Language of document : ECLI:EU:C:2014:2092

Kawża C‑338/13

Marjan Noorzia

vs

Bundesministerin für Inneres

(talba għal deċiżjoni preliminari,
imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja — Direttiva 2003/86/KE — Artikolu 4(5) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li titlob li l-isponsor u l-konjuġi jkunu għalqu l-età ta’ 21 sena fil-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni — Interpretazzjoni konformi”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-17 ta’ Lulju 2014

Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Politika tal-immigrazzjoni — Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja — Direttiva 2003/86 — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi, fil-konfront tal-konjuġi jew tas-sieħeb irreġistrat tal-isponsor, kundizzjoni ta’ età minima ffissata għal 21 sena magħluqa fil-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja — Ammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 2003/86, Artikolu 4(5))

L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86/KE, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-konjuġi u l-imsieħba rreġistrati għandhom ikunu għalqu 21 sena fil-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni sabiex jitqiesu li huma membri tal-familja eliġibbli għal riunifikazzjoni.

Fil-fatt, l-età minima ffissata mill-Istati Membri bis-saħħa tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86 tikkorrispondi, fl-aħħar mill-aħħar, għall-età li fiha, skont l-Istat Membru kkonċernat, persuna titqies li kisbet maturità suffiċjenti mhux biss sabiex tirrifjuta żwieġ forzat iżda wkoll sabiex tagħżel volontarjament li tistabbilixxi ruħha f’pajjiż ieħor mal-konjuġi tagħha, sabiex hemmhekk tgħix miegħu ħajja tal-familja u tintegra ruħha.

Miżura li tirrikjedi li l-isponsor u l-konjuġi tiegħu jkunu għalqu l-età minima mitluba fid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni ma twaqqafx l-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja u lanqas ma tirrendi dan l-eżerċizzju eċċessivament diffiċli.

Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjoni tal-età minima hijiex issodisfatta huwa konformi mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali.

(ara l-punti 15-17, 19 u d-dispożittiv)