Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (ir-Renju Unit) fis-16 ta’ Jannar 2017 – Grenville Hampshire vs The Board of the Pension Protection Fund

(Kawża C-17/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Court of Appeal

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Grenville Hampshire

Konvenut: The Board of the Pension Protection Fund

Domandi preliminari

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 80/987/KEE 1 (issa ssostitwit bl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94/KE 2 ) jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li kull ħaddiem impjegat individwali jirċievi mill-inqas 50 % tal-valur tad-drittijiet miksuba tiegħu għall-benefiċċji tax-xjuħija fil-każ li l-persuna li timpjegah issir insolventi (bl-unika eċċezzjoni tal-każijiet ta’ abbuż, li għalihom japplika l-Artikolu 10(a) ta’ din id-direttiva)?

Sussidjarjament, bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-qrati nazzjonali, huwa suffiċjenti, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 80/987/KEE għal Stat Membru li jkollu sistema ta’ protezzjoni li fiha l-ħaddiema impjegati ġeneralment jirċievu iktar minn 50 % tal-valur tad-drittijiet miksuba tagħhom għall-benefiċċji tax-xjuħija iżda xi ħaddiema impjegati individwali jirċievu inqas minn 50 % [minnha] skont:

(i) limitu finanzjarju massimu fuq l-ammont ta’ kumpens imħallas lill-ħaddiema impjegati (b’mod partikolari ħaddiema impjegati li ma jkunux laħqu l-età normali ta’ irtirar tal-iskema tagħhom ta’ previdenza fil-mument tal-insolvenza tal-persuna li timpjegahom); u/jew

(ii) regoli li jillimitaw iż-żidiet annwali fil-kumpens imħallas lill-impjegati jew l-evalwazzjoni mill-ġdid ta’ kull sena tad-drittijiet tagħhom qabel l-età ta’ irtirar?

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 80/987/KEE għandu effett dirett fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE, tal-20 ta’ Ottubru 1980, dwar it-taqrib tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 217).

2 Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU 2008 L 283, p. 36).