SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
4 ta’ Marzu 2010 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 95/59/KE – Taxxi oħra għajr it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ li jolqtu l-konsum tat-tabakk immanifatturat – Artikolu 9(1) – Libertà li biha l-manifatturi u l-importaturi jistabbilixxu l-prezzijiet massimi tal-bejgħ bl-imnut tal-prodotti tagħhom – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut tas-sigaretti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk bi ‘prezz promozzjonali li jmur kontra l-għanijiet tas-saħħa pubblika’ – Kunċett ta’ ‘leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kontroll tal-livell tal-prezzijiet jew l-osservanza ta’ prezzijiet imposti’ – Ġustifikazzjoni – Protezzjoni tas-saħħa pubblika – Konvenzjoni Kwadru tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk”
Fil-Kawża C-197/08,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fl-14 ta’ Mejju 2008,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lyal u W. Mölls, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, J.‑S. Pilczer u J.-C. Gracia kif ukoll minn B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti,
konvenuta
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, P. Lindh, A. Rosas, U. Lõhmus u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2009,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat- 22 ta’ Ottubru 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi adottat u żammet fis-seħħ sistema ta’ prezzijiet minimi għall-bejgħ bl-imnut tas-sigaretti rilaxxati għall-konsum fi Franza kif ukoll projbizzjoni fuq il-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk “bi prezz promozzjonali li jmur kontra l-għanijiet tas-saħħa pubblika”, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 95/59/KE, tas-27 ta’ Novembru 1995, dwar taxxi li mhumiex taxxi fuq il-qliegħ li jaffettwaw il-konsum ta’ tabakk manifatturat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol 1, p. 283), kif emendat bid-Direttiva tal-Kunsill 2002/10/KE, tat-12 ta’ Frar 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 35 p. 182, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 95/59”).
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2 It-premessi 2, 3 u 7 tad-Direttiva 95/59 jipprovdu kif ġej:
“(2) Filwaqt li l-għan tat-Trattat [KE] huwa li jistabbilixxi unjoni ekonomika fejn hemm kompetizzjoni attiva u li l-karatteristiċi tagħha huma simili ta’ dawk ta’ suq domestiku; u, fejn jidħol tabakk manifatturat, l-intenzjoni wara dan il-għan huwa biex l-applikazzjoni fl-Istati Membri tat-taxxi li jaffettwaw il-konsum ta’ prodotti f’dan is-settur ma toħloqx distorsjoni fil-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni u ma tfixkilx il-moviment liberu fi ħdan il-Komunità;
(3) Filwaqt li, safejn taxxi tas-sisa huma ikkonċernati,l-armoniżżazzjoni ta’ l-istrutturi għandha, b’mod partikolari, tirriżulta f’kompetizzjoni f’kategoriji differenti ta’ tabakk manifatturat taħt l-istess grupp u ma tinħoloqx distorsjoni bl-effetti ta’ l-ispiża tat-taxxa u, konsegwentament, fil-ftuħ tas-swieq nazzjonali ta’ l-Istati Membri;
[…]
(7) Filwaqt li l-bżonnijiet imperattivi ta’ kompetizzjoni jimplikaw sistema ta’ prezzijiet iffurmati liberament għall-gruppijiet kollha ta’ tabakk manifatturat.”
3 Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva:
“Is-sostanzi li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati bħala tabakk manifatturat:
(a) sigaretti;
(b) sigarri u sigarillos;
(ċ) tabakk għat-tipjip
– tabakk mqatta’ għall-irrumblar tas-sigaretti,
– tabakk ieħor għat-tipjip;
kif inhu definit fl-Artikoli 3 sa 7.”
4 L-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/59 jipprovdi:
“1. Sigaretti manifatturati fil-Komunità u dawk impurtati minn pajjiżi li mhumiex membri għandhom ikunu soġġetti għal taxxa tas-sisa proporzjonali kalkolata fuq il-prezz massimu ta’ bejgħ bl-imnut, inkluż id-dazju u anki għal taxxa tas-sisa speċifika kalkolata fuq kull unit tal-prodott.
2. Ir-rata tat-taxxa tas-sisa proporzjonali u l-ammont tat-taxxa tas-sisa speċifika għandha tkun l-istess għas-sigaretti kollha.
[…]”
5 Skont l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva:
“Persuna naturali jew legali stabblita fil-Komunità li tikkonverti it-tabakk f’prodotti manifatturati lesti għall-bejgħ bl-imnut għandu jiġi meqjus bħala manifattur.
Manifatturi,jew, fejn xieraq, ir-rappreżentanti jew aġenti awtorizzati tagħhom fil-Komunità u importaturi tat-tabakk minn pajjiżi li mhumiex membri għandhom ikunu liberi li jistabbilixxu l-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut għal kull prodott tagħhom għal kull Stat Membru fejn dawn il-prodotti jistgħu jiġu rilaxxati għall-konsum.
It-tieni paragrafu ma jistax, madankollu,ifixkel l-implementazzjoni tas-sistemi ta’ leġislazzjoni nazzjonali dwar il-kontroll tal-livell tal-prezzijiet jew l-osservanza ta’ prezzijiet imposti, sakemm dawn ikunu kompatibbli mal-leġislazzjoni tal-Komunità.”
6 L-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:
“1. L-ammont ta’ taxxa tas-sisa speċifika fuq is-sigaretti għandu jiġi stabbilit b’referenza għas-sigaretti fl-aktar kategorija tal-prezzijiet popolari skond l-informazzjoni disponibbli fl-1 ta’ Jannar ta’ kull sena, b’effett minn l-1 ta’ Jannar 1978.
2. Il-komponent ta’ taxxa tas-sisa speċifika ma jistax ikun anqas minn 5 % jew aktar minn 55 % ta’ l-ammont globali tal-piż ta’ taxxa,li jirriżulta mill-aggregazzjoni tat-taxxa tas-sisa proporzjonali, it-taxxa tas-sisa speċifika u t-taxxa fuq il-bejgħ imposta fuq dawn is-sigaretti.
[…]
5. L-Istati Membri jistgħu jimponu taxxa minima tas-sisa fuq sigarretti mibjugħa bi prezz aktar baxx mill-prezz bl-imnut għas-sigarretti fil-kategorija tal-prezz fejn hemm l-akbar domanda, sakemm din it-taxxa tas-sisa ma teċċedix l-ammont tat-taxxa tas-sisa imposta fuq is-sigarretti fil-kategorija tal-prezz fejn hemm l-akbar domanda”.
7 Id-Direttiva tal-Kunsill 92/79/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-approssimazzjoni tat-taxxi fuq is-sigaretti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol 13, p. 202) u d-Direttiva tal-Kunsill 92/80/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar it-tqarrib tat-taxxi fuq it-tabakk fabbrikat li mhux sigaretti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptikolu 3, Vol 13, p. 204), kif emendati bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/117/KE, tal-5 ta’ Diċembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol 41, p. 430), jistabbilixxu r-rati u/jew l-ammonti minimi tad-dazji globali tas-sisa li jolqtu rispettivament is-sigaretti u t-tabakk immanifatturat ieħor li ma jikkonsistix f’sigaretti. Id-Direttiva 92/80 fiha wkoll ċerti regoli dwar l-istruttura tad-dazju tas-sisa fuq dawn tal-aħħar.
8 Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/513/KE, tat-2 ta’ Ġunju 2004 (ĠU L 142M, p. 63), il-Konvenzjoni Kwadru tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk, iffirmata f’Genève fil-21 ta’ Mejju 2003 (iktar ’il-quddiem il-“konvenzjoni tal-WHO”), ġiet approvata f’isem il-Komunità. L-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Miżuri finanzjarji u fiskali bl-għan li titnaqqas id-domanda għat-tabakk”, huwa miktub kif ġej:
“1. Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-miżuri finanzjarji u fiskali huma mezz effettiv u importanti sabiex jitnaqqas il-konsum tat-tabakk min-naħa ta’ diversi segmenti tal-popolazzjoni, b’mod partikolari ż-żgħażagħ.
2. Bla ħsara għad-dritt sovran tal-partijiet li jiddeċiedu u jistabbilixxu l-politika ta’ tassazzjoni tagħhom, kull parti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet nazzjonali għas-saħħa tagħha rigward il-kontroll tat-tabakk u tadotta jew iżżomm, kif ikun xieraq, miżuri li jistgħu jinkludu:
(a) l-implementazzjoni tal-politika fiskali u, fejn ikun xieraq, il-politika ta’ prezzijiet, rigward il-prodotti tat-tabakk sabiex jingħata kontribut għall-għanijiet tas-saħħa mmirati biex inaqqsu l-konsum tat-tabakk [...] [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
9 Il-Code général des impôts (iktar ’il quddiem is-“CGI”) jirregola b’mod partikolari t-tassazzjoni tat-tabakk fi Franza. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 572 tas-CĠI ġie emendat bil-paragrafu II tal-Artikolu 38 tal-Liġi Nru 2004-806 tad-9 ta’ Awwissu 2004 dwar il-politika tas-saħħa pubblika (JORF tal-11 ta’ Awwissu 2004, p. 14277). L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 572, kif emendat, jistipula:
“Il-prezz bl-imnut ta’ kull prodott, espress għall-1 000 unità jew għal 1 000 gramm, huwa l-istess għat-territorju kollu u huwa stabbilit b’mod liberu mill-manifatturi u l-fornituri approvati. Dan il-prezz hu applikabbli wara li jkun ġie omologat f’kundizzjonijiet iddefiniti b’digriet mill-Conseil d’État. Il-prezz bl-imnut tas-sigaretti, espress f’1 000 unità, ma jistax madankollu jiġi omologat jekk ikun inqas minn dak miksub billi jiġi applikat, għal prezz medju ta’ dawn il-prodotti, perċentwali stabbilita b’digriet.”
10 Skont l-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 2004-975 tat-13 ta’ Settembru 2004 adottat għall-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 572 tal-Code général des impôts (JORF tat-18 ta’ Settembru 2004, p. 16264), “[i]l-perċentwali msemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 572 tas-[CGI] huwa stabbilit għal 95”.
11 L-Artikolu 572a tas-CGI ġie emendat bil-paragrafu II tal-Artikolu 30 tal-Liġi Nru 2005-1719 tat-30 ta’ Diċembru 2005 dwar il-finanzi għall-2006 (JORF tal-31 ta’ Diċembru 2005, p. 20597). L-imsemmi Artikolu 572a, kif emendat, jipprevedi:
“Il-prezz ta’ bejgħ bl-imnut ta’ prodotti mibjugħa mill-bejjiegħa bl-imnut imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 568 u ta’ prodotti kkonsenjati lill-vjaġġaturi mill-bejjiegħa bl-imnut imsemmija fir-raba’ paragrafu ta’ dan l-artikolu huwa stabbilit liberament, mingħajr madankollu dan il-prezz ma jista’ jkun inqas mill-prezz bl-imnut espress għal 1 000 unità jew għall-1 000 gramm stabbilit fl-ordni ta’ omologazzjoni. […]”
12 Il-Code de la santé publique (iktar ’il quddiem “is-CSP”) fih b’mod partikolari dispożizzjonijiet dwar il-kontroll tat-tabakk. L-Artikolu L. 3511 tas-CSP, kif emendat bid-Digriet Nru 2006-596 tat-23 ta’ Mejju 2006 (JORF tal-25 ta’ Mejju 2006, p. 7791), jipprovdi:
“Huma meqjusa bħala prodotti tat-tabakk, il-prodotti intiżi sabiex jiġu mpejpa, imxamma, imgidma jew milgħaqa, sa fejn dawn huma, anki parzjalment, ikkostitwiti minn tabakk, u kif ukoll il-prodotti intiżi sabiex jiġu mpejpa anki jekk ma fihomx tabakk, bl-unika esklużjoni ta’ prodotti li huma intiżi għal użu mediku, fis-sens tat-tielet paragrafu (punt 2) tal-Artikolu 564 tas-[CGI].
Huwa meqjus bħala ingredjent, kull sustanza jew kull komponent ieħor li ma humiex il-weraq u partijiet naturali jew mhux proċessati oħra tal-pjanta tat-tabakk, użati fl-immanifatturar jew fil-preparazzjoni ta’ prodott tat-tabakk u li għadhom preżenti fil-prodott lest, anki taħt forma mibdula, inkluż il-karta, il-filtru, l-inka u l-kolla.”
13 L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu L. 3511-3 tas-CSP, fil-verżjoni applikabbli tagħha tal-4 ta’ Settembru 2006, data ta’ skadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata msemmi fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, verżjoni li tirriżulta mil-Liġi Nru 2004-806, imsemmija fil-punt 9 ta’ din is-sentenza, huwa miktub kif ġej:
“Il-propaganda jew ir-reklamar, diretta jew indiretta, favur it-tabakk, tal-prodotti tat-tabakk jew tal-ingredjenti stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu L. 3511-1 kif ukoll kull distribuzzjoni bla ħlas jew bejgħ ta’ prodott tat-tabakk bi prezz promozzjonali li jmur kontra l-għanijiet tas-saħħa pubblika huma pprojbiti.”
14 Id-dispożizzjonijiet tal-kontroll tat-tabakk tas-CSP fihom sanzjonijiet kriminali previsti fl-Artikoli L. 3512-1 sa L. 3512-4 ta’ dan il-kodiċi.
Il-proċedura prekontenzjuża
15 Fil-21 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Franċiża, li fiha hija sostniet li s-sistema ta’ prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut għas-sigaretti u l-projbizzjoni li jiġu stabbiliti prezzijiet tat-tabakk “bi prezz promozzjonali li jmur kontra l-għanijiet tas-saħħa pubblika” stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Franċiża huma inkompatibbli mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59.
16 Fir-risposta tagħha tad-29 ta’ Lulju 2005, ir-Repubblika Franċiża sostniet li hija qieset li din il-leġiżlazzjoni hija ġġustifikata permezz tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika prevista fl-Artikolu 30 KE.
17 Il-Kummissjoni ħarġet, fit-28 ta’ Ġunju 2006, u bagħtet, fl-4 ta’ Lulju 2006, opinjoni motivata li fiha hija rrepetiet il-perspettiva tagħha u stiednet lill-imsemmi Stat Membru sabiex jaqdi l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59 f’terminu ta’ xahrejn li jiskatta mid-data ta’ notifika tal-imsemmija opinjoni motivata.
18 Billi qieset li s-sitwazzjoni baqgħet insodisfaċenti fid-dawl tar-risposti tar-Repubblika Franċiża tal-5 ta’ Ottubru u tat-22 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
19 Skont il-Kummissjoni, id-Direttiva 95/59 hija intiża sabiex tiżgura kompetizzjoni b’saħħitha, mhux distorta bl-effetti tat-taxxi, sabiex jitwettaq il-ftuħ tas-swieq nazzjonali tal-Istati Membri. L-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jiggarantixxi li d-determinazzjoni tal-bażi ta’ stima tad-dazju tas-sisa tkun suġġetta għall-istess prinċipji fl-Istati Membri kollha u jimpedixxi li r-regoli tal-Istat dwar il-prezz ikunu jistgħu jtelfu t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet. Id-diċitura u l-finalità ta’ din id-dispożizzjoni ma jħallu ebda dubju fir-rigward tal-fatt li din tipprojbixxi l-impożizzjoni ta’ prezzijiet minimi għall-bejgħ bl-imnut. Fil-fatt, impożizzjoni tali jkollha bħala konsegwenza li telimina d-differenzi fil-prezzijiet li jista’ jkun hemm bejn id-diversi prodotti abbażi ta’ fatturi li jinfluwenzaw l-iffissar tal-prezzijiet minn manifatturi differenti. Konsegwentement, mekkaniżmu tali jwassal għad-distorsjoni tal-flussi kummerċjali bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, l-importazzjoni ta’ prodotti li l-prezz nett tagħhom (eskluż mit-taxxi) huwa iktar baxx minn dak ta’ prodotti paragunabbli mibjugħa fl-Istati Membri li jimponu prezz minimu hija pprokrastinata f’dawn l-Istati Membri.
20 Il-Kummissjoni tallega li s-sistema Franċiża ta’ tassazzjoni tas-sigaretti timponi prezz minimu li jikkorrispondi għal 95 % tal-prezz medju ta’ dawn tal-aħħar, u li iktar baxx minnu, il-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut tas-sigaretti ma jistgħux ikunu omologati, inkwantu din l-omologazzjoni hija kundizzjoni tal-applikazzjoni tal-prezzijiet fil-kummerċ. Għaldaqstant, il-manifatturi jew l-importaturi ma jistgħux jiffissaw liberament il-prezz massimu ta’ bejgħ bl-imnut tal-prodotti tagħhom, billi, f’kull ipoteżi, dan il-prezz massimu ma jistax ikun inqas mill-prezz minimu impost. L-imsemmija sistema ta’ tassazzjoni tas-sigaretti hija għalhekk inkompatibbli mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59.
21 Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tas-CSP inkwistjoni jagħtu lill-awtoritajiet Franċiżi setgħa diskrezzjonali sabiex jipprojbixxu l-bejgħ bl-imnut ta’ tabakk immanifatturat taħt prezz speċifiku u jimpedixxu b’hekk lill-manifatturi u lill-importaturi milli jiffissaw liberament il-prezz massimu ta’ bejgħ bl-imnut ta’ kull prodott minn tagħhom. Il-kunċett ta’ “prezzijiet promozzjonali li jmorru kontra l-għanijiet tas-saħħa pubblika” li jinsab fl-Artikolu L. 3511-3 tas-CSP ma huwiex iddefinit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u b’hekk ma jippermettix li l-operaturi kkonċernati jkunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom b’mod ċar u preċiż, u lanqas għall-qrati nazzjonali li jiżguraw ir-rispett tagħhom. Dan il-kunċett għalhekk imur kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-individwi.
22 Skont il-Kummissjoni, il-fatt li d-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja u temenda d-Direttivi 73/239/KEE u 88/357/KEE (it-tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja) (ĠU L 228, p. 1), tinkludi l-prinċipju tal-iffissar liberu tal-prezzijiet ma jfissirx li prinċipju simili, imniżżel b’mod ċar f’dispożizzjoni Komunitarja oħra, jiġifieri l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59, għandhu jitqies bħala inapplikabbli.
23 Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk il-projbizzjonijiet imposti rispettivament minn din l-aħħar dispożizzjoni u l-Artikolu 28 KE jistgħu jidħlu fuq xulxin, l-Artikolu 9 tad-Direttiva huwa norma awtonoma ta’ dritt sekondarju li għandha funzjoni awtonoma fil-kuntest tal-imsemmija direttiva u li l-applikazzjoni tagħha ma tistax tiġi limitata għall-każijiet li jippreġudikaw l-Artikolu 28 KE.
24 Din l-istituzzjoni tqis li l-analiżi li skontha l-leġiżlazzjoni Franċiża inkwistjoni timpedixxi l-iffissar liberu tal-prezzijiet massimi ta’ bejgħ tal-prodotti tat-tabakk ma hijiex imqegħda inkwistjoni mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59, li jżomm l-applikazzjoni ta’ “leġislazzjoni nazzjonali dwar il-kontroll tal-livell tal-prezzijiet” u ta’ “leġislazzjoni nazzjonali dwar [...] l-osservanza ta’ prezzijiet imposti”.
25 Il-Kummissjoni ssostni li l-kunsiderazzjonijiet relatati mas-saħħa pubblika, previsti fl-Artikolu 30 KE, ma jistgħux jiġġustifikaw il-ksur tad-dritt Komunitarju allegat f’din il-kawża. Fil-fatt, il-legalità ta’ miżuri nazzjonali li jaqgħu taħt suġġett kopert minn leġiżlazzjoni armonizzata fuq livell Komunitarju għandha tiġi evalwata fil-konfront ta’ din il-leġiżlazzjoni biss, u mhux fil-konfront tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju li jippermetti li ssir deroga mil-libertajiet fundamentali. F’kull każ, sakemm il-protezzjoni tas-saħħa pubblika tista’ tiġi żgurata bl-impożizzjoni ta’ prezzijiet ta’ bejgħ għoljin għat-tabakk immanifatturat, dan l-għan jista’ jintlaħaq permezz ta’ politika fiskali adattata. Barra minn hekk, kunsiderazzjonijiet relatati mas-saħħa pubblika kellhom rwol fit-tħejjija u fir-reviżjoni ta’ direttivi Komunitarji dwar l-armonizzazzjoni fil-qasam tad-dazju tas-sisa fuq il-prodotti tat-tabakk, mingħajr madankollu ma ġie mħassar il-prinċipju tal-iffissar liberu tal-prezzijiet. Minn naħa l-oħra, sistema ta’ prezz minimu tista’ tipproduċi effetti noċivi għall-protezzjoni tas-saħħa, għaliex, filwaqt li tipproteġi d-diskrezzjoni tal-produtturi, din is-sistema tagħtihom dħul addizzjonali li jista’ jiġi investit sabiex jiżdied il-bejgħ tat-tabakk immanifatturat.
26 Barra minn hekk, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59 huwa kompatibbli mal-Konvenzjoni tal-WHO. Minn naħa, din il-konvenzjoni ma għandhiex bħala effett li tobbliga lill-partijiet kontraenti biex japplikaw prezzijiet minimi. Minn naħa l-oħra, din ma tagħtix lill-Istati Membri dritt kontra l-Komunità li jagħżlu bejn il-politika fiskali u l-applikazzjoni ta’ politika ta’ prezz, billi din il-kwistjoni taqa’ taħt, skont l-Artikolu 35(2) tal-imsemmija konvenzjoni, il-funzjonament intern tal-Komunità.
27 Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-affermazzjonijiet tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill 2003/54/KE, tat-2 ta’ Diċembru 2002, dwar il-prevenzjoni tat-tipjip u dwar inizjattivi sabiex jissaħħaħ il-kontroll tat-tabakk (ĠU 2003, L 22, p. 31), li r-Repubblika Franċiża tagħmel riferiment għalihom, ma humiex vinkolanti u li, f’kull każ, dawn ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jinkoraġġixxu ksur tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59. Barra minn hekk, ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tas-16 ta’ Lulju 2008, dwar l-istruttura u r-rati tad-dazji tas-sisa applikabbli għas-sigaretti u għal tabakk immanifatturat ieħor [COM/2008/460/finali], imsemmi wkoll mill-imsemmi Stat Membru, jirrigwarda l-fiskalità bħala element ta’ strateġija ġenerali ta’ prevenzjoni u ta’ dissważjoni tal-konsum tat-tabakk.
28 Fl-aħħar, il-Kummissjoni tqis li l-Istati Membri jistgħu jżommu prezzijiet għoljin għall-prodotti tat-tabakk billi jżidu l-livell ta’ tassazzjoni ta’ dawn il-prodotti, skont il-modalitajiet previsti mid-direttivi rilevanti. Dawn id-direttivi ma jipprevedux livell massimu tal-piż fiskali. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu dejjem jiżguraw li jintlaħaq il-livell ta’ prezz mixtieq permezz tal-influwenza li jeżerċitaw it-taxxi fuq il-prezz finali. Barra minn hekk, il-kapaċità tal-manifatturi li jġarrbu telf relatat ma’ volontà li ma jgħaddux il-piż fiskali fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ hija neċessarjament suġġetta għal limitazzjonijiet ekonomiċi.
29 Ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tmurx kontra t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1). Dan l-Istat Membru jikkunsidra li din id-dispożizzjoni ma timponix prinċipju ġenerali li skontu l-prezzijiet huma ffissati liberament mill-manifatturi u mill-importaturi. Huwa jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkunsidra f’dan is-sens l-interpretazzjoni li hija tat lill-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, bil-kontra, pereżempju, tad-Direttiva 92/49, li għandha bħala għan l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal attivitajiet bla ħlas u l-eżerċizzju ta’ dawn tal-aħħar, id-Direttiva 95/59 hija intiża biss sabiex tarmonizza numru ta’ leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar id-drittijiet tad-dazju. Madankollu, skont dan l-Istat Membru, għalkemm il-prinċipju tal-libertà li biha jiġu stabbiliti l-prezzijiet jew tal-libertà tariffarja jista’ jintrabat mal-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju ta’ attività bla salarju, dan ma jistax jintrabat mal-armonizzazzjoni fiskali. Barra minn hekk, prinċipju tali għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-moviment liberu tal-merkanzija previst fl-Artikolu 28 KE, li huwa limitat sabiex jipprojbixxi l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-prezz li jiżvantaġġaw il-prodotti importati.
30 Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li, f’kull każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tqajjem xi riżervi previsti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59. Fil-fatt, minn naħa, l-espressjoni “leġislazzjoni nazzjonali dwar il-kontroll tal-livell tal-prezzijiet”, li tinsab f’din id-dispożizzjoni, tirrigwarda leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-prezz kemm ta’ natura ġenerali u kemm ta’ natura partikolari, bħal dik inkwistjoni. Għalhekk, dan l-Istat Membru jikkontesta l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑216/98, Ġabra p. I‑8921), li skontha, din l-espressjoni ma għandhiex tiġi interpretata bħala li tirriżerva għall-Istati Membri setgħa diskrezzjonali li jiffissaw ħaġa oħra minn leġiżlazzjonijiet nazzjonali ta’ natura ġenerali, li għandhom l-għan li jwaqqfu żieda fil-prezzijiet. Minn naħa l-oħra, skont l-istess ġurisprudenza, l-espressjoni “leġislazzjoni nazzjonali dwar [...] l-osservanza ta’ prezzijiet imposti” tirreferi għal prezz li, ladarba stabbilit mill-manifattur jew l-importatur u approvat mill-awtorità pubblika, jiġi impost bħala prezz massimu. Madankollu, ir-Repubblika Franċiża hija tal-fehma, li jekk dan il-prezz għandu jkun approvat mill-awtorità pubblika, din tal-aħħar għandha wkoll tkun tista’ tirrifjutah.
31 Sussidjarjament, dan l-Istat Membru jallega li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija ġġustifikata bl-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika li tinsab fl-Artikolu 30 KE. Fil-fatt, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tippermetti lill-Istati Membri sabiex japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali restrittivi fil-konfront ta’ kummerċ intra-Komunitarju sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-individwi; dwar dan il-punt, l-imsemmi Stat Membru jagħmel riferiment għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija neċessarja u proporzjonali meta pparagunata ma’ dan il-għan. Fil-fatt, dan tal-aħħar ma jistax jintlaħaq permezz ta’ żieda fit-taxxa, billi l-produtturi u l-importaturi mhux neċessarjament jgħaddu din iż-żieda fuq il-prezzijiet bl-imnut u għalhekk, ma jwassalx neċessarjament għal tnaqqis fil-konsomazzjoni.
32 Skont ir-Repubblika Franċiża, l-iffissar ta’ prezz minimu huwa mod adattat biex jinżamm livell għoli tal-prezzijiet u jipprevjeni b’hekk it-tipjip taż-żgħażagħ. Dan jirriżulta mill-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni tal-WHO. L-argument ta’ dan l-Istat Membru huwa wkoll ikkorrobborat bil-punt 7 tar-Rakkomandazzjoni 2003/54 kif ukoll bl-ewwel subparagrafu tal-punt 3.3 tar-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tas-16 ta’ Lulju 2008, dwar l-istruttura u r-rati tad-dazji tas-sisa applikabbli għas-sigaretti u tabakk immanifatturat ieħor.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
33 Għandu jitfakkar, preliminarjament, li jirriżulta mill-premessa 3 tad-Direttiva 95/59 li din tal-aħħar tagħmel parti mill-kuntest ta’ armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxa tas-sisa fuq it-tabakk immanifatturat li għandhom bħala għan li jiġi evitat li l-kompetizzjoni f’kategoriji differenti ta’ tabakk immanifatturat taħt l-istess grupp tkun distorta u, b’hekk, jinfetħu s-swieq nazzjonali tal-Istati Membri.
34 Għal dan il-għan, l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li s-sigaretti immanifatturati fil-Komunità u dawk importati minn pajjiżi li ma humiex membri għandhom ikunu suġġetta f’kull Stat Membru għal taxxa tas-sisa proporzjonali kkalkolata fuq il-prezz massimu ta’ bejgħ bl-imnut, inkluż id-dazju u anki għal taxxa tas-sisa speċifika kkalkolata fuq kull unità tal-prodott (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).
35 Barra minn hekk, jirriżulta mill-premessa 7 tad-Direttiva 95/59 li l-bżonnijiet imperattivi ta’ kompetizzjoni jimplikaw sistema ta’ prezzijiet iffurmati liberament għall-gruppijiet kollha ta’ tabakk immanifatturat.
36 F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-manifatturi jew, fejn xieraq, ir-rappreżentanti jew aġenti awtorizzati tagħhom fil-Komunità u importaturi tat-tabakk minn pajjiżi li ma humiex membri għandhom ikunu liberi li jistabbilixxu l-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut għal kull prodott tagħhom, sabiex jiġi ggarantit li jkun hemm kompetizzjoni bejniethom (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20). Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiżgura li d-determinazzjoni tal-bażi ta’ stima tad-dazju tas-sisa proporzjonali fuq il-prodotti tat-tabakk, jiġifieri l-prezz massimu ta’ bejgħ bl-imnut ta’ dawn il-prodotti, tkun suġġetta għall-istess regoli fl-Istati Membri kollha. Din għandha l-għan ukoll, kif irrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tagħha, li tippreserva l-libertà tal-operaturi fuq imsemmija li tippermettilhom jibbenefikaw effettivament mill-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta minn eventwali prezzijiet tal-produzzjoni iktar baxxi.
37 Madankollu, l-impożizzjoni ta’ prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut mill-awtoritajiet pubbliċi għandha bħala effett li l-prezz massimu ta’ bejgħ bl-imnut stabbilit mill-produtturi u mill-importaturi ma jkunx jista’, f’kull ipoteżi, ikun inqas minn dan il-prezz minimu vinkolanti. Leġiżlazzjoni li timponi tali prezz minimu tista’ għalhekk tippreġudika r-relazzjonijiet kompetittivi billi tipprekludi wħud minn dawn il-produtturi jew importaturi milli jieħdu vantaġġ mill-prezzijiet tal-produzzjoni iktar baxxi sabiex joffru prezzijiet ta’ bejgħ bl-imnut iktar attraenti.
38 Għaldaqstant, sistema ta’ prezzijiet minimi ta’ bejgħ bl-imnut tal-prodotti tat-tabakk ma għandhiex titqies bħala kompatibbli mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59 sakemm ma hijiex imfassla b’mod li teskludi, f’kull ipoteżi, il-preġudizzju tal-vantaġġ kompetittiv li jista’ jirriżulta, għal ċerti produtturi jew importaturi ta’ prodotti tali, minn prezzijiet ta’ produzzjoni iktar baxxi u li, għaldaqstant, tinħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, C‑198/08, punt 30, u Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑221/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 41).
39 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li teħtieġ tiġi eżaminata l-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija f’dan ir-rikors.
40 Id-dispożizzjonijiet tas-CGI inkwistjoni, moqrija flimkien mad-Digriet Nru 2004‑975, jimponu fuq il-produtturi u l-importaturi prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut tas-sigaretti fi Franza, li jikkorrispondi għal 95 % tal-prezz medju ta’ dawn il-prodotti, u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 3511-3 tas-CSP jipprojbixxi li jinbiegħ kull prodott tat-tabakk bi “prezz promozzjonali li jmur kontra l-għanijiet tas-saħħa pubblika”. Matul is-seduta, ir-Repubblika Franċiża ppreċiżat li l-kunċett ta’ “prezzijiet promozzjonali li jmorru kontra l-għanijiet tas-saħħa pubblika” għandu jinftiehem bħala li jindika kull prezz inqas minn dak stabbilit skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 572 tas-CGI.
41 Din is-sistema ma tippermettix li jiġi eskluż, f’kull ipoteżi, li l-prezz minimu impost jippreġudika l-vantaġġ kompetittiv li jista’ jirriżulta, għal ċerti produtturi jew importaturi ta’ prodotti tat-tabakk, minn prezzijiet ta’ produzzjoni iktar baxxi. Għall-kuntrarju, kif irrilevat mill-Kummissjoni matul is-seduta, mingħajr ma dan il-punt ma ġie kkontestat mir-Repubblika Franċiża, sistema tali, li, barra minn hekk, tistabbilixxi l-prezz minimu b’riferiment għall-prezz medju fis-suq, jista’ jkollha bħala effett li telimina d-differenzi bejn il-prezzijiet ta’ prodotti kompetittivi u li tikkonverġi dawn il-prezzijiet lejn il-prezz tal-prodott l-iktar għoli. L-imsemmija sistema għalhekk tippreġudika l-libertà tal-produtturi u tal-importaturi li jistabbilixxu l-prezz massimu tagħhom ta’ bejgħ bl-imnut, iggarantita mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59.
42 Barra minn hekk, bil-kontra tal-allegazzjonijiet tar-Repubblika Franċiża, is-sistema ta’ prezz minimu inkwistjoni ma taqax taħt l-eċċezzjoni prevista fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva.
43 Fil-fatt, rigward din id-dispożizzjoni, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-espressjoni “kontroll tal-livell tal-prezzijiet” ġiet interpretata bħala li tirrigwarda l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ta’ natura ġenerali, pereżempju dawk li għandhom l-għan li jwaqqfu żieda fil-prezzijiet (ara, f’dan is-sens, sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn naħa l-oħra, l-espressjoni “osservanza ta’ prezzijiet imposti” għandha tinftiehem, fil-kuntest tal-mekkaniżmu tal-impożizzjoni tat-tabakk, bħala li tindika prezz li, ladarba stabbilit mill-manifattur jew l-importatur u approvat mill-awtorità pubblika, jiġi impost bħala prezz massimu u għandu jiġi osservat bħala tali f’kull stadju tal-katina ta’ distribuzzjoni sakemm jinbiegħ lill-konsumatur, billi din is-sistema ta’ iffissar tal-prezz għandha bħala għan li jiġi prekluż kull preġudizzju għall-integralità tad-dħul fiskali billi jinqabeż il-prezz impost (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
44 Huwa kostanti li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma hijiex intiża la biex tipprekludi żieda fil-prezzijiet u lanqas biex tevita t-telf ta’ dħul fiskali minħabba l-qbiż tal-prezz massimu ta’ bejgħ bl-imnut liberament stabbilit mill-produtturi jew mill-importaturi.
45 Fir-rigward tal-Konvenzjoni tal-WHO, kif irrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 50 u 51 tal-konklużjonijiet tagħha, din il-konvenzjoni ma timponi ebda obbligu konkret fuq il-partijiet kontraenti fir-rigward tal-politika tal-prezzijiet għal prodotti tat-tabakk, u tiddeskrivi biss is-soluzzjonijiet possibbli sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet nazzjonali tas-saħħa fir-rigward tal-kontroll tat-tabakk. Fil-fatt, l-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni huwa limitat sabiex jipprevedi li l-partijiet kontraenti jadottaw jew iżommu miżuri “li jistgħu jinkludu” l-applikazzjoni ta’ politika fiskali u, “fejn ikun xieraq” il-politika ta’ prezzijiet rigward il-prodotti tat-tabakk.
46 Bl-istess mod, ebda indikazzjoni konkreta fir-rigward tal-użu ta’ sistemi ta’ prezzijiet minimi ma tista’ tiġi dedotta la mir-Rakkomandazzjoni 2003/54 u lanqas mir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tas-16 ta’ Lulju 2008, dwar l-istruttura u r-rati tad-dazji tas-sisa applikabbli għas-sigaretti u tabakk immanifatturat ieħor, li, barra minn hekk, ma għandhomx forza vinkolanti. Fil-fatt, il-passaġġi ta’ dawn it-testi li r-Repubblika Franċiża tirreferi għalihom sempliċement jesprimu l-idea li l-prezzijiet għoljin ta’ prodotti tat-tabakk għandhom bħala għan li jiskorraġġixxu l-konsum.
47 F’kull każ, kif jirriżulta mill-punt 38 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 95/59 ma tipprekludix politika tal-prezzijiet sakemm din tal-aħħar ma tmurx kontra l-għanijiet tal-imsemmija direttiva, b’mod partikolari dak li jeskludi distorsjoni tal-kompetizzjoni ta’ kategoriji differenti ta’ tabakk immanifatturat li jappartjenu lill-istess grupp.
48 Ir-Repubblika Franċiża ssostni wkoll li s-sistema ta’ prezzijiet minimi inkwistjoni hija ġġustifikata bl-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta’ persuni previst fl-Artikolu 30 KE. Skont dan l-Istat Membru, iż-żieda fil-livell tat-taxxi ma tistax tiggarantixxi prezzijiet suffiċjentement għoljin ta’ prodotti tat-tabakk, għaliex din iż-żieda tista’ tiġi assorbita mill-produtturi jew mill-importaturi billi jissagrifikaw parti mill-qligħ tagħhom, jew billi jbiegħu b’telf.
49 Jeħtieġ jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 30 KE ma jistax jinftiehem bħala li jawtorizza miżuri oħra li ma humiex ir-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u fuq l-esportazzjoni kif ukoll il-miżuri li għandhom effett ekwivalenti kif previst fl-Artikoli 28 KE u 29 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2002, Il‑Kummissjoni vs Franza, C-302/00, Ġabra p. I‑2055, punt 33). F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma invokatx ksur ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet.
50 Jibqa’ l-fatt li d-Direttiva 95/59 ma tipprekludix lir-Repubblika Franċiża milli tkompli l-ħlieda kontra t-tipjip, billi dan huwa meħtieġ mill-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika.
51 Fil-fatt, kif jissemma, barra minn hekk, fil-premessa 7 tad-Direttiva 2002/10, l-aħħar att li jemenda d-Direttiva 95/59/KE, li madankollu l-Artikolu 9 tiegħu jibqa’ l-istess meta pparagunat mar-redazzjoni inizjali tiegħu, it-Trattat KE, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 152(1) KE jirrikjedi li d-definizzjoni kif ukoll l-implementazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet kollha tal-Komunità għandhom jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.
52 F’din il-premessa jiġi wkoll ippreċiżat li l-livell ta’ tassazzjoni huwa element fundamentali tal-prezz tal-prodotti tat-tabakk, li, minn naħa tiegħu, jinfluwenza d-drawwiet tat-tipjip tal-konsumaturi. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, rigward il-prodotti tat-tabakk, il-leġiżlazzjoni fiskali tikkostitwixxi strument importanti u effettiv għall-kontroll tal-konsum ta’ dawn il-prodotti u, għaldaqstant, għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Valeško, C‑140/05, Ġabra p. I‑10025, punt 58) u li l-għan li jiġi żgurat li l-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti jkunu ffissati f’livelli għolja jista’ jintlaħaq b’mod adegwat b’tassazzjoni ogħla ta’ dawn il-prodotti, peress li żidiet fit-taxxi tas-sisa għandhom eventwalment illum jew għada jirriżultaw f’żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut, mingħajr ma jinħoloq preġudizzju għal-libertà tal-iffissar tal-prezzijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).
53 Barra minn hekk, jekk l-Istati Membri jixtiequ jeliminaw b’mod permanenti kull possibbiltà għall-produtturi jew għall-importaturi li jassorbu, anki temporanjament, l-impatt tat-taxxi fuq il-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut tat-tabakk immanifatturat billi jbiegħuh b’telf, huma b’mod partikolari jistgħu, filwaqt li jippermettu b’hekk lill-imsemmija produtturi u importaturi li jibbenefikaw effettivament mill-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta minn eventwali prezzijiet tal-produzzjoni iktar baxxi, li jipprojbixxu l-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk immanifatturat bi prezz iktar baxx mis-somma tal-prezz tal-produzzjoni u tat-taxxi kollha (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, punt 43 u Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, punt 55).
54 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jintlaqa’.
55 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi adottat u żammet fis-seħħ sistema ta’ prezzijiet minimi għall-bejgħ bl-imnut ta’ sigaretti rilaxxati għall-konsum fi Franza kif ukoll projbizzjoni fuq il-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk “bi prezz promozzjonali li jmur kontra l-għanijiet tas-saħħa pubblika”, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 95/59/KE.
Fuq l-ispejjeż
56 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Franċiża tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Billi adottat u żammet fis-seħħ sistema ta’ prezzijiet minimi għall-bejgħ bl-imnut ta’ sigaretti rilaxxati għall-konsum fi Franza kif ukoll projbizzjoni fuq il-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk “bi prezz promozzjonali li jmur kontra l-għanijiet tas-saħħa pubblika”, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 95/59/KE, tas-27 ta’ Novembru 1995, dwar taxxi li mhumiex taxxi fuq il-qligħ li jaffettwaw il-konsum ta’ tabakk manifatturat, kif emendat bid-Direttiva tal-Kunsill 2002/10/KE, tat-12 ta’ Frar 2002.
2) Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata għall-ispejjeż.
Firem