Language of document : ECLI:EU:T:2010:498

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

7 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Għajnuna mill‑Istat – Remissjoni parzjali ta’ dejn fiskali fil-kuntest ta’ ftehim – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha – Kriterju ta’ kreditur privat f’ekonomija tas-suq”

Fil-Kawża T‑11/07,

Frucona Košice a.s., stabbilita f’Košice (is-Slovakkja), irrappreżentata minn B. Hartnett, barrister, u O. H. Geiss u A. Barger, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Martenczuk u K. Walkerová, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

St. Nicolaus-trade a.s., stabbilita fi Bratislava (is-Slovakkja), irrappreżentata minn N. Smaho, avukat,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/254/KE tas-7 ta’ Ġunju 2006, dwar l-għajnuna mill-Istat C 25/05 (ex NN 21/05), mogħtija mir-Repubblika Slovakka lil Frucona Košice a.s. (ĠU L 112, p. 14),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe (Relatur) u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Ottubru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1.     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

1        Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat, fl-1999, il-linji gwida Komunitarji dwar għajnuna tal-[I]stat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 322, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-1999”).

2        Skont il-paragrafu 31 tal-linji gwida tal-1999:

“L-għoti tal-għajnuna hi marbuta mal-kondizzjoni ta’ l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturizzazzjoni li għandu jkun aċċettat mill-Kummissjoni f’kull każ individwali ta’ għajnuniet.”

3        Fir-rigward tal-impriżi żgħar u medji (SMEs), il-paragrafu 55, li jinsab taħt it-titolu “Għajnuna biex jiġu ristrutturati [l-SMEs]” jipprovdi kif ġej:

“Għajnuna lil ditti fil-kategorija [tal-SMEs] għandha l-ħabta li taffettwa inqas il-kondizzjonijiet tan-negozju minn dik mogħtija lil ditti akbar. Dan japplika wkoll għal għajnuna għal ristrutturar, biex b’hekk il-kondizzjonijiet imniżżlin [fil-paragrafi] 29 sa 47 huma applikati b’mod anqas strett: l-għoti ta’ għajnuna għal ristutturar lil SMEs ġeneralment ma tkunx magħquda ma’ miżuri kompensatorji (ara l-[paragrafi] 35 sa 39), dejjem jekk ma jkunx stipulat mod ieħor fir-regoli dwar Għajnuna ta’ l-Stat f’settur partikolari; u r-rekwiżiti dwar il-kontenut ta’ rapporti jkunu anqas iebsin (ara l-[paragrafi] 45, 46 u 47). Mill-banda l-oħra, il-prinċipju ‘ta’ darba, l-aħħar darba’ ([ara l-paragrafi] 48 sa 51) japplikaw bis-sħih għall-SMEs.”

2.     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

4        Iz-zákon 328/1991 Zb. o konkurze a vyrovnaní [Liġi Nru 328/1991 dwar l-istralċ mill-qorti u l-ftehim (iktar ’il quddiem il-“liġi fuq l-istralċ mill-qorti u l-ftehim”)] tistipula r-regoli applikabbli fis-Slovakkja fir-rigward tal-proċeduri ta’ stralċ mill-qorti u ta’ ftehim.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.     Ir-rikorrenti

5        Ir-rikorrenti, Frucona Košice a.s., hija kumpannija rregolata mid-dritt Slovakk u għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha f’Košice (is-Slovakkja), belt li fis-7 ta’ Ġunju 2006 kienet tinsab f’reġjun eliġibbli għall-benefiċċju ta’ għajnuna reġjonali skont l-Artikolu 87(3)(a) KE. Fl-1995, is-sena li fiha ġiet stabbilita, ir-rikorrenti xtrat l-attiv u l-passiv ta’ impriża li kienet tappartjeni għall-Istat.

6        Għall-ewwel, ir-rikorrenti kienet attiva, minn naħa, fis-settur tal-produzzjoni ta’ alkoħol u ta’ spirti u, min-naħa l-oħra, fis-settur tal-fabrikazzjoni ta’ prodotti tal-ikel bħall-frott, ħaxix u meraq tal-frott fil-bottijiet, kif ukoll tal-produzzjoni ta’ xarbiet bil-gass u mhux bil-gass. Fis-6 ta’ Marzu 2004, il-liċenzja tagħha għall-produzzjoni u l-ipproċessar tal-akoħol u tal-ispirti ġiet irtirata, għar-raġuni li ma kinitx ħallset it-taxxi tas-sisa li kellha tħallas. Minn dak iż-żmien ’il quddiem, ma komplietx tipproduċi l-ispirti, iżda kienet tiddistribwixxihom skont ftehim konkluż fl-24 ta’ Awwissu 2004 ma’ Old Herold, s.r.o. Skont dan il-ftehim, ir-rikorrenti kienet tikri lil Old Herold il-fabbriki tagħha tal-ispirti li kienu jinsabu f’Košice u f’Obišovce (is-Slovakkja), fejn din tal-aħħar kienet tipproduċi, b’liċenzja, spirti. Ir-rikorrenti kienet tixtri dawn l-ispirti biex imbagħad tbigħhom lill-klijenti tagħha, bit-trade mark Frucona.

2.     Il-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali

7        Wara d-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 2004, taz-zákon č. 609/2003 Z.z., ktorým sa mení a dopĺňa zákon Slovenskej národnej rady č. 511/1992 Zb. o správe daní a poplatkov a o zmenách v sústave územných finančných orgánov v znení neskorších predpisov a ktorým sa menia a dopľňajú niektoré ďalšie zákony (Liġi Nru 609/2003 li temenda u tissupplimenta l-liġi tal-Kunsill nazzjonali Slovakk Nru 511/1992 fuq l-amministrazzjoni tat-taxxi, drittijiet u l-levies u fuq it-tibdil fis-sistema tal-awtoritajiet fiskali territorjali, u li temenda u tissupplimenta ċerti liġijiet oħrajn), li tipprovdi b’mod partikolari li persuna taxxabbli tista’ titlob li l-ħlas tat-taxxa jiġi pospost darba waħda biss fis-sena, ir-rikorrenti sabet ruħha f’diffikultajiet finanzjarji li minħabba fihom ma setgħetx tħallas id-drittijiet tas-sisa li kellha tħallas għax-xahar ta’ Jannar 2004 u li kienu eżiġibbli fil-25 ta’ Frar tal-istess sena. Fil-passat, ir-rikorrenti kienet ibbenefikat minn posponimenti ta’ ħlas tad-dejn fiskali tagħha, li kienu ngħatawlha wara l-kostituzzjoni ta’ garanziji favur l-amministrazzjoni fiskali Slovakka. Konsegwentement, ir-rikorrenti sabiet ruħha fi stat ta’ dejn eċċessiv fis-sens tal-liġi fuq l-istralċ mill-qorti u l-ftehim.

8        Billi antiċipat li kien se jkollha diffikultajiet finanzjarji minħabba l-emendi proposti u finalment l-emendi deċiżi fil-leġiżlazzjoni dwar il-posponiment tat-taxxi, ir-rikorrenti, irrappreżentata b’mod partikolari mid-direttur ġenerali tagħha, kienet iltaqgħet mar-rappreżentanti tad-direttorat ġenerali tat-taxxi Slovakk fis-16 ta’ Diċembru 2003 u fit-23 ta’ Jannar 2004. Fit-30 ta’ Jannar 2004, id-direttur ġenerali tar-rikorrenti ltaqa’ wkoll mal-Ministru tal-Finanzi Slovakk. Matul dawn il-laqgħat, ir-rikorrenti, b’mod partikolari, informat lill-interlokuturi tagħha bil-proposta tagħha li tirregolarizza l-obbligi fiskali tagħha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ftehim eventwali.

9        Fl-istess ħin, ir-rikorrenti kienet ikkuntattjat ukoll lill-awtorità fiskali lokali li kienet taqa’ taħtha, jiġifieri l-uffiċċju ta’ Košice IV (iktar ’il quddiem l-“awtorità fiskali lokali”). B’ittra tat-8 ta’ Jannar 2004, hija informatha li, fir-rigward tad-drittijiet tas-sisa, hija ma kinitx ser tkun f’pożizzjoni li tħallas fi Frar 2004 l-ammonti li kienu għadhom dovuti u pproponiet jew li tħallashom bin-nifs fuq perijodu ta’ ħames snin, jew li taċċetta proposta ta’ ftehim li permezz tiegħu l-ħlas ikun limitat għal 35 % tal-ammonti dovuti. B’ittra tat-3 ta’ Frar 2004, id-direttur tal-awtorità fiskali lokali ċaħad l-ewwel waħda mill-alternattivi proposti mir-rikorrenti u, fir-rigward tat-tieni waħda, jiġifieri l-proposta ta’ ftehim, wieġeb kif ġej: “[…] bħala prinċipju, l-amministratur fiskali ma jopponix li jsir ftehim, min-naħa l-oħra, ma jistax jilqa’ l-proposta ta’ ftehim tiegħek li jitħallas 35 % tal-ammont dovut. Nifhem illi t-termini u l-kundizzjonijiet tal-ftehim ser jiġu diskussi qabel ma tiġi ppreżentata l-proposta ta’ ftehim.”

10      Fit-8 ta’ Marzu 2004, ir-rikorrenti ppreżentat talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ ftehim quddiem il-Krajský súd v Košiciach (qorti reġjonali ta’ Košice, is-Slovakkja), fejn hija spjegat is-sitwazzjoni tagħha ta’ dejn eċċessiv u ddeskriviet, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-liġi fuq l-istralċ mill-qorti u l-ftehim, il-miżuri differenti li jistgħu jippermettulha terġa’ ssib l-ekwilibriju finanzjarju fi tmiem il-proċedura ta’ ftehim. L-ammont totali tad-dejn fiskali tagħha meħud inkunsiderazzjoni fil-proposta ta’ ftehim tagħha kien ta’ madwar [kunfidenzjali] koruna Slovakka (SKK), fuq ammont totali ta’ debiti ta’ madwar SKK 644.6 miljun. Fil-kuntest tal-proposta ta’ ftehim tagħha, ir-rikorrenti pproponiet lill-kredituri kollha mhux koperti u lill-uħud mill-kredituri li kellhom privileġġ li tħallas lil kull wieħed minnhom parti ekwivalenti għal 35 % tal‑ammont totali tal-ammonti li kellha ttih.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ April 2004, il-Krajský súd v Košiciach ikkunsidrat li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 46 et seq tal-liġi fuq l-istralċ mill-qorti u l-ftehim kienu sodisfatti u b’hekk awtorizzat il-ftuħ tal-proċedura ta’ ftehim skont l-Artikolu 50(3) tal-imsemmija liġi. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, hija, b’mod partikolari, stiednet lill-kredituri tar-rikorrenti jġibu prova tal-krediti rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, għażlet amministratur tal-ftehim u sejħet lir-rikorrenti u lill-kredituri tagħha għal seduta fir-rigward tal-ftehim li kellha tinżamm fid-9 ta’ Lulju 2004 (iktar ’il quddiem is-“seduta fir-rigward tal-ftehim tad-9 ta’ Lulju 2004”). Fl-aħħar nett, hija rriproduċiet il-modalitajiet tal-ftehim li kienu ġew ifformulati mir-rikorrenti fil-proposta ta’ ftehim tagħha tat-8 ta’ Marzu 2004.

12      Sabiex l-awtorità fiskali lokali tkun tista’ tevalwa l-vantaġġi rispettivi tal-ftehim, tal-istralċ mill-qorti u tal-eżekuzzjoni fiskali taħt il-liġi Slovakka, ir-rikorrenti ppreżentatilha diversi rapporti ta’ verifika qabel ma l-ftehim ġie approvat mill-Krajský súd v Košiciach. Fis-26 ta’ April 2004, hija kkomunikat l-ewwel rapport ta’ verifika mfassal mill-awditur intern tagħha, K, iktar ’il quddiem ir-“rapport K”), fejn il-qligħ mill-bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti ġie evalwat għal [kunfidenzjali]. Fis-7 ta’ Lulju 2004, hija kkomunikat it-tieni rapport ta’ verifika mfassal minn kumpannija ta’ awdituri indipendenti, jiġifieri l-kumpannija E (iktar ’il quddiem ir-“rapport E”), fejn ġie indikat, [kunfidenzjali]. Verżjoni provviżorja tar-rapport E kienet intbagħtet lill-awtorità fiskali lokali fi tmiem ix-xahar ta’ Ġunju 2004.

13      Fil-21 ta’ Ġunju 2004, l-amministrazzjoni fiskali Slovakka għamlet spezzjoni fuq il-post, fl-uffiċini tar-rikorrenti. Matul din l-ispezzjoni, ġie kkonstatat li, fis-17 ta’ Ġunju 2004, ir-rikorrenti kellha assi likwidi ta’ SKK [kunfidenzjali].

14      B’ittra tas-6 ta’ Lulju 2004, id-direttur ġenerali tad-direttorat ġenerali tat-taxxi Slovakk stieden lill-awtorità fiskali lokali sabiex ma taċċettax il-proposta ta’ ftehim tar-rikorrenti matul is-seduta fir-rigward tal-ftehim tad-9 ta’ Lulju 2004, għar-raġuni li ma kienx favorevoli għar-Repubblika Slovakka, fid-dawl ta’ ittra tal-Ministru tal-Finanzi Slovakk tal-15 ta’ Jannar 2004 mehmuża, fejn dan tal-aħħar talab li jiġi aċċertat li l-amministraturi tat-taxxi ma japprovawx tnaqqis fid-dejn fiskali favur il-persuni taxxabbli.

15      Matul is-seduta fir-rigward tal-ftehim tad-9 ta’ Lulju 2004, il-kredituri tar-rikorrenti, inkluża l-amministrazzjoni fiskali Slovakka, aċċettaw il-proposta ta’ ftehim tar-rikorrenti.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Lulju 2004, il-Krajský súd v Košiciach, approvat il-ftehim. L-ewwel nett, hija identifikat il-kredituri tar-rikorrenti li pproduċew il-prova tal-krediti tagħhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ ftehim. B’mod partikolari, hija rrilevat li l-amministrazzjoni fiskali Slovakka kellha kreditu ammissibbli fl-ammont ta’ madwar [kunfidenzjali] SKK li għalih il-ftehim kien jipprovdi għal rimbors ta’ 35 % minnu, jiġifieri l-ammont li kellu jitħallas kien ta’ SKK 224.3 miljun. It-tieni nett, hija kkonstatat li, matul is-seduta fir-rigward tal-ftehim tad-9 ta’ Lulju 2004, il-kredituri tar-rikorrenti, inkluża l-awtorità fiskali lokali, bħala kreditur privileġġjat, u b’hekk b’vot separat, b’mod konformi mal-Artikolu 58(4) u (5) u mal-Artikolu 58b(1)(a) u (2) tal-liġi fuq l-istralċ mill-qorti u l-ftehim, ilkoll ivvutaw favur il-proposta ta’ ftehim tar-rikorrenti. Hija fakkret ukoll il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex, skont l-Artikolu 60(1) tal-imsemmija liġi, il-ftehim inkwistjoni jkun jista’ jiġi approvat ulterjorment qabel ma ddeċidiet li l-kundizzjonijiet kienu sodisfatti f’dan il-każ.

17      Fl-14 ta’ Lulju 2004, id-direttorat ġenerali tat-taxxi Slovakk issospenda u ssostitwixxa d-direttur tal-awtorità fiskali lokali.

18      B’ittra tal-20 ta’ Ottubru 2004, l-awtorità fiskali lokali indikat lir-rikorrenti li l-modalitajiet tal-ftehim approvat minnha fis-seduta fir-rigward tal-ftehim tad-9 ta’ Lulju 2004, li kienu jistipulaw li parti mid-dejn fiskali ma kellhiex titħallas lura, kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat indiretta li kienet suġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni. Hija talbet ukoll lir-rikorrenti tibagħtilha qabel id-19 ta’ Novembru 2004 pjan ta’ investiment dwar l-ammonti li ma għandhomx jitħallsu lura, skont id-deċiżjoni tal-Krajský súd v Košiciach tad-29 ta’ April 2004.

19      Permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2004, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (Qorti suprema tar-Repubblika Slovakka) ċaħdet l-appell ippreżentat mill-awtorità fiskali lokali f’Awwissu 2004, kontra d-deċiżjoni tal-Krajský súd v Košiciach tal-14 ta’ Lulju 2004, bħala inammissibbli u ddikjarat li l-imsemmija deċiżjoni kienet valida u setgħet tiġi eżegwita mit-23 ta’ Lulju 2004.

20      B’ittra tad-9 ta’ Novembru 2004, ir-rikorrenti wieġbet l-ittra tal-awtorità fiskali lokali tal-20 ta’ Ottubru 2004 u indikat li kienet ippreżentat “talba għal ftehim” u mhux “talba għal għajnuna mill-Istat”. F’din l-ittra, hija wriet in-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-kwalifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat ta’ ftehim mogħtija minn amministratur ta’ awtorità fiskali. Hija indikat ukoll li kien jidhrilha li t-talba għal pjan ta’ investiment kienet “infondata”.

21      Fl-14 ta’ Diċembru 2004, id-direttur tal-awtorità fiskali lokali, li ġie sospiż fl-14 ta’ Lulju 2004, ġie akkużat bi frodi u miżapproprjazzjoni.

22      Fis-17 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrenti, b’mod konformi mal-ftehim, ħallset b’mod partikolari lill-awtorità fiskali lokali ammont ta’ SKK 224.3 miljun, li kien jikkorrispondi għal 35 % tad-dejn totali tagħha. Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Diċembru 2004, il-Krajský súd v Košiciach ikkonstatat li l-ftehim kien validu mit-23 ta’ Lulju 2004 u ddikjarat magħluqa l-proċedura ta’ ftehim.

23      Sabiex tikkonferma l-vantaġġi ta’ proċedura ta’ ftehim fuq proċedura ta’ stralċ mill-qorti, ir-rikorrenti kisbet ukoll it-tielet rapport ta’ verifika ddatat 27 ta’ Jannar 2005, imfassal minn H, [kunfidenzjali] (iktar ’il quddiem ir-“rapport H’), fejn hija indikat li, [kunfidenzjali].

24      Permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Marzu 2006, l-iŠpeciálny súd v Pezinku (qorti speċjali ta’ Pezinok, is-Slovakkja) ħelset lid-direttur tal-awtorità fiskali lokali, li kien ġie sospiż fl-14 ta’ Lulju 2004, mill-akkużi kollha miġjubin kontrih.

25      Wara appell straordinarju mid-deċiżjoni tal-Krajský súd v Košiciach tal-14 ta’ Lulju 2004, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky, permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ April 2006, annullat parzjalment id-deċiżjoni tal-Krajský súd v Košiciach tal-14 ta’ Lulju 2004, għar-raġuni li xi arretrati ta’ taxxi tat-triq fl-ammont ta’ SKK 424 490  kienu ġew inklużi bi żball fil-ftehim. Fir-rigward tal-kumplament, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky ċaħdet l-appell straordinarju. Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Awwissu 2006, il-Krajský súd v Košiciach eżegwiet id-deċiżjoni tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky tas-27 ta’ April 2006 u ffissat l-ammonti kkoreġuti dovuti lill-awtorità fiskali lokali għal SKK 640.4 miljun (35 % ta’ din is-somma jammontaw għal SKK 224.1 miljun).

3.     Il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni

26      B’ittra tal-15 ta’ Ottubru 2004, tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni dwar għajnuna preżumibbilment illegali favur ir-rikorrenti.

27      B’ittra tas-6 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Slovakka sabiex tibagħtilha informazzjoni dwar il-miżura inkwistjoni, jiġifieri r-rinunżja parzjali għad-dejn fiskali tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ ftehim.

28      B’ittra tal-4 ta’ Jannar 2005, ir-Repubblika Slovakka informat lill-Kummissjoni bil-possibbiltà li r-rikorrenti rċeviet għajnuna illegali u talbitha tawtorizza din l-għajnuna bħala għajnuna biex tiġi salvata impriża li tinsab f’diffikultà.

29      Wara li ġabret informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni, b’ittra tal-5 ta’ Lulju 2005, innotifikat lir-Repubblika Slovakka bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE dwar il-miżura inkwistjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali”). Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-22 ta’ Settembru 2005 (ĠU C 233, p. 47), u l-partijiet interessati ġew mistiedna fl-istess ħin jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-miżura inkwistjoni.

30      B’ittra tal-10 ta’ Ottubru 2005, ir-Repubblika Slovakka kkomunikat l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-miżura inkwistjoni lill-Kummissjoni. Bl-istess mod, b’ittra tal-24 ta’ Ottubru 2005, ir-rikorrenti kkomunikat l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-miżura inkwistjoni lill-Kummissjoni. Dawn intbagħtu lir-Repubblika Slovakka sabiex din tkun tista’ tikkummenta dwarhom, ħaġa li għamlet permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Diċembru 2005.

31      Fit-28 ta’ Marzu 2006, inżammet laqgħa bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti. F’din il-laqgħa, ir-rikorrenti indikat b’mod partikolari li kienet għażlet il-proċedura ta’ ftehim minflok il-proċedura ta’ stralċ mill-qorti, li Old Herold kienet tipproduċi l-prodotti billi tuża l-attiv u t-trade mark tagħha, li l-kooperazzjoni bejniethom li kienet bdiet f’Lulju 2004, kienet ibbażata fuq ftehim ta’ distribuzzjoni esklużiva tal-prodotti ta’ Old Herold, li l-ammont tal-attiv iggarantit kien ta’ SKK 194 miljun, li r-rapport E kien intiż biex juri lill-awtorità fiskali lokali li l-proċedura ta’ ftehim kienet aħjar minn proċedura ta’ stralċ mill-qorti, li ma kinitx f’pożizzjoni tispjega għalfejn il-kumpannija E kienet użat informazzjoni tal-31 ta’ Marzu 2004, li s-self mill-fornitur kien ingħatalha minn Old Herold matul it-tieni nofs tal-2004 u li l-perijodu standard għall-eżekuzzjoni tal-obbligi tagħha kien ta’ bejn 14 u 60 ġurnata.

32      B’ittra tal-4 ta’ April 2006, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni kopja tas-sentenza tal-iŠpeciálny súd v Pezinku tas-6 ta’ Marzu 2006.

33      B’ittra tal-5 ta’ Mejju 2006, ir-Repubblika Slovakka bagħtet lill-Kummissjoni informazzjoni addizzjonali.

34      Fis-7 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2007/254/KE dwar l-għajnuna mill-Istat C 25/05 (ex NN 21/05) mogħtija mir-Repubblika Slovakka lil Frucona Košice a.s. (ĠU L 112, p. 14, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

35      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

“L-ewwel Artikolu

L-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika Slovakka li[r-rikorrenti], fl-ammont ta’ [SKK] 416 515 990, hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

1.      Ir-Repubblika Slovakka għandha tadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra mingħand [ir-rikorrenti] l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 li ngħatatilha b’mod illegali.

2.      L-irkupru għandu jsir mingħajr dewmien, b’mod konformi mal-proċeduri tad-dritt nazzjonali, sa fejn dawn jippermettu eżekuzzjoni immedjata u effettiva ta’ din id-deċiżjoni.

3.      L-għajnuna li għandha tiġi rkuprata tinkludi l-interessi dovuti għall-perijodu mid-data meta ngħatat [lir-rikorrenti] sad-data meta tkun ġiet irkuprata effettivament.

4.      L-interessi għandhom jiġu kkalkolati b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004, tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE]. Ir-rata tal-interessi għandha tiġi applikata fuq bażi komposta għall-perijodu kollu msemmi fil-paragrafu 3.

Artikolu 3

Ir-Repubblika Slovakka għandha tinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xagħrejn min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, bil-miżuri li tkun ħadet sabiex tikkonforma ruħha magħha. Għal dan il-għan hija għandha tuża l-kwestjonarju mehmuż ma’ din id-deċiżjoni fl-Anness 1.

Artikolu 4

Ir-Repubblika Slovakka hija d-destinatarja ta’ din id-deċiżjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

36      Ir-rikorrenti rċeviet kopja tad-deċiżjoni kkontestata, mingħand l-ambaxxata tar-Repubblika Slovakka fi Brussell (il-Belġju), fit-2 ta’ Novembru 2006.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

37      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) fit-12 ta’ Jannar 2007, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

38      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Ġunju 2007, l-impriża St. Nicolaus-trade a.s. talbet sabiex tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tal-Kummissjoni.

39      Permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Ottubru 2007, il-president tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba u ddeċieda li, peress illi din tal-aħħar ġiet ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 115(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, id-drittijiet tal-intervenjenti kienu ser ikunu dawk previsti fl-Artikolu 116(6) tal-imsemmija regoli.

40      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ġew mistiedna jippreżentaw ċerti dokumenti u jwieġbu bil-miktub diversi mistoqsijiet. Il-partijiet wieġbu għall-imsemmija miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-termini li kienu ngħatawlhom.

41      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-14 ta’ Ottubru 2009.

42      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata jew, almenu, tannulla totalment jew parzjalment l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

43      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

44      Matul is-seduta, l-intervenjenti talbet, essenzjalment, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors, u tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq il-mertu

45      Insostenn tat-talbiet tagħha għal annullament, ir-rikorrenti tqajjem għaxar motivi bbażati, fl-ewwel lok, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-ammont tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni, fit-tieni lok, fuq ksur ta’ regola proċedurali essenzjali u tal-Artikolu 33 KE, fit-tielet lok, essenzjalment, fuq l-inkompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, fir-raba’ lok, fuq żball ta’ liġi u ta’ fatt, inkwantu l-Kummissjoni kkunsidrat li l-proċedura ta’ stralċ mill-qorti kienet iktar favorevoli minn dik ta’ ftehim, fil-ħames lok, fuq żball ta’ liġi u ta’ fatt inkwantu l-Kummissjoni kkunsidrat li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni fiskali kienet iktar favorevoli minn dik ta’ ftehim, fis-sitt lok, fuq żball ta’ liġi u ta’ fatt inkwantu l-Kummissjoni ma ssodisfatx l-oneru tal-prova li kien jaqa’ fuqha u kisret id-dispożizzjonijiet legali applikabbli fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat f’ekonomija tas-suq, fis-seba’ lok, fuq żball ta’ liġi u ta’ fatt, inkwantu l-Kummissjoni la evalwat b’mod korrett u lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni l-provi għad-dispożizzjoni tagħha, fit-tmien lok, fuq żball ta’ liġi u ta’ fatt inkwantu l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni provi irrilevanti, fid-disa’ lok, fuq ksur tal-Artikolu 253 KE, inkwantu l-Kummissjoni ma mmotivatx biżżejjed id-deċiżjoni kkontestata u, fl-għaxar lok, fuq żball ta’ liġi u ta’ fatt inkwantu l-Kummissjoni ma eżentatx il-ftehim bħala għajnuna għar-ristutturazzjoni u applikat b’mod retroattiv il-linji gwida Komunitarji dwar għajnuna tal-[I]stat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà (ĠU 2004, C 244, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2004”).

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-ammont tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni

 L-argumenti tal-partijiet

46      Ir-rikorrenti ssostni li l-ammont imsemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri SKK 416 515 990, huwa manifestament żbaljat. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky tas-27 ta’ April 2006 li kienet naqqset b’SKK 424 490  l-ammont tad-dejn fiskali meħud inkunsiderazzjoni fil-proċedura ta’ ftehim. L-ammont eżatt huwa ta’ SKK 416 240 072. Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni. B’hekk, hija għandha tiġi annullata jew, almenu, għandu jiġi annullat l-Artikolu 1 tagħha.

47      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti insostenn tal-ewwel motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

48      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-legalità tal-att ikkonċernat għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data meta jkun ġie adottat dan l-att (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, Ġabra p. II‑2405, punt 81, u tal-14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, T‑109/01, Ġabra p. II‑127, punt 50).

49      B’mod iktar partikolari, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, fir-rigward ta’ deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat, il-legalità tagħha għandha tiġi evalwata skont l-informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ kellha fiż-żmien meta ġiet adottata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punt 168; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 16).

50      B’hekk, rikorrent ma jistax jinvoka, quddiem il-qorti, punti ta’ fatt li ma ġewx ippreżentati matul il-proċedura prekontenzjuża prevista fl-Artikolu 88 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑278/92 sa C‑280/92, Ġabra p. I‑4103, punt 31, u tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑382/99, Ġabra p. I‑5163, punti 49 u 76; sentenza Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punt 51).

51      Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni punti ta’ fatt jew ta’ liġi possibbli li setgħu ġew ippreżentati lilha matul il-proċedura amministrattiva, iżda li ma ġewx ippreżentati, billi l-Kummissjoni ma hijiex obbligata teżamina ex officio u tbassar x’informazzjoni setgħet ġiet ippreżentata lilha (sentenza Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      F’dan il-każ, mis-sommarju tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali (C 233, p. 47), jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tal-Krajský súd v Košiciach tal-14 ta’ Lulju 2004, li tapprova l-ftehim, sabiex tiddetermina l-ammont tal-għajnuna mill-Istat, li ma ġietx ikkontestata mir-Repubblika Slovakka fl-osservazzjonijiet tagħha tal-10 ta’ Ottubru 2005, jew mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha tal-24 ta’ Ottubru 2005.

53      Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li, fil-mument meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, hija la kienet ġiet informata mir-rikorrenti u lanqas mir-Repubblika Slovakka bid-deċiżjoni tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky tas-27 ta’ April 2006 li naqqset id-dejn fiskali tar-rikorrenti li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ ftehim.

54      Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 48 sa 50 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li bbażat ruħha fuq l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tal-Krajský súd v Košiciach tal-14 ta’ Lulju 2004 u li ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky tas-27 ta’ April 2006 meta ffissat l-ammont tal-għajnuna mill-Istat. B’hekk, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.     Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq ksur ta’ regola proċedurali essenzjali u tal-Artikolu 33 KE

 L-argumenti tal-partijiet

55      Ir-rikorrenti ssostni, minn naħa, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi ksur ta’ regola proċedurali essenzjali u għandha, konsegwentement, tiġi annullata. Fil-fehma tagħha, sa fejn hija kienet tipproduċi prinċipalment prodotti agrikoli li jaqgħu taħt l-Anness 1 tat-Trattat KE fiż-żmien meta l-miżura inkwistjoni ġiet adottata, id-Direttorat Ġenerali (DĠ) kompetenti fi ħdan il-Kummissjoni sabiex twettaq l-investigazzjoni u tieħu l-passi li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet id-DĠ “Agrikoltura u Żvilupp Rurali” u mhux id-DĠ “Kompetizzjoni”. Għal dawn l-istess motivi, id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali u d-deċiżjoni kkontestata kien imisshom ġew iffirmati mill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-argrikoltura u l-iżvilupp rurali u mhux mill-membru responsabbli għall-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, l-għanijiet tal-Artikolu 33 KE.

56      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti insostenn tat-tieni motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

57      Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq ksur ta’ regola proċedurali essenzjali, għandu jiġi rrilevat li din hija bbażata fuq il-premessa li, fiż-żmien meta l-miżura inkwistjoni ġiet akkordata, ir-rikorrenti kienet tipproduċi prinċipalment prodotti agrikoli li jaqgħu taħt l-Anness 1 tat-Trattat KE, b’mod illi biss id-DĠ “Agrikoltura u Żvilupp Rurali” u l-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali kienu kompetenti biex iwettqu investigazzjoni relattiva għall-miżura inkwistjoni u biex jadottaw id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata.

58      Hekk kif issosnti l-Kummissjoni, mill-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tal-24 ta’ Ottubru 2005, u iktar preċiżament mit-tabella 1 li tinsab fl-imsemmija osservazzjonijiet, jirriżulta b’mod espliċitu li, fl-2004, id-dħul mill-bejgħ totali tar-rikorrenti kien ta’ madwar SKK 880.3 miljun u d-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-attivitajiet relatati mal-produzzjoni tal-alkoħol u tal-ispriti kien ta’ madwar SKK 728.8 miljun. Dawn l-attivitajiet imsemmija l-aħħar b’hekk kienu jiġġeneraw dħul mill-bejgħ li jirrappreżenta iktar minn 82 % tad-dħul mill-bejgħ totali tar-rikorrenti. Għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl ta’ din il-perċentwali għolja tad-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-attivitajiet tagħha relatati mal-produzzjoni tal-alkoħol u l-ispirti, ir-rikorrenti ma wrietx li l-attiviatjiet tagħha marbtuin mal-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli, li kienu jaqgħu taħt l-Anness 1 tat-Trattat KE meta ġiet adottata l-miżura inkwistjoni, kienu jiddominaw l-attivitajiet imsemmija l-ewwel. Għaldaqstant, fid-dawl tal-provi li jinsabu fil-proċess, għandu jiġi kkonstatat li, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, il-maġġoranza tad-dħul mill-bejgħ totali tar-rikorrenti kienet tirriżulta mill-attivitajiet tagħha marbutin mal-produzzjoni tal-alkoħol u tal-ispirti. B’hekk, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala manifestament infondata abbażi tal-fatti.

59      Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-għanijiet tal-Artikolu 33 KE, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut, u l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati. Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex rikors ikun ammissibbli, il-punti ta’ fatt u ta’ liġi essenzjali li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors għandhom jirriżultaw, minn tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra p. II‑3601, punt 94, u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma pprovdietx punti ta’ fatt jew ta’ liġi insostenn tal-ilment tagħha bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 33 KE. B’hekk, hija ma pprovdietx, skont l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, sunt tat-tieni parti tat-tieni motiv. Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala manifestament inammissibbli.

61      Mis-suespost jirriżulta li l-ewwel u t-tieni partijiet tat-tieni motiv, għandhom jiġu miċħuda; fir-rigward tal-ewwel parti, bħala manifestament infondata abbażi tal-fatti u, fir-rigward tat-tieni parti, bħala manifestament inammissibbli.

3.     Fuq it-tielet motiv ibbażat fuq ksur tat-Taqsima 3 tal-Anness IV tat-Trattat ta’ Adeżjoni, tal-Artikolu 253 KE, tal-Artikolu 88 KE u tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, inkwantu l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata

 L-argumenti tal-partijiet

62      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex teżamina l-miżura inkwistjoni. Hija ssotni li, anki jekk jitqies li din il-miżura kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 KE, din ingħatat u ġiet implementata meta l-amministrazzjoni fiskali Slovakka kienet, qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 (iktar ’il quddiem l-“adeżjoni tar-Repubblika Slovakka”), iddeċidiet li ma tibdiex proċedura ta’ stralċ mill-qorti u proċedura ta’ eżekuzzjoni fiskali. Hija ssostni li, meta nbdiet il-proċedura ta’ ftehim fid-29 ta’ April 2004, hija setgħet leġittimament taħseb li l-amministrazzjoni fiskali Slovakka kienet ser teżegwixxi l-atti formali kollha neċessarji għall-implementazzjoni tal-ftehim. Wara din id-data, l-approvazzjoni tal-proposta tal-ftehim fis-seduta fir-rigward tal-ftehim tad-9 ta’ Lulju 2004 kienet biss formalità. Hija żżid li l-miżura inkwistjoni ma kinitx għadha applikabbli wara d-data msemmija l-aħħar. Konsegwentement, l-imsemmija miżura tikkostitwixxi għajnuna eżistenti u mhux għajnuna ġdida b’mod li l-Kummissjoni ma hijiex kompetenti titlob l-irkupru tagħha skont l-Artikolu 88(2) KE u l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

63      B’mod iktar preċiż, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata hija kontradittorja għal dak li jirrigwarda l-mument meta ngħatat għajnuna mill-Istat f’dan il-każ. Minn naħa, il-Kummissjoni tiċċita s-sentenza Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, insostenn tal-evalwazzjoni tagħha li l-miżura inkwsitjoni ngħatat biss meta ġie adottat l-att vinkolanti legalment, jiġifieri fid-9 ta’ Lulju 2004. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fuq il-fatt li l-amministrazzjoni fiskali Slovakka ma kinitx implementat “il-proċedura xierqa qabel ma nbiet il-proċedura ta’ ftehim”. Issa, kemm mill-prassi amministrattiva tal-Kummissjoni kif ukoll mill-ġurisprudenza jirriżulta li f’diversi każijiet, ġie konkluż li teżisti għajnuna minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni, anki jekk ma kien jeżisti ebda dokument formali vinkolanti legalment.

64      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-miżura inkwistjoni ma kinitx għadha applikabbli wara l-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-ftehim ma kien joħloq ebda obbligu għar-Repubblika Slovakka wara l-adeżjoni, peress li ebda ħlas u ebda remissjoni ta’ dejn addizzjonali ma kienet meħtieġa.

65      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti insostenn tat-tielet motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

66      Fil-premessi 61 sa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li parti mill-fatti rilevanti f’dan il-każ ġrat qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka. Hija mbagħad indikat li l-miżuri implementati wara l-imsemmija adeżjoni kienu jaqgħu kjarament taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni, b’mod konformi mat-Trattat KE u speċifikat li, fil-fehma tagħha, il-kriterju rilevanti sabiex jiġi ddeterminat il-mument meta miżura partikolari tiġi implementata huwa dak tal-att vinkolanti legalment li permezz tiegħu “l-awtorità nazzjonali kompetenti twiegħed li tagħti l-għajnuna”. F’dan il-każ, hija kkunsidrat, minn naħa, li l-proposta li tinbeda proċedura ta’ ftehim ma kinitx att li joriġina mill-“awtorità li tagħti l-għajnuna”, iżda “att li joriġina mill-benefiċjarju” u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni tal-qorti li tawtorizza l-proċedura ta’ ftehim ma kinitx att li joriġina mill-“awtorità li tagħti l-għajnuna”. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li ma kienet teżisti ebda prova li d-direttorat ġenerali tat-taxxi Slovakk kien wera l-kunsens tiegħu fir-rigward tal-miżura inkwistjoni fil-laqgħa ta’ Diċembru 2003. Għall-kuntrarju, l-awtoritajiet Slovakki nnegaw l-eżistenza ta’ xi kunsens minn qabel ta’ dan it-tip. Skont il-Kummissjoni, id-“deċiżjoni tal-awtorità kompetenti li tirrinunzja għal parti mill-krediti” ttieħdet fid-9 ta’ Lulju 2004, jiġifieri wara l-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka, meta l-awtorità fiskali lokali tat il-kunsens tagħha għall-proposta ta’ ftehim tar-rikorrenti. B’hekk, hija kkunsidrat li kienet kompetenti sabiex “tevalwa” l-miżura inkwistjoni, b’mod konformi mal-Artikolu 88 KE.

67      It-tielet motiv, ibbażat fuq l-inkompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, huwa bbażat fuq il-premessa li l-miżura inkwistjoni ġiet akkordata qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka.

68      Sabiex tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-fondatezza tat-tielet motiv, għandu jitqies bħala kriterju rilevanti dak tal-“att vinkolanti legalment li permezz tiegħu l-awtorità nazzjonali kompetenti twiegħed li tagħti l-għajnuna” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punt 74).

69      F’dan ir-rigward, għandu fl-ewwel lok jiġi identifikat l-għan tal-miżura inkwistjoni. Skont ir-rikorrenti, il-miżura inkwistjoni ngħatat qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka, meta l-awtorità fiskali lokali ddeċidiet li ma tibdiex il-proċedura ta’ stralċ mill-qorti jew il-proċedura ta’ eżekuzzjoni fiskali.

70      Hekk kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, għandu jiġi kkunsidrat li deċiżjoni ta’ awtorità ta’ Stat Membru li ma tibdiex proċedura ta’ stralċ mill-qorti jew proċedura ta’ eżekuzzjoni fiskali hija differenti minn deċiżjoni li tapprova proposta ta’ ftehim, li f’dan il-każ kienet tfisser li l-awtorità fiskali kienet ser tirrinunzja għal 65 % tal-krediti tagħha dovuti mir-rikorrenti. Fil-fatt, filwaqt li kull ma tagħmel deċiżjoni ta’ kreditur li ma jibdiex proċedura ta’ stralċ mill-qorti jew proċedura ta’ eżekuzzjoni fiskali huwa li tipposponi l-irkupru sfurzat eventwali tal-kreditu, id-deċiżjoni ta’ dan il-kreditur li japprova proposta ta’ ftehim timplika, jekk il-ftehim jiġi approvat mill-qorti kompetenti, li l-imsemmi kreditur jirrinunzja b’mod definittiv għal dan il-kreditu tiegħu jew għal parti minnu. Għaldaqstant, dawn iż-żewġ deċiżjonijiet huma kjarament differenti minn xulxin.

71      Bl-istess mod, kif jirriżulta espliċitament mit-termini kemm tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali kif ukoll mid-deċiżjoni kkontestata, il-miżura inkwistjoni tikkonsisti esklużivament f’remissjoni mill-awtorità fiskali lokali għal 65 % tal-krediti tagħha dovuti mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ ftehim. Il-miżura inkwistjoni f’ebda każ ma tikkonċerna deċiżjoni tal-awtorità fiskali lokali li ma tibdiex proċedura ta’ stralċ mill-qorti jew proċedura ta’ eżekuzzjoni fiskali.

72      Għaldaqstant, sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tat-tielet motiv ibbażat fuq l-inkompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi ddeterminat biss f’liema mument ġiet adottata d-deċiżjoni tal-awtorità fiskali lokali li tapprova l-proposta ta’ ftehim tar-rikorrenti.

73      Prinċipalment, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti tafferma li, fid-deċiżjoni tad-29 ta’ April 2004, il-Krajský súd v Košiciach awtorizzat il-proċedura ta’ ftehim. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li, f’din l-istess deċiżjoni, il-Krajský súd v Košiciach awtorizzat biss li tinbeda l-proċedura ta’ ftehim. Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata l-portata tad-deċiżjoni tal-Krajský súd v Košiciach tad-29 ta’ April 2004, inkwantu, insostenn tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-miżura inkwistjoni ġiet adottata qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka, b’mod li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex teżamina l-kompatibbiltà tal-imsemmija miżura mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE.

74      F’dan ir-rigward, qabel kollox, mid-dipożizzjonijiet tal-liġi fuq l-istralċ mill-qorti u l-ftehim, u b’mod partikolari mill-Artikolu 50 tal-imsemmija liġi, jirriżulta li, qabel kull approvazzjoni ta’ ftehim, il-qorti għandha tikkonstata f’deċiżjoni li l-kundizzjonijiet sabiex jingħata bidu għal proċedura ta’ ftehim huma sodisfatti. F’ebda każ, id-deċiżjoni tal-Krajský súd v Košiciach tad-29 ta’ April 2004 ma tista’ tikkostitwixxi deċiżjoni li tapprova l-ftehim f’dan il-każ.

75      Fil-fatt, minn naħa, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 58(1) tal-liġi fuq l-istralċ mill-qorti u l-ftehim, il-kredituri kkonċernati li ġabu l-prova tal-krediti tagħhom jistgħu jagħmlu proposti jew dikjarazzjonijiet u jivvutaw bil-miktub fuq il-proposta ta’ ftehim, u dan qabel ma tinżamm is-seduta fir-rigward tal-ftehim previst fl-Artikolu 58(2) tal-imsemmija liġi.

76      Min-naħa l-oħra, b’mod konformi mal-Artikolu 50(3)(b) u l-Artikolu 58(2) tal-liġi fuq l-istralċ mill-qorti u l-ftehim, il-ftuħ tal-proċedura ta’ ftehim għandu jippermetti lill-qorti tikkonstata, matul seduta fir-rigward tal-ftehim, min huma l-kredituri kkonċernati li japprovaw u min huma dawk li ma japprovawx il-proposta ta’ ftehim. Huwa biss jekk il-kundizzjonijiet ta’ maġġoranza previsti fl-Artikoli 58a u 58b tal-liġi fuq l-istralċ mill-qorti u l-ftehim huma sodisfatti, u jekk jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 60 u 61 tal-imsemmija liġi, li l-qorti tista’ tiddeċiedi li tapprova l-ftehim. Għaldaqstant, mid-dispożizzjonijiet tal-liġi fuq l-istralċ mill-qorti u l-ftehim jirriżulta li huwa biss wara li jingħata bidu għal proċedura ta’ ftehim u wara li l-kredituri kkonċernati jġibu l-prova tal-krediti tagħhom u jkunu ġew mistiedna, l-iktar tard matul seduta fir-rigward tal-ftehim, jivvutaw favur il-ftehim, li tista’ tiġi adottata deċiżjoni li tapprova ftehim.

77      Mit-termini stess tad-deċiżjoni tal-Krajský súd v Košiciach tad-29 ta’ April 2004 jirriżulta li din il-qorti stiednet lill-kredituri kkonċernati jġibu l-prova, fi żmien għaxar ġimgħat, tal-krediti tagħhom sabiex jinvokawhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ ftehim, sejħet seduta fir-rigward tal-ftehim fid-9 ta’ Lulju 2004 u rriproduċiet il-modalitajiet tal-ftehim kif ifformulati fil-proposta ta’ ftehim tar-rikorrenti tat-8 ta’ Marzu 2004.

78      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, fl-osservazzjonijiet tagħha tal-24 ta’ Ottubru 2005, ir-rikorrenti indikat li, fid-29 ta’ April 2004, il-Krajský súd v Košiciach kienet awtorizzat l-ewwel stadju tal-proċedura ta’ ftehim, fis-sens li l-kundizzjonijiet proċedurali u sostantivi meħtieġa kienu sodisfatti. Hija żiedet ukoll li t-tieni stadju tal-proċedura ta’ ftehim kien ġie ffinalizzat bl-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Lulju 2004 li permezz tagħha l-Krajský súd v Košiciach kienet approvat il-ftehim.

79      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 74 sa 78 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni tal-Krajský súd v Košiciach tad-29 ta’ April 2004 ma tikkostitwixxix att vinkolanti legalment fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 68 iktar ’il fuq. Permezz tal-imsemmija deċiżjoni, il-Krajský súd v Košiciach ikkonstatat sempliċiment li, f’dan il-każ, kienu sodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex tinbeda proċedura ta’ ftehim.

80      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-effetti ta’ deċiżjoni li tinbeda proċedura ta’ ftehim, huwa paċifiku li, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli f’dan il-każ, din id-deċiżjoni ċċaħħad b’mod partikolari lid-debitur kif ukoll lill-kredituri tiegħu mid-dritt li jibdew proċedura ta’ stralċ mill-qorti waqt li tkun għaddejja l-proċedura ta’ ftehim. Madankollu, l-Artikolu 66 tal-liġi fuq l-istralċ mill-qorti u l-ftehim jipprovdi li, meta l-proposta ta’ ftehim ma tiġix approvata mill-kredituri kkonċernati, il-qorti għandha ġġib fi tmiem il-proċedura ta’ ftehim. Minn dak il-mument ’il quddiem, il-kredituri kkonċernati b’hekk jistgħu jibdew proċedura ta’ stralċ mill-qorti.

81      Fit-tielet lok, huwa paċifiku li l-amministrazzjoni fiskali Slovakka kellha f’dan il-każ il-kwalità ta’ kreditur privileġġjat. Huwa paċifiku wkoll li, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi fuq l-istralċ mill-qorti u l-ftehim, proposta ta’ ftehim għandha tiġi approvata mill-kredituri privileġġjati sabiex il-ftehim ikun jista’ jiġi approvat mill-qorti. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, mill-atti li jinsabu fil-proċess ma jirriżultax li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Krajský súd v Košiciach tad-29 ta’ April 2004, ir-rikorrenti rċeviet, mingħand l-awtorità fiskali lokali, xi garanzija li l-proposta tagħha ta’ ftehim tat-8 ta’ Marzu 2004 kienet ser tiġi approvata. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun issostni li l-miżura inkwistjoni kienet ġiet akkordata mir-Repubblika Slovakka qabel l-1 ta’ Mejju 2004.

82      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata, l-awtoritajiet Slovakki, darbtejn fl-2004, indikaw b’mod formali l-oppożizzjoni tagħhom għall-approvazzjoni tal-proposta ta’ ftehim tar-rikorrenti. B’ittra tal-15 ta’ Jannar 2004, il-Ministeru tal-Finanzi Slovakk stieden lid-direttorat ġenerali tat-taxxi Slovakk sabiex ma jaċċettax il-proposti ta’ ftehim li kienu jinvolvu r-remissjoni ta’ krediti fiskali. B’ittra tas-6 ta’ Lulju 2004, l-imsemmi direttorat ġenerali tat-taxxi Slovakk stieden lill-awtorità fiskali sabiex ma taċċettax il-proposta ta’ ftehim tar-rikorrenti.

83      Ċertament, mill-atti li jinsabu fil-proċess jirriżulta li, fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Marzu 2006, l-iŠpeciálny súd v Pezinku kkunsidrat li l-ittri tal-15 ta’ Jannar u tas-6 ta’ Lulju 2004 ma kellhom ebda effett vinkolanti. Madankollu, anki fin-nuqqas ta’ effett vinkolanti tal-imsemmija ittri, tali rakkomandazzjonijet kienu juru b’mod partikolarment ċar pożizzjoni tad-direttorat ġenerali tat-taxxi Slovakk. Din tal-aħħar mhux biss ma kinitx taqbel mal-proposta ta’ ftehim tar-rikorrenti, iżda wkoll, b’mod iktar ġenerali, ma kienet favur ebda remissjoni ta’ dejn fiskali fit-territorju tar-Repubblika Slovakka. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli fid-deċiżjoni kkontestata kkunsidrat l-ittri tal-15 ta’ Jannar u tas-6 ta’ Lulju 2004 bħala fatturi li jistgħu juru n-nuqqas ta’ qbil tal-awtoritajiet Slovakki fir-rigward tal-proposta ta’ ftehim tar-rikorrenti.

84      Hekk kif jirriżulta mill-atti li jinsabu fil-proċess, l-awtorità fiskali lokali fformalizzat il-qbil tagħha mal-proposta ta’ ftehim tar-rikorrenti biss matul is-seduta fir-rigward tal-ftehim tad-9 ta’ Lulju 2004. Fil-fatt, huwa paċifiku li kien abbażi tal-qbil unanimu tal-kredituri tar-rikorrenti li l-Krajský súd v Košiciach adottat id-deċiżjoni tagħha li tapprova l-ftehim fl-14 ta’ Lulju 2004.

85      Qabel id-9 ta’ Lulju 2004, l-amministrazzjoni fiskali Slovakka, fil-kwalità tagħha ta’ kreditur privileġġjat, setgħet topponi l-proposta ta’ ftehim tar-rikorrenti, ħaġa li kienet twassal awtomatikament għall-għeluq mill-Krajský súd v Košiciach tal-proċedura ta’ ftehim li nfetħet fid-29 ta’ April 2004. Fil-fatt, huwa paċifiku bejn il-partijiet li, fin-nuqqas ta’ tali approvazzjoni min-naħa tal-awtorità fiskali lokali, peress li din kienet kreditur privileġġjat tar-rikorrenti, il-Krajský súd v Košiciach ma kinitx tkun tista’ tapprova l-ftehim. Għaldaqstant, sad-9 ta’ Lulju 2004, l-awtorità fiskali lokali setgħet tuża l-veto tagħha kontra l-proposta ta’ ftehim tar-rikorrenti u, konsegwentement, kien ikollha d-dritt tibda jew proċedura ta’ eżekuzzjoni fiskali, jew proċedura ta’ stralċ mill-qorti wara l-għeluq mill-Krajský súd v Košiciach tal-proċedura ta’ ftehim. Minbarra dan, mill-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tal-24 ta’ Ottubru 2005, jirriżulta li din tafferma, sabiex turi li l-awtorità fiskali lokali kienet konvinta li s-soluzzjoni ta’ ftehim, li din tal-aħħar kienet approvat fid-9 ta’ Lulju 2004, kienet preferibbli għal dik ta’ stralċ mill-qorti, li l-imsemmija awtorità setgħet intervjeniet fi stadji differenti tal-proċedura ta’ ftehim sabiex twaqqaf lil dan il-ftehim milli jsir. Jidher li din l-affermazzjoni tikkontradixxi l-argument tar-rikorrenti li l-miżura inkwistjoni ġiet akkordata qabel id-29 ta’ April 2004.

86      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha suesposti jirriżulta li, f’dan il-każ, huwa biss wara li l-awtorità fiskali lokali approvat b’mod formali l-proposta ta’ ftehim, jiġifieri fid-9 ta’ Lulju 2004, li l-imsemmija awtorità ħadet id-deċiżjoni tagħha li tirrinunzja għal 65 % tal-krediti tagħha dovuti mir-rikorrenti. B’hekk, kien wara l-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka li ġie adottat l-att vinkolanti legalment li permezz tiegħu l-awtoritajiet Slovakki impenjaw ruħhom biex jakkordaw il-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni.

87      Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

4.     Fuq ir-raba’, il-ħames, is-sitt, is-seba’, it-tmien u d-disa’ motivi bbażati, essenzjalment, fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt imwettqa fir-rigward tal-kwalifika tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE

 Osservazzjonijiet preliminari

88      Għandu jiġi rrilevat li r-raba’ u l-ħames motivi huma bbażati rispettivament fuq żball ta’ liġi u ta’ fatt, inkwantu l-Kummissjoni qieset li l-proċedura ta’ stralċ mill-qorti kienet iktar favorevoli minn dik ta’ ftehim u fuq żball ta’ liġi u ta’ fatt inkwantu l-Kummissjoni qieset li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni fiskali kienet iktar favorevoli minn dik ta’ ftehim.

89      Mill-premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex teżamina jekk il-miżura inkwistjoni setgħetx tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tad-dispożizzjonijet tal-Artikolu 87(1) KE, il-Kummissjoni użat il-kriterju ta’ kreditur privat f’ekonomija tas-suq. Għal dan il-għan, hija eżaminat jekk il-benefiċċju li l-amministrazzjoni fiskali tar-Repubblika Slovakka setgħet tgawdi mill-proċedura ta’ ftehim kienx aħjar minn dak li setgħet tgawdi bħala riżultat ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti jew proċedura ta’ eżekuzzjoni fiskali. B’hekk, kien biżżejjed li waħda minn dawn il-proċeduri tkun iktar vantaġġuża mill-proċedura ta’ ftehim sabiex il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi li l-kriterju ta’ kreditur privat f’ekonomija tas-suq ma kienx ġie rrispettat f’dan il-każ u, b’hekk, li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

90      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li s-sitt, is-seba’, it-tmien u d-disa’ premessi, inkwantu huma intiżi li jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkwalifika l-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, huma marbutin jew mar-raba’ motiv, jew mal-ħames motiv.

91      Għaldaqstant, fl-ewwel lok, fir-rigward tar-raba’ motiv u tas-sitt, is-seba’, it-tmien u d-disa’ motivi, sa fejn huma marbutin mar-raba’ motiv, għandha tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu l-Kummissjoni kkunsidrat li l-proċedura ta’ stralċ mill-qorti kienet iktar favorevoli minn dik ta’ ftehim.

92      Huwa biss jekk jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kellha żball tikkunsidra li l-proċedura ta’ stralċ mill-qorti kienet iktar favorevoli minn dik ta’ ftehim, li jkollha, fit-tieni lok, tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u dan, fir-rigward tal-ħames motiv u tas-sitt, is-seba’, it-tmien u d-disa’ motivi, sa fejn dawn huma marbutin mal-ħames motiv, inkwantu l-Kummissjoni kkunsidrat li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni fiskali kienet iktar favorevoli minn dik ta’ ftehim.

 Fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu l-Kummissjoni kkunsidrat li l-proċedura ta’ stralċ mill-qorti kienet iktar favorevoli minn dik ta’ ftehim

 Fuq l-argumenti żviluppati fil-kuntest tar-raba’ motiv

–       L-argumenti tal-partijiet

93      Ir-rikorrenti ssostni li l-ftehim ma jagħtihiex vantaġġ kompetittiv, peress li l-amministrazzjoni fiskali Slovakka kienet aġixxiet bħala kreditur privat li għandu l-għan waħdieni li jimmassimizza d-dħul għar-Repubblika Slovakka. Fil-fehma tagħha, mhux biss il-ftehim ma kienx jagħtiha vantaġġ “manifestament ikbar”, iżda jikkostitwixxi wkoll l-għażla evidenti ta’ kull kreditur privat bejn, minn naħa, l-eżekuzzjoni parzjali iżda immedjata ta’ kreditu u, min-naħa l-oħra, proċedura ta’ stralċ mill-qorti twila u għalja, li tinvolvi r-riskju li jinkiseb ammont iżgħar minn dak li jirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ ftehim. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tasal għal konklużjoni differenti, peress illi tibbaża ruħha fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti, konklużjonijiet żbaljati, suppożizzjonijiet infondati u affermazzjonijiet mhux sostanzjati, li saru minn Stat Membru li, mill-bidu nett, u għal raġunijiet mhux ċari u suspettużi, ammetta li kien ta għajnuna mill-Istat illegali.

94      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tinvoka n-nuqqas li jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni t-tul tal-proċedura ta’ stralċ mill-qorti fis-Slovakkja u r-rapporti ta’ terzi f’dan ir-rigward. Hija ssostni li d-differenza li l-iktar tolqot lil dak li jkun bejn il-proċedura ta’ ftehim u l-proċedura ta’ stralċ mill-qorti tikkonċerna t-tul rispettiv ta’ dawn il-proċeduri. Filwaqt li, meta jiġi eżegwit ftehim, l-ammonti li jkunu għadhom dovuti jitħallsu lill-kredituri fix-xhur segwenti, il-qligħ mill-bejgħ tal-attiv tagħha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti jingħata lill-kredituri biss wara proċedura ħafna itwal. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tippretendi li l-Kummissjoni rrikonoxxiet fir-risposta tagħha li ma ppruvatx tifforma opinjoni fuq il-kwistjoni tat-tul probabbli ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti tal-attiv tagħha. B’hekk, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-“dħul mill-interessi mitlufa” meta qabblet il-proċedura ta’ stralċ mill-qorti ma’ dik ta’ ftehim.

95      Skont ir-rikorrenti, anki jekk dawn il-fatturi setgħu jwasslu għal proċedura ta’ stralċ mill-qorti iktar mgħaġġla mis-soltu, il-Kummissjoni jmissha ħadet inkunsiderazzjoni d-diversi fatturi ta’ dan il-każ li setgħu jtawwlu l-imsemmija proċedura. F’dan ir-rigward, hija ssostni li, peress illi l-maġġoranza tal-attiv tagħha kienet tikkonsisti f’magni speċifiċi għall-produzzjoni u l-ipproċessar ta’ xarbiet b’mod partikolari, in-numru ta’ xerrejja potenzjali kien limitat. Barra minn hekk, ġeografikament, il-post fejn kienu jinsabu kien jikkostitwixxi żvantaġġ għal dak li jikkonċerna t-trasport u l-persunal ikkwalifikat. Hija b’hekk issostni li kemm il-proprjetà immobbli tagħha kif ukoll il-mezzi ta’ produzzjoni ma kellhom ebda valur għal produttur kbir ta’ spirti stabbilit fis-Slovakkja u li dawn kienu jinbigħu diffiċilment.

96      Ir-rikorrenti ssostni li informazzjoni minn sorsi differenti fuq it-tul medju tal-proċedura ta’ stralċ mill-qorti fis-Slovakkja kienet ingħatat lill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni. L-ewwel nett, hija tafferma li kkomunikat lill-Kummissjoni, permezz ta’ dokument anness mal-osservazzjonijiet tagħha tal-24 ta’ Ottubru 2005, rapport tal-Bank Dinji tal-2004 li minnu jirriżulta li t-tul medju ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti fis-Slovakkja, f’sitwazzjoni ideali, kien ta’ erba’ snin u tmien xhur. Barra minn hekk, minn rapport tal-Bank Dinji tal-2002, mehmuż bħala anness mar-rikors, jirrizulta wkoll li l-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarja hija l-agħar għażla għal kreditur u ddum bejn tliet snin u seba’ snin u li l-kredituri privileġġjati jsemmu rata ta’ rkupru tal-krediti tagħhom eċċezzjonalment baxxa, ta’ bejn 5 sa 10 % wara li jitħallsu l-ispejjeż amministrattivi. It-tieni nett, hija tosserva li, f’rapport tal-2004, ikkomunikat lill-Kummissjoni permezz ta’ dokument anness mal-osservazzjonijiet tagħha tal-24 ta’ Ottubru 2005, il-Ministeru tal-Ġustizzja Slovakk evalwa t-tul ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti fis-Slovakkja għal bejn tliet snin u seba’ snin. It-tielet nett, mir-rapport H jirriżulta li [kunfidenzjali]. Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni semmiet, fir-rapporti tagħha tal-2002 u tal-2003 fuq il-progressi miksubin mir-Repubblika Slovakka li kienet miexja lejn l-adeżjoni mal-Unjoni, xi diffikultajiet u titjib neċessarju fir-rigward tal-proċeduri li għandhom x’jaqsmu mal-istralċ mill-qorti u l-falliment.

97      Skont ir-rikorrenti, anki jekk jitqies li l-qligħ mill-bejgħ tal-attiv tagħha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti li jissemma’ fid-deċiżjoni kkontestata ġie kkalkolat abbażi tal-koeffiċjent applikat fir-rapport E, huwa evidenti li anki l-kreditur privat l-iktar ottimist kien jagħżel li jirċievi 225 miljun SKK f’Diċembru 2004 iktar milli jirċievi, eventwalment, sa SKK 239 miljun (SKK 275 miljun li jikkorrispondu għall-qligħ totali probabbli mill-bejgħ tal-attiv tagħha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti li minnhom jitnaqqsu għall-inqas SKK 36 miljun li jikkorrispondu għall-ispejjeż ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti) fi żmien bejn “perijodu iqsar mill-medja” u seba’ snin. Ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl, minn naħa, tad-differenza ta’ SKK 14-il miljun bejn l-ammont li jista’ jinġabar jekk jiġi eżegwit il-ftehim u dak li jista’ jinġabar fil-kuntest ta’ stralċ mill-qorti u, min-naħa l-oħra, tar-rata ta’ tnaqqis ta’ 5.1 % applikabbli f’Marzu 2004, il-proċedura ta’ likwidazzjoni jkollha ddum mhux inqas minn tlettax-il xahar u nofs sabiex kreditur privat jagħżel il-proċedura ta’ stralċ mill-qorti minflok dik ta’ ftehim. Perijodu daqshekk qasir huwa inkonċepibbli f’dan il-każ.

98      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tinvoka n-nuqqas li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti fis-Slovakkja u r-rapporti ta’ terzi f’dan ir-rigward. Hija ssostni li l-ispejjeż kienu jammontaw, skont ir-rapport E, għal [kunfidenzjali] SKK, jiġifieri [kunfidenzjali] tal-qligħ mill-bejgħ tal-attiv tagħha, evalwat għal [kunfidenzjali] SKK, fil-kuntest ta’ tali proċedura u, skont ir-rapport K, għal [kunfidenzjali] SKK, jiġifieri [kunfidenzjali] tal-qligħ mill-bejgħ tal-attiv, evalwat għal [kunfidenzjali] SKK, fil-kuntest ta’ tali proċedura. Il-Kummissjoni naqqset mil-qligħ mill-bejgħ tal-attiv fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti, li ġie evalwat għal SKK 275 miljun, ammont ta’ SKK 36 miljun li jikkorrispondi għall-ispejjeż ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti li, fir-realtà, jikkorrispondi għall-ispejjeż assoċjati ma’ qligħ mill-bejgħ tal-attiv tagħha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti evalwat għal SKK 204 miljun. Il-proporzjon relattiv tal-ispejjeż b’relazzjoni mal-imsemmi qligħ jonqos iktar ma l-qligħ jiżdied. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha żball tqis li l-ispejjeż imsemmija fir-rapport K kienu inqas minn dawk imsemmija fir-rapport E. Ir-rikorrenti żżid li, meta bbażat ruħha fuq l-ispejjeż ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti fis-Slovakkja kif evalwati fir-rapport tal-Bank Dinji tal-2004, li jikkorrispondu għal 18 % tal-qligħ mill-bejgħ tal-attiv fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Kummissjoni kkonstatat li l-qligħ totali mistenni, abbażi tal-informazzjoni tas-17 ta’ Ġunju 2004, kien inqas jew ekwivalenti għall-ammont tal-qligħ tal-ftehim. L-argument tal-Kummissjoni li amministratur ta’ stralċ mill-qorti kien ikompli l-proċess ta’ produzzjoni ma huwiex “konvinċenti”, inkwantu l-liċenzja tagħha għall-produzzjoni u l-iproċessar tal-alkoħol u l-ispirti kienet ġiet irtirata u għalhekk ma setgħetx tipproduċi iktar spirti.

99      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni x-xogħol żejjed u l-ispejjeż amministrattivi li kienet taffaċċja f’każ li tinbeda proċedura ta’ stralċ mill-qorti. Hija ssostni li, mhux biss kien ikollha tkompli tħallas is-salarji tal-impjegati tagħha u l-ispejjeż tal-operat, iżda wkoll, probabbilment, kienet, bil-mod, ittemm il-kuntratti ta’ xogħol u, għaldaqstant, kien ikollha tħallas kumpens għat-tkeċċija.

100    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni preċedent fis-suq Slovakk tal-ispirti, li kreditur privat raġonevoli kien jieħu inkunsiderazzjoni. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li, fl-osservazzjonijiet tagħha tal-24 ta’ Ottubru 2005, hija kienet ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-istralċ mill-qorti ddikjarat ta’ Liehofruct White Lady Distillery, s.r.o. Levoča (iktar ’il quddiem “Liehofruct”). Hija ssostni li, bħalha, din l-impriża kienet saret il-proprjetarja ta’ distillerija ta’ spirti li preċedentement kienet tal-Istat u żżid li “l-awtoritajiet fiskali wkoll kienu l-ikbar kredituri”. Hija tosserva li l-proċedura ta’ stralċ mill-qorti ta’ Liehofruct kienet inbdiet f’Lulju 1999, li l-attiv ġie llikwidat wara għaxar sessjonijiet ta’ rkantijiet, li matulhom l-ogħla offerti ma qabżux it-30 % tal-valur stmat tal-impriża, u li, wara tmien snin, il-proċedura kienet għadha ma ngħalqitx. Dan juri li ma kienx faċli li jinstab xerrej għal distillerija b’tagħmir qadim fil-Lvant tas-Slovakkja.

101    B’risposta għall-argument tal-Kummissjoni li hija ma spjegatx kif l-istralċ mill-qorti ta’ Liehofruct kien simili għal tagħha, ir-rikorrenti ssostni li kienet il-Kummissjoni li kellha tinvestiga din il-kwistjoni preċiża u n-nuqqas ta’ azzjoni tagħha jikkostitwixxi żball manifest. Hija tikkontesta wkoll l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-attiv inbigħ bil-prezz tas-suq. Fil-fehma tagħha, kull kreditur privat raġonevoli jmissu jimmaġina li l-prezz tal-bejgħ tal-attiv tad-debitur tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti jkun inqas mill-prezz normali tas-suq.

102    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rapport tal-Ministeru tal-Ġustizzja Slovakk tal-2004, imsemmi fil-punt 96 iktar ’il fuq, li skontu l-kredituri privileġġjati rarament kien jirnexxilhom jirkupraw, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti, iktar minn 5 sa 10 % tal-krediti tagħhom mingħand kreditur fallut. Din l-affermazzjoni pessimista tikkontradixxi l-evalwazzjoni tal-proċedura ta’ stralċ mill-qorti pożittiva ħafna magħmula mill-awtoritajiet Slovakki f’dan il-każ. Billi ma qalet xejn fuq din il-kontradizzjoni, il-Kummissjoni b’hekk wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

103    Fir-replika, ir-rikorrenti tfakkar li l-evalwazzjoni tal-ammont ta’ assi likwidi għal [kunfidenzjali] SKK kienet tieħu inkunsiderazzjoni l-posponiment tat-termini għall-ħlas li kienet akkordatilha Old Herold wara li saret il-proposta ta’ ftehim u li inizjalment kien dovut f’Lulju 2004. Mingħajr ma kkontestat l-eżistenza ta’ dawn l-assi likwidi, ir-rikorrenti ssostni li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti, Old Herold, fil-kwalità tagħha ta’ kreditur, ukoll kien ikollha titħallas. Għaldaqstant, kreditur privat raġonevoli ma kienx jispera li jbigħ l-attiv mhux kurrenti, l-istokkijiet u l-krediti bi skadenza qasira għal iktar minn 63.3 miljun SKK, u dan wara li jitnaqqsu l-ispejjeż tas-salarji, dawk amministrattivi u legali kif ukoll il-ħlas parzjali tal-kredituri eżistenti li minnhom tagħmel parti Old Herold. Fl-aħħar lok, hija ssostni li l-madwar [kunfidenzjali] SKK miksubin mill-bejgħ tal-istokk tagħha lil Old Herold kienu bbażati fuq ftehim fit-tul konkluż ma’ Old Herold u fuq iċ-ċertezza ta’ din tal-aħħar fil-fatt li l-ftehim kien se jaħdem. Old Herold ma kinitx tixtri l-imsemmija stokkijiet f’sitwazzjoni ta’ falliment. Għaldaqstant, ma huwiex leġittimu li tali fondi jiġu kkunsidrati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-“qligħ finanzjarju potenzajli” ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti.

104    Ir-rikorrenti żżid li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li fir-rigward tal-assi likwidi, l-eżekuzzjoni fiskali setgħet issir sempliċiment permezz ta’ spussess, ma hijiex rilevanti inkwantu l-imsemmija assi likwidi kienu fi kwalunkwe każ irriżervati għall-amministrazzjoni fiskali Slovakka.

105    Il-Kummissjoni, sostuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti insostenn tar-raba’ motiv.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

106    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 49 iktar ’il fuq, il-legalità ta’ deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata skont l-informazzjoni li seta’ kellha l-Kummissjoni fil-mument meta adottatha.

107    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li huwa paċifiku li l-miżura inkwistjoni, li tikkonsisti f’remissjoni ta’ dejn mill-kredituri fil-kuntest ta’ ftehim approvat minnhom, tat vantaġġ lir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, il-partijiet ma jaqblux dwar il-kwistjoni jekk, f’dan il-każ, fid-dawl tal-kriterju ta’ kreditur privat f’ekonomija tas-suq, f’kundizzjonijiet normali tas-suq, ir-rikorrenti kinitx tikseb tali vantaġġ ekonomiku u, b’hekk, dwar il-kwistjoni jekk l-imsemmija miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

108    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sa fejn l-applikazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kriterju ta’ kreditur privat f’ekonomija tas-suq tinvolvi evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, bħall-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq, skont ġurisprudenza stabbilita, hija tkun is-suġġett ta’ stħarriġ limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 2004, Lenzing vs Il-Kummissjoni, T‑36/99, Ġabra p. II‑3597, punt 150, u l-ġurisprudenza ċċitata, ikkonfermata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, Ġabra p. I‑9947, punt 59).

109    Għandu jitfakkar ukoll li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fi kwistjonijiet ekonomiċi, dan ma jfissirx li l-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ informazzjoni ta’ natura ekonomika (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, Ġabra p. I‑987, punt 39, u Spanja vs Lenzing, punt 108 iktar ’il fuq, punt 56).

110    Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tal-Unjoni għandha mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi prodotti, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jinsiltu minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 1979, Racke, 98/78, Ġabra p. 69, punt 5; tat-22 ta’ Ottubru 1991, Nölle, C‑16/90, Ġabra p. I‑5163, punt 12, u tat-18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni, C‑326/05 P, Ġabra p. I‑6557, punt 76). Madankollu, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, hija ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni b’dik tagħha (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ April 2002, DSG vs Il-Kummissjoni, C‑323/00 P, Ġabra p. I‑3919, punt 43).

111    Fl-aħħar lok, fil-każijiet fejn istituzzjoni tal-Unjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ tal-osservanza ta’ ċerti garanziji proċedurali jieħu importanza fundamentali. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tispeċifika li, fost dawn il-garanziji, hemm l-obbligu fuq l-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u imparzjalità, l-aspetti rilevanti kollha tal-każ ineżami u li timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’mod suffiċjenti (sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14, u tas-7 ta’ Mejju 1992, Pesquerias De Bermeo u Naviera Laida vs Il-Kummissjoni, C‑258/90 u C‑259/90, Ġabra p. I‑2901, punt 26).

112    Għaldaqstant, l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu l-Kummissjoni kkunsidrat li l-kriterju ta’ kreditur privat f’ekonomija tas-suq ma kienx sodisfatt, għandu jkun limitat għal verifika tal-kwistjoni jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti.

113    Fit-tieni lok, sabiex jitwettaq dan l-istħarriġ ta’ legalità, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, l-erba’ parametri li ġejjin.

114    L-ewwel paramentru huwa l-kwalità ta’ kreditur, li barra minn hekk ma hijiex ikkontestata, tal-amministrazzjoni fiskali Slovakka, li akkordat il-miżura inkwistjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, organu pubbliku li jkun irrinunzja għal dejn għandu jiġi pparagunat ma’ kreditur privat li jkun qed jipprova jikseb il-ħlas tal-ammonti dovuti lilu minn debitur li jkun f’diffikultajiet finanzjarji. Il-kwalità ta’ kreditur għandha, fil-fatt, tiġi distinta minn dik ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq li jsegwi politika strutturali, globali u settorjali, u li jkun iggwidat minn aspettattivi ta’ profittabbiltà fit-tul mill-kapital investit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2002, HAMSA vs Il-Kummissjoni, T‑152/99, Ġabra p. II‑3049, punt 167, u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    It-tieni paramentru huwa l-kwalità, mhux ikkontestata mill-partijiet, ta’ kreditur privileġġjat tal-amministrazzjoni pubblika li akkordat il-miżura inkwistjoni. Fil-fatt, għandu jitfakkar li meta impriża li tkun ikkonfrontata b’deterjorament kbir fis-sitwazzjoni finanzjarja tagħha tipproponi ftehim, jew sensiela ta’ ftehim, għall-arranġament tad-dejn lill-kredituri tagħha sabiex jinstab rimedju għas-sitwazzjoni tagħha u jiġi evitat l-istralċ tagħha, kull kreditur għandu jagħmel għażla fir-rigward tal-ammont offrut lilu fil-kuntest tal-ftehim propost, minn naħa, u tal-ammont li jidhirlu li jkun jista’ jirkupra fi tmiem l-istralċ eventwali tal-impriża, min-naħa l-oħra. L-għażla tiegħu hija influwenzata minn sensiela ta’ fatturi, bħall-kwalità tiegħu ta’ kreditur ipotekarju, privileġġjat jew ordinarju, in-natura u l-portata tal-garanziji li jkollu, l-evalwazzjoni tiegħu tal-possibbiltajiet li l-impriża terġa’ tiġi fuq saqajha kif ukoll il-qligħ li jagħmel f’każ ta’ stralċ (sentenza HAMSA vs Il-Kummissjoni, punt 114 iktar ’il fuq, punt 168).

116    It-tielet paramentru huwa n-natura partikolarment prudenti tal-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li d-dħul mill-istralċ mill-qorti, kif evalwat mill-Kummissjoni fit-tabella 4 li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri SKK 275 miljun, jirrappreżenta evalwazzjoni a minima. Fil-fatt, il-valur deprezzat tal-attiv tar-rikorrenti msemmi f’din it-tabella kien ibbażat, minn naħa, l-iktar fuq l-informazzjoni mogħtija mir-rikorenti u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-informazzjoni tas-17 ta’ Ġunju 2004, fuq ir-riżultati tal-ispezzjoni li l-ammnistrazzjoni fiskali Slovakka kienet għamelt fl-uffiċini tar-rikorrenti fil-21 ta’ Ġunju 2004.

117    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li r-rikorrenti ma tqajjimx dubji dwar il-fondatezza tal-informazzjoni rrilevata mill-amministrazzjoni fiskali Slovakka fl-ispezzjoni tagħha tal-21 ta’ Ġunju 2004. Min-naħa l-oħra, mhux biss il-Kummissjoni wriet, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari min-noti ta’ qiegħ il-paġna Nru 20 u Nru 23 tad-deċiżjoni kkontestata, prekawzjoni kbira meta evalwat l-attiv, iżda applikat ukoll f’din it-tabella, hekk kif jirriżulta mill-premessi 84 sa 87 tad-deċiżjoni kkontestata, il-koeffiċjenti ta’ likwidazzjoni msemmija fir-rapport E, għalkemm ikkunsidrat dawn il-koeffiċjenti bħala dgħajfin wisq.

118    Barra minn hekk, fit-tabella 4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreżentat evalwazzjoni tal-qligħ mill-bejgħ tal-attiv mhux kurrenti tar-rikorrenti fis-17 ta’ Ġunju 2004 fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti fl-ammont ta’ SKK 90 miljun, meta l-valur deprezzat kien ta’ SKK 200 miljun. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li, sa fejn il-krediti tagħha kienu ggarantiti, skont ir-rikorrenti stess, sa għall-inqas SKK 194 miljun, l-ammont tal-qligħ li setgħet tagħmel mil-likwidazzjoni tal-attiv mhux kurrenti jmissu kien għall-inqas ugwali għall-valur tal-imsemmija krediti ggarantiti. Madankollu, fit-tabella 4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet ħsieb tapplika l-koeffiċjent ta’ likwidazzjoni msemmi fir-rapport E.

119    Fl-aħħar lok, fit-tabella 4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni applikat koeffiċjent ta’ likwidazzjoni ta’ 20 %, riprodott fir-rapport E, sabiex tikkalkola l-qligħ mill-bejgħ tal-istokkijiet tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti, filwaqt li, fis-17 ta’ Ġunju 2004, il-valur deprezzat tal-imsemmi stokk kien naqas b’SKK 125 miljun, jiġifieri tnaqqis ta’ 60 % meta mqabbel mal-istokk eżistenti f’Marzu 2004.

120    Mill-kunsiderazzjonijiet suesposti jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-qligħ mill-bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti fis-17 ta’ Ġunju 2004, kif tirriżulta mit-tabella 4 tad-deċiżjoni kkontestata, kienet tikkostitwixxi f’għajnejn il-Kummissjoni l-minimu strett li kien jieħu inkunsiderazzjoni kreditur privat sabiex jevalwa l-vantaġġi ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti meta mqabbla mal-qligħ mill-ftehim approvat fid-9 ta’ Lulju 2004.

121    Ir-raba’ parametru huwa r-remissjoni parzjali ta’ dejn tar-rikorrenti. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ proċedura ta’ ftehim, il-proċedura ta’ stralċ mill-qorti ma tippermettix lid-debitur jikseb mingħand il-kreditur tiegħu remissjoni ta’ dejn. Fi kliem ieħor, fi tmiem il-proċedura ta’ stralċ mill-qorti, jekk id-dħul mill-bejgħ tal-attiv ta’ debitur ma jkunx biżżejjed biex il-kredituri kollha tiegħu jitħallsu, dawn dejjem jistgħu jeżiġu l-ħlas lura tal-ammonti li jkunu għadhom dovuti mingħand id-debitur.

122    Huwa b’hekk fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet suesposti li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti insostenn tar-raba’ motiv.

123    L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-proċedura ta’ stralċ mill-qorti fis-Slovakkja u r-rapporti ta’ terzi f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni mhux biss indikat, fil-premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont ir-Repubblika Slovakka, it-tul ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il-każ, kien ikun iqsar mill-medja, iżda semmiet ukoll, fil-premessa 40 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont ir-rikorrenti, il-proċedura ta’ stralċ mill-qorti ddum, bħala medja, bejn tliet snin u seba’ snin fis-Slovakkja. Hija speċifikat li r-rikorrenti bbażat il-pożizzjoni tagħha fuq informazzjoni, statistika u eżempju ta’ kumpannija Slovakka li hija f’sitwazzjoni simili għal tagħha. B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li injorat din il-kwistjoni u l-pożizzjoni tar-rikorrenti f’dan ir-rigward.

124    Barra minn hekk, fir-rigward tal-provi li kellha l-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li l-informazzjoni stess ikkomunikata mir-rikorrenti ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ affidabbiltà u koerenza. Fil-fatt, l-evalwazzjonijiet dwar it-tul ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti fis-Slovakkja li r-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni kienu ġenerali u ma kinux jieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-każ inkwistjoni. Bl-istess mod, uħud minn dawn l-evalwazzjonijiet kienu approssimattivi u, sa ċertu punt, ma kinux jaqblu bejniethom. Fil-fatt, ir-rikorrenti tirreferi għal erba’ rapporti, imsemmija fil-punt 96 iktar ’il fuq, li fihom dan it-tul ġie evalwat għal erba’ snin u tmien xhur, għal perijodu ta’ bejn tliet snin u seba’ snin, jew għal iktar minn sitt snin, rispettivament.

125    Ir-rapporti l-oħra li tirreferi għalihom ir-rikorrenti huma rapporti tal-Kummissjoni tal-2002 u tal-2003 fuq il-progressi miksubin mir-Repubblika Slovakka li kienet miexja lejn l-adeżjoni mal-Unjoni. Skont ir-rikorrenti, f’dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni semmiet xi diffikultajiet u titjib neċessarji fir-rigward tal-proċeduri li għandhom x’jaqsmu ma’ stralċ mill-qorti u falliment fis-Slovakkja. Għandu jiġi rrilevat li dawn ir-rapporti tal-Kummissjoni jirrigwardaw il-proċedura ta’ stralċ mill-qorti fis-Slovakkja b’mod ġenerali, mingħajr ma jieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-każ inkwistjoni.

126    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma semmietx ir-riżultati tar-rapport K fir-rigward taż-żmien li setgħet tieħu proċedura ta’ stralċ mill-qorti li tikkonċernaha. F’dan ir-rapport li r-rikorrenti stess ipproduċiet f’dan il-każ, l-imsemmi żmien ġie evalwat għal “madwar sentejn (skont il-kundizzjonijiet u x-xogħol tal-likwidatur)”. Għandu jiġi rrilevat li, minbarra l-fatt li din l-evalwazzjoni taż-żmien li tieħu tali proċedura ta’ stralċ mill-qorti hija manifestament ħafna iktar ottimista mill-evalwazzjonijiet l-oħra ppreżentati mir-rikorrenti, l-imsemmija evalwazzjoni kienet tikkonċerna b’mod speċifiku lir-rikorrenti.

127    Għandu jiġi kkunsidrat ukoll, hekk kif issostni l-Kummissjoni, li, meta, kif inhu l-każ hawnhekk, in-numru ta’ kredituri tad-debitur jkun żgħir u meta jeżisti attiv li jkollu valur ta’ likwidazzjoni pożittiv, il-proċedura ta’ stralċ mill-qorti tista’ titmexxa b’mod iktar mgħaġġel mill-medja. Dan huwa iktar u iktar il-każ hawnhekk billi huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-kreditu tal-amministrazzjoni fiskali Slovakka mar-rikorrenti jirrappreżenta madwar 99 % tal-passiv ta’ din tal-aħħar u l-imsemmija amministrazzjoni kienet tibbenefika mill-kwalità ta’ kreditur privileġġjat. Minn dan isegwi li l-amministrazzjoni fiskali Slovakka kien ikollha influwenza deċiżiva fuq it-tul tal-proċedura ta’ stralċ mill-qorti. Ċertament, ir-rikorrenti tafferma li l-karatteristiċi tal-attiv tagħha, il-post ġeografiku tagħhom u l-fatt li l-maġġoranza tagħhom kienu qodma kienu jrendu t-tfittxija ta’ xerrej diffiċli u b’hekk il-proċedura ta’ stralċ mill-qorti kienet tiżvolġi iktar bil-mod. Madankollu, hekk kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata, diversi biċċiet ta’ informazzjoni u b’mod partikolari l-fatt li parti mill-attiv ta’ produzzjoni tar-rikorrenti bdiet tintuża minn ħaddieħor wara li ġiet irtirata l-liċenzja għall-produzzjoni u l-ipproċessar tal-alkoħol u l-ispirti, pjuttost juru li din l-affermazzjoni tar-rikorrenti hija infondata.

128    Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kreditur privat l-iktar ottimist kienx jagħżel li jirċievi SKK 225 miljun f’Diċembru 2004 iktar milli jirċievi eventwalment sa SKK 239 miljun fi żmien bejn “perijodu iqsar mill-medja” u seba’ snin, kif ġie rrilevat fil-punti 116 sa 120 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li l-qligħ mill-bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti, kif evalwat mill-Kummissjoni, jiġifieri SKK 275 miljun, kien jirrappreżenta evlawazzjoni a minima. B’hekk, il-kalkolu tar-rikorrenti, fir-rigward tat-tul ta’ żmien tal-proċedura ta’ stralċ mill-qorti, b’relazzjoni mal-qligħ li kreditur privat seta’ jippretendi li jikseb mill-bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-kreditu eżiġibbli, huwa irrilevanti fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u b’mod partikolari tal-prudenza li wriet il-Kummissjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-imsemmi qligħ.

129    Mill-kunsiderazzjonijiet suesposti jirriżulta li, fid-dawl tat-tul ta’ żmien tal-proċedura ta’ stralċ mill-qorti, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni.

130    It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti fis-Slovakkja u r-rapporti ta’ terżi f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, skont ir-rapport E, dawn kienu jirrappreżentaw 22 % tal-qligħ mill-bejgħ tal-attiv tagħha, evalwat għal SKK 204 miljun, fil-kuntest ta’ tali proċedura u, skont ir-rapport K, 28 % tal-qligħ mill-bejgħ tal-attiv tagħha, evalwat għal SKK 78 miljun, fil-kuntest ta’ tali proċedura.

131    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li, kjarament, ir-rata ta’ 28 % li ssemmi r-rikorrenti ma hijiex korretta. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mir-rapport K, il-qligħ mill-bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti, skont il-varjant III, kien evalwat għal SKK 100 miljun. Sabiex jikkalkola dan il-qligħ, l-awditur naqqas SKK 22 miljun li jikkorrispondu għall-ispejjeż tal-proċedura ta’ stralċ mill-qorti. L-imsemmija spejjeż kienu b’hekk jirrappreżentaw 22 % u mhux, kif ssostni r-rikorrenti, 28 % tal-qligħ mill-bejgħ tal-attiv tagħha fil-kuntest ta’ tali proċedura.

132    Barra minn hekk, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li naqqset mill-qligħ mill-bejgħ tal-attiv tagħha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti, li ġie evalwat għal SKK 275 miljun, ammont ta’ SKK 36 miljun, bħala l-ispejjeż ta’ tali proċedura. Fil-fehma tagħha, dan l-ammont ta’ SKK 36 miljun kien jikkorrispondi għall-ispejjeż marbutin ma’ qligħ mill-bejgħ tal-attiv tagħha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti, evalwat għal SKK 204 miljun.

133    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat dan li ġej:

“Barra minn hekk, il-kredibbiltà [tar-rapport E] hija affettwata wkoll mill-metodu li bih ġew ikkalkolati drittijiet differenti marbutin mal-proċedura ta’ stralċ mill-qorti li kellhom jitnaqqsu mill-qligħ mill-bejgħ tal-attiv. Filwaqt li [l-kumpannija E] naqqset SKK 45 [miljun] għal dawn id-drittijiet, [ir-rikorrenti] indikat ammont ta’ SKK 36 [miljun] fid-dokumenti li kkomunikat u l-istima [tal-awditur intern tagħha, K], hija ta’ mhux iktar minn SKK 22 [miljun]. Dawn id-differenzi jnisslu dubji fir-rigward tal-eżattezza tal-istimi [tal-kumpannija E] għal dak li jirrigwarda l-ammont tad-drittijiet u, b’hekk, għal dak li jirrigwarda l-livell tal-qligħ li jista’ jsir fil-kuntest ta’ stralċ mill-qorti. Għandu madankollu jitfakkar li, fid-dawl tas-sitwazzjoni [tar-rikorrenti] fis-17 ta’ Ġunju 2004, anki bi ħlasijiet ta’ SKK 36 [miljun], il-qligħ miksub f’proċedura ta’ stralċ mill-qorti kien ikun ogħla mill-ammont propost fil-kuntest tal-ftehim” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

134    Ċertament, ir-rikorrenti għandha raġun tikkritika lill-Kummissjoni talli qabblet iż-żewġ valuri relattivi tal-ispejjeż ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti kif ikkalkolati fir-rapport E u fir-rapport K, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn kienu ġew ikkalkolati b’mod proporzjonali ma’ żewġ valuri assoluti, jiġifieri l-qligħ mill-bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti evalwat fl-imsemmija rapporti, li ma kinux paragunabbli. Konsegwentement, ir-rikorrenti għandha wkoll raġun tikkontesta r-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex telimina l-informazzjoni tal-imsemmija rapporti f’dan ir-rigward. Hekk kif jirriżulta mill-punti 130 u 131 iktar ’il fuq, f’dawn iż-żewġ rapporti, l-ispejjeż ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti kienu jirrappreżentaw 22 % tal-valur stmat tal-qligħ mill-bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ stralċ mill-qorti li jinsab f’dawn l-istess rapporti.

135    Bl-istess mod, l-argument imressaq mill-Kummissjoni li r-rikorrenti, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, ikkuntentat ruħha li tispeċifika li, għal qligħ ta’ SKK 203.6 miljun, l-ispejjeż tal-amministratur tal-istralċ mill-qorti kienu jkunu ta’ 1.9 %, mingħajr ma indikat il-livell probabbli tal-ispejjeż kollha l-oħra, għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, jirriżulta b’mod espliċitu mill-punt 50 tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tal-24 ta’ Ottubru 2005, li hija indikat li l-ispejjeż tal-istralċ mill-qorti, stmati għal madwar 18 %, kienu jkunu ta’ SKK 32 miljun minbarra l-ispejjeż tal-amministratur tal-istralċ mill-qorti, evalwati għal SKK 3.8 miljun (jiġifieri 1.9 % tal-qligħ mill-bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti, evalwat għal SKK 203.6 miljun).

136    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni mhux biss ħadet inkunsiderazzjoni b’mod espress il-fatt li r-rikorrenti kienet indikat ammont ta’ SKK 36 miljun li jikkorrispondi għall-ispejjeż ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti, iżda sostniet ukoll li, anki jekk dawn l-ispejjeż jitnaqqsu mill-qligħ mill-bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ tali proċedura, l-ammont miksub mill-awtoritajiet Slovakki kien ikun ogħla mill-ammont propost fil-kuntest tal-proċedura ta’ ftehim. Mill-punt 50 tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tal-24 ta’ Ottubru 2005 jirriżulta li l-istima tal-ispejjeż tal-proċedura ta’ stralċ mill-qorti għal SKK 36 miljun hija r-riżultat li jinkiseb meta jingħaqdu flimkien l-ispejjeż tal-amministratur tal-istralċ mill-qorti u l-ispejjeż tal-istralċ mill-qorti (SKK 3.8 miljun + SKK 32 miljun = SKK 35.8 miljun). Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkontestat li din l-evalwazzjoni tal-ispejjeż ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti kienet ibbażata fuq il-qligħ mill-bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest tal-imsemmija proċedura ta’ stralċ mill-qorti evalwat għal SKK 204 miljun.

137    Hekk kif tirrikonoxxi r-rikorrenti stess fl-atti tagħha, il-proporzjon relattiv tal-ispejjeż ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti b’relazzjoni mal-qligħ mill-bejgħ tal-attiv tad-debitur fil-kuntest ta’ tali proċedura jonqos iktar ma l-qligħ jiżdied. Billi qieset li l-ammont li kellu jitnaqqas minn qligħ mill-bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ stralċ mill-qorti evalwat għal SKK 275 miljun kien ta’ SKK 36 miljun, il-Kummissjoni b’hekk ukoll qieset parti mill-ispejjeż ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti bħala ekwivalenti għal 13 % tal-imsemmi qligħ (SKK 275 miljun – SKK 36 miljun = SKK 239 miljun). Li kieku l-Kummissjoni naqqset ammont li jikkorrispondi għal 18 % tal-istess qligħ, jiġifieri r-rata li r-rikorrenti tikkunsidra xierqa fid-dawl tar-rapport tal-Bank Dinji tal-2004, hija kien ikollha effettivament tikkonstata li l-qligħ mill-bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti, wara li jitnaqqsu l-ispejjeż relatati, kien ikun ta’ SKK 225.5 miljun. Madankollu, għalkemm dan l-ammont huwa kważi ugwali għall-ammont imħallas lura lill-kredituri meta ġie eżegwit il-ftehim, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 116 sa 120 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni wriet prudenza kbira meta evalwat il-qligħ mill-bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti. B’hekk, għandu jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, l-ammont li l-awtoritajiet Slovakki setgħu kisbu mill-bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti, wara li jitnaqqsu l-ispejjeż relatati, bilfors kien ogħla mill-ammont li kisbu meta ġie eżegwit il-ftehim. Mill-argumenti suesposti jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest meta kkunsdirat li l-qligħ mill-bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti, wara li jitnaqqsu l-ispejjeż relatati, seta’ kien iktar favorevoli mill-ammont miksub mill-awtoritajiet Slovakki meta ġie eżegwit il-ftehim.

138    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas li jittieħed inkunsiderazzjoni x-xogħol addizzjonali u l-ispejjeż amministrattivi li kien ikollha taffaċċja f’każ li tinbeda proċedura ta’ stralċ mill-qorti, dan ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti ma huma sostnuti minn ebda prova. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax li, kif issostni l-Kummissjoni, minkejja t-telf tal-liċenzja tagħha biex tipproduċi u tipproċessa l-alkoħol u l-ispirti fis-6 ta’ Marzu 2004, hija kompliet bl-attivitajiet l-oħra tagħha ta’ produzzjoni u distribuzzjoni, attivitajiet li bilfors kellhom bħala konsegwenza li jagħmlu dħul mill-bejgħ li seta’ jkopri parti mill-ispejjeż tal-persunal u amministrattivi.

139    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas li jittieħed inkunsiderazzjoni preċedent fis-suq Slovakk tal-ispriti, jiġifieri l-istralċ mill-qorti ddikjarat ta’ Liehofruct, għandu jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma injoratx dan il-preċedent fid-deċiżjoni kkontestata.

140    Fil-fatt, minn naħa, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 9 li tinsab fil-premessa 40 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti fuq iż-żmien li tieħu proċedura ta’ stralċ mill-qorti fis-Slovakkja u l-qligħ mill-bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti fis-Slovakkja, li “[ir-rikorrenti] tagħti l-eżempju ta’ kumpannija li għandha attiv simili u li topera fl-istess settur […]”. Mill-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tal-24 ta’ Ottubru 2005 jirriżulta li l-uniku preċedent fis-Slovakkja li hija invokat jikkonċerna lil Liehofruct. B’hekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-eżempju msemmi mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jikkonċerna l-istralċ mill-qorti ta’ Liehofruct.

141    Min-naħa l-oħra, mill-punt 43 tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tal-24 ta’ Ottubru 2005 jirriżulta li din ma kinitx, f’dan l-istadju tal-proċedura ta’ investigazzjoni, ikkomunikat lill-Kummissjoni informazzjoni li kienet tippermetti li jiġi kkonstatat, kif issostni r-rikorrenti, li s-sitwazzjoni ta’ Liehofruct kienet simili għal tagħha.

142    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun issostni li l-Kummissjoni kellha tinvestiga din il-kwistjoni preċiża u li n-nuqqas li tagħmel dan jikkostitwixxi żball manifest. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata teżamina ex officio u tbassar x’informazzjoni setgħet ġiet ippreżentata lilha (ara s-sentenza Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata f’dan is-sens).

143    Fl-aħħar lok, għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma r-rikorrenti, mill-atti tal-Kummissjoni ma jirriżultax li din tippretendi li l-bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti kien jiġġenera ammont ugwali għall-prezz tiegħu fis-suq. Fil-fatt, mill-punt 123 tar-risposta jirriżulta li l-Kummissjoni ppretendiet biss li, fid-dawl tal-kwalità tagħha ta’ kreditur privileġġjat, l-amministrazzjoni fiskali Slovakka setgħet tirċievi kważi 100 % tal-qligħ mill-bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti, kif evalwat, fit-tabella li tinsab qabel il-punt 123 tar-risposta, bil-valur tas-suq wara li jiġu applikati l-koeffiċjenti ta’ likwidazzjoni. Barra minn hekk, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, mit-tabella 4 tagħha, il-Kummissjoni ma kkontestatx li kien jaqbel li jiġi applikat koeffiċjent ta’ likwidazzjoni bil-valur deprezzat tal-attiv tar-rikorrenti sabiex jiġi evawlat il-valur tagħhom fis-suq.

144    Il-ħames nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas li jittieħed inkunsiderazzjoni r-rapport tal-Ministeru tal-Ġustizzja Slovakk tal-2004 li skontu kien rari ħafna li l-kredituri privileġġjati jirnexxilhom jirkupraw, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti, iktar minn 5 sa 10 % tal-krediti tagħhom mingħand debitur fallut, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif issostni l-Kummissjoni, l-imsemmi rapport kien ta’ natura ġenerali u ma kienx intiż li jevalwa s-sitwazzjoni speċifika tar-rikorrenti u l-karatteristiċi tal-kreditur prinċipali tiegħu, jiġifieri l-amministrazzjoni fiskali Slovakka. Barra minn hekk, l-informazzjoni kkomunikata mir-Repubblika Slovakka lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni tal-miżura inkwistjoni kienet bilfors tirrigwarda s-sitwazzjoni speċifika tar-rikorrenti u kienet tieħu inkunsiderazzjoni l-kwalitajiet speċifiċi tal-kreditur prinċipali tagħha. B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li wettqet żball manifest meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rapport tal-Ministeru tal-Ġustizzja Slovakk tal-2004.

145    Fl-aħħar, is-sitt nett, fir-rigward tal-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-evalwazzjoni, li hija ma tikkontestax, tal-ammont ta’ assi likwidi tagħha, fis-17 ta’ Ġunju 2004, għal [kunfidenzjali] SKK kienet tieħu inkunsiderazzjoni l-posponiment tat-termini għall-ħlas li kienet akkordatilha Old Herold wara li saret il-proposta ta’ ftehim, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif tosserva l-Kummissjoni, din l-allegazzjoni ma hija sostnuta minn ebda prova li tinsab fil-proċess li tippermetti li jiġi konkluż li l-Kummissjoni kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni l-parti ta’ dawn l-assi likwidi li kienet tirriżulta minn dan il-posponiment.

146    Fil-fatt, qabel kollox, mill-provi li jinsabu fil-proċess ma jirriżultax li r-rikorrenti, matul il-proċedura, ħadet ħsieb tinforma lill-Kummissjoni dwar dan il-punt preċiż. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll, kif għamlet il-Kummissjoni, li l-ġustifikazzjonijiet li r-rikorrenti tipprova tinvoka fl-atti tagħha sabiex tevalwa l-ammont ta’ assi likwidi li jirriżulta mill-posponiment tat-termini għall-ħlas li kienet akkordatilha Old Herold huma konfużi, jekk mhux kontradittorji.

147    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, kif għamlet il-Kummissjoni, li, fir-rikors, ir-rikorrenti tafferma li l-kreditu ta’ Old Herold kien ta’ [kunfidenzjali] SKK fil-31 ta’ Lulju 2004 u li dan il-kreditu kien jibqa’ jogħla sakemm jilħaq [kunfidenzjali] SKK fi żmien l-eżekuzzjoni tal-ftehim f’Diċembru 2004. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax, mingħajr ma tikkontradixxi lilha nfisha, tippretendi issa li t-totalità jew parti kbira mil-assi likwidi li kienet tiddisponi minnhom fis-17 ta’ Ġunju 2004 ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni, peress li kienet tirriżulta mill-posponiment tat-termini għall-ħlas li kienet akkordatilha Old Herold. Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrenti ssostni, hekk kif ingħad fil-punt 104 iktar ’il fuq, insostenn tal-ħames motiv, li dawn l-assi likwidi kienu fi kwalunkwe każ irriżervati għall-amministrazzjoni fiskali Slovakka, jenfasizza n-natura konfuża u kontradittorja tal-argumenti tagħha f’dan ir-rigward. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet suesposti, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma hijiex f’pożizzjoni li tiġġustifika r-raġunijiet għalfejn l-assi likwidi li kellha fis-17 ta’ Ġunju 2004 ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ eventwali proċedura ta’ stralċ mill-qorti.

148    Barra minn hekk, mill-informazzjoni li tinsab fit-tabella 4 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, hekk kif dan jirriżulta mill-premessi 80 u 82 tad-deċiżjoni kkontestata, billi wieħed jibbaża ruħu fuq il-koeffiċjent ta’ likwidazzjoni u l-informazzjoni li tinsab fir-rapport E għal dak li jikkonċerna s-sitwazzjoni fil-31 ta’ Marzu 2004, li, minn naħa, bejn il-31 ta’ Marzu u s-17 ta’ Ġunju 2004, il-valur deprezzat tal-istokkijiet tar-rikorrenti naqas b’125 miljun SKK, jiġifieri ftit iktar minn 40 %. B’hekk, il-kundizzjonijiet għall-bejgħ tal-istokkijiet tar-rikorrenti bejn dawn iż-żewġ dati kienu ħafna iktar favorevoli minn dawk imsemmija fir-rapport E, fejn ġie applikat koeffiċjent ta’ likwidazzjoni tal-istokkijiet ta’ 20 %. Min-naħa l-oħra, bejn il-31 ta’ Marzu u s-17 ta’ Ġunju 2004, il-valur deprezzat tal-assi likwidi tar-rikorrenti żdied b’111-il miljun SKK. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe informazzjoni kkomunikata mir-rikorrenti f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li kkunsidrat li din iż-żieda fl-assi likwidi kienet tirriżulta mill-bejgħ tal-istokkijiet matul dan il-perijodu. Mill-bqija, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-qligħ mill-bejgħ tal-istokkijiet tagħha lil Old Herold kien ta’ [kunfidenzjali] SKK. Madankollu, hija taffferma li dan il-bejgħ kien ibbażat fuq ftehim fit-tul ma’ Old Herold u fuq il-fiduċja ta’ din tal-aħħar fis-suċċess tal-ftehim. Tali affermazzjoni ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni inkwantu ma hija sostnuta minn ebda prova prodotta matul il-proċedura ta’ investigazzjoni tal-miżura inkwistjoni.

149    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha suesposti jirriżulta li, peress li l-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tar-raba’ motiv ma huwa fondat, hija ma wrietx li l-Kummissjoni wettqet żball manifst meta kkunsidrat li l-proċedura ta’ stralċ mill-qorti kienet iktar favorevoli minn dik tal-ftehim.

150    Barra minn hekk, l-eżami tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura iktar favorevoli ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti meta mqabbla ma’ dik ta’ ftehim, ma jippermettix li jitqajmu dubji dwar l-eżattezza materjali tal-provi invokati mill-Kummissjoni, kif ukoll l-affidabbiltà u l-koerenza tagħhom. Għall-kuntrarju, l-imsemmija provi jikkostitwixxu ġabra ta’ informazzjoni rilevanti li l-Kummissjoni kellha raġun tikkunsidra sabiex issostni l-konklużjoni tagħha li l-kriterju ta’ kreditur privat f’ekonomija tas-suq ma kienx ġie sodisfatt f’dan il-każ.

151    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha suesposti jirriżulta li l-argumenti żviluppati fil-kuntest tar-raba’ motiv, sa fejn jippruvaw jistabbilixxu li l-Kummissjoni ma kellhiex raġun tikkunsidra li l-proċedura ta’ stralċ mill-qorti kienet iktar favorevoli minn dik ta’ ftehim, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq l-argumenti żviluppati fil-kuntest tas-sitt motiv, sa fejn jikkonċernaw il-proċedura ta’ stralċ mill-qorti

–       L-argumenti tal-partijiet

152    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma wrietx li r-Repubblika Slovakka ma kinitx aġixxiet bħala kreditur privat, iżda bbażat ruħha biss fuq in-nuqqas ta’ provi insostenn tal-pożizzjoni tar-rikorrenti, u b’hekk dawret l-oneru tal-prova għal fuq ir-rikorrenti bi żball. Il-Kummissjoni lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni “id-dispożizzjonijiet legali stipulati mill-[Qorti tal-Ġustizzja] fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat”.

153    B’mod iktar preċiż, sabiex jiġi evalwat jekk remissjoni ta’ dejn tagħtix vantaġġ kompetittiv lill-benefiċjarju tagħha, il-Kummissjoni jmissha b’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-punt 170 tas-sentenza HAMSA vs Il-Kummissjoni, punt 114 iktar ’il fuq, tiddetermina jekk din hijiex ħafna ikbar minn dik li kienet tingħata minn kreditur privat li jaġixxi b’perspettiva prudenti u pessimista. Hija l-Kummissjoni li għandha, insostenn tal-konklużjoni tagħha li l-kriterju ta’ kreditur privat f’ekonomija tas-suq ma ġiex sodisfatt f’dan il-każ u li r-remissjoni ta’ dejn b’hekk tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, iġġib “prova ekonomika oġġettiva” li tista’ tiġi eżaminata mill-Qorti Ġenerali. Ma huwa f’idejn la l-Istat Membru kkonċernat u lanqas il-benefiċjarju tal-imsemmija remissjoni ta’ dejn li jġibu l-prova tal-fatt li din ma hijiex għajnuna mill-Istat.

154    F’dan il-każ, il-Kummissjoni mhux biss siltet konklużjonijiet żbaljati fir-rigward tar-rapporti mfasslin minn terzi persuni indipendenti li ġew ikkomunikati mir-rikorrenti, iżda naqset ukoll mill-obbligu tagħha li ġġib prova insostenn tal-opinjoni tagħha li proċedura ta’ stralċ mill-qorti kienet iktar vantaġġuża minn dik ta’ ftehim. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma wrietx li l-ftehim kien jinvolvi remissjoni ta’ dejn manifestament ikbar minn dik li kien jagħti kreditur privat li jaġixxi b’perspettiva prudenti u pessimista. Il-Kummissjoni kkonkludiet sempliċiment, abbażi tal-provi miġjuba, li l-bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ stralċ mill-qorti x’aktarx kien jikseb iktar “qligħ” għall-kredituri mill-ammonti mħallsin wara li jiġi eżegwit il-ftehim. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma kkunsidratx il-premessa stipulata fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/283/KE, tas-27 ta’ Novembru 2002, dwar il-miżuri adottati mir-Renju ta’ Spanja favur Refractarios Especiales SA (ĠU 2003, L 108, p. 21, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Refractarios Especiales”), li kreditur privat jaġixxi b’perspettiva prudenti u pessimista. B’hekk, tali kreditur jagħti ħafna iktar importanza lill-“immaġni negattiva” tal-proċeduri ta’ stralċ mill-qorti fis-Slovakkja.

155    Ir-rikorrenti ssostni wkoll, fl-atti tagħha, li l-Kummissjoni għandha żball meta tallega diversi drabi li hija ma ppreżentatx provi matul l-investigazzjoni. Dan l-argument jenfasizza, minn naħa, il-lakuni imputabbli lill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas tal-Kummissjoni li tifhem l-obbligi li huma imposti fuqha mit-Trattat KE.

156    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, titlob li l-argumenti kollha mressqa insostenn tas-sitt motiv sa fejn jikkonċernaw il-proċedura ta’ stralċ mill-qorti jiġu miċħuda.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

157    L-argumenti żviluppati fil-kuntest tas-sitt motiv, sa fejn jippruvaw jistabbilixxu li l-Kummissjoni ma kellhiex raġun tikkunsidra li l-proċedura ta’ stralċ mill-qorti kienet iktar favorevoli minn dik ta’ ftehim, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. Minn naħa, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li bbażat ruħha biss fuq il-fatt li ma ġabitx provi insostenn tal-pożizzjoni tagħha sabiex tikkunsidra li r-Repubblika Slovakka ma kinitx ġabet ruħha bħala kreditur privat. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma applikatx il-kriterju ta’ kreditur privat f’ekonomija tas-suq b’mod korrett.

158    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq il-fatt li ma kinitx ġabet provi insostenn tal-pożizzjoni tagħha sabiex tikkunsidra li r-Repubblika Slovakka ma kinitx aġixxiet bħal kreditur privat, għandu jiġi kkunsidrat, l-ewwel nett, li, hekk kif tfakkar fil-punt 142 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-kontroll mill-Kummissjoni tal-miżura ta’ għajnuna, din tal-aħħar ma hijiex obbligata teżamina ex officio u tbassar x’informazzjoni setgħet ġiet ippreżentata lilha.

159    It-tieni nett, mill-provi li jinsabu fil-proċess jirriżulta li, diversi drabi matul il-proċedura prekontenzjuża prevista fl-Artikolu 88 KE, mhux biss permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, iżda wkoll matul il-laqgħa tat-28 ta’ Marzu 2006, ir-rikorrenti ngħatat l-okkażjoni tagħti lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tiggwida lil din tal-aħħar fl-azzjoni futura tagħha.

160    It-tielet nett, mid-deċiżjoni kkontestata u b’mod partikolari mill-premessi 78 sa 92 tagħha, jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li kienet ġiet ippreżentata lilha mir-rikorrenti, fl-istadju tal-proċedura prekontenzjuża prevista fl-Artikolu 88 KE, sabiex tistabbilixxi li l-qligħ mill-bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti kien ikun inqas mill-ammont miksub wara li jiġi eżegwit il-ftehim.

161    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni mhux biss siltet konklużjonijiet żbaljati fir-rigward tar-rapporti mfasslin minn terzi persuni indipendenti li kienu ġew ikkomunikati lilha, iżda naqset ukoll mill-obbligu tagħha li tagħti provi insostenn tal-opinjoni tagħha li proċedura ta’ stralċ mill-qorti kienet iktar vantaġġuża minn proċedura ta’ ftehim, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 123 sa 151 iktar ’il fuq jirriżulta li din l-allegazzjoni ma hijiex fondata.

162    Il-ħames nett, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm, fil-punt 38 tad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni kienet indikat li l-valur tal-attiv li kien jifforma l-bażi tal-privileġġ tal-awtoritajiet Slovakki kien ta’ madwar SKK 397.5 miljun, hija mhux biss indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li, skont ir-rikorrenti, il-valur tal-attiv mogħti bħala garanzija lill-awtoritajiet Slovakki kien ta’ SKK 194 miljun (ara l-premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata), iżda ħadet dan l-ammont inkunsiderazzjoni wkoll sabiex jiġu bbilanċjati l-qligħ mill-bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti u l-ammont miksub wara li jiġi eżegwit il-ftehim.

163    Mis-suespost jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq il-fatt li ma kinitx ġabet provi insostenn tal-pożizzjoni tagħha biex tikkunsidra li r-Repubblika Slovakka ma kinitx aġixxiet bħala kreditur privat ma jistax jirnexxi.

164    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma applikatx il-kriterju ta’ kreditur privat f’ekonomija tas-suq b’mod korrett, għandu jiġi kkunsidrat, l-ewwel nett, li r-rikorrenti ma għandhiex raġun issostni, billi tibbaża ruħha fuq is-sentenza HAMSA vs Il-Kummissjoni, punt 114 iktar ’il fuq, li, sabiex tevalwa jekk remissjoni ta’ dejn tagħtix vantaġġ kompetittiv lill-benefiċjarju tagħha, il-Kummissjoni kellha turi li l-imsemmija remissjoni kienet manifestament ikbar minn dik li kien jakkordalha kreditur privat li jaġixxi b’perspettiva prudenti u pessimista.

165    Minn naħa, hekk kif tfakkar fil-punt 114 iktar ’il fuq, organu pubbliku, bħall-awtorità fiskali lokali, għandu jiġi pparagunat ma’ kreditur privat li jkun qed jipprova jikseb il-ħlas tal-ammonti dovuti lilu minn debitur li jkun f’diffikultajiet finanzjarji. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tirreferi għad-deċiżjoni Refractarios Especiales sabiex issostni l-affermazzjoni tagħha li kreditur privat jaġixxi b’perspettiva prudenti u pessimista. Fil-fatt, fl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat sempliċiment li l-elementi inkwistjoni kellhom jiġu eżaminati “f’perspettiva prudenti u pessimista, u skont il-prinċipju ta’ kreditur privat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara l-premessa 62 tad-deċiżjoni Refractarios Especiales). Konsegwentement, fl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni ma kkaratterizzatx il-kreditur privat bħala prudenti u pessimist, iżda ddistingwiet kjarament żewġ parametri ta’ eżami, speċifiċi għall-każ inkwistjoni, jiġifieri, minn naħa, eżami f’perspettiva prudenti u pessimista u, min-naħa l-oħra, eżami fid-dawl tal-kriterju ta’ kreditur privat f’ekonomija tas-suq. B’hekk, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li kreditur privat jaġixxi b’perspettiva prudenti u pessimista hija infondata.

166    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-Kummissjoni kellhiex turi li r-remissjoni ta’ dejn miksuba mir-rikorrenti skont il-ftehim kienet manifestament ikbar minn dik li kien jakkordalha kreditur privat, għandu jitfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punti 116 sa 120 iktar ’il fuq, il-qligħ minn bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti, kif evalwat mill-Kummissjoni, jiġiferi SKK 275 miljun, kien jirrappreżenta evalwazzjoni a minima. Bl-istess mod, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 121 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li, wara proċedura ta’ stralċ mill-qorti, jekk il-qligħ mill-bejgħ tal-attiv ta’ debitur ma jkunx biżżejjed biex il-kredituri kollha tiegħu jitħallsu, dawn dejjem jistgħu jeżiġu l-ħlas lura tal-ammonti li jkunu għadhom dovuti mingħand id-debitur. Għaldaqstant, l-ammont ta’ SKK 275 miljun ikkunsidrat mill-Kummissjoni bħala l-qligħ mill-bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti ma jistax jikkostitwixxi livell ta’ riferiment sabiex jiġi evalwat jekk dan l-ammont kienx ikun ikbar minn dak li nkiseb wara li ġie eżegwit il-ftehim approvat fid-9 ta’ Lulju 2004. Fid-dawl tal-garanziji li kienet tibbenefika minnhom ir-Repubblika Slovakka, kif ukoll, kif ġie kkonstatat fil-punt 149 iktar ’il fuq, tal-kundizzjonijiet għall-bejgħ tal-istokkijiet tar-rikorrenti bejn ix-xhur ta’ Marzu u Ġunju 2004 li kienu ħafna iktar favorevoli minn dawk ikkunsidrati fir-rapport E u tal-assi likwidi li kellha r-rikorrenti fis-17 ta’ Ġunju 2004, huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat li l-qligħ mill-bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti kien ikun ħafna ikbar mill-ammont li nkiseb wara li ġie eżegwit il-ftehim. B’hekk, il-Kummissjoni kellha raġun tikkunsidra li l-kriterju ta’ kreditur privat f’ekonomija tas-suq ma kienx sodisfatt f’dan il-każ.

167    It-tieni nett, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun takkuża lill-Kummissjoni li ma ġabitx “prova ekonomika oġġettiva” insostenn tal-konklużjonijiet tagħha fir-rigward tal-kriterju ta’ kreditur privat f’ekonomija tas-suq. Fil-fatt, hekk kif tfakkar fil-punt 108 iktar ’il fuq, l-applikazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-imsemmi kriterju tinvolvi evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi. F’dan ir-rigward, kif ġie indikat fil-punti 109 u 110 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni u, għalkemm il-qorti tal-Unjoni tista’ tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni ta’ informazzjoni ta’ natura ekonomika, hija ma hijiex kompetenti sabiex, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni b’dik tagħha. B’hekk, ma jistax jiġi meħtieġ mill-Kummissjoni li ġġib “prova ekonomika oġġettiva” insostenn tal-konklużjonijiet tagħha fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat f’ekonomija tas-suq.

168    Mis-suespost jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma applikatx il-kriterju ta’ kreditur privat f’ekonomija tas-suq b’mod korrett ma jistax jiġi aċċettat. B’hekk, l-argumenti kollha żviluppati fil-kuntest tas-sitt motiv, sa fejn jippruvaw jistabbilixxu li l-Kummissjoni kkunsidrat bi żball li l-proċedura ta’ stralċ mill-qorti kienet iktar favorevoli minn dik ta’ ftehim, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-argumenti żviluppati fil-kuntest tas-seba’ motiv, sa fejn jikkonċernaw il-proċedura ta’ stralċ mill-qorti

–       L-argumenti tal-partijiet

169    Ir-rikorrenti essenzjalment takkuża lill-Kummissjoni li ma wettqitx investigazzjoni diliġenti u evalwazzjoni tar-rapporti li hija bagħtitilha.

170    Ir-rikorrenti ssostni li, ladarba l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li r-rapporti mibgħuta minnha, u b’mod partikolari r-rapport E, ma kinux affidabbli minħabba “inkoerenzi speċifiċi”, din imissha talbitha spjegazzjonijiet fuq l-informazzjoni mogħtija u jmissha talbet l-opinjoni ta’ espert fuq ir-rapport E jew fuq il-ftehim kollu kemm hu, ħaġa li pproponiet espressament. Il-fatt li l-Kummissjoni ma talbet ebda spjegazzjoni jċaħħad lid-deċiżjoni kkontestata minn “kull kredibbiltà” u jikkostitwixxi “ksur serju” tal-obbligu tal-Kummissjoni li tinvestiga b’diliġenza u imparzjalità u li teżamina l-provi disponibbli.

171    L-ebda waħda mill-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni li jippruvaw juru n-nuqqas ta’ affidabbiltà tar-rapport E ma hija bbażata fuq fatti. Il-kumpannija E ma tistax tiġi akkużata li użat l-informazzjoni tal-31 ta’ Marzu 2004, peress illi, fiż-żmien meta tlesta l-imsemmi rapport f’Mejju 2004, kienet biss din l-informazzjoni li kienet disponibbli.

172    Il-Kummissjoni ma kellhiex raġun takkuża lil-kumpannija E li semmiet fir-rapport tagħha koeffiċjent ta’ likwidazzjoni tal-istokk baxx wisq, jiġifieri ta’ 20 %. Minn naħa, ir-rikorrenti tafferma li amministratur ta’ stralċ mill-qorti ma kienx ikun jista’ jbigħ l-istokk ta’ prodotti lesti bil-prezz kuntrattwali u tfakkar li l-istokk tal-prodotti mhux lesti u ta’ materja prima ma setax jiġi kkummerċjalizzat. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li l-kumpannija E kkunsidrat li l-qligħ mill-bejgħ tal-istokkijiet kien inqas minn 20 %.

173    Fir-rigward tal-krediti bi skadenza qasira, ir-rikorrenti tosserva li, fir-rapport tagħha, E stmat il-“qligħ” tagħhom għal iktar minn 20 %. Hija ssostni wkoll li parti kbira mill-krediti li jissemmew fir-rapport E ma kinux rekuperabbli u kellhom jiġu annullati. Barra minn hekk, ammont ta’ SKK 10 miljun kellu jitnaqqas mill-“valur nominali totali” tal-krediti bi skadenza qasira inkwantu dan l-ammont jikkorrispondi għal kreditu fiskali pospost. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-aġġustament doppju applikat fil-premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata “ma jikkorrispondix mar-realtà”.

174    Il-Kummissjoni kellha żball ukoll meta, fir-rigward tal-koeffiċjent ta’ likwidazzjoni għall-attiv mhux kurrenti u l-valur tal-attiv ipotekat, hija, abbażi tal-valur tal-attiv mogħti b’garanzija, ippretendiet li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti, il-valur tal-attiv huwa ogħla minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ 45 % imsemmi fir-rapport E. L-imsemmi koeffiċjent ifisser li l-interess fit-tagħmir inkwistjoni huwa żgħir ħafna, li t-tagħmir jinsab fi stat ħażin, li huwa qadim ħafna u jew li ma jistax jissewwa. Il-Kummissjoni ma tistax tekwipara l-valur tal-attiv mogħti b’garanzija mal-ammonti li l-amministrazzjoni fiskali Slovakka setgħet tispera li tikseb mill-bejgħ ta’ dan l-attiv fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti. Kwalunkwe kreditur privat raġonevoli kien ikun jaf bil-fatt li l-valur deprezzat tal-attiv mhux kurrenti huwa ikbar mill-valur reali tas-suq, b’mod partikolari f’każ ta’ bejgħ furzat. Mill-bqija, il-Kummissjoni rrikonoxxiet, f’deċiżjonijiet oħra dwar għajnuna mill-Istat, li teżisti differenza fundamentali bejn il-prezz ta’ bejgħ tal-attiv minn amministratur ta’ stralċ mill-qorti u dak tas-suq. Hija saħansitra affermat, fid-deċiżjoni Refractarios Especiales, li l-fatt li jista’ jiġi mistenni valur reali baxx ħafna f’każ ta’ stralċ mill-qorti kien ikkonfermat mill-fatt li l-kredituri l-oħra wkoll kienu aċċettaw remissjoni ta’ dejn kbira ħafna.

175    Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li telimina kemm ir-rapport K kif ukoll ir-rapport H bħala provi insostenn ta’ jew kontra l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-kriterju ta’ kreditur privat f’ekonomija tas-suq kien sodisfatt, ir-rikorrenti tosserva, fir-rigward tal-ewwel rapport, li l-Kummissjoni ma talbitx li dan jintbagħtilha u ma ppruvatx tispjega l-allegati kontradizzjonijiet tiegħu mar-rapport E. Bl-istess mod, meta eliminat ir-rapport H, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti, iż-żmien sakemm jiġu rkuprati l-krediti jista’ jkun twil ħafna u li, kif ġie indikat fl-imsemmi rapport, [kunfidenzjali]. Il-Kummissjoni ma ġabet ebda prova li tikkontradixxi l-affermazzjonijet li jinsabu fir-rapport H.

176    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti insostenn tas-seba’ motiv, sa fejn jippruvaw jistabbilixxu li l-Kummissjoni kellha żball tikkunsidra li l-proċedura ta’ stralċ mill-qorti kienet iktar favorevoli minn dik ta’ ftehim.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

177    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti fis-sens li, peress illi l-Kummissjoni kkonkludiet li r-rapporti kkomunikati minnha ma kinux affidabbli minħabba “inkoerenzi speċifiċi”, hija jmissha talbet spjegazzjonijiet fuq l-informazzjoni pprovduta u jmissha talbet l-opinjoni ta’ espert fuq ir-rapport E jew fuq il-ftehim kollu kemm hu, ħaġa li pproponiet b’mod espress, dan ma jistax jintlaqa’.

178    Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, fil-proċedura ta’ kontroll ta’ għajnuna mill-Istat, ir-rwol tal-partijiet interessati li ma jkunux l-Istat Membru kkonċernat huwa limitat għall-komunikazzjoni lill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni intiża sabiex tiggwida lil din tal-aħħar fl-azzjoni futura tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1973, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 70/72, Ġabra p. 813, punt 19). B’hekk, ma jistgħux jippretendu li huma stess ikunu jistgħu jkollhom skambju ta’ opinjonijiet u diskussjonijiet mal-Kummissjoni, bħal dawk li jista’ jkollu l-imsemmi Stat Membru (sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 59, u Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 82).

179    Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni tal-proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat ma tirriżerva, fost il-partijiet interessati, rwol partikolari għall-benefiċjarju tal-għajnuna. F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li l-proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna ma hijiex proċedura li tinfetaħ “kontra” l-benefiċjarju jew il-benfiċjarji tal-għajnuna li timplika li dan jew dawn tal-aħħar jistgħu jinvokaw drittijiet daqstant estiżi bħad-drittijiet tad-difiża fihom infushom (sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 83).

180    Fl-aħħar nett, kif tfakkar fil-punti 49 u 50 iktar ’il fuq, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi evalwata skont l-informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ kellha fil-mument meta adottatha u huwa l-Istat Membru kkonċernat u, jekk ikun il-każ, il-benefiċjarju tal-għajnuna li għandhom iġibu provi li jistgħu juru li din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni u, eventwalment, li jsemmu ċirkustanzi speċifiċi relattivi għall-ħlas lura tal-għajnuna diġà mħallsa f’każ li l-Kummissjoni teżiġi dan.

181    Mis-suespost jirriżulta li r-rikorrenti ma għandhiex raġun issostni li l-fatt li l-Kummissjoni ma talbitx spjegazzjonijiet jikkostitwixxi ksur gravi tal-obbligu tal-Kummissjoni li tinvestiga b’diliġenza u imparzjalità u li teżamina l-provi disponibbli.

182    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-kumpannija E ma tistax tiġi akkużata li użat l-informazzjoni tal-31 ta’ Marzu 2004, hemm lok li jiġi miċħud bħala irrilevanti sa fejn, hekk kif ġie indikat fil-punt 86 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni tal-awtorità fiskali lokali li tapprova l-ftehim ittieħdet fid-9 ta’ Lulju 2004. B’hekk il-Kummissjoni kienet marbuta biss tfittex l-informazzjoni l-iktar aġġornata f’din id-data sabiex tisħarreġ jekk il-kriterju ta’ kreditur privat f’ekonomija tas-suq kienx sodisfatt f’dan il-każ.

183    Ir-Repubblika Slovakka bagħtet lill-Kummissjoni informazzjoni datata 17 ta’ Ġunju 2004, li nġabret matul spezzjoni fil-post imwettqa mill-amministrazzjoni fiskali Slovakka fil-21 ta’ Ġunju 2004, informazzjoni li l-affidabbiltà tagħha ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti. Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li anki jekk, kif tafferma r-rikorrenti, ir-rapport E tħejja matul ix-xahar ta’ Mejju 2004, ir-rikorrenti stess tindika li abbozz ta’ dan ir-rapport intbagħat lill-amministrazzjoni fiskali Slovakka fi tmiem ix-xahar ta’ Ġunju 2004 u li l-verżjoni finali tal-imsemmi rapport intbagħtet fis-7 ta’ Lulju 2004.

184    B’hekk, f’dawn iż-żewġ dati li ppreċedew is-seduta fir-rigward tal-ftehim tad-9 ta’ Lulju 2004, ir-rikorrenti u konsegwentement il-kumpannija E kellhom l-informazzjoni ta’ Ġunju 2004 li ġiet skoperta mill-amministrazzjoni fiskali Slovakka fil-21 ta’ Ġunju 2004 u r-rikorrenti bilfors kienet taf li din l-informazzjoni kienet ġiet effettivament skoperta mill-uffiċjali tal-awtorità fiskali lokali. Ir-rikorrenti b’hekk setgħet faċilment tfassal hija stess jew permezz tal-kumpannija E tabella, simili għat-tabella 4 li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex tevalwa l-iżvilupp tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha mix-xahar ta’ Marzu 2004, u dan qabel is-17 ta’ Ġunju 2004.

185    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kellha żball takkuża lill-kumpannija E li qieset fir-rapport tagħha koeffiċjent ta’ likwidazzjoni tal-istokk baxx wisq, jiġifieri 20 %, dan ma jistax jintlaqa’.

186    Skont il-premessa 85 tad-deċiżjoni kkonestata:

“Il-Kummissjoni kkonstatat li [r-rikorrenti] setgħet, fl-2004, tikseb [inqas minn 150 miljun] SKK mill-bejgħ tal-istokkijiet tagħha […], jiġifieri ammont ikbar minn [40-50] % tal-valur deprezzat tal-istokkijiet li fuqhom ibbażat l-evalwazzjoni tagħha [l-kumpannija E]. Dan jikkonferma sew l-idea li l-koeffiċjent ta’ likwidazzjoni ta’ 20 % kien [baxx] wisq. Il-bidliet fil-karta tal-bilanċ fl-2004, għal dak li jirrigwarda l-istokkijiet, jikkorroboraw din il-konklużjoni. Barra minn hekk, [ir-rikorrenti stess], fil-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju tagħha, stmat il-qligħ mill-bejgħ ta’ dawn l-istokkijiet fil-perijodu [bejn Marzu u Mejju 2004] għal [inqas minn 110 miljun] SKK […] [il-kumpannija E] injorat din l-istima. Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-attività [tar-rikorrenti], [jista’] jitqies li l-istokkijiet kienu kkostitwiti minn prodotti lesti – li setgħu jinbigħu faċilment lil distributuri jew konsumaturi – u mhux minn prodotti nofshom lesti li jeħtieġu trasformazzjoni ulterjuri” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

187    Barra minn hekk, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 119 iktar ’il fuq, il-valur deprezzat tal-istokk tar-rikorrenti kien naqas b’SKK 125 miljun, jiġifieri tnaqqis ta’ 60 % meta mqabbel mal-istokk eżistenti f’Marzu 2004. B’hekk, minbarra ż-żewġ fatturi esposti mill-Kummissjoni fil-premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha informazzjoni affidabbli u konkordanti biżżejjed sabiex tikkontesta l-koeffiċjent ta’ likwidazzjoni ta’ 20 % ikkunsidrat mil-kumpannija E għall-istokkijiet tar-rikorrenti abbażi tal-informazzjoni ta’ Marzu 2004.

188    Fir-raba’ lok, għal dak li jirrigwarda l-ilmenti tar-rikorrenti magħmula fir-rigward tal-krediti bi skadenza qasira, dawn għandhom jiġu miċħuda. L-ewwel nett, għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma r-rikorrenti, mir-rapport E ma jirriżultax li l-awtur tiegħu kien qies li l-“qligħ” mill-imsemmija krediti kien ser ikun ta’ iktar minn 20 %. Għaldaqstant, dan l-ilment ma huwiex ibbażat fuq fatti. Barra minn hekk, hija ssostni li l-aġġustament doppju applikat fil-premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata “ma jikkorrispondix mar-realtà”. Peress illi dan l-ilment ma ġie sostnut b’ebda prova mir-rikorrenti, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Fl-aħħar nett, l-istess japplika għall-affermazzjonijiet tar-rikorrenti li, minn naħa, parti kbira mill-krediti li għalihom tirreferi l-kumpannija E fir-rapport tagħha ma setgħux jiġu rkuprati u kellhom jiġu annullati u, min-naħa l-oħra, ammont ta’ SKK 10 miljun kellu jitnaqqas mill-“valur nominali totali” tal-krediti bi skadenza qasira inkwantu kien jikkorrispondi għal kreditu fiskali pospost.

189    Fil-ħames lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li, għal dak li jirrigwarda l-koeffiċjent ta’ likwidazzjoni tal-attiv mhux kurrenti u l-valur tal-attiv ipotekat, il-Kummissjoni, abbażi tal-valur tal-attiv mogħti b’garanzija, ippretendiet li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti, il-valur tal-attiv huwa ogħla minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ 45 % msemmi fir-rapport E, mill-premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta dan li ġej:

“Il-koeffiċjent ta’ likwidazzjoni ta’ 45 % għall-attiv mhux kurrenti wkoll jidher li huwa dgħajjef wisq. Skont [ir-rikorrenti], il-valur tal-attiv mogħti b’garanzija lill-uffiċċju tat-taxxi kien ta’ SKK 194 [miljun]. Dejjem skont [ir-rikorrenti], dan il-valur huwa espress fi prezzijiet stmati minn esperti indipendenti lejn it-tmiem tal-2003/il-bidu tal-2004. Skont il-Kummissjoni, tali “prezz ta’ espert” għandu normalment jirrifletti l-prezz ġenerali tal-attiv, li jikkorrispondi għall-prezz li bih jista’ jinbigħ l-attiv f’mument partikolari. [Il-kumpannija E] bl-ebda mod ma tispjega għalfejn il-qligħ miksub mill-bejgħ tal-attiv mhux kurrenti fil-kuntest ta’ stralċ mill-qorti jirrappreżenta biss 45 % tal-valur deprezzat tagħhom (205 [miljun] SKK, filwaqt li [r-rikorrenti stess] stmat li dan l-attiv jiswa’ ħafna iżjed” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

190    Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni fl-atti tagħha, la mir-rapport E u lanqas mill-provi fil-proċess ma jirriżulta li t-tagħmir li jikkostitwixxi l-attiv mhux kurrenti kien fi stat ħażin, qadim ħafna jew ma setax jissewwa. Bl-istess mod, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax l-argument, espost mill-Kummissjoni kemm fil-premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fl-atti tagħha, li l-valur tal-attiv mogħti b’garanzija għandu normalment jirrifletti l-prezz ġenerali tal-attiv, li jikkorrispondi għall-valur tiegħu fis-suq. F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li kreditur, bħall-amministratur fiskali Slovakk, anki jekk ikollu privileġġ, bħala regola jiżgura ruħu li l-valur tal-garanziji tiegħu jikkorrispondi minn tal-inqas għall-valur tas-suq tal-attiv li jirreferu għalih. Jekk, kif tagħti x’tifhem ir-rikorrenti, ma kienx hemm għalfejn jittieħed inkunsiderazzjoni l-prezz tas-suq f’dan il-każ, imissha tat informazzjoni lill-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Iżda kulma tagħmel ir-rikorrenti hu li tirreferi għall-aġir ta’ kreditur raġonevoli, mingħajr lanqas ma tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kreditur prinċipali tagħha kien kreditur li kellu privileġġ fuq parti mill-attiv mhux kurrenti tagħha. Tali kreditur privileġġjat bilfors jevalwa l-possibbiltajiet tiegħu li jirkupra l-ammonti dovuti lilu billi jieħu inkunsiderazzjoni l-bażi tal-privileġġ tiegħu.

191    Fl-aħħar, fis-sitt lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kellha żball ma tiħux inkunsiderazzjoni kemm ir-rapport K kif ukoll ir-rapport H, kif previst insostenn tal-affermazzjoni tagħha li l-kriterju ta’ kreditur privat f’ekonomija tas-suq kien sodisfatt f’dan il-każ, dan għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma r-rikorrenti u hekk kif diġà osservat il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni la hija marbuta titlob lir-rikorrenti jintbagħtilha r-rapport K u lanqas li jingħatawlha spjegazzjonijiet fuq l-allegati kontradizzjonijiet tiegħu mar-rapport E. Fir-rigward tal-ilmenti tar-rikorrenti kontra l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-informazzjoni li tinsab fir-rapport H għal dak li jikkonċerna l-proċedura ta’ stralċ mill-qorti, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 124 iktar ’il fuq, jirriżulta li dawn huma infondati.

192    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha suesposti jirriżulta li s-seba’ motiv, sa fejn jipprova jistabbilixxi li l-Kummissjoni kellha żball tikkunsidra li l-proċedura ta’ stralċ mill-qorti kienet iktar favorevoli minn dik ta’ ftehim, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fir-rigward tal-argumenti żviluppati fil-kuntest tat-tmien motiv, għal dak li jikkonċerna l-proċedura ta’ stralċ mill-qorti

–       L-argumenti tal-partijiet

193    Ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-problemi f’din il-kawża saret ħażin minħabba l-importanza li hija tat lill-fatt li r-Repubblika Slovakka kkontestat il-proċedura ta’ ftehim quddiem qorti nazzjonali u lid-diverġenzi interni eżistenti fi ħdan l-amministrazzjoni fiskali Slovakka. Filwaqt li dawn il-fatturi allegatament kellhom impatt dannuż u inġust fuq l-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-riżultat tal-proċedura li nbdiet mir-Repubblika Slovakka quddiem l-imsemmija qorti nazzjonali. Il-Kummissjoni għażlet li tinjora l-provi kollha ppreżentati mir-rikorrenti u kkuntentat ruħha li tadotta, mingħajr eżami kritiku, l-affermazzjonijiet tar-Repubblika Slovakka li ma kinux sostnuti bi provi u dikjarazzjonijiet mhux ikkorroborati minn fatti. Il-Kummissjoni ġiet informata li ċerti elementi ċentrali tal-argumentazzjoni tal-awtoritajiet Slovakki kienu ġew invalidati mill-qrati Slovakki. Bl-istess mod, ċerti dikjarazzjonijiet, bħal dik li Old Herold kienet xerrejja potenzjali tat-tagħmir ta’ produzzjoni tar-rikorrenti, huma żbaljati. Old Herold ma kien ikollha l-ebda interess tixtri dan it-tagħmir ta’ produzzjoni. Skont ir-rikorrenti, Old Herold kellha kapaċità żejda fil-fabbrika tagħha ta’ Trenčin (is-Slovakkja), ħaġa li tirriżulta mill-fatt li, matul il-perijodu minn April sa Settembru 2004, din il-kumpannija setgħet tiddistilla l-prodotti kollha tat-trade mark Frucona mingħajr ma kellha tnaqqas l-attivitajiet tagħha għal dak li jirrigwarda l-produzzjoni tagħha stess. Il-“fidi assoluta” li l-Kummissjoni kellha fid-dikjarazzjonijiet tar-Repubblika Slovakka tikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

194    B’mod iktar preċiż, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li kkunsidrat bħala provi, sabiex jintwera li l-awtoritajiet Slovakki ma kinux favorevoli għall-proposta ta’ ftehim tar-rikorrenti, l-ittri tal-15 ta’ Jannar u tas-6 ta’ Lulju 2004. Mis-sentenza tal-iŠpeciálny súd v Pezinku tas-6 ta’ Marzu 2006 jirriżulta li d-Direttorat Ġenerali tat-taxxi Slovakk ma rrispettax il-prinċipju tal-awtonomija ta’ deċiżjonijiet tal-awtoritajiet fiskali lokali. Bl-istess mod, mid-deċiżjonijiet tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky tal-25 ta’ Ottubru 2004 u tas-27 ta’ April 2006, jirriżulta li l-amministrazzjoni fiskali Slovakka kienet irrappreżentata debitament fis-seduta fir-rigward tal-ftehim tad-9 ta’ Lulju 2004. Ir-rikorrenti żżid li, peress li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat huwa kunċett oġġettiv, mingħajr ma l-Kummissjoni għandha għalfejn tieħu pożizzjoni jekk ikun hemm diverġenzi interni tal-amministrazzjoni, li ma hemmx dubju li jeżistu f’dan il-każ, hija kellha sempliċiment tieħu inkunsiderazjzoni l-kriterju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq. Minkejja dan, il-Kummissjoni għażlet li tinjora l-fatt li d-direttur tal-awtorità fiskali lokali li approva l-ftehim ġie meħlus mill-iŠpeciálny súd v Pezinku minn kull akkuża miġjuba kontrih. Fis-sentenza tagħha, l-imsemmija qorti nazzjonali ddeċidiet, minn naħa, li l-imsemmi direttur kien aġixxa fil-qafas tal-kompetenzi tiegħu u kien iddeffenda tajjeb l-interessi tar-Repubblika Slovakka meta aċċetta l-ftehim, u, min-naħa l-oħra, li, għall-kuntrarju ta’ dak li jippretendi l-prokuratur, l-amministrazzjoni fiskali Slovakka ma setgħetx “tikseb is-saldu immedjat” tal-ammont ta’ SKK 308 miljun tal-attiv kurrenti tar-rikorrenti, ammont ikkunsidrat mill-Kummissjoni, fil-premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata. Skont ir-rikorrenti, l-iSpeciálny súd v Pezinku b’hekk ikkonstatat li dan l-ammont ta’ SKK 308 miljun kien għoli wisq. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirrileva li l-qorti nazzjonali kkonkludiet li l-ittri tal-15 ta’ Jannar u tas-6 ta’ Lulju 2004 (li fuhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni fil-premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata) ma kinux ta’ natura vinkolanti. Wara appell ippreżentat quddiem in-Najvyšší súd Slovenskej republiky kontra s-sentenza tal-iŠpeciálny súd v Pezinku, il-qorti nazzjonali msemmija l-ewwel irrinvijat il-kawża quddiem il-qorti nazzjonali msemmija l-aħħar u talbitha tiġbor iktar provi. F’Settembru 2006, l-iŠpeciálny súd v Pezinku talbet rapport sabiex jiġu evalwati l-konklużjonijiet tar-rapport E, li ġie ppreżentat lilha f’Diċembru 2006.

195    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti insostenn tat-tmien motiv, sa fejn jipprova jistabbilixxi li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-proċedura ta’ stralċ mill-qorti kienet iktar favorevoli minn dik ta’ ftehim.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

196    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ imsemmija fil-punt 114 iktar ’il fuq, kien biss il-kriterju ta’ kreditur privat f’ekonomija tas-suq li kien applikabbli f’dan il-każ. B’hekk, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun issostni li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni biss il-kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq.

197    Fit-tieni lok, hekk kif ġie osservat fil-punt 83 iktar ’il fuq, il-fatt li l-iŠpeciálny súd v Pezinku ddeċidiet li l-ittri tal-15 ta’ Jannar u tas-6 ta’ Lulju 2004 ma kinux vinkolanti u, b’hekk, kienu jikkostitwixxu sempliċiment rakkomandazzjonijiet, ma jistax iwaqqaf lill-Kummissjoni milli tikkonstata, f’dan il-każ li, f’dawn iż-żewġ ittri, issemmiet l-oppożizzjoni tad-direttorat ġenerali tat-taxxi Slovakk mhux biss għall-proposta ta’ ftehim tar-rikorrenti, iżda wkoll għal kwalunkwe remissjoni ta’ dejn fiskali fit-territorju tar-Repubblika Slovakka.

198    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma kellhiex raġun tikkunsidra li Old Herold kienet xerrejja potenzjali tat-tagħmir ta’ produzzjoni tar-rikorrenti, mill-provi fil-proċess jirriżulta li Old Herold kienet manifestament interessata fl-attiv tar-rikorrenti kemm dak għal żmien qasir, jiġifieri l-istokkijiet, kif ukoll dak għal żmien itwal, jiġifieri l-attiv mhux kurrenti. Fil-fatt, peress li, fiż-żmien meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kellha ebda informazzjoni oħra, ma tistax tiġi kkritikata talli kkunsidrat li l-fatt li Old Herold aċċettat li tikri t-tagħmir ta’ produzzjoni tar-rikorrenti wara li din tal-aħħar tilfet il-liċenzja tagħha għall-produzzjoni u l-ipproċessar tal-alkoħol u tal-ispirti juri, fih innifsu, mhux biss li l-imsemmi attiv mikri kien fi stat li jaħdem, iżda wkoll li Old Herold kienet interessata fl-idea li tkun tista’ tiddisponi minn dan it-tagħmir ta’ produzzjoni. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li, hekk kif issostni r-rikorrenti, Old Herold kellha kapaċità żejda fil-fabbrika tagħha ta’ Trenčin, dan ma jippermettix li jiġi eskluż li din tal-aħħar riedet tiżviluppa l-attività tagħha fis-suq tal-alkoħol u tal-ispriti sabiex issaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mar-rikorrenti, u dan iktar u iktar meta r-rikorrenti, skont il-ftehim ta’ kooperazzjoni tagħhom, kellha tiddistribwixxi l-prodotti tal-alkoħol u tal-ispirti tagħha. Mill-kunsiderazzjonijiet suesposti jirriżulta li dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

199    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti lanqas ma għandha raġun tippretendi li, fid-dawl tas-sentenza tal-iŠpeciálny súd v Pezinku tas-6 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni kellha tikkunsidra li l-ammont ta’ SKK 308 miljun, li kienet ibbażat ruħha fuqu, kien għoli wisq. Fil-fatt, mill-imsemmija sentenza jirriżulta li l-iŠpeciálny súd v Pezinku kkonstatat sempliċiment li, sa fejn l-ammont tal-krediti kien ta’ SKK 200 miljun, l-akkuża ma kellhiex raġun tippretendi li l-ammont ta’ 308 miljun SKK seta’ jiġi rkuprat immedjatament.

200    Barra minn hekk, mis-sentenza tal-iŠpeciálny súd v Pezinku tas-6 ta’ Marzu 2006 jirriżulta li din il-qorti nazzjonali tikkonferma b’mod approssimattiv (jiġifieri madwar SKK 200 miljun) l-evalwazzjoni mir-rikorrenti (jiġifieri SKK 194 miljun) tal-valur tal-attiv mogħti b’garanzija lill-awtoritajiet Slovakki mir-rikorrenti. B’hekk sa fejn il-Kummissjoni ħadet ħsieb, kif diġà ġie indikat fil-punt 162 iktar ’il fuq, fid-deċiżjoni kkontestata, li tikkunsidra li l-ammont tal-krediti ggarantiti kien għall-inqas ugwali għall-evalwazzjoni tar-rikorrenti (u mhux għal dik tar-Repubblika Slovakka, jiġifieri SKK 297 miljun), ma jistax jiġi akkużat li injora l-informazzjoni li r-rikorrenti bagħtitlu f’dan ir-rigward.

201    Biex nikkonkludu, it-tmien motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat, sa fejn jipprova jistabbilixxi li l-Kummissjoni ma kellhiex raġun tikkunsidra li l-proċedura ta’ stralċ mill-qorti kienet iktar favorevoli minn dik ta’ ftehim.

 Fuq l-argumenti żviluppati fil-kuntest tad-disa’ motiv, sa fejn jikkonċernaw il-proċedura ta’ stralċ mill-qorti

–       L-argumenti tal-partijiet

202    Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li ma mmotivatx biżżejjed id-deċiżjoni kkontestata.

203    B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġunament tagħha fir-rigward ta’ diversi kwistjonijiet. Minn naħa, ir-rikorrenti ma tinnegax li l-amministrazzjoni fiskali Slovakka, bħala kreditur privileġġjat, kienet f’pożizzjoni iktar vantaġġuża legalment minn dik tal-kredituri l-oħra, iżda hija takkuża lill-Kummissjoni li ma spjegatx ir-raġunijiet għalfejn hija affermat li l-amministrazzjoni fiskali Slovakka kienet tinsab f’sitwazzjoni ekonomika iktar vantaġġuża minn dik tal-kredituri l-oħra tagħha. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssotni li ma tarax b’mod ċar “x’inhu l-iskop tal-punti 100 et seq. [tad-deċiżjoni kkontestata] […] b’relazzjoni mal-konklużjoni tal-Kummissjoni fuq l-għajnuna mill-Istat”.

204    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti insostenn tad-disa’ motiv.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

205    Minn naħa, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas ta’ spjegazzjonijiet mill-Kummissjoni fir-rigward tal-affermazzjoni tagħha li l-amministrazzjoni fiskali Slovakka kienet tinsab f’sitwazzjoni ekonomika iktar vantaġġuża minn dik tal-kredituri l-oħra tagħha, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 74 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tafferma dan li ġej:

“Madankollu, l-uffiċċju tat-taxxi kien jinsab, qabel il-ftehim, f’sitwazzjoni legali u ekonomika iktar favorevoli minn [dik tal-] kredituri privati. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-uffiċċju tat-taxxi użax il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jikseb l-ogħla rata ta’ rkupru possibbli tal-krediti tiegħu, kif kien jagħmel kreditur f’ekonomija tas-suq” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

206    Ċertament, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, fir-rigward tas-sitwazzjoni l-iktar favorevoli ekonomikament u legalment tal-amministrazzjoni fiskali Slovakka, ma hijiex sostnuta b’mod ċar fid-deċiżjoni kkontestata.

207    Madankollu, din il-konstatazzjoni ma jista’ jkollha ebda konsegwenza fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, ir-rikorrenti la tikkontesta l-kwalità ġuridika tal-awtorità fiskali lokali, jiġifieri dik ta’ kreditur privileġġjat, u lanqas il-konsegwenzi iktar favorevoli marbutin magħha b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Slovakka fis-seħħ meta seħħew il-fatti, u dan meta mqabbla mal-kredituri l-oħra tagħha. Hekk kif issostni l-Kummissjoni fl-atti tagħha, f’dan il-każ, il-vantaġġ legali li kellha l-awtorità fiskali lokali bħala kreditur privileġġjat ukoll kien jikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku, peress li, f’din il-kwalità, hija kellha l-garanzija li tirkupra, bi prijorità fuq il-kredituri privati tar-rikorrenti, il-kreditu tagħha, u dan fi kwalunkwe mument tal-proċedura ta’ stralċ tal-attiv mirhun sa għall-inqas SKK 194 miljun. B’hekk, dan l-ewwel argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

208    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li ma tistax tifhem “x’inhu l-iskop tal-premessi 100 et seq. [tad-deċiżjoni kkontestata] […] b’relazzjoni mal-konklużjoni tal-Kummissjoni fuq l-għajnuna mill-Istat”, għandu jiġi osservat li, fil-premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat it-tliet partijiet tal-analiżi tagħha bit-titolu “Għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE”, fejn it-tielet parti kellha tagħti lok għal eżami tal-provi indiretti prodotti mill-awtoritajiet Slovakki u r-rikorrenti. Fil-premessi 100 u 109 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet dan l-eżami. B’hekk, dan l-argument huwa manifestament infondat.

209    Konsegwentement, id-disa’ motiv, sa fejn jipprova jistabbilixxi li l-Kummissjoni ma kellhiex raġun tikkunsidra li l-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju kienet iktar favorevoli minn dik ta’ ftehim, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

210    Mill-konklużjonijiet misluta fil-punti 151, 168, 192, 201 u 209 iktar ’il fuq jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat, flimkien, għall-istess motivi, mas-sitt, mas-seba’, mat-tmien u mad-disa’ motivi sa fejn huma marbutin mar-raba’ motiv.

211    Fl-aħħar lok, fid-dawl, minn naħa, tal-osservazzjonijiet preliminari fformulati fil-punti 88 sa 92 iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, tal-konklużjonijiet misluta fil-punti 149 sa 151 iktar ’il fuq, ma hemmx għalfejn tingħata deċiżjoni, sabiex tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, għal dak li jirrigwarda l-kwalifika tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, fuq il-fondatezza tal-ħames motiv, kif ukoll tas-sitt, is-seba’, it-tmien u d-disa’ motivi, sa fejn jirrigwardaw il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni kellhiex raġun tikkunsidra li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni fiskali kienet iktar favorevoli minn dik ta’ ftehim.

212    Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha raġun tikkwalifika l-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mil-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

5.     Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u ta’ fatt sa fejn il-Kummissjoni ma eżoneratx il-ftehim bħala għajnuna għar-ristrutturar u applikat il-linji gwida tal-2004 b’mod retroattiv

 L-argumenti tal-partijiet

213    Ir-rikorrenti ssotni li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 87(3) KE u l-linji gwida tal-1999, billi ma eżentatx l-għajnuna inkwistjoni, meta hija kienet impriża li kienet tinsab f’diffikultà, u li l-ftehim kien ibbażat fuq pjan ta’ ristrutturar li kien limitat għall-minimu strett u kien iwassal biex terġa’ ssir vijabbli għal żmien fit-tul. Barra minn hekk, il-Kummissjoni applikat b’mod retroattiv il-linji gwida tal-2004, għalkemm ammettiet li l-linji gwida tal-1999 kienu applikabbli. Minbarra dan, ir-rikorrenti tafferma li l-Kummissjoni affermat sempliċiment li ma reġgħetx saret vijabbli u li l-għajnuna inkwistjoni ma kinitx limitata għall-minimu strett. Il-Kummissjoni ma eżaminatx il-kriterji l-oħra li jippermettu li miżura tiġi kkwalifikata bħala għajnuna għar-ristrutturar bħall-eżistenza ta’ miżuri kompensatorji. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tippretendi li, għalkemm hija SME, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-punt 55 tal-linji gwida tal-1999, li jipprovdi li, fir-rigward tal-SMEs, il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 29 sa 47 tal-imsemmija linji gwida għandhom jiġu applikati b’mod inqas strett.

214    Ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li, fir-rigward tal-kwistjoni li terġa’ ssir vijabbli għal żmien fit-tul, hija pprovdiet lill-Krajský súd v Košiciach bi pjan ta’ ristrutturar li kien jinkludi diversi miżuri. Dan il-pjan ġie implementat u kkontrollat minn amministratur ta’ stralċ mill-qorti kkummissjonat mill-Krajský súd v Košiciach u ppermettielu “jerġa’ jrendiha” vijabbli mingħajr intervent ieħor mill-Istat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni jmissha ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li dan il-pjan tfassal u ġie kkomunikat lill-Krajský súd v Košiciach qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka, b’mod li din tal-aħħar ma setgħetx tinnotifikah. Ir-rikorrenti ssostni li, li kieku n-nuqqas ta’ pjan ta’ ristrutturar imfassal bil-mod meħtieġ mill-Kummissjoni jfisser li miżura tkun inkompatibbli awtomatikament, Stat Membru ġdid tal-Unjoni ma jkun jista’ japplika jew jimplementa l-ebda miżura ta’ ristrutturar qabel l-adeżjoni tiegħu, anki jekk il-kriterji kollha l-oħra jkunu rispettati. Tali politika tikser l-Artikolu 12 KE.

215    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li hija reġgħet saret vijabbli għal żmien fit-tul. Hija ssostni li, għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ir-ristrutturar tal-attivitajiet tagħha ta’ distillerija u l-kooperazzjoni tagħha ma’ Old Herold huma r-raġuni għal dan is-suċċess. Sa fejn id-diffikultajiet finanzjarji tagħha kienu jirriżultaw mill-kundizzjonijiet għall-ħlas tad-drittijiet tas-sisa għall-attivitajiet tagħha ta’ produzzjoni ta’ alkoħol, hija ssostni li, meta ma ffabrikatx iktar alkoħol, hija evitat li tali diffikultajiet jerġgħu jiġru. Minbarra dan, l-argument tal-Kummissjoni li setgħet terġa’ titlob liċenzja għall-produzzjoni u l-ipproċessar tal-alkoħol u l-ispirti għandu jiġi miċħud billi ma reġgħetx talbet tali liċenzja u ma għandhiex l-intenzjoni tagħmel dan, b’mod illi ma għadhiex attiva fis-suq li fih qed jiġi allegat li l-miżura inkwistjoni toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

216    Fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-għajnuna hijiex limitata għall-minimu strett, il-Kummissjoni ppretendiet li, minn naħa, ir-Repubblika Slovakka ma jmisshiex tat il-kunsens tagħha, fir-rigward tal-ftehim, għal ammont imħallas lura mir-rikorrenti ta’ inqas minn 35.84 % tad-dejn u li, min-naħa l-oħra, il-kontribuzzjoni tagħha kienet baxxa wisq. Ir-rikorrenti ssostni li rendiment ta’ iktar minn 35 % kien jikkomprometti l-“vijabbiltà tal-ftehim”. Hija tafferma li, peress li ma setgħetx tipprovdi garanziji għal self minn bank, l-assi likwidi miġbura, ta’ ammont totali ta’ SKK 231 miljun, sabiex tiffinanzja l-obbligi tagħha riżultanti mill-ftehim, kienu jinkisbu b’mezzi oħrajn. Fost dawn il-mezzi hemm is-self mill-fornitur ta’ [kunfidenzjali] SKK mogħti minn Old Herold. Il-Kummissjoni evalwat ħażin dan is-self, li ma tħallasx lilha iżda li t-terminu għar-rimbors tiegħu ttawwal sabiex tkun tista’ takkumula assi likwidi. Fid-deċiżjoni taħgha tas-27 ta’ April 2006, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky ikkonfermat li l-ammont tal-attiv mobbli li kellha r-rikorrenti wara l-ftehim kien il-minimu neċessarju biex ma tfallix. Ir-rikorrenti tafferma li ma kellhiex assi likwidi żejda u li ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni ma ġiet ikkonstatata wara x-xahar ta’ Lulju 2004.

217    Fir-rigward tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kontribuzzjoni tagħha għar-ristrutturar, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li s-self li taha Old Herold ma kienx jikkostitwixxi tali kontribuzzjoni għar-raġuni li terminu għall-ħlas ta’ erbgħin ġurnata jista’ jiġi kkunsidrat bħala prattika komuni. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-fatt li jingħata tali terminu matul il-proċedura ta’ ftehim kien imur lil hinn mill-“prattiki normali tal-kummerċ” u, b’hekk, jikkostitwixxi miżura ta’ ristrutturar. Fil-fehma tagħha, fornitur li, għall-kuntrarju ta’ Old Herold, ma għandu ebda “interess finanzjarju fit-tul [magħha]” ma kienx jagħtiha merkanzija mingħajr ma jitolb ħlas minn qabel jew garanziji. Barra minn hekk, mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni jirriżulta li din tal-aħħar fil-passat ikkunsidrat li 35 % kienet perċentwali biżżejjed bħala kontribuzzjoni tal-benefiċjarju għall-pjan ta’ ristrutturar.

218    Fl-aħħar, fit-tielet lok, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li applikat b’mod retroattiv il-linji gwida tal-2004, billi bbażat ruħha fuq il-livell ta’ parteċipazzjoni l-ġdid imsemmi fihom. Tali applikazzjoni retroattiva tikkostitwixxi, fiha nfisha, motiv suffiċjenti għall-annullament. Fi kwalunkwe każ, billi applikat il-livell il-ġdid tal-linji gwida tal-2004, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-imsemmija linji gwida jipprovdu li, fir-reġjuni assistiti bħar-reġjun li fiha kienet tinsab Košice, il-kundizzjonijiet għall-evalwazzjoni tal-importanza tal-kontribuzzjoni proprja tal-benefiċjarju jistgħu jkunu inqas stretti.

219    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti insostenn tal-għaxar motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

220    B’mod preliminari, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 12 KE, ir-rikorrenti ma tesponi f’ebda mument sa fejn din id-dispożizzjoni, li tirrigwarda l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, inkisret f’dan il-każ. B’hekk, fid-dawl tad-dispożizzonijiet tal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

221    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni applikat b’mod retroattiv il-linji gwida tal-2004 ma hijiex fondata. Minn naħa, minn diversi punti tad-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari mill-punti 116 sa 118 u 120 sa 136, jirriżulta b’mod espliċitu li l-Kummissjoni mhux biss ikkonstatat li l-linji gwida tal-1999 kienu applikabbli għall-każ ineżami, iżda eżaminat ukoll il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni fid-dawl tal-imsemmija linji gwida. Min-naħa l-oħra, għalkemm il-Kummissjoni semmiet effettivament fil-premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata, permezz ta’ riferiment għan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 36 tal-imsemmija deċiżjoni, il-livell tal-kontribuzzjoni proprja tal-benefiċjarju ta’ 40 % imsemmi fil-linji gwida tal-2004, dan ir-riferiment ma jistax isostni l-argument tar-rikorrenti fir-rigward tal-applikazzjoni retroattiva ta’ dawn il-linji gwida fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi riferiment sar biss sabiex tiġi spjegata l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li l-prattika tagħha fir-rigward tal-applikazzjoni tal-linji gwida tal-1999 u l-iżvilupp tal-politika tagħha fir-rigward tal-kriterju ta’ limitazzjoni tal-ammont u tal-intensità tal-għajnuna għall-minimu strett “wasslu għall-introduzzjoni ta’ limiti fil-[linji gwida tal-2004]”. Mill-bqija, hekk kif jirriżulta b’mod ċar mit-tieni frażi tal-premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat b’mod espress li l-kontribuzzjoni proprja tar-rikorrenti ta’ inqas minn 27 % “tista’ tkun aċċettabbli[,] skont il-linji gwida tal-1999[,] biss jekk il-kundizzjonijiet l-oħra neċessarji għall-approvazzjoni tal-għajnuna jkunu sodisfatti”. B’hekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni applikat il-linji gwida tal-1999 u li, b’hekk, l-argument ibbażat fuq l-applikazzjoni retroattiva tal-linji gwida tal-2004 għandu jiġi miċħud bħala infondat.

222    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti lanqas ma għandha raġun issostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-punt 55 tal-linji gwida tal-1999, li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-imsemmija linji gwida għall-SMEs. Fil-fatt, minn naħa, fil-premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rikorrenti kienet “impriża medja” fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, fil-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li, għall-SMEs, il-linji gwida tal-1999 kienu jipprovdu li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna jistgħu jkunu inqas eżiġenti għal dak li jikkonċerna l-kisba ta’ miżuri kompensatorji u l-kontenut ta’ rapporti ta’ monitoraġġ. Hija żiedet ukoll, fit-tieni sentenza tal-imsemmija premessa, li “dawn l-elementi madankollu ma jiddispensawx lill-kumpanniji mill-obbligu li jfasslu pjan ta’ ristrutturar u lill-Istati Membri minn dak li jirrispettaw l-impenn tagħhom li jagħtu għajnuna għar-ristrutturar biss jekk il-pjan ta’ ristrutturar jiġi implementat kif suppost”. Mis-suespost jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-punt 55 tal-linji gwida tal-1999 għandu jiġi miċħud bħala infondat.

223    Fir-raba’ lok, mill-premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li fl-ittra tagħha tal-4 ta’ Jannar 2005, ir-Repubblika Slovakka talbet lill-Kummissjoni b’mod espress li tawtorizza l-miżura inkwistjoni bħala għajnuna biex tiġi salvata impriża li tinsab f’diffikultà.

224    Prinċipalment, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, il-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li l-miżura inkwistjoni ma kinitx kompatibbli mas-suq komuni fid-dawl tal-linji gwida tal-1999.

225    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar, qabel kollox, li, skont l-Artikolu 87(3)(c) KE, tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni “għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”.

226    Minbarra dan, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Artikolu 87(3) KE jagħti lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex taċċetta għajnuna b’deroga għall-projbizzjoni ġenerali tal-paragrafu (1) tal-imsemmi artikolu, inkwantu l-evalwazzjoni, f’dan il-każ, tal-kompatibbiltà jew tan-nuqqas ta’ kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni tqajjem problemi li jinvolvu t-teħid inkunsiderazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ fatti u ċirkustanzi ekonomiċi kumplessi u li jistgħu jinbidlu malajr (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C‑39/94, Ġabra p. I‑3547, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata). Peress li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-awtur tad-deċiżjoni, b’mod partikolari fuq il-livell ekonomiku, b’dik tagħha, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għandu, f’dan ir-rigward, ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 2002, Graphischer Maschinenbau vs Il-Kummissjoni, T‑126/99, Ġabra p. II‑2427, punt 32, u tal-14 ta’ Ottubru 2004, Pollmeier Malchow vs Il-Kummissjoni, T‑137/02, Ġabra p. II‑3541, punt 52).

227    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità ta’ att għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data meta ġie adottat l-att u l-evalwazzjonijiet kumplessi magħmula mill-Kummissjoni għandhom jiġu eżaminati biss skont l-informazzjoni li hija kellha fil-mument meta għamlithom (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 1999, Salomon vs Il-Kummissjoni, T‑123/97, Ġabra p. II‑2925, punt 48, u Graphischer Maschinenbau vs Il-Kummissjoni, punt 226 iktar ’il fuq, punt 33).

228    Minbarra dan, il-Kummissjoni tista’ timponi fuqha nfisha linji gwida għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha permezz ta’ atti bħal-linji gwida inkwistjoni, sa fejn dawn l-atti fihom regoli indikattivi fuq id-direzzjoni li għandha tittieħed minn din l-istituzzjoni u sakemm ma jkunux inkompatibbli mar-regoli tat-Trattat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑278/00, Ġabra p. I‑3997, punt 98, u l-ġurisprudenza ċċitata).

229    Fl-aħħar nett, fin-nuqqas ta’ pjan ta’ ristrutturar kredibbli, il-Kummissjoni għandha raġun tirrifjuta l-awtorizzazzjoni għall-għajnuna inkwistjoni skont il-linji gwida tal-1999 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra p. I‑2481, punti 44 sa 49).

230    F’dan il-każ, il-Kummissjoni eżaminat l-għajnuna mogħtija lir-rikorrenti fid-dawl tal-linji gwida tal-1999, li jiddefinixxu l-kriterji għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturar tal-impriżi li jinsabu f’diffikultà.

231    Hekk kif jirriżulta mill-punt 31 tal-linji gwida tal-1999, sabiex tiġi ddikjarata kompatibbli mal-Artikolu 87(3)(c) KE, l-għajnuna individwali għal impriżi li jinsabu f’diffikultà għandha tkun marbuta ma’ pjan ta’ ristrutturar li jkun ġie vvalidat mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, skont il-punti 32 sa 40 tal-linji gwida tal-1999, il-pjan ta’ ristrutturar, li ż-żmien tiegħu għandu jkun qasir kemm jista’ jkun, għandu b’mod partikolari jippermetti li terġa’ tiġi stabbilita fi żmien raġonevoli l-vijabbiltà tal-impriża għal żmien twil, abbażi ta’ ipoteżijiet realistiċi dwar il-kundizzjonijiet għall-operat fil-futur, filwaqt li jillimita l-ammont u l-intensità tal-għajnuna għall-minimu strett. Barra minn hekk, b’mod konformi mal-punti 43 u 45 tal-linji gwida tal-1999, l-impriża kkonċernata għandha timplementa b’mod sħiħ il-pjan ta’ ristrutturar kif ikun ġie aċċettat mill-Kummissjoni. Din l-implementazzjoni u l-iżvolġiment tajjeb tal-imsemmi pjan huma suġġetti għall-kontroll tal-Kummissjoni, li lilha għandhom jiġu ppreżentati rapporti annwali dettaljati. B’hekk, għandu jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, dawn ir-rekwiżiti ġewx irrispettati.

232    Fit-tieni lok, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex ikkonkludiet li l-kundizzjonijiet definiti mil-linji gwida tal-1999 ma kinux sodisfatti, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq in-nuqqas ta’ pjan ta’ ristrutturar u fuq il-fatt li l-miżura inkwistjoni ma kinitx limitata għall-minimu strett.

233    L-ewwel nett, fir-rigward tal-konklużjoni li l-Kummissjoni siltet fir-rigward tan-nuqqas ta’ “pjan ta’ ristrutturar” fis-sens tal-linji gwida tal-1999, ir-rikorrenti ssostni, minn naħa, li hija pprovdiet lill-Krajský súd v Košiciach bi pjan ta’ ristrutturar li kien jinkludi diversi miżuri ta’ ristrutturar, min-naħa l-oħra, li dan il-pjan ġie implementat u kkontrollat minn amministratur ta’ stralċ mill-qorti kkummissjonat mill-Krajský súd v Košiciach u, fl-aħħar, li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-imsemmi pjan.

234    Mill-provi fil-proċess ma jirriżultax li l-awtoritajiet Slovakki kellhom, fid-data meta ngħatat l-għajnuna inkwistjoni, pjan ta’ ristrutturar konformi mar-rekwiżiti mfakkra fil-punt 231 iktar ’il fuq u li seta’ jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni.

235    Fil-fatt, mill-provi fil-proċess jirriżulta li l-awtorità fiskali lokali kienet, fl-ittra tagħha tal-20 ta’ Ottubru 2004, ġibdet l-attenzjoni tar-rikorrenti għall-fatt li r-remissjoni ta’ dejn approvata mill-awtorità fiskali lokali kienet tikkostitwixxi għajnuna, li kellha tiġi awtorizzata mill-Kummissjoni, li b’hekk kienet talbitha tibagħtilha pjan ta’ investiment fi żmien madwar xahar. Fl-ittra tagħha tad-9 ta’ Novembru 2004, ir-rikorrenti mhux biss ikkontestat il-kwalifika tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, iżda rrifjutat formalment ukoll li tikkomunika l-pjan ta’ investiment mitlub mill-awtorità fiskali lokali sabiex tintalab awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni.

236    Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni kjarament il-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju ppreżentat mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ ftehim. B’hekk, fil-premessi 52 u 81 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet b’mod espress għal dan il-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju u, fil-punti 130 sa 141 tad-deċiżjoni kkontestata (li jinsabu taħt il-parti li tirrigwarda l-eżami mill-Kummissjoni tal-kompatibbiltà tal-miżua inkwistjoni), hija evalwat jekk kemm mill-aspett formali kif ukoll mill-aspett sostantiv l-imsemmi pjan ta’ direzzjoni tan-negozju setax jiġi kkwalifikat bħala “pjan ta’ ristrutturar” fis-sens tal-linji gwida tal-1999. F’dan ir-rigward, fil-premessa 141 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, “[i]n-nuqqas ta’ pjan formali ta’ ristrutturar u ta’ analiżi ġenwina tad-diffikultajiet, tal-miżuri neċessarji għas-soluzzjoni ta’ dawn id-diffikultajiet u tal-kundizzjonijiet u l-perspettivi tas-suq [iwassluha] […] biex tikkonkludi li l-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju ppreżentat mill-benefiċjarju ma huwiex pjan ta’ ristrutturar ġenwin, kif previst mil-linji gwida tal-1999” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija b’hekk ikkonkludiet li d-dubji tagħha fir-rigward tal-kwistjoni li r-rikorrenti terġa’ ssir vijabbli għal żmien fit-tul ma kinux “tneħħew”.

237    Għalkemm, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni b’hekk kjarament ħadet inkunsiderazzjoni u eżaminat il-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju ppreżentat mir-rikorrenti fil-kuntest tal-porċedura ta’ ftehim, għandu jiġi kkonstatat li fl-atti tagħha, kull ma tagħmel ir-rikorrenti huwa li ssostni li l-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju li hija ppreżentat lill-Krajský súd v Košiciach kien jinkludi diversi miżuri ta’ ristrutturar, kien ġie implementat u kkontrollat minn amministratur tal-istralċ mill-qorti kkummissjonat mill-Krajský súd v Košiciach u kien ippermettielha terġa’ ssir vijabbli mingħajr ebda intervent ieħor mill-Istat.

238    B’hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tesponi ebda argument li jista’ jqajjem dubji dwar il-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula mill-Kummissjoni fil-premessi 130 sa 141 tad-deċiżjoni kkontestata li skonthom hija kkonkludiet li, kemm mill-aspett formali kif ukoll minn dak sostantiv, l-imsemmi pjan ta’ direzzjoni tan-negozju ma jikkostitwixxix “pjan ta’ ristrutturar” fis-sens tal-linji gwida tal-1999.

239    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti lanqas ma għandha raġun issostni li l-Kummissjoni jmissha ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li dan il-pjan kien tfassal u ġie kkomunikat lill-Krajský súd v Košiciach qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka, b’mod li ma kienx possibbli għal din tal-aħħar li tinnotifikah. Fil-fatt, dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li peress li l-miżura inkwistjni ġiet adottata qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka, l-obbligu ta’ notifikazzjoni qabel ma tidħol fis-seħħ kif stipulat fl-Artikolu 88(3) KE ma kienx applikabbli. Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 86 iktar ’il fuq, huwa biss mill-mument meta l-awtorità fiskali lokali approvat formalment il-proposta ta’ ftehim, jiġifieri fid-9 ta’ Lulju 2004, li l-imsemmija awtorità rrinunzjat għal 65 % tal-krediti tagħha dovuti mir-rikorrenti. B’hekk, l-att legalment vinkolanti li permezz tiegħu l-awtoritajiet Slovakki impenjaw ruħhom li jirrinunzjaw parzjalment għad-dejn fiskali tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ ftehim ġie adottat wara l-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka. B’hekk, l-obbligu ta’ notifikazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 88(3) KE kien japplika għall-miżura inkwistjoni, u dan b’mod konformi mar-regoli proċedurali u sostantivi applikabbli fid-9 ta’ Lulju 2004. Hekk kif tfakkar fil-punt 231 iktar ’il fuq, miżura ta’ għajnuna bħall-miżura inkwistjoni f’dan il-każ kellha tkun marbuta ma’ pjan ta’ ristrutturar fis-sens tal-linji gwida tal-1999.

240    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet, fil-premessa 141 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju ppreżentat mir-rikorrenti ma kienx pjan ta’ ristrutturar fis-sens tal-linji gwida tal-1999.

241    B’mod konformi mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 229 iktar ’il fuq, hekk kif irrilevat fil-premessa 142 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha raġun, fin-nuqqas ta’ pjan ta’ ristrutturar kredibbli, tirrifjuta l-awtorizzazzjoni għall-għajnuna inkwistjoni skont il-linji gwida tal-1999.

242    Fit-tieni lok, mill-premessa 142 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet ħsieb teżamina wkoll ir-rekwiżit marbut mal-limitazzjoni tal-ammont u tal-intensità tal-għajnuna għall-minimu strett, kif previst fil-punt 40 tal-linji gwida tal-1999. B’hekk, għandhom jiġu eżaminati, b’mod sussidjarju, l-argumenti esposti mir-rikorrenti insostenn tal-għaxar motiv, sa fejn jippruvaw juru li l-Kummissjoni kellha żball tikkonkludi li l-miżura inkwistjoni ma kinitx tissodisfa l-imsemmi kriterju.

243    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-benefiċjarji, b’mod konformi mal-linji gwida tal-1999, għandhom normalment jikkontribwixxu għar-ristrutturar b’mod sostanzjali bir-riżorsi proprji tagħhom jew permezz ta’ finanzjament estern miskub bil-kundizzjonijiet tas-suq.

244    Min-naħa l-oħra, il-partijiet ma jaqblux fuq il-kwistjoni jekk il-posponiment tat-terminu għall-ħlas akkordat lir-rikorrenti minn Old Herold jikkostitwixxix kontribuzzjoni proprja tar-rikorrenti għall-pjan ta’ ristrutturar tagħha.

245    Hekk kif indikat il-Kummissjoni fil-premessi 147 sa 149 tad-deċiżjoni kkontestata, il-posponiment tat-terminu għall-ħlas li Old Herold kienet akkordat lir-rikorrenti ma jistax jiġi kkunsidrat bħala kontribuzzjoni li ġejja minn riżorsi esterni u, b’mod partikolari, minn kreditur li kien jemmen li terġa’ ssir vijabbli. Fil-fatt, biżżejjed jiġi rrilevat li, fil-laqgħa li saret fit-28 ta’ Marzu 2006 bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti, din tal-aħħar indikat b’mod espress li s-“self mill-fornitur” kien ingħata minn Old Herold matul it-tieni parti tas-sena 2004 u li normalment, it-tul ta’ żmien tat-termini għall-ħlas kien ta’ bejn 14 u 60 ġurnata. B’hekk, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra ġustament, fil-premessa 148 tad-deċiżjoni kkontestata li t-terminu ta’ 40 ġurnata, li kienet akkordatilha Old Herold kien jikkostitwixxi prattika normali, fi kwalunkwe każ fid-dawl taż-żmien standard ta’ 14 u 60 ġurnata, ikkomunikat mir-rikorrenti stess, u li, b’hekk, ma kienx jikkostitwixxi kontribuzzjoni għar-ristrutturar li ġejja minn riżorsi esterni.

246    Mill-kunsiderazzjonijiet suesposti jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni mal-ispejjeż tar-ristrutturar kienu manifestament żbaljati.

247    Konsegwentment, il-Kummissjoni kellha raġun tikkunsidra li l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-linji gwida tal-1999 ma kinux sodisfatti u b’hekk, tiddikjara li l-miżura inkwistjoni ma hijiex kompatibbli mat-Trattat KE.

248    Minn dan isegwi li l-għaxar motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat.

249    Mill-konklużjonijiet kollha li nsiltu fil-punti 54, 61, 87, 210, 211 u 248 iktar ’il fuq jirriżulta li l-motivi kollha invokati insostenn ta’ dan ir-rikors għandhom jiġu miċħuda, b’mod li għandu jiġi deċiż li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

250    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni u tal-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Frucona Košice a.s. hija kkundannata għall-ispejjeż.

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Diċembru 2010.

Reġistratur

 

       President

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

1.  Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2.  Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.  Ir-rikorrenti

2.  Il-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali

3.  Il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq il-mertu

1.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-ammont tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq ksur ta’ regola proċedurali essenzjali u tal-Artikolu 33 KE

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq it-tielet motiv ibbażat fuq ksur tat-Taqsima 3 tal-Anness IV tat-Trattat ta’ Adeżjoni, tal-Artikolu 253 KE, tal-Artikolu 88 KE u tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, inkwantu l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

4.  Fuq ir-raba’, il-ħames, is-sitt, is-seba’, it-tmien u d-disa’ motivi bbażati, essenzjalment, fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt imwettqa fir-rigward tal-kwalifika tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu l-Kummissjoni kkunsidrat li l-proċedura ta’ stralċ mill-qorti kienet iktar favorevoli minn dik ta’ ftehim

Fuq l-argumenti żviluppati fil-kuntest tar-raba’ motiv

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-argumenti żviluppati fil-kuntest tas-sitt motiv, sa fejn jikkonċernaw il-proċedura ta’ stralċ mill-qorti

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-argumenti żviluppati fil-kuntest tas-seba’ motiv, sa fejn jikkonċernaw il-proċedura ta’ stralċ mill-qorti

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fir-rigward tal-argumenti żviluppati fil-kuntest tat-tmien motiv, għal dak li jikkonċerna l-proċedura ta’ stralċ mill-qorti

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-argumenti żviluppati fil-kuntest tad-disa’ motiv, sa fejn jikkonċernaw il-proċedura ta’ stralċ mill-qorti

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

5.  Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u ta’ fatt sa fejn il-Kummissjoni ma eżoneratx il-ftehim bħala għajnuna għar-ristrutturar u applikat il-linji gwida tal-2004 b’mod retroattiv

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.