Language of document : ECLI:EU:C:2015:638

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

1 ta’ Ottubru 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 95/46/KE – Ipproċessar tad-data ta’ natura personali – Artikoli 10 u 11 – Informazzjoni tal-persuni kkonċernati – Artikolu 13 – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Trasferiment minn amministrazzjoni pubblika ta’ Stat Membru ta’ data fiskali ta’ natura personali bil-għan li din tiġi pproċessata minn amministrazzjoni pubblika oħra”

Fil-Kawża C‑201/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, immressqa mill-qorti tal-appell ta’ Cluj (Curtea de Apel Cluj, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Marzu 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ April 2014, fil-proċedura

Smaranda Bara et

vs

Președintele Casei Naționale de Asigurări de Sănătate,

Casa Naţională de Asigurări de Sănătate,

Agenţia Naţională de Administrare Fiscală (ANAF),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑29 ta’ April 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Smaranda Bara et, minn C. F. Costaş u K. Kapcza, avocați,

–        għall-Casa Naţională de Asigurări de Sănătate, minn V. Ciurchea, bħala aġent,

–        għall-Gvern Rumen, minn R. H. Radu kif ukoll minn A. Buzoianu, A.‑G. Văcaru u D. M. Bulancea, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Rogalski u B. Martenczuk kif ukoll minn J. Vondung, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Lulju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 124 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 10, 11 u 13 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u l-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn S. Bara et u l-Președintele Casei Naționale de Asigurări de Sănătate (President tal-Fond nazzjonali ta’ sigurtà soċjali), il-Casa Națională de Asigurări de Sănătate (Fond nazzjonali ta’ sigurtà soċjali, iktar ’il quddiem iċ-“CNAS”) u l-Agenția Națională de Administrare Fiscală (Aġenzija nazzjonali ta’ amministrazzjoni fiskali, iktar ’il quddiem l-“ANAF”) fir-rigward tal-ipproċessar ta’ ċerta data.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      ‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

b)      ‘ipproċessar ta’ data personali’ (‘ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

ċ)      ‘sistema ta’ ħażna ta’ data personali’ (‘sistema ta’ ħażna’) tfisser sett strutturat ta’ data personali li jkun aċċessibbli skond kriterji speċifiċi, kemm jekk ċentraliżżat, di-ċentraliżżat jew imferrex fuq bażi funzjonali jew ġeografika;

d)      ‘kontrollur’ tfisser persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li waħdu jew flimkien ma’ oħrajn jiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ta’ data personali; meta l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ikunu determinati minn liġijiet jew regolamenti nazzjonali jew tal-Komunità, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għan-nomina tiegħu jistgħu jkunu stabbiliti b’liġijiet nazzjonali jew tal-Komunità;

[...]”

4        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar.

2.      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali:

–        fil-kors ta’ attività li ma tkunx skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat (magħdud il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-operazzjoni ta’ l-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali,

–        minn persuna naturali meta fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika.”

5        L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, li jirrigwarda l-prinċipji dwar il-kwalità tad-data, jipprovdi:

“1.      Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali għandu jkun:

a)      ipproċessata b’mod ġust u skond il-liġi;

b)      miġbur għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessat aktar b’mod li ma jkunx kompatibbli ma dawk il-finijiet. Ippoċessar iktar ta’ data għal finijiet storiċi, ta’ statistika jew xjentifiċi m’għandux jitqies bħala inkompatibbli sakemm dak l-Istat Membru jagħti protezzjoni xierqa;

ċ)      adekwat, rilevanti u mhux eċċessiv għall-finijiet li għalih jinġab u/jew jiġi iktar ipproċessat;

d)      eżatt u, fejn meħtieġ, jinżamm aġġornat; għandu jsir dak kollu raġjonevoli biex ikun assigurat li data li ma tkunx eżatta jew mhux kompleta, meħud kont tal-finijiet li għalihom kien inġabar jew li għalihom ikun sar iktar ipproċessar, jitħassar jew jissewwa;

e)      miżmum b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data tkun inġabret jew li għalihom tkun iktar ipproċessata. Stati Membri għandhom jistabbilixxu protezzjoni xierqa għal data personali maħżuna għal perijodi itwal għal użu storiku, ta’ statistika jew xjentifiku.

2.      Għandu jkun il-kontrollur li jassigura konformità mal-paragrafu 1.”

6        L-Artikolu 7 tal-istess direttiva, li jirrigwarda l-prinċipji dwar il-kriterji biex l-ipproċessar tad-data jkun leġittimu, jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:

a)      is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu b’mod ċar;

jew

b)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir kuntratt li tiegħu s-suġġett tad-data jkun parti jew biex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jagħmel kuntratt;

jew

ċ)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex titħares obbligazzjoni legali li s-suġġett tagħha jkun il-kontrollur;

jew

d)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex jipproteġi l-interessi vitali tas-suġġett tad-data;

jew

e)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur jew f’parti terza li lilha jkun żvelat id-data;

jew

f)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi jiġu wara l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skond l-Artikolu 1(1).”

7        L-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46, intitolat “Informazzjoni f’każi ta’ ġbir ta’ data mingħand is-suġġet tad-data”, jiddikjara:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jew ir-rappreżentant tiegħu għandhom jagħtu lis-suġġett tad-data li mingħandu tinġabar id-data dwaru nnifsu, għall-inqas bl-informazzjoni li ġejja, ħlief meta huwa jkun diga jaf biha:

a)      l-identità tal-kontrollur jew tar-rappreżentant tiegħu, jekk ikun hemm;

b)      l-għanijiet ta’ l-ipproċessar li għalih id-data tkun maħsuba;

ċ)      informazzjoni oħra bħal:

–        ir-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri tad-data,

–        jekk tweġibiet għall-mistoqsijiet ikunux obbligatorji jew voluntarji, kif ukoll dwar x’aktarx ikunu l-konsegwenzi fin-nuqqas ta’ tweġiba,

–        l-eżistenza tad-dritt ta’ aċċess għal u d-dritt ta’ rettifika ta’ data dwaru,

sakemm din l-informazzjoni tkun meħtieġa, meħud kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom id-data jkun inġabar, biex ikun garantit ipproċessar ġust dwar is-suġġett tad-data.”

8        L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, intitolat “Informazzjoni meta d-data ma jkunux inkiseb mis-suġġet tad-data”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Meta d-data ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data, Stati Membru għandhom jipprovdu li l-kontrollur jew ir-rappreżentant tiegħu għandhom fil-mument li jibdew ir-reġistrazzjoni tad-data personali, jew jekk ikun maħsub li d-data tiġi żvelata lil parti terza, mhux aktar tard miż-żmien li d-data tkun żvelata l-ewwel darba, jagħtu lis-suġġett tad-data għall-inqas l-informazzjoni li ġejja, ħlief meta huwa jkun diġa jaf biha:

a)      l-identità tal-kontrollur jew tar-rappreżentant tiegħu, jekk ikun hemm;

b)      l-għanijiet ta’ l-ipproċessar;

ċ)      informazzjoni oħra bħal:

–        il-kategoriji tad-data in kwistjoni,

–        ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri,

–        l-eżistenza tad-dritt ta’ aċċess għal u d-dritt ta’ rettifika ta’ data dwaru,

sakemm dik l-informazzjoni tkun meħtieġa, meħud kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom id-data jkun inġabar, biex ikun garantit ipproċessar ġust dwar is-suġġett tad-data.

2.      Il-Paragrafu 1 m’għandux japplika fejn, partikolarment għal ipproċessar għall-finijiet ta’ statistika jew għall-finijiet ta’ riċerka storika jew xjentifika, ma jkunx possibbli li tingħata dik l-informazzjoni jew biex tingħata jkun meħtieġ sforz sproporzjonat jew jekk ir-reġistrazzjoni jew l-iżvelar ikunu espressament meħtieġa bil-liġi. F’dawn il-każi Stati Membri għandhom jipprovdu protezzjoni xierqa.”

9        Skont l-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Eżenzjonijiet u restrizzjonijiet”:

“1.      Stati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi biex jirrestrinġu l-finijiet ta’ l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet provduti fl-Artikoli 6(1), 10, 11 (1), 12 u 21 meta dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri meħtieġa li jagħtu protezzjoni lil:

a)      sigurtà nazzjonali;

b)      difiża;

ċ)      sigurtà pubblika;

d)      prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien u prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali jew il-ksur ta’ etika ta’ professjonijiet regolati;

e)      interess ekonomiku jew finanzjarju ta’ importanza għal Stat Membru jew għall-Unjoni Ewopea, magħduda affarijiet monetarji, fiskali jew ta’ l-estmi;

f)      monitoraġġ, spezzjoni jew funzjoni regolatorja marbuta, ukoll jekk kulltant, ma’ l-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali fil-każi msemmija f’ (ċ), (d) u (e);

ġ)      il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-oħrajn.

2.      Bla ħsara għal protezzjoni legali adekwata, partikolarment li d-data ma tkunx użata biex jittieħdu miżuri jew deċiżjonijiet dwar individwi partikolari, Stati Membi jistgħu, meta jkun jidher ċar li ma jkunx hemm riskju li d-dritt għall-ħajja privata tas-suġġett tad-data tinkiser, jirrestrinġu b’miżuri leġistattivi id-drittijiet provduti fl-Artikolu 12 meta d-data tkun ipproċessata biss għal għanijiet ta’ riċerka xjentifika jew biex jinżamm f’għamla personali għal żmien li ma jaqbiżx dak meħtieġ għall-iskop waħdieni tal-ħolqien ta’ statistika.”

 Id-dritt Rumen

 Il-Liġi Nru 95/2006

10      Mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li l-Artikolu 215 tal-Liġi Nru 95/2006 li tirrigwarda r-riforma fil-qasam tas-saħħa (Legea nr. 95/2006 privind reforma în domeniul sănătății), tal‑14 ta’ April 2006 (Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 372, tat‑28 ta’ April 2006), jipprovdi:

“(1)      Kull persuna fiżika jew ġuridika li timpjega persuni abbażi ta’ kuntratt individwali ta’ xogħol jew ta’ regolament speċjali previst mil-liġi, kif ukoll kull persuna fiżika, skont il-każ għandhom l-obbligu li jħallsu kontribuzzjoni ta’ assigurazzjoni għall-mard.

(2)      Il-persuni ġuridiċi jew fiżiċi li għandhom il-persuni assigurati jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom għandhom l-obbligu li ta’ kull xhar jiddepożitaw fil-fondi ta’ assigurazzjoni liberament magħżula mill-assigurati dikjarazzjonijiet nominattivi relatati mal-obbligi tagħhom lejn il-fond u l-prova tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet.

[...]”

11      L-Artikolu 315 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Id-data meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-kwalità ta’ assigurat għandha tiġi trażmessa mingħajr ħlas lill-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard mill-awtoritajiet, l-istituzzjonijiet pubbliċi u istituzzjonijiet oħrajn, fuq il-bażi ta’ protokoll.”

 Id-deċiżjoni tal-President taċ-CNAS Nru 617/2007

12      L-Artikolu 35 tad-deċiżjoni tal-President taċ-CNAS Nru 617/2007, tat‑13 ta’ Awwissu 2007, li tapprova r-regoli metodoloġiċi li jirrigwardaw l-istabbiliment tad-dokumenti ġustifikattivi sabiex tinkiseb il-kwalità ta’ assigurat jew ta’ assigurat mhux kontributur u l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ implementazzjoni forzata bil-għan li jinġabru s-somom dovuti lill-fond nazzjonali uniku ta’ sigurtà soċjali (Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 649, tal‑24 ta’ Settembru 2007), jiddikjara:

“[...] fir-rigward tal-obbligi ta’ ħlas lill-fond dovuti mill-persuni fiżiċi li jissottoskrivu għal kuntratt ta’ assigurazzjoni, minbarra dawk li għalihom il-ġbir tad-dħul isir mill-ANAF, it-titolu ta’ dejn jikkonsisti, skont il-każ, fid-dikjarazzjoni [...], fl-avviż ta’ tassazzjoni maħruġ mill-korp kompetenti tal-CAS [fond ta’ assigurazzjoni għall-mard], jew fid-deċiżjonijiet ġudizzjarji relatati ma’ dejn fil-konfront tal-fond. L-avviż ta’ tassazzjoni jista’ jinħareġ mill-korp kompetenti tal-CAS ukoll abbażi tal-informazzjoni rċevuta mill-ANAF abbażi ta’ protokoll.”

 Il-Protokoll tal-2007

13      Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru P 5282/26.10.2007/95896/30.10.2007 konkluż bejn iċ-CNAS u l-ANAF (iktar ’il qudiem il-“Protokoll tal‑2007”):

“Wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-protokoll, l-[ANAF], permezz tal-unitajiet speċjalizzati subordinati tagħha, għandha tittrażmetti, f’forma elettronika, id-database inizjali dwar:

a.      id-dħul ta’ persuni li jagħmlu parti mill-kategoriji previsti fl-Artikolu 1(1) ta’ dan il-protokoll u, kull tliet xhur, l-aġġornament ta’ din id-database, liċ-[CNAS], taħt forma kompatibbli mal-ipproċessar awtomatiku, skont l-Anness I ta’ dan il-protokoll [...]

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirċievu dħul minn attivitajiet indipendenti. L-ANAF ikkomunikat liċ-CNAS id-data relatata mad-dħul iddikjarat tagħhom. Abbażi ta’ din id-data, iċ-CNAS irrikjeda l-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet arretrati għall-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard.

15      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors quddiem il-qorti ta’ appell ta’ Cluj li fil-kuntest tiegħu jikkontestaw il-legalità tat-trasferiment tad-data fiskali relatata mad-dħul tagħhom fir-rigward tad-Direttiva 95/46. Huma jsostnu li din id-data ta’ natura personali kienet, abbażi ta’ sempliċi protokoll intern, trażmessa u użata għal finijiet li ma kinux dawk li għalihom hija kienet ġiet inizjalment ikkomunikata lill-ANAF, mingħajr il-kunsens espliċitu tagħhom u mingħajr ma ġew informati dwar dan minn qabel.

16      Mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li l-entitajiet pubbliċi għandhom il-jedd, skont il-Liġi Nru 95/2006, jittrażmettu d-data ta’ natura personali lill-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jistabbilixxu l-kwalità tal-persuni assigurati kkonċernati. Din id-data tirrigwarda l-identifikazzjoni tal-persuni (kunjom, isem, numru ta’ identifikazzjoni personali, indirizz) iżda ma tinkludix dik relatata mad-dħul irċevut.

17      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina jekk l-ipproċessar tad-data miċ-CNAS kienx jeħtieġ informazzjoni minn qabel tal-persuni kkonċernati fir-rigward tal-identità tal-kontrollur u r-raġuni għalfejn din id-data ġiet trażmessa. Din il-qorti qed tintalab ukoll tiddeċiedi dwar il-punt jekk it-trażmissjoni tad-data abbażi tal‑Protokoll 2007 tmurx kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 li jirrikjedu li kull restrizzjoni għad-drittijiet tal-persuni kkonċernati tkun prevista mil-liġi u tkun tinkludi garanziji, b’mod partikolari meta d-data tintuża kontra dawn il-persuni.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti ta’ Appell ta’ Cluj iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-awtorità fiskali nazzjonali bħala rappreżentanta tal-ministeru kompetenti ta’ Stat Membru, hija istituzzjoni finanzjarja fis-sens tal-Artikolu 124 TFUE?

2)      It-trasferiment tal-bażi ta’ data dwar id-dħul irċevut miċ-ċittadini ta’ Stat Membru, mill-awtorità fiskali lejn istituzzjoni oħra tal-imsemmi Stat Membru, jista’ jiġi rregolat permezz ta’ att simili għall-atti amministrattivi, jiġifieri permezz ta’ protokoll konkluż bejn l-awtorità fiskali nazzjonali u istituzzjoni oħra tal-Istat, mingħajr ma dan ikun jikkostitwixxi aċċess privileġġat, hekk kif iddefinit fl-Artikolu 124 TFUE?

3)      It-trasferiment tal-bażi ta’ data bil-għan li jitqiegħed oneru ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet soċjali fuq iċ-ċittadini ta’ Stat Membru, fir-rigward tal-istituzzjoni tal-Istat Membru li favuriha sar dan it-trasferiment, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ kunsiderazzjonijiet prudenzjali fis-sens tal-Artikolu 124 TFUE?

4)      Id-data personali tista’ tiġi pproċessata minn awtorità li ma kinitx destinatarja tal-imsemmija data, fiċ-ċirkustanzi fejn din it-tranżazzjoni retroattivament toħloq danni patrimonjali?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

 Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel sat-tielet domandi

19      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li sarulha (ara s-sentenza PreussenElektra, C‑379/98, EU:C:2001:160, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Jidher li l-osservazzjonijiet kollha sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja jqisu li l-ewwel sat-tielet domandi preliminari relatati mal-interpretazzjoni tal‑Artikolu 124 TFUE huma inammissibbli minħabba li ma għandhom l-ebda rabta mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

21      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 124 TFUE jaqa’ taħt it-tielet parti tat-Titolu VIII tat-Trattat FUE relatata mal-politika ekonomika u monetarja. Dan l-artikolu jipprojbixxi kull miżura, li ma tkunx ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura prudenzjali, li tistabbilixxi aċċess privileġġjat tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, tal-amministrazzjonijiet ċentrali, tal-awtoritajiet reġjonali jew lokali, tal-awtoritajiet pubbliċi l-oħra, jew tal-korpi oħra jew impriżi pubbliċi tal-Istati Membri lill-istituzzjonijiet finanzjarji.

22      Din il-projbizzjoni toriġina fl-Artikolu 104 A tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 102 KE) li ġie inkluż fit-Trattat KE mit-Trattat ta’ Maastricht. Hija tagħmel parti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE relatati mal-politika ekonomika intiżi sabiex jinċentivaw lill-Istati Membri josservaw politika baġitarja f’saħħitha billi jevitaw li finanzjament monetarju tad-defiċit pubbliku jew aċċess privileġġjat tal-awtoritajiet pubbliċi għas-swieq finanzjarji ma jwassalx għal dejn eċċessiv jew għal defiċit eċċessivi tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 100).

23      Għalhekk huwa ċar li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 124 TFUE mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali li tirrigwarda l-protezzjoni tad-data ta’ natura personali.

24      Għaldaqstant ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel sat-tielet domandi.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-raba’ domanda

25      Iċ-CNAS u l-Gvern Rumen isostnu li r-raba’ domanda hija inammissibbli. Dan il-gvern isostni li ma teżisti ebda rabta bejn id-dannu invokat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-annullament tal-atti amministrattivi kkontestati fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

26      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li l-evalwazzjoni tal-eżattezza tiegħu ma taqax taħt il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta għal talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ulterjorment meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza Fish Legal u Shirley, C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Għandu jiġi osservat li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-legalità tal-ipproċessar tad-data fiskali miġbura mill-ANAF. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46, fil-kuntest tal-verifika tal-legalità tat-trasferiment ta’ din id-data liċ-CNAS u tal-ipproċessar sussegwenti tagħha. Ir-raba’ domanda preliminari hija għaldaqstant rilevanti u suffiċjentement preċiża biex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tirrispondiha b’mod utli. Għalhekk, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies bħala ammissibbli fir-rigward tar-raba’ domanda.

 Fuq il-mertu

28      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 10, 11 u 13 tad-Direttiva 95/46 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżuri nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jippermettu lil amministrazzjoni pubblika ta’ Stat Membru tittrażmetti data personali lil amministrazzjoni pubblika oħra u l-ipproċessar sussegwenti tagħha, mingħajr ma l-persuni kkonċernati jkunu ġew informati dwar din it-trażmissjoni u dwar dan l-ipproċessar.

29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, abbażi tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, li d-data fiskali ttrasferita liċ-CNAS mill-ANAF tikkostitwixxi data ta’ natura personali fis-sens tal-Artikolu 2(a) tal-imsemmija direttiva, ġaladarba hija “data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli” (sentenza Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 35). Kemm it-trażmissjoni tagħha mill-ANAF, organu inkarigat mill-ġestjoni tad-databases li fihom tinsab miġbura din id-data, kif ukoll l-ipproċessar sussegwenti tagħha miċ-CNAS jippreżentaw għalhekk in-natura ta’ “ipproċessar ta’ data personali” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tal-istess direttiva (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Österreichischer Rundfunk et, C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 64, kif ukoll Huber, C‑524/06, EU:C:2008:724, punt 43).

30      Konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tad-Direttiva 95/46 intitolat “Regoli ġenerali dwar il-legalità ta’ l-ipproċessar ta’ data personali”, bla ħsara għad-derogi stabbiliti taħt l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, kull ipproċessar ta’ data ta’ natura personali għandu, minn naħa, ikun konformi mal-prinċipji dwar il-kwalità tad-data elenkati fl-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva u, min-naħa l-oħra, jissodisfa wieħed mill-prinċipji dwar il-leġitimizzazzjoni tal-ipproċessar ta’ data elenkati fl-Artikolu 7 tal-istess direttiva (sentenzi Österreichischer Rundfunk et, C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 65; Huber, C‑524/06, EU:C:2008:724, punt 48, kif ukoll ASNEF u FECEMD, C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 26).

31      Barra minn hekk, il-kontrollur tad-data jew ir-rappreżentant tiegħu huwa suġġett għal obbligu ta’ informazzjoni li l-modalitajiet tiegħu, imsemmija fl-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 95/46, ivajraw skont jekk din id-data tinġabarx, jew ma tinġabarx mingħand il-persuna kkonċernata, u dan b’riżerva tad-derogi aċċettati bis-saħħa tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva.

32      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, dan jipprovdi li l-kontrollur għandu jipprovdi lill-persuna li mingħandha huwa jiġbor data li tirrigwarda l-informazzjoni elenkata f’dan l-artikolu (a) sa (ċ), sakemm din il-persuna ma tkunx diġà informata dwar dan. Din l-informazzjoni tirrigwarda l-identità tal-kontrollur ta’ din id-data, l-għanijiet ta’ dan l-ipproċessar kif ukoll kull informazzjoni supplimentari neċessarja sabiex jiġi żgurat ipproċessar ġust tad-data. Fost l-informazzjoni supplimentari neċessarja sabiex jiġi żgurat ipproċessar ġust tad-data, l-Artikolu 10(ċ) tal-istess direttiva jsemmi espressament “l-eżistenza tad-dritt ta’ aċċess għal u d-dritt ta’ rettifika ta’ data [dwar l-imsemmija persuna]”.

33      Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan ir-rekwiżit ta’ informazzjoni tal-persuni kkonċernati mill-ipproċessar tad-data personali tagħhom huwa bil-wisq iktar importanti tant li huwa kundizzjoni neċessarja għall-eżerċizzju minn dawn il-persuni tad-dritt tagħhom ta’ aċċess u ta’ rettifika tad-data pproċessata, iddefinit fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46 u tad-dritt ta’ oppożizzjoni tagħhom għall-ipproċessar tal-imsemmija data, imsemmi fl-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva.

34      Għalhekk ir-rekwiżit ta’ trattament ġust tad-data personali previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 95/46 jobbliga lil amministrazzjoni pubblika tinforma lill-persuni kkonċernati mit-trażmissjoni ta’ din id-data lil amministrazzjoni pubblika oħra bil-għan tal-ipproċessar tagħha minn din tal-aħħar fil-kapaċità tagħha bħala destinatarja tal-imsemmija data.

35      Mill-ispjegazzjonjiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma ġewx informati mill-ANAF dwar it-trażmissjoni liċ-CNAS tad-data personali li tirrigwardahom.

36      Madankollu l-Gvern Rumen isostni li l-ANAF għandha l-obbligu, b’mod partikolari skont l-Artikolu 315 tal-Liġi Nru 95/2006, li tittrażmetti lill-fondi reġjonali ta’ assigurazzjoni għall-mard l-informazzjoni neċessarja għad-determinazzjoni miċ-CNAS tal-kwalità ta’ assigurat tal-persuni li jiksbu dħul minn attivitajiet indipendenti.

37      Ċertament, l-Artikolu 315 tal-Liġi Nru 95/2006 jipprovdi espressament li “[i]d-data meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-kwalità ta’ assigurat għandha tiġi trażmessa mingħajr ħlas lill-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard mill-awtoritajiet, l-istituzzjonijiet pubbliċi u istituzzjonijiet oħrajn, fuq il-bażi ta’ protokoll.” Madankollu, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti ta’ rinviju jirriżulta li d-data neċessarja għall-istabbiliment tal-kwalità ta’ assigurat, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, ma tinkludix dik relatata mad-dħul, inkwantu l-liġi tirrikonoxxi wkoll il-kwalità ta’ assigurat lill-persuni mingħajr dħul taxxabbli.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 315 tal-Liġi Nru 95/2006 ma jistax jikkostitwixxi, fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46, informazzjoni minn qabel li tippermetti li l-kontrollur jiġi eżentat mill-obbligu tiegħu li jinforma lill-persuni li mingħandhom huwa jiġbor id-data relatata mad-dħul tagħhom dwar id-destinatarji ta’ din id-data. Għalhekk, ma jistax jitqies li t-trażmissjoni inkwistjoni seħħet fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46.

39      Għandu jiġi eżaminat jekk din l-assenza ta’ informazzjoni tal-persuni kkonċernati tistax tirriżulta mill-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, mill-Artikolu 13(1)(e) u (f) jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-portata tal-obbligi u tad-drittijiet previsti fl-Artikolu 10 tal-istess direttiva meta tali limitazzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja għall-protezzjoni tal-“interess ekonomiku jew finanzjarju ta’ importanza għal Stat Membru [...], magħduda affarijiet monetarji, fiskali jew ta’ l-estmi” kif ukoll “monitoraġġ, spezzjoni jew funzjoni regolatorja marbuta, ukoll jekk kulltant, ma’ l-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali fil-każi msemmija f’ (ċ), (d) u (e)”. Madankollu, l-imsemmi Artikolu 13 jirrikjedi espressament li limitazzjonijiet bħal dawn jittieħdu permezz ta’ miżuri leġiżlattivi.

40      Issa, minbarra ċ-ċirkustanza, ikkonstatata mill-qorti tar-rinviju, li d-data relatata mad-dħul ma tagħmilx parti mid-data personali neċessarja għall-istabbiliment tal-kwalità ta’ assigurat, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 315 tal-Liġi Nru 95/2006 jikkunsidra biss, fil-prinċipju, it-trażmissjoni ta’ din l-aħħar data personali fil-pussess minn awtoritajiet, istituzzjonijiet pubbliċi u istituzzjonijiet oħra. Mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta wkoll li d-definizzjoni tal-informazzjoni li tista’ tiġi trażmessa kif ukoll il-modalitajiet ta’ implementazzjoni tat-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni ma ġewx elaborati permezz ta’ miżura leġiżlattiva, iżda permezz tal-Protokoll tal‑2007 konkluż bejn l-ANAF u l-CNAS, li kien suġġett għal pubblikazzjoni uffiċjali.

41      F’ċirkustanzi bħal dawn, ma jistax jitqies li l-kundizzjonijiet magħmula fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46 sabiex Stat Membru jkun jista’ jidderoga mid-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva huma sodisfatti.

42      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, dan jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-kontrollur ta’ data li ma nġabritx mingħand il-persuna kkonċernata għandu jipprovdi lil din tal-aħħar l-informazzjoni elenkata fis-subparagrafi (a) u (ċ). Din l-informazzjoni tirrigwarda l-identità tal-kontrollur, l-għanijiet tal-ipproċessar kif ukoll kull informazzjoni supplimentari neċessarja sabiex jiġi żgurat trattament ġust tad-data. Fost din l-informazzjoni supplimentari, l-Artikolu 11(1)(ċ) tal-istess direttiva jsemmi espressament “il-kategoriji tad-data in kwistjoni” kif ukoll “l-eżistenza tad-dritt ta’ aċċess għal u d-dritt ta’ rettifika ta’ data dwaru”.

43      Għalhekk, konformement mal-Artikolu 11(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 95/46, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-ipproċessar miċ-CNAS tad-data trażmessa mill-ANAF kien jimplika li l-persuni kkonċernati minn din id-data kienu informati dwar l-għanijiet ta’ dan l-ipproċessar kif ukoll dwar il-kategoriji ta’ data kkonċernati.

44      Issa, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li ċ-CNAS ma pprovdiex lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 11(1)(a) sa (ċ) tal-imsemmija direttiva.

45      Għandu jingħad ukoll li, konformement mal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 95/46, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva ma japplikawx meta, b’mod partikolari, ir-reġistrazzjoni jew il-komunikazzjoni tad-data huma previsti mil-liġi, fejn l-Istat Membri għandhom għalhekk jipprovdu garanziji xierqa. Għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 40 u 41 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 95/2006 invokati mill-Gvern Rumen u l-Protokoll tal‑2007 ma jaqaw la taħt id-derogi li jirriżultaw mill-Artikolu 11(2), u lanqas taħt dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva.

46      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 10, 11 u 13 tad-Direttiva 95/46 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżuri nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jippermettu lil amministrazzjoni pubblika ta’ Stat Membru tittrażmetti data personali lil amministrazzjoni pubblika oħra u l-ipproċessar sussegwenti tagħha, mingħajr ma l-persuni kkonċernati jkunu ġew informati dwar din it-trażmissjoni jew dan l-ipproċessar.

 Fuq l-ispejjeż

47      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 10, 11 u 13 tad-Direttiva 95/46 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u l-moviment liberu ta’ dik id-data, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżuri nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jippermettu lil amministrazzjoni pubblika ta’ Stat Membru tittrażmetti data personali lil amministrazzjoni pubblika oħra u l-ipproċessar sussegwenti tagħha, mingħajr ma l-persuni kkonċernati jkunu ġew informati dwar din it-trażmissjoni jew dan l-ipproċessar.

Firem


* Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.