Language of document : ECLI:EU:T:2013:370

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

8 ta’ Mejju 2013 (*)

“Dumping — Importazzjonijiet ta’ lampi florexxenti kompatti elettroniċi u integrati (CFL-i) li joriġinaw miċ-Ċina, mill-Vjetnam, mill-Pakistan u mill-Filippini — Skadenza ta’ miżuri antidumping — Eżami mill-ġdid — Artikolu 4(1), Artikolu 5(4), u Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 [li saru l-Artikolu 4(1), Artikolu 5(4), u Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009] — Kunċett ta’ industrija Komunitarja — Determinazzjoni tal-ħsara — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑469/07,

Philips Lighting Poland S.A., stabbilita f’Piła (il-Polonja),

Philips Lighting BV, stabbilita f’Eindhoven (il-Pajjiżi l-Baxxi),

irrappreżentati minn L. Catrain González, avukat, u E. Wright, barrister,

rikorrenti,

sostnuti minn

Hangzhou Duralamp Electronics Co., Ltd, stabbilita f’Hangzhou (iċ-Ċina), irrappreżentata minn M. Gambardella u V. Villante, avukati,

u minn

GE Hungary Ipari és Kereskedelmi Zrt (GE Hungary Zrt), stabbilita f’Budapest (l-Ungerija), irrappreżentata minn P. De Baere, avukat,

intervenjenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn J.-P. Hix, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch u G. Wolf, avukati, sussegwentement minn Hix u B. Driessen, bħala aġenti, , assistiti minn Berrisch,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. van Vliet u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

u minn

Osram GmbH, stabbilita f’München (il-Ġermanja), irrappreżentata minn R. Bierwagen, avukat,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1205/2007, tal-15 ta’ Ottubru 2007, li jimponi dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ lampi florexxenti kompatti elettroniċi u integrati (CFL-i) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni ta’ l-iskadenza skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 u li jestendi għall-importazzjonijiet ta’ l-istess prodott mibgħuta mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, ir-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan u r-Repubblika tal-Filippini (ĠU L 272, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn S. Papasavvas, President, K. O’Higgins (Relatur) u D. Gratsias, Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Il-leġiżlazzjoni antidumping bażika applikabbli għall-fatti inkwistjoni hija kkostitwita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005, tal-21 ta’ Diċembru 2005, (ĠU L 175M, p. 287) (iktar ’il quddiem, “ir-Regolament bażiku”). Ir-Regolament bażiku ġie mbagħad issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, rettifika fil-ĠU 2010, L 7, p. 22).

2        L-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku [li sar l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1225/2009] jipprovdi:

“Skond dan ir-Regolament, it-terminu ‘ħsara’ għandu, sakemm mhux speċifikat b’mod ieħor, jittieħed li jfisser ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità, theddida ta’ ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità jew dewmien materjali ta’ l-istabbiliment ta’ industrija bħal din u għandu jiġi interpretat skond id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.”

3        L-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku [li sar l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1225/2009) jispeċifika b’mod partikolari:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu ‘industrija Komunitarja’ għandu jkun interpetat bħala li jirreferi għall-produtturi Komunitarji kollha tal-prodotti simili jew għal dawk minnhom li l-output kollettiv tal-prodotti jikkostitwixxi proporzjon kbir[maġġuri], kif definit fl-Artikolu 5(4), tal-produzzjoni Komunitarja totali ta’ dawk il-prodotti, għajr li:

a)      meta l-produtturi jiġu mill-esportaturi jew l-importaturi jew huma huma nfushom importaturi tal-prodott allegament mixtri taħt il-prezz, it-terminu ‘industrija Komunitarja’ jista’ jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-bqija tal-produtturi [...]”

4        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament bażiku [li sar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1225/2009] jipprovdi kif ġej:

“Ħlief kif previst fil-paragrafu 6, investigazzjoni biex jiġu determinati l-eżistenza, il-grad u l-effett ta’ kwalunkwe dumping allegat għandha tinbeda fuq ilment miktub minn kwalunkwe persuna naturali jew legali, jew kwalunkwe assoċjazzjoni li m’għandiex personalità legali, f’azzjoni għan-nom ta’ l-industrija Komunitarja.”

5        Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku [li sar l-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1225/2009]:

“Investigazzjoni ma għandhiex tinbeda skond il-paragrafu 1 sakemm ma tkunx ġiet stabbilita, fuq il-bażi ta’ eżaminazzjoni dwar il-livell ta’ appoġġ [sostenn] għal, jew oppożizzjoni għall-ilment espress mill-produtturi Komunitarji ta’ l-istess prodott, li l-ilment sar minn jew għan-nom ta’ l-industrija Komunitarja. L-ilment għandu jiġi kkunsidrat li jkun ġie magħmul minn jew għan-nom ta’ l-industrija Komunitarja jekk ikun appoġġjat minn dawk il-podutturi Komunitarji li produzzjoni kollettiva tagħhom tikkostitwixxi iktar minn 50 % tal-produzzjoni totali ta’ l-istess prodott, prodott minn dak il-porzjon ta’ l-industrija Komunitarja li jappoġġja jew jopponi lill-ilment. Madanakollu, ebda investigazzjoni ma għandha tinbeda meta produtturi Komunitarji li espressament jappoġġaw l-ilment jammontaw għal inqas minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili prodott mill-industrija Komunitarja.”

6        L-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku [li sar l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1225/2009] jipprovdi li, “[f]ejn l-ilment jiġi rtirat, il-proċediment jista’ jiġi mitmum sakemm terminazzjoni bħal din ma tkunx kontra l-interess Komunitarju”.

7        L-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku [li sar l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 1225/2009] jipprovdi b’mod partikolari li:

“Meta l-fatti kif stabbiliti fl-aħħar juru li hemm id-dumping u l-ħsara kkawżata minnu, u l-interess Komunitarju jitlob li jkun hemm intervent skond l-Artikolu 21, dazju definittiv kontra d-dumping għandu jiġi impost mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta sottomessa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv.”

8        L-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku [li sar l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 1225/2009] jipprovdi b’mod partikolari li:

“Miżura definittiva kontra l-bejgħ taħt il-prezz għandha tiskadi ħames snin wara l-impożizzjoni tagħha jew ħames snin mid-data tal-konklużjoni ta’ l-iktar reviżjoni [eżami mill-ġdid] riċenti li kopriet kemm il-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara, sakemm ma jiġix stabbilit f’reviżjoni li d-data ta’ skadenza kienet x’aktarx twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza [tkomplija jew repetizzjoni] tal-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara. Reviżjoni ta’ skadenza bħal din għandha tinbeda fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, jew fuq talba magħmula minn, jew għan-nom ta’, produtturi Komunitarji, u l-miżura għandha tibqa’ infurzata fl-istennija tar-riżultat ta’ reviżjoni bħal din.”

9        L-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku [li sar l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 1225/2009] jipprovdi b’mod partikolari li:

“Id-disposizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament rigward proċeduri u t-twettieq ta’ investigazzjonijiet, ħlief dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ limiti ta’ żmien, jgħoddu għal kull reviżjoni [eżami mill-ġdid] li titwettaq skond il-paragrafi 2, 3 u 4 [ta’ dan l-artikolu].”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

10      Ir-rikorrenti, minn naħa, Philips Lighting Poland S.A. (iktar ’il quddiem, “Philips Poland”), li hija kumpannija rregolata mid-dritt Pollakk li tipproduċi, fis-sit tagħha ta’ Piła (il-Polonja), lampi florexxenti kompatti elettroniċi u integrati (CFL-i) (iktar ’il quddiem, is-“CFL-i”) u li, fiż-żmien tal-fatti, kienet timporta kwantitajiet kbar ta’ CFL-i miċ-Ċina, bil-ħsieb li tbigħhom mill-ġdid fl-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, Philips Lighting BV (iktar ’il quddiem, “Philips”), li hija kumpannija rregolata mid-dritt Olandiż li tipproduċi komponenti għas-CFL-i f’Roosendaal (il-Pajjiżi l-Baxxi) u teżerċita attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp fil-qasam tas-CFL-i, huma miżmuma 100 % mill-kumpannija rregolata mid-dritt Olandiż Koninklijke Philips Electronics NV.

11      Fis-16 ta’ Lulju 2001, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament (KE) Nru 1470/2001 li [j]imponi dazju definittiv dwar l-anti-dumping u li [j]iġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ [CFL-i] li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 38, p. 43). Dan ir-regolament stabbilixxa dazji antidumping definittivi ta’ bejn 0 u 66.1 % fuq l-imsemmija importazzjonijiet.

12      Fis-6 ta’ Ġunju 2005, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 866/2005 li jestendi l-miżuri antidumping definittivi imposti mir-Regolament Nru 1470/2001 fuq l-importazzjonijiet ta’ CFL-i li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet tal-istess prodott ikkunsinnat mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, mir-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan u mir-Repubblika tal-Filippini [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 145, p. 1).

13      Ir-Regolamenti Nri 1470/2001 u 866/2005 ġew emendati permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1322/2006, tal-1 ta’ Settembru 2006 (ĠU L 244, p. 1).

14      Fl-14 ta’ Ottubru 2005, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippubblikat avviż ta’ skadenza imminenti tal-miżuri antidumping imsemmija hawn fuq (ĠU C 254, p. 2).

15      Fit-18 ta’ April 2006, il-Kummissjoni ntalbet tagħmel eżami mill-ġdid tal-imsemmija miżuri, permezz ta’ talba mressqa mill-Community Federation of Lighting Industry of Compact Fluorescent Lamps Integrated (iktar ’il quddiem, “2CFL-i”), li kienet qed taġixxi f’isem Osram GmbH, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

16      Fit-12 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-erba’ produtturi Komunitarji tas-CFL-i, jiġifieri GE Hungary Ipari és Kereskedelmi Zrt (GE Hungary Zrt), Osram, Philips Poland u SLI Sylvania Lighting International (iktar ’il quddiem, “Sylvania”), maħsub sabiex hija tkun tista’ tistabbilixxi jekk il-produtturi li kienu jsostnu t-talba għal eżami mill-ġdid kinux suffiċjentement rappreżentattivi.

17      Fit-28 ta’ Ġunju 2006, ir-rikorrenti taw risposta komuni għall-kwestjonarju msemmi fil-punt preċedenti, fejn, b’mod partikolari, huma indikaw li kienu kontra l-ftuħ ta’ proċedura ta’ eżami mill-ġdid. Min-naħa l-oħra, fir-risposta tagħhom, GE Hungary u Osram indikaw li kienu favur il-ftuħ ta’ tali proċedura. Sylvania, min-naħa tagħha, ma rrispondietx għall-kwestjonarju.

18      Peress li kkonkludiet, wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv skont l-Artikolu 15 tar-Regolament bażiku (li sar l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1225/2009), li kienu jeżistu provi suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ eżami mill-ġdid skont l-Artikolu 11(2) ta’ dan l-istess regolament, il-Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ ftuħ ta’ tali proċedura f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Lulju 2006 (ĠU C 167, p. 13) u bdiet investigazzjoni fir-rigward tal-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2005 u t-30 ta’ Ġunju 2006.

19      Imbagħad, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-partijiet kollha kkonċernati, fosthom l-erba’ produtturi Komunitarji ta’ CFL-i u l-importaturi Komunitarji ta’ CFL-i.

20      Fit-8 ta’ Settembru 2006, Philips Poland irrispondiet għall-kwestjonarju li kien intbagħtilha inkwantu produttur Komunitarju u, fit-18 ta’ Settembru 2006, għal dak li kien intbagħtilha inkwantu importatur Komunitarju.

21      F’Novembru 2006, il-Kummissjoni wettqet żjarat ta’ verifika fuq il-post, b’mod partikolari għand ir-rikorrenti u għand tliet produtturi Komunitarji oħra ta’ CFL-i.

22      B’ittra tas-26 ta’ Novembru 2006, GE Hungary indikat lill-Kummissjoni li hija ma kinitx għadha favur iż-żamma tal-miżuri antidumping inkwistjoni.

23      B’ittra tat-30 ta’ Novembru 2006, ir-rikorrenti talbu lill-Kummissjoni tispeċifika jekk, fid-dawl tal-pożizzjoni adottata b’dan il-mod minn GE Hungary, setax jibqa’ jitqies li t-talba għal eżami mill-ġdid kienet sostnuta mill-industrija Komunitajra, kif imsemmija fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. Huma osservaw li 2CFL-i kienet qed taġixxi biss f’isem Osram, li din tal-aħħar kienet l-uniku produttur Komunitarju ta’ CFL-i li xtaq iżomm il-miżuri antidumping inkwistjoni u li l-produzzjonijiet meqjusa flimkien ta’ CFL-i ta’ Philips Poland u ta’ GE Hungary kienu jirrappreżentaw iktar minn 50 % mill-produzzjoni Komunitarja totali ta’ CFL-i.

24      B’żewġ ittri bid-data tad-19 ta’ Diċembru 2006, Sylvania informat lill-Kummissjoni li hija kienet tqis li ma kienx fl-interess tal-Komunità li jinżammu l-miżuri antidumping inkwistjoni.

25      Fl-10 ta’ Jannar 2007, Philips Poland ippreżentat quddiem il-Kummissjoni osservazzjonijiet bil-miktub rigward il-kwistjoni tal-ħsara kif ukoll rigward dik tal-interess Komunitarju. F’dawn l-osservazzjonijiet, hija sostniet mill-ġdid li Osram ma kinitx tirrappreżenta l-industrija Komunitarja.

26      Il-jum ta’ wara, ir-rikorrenti ħadu sehem f’seduta fis-sede tal-Kummissjoni, u matulha ppreżentaw l-istrateġija tagħhom ta’ provvista lill-Komunità ta’ CFL-i, ikkontestaw mill-ġdid il-fatt li Osram setgħet tirrappreżenta l-industrija Komunitarja u pproponew l-għeluq tal-investigazzjoni.

27      Fis-6 ta’ Frar 2007, ir-rikorrenti ppreżentaw informazzjoni addizzjonali quddiem il-Kummissjoni.

28      Fl-14 ta’ Frar 2007, ir-rikorrenti ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fuq kummenti li kienet għamlet 2CFL-i, fil-5 ta’ Frar 2007, b’risposta għal ittra tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Jannar 2007. B’mod partikolari huma rrepetew li Osram ma kinitx tirrappreżenta l-industrija Komunitarja u talbu mill-ġdid sabiex tingħalaq l-investigazzjoni.

29      Fl-20 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju addizzjonali lill-produtturi Komunitarji, u Philips Poland bagħtet ir-risposta tagħha għal dan fl-10 ta’ April 2007.

30      Fit-23 ta’ April 2007, il-Kummissjoni wettqet żjara oħra ta’ verifika fuq il-post għand Philips Poland. Fis-27 ta’ April 2007, din tal-aħħar bagħtet lill-Kummissjoni informazzjoni b’risposta għal xi wħud mill-kwistjonijiet li kienu tqajmu waqt din iż-żjara.

31      Fl-10 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni ppreżentat dokument ta’ informazzjoni li juri l-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom kien beħsiebha tipproponi l-għeluq tal-eżami mill-ġdid tal-miżuri antidumping inkwistjoni (iktar ’il quddiem, id-“dokument ta’ informazzjoni ta’ Lulju 2007”). F’dan id-dokument, hija kkonstatat b’mod partikolari li l-erba’ produtturi Komunitarji kellhom jiġu inklużi fil-produzzjoni Komunitarja totali skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku. Hija indikat ukoll li r-rekwiżiti rigward il-livell ta’ sostenn tat-talba għal eżami mill-ġdid previsti fl-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-regolament kellhom ikunu sodisfatti kemm meta titressaq din it-talba kif ukoll tul il-perijodu li fih titwettaq l-investigazzjoni. Barra minn hekk, hija kkonstatat li, f’dan il-każ, mal-ftuħ tal-eżami mill-ġdid, it-talba kienet sostnuta minn proporzjon maġġuri tal-produzzjoni Komunitarja, iżda li s-sitwazzjoni kienet inbidlet waqt li kienet għaddejja l-investigazzjoni. Wara li osservat li l-produzzjoni akkumulata tal-produtturi li kienu jopponu t-talba kienet issa tirrappreżenta ftit iktar minn 50 % mill-produzzjoni Komunitarja totali, hija talbet li l-miżuri antidumping inkwistjoni jitħassru u li l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid tingħalaq.

32      Fl-24 ta’ Lulju 2007, Philips Poland ippreżentat osservazzjonijiet fuq id-dokument ta’ informazzjoni ta’ Lulju 2007, fejn kienet tapprova l-konklużjoni tal-Kummissjoni. Fil-25 ta’ Lulju 2007, 2CFL-i ippreżentat osservazzjonijiet fuq l-istess dokument.

33      Fil-31 ta’ Awwissu 2007, il-Kummissjoni ppreżentat dokument ta’ informazzjoni ġenerali (iktar ’il quddiem, id-“dokument ta’ informazzjoni ġenerali”), fejn hija kkonkludiet li l-perijodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri antidumping inkwistjoni kellu jiġġedded b’sena. Hija osservat, b’mod partikolari, li, “[b’]mod analogu mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, li jipprovdi li l-Komunità tista’ tadotta miżuri anki fejn l-ilment ikun ġie rtirat, jekk dan ikun fl-interess tal-Komunità, l-istituzzjonijiet Komunitarji jqisu li ma huwiex meħtieġ, f’din il-kawża, li tittieħed deċiżjoni dwar l-Artikoli 4(1) u 5(4), tar-Regolament bażiku, għaliex […] huwa fl-interess tal-Komunità li l-miżuri jiġu mġedda [għal perijodu ta’ sena]”. Hija żiedet li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ħsara, hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-kumpannija li sostniet it-talba għal eżami mill-ġdid.

34      Fil-11 ta’ Settembru 2007, Philips Poland ippreżentat osservazzjonijiet fuq id-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, fejn hija opponiet il-konklużjoni tal-Kummissjoni u kkritikat, fost l-oħrajn, l-applikazzjoni tagħha b’mod analogu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku.

35      Fl-14 ta’ Settembru 2007, il-Kummissjoni ppreżentat, wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv, proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ CFL-i li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, wara eżami mill-ġdid tal-iskadenza tal-miżuri, magħmul skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament [bażiku], u li jestendi dawn il-miżuri għall-importazzjonijiet tal-istess prodott mibgħuta mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, mir-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan u mir-Repubblika tal-Filippini [COM (2007) 550].

36      Fil-15 ta Ottubru 2007, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1205/2007 li jimponi dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ lampi florexxenti kompatti elettroniċi u integrati (CFL-i) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni [eżami mill-ġdid] ta’ l-iskadenza skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 u li jestendi għall-importazzjonijiet ta’ l-istess prodott mibgħuta mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, ir-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan u r-Repubblika tal-Filippini (ĠU L 272, p. 1, iktar ’il quddiem, ir-“regolament ikkontestat”). Id-dazji antidumping imposti nżammu għal rati ta’ bejn 0 u 66.1 %, u dan għal perijodu ta’ sena.

37      Fil-premessi 20 sa 46 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill eżamina jekk l-iskadenza tal-miżuri antidumping inkwistjoni setgħetx twassal għat-tkomplija jew għar-repetizzjoni tad-dumping. Fil-premessa 46, huwa kkonkluda fl-affermattiv.

38      Fil-premessi 47 sa 93 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill eżamina l-probabbiltà li l-ħsara titkompla jew tirrepeti ruħha.

39      Għall-finijiet ta’ dan l-eżami, il-Kunsill ħa inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-“kumpannija li ssostni t-talba”, jiġifieri Osram (premessa 51). F’dan ir-rigward, fil-premessa 49 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill fakkar li, matul l-investigazzjoni, l-erba’ produtturi Komunitarji li kkooperaw f’din l-investigazzjoni kienu s-suġġett ta’ eżami fid-dawl tal-Artikolu 4(1), u l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku u indika li “[i]r-riżultati dettaljati [kienu jirreflettu] l-istampa ta’ settur kumpless, li l-istrutturi tiegħu [donnhom kienu] f’evoluzzjoni kostanti u fejn l-opinjonijiet espressi [kienu] jikkontrastaw bejniethom, għaliex il-produttur prinċipali f’dak li għandu x’jaqsam mal-volum ta’ produzzjoni [kien] favur iż-żamma tal-miżuri, filwaqt li l-oħrajn [kienu] kontra din iż-żamma”. Fil-premessa 50 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill osserva li l-produzzjoni tal-imsemmi produttur prinċipali, f’dan il-każ Osram, kienet tirrappreżenta madwar 48 % mill-produzzjoni Komunitarja u “għaldaqstant [kienet tikkostitwixxi] proporzjon maġġuri” minn din. Huwa żied li r-regola li tinsab fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, li tipprovdi li “l-Komunità [setgħet] tadotta miżuri anki fejn l-ilment [kien ġie] rtirat, jekk dawn il-miżuri [kienu] fl-interess tal-Komunità”, “[kienet] tapplika mutatis mutandis waqt investigazzjoni minħabba l-iskadenza tal-miżuri fejn ma [kienx] hemm irtir komplet ta’ lment, iżda fejn produttur Komunitarju importanti [baqa’] favur il-miżuri”. Huwa indika wkoll li, “sakemm dan il-produttur [ikun irrappreżenta] proporzjon maġġuri tal-industrija Komunitarja, bħalma [kien] il-każ hemmhekk, id-data tiegħu rigward il-ħsara [kienet] tikkostitwixxi l-aħjar data disponibbli”.

40      Fi tmiem l-eżami tiegħu, il-Kunsill ikkonkluda li “it-tkomplija jew ir-repetizzjoni tad-dumping li jagħmel ħsara” [kienu] probabbli fil-każ tal-iskadenza tal-miżuri antidumping [inkwistjoni]” (premessa 93).

41      Fil-premessi 94 sa 116 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill, b’riferiment għall-Artikolu 9(1) u għall-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, ivverifika jekk iż-żamma tal-miżuri antidumping inkwistjoni kinitx fl-interess tal-Komunità u, jekk ikun il-każ, għal kemm żmien. Huwa qies li t-tneħħija ta’ dawn il-miżuri kienet konformi mal-“interess globali tal-partijiet ikkonċernati”, wara li kkonstata, b’mod partikolari, li “l-industrija Komunitarja nfisha [kienet] tiddependi ħafna fuq importazzjonijiet miċ-[Ċina] jekk [riedet] tissodisfa domanda li [kienet qed tikber] rapidament, ċerti produtturi Komunitarji nfushom [ma kinux] favur iż-żamma tal-miżuri, u [kien] ġie pprovat li l-miżuri [kellhom] impatt sinjifikattiv fuq il-prezzijiet tal-konsumatur u, għaldaqstant, fuq l-għażla tal-konsumaturi bejn il-lampi CFL-i u l-lampi bil-filament, li l-effikaċja tagħhom [kienet] inqas” (premessi 115 u 116). Madankollu, il-Kunsill, meta wieżen l-interessi ta’ Osram mal-“interessi involuti, u b’mod partikolari dawk tal-produtturi Komunitarji l-oħra”, qies li l-interess għal żmien qasir tal-Komunità kien jeżiġi ż-żamma tal-miżuri antidumping inkwistjoni matul perijodu ta’ aġġustament supplimentari (premessa 116). B’mod iktar speċifiku, huwa qies li kien xieraq li jitkomplew għal perijodu ta’ sena biss, peress li, wara dan it-terminu, “l-effetti negattivi probabbli għall-konsumaturi u operaturi oħrajn ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-vantaġġi li dawn il-miżuri jagħtu lill-produtturi Komunitarji” (premessa 116).

42      Skont l-Artikolu 2 tiegħu, ir-regolament ikkontestat skada fit-18 ta’ Ottubru 2008.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

43      Permezz ta’ talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Diċembru 2007, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors.

44      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fis-27 ta’ Marzu u fit-3 ta’ April 2008, Osram u l-Kummissjoni talbu li jintervjenu f’dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

45      B’atti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali rispettivament fis-27 ta’ Marzu u fil-15 ta’ April 2008, Hangzhou Duralamp Electronics Co., Ltd (iktar ’il quddiem, “Hangzhou”) u GE Hungary talbu li jintervjenu f’dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

46      It-talbiet għal intervent ġew innotifikati lill-partijiet, li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-termini stabbiliti.

47      B’ittri ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fis-27 ta’ April, fis-16 ta’ Mejju u fil-11 ta’ Ġunju 2008, ir-rikorrenti ressqu quddiem il-Qorti Ġenerali talba għal trattament kunfidenzjali ta’ ċerti siltiet ta’ ċerti dokumenti annessi mar-rikors fir-rigward ta’ Hangzhou, ta’ Osram u ta’ GE Hungary. Għal dan il-għan huma ppreżentaw verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokumenti kkonċernati.

48      B’żewġ digrieti tad-9 ta’ Ġunju 2008, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta t-talbiet għal intervent imressqa minn Osram u mill-Kummissjoni. Huwa ddeċieda, f’dak li jirrigwarda Osram, li hija għandha tibgħatlu verżjoni mhux kunfidenzjali tal-elementi kollha tal-proċedura u tiġi mistiedna tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward. Osram ma ppreżentatx osservazzjonijiet fit-terminu li kien ġie stabbilit għal dan il-għan.

49      B’digriet tad-9 ta’ Ottubru 2008, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta t-talbiet għal intervent ippreżentati minn Hangzhou u GE Hungary. Huwa ddeċieda li għandha tintbagħtilhom verżjoni mhux kunfidenzjali tal-elementi kollha tal-proċedura u jiġu mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward. Huma ma ppreżentawx osservazzjonijiet fit-terminu li kien ġie stabbilit għal dan il-għan.

50      Osram, Hanghzou u GE Hungary ippreżentaw noti ta’ intervent. Ir-rikorrenti ppreżentaw osservazzjonijiet fuq in-nota ta’ intervent ta’ Osram fit-terminu stabbilit. Il-Kunsill ippreżenta osservazzjonijiet fuq in-noti ta’ intervent ta’ Hanghzou u ta’ GE Hungary fit-terminu stabbilit. Il-Kummissjoni ma ppreżentatx nota ta’ intervent.

51      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat mal-Ħames Awla, u għalhekk, il-kawża preżenti ġiet assenjata lilha.

52      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (il-Ħames Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, hija stiednet lir-rikorrenti sabiex jippreżentaw ċerti dokumenti u l-Kunsill sabiex jirrispondi għal ċerti domandi bil-miktub. Ir-rikorrenti u l-Kunsill ikkonformaw ma’ dawn it-talbiet fit-termini stabbiliti.

53      Minħabba l-impediment ta’ membru tal-Awla f’din il-kawża, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura, imħallef ieħor biex jikkompleta l-Awla.

54      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-5 ta’ Settembru 2012.

55      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-regolament ikkontestat fl-intier tiegħu sa fejn jirrigwardahom;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż;

–        tikkundanna lil Osram għall-ispejjeż marbuta mal-intervent tagħha.

56      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

–        tikkundanna lil Hangzhou u lil GE Hungary għall-ispejjeż marbuta mal-intervent tagħhom.

57      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

58      Hangzhou u GE Hungary jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-regolament ikkontestat;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

59      Osram titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

60      B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li, fil-kontroreplika, il-Kunsill esprima dubji rigward l-ammissibbiltà tar-rikors b’kunsiderazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kinux ikkonċernati individwalment mir-regolament ikkontestat, billi sostna li l-elementi li huma invokaw fin-noti tagħhom għal dan il-għan ma kinux suffiċjenti sabiex jiddistingwuhom, fir-rigward ta’ dan ir-regolament, minn kwalunkwe operatur ekonomiku ieħor.

61      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni tista’ tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li r-rikors jiġi miċħud fil-mertu, mingħajr deċiżjoni minn qabel fuq l-ammissibbiltà tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, Ġabra p. I‑1873, punti 51 u 52, u tat-23 ta’ Marzu 2004, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑233/02, Ġabra p. I‑2759, punt 26).

62      Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok li, fl-interess tal-ekonomija tal-proċedura, l-ewwel jiġu eżaminati l-motivi invokati mir-rikorrenti, mingħajr ma tiddeċiedi minn qabel dwar l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors għal annullament, peress li dan tal-aħħar huwa, f’kull każ u għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, infondat.

63      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 3(1), tal-Artikolu 9(4) u tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 9(1) tal-istess regolament u, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

64      L-ewwel żewġ motivi għandhom jiġu eżaminati flimkien, għaliex għandhom partijiet komuni bejniethom.

 Fuq l-ewwel u t-tieni motivi, ibbażati, minn naħa, fuq ksur tal-Artikolu 3(1), l-Artikolu 9(4), u l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku u, min-naħa l-oħra, fuq ksur tal-Artikolu 9(1) tal-istess regolament

65      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kunsill kiser l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 9(4) u l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, għaliex ma stabilixxiex li l-iskadenza tal-miżuri antidumping inkwistjoni għandha mnejn tgħin it-tkomplija jew ir-repetizzjoni tal-ħsara fil-konfront tal-industrija Komunitarja, hekk kif hija ddefinita fl-Artikolu 4(1), moqri flimkien mal-Artikolu 5(4) tal-istess regolament. Huma jikkritikaw lill-Kunsill għaliex qies, fil-premessa 50 tar-regolament ikkontestat, li l-produzzjoni ta’ Osram kienet tikkostitwixxi “proporzjon maġġuri” tal-produzzjoni Komunitarja totali meta hija kienet tirrappreżenta biss madwar 48 % minn din. Huma jallegaw li, għaldaqstant, Osram ma setgħetx titqies li tikkostitwixxi l-industrija Komunitarja u l-Kunsill ma setax jibbaża ruħu fuq id-data ta’ din il-kumpannija sabiex jevalwa l-ħsara lill-imsemmija industrija.

66      Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill ma setax jirrikorri, f’dan il-każ, għall-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku.

67      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jikkontestaw li r-regola prevista minn din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata mutatis mutandis waqt investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid tal-iskadenza tal-miżuri antidumping fil-każ li ma kienx hemm irtir komplet tat-talba għal eżami mill-ġdid, iżda sempliċement naqas il-livell ta’ sostenn ta’ din it-talba. Ma hemm xejn fl-ittra — li, minbarra dan, hija ċara u ma teħtieġ l-ebda interpretazzjoni — jew fl-istruttura tal-imsemmija dispożizzjoni li jippermetti li tiġi estiża sabiex tkopri tali sitwazzjoni. Kieku l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kunsill tal-Artikolu 9(1), tar-Regolament bażiku tiġi aċċettata, dan ikollu l-effett li jagħtih kompetenza ġdida, potenzjalment wiesgħa ħafna. Barra minn hekk, dan ikun ineħħi kull sens mir-rekwiżit inkluż fl-Artikolu 3(1), fl-Artikolu 9(4), u fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, li bih l-eżistenza ta’ ħsara fil-konfront tal-“industrija Komunitarja”, kif iddefinita fl-Artikolu 4(1) tal-istess regolament, għandha tiġi pprovata sabiex ikunu jistgħu jiġu imposti dazji antidumping. Il-Kunsill ikun jista’, fil-fatt, jallega li għandu kompetenza jaġixxi f’dak li huwa jqis bħala l-interess tal-Komunità mingħajr ma jkollu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ħsara għall-imsemmija industrija.

68      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jikkontestaw li l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku jagħti lill-Kunsill setgħa diskrezzjonali sabiex jiddefinixxi l-industrija Komunitarja għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ħsara. Din id-dispożizzjoni tippermetti biss it-tkomplija tal-investigazzjoni wara l-irtir tat-talba għal eżami mill-ġdid u ma tirrendix inapplikabbli l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.

69      Hangzhou u GE Hungary isostnu, essenzjalment, l-istess argumenti bħar-rikorrenti.

70      Il-Kunsill u Osram jevalwaw flimkien l-ewwel u t-tieni motivi.

71      Fl-ewwel lok, il-Kunsill isostni li huwa nnifsu u l-Kummissjoni (iktar ’il quddiem, l-“istituzzjonijiet”) applikaw korrettament, mutatis mutandis, l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku. B’raġunament a maiore ad minus (min jista’ jagħmel il-ħafna, jista’ jagħmel il-ftit), huwa jsostni li, jekk din id-dispożizzjoni tippermetti lill-istituzzjonijiet ikomplu bil-proċedura meta l-ilment jiġi rtirat kompletament, hija neċessarjament tippermettilhom jagħmlu hekk meta biss parti mis-sostenn għat-talba għal eżami mill-ġdid tiġi rtirata. Huwa jispeċifika li l-imsemmija dispożizzjoni ma tippermettix lill-istituzzjonijiet jkomplu jimponu miżuri antidumping, iżda sempliċement ikomplu l-investigazzjoni jekk iqisu li dan huwa mitlub fl-interess tal-Komunità.

72      Fit-tieni lok, il-Kunsill isostni li, jekk l-istituzzjonijiet jiddeċiedu li japplikaw l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, huma għandhom f’dak il-każ jistabbilixxu liema huma l-produtturi Komunitarji li jagħmlu parti mill-industrija Komunitarja għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ħsara, u dan għandu jsir filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tal-każ. Huwa josserva li, jekk it-talba għal eżami mill-ġdid tiġi rtirata jew jekk is-sostenn għall-investigazzjoni ma jibqax suffiċjenti, l-istituzzjonijiet isibu ruħhom f’sitwazzjoni fejn, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ħsara, huma ma jibqax ikollhom “industrija Komunitarja” fis-sens tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. Huwa jispeċifika li, f’dan il-każ, l-istituzzjonijiet, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħhom, għażlu li jżommu lil Osram minħabba li kienet l-uniku produttur li sostna t-talba, li l-produzzjoni tagħha kienet tirrappreżenta kważi 50 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili fil-Komunità u kien ikollha locus standi “kieku l-fatt innifsu (il-bdil ta’ pożizzjoni ta’ GE [Hungary]) li [kien] wassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku ma kienx seħħ”.

73      Il-Kummissjoni u Osram jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

74      Fl-ewwel lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tal-partijiet rigward l-użu, f’dan il-każ, tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku mill-istituzzjonijiet.

75      Għandu jiġi kkonstatat li, kif barra minn hekk huwa stabbilit bejn il-partijiet, fiż-żmien tal-ftuħ tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid inkwistjoni, it-talba għal eżami mill-ġdid kienet ġiet ippreżentata “minn produtturi Komunitarji jew f’isimhom”, kif mitlub fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, fis-sens li, skont l-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-regolament, applikabbli għall-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid skont l-Artikolu 11(5) tal-istess regolament, hija kienet sostnuta b’mod espliċitu minn produtturi Komunitarji li kienu jirrappreżentaw iktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili prodott mill-industrija Komunitarja u li l-produzzjonijiet kollettivi tagħhom kienu jikkostitwixxu iktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili mill-industrija Komunitarja li esprimiet is-sostenn tagħha jew l-oppożizzjoni tagħha għal din it-talba. Fil-fatt, l-imsemmija talba kienet ġiet ippreżentata minn 2CFL-i, li kienet qed taġixxi f’isem Osram, u kienet sostnuta b’mod espliċitu minn din tal-aħħar kif ukoll minn GE Hungary, li flimkien kienu jirrappreżentaw iktar minn 50 % mill-produzzjoni Komunitarja totali ta’ CFL-i. Fir-rigward taż-żewġ produtturi Komunitarji l-oħra, jiġifieri Philips Poland u Sylvania, fl-imsemmi żmien, l-ewwel waħda kienet esprimiet l-oppożizzjoni tagħha għat-talba għal eżami mill-ġdid, filwaqt li t-tieni waħda ma kinitx ħadet pożizzjoni.

76      F’dak iż-żmien, il-Kummissjoni kellha iktar raġun tikkonkludi li t-talba għal eżami mill-ġdid kellha sostenn suffiċjenti skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku li, kif jirriżulta mill-proċess u kif huwa stabbilit bejn il-partijiet, Osram, waħedha, kienet tirrappreżenta iktar minn 25 % tal-produzzjoni Komunitarja u kellha produzzjoni ogħla minn dik tal-uniku produttur Komunitarju li kien kontra l-imsemmija talba, f’dan il-każ Philips Poland. Għandu jingħad ukoll li, f’dan l-istadju, ma kienx meħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi, fid-dawl tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament bażiku, jekk Philips Poland, li kienet marbuta ma’ żewġ produtturi-esportaturi fiċ-Ċina u li kienet timporta minn dan il-pajjiż bejn 70 u 80 % tal-kwantitajiet ta’ CFL-i li hija kienet tbigħ mill-ġdid fis-suq Komunitarju, kellhiex jew le tiġi eskluża mill-produzzjoni Komunitarja. Fil-fatt, kieku dan kien il-każ, dan kien biss isaħħaħ il-pożizzjoni msemmija hawn fuq.

77      Madankollu s-sitwazzjoni nbidlet ftit xhur wara meta, filwaqt li l-investigazzjoni kienet għaddejja, GE Hungary, fl-ewwel lok, u Sylvania, warajha, informaw lill-Kummissjoni li issa kienu kontra ż-żamma tal-miżuri antidumping inkwistjoni, u konsegwentement il-livell ta’ sostenn tat-talba għal eżami mill-ġdid, minkejja li baqa’ ogħla mil-limitu ta’ 25 % imsemmi fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku, sar kemmxejn taħt dak ta’ 50 % imsemmi fl-istess dispożizzjoni. Fil-fatt, l-uniku produttur Komunitarju li baqa’ jsostni din it-talba, jiġifieri Osram, kien jirrappreżenta 48 % tal-produzzjoni Komunitarja totali ta’ CFL-i, u t-tliet produtturi l-oħra li kienu opposti għat-talba kienu jirrappreżentaw, flimkien, il-52 % bqija.

78      Fiż-żmien tal-fatti, l-istituzzjonijiet kienu jqisu li, f’sitwazzjoni bħal din, fejn, matul l-investigazzjoni tal-eżami mill-ġdid, il-livell tas-sostenn għat-talba tbaxxa taħt wieħed miż-żewġ limiti msemmija fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku, il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid kellha tingħalaq, ħlief jekk jiġi applikat, b’mod analogu, l-Artikolu 9(1) tal-istess regolament. Huma qiesu, fil-fatt, li r-rekwiżiti relatati mal-livell ta’ sostenn tal-ilment inizjali jew tat-talba għal eżami mill-ġdid previsti fl-Artikolu 5(4) tal-imsemmi regolament kellhom jiġu sodisfatti kemm fil-mument tal-preżentata tal-imsemmi lment jew tat-talba kif ukoll tul l-investigazzjoni kollha.

79      Għaldaqstant, fid-dawl tad-differenza żgħira ħafna bejn il-perċentwali tal-produzzjoni Komunitarja li ssostni t-talba għal eżami mill-ġdid u dik tal-produzzjoni Komunitarja li hija kontra tali talba, il-Kummissjoni qieset li kien meħtieġ teżamina iktar fid-dettall l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament bażiku għall-każ inkwistjoni. Skont il-Kummissjoni, fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk Osram, inkwantu l-uniku produttur Komunitarju li baqa’ jsostni t-talba għal eżami mill-ġdid, kellhiex locus standi skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku kienet tiddependi fuq dik dwar jekk xi wieħed mill-erba’ produtturi Komunitarji kellux jiġi eskluż mill-produzzjoni Komunitarja skont l-Artikolu 4(1)(a) tal-istess regolament. Din il-kwistjoni msemmija l-aħħar kienet partikolarment rilevanti għal Philips Poland minħabba, b’mod partikolari, il-livell għoli ħafna tal-importazzjonijiet ta’ CFL-i li kienet iġġib miċ-Ċina.

80      B’dan il-mod, inizjalment, fid-dokument ta’ informazzjoni ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni, wara li wettqet tali eżami, kienet qieset li l-erba’ produtturi Komunitarji kellhom jiġu inklużi fil-produzzjoni Komunitarja. B’mod konformi mal-prassi tagħha deskritta fil-punt 78 hawn fuq, hija għaldaqstant ikkonkludiet li kellha tingħalaq il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid u li kellhom jitħassru l-miżuri antidumping inkwistjoni.

81      Sussegwentement, b’mod iktar partikolari wara l-osservazzjonijiet ta’ 2CFL-i fuq id-dokument ta’ informazzjoni ta’ Lulju 2007, fejn din esponiet b’mod dettaljat ir-raġunijiet għalfejn, fil-fehma tagħha, Philips Poland u GE Hungary kellhom jiġu esklużi mill-produzzjoni Komunitarja skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni kompliet l-eżami tagħha ta’ din il-kwistjoni msemmija l-aħħar u kkunsidrat mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha. Kif huwa indikat fil-punt 49 tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, hija kkonstatat li r-riżultati tal-eżami tagħha “[kienu jirriflettu] l-istampa ta’ settur kumpless, li l-istrutturi tiegħu [donnhom kienu] f’evoluzzjoni kostanti”. Din il-konstatazzjoni, li ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-kawża, hija effettivament korroborata bl-elementi li jinsabu fl-anness tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali. Minnu jirriżulta b’mod partikolari li, jekk Philips Poland kienet timporta miċ-Ċina parti kbira ħafna tas-CFL-i (bejn 70 u 80 % fir-rigward tal-volum) li hija kienet tbigħ mill-ġdid fis-suq Komunitarju, l-istess kien jgħodd għal Sylvania (bejn 50 u 60 % fir-rigward tal-volum) u, fuq livell inqas, għal GE Hungary (bejn 30 u 40 % fir-rigward tal-volum) u Osram (bejn 20 u 30 % fir-rigward tal-volum). Jiġi wkoll indikat, f’dan l-anness, li Osram u GE Hungary kienu, kull waħda minnhom, marbuta ma’ produttur-esportatur fiċ-Ċina u Philips Poland ma’ żewġ produtturi-esportaturi f’dan il-pajjiż. Barra minn hekk, l-anness jispeċifika wkoll li Philips Poland, GE Hungary u Sylvania kienu jakkwistaw barra mill-Komunità iktar minn nofs il-komponenti użati għall-fabbrikazzjoni ta’ CFL-i fl-imsemmija Komunità. Mill-imsemmi anness jirriżulta wkoll li l-erba’ produtturi Komunitarji kienu parti minn gruppi multinazzjonali u li jew kellhom is-sede tagħhom fil-Komunità, jew kienu s-sussidjarja ta’ grupp li għandu s-sede tiegħu f’pajjiż terz, iżda setgħu jieħdu d-deċiżjonijiet kummerċjali kollha marbuta mal-istrateġija ta’ produzzjoni, ta’ importazzjoni u ta’ bejgħ ta’ CFL-i fil-Komunità. Fl-aħħar nett, l-anness juri li kull wieħed mill-erba’ produtturi Komunitarji kellu ċentri ta’ riċerka u żvilupp fil-Komunità.

82      Fid-dawl ta’ dawn id-diversi elementi, għandu jiġi ammess li kien diffiċli għall-Kummissjoni li tistabbilixxi b’ċertezza liema produttur Komunitarju kellu jiġi eskluż mill-produzzjoni Komunitarja skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament bażiku, jekk tali esklużjoni kienet meħtieġa. Għalhekk, b’mod partikolari, minkejja li l-perċentwali għoli ħafna ta’ importazzjonijiet ta’ CFL-i mwettqa miċ-Ċina minn Philips Poland qiegħed f’dubju serju l-possibbiltà li din tal-aħħar tiġi inkluża fil-produzzjoni Komunitarja, l-istess dubju seta’ jeżisti f’dak li kien jirrigwarda lil Sylvania, li kellha perċentwali ta’ importazzjonijiet, hija wkoll, għoli ħafna. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif jirriżulta mill-punt 50 tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, il-Kummissjoni ddeċidiet li tħalli miftuħa l-kwistjoni dwar jekk l-erba’ produtturi Komunitarji kinux kollha jagħmlu parti mill-produzzjoni Komunitarja fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku u, għaldaqstant, jekk it-talba għal eżami mill-ġdid kinitx għadha tgawdi mis-sostenn mitlub permezz tal-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-regolament. Hija fil-fatt qieset li, wara li GE Hungary irtirat is-sostenn tagħha għat-talba għal eżami mill-ġdid u wara l-oppożizzjoni għal din espressa minn Sylvania, is-sitwazzjoni inkwistjoni kienet analoga għal dik tal-irtir tal-ilment imsemmija fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku u, b’applikazzjoni b’mod analogu ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, li kien fl-interess tal-Komunità li titkompla l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid.

83      L-analiżi tal-Kummissjoni esposta fil-punti 81 u 82 hawn fuq ġiet ikkonfermata mill-Kunsill fir-regolament ikkontestat, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet 50 u 94 tiegħu kif ukoll mill-anness tiegħu.

84      Għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku ma kien jinkludi l-ebda obbligu fuq il-Kummissjoni sabiex ittemm proċedura antidumping pendenti meta l-livell ta’ sostenn għall-ilment ikun għadda għal inqas mill-minimu ta’ 25 % tal-produzzjoni Komunitarja. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirrigwarda biss il-livell ta’ sostenn għall-ilment meħtieġ sabiex il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tibda proċedura (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 2009, Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il-Kunsill, T‑249/06, Ġabra p. II‑383, punt 139).

85      Għandu jiġi osservat li, insostenn tal-evalwazzjoni tagħha msemmija hawn fuq, il-Qorti Ġenerali invokat, b’mod espliċitu, il-kliem tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, u dan minkejja li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il-Kunsill, punt 84 iktar ’il fuq, l-ilment inkwistjoni ma kienx ġie rtirat, kif kien previst minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar, iżda allegatament naqas biss il-livell ta’ sostenn għalih tul il-proċedura. Din is-soluzzjoni hija perfettament loġika għaliex, jekk, skont l-imsemmija dispożizzjoni, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tagħlaq il-proċedura fil-każ li jiġi rtirat l-ilment, dan għandu jgħodd a fortiori fil-każ ta’ sempliċi tnaqqis fil-livell ta’ sostenn għalih.

86      Peress li l-Artikolu 5(4) u l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku huma applikabbli għall-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid skont l-Artikolu 11(5) ta’ dan ir-regolament, fatt li huwa barra minn hekk ammess mill-partijiet, il-prinċipji esposti fil-punti 84 u 85 hawn fuq jgħoddu wkoll fil-każ inkwistjoni. Għaldaqstant l-istituzzjonijiet kellhom perfettament raġun ikomplu l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid minkejja l-fatt li kien possibbli li l-limitu ta’ 50 % imsemmi fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku ma setax jibqa’ jintlaħaq.

87      Għandu jiġi osservat li, fuq livell strettament formali, l-istituzzjonijiet lanqas ma kienu marbuta jinvokaw il-fatt li t-tkomplija tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid kienet fl-interess tal-Komunità, hekk kif jagħmlu hawnhekk u li dan jirriżulta mill-punt 50 tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali kif ukoll mill-premessi 50 u 94 tar-regolament ikkontestat. Fil-fatt, l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku jobbliga espliċitament lill-istituzzjonijiet sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni l-interess tal-Komunità biss fil-każ li jikkunsidraw jagħlqu l-proċedura wara l-irtir tal-ilment. Għalhekk, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, meta jseħħ tali rtir, l-istituzzjonijiet għandhom il-fakultà — u mhux l-obbligu — li jtemmu l-proċedura, sakemm dan ma jmurx kontra l-interess tal-Komunità.

88      Għandu jingħad ukoll li, bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, bl-interpretazzjoni li għamel tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku hawnhekk, il-Kunsill ma ta lilu nnifsu l-ebda kompetenza ġdida. Fil-fatt, huwa sempliċement qies, u dan għamlu ġustament, hekk kif ġie stabbilit fil-punti 84 sa 87 hawn fuq, li din id-dispożizzjoni kienet tippermetti lill-istituzzjonijiet ikomplu l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid minkejja l-fatt li kien possibbli li l-livell ta’ sostenn għat-talba ta’ eżami mill-ġdid ikun tbaxxa taħt il-limitu ta’ 50 %. Minbarra dan, kif jirriżulta b’mod ċar mir-regolament ikkontestat, il-Kunsill iddeċieda li jżomm il-miżuri antidumping inkwistjoni għal perijodu addizzjonali ta’ sena biss wara li stabbilixxa, hekk kif kellu jagħmel, li kien għad hemm dumping, li l-iskadenza ta’ dawn il-miżuri kellha mnejn tiffavorixxi t-tkomplija ta’ dan id-dumping u tal-ħsara, u li tali żamma kienet fl-interess tal-Komunità. L-interpretazzjoni adottata mill-Kunsill lanqas ma kellha l-effett li tneħħi s-sens tar-rekwiżit li l-eżistenza ta’ ħsara lill-“industrija Komunitarja”, kif hija ddefinita fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku, għandha tiġi pprovata sabiex id-dazji antidumping ikunu jistgħu jiġu imposti. Fil-fatt, hekk kif ser jiġi stabbilit fil-punti 90 sa 96 iktar ’il quddiem, il-Kunsill iddefinixxa korrettament, f’dan il-każ, l-industrija Komunitarja għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ħsara.

89      Għaldaqstant ma jista’ jiġi kkonstatat l-ebda ksur tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku f’dan il-każ.

90      Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tal-partijiet rigward id-definizzjoni tal-industrija Komunitarja għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ħsara.

91      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, miżura antidumping tista’ tinżamm għal perijodu ta’ iktar mill-ħames snin imsemmija minn din id-dispożizzjoni biss jekk l-iskadenza tagħha tiffavorixxi t-tkomplija jew ir-repetizzjoni tad-dumping u tal-ħsara, bil-kelma “ħsara”, skont l-Artikolu 3(1) tal-istess regolament, mifhuma bħala ħsara importanti kkawżata lill-industrija Komunitarja, theddida ta’ ħsara importanti kkawżata lill-industrija Komunitarja jew dewmien kunsiderevoli fil-ħolqien ta’ industrija Komunitarja.

92      L-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku jiddefinixxi l-industrija Komunitarja bħala jew il-“produtturi Komunitarji kollha tal-prodotti simili” jew bħala “dawk minnhom li l-output kollettiv tal-prodotti jikkostitwixxi proporzjon kbir[maġġuri], kif definit fl-Artikolu 5(4) [ta’ dan ir-regolament] tal-produzzjoni Komunitarja totali ta’ dawk il-prodotti [simili]”, għalkemm, fiż-żewġ każijiet, jistgħu jiġu esklużi mill-produzzjoni Komunitarja l-produtturi li jaqgħu taħt is-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tal-istess regolament. L-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-għażla bejn dawn iż-żewġ partijiet.

93      Għandu jiġi osservat li l-industrija Komunitarja kif meħuda għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ħsara ma għandhiex neċessarjament tkun ikkostitwita mill-istess produtturi Komunitarji bħal dawk li jikkostitwixxu l-industrija Komunitarja li ttieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk l-ilment inizjali jew it-talba għal eżami mill-ġdid kellhomx sostenn suffiċjenti skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, minn naħa, fit-tieni każ, l-industrija Komunitarja tista’ biss, fid-dawl tal-kliem tal-aħħar dispożizzjoni inkwistjoni, tinkludi l-produtturi Komunitarji li jsostnu l-ilment jew it-talba, filwaqt li, fl-ewwel każ, hija tista’ tinkludi l-produtturi Komunitarji kollha, indipendentement minn jekk tawx jew le tali sostenn. Min-naħa l-oħra, għandu jinżamm preżenti li d-definizzjoni tal-industrija Komunitarja għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ħsara hija eżerċizzju li jsir mill-istituzzjonijiet wara l-ftuħ tal-proċedura. Huwa possibbli, pereżempju, li, waqt il-proċedura, produttur Komunitarju li, inizjalment, kien isostni l-ilment jew it-talba għal eżami mill-ġdid jirtira dan is-sostenn jew jastjeni milli jikkoopera mal-Kummissjoni. Tali produttur ma jiġix inkluż fl-industrija Komunitarja għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ħsara fil-każ li l-istituzzjonijiet jagħżlu li jiddefinixxu din l-industrija billi jużaw it-tieni għażla previsti bl-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku, għalkemm kien inkluż fl-industrija Komunitarja għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-livell ta’ sostenn għall-ilment inizjali jew għat-talba għal eżami mill-ġdid.

94      Għandu jiġi kkonstatat ukoll li s-sitwazzjonijiet possibbli msemmija, b’mod espliċitu jew impliċitu, fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku jippresupponu, min-natura tagħhom, li l-limitu ta’ 50 % previst fl-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-regolament ma għadux jintlaħaq. Għaldaqstant, kif il-Kunsill sostna ġustament fir-risposta tiegħu għad-domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali u waqt is-seduta, meta, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħhom, l-istituzzjonijiet jagħżlu li jiddefinixxu l-industrija Komunitarja permezz tat-tieni għażla msemmija fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku, ir-riferiment, f’din id-dispożizzjoni, għall-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-regolament b’mod ġenerali f’dak li jirrigwarda l-espressjoni “proporzjon kbir[maġġuri] […] tal-produzzjoni Komunitarja totali” jista’ jinftiehem biss li jirreferi għal-limitu minimu ta’ 25 %, u mhux għal dak ta’ 50 %. Din għandha tkun is-soluzzjoni, iktar u iktar, minħabba li r-rekwiżit li l-industrija Komunitarja għandha tikkostitwixxi proporzjon maġġuri tal-produzzjoni Komunitarja totali, huwa intiż sabiex jiggarantixxi li l-produzzjonijiet kollettivi tal-produtturi inklużi f’din l-industrija jkunu suffiċjentement rappreżentattivi. Din il-kwalità msemmija l-aħħar tiddependi iktar fuq il-parti tal-produzzjoni ta’ dawn il-produtturi fil-produzzjoni Komunitarja totali milli fuq il-pożizzjoni li l-produtturi, li ma humiex inklużi fl-industrija Komunitarja skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku, adottaw fir-rigward tal-ilment jew tat-talba għal eżami mill-ġdid. Għalhekk, f’dan il-każ, kif il-Kunsill osserva ġustament waqt is-seduta, huwa irrilevanti, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-produzzjoni ta’ Osram hijiex suffiċjentement rappreżentattiva tal-produzzjoni Komunitarja, li Sylvania hija newtrali f’dak li jirrigwarda ż-żamma tal-miżuri antidumping jew li hija opposta għaliha. Fl-ewwel każ, b’mod differenti mit-tieni wieħed, ma ttieħditx inkunsiderazzjoni l-produzzjoni ta’ Sylvania sabiex jiġi stabbilit jekk il-limitu ta’ 50 % previst mid-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq intlaħaqx u l-produzzjoni ta’ Osram, minnha nfisha, issodisfat din il-kundizzjoni. L-istess osservazzjoni tgħodd f’dak li jirrigwarda lil GE Hungary kieku din għażlet pożizzjoni newtrali flok li topponi ruħha għat-talba għal eżami mill-ġdid.

95      Barra minn hekk, anki jekk tali punt ma ġiex imqajjem mir-rikorrenti fin-noti tagħhom, għandu jiġi ppreċiżat li l-istituzzjonijiet ma jistgħux jintalbu, fil-każ imsemmi fil-punt 94 hawn fuq, jiddefinixxu esklużivament l-industrija Komunitarja permezz tal-ewwel għażla prevista mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku, jiġifieri billi jinkludu fiha l-produtturi Komunitarji kollha. Fil-fatt, kif diġà ġie osservat fil-punt 92 hawn fuq, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-għażla bejn iż-żewġ possibbiltajiet previsti minn din id-dispożizzjoni. Huma jistgħu, pereżempju, jippreferu t-tieni possibbiltà għar-raġuni li kienu diġà għażluha fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-impożizzjoni inizjali tal-miżuri antidumping inkwistjoni, li ma setgħux jiksbu l-kooperazzjoni ta’ ċerti produtturi Komunitarji jew li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet sabiex jistabbilixxu b’ċertezza jekk il-produtturi Komunitarji kollha għandhomx jiġu inklużi fil-produzzjoni Komunitarja jew jekk xi wħud minnhom għandhomx jiġu esklużi minnha skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament bażiku.

96      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessi 50 u 51 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill iddeċieda li jinkludi biss lil Osram fid-definizzjoni tal-industrija Komunitarja għall-finijiet tal-ħsara, u dan wara li osserva li din il-kumpannija kienet l-unika li baqgħet issostni t-talba għal eżami mill-ġdid, li s-sostenn għal din it-talba ġie rtirat biss parzjalment, li l-produzzjoni tagħha kienet tirrappreżenta madwar 48 % mill-produzzjoni Komunitarja totali u kienet tikkostitwixxi għaldaqstant “ċertament proporzjon maġġuri tal-produzzjoni Komunitarja” u li d-data tagħha rigward il-ħsara kienet l-aħjar data disponibbli. Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 92 sa 95 hawn fuq, għandu jitqies li l-Kunsill ma wettaqx żball ta’ liġi meta adotta din id-definizzjoni. Għaldaqstant, ma jista’ jiġi kkonstatat l-ebda ksur tal-Artikolu 3(1), tal-Artikolu 9(4) jew tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku f’dan il-każ.

97      Għandu jiġi osservat li, kieku, skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament bażiku, l-istituzzjonijiet eskludew lil Philips Poland mill-produzzjoni Komunitarja, dan il-fatt ma kien ibiddel xejn fl-analiżi tagħhom tal-probabbiltà ta’ tkomplija jew ta’ repetizzjoni tal-ħsara. F’sitwazzjoni bħal din, il-produzzjoni ta’ Osram, minnha nfisha, tirrappreżenta iktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili mill-parti tal-industrija Komunitarja li tesprimi s-sostenn jew l-oppożizzjoni tagħha għat-talba għal eżami mill-ġdid. Għaldaqstant, li kieku ddefinixxew l-industrija Komunitarja permezz tat-tieni għażla prevista mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku, l-istituzzjonijiet xorta kienu jinkludu biss lil Osram fid-definizzjoni.

98      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, fil-parti tar-regolament ikkontestat iddedikata għall-interess tal-Komunità, il-Kunsill ħa debitament inkunsiderazzjoni l-impatt taż-żamma tal-miżuri antidumping inkwistjoni fuq l-interessi tal-produtturi Komunitarji l-oħrajn.

99      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, l-ewwel u t-tieni motiv għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

100    Ir-rikorrenti jsostnu li r-regolament ikkontestat ma huwiex immotivat suffiċjentement fuq żewġ punti.

101    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kunsill ma mmotivax suffiċjentement l-evalwazzjoni tiegħu tas-sostenn tal-produtturi Komunitarji għat-tkomplija tal-miżuri antidumping inkwistjoni. Huma jikkritikawh li ma pprovdiex spjegazzjoni fuq ir-raġunijiet għalfejn, fir-regolament ikkontestat, huwa wasal għal konklużjoni dijametrikament opposta għal dik magħmula mill-Kummissjoni fid-dokument ta’ informazzjoni ta’ Lulju 2007, u dan meta l-ebda punt ta’ fatt jew prova ġdida ma ġew ippreżentati. Huma jikkritikaw ukoll lill-Kunsill li ma spjegax għalfejn kien ikkonkluda li l-produzzjoni ta’ Osram kienet tikkostitwixxi proporzjon maġġuri tal-produzzjoni Komunitarja u li, għaldaqstant, il-limitu ta’ 50 % previst mill-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku kien għadu milħuq meta fil-fatt hija kienet tirrappreżenta biss 48 % ta’ din il-produzzjoni.

102    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-konklużjoni tal-Kunsill li l-interess tal-Komunità kien jitlob iż-żamma tal-miżuri antidumping inkwistjoni għal perijodu addizzjonali ta’ sena ma hijiex immotivata suffiċjentement. B’mod iktar speċifiku, huma jikkritikaw lill-Kunsill li ma pprovdiex motivazzjoni ċara u inekwivoka rigward l-interess ta’ Osram fiż-żamma ta’ dawn il-miżuri. F’dan ir-rigward, huma jallegaw li ma ġiex spjegat, fir-regolament ikkontestat, kif it-tkomplija tal-imsemmija miżuri għal perijodu addizzjonali ta’ sena kienet ser tibbenefika lil Osram, pereżempju t-telf li hija tirreġistra jew l-impjiegi fil-fabbriki tagħha, jew bi kwalunkwe mod ieħor.

103    GE Hungary u Hangzhou, essenzjalment, jippreżentaw l-istess argumenti bħar-rikorrenti jew isostnu lill-imsemmija rikorrenti.

104    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u minn Osram, jitlob li t-tielet motiv jiġi miċħud.

105    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-awtorità tal-Unjoni, awtriċi tal-att ikkontestat, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u b’mod li jippermetti lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 2003, Eurocoton et vs Il-Kunsill, C‑76/01 P, Ġabra p. I‑10091, punt 88, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Ottubru 1999, Acme vs Il-Kunsill, T‑48/96, Ġabra p. II‑3089, punt 141).

106    Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika d-diversi punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha u r-rekwiżiti ta’ motivazzjoni għandhom jiġu evalwati fid-dawl mhux biss tal-kliem tal-att, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tad-dispożizzjonijiet legali kollha li jirregolaw is-suġġett (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Settembru 1995, Ferchimex vs Il-Kummissjoni, T‑164/94, Ġabra p. II‑2681, punt 118). Huwa biżżejjed li l-Kunsill jesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li jkollhom importanza essenzjali fl-istruttura tar-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1996, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T‑387/94, Ġabra p. II‑961, punti 103 u 104).

107    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li l-kwistjoni tas-sostenn tal-produtturi Komunitarji għaż-żamma tal-miżuri antidumping inkwistjoni ma hijiex immotivata suffiċjentement. Fil-fatt, jirriżulta biċ-ċar minn qari flimkien, b’mod partikolari, tar-regolament ikkontestat, minn naħa, u tad-dokument ta’ informazzjoni ta’ Lulju 2007 kif ukoll tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, li huma ta’ natura tali li jipprovdu dawl fuq il-kuntest tal-adozzjoni tal-imsemmi regolament, min-naħa l-oħra, li:

–        fiż-żmien li ġiet imressqa t-talba għal eżami mill-ġdid, Philips Poland kien l-uniku produttur Komunitarju li oppona ruħu għal din it-talba, filwaqt li Osram u GE Hungary sostnewha b’mod espliċitu u Sylvania ma ħaditx pożizzjoni;

–        għaldaqstant, ma kienx hemm dubju li l-livell ta’ sostenn għat-talba għal eżami mill-ġdid kien ogħla kemm mil-limitu ta’ 25 % kif ukoll dak ta’ 50 % imsemmija fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punt 71 tad-dokument ta’ informazzjoni ta’ 2007;

–        waqt li l-investigazzjoni kienet għaddejja, GE Hungary u Sylvania informaw lill-Kummissjoni li issa kienu jopponu t-talba għal eżami mill-ġdid, bil-konsegwenza li t-talba kienet għadha sostnuta biss minn Osram, li l-produzzjoni tagħha kienet ħarira inqas minn 50 % tal-produzzjoni Komunitarja totali, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 71 u 72 tad-dokument ta’ informazzjoni ta’ Lulju 2007;

–        fid-dawl tad-differenza żgħira bejn il-perċentwali tal-produzzjoni Komunitarja li ssostni t-talba għal eżami mill-ġdid u dik tal-produzzjoni Komunitarja li topponiha, u fid-dawl tal-fatt li ż-żewġ limiti ċċitati iktar ’il fuq kellhom jintlaħqu kemm fil-mument li fih titressaq it-talba għal eżami mill-ġdid kif ukoll tul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni eżaminat iktar fid-dettall jekk ċerti produtturi Komunitarji, u b’mod partikolari Philips Poland, kellhomx jiġu esklużi mill-produzzjoni Komunitarja skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament bażiku, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 28 sa 68 u 70 tad-dokument ta’ informazzjoni ta’ Lulju 2007;

–        inizjalment, wara li wettqet dan l-eżami, il-Kummissjoni qieset li l-erba’ produtturi Komunitarji kellhom jiġu inklużi fil-produzzjoni Komunitarja u, għaldaqstant, ikkonkludiet li kellha tingħalaq il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid u jitħassru l-miżuri antidumping inkwistjoni, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 69 sa 73 tad-dokument ta’ informazzjoni ta’ Lulju 2007;

–        sussegwentement, il-Kummissjoni, wara li kompliet bl-analiżi tagħha u kkonkludiet li kienet qed issibha diffiċli tistabbilixxi b’ċertezza jekk produtturi Komunitarji kellhomx jiġu esklużi mill-produzzjoni Komunitarja skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament bażiku, iddeċidiet li tħalli din il-kwistjoni miftuħa kif ukoll, konsegwentement, dik dwar jekk it-talba għal eżami mill-ġdid kien għadx kellha l-livell ta’ sostenn mitlub permezz tal-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-regolament, kif jirriżulta mill-punti 49 u 50 tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali u mill-premessi 49 u 50 tar-regolament ikkontestat;

–        il-Kummissjoni, fil-fatt, qieset, wara l-oppożizzjoni għat-talba għal eżami mill-ġdid espressa minn GE Hungary u Sylvania waqt il-proċedura, li s-sitwazzjoni f’dan il-każ kienet analoga għal dik imsemmija mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku u, b’applikazzjoni b’mod analogu ta’ din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, li kien fl-interess tal-Komunità li titkompla l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, kif jirriżulta mill-punt 50 tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali u mill-premessi 50 u 94 tar-regolament ikkontestat;

–        il-pożizzjoni tal-Kummissjoni ġiet ikkonfermata mill-Kunsill fir-regolament ikkontestat.

108    Għandu jiġi kkonstatat, barra minn hekk, li jirriżulta biċ-ċar kemm mill-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti waqt l-investigazzjoni tal-eżami mill-ġdid, kif ukoll mill-argumenti li huma żviluppaw insostenn tal-ewwel żewġ motivi fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li huma fehmu perfettament is-sekwenza ta’ dak li seħħ, kif deskritta fil-punt 107 hawn fuq.

109    Fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li l-Kunsill wasal għal konklużjoni dijametrikament opposta għal dik li tinsab fid-dokument ta’ informazzjoni ta’ Lulju 2007 meta ma kien hemm l-ebda punt ta’ fatt jew prova ġodda li jiġġustifikawh, dan huwa irrilevanti fil-kuntest ta’ dan il-motiv. Fil-fatt, l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali sostanzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li tirrigwarda l-legalità sostantiva tal-att inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra p. I‑2481, punt 35).

110    F’kull każ, dan l-ilment ma huwiex ibbażat fuq il-fatti. Fil-fatt, kif diġà ġie espost fil-punt 81 hawn fuq, 2CFL-i ppreżentat osservazzjonijiet dettaljati dwar id-dokument ta’ informazzjoni ta’ Lulju 2007 li permezz tagħhom hija wriet ir-raġunijiet għalfejn, fil-fehma tagħha, Philips Poland u GE Hungary kellhom jiġu esklużi mill-produzzjoni Komunitarja skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament bażiku. Dawn l-osservazzjonijiet setgħu validament jiġġustifikaw kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-evalwazzjoni tagħha mill-Kummissjoni, iktar u iktar għaliex, kif ir-rikorrenti kienu jafu u kif kien jirriżulta mill-osservazzjonijiet li huma ppreżentaw waqt il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, il-kwistjoni tal-kompożizzjoni eżatta tal-produzzjoni Komunitarja kienet, f’dan il-każ, kwistjoni kumplessa u diskussa b’mod estensiv.

111    Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-fatt li l-Kunsill ma spjegax, fir-regolament ikkontestat, għalfejn kien iddeċieda li jitbiegħed mill-konklużjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-dokument ta’ Lulju 2007 ma jistax, inkwantu tali, jikkostitwixxi insuffiċjenza fil-motivazzjoni, peress li dan it-tip ta’ dokument imsemmi l-aħħar jikkostitwixxi sempliċement att intermedju, fejn il-Kummissjoni tesponi biss pożizzjoni provviżorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Jannar 2008, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, T‑206/07, Ġabra p. II‑1, punt 52).

112    Fl-aħħar nett, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kunsill ma pprovax, fil-premessa 50 tar-regolament ikkontestat, jissuġġerixxi li l-limitu ta’ 50 % previst permezz tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku kien milħuq meta ddikjara li l-produzzjoni ta’ Osram kienet tikkostitwixxi proporzjon maġġuri tal-produzzjoni Komunitarja. B’din id-dikjarazzjoni, huwa kien qed jirreferi, fil-fatt, biss għal-limitu ta’ 25 % previst minn din l-istess dispożizzjoni. Barra minn hekk ma jkunx jagħmel sens jekk jiġi allegat li l-limitu ta’ 50 % kien għadu milħuq, għaliex, f’tali każ, ma kienx ikun meħtieġ li jiġi invokat, fl-istess premessa, l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, li kien jippresupponi li t-talba għal eżami mill-ġdid ġiet irtirata jew li naqas taħt il-limitu l-livell ta’ sostenn għaliha. Il-konstatazzjoni li l-Kunsill ried jirreferi għal-limitu ta’ 25 % hija wkoll ikkonfermata permezz tal-fatt li, fil-punti 4 u 71 tad-dokument ta’ informazzjoni ta’ Lulju 2007, fil-punt 4 tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali u fil-premessa 4 tar-regolament ikkontestat, mill-inqas fil-verżjoni Ingliża tagħhom, l-espressjoni “proporzjon maġġuri” hija marbuta b’mod espliċitu ma’ dik ta’ “iktar minn 25 % tal-produzzjoni Komunitarja totali”.

113    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-konklużjoni tal-Kunsill li l-interess tal-Komunità kien jitlob iż-żamma tal-miżuri antidumping inkwistjoni għal perijodu addizzjonali ta’ sena hija mmotivata suffiċjentement fir-regolament ikkontestat.

114    B’dan il-mod, fil-premessi 94 sa 114 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill espona biċ-ċar l-evalwazzjoni tiegħu tal-interessi kollha inkwistjoni, jiġifieri dawk ta’ Osram, tal-produtturi Komunitarji l-oħra, tal-fornituri, tal-importaturi/negozjanti, tal-bejjiegħa bl-imnut u tal-konsumaturi. Fil-premessi 115 u 116 tal-imsemmi regolament, huwa wieżen dawn id-diversi interessi, qabel ma kkonkluda li “l-interess tal-Komunità fil-qasir [kien jitlob] li l-miżuri jinżammu għal perijodu ta’ aġġustament addizzjonali”.

115    Ir-rikorrenti ma jistgħux jikkritikaw lill-Kunsill li ma spjegax suffiċjentement kif kien fl-interess ta’ Osram li jinżammu l-miżuri antidumping inkwistjoni. Fil-fatt, fil-premessi 65 sa 93 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill debitament stabbilixxa u spejga li l-iskadenza ta’ dawn il-miżuri kienet tiffavorixxi t-tkomplija jew ir-repetizzjoni tal-ħsara batuta minn din il-kumpannija. Fost l-oħrajn huwa kkonstata, fil-premessa 90 ta’ dan ir-regolament, li tali skadenza probabbilment kienet twassal sabiex is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha tmur kunsiderevolment għall-agħar, għaliex ikollha jew tnaqqas il-bejgħ tagħha u għaldaqstant, il-produzzjoni tagħha, jew tnaqqas il-prezzijiet tagħha, jew inkella t-tnejn li huma. Loġikament, żamma tal-miżuri antidumping setgħet, għaldaqstant, biss tkun fl-interess ta’ Osram. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Kunsill qatt ma ta x’jifhem li din iż-żamma ser tippermetti lil Osram tegħleb id-diffikultajiet kollha tagħha, iżda biss li ser tgħinha tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa. Rigward id-deċiżjoni li t-tiġdid tal-miżuri jkun limitat għal sena, mill-premessi 115 u 116 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li din hija r-riżultat tat-tweżin tad-diversi interessi kkonċernati, li fost l-oħrajn uriet li, wara dan il-perijodu, l-effetti negattivi probabbli tal-imsemmija miżuri għall-konsumaturi u għall-operaturi l-oħra jkunu sproporzjonati meta mqabbla mal-vantaġġi li huma jagħtu lill-produtturi Komunitarji.

116    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, hemm lok li jiġi miċħud it-tielet motiv, u għalhekk ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

117    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom, l-ispejjeż tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni ta’ dawk inkorsi minnu b’rabta mal-interventi ta’ Hangzhou u ta’ GE Hungary, u l-ispejjeż ta’ Osram.

118    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

119    Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, Hangzhou u GE Hungary għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

120    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, Hangzhou u GE Hungary għandhom ibatu l-ispejjeż tal-Kunsill marbuta mal-intervent tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Philips Lighting Poland S.A. u Philips Lighting BV għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, l-ispejjeż tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż ta’ dan tal-aħħar marbuta mal-interventi ta’ Hangzhou Duralamp Electronics Co., Ltd u ta’ GE Hungary Ipari és Kereskedelmi Zrt (GE Hungary Zrt), u l-ispejjeż ta’ Osram GmbH.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

4)      Hangzhou Duralamp Electronics u GE Hungary għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll l-ispejjeż tal-Kunsill marbuta mal-intervent tagħhom.

Papasavvas

O’Higgins

Gratsias

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Mejju 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.