità ma’ l-Artikolu 30(3), il-pubblikazzjoni annwali ex post adegwata tal-benefiċjarji tal-fondi li ġejjin mill-baġit” [l-Artikolu 53b(2)(d)].


51 – Naturalment, sabiex ikun validu, l-indħil għandu jiġi speċifikat b’mod preċiż biżżejjed li jkun “skont il-liġi” (ara iktar ’il fuq) u għandu wkoll ikun proporzjonat.


52 – Artikolu 202 issa huwa ssostitwit fis-sustanza mill-Artikolu 16(1) TUE u mill‑Artikoli 290 u 291 TFUE. L-Artikolu 211 huwa ssostitwit fis-sustanza mill-Artikolu 17(1) TUE.


53 – Sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1970, Köster (25/70, Ġabra p. 1161, punt 6); tat-30 ta’ Ottubru 1975, Rey Soda (23/75, Ġabra p. 1279, punt 11); u tas-27 ta’ Ottubru 1992, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C-240/90, Ġabra p. I-5383, punt 41).


54 – Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill (C-310/04, Ġabra p. I‑17285, punt 97). Ara wkoll is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et (C‑331/88, Ġabra p. I-4023, punt 13); tal-5 ta’ Ottubru 1994, Crispoltoni et (C‑133/93, C-300/93 u C-362/93, Ġabra p. I-4863, punt 41); u tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et (C-189/01, Ġabra p. I-5689, punt 81) u l-ġurisprudenza hemm iċċitata.


55 –      Artikolu 253 KE, li issa sar Artikolu 296 TFUE.


56 – Ara, fl-istess sens, l-aħħar sentenza tal-premessa 14 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1437/2007 u l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tal‑10 ta’ April 2007 (ĠU C 134, p. 1), imsemmija f’din il-premessa.


57 – Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1198/2006 tas-27 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (ĠU 2006 L 223, p. 1).


58 – V. Schecke enfasizza li ħafna drabi teżisti rabta qawwija bejn il-pagamenti tal‑PAK u d-dħul totali ta’ impriża agrikola ta’ familja li għandha numru magħruf ta’ dipendenti. Hu sostna, permezz ta’ eżempji, li l-indħil fil-ħajja privata tal-benefiċjarju minn ġirien li japproffittaw ruħhom minn din il-pubblikazzjoni, jista’ jkun konsiderevoli.


59 – Matul is-seduta, ingħataw eżempji ta’ dibattiti pubbliċi potenzjali: b’mod speċifiku, id-dibattitu ġurnalistiku fi Franza dwar jekk kinux il-bdiewa ż-żgħar jew l-impriżi kbar li jirċievu l-assistenza (il-Kummissjoni għamlet riferiment għal artikolu ppubblikat f’Le Monde fit-30 ta’ Marzu 2010), il-Gvern Grieg semma l-inizjattiva tiegħu li jinħoloq dibattitu pubbliku qabel ir-ristrutturazzjoni tal-PAK ipproġettata għall-2013. Madankollu, eżempji ta’ dibattiti fihom infushom ma jiddefinixxux il‑kontenut ta’ dibattitu.


60 – Fil-fatt, ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005 jistabbilixxi mekkaniżmi ta’ kontroll għall‑ġlieda kontra l-frodi u għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet: ara, pereżempju, l-Artikolu 9 u l-Artikoli 30 sa 37.


61 – Hemm xi evidenza li tindika li r-rikonoxximent ta’ dan l-objettiv irriżulta wara inizjattiva importanti minn ġurnalisti investigattivi f’numru ta’ Stati Membri maħsuba biex taċċerta jekk xi benefiċjarji prinċipali ta’ fondi tal-PAK kinux proprjetarji tal-art għanjin jew impriżi agrikoli kbar, pjuttost milli ażjendi agrikoli żgħar. Ara, The Guardian tat-Tnejn 22 ta’ Jannar 2007, “So that’s where the 100 billion went”.


62 – Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Malone vs Ir-Renju Unit, tat-2 ta’ Awwissu 1984, serje A Nru 82, punti 67 u 68.


63 – Ara l-vademecum dwar il-Ħtiġijiet ta’ Notifika, adottat mill-Grupp ta’ Ħidma stabbilit skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46, li jispjega l-elementi ta’ bażi tas‑sistema tan-notifika f’kull Stat Membru.


64 – Artikolu 21(2) jimponi obbligu fuq l-Istati Membri li jiżguraw li reġistru tal‑operazzjonijiet ta’ ipproċessar, innotifikat skont l-Artikolu 18, jinżamm mill‑awtorità ta’ superviżjoni.


65 – L-uniku element li ma jitniżżilx fir-reġistru hu d-“deskrizzjoni ġenerali li tippermetti li jsir eżami preliminari dwar kemm ikunu xierqa l-miżuri meħuda skond l-Artikolu 17 biex jassiguraw is-sigurtà ta’ l-ipproċessar” indikat fl‑Artikolu 19(1)(f).


66 – Ara l-ewwel żewġ sentenzi tal-Artikolu 19(1) u tal-Artikolu 21(2).


67 – Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46 jiddefinixxi operazzjonijiet ta’ ipproċessar bħala “kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali [...] bħalma huma [...] żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli […]”.


68 – Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/24 jagħti definizzjoni ta’ “utent”: ara nota ta’ qiegħ il-paġna 9 iktar ’il fuq.


69 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-376/98, Ġabra p. I-8419).


70 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, C-378/00, Ġabra p. I-937, punt 34).


71 – Artikolu 230 KE.


72 – Sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 1981, Salonia (126/80, Ġabra p. 1563); tal-10 ta’ Settembru 2009, Eurawasser (C-206/08, Ġabra p. I-8377, punti 33 u 34); u tad-19 ta’ Novembru 2009, Filipiak (C-314/08, Ġabra p. I-11049, punti 40 sa 42).


73 –      Artikolu 7(e) jawtorizza “ [...] ipproċessar [li] ikun meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika”. Barra minn hekk, is‑sitwazzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 7(b) sa (f) għandhom l-istess valur, kemm bejn xulxin kif ukoll fil-konfront tas-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(a) (kunsens mis-suġġett tad-data mogħti b’mod ċar). Għaldaqstant, diffiċilment wieħed jifhem kif l-Artikolu 7(e) jista’ jipprekludi l-ipproċessar sakemm ir-rekwiżit fl-Artikolu 7(a) ma jiġix sodisfatt.