Language of document : ECLI:EU:C:2008:117

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

26 ta’ Frar 2008 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Regolament (KEE) Nru 2081/92 – Protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti ta’ l-ikel – Ġobon ‘Parmigiano Reggiano’ – Użu tad-denominazzjoni ‘parmesan’ – Obbligu għal Stat Membru li jissanzjona ex officio l-użu abbużiv ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta”

Fil-kawża C‑132/05,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fil-21 ta’ Marzu 2005,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. de March, S. Grünheid u B. Martenczuk, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn T. Boček, bħala aġent,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Aiello, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u A. Dittrich, bħala aġenti, assistiti minn M. Loschelder, Rechtsanwalt,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn J. Molde, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija, irrappreżentata minn E. Riedl, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts u U. Lõhmus, Presidenti ta’ l-Awla, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), K. Schiemann, P. Kūris, E. Juhász, E. Levits u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Frar 2007,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, meta rrifjutat formalment li tissanzjona, fit-territorju tagħha, l-użu tad-denominazzjoni “parmesan” fuq it-tikkettjar ta’ prodotti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tad-denominazzjoni protetta ta’ oriġini (iktar’il quddiem id-“DPO”) “Parmigiano Reggiano”, u b’hekk inkoraġġiet l-użu ħażin tar-reputazzjoni li jibbenefika minnha l-prodott awtentiku protett fuq il-livell Komunitarju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 ta’ l-14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel (ĠU L 208, p. 1).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Ir-Regolament Nru 2081/92 jistabbilixxi protezzjoni tal-Komunità għad-denominazzjoni ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti ta’ l-ikel.

3        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2081/92 jipprovdi:

“1.      Il-protezzjoni tal-Komunità għad-denominazzjoni ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel għandha tingħata skond dan ir-Regolament.

2.      Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

a)      denominazzjoni ta’ oriġini: dan ifisser l-isem ta’ reġjun, post speċifiku jew, f’każijiet eċċezzjonali, pajjiż, użati sabiex jiddeskrivu prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel:

–        illi joriġinaw f’dak ir-reġjun, post speċifiku jew pajjiż;

u

–        li għandhom kwalitajiet jew karatteristiċi li huma kkawżati essenzjalment jew esklussivament minħabba ambjent ġeografiku partikolari inklużi l-fatturi naturali u umani tiegħu, u li l-produzzjoni, l-ipproċessar u t-tħejjija tagħhom iseħħu fiż-żona ġeografika definita;

[...]” 

4        L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament huwa miktub kif ġej:

“Ismijiet li jkunu saru ġeneriċi ma jistgħux jiġu reġistrati.

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘isem li sar ġeneriku’ ifisser l-isem ta’ prodott agrikolu jew ta’ l-ikel illi, minkejja li huwa relatat mal-post jew mar-reġjun fejn dan il-prodott jew dan l-ikel ġie magħmul jew manufatturat oriġinarjament, dan l-isem ikun sar l-isem komuni ta’ prodott agrikolu jew ta’ prodott ta’ l-ikel.

Sabiex jiġi stabbilit jekk isem sarx ġeneriku jew le, għandhom jiġu meqjusa l-fatturi kollha, b’mod partikolari:

–        is-sitwazzjoni eżistenti fl-Istat Membru fejn joriġina l-isem u fiż-żoni tal-konsum,

–        is-sitwazzjoni eżistenti fl-Istati Membri l-oħra,

–        il-liġijiet relevanti nazzjonali jew tal-Komunità.

[...]”

5        Skond l-Artikolu 4(2)(g) tar-Regolament Nru 2081/92, l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott għandha tinkludi ta’ mill-inqas “[i]d-dettalji ta’ l-istrutturi ta’ spezzjoni stabbiliti fl-Artikolu 10”. 

6        L-Artikolu 5(3) u (4) ta’ dan ir-Regolament jipprovdi:

“3.      L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għandha tinkludi l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott msemmija fl-Artikolu 4.

4.      L-applikazzjoni għandha tintbagħat lill-Istat Membru fejn tinsab iż-żona ġeografika”.

7        L-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament jipprovdi:

“1.      L-Istati membri għandhom jiżguraw illi mhux iktar minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-istrutturi ta’ l-ispezzjoni jkunu f’posthom, u l-funzjoni tagħom għandha tkun illi l-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel li għandhom isem protett huma konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet.

2.      Struttura ta’ spezzjoni tista’ tikkonsisti f’awtorità jew awtoritajiet imsemmija u/jew għaqdiet privati approvati għal dak l-iskop mill-Istat Membru. L-Istati Membri għandhom jibagħtu listi ta’ l-awtoritajiet u/jew l-għaqdiet approvati u tal-poteri rispettivi tagħhom lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dawk id-dettalji fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

3.      L-awtoritajiet ta’ spezzjoni nominati u/jew l-għaqdiet privati approvati għandhom joffru garanziji biżżejjed ta’ oġġettività u imparzjalità fir-rigward tal-produtturi u l-proċessuri kollha taħt il-kontroll tagħhom u għandhom juru li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom il-ħaddiema kkwalifikati u r-riżorsi meħtieġa sabiex jispezzjonaw il-prodotti agrikoli u l-ikel li għandhom isem protett.

Jekk xi struttura ta’ spezzjoni tuża s-servizzi ta’entità oħra għal xi spezzjonijiet, dik l-għaqda għandha tagħti l-istess garanziji. F’dik l-eventwalità, l-awtoritajiet ta’ spezzjoni nominati u/jew l-entitajiet privati approvati għandhom jibqgħu jkunu responsabbli fil-konfront ta’ l-Istat Membru għall-ispezzjonijiet kollha.

Sa mill-1 ta’ Jannar 1998, sabiex jiġu approvati mill-Istati Membri għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, l-entitajiet privati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl- istandard EN 45011 tas-26 ta’ Ġunju 1989.

4.      Jekk awtorità ta’ spezzjoni nnominata u/jew għaqda privata fi Stat Membru tistabbilixxi illi prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel li għandhom deskrizzjoni ta’ oriġini prottetta f’dak l-Istat Membru ma jissodisfawx il-kriterji ta’ l-ispeċifikazzjoni, għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw illi dan ir-Regolament jiġi mħares. […]

5.      Stat Membru għandu jirtira l-approvazzjoni għal għaqda ta’ spezzjoni meta l-kriterji msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ma jibqgħux aktar sodisfatti. Għandu jinforma lill-Kummissjoni, li għandha tippubblika lista reveduta ta’ l-għaqdiet approvati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

6.      L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi produttur li jikkonforma ma’ dan ir-Regolament ikollu aċċess għas-sistema ta’ spezzjoni.

7.      L-ispejjeż ta’ l-ispezzjoni msemmija f’dan ir-Regolament għandhom jitħallsu mill-produtturi li jużaw l-isem protett”.

8        Skond l-Artikolu 13 ta’ l-istess Regolament:

“1.      L-ismijiet irreġistrati għandhom jkunu protetti kontra:

[…]

b)      kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, anke jekk l-oriġini vera tal-prodott hija ndikata jew jekk l-isem protett huwa tradott jew użat flimkien ma’ xi espressjoni bħal m’huma “stil”, “tip”, “metodu”, “kif prodott fi”, “imitazzjoni”, jew “simili”;

[…]

Meta isem irreġistrat jkun jinkludi l-isem ta’ prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel li huwa meqjus bħala ġeneriku, l-użu ta’ dak l-isem ġeneriku u l-prodott agrikolu jew il-prodott ta’ l-ikel m’għandux jitqies li bħala kuntrarju għal (a) jew (b) fl-ewwel subparagrafu.

[…]

3.      L-ismijiet protetti ma jistgħux isiru ġeneriċi”.

9        Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ oriġini taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 (ĠU L 148, p. 1), u tat-Taqsima A ta’ l-Anness ta’ dan ir-Regolament, id-denominazzjoni “Parmigiano Reggiano” tikkostitwixxi DPO sa mill-21 ta’ Ġunju 1996.

 Il-proċedura prekontenzjuża

10      Wara ilment mingħand diversi operaturi ekonomiċi, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tal-15 ta’ April 2003, talbet lill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex jagħtu istruzzjonijiet ċari lill-awtoritajiet li kellhom il-kompitu li jabolixxu l-frodi, sabiex itemmu l-kummerċjalizzazzjoni fit-territorju Ġermaniż ta’ prodotti ddenominati “parmesan” li ma jkunux konformi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tad-DPO “Parmigiano Regiano”. It-terminu “parmesan” kien, skond il-Kummissjoni, it-traduzzjoni tad-DPO “Parmigiano Reggiano”, u għalhekk l-użu tiegħu jikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 2081/92.

11      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rrispondiet, permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Mejju 2003, li t-terminu “parmesan”, li ċertament kellu oriġini storika marbuta mar-reġjun ta’ Parma, kien sar denominazzjoni ġenerika li tirreferi għal ġobon iebes ta’ diversi provenjenzi, maħkuk u intiż sabiex jiġi maħkuk, u distint mid-DPO “Parmigiano Reggiano”. Minħabba dan il-fatt, l-użu ta’ dan it-terminu ma jikkostitwixxix ksur tar-Regolament Nru 2081/92.

12      Fis-17 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni indirizzat ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li l-Istat Membru rrisponda għaliha permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Diċembru 2003.

13      Peress li ma kinitx sodisfatta bl-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fit-30 ta’ Marzu 2004, fejn stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din l-opinjoni motivata.

14      B’ittra tal-15 ta’ Lulju 2004, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja indikat lill-Kummissjoni li hija kienet ser iżżomm mal-pożizzjoni preċedenti tagħha.

15      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

16      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2005, ir-Repubblika Taljana, minn naħa, u r-Renju tad-Danimarka kif ukoll ir-Repubblika ta’ l-Awstrija, min-naħa l-oħra, tħallew jintervjenu in sostenn tat-talbiet rispettivament tal-Kummissjoni u tar-Repubbika Federali tal-Ġermanja.

17      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Mejju 2006, ir-Repubblika Ċeka tħallet tintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

18      In sostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tinvoka ilment wieħed, ibbażat fuq ir-rifjut tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tissanzjona, fit-territorju tagħha, l-użu tad-denominazzjoni “parmesan” fuq it-tikkettjar ta’ prodotti li ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tad-DPO “Parmigiano Reggiano”.

19      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi ta’ tlett motivi:

–        l-ewwel nett, denominazzjoni ta’ l-oriġini mhijiex protetta skond l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2081/92 ħlief taħt il-forma eżatta li fiha hija rreġistrata;

–        it-tieni nett, l-użu tal-kelma “parmesan” ma jwassalx għal ksur tal-protezzjoni tad-denominazzjoni ta’ l-oriġini “Parmigiano Reggiano”, u

–        fit-tielet lok, hija m’għandhiex l-obbligu li tippenalizza ex officio il-ksur ta’ l-imsemmi Artikolu 13.

 Fuq il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet komposti

20      Il-Kummissjoni ssostni li s-sistema ta’ protezzjoni tal-Komunità hija sostnuta mill-prinċipju skond liema r-reġistrazzjoni ta’ denominazzjoni li tinkludi bosta termini tagħti l-protezzjoni tad-dritt Komunitarju kemm lill-elementi li jikkostitwixxu d-denominazzjoni komposta kif ukoll id-denominazzjoni fl-intier tagħha. Il-protezzjoni effettiva tad-denominazzjonijiet komposti timplika, b’konsegwenza li, bħala prinċipju, l-elementi kollha li jikkostitwixxu denominazzjoni komposta huma protetti kontra l-użu abużiv. Il-Kummissjoni tqis li, sabiex tiggarantixxi din il-protezzjoni, ir-Regolament Nru 2081/92 ma jeħtieġx ir-reġistrazzjoni ta’ kull wieħed mill-elementi ta’ denominazzjoni komposta li jistgħu jiġu protetti, iżda ssostni l-prinċipju li kull wieħed minn dawn l-elementi jibbenefika minn protezzjoni intrinsika. Tali interpretazzjoni kienet ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 1998, Chiciak u Fol (C-129/97 u C-130/97, Ġabra p. I-3315).

21      Il-Kummissjoni targumenta li l-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-elementi kostituttivi kollha ta’ denominazzjoni komposta għandu eċċezzjoni waħda, prevista fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 2081/92, jiġifieri li l-użu ta’ element iżolat ta’ denominazzjoni komposta mhuwiex ikkunsidrat bħala li jmur kontra l-Artikolu 13(1)(a) u (b) ta’ dan ir-Regolament, meta l-element in kwistjoni huwa l-isem ta’ prodott agrikolu jew ta’ prodott ta’ l-ikel ikkunsidrat bħala denominazzjoni ġenerika. Madankollu, din id-dispożizzjoni hija superfluwa jekk jista’ jiġi kkunsidrat li l-elementi kostituttivi differenti ta’ denominazzjonijiet li huma rreġistrati biss taħt il-forma ta’ denominazzjonijiet komposti ma jibbenefikaw minn ebda protezzjoni.

22      Minbarra dan, element kostituttiv iżolat ta’ denominazzjoni komposta ma jibbenefikax mill-protezzjoni tar-Regolament Nru 2081/92 meta l-Istati Membri kkonċernati jkunu indikaw, matul il-komunikazzjoni tad-denominazzjoni komposta in kwistjoni, li l-protezzjoni ma kinitx mitluba għal ċerti partijiet ta’ din id-denominazzjoni.

23      Il-Kummissjoni kienet ħadet dan in kunsiderazzjoni meta stabbiliet ir-Regolament Nru 1107/96, billi ppreċiżat, f’dan il-każ, f’nota f’qiegħ il-paġna, li l-protezzjoni ta’ parti mid-denominazzjoni kkonċernata ma kinitx mitluba.

24      Fil-każ tad-denominazzjoni “Parmigiano Reggiano” ma kien hemm ebda referenza f’nota f’qiegħ tal-paġna għal wieħed minn dawn iż-żewġ elementi kostituttivi.

25      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrispondi li DPO ma tibbenefikax mill-protezzjoni skond l-Artikolu 2081/92 ħlief taħt il-forma eżatta li fiha hija rreġistrata. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-argument ikkontestat ma jistax jiġi dedott mis-sentenza Chiciak u Fol, iċċitata iktar’il fuq.

26      Minbarra dan, fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2002, Bigi (C-66/011, Ġabra p. I-5917), ir-Repubblika Taljana stess kienet espressament ikkonfermat li kienet irrinunzjat li tirreġistra d-denominazzjoni “Parmigiano”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fin-nuqqas ta’ reġistrazzjoni, din id-denominazzjoni ma taqax taħt il-protezzjoni tad-dritt Komunitarju.

27      F’dan ir-rigward, jirriżulta mit-tmien premessa tar-Regolament Nru 1107/96 li “ċerti Stati Membri għarrfu li ma ntalbitx protezzjoni għal uħud mill-partijiet tad-deskrizzjonijiet u dan għandu jitqies”.

28      Ir-Regolament Nru 1107/96 jippreċiża, permezz tar-referenzi fin-noti f’qiegħ il-paġna ta’ l-Anness tiegħu, il-każijiet li fihom il-protezzjoni ta’ parti tad-denominazzjoni kkonċernata ma tkunx ġiet mitluba.

29      Hemm lok, madankollu, li jiġi rrilevat li n-nuqqas ta’ eżistenza ta’ dikjarazzjoni li tikkonferma li, għal ċerti komponimenti ta’ denominazzjoni, il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2081/92 ma kinitx ġiet mitluba, ma jistax jikkostitwixxi bażi suffiċjenti sabiex jiddetermina l-portata ta’ din il-protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Chiciak u Fol, iċċitata iktar’il fuq, punt 37).

30      Fis-sistema ta’ protezzjoni maħluqa mir-Regolament Nru 2081/92, il-kwistjonijiet dwar il-protezzjoni li għandha tingħata lil komponimenti differenti ta’ denominazzjoni, u b’mod partikolari dawk sabiex jiġi deċiż jekk dan kienx isem ġeneriku jew komponiment protett kontra l-prattiki msemmija fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament, jaqgħu taħt evalwazzjoni li hija l-kompetenza tal-qorti nazzjonali li tagħmel, abbażi ta’ analiżi ddettaljata tal-kuntest fattwali ppreżentat quddiemha mill-partijiet interessati (sentenza Chiciak u Fol, iċċitata iktar’il fuq, punt 38).

31      F’dawn il-kundizzjonijiet, l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, skond liema DPO ma tibbenefikax mill-protezzjoni skond l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2081/92 ħlief taħt il-forma eżatta li fiha hija rreġistrata, ma jistax jiġi aċċettat.

 Fuq il-ħsara magħmula lid-DPO “Parmigiano Reggiano”

32      Skond il-Kummissjoni, iċ-ċirkulazzjoni taħt id-denominazzjoni “parmesan” ta’ ġobon mhux konformi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tad-DPO “Parmiginao Reggiano” jikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 2081/92, peress illi lt-terminu “parmesan” huwa t-traduzzjoni korretta tad-DPO “Parmigiano Reggiano”. It-traduzzjoni, bħad-DPO fil-lingwa ta’ l-Istat Membru li kiseb ir-reġistrazzjoni ta’ din id-denominazzjoni, hija esklużivament irriżervata għall-prodotti li huma konformi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott.

33      Il-Kummissjoni żżid li, kif turi r-rabta stretta, sostnuta mill-evoluzzjoni storika, bejn ir-reġjun ġeografiku partikolari ta’ l-Italja minn fejn ġej dan it-tip ta’ ġobon u t-terminu “parmesan”, din mhijiex denominazzjoni ġenerika li tista’ tiddistingwi ruħha mid-DPO “Parmigiano Reggiano”.

34      F’kull każ, l-użu tad-denominazzjoni “parmesan” għal ġobon li mhuiwex konformi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tad-DPO “Parmigaino Reggiano” jikkostitwixxi evokazzjoni ta’ din id-denominazzjoni, ipprojbita mill-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 2081/92.

35      Il-Kummissjoni ssosnti wkoll li t-terminu “parmesan” ma sarx denominazzjoni ġenerika.

36      Żgur li, denominazzjoni ġeografika tista’, skond l-użu progressiv tagħha, issir denominazzjoni ġenerika fis-sens li l-konsumatur jieqaf milli jara’ fiha indikazzjoni relatata mal-provenjenza ġeografika tal-merkanzija, sabiex jara’ biss bħala indikazzjoni ta’ tip ta’ prodott partikolari. Dan it-tluq mis-sens irriżulta b’mod partikolari għat-termini “Camembert” u “Brie”.

37      Dejjem għall-Kummissjoni, it-terminu “parmesan” f’ebda mument ma tilef il-konnotazzjoni ġeografika tiegħu. Fil-fatt, jekk “parmesan” kien effettivament terminu newtru mingħajr tali konnotazzjoni, huwa impossibbli li jiġi spjegat b’mod plawżibbli għalfejn il-fabbrikanti tal-prodotti ta’ imitazzjoni jibqgħu jinsistu li jistabbilixxu permezz tal-kliem u ta’ l-ixbieha, rabta bejn il-merkanziji tagħhom u l-Italja.

38      Minbarra dan, skond il-Kummissjoni, il-fatt li ġobon imsejjaħ “parmesan” mhux konformi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tad-DPO “Parmigiano Reggiano” kien ġie ffabbrikat sas-sena 2000 fit-territorju Taljan ma jfissirx li dan it-terminu jikkostitwixxi, fl-Italja, id-denominazzjoni ġenerika tal-ġobon maħkuk ta’ provenjenzi diversi, peress li dan il-ġobon kien esklużivament iddestinat għall-esportazzjoni lejn pajjiżi fejn it-terminu “parmesan” ma jgawdi ebda protezzjoni partikolari, b’konformità mal-prinċipju ta’ territorjalità. Barra minn hekk kien biss mill-21 ta’ Ġunju 1996, data ta’ dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1107/96, li d-denominazzjoni “Parmigiano Reggiano” tibbenefika minn protezzjoni fuq livell Komunitarju.

39      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tallega li l-użu tal-kelma “parmesan” ma jikkostitwixxix ksur ta’ l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 2081/92, peress illi hija biss it-traduzzjoni, skond l-opinjoni tal-Kummissjoni, tat-terminu “Parmigiano”, kif turi s-sitwazzjoni fl-Italja u fi Stati Membri oħra kif ukoll il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u Komunitarji, li hija denominazzjoni ġenerika. Bħala denominazzjoni ġenerika, hija ma tistax tibbenefika mill-protezzjoni ta’ dan ir-Regolament.

40      Sussidjarjament, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tosserva li, anki jekk jiġi presuppost li t-terminu “Parmigaino” mhuwiex denominazzjoni ġenerika u li, għaldaqstant, it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 2081/92 ma japplikax għal dawn id-dispożizzjonijiet, l-użu tat-terminu “parmesan” ma jikkostitwixxix ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-denominazzjoni ta’ l-oriġini “Parmigiano Reggiano”. L-isem “parmesan” kien għadda, sa minn bosta sekli, evoluzzjoni li hija relatata miegħu u sar fil-Ġermanja, iżda wkoll fi Stati Membri oħra, denominazzjoni ġenerika. B’hekk l-użu tiegħu ma tirrappreżentax użu ħażin tad-DPO “Parmigano Reggiano” u lanqas evokazzjoni tagħha.

41      Sabiex isostni dan l-argument, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tagħmel referenza, fl-ewwel lok, għall-punt 35 tal-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Ruiz-Carabo fil-kawża li tat lok għad-digriet tat-8 ta’ Awwissu 1997, Canadane Cheese Trading u Kouri (C-317/95, Ġabra p. I-4681), fit-tieni lok, għas-sentenza Bigi, iċċitata iktar’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja espressament ħalliet pendenti l-kwistjoni jekk it-terminu “parmesan” jikkostitwixxix denominazzjoni ġenerika, fit-tielet lok, għall-fatt li mhuwiex biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-denominazzjoni ta’ prodott hija t-traduzzjoni ta’ isem ta’ denominazzjoni ta’ l-oriġini. Jeħtieġ li f’kull każ jiġi eżaminat jekk din it-traduzzjoni tikkostitwixxix fil-verità evokazzjoni tad-denominazzjoni in kwistjoni. Dan ma jkunx il-każ fl-ipoteżi fejn id-denominazzjoni in kwistjoni, għalkemm fl-oriġini kienet traduzzjoni, biż-żmien ħadet tifsira oħra fil-lingwa kurrenti tal-konsumaturi, u b’hekk saret denominazzjoni ġenerika. Fir-raba’ lok, dan l-Istat Membru jinvoka l-fatt li fil-Ġermanja, l-uniku Stat Membru fejn l-evalwazzjoni tan-natura ġenerika tat-terminu “parmesan” hija deċiżiv, peress li din hija proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-kelma “parmesan” hija kkonċepita sa minn dejjem bħala d-denominazzjoni ġenerika ta’ ġobon iebes maħkuk jew intiż sabiex jiġi maħkuk. Mill-bqija, dan huwa wkoll veru fi Stati Membri oħra, inkluża l-Italja.

42      Fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat, jekk l-użu tad-denominazzjoni “parmesan” jikkorrispondix, fir-rigward tad-DPO “Parmigiano Reggiano” għal waħda mis-sitwazzjonijiet li huma inklużi fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 2081/92.

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 13(1)(b) ta’ dan ir-Regolament, id-denominazzjonijiet irreġistrati għandhom jkunu protetti kontra kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, anke jekk l-oriġini vera tal-prodott hija indikata jew jekk id-denominazzjoni protetta hija tradotta.

44      Għal dak li jikkonċerna l-evokazzjoni ta’ DPO, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-kunċett ikopri ipoteżi li fiha t-terminu utilizzat sabiex jidentifika prodott jinkorpora parti minn denominazzjoni protetta, b’mod li l-konsumatur, li quddiemu jkollu l-isem tal-prodott, ix-xbieha li tiskatta f’moħħu hija dik tal-prodott li d-denominazzjoni tiegħu hija protetta (sentenza ta’ l-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del fomaggio Gorgonzola, C-87/97, Ġabra p. I-1301, punt 25).

45      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li jista’ jkun hemm evokazzjoni ta’ DPO fin-nuqqas ta’ kull riskju ta’ konfużjoni bejn il-prodotti kkonċernati, u anki jekk ebda protezzjoni tal-Komunità ma tapplika għall-elementi tad-denominazzjoni ta’ referenza li għandha t-terminoloġija in kwistjoni (sentenza Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola, iċċitata iktar’il fuq, punt 26).

46      F’din il-kawża, jeżisti xebh fonetiku u viżwali bejn id-denominazzjonijiet “parmesan” u “Parmigiano Reggiano”, u dan f’sitwazzjoni fejn il-prodotti in kwistjoni huma komposti minn ġobniet iebsa, maħkuka jew intiżi sabiex jiġu maħkuka, jiġifieri li jippreżentaw apparenza esterna analoga (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola, iċċitata iktar’il fuq, punt 27).

47      Barra minn hekk, indipendentement mill-kwistjoni jekk id-denominazzjoni “parmesan” hijiex jew le it-traduzzjoni eżatta tad-DPO “Parmigiano Reggiano” jew tat-terminu “Parmigiano”, il-prossimità kunċettwali eżistenti bejn dawn iż-żewġ termini li ġejjin minn lingwi differenti kif juru d-diskussjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandha wkoll tittieħed in kunsiderazzjoni.

48      Tali prossimità kif ukoll ix-xebh fonetiku u viżwali li jinsab fil-punt 46 ta’ din is-sentenza huma ta’ natura li meta l-konsumatur ikollu quddiemu l-isem tal-prodott, l-ixbieha li tiskatta f’moħħu hija dik tal-ġobon li d-DPO “Parmigiano Reggiano” tiegħu hija protetta, meta dan ikollu quddiemu ġobon iebes, maħkuk jew intiż sabiex jiġi maħkuk, li għandu d-denominazzjoni “parmesan”.

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-użu tad-denominazzjoni “parmesan” għandu jiġi kkwalifikat, skond l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 2081/92, b’evokazzjoni tad-DPO “Parmigiano Reggiano”.

50      Il-kwistjoni jekk id-demominazzjoni “parmesan” hijiex it-traduzzjoni tad-DPO “Parmigiano Reggiano” b’hekk hija mingħajr effett fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tar-rikors preżenti.

51      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja madankollu ssostni li, peress illi d-denominazzjoni “parmesan” saret denominazzjoni ġenerika, l-użu tagħha ma tistax tikkostitwixxi evokazzjoni illeċita tad-DPO “Parmigiano Reggiano”.

52      Hija kompetenza tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tressaq l-elementi li huma ta’ natura li juru l-mertu ta’ dan l-argument, iktar u iktar meta l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mhuwa bl-ebda mod evidenti li d-denominazzjoni “parmesan” saret waħda ġenerika (sentenza Bigi, iċċitata iktar’il fuq, punt 20).

53      Fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tan-natura ġenerika ta’ denominazzjoni, skond l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2081/92, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-postijiet ta’ prodozzjoni tal-prodott ikkonċernat eżistenti kemm ġewwa kif ukoll barra mill-Istat Membru li jkun kiseb ir-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni in kwistjoni, il-konsum ta’ dan il-prodott u l-mod kif din id-denominazzjoni hija pperċepita mill-konsumaturi ġewwa u barra dan l-Istat Membru, l-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali partikolari li tikkonċerna dan il-prodott kif ukoll il-mod li bih din id-denominazzjoni ntużat fid-dritt Komunitarju (ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Il-Ġermanja u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, C-465/02 u C-466/02, Ġabra p. I-9115, punti 76 sa 99).

54      Madankollu, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 63 u 64 tal-Konklużjonijiet tiegħu, ir-Repubblika Ġermaniża llimitat ruħha sabiex tippreżenta estratti minn dizzjunarji u letteratura speċjalizzata li ma jagħtu xejn dwar il-mod kif il-kelma “parmesan” hija pperċepita mill-konsumaturi fil-Ġermanja u fi Stati Membri oħra, mingħajr ma tipprovdi ebda figura dwar il-produzzjoni jew il-konsumazzjoni tal-ġobon ikkummerċjalizzat taħt id-denominazzjoni “paremsan” fil-Ġermanja jew fi Stati Membri oħra.

55      Jirriżulta mill-inkartament ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-Ġermanja, ċerti produtturi tal-ġobon li għandu d-denominazzjoni “parmesan”, li jikkummerċjalizzaw dan il-prodott permezz ta’ tikkettjar li jirreferi għall-kultura u għall-pajsaġġi Taljani. Huwa leġittimu li minn dan jiġi dedott li l-konsumaturi ta’ dan l-Istat Membru jipperċepixxu l-ġobon “parmesan” bħala ġobon assoċjat ma’ l-Italja, anki jekk fir-realtà huwa jkun ġie prodott fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Ġermanja u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 87).

56      Fl-aħħar nett, il-fatt li matul is-seduta, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lanqas ma kienet fil-pożizzjoni li tipprovdi informazzjoni dwar il-kwantitajiet ta’ ġobon prodott fl-Italja taħt id-DPO “Parmigiano Reggiano” importati fil-Ġermanja, ma jippermttix lill-Qorti tal-Ġustizzja li tuża’ l-elementi dwar il-konsum ta’ dan il-ġobon inkwantu indikaturi tan-natura ġenerika tad-denominazzjoni “parmesan” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Ġermanja u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 88).

57      Isegwi li, minħabba n-nuqqas tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li turi li d-denominazzjoni “parmesan” għandha natura ġenerika, l-użu tal-kelma “parmesan” għall-ġobniet li mhumiex konformi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tad-DPO “Parmigiano Reggiano” għandu jiġi kkunsidrat f’dan il-każ bħala li jikkawża ħsara għall-protezzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 2081/92.

  Fuq l-obbligu għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tissanzjona l-ksur ta’ l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 2081/92

58      Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha l-obbligu, skond l-Artikoli 10 u 13 tar-Regolament Nru 2081/92, li ex officio tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tissopprimi l-aġir li jikkawża ħsara lid-DPO. Skond il-Kummissjoni, l-intervent ta’ l-Istati Membri jinkludi, fuq il-pjanijiet amministrattivi u penali, miżuri proprji li jippermettu t-twettiq ta’ l-għanijiet intiżi minn dan ir-Regolament fil-qasam ta’ protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ l-oriġini. Il-prodotti li mhumiex konformi mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament ma jkunux jistgħu jitqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni.

59      Il-Kummissjoni tippreċiża li dawn l-ilmenti ma jirreferux għal-leġiżlazzjoni Ġermaniża u lanqas għal kwalunkwe nuqqas ta’ possibbiltà ta’ rikors quddiem il-qrati nazzjonali, iżda għall-prattika amministrattiva ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi li tmur kontra d-dritt Komunitarju. Jekk l-Istati Membri kienu eżentati mill-obbligu tagħhom li jintervjenu u jekk, b’konsegwenza, l-operaturi ekonomiċi kellhom huma stess iressqu azzjoni legali kull darba li ssir ħsara għad-dritt esklużiv tagħhom li jużaw id-DPO in kwistjoni fit-territorju kollu ta’ l-Unjoni Ewropea, l-għanijiet tar-Regolament Nru 2081/92 ma jkunux jistgħu jintlaħqu.

60      Dejjem skond il-Kummissjoni, f’kawża bejn operaturi ekonomiċi privati, il-kwistjoni ċentrali hija dik ta’ l-osservanza tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li jgawdu minnhom il-produtturi stabbiliti fir-reġjun ta’ oriġini tal-prodott ikkonċernat, filwaqt li r-repressjoni mill-awtoritajiet pubbliċi tal-ksur fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2081/92 għandha bħala għan mhux il-protezzjoni ta’ l-interessi ekonomiċi privati, iżda dawk tal-konsumaturi, fejn b’hekk ma jistax ikun hemm nuqqas f’dak li huwa mistenni kemm fir-rigward tal-kwalità kif ukoll ta’ l-oriġini tal-prodott. Il-protezzjoni tal-konsumaturi intiża minn dan ir-Regolament hija kompromessa jekk l-implementazzjoni tal-projbizzjonijiet previsti minn dan ir-Regolament kienet totalment dipendenti fuq l-aġir ta’ l-operaturi privati fil-qasam ta’ azzjonijiet legali.

61      Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-aġir tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandu jiġi kkunsidrat bħala ksur tad-dritt Komunitarju b’omissjoni.

62      Min-naħa tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2081/92 jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini rreġistrati. Minħabba l-effett dirett ta’ dan ir-Regolament, dan l-Artikolu jista’ jagħti lill-proprjetarji jew lill-utilizzaturi leġittimi tad-DPO drittjiet li l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jipproteġu.

63      L-applikabbiltà diretta tar-Regolament Nru 2081/92ma teżentax lil uħud mill-Istati Membri mill-obbligu li jieħdu l-miżuri nazzjonali li jippermettu li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi żgurata. Madankollu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet adottat bosta dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jippermettu li tittieħed azzjoni kontra l-użu illeċitu tad-DPO, b’mod partikolari l-liġi dwar il-ġlieda kontra l-kompetizzjoni żleali (Gesetz geen den unlauteren Wettbewerb), tas-7 ta’ Ġunju 1909, u l-liġi dwar il-protezzjoni tat-trade marks u ta’ sinjali distintivi oħra (Gesetz über den Schutz von Marken und sonstigen Kennzeichen), tal-25 ta’ Ottubru 1994 (BGB1. 1994 I, p. 3085).

64      Minbarra dan, il-possibbiltà li jiġi eżerċitat rikors kontra kull aġir li jmur kontra d-drittijiet li jirriżultaw minn DPO mhijiex irriżervata għall-uniku proprjetarju ta’ din id-denominazzjoni. Din hija, bil-kontra, miftuħa għall-kompetituri, għall-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u għall-assoċjazzjonijiet ta’ konsumaturi. Iċ-ċirku importanti ħafna tal-persuni li huma awtorizzati li jressqu rikors huwa biżżejjed sabiex juri li d-dispożizzjonijiet fis-seħħ fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma jillimitawx ruħhom sabiex jippermettu lill-produtturi stabbilti fir-reġjun ta’ oriġini tal-prodott ikkonċernat li jinfurzaw id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li huma tagħhom. Dawn id-dispożizzjonijiet joħolqu sistema ġenerali u effettiva li tippermetti li timpedixxi l-ksur ta’ l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2081/92 u li tippenalizzah b’mod effettiv permezz ta’ deċiżjonijiet ġuridiċi.

65      Flimkien ma’ l-għoti tad-drittijiet ta’ natura ċivili msemmija iktar’il fuq, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet ħadet il-miżuri mistennija kollha sabiex tiggarantixxi l-applikazzjoni sħiħa ta’ l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 2081/92. Mhuwiex possibbli li l-awtoritajiet pubbliċi jissanzjonaw ex officio, permezz tal-miżuri ta’ puluzija amministrattiva, il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni u l-Artikoli 10 u 13 ta’ dan l-Artikolu ukoll ma jimponux dan. Għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jirriżulta minn xebh bejn verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ l-Artikolu 10(4) tar-Regolament Nru 2081/92 li, minħabba l-oriġini Taljana tad-DPO “Parmigiano Reggiano”, hija kompetenza tal-Consorzio del formaggio Parmigiano Reggiano u mhux ta’ l-istrutturi ta’ spezzjoni Ġermaniżi li tivverifika r-rispett lejn l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott ta’ din id-denominazzjoni matul l-użu ta’ din ta’ l-aħħar.

66      Skond dan l-Istat Membru, jekk il-Kummissjoni tirrileva li s-sanzjoni, mill-Istat Membru kkonċernat, tal-ksur ta’ l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2081/92 għandha tassigura mhux biss il-protezzjoni ta’ l-interessi ekonomiċi privati, iżda wkoll dik tal-konsumaturi, din il-konstatazzjoni ma tirriżulta minn ebda partikolarità ta’ dan ir-Regolament li hija ta’ natura li turi bħala insuffiċjenti, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali oħra jew għal dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni, is-sistema ta’ protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini permezz tal-ftuħ ta’ azzjonijiet legali ta’ natura ċivili.

67      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssonsti li jekk, fil-Ġermanja, l-użu tad-denominazzjoni “parmesan” għal prodotti li ma jikkorrispondux mar-rekwiżiti ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tad-DPO “Parmigiano Reggiano” mhuwiex suġġett għal proċeduri implementati ex officio u lanqas ta’ sanzjonijiet penali, u jekk wieħed jippreżupponi wkoll li dan l-użu jikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 2081/92, din is-sitwazzjoni tirriżulta sempliċement minn rinunzja għal proċeduri ta’ sanzjoni li l-Istati Membri jistgħu jipprovdi, iżda li huma m’għandhomx l-obbligu li jimponu, skond l-istat attwali tad-dritt Komunitarju.

68      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-fakultà li jibbenefikaw minnha l-individwi li jinvokaw id-dispożizzjonijiet ta’ regolament quddiem il-qrati nazzjonali ma tistax teżenta lill-Istati Membri milli jadottaw il-miżuri nazzjonali li jippermettu li tiġi żgurata l-applikazzjoni sħiħa meta dan jirriżulta neċessarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza ta’ l-20 ta’ Marzu 1986, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, 72/85, Ġabra p. 1219, punt 20).

69      Mhuwiex ikkontestat li s-sistema legali Ġermaniża għandha strumenti ġuridiċi, bħad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi msemmija fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, intiżi sabiex jassiguraw protezzjoni effettiva tad-drittijiet li l-individwi jieħdu mir-Regolament Nru 2081/92. Lanqas ma huwa kkontestat li l-possibbilità li jiġi eżerċitat rikors kontra kull aġir li jista’ jikkawża ħsara lid-drittijiet li joħorġu minn DPO mhijiex irriżervata lill-uniku utilizzatur leġittimu ta’ din id-denominazzjoni. Din hija, bil-kontra, miftuħa għall-kompetituri, għall-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u għall-assoċjazzjonijiet ta’ konsumaturi.

70      F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali leġiżlazzjoni tista’ tiggarantixxi l-protezzjoni ta’ interessi oħra barra dawk tal-produtturi tal-beni li jibbenefikaw minn DPO, b’mod partikolari l-interessi tal-konsumaturi.

71      Matul is-seduta, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja barra minn hekk indikat li kawżi li jikkonċernaw l-użu fil-Ġermanja tad-denominazzjoni “parmesan” huma sa llum pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, fejn waħda minnhom ġiet imressqa mill-Consorzio del formaggio Parmigiano Reggiano.

72      Fir-rigward ta’ l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq l-obbligu għall-Istati Membri biex jieħdu ex officio l-miżuri neċessarji sabiex jissanzjonaw il-ksur ta’ l-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-Regoalment, hemm lok li jsiru l-kunsiderazzjonijiet segwenti.

73      L-ewwel nett, tali obbligu ma jirriżultax mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2081/92.

74      Huwa veru li, sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2081/92, l-Artikolu 10(1) tiegħu jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi mhux iktar minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-istrutturi ta’ l-ispezzjoni jkunu f’posthom. B’hekk huma għandhom l-obbligu li joħolqu tali strutturi.

75      Madankollu, l-Artikolu 10(4) tar-Regolament Nru 2081/92, billi jipprovdi li “[j]ekk awtorità ta’ spezzjoni nnominata u/jew għaqda privata fi Stat Membru tistabbilixxi illi prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel li għandhom deskrizzjoni ta’ oriġini prottetta f’dak l-Istat Membru ma jissodisfawx il-kriterji ta’ l-ispeċifikazzjoni, għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw illi dan ir-Regolament jiġi mħares […]”, jindika li l-awtorità ta’ spezzjoni nnominata u/jew għaqda privata ta’ Stat Membru huma dawk ta’ l-Istat Membru ta’ provenjenza tad-DPO.

76      Ir-referenza tal-“produtturi u l-proċessuri kollha taħt il-kontroll tagħhom”, fl-Artikolu 10(3) ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll id-dritt tal-produtturi, previst fil-paragrafu (6) ta’ dan l-Artikolu, li jkollhom aċċess għas-sistema ta’ spezzjoni u l-obbligu tagħhom, li jinsab fil-paragrafu (7) ta’ l-istess Artikolu, li l-ispejjeż ta’ l-ispezzjoni msemmija f’dan ir-Regolament għandhom jitħallsu mill-produtturi jikkonfermaw li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2081/92 jistabbilixxi l-obbligi ta’ l-Istati Membri ta’ provenjenza tad-DPO.

77      Din l-interpretazzjoni hija sostnuta wkoll mid-dispożizzjonijiet magħquda ta’ l-Artikoli 4(2)(g) u 5(3) u (4) tar-Regolament Nru 2081/92, minn fejn jirriżulta li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandha tinkludi l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, li din l-applikazzjoni għandha tiġi indirizzata lill-Istat Membru li fih tinsab iż-żona ġeografika kkonċernata u li dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott għandhom jinkludu “d-dettalji ta’ l-istrutturi ta’ spezzjoni stabbiliti fl-Artikolu 10”. 

78      Isegwi li l-istrutturi ta’ spezzjoni li fuqhom huwa bbażat l-obbligu li tiġi assigurata l-osservanza ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tad-DPO huma dawk ta’ l-Istat Membru ta’ provenjenza tad-DPO in kwistjoni. L-ispezzjoni tar-rispett ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott matul l-użu tad-DPO “Parmigiano Reggiano” b’hekk ma taqax taħt l-awtoritajiet ta’ spezzjoni Ġermaniżi.

79      Huwa ċert li, l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 2081/92 jimponi l-protezzjoni tad-denominazzjonijiet irreġistrati kontra “kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, anke jekk l-oriġini vera tal-prodott hija ndikata jew jekk l-isem protett huwa tradott jew użat flimkien ma’ xi espressjoni bħal m’huma “stil”, “tip”, “metodu”, “kif prodott fi”, “imitazzjoni”jew espressjoni simili.”

80      Madankollu, minn naħa, il-Kummissjoni ma wrietx li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 2081/92 u, min-naħa l-oħra, hija ma ppreżentatx elementi li jindikaw li miżuri bħal dawk imsemmija fil-punt 63 ta’ din is-sentenza ma ttieħdux jew li ma kinux ta’ natura li jipproteġu d-DPO “Parmigiano Reggiano”.

81      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma stabbilietx li, meta rrifjutat formalment li tissanzjoni, fit-territorju tagħha, l-użu tad-denominazzjoni “parmesan” fuq it-tikkettjar ta’ prodotti li ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tad-DPO “Parmigiano Reggiano”, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 2081/92.

82      Konsegwentement, ir-rikors imressaq mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

83      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitluba mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Skond il-paragrafu 4 ta’ l-istess Artikolu, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Taljana kif ukoll ir-Repubblika ta’ l-Awstrija għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      Ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Taljana kif ukoll ir-Repubblika ta’ l-Awstrija għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.