Language of document : ECLI:EU:C:2008:178

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

1 ta’ April 2008 (*)

“Skema ta’ assigurazzjoni għall-kura stabbilita minn entità federali ta’ Stat Membru – Esklużjoni tal-persuni residenti f’parti mit-territorju nazzjonali differenti mill-parti li taqa’ taħt il-kompetenza ta’ din l-entità – Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE – Regolament (KEE) Nru 1408/71”

Fil-kawża C‑212/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour d’arbitrage, li saret il-Cour constitutionnelle (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ April 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Mejju 2006, fil-proċedura

Gvern tal-Komunità Franċiża,

Gvern tal-Vallonja

vs

Gvern Fjamming,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, A. Tizzano (Relatur), G. Arestis, Presidenti ta’ l-Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Malenovský u J. Klučka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Marzu 2007,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern tal-Komunità Franċiża, minn J. Sambon u P. Reyniers, avocats,

–        għall-Gvern tal-Vallonja, minn M. Uyttendaele, J.-M. Bricmont u J. Sautois, avocats,

–        għall-Gvern Fjamming, minn B. Staelens u H. Gilliams, advocaten,

–        għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u P. van Ginneken, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz u J.-P. Keppenne, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE kif ukoll tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠUL 28, 1997, p. 1, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 307/1999, tat-8 ta’ Frar 1999 (ĠU L 38, p. 1, iktar’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn diversi entitajiet federali tar-Renju tal-Belġju. Din hija kawża bejn, minn naħa waħda, il-Gvern tal-Komunità Franċiża u l-Gvern tal-Vallonja u, min-naħa l-oħra, il-Gvern Fjamming dwar il-kundizzjonijiet ta’ affiljazzjoni mas-sistema ta’ assigurazzjoni għall-kura stabbilita mill-Komunità Fjamminga favur persuni b’awtonomija mnaqqsa minħabba diżabbiltà serja u fit-tul.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Il-kamp ta’ applikazzjoni personali tar-Regolament Nru 1408/71 huwa ddefinit fl-Artikolu 2(1) tiegħu li jipprovdi:

“Dan ir-Regolament se japplika għall-impjegati u għal dawk li jaħdmu għal rashom [u għall-istudenti] li huma jew li kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ wieħed jew iktar mill-Istati Membri u li huma ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri jew li huma persuni bla Stat jew rifuġjati li jabitaw fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, kif ukoll membri tal-familji tagħhom u tas-superstiti tagħhom.”

4        Min-naħa l-oħra, il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-regolament imsemmi huwa ddefinit fl-Artikolu 4 tiegħu fit-termini segwenti:

“1.      Dan ir-Regolament ikun japplika għal-leġiżlazzjoni kollha li tikkonċerna l-friegħi segwenti tas-sigurtà soċjali:

a)      il-benefiċċji tal-mard u tal-maternità;

[…]

2.      Dan ir-Regolament ikun japplika għall-iskemi kollha tas-sigurtà soċjali ġenerali u speċjali, kemm dawk kontributorji kif ukoll dawk non-kontributorji, u għal skemi li għandhom x’jaqsmu [mar-responsabbiltà] ta’ xi ħadd li jħaddem jew sid ta’ vapur fejn jidħlu l-benefiċċji li għalihom hemm riferenza fil-paragrafu 1.

[…]

2b.      Dan ir-Regolament ma jkunx japplika għad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru rigward il-benefiċċji speċjali non-kontributorji, li għalihom saret riferenza [fit-taqsima III ta’ l-Anness II], li l-validità tiegħu hija kkonfinata għall-parti mit-territorju tiegħu.

[…]”

5        L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71, bit-titolu “Ugwaljanza ta’ trattament”, jipprovdi:

“1.      Suġġetti għad-dispożizzjonijiet speċjali ta’ dan ir-Regolament, persuni residenti fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika dan ir-Regolament ikunu suġġetti għall-istess obbligazzjonijiet u jgawdu l-istess benefiċċji taħt il-leġiżlazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat.”

6        Fl-aħħar nett, l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ħaddiema migranti fir-rigward tas-sigurtà soċjali. Il-kliem tiegħu jgħid kif ġej:

“1.      Suġġetti għall-Artikolu 14ċ [u 14f], persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament ikunu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru singolu biss. Dik il-leġiżlazzjoni tkun iddeterminata skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

2.      Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:

a)      persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk tkun tabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju rreġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

b)      persuna li taħdem għal rasha fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk tabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

[…]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7        Permezz ta’ digriet tal-Parlament Fjamming, dwar l-organizzazzjoni ta’ l-assigurazzjoni għall-kura (Decreet houdende de organisatie van de zorgverzekering), tat-30 ta’ Marzu 1999 (Moniteur belge tat-28 ta’ Mejju 1999, p. 19149, iktar’il quddiem id-“Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999”), il-Komunità Fjamminga stabbilixxiet skema ta’ assigurazzjoni għall-kura bil-għan li ttejjeb l-istat ta’ saħħa u l-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-persuni b’awtonomija mnaqqsa minħabba diżabbiltà serja u fit-tul. Din l-iskema tagħti dritt, taħt ċerti kundizzjonijiet u sa ammont massimu, għall-ħlas lura minn fond ta’ assigurazzjoni ta’ xi spejjeż li saru minħabba stat ta’ dipendenza għal raġunijiet ta’ saħħa, bħal infieq relatat ma’ servizzi ta’ għajnuna fid-dar jew max-xiri ta’ apparat u ta’ prodotti meħtieġa mill-persuna assigurata.

8        Id-Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999 ġie emendat kemm-il darba, b’mod partikolari biex jieħu in kunsiderazzjoni l-oġġezzjonijiet issollevati mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li taw lok għal ftuħ ta’ proċedura ta’ ksur fl-2002. Essenzjalment, il-Kummissjoni kkontestat il-kompatibbiltà mar-Regolament Nru 1408/71 tal-kundizzjoni ta’ residenza fir-reġjun fejn tiġi mitkelma l-lingwa Olandiża jew fir-reġjun bilingwi ta’ Brussell-Kapitali, li għaliha kienu suġġetti, fil-verżjoni oriġinali tad-Digriet imsemmi, l-affiljazzjoni fl-imsemmija skema ta’ assigurazzjoni għall-kura u l-ħlas tal-benefiċċji previsti minnha.

9        B’hekk, il-kriterju ta’ residenza ġie stabbilit mid-digriet tal-Parlament Fjamming li jemenda d-Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999 dwar l-organizzazzjoni ta’ l-assigurazzjoni għall-kura (Decreet van de Vlaamse Gemeenschap houdende wijziging van het decreet van 30 maart 1999 houdende de organisatie van de zorgverzekering), tat-30 ta’ April 2004, (Moniteur Belge tad-9 ta’ Ġunju 2004, p. 43593, iktar’il quddiem id-“Digriet tat-30 ta’ April 2004”). Dan id-Digriet, li għandu effett retroattiv mill-1 ta’ Ottubru 2001, essenzjalment wessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ l-iskema ta’ assigurazzjoni għall-kura għall-persuni li jaħdmu fit-territorju tar-reġjuni msemmija u li huma residenti fi Stat Membru differenti mir-Renju tal-Belġju. Barra minn hekk, dan id-Digriet eskluda mill-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni lill-persuni residenti f’dawn ir-reġjuni, iżda li huma suġġetti għall-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor. Wara li dawn l-emendi ġew adottati, il-Kummissjoni ddeċidiet, fl-4 ta’ April 2006, li tieqaf mill-proċedura ta’ ksur in kwistjoni.

10      L-Artikolu 4 tad-Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999, kif emendat mid-Digriet tat-30 ta’ April 2004, jagħti s-segwenti definizzjonijiet tal-kategoriji ta’ persuni suġġetti għall-affiljazzjoni, obbligatorja jew volontarja, ma’ l-iskema ta’ l-assigurazzjoni għall-kura:

“(1.) Kull persuna li għandha r-residenza tagħha fir-reġjun lingwistiku Olandiż għandha tiġi affiljata ma’ fond ta’ assigurazzjoni għall-kura approvat minn dan id-Digriet.

[…]

(2.)      Kull persuna li għandha r-residenza tagħha fir-reġjun bilingwi ta’ Brussell-Kapitali għandha l-possibbiltà li tiġi affiljata ma’ fond ta’ assigurazzjoni għall-kura approvat minn dan id-Digriet fuq bażi volontarja.

(2a.) Kull persuna li ssir referenza għaliha fil-paragrafi (1) u (2) li għaliha, abbażi tar-regoli li jirregolaw il-liġi applikabbli skond ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71, tapplika bħala dritt l-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat li jifforma parti miż-Żona Ekonomika Ewropea ma taqax taħt il-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ dan id-Digriet.

(2b.) Kull persuna li ma tirrisjedix fil-Belġju li fir-rigward tagħha, abbażi tar-regoli li jirregolaw il-liġi applikabbli skond ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71, tapplika bħala dritt l-iskema tas-sigurtà soċjali fil-Belġju minħabba l-impjieg tagħha fir-reġjun fejn hu mitkellem l-Olandiż għandha tiġi affiljata ma’ fond ta’ assigurazzjoni għall-kura approvat minn dan id-Digriet. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-Digriet li jikkonċernaw il-persuni li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw b’analoġija.

Kull persuna li ma tirrisjedix fil-Belġju li fir-rigward tagħha, abbażi tar-regoli li jirregolaw il-liġi applikabbli skond ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71, l-iskema tas-sigurtà soċjali fil-Belġju tapplika bħala dritt minħabba l-impjieg tagħha fir-reġjun bilingwi ta’ Brussell-Kapitali tista’ tagħżel li tiġi affiljata ma’ fond ta’ assigurazzjoni għall-kura approvat minn dan id-Digriet. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-Digriet li jikkonċernaw persuni li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 2 għandhom japplikaw b’analoġija.”

11      L-Artikolu 5 tad-Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999, kif emendat l-aħħar mid-Digriet tal-Parlament Fjamming li jemenda d-Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999 dwar l-organizzazzjoni ta’ l-assigurazzjoni għall-kura (Decreet van de Vlaamse Gemeenschap houdende wijziging van het decreet van 30 maart 1999 houdende de organisatie van de zorgverzekering), tal-25 ta’ Novembru 2005, (Moniteur belge tat-12 ta’ Jannar 2006, p. 2153), li wkoll għandu effett retroattiv mill-1 ta’ Ottubru 2001, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ ħlas lura tar-riskji mill-iskema ta’ l-assigurazzjoni għall-kura fit-termini segwenti:

“L-utent għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin sabiex ikun jista’ jitlob il-ħlas lura ta’ l-ispejjeż ta’ assistenza u servizzi mhux mediċi mill-fond ta’ assigurazzjoni għall-kura:

[…]

3.      fiż-żmien tal-ħlas lura, għandu jkun legalment residenti fi Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea jew fi Stat li huwa parti miż-Żona Ekonomika Ewropea;

[…]

5.      għal ta’ l-inqas ħames snin qabel il-ħlas lura, irid ikun irrisjeda mingħajr interruzzjoni jew fir-reġjun fejn hu mitkellem l-Olandiż jew fir-reġjun bilingwi ta’ Brussell-Kapitali, jew ikun affiljat ma’ l-assigurazzjoni soċjali mingħajr interruzzjoni, fi Stat Membri ta’ l-Unjoni Ewropea jew Stat li huwa parti miż-Żona Ekonomika Ewropea;

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Din il-kawża toriġina mit-tielet rikors għal annullament ippreżentat mill-Gvernijiet rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra d-Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999, fejn l-ewwel żewġ rikorsi kienu ġew rispettivament miċħuda parzjalment u b’mod komplet mill-Cour d’arbitrage. B’mod partikolari, fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi preċedenti, il-Cour d’arbitrage enfasizzat, permezz tas-sentenza tagħha Nru 33/2001, tat-13 ta’ Marzu 2001, li l-iskema ta’ assigurazzjoni għall-kura stabbilita mid-Digriet imsemmi kienet tifforma parti mill-“għajnuna lill-persuni”, liema qasam jidħol fil-kompetenzi tal-Komunitajiet, skond l-Artikolu 128(1) tal-Kostituzzjoni Belġjana, u b’hekk, ma kinitx tidħol fuq il-kompetenzi esklużivi ta’ l-Istat federali fil-qasam tas-sigurtà soċjali.

13      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda, b’mod iktar preċiż, l-Artikolu 4 tad-Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999, fil-verżjoni tiegħu skond id-Digriet tat-30 ta’ April 2004 (iktar’il quddiem id-“Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999 kif emendat”). B’mod partikolari, fir-rikorsi tagħhom ippreżentati fl-10 ta’ Diċembru 2004 quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Gvernijiet rikorrenti b’mod partikolari invokaw il-ksur tar-Regolament Nru 1408/71 u ta’ diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, billi osservaw li l-esklużjoni minn din l-iskema tal-persuni li, għalkemm jaħdmu fir-reġjun fejn hu mitkellem l-Olandiż jew fir-reġjun bilingwi ta’ Brussell-Kapitali, li jirrisjedu fit-territorju nazzjonali, iżda barra mit-territorju ta’ dawn iż-żewġ reġjuni, tikkostitwixxi miżura restrittiva li tostakola l-moviment liberu tal-persuni.

14      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour d’arbitrage ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)      Skema ta’ assigurazzjoni għall-kura li:

a)      ġiet stabbilita minn Komunità awtonoma ta’ Stat Membru federali tal-Komunità Ewropea,

b)      tapplika għal persuni li huma residenti f’parti mit-territorju ta’ dak l-Istat Federali li għalih din il-Komunità awtonoma hija kompetenti,

ċ)      tipprovdi għal ħlas lura taħt dik l-iskema, ta’ l-ispejjeż li jkunu saru għal għajnuna u servizzi mhux mediċi lil persuni b’awtonomija mnaqqsa b’mod serju u fit-tul, affiljati ma’ l-iskema, fil-forma ta’ kontribuzzjoni fissa għall-ispejjeż relatati u

d)      hija ffinanzjata minn naħa bil-kontribuzzjonijiet annwali tal-membri u min-naħa l-oħra minn għotja mħallsa mill-baġit għall-ispiża tal-Komunità awtonoma kkonċernata,

tikkostitwixxi skema li taqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament […] Nru 1408/71 […], kif imfisser fl-Artikolu 4 tiegħu?

2)      F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda preliminari: ir-regolament iċċitat hawn fuq, b’mod partikolari l-Artikoli 2, 3 u 13 tiegħu u, safejn huma applikabbli, l-Artikoli 18, 19, 20, 25 u 28 għandu jiġi interpretat bħala li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludi lil Komunità awtonoma ta’ Stat Membru federali tal-Komunità Ewropea milli tadotta dispożizzjonijiet li, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha, jippermettu biss lil persuni li jirrisjedu fit-territorju li għalih il-Komunità awtonoma hija kompetenti u, fir-rigward ta’ ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea, persuni impjegati fit-territorju u li huma residenti fi Stat Membru ieħor, li jiġu assigurati taħt u jibbenefikaw minn skema tas-sigurtà soċjali fi ħdan it-tifsira ta’ dan ir-regolament, bl-esklużjoni ta’ persuni, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, li jirrisjedu f’parti mit-territorju ta’ l-Istat federali li għaliha hija kompetenti Komunità awtonoma oħra?

3)      L-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu lil Komunità awtonoma ta’ Stat federali li huwa membru tal-Komunità Ewropea milli tadotta dispożizzjonijiet li, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha, jippermettu biss lil persuni li jirrisjedu fit-territorju li għalih il-Komunità awtonoma hija kompetenti u, fir-rigward ta’ ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea, persuni impjegati fit-territorju u li huma residenti fi Stat Membru ieħor, li jiġu assigurati taħt u jibbenefikaw minn skema tas-sigurtà soċjali skond ir-Regolament iċċitat iktar’il fuq, bl-esklużjoni ta’ persuni, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, li jirrisjedu f’parti mit-territorju ta’ l-Istat federali li għaliha hija kompetenti Komunità awtonoma oħra?

4)      L-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din is-sistema jiġi limitat għal persuni li huma residenti fl-entitajiet ta’ Stat federali li huwa membru tal-Komunità Ewropea li huma koperti b’din is-sistema?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

15      Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk benefiċċji mħallsa taħt skema bħal dik ta’ l-assigurazzjoni għall-kura stabbilita mid-Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999 jaqgħux taħt il-kamp ta’ ratione materiae tar-Regolament Nru 1408/71.

16      Bil-għan li tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, id-distinzjoni bejn benefiċċji esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 u benefiċċji li jaqgħu f’dan il-kamp tistrieħ essenzjalment fuq l-elementi kostituttivi ta’ kull benefiċċju, b’mod partikolari l-għanijiet tiegħu u l-kundizzjonijiet ta’ l-għoti tiegħu, u mhux fuq il-fatt li benefiċċju jkun jew ma jkunx ikklassifikat bħala benefiċċju ta’ sigurtà soċjali taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1985, Hoeckx, 249/83, Ġabra p. 973, punt 11; ta’ l-10 ta’ Marzu 1993, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-111/91, Ġabra p. I-817, punt 28, u tat-18 ta’ Jannar 2007, Celozzi, C‑332/05, Ġabra p. I‑563, punt 16).

17      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba sostniet li benefiċċju jista’ jiġi kkunsidrat bħala benefiċċju ta’ sigurtà soċjali safejn, l-ewwel nett, jingħata lill-benefiċjarji indipendentement minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni legalment definita u fejn, it-tieni nett, dan huwa relatat ma’ wieħed mir-riskji espressament elenkati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71 (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar’il fuq Hoeckx, punti 12 sa 14; Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, punt 29, u Celozzi, punt 17).

18      Hekk kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet kollha ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kawża prinċipali mhuwiex ikkontestat li sistema bħal dik ta’ l-assigurazzjoni għall-kura stabbilita mid-Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999 tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet.

19      Fil-fatt, min-naħa waħda, mid-dispożizzjonijiet ta’ dan id-Digriet jirriżulta li tali skema tagħti dritt, b’mod oġġettiv u abbażi ta’ sitwazzjoni legalment definita, għall-ħlas lura minn fond ta’ assigurazzjoni għall-kura ta’ l-ispejjeż sostnuti għal servizzi ta’ għajnuna u għal servizzi mhux mediċi minn kull persuna b’awtonomija mnaqqsa minħabba diżabbiltà fit-tul u serja.

20      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxiet li l-benefiċċji intiżi sabiex itejbu l-istat ta’ saħħa u l-ħajja tal-persuni dipendenti, bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, essenzjalment għandhom bħala għan li jikkompletaw il-benefiċċji ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard u għandhom, għalhekk, jitqiesu bħala “benefiċċji tal-mard” skond l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1998, Molenaar, C-160/96, Ġabra p. I-843, punti 22 sa 24; tat-8 ta’ Marzu 2001, Jauch, C-215/99, Ġabra p. I-1901, punt 28, u tal-21 ta’ Frar 2006, Hosse, C‑286/03, Ġabra p. I-1771, punt 38).

21      Barra min hekk, hekk kif osserva l-Gvern tal-Vallonja, l-assigurazzjoni għall-kura ma tistax tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 abbażi ta’ l-Artikolu 4(2b) tiegħu, li jirrigwarda ċerti tipi ta’ benefiċċji ta’ natura mhux kontributorja kemm-il darba dawn ikunu rregolati minn dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għal parti biss mit-territorju ta’ Stat Membru.

22      Fil-fatt, kuntrarjament għall-ħtiġiet stabbiliti minn din id-deroga fl-imsemmi Artikolu 4(2a), l-iskema ta’ assigurazzjoni għall-kura in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandha natura kontributorja, peress li hija ffinanzjata, għall-inqas parzjalment, minn kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuni assigurati, u mhijiex imsemmija fl-Anness II, Taqsima III tar-Regolament Nru 1408/71.

23      B’konsegwenza, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-benefiċċji mħallsa taħt skema bħal dik ta’ l-assigurazzjoni għall-kura stabbilita permezz tad-Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999 kif emendat jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 1408/71.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

24      Permezz ta’ dawn iż-żewġ domandi, li għandhom jiġu evalwati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE jew ir-Regolament Nru 1408/71 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ entità federali ta’ Stat Membru li tillimita l-affiljazzjoni ma’ skema bħal dik ta’ l-assigurazzjoni għall-kura in kwistjoni fil-kawża prinċipali u l-vantaġġ tal-benefiċċji previsti minnha għall-persuni residenti fit-territorju li jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ din l-entità kif ukoll dawk li jeżerċitaw attività professjonali f’dan it-territorju u jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, b’tali mod li jiġu esklużi minnha l-persuni li wkoll għandhom impjieg f’din l-entità, iżda li jirrisjedu fit-territorju ta’ entità federali oħra ta’ l-istess Stat.

 Fuq l-ammissibbiltà

25      Il-Gvern Fjamming josserva, b’mod prinċipali, li dawn id-domandi ma huma la utli u lanqas neċessarji għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, b’tali mod li għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

26      Fil-fatt, quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Gvernijiet rikorrenti opponew l-implementazzjoni ta’ din l-iskema ta’ assigurazzjoni għall-kura billi kkontestaw il-kompetenza tal-Komunità Fjamminga dwar il-qasam, filwaqt li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li dawn jirrikonoxxu fil-kuntest tat-tieni u t-tielet domandi twassal għar-riżultat kuntrarju, jiġifieri l-estensjoni tal-benefiċċji ta’ l-assigurazzjoni għall-kura in kwistjoni għall-persuni li jirrisjedu fir-reġjun tal-lingwa Franċiża.

27      Barra minn hekk, skond il-Gvern Fjamming, il-Cour d’arbitrage diġà rrispondiet hija stess għal dawn id-domandi fid-deċiżjoni tar-rinviju billi kkunsidrat li l-iskema ta’ l-assigurazzjoni għall-kura in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma tmurx kontra l-kompetenzi esklużivi ta’ l-awtorità federali fil-qasam ta’ l-unjoni ekonomika ġewwa l-Belġju, b’kunsiderazzjoni ta’ l-ammont u ta’ l-effetti limitati tal-benefiċċji in kwistjoni. Għall-istess raġunijiet, din l-iskema ma tistax tirrestrinġi l-moviment liberu tal-persuni skond it-Trattat.

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali kif prevista fl-Artikolu 234 KE, huma biss il-qrati nazzjonali li quddiemhom jitressqu l-kawżi u li għandhom jassumu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġurisdizzjonali li għandhom jintervjenu sabiex jikkunsidraw, fir-rigward tal-karatteristiċi ta’ kull kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu fil-pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jressqu lill-Qorti tal-Ġustizzja. B’konsegwenza, peress illi d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola ġenerali, marbuta li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 38; tat-22 ta’ Mejju 2003, Korhonen et, C‑18/01, Ġabra p. I-5321, punt 19, kif ukoll tad-19 ta’ April 2007, Asemfo, C-295/05, Ġabra p. I‑2999, punt 30).

29      Minn dan isegwi li l-preżunzjoni ta’ rilevanza li hija marbuta mad-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali tista’ tiġi eskluża f’każijiet eċċezzjonali biss u, b’mod partikolari meta jkun manifestament ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju kkunsidrati f’dawn id-domandi ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 61, u tas-7 ta’ Settembru 1999, Beck u Bergdorf, C‑355/97, Ġabra p. I-4977, punt 22).

30      Madankollu dan mhuwiex il-każ fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li r-risposta għat-tieni u t-tielet domandi li saru mill-Cour d’arbitrage huma utli għaliha sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjoni ta’ residenza, li għaliha hija suġġetta l-ammissjoni għall-benefiċċju ta’ l-iskema ta’ l-assigurazzjoni għall-kura, tiksirx, kif isostnu l-Gvernijiet rikorrenti fil-kuntest tar-rikors tagħhom fil-kawża prinċipali, ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju dwar il-moviment liberu tal-persuni.

31      Għaldaqstant, it-tieni u t-tielet domandi preliminari għandhom jiġu ddikjarati bħala ammissibbli.

 Fuq il-mertu

32      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Gvern Fjamming isostni li dawn id-domandi jirrigwardaw biss sitwazzjoni purament interna li ma tippreżenta l-ebda rabta mad-dritt Komunitarju, jiġifieri dik li tirriżulta min-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999 kif emendat lil persuni li fl-istess ħin jirrisjedu fil-Belġju u li jeżerċitaw hemmhekk attività professjonali.

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, ir-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni u l-atti għall-implementazzjoni tagħhom ma jistgħux jiġu applikati għal attivitajiet li ma jippreżentaw l-ebda fattur ta’ rabta ma’ kwalunkwe mis-sitwazzjonijiet previsti mid-dritt Komunitarju u fejn l-elementi rilevanti kollha tagħhom huma ristretti għal Stat Membru wieħed (ara, b’mod partikolari, f’dak li jikkonċerna rispettivament il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-ħaddiema, is-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 1987, Gauchard, 20/87, Ġabra p. 4879, punti 12 u 13, kif ukoll tas-26 ta’ Jannar 1999, Terhoeve, C‑18/95, Ġabra p. I‑345, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istess japplika f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Settembru 1992, Petit, C-153/91, Ġabra p. I-4973, punt 10, u tal-11 ta’ Ottubru 2001, Khalil et, C-95/99 sa C-98/99 u C-180/99, Ġabra p. I-7413, punt 70).

34      Min-naħa l-oħra, hekk kif enfasizzat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, kull ċittadin Komunitarju, indipendentement mill-post tar-residenza u min-nazzjonalità tiegħu, li jkun eżerċita d-dritt tal-moviment liberu tal-ħaddiema u li eżerċita attività professjonali fi Stat Membru ieħor, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Frar 1994 Scholz, C-419/92, Ġabra p. I-505, punt 9; Terhoeve, iċċitata iktar’il fuq, punt 27, kif ukoll tat-18 ta’ Lulju 2007, Hartmann, C‑212/05, Ġabra p. I‑6303, punt 17).

35      F’dan il-każ, huwa paċifiku li t-tieni u t-tielet domandi li saru mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw il-persuni kollha, kemm jekk dawn kinux eżerċitaw jew le waħda mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, li jeżerċitaw attività professjonali fir-reġjun fejn huwa mitkellem l-Olandiż jew fir-reġjun bilingwi ta’ Brussell-Kapitali, iżda li, minħabba l-fatt li huma jirrisjedu f’parti mit-territorju nazzjonali li jinsab barra minn dawn iż-żewġ reġjuni, ma jistgħux jibbenefikaw mill-iskema ta’ l-assigurazzjoni għall-kura in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa neċessarju li ssir distinzjoni, fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza, bejn żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet.

37      Minn naħa waħda, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali twassal b’mod partikolari għall-esklużjoni mill-iskema ta’ l-assigurazzjoni għall-kura taċ-ċittadini Belġjani li jeżerċitaw attività professjonali fit-territorju tar-reġjun fejn hija mitkelma l-lingwa Olandiża jew f’dak tar-reġjun bilingwi ta’ Brussell-Kapitali, iżda li jirrisjedu fir-reġjuni ta’ lingwa Franċiża jew Ġermaniża u li qatt ma eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom ġewwa l-Komunità Ewropea.

38      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li d-dritt Komunitarju ma jistax jiġi applikat għal tali sitwazzjonijiet purament interni.

39      Fid-dawl ta’ dan, ma jistax jiġi prekluż, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxi l-Gvern tal-Komunità Franċiża, il-prinċipju taċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni Ewropea stabbilit fl-Artikolu 17 KE, li b’mod partikolari jinkludi, skond l-Artikolu 18 KE, id-dritt ta’ kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kemm-il darba li ċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni m’għandhiex bħala għan li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat għal sitwazzjonijiet interni li m’għandhom ebda rabta mad-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, Uecker u Jacquet, C-64/96 u C-65/96, Ġabra p. I‑3171, punt 23; tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello, C-148/02, Ġabra p. I-11613, punt 26, u tat-12 ta’ Lulju 2005, Schempp, C-403/03, Ġabra p. I‑6421, punt 20).

40      Madankollu, għandu jiġi osservat li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju tista’ eventwalment tkun utli għall-qorti nazzjonali, inkluż fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet ikkwalifikati bħala purament interni, b’mod partikolari fil-każ fejn id-dritt ta’ l-Istat Membru in kwistjoni jimponi li kull ċittadin nazzjonali għandu jibbenefika mill-istess drittijiet bħal dawk li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jieħu mid-dritt Komunitarju f’sitwazzjoni kkunsidrata minn din il-qorti bħala paragunabbli (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-17 ta’ Frar 2005, Mauri, C-250/03, Ġabra p. I-1267, punt 21, u s-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C‑451/03, Ġabra p. I‑2941, punt 29).

41      Min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ wkoll teskludi mill-iskema ta’ l-assigurazzjoni għall-kura lill-impjegati jew lil dawk li jaħdmu għal rashom li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, jiġifieri kemm iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri differenti mir-Renju tal-Belġju li jeżerċitaw attività professjonali fir-reġjun fejn hu mitkellem l-Olandiż jew fir-reġjun bilingwi ta’ Brussell-Kapitali, iżda li jirrisjedu f’parti oħra mit-territorju nazzjonali, kif ukoll ir-residenti Belġjani li jinsabu fl-istess sitwazzjoni u li għamlu użu mid-dritt tagħhom ta’ moviment liberu.

42      Għaldaqstant, f’dak li jikkonċerna din it-tieni kategorija ta’ ħaddiema, għandu jiġi evalwat jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li tagħhom qed tintalab l-interpretazzjoni mill-qorti tar-rinviju jipprekludux leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali safejn din tapplika għal ċittadini ta’ Stati Membri differenti minn dawk tar-Renju tal-Belġju jew għal ċittadini Belġjani li għamlu użu mid-dritt tagħhom ta’ moviment liberu fil-Komunità Ewropea.

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom fir-rigward tat-tmexxija tas-sistemi tagħhom tas-sigurtà soċjali, madankollu huma għandhom, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, jirrispettaw id-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u d-dritt ta’ stabbiliment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Terhoeve, iċċitata iktar’il fuq, punti 34 u 35, kif ukoll is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2000, Elsen, C-135/99, Ġabra p. I-10409, punt 33).

44      Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta wkoll li d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni għandhom l-għan li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini Komunitarji, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kull natura fit-territorju tal-Komunità u jipprekludu miżuri li jistgħu jiżvantaġġjaw lil dawn iċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1988, Wolf et, 154/87 u 155/87, Ġabra p. 3897, punt 13; Terhoeve, iċċitata iktar’il fuq, punt 37, u tal-11 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-318/05, Ġabra p. I-6957, punt 114). F’dan il-kuntest iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari d-dritt, li huma jieħdu direttament mit-Trattat, li jitilqu mill-Istat ta’ origini tagħhom sabiex imorru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li jgħixu fih sabiex jeżerċitaw attività ekonomika hemmhekk (ara, b’mod partikolari, sentenzi ċċitati iktar’il fuq Bosman, punt 95, u Terhoeve, punt 38).

45      B’konsegwenza, l-Artikoli 39 KE u 43 KE jipprekludu kull miżura nazzjonali li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, jistgħu jfixklu jew jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju, min-naħa taċ-ċittadini Komunitarji, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus, C-19/92, Ġabra p. I‑1663, punt 32; tad-9 ta’ Settembru 2003, Burbaud, C-285/01, Ġabra p. I‑8219, punt 95, u tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France, C-442/02, Ġabra p. I-8961, punt 11).

46      Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, ġew b’mod partikolari kkwalifikati bħala ostakli dawk il-miżuri li għandhom bħala effett li jtellfu lill-ħaddiema, bl-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu tagħhom, il-vantaġġi ta’ sigurtà soċjali li tassiguralhom il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 1993, Lepore u Scamuffa, C-45/92 u C-46/92, Ġabra p. I-6497, punt 21; tal-5 ta’ Ottubru 1994, van Munster, C‑165/91, Ġabra p. I-4661, punt 27, kif ukoll Hosse, iċċitata iktar’il fuq, punt 24).

47      Madankollu, leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija ta’ natura li tipproduċi tali effetti restrittivi, safejn din tissuġġetta l-affiljazzjoni ma’ l-iskema ta’ l-assigurazzjoni għall-kura għal kundizzjoni ta’ residenza kemm f’parti limitata mit-territorju nazzjonali, jiġifieri r-reġjun ta’ fejn hija mitkelma l-lingwa Olandiża u r-reġjun bilingwi ta’ Brussell-Kapitali, kemm fi Stat Membru ieħor.

48      Fil-fatt, ħaddiema migranti, li jeżerċitaw jew li jaħsbu biex jeżerċitaw attività bħala impjegati jew għal rashom f’wieħed minn dawn iż-żewġ reġjuni, jistgħu jiġu dissważi milli jagħmlu użu mil-libertà ta’ moviment tagħhom u li jitilqu l-Istat Membru ta’ l-oriġini tagħhom sabiex jirrisjedu fil-Belġju, minħabba l-fatt li l-installazzjoni tagħhom f’ċerti partijiet tat-territorju Belġjan twassal għat-telfien tal-possibbiltà li jibbenifikaw minn benefiċċji li, f’ċirkustanzi oħra, huma setgħu jitolbu. Fi kliem ieħor, il-fatt li l-impjegati jew il-persuni li jaħdmu għal rashom ikkonċernati jinsabu fis-sitwazzjoni li fiha jissubixxu kemm it-telfa tal-benefiċċju ta’ l-assigurazzjoni għall-kura, kif ukoll limitazzjoni fl-għażla tal-post fejn jitrasferixxu r-residenza tagħhom jista’, f’kull każ, jostakola l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-Artikoli 39 KE u 43 KE.

49      F’dan ir-rigward, ftit jimporta, kuntrarjament għal dak li essenzjalment isostni l-Gvern Fjamming, li d-divrenzjar in kwistjoni hija bbażata biss fuq il-post ta’ residenza fit-territorju nazzjonali u mhux fuq xi kundizzjoni ta’ nazzjonalità, b’ mod li taffettwa bl-istess mod lill-impjegati jew lill-persuni li jaħdmu għal rashom kollha li jirrisjedu fil-Belġju.

50      Fil-fatt, sabiex miżura tirrestrinġi l-moviment liberu, mhuwiex neċessarju li tkun fondata fuq in-nazzjonalità tal-perusuni kkonċernati u lanqas li jkollha bħala effett li tiffavorixxi lill-ħaddiema nazzjonali kollha jew li tiżfavorixxi biss lil ċittadini ta’ l-Istati Membri oħra bl-esklużjoni tal-ħaddiema nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2000, Angonese, C‑281/98, Ġabra p. I-4139, punt 41, u tas-16 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑388/01, Ġabra p. I‑721, punt 14). Huwa biżżejjed, kif inhu l-każ ta’ l-iskema ta’ l-assigurazzjoni għall-kura in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-miżura vantaġġuża tkun ta’ benefiċċju għal ċerti kategoriji ta’ persuni li jeżerċitaw attività professjonali fl-Istat Membru in kwistjoni (ara, b’analoġija, fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-353/89, Ġabra p. I-4069, punt 25, u tat-13 ta’ Diċembru 2007, United Pan-Europe Communications Belgium et, C‑250/06, Ġabra p.I-11135, punt 37).

51      Barra minn hekk, hekk kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 64 sa 67 tal-konklużjonijiet tagħha, l-effetti restrittivi maħluqa mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala wisq inċerti jew indiretti sabiex din ma tkunx tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi ostakolu li jmur kontra l-Artikolu 39 KE u 43 KE. B’mod partikolari, bid-differenza tal-kawża li tat lok għas-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2000, Graf (C-190/98, Ġabra p. I-493), li rrifera għaliha l-Gvern Fjamming matul is-seduta, il-possibbiltà ta’ tgawdija ta’ benefiċċji ta’ l-assigurazzjoni għall-kura in kwistjoni ma tiddependix fuq avveniment futur u ipotetiku għall-impjegat jew għal persuna li taħdem għal rasha in kwistjoni, iżda fuq ċirkustanza marbuta, minnha nfisha, ma’ l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu, jiġifieri l-għażla tal-post ta’ trasferiment tar-residenza tiegħu.

52      Bl-istess mod, fir-rigward ta’ l-argument tal-Gvern Fjamming li din il-leġiżlazzjoni jista’ jkollha biss, f’kull każ, effett marġinali fuq il-moviment liberu, b’kunsiderazzjoni tan-natura limitata ta’ l-ammont tal-benefiċċji in kwistjoni u tan-numru ta’ persuni kkonċernati, biżżejjed li jiġi osservat li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapitali jikkostitwixxu dispożizzjonijiet fundamentali għall-Komunità u li kull ostakolu, anki ta’ importanza minuri, għal din il-liberta huwa pprojbit (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1989, Corsica Ferries France, C-49/89, Ġabra p. 4441, punt 8, u tal-15 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C-169/98, Ġabra p. I-1049, punt 46).

53      F’kull każ, ma jistax jiġi eskluż, b’mod partikolari fir-rigward ta’ fenomeni bħaż-żieda fl-età tal-popolazzjoni, li l-perspettiva li jista’ jkun hemm tgawdija jew le tal-benefiċċji ta’ dipendenza bħal dawk offerti mill-iskema ta’ l-assigurazzjoni għall-kura in kwistjoni fil-kawża prinċipali tittieħed in kunsiderazzjoni mill-persuni kkonċernati fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu.

54      Isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali toħloq ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema u għal-libertà ta’ stabbiliment, bħala prinċipju pprojbit mill-Artikoli 39 KE u 43 KE.

55      Skond ġurisprudenza ferm stabbilita, miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu jew jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat jistgħu jkunu ammessi biss bil-kundizzjoni li jsegwu għan ta’ interess pubbliku, li jkunu adegwati sabiex jiggarantixxu li jintlaħaq dan l-għan, u li ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imsegwi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant, C-9/02, Ġabra p. I-2409, punt 49, u tat-18 ta’ Jannar 2007, Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja, C‑104/06, Ġabra p. I‑671, punt 25).

56      Madankollu, la l-inkartament ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju u lanqas l-osservazzjonijiet tal-Gvern Fjamming ma fihom elementi ta’ natura li jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni, għall-persuni li jeżerċitaw attività professjonali fir-reġjun fejn hija mitkelma l-lingwa Olandiża jew fir-reġjun bilingwi ta’ Brussell-Kapitali, ta’ kundizzjoni ta’ residenza kemm f’wieħed minn dawn iż-żewġ reġjuni, kif ukoll fi Stat Membru ieħor għall-finijiet ta’ l-ammissjoni għall-benefiċċju ta’ l-assigurazzjoni għall-kura in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

57      F’dan ir-rigward, il-Gvern Fjamming jagħmel referenza biss għall-ħtiġiet inerenti għat-tqassim tas-setgħat fi ħdan l-istruttura federali Belġjana u, b’mod partikolari, għall-fatt li l-Komunità Fjamminga ma tista’ teżerċita l-ebda kompetenza dwar il-qasam ta’ l-assigurazzjoni għall-kura fir-rigward ta’ persuni residenti fit-territorju ta’ komunitajiet lingwistiċi oħra tar-Renju tal-Belġju.

58      Madankollu, dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, hekk kif osservaw l-Avukat Ġenerali fil-punti 101 sa 103 tal-konklużjonijiet tagħha kif ukoll il-Kummissjoni, minn ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li awtorità ta’ Stat Membru ma tistax teċċepixxi dispożizzjonijiet, prattiċi jew sitwazzjonijiet mis-sistema legali interna tagħha, inklużi dawk li jirriżultaw mill-organizzazzjoni kostituzzjonali ta’ dan l-Istat, sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza ta’ l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-10 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑87/02, Ġabra p. I‑5975, punt 38, u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑102/06, Ġabra p. I-111, punt 9).

59      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikoli 39 KE u 43 KE jipprekludu kundizzjoni ta’ residenza bħal dik prevista mid-Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999 kif emendat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex neċessarju li jiġi kkunsidrat eventwali ksur tar-Regolament Nru 1408/71, u b’mod partikolari ta’ l-Artikolu 3(1) tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza Terhoeve, iċċitata iktar’il fuq, punt 41). Lanqas ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni li tista’ tiġi pprojbita mill-Artikolu 18 KE, peress illi l-Artikoli 39 KE u 43 KE jikkostitwixxu espressjoni speċifika f’dak li jikkonċerna l-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà ta’ stabbiliment.

60      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tieni u t-tielet domanda għandha tkun li l-Artikoli 39 KE u 43 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ entità federali ta’ Stat Membru, bħal dik li tirregola l-assigurazzjoni għall-kura stabbilita mill-Komunità Fjamminga, permezz tad-Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999 kif emendat, li tillimita l-affiljazzjoni ma’ skema ta’ sigurtà soċjali u l-vantaġġ tal-benefiċċji previsti minnha għall-persuni li jew huma residenti fit-territorju li jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ din l-entità, jew li jeżerċitaw attività professjonali fuq dan l-istess territorju filwaqt li jkunu residenti fi Stat Membru ieħor, safejn tali limitazzjoni tolqot lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra jew lil ċittadini nazzjonali li għamlu użu mid-dritt ta’ moviment liberu tagħhom ġewwa l-Komunità Ewropea.

 Fuq ir-raba’ domanda

61      Ir-raba’ domanda tirrigwarda l-konsegwenzi marbuta mal-konstatazzjoni mill-qorti nazzjonali ta’ l-inkompatibbilità tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali mad-dritt Komunitarju, li jkollha l-effett, skond il-qorti msemmija, li tistabbilixxi mill-ġdid l-iskema fis-seħħ qabel l-adozzjoni tad-Digriet tat-30 ta’ April 2004. B’mod iktar preċiż, din tistaqsi dwar jekk l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE jipprekludux skema li tillimita l-ammissjoni għall-benefiċċju ta’ l-assigurazzjoni għall-kura biss għall-persuni residenti fir-reġjun fejn hu mitkellem l-Olandiż u fir-reġjun bilingwi ta’ Brussell-Kapitali.

62      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 47 sa 59 ta’ din is-sentenza b’risposta għat tieni u t-tielet domandi japplikaw, b’iktar raġuni, għal leġiżlazzjoni li tinkludi restrizzjoni supplementari meta mqabbla ma’ l-iskema applikabbli wara l-adozzjoni tad-Digriet tat-30 ta’ April 2004, peress li din il-leġiżlazzjoni kienet teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha lill-persuni kollha li jeżerċitaw attività professjonali fir-reġjun fejn hu mitkellem l-Olandiż jew fir-reġjun bilingwi ta’ Brussell-Kapitali, iżda li għandhom ir-residenza tagħhom barra minn dawn iż-żewġ regjuni, b’hekk inklużi l-persuni li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor.

63      Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikoli 39 KE u 43 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ entità federali ta’ Stat Membru li tillimita l-affiljazzjoni għal skema ta’ sigurtà soċjali u l-vantaġġ tal-benefiċċji previsti minnha biss għall-persuni li jirrisjedu fit-territorju ta’ din l-entità, safejn tali limitazzjoni tolqot lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jeżerċitaw attività professjonali fit-territorju ta’ din l-entità, jew lil ċittadini nazzjonali li jkunu għamlu użu mid-dritt ta’ moviment liberu tagħhom ġewwa l-Komunità Ewropea.

 Fuq l-ispejjeż

64      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-benefiċċji mħallsa taħt skema bħal dik ta’ l-assigurazzjoni għall-kura stabbilita permezz tad-Digriet tal-Parlament Fjamming dwar l-organizzazzjoni ta’ l-assigurazzjoni għall-kura (Decreet houdende de organisatie van de zorgverzekering), tat-30 ta’ Marzu 1999, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mid-Digriet tal-Parlament Fjamming li jemenda d-Digriet tat-30 ta’ Marzu 2004 dwar l-organizzazzjoni ta’ l-assigurazzjoni għall-kura (Decreet van de Vlaamse Gemeenschap houdende wijziging van het decreet van 30 maart 1999 houdende de organisatie van de zorgverzekering), tat-30 ta’ April 2004, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 307/1999, tat-8 ta’ Frar 1999.

2)      L-Artikoli 39 KE u 43 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ entità federali ta’ Stat Membru, bħal dik li tirregola l-assigurazzjoni għall-kura stabbilita mill-Komunità Fjamminga tal-Belġju, permezz ta’ dan id-Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mid-Digriet tal-Parlament Fjamming tat-30 ta’ April 2004, li tillimita l-affiljazzjoni ma’ skema ta’ sigurtà soċjali u l-vantaġġ tal-benefiċċji previsti minnha għall-persuni li jew huma residenti fit-territorju li jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ din l-entità, jew li jeżerċitaw attività professjonali fuq dan l-istess territorju filwaqt li jkunu residenti fi Stat Membru ieħor, safejn tali limitazzjoni tolqot lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra jew lil ċittadini nazzjonali li għamlu użu mid-dritt ta’ moviment liberu tagħhom ġewwa l-Komunità Ewropea.

3)      L-Artikoli 39 KE u 43 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ entità federali ta’ Stat Membru li tillimita l-affiljazzjoni għal skema ta’ sigurtà soċjali u l-vantaġġ tal-benefiċċji previsti minnha biss għall-persuni li jirrisjedu fit-territorju ta’ din l-entità, safejn tali limitazzjoni tolqot lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jeżerċitaw attività professjonali fit-territorju ta’ din l-entità, jew lil ċittadini nazzjonali li jkunu għamlu użu mid-dritt ta’ moviment liberu tagħhom ġewwa l-Komunità Ewropea.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.