Language of document : ECLI:EU:C:2013:643

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fit-3 ta’ Ottubru 2013 (1)

Kawża C‑365/12 P

Il-Kummissjoni vs EnBW

“Appell — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet — Talba għall-aċċess għall-fajl amministrattiv ta’ proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Rifjut skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 — Aċċess għal informazzjoni pprovduta fil-kuntest ta’ programm ta’ klemenza —Regolament (KE) Nru 1/2003 — Interpretazzjoni koerenti tas-sistemi ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet”





1.        Dan l-appell ġie ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Mejju 2012, EnBW vs Il‑Kummissjoni (2), li annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Ġunju 2008 (3), li tiċħad talba għal aċċess għal dokumenti mressqa abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (4). B’mod konkret, it-talba tirrigwarda d-dokumenti kollha ta’ proċedura ta’ akkordju ssanzjonat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 101 TFUE (5).

2.        Id-domandi magħmula huma intiżi li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-interazzjonijiet bejn ir-Regolament Nru 1049/2001 u t-tielet fergħa tad-dritt tal-kompetizzjoni, jiġifieri l-prattiki miftiehma jew l-akkordji, peress li hija diġà għamlet dan għall-għajnuna mill-Istat (sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (6)) u l-proċeduri ta’ konċentrazzjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding (7)). Il-kwistjoni li għandha tiġi deċiża f’dan il-każ għandha l-uniku għan li jiġi deċiż jekk id-duttrina stabbilita għaż-żewġ fergħat l-oħra tad-dritt tal-kompetizzjoni hijiex applikabbli wkoll għall-akkordji u, b’mod iktar partikolari, għall-“programmi ta’ klemenza”.

I –    Il-kuntest leġiżlattiv

3.        Skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, “[l]-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’”, inter alia, “interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali” u “l-iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki, jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu”.

4.        Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-istess Regolament Nru 1049/2001, l-“[a]ċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkon[ċ]ernat għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu”.

5.        Ir-Regolament (KEE) Nru 1/2003 (8), li fl-Artikoli 17 sa 22 tiegħu jiddefinixxi s-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni fil-proċeduri tal-kompetizzjoni, jipprovdi fl-Artikolu 27(2) dan li ġej:

“Id-dritt tad-difiża tal-partijiet konċernati ħa jkunu rispettati kompletament fil-proċeduri. Huma ħa jkunu intitolati li jkollhom aċċess lil file tal-Kummissjoni, suġġett għall-interess leġitimu ta’ l-impriża fil-prottezzjoni tas-sigrieti tal-kummerċ. Id-dritt għal aċċess għal file mhux ser jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenżjali u dokumenti interni tal-Kummissjoni jew ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri. B’mod partikolari, id-dritt għal aċċess mhux ser jiġi estiż għall-korrispndenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri, jew bejn dan ta’ l-aħħar, incluż dokumenti imfasla skond l-Artikoli 11 u 14. Xejn f’dan il-paragrafu m’hu ħa jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tikxef u tuża l-informazzjoni neċessarja biex tipprova xi ksur.”

6.        L-Artikolu 28(1) tal-istess Regolament Nru 1/2003, jipprovdi li, mingħajr preġudizzju għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-kooperazzjoni tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri, “l-informazzjoni miġbura skond l-Artikoli 17 sa 22 [jistgħu] jiġu wżati biss għall-għan li għalih ġie[t] a[k]kwistat[a]”.

7.        Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 28(2) jipprovdi li “[i]l-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri, l-uffiċjali tagħhom, impjegati u persuni oħra li jaħdmu taħt is-sorveljanza ta’ dawn l-awtoritajiet kif ukoll l-uffiċjali u impjegati ċivili ta’ awtoritajiet oħra ta’ l-Istati Membri [huma obbligati li ma jiżvelawx l-]informazzjoni akwistata jew skambjata minnhom skond dan ir-Regolament u [li min-natura tagħhom huma] tat-tip kopert mil-obligu ta’ segretezza professjonali. Dan l-obbligu japplika ukoll għar-rappreżentanti kollha u l-esperti ta’l-Istati Membri li [] jattendu l-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv skond l-Artikolu 14”.

8.        Id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-fajl u t-trattament tal-informazzjoni kunfidenzjali fil-proċeduri ta’ kompetizzjoni jirriżultaw mill-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament Nru 773/2004 (9).

II – Kuntest

9.        EnBW hija impriża li tiddistribwixxi l-enerġija li tqis li kienet affettwata ħażin mit-tħaddim ta’ akkordju bejn produtturi ta’ switchgears insulati bil-gass ssanzjonat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 101 TFUE.

10.      Fid-9 ta’ Novembru 2007, EnBW talbet lill-Kummissjoni, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess għad-dokumenti kollha relatati mal-proċedura ta’ sanzjoni.

11.      It-talba ġiet definittivament miċħuda permezz tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata). F’dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kklassifikat id-dokumenti mitluba fil-ħames kategoriji li ġejjin:

1)      dokumenti pprovduti fil-kuntest ta’ talba għal immunità jew għal klemenza;

2)      talbiet għal informazzjoni u risposti tal-partijiet;

3)      dokumenti miksuba waqt l-ispezzjonijiet fil-bini tal-impriżi kkonċernati;

4)      dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u risposti tal-partijiet;

5)      dokumenti interni:

a)      dokumenti relatati mal-fatti (in-noti dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mill-provi miġbura; korrispondenza mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni l-oħra; konsultazzjonijiet ta’ dipartimenti oħra tal-Kummissjoni);

b)      atti proċedurali (mandati ta’ spezzjoni; proċessi ta’ spezzjoni; estratt ta’ dokumenti miksuba waqt l-ispezzjonijiet; atti relatati man-notifika ta’ ċerti dokumenti; noti).

12.      Il-Kummissjoni sostniet li kull waħda minn dawn il-kategoriji taqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (jiddgħajjef il-ħarsien tal-iskop tal-ispezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki). Id-dokumenti fil-kategoriji 1 sa 4 jaqgħu taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) (jiddgħajjef il-ħarsien tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika) filwaqt li d-dokumenti tal-kategorija 5(a) jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista fil-paragrafu 3 tal-istess artikolu (jiddgħajjfu l-proċedimenti fil-qrati).

13.      Kontra din id-deċiżjoni, EnBW ippreżentat rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali (Kawża T-344/08), li fiha hija gawdiet mis-sostenn tar-Renju tal-Isvezja.

14.      Il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors ta’ EnBW permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Mejju 2012 (iktar ’il quddiem: is-sentenza appellata).

III – Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali

15.      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fl-ewwel lok li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li EnBW ma kinitx talbet l-aċċess għad-dokumenti tal-kategorija 5(b) (punti 32 sa 37 tas-sentenza appellata).

16.      Il-Qorti Ġenerali eżaminat, imbagħad, jekk kinux sodisfatti l-kundizzjonijiet li jippermettu deroga mill-obbligu li l-kontenut tad-dokumenti mitluba jsirilhom eżami korrett u individwali (punti 44 sa 112). Hija kkonkludiet li l-preżunzjoni ġenerali tar-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti, invokat mill-Kummissjoni, tapplika biss għat-tul tal-proċedura li tinvolvi d-dokumenti kkonċernati (10). Peress li, bħal f’dan il-każ, il-proċedura kienet magħluqa, kien meħtieġ li jsir eżami korrett u individwali ta’ kull dokument inkwistjoni (punti 56 sa 63).

17.      Fil-fażi sussegwenti, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kinitx aġixxiet b’mod korrett meta eżaminat id-dokumenti wara li kienet qasmithom f’kategoriji (punt 64 sa 112). Fil-fehma tagħha, il-kategoriji 1, 2, 4 u 5(a) ma kellhom ebda funzjoni utli għat-trattament tat-talba għal aċċess, peress li ma setgħet tinstilet ebda differenza reali bejn id-dokumenti kklassifikati fil-kategoriji individwali. Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, hija biss il-kategorija 3 (dokumenti miksuba waqt l-ispezzjonijiet fil-bini tal-impriżi kkonċernati) li tidher li hija utli għall-finijiet tal-applikazzjoni eventwali tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) (ħarsien tal-iskop ta’ spezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki), peress li dawn huma dokumenti miksuba kontra r-rieda tal-impriża. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tiċħad l-aċċess għad-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategoriji 1, 2, 4 u 5(a).

18.      Minkejja dan, b’mod superfluwu, il-Qorti Ġenerali eżaminat ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti tal-kategoriji 1, 2, 4 u 5(a), punti 113 sa 176), u kkonkludiet li l-ħarsien tal-iskop tal-investigazzjonijiet ma setax jiġġustifika r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti tal-kategoriji 1 sa 4 u 5(a), peress li f’dan il-każ il-proċedura kienet diġà magħluqa u ma kien hemm ebda raġuni li tiġġustifika li jiġi applikat trattament differenti fil-proċeduri ta’ kompetizzjoni (punti 113 sa 130).

19.      Il-Qorti Ġenerali lanqas ma kkunsidrat li l-Kummissjoni wriet li l-aċċess għad-dokumenti jista’ jolqot ħażin l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati [l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2)] peress li l-eżami partikolari magħmul fil-mument li fiha l-proċedura kienet għadha għaddejja (punti 131 sa 150) ma kienx biżżejjed għal dan il-għan.

20.      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni żbaljat meta, għad-dokumenti fil-kategorija 5(a), applikat b’mod ġeneriku u astratt l-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) (opinjonijiet għall-użu intern) punti 151 sa 170).

IV – L-appell

21.      Fil-31 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni ppreżentat appell kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

22.      Fl-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq ħames kwistjonijiet. L-ewwel waħda minnhom hija dik tal-kunsiderazzjonijiet u prinċipji ġenerali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għal interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 li, filwaqt li tkun f’armonija mad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw is-setturi bħalma huwa dak tal-kompetizzjoni, ma tippreġudikax l-effettività ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. It-tieni kwistjoni tikkonċerna l-possibbiltà li l-aċċess għad-dokumenti ta’ proċedura fil-qasam ta’ akkordju jista’ jiġi rrifjutat skont il-preżunzjoni ġenerali li dawn id-dokumenti għandhom ikunu protetti. It-tielet u r-raba’ kwistjoni jikkonċernaw il-qasam tal-ħarsien tal-iskopijiet tal-investigazzjoni, min-naħa waħda, u l-interessi kummerċjali, min-naħa l-oħra. Il-ħames u l-aħħar kwistjoni għandha bħala suġġett il-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti interni, anki wara li hija tkun adottat deċiżjoni.

23.      Kull waħda minn dawn il-kwistjonijiet hija bbażata fuq l-istess numru ta’ aggravji, jiġifieri: 1) żball ta’ liġi li jirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza tal-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni armonjuża tar-Regolament Nru 1049/2001 biex jiġi ggarantit l-effett sħiħ tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw oqsma legali oħra; 2) żball ta’ liġi li jikkonsisti fiċ-ċaħda tal-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali applikabbli għad-dokumenti kollha ta’ proċedura fil-qasam ta’ akkordju; 3) interpretazzjoni żbaljata tal-kamp ta’ ħarsien tal-iskopijiet tal-investigazzjoni; 4) interpretazzjoni żbaljata tal-kamp ta’ ħarsien tal-interessi kummerċjali; 5) interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta l-aċċess għal dokument, anki wara tmiem il-proċedura tat-teħid ta’ deċiżjoni.

24.      Il-ħames aggravju jinvolvi tliet partijiet sussidjarji: a) interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji” fis-sens tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001; b) konstatazzjoni żbaljata li l-Kummissjoni ma pprovatx li d-dokumenti tal-kategorija 5(a) kien fihom opinjonijiet għall-użu intern; ċ) interpretazzjoni żbaljata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3).

25.      Il-Kummissjoni talbet l-annullament tas-sentenza appellata u ċ-ċaħda tar-rikors li wassal għall-kawża T-344/08.

V –    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-Gvern Svediż insostenn ta’ EnBW kif ukoll minn ABB u Siemens insostenn tal-Kummissjoni.

27.      B’digriet tad-19 ta’ Frar 2013, il-president tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad, minħabba nuqqas ta’ interess dirett, it-talbiet għall-intervent ippreżentati minn HUK-Coburg Haftpflicht-Unterstützungs-kasse kraftfahrender Beamter Deutschlands, LVM Landwirtschaftlicher Versicherungsverein Münster, VHV Allgemeine Versicherung AG u Württembergische Gemeinde-Versicherung.

28.      Il-Kummissjoni, EnBW, ABB u Siemens kienu preżenti għas-seduta tat-13 ta’ Ġunju 2013.

29.      Dwar l-ewwel aggravju tal-appell, il-Kummissjoni sostnuta minn ABB u Siemens, issostni li l-Qorti Ġenerali ma osservatx il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni armonjuża bejn ir-Regolament Nru 1049/2001 u r-Regolamenti Nru 1/2003 u 773/2004. Fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali tat lir-Regolament Nru 1049/2001 supremazija li ma hijiex konformi mal-ġurisprudenza tas-sentenzi Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob (11) u Il-Kummissjoni vs Agrofert. Hija tikkunsidra li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni timmerita trattament speċifiku fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti. EnBW tikkontesta dan billi tikkontesta r-rilevanza tal-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni. Skont EnBW, it-teżi tal-Kummissjoni tmur kontra l-Artikolu 101 TUE, peress li trendi impossibbli l-ftuħ ta’ kawża għad-danni kontra impriżi ħatja ta’ akkordju jekk il-persuni kkonċernati ma jkollhomx aċċess għad-dokumenti meħtieġa biex jissostanzjaw it-talba għal kumpens tagħhom, ħaġa li tmur kontra l-ġurisprudenza Pfleiderer (12).

30.      Għal dak li jikkonċerna t-tieni aggravju, il-Kummissjoni, sostnuta minn ABB u Siemens, issostni, minkejja l-opinjoni tal-Qorti Ġenerali, li teżisti preżunzjoni ġenerali favur id-dokumenti tal-fajl fi proċedura fil-qasam tal-akkordji, indipendentement minn jekk din tkunx magħluqa jew le, u dan peress li dak li hu importanti hija n-natura tal-interessi protetti. Fil-fehma tagħha, il-preżunzjoni li tapplika fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u tal-konċentrazzjonijiet għandha tapplika wkoll għall-akkordji. Min-naħa tagħha, EnBW issostni li, malli titlesta l-proċedura, huwa r-Regolament Nru 1049/2001 li jibqa’ japplika, u dan bl-esklużjoni tad-dispożizzjonijiet partikolari fil-qasam tal-akkordju. Min-naħa tagħha, l-Isvezja ssostni li għalkemm l-istituzzjoni tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet ġenerali, hija għandha tivverifika jekk il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali applikabbli għal tip determinat ta’ dokumenti humiex sodisfatti.

31.      Fir-rigward tat-tielet aggravju, il-Kummissjoni, sostnuta minn ABB u Siemens, issostni li s-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tippreġudika l-mekkaniżmu tal-klemenza u, b’mod ġenerali, l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni, u li l-proċedura tkun tista’ titqies li hija magħluqa biss jekk ma jkunx għad hemm possibbiltà ta’ appell kontra d-deċiżjoni li biha hija tikkonkludi. EnBW tirrispondi li s-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni ma tistax tevita l-istħarriġ ġudizzjarju u li r-rikors huwa limitat biex jagħti lmenti astratti u ġenerali fuq ir-riskji għall-kooperazzjoni tal-impriżi fil-proċeduri mibdija mill-Kummissjoni.

32.      Permezz tar-raba’ aggravju, il-Kummissjoni, sostnuta minn ABB u Siemens, tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar in-nuqqas ta’ prova tad-dannu invokat (ħarsien tal-interessi kummerċjali) billi ssostni li l-ħarsien tal-interessi kummerċjali huwa wisq marbut mal-ħarsien tal-iskopijiet tal-investigazzjoni, b’mod li huwa għandu jkun inkluż fl-istess tip ta’ preżunzjoni ġenerali. Hija tirrileva, b’mod partikolari, li l-każ jirrigwarda informazzjoni li l-impriżi ġew obbligati jipprovdu lill-Kummissjoni. EnBW tenfasizza li l-ħarsien tal-interessi kummerċjali ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni bl-istess mod fi proċedura ta’ konċentrazzjoni bħal fi proċedura skont ir-Regolament Nru 1/2003, fejn l-impriża li titlob il-klemenza tipprovdi l-informazzjoni volontarjament, mhux biex tiddefendi l-interessi kummerċjali tagħha, imma biex tevita multa, minkejja li, fil-proċedura ta’ konċentrazzjoni, l-impriżi ma jistgħux jirrifjutaw li jipprovdu l-informazzjoni mitluba.

33.      Permezz tal-ħames aggravju, il-Kummissjoni, sostnuta minn ABB u Siemens, issostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ma osservatx li l-preżunzjoni ġenerali testendi għal kull dokument intern tal-proċedura u meta kkonkludiet li l-iżvelar tagħhom ma jaffettwax il-proċess ta’ deċiżjoni. EnBW tirrispondi li l-Kummissjoni ma spjegatx għaliex id-dokumenti kollha fihom opinjonijiet u lanqas ma ġabet l-iċken prova li l-iżvelar tagħhom jippreġudika l-iżvolġiment ta’ deċiżjoni adottata ħames snin qabel.

34.      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tipproponi li t-talba inizjali ta’ EnBW tiġi miċħuda, peress li din tal-aħħar kellha turi li d-dokumenti mitluba ma jaqgħux taħt il-preżunzjoni ġenerali ta’ rifjut ta’ aċċess jew, fin-nuqqas, turi interess ikbar għall-iżvelar tagħhom. Min-naħa l-oħra EnBW issostni li r-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali kien fondat, li l-appell għandu jiġi miċħud u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata fl-intier tagħha jew, sussidjarjament, sa fejn hija wkoll ġiet irrifjutata aċċess parzjali għall-informazzjoni mitluba.

VI – Evalwazzjoni

35.      Qabel ma neżamina kull wieħed mill-aggravji, ninnota qabelxejn li, bħal fis-sentenza Agrofert, min talab l-informazzjoni ma kienx parti fil-proċedura li ġġenerat id-dokumenti li jikkonċernawh. F’dan is-sens, EnBW hija terz fir-rigward ta’ din il-proċedura. L-interess tagħha għal dawn id-dokumenti jirrifletti r-rieda tagħha li tinqeda bihom biex tiftaħ kawża għad-danni kontra l-partijiet f’din il-proċedura. Fi kwalunkwe każ, kif enfasizzajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Agrofert (13), “din il-kawża hija fuq kollox kawża li iktar tikkonċerna t-trasparenza” milli tikkonċerna, f’dan il-każ, l-akkordji jew il-prattiki miftiehma. “Huwa għalhekk fid-dawl tar-Regolament Nru 1049/2001 li għandha ssir it-tfittxija prinċipali għas-soluzzjoni tal-kawża (14)”.

A –    L-ewwel aggravju

36.      Permezz tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tinvoka żball ta’ liġi minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-ħtieġa ta’ “interpretazzjoni armonjuża” tar-Regolament Nru 1049/2001 biex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-oqsma l-oħra tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Għandu jingħad hawnhekk li l-erba’ aggravji l-oħra jippreċiżaw l-aspetti tas-sentenza appellata li kkonkretizzat dan in-nuqqas ta’ osservanza, filwaqt li wasslet għal interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tar-Regolament Nru 1049/2001.

37.      Dan l-ewwel aggravju, l-istess bħal fil-kawża Agrofert, jerġa’ jqajjem il-kwistjoni dwar jekk id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet jirriżultax b’mod ġenerali mir-Regolament Nru 1049/2001, li għandu jiġi kkumplementat f’ċerti oqsma minn regoli speċjali li jinsabu f’dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni, jew jekk, min-naħa l-oħra, dan ir-regolament huwiex fi kwalunkwe każ eżawrjenti fir-rigward tas-sistema applikabbli għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

38.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta ċar — u l-Kummissjoni għandha raġun fuq dan il-punt — li r-Regolament Nru 1049/2001 ma huwiex leġiżlazzjoni li hija b’xi mod sospiża fl-arja, iżda li kemm l-interpretazzjoni tagħha kif ukoll l-applikazzjoni tagħha għandhom ikunu konformi mas-sistemi speċifiċi ta’ aċċess għal dokumenti f’diversi oqsma materjali. Fi kliem ieħor, ir-Regolament Nru 1049/2001 ma jistax jippretendi li jirregola b’mod eżawrjenti s-sistema ta’ trasparenza fid-dritt tal-Unjoni, iżda bħala leġiżlazzjoni li tirregola s-sistema komuni ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, għandu jiġi interpretat u applikat b’mod li jkun konformi mad-diversi dispożizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess għad-dokumenti fil-proċeduri suġġetti għal leġiżlazzjoni proprja.

39.      Fi kliem ieħor, ir-regolamenti implikati fil-qasam inkwistjoni għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni li tippermetti li dawn ikunu konformi ma’ xulxin.

40.      Din l-interazzjoni inevitabbli bejn ir-Regolament Nru 1049/2001, bħala regolament ġenerali fil-qasam tat-trasparenza tal-istituzzjonijiet, u ċerti regolamenti tal-Unjoni, bħala regolamenti speċjali dwar l-aċċess għal proċeduri partikolari, ġiet enfasizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’ġurisprudenza li hija diġà voluminuża u reċentement deskritta fis-sentenza Agrofert (15).

41.      Madankollu, b’kuntrast ma’ dak li ssostni l-Kummissjoni, insostni li, fl-interpretazzjoni tagħha tar-Regolament Nru 1049/2001, is-sentenza appellata turi li l-Qorti Ġenerali ma naqsitx milli tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli speċifiċi tal-aċċess għall-proċedura li wasslet biex inħolqu d-dokumenti kkonċernati.

42.      Fil-fatt, il-punt 55 tas-sentenza appellata jsemmi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kunsiderazzjoni ta’ natura ġenerali fejn jingħad li l-iżvelar ta’ ċerti dokumenti jista’ jippreġudika l-interess ġenerali li l-leġiżlatur ġustament ried jipproteġi billi jistabbilixxi sistema speċifika ta’ aċċess għal dawn id-dokumenti. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirreferi sussegwentement għall-proċeduri ta’ aċċess għal dokumenti fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, tal-konċentrazzjonijiet u, għal dak li huwa rilevanti għalina f’dan il-każ, tal-prattiki miftiehma jew akkordji.

43.      Ċertament, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-ġurisprudenza fuq il-ħtieġa li r-Regolament Nru 1049/2001 jiġi interpretat fid-dawl tas-sistemi ta’ aċċess stabbiliti fil-proċeduri ta’ għajnuna mill-Istat huma applikabbli biss matul il-proċeduri li jkunu għaddejjin u “ma jist[għu]x jiġ[u] applikat[i] għal sitwazzjoni li fiha l-istituzzjoni tkun diġà adottat deċiżjoni finali li tagħlaq il-fajl li jkun intalab aċċess għalih, kif ġara f’dan il-każ (16)”.

44.      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali żżid li “għandha tirriżulta preżunzjoni ġenerali li abbażi tagħha d-dokumenti li jkunu jinsabu f’fajl ta’ proċedura fil-qasam tal-kompetizzjoni ma għandhomx jiġu żvelati u dan kemm mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 [...] kif ukoll mill-ġurisprudenza relatata mad-dritt ta’ konsultazzjoni tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni (17)”. Sussegwentement, wara li fil-punti 59 u 60 semmiet is-sistema ta’ aċċess prevista fir-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti Ġenerali tieqaf billi tiddikjara li “għalkemm l-impriżi suġġetti għal proċedura fil-qasam tal-akkordji, kif ukoll il-lanjanti li l-ilmenti tagħhom ma jkunux intlaqgħu mill-Kummissjoni, għandhom dritt jikkonsultaw ċerti dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni, dan id-dritt huwa suġġett għal ċerti restrizzjonijiet li jirrikjedu fihom infushom evalwazzjoni każ b’każ. Għaldaqstant, anki jekk jiġi adottat ir-raġunament applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza TGI [...] li abbażi tiegħu, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-restrizzjonijiet għall-aċċess għall-fajl eżistenti fil-kuntest ta’ proċeduri partikolari, bħall-proċeduri fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u fil-qasam tal-kompetizzjoni, tali teħid inkunsiderazzjoni ma jippermettix li jiġi preżunt li d-dokumenti kollha li jkunu jinsabu fil-fajls tagħha f’dan il-qasam huma awtomatikament koperti minn waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1409/2001 (18)”.

45.      Finalment, is-sentenza appellata tikkonkludi li “[]l-Kummissjoni ma setgħetx tippreżumi, mingħajr ma twettaq analiżi konkret[a] ta’ kull dokument, li d-dokumenti kollha mitluba kienu manifestament koperti mill-eċċezzjoni prevista mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (19)”.

46.      Il-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq juru biċ-ċar li, b’kuntrast mal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma “naqsitx” milli tosserva l-ħtieġa ta’ interpretazzjoni armonjuża tar-Regolament Nru 1049/2001 u tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw oqsma oħra tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, is-sentenza appellata interpretat b’mod tajjeb ir-Regolament Nru 1049/2001 billi ħadet inkunsiderazzjoni l-implikazzjonijiet possibbli tar-regoli li jirregolaw l-aċċess għad-dokumenti ġġenerati jew użati matul il-proċeduri fil-qasam tal-akkordji.

47.      Kwistjoni oħra hija dwar jekk dan ix-xogħol ta’ interpretazzjoni, li kellu jkun armonjuż, kellux l-effett mixtieq. Għal din għandha tingħata risposta waqt l-eżami tal-aggravji l-oħra tal-appel, li huma bbażati prinċipalment fuq l-allegati żbalji ta’ liġi li jirriżultaw mill-interpretazzjoni żbaljata tar-Regolament Nru 1049/2001. Madankollu, nemmen li huwa ċar li l-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi akkużata li interpretat dan ir-regolament mingħajr ma kkunsidratu fl-isfond tar-regoli kollha li jirregolaw l-aċċess għal ċerti proċeduri.

48.      Fil-fehma tiegħi, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

B –    It-tieni aggravju

49.      It-tieni aggravju huwa bbażat fuq l-allegat żball ta’ liġi mwettaq billi ġiet miċħuda l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali, applikabbli għad-dokumenti kollha ta’ proċedura ta’ akkordju, fis-sens li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jista’ jippreġudika l-interess ġenerali protett f’dik il-proċedura.

50.      Nibda biex nafferma li, fil-fehma tiegħi, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li taċċetta preżunzjonijiet ġenerali għad-dokumenti li għalihom, minħabba l-proċedura li fiha jkunu ġew ippreżentati, teżisti sistema speċifika ta’ aċċessibbiltà, tista’ tiġi trasposta perfettament għad-dokumenti ġġenerati jew użati fi proċedura fil-qasam tal-akkordji.

51.      Kif inhu magħruf, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-eżistenza ta’ din is-sistema speċifika tippermetti li jiġi preżunt, fil-prinċipju, li l-iżvelar ta’ tali dokumenti jista’ jaffettwa l-għan imfittex b’dik il-proċedura. Għaldaqstant, fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fis-sentenza TGI (20), li preżunzjoni ġenerali ta’ dan it-tip tista’ tirriżulta mir-regolament tal-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat (21). Fit-tieni lok, hija ddikjarat fis-sentenza Agrofert li “[t]ali preżunzjonijiet ġenerali huma applikabbli, fil-qasam tal-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi, minħabba l-fatt li l-leġiżlazzjoni li tirregola din il-proċedura tipprevedi wkoll regoli strettti dwar l-ipproċessar tal-informazzjoni miksuba jew stabbilita fil-kuntest ta’ tali proċedura (22)”.

52.      Għaldaqstant, jidhirli li l-preżunzjoni ġenerali testendi għall-proċeduri fil-qasam tal-akkordji li huma rregolati b’leġiżlazzjoni li fiha wkoll regoli speċifiċi ħafna fir-rigward tal-aċċess u tat-trattament tad-dokumenti li jkunu jinsabu fil-fajls ta’ dawk il-proċeduri. Għaldaqstant l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jagħti lill-partijiet ikkonċernati dritt limitat ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni għall-iskopijiet biss tal-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħhom, mentri l-Artikolu 28 tal-istess regolament jissuġġetta l-informazzjoni miġbura matul il-proċedura għall-obbligu ta’ sigriet professjonali (23). Fl-istess sens, l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 773/2004 jagħti lil-lanjant dritt ta’ aċċess limitat.

53.      L-eżistenza ta’ din is-sistema speċifika ta’ aċċess tippermetti li jiġi preżunt, bħal fil-każ tal-għajnuna mill-Istat u tal-proċeduri fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, li l-iżvelar tad-dokumenti jista’ jippreġudika l-għan imfittex mill-proċedura fil-qasam tal-akkordji. Kif enfasizzajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Agrofert (24), “għall-konċentrazzjonijiet tal-impriżi r-Regolament Nru 139/2004 jistabbilixxi proċedura amministrattiva ta’ kontroll flimkien ma’ għan fundamentali għall-Unjoni, jiġifieri li tiġi ggarantita l-kompetizzjoni fis-suq intern (25)”, għan rifless ukoll fir-Regolament Nru 659/1999 għall-għajnuna mill-Istat.

54.      Ir-Regolament Nru 1/2003, bla ebda dubju, għandu l-istess għan. Biex nerġa’ nuża l-kliem li jien użajt, ir-Regolamenti Nru 659/1999 u Nru 139/204 “huma legalment ibbażati fuq il-Kapitolu 1 (‘Regoli li jirregolaw il-kompetizzjoni’) tat-Titolu VII (‘Regoli komuni fuq il-kompetizzjoni, fuq it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet’) tat-Tielet Parti tat-TFUE, li jenfasizza l-fatt li huma għandhom intenzjoni komuni, kondiviża mir-Regolament Nru 1/2003 (24), jiġifieri li jagħmlu possibbli li jintlaħaq wieħed mill-għanijiet li fuqu hija bbażata l-eżistenza tal-Unjoni, peress li ma għandux jintesa li l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, iżda hija wkoll marbuta bl-għanijiet u bl-objettivi elenkati fl-Artikolu 3 TUE, li fosthom għandu jiġi enfasizzat, sa fejn huwa rilevanti f’dan il-każ, l-istabbiliment ta’ suq intern u l-‘iżvilupp sostenibbli ta’ l-Ewropa mibni fuq […] ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna […]’ [Artikolu 3(3) TUE]. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-Artikolu 3(1)(b) TFUE jagħti lill-Unjoni kompetenza esklużiva għall-‘istabbiliment tar-regoli tal-kompetizzjoni meħtieġa għall-funzjonament tas-suq intern’, u huwa preċiżament biex ikun jista’ jkun hemm kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet mil-lat tal-kompetizzjoni li nħoloq l-istrument legali li jikkostitwixxi r-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet (26)”.

55.      Il-proċedura fil-qasam tal-akkordji taqa’ taħt l-istess firxa ta’ intenzjonijiet. Kif irrilevat EnBW fl-osservazzjonijiet tagħha, hemm numru mhux negliġibbli ta’ differenzi bejn il-proċeduri fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet u dawk fil-qasam tal-akkordji, b’mod partikolari fir-rigward tan-natura preventiva tal-ewwel u n-natura repressiva tat-tieni. Filwaqt li naċċetta din id-differenza — iżda mhux mingħajr ma nfakkar li l-akkordji ma humiex kollha neċessarjament illegali, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1/2003 — il-fatt hu li, anki jekk b’modi differenti, iż-żewġ każijiet jinvolvu li jiġi evitat li jkun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq u li l-prattiki tal-atturi ekonomiċi jkunu legali, filwaqt li l-parteċipazzjoni tal-istess atturi fil-proċeduri stabbiliti biex tiġi evitata jew irranġata l-imġiba antikompetittiva għandha tkun akkumpanjata b’minimu ta’ garanziji. B’mod konkret, apparti li għandu jirrispetta b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħhom, l-involviment tagħhom f’dawn il-proċeduri għandu jiġi żgurat f’kundizzjonijiet li ma jippreġudikawx l-interessi kummerċjali tagħhom. Dan japplika kemm għall-proċeduri purament preventivi u mingħajr element ta’ sanzjoni kif ukoll meta tiġi ssanzjonata mġiba antikompetittiva, peress li f’dan l-aħħar każ ebda preġudizzju supplementari ma jista’ jiżdied mas-sanzjoni legalment prevista.

56.      Biex nerġa’ ndur fuq iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, u kif diġà osservajt fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel aggravju, il-Qorti Ġenerali ma tiċħadx li għandha tingħata interpretazzjoni armonjuża tar-Regolament Nru 1049/2001 u tar-Regolament Nru 1/2003.

57.      Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li din l-interpretazzjoni armonjuża timplika li l-preżunzjoni ġenerali li tista’ tiġi invokata fil-każ ta’ dokumenti li jagħmlu parti mill-fajl ta’ proċedura fil-qasam tal-għajnuna ma tapplikax għad-dokumenti ta’ proċedura ta’ akkordju.

58.      Finalment, għall-Qorti Ġenerali, il-preżunzjoni inkwistjoni tapplika biss meta l-leġiżlazzjoni li tirregola l-proċedura li fil-kuntest tagħha d-dokumenti mitluba ġew iġġenerati jew użati ma tagħti ebda dritt ta’ aċċess għal dawn id-dokumenti lit-terzi kkonċernati.

59.      Il-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi fil-fatt li, “bl-istess mod bħar-Regolament Nru 659/1999 fil-qasam tal-għajnuna, ir-Regolament Nru 1/2003 ma jipprovdix għad-dritt, favur persuni li ma jkunux partijiet fil-proċedura, li jiksbu aċċess għad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura fil-qasam tal-akkordji (27)”. Madankollu, peress li l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003 “jipprovdi aċċess għall-fajl favur impriżi li jkunu suġġetti għall-proċedura, fil-kuntest iktar ġenerali li jiġu żgurati d-drittijiet tad-difiża (28)”, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li din il-possibbiltà ta’ aċċess, limitata kemm tkun limitata, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, b’mod li wieħed ma jistax jaċċetta li “d-dokumenti kollha li jkunu jinsabu fil-fajls tagħha f’dan il-qasam huma awtomatikament koperti minn waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1409/2001 (29)”.

60.      Is-sentenza appellata tibbaża din il-konklużjoni fuq interpretazzjoni tas-sentenza TGI li jiena jidhirli li hi żbaljata. Fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, hija tafferma ġustament li, skont ir-Regolament Nru 659/1999, “[i]l-persuni interessati, bl-eċċezzjoni tal-Istat Membru responsabbli tal-għoti tal-għajnuna, ma jiddisponux, fil-kuntest tal-proċedura ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istati, minn dritt ta’ konsultazzjoni tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-kummissjoni[,] [g]ħandha tittieħed inkunsiderazzjoni din iċ-ċirkustanza għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (30)”. Fil-fatt, “[kieku] dawn il-persuni interessati kienu fil-pożizzjoni li jiksbu l-aċċess, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001, għad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni, is-sistema ta’ verifika tal-għajnuna tal-Istat kienet titqiegħed fid-diskussjoni (31)”.

61.      Kif enfasizzat is-sentenza appellata, fil-każ tar-Regolament Nru 1/2003, il-partijiet ikkonċernati bil-proċedura għandhom dritt ta’ aċċess għall-finijiet tad-difiża tagħhom. Madankollu, lil hinn minn dan, l-aċċess għad-dokumenti tal-proċedura huwa eskluż fuq livell ġenerali għat-terzi persuni li jkunu jinsabu, f’dan ir-rigward, fl-istess sitwazzjoni bħal dawk li jkunu jixtiequ jkollhom aċċess għall-fajl ta’ proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

62.      Fil-fehma tiegħi, l-effett tal-preżunzjoni ma jistax ikun limitat għall-każ ta’ assenza assoluta ta’ dritt ta’ aċċess fil-proċedura li fiha jkunu involuti d-dokumenti mitluba; din il-preżunzjoni għandha tapplika wkoll, bl-aġġustamenti meħtieġa, meta l-aċċess jingħata b’mod limitat jew taħt ċerti kundizzjonijiet. Fil-fatt, f’dak il-każ ukoll, dan il-fatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni “għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (32)”, peress li finalment l-għan hu li jiġi evitat li l-applikazzjoni pura u sempliċi tar-Regolament Nru 1049/2001 ma xxejjinx l-effett tas-sistema ta’ aċċess għad-dokumenti stabbilita fi proċedura speċifika.

63.      Finalment, il-preżunzjoni inkwistjoni għandha tapplika għad-dokumenti li l-iżvelar tagħhom huwa eskluż jew huwa suġġett għal kundizzjonijiet kunsiderevolment iktar stretti fir-Regolament Nru 1/2003 milli fir-Regolament Nru 1049/2001. Fi kliem ieħor, hija għandha tapplika b’mod sħiħ għal dawk li, skont ir-Regolament Nru 1/2003 u r-Regolament Nru 773/2004, ma għandhom ebda dritt, fil-prinċipju, li jkollhom aċċess għad-dokumenti tal-proċedura tal-akkordju, kif inhu l-każ ta’ EnBW f’din il-kawża, u tapplika wkoll għal dawk li għandhom dritt ta’ aċċess limitat jew kundizzjonat għall-finijiet li jiġu żgurati d-drittijiet tad-difiża tagħhom.

64.      Il-konklużjoni preċedenti għandha, madankollu, eċċezzjoni. Fil-fatt, il-preżunzjoni inkwistjoni “ma teskludix il-possibbiltà li jiġi muri li dokument speċifiku, li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub, ma huwiex kopert minn din il-preżunzjoni jew li jeżisti interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dan id-dokument skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau [...] punt 62) (33)”. Għaldaqstant, il-fatt li r-Regolament Nru 1/2003 ma jipprovdix għall-aċċess minn terza persuna għall-proċedura jfisser sempliċiment li t-talbiet eventwali li jkunu ġejjin mingħand terzi għandhom jiġu deċiżi skont ir-Regolament Nru 1049/2001 (bħala regolament ġenerali fil-qasam tat-trasparenza), li jiġi interpretat billi wieħed jitlaq fuq il-preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar tad-dokumenti jista’ jagħmel ħsara lill-għan tal-proċedura rregolata mir-Regolament Nru 1/2003. Din il-preżunzjoni ta’ ħsara bl-ebda mod ma teskludi b’mod assolut l-aċċess skont ir-Regolament Nru 1049/2001; hija trendi sempliċiment iktar stretti l-kundizzjonijiet tal-aċċess iggarantit minn dan ir-regolament.

65.      Għaldaqstant, jidhirli li l-Qorti Ġenerali eskludiet l-applikabbiltà tal-preżunzjoni fil-każ fejn, għal aċċess mitlub minn terz għall-proċedura fil-qasam tal-akkordji, wieħed għandu jibbaża ruħu fuq il-prinċipju li l-iżvelar tad-dokument mitlub jista’ jagħmel ħsara lill-interess ġenerali protett mir-regoli speċifiċi ta’ aċċess għad-dokumenti ġġenerati jew użati fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

66.      Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, it-tieni aggravju għandu jiġi milqugħ.

C –    It-tielet aggravju

67.      It-tielet aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni meqjusa żbaljata tal-kamp ta’ ħarsien tal-investigazzjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza appellata tippreġudika l-mekkaniżmu ta’ klemenza u, b’mod ġenerali, l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni.

68.      F’kawża għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi reċentement, permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2013, Donau Chemie et (34), fuq l-aċċess għad-dokumenti ta’ fajls nazzjonali fil-qasam tal-klemenza. Anki jekk din il-ġurisprudenza tagħmel riferiment għal proċedura fil-qasam tal-kompetizzjoni u mhux għar-Regolament Nru 1049/2001, jidhirli li hija tapplika perfettament għall-każ preżenti.

69.      Fil-kuntest tal-programmi nazzjonali ta’ klemenza — u abbażi tal-motivi li jistgħu jiġu trasposti għall-proċeduri tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni — il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li dawn il-programmi “jikkostitwixxu għodod utli fil-ġlieda effikaċi biex jinkixef u jintemm il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u jservu, għaldaqstant, l-għan tal-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, u li l-effettività ta’ dawn il-programmi tista’ tiġi affettwata mill-komunikazzjoni ta’ dokumenti relatati ma’ proċedura ta’ klemenza lill-persuni li jixtiequ jibdew kawża għad-danni. Fil-fatt, jidher raġonevoli li jitqies li persuna involuta fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, quddiem il-possibbiltà ta’ tali komunikazzjoni, tkun skoraġġuta milli tuża l-possibbiltà offruta minn tali programmi ta’ klemenza (sentenza Pfleiderer, [...] punti 25 sa 27) (35)”.

70.      Is-sentenza tkompli billi tikkonstata “li għalkemm dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġġustifikaw li l-aċċess għal ċerti dokumenti [...] jista’ jiġi rrifjutat, huma ma jimplikawx madankollu li dan l-aċċess jista’ jiġi rrifjutat sistematikament, billi kull talba għal aċċess għad-dokumenti inkwistjoni għandha tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni fuq il-bażi ta’ każ b’każ li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pfleiderer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31) (36)”.

71.      Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandu jiġi “[]evalwa[t], minn naħa, l-interess tal-persun[a] li tagħmel it-talba [biex] tikseb l-aċċess għal dawn id-dokumenti sabiex tipprepara r-rikors tagħha għad-danni, fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ possibbiltajiet oħrajn eventwalment għad-dispożizzjoni tagħha (37)” u “ji[tti]eħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi li realment jistgħu joħolqu preġudizzju li għalihom tali aċċess jista’ [j]agħti lok fid-dawl ta’ interessi pubbliċi jew ta’ interessi leġittimi ta’ persuni oħrajn (38)”.

72.      B’mod iktar partikolari, għal dak li jirrigwarda “l-interess pubbliku rigward l-effettività tal-programmi ta’ klemenza” il-Qorti tal-Ġustizzja żżid tgħid li “għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-importanza tal-kawżi għad-danni mibdija quddiem il-qrati nazzjonali għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni [...], is-sempliċi invokazzjoni ta’ riskju li l-aċċess għall-provi, li jinsabu fil-proċess ta’ proċedura fil-qasam tal-kompetizzjoni u li huma neċessarji sabiex fuqhom jiġu bbażati dawn il-kawżi, jaffettwa l-effettività ta’ programm ta’ klemenza, li fil-kuntest tiegħu dawn id-dokumenti ġew ikkomunikati lill-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti, ma tistax tiġġustifika rifjut ta’ aċċess għal dawn il-provi (39)”.

73.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni, min-naħa l-oħra, li “il-fatt li tali rifjut jista’ jipprekludi l-ftuħ tal-imsemmija kawżi, billi jipprovdi lill-impriżi kkonċernati, li jistgħu jkunu diġà bbenefikaw minn immunità, għall-inqas parzjalment, fil-qasam ta’ sanzjonijiet pekunjarji, il-possibbiltà li jevitaw ukoll l-obbligu tagħhom li jikkumpensaw id-danni li jirriżultaw mill-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u dan b’detriment tal-persuni milquta b’mod ħażin, jeħtieġ li dan ir-rifjut ikun ibbażat fuq raġunijiet imperattivi relatati mal-protezzjoni tal-interess invokat u applikabbli għal kull dokument li għalih l-aċċess huwa rrifjutat (40)”, peress li “hija biss l-eżistenza ta’ riskju li dokument partikolari jippreġudika b’mod konkret l-interess pubbliku relatat mal-effettività tal-programm ta’ klemenza li tista tiġġustifika li dan id-dokumenti ma jiġix żvelat (41)”.

74.      Il-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq jimmilitaw finalment għall-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ bejn l-interess pubbliku inerenti għall-programmi ta’ klemenza bħala għodda biex tiġi żgurata l-effettività tad-dritt tal-kompetizzjoni, minn naħa waħda u, min-naħa l-oħra d-dritt tal-individwi biex jiftħu kawżi għad-danni kkaġunati bil-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, li huwa mod indirett ieħor kif jinqeda l-interess pubbliku billi dan id-dritt ikun effettiv.

75.      F’din il-kawża, il-Kummissjoni — u dan il-punt ġie kkonfermat minn EnBW — rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti prodotti fil-kuntest ta’ talba għall-immunità jew ta’ klemenza billi bbażat ruħha fuq kunsiderazzjonijiet astratti fir-rigward tal-effetti dannużi li dan jista’ jkollu fuq il-programmi ta’ klemenza kieku l-persuni u impriżi kkonċernati ma kienux żguri li dawn id-dokumenti ma humiex aċċessibbli għal kulħadd. Min-naħa l-oħra, EnBW enfassizat li, mingħajr dawn id-dokumenti, ikun impossibbli għaliha li tipprova tiftaħ sempliċi kawża għad-danni bl-inqas ċans li tirbaħ id-danni li hija tqis li sofriet minħabba l-akkordji ssanzjonati mill-Kummissjoni (42).

76.      Il-Kummissjoni, finalment, ma invokatx raġunijiet ibbażati fuq id-dannu li jista’ jiġi kkaġunat lil programm ta’ klemenza konkret (u huwa proprju programm ta’ klemenza li ssemma fil-punt 46 tas-sentenza Chemie Donau, li jien irreferejt għaliha fil-punt 72, in fine), iżda raġuni ġenerali u astratta, imdaħħla taħt il-kategorija “proċeduri ta’ klemenza”. EnBW irrispondiet billi invokat motivi li jiġġustifikaw il-bżonn tagħha għal ċerti dokumenti li tiftaħ kawża waħda għad-danni.

77.      Għaldaqstant, quddiemna għandna rifjut ta’ prinċipju, li jeskludi li talba konkreta ta’ aċċess — ippreżentata bħala l-unika mod possibbli li bih tista’ tiġi kkorroborata kawża għad-danni — tista’ “tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni fuq il-bażi ta’ każ b’każ li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tal-kawża” kif teżiġi s-sentenza Donau Chemie (43) filwaqt li tagħmel riferiment għall-punt 31 tas-sentenza Pfleiderer.

78.      Fuq dan il-punt, jidhirli li jkun utli li tissemma kunsiderazzjoni ta’ prinċipju. Kontra l-osservazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq wieħed jista’ jargumenta li l-effettività tal-programmi ta’ klemenza ma tistax tiġi żgurata jekk ma jiġix żgurat, fuq livell ġenerali, li d-dokumenti pprovduti jistgħu jintużaw biss mill-Kummissjoni. Din tkun l-ikbar garanzija. Issa, wieħed għandu jikkunsidra garanziji oħra li għalkemm ma jmorrux daqshekk fl-estrem, jibqgħu madankollu attraenti għal dawk li jiddeċiedu li jirrikorru għal dawn il-programmi. Finalment, il-loġika tal-programmi ta’ klemenza hija dik ta’ kalkolu fuq il-portata tal-impatt negattiv li jista’ jkollu ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. F’dan is-sens, il-garanzija li l-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni tista’ tingħata lil terzi persuni biss jekk dawn juru, b’mod suffiċjenti, li huma għandhom bżonnha biex jiftħu kawża għad-danni tista’ tkun garanzija suffiċjenti, partikolarment jekk wieħed jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-għażla l-oħra tista’ tkun sanzjoni ikbar minn dik li tirriżulta fil-każ li tirnexxi l-kawża għad-danni. Huwa minnu li wieħed ma jistax jeskludi li garanzija ta’ dan it-tip tbaxxi n-numru ta’ dawk li jiddeċiedu jipprevalixxu ruħhom minn programm ta’ klemenza. Madankollu, l-għan li jkun hemm effettività massima ta’ din l-għodda ma għandux jiġġustifika li jiġi ssagrifikat, purament u sempliċiment, id-dritt tal-persuni kkonċernati li jkunu kkumpensati u lanqas, fuq livell ġenerali, il-ksur tad-dritt tagħhom għall-protezzjoni ġudizzjarja ggarantita mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

79.      Finalment, jidhirli li abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-sentenza appellata ma tistax tiġi kkritikata fejn hija tikkonkludi li l-Kummissjoni ma ġġustifikatx ir-rifjut li tagħti aċċess għad-dokumenti prodotti fil-kuntest ta’ talba għal immunità jew klemenza u li, għaldaqstant, jeħtieġ li t-tielet aggravju jiġi miċħud.

D –    Ir-raba’ aggravju

80.      Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni allegatament żbaljata tal-kamp tal-ħarsien tal-interessi kummerċjali.

81.      Skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ma wrietx b’mod suffiċjenti li l-aċċess għad-dokumenti mitluba jista’ jaffettwa, b’mod konkret u effettiv, l-interessi kummerċjali tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju. Fil-fehma tagħha, peress li d-dokumenti mitluba kien diġà kellhom xi ftit taż-żmien, il-Kummissjoni kienet obbligata li teżaminahom b’mod konkret u individwali fid-dawl tal-eċċezzjoni tal-ħarsien tal-interessi kummerċjali, u dan peress li l-eżami li kien diġà sar matul il-kors tal-proċedura ma kienx suffiċjenti.

82.      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali telqet mill-idea li “l-interessi tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju [...] fin-nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti mitluba, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala interessi kummerċjali fil-veru sens tal-kelma [(44)]. Fil-fatt, fid-dawl, b’mod partikolari taż-żmien li għandha l-maġġoranza tal-informazzjoni inkluża fil-fajl inkwistjoni, l-interess li jista’ jkollhom il-kumpanniji fin-nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti mitluba ma jidhirx li huwa bbażat fuq l-għan li jippreżervaw s-sitwazzjoni kompetittiva tagħhom fis-suq [...] iżda, pjuttost, fuq ix-xewqa li huma jevitaw li jitressqu kawżi għad-danni kontrihom quddiem qrati nazzjonali (45)”. Fi kwalunkwe każ, dan ma huwiex interess “li għandu jiġi protett, partikolarment fid-dawl tad-dritt li għandha kull persuna sabiex titlob kumpens għad-danni li jista’ jikkawżalha aġir li jillimita jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (46)”.

83.      Jiena ma naqbilx ma’ din l-interpretazzjoni.

84.      Kif indikat fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Agrofert, “l-estensjoni tan-natura ‘sensittiva’ ta’ dokument tikkostitwixxi element fundamentali tal-istruttura tas-sistema tal-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. B’hekk, id-dokumenti redatti għal użu intern fil-kuntest ta’ proċedura [Artikolu 4(3)] huma żgurati mill-protezzjoni sakemm il-proċedura ma tkunx ġiet fi tmiemha, iżda biss dawk li fihom opinjonijiet jibqgħu jibbenefikaw minn dik il-protezzjoni anki wara li l-proċedura tkun ġiet fi tmiemha. F’dan it-tieni każ, l-eċċezzjoni tibqa’ valida, bħall-eċċezzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 4 ‘għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument’ [Artikolu 4(7)]. Skont l-Artikolu 4(7), dan il-perijodu jista’ jdum għal mhux iktar minn 30 sena. Madankollu, dan il-perijodu massimu jista’ jiġi estiż ‘jekk meħtieġ’ għal tliet kategoriji ta’ dokumenti: dawk ‘koperti mill-eċċeżżjonijiet dwar privatezza jew interessi kummerċjali u [d-]dokumenti sensittivi’ [Artikolu 4(7)] (47)”.

85.      B’hekk, “l-interessi kummerċjali jixirqilhom l-ogħla livell ta’ protezzjoni ratione temporis fis-sistema ta’ aċċess prevista mir-Regolament Nru 1049/2001. Din hija r-raġuni għaliex, [...] l-għeluq tal-proċedura ta’ konċentrazzjoni mhux neċessarjament jikkostitwixxi, għal dan it-tip ta’ dokument, żvolta li twassal, min-naħa l-oħra, għal aċċess għad-dokumenti ta’ xorta oħra, b’mod partikolari l-pariri legali u l-opinjonijiet għal użu intern (48)”.

86.      L-istess japplika, fil-fehma tiegħi, għall-proċedura fil-qasam tal-akkordji. Il-fatt li, bħal f’dan il-każ, l-informazzjoni inkwistjoni tirreferi għal attivitajiet kummerċjali mwettqa bejn l-1988 u l-2004 ma jeskludix li, min-natura tagħha, hija tibqa’ “attwali” u l-validità tagħha tista’ ddum iktar minn dik tad-dokumenti strettament amministrattivi jew interni tal-proċedura (49).

87.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed ma jistax jaċċetta li, mis-sempliċi fatt tat-trapass taż-żmien, l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati jittrasformaw ruħhom f’interess pur u sempliċi li jiġu evitati l-effetti ta’ kawża għad-danni.

88.      Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta bbażat ruħha biss fuq iż-żmien li għandhom id-dokumenti biex teskludi wkoll il-possibbiltà tal-eżistenza ta’ interess kummerċjali li jixraqlu ħarsien. Għaldaqstant hija żbaljat ukoll meta skartat il-preżunzjoni li, fir-rigward tad-dokumenti ġġenerati jew użati fi proċedura fil-qasam tal-akkordji, l-iżvelar tagħhom jista’ jippreġudika l-interess protett minn dik il-proċedura.

89.      Dan kollu japplika indipendentement mill-punt dwar jekk id-dokumenti ngħatawx b’mod volontarju, b’kuntrast ma’ dak li japplika għad-dokumenti miġbura mill-Kummissjoni fil-proċeduri fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet. Din id-differenza, invokata minn EnBW kontra t-talbiet tal-appell, tidher li hija irrilevanti.

90.      Kif indikat fir-risposta għat-tieni aggravju, il-proċedura fil-qasam tal-akkordji taqsam flimkien ma’ dik fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u mal-proċedura fil-qasam tal-konċentrazzjoni, l-għan li tiġi ggarantita l-kompetizzjoni fil-kuntest tal-Unjoni. Kull waħda minn dawn il-proċeduri jisservew, għal dan il-għan, bl-għodda tagħhom stess li jinkludu, għall-proċedura fil-qasam tal-akkordji, il-programmi ta’ klemenza, ibbażati fuq il-kollaborazzjoni volontarja tal-impriżi suġġetti għall-proċedura.

91.      Kif rajna fil-kuntest tal-eżami tat-tielet aggravju, dawn il-programmi jservu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ għodda utli fil-ġlieda kontra l-ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni u jimmeritaw konsegwentement il-ħarsien tas-sistema kollha.

92.      Huwa minnu li jiena pproponejt li t-tielet aggravju jiġi miċħud peress li l-Kummissjoni ma invokatx debitament id-dannu li jista’ jsir b’mod konkret lill-programm ta’ klemenza applikat fil-proċedura involuta f’dan il-każ. Madankollu, dan ma jfissirx li għandu jiġi miċħud ukoll l-ilment dwar id-dannu li jistgħu jsofru l-interessi kummerċjali ta’ dawk li pparteċipaw fil-programm ta’ klemenza, peress li dan ir-raba’ aggravju jikkonċerna mhux tant il-ħarsien ta’ dan il-programm minnu nnifsu iżda l-ħarsien dirett ta’ dawn l-interessi, li l-ksur tagħhom jista’ jippreġudika l-istrument tal-klemenza b’mod indirett biss.

93.      Ċertament, wieħed ma jistax jeskludi li l-iżvelar tal-informazzjoni pprovduta mill-impriżi kkonċernati jista’ oġġettivament jippreġudika l-interessi kummerċjali tagħhom. Il-fatt li din l-informazzjoni ġiet ipprovduta b’mod volontarju u biex tiġi eskluża jew imnaqqsa xi sanzjoni ma jistax, fil-fehma tiegħi, jiġġustifika li jiġi konkluż li l-interessi kummerċjali implikati ma kinux jimmeritaw ebda protezzjoni. Altrimenti, mas-sanzjoni li jkollha finalment tiġi imposta fuq l-impriża li kkollaborat mal-Kummissjoni, tkun qiegħda tiżdied sanzjoni ġdida li tikkorrispondi mad-dannu kkaġunat lill-interessi kummerċjali tagħha.

94.      Konsegwentement, jidhirli li r-raba’ aggravju għandu jintlaqa’, mhux minħabba ċ-ċaħda tal-applikabbiltà tal-preżunzjoni li l-iżvelar tal-informazzjoni li tirrigwarda l-interessi kummerċjali jista’ jagħmel ħsara lill-interess protett fil-proċedura fil-qasam tal-akkordji, iżda, iktar minn hekk, minħabba ċ-ċaħda tal-eżistenza stess tal-interessi kummerċjali inkwistjoni.

E –    Il-ħames aggravju

95.      L-aħħar aggravju jikkritika s-sentenza appellata minħabba interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta l-aċċess għal dokument anki wara tmiem il-proċedura tat-teħid ta’ deċiżjoni.

96.      F’dan ir-rigward, għandu jsir riferiment għall-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs My Travel u Il-Kummissjoni (50), li tikkonċerna l-effett eventwali fuq l-eżitu ta’ talba għall-aċċess, li jirriżulta mill-fatt li l-proċedura li magħha huwa marbut id-dokument inkwistjoni tkun jew ma tkunx konkluża bl-adozzjoni tad-deċiżjoni relattiva.

97.      Kif kelli l-okkażjoni nesponi fil-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Agrofert (51), minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li “il-fatt li l-proċedura tkun ġiet fi tmiemha ma jwassalx per se għall-iżvelar tad-dokument, anki jekk ir-rifjut li jingħata aċċess għalih għandu jiġi ġġustifikat b’mod speċifiku”. Inżid ngħid li “[l]adarba l-proċedura tkun ġiet fi tmiemha, l-aċċess għad-dokumenti li ġew prodotti matulha sabiex tkun tista’ tiġi adottata deċiżjoni finali u definittiva ma jistax, skont id-definizzjoni, iqiegħed f’dubju l-eżitu tal-proċedura u lanqas, konsegwentement, id-deċiżjoni li kkonkludietha. Għaldaqstant, huwa f’din il-perspettiva li għandhom jiġu kkunsidrati l-pariri legali u d-dokumenti interni li l-aċċess għalihom ġie rrifjutat mill-Kummissjoni (52)”. Fl-aħħar nett, “[f]ir-rigward tad-dokumenti li jinkludu pariri legali kif ukoll dawk redatti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet marbuta mal-proċedura [it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001], is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża L‑Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, tapplika perfettament għal dan il-każ (53)”.

98.      Biex indur għaċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, il-Qorti Ġenerali telqet mill-premessa li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) “jawtorizza li jiġi rrifjutat l-aċċess anki wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni, fejn l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jista’ jippreġudika b’mod gravi l-proċess deċiżjonali ta’ din l-istituzzjoni (54)”.

99.      Dan premess, is-sentenza appellata tiċħad li l-Kummissjoni wriet li “d-dokumenti kollha li jaqgħu taħt il-kategorija 5(a) kienu jinkludu opinjonijiet intiżi għall-użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (55)”, u minkejja l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, hija teskludi li “dan il-kunċett kien jinkludi, fl-ewwel lok, id-dokumenti kollha li jinkludu jew jirrikjedu evalwazzjoni jew deċiżjoni tal-uffiċjali tagħha jew tad-dipartimenti tagħha, fit-tieni lok, id-dokumenti kollha neċessarji sabiex hija tipprepara d-deċiżjoni tagħha u, fit-tielet lok, id-dokumenti kollha neċessarji sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ta’ dipartimenti oħra fil-proċedura (56)”.

100. Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, anki jekk “il-ġustifikazzjonijiet invokati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali [...] ċertament jistgħu jirrendu plawżibbli l-ipoteżi li għadd ta’ dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 5(a) jinkludu tali opinjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-ġustifikazzjonijiet [...] ma ġewx invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u għaldaqstant ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu raġuni li ddeterminat l-adozzjoni ta’ din tal-aħħar. Konsegwentement [...] hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni baqgħet ma wrietx il-kwalità tal-opinjonijiet, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, għad-dokumenti kollha li jaqgħu taħt il-kategorija 5(a) (57)”.

101. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-ispjegazzjonijiet ipprovduti fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ma kinux jinsabu espliċitament fid-deċiżjoni annullata (58), iżda dan ma jfissirx, fil-fehma tagħha, li huma ma kkostitwixxewx motiv li ddetermina r-rifjut tal-aċċess, skont dak li jirriżulta minn kliem id-deċiżjoni. Il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet dan meta affermat, fil-punt 88 tas-sentenza appellata li “jirriżulta b’mod impliċitu mill-punt 3.2.5 tad-deċiżjoni kkontestata u b’mod espliċitu mit-tweġiba tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2011 għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali li din tal-aħħar tikkunsidra li d-dokumenti kollha li jaqgħu fil-kategorija 5(a), jinkludu opinjonijiet maħsuba għall-użu intern, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni”.

102. Jiena naqbel mal-Kummissjoni. Anki jekk huwa ċar li mod huwa li mid-deċiżjoni jiġi dedott li, għall-Kummissjoni, id-dokumenti kkonċernati kollha fihom opinjonijiet intiżi għall-użu intern, mentri hu mod ieħor, kompletament differenti, il-fatt li l-Kummissjoni semmiet din il-kunsiderazzjoni fid-deċiżjoni stess, xorta waħda jibqa’ l-fatt li huwa quddiem il-Qorti Ġenerali li għandu jiġi stabbilit dan il-punt. Għaldaqstant huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tesponi, kif għamlet, ir-raġunijiet li għalihom hija invokat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 biex tiċħad it-talba tal-aċċess għad-dokumenti kollha inklużi fil-kategorija 5(a).

103. Għaldaqstant, peress li l-Qorti Ġenerali kienet aċċettat, biex nuża kliemha stess, bħala “plawżibbli l-ipoteżi li għadd ta’ dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 5(a) jinkludu tali opinjonijiet” intiżi għall-użu intern, dan il-punt għandu jiġi kkonfermat u, konsegwentement, jiġi stabbilit għal-liema dokument l-eċċezzjoni invokata mill-Kummissjoni tista’ tiġi applikata b’mod konkret.

104. Sussegwentement, l-istess kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punti 162 sa 167 tas-sentenza appellata, għandu jiġi vverifikat jekk l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jistax jagħmel ħsara lill-proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet. Il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali fuq dan il-punt jidhirli li hija skorretta.

105. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali sostniet li r-raġunijiet invokati mill-Kummissjoni biex tipprova d-dannu li jista’ jikkawża l-iżvelar tad-dokumenti kienu ġeneriċi u astratti u li l-Kummissjoni ma wrietx fhiex kienet tiġi ppreġudikata l-investigazzjoni fuq l-akkordju kieku d-deċiżjoni li temmet il-proċedura fuq l-akkordju ġiet annullata u jekk kienx meħtieġ, għaldaqstant, li tiġi adottata deċiżjoni ġdida (59). Il-Qorti Ġenerali tikkritika lill-Kummissjoni li ppruvat “tqarreb, jiġifieri tassimila, din is-sitwazzjoni, ikkaratterizzata, […] mill-fatt li hija kienet diġà adottat deċiżjoni, ma’ sitwazzjoni fejn ma tkunx għadha ttieħdet deċiżjoni (60)”.

106. Madankollu, din il-fehma ġiet skreditata fis-sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja tat fil-kawża Odile Jacob ftit iktar minn xahar wara s-sentenza appellata. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat id-differenza bejn talba għall-aċċess għad-dokumenti maħluqa waqt proċedura li ngħalqet b’deċiżjoni li saret definittiva u talba li tirrigwarda d-dokumenti ta’ proċedura li d-deċiżjoni li ngħatat fiha hija s-suġġett ta’ proċess li għadu għaddej.

107. Għall-Qorti tal-Ġustizzja, “[f]’sitwazzjoni [...], fejn l-istituzzjoni kkonċernata tista’, skont l-eżitu tal-proċedura ġudizzjarja, issib ruħha f’pożizzjoni li tissokta l-attivitajiet tagħha għall-finijiet tal-adozzjoni eventwali ta’ deċiżjoni ġdida [...], jeħtieġ li tiġi ammessa l-e[ż]istenza ta’ preżunzjoni ġenerali li tistabbilixxi li l-obbligu impost fuq l-imsemmija istituzzjoni li tiżvela, matul din il-proċedura, noti interni bħal dawk imsemmija f[’]din is-sentenza jippreġudika b’mod gravi l-proċess deċiżjonali ta’ din l-istituzzjoni (61)”.

108. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ddikjarat li, wara l-annullament parzjali ta’ deċiżjonijiet oħra meħudin fl-istess proċeduri tal-akkordji (62), hija kienet mitluba tiffissa mill-ġdid l-ammont tas-sanzjoni imposta fuq l-impriżi kkonċernati b’dawk id-deċiżjonijiet u li, kieku d-dokumenti interni tal-proċedura (inklużi dawk li jirrigwardaw il-kalkolu tas-sanzjonijiet) kienu ġew żvelati qabel iż-żmien, il-proċess deċiżjonali kien ikun ippreġudikat.

109. F’dak il-każ, l-eventwalità ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ waħda mid-deċiżjonijiet li bihom il-proċedura twasslet fi tmiemha tfisser li l-proċedura bħala tali ma tistax titqies li hija magħluqa, anki jekk id-deċiżjoni li tirreferi speċifikament għall-impriżi li kontrihom il-persuna li titlob dokument tikkontempla li tiftaħ kawża għad-danni tkun saret definittiva.

110. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li kien hemm raġunijiet tajba biex wieħed jaħseb li l-iżvelar tad-dokumenti li fihom opinjonijiet interni setgħu jagħmlu ħsara lill-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ġodda fl-istess proċedura fil-każ fejn jintlaqgħu l-appelli kontra deċiżjonijiet li ma humiex dawk li jirreferu b’mod konkret għall-impriżi li kontrihom kienet qiegħda taġixxi EnBW.

111. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli li l-aħħar aggravju għandu jintlaqa’.

VII – Fuq l-adozzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ deċiżjoni definittiva fuq il-kawża

112. Skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja “[j]ekk l-appell ikun fondat sewwa, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali” u tista’ “hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża”.

113. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ tista’ tagħti deċiżjoni definittiva dwar il-kawża.

114. Fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, EnBW kienet invokat erba’ motivi ta’ annullament li kienu bbażati, fl-ewwel lok, fuq il-ksur tal-ewwel u t-tieni inċiżi tal-Artikolu 4(2) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, fit-tieni lok, fuq il-ksur tal-aħħar parti tal-Artikolu 4(2) tar-regolament imsemmi, fit-tielet lok, fuq il-ksur tal-Artikolu 4(6) u fir-raba’ lok, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-portata tat-talba għall-aċċess.

115. Ir-raba’ motiv għandu jintlaqa’ għar-raġunijiet esposti fil-punti 32 sa 37 tas-sentenza appellata, li ma ġewx ikkontestati fl-appell.

116. Il-motivi l-oħra għandhom jiġu miċħuda għar-raġunijiet esposti fil-punti 49 sa 65 u 80 sa 109 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

VIII – Spejjeż

117. Skont l-Artikolu 184(1) u l-Artikolu 138(2) tar-Regoli tal-Proċedura, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex, fid-dawl tas-soluzzjoni proposta, kull waħda mill-partijiet u kull wieħed mill-intervenjenti jbatu l-ispejjeż tagħhom.

IX – Konklużjoni

118. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tilqa’ parzjalment l-appell billi tilqa’ t-tieni, raba’ u ħames aggravju, ibbażati fuq żball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, marbutin mal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ proċedura fil-qasam tal-akkordji u mal-ħarsien tal-interessi kummerċjali u mal-proċess deċiżjonali, u konsegwentement:

–        tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fit-22 ta’ Mejju 2012 fil-kawża T-344/08, EnBW AG vs Il-Kummissjoni, li biha l-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SG.E.3/MV/psi D(2008) 4931, tas-16 ta’ Ġunju 2008, li tirrifjuta l-aċċess għall-fajl tal-proċedura COMP/F/38.899 — Switchgears insulati bil-gass;

–        tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SG.E.3/MV/psi D(2008) 4931, ts-16 ta’ Ġunju 2008, li tirrifjuta l-aċċess għall-fajl tal-proċedura COMP/F/38.899 — Switchgears insulati bil-gass, minħabba żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar il-portata tat-talba għall-aċċess;

–        tikkundanna lill-partijiet, inklużi l-intervenjenti, sabiex ibatu l-ispejjeż tagħhom.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – Sentenz EnBW vs Il-Kummissjoni, T-344/08.


3 – Deċiżjoni SG.E.3/MV/psi D(2008) 4931.


4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331.


5 – Deċiżjoni C(2006) 6762 finali, tal-24 ta’ Jannar 2007, każ COMP/F/38.899. Il-produtturi kkonċernati kienu jinkludu lil ABB Ltd. (iktar ’il quddiem “ABB”) u Siemens AG (iktar ’il quddiem “Siemens”).


6 – Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, C-139/07 P, Ġabra p. I-5885. Iktar ’il quddiem “TGI”.


7 – Sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, C-477/10 P.


8 – Regolament tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


9 – Regolament tal-Kummissjoni, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).


10 – Li huwa konformi mad-duttrina stabbilita fis-sentenza TGI, iċċitata iktar ’il fuq, punti 55 sa 58.


11 – Sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, C-404/10 P.


12 – Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2011, C-360/09 p. I-5161.


13 – Moqrija fit-18 ta’ Diċembru 2011, punt 26.


14 – Ibidem.


15 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, punt 50.


16 – Sentenza appellata, punt 58.


17 – Sentenza appellata, punt 58.


18 – Sentenza appellata, punt 61.


19 – Sentenza appellata, punt 62.


20 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 55 sa 61.


21 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).


22 – Agrofert, punt 59.


23 – Fuq il-proċedura prevista f’dan ir-regolament, ara Wils, W.P.J., “EU Antitrust Enforcement Powers and Procedural Rights and Guarantees: The Interplay between EU Law, National Law, the Charter of Fundamental Rights of the EU and the European Convention on Human Rights”, f’Concurrences, Mejju 2011, u f’World Competition, vol. 34, Nru 2, Ġunju 2011. Aċċessibbli minn http://ssrn.com/author=456087.


24 – Ippreżentati fit-8 ta’ Diċembru 2011.


25 – Konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, punt 64.


26 – Konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, punt 65.


27 – Punt 59 tas-sentenza appellata.


28Ibidem.


29 – Sentenza appellata, punt 61.


30 – Korsiv miżjud.


31 – Ibidem.


32 – Sentenza TGI iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.


33 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, punt 68.


34 – Kawża C-536/11.


35 – Donau Chemie et, punt 42.


36 – Donau Chemie et, punt 43.


37 – Donau Chemie et, punt 44.


38 – Donau Chemie et, punt 45.


39 – Donau Chemie et, punt 46.


40 – Donau Chemie et, punt 47.


41 – Donau Chemie et, punt 48.


42 – B’mod konkret, fil-punt 20 tar-risposta tagħha.


43 – Donau Chemie et, punt 43.


44 – Il-korsiv huwa tiegħi.


45 – Punt 147 tas-sentenza appellata.


46 – Punt 148 tas-sentenza appellata.


47 – Konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, punt 78.


48 – Konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, punt 79.


49 – Konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, punt 79.


50 – Sentenza C-506/08 P, Ġabra p. I-6237.


51 – Konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, punt 74, b’riferiment għas-sentenza L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 113 u 119.


52 – Konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, punt 75.


53 – Konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, punt 80.


54 – Punt 153 tas-sentenza appellata.


55 – Punt 156 tas-sentenza appellata.


56 – Ibidem.


57 – Punt 160 tas-sentenza appellata.


58 – Punt 119 tal-appell.


59 – Punti 165 sa 167 tas-sentenza appellata.


60 – Punt 167 tas-sentenza appellata.


61 – Punt 130 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob.


62 – Permezz tas-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni (T-113/07, Ġabra p. II-3989) u Fuji Electric vs Il-Kummissjoni (T-130/07, Ġabra p. II-4091).