Language of document : ECLI:EU:C:2012:753

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

Jääskinen

ippreżentati fis-27 ta’ Novembru 2012 (1)

Kawża C‑85/11

Il-Kummissjoni Ewropea

vs.

L-Irlanda

(VAT – Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva 2006/112/KE – Regoli nazzjonali li jippermettu li persuni mhux taxxabbli jkunu membri ta’ gruppi tal-VAT – Kompatibbiltà mad-dritt tal-VAT tal-Unjoni Ewropea)





I –    Introduzzjoni

1.        F’din il-kawża l-Kummissjoni tfittex dikjarazzjoni li billi ppermettiet li persuni mhux taxxabbli jkunu membri ta’ grupp tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) (meqjusa bħala persuna taxxabbli waħedha għal skopijiet ta’ VAT), l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”) (2).

2.        Fl-istess ħin ma’ din il-kawża, il-Kummissjoni ppreżentat kawża kontra r-Renju tal-Isvezja dwar ksur tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT. Imma għal raġunijiet differenti. Se nindirizza dik it-tilwima f’konklużjonijiet separati.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

3.        L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT jiddefinixxi l-kunċett ta’ persuna taxxabbli għal skopijiet ta’ VAT kif ġej:

“1. ‛Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‛attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”


4.        L-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi regoli dwar it-trattament ta’ iktar minn persuna waħda bħala entità waħda għall-finijiet tal-amministrazzjoni tat-taxxa (“ragruppament għall-finijiet tal-VAT”) kif ġej:

“Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv tal-VAT [iktar ’il quddiem il-‘Kumitat tal-VAT’], kull Stat Membru jista’ jikkunsidra bħala persuna taxxabbli waħedha kwalunkwe persuni stabbiliti fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru li, filwaqt li huma indipendenti legalment, ikollhom x’jaqsmu mill-qrib ma’ xulxin b’rabtiet finanzjarji, ekonomiċi u organizzattivi.

Stat Membru li jeżerċita l-għażla prevista fl-ewwel paragrafu, jista’ jadotta kwalunkwe miżura meħtieġa sabiex jimpedixxi l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa permezz ta’ l-użu ta’ din id-dispożizzjoni.”

B –    Id-dritt nazzjonali

5.        L-Artikolu 15 tal-Value-Added Tax Consolidation Act 2010 [Att dwar il-Konsolidazzjoni tat-Taxxa dwar il-Valur Miżjud 2010], li daħal fis-seħħ għall-perijodi taxxabbli li jibdew fi jew wara l-1 ta’ Novembru 2010, jippovdi (3):

“(1) Bla ħsara għas-subartikolu (2), fejn il-Kummissarji tat-Taxxa huma sodisfatti li tnejn jew iktar persuni stabbiliti fl-Istat, u mill-anqas waħda minnhom hija persuna taxxabbli, ikunu konnessi mill-qrib ma’ xulxin b’rabtiet finanzjarji, ekonomiċi u organizzattivi u jidhrilhom li jkun meħtieġ jew xieraq li għal skopijiet ta’ amministrazzjoni effiċjenti u effettiva (inkluż il-ġbir) tat-taxxa li jsir dan, għalhekk, għall-iskopijiet ta’ dan l-att, il-imsemmija Kummissarji jistgħu, kemm jekk wara li ssir applikazzjoni għan-nom ta’ dawk il-persuni jew mod ieħor -

(a)       b’avviż bil-miktub (li f’din it-taqsima jissejjaħ “avviż lil grupp”) lil kull waħda minn dawk il-persuni li jitqiesu li huma persuna taxxabbli waħedha (f’din it-taqsima msejjħa “grupp”) u l-persuni hekk notifikati għandhom jitqiesu li jiffurmaw parti mill-grupp sakemm dan is-subartikolu jkun japplika għalihom, iżda l-Artikolu 65 għandu japplika fir-rigward ta’ kull wieħed mill-membri tal-grupp, u

(i) waħda minn dawk il-persuni, li tiġi notifikata f’dan is-sens mill-Kummissarji, għandha tkun responsabbli għall-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att fir-rigward tal-grupp, u

(ii) id-drittijiet u l-obbligi kollha li jirriżultaw minn dan l-Att fir-rigward tat-tranżazzjonijiet tal-grupp għandhom ikunu stabbiliti b’dan il-mod,

kif ukoll

(b)       jagħmlu lil kull persuna fil-grupp responsabbli in solidum sabiex jikkonformaw ma’ dan l-Att u mar-regolamenti (inkluż id-dispożizzjonijiet li jeżiġu l-ħlas tat-taxxa) li japplikaw għall kull waħda minn dawk il-persuni u suġġett għall-multi taħt dan l-Att li kieku jkunu pagabbli minnhom jekk kull waħda minn dawn il-persuni kienet responsabbbli li tħallas lill-Kummissarji t-taxxa kollha imponibbli, apparti mir-regolamenti taħt din it-taqsima, fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn il-persuni:

[…]”

III – Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

6.        Fit-18 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Irlanda li fiha argumentat li diversi dispożizzjonijiet tal-liġi Irlandiża kienu inkompatibbli mal-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva tal-VAT, minħabba li kienu jippermettu li persuni mhux taxxabbli jkunu membri ta’ grupp tal-VAT.

7.        L-awtoritajiet Irlandiżi wieġbu permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Jannar 2009 fejn qalu li, fil-fehma tagħhom, il-leġiżlazzjoni Irlandiża kienet konformi mad-Direttiva tal-VAT.

8.        Fl-20 ta’ Novembru 2009 il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Irlanda fejn ikkonfermat il-pożizzjoni tagħha. L-Irlanda wieġbet b’ittra tad-19 ta’ Jannar 2010 fejn sostniet li l-interpretazzjoni tagħha tad-Direttiva tal-VAT kienet korretta.

9.        Peress li ma kinitx sodisfatta bit-tweġiba tal-Irlanda, il-Kummissjoni ressqet l-azzjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu preżenti li kienet ippreżentata fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Frar 2011. Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju Unit ilkoll intervjenew insostenn tal-Irlanda. Dawn l-Istati Membri u l-Kummissjoni pparteċipaw waqt is-seduta tal-5 ta’ Settembru 2012.

10.      L-Irlanda qiegħdha titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara l-azzjoni inammissibbli, minħabba li s-suġġett tar-rikors imur lil hinn mill-ilment ifformulat mill-Kummissjoni fil-proċedura amministrattiva. Sussidjarjament, l-Irlanda titlob li l-azzjoni tiġi miċħuda bħala infondata.

IV – L-amissibbiltà tal-azzjoni

11.      L-Irlanda ssostni li d-dikjarazzjoni formali mitluba mill-Kummissjoni mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja hija differenti b’mod sinjifikattiv mill-ilment oriġinali li sar kontra l-Irlanda fl-ittra ta’ intimazzjoni. L-Irlanda tallega li l-ilment oriġinali tal-Kummissjoni kien limitat għall-argument li, skont interpretazzjoni korretta tal-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva tal-VAT, persuna mhux taxxabbli ma tistax “tissieħeb” fi grupp tal-VAT. L-Irlanda tallega wkoll li dan kien l-ilment li wieġbet għalih fir-risposta tagħha għall-ittra ta’ intimazzjoni, u li l-ilment tal-Kummissjoni baqa’ hekk limitat fl-opinjoni motivata tagħha. Madankollu, fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ssostni li l-Irlanda qiegħdha tikser l-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva tal-VAT “billi tippermetti li persuni mhux taxxabbli jkunu membri ta’ grupp tal-VAT”.

12.      L-Irlanda toġġezzjona li, li kieku l-Kummissjoni kienet korretta fl-asserzjonijiet tagħha, l-Irlanda ma tkunx biss obbligata li tirregola u tissorvelja l-formazzjoni ta’ gruppi tal-VAT sabiex teskludi għalkollox persuni mhux taxxabbli, iżda wkoll li tibqa’ tissorvelja gruppi approvati eżistenti. Skont l-Irlanda, dan ifisser li l-portata tal-allegazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni hija usa’ minn dik tal-allegazzjonijiet magħmula fil-fażi amministrattiva, u l-Irlanda ma ngħatat l-ebda opportunità matul dik il-fażi biex tikkummenta dwar l-implikazzjonijiet tal-ilment iktar wiesa’ li, għall-Irlanda, huwa sinjifikattiv.

13.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, rikors għandu jkun ibbażat fuq l-istess raġunijiet u bażijiet bħall-opinjoni motivata (4). Sa fejn it-talba ma tkunx issemmiet fl-opinjoni motivata, din ma tistax tkun iddikjarata ammissibbli fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

14.      Madankollu kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (Kawża C‑458/08), dan ir-rekwiżit ma jistax jiġi estiż b’tali mod li jwassal sabiex jimponi, f’kull każ, koinċidenza perfetta bejn l-espożizzjoni tal-ilmenti fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata u t-talbiet tar-rikors, sakemm is-suġġett tal-kawża, kif iddefinit fl-opinjoni motivata, ma jiġix estiż jew emendat (5).

15.      Din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tikkonċerna primarjament l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT. Fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11, l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li jqisu persuni separati bħala persuna taxxabbli waħedha. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 11, Stat Membru li jeżerċita d-diskrezzjoni prevista fl-ewwel paragrafu jista’ jadotta kwalunkwe miżura meħtieġa għall-prevenżjoni tal-evażjoni jew l-evitar ta’ taxxa.

16.      Għalhekk, l-applikabbiltà tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT ma tiddependix fuq jekk din hijiex kwistjoni li wieħed jingħaqad mal-grupp jew li wieħed jappartjeni għalih. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 11 l-Istati Membri jistgħu jaddottaw kwalunkwe miżura meħtieġa għall-prevenzjoni tal-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa. Fi kliem ieħor, l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT jinkludi prerekwiżiti eżawrjenti biex persuni separati jitqiesu bħala persuna taxxabbli waħedha, u hija din il-kwistjoni li tinsab fil-qofol tal-kawża għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

17.      Fil-kawża preżenti, ir-riformulazzjoni tal-ilmenti fir-rikors ma la estendiet, la bidlet u lanqas ma llimitat is-suġġett tal-proċeduri kif imfissra fl-opinjoni motivata. Din ma kellha ebda effett fuq id-drittijiet ta’ difiża tal-Irlanda għaliex il-kawża mressqa mill-Kummissjoni hija diretta lejn min jista’ jkun membru ta’ grupp tal-VAT, u mhux lejn il-kontroll ta’ tali gruppi mill-awtoritajiet tal-Istati Membri.

18.      Għalhekk, il-fatt li l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni ma għamlet l-ebda distinizjoni bejn persuni mhux taxxabbli li jingħaqdu ma’ gruppi tal-VAT, u persuni mhux taxxabbli li jibqgħu msieħba fihom, ma jfissirx li l-Kummissjoni introduċiet talba ġdida li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tindirizza.

19.      Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

V –    L-argumenti tal-partijiet

20.      In-nuqqas ta’ qbil bejn il-Kummissjoni u l-Irlanda jista’ jinġabar fil-qosor kif ġej.

21.      Il-Kummissjoni tieħu l-pożizzjoni li, avolja l-kelma “taxxabbli” ma tissemmiex fl-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT bejn il-kliem “kwalunkwe persuni”, din hija impliċita fl-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT li din id-dispożizzjoni tinkludi biss “persuni taxxabbli” kif imfissra fl-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-VAT. Altrimenti, grupp tal-VAT jista’ jkun jikkonsisti biss minn persuni mhux taxxabbli. Għall-Kummissjoni, il-kunċett ta’ “ragruppament” jimplika li l-persuni kollha fil-grupp tal-Artikolu 11 iridu jappartjenu għall-istess kategorija għal finijiet tal-VAT. Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 11 jidderoga mir-regola ġenerali li kull persuna taxxabbli għandha tkun ittrattata bħala entità separata, l-Artikolu 11 għandu jiġi interpretat b’mod dejjaq.

22.      Il-Kummissjoni ssostni li l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT hija konsistenti mal-iskopijiet primarji tad-dispożizzjonijiet dwar ragruppament għall-finijiet tal-VAT, li huma li tiġi ssemplifikata l-amministrazzjoni u li jiġi miġġieled l-abbuż. Is-semplifikazzjoni tikkonsisti primarjament fl-eżenzjoni mill-piżijiet amministrattivi u ta’ kontabbiltà assoċjati mal-preżentazzjoni ta’ kontijiet individwali u prospetti tal-VAT. Peress li huma biss il-persuni taxxabbli li għandhom jippreżentaw tali kontijiet u prospetti, l-għan tas-semplifikazzjoni ma jistax jiġġustifika l-inklużjoni ta’ persuni mhux taxxabbli fi grupp tal-VAT. Fir-rigward tal-abbuż, in-nota ta’ spjega tal-proposta għas-Sitt Direttiva tal-VAT jsemmi biss l-għan li operaturi ekonomiċi jinżammu milli jisfruttaw il-limiti tat-tassazzjoni billi jifirdu l-istess negozju f’diversi persuni separati. Il-Kummissjoni donnha tissuġġerixxi li dan jeskludi kwalunkwe rwol għal persuni mhux taxxabbli. Il-Kummissjoni tkompli ssostni, madankolu, li l-Artikolu 11 ma jistax jintuża bħala strument għall-prevenzjoni tal-evażjoni jew tal-evitar tat-taxxa (6) billi, pereżempju, jippermetti kumpanniji holding li ma humiex suġġetti għat-taxxa taħt l-Artikolu 9 li jkunu nklużi fi grupp tal-VAT taħt l-Artikolu 11.

23.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-ilment tagħha huwa sostnut, għalkemm indirettament, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġusstizzja, u primarjament mis-sentenza fil-Kawża C‑162/07 Ampliscientifica. F’dik il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-effett tal-implementazzjoni ta’ sistema ta’ gruppi tal-VAT kien li tawtorizza “persuni, b’mod partikolari lill-kumpanniji, li huma marbutin fuq livell finanzjarju, ekonomiku u organizzattiv, li ma jibqgħux ikkunsidrati iktar bħala persuni taxxabbli separati għall-VAT, u jibdew jitqiesu bħala persuna taxxabbli waħedha” (7). Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, din is-silta, flimkien mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Van Gerven fil-Kawża C‑60/90, Polysar (8), tirrifletti l-idea li huma biss persuni taxxabbli li jistgħu jkunu membri ta’ “persuna taxxabbli waħedha”.

24.      Min-naħa l-oħra, l-Irlanda tieħu l-pożizzjoni li l-Artikolu 11 tal-VAT għandu jiġi interpretat litteralment, u l-użu tat-terminu “persuni” mil-leġiżlatur mingħajr l-attribut “taxxabbli” kien deliberat. Li kieku l-leġiżlatur kellu l-ħsieb li jagħmel riferiment għal persuni taxxabbli fl-Artikolu 11, dan kien jinkludi din il-kelma fid-Direttiva tal-VAT kif riformulata.

25.      L-Irlanda ssostni li l-kunċett ta’ “ragruppament” li fuqu tibbaża l-Kummissjoni huwa sempliċement deskrittiv u ma huwiex użat fid-Direttiva tal-VAT innifisha. Dan għalhekk ma jistax jifforma l-bażi għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT. Barra minn hekk, għalkemm huwa teoretikament possibbli li grupp tal-VAT ikun kompost biss minn persuni mhux taxxabbli, dan huwa kemm improbabbli ħafna, kif ukoll, espressament prekluż mil-leġiżlazzjoni Irlandiża (9).

26.      L-Irlanda ssostni li ż-żieda tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT estendiet l-iskop tad-dispożizzjoni biex tagħmilha possibbli għall-Istati Membri li jadottaw miżuri fir-rigward ta’ gruppi tal-VAT li huma maħsuba biex jiġġieldu l-abbuż, jissemplifikaw t-trattament għall-finijiet tal-VAT u jipprevjenu l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa (10). L-Irlanda ssostni li jekk persuni mhux taxxabbli, speċjalment kumpanniji holding (11), jitħallew ikunu membri ta’ grupp tal-VAT, dan jista’ jippromwovi l-prevenzjoni tal-evitar u/jew tal-evażjoni tat-taxxa. Tali vantaġġi, skont l-Irlanda, jinkludu li wieħed ikun jista’ jimponi responsabbiltà in solidum fuq kumpannija holding meta l-membri tal-grupp li jinnegozjaw ikollhom diffikultajiet biex iħallsu l-VAT li tkun dovuta.

27.      Fl-aħħar nett, l-Irlanda tikkontesta r-rilevanza tal-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni. Il-kwistjoni ta’ jekk humiex biss persuni taxxabbli li jistgħu jkunu membri ta’ grupp tal-VAT ma kinitx quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’Ampliscientifica. Fir-rigward tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Van Gerven f’Polysar, l-Irlanda tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma ssegwix l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali kemm f’dik il-kawża, u anki fis-sentenzi sussegwenti tagħha Wellcome Trust (12) u Harnas & Helm (13).

VI – Analiżi

28.      Fil-bidu, huwa utli li wieħed ifakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, biex tiġi stabbilita t-tifsira ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet, il-kuntest u l-formulazzjoni tagħha (14). L-ewwel se nikkunsidra l-formulazzjoni tal-Artikolu 11 fid-dawl tal-istorja leġiżlattiva tiegħu, qabel ma neżamina l-kuntest u l-għanijiet tiegħu.

A –    L-istorja leġiżlattiva u l-formulazzjoni

29.      Fl-1967 ġie ntrodott fid-dritt tal-Unjoni Ewropea, permezz tat-tieni Direttiva tal-VAT ir-ragruppament għall-finijiet tal-VAT. Il-punt 2 tal-Anness A tat-Tieni Direttiva tal-VAT (15) ippermetta li l-Istati Membri jqisu, bħala persuna taxxabbli waħedha, persuni separati u indipendenti li jissodisfaw il-prerekwiżiti msemmija hemmhekk. Iktar tard, din il-possibbiltà ġiet regolata bis-Sitt Direttiva tal-VAT (16), u iktar reċenti bid-Direttiva tal-VAT attwali. Madankollu, il-forma tagħha nbidlet fil-proċess ta’ emendar.

30.      Fil-punt 2 tal-Anness A tat-Tieni Direttiva tal-VAT l-Istati Membri ngħataw il-fakultà “li ma jikkunsidrawx bħala persuni taxxabbli separati, imma bħala persuna taxxabbli waħedha, persuni li, għalkemm huma indipendenti legalment, huma madankollu, organikament marbuta ma’ xulxin b’rabtiet finanzjarji, ekonomiċi u organizzattivi”. L-użu tal-kelma “separata” jindika li l-Istati Membri kellhom il-possibbiltà li jittrattaw persuni taxxabbli separatament, jew bħala persuna taxxabbli waħedha. L-istess tifsira dehret fil-verżjonijiet Franċiżi u Ġermaniżi tat-Tieni Direttiva tal-VAT.

31.      Madankollu s-Sitt Direttiva inkludiet bidla fil-formulazzjoni tad-dispożizzjoni dwar ir-ragruppamenti għall-finijiet tal-VAT. Id-dispożizzjoni rilevanti ta’ dik id-Direttiva, jiġifieri t-tieni paragrafu tal-Artikolu 4(4), ma għamel ebda riferiment għal membri ta’ grupp tal-VAT bħala li huma persuni taxxabbli “separati”, imma bħala sempliċement “persuni” (17).

32.      Il-bidla kienet iktar apparenti fil-verżjonijiet lingwistiċi tas-Sitt Direttiva fejn hemm kelma differenti għal “persuna taxxabbli” u “persuna”. Eżempju wieħed hija l-lingwa Franċiża. Tal-ewwel tiġi tradotta bħala “assujetti” filwaqt li tal-aħħar tiġi tradotta bħala “personne”.

33.      Il-formulazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT kif riformulata tidher li hija l-istess f’ħafna mill-verżjonijiet lingwistiċi, bl-eċċezzjoni tal-verżjoni bl-Ingliż (18). Fil-verżjoni bl-Ingliż, il-kelma “any” ġiet miżjuda qabel il-kelma “person”, li skont il-Gvernijiet tal-Irlanda, tal-Finlandja u tar-Renju Unit sempliċement isservi biex tenfasizza li “persuna” li tappartjeni għal grupp tal-VAT ma hemmx għalfejn tkun persuna taxxabbli.

34.      Fid-dawl tal-istorja leġiżlattiva, nsibha diffiċli naċċetta l-argumenti tal-Kummissjoni. Kif ġie rilevat mill-Irlanda, fi bnadi oħra tad-Direttiva tal-VAT, ntuża t-terminu “persuna taxxabbli” u mhux “persuna” meta entità tkun involuta f’attivitajiet ekonomiċi għall-iskopijiet tad-Direttiva tal-VAT. Filwaqt li l-istorja leġiżlattiva ma hijiex deċiżiva, din tista’ timplika li l-leġiżlatur ried iwessa’ l-kamp ta’ attivitajiet ta’ dawk li jistgħu jinvolvu ruħhom f’ragruppamenti għall-finijiet tal-VAT.

35.      Barra minn hekk, nosserva li provvisti bejn persuni mhux taxxabbli ma humiex koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-VAT, irrispettivament minn jekk jiffurmawx grupp tal-VAT jew le. Dan ifissier li t-tħassib ipotetiku tal-Kummissjoni li grupp tal-VAT jista’ jkun jikkonsisti biss minn persuni mhux taxxabbli ma huwiex rilevanti.

36.      Għalhekk, l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT jippermetti lill-Istati Membri li jqisu bħala “persuna taxxabbli waħedha” kwalunkwe persuni legalment indipendenti stabbiliti fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru, sakemm ikunu marbutin mill-qrib ma’ xulxin b’rabtiet finanzjarji, ekonomiċi u organizzattivi. Din il-konklużjoni hija konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li huwa partikolarment importanti f’materji ta’ tassazzjoni, fejn mhux biss il-persuni taxxabbli u l-awtoritajiet tat-taxxa iżda anki l-Istati Membri għandhom bżonn jistrieħu fuq formulazzjoni ċara u preċiża tal-liġi rilevanti tal-Unjoni Ewropea (19). Għalhekk jien nipproponi li r-rikors tal-Kummissjoni jiġi miċħud.

B –    L-għanijiet u l-kuntest tad-dispożizzjonijiet dwar ragruppament għall-finijiet tal-VAT

37.      Li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha taċċetta l-analiżi esposta iktar ’il fuq ibbażata fuq il-formulazzjoni tal-Artikolu 11, strettament, ma jkunx neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tgħaddi biex tikkunsidra l-kuntest u l-għanijiet tiegħu (20). Madankollu, se niddiskuti din il-kwistjoni fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taċċettax il-konklużjonijiet tiegħi fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 11.

38.      In-nota ta’ spjega tal-proposta tas-Sitt Direttiva tipprovdi “sabiex tkun simplifikata l-amministrazzjoni jew sabiex jiġu kumbattuti l-abbużi (eż. il-qsim ta’ operatur ekonomiku wieħed fost diversi persuni taxxabbli sabiex kull wieħed ikun jista’ jibbenefika minn skema speċjali). L-Istati Membri ma jkunux obbligati jittrattaw bħala persuna taxxabbli dawk li l-‛independenza’ tagħhom hija purament teknikalità legali.” (21) L-istorja leġiżlattiva tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu gruppi tal-VAT ma turi l-ebda għanijiet oħra. Skont il-Kummissjoni, dawn l-għanijiet jeskludu l-inklużjoni ta’ persuni mhux taxxabbli fi gruppi tal-VAT.

39.      Sabiex jinftiehem l-għan ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT fi ħdan il-kuntest tas-sistema iktar wiesgħa tal-VAT, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett li l-gruppi tal-VAT għandhom fuq in-newtralità fiskali. Dan jinvolvi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti prattiki tar-reġistrazzjoni ta’ grupp tal-VAT. Dan huwa sinjifikattiv minħabba li dawn l-effetti jistgħu tabilħaqq jipprovdu l-motivazzjoni għal operaturi ekonomiċi biex ikunu nvoluti f’ragruppament għall-finijiet tal-VAT, sakemm dawn ikollhom għażla f’dan ir-rigward taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli (22).

C –    Il-possibbiltà ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT fil-kuntest iktar wiesa’ tas-sistema tal-VAT

40.      Il-formazzjoni ta’ grupp tal-VAT tirriżulta fil-ħolqien ta’ persuna taxxabbli waħedha għall-finijiet tal-VAT li hija komparabbli, minn kull aspett, ma’ persuna taxxabbli li tikkonsisti f’entità waħda biss. Irrispettivament min-natura tiegħu ta’ skema speċjali, ir-ragruppament għall-finijiet tal-VAT, la jintroduċi limitazzjonijiet u lanqas iwessa’ d-drittijiet ta’ persuna taxxabbli kif iddefinita fl-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-VAT.

41.      Is-sistema tal-VAT tikseb l-ogħla livell ta’ sempliċità u ta’ newtralità taħt żewġ kundizzjonijiet: meta t-taxxa tiġi imposta bl-iktar mod ġenerali possibbli u meta tkun tkopri l-istadji kollha tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni, kif ukoll il-provvista ta’ servizzi (23). Is-sistema tal-VAT għandha twassal għal newtralità fil-kompetizzjoni, sabiex fit-territorju ta’ Stat Membru merkanzija u servizzi simili jġorru l-istess piż ta’ taxxa, irrispettivament mit-tul tal-produzzjoni u mill-katina tad-distribuzzjoni (24). Meta tkun tiffunzjona b’mod ideali, din l-hekk imsejħa newtralità fiskali la għandha taffettwa l-kompetizzjoni u lanqas id-deċiżjonijiet li operaturi ekonomiċi jieħdu fl-organizzazjoni tal-attivitajiet tagħhom, bħall-forma legali jew l-istruttura organizzattiva (25).

42.      L-istabbiliment ta’ grupp tal-VAT jagħti bidu għar-responsabbiltà għall-ħlas tat-taxxa tal-grupp tal-VAT u jittermina r-responsabbiltà separata għall-ħlas tat-taxxa tal-membri tiegħu li kienu persuni taxxabbli għall-finijiet tal-VAT qabel ma saru parti mill-grupp (26). It-trattament għall-finijiet tal-VAT tat-tranżazzjonijiet tal-grupp, kemm dawk lil jew minn entitajiet barra mill-grupp, huwa komparabbli mat-trattament għall-finijiet tal-VAT ta’ persuna taxxabbli waħedha li topera individwalment. Tranżazzjonijiet bejn il-membri individwali tal-grupp, li jibqgħu għalhekk fi ħdan il-grupp, huma kkunsidrati bħala li twettqu mill-grupp għall-grupp stess. Għaldaqstant, tranżazzjonijiet interni ta’ grupp tal-VAT ma jeżistux għall-finijiet tal-VAT.

43.      Meta grupp tal-VAT jaġixxi skont ir-regoli tas-sistema tal-VAT, id-dritt tal-persuni membri ta’ dan il-grupp tal-VAT li jnaqqsu l-VAT għall-akkwisti ma huwiex estiż (27). Dan id-dritt jibqa’ japplika biss għal dawk il-provvisti magħmula għall-attivitajiet li huma suġġetti għall-VAT mill-grupp tal-VAT. Il-membri ta’ grupp tal-VAT lanqas ma huma intitolati li jnaqqsu l-VAT fuq provvisti magħmula għall-attivitajiet li huma eżenti mill-VAT.

D –    L-għan tad-dispożizzjonijiet dwar ir-ragruppament għall-finijiet tal-VAT

44.      Fid-dawl tal-għan u l-kuntest tar-ragruppament għall-finijiet tal-VAT, li ddeskrivejt iktar ’il fuq, ma nistax naqbel mal-argument tal-Kummissjoni li persuni mhux taxxabbli għandhom jiġu esklużi minnu. Wasalt għal dawn il-konklużjonijiet għar-raġunijiet li ġejjin.

45.      Ir-ragruppament għall-finijiet tal-VAT ma jagħtix benefiċċji ekonomiċi meta xiri jsir għall-attivitajiet suġġetti għall-VAT, peress li x-xerrej jista’ jnaqqas il-VAT tal-input. F’sitwazzjoni simili, bħala prinċipju huwa rrilevanti jekk ix-xiri jsirx fi ħdan il-grupp tal-VAT mingħajr VAT tal-input jew bil-VAT tal-input minn barra l-grupp tal-VAT. Madankollu, peress li t-tranżazzjonijiet interni ta’ grupp tal-VAT jiġu njorati għall-finijiet tal-VAT, ragruppament għall-finijiet tal-VAT jista’ jkun jinvolvi vantaġġi ta’ likwidità għal operaturi ekonomiċi fir-rigward ta’ attivitajiet li huma suġġetti għall-VAT.

46.      F’ċerti sitwazzjonijiet membri ta’ grupp tal-VAT jistgħu jakkwistaw benefiċċji ekonomiċi billi jifformaw parti mill-grupp (28). Din, fil-fehma tiegħi, hija konsegwenza inevitabbli li toħroġ mill-għażla bażika ta’ politika fiskali ta’ Stat Membru li jippermetti r-raguppament għall-finijiet tal-VAT.

47.      Sħubija fi grupp tal-VAT tista’ tkun ta’ benefiċċju, pereżempju, f’sitwazzjoni fejn il-membru li jagħmel xiri suġġett għall-VAT, minħabba li l-attivitajiet tiegħu huma eżenti mill-VAT, ma kellu ebda dritt li jnaqqas il-VAT jew ma kellux dritt li jnaqqas il-VAT kollha. Jekk tali membru jixtri mingħand fornitur barra mill-grupp tal-VAT, trid titħallas il-VAT. Madankollu, jekk jixtri mingħand membru ieħor tal-grupp, ebda VAT ma tkun trid titħallas.

48.      Meta operatur ekonomiku ma jkunx intitolat li jnaqqas il-VAT tal-input sostnuta fix-xiri, jista’ jkun ta’ vantaġġ ekonomiku għalih li jipproduċi l-merkanzija jew is-servizzi huwa stess. Pereżempju, bank li ma huwiex intitolat li jnaqqas il-VAT jista’ jibbenefika ekonomikament jekk jipproduċi internament is-servizzi tal-IT neċessarji għall-attivitajiet bankarji tiegħu minflok ma jixtrihom mingħand terzi. Madankollu, jekk ikun hemm il-possibbiltà ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT, huwa jista’ jagħti s-servizzi tal-IT tiegħu lil sussidjarja li tifforma parti mill-grupp u jieħu l-istess vantaġġ.

49.      Għalhekk, ir-responsabbiltà għall-ħlas tal-VAT jista’ jkollha u għandha impatt fuq l-istruttura u l-funzjonament tal-attivitajiet tan-negozju. Imma r-ragruppament għall-finijiet tal-VAT jippermetti lill-Istati Membri li jnaqqsu l-influwenza tal-VAT fuq il-mod ta’ kif l-operaturi ekonomiċi jorganizzaw irwieħhom. Dan jista’ jagħmlu billi jnaqqas id-differenza fl-ispejjeż bejn il-produzzjoni ta’ servizz internament u x-xiri tiegħu mingħand fornitur indipendenti b’personalità legali separata. Għalhekk, ir-ragruppament għall-finijiet tal-VAT jsostni n-newtralità fiskali billi jippermetti strutturi ta’ negozji adatti mingħajr konsegwenzi negattivi għal dik li hija responsabbiltà għall-ħlas tal-VAT. Barra minn hekk, il-possibbiltà li persuni mhux taxxabbli jiġu inklużi bħala membri ta’ grupp tal-VAT tqiegħed l-istrutturi tal-korporazzjonijiet li jinkludu tali persuni fl-istess pożizzjoni bħal strutturi ta’ korporazzjonijiet oħra. Bħala eżempju jistgħu jittieħdu dawk il-gruppi ta’ kumpanniji fejn kumpannija holding ikollha ishma maġġoritarji fil-kumpanniji l-oħrajn kollha tal-grupp.

50.      Infakkar li hija l-attività u mhux il-forma legali li tiddefinixxi l-istatus ta’ persuna bħala persuna taxxabbli għall-finijiet tal-VAT. L-attivitajiet ta’ membri ta’ gruppi tal-VAT għandhom jiġu eżaminati sabiex jiġi ddeterminat l-effett prattiku tar-ragruppament għall-finijiet fiskali f’termini ta’ newtralità fiskali.

51.      Pereżempju, bħala prinċipju, in-natura tal-attivitajiet ta’ kumpannija holding legalment indipendenti bħala taxxabbli jew mhux taxxabbli ma tiddependix fuq jekk din tappartjenix għal grupp tal-VAT jew le (29). Madankollu, kumpannija holding li tappartjeni għal grupp tal-VAT tista’ tixtri oġġetti u servizzi taxxabbli mingħajr VAT, filwaqt li kumpannija holding li ma tappartjenix għal grupp tal-VAT ma tistax tagħmel dan. Bl-isħubija tagħha fi grupp tal-VAT, persuna mhux taxxabbli ssir entità regolata bis-sistema tal-VAT tal-Unjoni Ewropea.

52.      Madankollu, fil-fehma tiegħi ma hijiex anomalija li persuni mhux taxxabbli jistgħu jkunu parti minn grupp tal-VAT. Dan huwa għaliex kwalunkwe persuna taxxabbli tista’ tkun involuta f’attivitajiet suġġetti għal-VAT u f’attivitajiet li ma humiex suġġetti għall-VAT (30). F’dan ir-rigward ma tista’ ssir l-ebda distinzjoni bejn persuna taxxabbli ordinarja u grupp tal-VAT.

53.      Għalhekk, mill-perspettiva ta’ fiskalità newtrali, l-inklużjoni ta’ persuni mhux taxxabbli fi grupp tal-VAT ma tagħmel l-ebda differenza għall-ilħiq tal-għanijiet tas-sistema tar-ragruppament għall-finijiet tal-VAT. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, sitwazzjoni fejn persuna mhux taxxabbli tibbenefika ekonomikament billi tagħmel xiri mingħajr VAT fi ħdan grupp tal-VAT ma hijiex differenti mis-sitwazzjoni fejn persuna taxxabbli involuta f’attivitajiet eżenti mill-VAT tista’, billi tkun parti minn grupp tal-VAT, tixtri provvisti taxxabbli mingħajr VAT minn ġewwa grupp tal-VAT.

54.      Bħala konklużjoni, inqis li l-għan tar-ragruppament għall-finijiet tal-VAT fi ħdan is-sistema tal-VAT ma jsostnix il-pożizzjoni li tgħid li persuni mhux taxxabbli ma jistgħux ikunu inklużi fi gruppi tal-VAT skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT.

VII – Konklużjoni

55.      Għal dawn ir-raġunijiet nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara li l-Irlanda, billi ppermettiet li persuni mhux taxxabbli jkunu membri fi grupp tat-taxxa fuq il-valur miżjud, ma kisritx l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud. Għaldaqstant ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud u l-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż u l-Istati Membri li intervjenew għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2  – Kawżi simili dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tressqu mill-Kummissjoni kontra r-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ara l-Kawżi C‑109/11, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka; C‑95/11, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka; C‑74/11, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja; C‑65/11, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi; u C‑86/11, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja talbitni nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi biss fir-rigward ta’ din il-kawża u tal-Kawża C‑480/10, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, fejn il-Konklużjonijiet tiegħi se jiġu ppreżentati fl-istess ħin bħall-konklużjonijiet preżenti.


3 – Dispożizzjonijiet sostanzjalment identiċi kienu nklużi fl-Artikolu 8(8) (a) tal-Att dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, kif emendat l-iktar reċenti bl-Att dwar il-Finanzi tal-2008.


4 – Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑139/00, Ġabra p. I‑6407, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata)


5 – Ġabra p. I‑11599, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2012, Il-Kummissjoni vs L-Estonja (C‑39/10, punti 24-26).


6 – Il-Kummissjoni ssostni li, jekk Stat Membru jixtieq jidderoga mid-dispożizzjonijiet normali tad-Direttiva tal-VAT sabiex jilħaq dan il-għan, huwa għandu jikkonforma mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.


7 – Ġabra  p. I‑4019, punt 19.


8 – Sentenza tal-20 ta’ Ġunju 1991 (C‑60/90, Ġabra p. I‑3111). L-Avukat Ġenerali ikkonkluda, fil-punt 9 tal-konklużjonijiet tiegħu, li “l-mistoqsija li tqum hija jekk din l-għażla tipperpettix li Stat Membru jittratta żewġ persuni li huma marbutin mill-qrib flimkien bħala persuna taxxabbli waħedha fejn ikun stabbilit li waħda minn dawn iż-żewġ entitajiet ma hijiex involuta f’xi ‛attivitajiet ekonomiċi’ fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva. Fil-fehma tiegħi, it-tweġiba għal din il-mistoqsija għandha tkun waħda negattiva.”


9 – L-Irlanda tagħmel riferiment għall-Artikolu 15(1) tal-Att ikkonsolidat dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud tal-2010 li tirrikjedi li mill-inqas wieħed mill-membri ta’ grupp tal-VAT ikun persuna suġġetta għat-taxxa għall-iskopijiet tat-Titolu III tad-Direttiva tal-VAT.


10 – L-Irlanda tiċħad ukoll l-argument li miżuri bbażati fuq l-Artikolu 11 għandhom jiġu adottati abbażi tal-Artikou 395 tad-Direttiva tal-VAT.


11 – Fir-rigward tat-trattament tal-kumpanniji hoding mil-lat ta’ VAT, ara pereżempju, is-sentenzi Polysar Investments Netherlands, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, u tad-29 ta’ Ottubru 2009, SKF (Kawża C‑29/08, Ġabra p. I‑10413).


12–      Sentenza tal-20 ta’ Ġunju 1996 (C‑155/94, Ġabra p. I‑3013). F’dik il-kawża il-kwistjoni kienet dwar jekk il-kunċett ta’ attivitajiet ekonomiċi, skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva, għandux ikun interpretat bħala li jinkludi attività li tikkonsisti fix-xiri u l-bejgħ ta’ ishma u titoli oħra minn trustee fil-kuntest tal-immaniġġjar tal-assi ta’ trust tal-karità.


13–      Sentenza tas-6 ta’ Frar 1997 (C‑80/95, Ġabra p. I‑745). F’dik il-kawża il-kwistjoni kienet dwar jekk l-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi nterpretat fis-sens li s-sempliċi akkwist tal-proprjetà fi u ż-żamma ta’ bonds, attivitajiet li ma humiex sottomessi għal ebda attività ta’ negozju, u d-dħul ta’ flus minnhom ma għandux jitqies bħala attivitajiet ekonomiċi li jagħtu lil-persuna kkonċernata l-istatus ta’ persuna taxxabbli.


14 – Ara s-sentenzi, tad-29 ta’ Ottubru 2009, NCC Construction Danmark (C‑174/08, Ġabra p. I‑10567, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata) u A Oy (C‑33/11, punt 27).


15 – It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE, tal-11 ta’ April 1967, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Struttura u metodi ta’ applikazzjoni tas-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 71, p. 1303).


16 – Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23).


17 – It-test sħiħ tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tas-Sitt Direttiva jistipula “kull Stat Membru jista’ jqis bħala persuna taxxabbli waħedha persuni stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż li, filwaqt li huma indipendenti legalment, ikollhom x’jaqsmu mill-qrib ma’ xulxin b’rabtiet finanzjarji, ekonomiċi u organizzattivi.”


18 – Ara l-premessa 3 tad-Direttiva tal-VAT: “Biex ikun żgurat li d-disposizzjonijiet jiġu ppreżentati b’mod ċar u razzjonali, b’mod konsistenti mal-prinċipju ta’ regolamentazzjoni aħjar, huwa xieraq li l-istruttura u l-formulazzjoni tad-Direttiva jitfasslu mill-ġdid għalkemm fil-prinċipju dan mhux ser iġib tibdil fil-leġislazzjoni eżistenti. Numru żgħir ta’ emendi sostantivi huma madankollu inerenti għall-eżerċizzju ta’ tfassil mill-ġdid u għandhom madankollu isiru. Fejn isiru tali tibdiliet, dawn huma elenkati b’mod eżawrjenti fid-disposizzjonijiet li jirregolaw it-traspożizzjoni u d-dħul fis-seħħ.”


19–      Sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑582/08, Ġabra p. I‑7195, punti 49 sa 51).


20 – Ibid, b’mod partikolari l-punt 51. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi għal dik il-kawża, punt 52.


21 – Ara n-nota ta’ spjega għall-proposta għas-Sitt Direttiva tal-VAT, Com(73)950, 20 Ġunju 1973.


22 – L-implementazzjoni prattika tal-għażla tal-grupp tal-VAT tvarja. F’ċerti Stati Membri li introduċew ir-ragruppament għall-finijiet tal-VAT, dan huwa obbligatorju għal persuni li jissodisfaw ir-rekwiżiti, u f’oħrajn huwa fakultattiv.


23 ‑ Ara l-premessa 5 tad-Direttiva tal-VAT.


24 – Ara l-premessa 7 tad-Direttiva tal-VAT.


25 – B. Terra u J. Kajus, A Guide to the European VAT Directives, IBFD, 2012, Kapitolu 7.3.


26 – Sentenza Ampliscientifica u Amplifin, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punti 19 u 20.


27 – Għal sommarju tas-sistema ta’ tnaqqis, ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Tóth (C‑324/11, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28 – Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar il-possibbiltà ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT prevista fl-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud [COM(2009) 325 finali, paġni 11 u12].


29 – Ara s-sentenza Polysar, punti 15 sa17.


30 – Ara s-sentenzi, tad-29 ta’ April 2004, EDM (C‑77/01, Ġabra p. I‑4295, punt 49), u tat-13 ta’ Marzu 2008, Securenta (C‑437/06, Ġabra p. I‑1597). Il-punt 26 ta’ din tal-aħħar jipprovdi: “Mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li Securenta teżerċita tliet tipi ta’ attivitajiet, jiġifieri, l-ewwel nett, attivitajiet mhux ekonomiċi, li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-Sitt Direttiva, it-tieni nett, attivitajiet ekonomiċi, li, għalhekk, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva iżda huma eżentati mill-VAT, u, it-tielet nett, attivitajiet ekonomiċi ntaxxati. Għalhekk, il-kwistjoni li tqum f’dan il-kuntest hija jekk u, jekk ikun il-każ, safejn, tali persuna taxxabbli hija intitolata tnaqqas il-VAT tal-input imħallsa fir-rigward tal-ispejjeż li ma jistgħux jiġi attribwiti għal attivitajiet ta’ output speċifiċi”.