Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) fl-14 ta’ April 2016 – Unabhängiges Landeszentrum für Datenschutz Schleswig-Holstein vs Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein GmbH

(Kawża C-210/16)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Unabhängiges Landeszentrum für Datenschutz Schleswig-Holstein

Konvenuta: Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein GmbH

Intervenjent fil-kawża prinċipali: Facebook Ireland Limited

Fil-preżenza ta’: Der Vertreter des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht [ir-rappreżentant tal-interessi tal-Istat federali quddiem il-Bundesverwaltungsgericht]

Domandi preliminari

L-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46/KE 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jirregola b’mod definittiv u eżawrjenti r-responsabbiltà fil-każ ta’ ksur tal-protezzjoni tad-data, jew tista’ wkoll, fil-kuntest tal-“miżuri xierqa” msemmija fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 95/46/KE u tas-“setgħat effettivi ta’ intervent” imsemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 95/46/KE, fil-preżenza ta’ fornituri ta’ informazzjoni mifruxa fuq numru ta’ stadji, titqies ir-responsabbiltà ta’ organu li ma huwiex dak responsabbli għall-ipproċessar tad-data [“kontrollur”] fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46/KE meta jagħżel amministratur għall-offerta tiegħu ta’ informazzjoni?

A contrario, mill-obbligu tal-Istati Membri taħt l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 95/46/KE jirriżulta li għandu jintalab, fl-ipproċessar tad-data b’subappalt, li l-persuna responsabbli għall-ipproċessar “[tagħżel] proċessur li jagħti garanziji suffiċjenti dwar miżuri tekniċi ta’ sigurtà u miżuri organizzattivi li jirregolaw l-ipproċessar li jkollu jsir”, li ma jkun jeżisti, fil-kuntest ta’ użi oħra li ma jimplikaw l-ebda pproċċesar ta’ data b’subappalt fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 95/46/KE, l-ebda obbligu li ssir għażla rigoruża, u li dan lanqas ma jista’ jiġi stabbilit abbażi tad-dritt nazzjonali?

Meta kumpannija omm stabbilita barra mill-Unjoni Ewropea jkollha stabbilimenti li huma ġuridikament indipendenti (sussidjarji) f’diversi Stati Membri, l-awtorità ta’ superviżjoni ta’ Stat Membru (f’dan il-każ, il-Ġermanja) hija wkoll awtorizzata, skont l-Artikolu 4 u l-Artikolu 28(6) tad-Direttiva 95/46/KE, li teżerċita s-setgħat fdati lilha skont l-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 95/46/KE fil-konfront tal-istabbiliment li jinsab fit-territorju tagħha, jekk dan l-istabbiliment jipprovdi biss il-promozzjoni u l-bejgħ ta’ spazji ta’ reklamar kif ukoll miżuri oħra ta’ marketing intiżi għall-abitanti ta’ dan l-Istat Membru, filwaqt li l-istabbiliment indipendenti (sussidjarja) stabbilit fi Stat Membru ieħor (f’dan il-każ, l-Irlanda), skont it-tqassim tal-missjonijiet fi ħdan il-grupp, għandu r-responsabbiltà esklużiva għall-ġbir u għall-ipproċessar tad-data personali fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea u għaldaqstant ukoll fl-Istat Membru l-ieħor (f’dan il-każ, il-Ġermanja), jekk id-deċiżjoni rigward l-ipproċessar tad-data fil-fatt tittieħed mill-kumpannija omm?

L-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 95/46/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-persuna responsabbli għall-ipproċessar ikollha stabbiliment fit-territorju ta’ Stat Membru (f’dan il-każ, l-Irlanda), u meta jeżisti stabbiliment ieħor li huwa ġuridikament indipendenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (f’dan il-każ, il-Ġermanja), li huwa inkarigat, fost l-oħrajn, bil-bejgħ ta’ spazji ta’ reklamar, u li l-attività tiegħu hija intiża għall-abitanti ta’ dan l-Istat, l-awtorità ta’ superviżjoni kompetenti f’dan l-Istat Membru l-ieħor (f’dan il-każ, il-Ġermanja) tista’ tadotta miżuri u ordnijiet sabiex timplementa d-dritt applikabbli għall-protezzjoni tad-data, inkluż fil-konfront tal-istabbiliment l-ieħor li ma huwiex responsabbli għall-ipproċessar tad-data skont it-tqassim tal-missjonijiet u r-responsabbiltajiet fi ħdan il-grupp (f’dan il-każ, il-Ġermanja), jew il-miżuri u l-ordnijiet għandhom jiġu adottati, f’dan il-każ, biss mill-awtorità ta’ superviżjoni tal-Istat Membru (f’dan il-każ, l-Irlanda) fit-territorju li fih l-organu responsabbli fi ħdan il-grupp għandu s-sede tiegħu?

L-Artikolu 4(1)(a) u l-Artikolu 28(3) u (6) tad-Direttiva 95/46/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-awtorità ta’ superviżjoni ta’ Stat Membru (f’dan il-każ, il-Ġermanja) tieħu azzjoni kontra persuna jew organu li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru skont l-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 95/46/KE minħabba l-għażla mhux rigoruża ta’ terz involut fil-proċess tal-ipproċessar tad-data (f’dan il-każ, Facebook), peress li dan it-terz kiser id-dritt applikabbli għall-protezzjoni tad-data, l-awtorità ta’ superviżjoni intervenjenti (f’dan il-każ, il-Ġermanja) hija marbuta bl-evalwazzjoni rigward id-dritt applikabbli għall-protezzjoni tad-data magħmula mill-awtorità ta’ superviżjoni tal-Istat Membru l-ieħor, li fih it-terz responsabbli għall-ipproċessar tad-data għandu l-istabbiliment tiegħu (f’dan il-każ, l-Irlanda), b’tali mod li hija ma hijiex awtorizzata li twettaq evalwazzjoni ġuridika diverġenti, jew l-awtorità ta’ superviżjoni intervenjenti (f’dan il-każ, il-Ġermanja) tista’ teżamina b’mod awtonomu l-legalità tal-ipproċessar tad-data mwettaq mit-terz stabbilit fi Stat Membru ieħor (f’dan il-każ, l-Irlanda) b’mod inċidentali?

Fil-każ li l-awtorità ta’ superviżjoni intervenjenti (f’dan il-każ, il-Ġermanja) hija awtorizzata twettaq superviżjoni awtonoma: it-tieni sentenza tal-Artikolu 28(6) tad-Direttiva 95/46/KE għandha tiġi interpretata fis-sens li din l-awtorità ta’ superviżjoni tista’ teżerċita s-setgħat effettivi ta’ intervent fdati lilha skont l-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 95/46/KE fil-konfront ta’ persuna jew ta’ organu li huma stabbiliti fit-territorju tagħha għall-parti tagħhom tar-responsabbiltà fil-ksur tal-protezzjoni tad-data mwettaq mit-terz stabbilit fi Stat Membru ieħor biss jekk hija tkun talbet minn qabel lill-awtorità ta’ superviżjoni ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor (f’dan il-każ, l-Irlanda) sabiex teżerċita s-setgħat tagħha?

____________

1 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru, 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355.