Language of document : ECLI:EU:C:2012:246

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

26 ta’ April 2012 (*)

“Artikoli 18 KE u 56 KE — Vetturi bil-mutur — Użu fi Stat Membru ta’ vettura bil-mutur privata mislufa li hija rreġistrata fi Stat Membru ieħor — Tassazzjoni ta’ din il-vettura fl-ewwel Stat Membru meta tintuża għall-ewwel darba fin-netwerk nazzjonali tat-toroq”

Fil-Kawżi magħquda C‑578/10 sa C‑580/10,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-12 ta’ Novembru 2010, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, fis-6, fit-8 u fid-9 ta’ Diċembru 2010, fil-proċedura

Staatssecretaris van Financiën

vs

L. A. C. van Putten (C-578/10),

P. Mook (C-579/10),

G. Frank (C-580/10),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), E. Juhász, T. von Danwitz u D. Šváby, Imħallfin.

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċeduri bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Olandiż, minn C.M. Wissels u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Maidani, L. Lozano Palacios u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-1 ta’ Diċembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18 KE u 56 KE.

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tliet kawżi bejn l-iStaatssecretaris van Financiën (Segretarju tal-Istat għall-Finanzi) u, rispettivament, L. van Putten, P. Mook u G. Frank, dwar talbiet għal ħlas mibgħuta lil dawn tal-aħħar minħabba li naqsu milli jħallsu t-taxxa fuq il-karozzi privati u l-muturi (iktar ’il quddiem it-“taxxa KM”) meta użaw, għal żmien qasir, tali vetturi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom mingħajr ħlas minn persuni fiżiċi residenti ta’ Stati Membri oħra.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implementazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat [artikolu mħassar permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10) jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet segwenti, l-Istati Membri għandhom jabolixxu restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta’ kapital li jseħħu bejn persuni residenti fi Stati Membri. Biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, movimenti ta’ kapital għandhom jkunu kklassifikati skond in-Nomenklatura fl-Anness I.”

4        Fost il-movimenti ta’ kapital elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 88/361 hemm, fit-Titolu XI ta’ dan l-anness, il-moviment ta’ kapital personali li jinkludi, b’mod partikolari, is-self, id-donazzjonijiet u l-wirt.

 Id-dritt nazzjonali

5        L-Artikolu 1(1) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-karozzi privati u l-muturi tal-1992 (Wet op de belasting van personenauto’s en motorrijwielen 1992, Stb. 1992, Nru 709, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1992”), jipprovdi li t-taxxa KM għandha tinġabar fuq dawn il-vetturi bil-mutur privati.

6        Skont l-Artikolu 1(2) u (5) tal-Liġi tal-1992, it-taxxa KM hija dovuta meta l-vettura tiġi rreġistrata fir-reġistru Olandiż. Madandkollu, meta karozza privata jew mutur, li ma jkunux irreġistrati fil-Pajjiżi l-Baxxi, jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ persuna fiżika jew ġuridika, residenti jew stabbilita f’dan l-Istat Membru, din it-taxxa hija dovuta sa mill-ewwel użu ta’ din il-vettura bil-mutur fin-netwerk Olandiż tat-toroq skont din il-liġi.

7        L-Artikolu 5(2) tal-Liġi tal-1992 jipprovdi li, għall-karozzi privati jew għall-muturi mhux irreġistrati, il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa KM hija dik li għandha d-dispożizzjoni effettiva tal-vettura bil-mutur.

8        Skont l-Artikolu 9(1) tal-Liġi tal-1992, għal karozza privata, ir-rata tal-imsemmija taxxa titla’, bla ħsara għat-tnaqqis u għaż-żidiet indikati f’din id-dispożizzjoni, għal 45.2 % tal-prezz tal-katalgu nett ta’ din il-vettura. Dan il-prezz jikkorrispondi għall-prezz ta’ bejgħ issuġġerit mill-fabbrikant jew l-importatur lill-bejjiegħ, mingħajr it-taxxa fuq il-valur miżjud.

9        Fir-rigward tal-vetturi bil-mutur ġodda, il-prezz tal-katalgu nett huwa ddeterminat skont il-ġurnata meta jingħatalhom in-numuru ta’ reġistrazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fir-rigward tal-vetturi bil-mutur mhux ġodda, il-prezz tal-katalgu nett tagħhom huwa ddeterminat skont id-data tal-ewwel użu tagħha, kemm jekk dan ikun sar fit-territorju Olandiż kif ukoll jekk ikun sar barra.

10      Mal-ewwel użu fin-netwerk Olandiż tat-toroq ta’ karozzi privati jew ta’ muturi mhux irreġistrati fil-Pajjiżi l-Baxxi u mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ persuna fiżika jew ġuridika, residenti jew stabbilita f’dan l-Istat Membru, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tipprovdi l-applikazzjoni, għall-ħlas tat-taxxa KM, tal-prezz nett fuq il-katalgu korrispondenti għall-vetturi mhux ġodda.

11      Sabiex tinġabar l-imsemmija taxxa fuq il-vetturi mhux ġodda, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ użu li jkun diġà għadda, billi jitnaqqas l-ammont tat-taxxa minn perċentwali stabbilit. Sal-1 ta’ Frar 2007, din it-taxxa kienet dovuta b’mod uniku u definittiv mingħajr possibbiltà ta’ rimbors, u dan anki jekk wara ċertu żmien, il-vettura inkwistjoni ma tkunx baqgħat tintuża fin-netwerk Olandiż tat-toroq.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

12      L. Van Putten u P. Mook huma ċittadini Olandiżi. G. Frank hija ċittadina Ġermaniża. Huma kienu residenti fl-Olanda fil-mument meta ġraw il-fatti fil-kawżi prinċipali.

13      Waqt kontroll, aġenti tal-Belastingdienst (amministrazzjoni tat-taxxi) ikkonstataw li l-konvenuti fil-kawżi prinċipali kienu jużaw, fin-netwerk Olandiż tat-toroq, karozzi privati rreġistrati fi Stati Membri oħra mingħajr ma kienu ħallsu t-taxxa KM. Konsegwentement, huma ġew mgħarrfa li, ma’ kontroll ieħor, tista’ tintbagħtilhom talba għal ħlas dwar il-ħlas ta’ din it-taxxa.

14      Wara kontroll ġdid, il-konvenuti fil-kawżi prinċipali reġgħu ġew interrogati fl-istess ċirkustanzi.

15      Minħabba f’hekk intbagħtitilhom talba għall-ħlas, ta’ EUR 5 955 għal L. Van Putten, EUR 1 859 għal P. Mook u EUR 6 709 għal G. Frank. Il-Belastingdienst ċaħdet l-ilment imressaq mill-persuni inkwistjoni. Hija fil-fatt ikkunsidrat li l-konvenuti fil-kawżi prinċipali kienu użaw il-vettura bil-mutur tagħhom fis-sens tal-Artikolu 1(5) tal-Liġi tal-1992, b’mod li, wara l-ewwel użu tagħha, it-taxxa KM kienet dovuta bir-rata u skont talba għall-ħlas stabbilita fl-Artikolu 9 ta’ din il-liġi. Barra minn hekk, peress li t-talbiet kienu ta’ qabel l-1 ta’ Frar 2007, it-taxxa inġabret mingħand il-konvenuti fil-kawżi prinċipali mingħajr ma ttieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-użu ta’ dawn il-vetturi.

16      Peress li r-rikorsi ppreżentati minn kull wieħed mill-konvenuti fil-kawżi prinċipali ġew iddikkjarati infondati, dawn tal-aħħar appellaw quddiem il-Gerechtshof te ‘s-Hertogenbosch (qorti tal-Appell ta’ ‘s-Hertogenbosch). Din laqgħet it-talbiet tagħhom u, għalhekk, annullat id-deċiżjonijiet tal-Belastingdienst kif ukoll it-talbiet għal ħlas. Skont din il-qorti, dawn it-talbiet jikkostitwixxu ostakolu mhux iġġustifikat għad-dritt ta’ ċirkulazzjoni u ta’ residenza libera fit-territorju ta’ Stat Membru stabbilit fl-Artikolu 18 KE.

17      L-iStaatssecretaris van Financiën ippreżenta appell quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjoni mogħtija mill-Gerechtshof te ‘s-Hertogenbosch f’kull waħda mill-kawżi. Essenzjalment, huwa jikkunsidra li l-elementi rilevanti tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali huma limitati għal Stat Membru wieħed, jiġifieri l-Pajjiżi l-Baxxi, b’mod li dawn is-sitwazzjonijiet ma jaqgħux taħt l-Artikolu 18 KE.

18      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tat-taxxa KM mad-dritt tal-Unjoni, iżda fil-kuntest ta’ sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-moviment liberu tal-ħaddiema, tal-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll tal-provvista ta’ servizzi.

19      Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, huma inkwistjoni persuni fiżiċi residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi li jużaw, f’dan l-Istat Membru u għal finijiet privati, vettura bil-mutur irreġistrata fi Stat Membru ieħor, imqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom mingħajr ħlas minn persuni fiżiċi residenti f’dan l-aħħar Stat u li għandhom magħhom rabtiet familjari jew ta’ ħbiberija.

20      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet, f’dawn it-tliet kawżi, li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

 Fil-Kawża C-578/10:

“Fid-dawl tal-Artikolu [18 KE], hija sitwazzjoni rregolata mid-dritt Komunitarju dik fejn Stat Membru jissuġġetta l-ewwel użu ta’ vettura fuq in-netwerk tat-toroq tat-territorju tiegħu għal taxxa, f’każ fejn din il-vettura hija rreġistrata fi Stat Membru ieħor, din il-vettura tissellef lil [mingħand] persuna residenti f’dan l-Istat Membru l-ieħor, u resident tal-ewwel Stat Membru jiċċirkola fuq it-territorju ta’ dan l-ewwel Stat Membru bil-vettura inkwistjoni?”

 Fil-Kawża C-579/10:

“Fid-dawl tal-Artikolu [18 KE], id-dritt Komunitarju jirregola s-sitwazzjoni li fiha Stat Membru jissuġġetta għal taxxa l-ewwel użu ta’ vettura fit-toroq tat-territorju tiegħu, f’każ fejn din il-vettura hija rreġistrata fi Stat Membru ieħor, din il-vettura ġiet mislufa lil [mingħand] resident ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor u resident tal-ewwel Stat membru jsuq il-vettura inkwistjoni għal skopijiet privati bejn dan l-ewwel Stat Membru u l-Istat Membru l-ieħor?”

 Fil-Kawża C-580/10:

“Fid-dawl tal-Artikolu 18 KE (li sar l-Artikolu 21 TFUE), is-sitwazzjoni fejn Stat Membru jissuġġetta għal taxxa l-ewwel użu ta’ vettura fin-netwerk tat-toroq tat-territorju tiegħu, fil-każ fejn din il-vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor tkun ġiet mislufa mingħand resident ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor u resident tal-ewwel Stat Membru li għandu ċ-ċittadinanza tal-Istat Membru l-ieħor isuq il-vettura inkwistjoni għal finijiet privati fit-territorju ta’ dan l-ewwel Stat Membru, hija sitwazzjoni rregolata mid-dritt Komunitarju?”

21      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Frar 2011, il-Kawżi C-578/10 sa 580/10 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

22      Permezz ta’ dawn id-domandi, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk, fid-dawl tal-Artikolu 18 KE, taqax taħt id-dritt tal-Unjoni s-sitwazzjoni fejn Stat Membru jissuġġetta għal taxxa l-ewwel użu ta’ vettura bil-mutur fin-netwerk nazzjonali tat-toroq minn wieħed mir-residenti tiegħu, li tiċċirkola jew unikament fit-territorju nazzjonali, jew inkella f’dan it-territorju kif ukoll f’dak ta’ Stat Membru ieħor, meta din il-vettura, irreġistrata fi Stat Membru ieħor, tingħata b’self minn resident f’dan l-aħħar Stat.

23      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk, fuq il-livell formali l-qorti tar-rinviju llimitat id-domandi tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 KE, dan il-fatt ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża li jkollha quddiemha, u dan irrispettivament minn jekk il-qorti tar-rinviju tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha (ara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007, ING. AUER, C-251/06, Ġabra p. I-9689, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Fil-fatt, id-domandi magħmula għandhom jiġu riżolti fid-dawl tad-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat u tad-dritt sekondarju li jistgħu jkunu rilevanti għad-domanda magħmula (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1985, Mutsch, 137/84, Ġabra p. 2681, punt 10).

25      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont il-qorti tar-rinviju, l-ammont kollu tat-taxxa inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ntalab mingħand il-konvenuti fil-kawżi prinċipali, mingħajr ma kien ittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-użu effettiv tal-vetturi bil-mutur fin-netwerk Olandiż tat-toroq u mingħajr ma l-konvenuti setgħu jsostnu l-ebda dritt għall-eżenzjoni jew għar-rimbors tal-imsemmija taxxa.

26      Għaldaqstant, id-domandi magħmula għandhom jinftiehmu fis-sens li huma intiżi sabiex ikun magħruf jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq ir-residenti tiegħu li jkunu ssellfu vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor mingħand resident ta’ dan l-aħħar Stat, mal-ewwel użu ta’ din il-vettura fin-netwerk nazzjonali tat-toroq, il-ħlas sħiħ ta’ taxxa, normalment dovuta mar-reġistrazzjoni ta’ vettura fl-ewwel Stat Membru, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-użu tal-imsemmija vettura f’dan in-netwerk u mingħajr ma dawn il-persuni jkunu jistgħu jinvokaw dritt għal eżenzjoni jew għal rimbors.

 Fuq il-moviment liberu tal-kapital

27      Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu applikabbli għall-fatti fil-kawżi prinċipali, għandu jiġi rrelevat li, f’dawn il-kawżi, l-impożizzjoni ma hijiex dovuta minħabba l-fatt li l-konvenuti fil-kawżi prinċipali eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu iżda minħabba li użaw fin-netwerk Olandiż tat-toroq, bħala residenti, karozza rreġistrata fi Stat Membru ieħor li kienet mislufa lilhom.

28      Fir-rigward ta’ self miftiehem bejn ċittadini residenti fi Stati Membri differenti, għandu jiġi eżaminat, preliminarjament, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 KE. F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li, fin-nuqqas, fit-Trattat, ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “moviment tal-kapital” fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, in-nomenklatura li tikkostitwixxi l-Anness I tad-Direttiva 88/361 għandha valur indikattiv, anki jekk din id-direttiva kienet ġiet adottata abbażi tal-Artikoli 69 u 70(1) tat-Trattat KEE (l-Artikoli 67 sa 73 tat-Trattat KEE ġew issostitwiti bl-Artikoli 73 B sa 73 G tat-Trattat KE, li huma stess saru l-Artikoli 56 KE sa 60 KE) peress li huwa mifhum li, skont it-tielet paragrafu tal-introduzzjoni ta’ dan l-anness, in-nomenklatura li hemm fih ma hijiex eżawrjenti fir-rigward tal-kunċett ta’ moviment tal-kapital (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Jannar 2009, Persche, C‑318/07, Ġabra p. I‑359, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas-17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome, C‑182/08, Ġabra p. I‑8591, punt 39; tal-15 ta’ Ottubru 2009, Busley u Cibrian Fernandez, C‑35/08, Ġabra p. I‑9807, punt 17, kif ukoll tal-10 ta’ Frar 2011, Missionswerk Werner Heukelbach, C‑25/10, Ġabra p. I-497, punt 15).

29      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-wirt u d-donazzjonijiet, li jaqgħu taħt it-Titolu XI tal-Anness I tad-Direttiva 88/361, intitolat “Movimenti ta’ kapital personali”, jikkostitwixxu moviment ta’ kapital fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE, ħlief f’dawk il-każijiet fejn l-elementi kostitwenti tagħhom ikunu limitati għal Stat Membru wieħed biss (ara s-sentenza tal-31 ta’ Marzu 2011, Schröder, C‑450/09, Ġabra p. I-2497, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istess japplika għas-“Self” li jaqa’ taħt l-istess titolu tal-Anness I tal-imsemmija Direttiva 88/361.

30      F’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, huwa paċifiku li l-elementi li jikkostitwixxu r-relazzjoni ġuridika eżistenti bejn il-proprjetarju tal-vettura bil-mutur u l-utent ta’ din tal-aħħar ma humiex limitati għal Stat Membru wieħed biss, u dan minkejja li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali hija indirizzata biss għar-residenti tal-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-fatt, it-taxxa KM għandha titħallas mir-residenti ta’ dan l-Istat Membru li jużaw vettura bil-mutur fin-netwerk Olandiż tat-toroq, anki meta tintuża għal tul ta’ żmien qasir, fil-kuntest ta’ self mingħajr ħlas, bejn l-imsemmija residenti u residenti ta’ Stati Membri oħra, ta’vetturi rreġistrati anki fi Stati Membri oħra.

31      Barra minn hekk, għandu jiġi vverifikat jekk ir-relazzjoni ġuridika inkwistjoni f’kull waħda mill-kawżi prinċipali, jiġifieri s-self għal użu transkonfinali mingħajr ħlas ta’ vettura bil-mutur, tistax tiġi kkwalifikata bħala moviment tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 56 KE u b’mod partikolari bħala self li jaqa’ taħt it-Titolu XI tal-Anness I tad-Direttiva 88/361.

32      F’dan ir-rigward, hemm lok, qabel xejn, li jiġi kkonstatat li s-“Self” jaqa’ taħt l-imsemmi titolu, mingħajr ma hija meħtieġa preċiżazzjoni dwar in-natura oneruża jew mingħajr ħlas ta’ dan is-self jew dwar l-għan partikolari tiegħu.

33      Sussegwentement, fir-rigward tad-donazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tikkonstata li, sabiex jiġi ddeterminat jekk it-trattament fiskali minn Stat Membru ta’ ċerti tranżazzjonijiet jaqax taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-kapital, ma hemmx għalfejn issir id-distinzjoni bejn it-tranżazzjonijiet imwettqa bi flus u dawk imwettqa in natura (ara s-sentenza Persche, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

34      Fl-aħħar nett, mill-fatt li fit-Titolu XI tal-Anness I tad-Direttiva 88/361 huma inklużi l-wirt u l-legati jirriżulta li n-natura mingħajr ħlas ta’ tranżazzjoni ma tipprekludix, fiha nfisha, il-kwalifika tagħha bħala moviment tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 56 KE.

35      Barra minn hekk, it-tqegħid għad-dispożizzjoni mingħajr ħlas ta’ vettura bil-mutur għall-finijiet tal-użu tagħha jikkostitwixxi vantaġġ li jirrappreżenta valur ekonomiku partikolari, li jikkorrispondi għall-ispejjeż tal-użu ta’ vettura bil-mutur tal-kiri tal-istess tip u għall-istess tul ta’ żmien.

36      Minn dan isegwi li, kif irrelevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tagħha, is-self għal użu transkonfinali, mingħajr ħlas, ta’ vettura bil-mutur jikkostitwixxi moviment tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 56 KE.

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital u l-eventwali ġustifikazzjoni tagħha

37      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet mhux rilevanti fil-kawżi prinċipali, it-tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur ma ġietx armonizzata fuq livell tal-Unjoni Ewropea. B’hekk, l-Istati Membri huma liberi li jeżerċitaw l-awtorità fiskali tagħhom f’dan il-qasam, bil-kundizzjoni li jeżerċitawha b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen, C‑451/99, Ġabra p. I‑3193, punt 40; tal-15 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑464/02, Ġabra p. I‑7929, punt 74; tal-15 ta’ Diċembru 2005, Nadin u Nadin-Lux, C‑151/04 u C‑152/04, Ġabra p. I‑11203, punt 40, u tat-23 ta’ Frar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C‑232/03, punt 46, kif ukoll id-digrieti tas-27 ta’ Ġunju 2006, van de Coevering, C‑242/05, Ġabra p. I‑5843, punt 23; tat-22 ta’ Mejju 2008, Ilhan, C‑42/08, punt 17, u tal-24 ta’ Ottubru 2008, Vandermeir, C‑364/08, Ġabra p. I‑8087, punt 22).

38      Skont il-Liġi tal-1992, it-taxxa KM hija dovuta, fir-rigward ta’ karozzi privati jew ta’ muturi mhux irreġistrati fil-Pajjiżi l-Baxxi li huma mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ persuna residenti f’dan l-Istat Membru, sa mill-ewwel użu tagħhom fin-netwerk Olandiż tat-toroq. Il-persuna responsabbli għall-ħlas ta’ din it-taxxa hija l-persuna li għandha għad-dispożizzjoni effettiva tagħha l-imsemmija vettura.

39      Issa, peress li l-element essenzjali ta’ self għal użu jikkonsisti fil-fakultà li jintuża l-oġġett misluf, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, billi timponi lir-residenti tal-Pajjiżi l-Baxxi l-ħlas ta’ taxxa mal-ewwel użu fin-netwerk Olandiż tat-toroq ta’ vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor, inkluż jekk din ingħatat b’self mingħajr ħlas minn resident ta’ Stat Membru ieħor, twassal sabiex jiġi ntaxxat is-self għal użu transkonfinali mingħajr ħlas ta’ vetturi bil-mutur.

40      Min-naħa l-oħra, is-self għal użu mingħajr ħlas ta’ vettura bil-mutur ma huwiex suġġett għal din it-taxxa meta tkun involuta vettura bil-mutur irreġistrata fil-Pajjiżi l-Baxxi. Tali differenza fit-trattament, minn tal-inqas apparenti, skont l-Istat fejn tkun irreġistrata l-vettura mislufa hija, għalhekk, ta’ natura li tagħmel inqas attraenti dawn il-movimenti tal-kapital transkonfinali, billi r-residenti tal-Pajjiżi l-Baxxi jiġi skoraġġuti milli jaċċettaw is-self, li jkun ġie offrut lilhom minn residenti ta’ Stat Membru ieħor, ta’ vettura rreġistrata f’dan l-aħħar Stat. Fil-fatt, il-miżuri imposti minn Stat Membru li huma ta’ natura li jiddiswadu lir-residenti tiegħu milli jisselfu jew jinvestu fi Stati Membri oħra jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2000, Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju, C-478/98, Ġabra p. I-7587, punt 18 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

41      Għaldaqstant, tali leġiżlazzjoni nazzjonali tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE.

42      Madankollu jaqbel li jiġi eżaminat jekk tali differenza fit-trattament teżistix verament u, fl-affermattiv, jekk din madankollu tistax tkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital.

43      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, kemm jekk ibbażat fuq l-Artikolu 12 KE u kemm jekk ibbażat fuq l-Artikoli 39 KE, 43 KE jew 56 KE, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑155/09, Ġabra p. I-65, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Għalhekk jaqbel li jiġi eżaminat fl-ewwel lok jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, is-sitwazzjoni ta’ resident tal-Pajjiżi l-Baxxi li juża fin-netwerk Olandiż tat-toroq vettura rreġistrata f’dan l-Istat Membru, imqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu mingħajr ħlas, hijiex oġġettivament paragunabbli għal dik ta’ resident tal-Pajjiżi l-Baxxi li juża, fl-istess kundizzjonijiet, vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor. Fl-ipoteżi li tali sitwazzjoni hija paragunabbli, għandu jiġi eżaminat fit-tieni lok jekk it-trattament huwiex ugwali jew le u, f’każ ta’ differenza fit-trattament, jekk tali differenza hijiex iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali kif ukoll jekk il-miżura inkwistjoni tirrispettax il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

45      F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li l-proprjetarji tal-vetturi rreġistrati fil-Pajjiżi l-Baxxi diġà ħallsu t-taxxa KM mar-reġistrazzjoni tal-vettura fir-reġistru tar-reġistrazzjonijiet Olandiż, xorta jibqa’ l-fatt li, bħala prinċipju, dawn il-vetturi huma intiżi sabiex jintużaw essenzjalment fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru b’mod permanenti jew huma fil-fatt użati b’dan il-mod.

46      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li Stat Membru jista’ jissuġġetta għal taxxa ta’ reġistrazzjoni vettura bil-mutur irreġistrata fi Stat Membru ieħor meta l-imsemmija vettura hija intiża sabiex tintuża essenzjalment fit-territorju tal-ewwel Stat Membru b’mod permanenti jew meta tintuża, fil-fatt, b’dan il-mod (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Cura Anlagen, punt 42; Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, punti 75 sa 78; Nadin u Nadin-Lux, punt 41, u Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, punt 47, kif ukoll id-digrieti ċċitati iktar ’il fuq van de Coevering, punt 24, u Vandermeir, punt 32).

47      Min-naħa l-oħra, jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux sodisfatti, ir-rabta ma’ Stat Membru tal-vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor tkun dgħajfa, b’tali mod li tkun meħtieġa ġustifikazzjoni oħra għar-restrizzjoni inkwistjoni (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, punt 79, u Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, punt 48, kif ukoll id-digrieti ċċitati iktar ’il fuq van de Coevering, punt 26, u Vandermeir, punt 33).

48      Issa, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-konvenuti fil-kawżi prinċipali kellhom iħallsu l-ammont kollu tat-taxxa KM, ammont dan li ġie kkalkolat mingħajr ma kien ittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-użu tal-vetturi kkonċernati u mingħajr ma l-utenti tal-imsemmija vetturi ma setgħu jinvokaw dritt għal eżenzjoni jew għal rimbors. Madankollu, mill-proċessi mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li dawn l-istess vetturi huma intiżi sabiex jintużaw essenzjalment fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi b’mod permanenti jew li huma, fil-fatt, użati b’dan il-mod.

49      Għalhekk hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa t-tul tas-self inkwistjoni fil-kawżi prinċipali u n-natura tal-użu effettiv tal-vetturi mislufa (ara, f’dan is-sens, id-digriet van de Coevering, iċċitat iktar ’il fuq, punt 25).

50      Għalhekk, jekk il-vetturi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li ma humiex irreġistrati fil-Pajjiżi l-Baxxi, huma intiżi sabiex jintużaw essenzjalment fit-territorju Olandiż b’mod permanenti jew jekk huma, fil-fatt, użati b’dan il-mod, id-differenza fit-trattament bejn il-persuna residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi u li tuża mingħajr ħlas tali vettura u l-persuna li tuża, fl-istess kundizzjonijiet, vettura rreġistrata f’dan l-Istat Membru, ma teżistix verament peress li din l-aħħar vettura, li hija wkoll intiża sabiex tintuża essenzjalment fit-territorju Olandiż b’mod permanenti, kienet diġà suġġetta għat-taxxa KM fil-mument tar-reġistrazzjoni tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi.

51      F’dawn il-kundizzjonijiet, l-impożizzjoni tat-taxxa KM, mal-ewwel użu fin-netwerk Olandiż tat-toroq ta’ vetturi mhux irreġistrati fil-Pajjiżi l-Baxxi hija ġġustifikata bħat-taxxa dovuta mar-reġistrazzjoni tal-vettura fil-Pajjiżi l-Baxxi, imsemmija fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, sakemm din it-taxxa tieħu inkunsiderazzjoni, kif jidher li jirriżulta mil-Liġi tal-1992, tad-deprezzament fil-valur tal-vettura fil-mument ta’ dan l-ewwel użu.

52      Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-punt 47 ta’ din is-sentenza, jekk il-vetturi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma humiex intiżi sabiex jintużaw essenzjalment fit-territorju Olandiż b’mod permanenti jew, fil-fatt, ma humiex użati b’dan il-mod, teżisti differenza fit-trattament reali bejn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni msemmija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza u l-impożizzjoni inkwistjoni ma hijiex iġġustifikata. Fil-fatt, f’tali kundizzjonijiet, ir-rabta tal-imsemmija vetturi mat-territorju Olandiż ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi ġġustifikata l-impożizzjoni ta’ taxxa normalment dovuta fil-mument tar-reġistrazzjoni ta’ vettura fil-Pajjiżi l-Baxxi.

53      Anki fl-ipoteżi li tali differenza fit-trattament tista’, jekk ikun il-każ, tiġi ġġustifikata għal raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, xorta waħda jkun meħtieġ li t-taxxa tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, id-digriet van de Coevering, iċċitat iktar ’il fuq, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Sa fejn, minn naħa, ma jirriżultax mid-deċiżjonijiet tar-rinviju li, fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, ġie kkonstatat li l-vetturi inkwistjoni huma intiżi sabiex essenzjalment jintużaw fit-territorju Olandiż b’mod permanenti jew li huma, fil-fatt, użati b’dan il-mod u, min-naħa l-oħra, la l-qorti tar-rinviju u lanqas il-Gvern Olandiż ma invokaw raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali oħra li jippermettu li tiġi ġġustifikata r-restrizzjoni inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 56 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq ir-residenti tiegħu li jkunu ssellfu vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor mingħand resident ta’ dan tal-aħħar, mal-ewwel użu tal-imsemmija vettura fin-netwerk nazzjonali tat-toroq, il-ħlas tat-taxxa kollha, normalment dovuta mar-reġistrazzjoni ta’ vettura fl-ewwel Stat Membru, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-użu ta’ din il-vettura f’dan in-netwerk tat-toroq u mingħajr ma din il-persuna tkun tista’ tinvoka dritt għal eżenzjoni jew għal rimbors meta din l-istess vettura la tkun intiża sabiex essenzjalment tintuża fl-ewwel Stat Membru b’mod permanenti u lanqas, fil-fatt ma tintuża b’dan il-mod.

55      Għalhekk, peress li l-kawżi prinċipali jaqgħu taħt l-Artikolu 56 KE, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 KE.

56      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 56 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq ir-residenti tiegħu li jkunu ssellfu vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor mingħand resident ta’ dan tal-aħħar, mal-ewwel użu tal-imsemmija vettura fin-netwerk nazzjonali tat-toroq, il-ħlas tat-taxxa kollha, normalment dovuta mar-reġistrazzjoni ta’ vettura fl-ewwel Stat Membru, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-użu ta’ din il-vettura fuq dan in-netwerk tat-toroq u mingħajr ma din il-persuna tkun tista’ tinvoka ebda dritt għal eżenzjoni jew għal rimbors meta din il-vettura la tkun intiża sabiex tintuża essenzjalment fl-ewwel Stat Membru b’mod permanenti u lanqas, fil-fatt, ma tintuża b’dan il-mod.

 Fuq l-ispejjeż

57      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 56 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq ir-residenti tiegħu li jkunu ssellfu vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor mingħand resident ta’ dan tal-aħħar, mal-ewwel użu ta’ din il-vettura fin-netwerk nazzjonali tat-toroq, il-ħlas tat-taxxa kollha, normalment dovuta mar-reġistrazzjoni ta’ vettura fl-ewwel Stat Membru, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-użu tal-imsemmija vettura f’dan in-netwerk tat-toroq u mingħajr ma din il-persuna tkun tista’ tinvoka ebda dritt għal eżenzjoni jew għal rimbors meta din il-vettura la tkun intiża sabiex tintuża essenzjalment fl-ewwel Stat Membru b’mod permanenti u lanqas, fil-fatt ma tintuża b’dan il-mod.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.