Language of document : ECLI:EU:T:2012:596

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

14 ta’ Novembru 2012 (*)

“Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Rikors għal annullament – Atti adottati matul spezzjoni – Miżuri intermedjarji – Inammissibbiltà – Deċiżjoni li tordna spezzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Protezzjoni tal-ħajja privata – Indizji suffiċjentement serji – Stħarriġ ġudizzjarju”

Fil-Kawża T‑135/09,

Nexans France SAS, stabbilita f’Pariġi (Franza),

Nexans SA, stabbilita f’Pariġi,

irrappreżentati minn M. Powell, solicitor, J.‑P. Tran Thiet, avukat, u G. Forwood, barrister,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn X. Lewis u N. von Lingen, sussegwentement minn N. von Lingen u V. Di Bucci, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, l-ewwel nett, talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 92/1, tad-9 ta’ Jannar 2009, li tordna lil Nexans SA u lis-sussidjarja tagħha Nexans France SAS tissuġġetta ruħha għal spezzjoni, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 08 Vol. 02 p. 205) (Każ COMP/39.610); it-tieni nett, talba sabiex il-Qorti Ġenerali tiddikjara illegali d-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni f’din l-ispezzjoni li tikkopja kollu kemm hu l-kontenut ta’ ċerti fajls informatiċi sabiex jiġu eżaminati fl-uffiċċji tagħha; it-tielet nett, talba għal annullament tad-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni li impjegat ta’ Nexans France jiġi interrogat waqt l-ispezzjoni u, ir-raba’ nett, talba sabiex il-Qorti Ġenerali tordna ċerti miżuri fir-rigward tal-Kummissjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn L. Truchot, President, M. E. Martins Ribeiro u H. Kanninen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Ottubru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Nexans SA u s-sussidjarja 100 % tagħha Nexans France SAS, huma żewġ kumpanniji Franċiżi li jeżerċitaw l-attività tagħhom fis-settur tal-kejbils tal-elettriku.

2        Permezz tad-Deċiżjoni C (2009) 92/1, tad-9 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ordnat lil Nexans u lill-impriżi kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha, inkluża Nexans France, jissuġġettaw ruħhom għal spezzjoni, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 08 Vol. 02 p. 205) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ spezzjoni”).

3        L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni jipprovdi hekk:

“Nexans […], kif ukoll l-impriżi kollha, direttament jew indirettament ikkontrollati minnha, inkluża Nexans France […] bil-preżenti għandha l-obbligi li tissuġġetta ruħha għal spezzjoni dwar il-parteċipazzjoni eventwali [tagħha] (tagħhom) fi ftehimiet antikompetittivi u/jew prattiki miftiehma li jmorru kontra l-Artikolu 81 [KE …] fir-rigward tal-provvista ta’ kejbils tal-elettriku u ta’ materjal relatat inklużi, fost l-oħrajn, il-kejbils tal-elettriku ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-ilma u, f’ċerti każijiet, il-kejbils tal-elettriku ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-art, li jinkludu s-sottomissjoni ta’ offerti miftiehma fil-kuntest ta’ kuntratti pubbliċi, l-għoti ta’ klijenti, kif ukoll l-iskambju illegali ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva dwar il-provvista ta’ dawn il-prodotti.

L-ispezzjoni tista’ seħħ fil-postijiet kollha kkontrollati mill-impriża […]

Nexans […] kif ukoll l-impriżi kollha, direttament jew indirettament ikkontrollati minnha (minnhom), inkluża Nexans France […] tawtorizza lill-uffiċjali u persuni oħra mqabbda mill-Kummissjoni [sabiex] jipproċedu bi spezzjoni u lill-uffiċjali u persuni oħra mqabbda mill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru [sabiex] jgħinuhom jew imqabbda minn din tal-aħħar għal dan il-għan, sabiex jaċċedu għall-postijiet tan-negozju u għall-mezzi ta’ trasport kollha tagħha fil-ħinijiet normali tax-xogħol. Hija tissuġġetta għal spezzjoni l-kotba kif ukoll kull dokument professjonali ieħor, ikun xi jkun il-mezz li fuqu jinsab, jekk l-uffiċjali u l-persuni oħra mqabbda jressqu talba għal dan il-għan u tippermettilhom jeżaminawhom fuq il-post u li jieħdu jew jiksbu taħt kwalunkwe forma li tkun, kopja jew estratt ta’ dawn il-kotba jew dokumenti. Hija tawtorizza t-twaħħil ta’ siġilli fil-positijiet kummerċjali u fuq il-kotba jew dokumenti kollha matul l-ispezzjoni u sa fejn dan huwa neċessarju għall-finijiet ta’ dan. Hija tagħti immedjatament fuq il-post tan-negozju spjegazzjonijiet orali fuq is-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni jekk dawn l-uffiċjali jew persuni jagħmlu talba għal dan il-għan u tawtorizza kull rappreżentant jew membru tal-personal jagħti spjegazzjonijiet bħal dawn. Hija tawtorizza r-reġistrazzjoni ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet fi kwalunkwe forma tkun xi tkun.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, il-Kummissjoni tippreċiża li l-ispezzjoni tista’ tibda fit-28 ta’ Jannar 2009. Fl-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni, hija tindika li d-deċiżjoni ta’ spezzjoni għandha tiġi nnotifikata lill-impriża li tagħha hija d-destinatarja immedjatament qabel l-ispezzjoni.

5        Id-deċiżjoni ta’ spezzjoni hija mmotivata hekk kif ġej:

“Il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni fis-sens li l-fornituri ta’ kejbils tal-elettriku, inkluż fosthom impriżi li għalihom kienet indirizzata din id-deċiżjoni, jipparteċipaw jew kienu pparteċipaw fi ftehimiet u/jew prattiki miftiehma li jirrigwardaw il-provvista ta’ kejbils tal-elettriku u ta’ materjal relatat inklużi, fost l-oħrajn, il-kejbils tal-elettriku ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-ilma u, f’ċerti każijiet, il-kejbils tal-elettriku ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-art, li jinkludu s-sottomissjoni ta’ offerti miftiehma fil-kuntest ta’ kuntratti pubbliċi, l-għoti ta’ klijenti, kif ukoll l-iskambju illegali ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva dwar il-provvista ta’ dawn il-prodotti.

[…]

Skont l-informazzjoni riċevuta mill-Kummissjoni, [dawn] il-ftehimiet u/jew prattiki miftiehma […], li ilhom jeżistu mill-inqas mill-2001 għadhom jeżistu sal-ġurnata tal-lum. [Huma] għandhom probabbilment portata mondjali.

Jekk jiġi stabbilit li dawn l-allegazzjonijiet huma fondati, il-ftehimiet u/jew il-prattiki miftiehma deskritti iktar ’il fuq jammontaw għal ksur gravi ħafna tal-Artikolu 81 [KE].

Sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tivverifika l-fatti kollha li jirrigwardaw il-ftehimiet u l-prattiki miftiehma preżunti u l-kuntest li fih huma seħħew, huwa neċessarju li jsiru spezzjonijiet skont l-Artikolu 20 tar-Regolament […] Nru 1/2003.

[…]”

6        L-Erbgħa 28 ta’ Jannar 2009, spetturi tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem l-“ispetturi”), akkumpanjati minn rappreżentanti tal-Awtorità tal-kompetizzjoni (Franza), marru fil-bini ta’ Nexans France sabiex jagħmlu spezzjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 (iktar ’il quddiem l-“ispezzjoni”). Id-deċiżjoni ta’ spezzjoni ġiet ikkomunikata lill-impriża, li poġġiet għad-dispożizzjoni tal-ispetturi sala tar-rijunjoni. Avukat mqabbad mir-rikorrenti assista lil dawn fil-passi kollha li jirrigwardaw l-ispezzjoni.

7        L-ispetturi esprimew ix-xewqa tagħhom li jeżaminaw id-dokumenti kif ukoll il-kompjuters ta’ xi impjegati ta’ Nexans France, jiġifieri s-Sur A ([kunfidenzjali] (1) – dipartiment “Tensjoni għolja”), is-Sur B ([kunfidenzjali] – dipartiment “Tensjoni għolja”) u s-Sur C ([kunfidenzjali] tat-taqsima kummerċjali “Tensjoni għolja terrestri”). L-ispetturi ġew informati li s-Sur C kien qed jivvjaġġa, bil-kompjuter tiegħu, u li kien ser jirritorna l-Ġimgħa 30 ta’ Jannar 2009.

8        L-ispetturi l-ewwel nett eżaminaw dokumenti kartaċi fl-uffiċċji tas-Sinjuri A, B u C, kif ukoll fl-uffiċċju tal-assistent komuni tagħhom. Barra minn hekk, huma ħadu kopji-imaġni tal-ħard disks tal-kompjuters tas-Sinjuri A, B u D ([kunfidenzjali] – dipartiment “Tensjoni għolja”). Sabiex tkun tista’ twettaq riċerka permezz tal-kliem prinċipali fl-informazzjoni kontenuta f’dawn il-kompjuters, huma użaw softwer li elenka din l-informazzjoni matul il-lejl.

9        It-tieni jum ta’ spezzjoni, jiġiferi l-Ħamis 29 ta’ Jannar 2009, l-ispetturi eżaminaw numru ta’ dokumenti misjuba fl-uffiċċji tas-Sinjuri C u E ([kunfidenzjali] – dipartiment “Tensjoni għolja”) kif ukoll il-posta elettronika tas-Sinjuri A, B u E u l-kopji-imaġni tal-ħard disks tal-kompjuters tas-Sinjuri A, B u D.

10      Is-Sur B informa lill-ispetturi li kellu jiltaqa’ mas-Sur C fid-29 ta’ Ġunju 2009 filgħaxija. Huwa ppropona li jieħu l-kompjuter tas-Sur C u li jieħdu fil-bini ta’ Nexans France l-għada filgħodu, kif fil-fatt għamel.

11      It-tielet jum ta’ spezzjoni, il-Ġimgħa 30 ta’ Jannar 2009, l-ispetturi infurmaw lir-rikorrenti li huma xtaqu jitolbu spjegazzjonijiet lis-Sur C dwar ċerti dokumenti, b’mod partikolari dwar posta elettronika misjuba prinċipalment fil-kompjuter tas-Sur A, fejn is-Sur C kien kemm id-destinatarju, kif ukoll il-persuna li bagħtet l-posta elettronika, kif ukoll destinatarju bħala kopja konformi. Wara nofs inhar, is-Sur C, akkumpanjat minn żewġ avukati tar-rikorrenti, irrisponda għad-domandi tal-ispetturi. Dawn id-domandi, kif ukoll ir-risposti tagħhom, ġew ikkonsenjati f’anness għall-minuti tal-ispezzjoni, li ġew iffirmati mir-rappreżentanti tar-rikorrenti.

12      Bl-istess mod, il-jum tal-Ġimgħa 30 ta’ Jannar 2009, l-ispetturi eżaminaw il-kontenut tal-ħard disk tal-kompjuter tas-Sur C u sabu numru ta’ fajls, dokumenti u posta elettronika, fl-opinjoni tagħhom rilevanti għall-investigazzjoni, li kienu ġew imħassra bejn minn meta bdiet l-ispezzjoni u t-30 ta’ Jannar 2009. Huma kkupjaw żewġ ġabriet ta’ posta elettronika fuq żewġ biċċiet tagħmir li jirrekordja d-data (iktar ’il quddiem it-“TJD”). Huma kkupjaw ukoll ġabra ta’ posta elettronika misjuba fil-kompjuter tas-Sur A fuq żewġ TJD. Dawn l-erba’ TJD tpoġġew fl-envelops u ġew sussegwentement issiġillati u ffirmati minn rappreżentant tar-rikorrenti. L-ispetturi ddeċidew li jieħdu dawn l-envelops fl-uffiċċji tal-Kummissjoni f’Brussell (il-Belġju). Il-kompjuter tas-Sur C kif ukoll TJD misjub fl-uffiċċju tiegħu tpoġġew f’armarju, li ġew issiġillati mill-ispetturi. Il-ħard disks tal-kompjuters tal-Kummissjoni użati għall-finijiet ta’ riċerka, imbagħad ġew imħassra. Fl-aħħar nett, l-ispetturi infurmaw lir-rikorrenti li huma kienu ser jinfurmawhom dwar id-data meta kienet ser iseħħ l-ispezzjoni. Ir-rikorrenti indikaw li huma kienu jippreferu li l-ispezzjoni eventwali tal-ħard disk tal-kompjuter tas-Sur C isseħħ fil-bini ta’ Nexans France, u mhux fl-uffiċċji tal-Kummissjoni.

13      L-ispetturi rritornaw fil-bini ta’ Nexans France fit-Tlieta, 3 ta’ Frar 2009. Huma fetħu l-armarju ssiġillat li kien jikkontjeni t-TJD misjub fl-uffiċċju tas-Sur C kif ukoll il-kompjuter ta’ dan. Huma spezzjonaw fuq il-post it-TJD, stampaw u salvaw żewġ dokumenti estratti mit-TJD u taw dan lir-rappreżentanti tar-rikorrenti. Barra minn hekk huma għamlu tliet kopji-imaġni tal-ħard disk tal-kompjuter tas-Sur C fuq tliet TJD. L-ispetturi taw wieħed mit-tliet TJD lir-rappreżentanti tar-rikorrenti fuq talba ta’ dawn u poġġew it-tnejn l-oħra f’envelops issiġillati li ħadu lura Brussell wara li kkunsidraw il-fatt li r-rikorrenti kkontestaw il-leġittimità ta’ dawn il-proċeduri. L-ispetturi indikaw li l-envelops issiġillati kienu jkunu biss miftuħa fil-bini tal-Kummissjoni fil-preżenza tar-rappreżentanti tar-rikorrenti.

14      Fit-2 ta’ Marzu 2009, l-envelops issiġillati fil-bini ta’ Nexans France li jikkontjenu TJD infetħu fl-uffiċċji tal-Kummissjoni fil-preżenza tal-avukati tar-rikorrenti. Id-dokumenti kontenuti fit-TJD ġew eżaminati u l-ispetturi stampaw fuq il-karta dak li kienu kkunsidraw rilevanti għall-investigazzjoni. It-tieni kopja kartaċja ta’ dawn id-dokumenti kif ukoll lista ta’ dawn ingħataw lill-avukati tar-rikorrenti. Dan il-proċess seħħ fil-11 ta’ Marzu 2009. L-uffiċċju li fih id-dokumenti u t-TJD ġew eżaminati ġew issiġġillati fl-aħħar ta’ kull ġurnata ta’ xogħol, fil-preżenza tal-avukati tar-rikorrenti, u miftuħa l-għada, dejjem fil-preżenza tagħhom.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ April 2009, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

16      Billi kien hemm tibdil fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla, u għalhekk din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla.

17      B’ittra tal-14 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrenti talbu li jiddaħlu fl-atti żewġ sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li ġew deċiżi wara l-preżentata tar-replika li huma rilevanti għall-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors (Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2010, Primagaz c. France, Rikors Nru 29613/08, u Société Canal Plus c. France, Rikors Nru 29408/08), ħaġa li ġiet aċċettata permezz tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Jannar 2011. Il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq dawn is-sentenzi, ħaġa li għamlet fit-terminu stabbilit.

18      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali, ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fl-20 ta’ Settembru 2011, il-Qorti Ġenerali għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub lill-Kummissjoni u talbitha tippreżenta kopja ta’ dokument tal-Kummissjoni msemmi mir-rikorrenti fin-noti tagħhom u intitolata “Nota ta’ spjegazzjoni fuq l-awtorizzazzjoni li titwettaq spezzjoni b’implimentazzjoni ta’ deċiżjoni meħuda bis-saħħa tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003”. Il-Kummissjoni osservat din it-talba fit-terminu stabbilit.

19      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-19 ta’ Ottubru 2011. Fit-tmiem tas-seduta, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma tagħlaqx il-proċedura orali.

20      B’ittra tal-25 ta’ Ottubru 2011, ir-rikorrenti kkomunikaw lill-Qorti Ġenerali informazzjoni ta’ tip fattwali dwar l-osservazzjonijiet li huma kienu ppreżentaw fis-seduta. Il-Qorti Ġenerali daħħlet fil-proċess din l-ittra permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Novembru 2011 u stiednet lill-Kummissjoni tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward, ħaġa li għamlet fit-terminu stabbilit.

21      B’digriet tal-21 ta’ Diċembru 2011, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kummissjoni tippreżenta ċerti dokumenti fil-kuntest tal-miżuri ta’ struzzjoni previsti fl-Artikolu 65 tar-Regoli tal-Proċedura u stabbilixxiet il-metodi tal-konsultazzjoni tagħhom mir-rikorrenti. Il-Kummissjoni osservat din il-miżura istruttorja fit-terminu stabbilit.

22      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, fil-21 ta’ Diċembru 2011, il-Qorti Ġenerali għamlet domanda bil-miktub lill-Kummissjoni u stednietha tippreżenta traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża ta’ ċerti partijiet ta’ żewġ dokumenti li hija kienet forniet minn qabel. Il-Kummissjoni osservat din it-talba fit-terminu stabbilit.

23      Fl-24 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrenti kkonsultaw id-dokumenti previsti fil-punt 21 iktar ’il fuq fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali. Fit-2 ta’ Marzu 2012, huma ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dawn id-dokumenti. Fis-26 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti.

24      Il-proċedura orali ngħalqet fit-23 ta’ April 2012. Permezz ta’ digriet tal-1 ta’ Ottubru 2012, din reġgħet infetħet. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, fit-2 ta’ Ottubru 2012, il-Qorti Ġenerali għamlet domanda bil-miktub lill-Kummissjoni, li osservat din it-talba fit-terminu stabbilit. Il-proċedura orali sussegwentement ingħalqet fit-22 ta’ Ottubru 2012.

25      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni ta’ spezzjoni;

–        tiddikjara illegali d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tieħu kopji ta’ ċerti fajls informatiċi u tal-ħard disk tal-kompjuter tas-Sur C għal stħarriġ ulterjuri fl-uffiċċji tagħha f’Brussell;

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinterroga lis-Sur C;

–        tordna lill-Kummissjoni li tagħti lil Nexans France id-dokumenti kollha jew provi li hija kienet kisbet bis-saħħa tad-deċiżjonijiet imsemmija, inkluż fosthom, u mingħajr limitazzjoni, id-dokumenti li ma jaqgħux fil-qafas tal-ispezzjoni, id-dokumenti dwar il-proġetti tal-kejbil tal-elettriku barra miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), id-dokumenti meħuda b’mod irregolari u meħuda f’Brussell u l-evidenza miġbura fuq il-bażi ta’ interrogatorji tas-Sur C;

–        tordna lill-Kummissjoni tastjeni milli tuża kull dokument jew prova li hija setgħet tikseb bis-saħħa tad-deċiżjonijiet annullati għall-finijiet tas-sejba ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni;

–        tordona lill-Kummissjoni tastjeni milli tagħti dawn id-dokumenti jew provi (jew id-dokumenti jew informazzjoni riżultanti) lil awtoritajiet oħra ta’ kompetizzjoni;

–        tordna kull miżura oħra ġuridikament meħtieġa;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara inammissibbli l-opinjoni ġuridikament prodotta mir-rikorrenti fl-anness għar-replika insostenn tal-argumenti tagħhom dwar l-ammissibbiltà ta’ wħud mill-kapijiet tat-talbiet tagħhom;

–        tiċħad it-tieni u seba’ kap tat-talbiet tar-rikorrenti bħala inammissibbli;

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż tal-kawża.

 Id-dritt

27      L-ewwel tliet kapijiet ta’ talbiet ippreżentati mir-rikorrenti jammontaw għal tliet talbiet ta’ annullament li kull wieħed għandu bħala għan att meħud mill-Kummissjoni fid-dawl ta’ spezzjoni jew fl-okkażjoni ta’ spezzjoni.

28      L-ewwel minn tliet atti kkontestati mir-rikorrenti hija d-deċiżjoni ta’ spezzjoni. It-tieni u t-tielet atti (iktar ’il quddiem l-“atti kontenzjużi”) kienu ttieħdu fir-rigward tagħhom mill-ispetturi matul l-ispezzjoni. Fir-rigward, rispettivament, tad-deċiżjoni li jsiru l-kopji-imaġni ta’ bosta fajls informatiċi u tal-ħard disk tal-kompjuter tas-Sur C sabiex jiġu eżaminati sussegwentement fl-uffiċċji tal-Kummissjoni , kif ukoll tad-deċiżjoni li jiġi interrogat is-Sur C.

29      Ir-raba’ sas-seba’ kapijiet ta’ talbiet ippreżentati mir-rikorrenti huma talbiet sabiex il-Qorti Ġenerali tordna miżuri fir-rigward tal-Kummissjoni.

30      Fir-rigward tal-ammissibbiltà, il-Kummissjoni sostniet l-ewwel nett, li l-atti kontenzjużi ma humiex atti kkontestabbli, u li l-kapijiet ta’ talbiet tar-rikorrenti li għandhom l-għan li jiksbu l-annullament ta’ dawn l-atti huma inammissibbli. Barra minn hekk, hija ssostni li l-kapijiet ta’ talbiet li permezz tagħhom ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali tindirizzalhom ordnijiet huma wkoll inammissibbli. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali għandha tiddikjara inammissibbli l-opinjoni legali li r-rikorrenti annettew mar-replika (iktar ’il quddiem l-“opinjoni kontenzjuża”), insostenn tal-argumenti tagħhom dwar l-ammissibbiltà tat-talbiet ta’ annullament tal-atti kontenzjużi.

31      Fir-rigward tal-mertu, il-Kummissjoni ssostni li l-ilmenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet tagħhom ta’ annullament għandhom jiġu miċħuda.

32      Għandha tiġi eżaminata l-ewwel nett, it-talba għal annullament tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, li l-ammissibbiltà tagħha ma hijiex ikkontestata, u barra minn hekk, l-ammissibbiltà tal-opinjoni kontenzjuża u dik tat-talbiet għal annullament tal-atti kontenzjużi u, fl-aħħar nett, il-kapijiet ta’ talbiet bil-għan li l-Qorti Ġenerali tordna miżuri fir-rigward tal-Kummissjoni.

1.     Fuq it-talba għal annullament tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni

33      Insostenn tat-talba tagħhom, ir-rikorrenti qajmu essenzjalment, motiv uniku insostenn tat-talba tagħhom għal annullament tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 20(4), tar-Regolament Nru 1/2003 u tad-drittijiet fundamentali, jiġifieri d-drittijiet tad-difiża, id-dritt għal smigħ xieraq, id-dritt li ma tikkontribwixxix għall-inkriminazzjoni proprja tagħhom, għall-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għar-rispett għall-ħajja privata. Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet, ibbażati, minn naħa, fuq natura eċċessivament estiża u vaga tal-firxa ta’ prodotti kkonċernati mid-deċiżjoni ta’ spezzjoni u, min-naħa l-oħra, mill-portata ġeografika eċċessivament wiesgħa ta’ din id-deċiżjoni.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq natura eċċessivament estiża u vaga tal-firxa ta’ prodotti kkonċernati mid-deċiżjoni ta’ spezzjoni

34      L-argumenti esposti mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-parti jistgħu jiġu mifhuma f’dan is-sens li, fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni, il-Kummissjoni ma tkunx iddelimitat b’mod suffiċjenti s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni. Għal dan il-għan, huma jippreżentaw żewġ ilmenti.

35      Permezz tal-ewwel ilment tagħhom, ir-rikorrenti jakkużaw essenzjalment lill-Kummissjoni b’nuqqas ta’ preċiżjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni fir-rigward tad-delimitazzjoni tal-prodotti kkonċernati. Dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni poġġa lir-rikorrenti f’pożizzjoni impossibbli li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom u li jiddistingwu d-dokumenti li l-Kummissjoni kellha l-fakoltà li tikkonsulta u li tikkopja dokumenti oħra fil-pussess ta’ Nexans France u li għalihom huma ma kellhomx jittolleraw tali interferenza fl-isfera tagħhom ta’ attività. Il-Kummissjoni b’hekk setgħet twettaq “spedizzjoni esploratorju” u tfittex fil-bini ta’ din l-impriża dokumenti u informazzjoni użati sabiex jiġu misjuba ksur eventwali tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-kuntest tal-attivitajiet kollha tar-rikorrenti u mhux fil-kuntest biss tas-settur kopert mill-investigazzjoni.

36      Permezz tat-tieni lment tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha biss informazzjoni dettaljata li wasslitha tissuspetta l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-settur tal-kejbils ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-ilma, li ġiet ikkonfermata mill-aġir tal-ispetturi fl-ispezzjoni kif ukoll minn stqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni.

37      Għall-finijiet li jiġu eżaminati ż-żewġ ilmenti mressqa mir-rikorrenti, għandhom preliminarjament jitfakkru ċerti prinċipji li jirregolaw, minn naħa, il-kontenut obbligatorju tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni li jordnaw spezzjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 u, min-naħa l-oħra, l-istħarriġ li l-Qrati tal-Unjoni Ewropea jistgħu jkollhom iwettqu fir-rigward tal-karattru ġustifikat ta’ spezzjoni bħal din.

 Osservazzjonijiet preliminari

38      L-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jiddefinixxi l-elementi essenzjali li għandhom jidhru f’deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna spezzjoni. Din id-dispożizzjoni hija redatta b’dan il-mod:

“Impriżi jew assoċjazzjonijiet tal-impriża huma rikjesti li jissottomettu għall-ispezzjonijiet ordnati b’deċiżjoni mil-Kummissjoni. Id-deċiżjoni ħa tispeċifika s-suġġet u l-għan tal-ispezzjoni, taħtar id-data li fiha għandha tibda u tindika l-pieni previsti mil-Artikoli 23 u 24 u d-dritt li tar-reviżjoni tad-deċiżjoni mil-Qorti tal-Ġustizzja […]”.

39      L-obbligu impost fuq il-Kummissjoni li tindika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni jammonta għal rekwiżit fundamentali fid-dawl, minn naħa, li tagħmel li jkun jidher il-karattru ġustifikat tal-intervent previst ġewwa l-impriżi kkonċernati, li jpoġġu lil dawn f’pożizzjoni li jevalwaw il-portata tad-dmir ta’ kollaborazzjoni, u, min-naħa l-oħra, li jiġu ppreżervati d-drittijiet tagħhom tad-difiża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ottubru 1989, Dow Chemical Ibérica et vs Il-Kummissjoni, 97/87 sa 99/87, Ġabra p. 3165, punt 26).

40      Fir-rigward tal-karattru ġustifikat jew le tal-intervent previst u tal-portata tad-dmir tal-kollaborazzjoni tal-impriżi kkonċernati, għandu jingħad li l-ħtieġa ta’ protezzjoni kontra interventi arbitrarji jew sproporzjonati mill-awtoritajiet pubbliċi fil-qasam tal-attivitajiet privati ta’ kwalunkwe persuna, kemm jekk fiżika jew ġuridika, tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères, C‑94/00, Ġabra p. I‑9011, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju ġie protett mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata f’Nice fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1), li skont dan “[k]ull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha”.

41      Fir-rigward taż-żamma tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati, l-ewwel nett, għandu jingħad li dawn id-drittijiet għandhom jiġu rrispettati mill-Kummissjoni kemm fil-proċeduri amministrattivi li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet kif ukoll waqt il-proċeduri ta’ investigazzjoni minn qabel, għaliex għandu jiġi evitat li dawn id-drittijiet ma jkunux kompromessi b’mod irrimedjabbli fil-kuntest tal-proċeduri ta’ investigazzjoni minn qabel, b’mod partikolari l-ispezzjonijiet, li seta’ kellhom karattru determinanti għall-istabbiliment tal-provi tal-karattru illegali tal-aġir tal-impriżi ta’ natura li jattiva r-responsabbiltà tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni, 46/87 u 227/88, Ġabra p. 2859, punt 15).

42      Bara minn hekk, ir-rekwiżit għall-Kummissjoni li tindika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni jikkostitwixxi garanzija fundamentali tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet għal ispezzjoni ma tistax tiġi ristretta fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet dwar l-effikaċja tal-investigazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, jekk huwa minnu li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tikkomunika lid-destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar l-allegat ksur, u lanqas li tagħmel analiżi legali preċiża ta’ dan il-ksur, hija għandha, min-naħa l-oħra, tindika b’mod ċar il-preżunzjonijiet li hija biħsiebha tinvestiga (sentenza Dow Chemical Ibérica et vs Il-Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, punt 45).

43      Il-qorti tal-Unjoni tista’ tintalab twettaq stħarriġ ta’ deċiżjoni meħuda bis-saħħa tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 sabiex jiġi żgurat li din ma tkunx arbitrarja, jiġifieri, li ma tkunx ġiet adottata fin-nuqqas ta’ fatti li jistgħu jiġġustifikaw l-ispezzjoni. Fil-fatt għandu jitfakkar li l-ispezzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni huma intiżi sabiex jippermettulha tiġbor l-evidenza dokumentarja neċessarja sabiex tivverifika r-realtà u l-portata ta’ sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi partikolari li dwarha l-Kummissjoni diġà tipposjedi informazzjoni. Fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura ruħha dwar l-eżistenza ta’ indizji suffiċjentement serji li jippermettu li jiġi suspettat ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni mill-impriża kkonċernata (ara s-sentenza Roquette Frères, punt 40 iktar ’il fuq, punti 54 u 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq li jeħtieġ li tiġi applikata l-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni li skont din, minn naħa, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni ma għandhiex tinkludi neċessarjament delimitazzjoni preċiża tas-suq inkwistjoni, dment li din id-deċiżjoni tikkontjeni l-elementi essenzjali msemmija fil-punt 38 iktar ’il fuq (sentenza Dow Chemical Ibérica et vs Il-Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, punt 46) u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kienet madankollu marbuta li jkollha f’din id-deċiżjoni deskrizzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tal-ksur suspettat, billi jiġi indikat b’mod partikolari s-suq preżunt inkwisjtoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Marzu 2007, Franza Télécom vs Il-Kummissjoni, T‑340/04, Ġabra p. II‑573, punt 52).

45      Fil-fatt, jekk, fl-istadju tal-ispezzjoni, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tiddilimita bi preċiżjoni s-suq ikkonċernat permezz tal-investigazzjoni tagħha, hija għandha minn naħa l-oħra tippreċiża b’mod suffiċjenti s-setturi koperti mill-allegat ksur ikkonċernat mill-investigazzjoni, sabiex jippermetti, minn naħa, lill-impriża inkwistjoni tillimita l-kollaborazzjoni tagħha għall-attivitajiet ta’ din l-impriża dwar is-setturi li għalihom il-Kummissjoni għandha indizji suffiċjentement serji li jippermettula tissuspetta ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni u li jiġġustifikaw interferenza fl-isfera ta’ attività privata ta’ din l-impriża u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni li tistħarreġ, jekk ikun il-każ, jekk dawn l-indizji għadhom karattru suffiċjenti jew le f’dan ir-rigward.

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq nuqqas ta’ preċiżjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni fir-rigward tad-delimitazzjoni tal-prodotti kkonċernati

46      Hekk kif ġie espost fil-punti 3 u 5 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni indikat fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni li l-għan tal-investigazzjoni tagħha kien il-“provvista ta’ kejbils tal-elettriku u ta’ materjal relatat inklużi, fost l-oħrajn, il-kejbils tal-elettriku ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-ilma u, f’ċerti każijiet, il-kejbils tal-elettriku ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-art”.

47      Fir-risposta u fil-kontroreplika, il-Kummissjoni tindika, għall-inqas timplika dan, li d-deċiżjoni ta’ spezzjoni ma tkoprix il-kejbils tal-elettriku kollha u l-materjal relatat magħhom. Fil-fatt, hija ssostni li l-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, “u b’mod partikolari d-deskrizzjoni tal-prodotti speċifiċi koperti mill-espressjoni iktar ġenerika ‘kejbils tal-elettriku’[,] tippermetti lir-rikorrenti li jifhmu mingħajr diffikultà li l-ispezzjoni ma tikkonċernax kwalunkwe kejbils tal-elettriku, iżda iktar speċifikament dawk iċċitati bħala eżempju fid-deċiżjoni [ta’ spezzjoni]”.

48      B’hekk, skont il-Kummissjoni, l-għan tal-investigazzjoni tagħha tinkludi pjuttost il-“kejbils użati fit-trażmissjoni tal-elettriku, pereżempju taċ-ċentrali tal-elettriku sas-sub-stations jew fl-interkonnessjonijiet bejn netwerks tal-elettriku”, it-tipi ta’ kejbils tal-elettriku speċifikament iċċitati fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni li jammontaw għal eżempji konkreti ta’ din il-kategorija, li jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar mill-kliem ta’ din id-deċiżjoni u mill-kuntest tagħha.

49      Madankollu, l-għan tal-investigazzjoni definit fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni ma jistax jiġi interpretatat hekk kif il-Kummissjoni tipproponi fir-risposta u fil-kontroreplika.

50      Fil-fatt, il-motivi tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni jirreferu b’mod ċar għall-kejbils kollha tal-elettriku. L-espressjoni “inkluż fosthom, fost l-oħrajn” kif ukoll l-espressjoni “u, f’ċerti każijiet”, użati mill-Kummissjoni fid-delimitazzjoni tagħha tal-għan tal-investigazzjoni, juru li l-kejbils tal-elettriku ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-ilma u l-kejbils tal-elettriku ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-art huma ċċitati mill-Kummissjoni biss bħala eżempji ta’ firxa ta’ prodotti ikbar u li jinkludu potenzjalment kull tip ta’ kejbil tal-elettriku, kif ukoll kull materjal relatat mal-użu jew mal-installazzjoni ta’ dawn il-kejbils.

51      Min-naħa l-oħra, fir-risposta tagħha għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-20 ta’ Settembru 2011, kif ukoll fis-seduta, il-Kummissjoni indikat, kuntrarjament għal dak li ssostni fir-risposta u fil-kontroreplika, li d-deċiżjoni ta’ spezzjoni tkopri l-kejbils kollha tal-elettriku, u mhux biss fuq il-kejbils tal-elettriku ċċitati bħala eżempju f’din id-deċiżjoni.

52      Hekk kif isostnu r-rikorrenti, l-espressjoni “kejbils tal-elettriku” jistgħu jikkorrispondu ma’ kull tip ta’ kejbil użat fit-trażmissjoni tal-kurrent elettriku. Barra minn hekk, id-deċiżjoni ta’ spezzjoni ma tippreċiżax il-prodotti li jistgħu jaqgħu fil-kategorija tal-“materjal relatat”. Din id-deċiżjoni tikkonċerna b’hekk numru għoli ta’ prodotti. Hekk kif sostnew ir-rikorrenti, prodotti daqshekk differenti bħall-wajers tat-telefon, il-kejbils tal-elettriku ta’ tensjoni għolja, il-kejbils tad-distribuzzjoni tal-elettriku fid-djar jew il-wajering għall-tagħmir tal-elettriku ta’ użu domestiku jistgħu jkunu inklużi fil-kategorija ġenerali tal-“kejbils tal-elettriku”. Barra minn hekk, prodotti bħalma huma t-transformers, is-switchgear jew il-meters tal-elettriku jistgħu jaqgħu fil-kategorija ġenerali tal-materjal relatat mal-kejbils tal-elettriku. Hekk kif sostnew ukoll ir-rikorrenti, din il-motivazzjoni tista’ tinkludi l-attivitajiet kollha ta’ impriża li tipproduċi kejbils tal-elettriku, anki jekk dawk l-attivitajiet jistgħu jirreferu għal setturi differenti ħafna.

53      Issa, għandu jingħad li, billi tirreferi fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni għall-kejbils kollha tal-elettriku u għall-materjal kollu relatat ma’ dawn il-kejbils, il-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu tagħha li tiddefinixxi s-suġġett tal-investigazzjoni tagħha, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti.

54      Fil-fatt, għalkemm il-kliem użat fl-Artikolu 1 u fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, setgħu kienu inqas ambigwi, ppermettew lir-rikorrenti li jevalwaw il-portata tad-dmir tagħhom ta’ kollaborazzjoni. Ir-rikorrenti kellhom jifhmu li d-deċiżjoni ta’ spezzjoni ma teskludix il-kejbils tal-elettriku barra minn dawk iċċitati speċifikament f’din id-deċiżjoni u li huma kienu bħala prinċipju marbuta jfornu lill-Kummissjoni kull informazzjoni mitluba dwar il-kejbils kollha tal-elettriku u l-materjali li huma normalment ikkummerċjalizzati ma’ dawn il-kejbils jew destinati għal użu komplementari. Mill-qari tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, ir-rikorrenti setgħu jikkonkludu li kull oppożizzjoni minn naħa tagħhom sabiex il-Kummissjoni tikseb jew it-talba tagħhom sabiex tipproduċi dokumenti dwar dawn il-prodotti setgħu jkunu penalizzati bis-saħħa tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

55      Id-deċiżjoni ta’ spezzjoni tiddelimita wkoll għan ta’ investigazzjoni li fir-rigward tiegħu l-Qorti Ġenerali tista’ tikkontrolla, jekk ikun il-każ, il-karattru suffiċjentement serju tal-indizji li l-Kummissjoni kellha fl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni sabiex tiġġustifika interferenza fl-isfera ta’ attività privata tar-rikorrenti li tirrigwarda l-attivitajiet kollha ta’ dawn.

56      Il-preċiżjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni fir-rigward tad-delimitazzjoni tal-prodotti kkonċernati mill-ispezzjoni ma jkunux ikkontestati, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, peress li, f’deċiżjonijiet li hija adottat qabel id-deċiżjoni ta’ spezzjoni, u b’mod partikolari fid-deċiżjoni tagħha tad-19 ta’ Lulju 2000, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-ftehim ŻEE (Każ COMP/M.1882 – Pirelli/BICC) (ĠU 2003, L 70, p. 35), il-Kummissjoni ddistingwiet numru ta’ swieq separati fir-rigward tal-prodotti kkonċernati mill-investigazzjoni, jiġifieri s-suq tal-kejbil ta’ tensjoni għolja ħafna u ta’ tensjoni għolja, minn naħa, u s-suq tal-kejbils ta’ tensjoni baxxa u medja, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, il-Kummissjoni kienet marbuta tiddefinixxi preċiżament is-swieq ikkonċernati mill-konċentrazzjoni li wasslet għal din id-deċiżjoni, adottata bis-saħħa tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 08, Vol. 01, p. 31), kif emendata fiż-żmien tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, sa fejn din kienet marbuta teżamina b’mod konformi ma’ dik id-dispożizzjoni jekk l-operazzjoni inkwistjoni kinitx tista’ toħloq jew isaħħaħ pożizzjoni dominanti li tista’ xxekkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali ta’ dan. Min-naħa l-oħra, hekk kif ġie indikat fil-punt 44 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tiddelimita bi preċiżjoni s-suq ikkonċernat mill-investigazzjoni tagħha fil-kuntest ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003.

57      Barra minn hekk, xejn ma jwaqqaf milli jiġi kkunsidrat li ksur wieħed tad-dritt tal-kompetizzjoni jew li ksur konness ma jistax jikkawża effetti fuq swieq ta’ prodotti distinti u jkunu s-suġġett, għall-inqas fl-istadju tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni bis-saħħa tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 tal-istess investigazzjoni tal-Kummissjoni.

58      Fl-aħħar nett, il-kwistjoni dwar jekk l-ispetturi pproċedew, hekk kif isostnu r-rikorrenti, bi “spedizzjoni esploratorju” fil-bini ta’ Nexans France jiddependi mill-karattru suffiċjenti tal-indizji li l-Kummissjoni kienet tiddisponi minnha fl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni sabiex tiġġustifika interferenza fl-isfera ta’ attività privata tar-rikorrenti dwar il-kejbils kollha tal-elettriku u b’hekk għandha tkun eżaminata fil-kuntest tat-tieni lment.

59      B’hekk, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq li l-Kummissjoni kellha biss indizji suffiċjentement serji li jippermettu li tissuspetta ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mir-rikorrenti fis-settur tal-kejbils ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-ilma

60      Ir-rikorrenti jsostnu li l-unika informazzjoni li l-Kummissjoni għandha li tirrigwarda mġiba eventwalment antikompetittiva tirrigwarda s-settur tal-kejbils ta’ taħt l-ilma. Din l-analiżi tkun ikkonfermata, minn naħa, mill-fatt li, meta hija waslet għall-ispezzjoni fil-bini ta’ Nexans France fit-28 ta’ Jannar 2009, hija talbet sabiex tiltaqa’ ma’ ċerti impjegati ta’ Nexans France li jaħdmu f’dan is-settur u, min-naħa l-oħra, mill-kontenut ta’ stqarrija għall-istampa ppublikata mill-Kummissjoni wara l-ispezzjoni. Madankollu, minkejja l-informazzjoni speċifika li hija kellha, il-Kummissjoni kienet kabbret b’mod eċċessiv is-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni u wettqet “spedizzjoni esploratorju” fil-bini ta’ din l-impriża.

61      Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-impriża destinatarja ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 hija obbligata tikoopera magħha mhux biss f’dak li jirrigwarda s-suġġett tal-ispezzjoni, jiġifieri l-prodotti jew is-servizzi previsti minn din id-deċiżjoni, iżda f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet kollha tal-impriża inkwistjoni. Barra minn hekk, hija ssostni li hija għandha indizji suffiċjentement serji sabiex tordna spezzjoni li tirrigwarda l-kejbils kollha tal-elettriku u fuq materjal relatat ma’ dawn il-kejbils.

62      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jingħad li, hekk kif il-Kummissjoni sostniet, is-setgħat tagħha ta’ investigazzjoni ma jkunux effettivi jekk hija jkollha tillimita ruħha li titlob il-produzzjoni tad-dokumenti li hija jkollha tidentifika minn qabel b’mod preċiż. Dritt bħal dan jimplika, għal kuntrarju, is-setgħa li tfittex elementi ta’ informazzjoni diversi li għadhom ma humiex magħrufa jew totalment identifikati. Mingħajr setgħa bħal din, ikun impossibbli għall-Kummissjoni li tiġbor l-elementi ta’ informazzjoni neċessarji għall-ispezzjoni fil-każ fejn hija tirrifjuta li tikkollabora jew inkella minħabba atitudni ta’ ostakolu minn naħa tal-impriżi kkonċernati (sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 27; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2003, Ventouris vs Il-Kummissjoni, T‑59/99, Ġabra p. II‑5257, punt 122).

63      Fit-tieni lok, l-eżerċizzju ta’ din il-fakoltà ta’ riċerka tal-elementi differenti ta’ informazzjoni li għadhom ma humiex magħrufa jew totalment identifikati jippermettu lill-Kummissjoni teżamina ċerti dokumenti ta’ natura professjonali tal-impriża destinatarja ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, anki jekk ma tafx jekk humiex relatati ma’ attivitajiet previsti minn din id-deċiżjoni, sabiex jiġi vverifikat jekk dan huwiex il-każ u li jiġi evitat li l-impriża inkwistjoni ma taħbix mill-Kummissjoni provi rilevanti għall-investigazzjoni bl-iskuża li dawn ma humiex koperti mis-suġġett ta’ din.

64      Madankollu, minkejja dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, meta l-Kummissjoni twettaq spezzjoni fil-bini ta’ impriża skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, hija marbuta tillimita r-riċerki tagħha għall-attivitajiet ta’ din l-impriża għas-setturi indikati fid-deċiżjoni li tordna l-ispezzjoni u, b’hekk, la dabra tiġi kkonstatata, wara eżami, li dokument jew informazzjoni ma jaqgħux taħt dawn l-attivitajiet, li tastjeni milli tużahom għall-finijiet tal-investigazzjoni tagħha.

65      Fil-fatt, jekk il-Kummissjoni ma kinitx suġġetta għal din il-limitazzjoni, l-ewwel nett, hija fil-prattika jkollha l-possibbiltà, kull darba li hija jkollha indikazzjoni li tippermettilha tissupponi li impriża wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni f’qasam speċifiku tal-attivitajiet tagħha, li twettaq spezzjoni li tirrigwarda dawn l-attivitajiet kollha u li għandhom bħala għan finali li tiġi ddikjarata l-eżistenza ta’ kull ksur tal-imsemmija regoli li setgħu jitwettqu minn din l-impriża, li huwa inkompatibbli mal-protezzjoni tal-isfera ta’ attività privata tal-persuni ġuridiċi garantita bħala dritt fundamentali f’soċjetà demokratika.

66      Barra minn hekk, l-obbligu tal-Kummissjoni li tindika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni fid-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 ikollu għan purament formali jekk dan ikun definit bil-mod issuġġerit mill-Kummissjoni. Il-ġurisprudenza li skont din, dan l-obbligu għandu bħala għan b’mod partikolari li jippermetti lill-impriżi kkonċernati li jevalwaw il-portata tad-dmir tagħhom ta’ kollaborazzjoni jkun injorat, sa fejn dan l-obbligu jiġi estiż sistematikament għall-attivitajiet kollha tal-impriżi inkwistjoni.

67      B’hekk għandu jiġi kkunsidrat li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li jkollha indizji suffiċjentement serji li jiġġustifikaw it-twettiq ta’ spezzjoni fil-bini tar-rikorrenti u li jirrigwardaw l-attivitajiet kollha ta’ dawn dwar il-kejbils tal-elettriku u għall-materjal relatat ma’ dawn il-kejbils sabiex tadotta d-deċiżjoni ta’ spezzjoni.

68      Fir-rikors, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq żewġ indizji sabiex jissostanzjaw l-affermazzjoni tagħhom li skont din, il-Kummissjoni kellha biss informazzjoni li tirrigwarda mġiba eventwali antikompetittiva fis-settur tal-kejbils ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-ilma. Minn naħa, huma jsostnu li l-Kummissjoni kienet annunċat li kienet ipproċediet bi spezzjonijiet fil-bini tal-produtturi ta’ dawn il-kejbils biss fi stqarrija għall-istampa tat-3 ta’ Frar 2009. Min-naħa l-oħra, huma jsostnu li, fl-ispezzjoni, il-Kummissjoni kienet interessat ruħha f’ċerti impjegati ta’ Nexans France li jaħdmu f’dan is-settur.

69      Għandu jiġi nnotat li, fil-jum tal-preżentata tar-rikors fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ma kellhomx aċċess għall-evidenza li l-Kummissjoni kellha fl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni u li fuqhom kienu bbażati s-suspetti tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta tikkomunikalhom din l-evidenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dow Chemical Ibérica et vs Il-Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, punti 45 u 51).

70      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jkunx meħtieġ mir-rikorrenti li huma barra minn hekk jfornu evidenza prevista fil-punt 68 iktar ’il fuq, provi insostenn tad-dikjarazzjoni tagħhom li skont din il-Kummissjoni għandha biss informazzjoni li tirrigwarda mġiba eventwalment antikompetittiva fis-settur tal-kejbils ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-ilma.

71      Fil-fatt, rekwiżit bħal dan ikollu bħala konsegwenza prattika li impriża destinatarja ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 ma tkunx f’pożizzjoni li tikkontesta l-karattru suffiċjentement serju tal-evidenza li l-Kummissjoni kellha sabiex tadotta din id-deċiżjoni, li tipprekludi lill-Qorti Ġenerali milli tistħarreġ li l-imsemmija deċiżjoni ma kinitx ta’ natura arbitrarja.

72      B’hekk għandu jiġi konkluż li, għall-inqas meta l-impriżi destinatarji ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jkollhom, bħal f’din il-kawża, ċerti elementi li jpoġġu fid-dubju l-karattru suffiċjentement serju tal-evidenza li għandha l-Kummissjoni sabiex tadotta deċiżjoni bħal din, il-qorti tal-Unjoni għandha teżamina din l-evidenza u tikkontrolla l-karattru suffiċjentement serju tagħhom.

73      Fir-risposta tagħha għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-20 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni għarrfet lill-Qorti tal-Ġustizzja l-informazzjoni li kellha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni li, skont din, tiġġustifika li tordna spezzjoni fl-uffiċċji tar-rikorrenti li jirrigwardaw il-kejbils tal-elettriku kollha.

74      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni l-ewwel nett, indikat li kompetitur tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem l-“applikant għal trattament favorevoli”) kien infurmaha verbalment fil-21 ta’ Novembru 2008, fil-kuntest tal-programm ta’ trattament favorevoli mwaqqaf mill-komunikazzjoni tagħha tat-8 ta’ Diċembru 2006 fuq l-immunità minn multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw il-kartells (ĠU C 298, p. 17), tal-eżistenza ta’ ftehimiet fuq il-kejbils ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-art u ta’ taħt l-ilma li kienu jiffurmaw parti minnu r-rikorrenti (iktar ’il quddiem l-“akkordju ssuspettat”), kif ukoll tal-eżistenza ta’ “ftehim [kunfidenzjali] li jirrigwarda kuntratti li jirrigwardaw il-kejbils tal-elettriku ta’ tensjoni medja”. Dan l-aħħar ftehim, magħruf bħala [kunfidenzjali], kien ġie nnotifikat fil-[kunfidenzjali] lill-Bundeskartellamt (Uffiċċju Federali Ġermaniż tal-akkordji). Fl-aħħar nett, il-[kunfidenzjali] kien issostitwixxa “ftehim [kunfidenzjali]” preċedenti, imsemmi [kunfidenzjali], innotifikat f’[kunfidenzjali] lill-Bundeskartellamt.

75      Il-Kummissjoni annettiet mar-risposta tagħha għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-20 ta’ Settembru 2011 kopja taż-żewġ verżjonijiet tas-snin [kunfidenzjali] tal-[kunfidenzjali] kif ukoll kopja ta’ [kunfidenzjali].

76      Il-Kummissjoni barra minn hekk osservat li l-ispezzjoni ma setgħetx tillimita ruħha għall-kejbils ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-art u ta’ taħt l-ilma sa fejn:

–        il-[kunfidenzjali] kien ikopri kejbils tal-elettriku ta’ tensjoni medja [kunfidenzjali] u l-[kunfidenzjali] kien ikopri kejbils għal użu għal tensjonijiet li jistgħu jinżlu sa’ [kunfidenzjali];

–        l-applikant għal trattament favorevoli [kunfidenzjali] ma kienx iktar f’pożizzjoni li jivverifika [kunfidenzjali] jekk imġiba kollużiva kinitx seħħet [kunfidenzjali] fir-rigward tal-kejbils ta’ tensjoni medja;

–        investigazzjonijiet preċedenti mwettqa mill-Kummissjoni fil-qasam tal-istħarriġ tal-konċentrazzjonijiet kienu kkonfermaw l-assenza ta’ differenzjazzjoni ċara u definittiva bejn il-kejbils tal-elettriku ta’ tensjoni għolja, medja u baxxa [deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Lulju 2000 (Każ COMP/M.1882 – Pirelli/BICC), premessi 14 sa 32 (ara l-punt 56 iktar ’il fuq); deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Lulju 2005 (Każ COMP/M.3836 – Goldman Sachs/Pirelli Cavi u Sistemi Energia/Pirelli Cavi u Sistemi Telecom), paragrafi 12 u 13; deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Jannar 2006 (Każ COMP/M.4050 – Goldman Sachs/Cinven/Ahlsell)].

77      Fis-seduta, il-Kummissjoni kkompletat ir-risposta tagħha għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-20 ta’ Settembru 2011 fuq dan il-punt. Hija sostniet li, skont l-informazzjoni mibgħuta lilha fil-21 ta’ Novembru 2008 mill-applikant għal trattament favorevoli, l-akkordju ssuspettat kien eżista għall-inqas mill-2001 u kien ġie organizzat fil-proroga tal-[kunfidenzjali]. Min-naħa l-oħra, l-applikant għal trattament favorevoli kien infurmahom li ma setax jiggarantixxi li l-imsemmi ftehim ma kienx jikkonċerna kejbils oħra barra minn dawk il-kejbils ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-art u ta’ taħt l-ilma, [kunfidenzjali]. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija setgħet tissuspetta l-eżistenza ta’ ksur għall-Artikolu 81 KE dwar il-kejbils kollha tal-elettriku.

78      Fis-seduta, ir-rikorrenti indikaw ukoll li, wara l-preżentata tar-replika, huma kellhom aċċess għall-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni, li tifforma parti minnha l-[kunfidenzjali], il-[kunfidenzjali] u d-dikjarazzjoni orali tal-applikant għal trattament favorevoli tal-21 ta’ Novembru 2008, u sostnew li l-Kummissjoni ma setgħetx tissuspetta fuq il-bażi ta’ dawn id-dokumenti li akkordju ssuspettat kien jikkonċerna l-kejbils kollha tal-elettriku. Fil-fatt, minn naħa, dawn id-dokumenti kienu antiki ħafna u kien jirrigwardaw ftehimiet [kunfidenzjali] innotifikati lil awtorità tal-kompetizzjoni u awtorizzati minn din. Min-naħa l-oħra, l-applikant għal trattament favorevoli kien ippreċiża li ma kienx jaf bl-eżistenza ta’ ebda ksur għad-dritt tal-kompetizzjoni li jirrigwarda kejbils oħra apparti mill-kejbils ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-art u ta’ taħt l-ilma.

79      Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat bħala neċessarju li ddaħħal fil-fajl id-dikjarazzjoni tal-applikant għal trattament favorevoli sabiex tkun tista’ teżamina l-karattru suffiċjentement serju tal-indizji li kellha l-Kummissjoni. Hekk kif il-Kummissjoni stess issuġġeriet fil-kuntest tar-risposta tagħha għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-20 ta’ Settembru 2011, hija kienet ġiet mitluba kopja ta’ din id-dikjarazzjoni għal investigazzjoni skont il-punt 21 iktar ’il fuq. L-osservazzjonijiet li l-partijiet ippreżentaw, wara li r-rikorrenti setgħu jikkonsultaw fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali din id-dikjarazzjoni, fuq il-karattru suffiċjentement serju tal-provi li l-Kummissjoni kellha ma kinux sostanzjalment differenti minn dawk li kienu ppreżentaw fis-seduta.

80      Fl-aħħar nett, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-21 ta’ Diċembru 2011, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tidentifika l-partijiet tal-verżjonijiet tal-[kunfidenzjali] u tal-[kunfidenzjali] li hija kienet ikkomunikat fil-Qorti Ġenerali li, waħidha jew flimkien mad-dikjarazzjoni orali tal-21 ta’ Novembru 2008 tal-applikant għal trattament favorevoli, kienu wasslu għal suspetti fuq il-kejbils kollha tal-elettriku qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni.

81      L-ewwel nett, għandu jingħad li l-partijiet identifikati mill-Kummissjoni bħala risposta għal din id-domanda, moqrija fid-dawl tal-verżjonijiet tal-[kunfidenzjali] u tal-[kunfidenzjali] imdaħħla fil-fajl kif ukoll osservazzjonijiet li l-Kummissjoni pprezentat fuq dawn il-ftehimiet, juru li [kunfidenzjali] varji produtturi Komunitarji kienu waslu għal ftehimiet, notifikati fil-Bundeskartellamt, li jirrigwardaw il-kummerċjalizzazzjoni barra mis-suq komuni ta’ varjetà kbira ta’ kejbils tal-elettriku ta’ tensjoni għolja, medja u baxxa.

82      Dawn il-ftehimiet kienu, [kunfidenzjali].

83      Hekk kif sostniet essenzjalment il-Kummissjoni, il-[kunfidenzjali] u l-[kunfidenzjali], huma biss il-ftehimiet fost il-ftehimiet inkwistjoni li ma kinux limitati għall-kejbils ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-ilma jew ta’ taħt l-art , kienu ftehimiet li jaqgħu taħt [kunfidenzjali]. [kunfidenzjali]

84      Madankollu, l-eżistenza tal-[kunfidenzjali] u tal-[kunfidenzjali], li huma ftehimiet antiki, pubbliċi, notifikati lill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru u, bħala prinċipju, kompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, fihom infushom ma jammontawx għal indizju suffiċjentement serju minħabba l-fatt li ċerti firmatarji tal-ftehimiet waslu sussegwentement ma’ produtturi oħra għal ftehimiet sigrieti kuntrarji għall-imsemmija regoli u li jirrigwardaw l-istess prodotti.

85      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li ebda element tal-fajl ma jippermetti li ssir rabta tal-akkordju ssuspettat mal-[kunfidenzjali] jew mal-[kunfidenzjali], kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni sostniet fis-seduta. Lanqas ma jirriżulta mid-dokumenti li l-Kummissjoni forniet lill-Qorti Ġenerali li l-akkordju ssuspettat kien organizzat bħala estensjoni għal dawk l-ftehimiet.

86      Min-naħa l-oħra, l-ewwel nett, jirriżulta mill-proċess, [kunfidenzjali].

87      It-tieni nett, [kunfidenzjali] l-applikant għal trattament favorevoli [kunfidenzjali] kien indika b’mod ċar fid-dikjarazzjoni tiegħu tal-21 ta’ Novembru 2008, hekk kif ir-rikorrenti ġustament isostnu [kunfidenzjali].

88      It-tielet nett, jirriżulta mill-proċess [kunfidenzjali].

89      Barra minn hekk, għandu jingħad li, fost id-deċiżjonijiet fil-qasam ta’ stħarriġ ta’ konċentrazzjonijiet li, skont il-Kummissjoni, juru li ma teżistix differenzjazzjoni ċara bejn il-kejbils tal-elettriku abbażi tat-tensjoni tagħhom, tidher id-deċiżjoni Pirelli/BICC (ara l-punt 56 iktar ’il fuq). Issa, fil-premessa 32 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet, kuntrarjament għal dak li sostniet fir-risposta tagħha għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-20 ta’ Settembru 2011, dan li ġej:

“[I]l-produzzjoni u l-bejgħ ta’ kejbils tal-elettriku [ta’ tensjoni baxxa u medja], minn naħa, u tal-kejbils tal-elettriku [ta’ tensjoni għolja u ta’ tensjoni għolja ħafna], min-naħa l-oħra, jammontaw għal swieq distinti. L-ewwel nett, ma teżisti l-ebda sostitwibbiltà fuq il-livell tad-domanda bejn dawn il-prodotti. It-tieni nett, l-ispejjeż u t-termini implikati mill-passaġġ tal-produzzjoni ta’ tensjonijiet baxxi għal tensjonijiet għola huma kunsiderevoli. It-tielet nett, is-sostitwibbiltà limitata fil-livell tal-offerta ma’ tekwilibrax l-effetti tan-nuqqas ta’ sostitwibbiltà fil-livell tad-domanda […] Fl-aħħar nett, huwa neċessarju li ssir distinzjoni bejn il-medda ta’ prodotti [ta’ tensjoni baxxa u medja], minn naħa, u l-livelli ta’ tensjoni iktar għolja ([tensjoni għolja u tensjoni għolja ħafna]), min-naħa l-oħra, minħabba l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni differenti li jirregolaw l-offerta u d-domanda ta’ dawn il-prodotti. Il-Kummissjoni tqis madankollu li ma jeżistux provi suffiċjenti sabiex jingħad li l-kejbils tal-elettriku biż-żejt likwidu ta’ tensjoni għolja ħafna jammontaw għal suq ta’ prodotti distinti minn dawk ta’ kejbils [ta’ tensjoni għolja ħafna] prodotti b’tekniċi oħra (essenzjalment permezz ta’ [cross-linked polyethylene extrusion]), peress li l-produtturi u l-parti l-kbira tal-klijenti Ewropej jikkunsidraw li dawn it-tipi ta’ kejbils huma sostitwibbli.”

90      B’hekk, minn din id-deċiżjoni jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li sostniet fir-risposta tagħha għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-20 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni kienet waslet għall-konklużjoni, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, li kienu jeżistu differenzi sinjifikattivi bejn il-kejbils ta’ tensjoni għolja, dik medja u dik baxxa.

91      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma wrietx li hija kellha indizji suffiċjentement serji sabiex tordna spezzjoni tal-kejbils kollha tal-elettriku u tal-materjal relatat ma’ dawn il-kejbils.

92      Din il-konklużjoni, li hija bbażata esklużivament fuq l-analiżi tal-elementi li l-Kummissjoni kellha fl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, hija min-naħa l-oħra kkonfermata, minn naħa, mid-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni stess, fil-punt 36 tal-kontroreplika, li skont dawn, il-kliem tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni jippermettu lir-rikorrenti li jifhmu li l-ispezzjoni ma tikkonċernax “kwalunkwe kejbils tal-elettriku” u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li l-Kummissjoni tammetti li hija llimitat l-intervent fl-ispezzjoni għal riċerki li jirrigwardaw it-tipi ta’ kejbils tal-elettriku ċċitati bħala eżempju fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni.

93      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni għandha, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, indizji suffiċjentement serji sabiex tordna spezzjoni tal-kejbils tal-elettriku ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-ilma u ta’ taħt l-art u fuq il-materjal relatat ma’ dawn il-kejbils.

94      B’hekk għandha tintlaqa’ l-parti preżenti sa fejn hija tkopri l-kejbils tal-elettriku minbarra l-kejbils ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-ilma u ta’ taħt l-art kif ukoll il-materjal relatat ma’ dawn il-kejbils l-oħra. Hija għandha tiġi miċħuda għall-kumplament.

 Fuq it-tieni parti, bbażata fuq il-portata ġeografika eċċessivament estiża tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni

95      Ir-rikorrenti jsostnu li l-unika indikazzjoni mogħtija fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni fuq il-portata ġeografika tal-investigazzjoni hija li l-ftehimiet u/jew prattiki miftiehma previsti minn din id-deċiżjoni għandhom “probabbilment portata mondjali”. Id-deċiżjoni ta’ spezzjoni ma tindikax li ċerti proġetti li jinstabu barra mill-Unjoni setgħu jaffettwaw is-suq komuni, l-unika sitwazzjoni li fiha dawn il-proġetti setgħu jkunu suġġetti għall-Atikolu 81 KE. Il-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku ta’ tensjoni għolja ta’ l-ilma jkunu, min-naħa l-oħra, lokalizzati ħafna. Madankollu, il-Kummissjoni kienet ikkupjat dokumenti dwar proġetti żviluppati għall-Medju-Orjent jew l-Asja. Din l-imġiba tkun “partikolarment dannuża”, fir-rigward ta’ kooperazzjoni ġdida eżistenti bejn l-awtoritajiet differenti tal-kompetizzjoni. Nexans France kienet speċifikament irriżervat id-drittijiet tagħha dwar il-kwistjoni dwar jekk dawn id-dokumenti kienu previsti mid-deċiżjoni ta’ spezzjoni, iżda, ma kinitx taf il-portata preċiża tal-investigazzjoni, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tevalwa d-dmir tagħha ta’ kollaborazzjoni. Din tammonta għal ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, inkluż tad-drittijiet tagħhom tad-difiża, tad-dritt tagħhom għal smigħ xieraq, tad-dritt tagħhom li ma jinkriminawx lilhom infushom u tad-dritt tagħhom għall-preżunzjoni tal-innoċenza.

96      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

97      Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, billi indikat li l-ftehimiet u/jew l-prattiki miftiehma ssuspettati għandhom “probabbilment portata mondjali”, il-Kummissjoni ddeskriviet b’mod iddettaljat il-portata ġeografika tal-akkordju ssuspettat. Il-preċiżjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni li tirrigwarda l-portata ġeografika tal-ksur eventwali għad-dritt tal-kompetizzjoni fejn l-eżistenza kienet issuspettata mill-Kummissjoni għandha b’hekk titqies li hija suffiċjenti.

98      Madankollu, huwa possibbli li l-argumenti tar-rikorrenti jiġu interpretati fis-sens li huma jikkritikaw lill-Kummissjoni mhux talli identifikat b’mod vag wisq il-portata ġeografika tal-akkordju ssuspettat iżda talli setgħet inkludiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni dokumenti li jirrigwardaw swieq ġeografiċi ta’ natura lokali li jinsabu barra mis-suq komuni mingħajr ma tippreċiża r-raġunijiet li għalihom aġir tal-impriża inkwistjoni f’dawn is-swieq seta’ jxekkel il-kompetizzjoni fis-suq komuni.

99      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li t-titolu stess tar-Regolament Nru 1/2003 juri li s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni minn dan ir-regolament għandhom bħala għan l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti fl-Artikoli 81 KE u 82 KE. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jipprojbixxu ċertu aġir min-naħa ta’ impriżi sa fejn dan ikun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u li għandu bħala għan jew effett li jwaqqaf, jirrestrinġi jew ixekkel il-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tuża s-setgħat tagħha ta’ spezzjoni biss għall-finijiet li tiżvela aġir bħal dan. Il-Kummissjoni b’hekk ma tistax twettaq spezzjoni fil-bini ta’ impriża jekk hija tissuspetta l-eżistenza ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma li l-effetti tagħhom seħħew esklużivament f’suq wieħed jew iktar barra mis-suq komuni. Min-naħa l-oħra, xejn ma jwaqqafha milli teżamina dokumenti dwar dawn is-swieq sabiex jiġi identifikat aġir li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u li għandu bħala għan jew effet li jwaqqaf, jirrestrinġi jew ixekkel il-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni.

100    B’hekk, il-parti preżenti għandha tiġi miċħuda.

101    Fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, għandha tintlaqa’ t-talba għal annullament tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, sa fejn din tkopri kejbils tal-elettriku oħra barra mill-kejbils ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-ilma u ta’ taħt l-art kif ukoll il-materjal relatat ma’ dawn il-kejbils l-oħra u li jiċħduha għall-kumplament.

2.     Fuq it-talbiet ta’ annullament tal-atti kontenzjużi

 Fuq l-ammissibbiltà

 Fuq l-ammissibbiltà tal-opinjoni legali annessa mar-replika

102    Il-Kummissjoni ssostni li l-opinjoni legali annessa mar-replika, insostenn tal-argumenti tar-rikorrenti dwar l-ammissibbiltà tat-talbiet ta’ annullament tal-atti kontenzjużi (it-tieni u t-tielet kapijiet ta’ talbiet), hija inammissibbli. Hija tinvoka żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, l-ewwel waħda, ibbażata, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 5(3) u (7) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali adottati fil-5 ta’ Lulju 2007 (ĠU L 232, p. 1), u, t-tieni, ibbażat fuq il-fatt li l-opinjoni kontenzjuża ma tissostanzjax argumenti speċifikament invokati fir-replika u jikkontjenu spjegazzjonijiet li ma humiex ripetuti hemmhekk.

–       Fuq l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 5(3) u (7) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali

103    Il-Kummissjoni tindika li l-Artikolu 5(3) u (7) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali jipprojbixxu lir-rikorrenti li titrażmetti l-atti ta’ proċedura lil persuni oħra barra mill-avukati tagħhom. Issa, l-awturi tal-opinjoni kontenzjuża, li ma jkunux l-avukati tar-rikorrenti, kienu kkonsultaw ir-risposta.

104    L-Artikolu 5(3) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali jipprovdi:

“L-avukati jew l-aġenti tal-partijiet f’kawża quddiem il-Qorti [Ġenerali] jew il-persuni awtorizzati minnhom jistgħu jikkonsultaw, fir-reġistru, l-inkartament oriġinali tal-kawża, inklużi l-inkartamenti amministrattivi mressqa quddiem il-Qorti [Ġenerali], u jitolbu kopji jew estratti ta’ l-atti ta’ proċedura u tar-reġistru.

[…]”

105    Barra minn hekk, l-Artikolu 5(7) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali huwa redatt hekk kif ġej:

“Ebda terza persuna, privata jew pubblika, ma jista’ jkollha aċċess għall-inkartament tal-kawża jew għall-atti ta’ proċedura mingħajr l-awtorizzazzjoni espressa tal-President tal-Qorti [Ġenerali] jew, fil-każ ta’ kawża li għadha pendenti, tal-President tal-Kulleġġ ġudikanti li quddiemu tkun tressqet il-kawża, wara li jinstemgħu l-partijiet. Din l-awtorizzazzjoni tista’ tingħata biss fuq talba bil-miktub flimkien ma’ ġustifikazzjoni ddettaljata ta’ l-interess leġittimu għall-konsultazzjoni ta’ l-inkartament.”

106    F’din il-kawża, l-opinjoni kontenzjuża hija ffirmata minn żewġ persuni li huma identifikati biss b’isimhom. Mill-fajl ma jirriżultax li dawn iż-żewġ persuni huma avukati. F’kull każ, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, minn naħa, il-firmatarji tal-opinjoni ma jidhrux fost l-avukati mqabbda mir-rikorrenti sabiex jirrapreżentawhom quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kawża preżenti u, min-naħa l-oħra, ma jirriżultax mill-fajl li huma kienu debitament awtorizzati minn dawn l-avukati sabiex jikkonsultaw il-fajl. Issa, l-awturi tal-imsemmija opinjoni kellhom aċċess għar-risposta, sa fejn huma jirreferu għaliha numru ta’ drabi, ħaġa li r-rikorrennti kkonfermaw fis-seduta.

107    Madankollu, il-fatt li l-awturi tal-opinjoni kontenzjuża ma humiex avukati tal-partjiet jew persuni debitament awtorizzati minn din sabiex tikkonsulta l-fajl ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li huma terzi li ma għandhomx id-dritt li jaċċedu għall-fajl, fis-sens tal-Artikolu 5(3) u (7) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali.

108    Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet, li għandhom bħala għan prinċipali li jirregolaw l-aċċess għall-proċess fl-uffiċċji tar-reġistru tal-Qorti Ġenerali, għandhom ikunu interpretati fid-dawl tal-għan tagħhom. Huma jirreflettu l-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li skont din il-partijiet għandhom id-dritt li jiddefendu l-interessi tagħhom indipendentement minn kull influwenza esterna u li teħtieġ li parti li tingħata l-aċċess għall-atti proċedurali ta’ partijiet oħra tuża dan id-dritt biss għall-finijiet tad-difiża tal-kawża tagħha, bl-esklużjoni ta’ kull għan ieħor (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Ġunju 1998, Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill, T‑174/95, Ġabra p. II‑2289, punti 135 sa 137, u d-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Marzu 2007, V vs Il-Parlament, T‑345/05 R, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 70 u 71). Din hija r-raġuni għaliex il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-komunikazzjoni ta’ atti ta’ proċedura minn parti lil terzi f’sitwazzjoni fejn dawn id-dokumenti ma kinux trażmessi għall-finijiet tad-difiża tal-kawża ta’ din il-parti tammonta għal abbuż ta’ proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 139).

109    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 5(3) u (7) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali ma jipprekludux li parti għal kawża tippermetti lil espert li jikkonsulta att proċedurali, meta dan għandu bħala għan li jiffaċilità t-tfassil mill-imsemmi espert ta’ dokument għall-finijiet tad-difiża tal-kawża ta’ din il-parti, użata biss għall-finijiet tal-proċeduri.

110    Fir-rigward ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, li skont din l-opinjoni kontenzjuża ma tissostanzjax argumenti speċifikament imressqa fir-replika u li jikkontjenu spjegazzjonijiet li ma humiex ripetuti hawnhekk

111    Il-Kummissjoni ssostni li l-opinjoni kontenzjuża tista’ tiġi kkunisdrata biss sa fejn issaħħaħ l-argumenti speċifikament invokati fir-replika. Issa, l-opinjoni tesponi argumenti ġuridiċi fuq l-ammissibbiltà, minflok isaħħaħ jew tikkompleta l-punti ta’ fatt jew ta’ dritt speċifikament imsemmija fir-replika. Barra minn hekk, din tintroduċi argumenti li ma jidhrux f’din.

112    F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, bis-saħħa tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati. Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu. Għalkemm it-test proprju tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi ta’ dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk dawn ikunu annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas tal-punti essenzjali tal-argumentazzjoni legali, li, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandhom ikunu inklużi fir-rikors. Barra minn hekk, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li hija tista’ tqis li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, u dan peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra p. II‑3601, punt 94, u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tapplika wkoll għall-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-replika li, skont l-Artikolu 47(1) tal-istess Regoli, hija intiża li tikkompleta r-rikors (ara s-sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 112 iktar ’il fuq, punt 95, u l-ġurisprudenza ċċitata).

114    F’din il-kawża, fir-replika, l-opinjoni kontenzjuża ġiet invokata biss darbtejn. L-ewwel nett, ir-replika tindika, mingħajr ma tforni spjegazzjonijiet oħra, li l-konklużjoni li għaliha jaslu l-awturi tal-opinjoni kontenzjuża, fl-eżami tad-domanda tal-ammissibbiltà tat-tieni u tat-tielet kapijiet ta’ talbiet, hija wkoll dik li hija esposta fir-replika, mingħajr ma ssir referenza f’liema punti speċifiċi ta’ dan l-anness ta’ tliet paġni saret referenza. Barra minn hekk, hija tindika li l-opinjoni kontenzjuża tissostanzja d-dikarazzjoni li skont din id-dritt li ma tixhedx kontriha stess u l-protezzjoni kontra l-interventi arbitrarji fl-isfera ta’ attività privata ta’ kull persuna huma drittijiet fundamentali li jiffurmaw parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Għalhekk, huwa biss fir-rigward ta’ din l-aħħar indikazzjoni li għandha tiġi kkunsidrata l-opinjoni kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Mejju 2007, Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, T‑151/01, Ġabra p. II‑1607, punti 78 u 81).

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet ta’ annullament tal-atti kontenzjużi

115    Skont ġurisprudenza stabbilita, jammontaw għal atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 230 KE l-miżuri li jipproduċu effetti ġuridiċi obbligatorji ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, billi jbiddlu b’mod distint is-sitwazzjoni ġuridika ta’ din (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9, u tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 1992, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑10/92 sa T‑12/92 u T‑15/92, Ġabra p. II‑2667, punt 28).

116    Bħala prinċipju, il-miżuri intermedjarji intiżi sabiex jippreparaw id-deċiżjoni finali ma jikkostitwixxux atti li jistgħu jiġu kkontestati. Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-atti adottati matul il-proċedura preparatorja li fihom infushom jikkostitwixxu t-terminu finali ta’ proċedura speċjali distinta minn dik li għandha tippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il-mertu u li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, billi jibdlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħhom, jikkostitwixxu wkoll atti li jistgħu jiġu kkontestati (sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, punt 115 iktar ’il fuq, punti 10 u 11, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Ġunju 2006, Österreichische Postsparkasse u Bank für Arbeit und Wirtschaft vs Il-Kummissjoni, T‑213/01 u T‑214/01, Ġabra p. II‑1601, punt 65).

117    Il-Kummissjoni ssostni li t-talbiet ta’ annullament tal-atti kontenzjużi huma inammissibbli. Dawn l-atti jkunu atti purament ta’ implementazzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni u ma jbiddlux b’mod partikolari s-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti.

118    Ir-rikorrenti jsostnu li l-atti kontenzjużi mmodifikaw b’mod kunsiderevoli s-sitwazzjoni ġuridika tagħhom u affettwaw b’mod gravi u irriversibbli d-drittijiet fundamentali tagħhom għall-ħajja privata u għad-difiża. B’hekk, huma għandhom ikunu kkunsidrati bħala atti kontestabbli. L-ewwel nett, peress li ma kinux previsti mid-deċiżjoni ta’ spezzjoni, dawn l-atti ma jistgħux jammontaw għal miżuri ta’ implementazzjoni. It-tieni nett, il-forma ta’ miżura tkun irrilevanti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk din tipproduċi effetti ġuridiċi obbligatorji. Issa, l-atti kontenzjużi jimponu fuq ir-rikorrenti, obbligi li josservawhom sabiex jevitaw li jkunu obbligati jħallsu żieda fuq l-ammont tal-multa li huma jkunu eventwalment dovuti minnhom jew anki sabiex jevitaw li jkollhom iħallsu penali. Dawn l-atti jkunu b’hekk simili għal talbiet għal informazzjoni mressqa skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, dispożizzjoni li tipprovdi speċifikament għall-karattru kkontestabbli ta’ miżuri bħal dawn. It-tielet nett, l-atti kontenzjużi kienu kkompromettew il-possibbiltà, għar-rikorrenti, li jiddefendu ruħhom f’investigazzjonijiet tal-kompetizzjoni quddiem qrati oħra. Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, id-deċiżjoni li tieħu kopji ta’ fajls informatiċi varji u tal-ħard disk tal-kompjuter tas-Sur C kienu wasslu għal effetti skont il-liġi, peress li dawn il-medja informatiċi kienu jikkontjenu data, bħall-posta elettronika, indirizzi, eċċ. ta’ natura personali protetti mid-dritt għall-ħajja privata u mis-sigriet tal-korrispondenza.

119    L-ewwel nett, għandu jingħad li l-atti kontenzjużi huma miżuri intermedjarji fejn l-uniku għan huwa dak li tiġi ppreparata l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni finali b’applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE. Permezz ta’ dawn l-atti, il-Kummissjoni kkupjat ċerti files informatiċi li nstabu fl-ispezzjoni u kisbu spjegazzjonijiet fuq dokumenti preċiżi li nstabu wkoll fl-ispezzjoni sabiex tiġi vverifikata r-realità u l-portata ta’ sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt li fir-rigward tagħhom hija kellha diġà informazzjoni, jiġifieri l-akkordju ssuspettat, sabiex tipprepara, jekk ikun il-każ, deċiżjoni finali dwar din is-sitwazzjoni.

120    Barra minn hekk, mill-Artikolu 20(2)(ċ) u (e) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li kemm it-teħid ta’ kull kopji jew ta’ estratti ta’ kull dokument professjonali, ikun xi jkun il-medja użat, tal-impriża kkonċernata minn spezzjoni ordnat skont l-Artikolu 20(4) tal-istess regolament kif ukoll it-talba lill-impjegati jew lir-rappreżentanti ta’ din l-impriża għal spjegazzjonijiet fuq dokumenti fir-rigward tas-suġġett u l-għan ta’ din l-ispezzjoni jammontaw għal miżuri ta’ implementazzjoni tad-deċiżjoni li permezz tagħha, l-ispezzjoni ġiet ordnata. Id-deċiżjoni ta’ spezzjoni stess tipprovdi li Nexans France kellha tawtorizza lill-ispetturi jikkupjaw dawn id-dokumenti professjonali kif ukoll li jagħtuhom fuq il-post “spjegazzjonijiet fuq is-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni” (ara l-punt 3 iktar ’il fuq).

121    Hekk kif il-Kummissjoni ġustament sostniet, kull spezzjoni ordnata bis-saħħa tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 timplika selezzjoni ta’ dokumenti li għandhom jiġu eżaminati u, jekk ikun il-każ, li jiġu kkupjati kif ukoll selezzjoni ta’ domandi li għandhom jiġu mistoqsija lill-impjegati jew lir-rappreżentanti tal-impriżi kkonċernati li jirrigwardaw s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni. Issa, huwa bis-saħħa tad-deċiżjoni li tordna l-ispezzjoni li dawn l-impriżi huma marbuta jawtorizzaw lill-Kummissjoni tikkopja d-dokumenti inkwistjoni u li jawtorizzaw lill-impjegati u r-rappreżentanti tagħhom li jfornu l-ispjegazzjonijiet mitluba, u mhux skont att ieħor distint adottat fl-ispezzjoni.

122    Il-paragun tal-Artikolu 18(3) u tal-Artikolu 20(2)(ċ) u (e) tar-Regolament Nru 1/2003 jippermetti wkoll li jiġi kkunsidrat li l-kopja tad-dokumenti u t-talbiet għal spjegazzjonijiet li saru fl-ispezzjonijiet jammontaw għall-miżuri ta’ implementazzjoni tad-deċiżjonijiet li jordnaw spezzjoni.

123    Fil-fatt, fl-ewwel lok, huwa previst fl-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 li t-talbiet għal informazzjoni indirizzati lill-impriżi skont din id-dispożizzjoni jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors awtonomu. Min-naħa l-oħra, xejn ma huwa indikat fir-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward tal-ispjegazzjonijiet mitluba fl-ispezzjonijiet u tal-kopja tad-dokumenti mwettqa f’dawn.

124    Fit-tieni lok, mill-Artikolu 18(1) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li l-Kummissjoni tista’, skont dawn id-dispożizzjonijiet, titlob lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet tal-impriżi li jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja. Min-naħa l-oħra, bis-saħħa tal-Artikolu 20(2)(e) ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni tista’ titlob biss spjegazzjonijiet fuq il-fatti jew dokumenti li jirrigwardaw is-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni.

125    B’hekk għandu jiġi kkunsidrat li l-kopja ta’ kull dokument u l-ifformular ta’ kull domanda li saret fl-ispezzjoni ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala att separabbli mid-deċiżjoni li permezz tagħha l-ispezzjoni ġiet ordnata, iżda bħala miżuri ta’ implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

126    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif il-Kummissjoni sostniet, hija ma tistax tissanzjona lir-rikorrenti, peress li huma kienu rrifjutaw li jippermettulha tikkopja d-dokumenti inkwisjtoni u li tagħti risposta kompluta għad-domandi tal-ispetturi lis-Sur C, mingħajr ma tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 23(1)(ċ) u (d) tar-Regolament Nru 1/2003. Din id-deċiżjoni, li hija distinta mid-deċiżjoni ta’ spezzjoni kif ukoll mid-deċiżjoni finali adottata skont l-Artikolu 81(1) KE, tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors li fil-kuntest tiegħu l-Qorti Ġenerali tkun imġiegħla teżamina jekk il-kopja tad-dokumenti kkonċernati kif ukoll il-kisba tal-ispjegazzjonijiet mitluba mill-Kummissjoni skont l-atti kontenzjużi affettwaw id-drittijiet fundamentali għall-ħajja privata u għad-difiża tar-rikorrenti, hekk kif affermat minn dan tal-aħħar.

127    Sabiex tissostanzja l-argument tagħhom li skont dan l-atti kontenzjużi jipproduċu effetti ġuridiċi obbligatorji ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tagħhom billi tbiddel b’mod distint is-sitwazzjoni ġuridika tagħhom u, sussidjarjament, jammontaw fihom infushom it-terminu aħħari ta’ proċedura speċjali distinta ta’ din li għandha tippermetti lill-Kummissjoni tiddeċidi fuq il-mertu skont il-ġurisprudenza prevista fil-punt 116 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti jinvokaw is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il-Kummissjoni (155/79, Ġabra p. 1575), u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2007, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni (T‑125/03 u T‑253/03, Ġabra p. II‑3523).

128    F’dan ir-rigward, hemm lok li jingħad li r-rikorrenti fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi previsti fil-punt preċedenti kienu sostnew quddiem il-Kummissjoni li ċerti dokumenti li din tal-aħħar kienet talbiethom li jippreżentaw f’verifika ordnata skont ir-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u u [82 KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 08, Vol. 01, p. 3), jew sussegwentement għaliha, kienu koperti mill-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-qorti kkunsidrat li d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet it-talba għall-protezzjoni tad-dokumenti inkwistjoni jipproduċu effetti ġuridiċi fir-rigward tal-impriżi kkonċernati, sa fejn huma jirrifjutaw il-benefiċċju ta’ protezzjoni prevista mid-dritt Komunitarju u għandha karattru definittiv u indipendenti mid-deċiżjoni finali li tikkonstata ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 127 iktar ’il fuq, punt 46; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, punt 127 iktar ’il fuq, punti 27 u 29 sa 32).

129    Iżda, ir-rikorrenti ma sostnewx fl-adozzjoni tal-atti kontenzjużi li d-dokumenti kkupjati mill-Kummissjoni jew l-informazzjoni miksuba minn din bis-saħħa ta’ dawn l-atti jibbenefikaw minn protezzjoni prevista mid-dritt tal-Unjoni simili għal dik mogħtija lill-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u l-klijenti. Meta l-Kummissjoni ddeċidiet li tikkopja dawn id-dokumenti u li titlob lir-rikorrenti li jfornu din l-informazzjoni, hija b’hekk ma adottatx deċiżjoni li tirrifjuta lir-rikorrenti l-benefiċċju ta’ din il-protezzjoni.

130    Fil-fatt, fir-rigward tad-dokumenti kkupjati fl-ispezzjoni, għandu jitfakkar li r-rikorrenti kkonservaw l-oriġinali, jew fil-forma kartaċja, jew fil-forma elettronika, u huma f’pożizzjoni li jkunu jafu n-natura u l-kontenut ta’ dawn id-dokumenti. Minkejja dan, ir-rikorrenti ma identifikawx dokumenti preċiżi jew partijiet mid-dokumenti li jibbenefikaw minn protezzjoni prevista mid-dritt tal-Unjoni. Ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom li jsostnu li l-Kummissjoni ma kellhiex id-dritt li tikkopja dawn id-dokumenti sabiex jiġu eżaminati wara fl-uffiċċji tagħha. Skont ir-rikorrenti, huma kellhom jeżaminawhom fl-uffiċċji ta’ Nexans France, peress li l-Kummissjoni setgħet tieħu kopja biss tad-dokumenti rilevanti għall-investigazzjoni. B’hekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma jatribwixxux lill-Kummissjoni li din ikkonsultat jew ikkupjat ċerti dokumenti speċifiċi protetti, iżda li eżaminathom fl-uffiċċji tagħha f’Brussell pjuttost milli fl-uffiċċji ta’ Nexans France u li kkonservathom sal-mument tal-eżami.

131    Fir-rigward tad-domandi li saru lis-Sur C fl-ispezzjoni, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti, li kienu akkumpanjati mill-avukati tagħhom, ma mmanifestaw ebda oppożizzjoni li l-Kummissjoni tikseb l-informazzjoni mitluba. Fil-formulazzjoni ta’ dawn id-domandi, il-Kummissjoni b’hekk ma setgħetx tadotta deċiżjoni li tirrifjuta lir-rikorrenti l-benefiċċju ta’ protezzjoni prevista mid-dritt tal-Unjoni.

132    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-atti kontenzjużi ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala atti kontestabbli. Il-legalità ta’ dawn l-atti setgħet tiġi biss eżaminata, minbarra fil-kuntest ta’ rikors għal annullament imressaq kontra d-deċiżjoni li timponi sanzjoni prevista fil-punt 126 iktar ’il fuq, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat, jekk ikun il-każ, kontra d-deċiżjoni finali adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81(1) KE. Fil-fatt, l-istħarriġ ġudizzjarju fuq il-kundizzjonijiet li fihom seħħet spezzjoni jaqa’ taħt rikors għal annullament imressaq, jekk ikun il-każ, kontra d-deċiżjoni finali adottata mill-Kummissjoni taħt dik id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punti 413 u 414).

133    Min-naħa l-oħra, jekk ir-rikorrenti jqisu li l-atti li permezz tagħhom il-Kummissjoni ħadet kopja ta’ fajls informatiċi varji u ta’ ħard disk tal-kompjuter tas-Sur C sabiex jeżaminawhom wara fl-uffiċċji tagħha u talbet lil dawn spjegazzonijiet fuq dokumenti misjuba fl-ispezzjoni huma illegali u li kkawżawlhom dannu ta’ natura li jwassal għar-responsabbiltà tal-Unjoni, huma jistgħu jippreżentaw fir-rigward tal-Kummissjoni rikors għad-danni mhux kuntrattwali. Tali rikors ma jaqax taħt is-sistema ta’ stħarriġ tal-validità tal-atti tal-Unjoni li għandhom effetti ġuridiċi vinkolanti u li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, iżda huwa disponibbli meta parti tkun sofriet dannu minħabba aġir illegali ta’ istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, C‑131/03 P, Ġabra p. I‑7795, punti 82 u 83).

134    It-talbiet għal annullament tal-atti kontenzjużi għandhom b’hekk ikunu ddikjarati inammissibbli.

3.     Fuq ir-raba’ u s-seba’ kapijiet ta’ talbiet

135    Hekk kif ir-rikorrenti stess josservaw, permezz tar-raba’ sas-seba’ kapijiet ta’ talbiet tagħhom, huma għandhom bħala għan li l-Qorti Ġenerali tippronunċa ruħha fuq il-konsegwenzi eventwali tal-annullament tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni u tal-atti kontenzjużi.

136    B’hekk, hekk kif il-Kummissjoni sostniet, ir-rikorrenti qegħdin jippruvaw jiksbu dikjarazzjoni fuq l-effetti tas-sentenza preżenti, li tkun tikkostitwixxi wkoll ordni fil-konfront tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżekuzzjoni tagħha. Issa, peress li l-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti, fil-kuntest tal-istħarriġ ta’ legalità abbażi tal-Artikolu 230 KE, sabiex tagħti sentenzi dikjaratorji (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Diċembru 2003, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑224/03, Ġabra p. I‑14751, punti 20 sa 22) jew ordnijiet, anki jekk dawn jirrigwardaw il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi tagħha (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ottubru 1995, Pevasa u Inpesca vs Il-Kummissjoni, C‑199/94 P u C‑200/94 P, Ġabra p. I‑3709, punt 24), it-talba tar-rikorrenti għandha tiġi ddikjarata bħala manifestament inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Frar 2009, Omya vs Il-Kummissjoni, T‑145/06, Ġabra p. II‑145, punt 23).

137    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ spezzjoni għandha tiġi annullata sa fejn din tikkonċerna l-kejbils tal-elettriku barra minn dawk il-kejbils tal-elettriku ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-ilma u ta’ taħt l-art kif ukoll il-materjal relatat ma’ dawn il-kejbils l-oħra. Ir-rikors għandu jiġi miċħud għall-kumplament.

 Fuq l-ispejjeż

138    Skont l-ewwel subparagrafut tal-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali.

139    Peress li r-rikorrenti essenzjalment tilfu fit-talbiet tagħhom, hemm lok li jiġi deċiż li r-rikorrenti jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, nofs l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 92/1, tad-9 ta’ Jannar 2009, li tordna lil Nexans SA u lill-impriżi kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha, inkluża fosthom Nexans France SAS, sabiex tissuġġetta ruħha għal spezzjoni, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], għandha tiġi annullata sa fejn din tikkonċerna l-kejbils tal-elettriku barra minn dawk il-kejbils tal-elettriku ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-ilma u ta’ taħt l-art kif ukoll il-materjal relatat ma’ dawn il-kejbils l-oħra.

2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3)      Nexans u Nexans France għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll nofs l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

4)      Il-Kummissjoni għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha.

Truchot

Martins Ribeiro

Kanninen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Novembru 2012.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq it-talba għal annullament tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq natura eċċessivament estiża u vaga tal-firxa ta’ prodotti kkonċernati mid-deċiżjoni ta’ spezzjoni

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq nuqqas ta’ preċiżjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni fir-rigward tad-delimitazzjoni tal-prodotti kkonċernati

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq li l-Kummissjoni kellha biss indizji suffiċjentement serji li jippermettu li tissuspetta ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mir-rikorrenti fis-settur tal-kejbils ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-ilma

Fuq it-tieni parti, bbażata fuq il-portata ġeografika eċċessivament estiża tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni

2.  Fuq it-talbiet ta’ annullament tal-atti kontenzjużi

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq l-ammissibbiltà tal-opinjoni legali annessa mar-replika

–  Fuq l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 5(3) u (7) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali

–  Fuq it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, li skont din l-opinjoni kontenzjuża ma tissostanzjax argumenti speċifikament imressqa fir-replika u li jikkontjenu spjegazzjonijiet li ma humiex ripetuti hawnhekk

Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet ta’ annullament tal-atti kontenzjużi

3.  Fuq ir-raba’ u s-seba’ kapijiet ta’ talbiet

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 – Data kunfidenzjali moħbija.