Language of document : ECLI:EU:C:2012:675

OPINJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentata fis-26 ta’ Ottubru 2012 (1)

Kawża C‑370/12

Thomas Pringle

vs

Government of Ireland, Ireland u l-Attorney General

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court, l-Irlanda)

“Użu tal-proċedura ssemplifikata prevista fl-Artikolu 48(6) TUE sabiex tiġi emendata t-Tielet Parti tat-TFUE — Deċiżjoni 2011/199/EU li temenda l-Artikolu 136 TFUE — Politika ekonomika u monetarja — Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà”





1.      Bħalissa l-Ewropa għaddejja minn kriżi ta’ dejn pubbliku. Sabiex jaffrontaw din il-problema, l-Unjoni u l-Istati Membri qegħdin jadottaw miżuri ta’ natura mhux konvenzjonali. F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tikkjarifika jekk il-“Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà”, bħala wieħed minn dawn il-miżuri, jikkonformax mad-dritt tal-Unjoni.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

2.      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2011/199/UE tal-25 ta’Marzu 2011 li temenda l-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-ewro (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2011/199) jipprovdi kif ġej:

“Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 136 tat-Trattat fuq il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea:

‘3.      L-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ stabbiltà li jkun attivat jekk ikun indispensabbli biex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà taż-żona tal-euro kollha. L-għoti ta’ kwalunkwe assistenza finanzjarja meħtieġa taħt il-mekkaniżmu ser ikun soġġett għal kondizzjonalità stretta.’”

3.      Fir-rigward tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2011/199, l-Artikolu 2(2) jipprovdi kif ġej:

“Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013, dment li n-notifiki kollha msemmija fl-ewwel paragrafu jkunu ġew irċevuti, jew, fin-nuqqas ta’ dan, fl-ewwel jum tax-xahar wara li tiġi rċevuta l-aħħar waħda min-notifiki msemmija fl-ewwel paragrafu.”

4.      Il-bażi legali ċċitata tad-Deċiżjoni 2011/199 huwa t-“Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 48(6)”.

B –    It-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà

5.      Fit-2 ta’ Frar 2012, l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar ’il quddiem l-“Istati Membri taż-żona euro”, iffirmaw it-“Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà” (iktar ’il quddiem, it-“Trattat MES”).

6.      Dan il-“mekkaniżu ewropew ta’ stabbiltà” huwa, skont l-Artikolu 1 tat-Trattat ESM, “istituzzjoni finanzjarja internazzjonali” li l-membri tagħha huma l-Istati Membri taż-żona euro u li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3, għandu l-għan li ġej:

“L-għan tal-MES huwa l-mobilizzazzjoni tal-finanzjament u l-għoti ta’ sostenn għall-istabbiltà taħt kondizzjonalità stretta, adegwata għall-istrument ta’ assistenza finanzjarja magħżul, għall-benefiċċju tal-membri fil-MES li jkunu għaddejjin, jew jinsabu mhedda, minn problemi serji ta’ finanzjament jekk dan ikun indipensabbli għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro komplessivament u tal-Istati Membri tagħha. Għal dan il-għan, il-MES għandu jkun intitolat jiġġenera fondi billi joħroġ strumenti finanzjarji jew billi jidħol fi ftehimiet jew arranġamenti finanzjarji jew ta’ xort’oћra ma’ membri fil-MES, istituzzjonijiet finanzjarji jew partijiet terzi oħra.”

7.      Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1) tat-Trattat MES, il-kundizzjonalità għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja mill-MES tista’ “tvarja minn programm ta’ aġġustament makroekonomiku sal-osservanza kontinwa ta’ kondizzjonijiet prestabbiliti ta’ eliġibbiltà”.

8.      L-“istrumenti ta’ assistenza finanzjarja” li jista’ jadotta l-MES favur il-membri tiegħu huma enumerati fl-Artikoli 14 sa 18 tat-Trattat MES:

–        “forma ta’ linja ta’ kreditu” jew “forma ta’ linja ta’ kreditu b’kondizzjonijiet rinforzati” (Artikolu 14);

–        self għal għan speċifiku, li għandu jintuża “għar-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji” ta’ membru MES (Artikolu 15);

–        self mingħajr għan speċifiku (Artikolu 16);

–        ix-xiri ta’ bonds għall-membru MES fis-“suq primarju” (Artikolu 17), u

–        “operazzjonijiet fis-suq sekondarju relattivament għall-bonds ta’ membru MES” (Artikolu 18).

9.      Skont l-Artikolu 48(1) tiegħu, it-Trattat MES daħal fis-seħħ għall-Istati taż-żona euro, minbarra għar-Repubblika tal-Estonja, fis-27 ta’ Settembru 2012, wara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ddepożitat l-istrument ta’ ratifika.

II – Il-kawża prinċipali u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10.    T. Pringle, membru tal-Lower House tal-Parlament Irlandiż (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”) ressaq kawża kontra l-Gvern Irlandiż quddiem il-High Court Irlandiża sabiex jiġi kkonstatat li l-emenda tal-Artikolu 136 TFUE permezz tad-Deċiżjoni 2011/199 hija illeċita u illegali. Huwa talab ukoll li tinħareġ ordni sabiex il-Gvern Irlandiż jiġi prekluż milli jirrattifika, japprova jew jaċċetta t-Trattat MES. Il-High Court ċaħdet iż-żewġ talbiet tar-rikorrent.

11.    Peress li ġie ppreżentat appell quddiemha mis-sentenza tal-High Court, is-Supreme Court Irlandiża ddeċidiet li ma setgħetx tagħti deċiżjoni mingħajr ma tikseb risposta għad-domandi preliminari segwenti:

(1)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2011/199/UE, tal-25 ta’ Marzu 2011, hija valida:

–        jekk jiġi kkunsidrat l-użu tal-proċeduri ta’ reviżjoni simplifikata skont l-Artikolu 48(6) TUE u, b’mod partikolari, il-punt dwar jekk l-emenda proposta għall-Artikolu 136 TFUE tinvolvix żieda fil-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni fit-Trattati;

–        jekk jiġi kkunsidrat il-kontenut tal-emenda proposta u, b’mod partikolari il-punt dwar jekk tinvolvix xi ksur tat-Trattati jew tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

(2)      Wara li jiġu kkunsidrati

–        l-Artikoli 2 u 3 TUE u d-dispożizzjonijiet tat-titolu VIII tat-tielet parti TFUE, u b’mod partikolari l-Artikoli 119, 120, 121, 122, 123, 125, 126, u 127 TFUE;

–        il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fil-politika monetarja kif tirriżulta fl-Artikolu 3(1)(ċ) TFUE u fil-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) TFUE;

–        il-kompetenza tal-Unjoni fil-koordinament tal-politika ekonomika, skont l-Artikolu 2(3) TFUE u t-titolu VIII tat-tielet parti TFUE;

–        is-setgħat u l-funzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-unjoni skont prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 13 TFUE;

–        il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE;

–        il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-unjoni inkluż b’mod partikolari l-prinċipju ġenerali tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u d-dritt għal rimedju effettiv kif ipprovdut taħt l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali;

Stat membru tal-Unjoni Ewropea, li l-munita tiegħu hija l-ewro, għandu d-dritt li jikkonkludi u jirrattifika ftehim internazzjonali bħalma huwa t-Trattat MES?

(3)      Jekk id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew titqies valida, id-dritt ta’ Stat Membru li jikkonkludi, u jirrattifika ftehim internazzjonali bħalma huwa t-Trattat MES huwa suġġett għad-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni?

12.    Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ottubru 2012, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju u aċċetta li l-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa skont l-Artikolu 104a tar-Regoli tal-Proċedura.

13.    L-Irlanda, il-Gvernijiet tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tar-Repubblika Ellenika, tar-Renju ta’ Spanja, tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika Taljana, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tas-Slovakkja, tar-Renju Unit kif ukoll il-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Minbarra r-rikorrent, ħadu sehem fis-seduta r-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew kif ukoll ir-rappreżentanti tal-gvernijiet u istituzzjonijiet kollha msemmija, bl-eċċezzjoni tal-Gvernijiet ta’ Ċipru u tal-Awstrija.

III – L-evalwazzjoni legali

A –    Fuq l-ewwel domanda: il-validità tad-Deċiżjoni 2011/199

14.    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-Deċiżjoni 2011/199 hijiex valida fid-dawl tal-użu tal-proċedura ta’ reviżjoni ssemplifikata skont l-Artikolu 48(6) TFUE u fid-dawl tal-kontenut tal-emenda proposta.

1.      Ammissibbiltà tad-domanda preliminari

15.    Diversi Stati Membri jikkontestaw, in toto jew in parte, l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda preliminari.

a)      Il-prijorità tar-rikors għal annullament previst fl-Artikolu 263 TFUE

16.    Il-Gvern Irlandiż isostni li r-rikorrent kellu jikkontesta l-validità tad-Deċiżjoni 2011/199 permezz ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE. Madankollu, it-terminu għal preżentata ta’ tali rikors skada. Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li azzjoni indiretta sabiex tiġi kkontestata l-validità ta’ att ta’ istituzzjoni fil-kawża prinċipali u sussegwentement permezz ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-kwistjoni ma hijiex possibbli jekk ir-rikorrent ikollu l-intenzjoni li jevita l-kundizzjonijiet dwar l-ammissibbiltà ta’ azzjoni għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE.

17.    Fil-fatt, huwa korrett li, skont ġurisprudenza stabbilita, persuna li setgħet tikkontesta att ta’ istituzzjoni skont l-Artikolu 263 TFUE u li ħalliet it-terminu għall-preżentata ta’ tali rikors jiskadi ma tistax, sussegwentement, tikkontesta l-legalità ta’ dak l-att quddiem il-qrati nazzjonali (2).Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita wkoll, din ir-regola tippresupponi li l-azzjoni bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE mressqa kontra d-dispożizzjoni kkontestata kienet tkun manifestament ammissibbli (3). Minkejja dan, huwa ovvju li r-rikorrent ma jissodisfax din il-kundizzjoni inkwantu ma huwiex persuna li, mingħajr dubju, hija direttament u individwalment ikkonċernata mid-Deċiżjoni 2011/199 skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u li għalhekk kien ikollha dritt li tressaq azzjoni.

b)      Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

18.    Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew u diversi Stati Membri jikkunsidraw li t-tieni parti tal-ewwel domanda, li tikkonċerna l-kompatibbiltà tal-kontenut tad-Deċiżjoni 2011/199 mad-dritt primarju, hija inammissibbli.

19.    Fil-fehma tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-kompatibbiltà tad-Deċiżjoni 2011/199 mat-Trattati u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Fir-rigward ta’ deċiżjoni li temenda t-Trattat bħad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tivverifika l-osservanza tar-rekwiżiti proċedurali li hija suġġetta għalihom tali emenda skont l-Artikolu 48(6) TUE, iżda ma tistax tivverifika jekk il-kontenut ta’ tali emenda huwiex kompatibbli mad-dritt primarju. Fil-fatt, id-deċiżjoni tistabbilixxi dispożizzjoni ġdida fit-Trattat li ma tistax tkun suġġetta għal stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja. Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tistħarreġ il-kompatibbiltà materjali ta’ emenda tat-Trattat mad-dritt primarju, tali kompetenza tkun tostakola kwalunkwe emenda tat-Trattat.

20.    L-ammissibbiltà tat-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 267 TFUE. Kif sostnew b’mod korrett diversi Stati Membri, minn paragunabbiltà bejn l-inċiż (a) u (b) tal-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni li tagħti deċiżjonijiet preliminari fuq il-validità tat-Trattati, iżda biss fuq il-validità ta’ atti ta’ istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

21.    Madankollu, id-Deċiżjoni 2011/199 ma tistax titqiegħed fil-kategorija ta’ “Trattati” għall-finijiet tal-inċiż (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267, iżda tikkostitwixxi, skont l-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48(6) TUE, sempliċement att intiż li jimplementa emenda tat-Trattat. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 13(1) TUE, il-Kunsill Ewropew, l-awtur tad-deċiżjoni, huwa wieħed mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Konsegwentement, kif sostnew diversi Stati Membri u l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-prinċipju, ġurisdizzjoni li tagħti deċiżjoni fuq il-validità ta’ din id-deċiżjoni.

22.    Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tevalwa l-validità ta’ deċiżjoni li għandha l-għan li temenda Trattat.

23.    Qabelxejn, għandu jingħad li ebda Trattat ma għandu dispożizzjoni li, għal tali deċiżjoni, tillimita l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-istħarriġ tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura. Din il-konstatazzjoni hija partikolarment sinjifikanti fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 269 TFUE jistabbilixxi espliċitament tali restrizzjoni f’ċirkustanzi oħra, jiġifieri fir-rigward ta’ atti adottati skont l-Artikolu 7 TUE. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-prinċipju, tistħarreġ mhux biss il-proċedura dwar deċiżjoni li tikkonċerna emenda tat-Trattat, iżda l-kontenut tagħha wkoll.

24.    Madankollu, huwa neċessarju li jiġi kkjarifikat b’liema kriterji għandha tiġi evalwata l-validità sostantiva ta’ deċiżjoni li temenda trattat.

25.    L-ewwel kriterju huwa stabbilit fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 48(6) TUE, jiġifieri li d-deċiżjoni ma għandhiex iżżid il-kompetenzi tal-Unjoni. Dan la huwa kkontestat mill-Kunsill Ewropew u lanqas mill-Istati Membri, għalkemm din id-dispożizzjoni ma tirregolax il-proċedura, iżda timponi rekwiżit fir-rigward tal-kontenut tad-deċiżjoni.

26.    It-tieni kriterju għall-validità sostantiva tad-deċiżjoni huwa magħmul mir-restrizzjoni, stabbilita fl-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48(6) TUE, tal-emendi tad-dispożizzjonijiet tat-Tielet Parti tat-TFUE.

27.    F’dan ir-rigward, isegwi li l-kontenut tad-deċiżjoni ma jistax jiġi evalwat b’riferiment speċifikament għal dawn id-dispożizzjonijiet tat-Tielet Parti tat-TFUE. Deċiżjoni li temenda ser inevitabbilment tkun f’kunflitt mad-dispożizzjonijiet eżistenti tat-Tielet Parti tat-TFUE. Dan huwa partikolarment minnu fil-każ ta’ deċiżjoni li – kif espliċitament awtorizzat mill-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48(6) TUE – temenda id-dispożizzjonijiet kollha tat-Tielet Parti tat-TFUE. Kieku deċiżjoni li temenda t-Trattat tiġi evalwata b’riferiment għal dawk l-istess dispożizzjonijiet tat-Tielet Parti tat-TFUE, din ikollha inevitabbilment tiġi kkonstatata li hija invalida wkoll. Dan jirrendi l-użu tal-proċedura ta’ reviżjoni ssemplifikata tal-Artikolu 48(6) TUE impossibbli. Minn din il-perspettiva, tali deċiżjoni ma tistax tikser id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jinsabu fit-Tielet Parti tat-TFUE.

28.    Ir-restrizzjoni għal emenda tat-Tielet Parti biss tat-TFUE teħtieġ madankollu eżami fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju stabbiliti f’partijiet oħra. Dan huwa l-każ peress li, skont l-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48(6) TUE, il-Kunsill Ewropew ma jista’ jemenda ebda dispożizzjoni li ma tagħmilx parti mit-Tielet Parti tat-TFUE. Din ir-regola għandha tiġi applikata mhux biss fir-rigward tal-aspett formali, iżda wkoll, kif jenfasizza tabilħaqq il-Gvern Taljan, sostantivament. Emenda formali tat-Tielet Parti tat-TFUE ma għandux ikollha bħala konsegwenza emenda sostantiva tad-dritt primarju, li ma jistax jiġi emendat permezz tal-proċedura ta’ reviżjoni ssemplifikata.

29.    Għaldaqstant, il-Kunsill Ewropew ma huwiex sempliċement prekluż milli jadotta deċiżjoni li temenda t-test tat-Trattati barra mit-Tielet Parti tat-TFUE, iżda wkoll milli jemenda t-test tagħha b’mod li huwa inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju li jiffurmaw parti minnu.

30.    Kieku deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li temenda billi żżid dispożizzjoni tat-Tielet Parti tat-TFUE li pereżempju kienet tipprovdi għal sospensjoni temporanja ta’ dispożizzjoni tat-Tieni Parti, jew billi tistabbilixxi kundizzjonijiet addizzjonali għall-applikazzjoni tagħha, tiġi kkonstatata bħala valida, ir-restrizzjoni tal-proċedura ta’ reviżjoni ssemplifikata għall-emendi tat-Tielet Parti tat-TFUE ma tittiħidx inkunsiderazzjoni. Id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattati jistgħu għalhekk jiġu emendati permezz ta’ din il-proċedura, bil-kundizzjoni li d-dispożizzjoni speċifika formalment emendata kienet fit-Tielet Parti.

31.    Din il-konstatazzjoni ma tikkonfutax id-dritt fundamentali tal-Istati Membri li jemendaw id-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt primarju. Madankollu, jekk tintgħażel il-proċedura ssemplifikata skont l-Artikolu 48(6) TUE, - kif mingħajr dubju sar f’dan il-każ (4) - għal emenda, għalhekk ir-restrizzjonijiet fuq din il-proċedura għandhom jiġu osservati. Sa dan l-estent, l-għan tal-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja, kuntrarjament għall-osservazzjonijiet tal-Gvern Franċiż, huwa tabilħaqq suġġett għall-proċedura ta’ reviżjoni speċifika li tintgħażel.

32.    Konsegwentement, deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew adottata skont l-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48(2) TUE għandha wkoll tiġi evalwata b’riferiment għad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju li jinsabu barra t-Tielet Parti tat-TFUE. Sa dan l-estent, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistħarreġ jekk is-suġġett ta’ tali deċiżjoni huwiex emenda tat-Trattat li hija marbuta ma’ emenda tat-Tielet Parti tat-TFUE jew inkella jikkostitwixxix emenda ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt primarju.

33.    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, fil-fehma tiegħi jidher li ma hemm ebda ġustifikazzjoni, għalkemm il-Kummissjoni pproponiet dan, li tali stħarriġ jiġi marbut biss mal-prinċipji ġenerali ta’ dritt primarju ieħor. L-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48(2) TUE ma tipprovdix bażi għal tali distinzjoni.

c)      Interpretazzjoni tal-ewwel domanda preliminari

34.    L-iskop tal-eżami tal-ewwel domanda preliminari għandu għalhekk jiġi llimitat għal jekk id-Deċiżjoni 2011/199 hijiex valida fir-rigward tal-konformità tagħha mal-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 48(6) TUE. Dan jinkludi, kif ingħad iktar ’il fuq, kunsiderazzjoni tad-dritt primarju li ma huwiex irregolat mit-Tielet Parti tat-TFUE. Għalhekk, it-tieni parti tad-domanda preliminari, li tidher li tirreferi għad-dritt primarju kollu, għandha tiġi interpretata b’mod strett.

35.    Barra minn hekk, eżami tal-validità tad-Deċiżjoni 2011/199 għandu jiġi llimitat għar-raġunijiet ta’ invalidità li l-qorti tar-rinviju esponiet fid-digriet tar-rinviju tagħha (5).

36.    Mill-espożizzjoni tal-motivi tad-deċiżjoni tagħha jidher li minkejja l-kliem li bihom hija fformulata t-tieni parti tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju ma għandhiex l-intenzjoni tikkonfuta l-kontenut tad-Deċiżjoni 2011/199 mad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt primarju.

37.    Fit-talba tagħha, il-qorti tar-rinviju tirripproduċi l-argumenti tar-rikorrent, u tissuġġerixxi li fil-fehma ta’ dan tal-aħħar, il-legalità tad-Deċiżjoni 2011/199 tkun kompromessa wkoll jekk tillimita l-kompetenzi tal-Unjoni, iżda hija ma ssemmix tali motiv ta’ invalidità u f’dan ir-rigward ma ġew ipprovduti ebda spjegazzjonijiet mir-rikorrent.

2.      Żieda tal-kompetenzi tal-Unjoni

38.    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi l-ewwel nett jekk l-emenda tal-Artikolu 136 TFUE prevista fid-Deċiżjoni 2011/199 timplikax żieda tal-kompetenzi li t-Trattati jagħtu lill-Unjoni, liema żieda hija pprojbita mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 48(6) TUE.

39.    Ir-rikorrent isostni li t-tielet paragrafu miżjud mal-Artikolu 136 TFUE iżid b’mod kovert il-kompetenzi tal-Unjoni u jippermetti lill-Istati Membri taż-żona euro jiżviluppaw il-kolloborazzjoni tagħhom fil-qasam tal-politika ekonomika u monetarja. Għalhekk, din il-kolloborazzjoni sseħħ fi ħdan organizzazzjoni supranazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha jorbtu lil dawn l-Istati Membri, li għandha bħala effett li żżid il-kompetenzi tal-Unjoni peress li issa d-dritt tal-Unjoni jirregola qasam li qabel kien irriżervat għall-Istati Membri stess.

40.    Jiena ma naqbilx ma’ dan.

41.    Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu ġdid 136(3) TFUE, l-Istati Membri taż-żona euro jistgħu “jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ stabbiltà”, “mekkaniżmu” li, skont it-tieni sentenza tal-paragrafu l-ġdid, huwa intiż li jipprovdi għajnuna finanzjarja.

42.    L-emenda proposta hija għalhekk indirizzata lill-Istati Membri biss u ma tistabbilixxi ebda regola dwar il-kompetenzi tal-Unjoni. Barra minn hekk, hija ma timponi ebda obbligu lill-Istati Membri sabiex jaġixxu.

43.    Is-sempliċi fatt li tiġi adottata deċiżjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tinkludix fiha nnifisha żieda tal-kompetenzi tagħha fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 48(6) TUE, għaliex inkella dan is-subparagrafu jkun jostakola kull emenda tat-Trattat skont il-proċedura ssemplifikata stabbilita miż-żewġ subparagrafi ta’ qabel.

44.    Fl-aħħar nett, huwa għaldaqstant ċertament minnu li skont l-għan tagħhom, obbligi imposti fuq l-Istati Membri mid-dritt tal-Unjoni jistgħu jinkludu żieda materjali tal-kompetenzi tagħha. Fil-każ preżenti, il-fatt li t-tieni sentenza tal-Artikolu 136(3) TFUE tipprovdi li l-għoti ta’ kull assistenza finanzjarja għandha tkun suġġetta għal kundizzjonijiet stretti jista’, skont is-suġġett tagħhom, jinkludi tali obbligu. Minn dan jista’ jiġi dedott li fil-futur, id-dritt tal-Unjoni ser iċaħħad lill-Istati Membri mil-libertà ta’ azzjoni fil-qasam tal-għajnuna finanzjarja.

45.    Għaldaqstant, mill-kuntest li fih ġiet adottata d-deċiżjoni (6) u mill-oriġini tagħha (7), jidher li l-kundizzjonijiet stretti esposti iktar ’il fuq għandhom ikollhom għan ta’ politika ekonomika. It-tieni parti tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1), l-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 20 et seq TFUE diġà jagħtu lill-Unjoni kompetenza ġenerali fil-qasam tal-politika ekonomika, liema kompetenza tinkludi r-regolarizzazzjoni tal-għajnuna finanzjarja.

46.    B’riferiment għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, għandhom jiġu osservati, fl-aħħar nett, l-argumenti li r-rikorrent żviluppa f’dan ir-rigward li t-trasferimenti eventwali ta’ kompetenza lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni mit-Trattat MES ma humiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-legalità tal-Artikolu 136(3) TFUE li d-Deċiżjoni 2011/199 għandha l-għan li tintroduċi, peress li l-uniku punt li għandu jiġi vverifikat huwa dak dwar jekk ir-regoli ta’ dan l-artikolu l-ġdid 136(3) TFUE stess imorrux kontra t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 48(6) TUE. Għalhekk, ma huwiex it-Trattat MES li jiddetermina l-kontenut regolamentari tal-Artikolu 136(3) TFUE. Peress li dan tal-aħħar ma jittrasferixxi ebda kompetenza lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, huwa ma jiksirx it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 48(6) TUE.

47.    Konsegwentement, id-Deċiżjoni 2011/199 ma żżidx il-kompetenzi li t-Trattati attribwixxew lill-Unjoni u għalhekk ma tiksirx it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 48(6) TUE.

3.      Ksur tal-Artikolu 3(1)(c) TFUE

48.    Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari, għandu jiġi eżaminat jekk iż-żieda tal-paragrafu 3 fl-Artikolu 136 TFUE hijiex limitata għal emenda tat-Tielet Parti tat-TFUE, kif stabbilit fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 48(6) TUE. Dan ma jkunx il-każ jekk din id-dispożizzjoni tkun temenda dispożizzjonijiet sostantivi tad-dritt primarju għajr it-Tielet Parti tat-TFUE.

49.    Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, din id-domanda tqajjem dubji serji fir-rigward tal-Artikolu 3(1)(c) TFUE, li jistabbilixxi l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fil-qasam tal-politika monetarja tal-Istati Membri taż-żona euro.

50.    Skont ir-rikorrent, il-paragrafu 3 l-ġdid introdott fl-Artikolu 136 TFUE bid-Deċiżjoni 2011/199 jikser l-Artikolu 3(1)(c) TFUE peress li jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmu intiż li jippriżerva l-istabbiltà taż-żona euro u li l-kompetenzi li huma jiksbu fil-qasam tal-politika monetarja huma inkompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni.

51.    Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk id-Deċiżjoni 2011/199 tagħtix kompetenza kwalunkwe fil-qasam tal-politika monetarja lill-Istati Membri (8), għandhom jitfakkru l-effetti ġuridiċi ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni. It-tieni parti tal-Artikolu 2(1) TFUE tippermetti, fil-fatt, lill-Istati Membri, jilleġiżlaw u jadottaw atti li huma legalment vinkolanti meta huma jkunu awtorizzati jagħmlu dan mill-Unjoni. Għaldaqstant, kompetenza esklużiva tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 3 TFUE ma tfissirx li l-Unjoni biss tista’ taġixxi f’dan il-qasam.

52.    Jekk jitqies li l-Artikolu 136(3) TFUE ma jawtorizzax lill-Istati Membri jaġixxu fil-qasam ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni, awtorizzazzjoni simili ma temendax sostanzjalment id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-Artikolu 2(1) u 3(1)(c) TFUE fil-qasam tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet jibqgħu kollha fis-seħħ kif kienu sa issa.

53.    Għalhekk, id-Deċiżjoni 2011/199 ma tiksirx ir-restrizzjonijiet inklużi fil-proċedura ssemplifikata stabbilita mill-Artikolu 48(6) TUE peress li ma tagħtix bidu għall-kompetenza esklużiva tal-Unjoni stabbilita mill-Artikolu 3(1)(c) TFUE.

4.      Ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali

54.    Flimkien mal-argumenti tar-rikorrent, il-qorti tar-rinviju tqajjem ukoll, fit-talba tagħha, il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjoni l-ġdida li tiżdied mal-Artikolu 136 TFUE tiksirx il-prinċipju ġenerali taċ-ċertezza legali.

55.    Ir-rikorrent isostni li d-dispożizzjoni l-ġdida hija fformulata fi kliem tant vag li tista’ tawtorizza intervent tal-Istati Membri li jkun jeċċedi dak li huwa awtorizzat b’emenda tat-Trattat skont il-proċedura ssemplifikata organizzata mill-Artikolu 48(6) TUE. It-test innifsu tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat adottati skont din il-proċedura għandu, madankollu, isemmi r-restrizzjonijiet imposti mill-Artikolu 48(6) TUE, peress li wara d-dħul fis-seħħ tagħhom, il-limiti tal-proċedura ssemplifikata ma humiex iktar evidenti.

56.    Fil-fatt, dan l-argument ma jikkonċernax ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, pereżempju, fil-forma tar-rekwiżit li l-ligi għandha tkun iddefinita b’mod ċar (9). Ir-rikorrent ma huwiex ikkonċernat mill-fatt li l-Artikolu 136(3) TFUE huwa tant impreċiż li d-destinatarju tar-regola ma jistax jidentifika liema obbligi huma imposti biha u li għalhekk ir-regola ma tistax tkun valida. L-osservazzjoni tiegħu hija pjuttost li minħabba li l-inklużjoni proposta ssir permezz tal-proċedura ta’ reviżjoni ssemplifikata, il-limiti ta’ dik il-proċedura għandhom ukoll jiġu espressi fil-kliem ta’ dik id-dispożizzjoni, għaliex inkella din tista’ tiġi interpretata li hija llimitata. Għalhekk, ir-rikorrent huwa kkonċernat kemm mill-iskop tar-rekwiżiti tal-Artikolu 48(6) TUE kif ukoll mill-kontenut ta’ dispożizzjoni tat-Trattat emendata.

57.    Ir-rikorrent huwa parzjalment korrett sa fejn f’dan il-każ ma jkunx aċċettabbli li tiġi applikata dispożizzjoni miżjuda skont il-proċedura ta’ reviżjoni ssemplifikata tal-Artikolu 48(6) b’mod li, pereżempju, kuntrarjament għat-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, implikat żieda tal-kompetenzi tal-Unjoni. Tali applikazzjoni tad-dispożizzjoni tat-Trattat miżjuda tkun tikser it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 48(6) TUE.

58.    Huwa għalhekk li dispożizzjoni tat-Trattat adottata skont il-proċedura ta’ reviżjoni ssemplifikata stabbilita mill-Artikolu 48(6) TUE għandha neċessarjament tiġi interpretata b’mod li tosserva l-limiti imposti b’din il-proċedura.

59.    L-insistenza tar-rikorrent li dawn ir-restrizzjonijiet għandhom neċessarjament jiġu espliċitament imsemmija fit-test tad-dispożizzjoni tat-Trattat emendata hija bbażata fuq premessa falza li dispożizzjoni miżjuda skont il-proċedura ssemplifikata tista’, wara d-dħul fis-seħħ tagħha, testendi l-kontenut regolamentari tagħha kollu mingħajr kunsiderazzjoni għal-limiti tal-Artikolu 48(6) TUE. Dan ma huwiex il-każ. Il-limiti li huma imposti fuq emenda tat-Trattat fil-proċedura tal-Artikolu 48(6) TUE jiddeterminaw ukoll il-limiti tal-kontenut regolamentari tad-dispożizzjoni tat-Trattat emendata.

60.    Din ir-regola timplika li hemm ċertu ġerarkija tad-dritt primarju tal-Unjoni, bil-konsegwenza ta’ żieda fil-kumplessità legali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, din il-ġerarkija hija l-konsegwenza neċessarja tar-restrizzjonijiet tal-proċedura ta’ reviżjoni ssemplifikata skont l-Artikolu 48(6) TUE.

61.    Għaldaqstant, huwa neċessarju li eventwali Artikolu 136(3) TFUE jiġi interpretat b’mod li, l-ewwel nett, jeskludi kwalunkwe żieda fil-kompetenzi tal-Unjoni u, it-tieni nett, jiżgura li ma hemmx ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju stabbiliti barra mit-Tielet Parti tat-TFUE. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, id-Deċiżjoni 2011/199, minkejja l-kliem ġenerali tagħha, la tikser l-Artikolu 48(6) TUE u lanqas il-prinċipju taċ-ċertezza legali.

5.      Konklużjoni intermedjarja

62.    Għaldaqstant, l-eżami tal-ewwel domanda preliminari ma rrileva ebda fattur li jista’ jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni 2011/199.

B –    Fuq it-tieni domanda preliminari: dritt li jiġi konkluż u rrattifikat it-Trattat MES

63.    Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq taċċerta jekk, fir-rigward ta’ numru ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, Stat Membru huwiex awtorizzat jikkonkludi u jirrattifika ftehim internazzjonali bħat-Trattat MES.

64.    Din id-domanda tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni preżenti. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, it-tielet paragrafu miżjud mal-Artikolu 136 TFUE bid-Deċiżjoni 2011/199 – peress li din għadha ma daħlitx fis-seħħ – ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni. Għalkemm f’din id-deċiżjoni, il-Kunsill Ewropew iddeskriva l-emenda tat-Trattat kif rikjest għall-istabbiliment tal-MES (10), ma jistax jiġi nnegat li l-konklużjoni u r-rattifika tat-Trattat MES huma wkoll kompatibbli mat-Trattati eżistenti. F’dan ir-rigward, kemm il-Kunsill Ewropew kif ukoll l-Istati Membri fil-fatt isostnu li l-emenda tat-Trattat stabbilita fid-Deċiżjoni 2011/199 hija sempliċement intiża li tipprovdi kjarifika.

1.      Ammissibbiltà tad-domanda preliminari

65.    Numru ta’ partijiet fil-proċeduri jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-tieni domanda preliminari, minn perspettivi differenti.

a)      Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

66.    Il-Gvern Spanjol isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għat-tieni domanda peress li t-Trattat MES huwa ftehim internazzjonali u ma jagħmilx parti mid-dritt tal-Unjoni. Skont il-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta tali ftehim biss meta l-Unjoni tkun parti kontraenti (11).

67.    Huwa korrett li, skont l-Artikolu 267 TFUE, il-ġurisdizzjoni għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, it-tieni domanda preliminari tikkonċerna biss l-interpretazzjoni tat-Trattat MES. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tikkjarifika l-obbligi li d-dispożizzjonijiet elenkati fit-tieni domanda jimponu lill-Istati Membri u tiddetermina jekk dawn l-obbligi jipprekluduhomx milli jikkonkludu u jirrattifikaw ftehim internazzjonali bħat-Trattat MES. Konsegwentement, l-għan tal-proċedura preżenti huwa paragunabbli ma’ dak ta’ talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà ta’ regola tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni. F’sitwazzjoni simili, il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma tista’ tinterpreta d-dritt nazzjonali (12). F’każ simili, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta d-dritt tal-Unjoni speċifikament b’kunsiderazzjoni għall-kontenut tad-dritt nazzjonali kif sar riferiment għalih mill-qorti tar-rinviju.

68.    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għat-tieni domanda.

b)      Informazzjoni suffiċjenti fid-digriet tar-rinviju

69.    Barra minn hekk, diversi Stati Membri kkontestaw l-ammissibbiltà tat-tieni domanda peress li l-qorti tar-rinviju ma spjegatx b’mod suffiċjenti kif id-dispożizzjonijiet li hija telenka fit-tieni domanda jostakolaw il-konklużjoni u r-rattifika tat-Trattat MES. Il-Gvern Franċiż enfasizza b’mod partikolari li l-possibbiltà għall-Istati Membri li jippreżentaw osservazzjonijiet dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi protetta.

70.    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċħad talba għal deċiżjoni preliminari meta ma jkollhiex indikazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt li huma indispensabbli għaliha sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li ġew sottomessi quddiemha (13). L-informazzjoni inkluża f’deċiżjoni ta’ rinviju ma għandhiex isservi biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda għandha tagħti wkoll lill-Gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll lill-partijiet oħra kkonċernati, il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (14).

71.    Mill-ġurisprudenza ċċitata jirriżulta li l-oġġezzjonijiet li qajmu l-Istati Membri fil-qasam tal-ammissibbiltà tat-tieni domanda huma parzjalment iġġustifikati. Fil-fatt, f’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal diversi emendi tat-Trattat u anki tirreferi għat-Titolu VII tat-Tielet Kapitolu tat-TFUE. L-espożizzjoni tal-motivi tad-deċiżjoni tagħha ma tinkludix spjegazzjonijiet fir-rigward ta’ kull waħda mid-dispożizzjonijiet li hija telenka. Fir-rigward ta’ wħud minn dawn, u dan japplika, b’mod partikolari, għall-Artikoli 119 u 120 TFUE kif enfasizza il-Gvern Slovakk, hija ma tispjegax sa fejn l-interpretazzjoni tagħhom toħloq problema. Għalhekk, it-tieni domanda preliminari għandha tiġi kkondensata sabiex tikkonforma mar-rekwiżiti li tistabbilixxi l-ġurisprudenza fir-rigward tal-informazzjoni neċessarja li għandha tinkludi talba għal deċiżjoni preliminari.

72.    Il-qorti tar-rinviju fformolat it-tieni domanda tagħha billi bbażat ruħha fuq ħames motivi invokati mir-rikorrent, li hija manifestament ittrasponiet fis-sitt inċiżi tad-domanda tagħha (15). Huwa għalhekk abbażi ta’ dawn il-motivi li għandu jiġi ddeterminat il-kontenut tat-tieni domanda preliminari, b’mod li ma huwiex neċessarju li jiġu ttrattati d-dispożizzjonijiet tat-Trattat kollha li elenkat il-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda tagħha.

73.    Ir-rikorrent jilmenta li t-Trattat MES imur kontra t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri (ara l-Kapitolu 2) kif ukoll kontra ’l hekk imsejħa klawżola ta’ “non salvataġġ” fl-Artikolu 125 TFUE (Sezzjoni 3 iktar ’il quddiem). Ir-rikorrent huwa wkoll tal-fehma li t-Trattat MES jittrasferixxi kompetenzi ġodda lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni bi ksur tat-Trattati (ara l-Kapitolu 4). Barra minn hekk, huwa jilmenta li t-Trattat MES huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilita fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mal-prinċipju taċ-ċertezza legali (ara l-Kapitolu 5). Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni li, billi ħolqu l-MES bħala organizzazzjoni internazzjonali awtonoma, l-Istati Membri firmatarji kisru r-regoli tad-dritt tal-Unjoni bi ksur tal-obbligu tal-kooperazzjoni legali skont l-Artikolu 4(3) TUE (ara l-Kapitolu 6).

2.      It-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri

74.    L-ewwel motiv jeħtieġ eżami dwar jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri jostakolawx li dawn tal-aħħar jikkonkludu u jirrattifikaw it-Trattat MES. Skont ir-rikorrent, huma jiksru l-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tal-politika monetarja (Sezzjoni A), fil-qasam tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi (Sezzjoni B) u fil-qasam tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali (Sezzjoni C).

a)      Politika monetarja

75.    Skont l-Artikolu 3(1)(c) TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fil-qasam tal-“politika monetarja għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro”. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 2(1) TFUE jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jaġixxu f’dan il-qasam biss “jekk jingħataw is-setgħa mill-Unjoni jew sabiex jimplimentaw l-atti ta’ l-Unjoni”.

76.    F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li t-Trattat MES huwa intiż li jipproteġi l-munita unika u li l-attività tal-MES tinfluwenza manifestament il-provvista monetarja, u dan jaffettwa l-istabbiltà tal-prezzijiet fiż-żona euro. Għalhekk, din l-attività jkollha konsegwenzi diretti fuq il-politika monetarja, li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew.

77.    L-Istati Membri li intervjenew fil-proċedura jqisu, kuntrarjament, li t-Trattat MES ma jiksirx il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fil-qasam tal-politika monetarja. Numru fosthom sostnew f’dan ir-rigward li l-attività tal-MES taqa’ taħt il-politika ekonomika u mhux taħt il-politika monetarja.

78.    Id-dritt primarju ma jinkludi ebda definizzjoni espliċita tal-kunċett ta’ politika monetarja u l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma indirizzatx din il-kwistjoni fil-ġurisprudenza. Minkejja dan, il-qasam tal-politika monetarja huwa, għall-Istati Membri taż-żona euro, irregolat mill-Kapitolu 2 tat-Titolu VIII tat-TFUE, intitolat “il-politika monetarja”. Għaldaqstant, għandu jsir riferiment mill-ġdid għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu sabiex tiġi ddefinita l-portata tal-politika monetarja.

79.    L-Artikolu 127 sa 133 ta’ dan il-kapitolu dwar il-politika monetarja jiddeskrivu fil-qosor il-missjonijiet, il-kompetenzi u l-organizzazzjoni interna tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (iktar ’il quddiem is-“SEBĊ”), li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 282(1), twassal waħidha għall-politika monetarja tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 127(2) TFUE, il-“ħidmiet bażiċi” tas-SEBĊ jikkonsistu fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni tal-politika monetarja tal-Unjoni, fl-operazzjonijiet ta’ bidla skont l-Artikolu 219 TFUE, fiż-żamma u fil-ġestjoni tar-riżervi uffiċjali ta’ bidla tal-Istati Membri u fil-promozzjoni tal-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ pagament. Dawn il-missjonijiet għalhekk jillimitaw il-politika monetarja fis-sens tal-Artikolu 3(1)(c) TFUE.

80.    Il-kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk it-Trattat MES jinterferixxix ma’ dawn il-missjonijiet tas-SEBĊ.

81.    L-ewwel sentenza tal-Artikolu 3 tat-Trattat MES tistabbilixxi li l-MES għandu jipprovdi “sostenn għall-istabbiltà” lill-membri tiegħu li jkunu għaddejjin jew ikollhom riskju li jgħaddu minn problemi serji ta’ finanzjament (16). Dan is-sostenn għandu jkun “indispensabbli għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro komplessivament u tal-Istati Membri tagħha”. Kif juru l-“istrumenti ta’ assistenza finanzjarja” deskritti fid-dettall fl-Artikoli 14 sa 18 tat-Trattat MES, hemm essenzjalment inkwistjoni t-tqegħid għad-dispożizzjoni lill-membri tal-MES ta’ self intiż għall-finanzjament tal-baġit tagħhom, self flimkien ma’ kundizzjonijiet u obbligi.

82.    L-għoti ta’ kreditu simili ma jagħmilx parti, bħala tali, mill-missjonijiet tas-SEBĊ li huma elenkati fl-Artikolu 127(2) TFUE. Barra minn hekk, l-Artikoli 123 u 124 TFUE, li jikkonċernaw direttament kundizzjonijiet ta’ finanzjament tal-Istati Membri, huma inklużi fil-kapitolu dwar il-politika ekonomika u mhux speċifikament fil-kapitolu dwar il-politika monetarja.

83.    Il-konklużjoni tibqa’ l-istess jekk wieħed jikkunsidra l-kundizzjonijiet marbuta mas-self. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1) tat-Trattat MES, dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jieħdu l-forma, b’mod partikolari, ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku jew ta’ obbligu ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ għoti prestabbiliti. Għalkemm huwa minnu li din il-formolazzjoni ma tippermettix li jiġi identifikat b’mod dirett il-kontenut tal-kundizzjonijiet, minbarra l-programm ta’ aġġustament makroekonomiku, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(3) tat-Trattat MES madankollu jippreċiża li l-kundizzjonijiet miftiehma mal-membri tal-MES ikkonċernati għandhom “ikunu gћalkollox konsistenti mal-miżuri ta’ koordinazzjoni ta’ politika ekonomika previsti fit-TFUE”. Konsegwentement, il-kundizzjonijiet huma kundizzjonijiet ta’ politika ekonomika u mhux kundizzjonijiet ta’ politika monetarja.

84.    Ir-rikorrent isostni li l-attività tal-MES jista’ jkollha impatt dirett fuq il-provvista monetarja u li għalhekk hija taqa’ taħt il-politika monetarja fis-sens tal-Artikolu 127(2) TFUE. Dan huwa żbaljat. Il-MES ma huwiex bank kummerċjali li jista’ joħloq il-flus permezz tal-għoti ta’ kreditu. Kuntrarjament, is-self mogħti mill-MES għandu jkun iffinanzjat kollu kemm hu permezz tal-kapital disponibbli jew bl-emissjoni ta’ strumenti finanzjarji, kif tipprovdi t-tieni sentenza tal-Artikolu 3 tat-Trattat MES.

85.    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, kif spjega korrettament il-Gvern Ġermaniż, forma ta’ politika ekonomika ma tistax titqabbel ma’ politika monetarja minħabba s-sempliċi fatt li jista’ jkollha effetti indiretti fuq l-istabbiltà tal-prezzijiet taż-żona euro. Jekk dan ikun il-każ, il-politika ekonomika kollha tkun irriżervata lis-SEBĊ, liema sitwazzjoni tneħħi l-effettività tad-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat li jikkonċernaw il-koordinazzjoni tal-politiċi ekonomiċi fil-kuntest tal-Unjoni.

86.    Bħala konklużjoni, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni bħat-Trattat MES ma tinferixxix mal-kompetenza esklużiva fil-qasam tal-politika monetarja għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro li l-Artikolu 3(1)(c) TFUE jattribwixxi lill-Unjoni.

b)      Koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi

87.    Il-kwistjoni li tqum ukoll hija dwar jekk, billi jikkonkludu u jirrattifikaw it-Trattat MES, l-Istati Membri jaġixxux bl-osservanza tal-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri.

88.    Skont l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 5(1) TFUE, l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw il-politiki ekonomiċi tagħhom fil-kuntest tal-Unjoni. Dwar dan il-punt partikolari, l-Artikoli 120 u 121 TFUE jistabbilixxu regoli li, fl-Artikolu 121(2) TFUE b’mod partikolari, jipprovdu rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill għall-gwidi ġenerali tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri. Barra minn hekk, l-Artikolu 126 TFUE, li jagħmel parti mill-kapitolu dwar il-politika ekonomika, jistabbilixxi ċerti proċeduri intiżi li jevitaw id-defiċit pubbliku eċċessiv fl-Istati Membri. Dawn il-proċeduri jipprovdu, b’mod partikolari, rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill intiżi li jirrimedjaw defiċit eċċessiv (paragrafu 7) kif ukoll sanzjonijiet eventwali (paragrafu 11).

89.    Ir-rikorrent iqis li l-kundizzjonijiet miftiehma fil-kuntest tas-sostenn għall-istabbiltà pprovduta mill-MES jikkorrispondu mar-rakkomandazzjonijiet previsti mill-Artikoli 121 sa 126 TFUE. Fid-dawl tal-fatt li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu biss jintervjenu fil-qasam ta’ kompetenza kondiviża sa fejn l-Unjoni ma tkunx għamlet użu mill-kompetenza tagħha, il-MES għalhekk jinterferixxi mal-kompetenza tal-Unjoni b’mod illegali.

90.    Jiena miniex tal-istess fehma.

91.    Meta l-MES jissuġġetta l-assistenza finanzjarja li huwa jagħti lil wieħed mill-membri tiegħu għal kundizzjonijiet li huma kompletament kompatibbli mal-miżuri ta’ koordinazzjoni ta’ politiki ekonomiċi previsti mit-TFUE, huwa ma jikkoordinax il-politiċi ekonomiċi tal-Istati Membri, iżda jiżgura biss l-osservanza ta’ miżuri ta’ koordinazzjoni li huma diġà implementati fuq livell tal-Unjoni.

92.    Meta huwa jissuġġetta l-assistenza finanzjarja tiegħu għal kundizzjonijiet li jevitaw miżuri ta’ koordinazzjoni ta’ politiki ekonomiċi adottati fuq livell tal-Unjoni, huwa ma jikkoordinax il-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri peress li l-protokoll ta’ ftehim marbut mal-għoti ta’ għajnuna jinkludi biss il-kundizzjonijiet imposti mill-MES lil Stat Membru wieħed individwali u għalhekk ma jikkoordinax il-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-Istati Membri ma’ xulxin. Barra minn hekk, l-obbligi imposti fil-kuntest tal-MES ma humiex sanzjonijiet.

93.    Għalhekk, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta dwar jekk il-koordinazzjoni tal-politiċi ekonomiċi tal-Istati Membri meħtieġa mill-Artikolu 2(3) u mill-Artikolu 5 TFUE taqax taħt kompetenza kondiviża tal-Unjoni. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet huma rregolati skont formulazzjoni partikolari li tevita regoli oħra ta’ kompetenza tat-trattat. Skont tali formulazzjoni, ma hijiex l-Unjoni li għandha tikkoordina l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri, iżda pjuttost dawn li jikkoordinawhom fil-kuntest tal-Unjoni. L-Artikolu 4 TFUE jiddetermina l-oqsma tal-kompetenzi kondiviżi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. L-Artikolu 4(1) jippresupponi madankollu kompetenza tal-Unjoni u l-Artikolu 2 lanqas ma jipprovdi kompetenza kondiviża fil-qasam tal-politika ekonomika.

94.    Barra minn hekk, lanqas ma huwa neċessarju li jiġi ddeterminat hawnhekk jekk il-Kummissjoni għandhiex raġun issostni li l-Artikolu 5(1) TFUE għandu jiġi interpretat b’tali mod li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri għandhom biss jiġu kkoordinati fil-kuntest tal-Unjoni u ma jistgħux jiġu kkoordinati fuq livell ieħor.

95.    Konsegwentement, leġiżlazzjoni bħal dik tat-Trattat MES ma tiksirx l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 5(1) TFUE.

c)      Konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali

96.    Bħala punt finali fir-rigward tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali skont l-Artikolu 3(2) tipprekludix il-konklużjoni u r-rattifika tat-Trattat MES.

97.    Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, b’mod partikolari, li l-Unjoni għandu jkollha esklużivament kompetenza li tikkonkludi ftehim internazzjonali meta din il-konklużjoni “tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom”. Ir-rikorrent iqis li t-Trattat MES jista’ jaffettwa r-regoli tal-Unjoni li jirregolaw il-politika ekonomika u monetarja.

98.    Il-qari flimkien tal-Artikolu 3(2) TFUE u l-Artikolu 216 TFUE juri li l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fil-qasam tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali tikkonċerna biss il-ftehim konkluż ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali. L-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 2(1) TFUE flimkien jipprekludu lill-Istati Membri milli jikkonkludu tali ftehim ma’ pajjiżi terzi. Madankollu, il-partijiet firmatarji tat-Trattat MES huma esklużivament Stati Membri.

99.    Xejn ma jippermetti għalhekk li jiġi ammess li leġiżlazzjoni bħal dik tat-Trattat MES tikser l-Artikolu 3(2) TFUE. Fl-aħħar mill-aħħar, sa fejn l-argument li żviluppa r-rikorrent fir-rigward ta’ dan l-Artikolu 3(2) TFUE huwa bbażat biss fuq il-konvinzjoni li t-Trattat MES ibiddel ir-regoli tal-Unjoni li jirregolaw il-politika ekonomika u monetarja, dan ser jiġi eżaminat iktar ’il quddiem meta jsir eżami dwar jekk, bil-konklużjoni u bir-rattifika tat-Trattat MES, l-Istati Membri taż-żona euro kisrux id-dispożizzjonijiet korrispondenti.

3.      Il-klawżola ta’ “non salvataġġ” fl-Artikolu 125 TFUE

100. L-Artikolu 125 TFUE jista’ jipprekludi l-konklużjoni u r-rattifika ta’ Trattat bħat-Trattat MES.

101. Skont ir-rikorrent, it-Trattat MES huwa inkompatibbli mal-Artikolu 125 TFUE sa fejn għandu bħala effett li jiggarantixxi d-dejn eżistenti tal-Istati Membri taż-żona euro. L-Artikolu 125 TFUE ma jawtorizzax, kif, fil-fehma tar-rikorrent, jagħmel it-Trattat MES, li l-Istati Membri jipprovdu motivi finanzjarji intiżi għat-teħid ta’ responsabbiltà ta’ dejn ta’ Stat Membru ieħor. Ir-rikorrent isostni li dan l-argument ma huwiex affettwat mill-fatt li l-għajnuna finanzjarja tista’ tingħata biss taħt kundizzjonijiet.

102. Skont ir-rikorrent, id-dispożizzjonijiet tas-sejħa tal-kapital implementati bit-Trattat MES jiksru l-Artikolu 125 TFUE l-istess bħall-istrumenti finanzjarji li huwa jipprovdi. L-Artikolu 25(2) tat-Trattat MES jipprovdi għalhekk il-possibbiltà ta’ sejħa għal żieda ta’ kapital fil-każ ta’ nuqqas minn membru tal-MES, u dan jobbliga lill-membri l-oħra jiggarantixxu d-dejn tal-pajjiż inadempjenti.

103. Għalhekk, għandu issa jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 125 TFUE jipprekludix strumenti ta’ għajnuna finanzjarja bħal dawk ipprovduti fit-Trattat MES [taqsima (a) iktar ’il quddiem] kif ukoll ir-regoli tas-sejħa tal-kapital [taqsima sezzjoni (b) iktar ’il quddiem].

a)      L-assistenza finanzjarja stabbilita fl-Artikoli 14 sa 18 tat-Trattat MES

104. L-Artikoli 14 sa 18 tat-Trattat MES jistabbilixxu regoli ta’ “assistenza finanzjarja”. L-Artikoli 14 sa 16 jippermettu l-għoti ta’ diversi tipi ta’ linji ta’ kreditu lill-membri tal-MES. Skont l-Artikoli 17 u 18, il-MES jista’ barra minn hekk jiġi awtorizzat jixtri bonds maħruġa minn Stat Membru tal-MES fis-suq primarju jew fis-suq sekondarju. Skont l-Artikolu 12(1) u (2) tat-Trattat li jistabbilixxi tali artikolu, il-MES jista’ biss jagħti din l-assistenza finanzjarja jekk jissuġġettaha għal kundizzjonijiet stretti adattati għall-istrument ta’ assistenza finanzjarja magħżul.

105. L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kollha li intervjenew fil-proċeduri jqisu li, fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 125 TFUE ma jipprekludix l-assistenza finanzjarja stabbilita mill-MES meta l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 136(3) TFUE jkunu sodisfatti, jiġifieri meta intervent huwa indispensabbli sabiex tinżamm l-istabbiltà taż-żona euro kollha, peress li l-għoti ta’ assistenza huwa suġġett għal kundizzjonijiet “stretti”.

i)      Intervent tal-Istati Membri

106. Għandu l-ewwel nett jiġi kkjarifikat il-punt dwar jekk il-konklużjoni u r-rattifika tat-Trattat MES mill-Istati Membri joħolqux, flimkien mal-implementazzjoni tal-istrumenti ta’ assistenza finanzjarja mill-MES, rabta li tista’ tikkonstata ksur tal-Artikolu 125 TFUE mill-istess Stati Membri.

107. Ċerti Stati Membri spjegaw f’dan ir-rigward li t-tieni sentenza tal-Artikolu 125(1) tistabbilixxi projbizzjoni indirizzata lejn l-Istati Membri biss, iżda ma tapplikax għal organizzazzjoni internazzjonali awtonoma bħall-MES. Minn dan jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tapplikax a priori għall-attività tal-MES.

108. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 125(1) TFUE, “Stat Membru” ma għandux ikun responsabbli għall-impenji tal-amministrazzjonijiet ċentrali, tal-awtoritajiet reġjonali jew lokali, ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra jew ta’ korpi jew impriżi pubbliċi ta’ Stat Membru ieħor (l-ewwel projbizzjoni) u lanqas jassumi tali impenji (it-tieni projbizzjoni).

109. Minkejja li l-MES huwa organizzazzjoni internazzjonali awtonoma, l-Istati Membri għandhom josservaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni meta jintervjenu fil-kuntest ta’ din l-organizzazzjoni. Fil-fatt, meta huma jinħelsu mill-impenji li huma kellhom permezz ta’ ftehim internazzjonali, l-Istati Membri għandhom josservaw l-obbligi li għandhom skont id-dritt Komunitarju (17). Għalhekk, huma għandhom josservaw ir-regoli tal-Artikolu 125 TFUE, b’mod partikolari meta jadottaw deciżjonijiet dwar strumenti finanzjarji li għandhom jiġu analizzati hawnhekk. Mill-Artikoli 14 sa 18 tat-Trattat MES jirriżulta li l-għoti ta’ tali assistenza teħtieġ deċiżjoni tal-Bord tal-Gvernaturi li, skont l-Artikolu 5 tat-Trattat MES, jinkludi rappreżentant tal-gvern għal kull Stat Membru tal-MES.

110. L-għoti ta’ tali strument ta’ assistenza finanzjarja bi ksur tal-Artikolu 125 TFUE ma jimplikax neċessarjament li din id-dispożizzjoni tapplika għall-MES. Kuntrarjament, il-kwistjoni li tqum hija dwar jekk l-Istati Membri jiksrux ir-regoli ta’ dan l-Artikolu 125 TFUE meta jattivaw mekkaniżmu li jippermetti lill-MES jagħti tali strument. Peress li huma jikkontrollaw kompletament dan il-korp u peress li, skont l-Artikolu 9 tat-Trattat MES, il-motivi finanzjarji ta’ dan joriġinaw, minn tal-inqas parzjalment, minn kapital disponibbli mill-Istati Membri, il-fatt li l-istrumenti finanzjarji huma ffinanzjati mill-MES u mhux direttament mill-baġits tal-Istati Membri ma jeskludix li dawn jiksru l-Artikolu 125 TFUE minħabba l-għoti ta’ assistenza finanzjarja mill-MES. Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi vverifikat għal kull strument mogħti bħala assistenza finanzjarja tal-MES jekk l-għoti ta’ dan għandux l-effett li l-Istati Membri josservaw jew ikunu responsabbli għall-impenji ta’ Stat Membru ieħor.

111. Barra minn hekk, huwa possibbli li mhux biss l-għoti ta’ assistenza finanzjarja jimplika ksur tal-Artikolu 125 TFUE, iżda li s-sempliċi konklużjoni u rattifika tat-Trattat MES mill-Istati Membri jiksru fihom infushom din id-dispożizzjoni. Huwa minnu li l-konklużjoni u r-rattifika tat-Trattat MES ma jimplikawx l-għoti ta’ għajnuna tal-MES peress li din l-għajnuna hija suġġetta għal deċiżjoni minn qabel mill-Bord tal-Gvernaturi. Barra minn hekk, ir-rappreżentanti tal-gvernijiet għandhom, fi kwalunkwe każ, kif intwera iktar ’il fuq, josservaw ir-regoli ta’ dan l-Artikolu 125 TFUE meta jeżerċitaw id-dritt ta’ vot tagħhom wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat MES. Minkejja dan l-obbligu, madankollu, il-konklużjoni u r-rattifika tat-Trattat jiksru fihom infushom l-Artikolu 125 TFUE jekk l-għoti ta’ assistenza finanzjarja previst f’dan it-Trattat ma jkunx jista’ jiġi deċiż skont ir-regoli stabbiliti minn din id-dispożizzjoni peress li l-għoti neċessarjament ikun f’kunflitt magħha.

112. Konsegwentement, l-Istati Membri jiksru l-Artikolu 125 TFUE meta jadottaw u jirrattifikaw it-Trattat MES ta’ din id-dispożizzjoni li tipprojbixxihom milli jagħtu assistenza finanzjarja permezz tal-MES skont l-Artikoli 14 sa 18 tiegħu. Din il-projbizzjoni timplika, minn naħa, li ma humiex awtorizzati jagħtu tali assistenza finanzjarja u li, min-naħa l-oħra, l-għoti tagħha mill-MES huwa att tal-Istati Membri, u dan ser jiġi vverifikat hawnhekk.

ii)    Il-MES bħala garanzija tal-impenji ta’ Stat Membru

113. Fir-rigward tal-istrumenti ta’ assistenza finanzjarja disponibbli, għandu jiġi vverifikat, l-ewwel nett, jekk it-Trattat MES fl-intier tiegħu jikkostitwixxix garanzija għall-impenji tal-Istati Membri taż-żona euro u għalhekk jekk jiksirx l-Artikolu 125 TFUE kif isostni r-rikorrent.

114. Kif sostniet il-Kummissjoni b’mod korrett, il-projbizzjoni milli jiġu ssodisfatti l-impenji ta’ Stat Membru fosthom, stabbilita fit-tieni sentenza tal-Artikolu 125(1) TFUE fir-rigward tal-Istati Membri, turi li ebda garanzija reċiproka impliċita tal-impenji ta’ Stat Membri ma tista’ tiġi dedotta mill-eżistenza tal-Unjoni monetarja. Id-dritt tal-Unjoni għalhekk ma jipprekludi lil ebda Stat Membru l-obbligu li jissodisfa l-kredituri ta’ Stat Membru ieħor.

115. L-Artikolu 125 TFUE jipprekludi wkoll lill-Istati Membri milli jistabbilixxu liberament obbligu li jissodisfaw tali impenji. Fil-fatt, it-tieni parti tat-tieni sentenza tal-Artikolu 125(1) TFUE tistabbilixxi deroga mir-regola ġenerali peress li huma aċċettati l-garanziji finanzjarji reċiproċi għat-twettiq ta’ proġett speċifiku komuni. Jekk ikun possibbli li ssir tali eċċezzjoni, dan ikun ifisser, a contrario, li bħala prinċipju, it-teħid ta’ responsabbiltà volontarju tal-impenji ta’ Stati Membri oħra jmur kontra l-Artikolu 125 TFUE.

116. Madankollu, fi kwalunkwe każ, l-istrumenti ta’ assistenza finanzjarja previsti mit-Trattat MES ma jikkostitwixxux garanzija tal-impenn ta’ Stat Membru ieħor. Kif diġà spjegajt, huma jistgħu biss jingħataw fuq bażi ta’ deċiżjoni tal-Bord tal-Gvernijiet (18), peress li l-MES ma għandu ebda obbligu f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, la s-self u lanqas ix-xiri ta’ bonds ma jiggarantixxu li l-kredituri ta’ Stat Membru jirkupraw il-kreditu tagħhom. Minkejja li l-MES jidher ukoll li għandu bħala funzjoni t-tisħiħ tas-solvenza tal-membri tiegħu (19), ebda garanzija tal-impenn tagħhom ma hija marbuta mal-istrumenti ta’ assistenza finanzjarja li hemm għal dan il-għan. Għalhekk, ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat jekk garanzija eventwali tal-MES għandhiex ukoll titqies bħala garanzija tal-Istati Membri.

117. Konsegwentement, l-istrumenti ta’ assistenza finanzjarja previsti mit-Trattat MES ma jinkludu ebda garanzija li permezz tagħha l-Istati Membri jissodisfaw l-impenji ta’ Stati Membri oħra. Għaldaqstant, f’dan ir-rigward, ma huwiex inkompatibbli mal-Artikolu 125 TFUE li jiġi konkluż u rrattifikat dan it-Trattat.

iii) Is-self bħala teħid ta’ responsabbiltà tal-impenji ta’ Stat Membru

118. Il-kwistjoni li tqum barra minn hekk hija dwar jekk l-Artikolu 125 TFUE jipprekludix lill-Istati Membri milli jagħtu self lil membru tal-MES, permezz tal-istess MES. Dan jimplika li l-Istati Membri ma humiex awtorizzati jagħtu tali self u li l-għoti ta’ self mill-MES huwa għoti ta’ self mill-Istati Membri.

119. L-ewwel nett, is-self ma jimplikax li l-Istati Membri jissodisfaw l-impenji ta’ Stat Membru ieħor (20). It-tieni sentenza tal-Artikolu 125(1) TFUE tipprojbixxi mhux biss lill-Istati Membri milli jissodisfaw l-impenn ta’ Stat Membru minnhom, iżda tipprojbixxi wkoll li huma jassumu tali impenji b’responsabbiltà tagħhom. Għalhekk, il-kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk din il-projbizzoni tinkludix dik tal-għoti tas-self.

–        Il-kliem u l-istruttura

120. L-espressjoni Ġermaniża “Eintreten für Verbindlichkeiten” (21) ma tikkorrispondi ma’ ebda kunċett legali stabbilit. Riferiment fis-sens komuni ta’ din il-frażi jista’ jimplika kemm it-teħid ta’ responsabbiltà tal-impenji tad-debitur jiġifieri responsabbiltà personali, kif ukoll l-eżekuzzjoni effettiva ta’ impenn ta’ ħaddieħor. Filwaqt li l-verżjoni Franċiża ta’ din id-dispożizzjoni li tuża l-espressjoni “les prend à sa charge” tidher li timplika l-istess ħaġa, il-verżjoni Ingliża, li tuża l-frażi “assume the commitments” tidher pjuttost li tagħmel enfażi fuq it-teħid ta’ responsabbiltà tad-dejn iktar milli fuq il-ħlas tiegħu.

121. Minkejja li l-verżjonijiet lingwistiċi differenti għandhom differenzi żgħar, huma komunament jipprevedu l-projbizzjoni ta’ kull intervent dirett ta’ Stat Membru fl-impenji ta’ Stat Membru ieħor. Il-projbizzjoni pprovduta fl-ewwel parti tat-tieni sentenza tal-Artikolu 125 TFUE fir-rigward tal-Istati Membri li jieħdu responsabbiltà ta’ wieħed minnhom għalhekk testendi wkoll għall-projbizzjoni li jitħallas id-dejn jew li jkunu huma stess li jkunu obbligati jħallsu d-dejn, liema obbligu għandhom jinħelsu minnu f’data ulterjuri.

122. L-għoti ta’ self ma jissodisfax dawn il-kriterji, peress li l-għoti ta’ dejn ma jimplikax it-teħid ta’ responsabbiltà tad-dejn ta’ Stat Membru ieħor u lanqas l-eżekuzzjoni tiegħu, iżda joħloq dejn ieħor li huwa responsabbli għalih.

123. Ma hemm xejn fid-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattat li jippermetti li jiġi stabbilit li l-ewwel parti tat-tieni sentenza tal-Artikolu 125(1) TFUE tipprojbixxi l-għoti ta’ self lill-Istati Membri. F’ċerti każijiet, kuntrarjament, it-Trattati jissuġġettaw tali self għal ċerti kundizzjonijiet. Huwa għalhekk li l-ewwel parti tal-Artikolu 143(2) TFUE tipprovdi l-“għoti ta’ kreditu” minn Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro lil Stati Membri li ma jagħmlux parti miż-żona euro. Tali kreditu jingħata b’att tal-Kunsill fil-każ ta’ diffikultajiet fil-bilanċ tal-pagamenti ta’ Stat Membru barra minn din iż-żona. L-Artikolu 122(2) TFUE jipprovdi, min-naħa tiegħu, “assistenza finanzjarja” tal-Unjoni favur Stat Membru, liema assistenza tista’ tinkludi l-għoti ta’ self.

124. Kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet simili ma tippermettix madankollu li jiġi konkluż li barra mill-possibbiltajiet li jipprovdi, id-dritt tal-Unjoni jipprojbixxi kwalunkwe self lil Stat Membru. Peress li l-Artikolu 125 TFUE ma jinkludi ebda riferiment għall-Artikolu 143 jew għall-Artikolu 122 TFUE, xejn ma jippermetti li jiġi kkonstatat li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jistgħu jitqiesu bħala derogi mill-prinċipju ta’ projbizzjoni stabbilit fl-Artikolu 125 TFUE. Min-naħa l-oħra, dawn iż-żewġ artikoli li jittrattaw l-għoti ta’ self lil Stat Membru mill-Unjoni ma jkoprux il-każ ta’ self bejn Stat Membri, liema każ hawn inkwistjoni. Minkejja li l-Artikolu 122(2) TFUE jkopri s-self mogħti mill-Unjoni, l-ewwel parti tat-tieni sentenza tal-Artikolu 143 TFUE tikkonċerna wkoll miżura tal-Unjoni ffinanzjata mill-Istati Membri li tippermetti li jingħata self biss lill-Istati Membri li ma jagħmlux parti miż-żona euro. Il-fatt li d-dritt tal-Unjoni ma jimponi ebda restrizzjoni fil-qasam ta’ self bejn Stati Membri taż-żona euro ma jirrendix mingħajr effett il-kundizzjonijiet li għalihom l-Artikolu 122(2) u l-Artikolu 143(2)TFUE jissuġġettaw l-għoti ta’ self lil Stati Membri oħra.

125. B’mod partikolari, il-miżuri tal-Unjoni u l-miżuri ta’ Stati Membri jinsabu f’kuntesti differenti. Skont l-Artikolu 4(1) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) TUE, il-kompetenzi tal-Unjoni huma rregolati mill-prinċipji ta’ sussidjarjetà, u l-Istati Membri jikkonservaw il-kompetenzi kollha li ma ġewx attribwiti lilhom. Huwa f’dan il-kuntest li l-Artikolu 122(2) u l-Artikolu 143(2) TFUE jawtorizzaw lill-Unjoni tagħti kreditu minkejja li l-Istati Membri ma għandhomx bżonn ta’ tali awtorizzazzjoni. Li jiġi dedott mill-fatt li poteri jingħataw lill-Unjoni sabiex jagħtu faċilitajiet ta’ kreditu u li dawn il-poteri huma suġġetti għal kundizzjonijiet restrittivi, li hemm projbizzjoni komprensiva li tipprevjeni lill-Istati Memri milli jagħtu self, tmur kontra l-prinċipji tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Unjoni.

–        L-għan tal-Artikolu 125 TFUE

126. Madankollu, għandu jiġi diskuss jekk il-finalità tal-Artikolu 125 TFUE tikkonfutax il-konstatazzjonijiet li nsiltu mill-kliem u mill-istruttura tiegħu.

127. Jista’ jkun utli li jintużaw bħala kriterji addizzjonali tal-interpretazzjoni x-xogħlijiet preparatorji u l-kuntest tal-konklużjoni tat-Trattat sabiex tiġi ddeterminata l-finalità tal-Artikolu 125 TFUE.

128. L-Artikolu 125 TFUE essenzjalment jiżgura l-kontinwazzjoni tal-Artikolu 104a KE li ġie introdott bit-Trattat ta’ Maastricht (22). Mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni, li minnha joriġina l-Artikolu 104a KE, jirriżulta li din id-dispożizzjoni żdiedet mal-Artikoli 123 u 124 TFUE sabiex tipprekludi d-defiċit baġitarju u d-dejn eċċessiv tal-Istati Membri, li, minħabba t-tħassib ta’ instabbiltà fis-swieq finanzjarji, kienu kkunsidrati bħala theddida għall-istabbiltà monetarja u s-sostennibbiltà tal-Unjoni ekonomika u finanzjarja (23). Sabiex jiġi evitat li l-Istati Membri jiddejnu iktar milli jifilħu, kellha tissaħħaħ id-dixxiplina baġitarja, b’mod partikolari billi jitħarrxu l-kundizzjonijiet tal-kreditu.

129. Huwa b’dan il-għan li ġew adottati l-Artikoli 123 sa 125 TFUE. L-Artikolu 123 TFUE jipprojbixxi lill-banek ċentrali milli jagħtu faċilitajiet ta’ finanzjament lill-Istati Membri. L-Artikolu 124 TFUE jipprojbixxi kull miżuri li jagħtu lill-Istati Membri aċċess privileġġat lill-istituzzjoni finanzjarji.

130. Fl-aħħar nett, skont l-abbozz tal-Kummissjoni, l-Artikolu 125 TFUE huwa intiż li jevita li Stat Membru jkun jista jikseb garanzija inkundizzjonali tad-dejn pubbliku tiegħu mingħand l-Unjoni jew mingħand Stat Membru ieħor (24). L-Artikolu 104a KE, li kien jinkludi l-abbozz tal-Kummissjoni, kien sempliċement jipprojbixxi l-“għoti mill-Komunità jew mill-Istati Membri ta’ garanzija inkundizzjonali lid-dejn pubbliku ta’ Stat Membru”. Huwa matul dawn in-negozjati bejn l-Istati Membri dwar it-Trattat ta’ Maastricht li ġiet estiża l-projbizzjoni u tbiddlet fil-forma li għandha issa, u li dehret għall-ewwel darba fil-proposta tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Pajjiżi l-Baxxi (25). B’mod partikolari, huwa fuq proposta tal-Gvern Ġermaniż li dan l-artikolu ġie kkompletat mill-projbizzjoni li għandhom l-Istati Membri milli jieħdu l-impenji ta’ wieħed minnhom taħt ir-responsabbiltà tagħhom (26). Madankollu, ma jeżisti ebda sors aċċessibbli għall-pubbliku dwar din il-proposta, il-motivazzjonijiet preċiżi tagħha u, b’mod partikolari, il-mod kif din intlaqgħet fil-konferenza tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri.

131. L-oriġini tagħha għalhekk turi li l-Artikolu 125 TFUE huwa manifestament intiż li, minn tal-inqas, jipprekludi li l-Istati Membri jibbażaw ruħhom fuq Stati Membri oħra sabiex iħallsu d-dejn tagħhom u għalhekk jiżguraw li huma jkollhom politika baġitarja limitata.

132. Il-Kunsill Ewropew u ċerti Stati Membri esponew b’mod korrett li l-Artikolu 125 TFUE huwa wkoll intiż li jiżgura li l-Istati Membri jżommu dixxiplina baġitarja billi jiżgura li l-effett dixxiplinari tar-rata tal-interess jinfirex fuq is-swieq kapitali skont il-pożizzjonijiet finanzjarji individwali tal-Istati Membri wara l-istabbiliment tal-Unjoni ekonomika u monetarja. Fil-fatt, idealment, iż-żieda tal-interessi tiġi kkalkolata skont l-aspettattivi li l-kredituri potenzjali għandhom tas-solvenza ta’ Stat Membru partikolari. Is-solvenza tiddependi, b’mod partikolari, fuq il-potenzjal finanzjarju tal-Istat Membru kkonċernat. Għalhekk, l-għan imħaddan mill-Artikolu 125 TFUE huwa li jiżgura li din il-kapaċità ma tkunx dipendenti fuq il-kapaċità finanzjarja ta’ Stati Membri oħra.

133. Iż-żewġ għanijiet – li jiżguraw li la l-Istati Membri debituri u lanqas is-swieq kapitali ma jibbażaw ruħhom fuq il-kapaċità finanzjarja ta’ Stati Membri oħra – jintlaħqu bl-aħjar mod jekk l-Istat Membri jiġu preklużi milli jipprovdu sostenn finanzjarju lil Stati Membri oħra. Dan għaliex kwalunkwe sostenn finanzjarju jista’ jintuża mill-Istat Membru benefiċjarju sabiex jinħeles mid-dejn tiegħu. Dan japplika mhux biss għall-provvisti finanzjarji mogħtija f’forma ta’ self, iżda wkoll, pereżempju, għall-kontribuzzjonijiet ta’ fondi li jirriżultaw mill-bejgħ ta’ attiv ta’ Stat Membru lil ieħor. Ċertament, dan ikun ifisser li jiġu pprojbiti l-iskambji kummerċjali bejn l-Istati Membri nfushom, iżda projbizzjoni daqstant rigoruża tistabbilixxi b’mod ċar fir-rigward tal-partijiet kollha kkonċernati li Stat Membru li jiddejjen ma jistax jippretendi għajnuna finanzjarja mingħand ħaddieħor indipendentement mill-forma ta’ tali għajnuna. Ir-regoli dwar id-dejn kollu jkunu għalhekk jiddependu biss mill-potenzjal finanzjarju individwali tal-Istat Membru debitur.

134. Madankollu, din ma kinitx l-għażla tal-leġiżlatur meta adotta l-Artikolu 125 TFUE, liema artikolu ma pprekludiex manifestament kwalunkwe sostenn finanzjarju favur Stat Membru.

135. Fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 125 TFUE, huwa madankollu konċepibbli li tali artikolu jingħata interpretazzjoni estiża li tippermetti li jiġi eskluż ukoll minn tal-inqas is-sostenn finanzjarju li jista’ jkollu, fil-prattika, l-effett ta’ ħelsien mill-obbligi ta’ Stat Membru. Tali interpretazzjoni tkun testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni projbizzjoni stabbilita fl-ewwel parti tat-tieni sentenza tal-Artikolu 125(1) TFUE b’mod li jiġi pprojbit li din tieħu responsabbiltà li tkun biss indiretta. Teħid ta’ responsabbiltà jkun indirett meta, pereżempju, self jippermetti biss lil Stat Membru jħallas id-dejn tiegħu. Dan ikun partikolarment manifest meta l-ammont tas-self jiġi kkalkolat skont il-volum tad-dejn li l-Istat Membru għandu jirrimborsa lill-kredituri tiegħu.

–       Prinċipji strutturali tal-Unjoni Ewropea

136. Interpretazzjoni daqstant wiesgħa tal-Artikolu 125 TFUE fid-dawl tal-għan tiegħu, tista’ madankollu tkun f’kunflitt mal-prinċipji bażiċi tal-Unjoni, li għandhom importanza minn tal-inqas ekwiparabbli għall-Artikolu 125 TFUE.

Is-sovranità tal-Istati Membri

137. L-ewwel fattur inkwistjoni huwa l-protezzjoni tas-sovranità tal-Istati Membri. L-Unjoni nħolqot minn Stati Membri li kkonservaw is-sovranità tagħhom. Il-prinċipju ta’ attribuzzjoni stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) TUE, liema prinċipju jistabbilixxi l-kompetenzi tal-Unjoni, huwa l-espressjoni ta’ din is-sovranità u għandu bħala għan il-protezzjoni tagħha.

138. Billi ħolqu l-MES, l-Istati Membri ma ttrasferixxewx kompetenzi lill-Unjoni b’mod li llimitaw is-sovranità tagħhom. Kuntrarjament, it-Trattat MES huwa trattat tad-dritt internazzjonali pubbliku li huwa l-espressjoni tas-sovranità u tal-awtonomija kuntrattwali tal-Istati Membri.

139. Jekk jitqies li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi wkoll lill-Istati Membri milli jieħdu indirettament responsabbiltà tal-impenji ta’ wieħed minnhom, dan ikun jipprekludihom milli jimmobilizzaw fondi bil-ħsieb li jevitaw effetti negattivi li l-falliment ta’ wieħed minnhom jista’ jkollu fuq is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tagħhom. L-interdipendenza tal-attivitajiet ekonomiċi rispettivi tal-Istati Membri li d-dritt tal-Unjoni jrid jiffavorixxi jista’ jikkawża dannu kunsiderevoli lill-ekonomiji tal-Istati Membri l-oħra f’każ ta’ falliment ta’ wieħed minnhom. Kif spjegaw ċerti partijiet fil-proċeduri, xejn ma jeskludi li dan id-dannu jkun tant estensiv li jipperikola l-eżistenza stess tal-Unjoni monetarja.

140. Ma għandhiex tiġi kkonstatata hawnhekk l-eżistenza ta’ tali theddida għall-istabbiltà tal-Unjoni monetarja jew jiġu eżaminati l-aħjar metodi sabiex din tingħeleb. Għandu biss jiġi enfasizzat li, f’tali każ ukoll, interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 125 TFUE iċċaħħad l-Istati Membri mill-kompetenza tagħhom li jegħlbu l-falliment ta’ wieħed minnhom u l-possibbiltà għalihom li jiddevjaw kwalunkwe ħsara minn fuqhom. Jiena nqis li ma nistgħux nibbażaw ruħna fuq interpretazzjoni estensiva tal-imsemmija argumenti teoloġiċi sabiex tiġi limitata s-sovranità tal-Istati Membri sal-punt li ċċaħħadhom mill-possibbiltà li jadottaw miżuri għall-protezzjoni tagħhom stess meta t-test tad-dispożizzjoni inkwistjoni ma jesprimix dan il-limitu b’mod ċar.

141. Dan huwa partikolarment minnu fid-dawl tal-fatt li, f’ċirkustanzi oħra, it-trattati stabbilixxew projbizzjoni espliċita li jagħtu self bħal dak inkwistjoni. L-Artikolu 123(1) TFUE jipprojbixxi espliċitament lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-banek ċentrali tal-Istati Membri milli jagħtu “[f]aċilitajiet ta’ overdraft jew ta’ xi tip ieħor ta’ faċilità ta’ kreditu” lill-Istati Membri. Għalhekk, ma huwiex permess lill-banek ċentrali li jagħtu self lill-Istati Membri (27). Għaldaqstant, l-Artikolu 125 TFUE ma jinkludi ebda formulazzjoni speċifika ta’ dan it-tip fir-rigward tal-għoti ta’ self lill-Istati Membri.

Is-solidarjetà tal-Istati Membri

142. Barra minn hekk, interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 125 TFUE tkun inkompatibbli mal-kunċett ta’ solidarjetà, kif stabbilit fid-diversi punti fit-trattati. Huwa għalhekk li, fil-preambolu tat-TUE, l-Istati Membri jiddikjaraw li billi ħolqu l-Unjoni, huma “jsaħħu s-solidarjetà bejn il-popli tagħhom”. Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE, l-Unjoni għandha “tippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri”. Fil-kapitolu tat-TFUE li jittratta l-politika ekonomika, l-Artikolu 122(1) jirreferi espliċitament għas-solidarjetà bejn l-Istati Membri.

143. Ċertament, ma jistax jiġi dedott mill-kunċett ta’ solidarjetà li jeżisti obbligu li tingħata assistenza finanzjarja bħal dik ipprovduta mill-MES. Barra minn hekk, interpretazzjoni teleoloġika estensiva tal-Artikolu 125 TFUE tipprekludi wkoll l-Istati Membri milli jagħtu liberament għajnuna lil wieħed minnhom f’każ ta’ urġenza, jiġifieri meta jiġi prekluż li l-falliment tagħha jimplika fil-konfront tagħhom effetti ekonomiċi u soċjali serji. Għajnuna għall-urġenza favur kwalunkwe Stat terz hija għalhekk permessa meta għajnuna għal urġenza tkun prekluża fil-kuntest tal-Unjoni. Jidhirli li tali projbizzjoni tkun tikkonfuta preċiżament il-finalità tal-Unjoni fl-intier tagħha.

144. Għalhekk, il-prinċipji strutturali fundamentali tat-trattati jipprekludu interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 125 TFUE.

–       Ksur u osservanza tal-għanijiet marbuta mal-Artikolu 125 TFUE

145. Madankollu, tista’ ssir oġġezzjoni fis-sens li t-tieni sentenza tal-Artikolu 125(1) TFUE titlef is-sens kollu tagħha jekk l-Istati Membri jiġu preklużi milli jassumu responsabbiltajiet b’mod dirett, iżda jista’ jkun hemm ksur tad-dispożizzjoni jekk huma jagħmlu dan b’mod indirett. Jien naqbel ma’ dan sa fejn l-Artikolu 125 TFUE ma jiġix interpretat b’mod li l-projbizzjonijiet stabbiliti f’tali artikolu jisfaw mingħajr effett.

146. Madankollu, dan ma huwiex il-każ. L-esklużjoni tar-responsabbiltà u t-teħid ta’ responsabbiltà, kif stabbilit fl-ewwel parti tat-tieni sentenza tal-Artikolu 125(1) TFUE, xorta għandhom “effett utli” anki jekk jiġu applikati abbażi tal-kontenut regolamentari li huwa espress fil-kliem ta’ din id-dispożizzjoni.

147. Kif spjega korrettament b’mod partikolari l-Gvern Grieg, il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 125 TFUE fir-rigward tal-Istati Membri sabiex jieħdu responsabbiltà tal-impenji ta’ wieħed minnhom teskludi kull obbligu għal Stat Membru li jħallas id-dejn ta’ Stat Membru ieħor. Tali obbligu ma jistax jiġi dedott mid-dritt tal-Unjoni u, bl-eċċezzjoni tal-garanziji previsti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 125 TFUE, Stat Membru ma jistax jimponi tali obbligu fuqu nnifsu. Għaldaqstant, kull Stat Membru u l-kredituri potenzjali tiegħu jafu li Stat Membru ieħor ma jistax jinżamm responsabbli għad-dejn.

148. Barra minn hekk, it-tieni projbizzjoni stabbilita fl-ewwel parti tat-tieni sentenza tal-Artikolu 125(1) TFUE, fil-konfront tal-Istati Membri, jiġifieri l-projbizzjoni li jieħdu responsabbiltà tal-impenji ta’ wieħed minnhom hija, fl-aħħar mill-aħħar, marbuta ma’ projbizzjoni li tingħata direttament preferenza lil ċerti kredituri. Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu ma jissodisfawx direttament it-talbiet ta’ kredituri ta’ Stat Membru ieħor. Sostenn dirett tal-kredituri huwa prekluż, filwaqt li sostenn indirett, li jirriżulta minħabba sostenn lill-Istat Membru debitur, ma huwiex prekluż. Għalhekk, bħala regola, il-kredituri ta’ Stat Membru jibbenefikaw minn sostenn mogħti lil dak l-Istat Membru. Madankollu, għall-kredituri potenzjali ta’ Stati Membri hemm inċertezza addizzjonali dwar jekk assistenza finanzjarja possibbli lil Stat Membru tistax attwalment twassal għas-soluzzjoni tad-dejn tagħhom. Sa dan l-estent, ma huwiex neċessarju li s-sostenn volontarju ta’ Stat Membru jkun jinkludi wkoll il-ħlas in toto jew in parte lill-kredituri tal-Istat Membru. Din l-inċertezza hija intiża li tippromwovi l-għan li l-Istati Membri jkollhom rati ta’ interess differenti fuq is-swieq kapitali (28).

149. Konsegwentement, self minn Stat Membru jikkostitwixxi teħid ta’ responsabbiltà tal-impenji ta’ Stat Membru ieħor jekk is-self ikun jibbenefika direttament lill-kredituri tal-Istat Membru benefiċjarju. Dan jista’ jitqies li huwa l-każ jekk l-Istat Membru ma jkollu ebda kontroll fuq il-fondi mislufa.

150. Il-Kunsill Ewropew, b’mod partikolari, jiddefendi l-interpretazzjoni tal-Artikolu 125 TFUE li tipprovdi li, l-għajnuna finanzjarja mogħtija lil Stat Membru għandha tingħata skont “kundizzjonijiet stretti” sabiex tiggarantixxi wkoll it-twettiq tal-għan prinċipali tad-dixxiplina baġitarja tal-Istati Membri, iżda ma hemmx għalfejn tingħata deċiżjoni dwar din l-interpretazzjoni, peress li, fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri taż-żona euro pprevedew tali kundizzjonijiet b’osservanza tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 12(1) tat-Trattat MES.

–       Konklużjoni intermedjarja

151. Għaldaqstant, mill-kliem, mill-iskema u mill-interpretazzjoni teleoloġika tat-tieni projbizzjoni stabbilita fl-ewwel parti tat-tieni sentenza tal-Artikolu 125(1) TFUE jirriżulta li l-Istati Membri huma pprojbiti milli jieħdu direttament responsabbiltà tal-impjeni ta’ Stat Membru fosthom fis-sens li ma jistgħux jassumu, jissodisfaw jew jiffavorixxu direttament dawn l-impenji u jibbenefikaw lill-kredituri. Konsegwentement, ma huwiex ipprojbit li l-Istati Membri jagħtu self lil Stat Membru ieħor.

152. Konsegwentement, billi jirrattifikaw u jikkonkludu t-Trattat MES, l-Istati Membri ma jwettqux ksur tal-Artikolu 125 TFUE fir-rigward ta’ self mogħti mill-MES skont l-Artikoli 14 sa 16 tat-Trattat MES.

153. Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ interpretazzjoni iktar estiża tal-ewwel parti tat-tieni sentenza tal-Artikolu 125(1) TFUE tasal għall-konklużjoni li l-Istati Membri huma wkoll preklużi milli jagħtu self lil xulxin, għandu sussegwentement jiġi kkunsidrat jekk l-għoti ta’ self mill-MES jikkostitwixxix atti tal-Istati Membri. Jiena nqis li tali xebh ma huwiex possibbli fil-kuntest ta’ interpretazzjoni estiża tal-Artikolu 125 TFUE peress li, jekk l-għoti ta’ self lil Stat Membru jitqies li huwa sempliċement sodisfazzjon indirett tal-impenji tagħha, l-għoti ta’ dan is-self mill-MES ikun jikkostitwixxi, minn tal-inqas indirettament, l-għoti tiegħu mill-Istati Membri, peress li dawn stabbilixxew il-MES u jikkontrollawh kompletament. Barra minn hekk, huma l-Istati Membri li, abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-responsabbiltà ta’ telf fl-Artikolu 25(1) tat-Trattat MES, għandhom kompletament iżidu l-fondi għas-self.

iv)    Xiri ta’ bonds bħala teħid ta’ responsabbiltà ta’ Stat Membru

154. Fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji, għandu fl-aħħar nett jiġi eżaminat jekk huwiex kompatibbli mal-Artikolu 125 TFUE li, kif jipprovdu l-Artikoli 17 u 18 tat-Trattat MES, jinxtraw bonds maħruġa minn membru tal-MES mingħand l-Istat Membru nnifsu jew mingħand terz. Dan ikun jimplika għal darba oħra li l-Artikolu 125 TFUE jipprekludi lill-Istati Membri milli jixtru tali bonds.

155. Ix-xiri ta’ bonds ta’ Stat Membru emettenti kif jipprovdi l-Artikolu 17 tat-Trattat MES huwa biss forma ta’ self partikolari. Kif spjegajt iktar ’il fuq, huwa kompatibbli mal-Artikolu 125 TFUE li jingħata self skont it-Trattat MES.

156. Ix-xiri mingħand terz ta’ bonds maħruġa minn Stat Membru skont l-Artikolu 18 tat-Trattat lanqas huwa, fil-prinċipju, teħid ta’ responsabbiltà tal-impenji ta’ dan l-Istat Membru peress li tali xiri ma jimplikax is-sodisfazzjon tad-dejn tiegħu peress, kif sostniet il-Kummissjoni b’mod ġust, dan l-Istat Membru emettenti jibqa’ suġġett għad-dejn inkwistjoni. Għaldaqstant, l-impenn tal-Istat Membru jibqa’ l-istess u jinbidel biss il-kreditur tiegħu.

157. Madankollu, tista’ ssir oġġezzjoni fis-sens li, minn perspettiva ekonomika, is-sitwazzjoni li tirriżulta wara x-xiri ta’ bonds ma tkunx differenti minn dik ta’ ħlas normali ta’ dejn ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ terz, u bħala konsegwenza l-Istat Membru li jkun wettaq tali ħlas jikseb dritt għal rimbors mingħand l-Istat Membru li jinħeles minn tali obbligu. Huwa minnu li tali dritt għal rimbors huwa sostanzjalment differenti minn dritt li jinkiseb minn xiri ta’ bonds. Barra minn hekk, il-prezz tax-xiri tal-bonds ta’ Stat Membru fi bżonn jista’ jkun kunsiderevolment inqas mill-valur tal-obbligu. Madankollu, ir-riżultat huwa li meta jinxtraw bonds, il-kreditur eżistenti jikseb mill-inqas parti mid-dritt tiegħu direttament mingħand l-Istat Membru akkwirent.

158. Għaldaqstant, il-kwistjoni hija dwar jekk ix-xiri ta’ bonds mingħand terz jiksirx l-Artikolu 125 TFUE minħabba li jibbenefika direttament lill-bejjiegħa fil-kwalità tagħhom ta’ kredituri preċedenti tal-Istat Membru (29). Għalkemm fil-każ ta’ tali xiri ta’ bonds, il-fondi tal-MES jiġu direttament trażmessi lill-kreditur, fil-fehma tiegħi, il-projbizzjoni li l-kredituri jiġu direttament ibbenefikati tibqa’ tapplika jekk il-bonds jinkisbu f’kundizzjonijiet normali tas-suq. F’dan il-każ, fil-fatt, il-kreditur jikseb il-flus tiegħu bl-istess mod li bih jiksibhom mingħand terz u ma jibbenefika minn ebda vantaġġ speċifiku minn Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, fil-każ ta’ xiri ordinarju fis-suq tal-bonds, il-kreditur ma jkollux għarfien tal-fatt li l-xerrej tal-bond huwa Stat Membru. Għalhekk, tali xiri ta’ bonds ma huwiex intiż li jinkoraġġixxi kredituri potenzjali ta’ Stat Membru jibbażaw ruħhom fuq is-solvabbiltà ta’ Stat Membru ieħor.

159. Ma huwiex ċar jekk l-implementazzjoni ta’ strumenti ta’ assistenza finanzjarja skont l-Artikolu 18 tat-Trattat MES jevitawx iċ-ċirkustanzi deskritti iktar ’il fuq. Għaldaqstant, ix-xiri ta’ bonds mill-MES skont din id-dispożizzjoni ma huwiex a priori neċessarjament inkompatibbli mal-Artikolu 125 TFUE (30), iżda, fi kwalunkwe każ huwa possibbli li jsir skont il-kundizzjonijiet li huwa jistabbilixxi. Hija għal din ir-raġuni li, fil-każ ta’ xiri ta’ bonds, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta, għall-finalità tal-analiżi preżenti, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-attività tal-MES tistax, sa dan l-estent, tiġi imputata lill-Istati Membri fil-kuntest tal-Artikolu 125 TFUE.

160. Fil-qosor, il-konklużjoni u r-ratifika tat-Trattat MES ma jiksrux l-Artikolu 125 TFUE lanqas fir-rigward tax-xiri ta’ bonds mill-MES skont l-Artikoli 17 u 18 ta’ dan it-trattat.

b)      Sejħa ta’ fondi skont l-Artikolu 25 tat-Trattat MES

161. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 125 TFUE għandu jiġi eżaminat ukoll jekk ir-regola dwar is-sejħa għal żieda ta’ fondi kif previst fl-Artikolu 25(2) tat-Trattat MES hijiex kompatibbli mal-Artikolu 125 TFUE.

162. L-ewwel projbizzjoni stabbilita fl-ewwel parti tat-tieni sentenza tal-Artikolu 125(1) tipprekludi lill-Istati Membri milli jissodisfaw volontarjament l-impenji ta’ wieħed minnhom (31).

163. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(2) tat-Trattat MES, il-kapital awtorizzat huwa kompost minn kapital ikkontribwit u kapital appellabbli. Skont l-Artikolu 9 ta’ dan it-trattat, il-kapital mhux ikkontribwit jista’ jiġi suġġett għal ħlas mill-Bord tal-Gvernaturi u mid-Direttur taħt ċerti kundizzjonijiet. L-Artikolu 25(2) tat-Trattat MES jipprovdi li meta Stat Membru ma jikkonformax ma’ sejħa tal-kapital mill-MES, ikun hemm sejħa għal kapital riveduta b’żieda lill-membri l-oħra kollha.

164. Madankollu, ir-regola stabbilita fl-Artikolu 25(2) tat-Trattat MES ma tfissirx li, billi rrattifikaw it-Trattat MES, l-Istati Membri volontarjament assumew responsabbiltà fid-dawl tal-fatt li tali regola tistabbilixxi li, fil-każ li Stat Membru ma jikkonformax ma’ sejħa tal-kapital, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(2) tat-Trattat MES, il-membri l-oħra tal-MES għandhom iħallsu l-ammont miżjud skont l-obbligi tagħhom stess. Skont l-Artikolu 25(2) tat-Trattat MES, in-nuqqas ta’ ħlas minn wieħed minnhom jista’ jobbliga lill-oħrajn iżidu l-kontribuzzjoni tagħhom. Min-naħa l-oħra, dawn ma humiex obbligati jissodisfaw l-obbligu tal-membru inadempjenti, li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 25(2) tat-Trattat MES, jibqa’ kompletament liberu li jagħmel il-kontribuzzjoni tiegħu tal-kapital.

165. Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mid-dikjarazzjoni komuni tal-firmatarji tat-Trattat MES tas-27 ta’ Settembru 2012 li fiha jfakkru li t-trattat ma jimponi fuq ebda Stat Membru obbligu ta’ ħlas li jeċċedi l-parti tiegħu ta’ kapital awtorizzat (32). Konsegwentement, ebda sejħa għal fondi riveduta b’żieda ma tista’ ssir skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(2) tat-Trattat MES lil Stat Membru li kkontribwixxa kompletament l-parti tal-kapital tiegħu.

c)      Konklużjoni intermedjarja

166. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 125 TFUE ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jikkonkludu u jirrattifikaw ftehim li jipprovdi sejħa għal fondi riveduta b’żieda kif tipprovdi l-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(2) tat-Trattat MES kif ukoll strumenti ta’ assistenza finanzjarja minn organizzazzjoni internazzjonali fil-forma ta’ self jew xiri ta’ bonds fis-sens tal-Artikoli 14 sa 18 tat-Trattat MES.

4.      Trasferiment ta’ kompetenzi ġodda lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni

167. Għandu jiġi eżaminat, sussegwentement, jekk bil-konklużjoni u bir-rattifika tat-Trattat MES, l-Istati firmatarji jiksrux id-dritt tal-Unjoni sa fejn huma jikkonferixxu kompiti ġodda lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Minkejja li huma biss l-Istati Membri, u mhux l-Unjoni, li huma awtorizzati jaġixxu fil-kuntest tat-Trattat MES, dan jipprovdi diversi possibbiltajiet ta’ intervent mill-Kummissjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja jew mill-Bank Ċentrali Ewropew.

168. Ir-rikorrent jikkunsidra li dan it-trasferiment tal-kompetenzi huwa inkompatibbli mal-funzjonijiet li t-trattati jikkonferixxu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Huwa jqis, b’mod partikolari, li tali rikors huwa biss possibbli skont il-proċedura ta’ kooperazzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 20 TUE.

169. Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-kompiti stabbiliti fit-Trattat MES għall-Kummissjoni (Sezzjoni a), għall-Bank Ċentrali Ewropew (Sezzjoni b) u għall-Qorti tal-Ġustizzja (Sezzjoni c) humiex inkompatibbli mat-tieni sentenza tal-Artikolu 13(2) TUE, li tipprovdi li kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-poteri mogħtija lilha skont it-trattati.

a)      Il-Kummissjoni

170. Skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tat-Trattat MES, meta membru tal-MES jindirizza talba għal sostenn ta’ stabbiltà lill-President tal-Bord tal-Gvernaturi, dan tal-aħħar jawtorizza lill-Kummissjoni tevalwa diversi kundizzjonijiet dwar l-għoti tal-assistenza finanzjarja. Skont l-Artikolu 13(3) u (4) tat-Trattat MES, il-Kunsill tal-Gvernaturi jawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja mal-membru tal-MES, flimkien mal-BĊE u, meta jkun possibbli, konġuntament mal-Fond Monetarju Internazzjonali, protokoll ta’ ftehim li jippreċiża l-kundizzjonijiet ta’ assistenza. Skont l-Artikolu 13(4), dawn il-kundizzjonijiet jeħtieġu approvazzjoni mill-Kunsill tal-Gvernaturi sabiex ikunu legalment vinkolanti. Skont l-Artikolu 13(7), hija biss il-Kummissjoni li għandha tosserva l-kundizzjonijiet tal-assistenza finanzjarja. L-irwol tal-Kummissjoni ma jintemmx hawnhekk peress li, f’ċertu numru ta’ sitwazzjonijiet, it-Trattat MES jipprovdi li l-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni jew tfassal rapport (33).

171. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet, fir-rigward tar-raba’ inċiż tat-Trattat KEE, li kien jiddeskrivi l-kompetenzi tal-Kummissjoni, li din id-dispożizzjoni ma kinitx tipprekludi lill-Istati Membri milli jafdaw lill-Kummissjoni bil-kompitu li tikkoordina azzjoni kollettiva li huma jkunu ħadu abbażi ta’ att tal-laqgħa tar-rappreżentanti tagħhom fil-Kunsill (34). F’sentenza sussegwenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ebda dispożizzjoni tat-Trattat ma tipprekludi Stati Membri milli jużaw, barra mill-qafas tiegħu, elementi proċedurali mnissla minn regoli tal-Unjoni u milli jassoċjaw lill-istituzzjonijiet Komunitarji mal-proċedura stabbilita (35). Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li fuq talba tal-Istati Membri, il-Kummissjoni tista’ wkoll tintervjeni barra mill-kuntest tal-kompiti mogħtija lilha mit-Trattati.

172. Fl-20 ta’ Ġunju 2011, ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri kollha adottaw deċiżjoni li tipprovdi li t-Trattat MES għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew iwettqu l-kompiti stabbiliti fit-Trattat (36). Din id-deċiżjoni tmur lil hinn mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti sa fejn it-Trattat MES ma huwiex ir-riżultat ta’ azzjoni meħuda mill-Istati Membri kollha u sa fejn il-kontenut eżatt tat-Trattat MES, li ġie konkluż fit-2 ta’ Frar 2012, ma kienx għadu magħruf meta ġiet adottata d-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq.

173. Madankollu, abbażi tal-ġurisprudenza ċċitata, jiena tal-fehma li, fil-prinċipju, il-Kummissjoni hija awtorizzata twettaq il-kompiti li t-Trattat MES jipprevedi fir-rigward tagħha peress li, minn naħa, is-sostenn lejn din id-deċiżjoni mir-rappreżentanti tal-gvernijiet kollha turi azzjoni suffiċjentement kollettiva min-naħa tal-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri kellhom għarfien suffiċjenti tal-kontenut essenzjali tat-Trattat MES meta adottaw id-deċiżjoni peress li, fl-20 ta’ April 2011, il-Kunsill Ewropew kien diġà approva l-fatturi essenzjali tal-MES (37).

174. Ir-rikorrent iqis li l-proċedura ta’ kooperazzjoni prevista mill-Artikolu 20 TUE tipprekludi li jiġu fdati kompiti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, iżda l-argument tiegħu ma jikkonvinċinix. Huwa minnu li l-Artikolu 20(1) jipprovdi espliċitament li l-Istati Membri jistgħu “jagħmlu użu mill-istituzzjonijiet” fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-kooperazzjoni msaħħa madankollu tmur lil hinn minn sempliċi trasferiment tal-kompiti fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq. Din ma hijiex limitata għal meta l-Istati Membri jkunu għamlu użu mill-possibbiltà li jirrikorru għall-istituzzjonijiet, iżda tippermetti lill-Unjoni tadotta atti li jorbtu lill-Istati Membri parteċipanti. Għaldaqstant, ma jidhirx li l-partijiet kontraenti tat-Trattat kellhom l-intenzjoni li jillimitaw il-possibbiltà li jitolbu intervent tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, liema possibbiltà ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq.

175. Barra minn hekk, kuntrarjament għall-obbligi li għandha fil-kuntest ta’ kooperazzjoni msaħħa bbażata fuq l-Artikolu 20 TUE, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta twettaq il-kompiti li t-Trattat MES jipprevedi fir-rigward tagħha. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ġiet iċċitata iktar ’il fuq ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jobbligaw lill-Kummissjoni taġixxi barra mill-kuntest tal-Unjoni, peress li tali obbligu huwa biss impost fuqha bħala istituzzjoni tal-Unjoni fil-każ ta’ kompiti mogħtija lilha mid-dritt tal-Unjoni. Għandu jingħad ukoll li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(3) TUE, il-Kummissjoni teżerċita r-responsabbiltajiet tagħha b’indipendenza sħiħa u li l-membri tagħha ma għandhomx jieħdu istruzzjonijiet mingħand ebda Gvern jew istituzzjoni oħra. L-Istati Membri jidhru li huma tal-istess fehma meta fl-għaxar premessa tat-Trattat MES, jirreferu għall-awtorizzazzjoni li tawhom l-Istati Membri tal-Unjoni li jeħtieġu [“aufzufordern”] (38) lill-Kummissjoni twettaq il-kompiti pprovduti fit-Trattat. Konsegwentement, it-Trattat MES ma jassumix li l-Kummissjoni għandha obbligu tagħmel dan.

176. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-konklużjoni u r-rattifika tat-Trattat MES ikunu jiksru d-dritt tal-Unjoni jekk dan it-Trattat ikun jeħtieġ lill-Kummissjoni twettaq kompiti preklużi mit-Trattati. Anki meta taġixxi fil-kuntest tal-MES, il-Kummissjoni tibqa’ istituzzjoni tal-Unjoni u bħala tali hija marbuta kompletament bid-dritt tagħha, inkluż il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

177. Madankollu, jiena ma nistax nidentifika ksur tad-dritt tal-Unjoni. A contrario, il-fatt li fi ħdan il-MES, il-Kummissjoni hija awtorizzata bil-kompitu li tiżgura li l-kundizzjonijiet marbuta mal-istrumenti ta’ assistenza finanzjarja skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(3) tat-Trattat MES huma konsistenti mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, għandu l-għan li jipproteġi d-dritt tal-Unjoni.

178. Billi twettaq, b’osservanza tal-obbligi tad-dritt tal-Unjoni, il-kompiti li l-Istati Membri firmatarji tat-Trattat MES jagħtuha bis-saħħa ta’ tali trattat, il-Kummissjoni ma tiksirx l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(2) TUE.

b)      Il-Bank Ċentrali Ewropew

179. It-Trattat MES jattribwixxi diversi kompiti lill-Bank Ċentrali Ewropew, anki jekk huma sekondarji meta mqabbla ma’ dawk tal-Kummissjoni. Huma biss l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 18(2) tat-Trattat MES jinkludi kompetenzi ta’ kontroll awtonomi għall-istituzzjoni finanzjarja. L-Artikolu 13(1), (3) u (7) u l-Artikolu 14(6) tat-Trattat MES jipprovdu, barra minn hekk, it-tnejn li huma, li l-Kummissjoni taġixxi “flimkien” mal-Bank Ċentrali Ewropew, li tixbah iktar lil dritt lill-Kummissjoni li tikkonsultah milli attribuzzjoni ta’ kompitu speċifiku lill-Bank.

180. Kif osserva b’mod partikolari l-Gvern Olandiż, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata iktar ’il fuq dwar it-trasferiment ta’ kompiti lill-Kummissjoni tista’ tapplika għall-Bank Ċentrali Ewropew. Din tapplika fi kwalunkwe każ għalih meta, kif ipprovdut fit-Trattat MES, il-kompiti jkunu jirrigwardaw il-politika ekonomika globali li l-Bank Ċentrali Ewropew għandu jsostni skont l-Artikolu 282(1) u t-tielet sentenza tal-Artikolu 282(2) TFUE.

181. Madankollu, għadu jerġa’ jiġi enfasizzat li l-Bank Ċentrali Ewropew ma huwiex marbut iwettaq il-kompiti li t-Trattat MES jattribwixxi lilu, li f’dan il-każ, għandu importanza partikolari minħabba l-obbligu ta’ indipendenza kif stabbilita fl-Artikolu 130 TFUE.

182. Bħala konklużjoni, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(2) TUE ma tipprekludix lill-Istati Membri taż-żona euro firmatarji tat-Trattat MES li jikkonferixxu, permezz ta’ tali trattat, kompiti fakultattivi lill-Bank Ċentrali Ewropew bil-kundizzjoni li dan iwettaqhom b’osservanza tal-obbligi li għandu skont id-dritt tal-Unjoni.

c)      Il-Qorti tal-Ġustizzja

183. Fl-aħħar nett, għandu jiġi ddeterminat jekk l-irwol li t-Trattat MES jipprevedi fir-rigward tal-Qorti tal-Ġustizzja huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

184. Skont l-Artikolu 37(2) tat-Trattat MES, il-Bord tal-Gvernaturi għandu jiddeċiedi “dwar kull disputa li tqum bejn Membru fil-MES u l-MES, jew fost il-Membri fil-MES, marbuta mal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat, inkluża kull disputa dwar il-kompatibbiltà tad-deċiżjonijiet adottati mill-MES ma' dan it-Trattat”. Skont l-Artikolu 37(3), il-kwistjoni għandha titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk membru tal-MES jikkontesta d-deċiżjoni tal-Bord tal-Gvernijiet. Kif jirriżulta mill-premessa 16 tat-Trattat MES, il-partijiet firmatarji tat-Trattat MES jibbażaw dan l-irwol lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-Artikolu 273 TFUE.

185. Skont l-Artikolu 273 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja “tkun kompetenti li tiddeċiedi kull tilwim bejn l-Istati Membri konness ma’ l-għanjiet tat-Trattati, jekk dan it-tilwim jitressaq quddiemha skond it-termini ta’ ftehim ta’ kompromess”. Għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet iċċitati tal-Artikolu 37 tat-Trattat MES jiġġustifikawx dawn il-kundizzjonijiet.

186. L-ewwel nett, kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattat MES għandhom ikunu marbuta mas-suġġett tat-Trattati. Kif jidher minn paragun mad-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 259(1) TFUE dwar azzjonijiet imressqa minn Stat Membru kontra ieħor għall-ksur ta’ obbligu taħt it-Trattati, l-Artikolu 273 TFUE ma jikkonċernax kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati. Huwa biżżejjed jekk il-kwistjoni hija sempliċement relatata. Peress li l-attribuzzjoni ta’ kompiti skont l-Artikolu 273 TFUE hija dipendenti fuq arranġament speċjali bejn il-partijiet, huwa barra minn hekk suffiċjenti jekk is-suġġett ta’ tali ftehim huwa relatat mas-suġġett tat-Trattati tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li kull tilwima li tirriżulta mit-Trattat MES tkun relatata mat-Trattati tal-Unjoni.

187. Fil-każ tal-MES, tali rabta teżisti diġà minħabba s-sempliċi fatt li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(3) jipprovdi li l-protokoll tal-ftehim li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet marbuta mal-għoti ta’ assistenza finanzjarja għandu jkun kompletament kompatibbli mal-miżuri ta’ koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi previsti mit-Trattat TFUE. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm lok għal tilwim dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 125 TFUE (“klawżola ta’ “non-salvataġġ”) fir-rigward ta’ strumenti konkreti ta’ assistenza finanzjarja. Konsegwentement, tali tilwim dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattat MES għandhom rabta ta’ konnessjoni mas-suġġett tat-Trattati fis-sens tal-Artikolu 273 TFUE.

188. It-tieni kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk l-Artikolu 37 tat-Trattat MES jikkonċernax tilwim bejn Stati Membri fis-sens tal-Artikolu 273 TFUE. Madankollu, it-Trattat MES jipprovdi li tista’ titressaq kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’kawża bejn membru tal-MES u l-MES bħala organizzazzjoni internazzjonali.

189. Il-firmatarji tat-Trattat MES huma esklużivament Stati taż-żona euro li, skont l-Artikolu 5 tat-Trattat MES, jaġixxu permezz tar-rappreżentanti tal-gvernijiet rispettivi tagħhom fi ħdan l-ogħla organu tal-MES, jiġifieri l-Kunsill tal-gvernaturi. Kif enfasizza b’mod ġust il-Gvern tar-Renju Unit b’mod partikolari, f’tali ċirkustanzi tilwima bejn membru tal-MES u l-MES hija fil-fatt, jew minn tal-inqas tixbah lil tilwima bejn membru tal-MES u l-membri l-oħra tal-MES, li fi ħdan il-MES adottaw deċiżjoni b’maġġoranza. Barra minn hekk, l-attività li l-Istati Membri għandhom fil-kuntest tal-organizzazzjoni hija suġġetta għal obbligi partikolari imposti mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, il-kompetenza tal-Unjoni ma tiggarantixxix biss l-applikazzjoni uniformi tiegħu, iżda ssaħħaħ barra minn hekk is-sistema ta’ protezzjoni legali tal-Unjoni stess, u dan huwa konformi mal-għan tal-Artikolu 273 TFUE. Jista’ jingħad ukoll li għall-Istati Membri din id-dispożizzjoni hija fakultattiva. Konsegwentement, l-Artikolu 273 jista’ japplika għal tilwim bejn Stati Membri fil-kuntest ta’ organizzazzjoni stabbilita minnhom stess, anki meta din l-organizzazzjoni stess hija parti fil-kawża.

190. Konsegwentement, l-irwol allokat lill-Qorti tal-Ġustizzja mit-Trattat MES huwa kompatibbli mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(3) TUE.

5.      L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-prinċipju taċ-ċertezza legali

191. Għandu jiġi eżaminat jekk it-Trattat MES huwiex kompatibbli mad-dritt ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilita mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mal-prinċipju ġenerali taċ-ċertezza legali.

192. Skont ir-rikorrent, mill-Artikolu 37(2) tat-Trattat jirriżulta li t-Trattat MES huwa suġġett biss għall-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod limitat. Minn dan isegwi li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ stabbiltà bħall-MES, sa fejn, madankollu, fil-funzjonament tiegħu, dan il-mekkaniżmu josserva d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-miżuri meħuda mill-Unjoni fil-qasam tal-koordinament tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri (ara l-punti 68 u 69 tas-sentenza preżenti). Kif jirriżulta mill-punti 111 sa 113 tas-sentenza preżenti, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 13(4) huma intiżi li jiżguraw li kull assistenza finanzjarja mogħtija mill-MES tkun kompatibbli ma’ tali miżuri ta’ koordinazzjoni.

193. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, din hija indirizzata lill-Istati Membri “biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni”. Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma japplikax għall-attività tal-MES, iżda ma huwiex neċessarju li tiġi kkonfermata l-fehma tagħha, peress li d-dritt tal-individwi għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva hija, fi kwalunkwe każ, suffiċjentement iggarantita fir-rigward tal-attività tal-MES.

194. Kif juru l-proċeduri preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali jistgħu jużaw il-proċedura ordinarja tal-Artikolu 267 TFUE sabiex jistħarrġu l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ atti li l-Istati Membri jadottaw fil-kuntest tal-MES. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jistabbilixxu l-azzjonijiet legali neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva, minn tal-inqas fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-kundizzjonijiet għal sostenn tal-istabbiltà tad-dritt nazzjonali (39).

195. Fir-rigward tal-prinċipju taċ-ċertezza legali espost fid-domanda preliminari, ma huwiex evidenti kif jista’ jkun hemm ksur ta’ dan il-prinċipju bl-attività tal-MES.

196. Għaldaqstant, la l-konklużjoni u lanqas ir-rattifika tat-Trattat MES ma jiksru l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jew il-prinċipju taċ-ċertezza legali.

6.      Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE

197. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà tat-Trattat MES mal-Artikolu 4(3) TUE, li jistabbilixxi l-“prinċipju ta’ koperazzjoni leali”, li jipprovdi li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jassistu lil xulxin b’rispett reċiproku fit-twettiq tal-funzjonijiet li jirriżultaw mit-Trattati.

198. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent sostna li l-Istati Membri kisru dan il-prinċipju billi ħolqu organizzazzjoni internazzjonali indipendenti bħall-MES sabiex jevitaw id-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari, il-projbizzjonijiet fl-Artikolu 125 TFUE.

199. Kif diġà spjegajt (40), ma jistax jiġi kkonstatat li kien hemm ksur tal-obbligi skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari tal-Artikolu 125 TFUE. Il-kwistjoni ta’ ksur tal-obbligi taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi evalwata esklużivament fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-obbligi attwali. Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li diġà ġew eżaminati għal dan il-għan fil-kuntest tat-tieni domanda preliminari, huwa impossibbli li jiġi identifikat b’liema mod ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali mit-Trattat MES. Il-kompiti li jingħataw lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew mit-Trattat MES jagħtu prova kuntrarja.

200. Għaldaqstant, il-konklużjoni u r-rattifika tat-Trattat MES ma jiksrux l-Artikolu 4(3) TUE.

7.      Konklużjoni intermedjarja

201. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 13 TUE; l-Artikolu 2(3), l-Artikolu 3(1)(c) u (2), l-Artikolu 122, l-Artikolu 123 u l-Artikolu 125 TFEU; l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u l-prinċipju taċ-ċertezza legali ma jipprekludux Stat Membru milli jikkonkludi u jirrattifika ftehim internazzjonali bħat-Trattat MES.

C –    It-tielet domanda preliminari: effett tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni dwar ir-risposta għat-tieni domanda

202. Fl-aħħar nett, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-dritt ta’ Stati Membri li jikkonkludu u jirrattifikaw ftehim internazzjonali bħat-Trattat MES huwiex dipendenti fuq id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2011/199.

203. Peress li l-Istati Membri, kif intqal iktar ’il fuq fil-kuntest tat-tieni domanda, jistgħu skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ jikkonkludu u jirrattifikaw ftehim internazzjonali bħat-Trattat MES, id-dritt tagħhom ma jiddependix fuq iż-żieda tal-paragrafu l-ġdid (3) fl-Artikolu 136 TFUE abbażi tad-Deċiżjoni 2011/199. Għal din ir-raġuni, ir-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv.

IV – Konklużjoni

204. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mis-Supreme Court Irlandiża:

(1)      L-analiżi ma tirrivela ebda fattur li jista’ jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni 2011/199.

(2)      L-Artikoli 4(3) u l-Artikolu 13 TUE, l-Artikoli 2(3), 3(1)(ċ), u (2), l-Artikolu 122, l-Artikolu 123 u l-Artikolu 125 TFUE kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipju taċ-ċertezza legali ma jipprekludux Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro milli jikkonkludi u jirrattifika ftehim internazzjonali bħat-Trattat MES qabel id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2011/199.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C-188/92, Ġabra, p. I-833, punt 17) u tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F (C-550/09, Ġabra p. I-6213, punt 46).


3 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1997, Eurotunnel et (C-408/95, Ġabra p. I‑6315, punt 29) u tat-8 ta’ Lulju 2012, Afton Chemical (C-343/09, Ġabra p. I‑7023, punt 19).


4 – Ara wkoll, fuq dan il-punt, iċ-ċitazzjonijiet fid-Deċiżjoni 2011/199.


5 – Ara, dwar din ir-restrizzjoni, is-sentenza Eurotunnel (iċċitata diġà fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 34).


6 – Ara r-raba’ premessa tad-Deċiżjoni 2011/199.


7 – Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta’ April 2011 dwar il-laqgħa tal-24 u tal-25 ta’ Marzu 2011, EUCO 10/1/11 REV 1, punti 16 et seq, u Anness II.


8 – Ara, fir-rigward tal-għan tat-Trattat MES, il-punti 75 et seq.


9 – Ara, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ dan is-suġġett, is-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 1981, Gondrand u Garancini (169/80, Ġabra 1981, p. 1931, punt 17) u tal-15 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-582/8, Ġabra 2010, p. I-7191, punt 49).


10 – Ara t-tieni premessa tad-Deċiżjoni 2011/199.


11 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-132/09, Ġabra p. I-8695, punt 43, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).


12 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2011, Tanoarch (C-504/10, Ġabra p. I‑10853, punt 43).


13 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Garkalns (C-470/11, punt 18, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).


14 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2010, Fluxys (C-241/09, Ġabra p. I 12773, punt 30, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).


15 – Ara l-paġni 12 et seq. tad-deċiżjoni tar-rinviju: l-ewwel motiv jinsab fl-ewwel inċiż, it-tieni fil-ħames inċiż, it-tielet fit-tieni u fit-tielet inċiż, ir-raba’ fir-raba’ inċiż u l-ħames fl-aħħar inċiż.


16 – Ara wkoll l-ewwel u t-tlettax-il preambola tat-Trattat MES.


17 – Sentenza tal-15 ta’ Jannar 2002, Gottardo (C-55/00, Ġabra p. I-413, punt 33).


18 – Ara l-punt 70 iktar ’il fuq.


19 – Ara r-raba’ premessa tat-Trattat MES.


20 – Ara l-punt 116 iktar ’il fuq.


21 –      It-testi ġuridiċi Ġermaniżi kultant jużaw l-espressjoni “Eintreten ‘in’ ein Schuldverhältnis” (“intervent f’relazzjoni ta’ debitur”); ara § 563 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (Kodiċi Ċivili Ġermaniż) fir-rigward tal-“Eintrittsrecht bei Tod des Mieters”.


22 – Tratttat dwar l-Unjoni Ewropea, iffirmat f’Maastricht fis-7 ta’ Frar 1992, ĠU C 191, p. 1.


23 – Ara l-abbozz tat-trattat li jemenda t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea intiż għall-implementazzjoni ta’ Unjoni ekonomika u monetarja, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Awwissu 1990, Bullettin tal-Komunitajiet Ewropej, Anness 2/91, p. 25.


24 – Ibidem.


25 – Ara d-Dokument SN 3738/91 (UEM 82) tal-Presidenza tal-Konferenza tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri dwar l-Unjoni Ekonomika Monetarja tat-28 ta’ Ottubru 1991: “Proposal by the Presidency to the Intergovernmental Conference on Economic and Monetary Union”, Artikolu 104a.


26 – Ara Jan Viebig, Der Vertrag von Maastricht, Die Positionen Deutschlands und Frankreichs zur Europäischen Wirtschafts- und Währungsunion, p. 314.


27 – Ara wkoll l-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3603/93, tat-13 ta’ Diċembru 1993, li jistabbilixxi d-definizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikoli 104 u 104b (1) tat-Trattat, dispożizzjoni li hija bbażata fuq l-Artikolu 125(2) TFUE.


28 – Ara l-punt 132 iktar ’il fuq.


29 – Ara l-punt 148 iktar ’il fuq.


30 – Ara l-punt 111 iktar ’il fuq.


31 – Ara l-punt 115 iktar ’il fuq.


32 – Ara l-ittra tar-rappreżentant permanenti tar-Repubblika ta’ Ċipru mal-Unjoni Ewropea lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill Ewropew tas-27 ta’ Settembru 2012, Dokument Nru SGE12/010319.


33 – Ara l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4), l-Artikolu 14(5) u (6), l-Artikolu 15(5) u l-Artikolu 17(5) tat-Trattat MES.


34 – Ara s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1993, Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C181/91 u C-248/91, Ġabra, p. I‑3685, punt 20).


35 – Ara sentenza tat-2 ta’ Marzu 1994, Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-181/91 u C-248/91, Ġabra p. I-3685, punt 20).


36 – Nota ta’ trażmissjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2011, Dokument Nru 12114/11, kif ukoll l-għaxar premessa tat-Trattat MES.


37–      Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-sessjoni tal-24 u tal-25 ta’ Marzu 2011 kif riprodotti fin-noti ta’ trażmissjoni tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta’ April 2011, Dokument Nru EUCO 10/1/11 REV 1, punt 17 u Anness II.


38–      Il-verżjoni Franċiża tat-Trattat MES hija iktar ċara dwar dan il-punt, għaliex tirreferi għall-kelma “demander” (“jistaqsi”).


39–      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C-432/05, Ġabra p. I-2271, punti 38 u 42, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk.


40–      Ara l-punti 100 et seq iktar ’il fuq.