Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta' Ġunju 2011 - Verhuizingen Coppens vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-210/08) 1

("Kompetizzjoni - Akkordji - Suq tas-servizzi ta' ġarr internazzjonali fil-Belġju - Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE - Iffissar tal-prezzijiet - Tqassim tas-suq - Manipulazzjoni ta' sejħiet għal offerti - Ksur uniku u kontinwu - Oneru tal-prova")

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Verhuizingen Coppens NV (Bierbeck, il-Belġju) (rappreżentanti: J. Stuyck u I. Buelens, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Bouquet u S. Noë, aġenti)

Suġġett

Talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 926 finali, tal-11 ta' Marzu 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.543 - Servizzi ta' ġarr internazzjonali), kif ukoll, sussidjarjament, talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa imposta lir-rikorrenti.

Dispożittiv

L-Artikolu 1(i) u l-Artikolu 2(k) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 926 finali, tal-11 ta' Marzu 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.543 - Servizzi ta' ġarr internazzjonali), huma annullati.

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

____________

1 - ĠU C 197, 02.08.2008.