Language of document : ECLI:EU:C:2011:807

Kawża C-329/11

Alexandre Achughbabian

vs

Préfet du Val-de-Marne

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour d’appel de Paris)

“Spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja — Direttiva 2008/115/KE — Standards u proċeduri komuni fil-qasam tar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment — Leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’każ ta’ residenza illegali, tipprevedi piena ta’ priġunerija u multa”

Sommarju tas-sentenza

1.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Politika tal-immigrazzjoni — Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment — Direttiva 2008/115 — Suġġett — Armonizzazzjoni integrali ta’ regoli nazzjonali dwar ir-residenza tal-barranin — Esklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115)

2.         Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Politika tal-immigrazzjoni — Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment — Ċittadin suġġett għal proċedura ta’ ritorn fis-sens tad-Direttiva 2008/115 — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissanzjona r-residenza illegali b’piena ta’ priġunerija — Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, Artikolu 8)

3.         Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Politika tal-immigrazzjoni — Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment — Ċittadin suġġett għal proċedura ta’ ritorn fis-sens tad-Direttiva 2008/115 — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissanzjona r-residenza illegali b’piena ta’ priġunerija fil-każ li l-proċedura ta’ ritorn ma ma kinitx irnexxiet — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet — Rispett tad-drittijiet fundamentali

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115)

1.        Id-Direttiva 2008/115, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, tikkonċerna biss ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fi Stat Membru illegalment, u, b’mod partikolari, l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn u l-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Għalhekk ma għandhiex l-għan li tarmonizza fl-intier tagħhom ir-regoli nazzjonali dwar ir-residenza tal-barranin.

Konsegwentement, din id-direttiva ma tipprekludix li d-dritt ta’ Stat Membru jikkwalifika r-residenza illegali bħala reat u jipprevedi sanzjonijiet kriminali sabiex jiddisswadi u jiskoraġġixxi t-twettiq ta’ tali ksur tar-regoli nazzjonali fil-qasam tar-residenza. Ma tipprekludix lanqas li ċittadin ta’ Stat terz jitqiegħed f’detenzjoni sabiex jiġi deċiż jekk ir-residenza tiegħu hijiex legali jew le. Fil-fatt, ikun hemm ksur tal-għan tad-Direttiva 2008/115, jiġifieri r-ritorn effikaċi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma legalment residenti, kieku kien impossibbli għall-Istati Membri li jevitaw, permezz ta’ ċaħda tal-libertà bħalma hija l-kustodja preventiva, li persuna suspettata li qiegħda fil-pajjiż illegalment taħrab qabel ma tkun tista’ tiġi ċċarata s-sitwazzjoni tagħha.

(ara l-punti 28-30)

2.        Id-Direttiva 2008/115, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tiskoraġixxi r-residenza illegali permezz ta’ sanzjonijiet kriminali sa fejn din tippermetti l-priġunerija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li, filwaqt li jkun irrisjeda illegalment fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru u ma jkunx lest jitlaq volontarjament minn dan it-territorju, ma jkunx ġie suġġett għal miżuri restrittivi fis-sens tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva u, fil-każ ta’ detenzjoni bil-ħsieb li tiġi ppreparata u mwettqa t-tneħħija tiegħu, ma jkunx laħaq l-iskadenza tat-tul massimu ta’ tali detenzjoni.

Fil-fatt, l-impożizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija matul l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ ritorn prevista mid-Direttiva 2008/115 ma jikkontribwixxux għat-twettiq tat-tneħħija segwit minn din il-proċedura, jiġifieri t-trasferiment fiżiku tal-persuna kkonċernata barra mill-Istat Membru kkonċernat. Għaldaqstant, tali piena ma tikkostitwixxix “miżura” jew “miżuri koerżivi” fis-sens tal-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva.

(ara l-punti 37, 50 u d-dispożittiv)

3.        Id-Direttiva 2008/115, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tiskoraġixxi r-residenza illegali b’sanzjonijiet kriminali sa fejn tippermetti l-priġunerija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li fir-rigward tiegħu ġiet applikata l-proċedura ta’ ritorn stabbilita mill-imsemmija direttiva u li jirrisjedi illegalment fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru mingħajr raġuni ġġustifikata għan-nuqqas ta’ ritorn tiegħu.

Fil-fatt, għalkemm l-Istati Membri marbuta mid-Direttiva 2008/115 ma jistgħux jipprevedu piena ta’ priġunerija għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment f’sitwazzjonijiet li fihom dawn għandhom, skont l-istandards u l-proċeduri komuni stabbiliti minn din id-direttiva, jitneħħew u jistgħu, fid-dawl tal-preparament u tat-twettiq ta’ din it-tneħħija, l-iktar l-iktar jiġu suġġetti għal detenzjoni, dan ma jeskludix il-fakultà għall-Istati Membri li jadottaw jew li jżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet, skont il-każ ta’ natura penali, li fl-osservanza tal-prinċipji tal-imsemmija direttiva u tal-għan tagħha, jirregolaw is-sitwazzjoni fejn il-miżuri restrittivi ma jkunux ippermettew li ssir it-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment.

F’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali proċedurali kriminali, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet penali hija suġġetta għar-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, u b’mod partikolari, ta’ dawk iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

(ara l-punti 46, 49, 50 u d-dispożittiv)