Language of document : ECLI:EU:T:2012:164

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

28 ta’ Marzu 2012 (*)

“Għajnuna mill-Istat — Self permess lil kumpannija tal-ajru u li jista’ jiġi inkluż mal-kapital proprju tagħha — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni — Bejgħ ta’ assi ta’ kumpannija tal-ajru — Deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ għajnuna fi tmiem il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni — Rikors għal annullament — Locus standi — Parti kkonċernata — Ammissibbiltà — Diffikultajiet serji — Kompetenza — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑123/09,

Ryanair Ltd, stabbilita f’Dublin (l-Irlanda), irrappreżentata minn E. Vahida u I.-G. Metaxas‑Maragkidis, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, D. Grespan u E. Righini, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri u P. Gentili, avvocati dello Stato,

u minn

Alitalia — Compagnia Aerea Italiana SpA, stabbilita fi Fiumicino (l-Italja), irrappreżentata minn G. M. Roberti, G. Bellitti u I. Perego, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/155/KE, tat-12 ta’ Novembru 2008, dwar is-self ta’ EUR 300 miljun li approvat l-Italja għall-kumpanija Alitalia Nru C 26/08 (ex NN 31/08) (ĠU L 52, p. 3), u talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 6745 finali, tat-12 ta’ Novembru 2008, li għandha bħala suġġett l-għajnuna mill-Istat N 510/2008 — L-Italja — Bejgħ tal-assi tal-kumpannija tal-ajru Alitalia,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn S. Papasavvas (Relatur), President, V. Vadapalas u K. O’Higgins, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Alitalia SpA hija kumpannija ta’ trasport bl-ajru 49.9 % miżmuma mill-Istat Taljan.

2        F’Diċembru 2006, wara diversi tentattivi ta’ rkupru tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Alitalia u ta’ tfittxija ta’ alleanzi internazzjonali, li ma taw ebda frott, l-awtoritajiet Taljani ddeċidew li jbigħu s-sehem tagħhom fil-kapital ta’ Alitalia. Fid-29 ta’ Diċembru 2006, il-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi Taljan ippubblika sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess. Madankollu, din il-proċedura ngħalqet fit-18 ta’ Lulju 2007 mingħajr ma tat ebda riżultat peress li l-offerti ppreżentati ġew irtirati.

3        F’Settembru 2007, Alitalia ħatret bank bħala kunsillier finanzjarju sabiex jiddetermina sħab eventwali għal Alitalia. Fost l-offerti rċevuti, dik ippreżentata minn Air France-KLM ġiet ikkunsidrata mill-bord tad-diretturi ta’ Alitalia bħala l-iktar waħda xierqa. Madankollu, fin-nuqqas ta’ ftehim mal-organizzazzjonijiet sindakali, Air France-KLM irtirat l-offerta tagħha fil-21 ta’ April 2008.

4        Waqt laqgħa li nżammet fit-23 ta’ April 2008, l-awtoritajiet Taljani informaw lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li l-Kunsill tal-Ministri Taljan kien approva, permezz tad-decreto-legge n° 80, Misure urgenti per assicurare il pubblico servizio di trasporto aereo (Digriet-Liġi Nru 80, li jipprovdi miżuri urġenti sabiex jiġi żgurat is-servizz pubbliku tat-trasport bl-ajru) (GURI nru 97, tal-24 ta’ April 2008, p. 5, iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 80”), adottat fl-istess data, l-għoti mir-Repubblika Taljana ta’ self ta’ EUR 300 miljun lil Alitalia.

A –  Il-proċedura amministrattiva

5        Peress li ma rċevietx notifika qabel l-għoti mir-Repubblika Taljana ta’ self ta’ EUR 300 miljun lil Alitalia, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani, permezz ta’ ittra tal-24 ta’ April 2008 u skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu (88) tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), sabiex jikkonfermaw l-eżistenza ta’ tali self, sabiex jipprovdu kull informazzjoni utli li tippermetti li tiġi evalwata tali miżura fir-rigward tal-Artikoli 87 KE u 88 KE kif ukoll sabiex jissospendu l-għoti tal-imsemmi self u sabiex jinformawha dwar il-miżuri adottati sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ dan l-obbligu skont l-Artikolu 88(2) KE.

6        Fid-29 ta’ April 2008, ir-rikorrenti, Ryanair Ltd, ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999, dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat favur Alitalia taħt forma ta’ self mogħti mill-awtoritajiet Taljani lil din tal-aħħar.

7        Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti li hija kienet talbet, permezz ta’ ittra tal-24 ta’ April 2008, informazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Taljani u li kienet ser tmexxi investigazzjoni abbażi ta’ din l-informazzjoni kif ukoll abbażi tal-informazzjoni pprovduta fil-kuntest tal-ilment.

8        Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Mejju 2008, l-awtoritajiet Taljani informaw lill-Kummissjoni dwar l-adozzjoni, fis-27 ta’ Mejju 2008, tad-decreto-legge n° 93, Disposizioni urgenti per salvaguardare il potere di acquisto delle famiglie (Digriet-Liġi Nru 93, li jipprovdi dispożizzjonijiet urġenti għas-salvagwardja tas-setgħa ta’ akkwist tal-familji) (GURI nru 124, tat-28 ta’ Mejju 2008, p. 3, iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 93”), li jipprovdi l-possibbiltà għal Alitalia li tinkludi l-ammont tas-self mal-kapital proprju tagħha. Fl-istess data, ir-rikorrenti ressqet ilment ġdid quddiem il-Kummissjoni dwar il-konverżjoni tas-self ta’ EUR 300 miljun mogħti mill-awtoritajiet Taljani lil Alitalia f’kapital proprju.

9        Fit-3 ta’ Ġunju 2008, l-awtoritajiet Taljani ħadu inizjattivi ġodda bil-għan li jsibu xerrej jew numru ta’ xerrejja għal Alitalia, permezz tad-decreto-legge n° 97, Disposizioni urgenti in materia di monitoraggio e trasparenza dei meccanismi di allocazione della spesa pubblica, nonche’ in materia fiscale e di proroga di termini (Digriet-Liġi Nru 97, li jipprovdi dispożizzjonijiet urġenti fil-qasam ta’ sorveljanza u ta’ trasparenza tal-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-ispejjeż pubbliċi kif ukoll fil-qasam fiskali u fil-qasam tal-proroga tat-termini) (GURI nru 128, tat-3 ta’ Ġunju 2008, p. 5, iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 97”). Dawn l-inizjattivi kienu jirrigwardaw l-għażla ta’ kumpannija jew numru ta’ kumpanniji li jiġu inkarigati milli jippromwovu b’mod esklużiv, għal terzi jew f’isimhom, il-preżentazzjoni ta’ offerta sabiex jiġi akkwistat il-kontroll ta’ Alitalia. Fi tmiem il-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni, il-Kunsill tal-Ministri Taljan għażel bank għal dan il-għan.

B –  Deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE

10      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Taljani d-deċiżjoni tagħha tal-11 ta’ Ġunju 2008 li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 88(2) KE, fir-rigward tal-miżuri dwar is-self ta’ EUR 300 miljun mogħti minnhom lil Alitalia li kien ġie approvat bid-Digriet-Liġi Nru 80 u l-possibbiltà għaliha li tassenja l-ammont tal-imsemmi self fuq il-kapital proprju tagħha, prevista bid-Digriet-Liġi Nru 93. Fl-istess data, il-Kummissjoni wieġbet it-tieni lment tar-rikorrenti billi informatha dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija iktar ’il fuq billi stednitha tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha.

11      Fit-18 ta’ Awwissu 2008, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

12      Permezz tal-adozzjoni tad-decreto-legge n° 134, Disposizioni urgenti in materia di ristrutturazione di grandi imprese in crisi (Digriet-Liġi Nru 134, li jipprovdi dispożizzjonijiet urġenti fil-qasam tar-ristrutturar ta’ impriżi kbar fi kriżi) (GURI nru 201, tat-28 ta’ Awwissu 2008, p. 3, iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 134”), saru ċerti emendi għall-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja għall-impriżi partikolarment kbar attivi fis-settur tas-servizzi pubbliċi essenzjali.

13      B’deroga mid-decreto legislativo n° 270, Nuova disciplina dell’amministrazione straordinaria delle grandi imprese in stato di insolvenza, a norma dell’articolo 1 della legge 30 luglio 1998, n° 274 (Digriet Leġiżlattiv Nru 270, li jipprovdi sistema ġdida tal-amministrazzjoni straordinarja tal-impriżi l-kbar fi stat ta’ insolvenza, skont l-Artikolu 1 tal-liġi nru 274 tat-30 ta’ Lulju 1998) (GURI nru 185, tad-9 ta’ Awwissu 1999, p. 11, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 270”), li japplika għall-impriżi f’diffikultà fl-Italja, kien permess id-dħul immedjat tal-impriżi li jeżerċitaw in-negozju tagħhom fis-settur tas-servizzi pubbliċi essenzjali għall-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja, qabel ma jiġu ddikjarati insolventi. Barra minn hekk, kienet prevista l-possibbiltà ta’ rimedju għall-imsemmija impriżi permezz ta’ trasferiment tal-assi tagħhom skont proċedura bi qbil reċiproku tax-xerrejja li tista’ tiggarantixxi kontinwità tas-servizz fuq terminu medju, il-ħeffa fl-intervent u l-osservanza tar-rekwiżiti previsti mil-leġiżlazzjoni Taljana u mit-trattati rratifikati mir-Repubblika Taljana. Madankollu din il-possibbiltà kienet tinkludi obbligu ta’ verifika tal-konformità tal-prezz tal-bejgħ tal-assi mal-prezz tas-suq minn espert indipendenti maħtur mill-Ministeru tal-Iżvilupp Ekonomiku Taljan.

14      Fid-29 ta’ Awwissu 2008, Alitalia talbet lit-Tribunale di Roma (Tribunal ta’ Ruma) sabiex jikkonstata l-fatt li hija kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ waqfien ta’ ħlas. Hija tqiegħdet taħt amministrazzjoni straordinarja b’digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri Taljan li kien iġib l-istess data.

15      Fl-1 ta’ Settembru 2008, il-Compagnia Aerea Italiana SpA (iktar ’il quddiem iċ-“CAI”) ippreżentat offerta preliminari mhux definittiva għax-xiri ta’ ċerti assi tal-kumpanniji tal-grupp li minnu kienet tagħmel parti Alitalia (iktar ’il quddiem il-“grupp Alitalia”), suġġetta għall-ftehim tal-organizzazzjonijiet sindakali dwar ir-reklutaġġ ta’ membri preċedenti tal-persunal tal-imsemmi grupp għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġodda.

16      Permezz ta’ digriet ministerjali tal-4 ta’ Settembru 2008 u skont l-Artikolu 1c tad-Digriet-Liġi Nru 134, bank inħatar bħala espert indipendenti sabiex tiġi vverifikata l-konformità tal-prezz tal-bejgħ tal-assi mal-prezz tas-suq. Fl-istess data, ġie fis-seħħ kumitat ta’ sorveljanza, bil-funzjoni, b’mod partikolari, li jagħti l-kunsens tiegħu għat-trasferimenti ta’ assi proposti mill-kummissarju straordinarju.

17      Fl-14 ta’ Settembru 2008, iċ-CAI irtirat l-offerta preliminari tagħha wara li n-negozjati mal-organizzazzjonijiet sindakali ma ntemmewx b’suċċess.

18      Fil-15 ta’ Settembru 2008, il-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja ġiet estiża għall-grupp Alitalia kollu.

19      Fit-22 ta’ Settembru 2008, il-kummissarju straordinarju nieda sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess għall-akkwist tal-assi kollha tal-assi tal-grupp Alitalia, li ġiet ippubblikata l-għada fl-istampa nazzjonali u internazzjonali. Fl-imsemmija sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess, huwa indika l-intenzjoni tiegħu li jipproċedi għall-bejgħ tal-imsemmija assi skont proċedura bi qbil reċiproku. Ix-xerrejja potenzjali ġew mistiedna jippreżentaw ruħhom quddiemu sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2008.

20      Fil-25 ta’ Settembru 2008, iċ-CAI reġgħet tenniet l-offerta mhux definittiva tagħha bl-istess kundizzjonjiet tal-offerta ppreżentata fl-1 ta’ Settembru (ara l-punt 15 iktar ’il fuq), billi ppreċiżat li l-imsemmija offerta kienet valida sal-15 ta’ Ottubru 2008, liema skadenza kienet sussegwentement posposta għall-31 ta’ Ottubru 2008.

21      Fit-2 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrenti ressqet it-tielet ilment quddiem il-Kummissjoni dwar l-adozzjoni tad-Digriet-Liġi Nru 134 u dwar miżuri oħra relatati mal-bejgħ tal-assi tal-grupp Alitalia.

22      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Ottubru 2008, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni l-proċess ta’ bejgħ ta’ assi tal-grupp Alitalia, filwaqt li talbuha, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, sabiex tikkonferma li:

–        il-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja deskritta fin-notifika ma kinitx timplika l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lix-xerrejja tal-assi ttrasferiti;

–        ix-xiri eventwali minn partijiet terzi ta’ ċerti assi t[al-grupp] Alitalia, abbażi ta’ offerta diġà fformulata, ma kinitx timplika elementi ta’ kontinwità ekonomika mal-impriża mqiegħda taħt amministrazzjoni straordinarja ta’ natura li tikkawża t-trasferiment tad-dejn ta’ Alitalia lejn ix-xerrej, u b’mod partikolari l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mogħtija lil Alitalia.

23      Flimkien ma’ din in-notifika u minbarra t-tielet ilment tar-rikorrenti (ara l-punt 21 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni rċeviet tliet ilmenti mressqa minn kumpanniji tal-ajru oħra u l-Assoċjazzjoni Ewropea ta’ kumpanniji tal-ajru low cost (ELFAA).

24      Fis-27 ta’ Ottubru 2008, id-Digriet-Liġi Nru 134 ġie kkonvertit f’legge n° 166, Conversione in legge, con modificazioni, del decreto-legge 28 agosto 2008, n° 134, recante disposizioni urgenti in materia di ristrutturazione di grandi imprese in crisi (Liġi Nru 166, li tikkonverti f’liġi, bl-emendi, id-Digriet-Liġi Nru 134) (GURI nru 252, tas-27 ta’ Ottubru 2008, p. 4).

25      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrenti ressqet ilment supplimentari quddiem il-Kummissjoni, li kien jikkritika ċerti miżuri li hija kienet tikkwalifika bħala ta’ tħassib, jiġifieri, b’mod partikolari, iż-żieda tat-taxxa muniċipali ta’ imbarkazzjoni għal kull passiġġier li jitlaq minn ajruporti Taljani għal EUR 3, bil-għan, fl-opinjoni tagħha, għall-awtoritajiet Taljani, li jiġi ffinanzjat il-ħlas ta’ kumpensi ta’ tkeċċija lill-impjegati l-qodma ta’ Alitalia, kif ukoll allegat kunflitt ta’ interess żvelat mill-mezzi tax-xandir bejn ċerti azzjonisti taċ-CAI u ċerti azzjonisti tal-espert indipendenti, li huma identiċi.

26      Fil-31 ta’ Ottubru 2008, iċ-CAI ippreżentat lill-kummissarju straordinarju offerta vinkolanti għax-xiri ta’ ċerti assi relatati mal-attività ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri ta’ Alitalia. Din l-offerta ġiet trażmessa lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Taljani fit-3 ta’ Novembru 2008.

C –  Id-deċiżjonijiet ikkontestati

1.     Deċiżjoni li tikkonċerna s-self mogħti lil Alitalia

27      Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/155/KE, tat-12 ta’ Novembru 2008, dwar is-self ta’ EUR 300 miljun li approvat l-Italja għall-kumpanija Alitalia Nru C 26/08 (ex NN 31/08) (ĠU L 52, p. 3, iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kkontestata”), adottata fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni ddikjarat li l-imsemmi self, li l-ammont tiegħu seta’ jiġi inkluż mal-kapital proprju ta’ Alitalia, kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq komuni u ordnat l-irkupru tagħha mingħand il-benefiċjarju tagħha. Kopja ta’ din id-deċiżjoni ġiet indirizzata lir-rikorrenti fl-14 ta’ Jannar 2009 li rċevietha fl-20 ta’ Jannar 2009.

28      Qabel kollox, il-Kummissjoni osservat li s-self ta’ EUR 300 miljun approvat mir-Repubblika Taljana lil Alitalia kien ta’ natura li jagħtiha vantaġġ ekonomiku permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha serjament kompromessa, kemm meta ngħata s-self permezz tad-Digriet-Liġi Nru 80 kif ukoll meta ġie adottat id-Digriet-Liġi Nru 93, ma kienx jingħata minn investitur privat avżat. Barra minn hekk, hija indikat li r-rata ta’ interess mogħtija, in-natura kważi simultanja tal-irtirar tal-offerta ta’ Air France-KLM u tal-għoti tal-imsemmi self kif ukoll in-nuqqas ta’ perspettiva oħra ta’ rkupru u ta’ intervent finanzjarju tal-azzjonisti privati ta’ Alitalia flimkien ma’ dik tal-awtoritajiet Taljani kienu ta’ natura li jsaħħu din il-konklużjoni. Minn dan hija ddeduċiet li l-imsemmija awtoritajiet ma kinux aġixxew bħala azzjonist avżat li jsegwi politika strutturali, globali jew settorjali, immexxi minn perspettivi ta’ vijabbiltà f’terminu itwal tal-kapital investit minn dak ta’ investitur komuni.

29      Il-Kummissjoni kkonkludiet li s-self ta’ EUR 300 miljun approvat mir-Repubblika Taljana lil Alitalia, li l-ammont tiegħu seta’ jiġi assenjat mal-kapital proprju tagħha, kien jikkostitwixxi għajnuna illegali, li ma ġietx innotifikata minn qabel, u kien inkompatibbli mas-suq komuni. Barra minn hekk, hija kkonstatat li l-imsemmija miżura la kienet taqa’ taħt id-derogi previsti fl-Artikolu 87(2) u (3) KE u lanqas taħt dawk previsti mil-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [87 KE] u [88] KE u tal-Artikolu 61 tal-Ftehim ŻEE għall-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-avjazzjoni (ĠU 1994, C 350, p. 5), hekk kif issupplimentati bil-Linji Gwida Komunitarji dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna mill-Istat bħala għajnuna għall-bidu għall-kumpanniji tal-ajru li t-tluq tagħhom ikun minn ajruporti reġjonali (ĠU 2005, C 312, p. 1).

30      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset li, minkejja li Alitalia tista’ tiġi kklassifikata bħala impriża f’diffikultà, il-miżura inkwistjoni ma setgħetx tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni skont il-linji gwida Komunitarji li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat għas-salvagwardja u għar-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà (ĠU 2004, C 244, p. 2). Għalhekk, l-awtoritajiet Taljani kellhom jadottaw il-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupraw din l-għajnuna mill-benefiċjarju tagħha, jiġifieri Alitalia.

31      Id-dispożittiv tal-ewwel deċiżjoni kkontestata jipprovdi li ġej:

“Artikolu 1

Is-self ta’ EUR 300 miljun mogħti lill-Alitalia u li jista’ jiġi assenjat mal-kapitali proprji tagħha, implimentat mill-Italja bi ksur tal-Artikolu 88(3)[KE], huwa inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

1. [Ir-Repubblika Taljana] għandha tirkupra l-għajnuna stabbilita fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarju.

2. L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati jipproduċu interessi, li japplikaw mid-data li fiha dawn l-ammonti ngħataw lill-benefiċjarju sal-irkupru effettiv tagħhom.

[…].

Artiklu 3

1. L-irkupru tal-għajnuna skont l-Artikolu 1 huwa immedjat u effettiv.

2. [Ir-Repubblika Taljana] għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur wara d-data li fiha ġiet innotifikata.

Artikolu 4

1. Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, l-Italja għandha tagħti l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

a)      l-ammont totali (somma kapitali u interessi) li għandu jiġi rkuprat mill-benefiċjarju;

b)      deskrizzjoni fid-dettall tal-miżuri li diġà ttieħdu u li huma previsti biex tintlaħaq konformità ma’ din id-Deċiżjoni;

ċ)      id-dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie avżat uffiċjalment biex iħallas lura l-għajnuna.

2. [Ir-Repubblika Taljana] għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar l-iżvilupp tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu biex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sal-irkupru totali tal-għajnuna stabbilita fl-Artikolu 1. [Hija g]ħandha tippreżenta minnufih, sempliċement fuq talba tal-Kummissjoni, l-informazzjoni kollha dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u li kienu previsti biex tintlaħaq konformità ma’ din id-Deċiżjoni. [Hija g]ħandha tipprovdi wkoll l-informazzjoni fid-dettall dwar l-ammonti tal-għajnuna u l-interessi li kienu diġà rkuprati mill-benefiċjarju.

[…]”

2.     Deċiżjoni li tikkonċerna l-bejgħ ta’ assi ta’ Alitalia

32      Permezz ta’ deċiżjoni finali C (2008) 6745, li għandha bħala suġġett l-għajnuna mill-Istat Nru 510/2008 — L-Italja — Bejgħ tal-assi tal-kumpannija tal-ajru Alitalia (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kkontestata”), adottata fi tmiem fażi ta’ investigazzjoni preliminari, skont l-Artikolu 88(3) KE, il-Kummissjoni ddikjarat li, il-miżura nnotifikata, hekk kif emendata bl-impenji meħuda mill-awtoritajiet Taljani u ddefiniti f’din id-deċiżjoni, ma kinitx timplika l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lix-xerrejja, b’riżerva tal-osservanza sħiħa tal-imsemmija impenji mir-Repubblika Taljana, li skonthom il-bejgħ tal-assi tal-grupp Alitalia sar skont il-prezz tas-suq.

33      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni, qabel kollox, fakkret, fil-punti 21 sa 43 tat-tieni deċiżjoni kkontestata, il-kuntest ġuridiku tal-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja li għaliha kien suġġett il-grupp Alitalia kif ukoll ir-rwol tad-diversi atturi implikati fih. Sussegwentement, fil-punti 44 sa 75 ta’ din id-deċiżjoni, hija analizzat il-proċedura ta’ bejgħ ta’ assi, billi ħadet inkunsiderazzjoni, l-ewwel nett, l-informazzjoni tas-suq tal-istadji differenti tal-bejgħ u tas-sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess (punti 44 sa 52); it-tieni nett, offerti rċevuti għax-xiri tal-assi tal-grupp Alitalia u, b’mod partikolari, ta’ dik ippreżentata miċ-CAI (punti 53 sa 69); it-tielet nett, kriterji kkunsidrati għall-evalwazzjoni tal-offerti u, b’mod partikolari, l-impenn meħud mill-awtoritajiet Taljani li skontu l-kriterju prinċipali huwa dak tal-konformità tal-prezz offert mal-prezz tas-suq (punti 70 sa 72); u, ir-raba’ nett, aspetti relatati mar-riżorsi umani (punti 73 u 74). Barra minn hekk, il-Kummissjoni eżaminat il-missjoni u r-rwol tal-mandatarju inkarigat mill-verifika tat-tranżazzjoni tal-bejgħ tal-assi tal-grupp Alitalia. Dan tal-aħħar kellu jinħatar mill-awtoritajiet Taljani sabiex iħares li l-proċedura nnotifikata minnhom tiġi applikata bis-sħiħ u b’mod effettiv u sabiex il-bejgħ tal-assi jsir bil-prezz tas-suq, skont l-impenji meħuda mir-Repubblika Taljana. F’dan ir-rigward, huwa kellu jrodd rapporti eżawrjenti lill-Kummissjoni (punti 76 sa 89).

34      Fit-tieni lok, fil-punti 92 sa 151 tat-tieni deċiżjoni appellata, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tal-miżura relatata mal-bejgħ tal-assi. L-evalwazzjoni tagħha kienet tikkonċerna, minn naħa, l-eżami tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat favur xerrejja tal-assi tal-grupp Alitalia (punti 92 sa 127) u, min-naħa l-oħra, ir-riskju li jiġi evitat l-obbligu ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli (punti 128 sa 151).

35      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kkonfermat li l-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja ma kinitx twassal għall-għoti ta’ għajnuna favur xerrejja. Fil-fatt, wara li osservat, fil-punt 104 tat-tieni deċiżjoni kkontestata, fi tmiem l-eżami tan-natura miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja tal-proċedura nnotifikata, li din tal-aħħar ma kinitx tippreżenta livell ta’ trasparenza suffiċjenti sabiex tiggarantixxi fiha nnifisha prezz tas-suq, peress li din il-proċedura kienet tistrieħ fuq evalwazzjoni indipendenti, minn atturi indipendenti. Barra minn hekk, hija osservat, fil-punti 119, 122 u 126 ta’ din id-deċiżjoni, li l-imsemmija proċedura ma kinitx twassal sabiex jiġu imposti obbligi ta’ setgħa pubblika fuq ix-xerrejja tal-assi tal-grupp Alitalia tali li jqiegħdu inkwistjoni l-għan tal-bejgħ bil-prezz tas-suq, kemm fir-rigward tar-riżorsi umani kif ukoll fir-rigward tal-kundizzjonijiet biex jiġi operat it-trasport bl-ajru. B’hekk, hija kkonkludiet, fil-punt 127 tal-istess deċiżjoni li, b’riżerva għall-applikazzjoni stretta tal-impenji meħuda mill-awtoritajiet Taljani, il-miżura nnotifikata għandha twassal għall-bejgħ tal-assi tal-grupp Alitalia bil-prezz tas-suq.

36      Fil-kuntest tat-tieni parti tal-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-punt 137 tat-tieni deċiżjoni kkontestata, li, fid-dawl tal-portata tal-bejgħ ta’ assi u tal-frammentazzjoni tal-offerti ppreżentati minn xerrejja potenzjali, il-proċedura ta’ implementazzjoni mir-Repubblika Taljana ma kinitx timplika kontinwità ekonomika bejn Alitalia u x-xerrejja tal-assi tagħha. Madankollu, hija qieset fil-punt 138 tal-imsemmija deċiżjoni li, fir-rigward tal-offerta ppreżentata miċ-CAI, ir-riskju ta’ kontinwità ekonomika kien jixraqlu eżami iktar fil-fond, fid-dawl tal-ammont kbir ta’ assi kkonċernati mill-offerta. Fid-dawl tal-fatt li l-azzjonisti taċ-CAI u ta’ Alitalia ma kinux l-istess, tal-portata differenti u tan-natura iktar imnaqqsa tal-attivitajiet taċ-CAI meta mqabbla ma’ dawk ta’ Alitalia, tal-istrateġija industrijali taċ-CAI innifisha kif ukoll tal-kundizzjoni li tipprovdi li t-trasferiment għandu jsir skont il-prezz tas-suq, liema fatti ġew osservati fil-punti 140 sa 145 ta’ din id-deċiżjoni, hija kkonkludiet sussegwentement, fil-punti 147 u 149 tal-istess deċiżjoni, li kien hemm nuqqas ta’ kontinwità ekonomika bejn Alitalia u ċ-CAI. B’hekk, hija kkonstatat, fil-punti 151 sa 156 tad-deċiżjoni inkwistjoni, li, b’riżerva għar-rispett sħiħ tal-impenji meħuda mir-Repubblika Taljana skont liema l-bejgħ għandu jsir skont il-prezz tas-suq, il-proċedura nnotifikata ma kellha la bħala effett li tevita l-obbligu ta’ rkupru mir-Repubblika Taljana skont l-ewwel deċiżjoni kkontestata, u lanqas li tagħti għajnuna mill-Istat lix-xerrejja ta’ Alitalia.

37      Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-miżura nnotifikata, kif emendata bl-impenji meħuda mill-awtoritajiet Taljani, ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna, inkwantu dawn l-impenji ġew kollha kemm huma osservati.

 Il-proċedura

38      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Marzu 2009, ir-rikorrenti ppreżentat din il-kawża.

39      Permezz ta’ atti ddepożitati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali rispettivament fit-23 ta’Lulju u fis-7 ta’ Awwissu 2009, ir-Repubblika Taljana u Alitalia — Compagnia Aerea Italiana (iktar ’il quddiem “Alitalia‑CAI”) talbu sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

40      Permezz ta’ digrieti tas-16 ta’ Settembru u tad-19 ta’ Ottubru 2009, il-President tat-Tmien Awla laqa’ t-talbiet għal intervent tar-Repubblika Taljana u ta’ Alitalia‑CAI.

41      Permezz ta’ att tal-11 ta’ Awwissu 2010, Alitalia‑CAI talbet l-awtorizzazzjoni sabiex tuża t-Taljan matul il-proċeduri orali, skont l-Artikolu 35(2)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, liema awtorizzazzjoni ngħatatilha.

42      Billi l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ħames Awla, li lilha, konsegwentement, ġiet assenjata din il-kawża.

43      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u li tagħmel ċerti mistoqsijiet lill-partijiet.

44      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ April 2011, wara li nstemgħu il-partijiet, il-proċeduri ġew sospiżi skont l-Artikolu 77(a) tar-Regoli tal-Proċedura, sa ma tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża C‑83/09 P, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex.

45      Permezz ta’ att tad-19 ta’ April 2011, ir-rikorrenti talbet l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, skont l-Artikoli 49 u 64 tar-Regoli tal-Proċedura, intiżi sabiex il-Kummissjoni tipproduċi ċerti dokumenti.

46      Peress li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, Ġabra p. I‑4441) ngħatat fl-24 ta’ Mejju 2011, il-proċeduri f’din il-kawża tkomplew. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiġbor l-osservazzjonijiet tal-partijiet dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn din is-sentenza dwar l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, waqt is-seduta.

47      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali rispettivament fil-5 u fis-6 ta’ Ġunju 2011, Alitalia‑CAI u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet dwar it-talba tar-rikorrenti għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

48      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill‑Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2011.

 It-talbiet tal-partijiet

49      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla parzjalment l-ewwel deċiżjoni kkontestata sa fejn hija ma tordnax l-irkupru tal-għajnuna mingħand is-suċċessuri ta’ Alitalia u tagħti lir-Repubblika Taljana terminu supplimentari sabiex timplementa din id-deċiżjoni;

–        tannulla t-tieni deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

50      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

51      Alitalia‑CAI titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

52      Ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

A –  Fuq it-talba għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata

1.     Fuq l-ammissibbiltà

53      Ir-rikorrenti ssostni li hija parti interessata fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE u li hija tista’ tiġi ammessa tippreżenta rikors għal annullament kontra t-tieni deċiżjoni kkontestata, billi, bħala kompetitriċi ta’ Alitalia u taċ-CAI, l-interessi tagħha ġew affettwati bl-għoti tas-self lil Alitalia u bit-trasferiment tal-assi ta’ din tal-aħħar liċ-CAI. Barra minn hekk, hija tindika, li, permezz tar-rikors tagħha, hija għandha l-intenzjoni li tħares id-drittijiet proċedurali tagħha, fid-dawl tal-fatt li l-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata għandha bħala effett il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-pożizzjoni tagħha fis-suq ġiet sostanzjalment affettwata bl-imsemmija deċiżjoni.

54      Mingħajr ma tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà formali, il-Kummissjoni, sostnuta minn Alitalia-CAI, issostni li r-rikors huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni, billi tippreżenta dan ir-rikors, tħares id-drittijiet proċedurali tagħha fid-dawl tal-kwalità tagħha bħala parti li tressaq l-ilment u bħala kompetitur tal-“kumpanniji impenjati fil-proċess ta’ bejgħ ta’ assi t[al-grupp] Alitalia”. Min-naħa l-oħra, hija tqis li, sa fejn ir-rikorrenti tqiegħed inkwistjoni l-fondatezza tat-tieni deċiżjoni kkontestata, li kieku kellu jitqies li din tista’ tiġi kkunsidrata bħala “interessata” fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, dan ma jkunx biżżejjed biex ir-rikors jiġi ddikjarat bħala ammissibbli, ħlief biex jiġi pprovat li hija tgawdi minn status partikolari, b’tali mod li l-pożizzjoni tagħha fis-suq ġiet sostanzjalment effettwata bl-għajnuna li hija s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni, liema fatt ma ġiex stabbilit f’dan il-każ.

55      Ir-Repubblika Taljana tqis li r-rikors huwa kollu kemm hu inammissibbli, peress li r-rikorrenti ma pprovatx li t-tieni deċiżjoni kkontestata tagħti lok għal konsegwenzi diretti fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha.

56      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, anki jekk, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 53 tal-imsemmi statut, il-partijiet intervenjenti ma għandhomx il-kwalità li jqajmu talbiet li ma jkunux fis-sens ta’ dawk imqajma mill-parti sostnuta, fir-rigward ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, għandha tiġi eżaminata ex officio l-ammissibbiltà tar-rikors, skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C‑313/90, Ġabra p. I‑1125, punti 21 sa 24).

57      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra biss jekk l-imsemmi deċiżjoni tikkonċernaha direttament u individwalment.

58      Skont ġurisprudenza stabbilita, is-suġġetti li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma kkonċernati individwalment fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE ħlief jekk din id-deċiżjoni tippreġudikahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta pparagunati ma’ persuni oħra kollha u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu bħal ma jkun id-destinatarju ta’ deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223; tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni, C‑198/91, Ġabra p. I‑2487, punt 20, u tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C‑225/91, Ġabra p. I‑3203, punt 14).

59      Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 jistabbilixxi fażi ta’ investigazzjoni preliminari tal-miżuri ta’ għajnuna nnotifikati li għandha l-għan li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma l‑ewwel opinjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni. Fi tmiem din il-fażi, il-Kummissjoni tikkonstata li din il-miżura jew ma tikkostitwixxix għajnuna, jew inkella taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. F’din l-aħħar eventwalità, l-imsemmija miżura tista’ ma tqajjimx dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, jew min-naħa l‑oħra, tista’ tqajjimhom (sentenza Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, punt 46 iktar ’il fuq, punt 43).

60      Jekk wara l-eżami preliminari, il-Kummissjoni tikkonstata li l-miżura nnotifikata, jekk kemm-il darba tkun taqa’ fil-kamp tal-Artikolu 87(1) KE, ma tkunx tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, hija tieħu deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999 (sentenza Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, punt 46 iktar ’il fuq, punt 44).

61      Meta l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, hija mhux biss tiddikjara l-miżura bħala kompatibbli mas-suq komuni, iżda wkoll, b’mod impliċitu, tirrifjuta li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 (sentenza Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, punt 46 iktar ’il fuq, punt 45).

62      Jekk, wara l-eżami preliminari, il-Kummissjoni tikkonstata li l-miżura nnotifikata tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, hija għandha l-obbligu li tadotta, abbażi tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999, deċiżjoni għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE u fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, tali deċiżjoni tistieden lill-Istat Membru kkonċernat u lill-partijiet interessati l-oħra sabiex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom f’terminu determinat, li normalment ma jaqbiżx xahar (sentenza Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, punt 46 iktar ’il fuq, punt 46).

63      Il-legalità ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet ibbażata fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999 tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk jeżistux dubji dwar il‑kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni. Meta dubji bħal dawn jagħtu lok għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali li għaliha jistgħu jipparteċipaw il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, għandu jitqies li kull parti interessata fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni hija direttament u individwalment ikkonċernata minn tali deċiżjoni. Fil-fatt, il‑benefiċjarji tal-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 88(2) KE u fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, jistgħu biss jiksbu l-osservanza tagħhom jekk huma għandhom il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, punt 46 iktar ’il fuq, punt 47).

64      Għaldaqstant, il-kwalità partikolari ta’ parti interessata fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, marbuta mas-suġġett speċifiku tar-rikors, hija biżżejjed sabiex tindividwalizza, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, ir‑rikorrent li jikkontesta deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet (sentenza Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, punt 46 iktar ’il fuq, punt 48).

65      Skont l-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, parti interessata għandha tinftiehem b’mod partikolari kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu effettwati bl-għoti ta’ għajnuna, jiġifieri b’mod partikolari impriżi kompetituri tal-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna. Fi kliem ieħor, hija tirreferi għal grupp indeterminat ta’ destinatarji (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, punt 46 iktar ’il fuq, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Meta rikorrent jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, essenzjalment huwa jqiegħed inkwistjoni l-fatt li d-deċiżjoni adottata mill-Kummisjoni fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni tkun ittieħdet mingħajr ma din l-istituzzjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u b’hekk tikser id-drittijiet proċedurali tiegħu. Sabiex it-talba għal annullament tiegħu tintlaqa’, ir-rikorrent jista’ jinvoka kwalunkwe motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tal-miżura nnotifikata, kellha tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. L‑użu ta’ tali argumenti ma jistax, madankollu, ikollu l-konsegwenza li jbiddel is‑suġġett ta’ rikors u lanqas li jbiddel il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il-Kummissjoni, C-319/07 P, Ġabra p. I‑5963, punt 35). Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ dubji dwar din il-kompatibbiltà hija preċiżament il-prova li għandha tiġi prodotta sabiex jintwera li l-Kummissjoni kienet marbuta tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni stipulata fl-Artikolu 88(2) KE kif ukoll fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 (sentenza Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, punt 46 iktar ’il fuq, punt 59).

67      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti għandhiex locus standi sabiex tannulla t-tieni deċiżjoni kkontestata.

68      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li t-tieni deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni adottata fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 659/1999, li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonstatat li l-miżura nnotifikata ma kinitx tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE u għaldaqstant ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni rrifjutat impliċitament li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. B’hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 61 sa 64 u 66 iktar ’il fuq, dwar deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999, li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li kull parti interessata għandha tiġi kkunsidrata bħala direttament u individwalment ikkonċernata minn deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ għajnuna fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari. Fil-fatt, anki li kieku l-istess deċiżjoni ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 4(2), il-benefiċjarji tal-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 88(2) KE u fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jistgħu jiksbu l-osservanza tagħha biss jekk ikollhom il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ għajnuna fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari. Barra minn hekk, fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jwasslu sabiex ma tinfetaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-locus standi għall-annullament ma jistax jiddependi fuq il-bażi ġuridika li abbażi tagħha ġew adottati dawn id-deċiżjonijiet.

69      Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti stabbilixxietx suffiċjentement skont il-liġi li, f’dan il-każ, hija parti interessata.

70      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tindika li hija tinsab preżenti fi 22 ajruport Taljan u li l-attivitajiet tagħha jikkoinċidu ma’ dawk ta’ Alitalia‑CAI fuq 29 “possibbiltajiet domestiċi jew internazzjonali”, bħal Ruma-Venezia u Ruma-Madrid. Barra minn hekk, minkejja l-fatt li ma toperax mill-istess ajruporti, hija ssostni li hija tipproponi titjirijiet minn u lejn l-istess ibliet bħal Alitalia‑CAI. Barra minn hekk hija ssostni li, bħala kompetitur ta’ Alitalia u taċ-CAI, l-interessi tagħha huma effettwati bit-trasferiment tal-assi tal-grupp Alitalia liċ-CAI, fejn it-trasferiment inkwistjoni ppermetta liċ-CAI sabiex tkompli bl-attività ta’ trasport ta’ passiġġieri bl-ajru ta’ Alitalia taħt kundizzjonijiet favorevoli ħafna, filwaqt li jiġi evitat li Alitalia tirtira mis-suq.

71      Issa, tali elementi ma humiex ikkontestati mill-Kummissjoni u jistabbilixxu suffiċjentement skont il-liġi l-eżistenza ta’ rabta ta’ kompetizzjoni ma’ Alitalia fis-suq Taljan u internazzjonali ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri.

72      Barra minn hekk, l-argument tal-partijiet intervenjenti li jipprovdi li peress li r-rikorrenti hija kumpannija tal-ajru low-cost, huwa diffiċli li jiġi kkunsidrat li hija sabet ruħha f’pożizzjoni partikolari b’mod li tista’ topera r-rotot ta’ kumpannija tal-ajru tradizzjonali bħal Alitalia, ma jistax iqiegħed inkwistjoni l-fatt li l-partijiet huma kompetituri fis-suq Taljan u internazzjonali ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri. Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għall-finijiet tal-eżami tal-ammissibbiltà, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti hija kompetitur tal-benefiċjarju tal-miżuri tal-istat ddenunzjati, sa fejn dawn iż-żewġ impriżi jużaw, direttament jew indirettament, is-servizzi regolari ta’ trasport bl-ajru tal-passiġġieri minn jew lejn ajruporti Taljani, b’mod partikolari ajruporti reġjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Mejju 2006 Air One vs Il-Kummissjoni, T‑395/04, Ġabra p. II‑1343, punt 38).

73      Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti hija parti interessata bħala impriża li tikkompeti mal-benefiċjarja tal-allegata għajnuna mill-Istat — kemm jekk din il-benefiċjara tkun Alitalia kif ukoll jekk din tkun iċ-CAI, bħalma hija tallega — fejn l-interessi tagħha jistgħu jiġu effettwati bl-għoti ta’ din l-għajnuna. Din il-kwalità partikolari ta’ parti interessata marbuta mas-suġġett speċifiku tar-rikors kif deskritt fil-punt 68 iktar ’il fuq hija biżżejjed biex tindividwalizzaha, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 64 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, dan ir-rikors huwa ammissibbli sa fejn huwa dirett kontra t-tieni deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti li huma relatati mal-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha minħabba l-miżura nnotifikata.

2.     Fuq is-suġġett tal-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali

74      Fir-rigward tas-suġġett tal-istħarriġ li għandu jsir mill-Qorti Ġenerali, għandu jiġi ppreċiżat li meta rikorrent ifittex li jħares id-drittijiet proċedurali li jikseb mill-Artikolu 88(2) KE, huwa jista’ jinvoka kwalunkwe motiv minn dawk enumerati fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 230 KE, sa fejn ikunu intiżi għall-annullament tad‑deċiżjoni kkontestata u, b’mod definittiv, għall-ftuħ mill-Kummissjoni tal‑proċedura prevista mill‑Artikolu 88(2) KE. Min-naħa l-oħra, ma hijiex kompetenza tal-Qorti Ġenerali, f’dan l-istadju tal‑proċedura ta’ eżami ta’ għajnuna mill-Kummissjoni, li tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ għajnuna jew dwar il‑kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Frar 2009, Deutsche Post u DHL International vs Il-Kummissjoni, T‑388/03, Ġabra p. II‑199, punt 66).

75      Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif stabbilit fit-Trattat, għandu natura legali u għandu jiġi interpretat fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti tal-Unjoni għandha, bħala regola u fid-dawl sew tal-elementi konkreti tal-kwistjoni mressqa quddiemha u kif ukoll tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra p. I‑10515, punt 111).

76      Dan tant huwa minnu li hemm ġurisprudenza stabbilita li, meta l-Kummissjoni ma tistax tikseb il-konvinzjoni, wara l-ewwel eżami fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 88(3) KE, li l-miżura tal-Istat inkwistjoni ma tikkostitwixxix “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE jew, jekk tiġi kklassifikata bħala għajnuna, hija kompatibbli mat-Trattat, jew meta din il-proċedura ma ppermettitilhiex tegħleb id-diffikultajiet kollha mqajma bl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura kkunsidrata, din l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE “mingħajr ma jkollha f’dan ir-rigward marġni diskrezzjonali”. Dan l-obbligu huwa wkoll espressament ikkonfermat permezz tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 4(4) u 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 (sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq, punt 113).

77      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ diffikultajiet serji huwa ta’ natura oġġettiva. L-eżistenza ta’ tali diffikultajiet tirrikjedi investigazzjoni kemm taċ-ċirkustanzi li fih ġie adottat l-att ikkontestat kif ukoll tal‑kontenut tiegħu, b’mod oġġettiv, billi jsir paragun bejn il-motivazzjoni tad-deċiżjoni u l-elementi li l-Kummissjoni kellha meta ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kontenzjuża mas-suq komuni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2001, Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni, T-73/98, Ġabra p. II-867, punt 47; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1995, SIDE vs Il-Kummissjoni, T‑49/93, Ġabra p. II-2501, punt 60). Ir-rikorrenti għandha l-oneru li tipprova l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji u tista’ tinħeles minn tali oneru billi tippreżenta serje ta’ indikazzjonijiet konkordanti dwar, minn naħa, iċ-ċirkustanzi u t-tul tal-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari u, min-naħa l-oħra, il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Marzu 2010, Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni, T‑36/06, Ġabra p. II‑537, punt 127).

78      Għalkemm din ma għandha l-ebda setgħa diskrezzjonali fir-rigward tad-deċiżjoni li tinbeda proċedura ta’ investigazzjoni formali, meta tikkonstata l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet, madankollu l-Kummissjoni tgawdi minn ċertu marġni diskrezzjonali fir-riċerka u fl-investigazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex tistabbilixxi jekk dawn iqajmux diffikultajiet serji. Skont l-għan tal-Artikolu 88(3) KE u d-dmir ta’ amministrazzjoni tajba li hija għandha, il‑Kummissjoni tista’, b’mod partikolari, tibda djalogu mal-Istat li nnotifika l‑għajnuna jew ma’ terzi sabiex, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari, jingħelbu diffikultajiet li eventwalment setgħet iltaqgħet magħhom (sentenzi Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 45, u Bundesverband deutscher Banken vs Il‑Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 126). Issa, din il-fakultà tippresupponi li l-Kummissjoni tista’ tadatta l-pożizzjoni tagħha skont ir-riżultati tad-djalogu mibdi, mingħajr ma dan l-adattament għandu jiġi interpretat a priori bħala li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2006, Asociación de Estaciones de Servicio de Madrid u Federación Catalana de Estaciones de Servicio vs Il‑Kummissjoni, T‑95/03, Ġabra p. II‑4739, punt 139).

79      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li n-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal‑eżami magħmul mill-Kummissjoni waqt il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tikkostitwixxi indikazzjoni tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2010, British Aggregates et vs Il-Kummissjoni, T‑359/04, Ġabra p. II‑4227, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      F’dan il-każ, peress li t-tieni deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mingħajr ma nfetħet il-fażi ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni setgħet għalhekk tadottaha legalment biss jekk l-eżami preliminari ma kienx iqajjem diffikultajiet serji. Fil-fatt, jekk jeżistu tali diffikultajiet, l-imsemmija deċiżjoni tista’ tiġi annullata sempliċement abbażi ta’ dan il-motiv, minħabba l-ommissjoni tal-eżami kontradittorju u fil-fond previst mit-Trattat KE, anke jekk ma jiġix stabbilit li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq il-mertu kienu żbaljati fid-dritt jew fil-fatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza British Aggregates et vs Il-Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, punt 58).

81      Għalhekk għandhom jiġu eżaminati l-motivi kollha mqajma mir-rikorrenti għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata, sabiex jiġi evalwat, b’mod partikolari, jekk dawn jippermettux li jiġu identifikati diffikultajiet serji li minħabba fihom il-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ Jannar 2004, Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il‑Kummissjoni, T‑158/99, Ġabra p. II‑1, punt 91, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Fachvereinigung Mineralfaserindustrie vs Il‑Kummissjoni, T‑375/03, Ġabra p. II-121, punti 67 u 77).

3.     Fuq il-mertu

82      Ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi insostenn tar-rikors tagħha fir-rigward tal-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata.

83      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE, minkejja d-diffikultajiet serji li allegatament iltaqgħet magħhom il-Kummissjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tiċċita għaxar żbalji li jivvizzjaw l-eżami tal-Kummissjoni. Hija tindika li din il-lista — li tikkwalifika bħala “mhux eżawrjenti” — fejn hemm lakuni jew nuqqasijiet li jivvizzjaw it-tieni deċiżjoni kkontestata, turi li l-portata u l-kumplessità tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni kienu jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Sa fejn dawn l-allegati żbalji jew lakuni huma konnessi ma’ motivi oħra mqajma f’dan ir-rikors, huwa meħtieġ li dawn jiġu eżaminati fil-kuntest tal-evalwazzjoni relatata magħhom.

84      It-tieni motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta deċiżjoni kundizzjonali ta’ nuqqas ta’ għajnuna wara li wettqet sempliċi eżami preliminari. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tqajjem ukoll ċerti argumenti li ma humiex relatati mal-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta t-tieni deċiżjoni kkontestata, iżda li jixirqilhom evalwazzjoni fuq il-mertu, jiġifieri n-natura allegatament irrealistika tal-impenji meħuda mir-Repubblika Taljana li skonthom il-bejgħ tal-assi tal-grupp Alitalia għandu jsur bil-prezz tas-suq.

85      It-tielet motiv, maqsum fi tliet partijiet, huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ allegata investigazzjoni mill-Kummissjoni tal-karatteristiċi rilevanti kollha tal-miżuri kontenzjużi fil-kuntest tagħhom kif ukoll ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Kummissjoni, fid-dawl tan-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni ta’ din l-ommissjoni.

86      Ir-raba’ motiv, maqsum f’żewġ partijiet, huwa bbażat fuq żball ta’ liġi peress li, minbarra l-bejgħ tal-assi tal-grupp Alitalia, il-Kummissjoni allegatament injorat il-possibbiltajiet disponibbli, kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Kummissjoni, fid-dawl tan-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni ta’ dan in-nuqqas.

87      Il-ħames motiv, maqsum f’ħames partijiet, huwa bbażat fuq nuqqas ta’ applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat li jopera taħt kundizzjonijiet normali ta’ ekonomija tas-suq għall-bejgħ ta’ assi.

88      Is-sitt motiv huwa bbażat fuq żball ta’ identifikazzjoni tal-parti li għandha tħallas lura l-għajnuna.

89      Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward, b’mod partikolari, tal-aspetti lakunari tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni invokati mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tielet u r-raba’ motivi, jiġifieri, minn naħa, in-nuqqas ta’ investigazzjoni tal-karatteristiċi kollha tal-miżuri fil-kuntest tagħhom u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ investigazzjoni tal-possibbiltajiet l-oħra minbarra l-bejgħ tal-assi.

90      Għall-finijiet tal-eżami tal-motivi esposti iktar ’il fuq, għandha ssir distinzjoni billi jiġu kklassifikati fi tliet kategoriji, skont kemm huma intiżi għall-konstatazzjoni tal-inkompetenza tal-Kummissjoni li tadotta t-tieni deċiżjoni kkontestata, il-ksur tal-obbligu ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali minn din tal-aħħar jew il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

91      Għaldaqstant hemm lok li jiġi eżaminati, qabel kollox, it-tieni motiv, ibbażat fuq l-inkompetenza tal-Kummissjoni li tadotta t-tieni deċiżjoni kkontestata, imbagħad, suċċessivament, il-motivi bbażati fuq il-ksur tal-obbligu ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali — jiġifieri l-ewwel żewġ partijiet tat-tieni motiv, l-ewwel parti tar-raba’ motiv, il-ħames motiv, is-sitt motiv, l-ewwel motiv kif ukoll l-argumenti invokati fil-kuntest tat-tieni motiv dwar in-natura irrealistika tal-impenji meħuda mill-awtoritajiet Taljani — u, fl-aħħar nett, il-motivi bbażati fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni — jiġifieri, is-seba’ motiv, it-tieni u t-tielet partijiet tat-tielet motiv u t-tieni parti tar-raba’ motiv.

a)     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza mill-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni kundizzjonali wara investigazzjoni preliminari

92      Ir-rikorrenti tqiegħed inkwistjoni l-bażi li fuqha ġiet adottata t-tieni deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 659/1999, li ma tippermettix lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni “kondizzjonali” ta’ nuqqas ta’ għajnuna wara sempliċi investigazzjoni preliminari, iżda biss fi tmiem proċedura ta’ investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999, b’rabta ma’ konstatazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni. Barra minn hekk hija ssostni li, fid-dawl tad-dispożittiv tat-tieni deċiżjoni kkontestata, il-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ avveniment inċert, jiġifieri l-osservanza ta’ numru ta’ impenji ta’ aġir mill-awtoritajiet Taljani li jixbhu l-kundizzjonijiet li jirriżultaw mid-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7(4) tal-imsemmi regolament. Fl-aħħar nett, hija tindika li, skont il-ġurisprudenza, l-inkompetenza tal-istituzzjoni li adottat l-att ikkontestat tirrappreżenta motiv ta’ annullament ta’ ordni pubbliku li għandha titqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni.

93      Qabel kollox, għandu jitfakkar li fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari u skont l-Artikolu 4(2) sa (4) tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni tista’ tieħu tliet tipi ta’ deċiżjonijiet. Hija tista’ tikkonstata jew li l-miżura nnotifikata ma tikkostitwixxix għajnuna, jew li din il-miżura, minkejja li tikkostitwixxi għajnuna, ma tqajjimx dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni (imsejħa “deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet”), jew li tqajjem dubju u tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Sussegwentement, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta deċiżjoni pożittiva, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 659/1999 (li tikkonstata, jekk ikun il-każ, wara l-emenda mill-Istat Membru kkonċernat, li miżura hija kompatibbli mas-suq komuni), u tista’ tpoġġi kundizzjonijiet sabiex tkun tista’ tirrikonoxxi l-kompatibbiltà tal-imsemmija miżura mas-suq komuni, kif ukoll obbligi li jippermettulha tistħarreġ l-osservanza ta’ din id-deċiżjoni, skont l-Artikolu 7(4) ta’ dan l-istess regolament.

94      B’hekk, għandu jiġi osservat li, b’differenza tad-deċiżjonijiet meħuda fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, bħat-tieni deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999 jikkonċerna deċiżjonijiet pożittivi, li permezz tagħhom il-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna, skont l-Artikolu 87(1) KE, li hija sussegwentement tiddikjara kompatibbli mas-suq komuni. Din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli f’dan il-każ, ġaladarba l-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura nnotifikata, fid-dawl tal-impenji meħuda mir-Repubblika Taljana, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat u għaldaqstant ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE.

95      Għalhekk it-tieni deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi kklassifikata bħala deċiżjoni kundizzjonali, fis-sens tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999, li timponi kundizzjonijiet jew obbligi fuq l-Istat Membru, u lanqas bħala deċiżjoni li timponi emendi fuq l-abbozz notifikat, iżda, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, bħala deċiżjoni li tieħu inkunsiderazzjoni impenji ta’ aġir meħuda b’mod volontarju mill-Istat waqt il-fażi ta’ notifika tal-miżura kontenzjuża bil-għan li jiġu kkjarifikati ċerti punti. B’hekk, dawn l-impenji jagħmlu parti sħiħa mill-miżura nnotifikata, liema fatt wara kollox jirriżulta mid-dispożittiv tat-tieni deċiżjoni kkontestata.

96      B’hekk, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni hija kompetenti sabiex tadotta, abbażi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 659/1999, deċiżjoni, bħat-tieni deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha, filwaqt li tikkonstata n-nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat, hija tieħu konjizzjoni tal-impenji meħuda mill-Istat Membru.

97      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

b)     Fuq il-motivi bbażati fuq il-ksur tal-obbligu li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali

98      Fir-rigward ta’ din il-kategorija ta’ motivi, għandu jiġi ddeterminat, f’dan il-każ, fir-rigward tal-ilmenti fformulati f’kull wieħed mill-motivi, jekk l-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni kinitx tali li teskludi l-preżenza ta’ diffikultajiet serji, b’tali mod li tilleġittima d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. F’dan ir-rigward, għandhom jiġu eżaminati, suċċessivament, l-ilmenti fformulati fil-kuntest tat-tielet motiv, dawk ifformulati fil-kuntest tar-raba’ motiv, dawk ifformulati fil-kuntest tal-ħames motiv, dawk ifformulati fil-kuntest tas-sitt motiv u, fl-aħħar lok, dawk ifformulati fil-kuntest tal-ewwel motiv, li fil-kuntest tiegħu għandhom jiġu eżaminati wkoll l-argumenti tar-rikorrenti invokati fil-kuntest tat-tieni motiv, li ma jikkonċernax il-kompetenza, iżda jirreferi għan-natura allegatament mhux realistika tal-impenji meħuda mill-awtoritajiet Taljani.

 Fuq l-ilmenti fformulati fil-kuntest tat-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżami mill-Kummissjoni tal-karatteristiċi kollha rilevanti tal-miżuri fil-kuntest tagħhom

99      It-tielet motiv huwa maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel u t-tieni parti huma bbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, minħabba n-nuqqas ta’ eżami tal-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja kollha u taċ-ċirkustanzi ta’ adozzjoni tal-emendi magħmula fuq l-imsemmija proċedura mill-Kummissjoni. It-tielet parti hija bbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni talli naqset li tiġġustifika l-imsemmi nuqqas ta’ investigazzjoni.

100    L-ilmenti fformulati fil-kuntest tal-ewwel żewġ partijiet tat-tielet motiv għandhom jiġu eżaminati flimkien.

101    Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni inkwantu hija ma eżaminatx jekk il-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja, li tidderoga mir-regoli ta’ dritt komuni f’materji fallimentari, kinitx tat lok għall-għoti ta’ għajnuna fiha nnifisha, iżda ssodisfat ruħha milli teżamina ċerti emendi fil-proċedura introdotti permezz tad-Digriet-Liġi Nru 134. Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ddeċidiet li ma teżaminax iċ-ċirkustanzi madwar l-adozzjoni tal-emendi għall-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja u, b’mod partikolari, il-miżuri li jippermettu li Alitalia u ċ-CAI jiġu esklużi mill-oneru ta’ xogħol bl-idejn relatat mal-qgħad u mas-sigurtà soċjali li, skont ir-rikorrenti, jagħmlu parti sħiħa mill-pjan għall-bejgħ tal-assi tal-grupp Alitalia u jirrappreżentaw kundizzjoni magħmula mis-sindakati u miċ-CAI għall-ftehim tagħhom dwar dan il-pjan.

102    Għandu jiġi osservat, preliminarjament, fir-rigward tal-investigazzjoni magħmula mill-Kummissjoni waqt il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, li hija għandha l-obbligu li teżamina l-fatti u d-dispożizzjonijiet legali kollha li l-persuni, l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet li l-interessi tagħhom setgħu possibbilment kienu effettwati minħabba l-għoti tal-għajnuna ressqu quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 51). Għalhekk huwa fid-dawl kemm tal-informazzjoni nnotifikata mill-Istat ikkonċernat kif ukoll ta’ dik ipprovduta mill-persuni kollha li ressqu lment li l-istituzzjoni għandha tfassal l-evalwazzjoni tagħha fil-kuntest tal-eżami preliminari introdott permezz tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Mejju 2001, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑204/97, Ġabra p. I‑3175, punt 35).

103    Għandu jitfakkar ukoll li l-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata mill-qorti tal-Unjoni skont l-informazzjoni li l‑Kummissjoni seta’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha meta hija adottatha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, Ġabra p. I‑2577, punt 54, u tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, Ġabra p. I-7763, punt 91).

104    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li teżamina ex officio u b’suppożizzjonijiet liema huma l-elementi li setgħu tressqu quddiemha waqt il-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 102 iktar ’il fuq, punt 60).

105    Fir-rigward tal-ilmenti fformulati fil-kuntest tal-ewwel parti, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif ġie osservat fil-punti 33 u 34 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, minn naħa, eżaminat il-qafas leġiżlattiv li jirregola l-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja u r-rwol tal-atturi differenti li fuqhom kienet tistrieħ din il-proċedura u, min-naħa l-oħra, evalwat il-miżura ta’ bejgħ ta’ assi permezz tas-sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess u ta’ proċedura bi qbil reċiproku fir-rigward tas-sistema li tidderoga mid-dritt komuni introdotta bid-Digriet-Liġi Nru 134.

106    Fil-fatt, mill-punt 39 tat-tieni deċiżjoni kkontestata jirriżulta qabel kollox li l-Kummissjoni eżaminat jekk ir-rapport tal-esperti magħmul skont id-Digriet-Liġi Nru 134 kienx indipendenti, fid-dawl tal-qsim taż-żamma tal-azzjonijiet tal-istabbiliment li kien jittratta f’numru ta’ stabbilimenti finanzjarji (fejn dawk bl-ikbar parti tal-kapital huma stabbilimenti barranin), b’tali mod li ebda wieħed mill-azzjonisti ma jkun fil-pussess ta’ perċentwali ta’ ishma suffiċjenti biex jinfluwenza d-deċiżjoni li tikkonċerna l-evalwazzjoni.

107    Barra minn hekk, anki jekk it-tieni deċiżjoni kkontestata ma tinkludix riferimenti fir-rigward tad-dettalji tal-verifika tal-konformità tal-prezz tal-bejgħ tal-assi meta mqabbla mal-prezz tas-suq mill-espert indipendenti, hija madankollu tinkludi l-elementi li jippermettu li wieħed jikkonkludi li l-bejgħ kellu jsir skont il-prezz tas-suq. Bl-istess mod, għandu jiġi osservat li l-awtoritajiet Taljani ħadu ċertu numru ta’ impenji sabiex jikkontrollaw l-azzjoni tad-diversi atturi implikati fil-proċedura ta’ bejgħ ta’ assi, liema fatt il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni fit-tieni deċiżjoni kkontestata sabiex tiżgura ruħha mill-fatt li l-evalwazzjoni tal-offerta ma twassalx għad-determinazzjoni ta’ prezz inqas minn dak tas-suq.

108    Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ma kellhiex rapporti tal-esperti meta ġiet biex tadotta t-tieni deċiżjoni kkontestata ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, biex jiġi stabbilit li din tal-aħħar ma wettqitx investigazzjoni kompleta jew suffiċjenti fir-rigward tal-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja, b’mod partikolari peress li dawn ir-rapporti ma kinux intiżi sabiex jiġu trażmessi lilha. F’dan il-każ, dawn ir-rapporti ġew trażmessi lill-kummissarju straordinarju fil-5 u s-7 ta’ Novembru 2008, li kellu jagħti r-rapport finali tiegħu lill-mandatarju inkarigat mill-verifika tat-tranżazzjoni. Barra minn hekk, dan tal-aħħar kellu l-obbligu li jivverifika, b’mod partikolari, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-esperti indipendenti.

109    Fl-aħħar nett, mill-punt 62 tat-tieni deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kellha fil-pussess tagħha l-offerta taċ-CAI trażmessa mill-awtoritajiet Taljani fit-3 ta’ Novembru 2008, li kienet is-suġġett ta’ analiżi fil-punti 58 sa 69 tal-imsemmija deċiżjoni. Issa, il-Kummissjoni ddeċidiet esklużivament dwar in-natura indipendenti tal-evalwazzjoni tal-offerta taċ-CAI mill-espert indipendenti, u mhux fuq ir-riżultati tal-imsemmija evalwazzjoni. Dawn tal-aħħar kellhom jiġu trażmessi lill-kummissarju straordinarju li fuqu kellha taqa’ d-deċiżjoni finali dwar it-trasferimenti tal-assi. Mit-tieni deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li l-konklużjonijiet tal-imsemmija rapporti dwar l-offerta taċ-CAI kellhom fi kwalunkwe każ jiġu kkonfermati minn mandatarju inkarigat mill-verifika tat-tranżazzjoni ta’ bejgħ ta’ assi, li kellu jinħatar mill-awtoritajiet Taljani sabiex jivverifika l-osservanza tal-impenji meħuda minn dawn tal-aħħar u, b’mod partikolari, tal-impenn li l-bejgħ tal-assi għandu jsir skont il-prezzijiet tas-suq. Fl-aħħar nett, l-imsemmi mandatarju kellu jibgħat lill-Kummissjoni rapporti perjodiċi dettaljati dwar l-osservanza tal-proċess innotifikat u dwar l-osservanza tal-impenji mir-Repubblika Taljana kif ukoll, ġimagħtejn wara l-ħatra tiegħu, rapport eżawrjenti rigward il-konformità tal-offerta taċ-CAI mal-prezz tas-suq. Skont il-punt 157 ta’ din id-deċiżjoni, fl-ipoteżi fejn l-awtoritajiet Taljani ma josservawx it-termini tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 88(2) KE.

110    Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, fir-rigward tal-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja, il-Kummissjoni għaldaqstant ma tistax tiġi kkritikata talli wettqet eżami insuffiċjenti jew inkomplet waqt il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari fir-rigward tar-regoli li jidderogaw mid-dritt komuni fil-qasam ta’ falliment.

111    Fir-rigward tal-ilmenti fformulati fil-kuntest tat-tieni parti, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, fir-rigward tat-tnaqqis tal-oneri u vantaġġi oħra allegatament mogħtija mil-leġiżlazzjoni Taljana lil CAI, fil-qasam tal-qgħad u tas-sigurtà soċjali, li, hekk kif jirriżulta mill-punt 73 tat-tieni deċiżjoni kkontestata, l-awtoritajiet Taljani kkonfermaw lill-Kummissjoni li l-persunal ta’ Alitalia ma kien jibbenefika minn ebda dritt ta’ reklutaġġ miċ-CAI, li kellha l-libertà li takkwista l-assi tagħha bi jew mingħajr il-persunal li kien assoċjat ma’ dawn l-assi, skont il-punt 119 tal-imsemmija deċiżjoni. B’hekk, wieħed diffiċilment jista’ jikkonċepixxi b’liema mod iċ-CAI tnaqsilha l-oneru ta’ finanzjament ta’ servizzi ta’ qagħad mogħtija lill-impjegati ta’ Alitalia, bħal dawk previsti mid-Digriet-Liġi Nru 134.

112    Barra minn hekk, mill-punti 68 u 120 tat-tieni deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, kieku ċ-CAI kellha tirrekluta l-persunal indispensabbli għall-attività operattiva tagħha, fid-dawl tal-kompetenzi neċessarji għall-operat tal-assi mixtrija, dan ir-reklutaġġ isir skont kundizzjonijiet ġodda kollha kemm huma ffissati miċ-CAI.

113    It-tieni nett, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-Kummissjoni kellha teżamina l-miżuri introdotti bid-Digriet-Liġi Nru 134, peress li allegatament dawn kienu jagħmlu parti sħiħa mill-pjan ta’ bejgħ tal-assi tal-grupp Alitalia u kienu kundizzjoni magħmula mill-unions u miċ-CAI sabiex jilħqu ftehim dwar dan il-pjan, ma tistax tintlaqa’, fir-rigward tal-punti 73 u 74 tat-tieni deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, minn dawn il-punti jirriżulta li l-awtoritajiet Taljani indikaw lill-Kummissjoni li l-persunal ta’ Alitalia jibbenefika mill-miżuri ta’ assigurazzjoni kontra l-qgħad previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ u li d-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98), ma kinitx applikabbli f’dan il-każ, fejn il-proċedura ta’ bejgħ tal-assi tal-grupp Alitalia ma timplikax it-trasferiment ta’ entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha nnifisha. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Taljani indikaw lill-Kummissjoni li, fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjonijiet relatati maż-żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema ma humiex applikabbli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ komplet tal-grupp Alitalia.

114    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, minkejja li n-negozjati mas-sindakati u maċ-CAI ma ġewx konklużi, fil-mument tas-sottomissjoni tal-ewwel offerta preliminari ta’ din tal-aħħar, hija reġgħet tenniet l-offerta tagħha fil-25 ta’ Settembru 2008, taħt l-istess kundizzjonijiet (ara l-punti 15, 17 u 20 iktar ’il fuq). B’hekk, xejn ma jindika li l-offerta finali taċ-CAI ħadet inkunsiderazzjoni talbiet tal-organizzazzjonijiet sindakali u li għaldaqstant il-miżuri soċjali kkritikati mir-rikorrenti għamlu parti sħiħa mill-pjan ta’ xiri ta’ assi tal-grupp Alitalia.

115    B’hekk, fir-rigward taċ-ċirkustanzi madwar l-adozzjoni tal-emendamenti għall-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li wettqet eżami insuffiċjenti jew inkomplet waqt il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari fir-rigward tat-tnaqqis ta’ oneri u tal-vantaġġi l-oħra allegatament mogħtija mil-leġiżlazzjoni Taljana liċ-CAI, peress li dawn il-miżuri ma kinux rilevanti għall-kwistjoni dwar jekk vantaġġ setax jingħata lix-xerrej tal-assi tal-grupp Alitalia.

116    Għalhekk, peress li l-ilmenti fformulati fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni partijiet ta’ dan il-motiv ma jippermettux li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet investigazzjoni inkompleta jew insuffiċjenti waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma tat ebda indikazzjoni dwar l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji f’dan ir-rigward. B’hekk, dawn l-ilmenti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

117    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Kummissjoni inkwantu hija ma ġġustifikatx l-eżami insuffiċjenti waqt il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, invokat fil-kuntest tat-tielet parti ta’ dan il-motiv, dan għandu jiġi eżaminat fil-kuntest tas-seba’ motiv.

 Fuq l-ilmenti fformulati fil-kuntest tar-raba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ eżami ta’ possibbiltajiet oħra minbarra l-bejgħ tal-assi tal-grupp Alitalia

118    Ir-raba’ motiv huwa bbażat f’żewġ partijiet, l-ewwel waħda bbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni sa fejn hija ma eżaminatx jekk kinux jeżistu possibbiltajiet oħra minbarra l-bejgħ ta’ assi u, it-tieni waħda bbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Kummissjoni, sa fejn hija ma ġġustifikatx in-nuqqas tal-imsemmi eżami.

119    Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha, skont il-ġurisprudenza u l-prassi tagħha stess, teżamina fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat li jopera taħt kundizzjonijiet normali ta’ ekonomija tas-suq il-possibbiltajiet l-oħra minbarra l-bejgħ tal-assi, bħall-istralċ ġudizzjarju jew l-injezzjoni ta’ kapital ġdid flimkien ma’ ristrutturar ta’ Alitalia jew ta’ bejgħ ta’ assi, sabiex jiġi ddeterminat jekk f’ċirkustanzi simili hija kinitx tipproċedi għal bejgħ tal-assi ta’ dan it-tip jew jekk kinitx tagħżel possibbiltajiet oħra. Billi kkonkludiet li, sabiex tikkonstata li l-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja ma kinitx tagħti lok għal għajnuna mill-Istat favur xerrejja oħra ta’ Alitalia, kien meħtieġ sempliċement li l-bejgħ isir skont il-prezz tas-suq mingħajr ma jiġu eżaminati l-possibbiltajiet l-oħra minbarra l-bejgħ tal-assi, il-Kummissjoni wettqet eżami insuffiċjenti u inkomplet u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

120    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, minkejja l-fatt li t-tieni deċiżjoni kkontestata ma tinkludix riferiment espliċitu għall-prinċipju ta’ investitur privat, il-Kummissjoni, f’dan il-każ, tapplika l-imsemmi prinċipju billi tikkonkludi li l-bejgħ ta’ assi seħħ skont il-prezzijiet tas-suq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat bosta drabi li l-imsemmi bejgħ kellu jkollu bħala għan il-massimizzazzjoni tal-valur tal-assi, fl-interess tal-kredituri ta’ Alitalia, liema fatt juri li hija ħadet il-ħsieb li tiżgura ruħha li l-aġir tal-awtoritajiet pubbliċi jiġi ggwidat minn perspettivi ta’ vijabbiltà fit-tul. Barra minn hekk, il-konklużjoni tal-Kummissjoni fil-punt 126 ta’ din id-deċiżjoni, skont liema l-proċedura nnotifikata ma kinitx tagħti lok għall-impożizzjoni tal-obbligi ta’ awtorità pubblika fuq ix-xerrejja tal-assi li jistgħu jqiegħdu inkwistjoni l-għan tal-bejgħ bi prezz tas-suq, turi li l-Kummissjoni, essenzjalment, ħadet inkunsiderazzjoni l-aġir tal-investitur privat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-aġir tal-awtoritajiet Taljani u sabiex tiżgura ruħha li dawn tal-aħħar ma jimxux b’għanijiet ta’ politika ekonomika inkompatibbli mas-suq komuni.

121    Skont kif ġie osservat fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tielet motiv (ara l-punti 107 sa 110 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kisbet il-konvinzjoni li l-bejgħ ta’ assi kellu jiżvolġi skont il-prezz tas-suq. Għalhekk, bil-kontra tal-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kellha ebda obbligu li teżamina possibbiltajiet minbarra l-proċedura magħżula mill-awtoritajiet Taljani.

122    Barra minn hekk, sa fejn iċ-CAI, fil-kuntest tal-offerta tagħha, kienet tipproponi x-xiri ta’ gruppi ta’ assi u li l-attività ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri kienet tinkludi allokazzjonijiet ta’ ħin ta’ Alitalia korrispondenti u neċessarji għall-eżerċizzju tagħha, il-paragun ta’ dħul iġġenerat minn tali bejgħ ma’ dak eventwalment iġġenerat minn bejgħ separat ta’ assi jew tal-allokazzjonijiet ta’ ħin ta’ Alitalia ma kienx rilevanti f’dan il-każ.

123    Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li wettqet eżami insuffiċjenti jew inkomplet waqt il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari fir-rigward tal-eżistenza ta’ possibbiltajiet minbarra l-bejgħ ta’ assi, peress li r-rikorrenti ma pproduċiet ebda indikazzjoni dwar l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji f’dan ir-rigward. Għalhekk l-ilmenti fformulati fil-kuntest tal-ewwel parti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

124    Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni li, billi ma eżaminatx il-possibbiltajiet minbarra l-bejgħ ta’ assi u billi ma pprovdiet ebda raġuni għal dan l-allegat nuqqas, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha. Jeħtieġ li din il-parti tiġi eżaminata fil-kuntest tas-seba’ motiv.

 Fuq l-ilmenti fformulati fil-kuntest tal-ħames motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni għall-bejgħ tal-assi tal-kriterju tal-investitur privat li jopera taħt kundizzjonijiet normali ta’ ekonomija tas-suq

125    Il-ħames motiv huwa maqsum f’ħames partijiet, fejn l-ewwel parti hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ eżami tal-kundizzjoni ta’ kontinwità tas-servizz u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward, it-tieni parti fuq in-nuqqas ta’ eżami tal-kundizzjoni impliċita ta’ nazzjonalità tax-xerrrej u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward, it-tielet parti fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ indikazzjonijiet li juru l-impossibbiltà li jinkiseb il-prezz tas-suq u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward, ir-raba’ parti fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u, il-ħames parti, fuq in-nuqqas ta’ indikazzjonijiet tal-bażi xierqa tal-evalwazzjoni tal-prezz tas-suq.

126    Qabel kollox, għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti fformulati fil-kuntest tal-ewwel u l-ħames partijiet flimkien, sussegwentement dawk ifformulati fil-kuntest tat-tieni parti u, fl-aħħar nett, dawk ifformulati fil-kuntest tat-tielet u r-raba’ partijiet flimkien.

–       Fuq l-ilmenti fformulati fil-kuntest tal-ewwel u l-ħames partijiet

127    Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma eżaminatx il-konsegwenzi tar-rekwiżit ta’ kontinwità ta’ servizz, introdott permezz tad-Digriet-Liġi Nru 134 u msemmi fis-sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess, li tat lok għal obbligu ta’ servizz pubbliku li l-ispiża tiegħu jmissu ġie evalwat skont il-kriterji li rriżultaw mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, Ġabra p. I‑7747, iktar ’il quddiem is-“sentenza Altmark”). Hija ssostni li, kieku l-Kummissjoni kienet aċċettat mingħajr riżervi l-kundizzjonijiet magħmula fir-rigward tal-offerti, mingħajr ma tivverifika jekk huma kellhomx impatt fuq il-prezz offert, dan jikkostitwixxi nuqqas tali li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li din tal-aħħar iltaqgħet magħhom. Barra minn hekk hija ssostni li n-nuqqas ta’ verifika mill-Kummissjoni tan-natura serja tar-riskju ta’ telf tal-allokazzjonijiet ta’ ħin (slots), minħabba n-nuqqas ta’ użu tagħhom, invokat mill-awtoritajiet Taljani sabiex jiġġustifikaw ir-rekwiżit ta’ kontinwità tas-servizz jikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fl-aħħar nett, in-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni talli ma wettqitx tali eżami jikkostitwixxi nuqqas ta’ motivazzjoni tat-tieni deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward.

128    Fil-kuntest tal-ħames parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tiffissa kriterji ddettaljati sabiex tiddetermina l-prezz li bih l-assi tal-grupp Alitalia kellhom jinbiegħu, billi rrikjediet, mill-inqas, li l-prezz offert miċ-CAI jinkludi, minn naħa, is-self ta’ EUR 300 miljun allokat mir-Repubblika Taljana lil Alitalia kif ukoll il-forom l-oħra ta’ għajnuna rċevuta minn Alitalia u, min-naħa l-oħra, l-oneru tal-osservanza tal-obbligu ta’ kontinwità tas-servizz. Il-fatt li l-Kummissjoni ma pprovdietx indikazzjoni fir-rigward tal-bażi li fuqha kellha ssir l-evalwazzjoni tal-prezz tas-suq jikkostitwixxi, skont ir-rikorrenti, żball manifest ta’ evalwazzjoni, li wasslet għal evalwazzjoni inferjuri tal-prezz tal-assi tal-grupp Alitalia.

129    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni applikatx b’mod żbaljat il-kriterju tal-investitur privat ma għandhiex tiġi konfuża mal-kwistjoni tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li jirrikjedu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Fil-fatt, l-eżami tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji ma jeżiġix li jsir magħruf jekk il-Kummissjoni applikatx b’mod korrett l-Artikolu 87 KE, iżda li jiġi stabbilit jekk hija kellhiex, meta adottat it-tieni deċiżjoni kkontestata, informazzjoni suffiċjentement kompleta sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżura kontenzjuża mas-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 129).

130    Il-fatt li, fil-fehma tar-rikorrenti, l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni hija żbaljata u li l-Kummissjoni ma rrispondietx għal ċerti lmenti li hija qajmet ma jimplikax li hija ma setgħetx tagħti deċiżjoni dwar il-miżura inkwistjoni abbażi tal-informazzjoni li hija kellha u li għalhekk kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali sabiex tikkompleta l-investigazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 130).

131    F’dan il-każ, hekk kif issostni l-Kummissjoni, il-bejgħ tal-assi tal-grupp Alitalia ma qajjem ebda kwistjoni relatata mal-kunċett ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku u l-kriterju ta’ kontinwità ta’ servizz kien jagħmel sempliċement parti mill-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-offerti. Fil-fatt, xejn ma jindika fl-atti tal-proċess li x-xerrej tal-attività ta’ trasport ta’ passiġġieri bl-ajru kien inkarigat bl-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku fil-kuntest tal-proċedura nnotifikata.

132    Bl-istess mod, għandu jiġi kkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni eskludiet, fil-punt 118 tat-tieni deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ obbligi ta’ awtorità pubblika assoċjati mal-proċedura ta’ bejgħ ta’ assi u, b’mod partikolari, ivverifikat li tali kundizzjonijiet ma kinux ġew imposti fuq ix-xerrejja, bħal ma kien ġie allegat minn min għamel l-ilment.

133    F’dan ir-rigward, fejn jidħlu b’mod partikolari kundizzjonijiet ta’ operat tal-attività ta’ trasport bl-ajru, mill-punti 123 sa 125 tat-tieni deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni eżaminat ir-rilevanza tal-kundizzjoni ta’ kontinwità ta’ servizz ta’ trasport fuq terminu medju fuq il-prezz tal-assi. Fil-fatt, hija kisbet kjarifiki min-naħa tal-awtoritajiet Taljani li jgħidu li l-kontinwità, hekk kid imsemmi fid-Digriet-Liġi Nru 134 u fis-sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess, ma kinitx tikkorrispondi mal-obbligi ta’ servizz pubbliku fis-sens tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

134    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tispjegax b’liema mod in-neċessità li tiġi żgurata kontinwità tas-servizz ta’ trasport bl-ajru fuq terminu medju, li ġiet imposta mill-awtoritajiet Taljani bħala kundizzjoni li kellhom jissodisfaw l-offerti magħmula skont id-Digriet-Liġi Nru 134, kellhom bħala riżultat li jitnaqqas il-prezz tal-assi tal-grupp Alitalia inqas mill-prezz tas-suq. Għandu jingħad ukoll li, bil-kontra tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, mill-punti 71 u 102 tat-tieni deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-kriterju ta’ kontinwità ta’ servizz kien kriterju sekondarju meta mqabbel ma’ dak tal-prezz, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-offerti mill-kummissarju straordinarju. Barra minn hekk, hekk kif l-awtoritajiet Taljani ppreċiżaw lill-Kummissjoni, il-kriterju determinanti applikat mill-espert indipendenti huwa dak tal-prezz, fejn kemm id-Digriet-Liġi Nru 134 kif ukoll is-sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess jipprovdu li l-prezz ta’ bejgħ tal-assi ma setax ikun inqas mill-prezz tas-suq, hekk kif iddeterminat mill-espert indipendenti. Dan kien, a fortiori, ġie ggarantit bl-impenn meħud mill-awtoritajiet Taljani, li għalih isir riferiment fil-punti 71 u 72 tal-imsemmija deċiżjoni, li, fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni tal-offerta ma twassalx għad-determinazzjoni ta’ prezz inqas minn dak tas-suq, fejn l-użu ta’ konsulent finanzjarju jippermetti lill-kummissarju straordinarju jiżgura ruħu minn dan.

135    Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, il-kompetenza sabiex tiġi żgurata kontinwità ta’ servizz tal-operaturi li ssottomettew offerti ma kinitx tali li teżentahom mill-obbligu ewlieni li jissottomettu offerta ugwali jew ogħla mill-prezz tas-suq, peress li f’ċirkustanzi oħra l-offerta tagħhom ma kinitx tiġi aċċettata.

136    Bl-istess mod, l-argument tar-rikorrenti li l-kundizzjoni ta’ kontinwità ta’ servizz fis-sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess kellu bħala effett li jiddiswadi partijiet interessati potenzjali milli jipparteċipaw f’din is-sejħa fejn b’hekk jitnaqqas il-prezz tas-suq ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punt 53 tat-tieni deċiżjoni kkontestata, il-kummissarju straordinarju rċieva sittin offerta b’risposta għas-sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess ippubblikata fit-23 ta’ Settembru 2008. Barra minn hekk, skont il-punt 45 ta’ din id-deċiżjoni, uħud mill-offerti, u b’mod partikolari dik taċ-CAI, ġew sottomessi qabel il-pubblikazzjoni tal-imsemmija sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess, liema fatt juri li l-preżenza tal-kundizzjoni ta’ kontinwità ta’ servizz f’din tal-aħħar ma kinitx determinanti għal dawn l-offerti.

137    Fi kwalunkwe każ, il-fatt li n-neċessità li tiġi żgurata tkomplija tas-servizz ta’ trasport bl-ajru ġiet inkluża fis-sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess fost ir-rekwiżiti li kellhom jissodisfaw l-offerti rċevuti ma jimplikax neċessarjament l-eżistenza ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku fuq l-operatur li l-offerta tiegħu tiġi magħżula. Anki li kieku kellu jitqies li tali obbligu ġie b’hekk impost, mir-rikors ma jirriżultax li kien inkluż kumpens fil-prezz tal-assi tal-grupp Alitalia u li kien ogħla mill-ispiża netta kkawżata mill-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ servizz pubbliku, b’tali mod li jagħti vantaġġ ekonomiku lill-persuna li tipprovdi s-servizz fis-sens tas-sentenza Altmark, punt 127 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, imkien mill-argumenti preċedenti ma jirriżulta li l-Kummissjoni jmissha ħadet inkunsiderazzjoni kriterji ffissati fl-imsemmija sentenza sabiex tevalwa l-prezz.

138    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-provi prodotti mir-rikorrenti insostenn tal-affermazzjoni tagħha li tgħid li l-Kummissjoni wettqet żball fl-evalwazzjoni tal-prezz tal-assi tal-grupp Alitalia ma kinux rilevanti għall-eżami tal-Kummissjoni. Fil-fatt, kemm is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Alitalia kif ukoll l-għan u l-importanza ta’ dawn l-offerti kienu differenti.

139    Fir-rigward tal-prezz imsemmi fl-offerta ppreżentata minn Air France-KLM f’April 2008 għax-xiri ta’ Alitalia, għandu jiġi osservat li din l-offerta ġiet ippreżentata qabel id-dikjarazzjoni ta’ insolvenza ta’ Alitalia u kienet tikkomporta x-xiri tal-assi kollha ta’ Alitalia, mhux permezz ta’ trasferiment ta’ assi, iżda permezz ta’ trasferiment ta’ azzjonijiet. Barra minn hekk, peress li din l-offerta ġiet irtirata, il-Kummissjoni ma setgħetx teħodha inkunsiderazzjoni ġaladarba ma kinitx definittiva. Fir-rigward tal-offerta taċ-CAI, għandu jitfakkar li din ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja li għaliha kienet suġġetta Alitalia fil-kuntest tal-istralċ tagħha u kienet tikkonċerna biss ix-xiri ta’ parti mill-assi tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti li l-prezz ta’ trasferiment offert miċ-CAI kellu jinkludi l-ammont tas-self ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, l-ammont tas-self ma’ għandu ebda effett fuq il-prezz ta’ bejgħ tal-assi tal-grupp Alitalia, li minnhom parti biss ġiet ittrasferita liċ-CAI, bil-prezz tas-suq. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-offerta ppreżentata f’Jannar 2009 għax-xiri ta’ 25 % tal-ishma ta’ Alitalia-CAI, għandu jiġi kkonstatat li l-valur totali tal-imsemmija kumpannija kien żdied wara l-bejgħ tal-assi tal-grupp Alitalia, b’mod partikolari minħabba x-xiri minn din il-kumpannija ta’ kumpannija tal-ajru oħra u li, fi kwalunkwe każ, peress li din l-offerta saret wara d-data tal-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma setgħetx teħodha inkunsiderazzjoni.

140    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm Alitalia kienet waqfet milli topera waqt il-proċedura ta’ falliment, fi kwalunkwe każ, hija ma tilfitx l-allokazzjonijiet ta’ ħin tagħha, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93, tat-18 ta’ Jannar 1993, dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 3). B’hekk, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni, minħabba l-fatt li hija allegatament aċċettat mingħajr riżervi r-riskju ta’ telf minn Alitalia tal-allokazzjonijiet ta’ ħin tagħha bħala ġustifikazzjoni tan-neċessità, għax-xerrej tal-assi tal-grupp Alitalia, li jiżguraw kontinwità ta’ servizz.

141    Għandu jiġi kkonstatat li ma jirriżultax mill-punt 125 tat-tieni deċiżjoni kkontestata, li għaliha tirreferi r-rikorrenti, li l-Kummissjoni aċċettat mingħajr kundizzjonijiet ġustifikazzjoni kwalunkwe tal-kriterju ta’ kontinwità ta’ servizz permezz tar-riskju ta’ telf tal-allokazzjonijiet ta’ ħin ta’ Alitalia. Fil-fatt, fl-imsemmi punt, il-Kummissjoni indikat, essenzjalment, li l-valur ta’ grupp ta’ assi suffiċjentement kbir kien jinkludi l-goodwill, li fosthom parti kienet tirrappreżenta l-allokazzjonijiet ta’ ħin neċessarji għall-provvista tas-servizz. Din il-kunsiderazzjoni timplika li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-kriterju ta’ kontinwità b’għan li timmassimizza l-valur tal-assi kkonċernati bit-trasferiment, bil-għan li tikseb prezz ta’ trasferiment ogħla fl-interess tal-kredituri ta’ Alitalia u mhux f’loġika ta’ kontinwità tal-attività ta’ servizz pubbliku. Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti ma jsib ebda bażi fit-tieni deċiżjoni kkontestata.

142    Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti assolutament ma turix sa liema punt tali eżami kien neċessarju sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa l-konformità tal-kundizzjoni ta’ kontinwità ta’ servizz mal-kriterju tal-investitur privat li jopera taħt kundizzjonijiet normali ta’ ekonomija tas-suq u għaldaqstant ma tipproduċix il-prova tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji. Għalhekk il-Kummissjoni ma tista’ tiġi kkritikata b’ebda nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

143    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati l-ilmenti fformulati fil-kuntest tal-ewwel u tal-ħames partijiet tal-ħames motiv.

–       Fuq l-ilmenti fformulati fil-kuntest tat-tieni parti

144    Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni li l-bejgħ tal-assi tal-grupp Alitalia kien suġġett għal kundizzjoni impliċita li tgħid li x-xerrej kellu jkun ta’ oriġini Taljana, liema fatt naqqas il-prezz tal-bejgħ l-isfel mill-prezz tas-suq u skoraġġixxa l-offerti li kienu qed jikkompetu. Il-fatt li l-Kummissjoni ma eżaminatx dan l-element u li ma siltitx il-konsegwenzi ta’ tali eżami jikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni. In-nuqqas ta’ kull spjegazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, barra minn hekk, jikkostitwixxi nuqqas ta’ motivazzjoni.

145    F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni vverifikat li s-sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess ma kienet tinkludi ebda klawżola diskriminatorja bbażata fuq in-nazzjonalità tal-persuni interessati. Barra minn hekk, hija kkonkludiet li hija kienet suġġetta għal firxa u pubbliċità wiesgħa kemm fuq skala nazzjonali, kif ukoll internazzjonali. Fil-fatt, hekk kif ġie osservat fil-punt 136 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni indikat fit-tieni deċiżjoni kkontestata, minn naħa, li, sa mill-ħatra tiegħu u qabel il-pubblikazzjoni tal-imsemmija sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess, il-kummissarju straordinarju ddeċieda li jagħmel kuntatt mal-kumpanniji tal-ajru internazzjonali prinċipali u, min-naħa l-oħra, li sittin offerta minn entitajiet Taljani u barranin ġew irċevuti mill-kummissarju straordinarju.

146    Barra minn hekk, il-Kummissjoni eżaminat ir-rwol tal-bank magħżul sabiex jippromwovi l-preżentazzjoni ta’ offerta għax-xiri ta’ Alitalia fil-proċedura ta’ bejgħ ta’ assi ta’ Alitalia u kkonkludiet, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru. 34 tat-tieni deċiżjoni kkontestata, li huwa kien temm kull rwol ta’ konsulent tal-ministru kompetenti sa mit-tqegħid ta’ Alitalia taħt amministrazzjoni straordinarja, jiġifieri fid-29 ta’ Awwissu 2008. Fil-fatt, minbarra l-missjoni li ġiet fdata lilu qabel l-imsemmi tqegħid taħt amministrazzjoni straordinarja, mit-tieni deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li dan il-bank ipparteċipa fl-istima tal-assi ta’ Alitalia u li hija setgħet iffavorizzat liċ-CAI b’detriment tal-offerenti l-oħra. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-awtoritajiet Taljani kienu ħadu l-impenn li ma jindaħlux fl-azzjoni tal-kummissarju straordinarju.

147    B’hekk, l-argumenti tar-rikorrenti li jistabbilixxu allegat kunflitt ta’ interessi bejn il-bank magħżul sabiex jippromwovi l-preżentazzjoni ta’ offerta għax-xiri ta’ Alitalia u ċ-CAI, dwar l-impreċiżjoni tas-sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess u ta’ termini qosra madwar is-sottomissjoni tal-offerti ma jistgħux jintlaqgħu. Fil-fatt, fir-rigward tan-natura mhux diskriminatorja tal-proċedura ta’ bejgħ ta’ assi, għandu jiġi kkunsidrat li, peress li l-ilmenti fformulati fil-kuntest tat-tieni parti tal-ħames motiv ma jippermettux li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet eżami inkomplet jew insuffiċjenti waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari jew ma siltitx il-konsegwenzi tal-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ tal-assi tal-grupp Alitalia, ir-rikorrenti ma pproduċietx indikazzjoni tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tallega li t-tieni deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu miċħuda l-ilmenti fformulati fil-kuntest tat-tieni parti tal-ħames motiv bħala infondati.

–       Fuq l-ilmenti fformulati fil-kuntest tat-tielet u r-raba’ partijiet

148    Fil-kuntest tat-tielet parti, ir-rikorrenti ssostni li, peress li l-proċedura ta’ bejgħ ta’ assi ma hijiex miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja, hija ma kinitx tali li tiggarantixxi bejgħ bil-prezz tas-suq. Hija ssostni li, fi kwalunkwe każ, il-garanziji l-oħra ta’ evalwazzjoni indipendenti bħall-intervent tal-espert indipendenti u tal-mandatarju inkarigat mill-verifika tat-tranżazzjoni ma kinux f’pożizzjoni li jiggarantixxu li l-prezz imħallas mix-xerrej jikkorrispondi għal dak tas-suq. Hija tallega wkoll li n-nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni li tislet il-konsegwenzi korretti tal-impossibbiltà li jintlaħaq il-prezz tas-suq, f’tali kundizzjonijiet, tikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni f’dan ir-rigward jikkostitwixxi nuqqas ta’ motivazzjoni.

149    Fil-kuntest tar-raba’ parti, ir-rikorrenti targumenta li l-awtoritajiet Taljani naqsu l-prezz li għalih iċ-CAI setgħet xtrat lil Alitalia billi kkanċellaw ċertu dejn u billi għamlu l-offerta tagħha iktar attraenti għall-persuni responsabbli mill-unions. Billi ma ħaditx inkunsiderazzoni dawn il-fatti li dwarhom il-Kummissjoni kellha għarfien u billi ma kkunsidratx il-fatt li dawn kellhom jagħtu lok għall-għoti ta’ għajnuna liċ-CAI, hija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

150    Hekk kif ġie mfakkar fil-kuntest tal-eżami tal-ilmenti fformulati insostenn tat-tielet motiv, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-proċedura ta’ bejgħ ta’ assi bi ftehim reċiproku kkompletata bis-sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess ma kinitx toffri livell ta’ trasparenza suffiċjenti fiha nnifisha sabiex tiggarantixxi li l-assi jiġu ttrasferiti bil-prezz tas-suq. B’hekk, il-Kummissjoni vverifikat li l-offerta kienet ġiet suġġetta għal evalwazzjoni indipendenti, sabiex tiżgura ruħha li l-prezz propost ma kienx inqas mill-prezz tas-suq. Barra minn hekk, kif ġie konkluż fil-punti 107 sa 109 iktar ’il fuq, l-evalwazzjoni tal-assi mill-espert indipendenti, ikkorroborata bil-verifika tal-valur ekonomiku tal-offerti fil-konfront tal-assi, magħmula mill-konsulent finanzjarju indipendenti, u l-intervent aħħari tal-mandatarju inkarigat mill-verifika tat-tranżazzjoni, kienu joffri garanziji ta’ indipendenza suffiċjenti, li jippermettu li jsir bejgħ ta’ assi bil-prezz tas-suq.

151    Għalhekk għandhom jiġu miċħuda l-ilmenti fformulati fil-kuntest tat-tielet parti ta’ dan il-motiv bħala infondati, peress li r-rikorrenti ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ indikazzjonijiet ta’ diffikultajiet serji filwaqt li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dawn iċ-ċirkustanzi.

152    Fir-rigward tar-raba’ parti, għandu jiġi osservat li ċ-CAI ħadet fi ħdanha biss parti mill-persunal ta’ Alitalia, impjegata abbażi ta’ kundizzjonijiet u ta’ kuntratti ta’ xogħol kompletament ġodda, kif ukoll li l-miżuri soċjali invokati mir-rikorrenti ma kinux japplikaw għall-persunal impjegat mill-ġdid miċ-CAI.

153    Għaldaqstant, l-ilmenti fformulati fil-kuntest tar-raba’ parti tal-ħames motiv għandhom jiġu miċħuda. B’hekk, għandu jiġi kkunsidrat li, peress li l-ilmenti fformulati fil-kuntest tal-ħames motiv ma jippermettux li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet eżami inkomplet jew insuffiċjenti waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari, ir-rikorrenti ma pproduċietx indikazzjoni dwar l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji f’dan ir-rigward. Għalhekk, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ilmenti fformulati fil-kuntest tas-sitt motiv, ibbażat fuq żball ta’ identifikazzjoni tal-parti li għandha tirrimborsa l-għajnuna

154    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma eżaminatx il-kriterji kollha meħtieġa mill-ġurisprudenza għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ kontinwità ekonomika bejn Alitalia u ċ-CAI, b’mod partikolari l-prezz li bih sar it-trasferiment tal-assi, l-identità tal-azzjonisti tal-entità ttrasferita u dik tax-xerrej tagħha, il-mument, is-suġġett kif ukoll il-loġika ekonomika tat-trasferiment tal-assi. Hija ssostni li l-Kummissjoni kkonċentrat l-analiżi tagħha fuq is-sempliċi kriterju tas-suġġett tal-bejgħ ta’ assi, billi injorat il-kriterji l-oħra.

155    Fir-rigward tal-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna mħallsa lil kumpannija f’diffikultà, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, huwa jista’ jiġi estiż għal kumpannija ġdida li lilha l-kumpannija inkwistjoni ttrasferixxiet parti mill-assi tagħha, fejn dan it-trasferiment jippermetti li tiġi kkonstatata kontinwità ekonomika bejn iż-żewġ kumpanniji. Sabiex wieħed jikkonkludi li teżisti kontinwità ekonomika, l-elementi li ġejjin jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni: is-suġġett tat-trasferiment (assi u passiv, żamma tal-impjegati, assi magħquda), il-prezz tat-trasferiment, l-identità tal-azzjonisti jew tal-proprjetarji tal-impriża li tieħu l-impjegati fi ħdanha u l-impriża li minnha jiġu dawn l-impjegati, il-mument meta seħħ it-trasferiment (wara l-bidu tal-investigazzjoni, il-ftuħ tal-proċedura jew id-deċiżjoni finali) jew ukoll il-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2010, Il-Greċja et vs Il-Kummissjoni, T‑415/05, T‑416/05 u T‑423/05, Ġabra p. II‑4749, punt 135).

156    Qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, din il-ġurisprudenza ma timponix lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha msemmija iktar ’il fuq, hekk kif jintwera bl-użu tal-espressjoni “jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni”. Għalhekk il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li teżamina, b’mod partikolari u minbarra l-kriterji l-oħra, il-mument li fih seħħ it-trasferiment tal-assi tal-grupp Alitalia liċ-CAI, li jinsab fost l-elementi li “jistgħu” jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi eskluża l-kontinwità ekonomika bejn dawn iż-żewġ entitajiet.

157    Fi kwalunkwe każ, mill-eżami tat-tieni deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm nuqqas ta’ kontinwità bejn Alitalia u ċ-CAI, kemm abbażi tas-suġġett u tal-prezz tat-trasferiment tal-assi kif ukoll tan-nuqqas ta’ identiċità tal-azzjonisti u tal-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni. F’dan il-każ, il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni tal-kontinwità bejn Alitalia u ċ-CAI fil-punti 128 sa 151 tal-imsemmija deċiżjoni. Qabel kollox il-Kummissjoni enfasizzat, fil-punt 132 ta’ din id-deċiżjoni, li l-miżura nnotifikata hekk kif emendata bl-impenji meħuda mill-awtoritajiet Taljani kellha tagħti lok għal bejgħ tal-assi tal-grupp Alitalia bil-prezz tas-suq. Sussegwentement hija eżaminat jekk kienx hemm kontinwità fit-tgawdija tal-vantaġġ kompetittiv maħluq bis-self ta’ EUR 300 miljun bejn Alitalia u x-xerrejja tal-assi kkonċernati bil-proċedura ta’ bejgħ ta’ assi.

158    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni enfasizzat, fil-punt 135 tat-tieni deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tas-suġġett tal-bejgħ tal-assi, li dawn l-assi ma kinux ġew proposti flimkien fil-kuntest tas-sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess u għaldaqstant ma kinux jikorrispondu għal unitajiet ekonomiċi omoġenji, liema fatt seta’ kellu bħala konsegwenza li jillimita l-għażla ta’ xerrejja potenzjali. Hija kkonstatat, fil-punt 136 tal-imsemmija deċiżjoni, li, min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-manifestazzjonijiet ta’ interess varji li jikkorrispondu għal assi differenti, fi tmiem il-proċedura ta’ bejgħ ta’ assi, l-attivitajiet ta’ Alitalia għandhom jinqasmu bejn bosta atturi u organizzati b’mod differenti. B’hekk, hija kkonkludiet, fil-punt 137 ta’ din id-deċiżjoni, li, fid-dawl tal-portata tal-bejgħ ta’ assi u t-tqassim tal-offerti tax-xerrejja potenzjali, il-proċedura ta’ bejgħ ta’ assi implementata mir-Repubblika Taljana ma kinitx timplika kontinwità ekonomika bejn Alitalia u ċ-CAI.

159    Fir-rigward tal-azzjonisti ta’ Alitalia u taċ-CAI, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-punt 140 tat-tieni deċiżjoni kkontestata, li ma kienx hemm identiċità bejniethom. Hija ddeskriviet liċ-CAI bħala konsorzju ta’ investituri privati li huma differenti mill-azzjonisti ta’ Alitalia u osservat li l-iskambju ta’ azzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar ma’ azzjonijiet tal-kumpannija ġdida kien possibbli biss fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi relatati mal-irkupru ta’ impriżi fil-kuntest tal-proċedura ta’ konkordat, li ma kinux applikabbli f’dan il-każ.

160    Sussegwentement, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-punt 141 tat-tieni deċiżjoni kkontestata, li ċ-CAI takkwista biss ċerti assi relatati mal-attività ta’ trasport ta’ passiġġieri ta’ Alitalia, li hija kienet qed tadotta l-istrateġija ta’ impriża tagħha stess u li ebda trasferiment awtomatiku tal-kuntratti ta’ xogħol ma seħħ bejn Alitalia u ċ-CAI. Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat, fil-punt 142 tal-imsemmija deċiżjoni, li ċ-CAI ma kellhiex tkompli l-attività ta’ Alitalia, fejn l-awtoritajiet Taljani impenjaw ruħhom sabiex fi tmiem il-proċess ta’ bejgħ ta’ assi hija ma tirrappreżentax iżjed minn 69 % tal-kapaċità ta’ Alitalia f’termini ta’ passiġġieri ttrasportati għal kull kilometru, hekk kif ikkalkolat fid-data tan-notifika. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 13 u 49 ta’ din id-deċiżjoni, il-bejgħ tal-assi tal-grupp Alitalia liċ-CAI kellu l-għan li jimmassimizza l-valur tal-assi ta’ Alitalia qabel l-istralċ tagħha, u dan fl-interess tal-kredituri.

161    Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni essenzjalment ma bbażatx ruħha fuq is-suġġett tat-trasferiment. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punt 160 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni eżaminat u qablet mal-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni. Barra minn hekk, matul l-investigazzjoni tagħha, hija spjegat ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li ma kinitx teżisti kontinwità ekonomika bejn Alitalia u ċ-CAI. B’hekk, hija kkonkludiet, fil-punti 130 sa 132 tat-tieni deċiżjoni kkontestata, li ebda vantaġġ indebitu ma jista’ jiġi ttrasferit lix-xerrej tal-assi tal-grupp Alitalia, fid-dawl tal-fatt li d-dispożizzjonijiet kollha ttieħdu sabiex it-trasferiment isir bi prezz li ma jkunx inqas mill-prezz tas-suq. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq u skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 155 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni wettqet eżami suffiċjenti u komplet u li r-rikorrenti ma pproduċietx il-prova tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji f’dan ir-rigward.

162    Għalhekk, peress li teħid ta’ pożizzjoni mill-Kummissjoni dwar il-mument tat-trasferiment tal-assi ma kienx jidher neċessarju f’dan il-każ, hija ma tistax tiġi kkritikata b’nuqqas ta’ motivazzjoni fuq dan il-punt.

163    Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, jeħtieġ, għaldaqstant, li jiġu miċħuda l-ilmenti fformulati fil-kuntest tas-sitt motiv bħala infondati.

 Fuq l-ilmenti fformulati fil-kuntest tal-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali

164    Ir-rikorrenti ssostni li, billi ma fetħitx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni tat deċiżjoni inkompleta li teħtieġ li tiġi annullata. Hija tqis, f’dan ir-rigward, li, anki jekk il-perijodu ddedikat lill-investigazzjoni preliminari li tippreċedi l-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni kkontestata, mill-14 ta’ Ottubru sat-12 ta’ Novembru 2008, ma kienx eċċezzjonalment twil, il-Kummissjoni xorta waħda kienet tikkonstata diffikultajiet serji. Barra minn hekk, fir-replika, hija tindika li peress li l-fażi ta’ investigazzjoni preliminari bdiet permezz tal-eżami tal-fatti f’April 2008, hija kienet madwar erba’ darbiet itwal mit-tul massimu ta’ xahrejn impost mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999 għall-konklużjoni ta’ eżami preliminari.

165    Ir-rikorrenti tipprovdi wkoll lista mhux eżawrjenti tal-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni, li juru li l-kumplessità tal-eżami meħtieġ f’dan il-każ kienet tiġġustifika l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

166    Barra minn hekk, hija ssostni li fid-dawl tal-kuntest politiku ta’ din il-kawża, l-impenji meħuda mill-awtoritajiet Taljani li jipprovdu li l-bejgħ tal-assi tal-grupp Alitalia għandu jitwettaq bil-prezz tas-suq kienu irrealisti u li, fi kwalunkwe każ, huma kienu ġew imposti tard wisq fil-proċess, wara li l-avveniment li suppost kellhom jikkonċernaw żvolġew b’mod irreversibbli.

167    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argumenti relatati mat-tul tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, għandu jiġi osservat, hekk kif issostni l-Kummissjoni, li r-rikorrenti tikkontradiċi lilha nnifisha fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha. Fil-fatt, filwaqt li, fir-rikors, hija ssostni li t-tul ta’ din il-fażi, inqas minn xahar, ma kienx eċċezzjonalment twil, fir-replika, hija ssostni li l-imsemmija fażi kienet kważi erba’ darbiet itwal miż-żmien massimu ta’ xahrejn impost mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999.

168    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-terminu ta’ xahrejn ipprovdut bl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999 sabiex tingħalaq investigazzjoni preliminari jinkludi l-perijodu bejn in-notifika kompleta tal-miżura u l-adozzjoni tad-deċiżjoni skont is-subartikoli (2), (3) jew (4) tal-imsemmija dispożizzjoni, jiġifieri f’dan il-każ, il-perijodu mill-14 ta’ Ottubru sat-12 ta’ Novembru 2008. B’hekk, ir-rikorrenti b’mod żbaljat tieħu wkoll inkunsiderazzjoni l-perijodu li jippreċedi d-data ta’ notifika tal-proċedura ta’ bejgħ ta’ assi mill-awtoritajiet Taljani, li matulha l-Kummissjoni kellha kuntatti magħhom, u li bdiet f’April 2008.

169    Għalhekk, għandu jiġi konkluż, f’dan il-każ, li t-tul tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari kien inqas minn dik prevista fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999 u għaldaqstant perfettament raġonevoli. Konsegwentement, dan it-tul ma huwiex tali li juri l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li għalihom setgħet ġiet ikkonfrontata l-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni preliminari iżda tirrifletti pjuttost il-fatt li l-eżami tal-miżura nnotifikata f’dan il-każ ma kienet tqajjem ebda diffikultà partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Lulju 2010, M6 vs Il-Kummissjoni, T‑568/08 u T‑573/08, Ġabra p. II‑3397, punt 142).

170    Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li l-argumenti tar-rikorrenti dwar in-natura irrealistika tal-impenji integrati fit-tieni deċiżjoni kkontestata ma jistgħux jiġu milqugħa. Fil-fatt, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li s-sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess ippubblikata fit-23 ta’ Settembru 2008 kienet tipprovdi li l-kriterji li l-offerti kellhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Taljana applikabbli u, b’mod partikolari, li l-prezz tal-bejgħ tal-assi ma setax ikun inqas mill-prezz tas-suq, skont kif iddeterminat minn espert indipendenti. It-tieni nett, din tal-aħħar kellha teżamina l-offerti sabiex tiżgura ruħha — billi tieħu inkunsiderazzjoni prinċipalment il-prezz propost u minkejja kriterji oħra eventwalment sodisfatti mill-offerti sottomessi — li l-prezz ta’ bejgħ tal-assi proposti kien ogħla jew ugwali għall-prezz tas-suq. It-tielet nett, fil-mument tal-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni kkontestata, il-bejgħ ta’ assi għad ma kienx ġie approvat mill-kumitat ta’ sorveljanza u d-deċiżjoni finali tal-kummissarju straordinarju u d-deċiżjoni finali tal-kummissarju straordinarju kienet għadha ma tteħditx. Qabel kollox, dan tal-aħħar kellu, skont il-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja, jikseb l-awtorizzazzjoni tal-kumitat ta’ sorveljanza u tal-ministru responsabbli dwar il-bejgħ inkwistjoni. B’hekk, l-impenn meħud mill-awtoritajiet Taljani skont liema l-ministru responsabbli ma kellux jindaħal mal-azzjoni tal-kummissarju straordinarju ma kienx tardiv, fid-dawl tal-istadju tal-proċedura.

171    Barra minn hekk, ir-riferiment għall-imsemmija impenji fit-tieni deċiżjoni kkontestata ma jistax jikkostitwixxi indikazzjoni ta’ diffikultajiet serji li kellha tiffaċċja l-Kummissjoni. Fil-fatt, dawn l-impenji jipprovaw li l-Kummissjoni ħadet il-prekawzjonijiet neċessarji kemm sabiex tistħarreġ l-osservanza tal-imsemmija impenji mill-mandatarju inkarigat mill-verifika tat-tranżazzjoni kif ukoll sabiex tislet il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservazzjoni eventwali tagħhom. Fi kwalunkwe każ, l-argumenti tar-rikorrenti relatati man-natura mhux adegwata tal-impenji huma irrelevanti, fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni rriżervat lilha nnifisha d-dritt li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar il-miżura inkwistjoni, fl-ipoteżi tan-nuqqas ta’ osservanza tat-termini tat-tieni deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, tal-impenji meħuda mill-awtoritajiet Taljani u kkonfermati fl-imsemmija deċiżjoni.

172    Fit-tielet lok u fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għaxar żbalji allegati mir-rikorrenti, li għandhom jindikaw l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, għandu jiġi osservat li huma jikkorrispondu, fil-verità, għall-ilmenti mqajma fil-kuntest tat-tielet, tar-raba’ u tal-ħames motivi, li fir-rigward tagħhom dawn il-motivi ġew eżaminati. Għalhekk, ma huwiex neċessarju li wieħed jeżaminahom b’mod separat, fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

173    Għalhekk, l-ilmenti fformulati fil-kuntest tal-ewwel motiv għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

174    Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pprovatx l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji. Għalhekk il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-miżura ta’ bejgħ ta’ assi, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 80 iktar ’il fuq.

c)     Fuq il-motivi bbażati fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

175    Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma segwietx il-“prassi deċiżjonali stabbilita” tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżami tal-karatteristiċi kollha rilevanti ta’ miżura u tal-kuntest tagħha kif ukoll possibbiltajiet oħra minbarra l-bejgħ tal-assi, fid-dawl tal-kriterju ta’ investitur privat li jopera taħt kundizzjonijiet normali ta’ ekonomija tas-suq. Għaldaqstant il-Kummissjoni kellha obbligu msaħħaħ ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li t-tieni deċiżjoni kkontestata tinkludi ċerti konklużjonijiet mhux sostnuti mill-Kummissjoni, b’mod partikolari dwar l-indipendenza tal-espert u dwar iċ-ċertezza li l-bejgħ ta’ assi seħħ bil-prezz tas-suq, li fir-rigward tagħhom ma huwiex possibbli li wieħed jifhem ir-raġunament tagħha.

176    Għandu jitfakkar li l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tat-tieni deċiżjoni kkontestata fir-rigward tan-nuqqas ta’ eżami tal-karatteristiċi kollha rilevanti tal-miżura nnotifikata u tal-kuntest tagħha jikkoinċidi mat-tielet parti tat-tielet motiv. Bl-istess mod, l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tat-tieni deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-metodi ta’ rkupru li jikkostitwixxu possibbiltajiet minbarra l-bejgħ ta’ assi jikkoinċidi mat-tieni parti tar-raba’ motiv. Għalhekk, hekk kif ġie indikat fil-punti 89, 117 u 124 iktar ’il fuq, l-imsemmija partijiet ser jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

177    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u r-raġunament tal-istituzzjoni għandu jinftiehem b’mod ċar u inekwivoku, b’mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 102 iktar ’il fuq, punt 63, u tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra p. I‑2481, punt 35).

178    Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari mill-kontenut tal-att, min-natura tal-motivi invokati u mill-interess li d-destinatarji jew persuni oħra direttament u individwalment ikkonċernati bl-att jista’ jkollhom mill-fatt li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward ta’ kliemha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C‑350/88, Ġabra p. I‑395, punt 16, u Franza vs Il-Kummissjoni, punt 177 iktar ’il fuq, punt 36).

179    B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tieħu pożizzjoni fir-rigward tal-argumenti kollha invokati quddiemha mill-partijiet ikkonċernati, iżda teħtieġ sempliċement li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li huma ta’ importanza essenzjali fl-ekonomija tal-ġudizzju (ara s-sentenza Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

180    B’mod iktar partikolari fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonkludi li ma teżistix l-għajnuna mogħtija mill-Istat irraportata mill-persuna li tagħmel l-ilment, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tispjega b’mod suffiċjenti lill-persuna li tagħmel l-ilment ir-raġunijiet li għalihom il-punti ta’ fatt u ta’ liġi invokati fl-ilment ma kinux biżżejjed sabiex jipprovaw l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Madankollu, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tieħu pożizzjoni dwar l-elementi li huma manifestament irrilevanti, insinjifikattivi jew ċarament sekondarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 102 iktar ’il fuq, punt 64).

181    Fil-fatt, għandu jitfakkar, fir-rigward tan-natura tal-att inkwistjoni, li t-tieni deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tal-għajnuna stabbilita permezz tal‑Artikolu 88(3) tat-Trattat KE, li għandu biss l-għan li jippermetti lill-Kummissjoni tifforma opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna kkonċernata, mingħajr ma tinfetaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fis-subartikolu 2 tal-imsemmi artikolu, li, fir-rigward tagħha, hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni jkollha għarfien komplet dwar l-informazzjoni kollha marbuta ma’ din l‑għajnuna (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Diċembru 2008, Regie Networks, C‑333/07, Ġabra p. I‑10807, punt 64).

182    Issa, tali deċiżjoni, li tittieħed f’termini qosra ta’ żmien, għandha tinkludi biss ir‑raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tqis li ma jeżistux diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq komuni (sentenzi Matra vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 48, u Regie Networks, punt 181 iktar ’il fuq, punt 65).

183    F’dan il-każ, fir-rigward tal-kuntest u taċ-ċirkustanzi li fihom ġiet adottata t-tieni deċiżjoni kkontestata, mill-eżami tal-ewwel parti tat-tielet motiv (ara l-punti 105 u 110 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat ir-rwol tad-diversi atturi li intervjenew fil-kuntest tal-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja u żgurat lilha nnifisha li l-miżura, hekk kif innotifikata, tiggarantixxi li l-bejgħ ta’ assi għandu jseħħ bil-prezz tas-suq. Barra minn hekk, ġie konkluż ukoll fil-kuntest tal-eżami tat-tieni parti ta’ dan il-motiv li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li teżamina l-punti li ma kinux rilevanti għall-evalwazzjoni tagħha, bħat-tnaqqis ta’ oneri u vantaġġi oħra allegatament mogħtija mil-leġiżlazzjoni Taljana liċ-CAI, permezz tad-dħul fis-seħħ tad-Digriet-Liġi Nru 134.

184    Fl-istess sens, mill-eżami tar-raba’ motiv jirriżulta li, billi l-Kummissjoni żgurat ruħha li l-bejgħ kellu jsir bil-prezz tas-suq, hija ma kellha ebda obbligu li teżamina l-possibbiltajiet minbarra l-proċedura’ ta’ stralċ ġudizzjarju.

185    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 179 iktar ’il fuq, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma kienx jimponi fuq il-Kummissjoni li fit-tieni deċiżjoni kkontestata tesponi elementi oħra minbarra l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li jkollhom importanza essenzjali fil-qafas tad-deċiżjoni. Tali motivazzjoni hija biżżejjed sabiex wieħed jistabbilixxi l-ġustifikazzjonijiet tat-tieni deċiżjoni kkontestata u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tistħarreġ il-legalità tagħha abbażi tal-Artikolu 253 KE.

186    Fir-rigward tal-konklużjonijiet allegatament mhux motivati li għalihom waslet il-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li, fil-punt 39 tat-tieni deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li r-rapport tal-esperti redatt skont id-Digriet-Liġi Nru 134 kien indipendenti. B’hekk, l-ilment ifformulat mir-rikorrenti bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tat-tieni deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-preżenza ta’ ċerti azzjonisti tal-espert anki fil-kapital taċ-CAI ma jistax jiġi milqugħ.

187    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq iċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni sostniet, fit-tieni deċiżjoni kkontestata, li l-fatt li wieħed mill-azzjonisti taċ-CAI kellu wkoll sehem f’kumpannija li hija kreditur mhux assigurat ta’ Alitalia ma kellu ebda inċidenza fuq il-prezz propost miċ-CAI, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq din il-kunsiderazzjoni sabiex issostni li l-prezz propost f’din l-offerta kien konformi mal-prezz tas-suq, b’tali mod li hija ma kellha ebda obbligu li tissostanzjaha.

188    Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, dan il-motiv għandu għaldaqstant jiġi miċħud. Bl-istess mod, għandhom jiġu miċħuda t-tielet parti tat-tielet motiv u t-tieni parti tar-raba’ motiv.

189    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu adottati l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba mir-rikorrenti.

B –  Fuq it-talba għal annullament parzjali tal-ewwel deċiżjoni kkontestata

190    Ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni li tikseb ukoll l-annullament parzjali tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, sa fejn din ma tordnax l-irkupru tal-għajnuna mingħand ix-xerrejja tal-assi tal-grupp Alitalia u speċifikament taċ-CAI u li hija tagħti lir-Repubblika Taljana terminu supplementari ta’ erba’ xhur sabiex timplementa din id-deċiżjoni u tirkupra s-self ta’ EUR 300 miljun.

191    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999, billi tat lir-Repubblika Taljana erba’ xhur supplementari sabiex tirkupra s-self mogħti lil Alitalia u billi naqset milli tordna s-sospensjoni tal-għajnuna, b’applikazzjoni tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 659/1999. Barra minn hekk, hija ssostni li l-Kummissjoni kellha tordna l-irkupru tal-għajnuna mingħand iċ-CAI u mhux mingħand Alitalia.

192    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li mingħajr ma jqajmu eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà formali, Alitalia‑CAI u r-Repubblika Taljana jqisu li r-rikors kontra l-ewwel deċiżjoni kkontestata huwa inammissibbli. F’dan ir-rigward, Alitalia‑CAI essenzjalment issostni li r-rikorrenti ma għandhiex interess ġuridiku sabiex taġixxi kontra l-ewwel deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tar-Repubblika Taljana, hija ssostni li r-rikorrenti ma hijiex individwalment ikkonċernata mill-imsemmija deċiżjoni.

193    Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 56 iktar ’il fuq, għandha tiġi eżaminata ex officio l-ammissibbiltà tar-rikors, skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-proċedura.

194    L-ewwel nett, fir-rigward taċ-ċirkustanza li r-rikorrenti hija effettwata individwalment mill-ewwel deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, deċiżjoni li tagħlaq proċedura skont l-Artikolu 88(2) KE tikkonċerna individwalment lill-impriżi li kienu wara l-ilment li ta lok għal din il-proċedura u li l-osservazzjonijiet tagħhom instemgħu, liema osservazzjonijiet iddeterminaw l-iżvolġiment tal-proċedura, għalkemm, madankollu, il-pożizzjoni tagħhom fis-suq hija sostanzjalment affettwata bl-ammont tal-għajnuna li hija s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni. Madankollu, ma jirriżultax li impriża ma tistax turi b’mod ieħor, b’riferiment għal ċirkustanzi speċifiċi li jindividwalizzawha b’mod analogu għal dak tad-destinatarju, li hija tinsab individwalment ikkonċernata (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 1998, BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑11/95, Ġabra p. II‑3235, punt 72).

195    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni, minn naħa, li hija ppreżentat ilmenti u osservazzjonijiet matul il-proċedura ta’ investigazzjoni li tat lok għall-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, li l-pożizzjoni tagħha fis-suq kienet sostanzjalment effettwata bl-għoti tal-għajnuna kif ukoll bl-ewwel deċiżjoni kkontestata, inkwantu, fl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni ppermettiet lill-awtoritajiet Taljani erba’ xhur għall-irkupru tal-imsemmi self. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirreferi għall-ilment tad-29 ta’ April 2008 indirizzat lill-Kummissjoni, li fih hija kienet issostni li s-self kompla joħolqilha żvantaġġ fil-konfront ta’ Alitalia billi pprekluda t-tkabbir tagħha fis-suq domestiku Taljan u fil-konnessjonijiet bl-ajru bi tluq mill-Italja u li hija kienet qed tbati minn telf fin-numru ta’ passiġġieri u fid-dħul minħabba prezzijiet iktar baxxi minn dawk li Alitalia kienet f’pożizzjoni li toffri wara l-għoti tas-self. Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-interess tagħha li d-deċiżjoni tiġi parzjalment annullata huwa dak ta’ prevenzjoni ta’ ksur simili fil-futur min-naħa tal-Kummissjoni.

196    Qabel kollox, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti kellha rwol attiv fil-proċeduri li ppreċedew l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, billi ppreżentat ilmenti li jikkontestaw l-għoti ta’ self lil Alitalia u l-konverżjoni ulterjuri ta’ dan is-self f’kapital proprju, liema lmenti taw lok għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni, u li l-osservazzjonijiet tagħha nstemgħu fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Barra minn hekk, l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti kellhom influwenza fuq l-iżvolġiment tal-proċedura relatata mal-imsemmi self, fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tiddikjara li dan kien jikkostitwixxi għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq komuni u li kellu jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarju tiegħu.

197    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tipprovax li l-fatt li jiġi ordnat irkupru immedjat tal-għajnuna mingħand Alitalia u mhux mingħand iċ-CAI ikollu bħala effett li tiġi effettwata sostanzjalment il-pożizzjoni kompetittiva tagħha. Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma pprovatx li t-terminu mogħti mill-Kummissjoni lir-Repubblika Taljana, li allegatament ippermetta li jiġi evitat l-obbligu ta’ rkupru mill-benefiċjarju tagħha, jeffettwa l-interessi tagħha. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti lanqas ma pprovat sa fejn il-fatt li ma ordnatx is-sospensjoni tal-għajnuna, li kellha bħala effett li tippermetti lil Alitalia tikkonvertiha f’kapital proprju, effettwaha.

198    B’hekk ir-rikorrenti ma pprovatx li hija kkonċernata individwalment mill-ewwel deċiżjoni kkontestata.

199    Issa, għandu jitfakkar li l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors huma kumulattivi. B’hekk, mingħajr ma jkollu jiġi eżaminat il-locus standi tar-rikorrenti, jeħtieġ li r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli, inkwantu huwa intiż għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, minħabba n-nuqqas ta’ interess individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 2003, Olivieri vs Il-Kummissjoni u EMEA, T‑326/99, Ġabra p. II‑6053, punt 66).

 Fuq l-ispejjeż

200    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tal-imsemmija regoli, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

201    F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll l-ispejjeż tal-Kummissjoni u ta’ Alitalia-CAI.

202    Skont l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ryanair Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għall-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea u ta’ Alitalia — Compagnia Aerea Italiana SpA.

3)      Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Papasavvas

Vadapalas

O’Higgins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Marzu 2012.

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –  Il-proċedura amministrattiva

B –  Deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE

C –  Id-deċiżjonijiet ikkontestati

1.  Deċiżjoni li tikkonċerna s-self mogħti lil Alitalia

2.  Deċiżjoni li tikkonċerna l-bejgħ ta’ assi ta’ Alitalia

Il-proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq it-talba għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata

1.  Fuq l-ammissibbiltà

2.  Fuq is-suġġett tal-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq il-mertu

a)  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza mill-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni kondizzjonali wara investigazzjoni preliminari

b)  Fuq il-motivi bbażati fuq il-ksur tal-obbligu li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali

Fuql-ilmenti fformulati fil-kuntest tat-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżami mill-Kummissjoni tal-karatteristiċi kollha rilevanti tal-miżuri fil-kuntest tagħhom

Fuq l-ilmenti fformulati fil-kuntest tar-raba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ eżami ta’ possibbiltajiet oħra minbarra l-bejgħ tal-assi tal-grupp Alitalia

Fuq l-ilmenti fformulati fil-kuntest tal-ħames motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni għall-bejgħ tal-assi tal-kriterju tal-investitur privat li jopera taħt kundizzjonijiet normali ta’ ekonomija tas-suq

–  Fuq l-ilmenti fformulati fil-kuntest tal-ewwel u l-ħames partijiet

–  Fuq l-ilmenti fformulati fil-kuntest tat-tieni parti

–  Fuq l-ilmenti fformulati fil-kuntest tat-tielet u r-raba’ partijiet

Fuq l-ilmenti fformulati fil-kuntest tas-sitt motiv, ibbażat fuq żball ta’ identifikazzjoni tal-parti li għandha tirrimborsa l-għajnuna

Fuq l-ilmenti fformulati fil-kuntest tal-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali

c)  Fuq il-motivi bbażati fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

B –  Fuq it-talba għal annullament parzjali tal-ewwel deċiżjoni kkontestata

Fuq l-ispejjeż


** Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.