Language of document : ECLI:EU:C:2014:283

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

30 ta’ April 2014 (*)

“Sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji — Awtorizzazzjoni ta’ kooperazzjoni rinforzata skont l-Artikolu 329(1) TFUE — Deċiżjoni 2013/52/UE — Rikors għal annullament għal ksur tal-Artikoli 327 TFUE u 332 TFUE kif ukoll tad-dritt internazzjonali konswetudinarju”

Fil-Kawża C‑209/13,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fit-18 ta’ April 2013

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn E. Jenkinson u S. Behzadi Spencer, bħala aġenti, assistiti minn M. Hoskins u P. Baker, QC, kif ukoll minn V. Wakefield, barrister,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A.-M. Colaert kif ukoll minn F. Florindo Gijón u A. de Gregorio Merino, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn J.-C. Halleux u M. Jacobs, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u J. Möller kif ukoll minn K. Petersen, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn D. Colas u J.-S. Pilczer, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes u J. Menezes Leitão, kif ukoll minn A. Cunha, bħala aġenti,

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn A. Neergaard u R. van de Westelaken, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lyal, B. Smulders u W. Mölls, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis u J.-C. Bonichot, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/52/UE, tat-22 ta’ Jannar 2013, li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (ĠU L 22, p. 11, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Fit-28 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea adottat Proposta għal Direttiva tal-Kunsill COM(2011) 594 finali dwar sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2008/7/KE (iktar ’il quddiem il-“proposta tal-2011”).

3        L-Artikolu 1 ta’ din il-proposta tal-2011, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, kien jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għat-tranżazzjonijiet finanzjarji kollha, bil-kondizzjoni li mill-inqas parti waħda għat-tranżazzjoni tkun stabbilita fi Stat Membru u li istituzzjoni finanzjarja stabbilita fit-territorju tal-Istat Membru tkun parti għat-tranżazzjoni, li taġixxi jew akkont tagħha stess jew akkont ta’ persuna oħra, jew li tkun qiegħda taġixxi f’isem parti għat-tranżazzjoni.”

4        L-Artikolu 3 ta’ din il-proposta, intitolat “Stabbiliment”, kien jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, istituzzjoni finanzjarja għandha titqies li hija stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru meta xi waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin tiġi sodisfatta:

[…]

e)      hija parti, li qiegħda taġixxi akkont tagħha stess jew akkont ta’ persuna oħra, jew qiegħda taġixxi f’isem parti għat-tranżazzjoni, għal tranżazzjoni finanzjarja ma’ istituzzjoni finanzjarja oħra stabbilita f’dak l-Istat Membru skont il-punti (a), (b), (c) jew (d), jew ma’ parti stabbilita fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru u li mhijiex istituzzjoni finanzjarja.”

5        Wara tliet laqgħat tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li seħħew fit-22 u fid-29 ta’ Ġunju kif ukoll fl-10 ta’ Lulju 2012, kien jidher ċar li l-prinċipju ta’ sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (iktar ’il quddiem it-“TTF”) ma jistax jibbenefika minn sostenn unanimu fi ħdan il-Kunsill fil-futur prevedibbli u, għaldaqstant, li l-għan li kien jikkonsisti li tiġi adottata tali sistema komuni ma jistax jintlaħaq f’terminu raġonevoli mill-Unjoni Ewropea fl-intier tagħha.

6        F’dawn iċ-ċirkustanzi, ħdax-il Stat Membru, bejn it-28 ta’ Settembru u t-23 ta’ Ottubru 2012, infurmaw lill-Kummissjoni li huma xtaqu jistabbilixxu bejniethom kooperazzjoni rinforzata fil-qasam tat-TTF.

7        Fit-22 ta’ Jannar 2013, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, adotta d-deċiżjoni kkontestata.

8        Il-premessa 6 ta’ din id-deċiżjoni hija fformulata kif ġej:

“[...] 11-il Stat Membru, jiġifieri il-Belġju, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, l-Awstrija, il-Portugall, is-Slovenja u s-Slovakkja, indirizzaw talbiet lill-Kummissjoni [...] fejn indikaw li xtaqu li jistabbilixxu bejniethom kooperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qasam tat-TTF. Dawn l-Istati Membri talbu li l-ambitu u l-għanijiet tal-kooperazzjoni msaħħa tkun ibbażata fuq il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tat-28 ta’ Settembru 2011. Saret ukoll referenza b’mod partikolari għall-bżonn li jiġu evitati azzjonijiet evażivi, distorsjonijiet u trasferimenti lejn ġurisdizzjonijiet oħra.”

9        Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi żewġ artikoli. L-Artikolu 1 tagħha jawtorizza l-ħdax-il Stat Membru msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza (iktar ’il quddiem l-“Istati Membri parteċipanti”) li jistabbilixxu bejniethom kooperazzjoni rinforzata fil-qasam tal-istabbiliment ta’ sistema komuni ta’ TTF, billi japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati. L-Artikolu 2 tal-istess deċiżjoni jipprovdi li din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

10      Fl-14 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni adottat Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li timplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tat-TTF (iktar ’il quddiem il-“proposta tal-2013”).

11      L-Artikolu 3 ta’ din il-proposta tal-2013, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għat-tranżazzjonijiet finanzjarji kollha, bil-kundizzjoni li mill-inqas parti waħda tat-tranżazzjoni tkun stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru parteċipanti u li istituzzjoni finanzjarja stabbilita fit-territorju tal-Istat Membru parteċipanti tkun parti mit-tranżazzjoni, li taġixxi jew għal kont tagħha stess jew għal kont ta’ persuna oħra, jew li tkun qiegħda taġixxi f’isem parti għat-tranżazzjoni.”

12      L-Artikolu 4 ta’ din il-proposta, intitolat “Stabbiliment” jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, istituzzjoni finanzjarja għandha titqies li hija stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru parteċipanti meta xi waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin hija sodisfatta:

[…]

g)      hija parti, li taġixċxi jew għal kont tagħha stess jew għal kont ta’ persuna oħra, jew taġixxi f’isem parti għat-tranżazzjoni, għal tranżazzjoni finanzjarja fi prodott strutturat jew wieħed mill-istrumenti finanzjarji msemmija fit-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39/KE maħruġa fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, bl-eċċezzjoni tal-istrumenti msemmija fil-punti minn (4) sa (10) ta’ dik it-Taqsima li ma jiġux innegozjati f’pjattaforma organizzata.

2.      Persuna li mhijiex istituzzjoni finanzjarja għandha titqies bħala stabbilita fi Stat Membru parteċipanti fejn kwalunkwe minn dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin huma sodisfatti:

[…]

c)      hija parti għal tranżazzjoni finanzjarja fi prodott strutturat jew wieħed mill-istrumenti finanzjarji msemmija fit-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39/KE maħruġa fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, bl-eċċezzjoni ta’ strumenti msemmija fil-punti minn (4) sa (10) ta’ dik it-Taqsima li ma jiġux innegozjati f’pjattaforma organizzata.”

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13      Ir-Renju Unit jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata u li tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

14      Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors u li tikkundanna lir-Renju Unit għall-ispejjeż.

15      Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni ġew ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

 Fuq ir-rikors

16      Filwaqt li jirrikonoxxi li r-rikors tiegħu, ippreżentat bħala miżura kawtelatorja, jista’ jitqies bħala prematur, ir-Renju Unit jinvoka żewġ motivi insostenn tiegħu. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 327 TFUE u tad-dritt internazzjonali konswetudinarju sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tawtorizza l-adozzjoni ta’ TTF li tipproduċi effetti extraterritorjali. It-tieni motiv, imqajjem sussidjarjament, huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 332 TFUE minħabba li din id-deċiżjoni tawtorizza l-adozzjoni ta’ TTF li timponi spejjeż fuq l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fil-kooperazzjoni rinforzata (iktar ’il quddiem l-“Istati Membri mhux parteċipanti”).

 L-argumenti tal-partijiet

17      L-ewwel motiv huwa artikolat f’żewġ partijiet, ibbażati fuq ksur, rispettivament, tal-Artikolu 327 TFUE u tad-dritt internazzjonali konswetudinarju.

18      Fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, ir-Renju Unit isostni li, billi tawtorizza l-adozzjoni ta’ TTF li għandha effetti extraterritorjali, minħabba l-“prinċipju tal-kontroparti” stabbilit fl-Artikolu 3(1)(e) tal-proposta tal-2011, u tal-“prinċipju tal-ħruġ” mogħti fl-Artikolu 4(1)(g) u (2)(c) tal-proposta tal-2013, id-deċiżjoni kkontestata kisret l-Artikolu 327 TFUE.

19      Fil-fatt, din id-deċiżjoni tippermetti li tiġi stabbilita TTF applikabbli, minħabba ż-żewġ prinċipji ta’ tassazzjoni msemmija iktar ’il fuq, għal stabbilimenti, għal persuni u għal operazzjonijiet lokalizzati fit-territorju ta’ Stati Membri mhux parteċipanti, li jwassal li jinħoloq preġudizzju għall-kompetenzi u għad-drittijiet tal-Istati Membri mhux parteċipanti.

20      Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv tiegħu, ir-Renju Unit isostni li d-dritt internazzjonali konswetudinarju ma jammettix li leġiżlazzjoni tipproduċi effetti extraterritorjali ħlief sa fejn jeżisti bejn il-fatti jew is-suġġetti inkwistjoni u l-Istat li jeżerċita l-kompetenza tiegħu fir-rigward tagħhom element ta’ konnessjoni biżżejjed strett sabiex jiġġustifika indħil fuq il-kompetenza sovrana ta’ Stat ieħor.

21      F’dan il-każ, l-effetti extraterritorjali tat-TTF futura li jirriżultaw mill-“prinċipju tal-kontroparti” u mill-“prinċipju tal-ħruġ” ma huma ġġustifikati fir-rigward ta’ ebda regola ta’ kompetenza fiskali ammessa mid-dritt internazzjonali.

22      Permezz tat-tieni motiv tiegħu, ir-Renju Unit isostni li, filwaqt li l-ispejjeż marbuta mal-implementazzjoni tal-kooperazzjoni rinforzata fil-qasam ta’ TTF ma jistgħux bħala prinċipju, skont l-Artikolu 332 TFUE, jiġu imposti ħlief fuq l-Istati Membri parteċipanti biss, din l-implementazzjoni hija r-raġuni ta’ spejjeż ukoll għall-Istati Membru mhux parteċipanti, minħabba l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2012/24/UE, tas-16 ta’ Marzu 2010, dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra (ĠU L 84, p. 1) u tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16, tal-15 ta’ Frar 2011, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, p. 1).

23      Fil-fatt, dawn iż-żewġ direttivi ma jawtorizzawx lill-Istati Membri mhux parteċipanti milli jitolbu r-rimbors tal-ispejjeż ta’ assistenza reċiproka u ta’ kooperazzjoni amministrattiva marbuta mal-applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi għal TTF futura.

24      Ir-Renju Unit iżid, f’dan ir-rigward, li l-kunċett ta’ “[n]efqa li tirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ koperazzjoni msaħħa” fis-sens tal-Artikolu 332 TFUE, ikopri l-infiq marbut ma’ talbiet għal assistenza jew għal kooperazzjoni bbażati fuq il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali adottati sabiex jingħata effett għall-kooperazzjoni rinforzata fil-qasam ta’ TTF.

25      Il-Kunsill, l-Istati Membri kollha li intervjenew insostenn tiegħu, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jammettu, espliċitament jew impliċitament, l-ammissibbiltà tar-rikors u tal-motivi li huma l-bażi tiegħu. Madankollu huma jsostnu li dawn il-motivi ma humiex fondati.

26      F’dak li jikkonċerna l-ewwel motiv, l-imsemmija partijiet isostnu, essenzjalment, li l-prinċipji ta’ tassazzjoni kkontestati mir-Renju Unit fil-kuntest ta’ dan il-motiv jikkostitwixxu, f’dan l-istadju, elementi purament ipotetiċi ta’ leġiżlazzjoni li għandhom jiġu stabbiliti. Konsegwentement, l-argumenti invokati minn dan l-Istat Membru, fondati fuq allegati effetti extraterritorjali tat-TTF futura, huma prematuri u spekulattivi. Għaldaqstant, huma ineffettivi fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

27      F’dak li jikkonċerna t-tieni motiv tar-rikors, l-istess partijiet isostnu, essenzjalment, li dan iqajjem dibattitu prematur fuq il-mod li bih il-leġiżlatur ser jirregola l-kwistjoni tat-teħid ta’ responsabbiltà tan-nefqa li tirriżulta mill-implementazzjoni tal-kooperazzjoni rinforzata awtorizzata mid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, hija ma tirregola bl-ebda mod il-kwistjonijiet ta’ assistenza reċiproka għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-TTF futura.

28      Il-Kunsill, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża u l-Kummissjoni jżidu li t-tieni motiv tar-rikors huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 332 TFUE. Fil-fatt, dan l-artikolu jirreferi biss għall-infiq operattiv li għandu jitħallas mill-baġit tal-Unjoni f’relazzjoni mal-atti li jistabbilixxu l-kooperazzjoni rinforzata u mhux l-infiq, ikkontestat mir-Renju Unit, li jista’ jiġi sostnut mill-Istati Membri skont id-Direttivi 2010/24 u 2011/16.

29      Filwaqt li tibbaża ruħha fuq argument analogu għal dak imsemmi fil-punti 26 u 27 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkunsidra li r-rikors huwa inammissibbli, jekk mhux manifestament inammissibbli, minħabba nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-motivi invokati mir-Renju Unit insostenn tar-rikors tiegħu ma għandhom ebda relazzjoni mas-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata. Sussidjarjament, hija ssostni li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

30      F’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura u tal-ġurisprudenza relatata magħhom kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tat-tilwima u espożizzjoni sommarja tal-motivi. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed li tippermetti lill-konvenut li jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess, u li t-talbiet tar-rikors għandhom ikunu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi dwar l-ilment (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑360/11. EU:C:2013:17, punt 26, u Il‑Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, C‑545/10, EU:C:2013:509, punt 108).

31      Għandu jiġi kkonstatat, f’dan il-każ, li l-kontenut tar-rikors kien jissodisfa tali rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni. Dan ippermetta lill-Kunsill u lill-Istati Membri intervenjenti insostenn tiegħu sabiex jippreparaw l-argumenti tagħhom relatati mal-motivi mqajma mir-Renju Unit u lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tkun fil-pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fuq id-deċiżjoni kkontestata.

32      Isegwi li din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

33      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Kunsill li, bħad-deċiżjoni kkontestata, għandha bħala suġġett l-awtorizzazzjoni ta’ kooperazzjoni rinforzata abbażi tal-Artikolu 329 TFUE, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwarda l-kwistjoni jekk din id-deċiżjoni hijiex valida inkwantu tali fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet, li jinsabu fl-Artikolu 20 TUE kif ukoll fl-Artikoli 326 TFUE sa 334 TFUE, li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet ta’ mertu u ta’ proċedura dwar l-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni.

34      Dan l-istħarriġ ma jistax jiġi konfuż ma’ dak li jista’ jiġi eżerċitat, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament sussegwenti, fir-rigward ta’ att adottat fir-rigward tal-implementazzjoni tal-kooperazzjoni rinforzata awtorizzata.

35      F’dan ir-rikors, l-ewwel motiv tiegħu huwa intiż sabiex jiġu kkontestati l-effetti li jista’ jkollu fir-rigward ta’ stabbilimenti, ta’ persuni u ta’ operazzjonijiet lokalizzati fit-territorju ta’ Stati Membri mhux parteċipanti l-użu ta’ ċerti prinċipji ta’ tassazzjoni skont it-TTF futura.

36      Issa, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija intiża sabiex tawtorizza ħdax-il Stat Membru li jistabbilixxu bejniethom kooperazzjoni rinforzata għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ sistema komuni ta’ TTF fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati. Il-prinċipji ta’ tassazzjoni kkontestati mir-Renju Unit, min-naħa l-oħra, ma huma bl-ebda mod elementi li jikkostitwixxu din id-deċiżjoni. Fil-fatt, minn naħa, il-“prinċipju tal-kontroparti” jikkorrispondi ma’ element tal-proposta tal-2011 msemmija fil-premessa 6 ta’ din id-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, il-“prinċipju tal-ħruġ” kien tniżżel għall-ewwel darba fil-proposta tal-2013.

37      Fir-rigward tat-tieni motiv tar-rikors, li permezz tiegħu r-Renju Unit essenzjalment isostni li t-TTF futura ser tkun ir-raġuni ta’ spejjeż għall-Istati Membri mhux parteċipanti minħabba obbligi ta’ assistenza reċiproka u ta’ kooperazzjoni amministrattiva marbuta mal-applikazzjoni tad-Direttivi 2010/24 u 2011/166 għal din it-taxxa, li, skont dan l-Istat Membru, jmur kontra l-Artikolu 332 TFUE, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda dispożizzjoni relatata mal-kwistjoni tal-infiq marbut mal-implementazzjoni tal-kooperazzjoni rinforzata li hija tawtorizza.

38      Barra minn hekk, u indipendentement mill-kwistjoni jekk il-kunċett ta’ “[n]efqa li tirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa” fis-sens tal-Artikolu 332 TFUE, ikoprix jew le l-ispejjeż ta’ assistenza reċiproka u ta’ kooperazzjoni amministrattiva msemmija mir-Renju Unit fil-kuntest tat-tieni motiv tiegħu, huwa evidenti li l-kwistjoni tal-effett eventwali tat-TTF futura fuq l-ispejjeż amministrattivi tal-Istati Membri mhux parteċipanti ma tistax tiġi eżaminata sakemm il-prinċipji ta’ tassazzjoni fir-rigward ta’ dik it-taxxa ma jkunux ġew definittivament stabbiliti fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-kooperazzjoni rinforzata awtorizzata mid-deċiżjoni kkontestata.

39      Fil-fatt, dan l-effett huwa dipendenti fuq l-adozzjoni tal-“prinċipju tal-kontroparti” u tal-“prinċipju tal-ħruġ” li madankollu ma humiex elementi kostituttivi tad-deċiżjoni kkontestata, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 36 ta’ din is-sentenza.

40      Mill-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu jirriżulta li ż-żewġ motivi invokati mir-Renju Unit insostenn tar-rikors tiegħu għandhom jiġu miċħuda u li, għaldaqstant, dan għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

41      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju Unit tilef, hemm lok jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill. Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, li skont dan l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fit-tilwima għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huwa kkundannat għall-ispejjeż.

3)      Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.