Language of document : ECLI:EU:C:2014:2214

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fil-11 ta’ Settembru 2014 (1)

Kawża C‑419/13

Art & Allposters International BV

vs

Stichting Pictoright

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2001/29/KE — Dritt ta’ distribuzzjoni — Dritt esklużiv tal-awturi li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku — Eżawriment — Dritt ta’ riproduzzjoni — Forma ġdida”





1.        Id-detentur tad-drittijiet tal-awtur ta’ xogħol pittoriku li ta l-kunsens tiegħu sabiex l-immaġni rrappreżentata tiġi kkummerċjalizzata f’forma ta’ poster jista’ jopponi għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ din l-istess immaġni ttrasferita fuq tila? Din essenzjalment hija l-kwistjoni mqajma fil-proċeduri li taw lok għal din id-domanda preliminari u, li bil-għan li ssolviha, il-Hoge Raad toffri lill-Qorti Ġenerali l-possibbiltà li tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha relatata mad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (2).

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt internazzjonali

1.      It-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali (WIPO) dwar id-drittijiet tal-awtur (3).

2.        Skont l-Artikolu 1(4) tat-Trattat, il-partijiet kontraenti għandhom jikkonformaw ruħhom mal-Artikolu 1 sa 21 u mal-Anness tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-protezzjoni tax-xogħlijiet litterarji u artistiċi (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berna”) (4).

3.        L-Artikolu 6 tat-Trattat, taħt it-titolu “Dritt ta’ distribuzzjoni”, jipprovdi kif ġej:

“1.      Awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom igawdu d-dritt esklużiv fuq l-awtorizzazzjoni li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku x-xogħol oriġinali tagħhom jew kopji ta’ dan ix-xogħol permezz ta’ bejgħ jew trasferiment ieħor tal-proprjetà.

2.      Dan it-Trattat ma għandux jaffetwa l-libertà tal-Partijiet Kontraenti li jiddeterminaw, jekk iridu, kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ l-eżawriment tad-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 wara l-ewwel bejgħ ta’ jew trasferiment ieħor tal-proprjetà fix-xogħol oriġinali jew f’kopja tax-xogħol bl-awtorizzazzjoni ta’ l-awtur.”

2.      Il-Konvenzjoni ta’ Berna

4.        Taħt it-titolu “Drittijiet morali”, l-Artikolu 6a tal-Konvenzjoni ta’ Berna jistabbilixxi dan li ġej:

“1)      Indipendentement mid-drittijiet patrimonjali tal-awtur, inkluż wara t-trasferiment ta’ dawn id-drittijiet, l-awtur għandu jibqa’ jkollu d-dritt li jirrivendika l-paternità tax-xogħol u li jopponi għal kull distorzjoni, mutilazzjoni jew bidla oħra fir-rigward ta’ dan ix-xogħol jew għal kull attentat fir-rigward tal-istess xogħol li jkun ta’ ħsara għall-unur jew għar-reputazzjoni tiegħu.

2)      Id-drittijiet irrikonoxxuti lill-awtur bis-saħħa tal-paragrafu (1) għandhom jinżammu wara mewtu, ta’ mill-inqas sal-estinzjoni tad-drittijiet patrimonjali tiegħu, u għandhom jiġu eżerċitati mill-persuni jew mill-istituzzjonijiet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiż li fih tiġi invokata l-protezzjoni tirrikonoxxilhom drittijiet. Madankollu, il-pajjiżi li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ tagħhom fil-mument tar-rattifikazzjoni ta’ dan l-att jew tal-adeżjoni miegħu, ma tkunx tinkludi dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni, wara l-mewt tal-awtur, tad-drittijiet kollha rrikonoxxuti bis-saħħa tal-paragrafu (1) iktar ’il fuq, għandhom il-possibbiltà li jistabbilixxu li xi wieħed jew xi wħud minn dawn id-drittijiet ma għandhomx jinżammu wara l-mewt tal-awtur.

3)      Ir-rimedji legali għall-protezzjoni tad-drittijiet irrikonoxxuti f’dan l-artikolu huma rregolati mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż li fih tintalab il-protezzjoni.”

5.        Skont l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Berna intitolat “Dritt ta’ adattament, ta’ arranġament u ta’ trasformazzjoni oħra”, “l-awturi ta’ xogħlijiet litterarji jew artistiċi jgawdu mid-dritt esklużiv li jawtorizzaw l-adattamenti, l-arranġamenti u t-trasformazzjonijiet l-oħra tax-xogħlijiet tagħhom”.

B –    Id-dritt tal-Unjoni

6.        Il-premessa 9 tad-Direttiva 2001/29 tipprovdi li “[k]ull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ [tad-dritt ta’] proprjetà”.

7.        Skont il-premessa 10 tad-Direttiva, “[j]ekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. [...] Protezzjoni legali adegwata għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ dan il-kumpens u tipprovdi l-opportunità għal profitti sodisfaċenti ta’ dan l-investiment”.

8.        Skont il-kliem tal-premessa 28 tad-Direttiva, “[i]l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva tinkludi d-dritt esklussiv biex tikkontrolla d-distribuzzjoni tax-xogħol inkorporat f’oġġett [media] tanġibbli. L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ l-oriġinal ta’ xogħol jew kopji tiegħu mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu jeżawrixxi d-dritt li jikkontrolla bejgħ mill-ġdid ta’ dak l-oġġett fil-Komunità. Dan id-dritt m’għandux jiġi eżawrit rigward l-oriġinal jew il-kopji tiegħu mibjugħa mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu barra mill-Komunità. [...]”.

9.        Il-premessa 31 tad-Direttiva tipprovdi li “[b]ilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. L-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet eżistenti tad-drittijiet kif stipulati mill-Istati Membri għandhom ikunu stmati mill-ġdid fl-isfond ta’ l-ambjent elettroniku ġdid. Differenzi eżistenti fl-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ta’ ċerti atti ristretti għandhom effetti diretti negattivi fuq il-funzjonament tas-suq intern tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati. Dawn id-differenzi jistgħu faċilment isiru aktar notevoli bħala riżultat ta’ żvilupp akbar ta’ sfruttament ta’ xogħolijiet li jaqsam il-fruntieri u attivitajiet transperiferali. Sabiex jiżguraw il-funzjonament sew tas-suq intern, dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għandhom ikunu mfissra aktar armonjożament. Il-grad ta’ armonizzazzjoni tagħhom għandu jkun ibbażat fuq l-impatt tagħhom fuq il-funzjonament faċli tas-suq intern”.

10.      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, taħt it-titolu “Dritt ta’ riproduzzjoni” jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti: (a) għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom; [...]”

11.      L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, bit-titolu “Dritt ta’ Distribuzzjoni”, jipprovdi kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor.

2.      Id-dritt ta’ distribuzzjoni m’għandux jiġi eżawrit fil-Komunità rigward l-oriġinal jew kopji tax-xogħol, bla ħsara fejn l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ sidien fil-Komunità ta’ dak l-oġġett isir mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu.”

C –    Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

12.      L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 ġie traspost fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi permezz tal-Auteurswet (liġi dwar id-drittijiet tal-awtur; iktar ’il quddiem l-“Aw”).

13.      L-Artikolu 1 tal-Aw jiddefinixxi d-drittijiet tal-awtur bħala d-dritt esklużiv tal-awtur ta’ xogħol litterarju, xjentifiku jew artistiku, jew tal-aventi kawża tiegħu, li jirrendih pubbliku jew li jirriproduċih, bla ħsara għal-limitazzjonijiet previsti mil-liġi.

14.      Skont l-Artikolu 12(1) tal-Aw pubblikazzjoni ta’ xogħol litterarju, xjentifiku jew artistiku tfisser “il-pubblikazzjoni ta’ riproduzzjoni tax-xogħol, totalment jew parzjalment [...]”

15.      Skont l-Artikolu 12b tal-Aw, jekk kopja ta’ xogħol litterarju, xjentifiku jew artistiku tkun tqegħdet f’ċirkulazzjoni għall-ewwel darba fi Stat Membru mill-awtur tagħha jew mill-aventi kawża tiegħu jew bil-kunsens tiegħu, it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ din il-kopja b’mod ieħor, bl-eċċezzjoni tal-kiri u tas-self, ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tal-awtur.

II – Il-fatti

16.      Stichting Pictoright (iktar ’il quddiem “Pictoright”) hija kumpannija Olandiża għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur li tiddefendi, fost oħrajn, id-drittijiet tal-eredi ta’ pitturi magħrufa (iktar ’il quddiem, id-“detenturi tad-drittijiet”).

17.      Art & Allposters International BV (iktar ’il quddiem “Allposters”), tikkummerċjalizza, permezz tal-internet, posters u riproduzzjonijiet oħra ta’ xogħlijiet ta’ dawn l-artisti.

18.      Persuni li jixtiequ jordnaw riproduzzjoni artistika mingħand Allposters jistgħu jagħżlu bejn poster, poster fi kwadru, poster fuq l-injam jew poster fuq it-tila. F’dan l-aħħar każ, il-proċess ta’ riproduzzjoni huwa s-segwenti: tiġi applikata kisja tal-plastik fuq poster tal-karta, l-immaġni tal-poster tiġi ttrasferita fuq it-tila permezz tal-użu ta’ proċess kimiku u t-tila tiġi stirata fuq kwadru tal-injam. Dan il-proċess u r-riżultat tiegħu jissejħu “canvas transfer” (“trasferiment fuq it-tila)”.

19.      Peress li Allposters naqset milli tosserva t-talba ta’ Pictoright sabiex hija tieqaf milli tbigħ mingħajr il-kunsens tagħha riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet tal-klijenti tagħha miksuba permezz ta’ dan il-proċess, Pictoright fetħet kawża kontra Allposters quddiem ir-Rechtbank Roermond (qorti tal-Prim’Istanza ta’ Roermond) sabiex tikseb il-waqfien ta’ kull ksur, dirett jew indirett, tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet morali tad-detenturi tad-drittijiet.

20.      Ir-rikors ġie miċħud permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Settembru 2010, li Pictoright appellat minnha quddiem il-Gerechtshof te’s-Hertogenbosch (qorti tal-appell ta’ Hertogenbosch), li min-naħa tagħha laqgħet l-appell permezz ta’ sentenza tat-3 ta’ Jannar 2012. Il-qorti tal-appell bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza stabbilita mill-Hoge Raad f’sentenza tad-19 ta’ Jannar 1979 (5), li abbażi tagħha jkun hemm tqegħid ġdid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 12 tal-Aw, jekk il-kopja kkummerċjalizzata mid-detentur tad-dritt tiġi żvelata lill-pubbliku taħt forma oħra, u b’hekk tagħti lok għal possibbiltà ġdida ta’ esplojtazzjoni għall-benefiċċju tal-persuni li jikkummerċjalizzaw din il-forma ġdida tal-kopja oriġinarjament iddistribwita (l-hekk imsejħa “ġurisprudenza Poortvliet”). Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-qorti tal-appell ikkonkludiet li, sa fejn it-trasferimenti fuq it-tila jammontaw għal bidla radikali fir-rigward tal-posters li l-immaġni tagħhom tiġi ttrasferita, il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom teħtieġ il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet.

21.      Allposters ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad, fejn għad-difiża tagħha sostniet li l-ġurisprudenza Poortvliet kienet ġiet applikata ħażin, peress li l-kunċetti ta’ eżawriment u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, relatati mad-drittijiet tal-awtur, kienu sadattant ġew armonizzati fuq livell Ewropew. Fl-opinjoni tagħha, l-eżawriment fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29 iseħħ biss fil-mument tad-distribuzzjoni ta’ xogħol inkorporat f’oġġett tanġibbli jekk din il-kopja hija kkummerċjalizzata mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu. Bidla eventwali sussegwenti fir-rigward tal-kopja jew tal-oġġett ma jkollha ebda konsegwenza fuq l-eżawriment.

22.      Pictoright, min-naħa tagħha sostniet li d-dritt ta’ adattament ma ġiex armonizzat u, għalhekk, il-ġurisprudenza Poortvliet tibqa’ applikabbli. F’kull każ, hija tqis li din il-ġurisprudenza — b’mod partikolari, l-idea li bidla (sostanzjali) fir-rigward tal-materjal teskludi l-eżawriment — tikkonforma bla problema ta’ xejn mad-dritt tal-Unjoni.

23.      F’dawn iċ-ċirkustanza, il-Hoge Raad ressqet din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

III – Id-domandi magħmula

24.      Id-domandi preliminari, magħmula fil-24 ta’ Lulju 2013, jipprovdu kif ġej:

“1)      L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur jirregola l-kwistjoni ta’ jekk id-dritt ta’ distribuzzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur jistax jiġi eżerċitat fir-rigward ta’ riproduzzjoni ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur li jkun inbiegħ u ġie kkunsinnat fiż-Żona Ekonomika Ewropea mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu, meta din ir-riproduzzjoni tkun ġiet sussegwentement mibdula fir-rigward tal-forma tagħha u tiġi kkummerċjalizzata mill-ġdid f’din il-forma?

2      (a)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 1, il-fatt li jkun hemm bidla bħal dik imsemmija fid-domanda 1 għandu impatt fuq ir-risposta għall-kwistjoni ta’ jekk l-eżawriment, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, ikunx prekluż jew interrott [?]

      (b)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 2(a), liema huma l-kriterji li permezz tagħhom jista’ jiġi ddeterminat jekk tkunx involuta bidla tal-forma ta’ riproduzzjoni li tipprekludi jew tinterrompi l-eżawriment fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur?

      (c)      Dawn il-kriterji jippermettu l-applikazzjoni tal-kriterju żviluppat fid-dritt nazzjonali tal-Pajjiżi l-Baxxi fis-sens li ma jkunx għad hemm eżawriment minħabba s-sempliċi fatt li l-persuna li tbiegħ mill-ġdid tkun tat forma oħra lir-riproduzzjonijiet u tkun iddistribwiethom lill-pubbliku f’din l-forma (sentenza tal-Hoge Raad tad-19 ta’ Jannar 1979, [...], Poortvliet)?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25.      Il-partijiet fil-proċeduri prinċipali, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni intervenew fil-proċeduri billi ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn kollha, kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit, kienu preżenti għas-seduta, li nżammet fit-22 ta’ Mejju 2014. F’din is-seduta, u skont l-Artikolu 61(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-partijiet ġew mistiedna jwieġbu tliet mistoqsijiet: (1) Il-possibbiltà li t-trasferiment fuq it-tila jitqies bħala adattament tax-xogħol fis-sens tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Berna. (2) L-eventwali rilevanza — għall-evalwazzjoni tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni — tal-prinċipju ta’ remunerazzjoni xierqa fil-każ li l-bidla żżid il-prezz tal-oġġett li jinkludi x-xogħol protett. (3) L-eventwali rilevanza tad-drittijiet morali għall-interpretazzjoni tar-regola ta’ eżawriment.

V –    Allegazzjonijiet

A –    L-ewwel domanda preliminari

26.      Fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari magħmula, Allposters tippreċiża, bħala kwistjoni preliminari, li l-espressjoni “mibdula fir-rigward tal-forma tagħha” għandha tinftiehem bħala t-trasformazzjoni tal-media użata għax-xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur u mhux tal-immaġni ta’ dan ix-xogħol. Dan premess, hija ssostni li d-domanda għandha tiġi risposta fl-affermattiv. Fl-opinjoni tagħha, f’dan il-każ ma huwiex ix-xogħol li ġie mibdul, iżda l-media tiegħu, u għaldaqstant huwa applikabbli l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/29, li armonizza kompletament kemm id-dritt ta’ distribuzzjoni (paragrafu (1)), kif ukoll ir-regola dwar l-eżawriment (paragrafu (2)), b’mod li l-Istati Membri ma għandhom ebda marġni sabiex jintroduċu eċċezzjonijiet.

27.      Pictoright, min-naħa tagħha, hija inklinata lejn risposta fin-negattiv, peress li, fl-opinjoni tagħha, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/29 jirreferi biss għall-każ li fih ma tkun saret ebda bidla fir-rigward tar-riproduzzjoni tax-xogħol protett. F’dan is-sens hija tallega li mill-kliem tal-Artikolu 4(2) jirriżulta li r-regola tal-eżawriment tirreferi għall-“oġġett”, jiġifieri għall-“oriġinal jew kopji tax-xogħol”, u li dan il-kunċett ma jinkludix ir-riproduzzjonijiet ittrasferiti fuq it-tila, peress li dawn huma sostanzjalment differenti mill-oriġinali jew mill-kopji tagħhom minħabba l-bidliet sostanzjali li l-posters isirilhom matul il-proċess ta’ trasferiment fuq it-tila.

28.      Pictoright tirreferi għall-ġurisprudenza u għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt tat-trade marks, filwaqt li tinvoka l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2008/95/KE (6), u l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (7), li prattikament it-tnejn li huma jipprovdu li l-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark “m’għandux japplika meta l-proprjetarju jkollu raġunijiet leġittimi biex jopponi li l-prodotti jkomplu jiġu kumerċjalizzati, speċjalment meta l-kundizzjoni tal-prodotti tinbidel jew issirilha l-ħsara wara li jitqiegħdu fis-suq”. Abbażi ta’ dan, hija tqis li d-dritt ta’ adattament fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur ma ġiex armonizzat mill-Unjoni, anki jekk din tal-aħħar, billi approvat it-Trattat tal-WIPO, impenjat ruħha li tosserva l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Berna, li jirrikonoxxi lill-awturi ta’ xogħlijiet letterarji jew artistiċi d-dritt esklużiv li jawtorizzaw l-adattamenti, l-arranġamenti jew it-trasformazzjonijiet l-oħra tax-xogħlijiet tagħhom.

29.      Il-Gvern Franċiż illimita l-allegazzjonijiet tiegħu għal din l-ewwel domanda, li huwa jqis li għandha tiġi risposta flimkien mad-domanda 2(a) magħmula. Fl-opinjoni tiegħu, mill-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2001/29, moqri fid-dawl tal-premessa 28 ta’ din tal-aħħar, jirriżulta li l-awtur tax-xogħol protett għandu d-dritt esklużiv li jawtorizza jew li jipprojbixxi l-ewwel forma ta’ distribuzzjoni, permezz tal-bejgħ jew ta’ kwalunkwe mezz ieħor, ta’ kull beni materjali jew ta’ kull oġġett li fih ikun hemm inkorporat ix-xogħol jew kopja tiegħu. Għaldaqstant, id-dritt ta’ distribuzzjoni jkun eżawrit biss jekk id-detentur tad-dritt ikun wettaq jew ikkunsenta l-ewwel bejgħ jew l-ewwel trasferiment ta’ proprjetà ta’ din il-beni materjali jew ta’ dan l-oġġett.

30.      Fir-rigward ta’ dan il-każ, il-Gvern Franċiż iqis li t-trasferiment fuq it-tila ta’ xogħol jew ta’ kopja ta’ xogħol jammonta għall-ħolqien ta’ oġġett ġdid li r-riproduzzjoni u d-distribuzzjoni tiegħu għandhom jiġu awtorizzati jew ipprojbiti mid-detentur tad-drittijiet esklużivi. Il-fatt li x-xogħol kien ġie kkummerċjalizzat taħt forma oħra ma eżawrixxiex id-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni tad-detentur tad-dritt fir-rigward tal-oġġett il-ġdid.

31.      Skont il-Gvern Franċiż, din l-interpretazzjoni hija l-unika waħda li hija konformi mal-għan tad-Direttiva 2001/20 li huwa li jiġi ggarantit lill-awturi livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tagħhom u li tiġi ggarantita lill-istess awturi remunerazzjoni xierqa għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-fatt li l-operazzjoni ta’ trasferiment fuq it-tila ma taffettwax biss id-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni tal-awturi, iżda wkoll aspetti oħra tad-drittijiet tal-awtur, bħad-drittijiet esklużivi ta’ riproduzzjoni u ta’ adattament, anki jekk dan tal-aħħar ma huwiex formalment irrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni.

32.      Il-Gvern tar-Renju Unit sostna waqt is-seduta pubblika li l-kunċett ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku jkopri biss l-atti relatati mat-trasferiment tal-proprjetà tal-oġġett. Id-diffikultà tista’ tqum meta, wara t-tqegħid tal-oġġett fis-suq bl-awtorizzazzjoni tal-awtur, dan jiġi mibdul b’mod li, għalkemm jinħoloq oġġett differenti, ix-xogħol oriġinali ma jiġix affettwat, bħal fil-każ ta’ collage magħmul minn ritratti ppubblikati f’rivista. Madankollu, fl-opinjoni ta’ dan il-gvern, f’dawn it-tipi ta’ każijiet id-dritt ta’ distribuzzjoni jkun diġà eżawrit.

33.      Il-Gvern tar-Renju Unit iqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun prudenti ħafna fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-eżawriment ta’ dan id-dritt. Fl-opinjoni tiegħu, ma għandux jiġi konkluż li ma hemmx eżawriment meta l-kopji ta’ xogħol jintużaw mill-ġdid jew meta dawn jiġu rriċiklati taħt forom differenti. Fl-opinjoni tiegħu, il-kwistjoni essenzjali, ladarba jkun sar l-ewwel bejgħ awtorizzat ta’ oġġett, hija li jsir magħruf jekk il-produzzjoni ta’ artiklu ġdid tammontax għal riproduzzjoni mhux awtorizzata tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur. Jekk dan ma jkunx il-każ, xejn ma jimpedixxi lix-xerrej milli juża l-artiklu bil-mod li huwa jqis opportun.

34.      Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/29 japplika għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali u, b’mod partikolari, li d-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati jistgħu, bħala prinċipju, jinvokaw id-dritt ta’ distribuzzjoni ddefinit fl-Artikolu 4(1). Fl-opinjoni tagħha, id-dritt ta’ distribuzzjoni għandu jiġi interpretat b’mod estensiv, fid-dawl kemm tal-espressjonijiet “kull forma ta’ distribuzzjoni” u “l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom” użati fl-Artikolu 4(1), kif ukoll tal-għan imfittex mid-Direttiva 2001/29, li huwa li jiġi ggarantit lill-awturi livell għoli ta’ protezzjoni.

35.      Il-Kummissjoni tqis li l-bidla fir-rigward tal-forma li tirriżulta mit-trasferiment fuq it-tila ma tipprekludix li r-riżultat jitqies bħala “kopja” ta’ xogħol fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29. Skont il-bidla, ir-riżultat ikun, jew kopja identika għall-poster, jew riproduzzjoni ġdida tax-xogħol oriġinali li xorta waħda għandha titqies bħala “kopja”. Fl-opinjoni tagħha, id-detentur tad-drittijiet ikollu, fiż-żewġ każijiet, dritt esklużiv sabiex jawtorizza jew sabiex jipprojbixxi d-distribuzzjoni tar-riżultat tat-trasferiment fuq it-tila.

B –    It-tieni domanda preliminari

36.      Allposters tipproponi li tingħata risposta negattiva għad-domanda 2(a). Fl-opinjoni tagħha, l-interruzzjoni tar-regola tal-eżawriment fil-każ ta’ bidla fir-rigward tal-media tax-xogħol protett hija kuntrarja għall-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija u għar-ratio tad-drittijiet tal-awtur. Il-possibbiltà li l-oġġett protett jiġi esplojtat kummerċjalment hija għaldaqstant limitata għall-ewwel tixrid tiegħu, fatt li jiggarantixxi profitt lid-detentur tad-dritt.

37.      Allposters tenfasizza li fil-kamp tad-drittijiet tal-awtur issir distinzjoni bejn il-“corpus mecanicum” (l-oġġett korporali) u l-“corpus mysticum” (il-kreazzjoni immaterjali), fejn din tal-aħħar biss tikkostitwixxi x-xogħol fis-sens tad-drittijiet tal-awtur u tibbenefika mill-protezzjoni tagħhom. Skont Allposters, il-kontenut tax-xogħol għandu jitqies indipendentement mill-media tiegħu, li ma hijiex element tal-“kreazzjoni intelletwali stess”. Fl-opinjoni tagħha, fil-każ inkwistjoni, it-trasferiment fuq it-tila jammonta għal bidla fir-rigward tal-“corpus mechanicum” sa fejn il-karta hija ssostitwita bit-tila, madankollu l-“corpus mysticum” jibqa’ l-istess. Sa fejn, mil-lat tad-drittijiet tal-awtur, ir-riproduzzjoni tax-xogħol protett ma nbidlitx, il-bdil fir-rigward tal-media tiegħu ma għandu ebda influwenza fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regola tal-eżawriment u ma jinterrompihiex.

38.      Allposters tqis li dak li ntqal preċedentement jinbidel biss fil-każ eċċezzjonali li l-bidla fir-rigward tal-media tkun tikser id-drittijiet morali tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, li jipproteġu x-xogħol fl-intier tiegħu u li, skont il-ġurisprudenza, jestendu kemm għax-xogħlijiet oriġinali kif ukoll għar-riproduzzjonijiet tagħhom, mingħajr ma huma limitati għall-ewwel kummerċjalizzazzjoni tax-xogħol. Madankollu, fl-opinjoni tagħha, dan ma huwiex il-każ fil-każ preżenti.

39.      Peress li hija tipproponi li tingħata risposta fin-negattiv għad-domanda 2(a), Allposters tastjeni milli tirrispondi għad-domandi 2(b) u (c), għalkemm hija tallega li l-ġurisprudenza Poortvliet ma hijiex applikabbli u hija kuntrarja għall-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29.

40.      Fid-dawl tal-proposta tagħha fir-rigward tal-ewwel domanda, Pictoright tagħmel sottomissjonijiet fir-rigward tat-tieni domanda b’mod sussidjarju biss, u ssostni li bidla fir-rigward tax-xogħol għandha bħala konsegwenza li tipprekludi jew li tinterrompi l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li d-Direttiva 2001/29 tieħu bħala punt tat-tluq livell ta’ protezzjoni għoli u li, barra minn hekk, l-eżawriment, bħala limitazzjoni tad-dritt ta’ distribuzzjoni tad-detentur tad-dritt, għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv.

41.      Fl-opinjoni tagħha, id-detentur tad-drittijiet tal-awtur mhux biss għandu d-dritt li jiddeċiedi jekk, iżda wkoll taħt liema forma huwa jixtieq iqiegħed ix-xogħol tiegħu fiċ-ċirkulazzjoni, b’mod li huwa jista’ jimponi kundizzjonijiet fuq il-liċenzji li huwa jagħti. Skont Pictoright, b’analoġija mad-dritt tat-trade marks tal-Unjoni, xejn ma jiġġustifika li d-detentur tad-drittijiet tal-awtur għandu jittollera kummerċjalizzazzjoni sussegwenti tax-xogħol tiegħu — jew ta’ kopja ta’ dan ix-xogħol — ladarba l-istat tar-riproduzzjoni tax-xogħol tiegħu jkun ġie mibdul, għaliex, inkella, ikun jista’ jiġi kkawżat dannu reali fir-rigward tar-reputazzjoni tal-artist u fir-rigward tal-esklużività tax-xogħol tiegħu, fatt li ma jkunx kompatibbli mal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Berna.

42.      Fir-rigward tad-domanda 2(b) u (c), Pictoright tqis li, bi qbil mas-sentenza Peek & Cloppenburg (8), l-Istati Membri għandhom jingħataw l-għażla fir-rigward tal-kriterji li huma jixtiequ japplikaw sabiex jiddeterminaw jekk kienx hemm bidla fir-rigward tal-forma ta’ riproduzzjoni li tipprekludi jew li tinterrompi l-eżawriment fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29.

43.      B’mod sussidjarju, Pictoright tipproponi jew li jiġu stabbiliti l-kriterji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Berna li jagħti lill-awtur ta’ xogħol id-dritt esklużiv li jawtorizza kull adattament, arranġament jew trasformazzjoni ta’ dan ix-xogħol, jew li jiġu stabbiliti kriterji simili għal dawk tal-Artikolu 6a tal-istess konvenzjoni, li jipprovdi li jkun hemm bidla fir-rigward tal-forma tar-riproduzzjoni li tista’ tipprekludi jew tinterrompi l-eżawriment jekk il-bidla inkwistjoni tkun kuntrarja għad-drittijiet morali tal-awtur fis-sens tal-imsemmi Artikolu 6a. Fl-opinjoni tagħha, dawn il-kriterji jagħtu marġni ta’ manuvra sabiex tiġi applikata l-ġurisprudenza Poortvliet.

44.      Il-Gvern tar-Renju Unit iqis li l-adattament ta’ xogħol jimplika forma ta’ riproduzzjoni tal-istess xogħol, iżda li dan ma huwiex il-każ fil-każ tat-trasferiment fuq it-tila, peress li t-trasferiment ma jimplikax kreazzjoni u oriġinalità suffiċjenti. Barra minn hekk, fl-opinjoni tiegħu, sa fejn ma hemmx riproduzzjoni, iż-żieda fil-prezz tal-oġġett li fih ikun inkorporat ix-xogħol protett tkun irrilevanti, peress li r-remunerazzjoni xierqa tkun diġà ġiet riċevuta mill-bejgħ tal-oġġett oriġinali. Fl-aħħar nett, id-drittijiet morali lanqas ma għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-għanijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29.

45.      Il-Kummissjoni tirreferi b’mod konġunt għat-tliet mistoqsijiet tat-tieni domanda u tipproponi, l-ewwel nett, li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-regola tal-eżawriment prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29 jiġi analizzat abbażi tal-interpretazzjoni tal-kelma “oġġett” użata f’dan l-artikolu. Abbażi ta’ interpretazzjoni litterali, leġiżlattiva, komparattiva u ġurisprudenzjali, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kelma “oġġett” għandha tinftiehem bħala xogħol, jew kopja tal-istess xogħol, inkorporat f’beni materjali, li jirrappreżenta kreazzjoni intellettwali tal-awtur li d-Direttiva 2001/29 trid tiżgura l-protezzjoni ġuridika tagħha.

46.      Il-Kummissjoni tqis, sussegwentement, li bidla fir-rigward tal-forma tikkostitwixxi kriterju importanti sabiex jiġi evalwat l-eżawriment. Jekk il-forma tal-“oġġett” tkun inbidlet wara l-ewwel bejgħ tiegħu fiż-ŻEE mwettaq bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet, il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx eżawriment jew le huwa jekk, wara din il-bidla, dan jibqax l-istess beni materjali li tirrappreżenta l-kreazzjoni intellettwali tal-awtur jew jekk il-bidla hijiex tali li dan huwa beni materjali oħra b’forma differenti li tirrappreżenta din il-kreazzjoni. Fl-ewwel każ, id-distribuzzjoni tkun koperata bil-kunsens mogħti preċedentement. Fit-tieni każ, ma jkunx hemm eżawriment u l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet li d-Direttiva 2001/29 trid tipproteġi jiġġustifikaw l-eċċezzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija.

47.      Fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi applikata l-ġurisprudenza Poortvliet, il-Kummissjoni tallega li, skont il-ġurisprudenza, f’każ bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, il-kwistjoni tal-eżawriment hija rregolata kompletament mid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina sa fejn din il-ġurisprudenza hija kompatibbli mad-Direttiva 2001/29, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, u li għandha tiggarantixxi l-effikaċja totali tad-dritt tal-Unjoni.

VI – Evalwazzjoni

48.      Fi ftit kliem, id-domanda fundamentali magħmula f’dawn il-proċeduri hija jekk il-kunsens mogħti għad-distribuzzjoni tar-riproduzzjoni ta’ xogħol tal-arti f’forma ta’ poster jinkludix ukoll id-distribuzzjoni tiegħu f’forma ta’ tila.

A –    Kunsiderazzjonijiet preliminari

49.      Skont l-espożizzjoni tal-fatti tal-kawża prinċipali li tinsab fid-digriet tar-rinviju ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, kif ukoll skont l-informazzjoni pprovduta mill-partijiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom u waqt is-seduta pubblika, jirriżulta b’mod ċar li ma hemm ebda rabta kummerċjali bejn Pictoright u Allposters. Ċertament id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur awtorizzaw ir-riproduzzjoni tal-pitturi kkontestati f’forma ta’ poster, iżda ma kinitx Allposters li kisbet dan id-dritt. Allposters tikseb fis-suq il-posters ikkummerċjalizzati mill-persuni li ġew awtorizzati jirriproduċu f’din il-forma l-pitturi kkontestati u, bl-użu tal-istess pitturi, tipproduċi t-tili li hija toffri, min-naħa tagħha, għall-bejgħ fis-suq.

50.      Bl-istess mod jirriżulta b’mod ċar li, għal dak li jirrigwarda l-posters infushom, id-dritt ta’ distribuzzjoni ġie l-iktar tard eżawrit meta Allposters xtrat dawn l-istess posters. Il-problema hija li Allposters tagħmel riproduzzjonijiet fuq it-tila, u b’mod iktar preċiż bl-użu ta’ posters li fir-rigward tagħhom id-dritt ta’ distribuzzjoni ġie eżawrit. Minn dan jirriżulta li l-attività ta’ Allposters ma hijiex limitata għad-distribuzzjoni, mingħajr ma jitwettaq qabel xogħol ta’ manipulazzjoni bl-użu tal-imsemmija posters li minnhom jirriżulta prodott, li nistgħu ngħidu, huwa differenti.

51.      Minn dan il-lat wieħed jista’ jistaqsi jekk setgħetx tqum problema relatata mad-dritt ta’ riproduzzjoni, jiġifieri, jekk Allposters akkwistatx legalment jew le d-dritt li tirriproduċi dawn ix-xogħlijiet fuq it-tila, irrispettivament minn jekk din għamlitux direttament jew permezz tal-manipulazzjoni tar-riproduzzjonijiet fuq il-karta.

52.      Ma huwiex f’dawn it-termini li l-qorti tar-rinviju tagħmel id-domanda tagħha dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29, jiġifieri, f’termini ta’ dritt ta’ riproduzzjoni. Id-domanda hija magħmula fir-rigward tad-dritt ta’ distribuzzjoni, jiġifieri, jekk Pictoright tistax tinvoka, bħala dritt “mhux eżawrit”, id-dritt li tikkontrolla d-distribuzzjoni tax-xogħlijiet pittoriċi inkwistjoni bħala bażi għat-talba tagħha intiża sabiex tiġi pprojbita l-kummerċjalizzazzjoni tax-xogħlijiet tagħha fuq media magħmula mid-drapp.

53.      Għalhekk, il-konklużjonijiet tiegħi ser jipprexindu minn kull kunsiderazzjoni bbażata fuq id-dritt ta’ riproduzzjoni rrikonoxxut fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 sabiex id-domanda interpretattiva magħmula mill-Hoge Raad tiġi analizzata hekk kif hija stess għamlitha, jiġifieri, mill-perspettiva tad-dritt ta’ distribuzzjoni stabbilit fl-Artikolu 4 tal-istess direttiva.

B –    L-ewwel domanda

54.      Pictoright issostni li t-trasferiment fuq it-tila jammonta għal bidla “fix-xogħol oriġinali jew f’kopja tax-xogħol” u, għaldaqstant, jinvolvi “adattament” tax-xogħol, b’mod li l-kwistjoni taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/29, li ma tinkludix id-dritt ta’ adattament. Fi kliem ieħor, skont Pictoright it-trasferiment fuq it-tila jaffettwa x-xogħol u mhux biss l-oġġett jew il-media materjali li fiha dan ix-xogħol huwa inkorporat.

55.      Għall-kuntrarju, Allposters, il-Kummissjoni u l-Gvern Franċiż isostnu li t-trasferiment fuq it-tila jammonta għal bidla fir-rigward tal-oġġett jew tal-media materjali, b’mod li dan huwa każ ta’ “distribuzzjoni” u mhux ta’ “adattament”, u għaldaqstant id-Direttiva 2001/29 hija applikabbli.

56.      Għaldaqstant hemm lok li l-ewwel nett jiġi ddeterminat jekk il-każ inkwistjoni li għandu jiġi deċiż mill-qorti tar-rinviju jikkostitwixxix jew le “adattament” tax-xogħol, għaliex f’dan il-każ id-Direttiva 2001/29 ma tkunx applikabbli, peress li din ma tirregolax dak li huwa msejjaħ “dritt ta’ adattament”, li huwa ggarantit, fil-kuntest tal-Unjoni, mill-Konvenzjoni ta’ Berna.

57.      L-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Berna jirriżerva lill-awturi d-“dritt esklużiv li jawtorizzaw l-adattamenti, l-arranġamenti u t-trasformazzjonijiet l-oħra tax-xogħlijiet tagħhom”. Fl-opinjoni tiegħi, il-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkorrispondix għal każ ta’ “adattament”. L-“adattament” proprjament jaffettwa x-“xogħol” inkwantu dan huwa r-riżultat ta’ kreazzjoni artistika. Il-każ tipiku jkun l-adattament għaċ-ċinema ta’ xogħol litterarju, proċess li permezz tiegħu l-prodott artistiku tal-ġenju litterarju jinqaleb fi prodott tal-arti ċinematografika, jiġfieri, f’manifestazzjoni artistika li toħloq mill-ġdid il-kontenut ta’ dan ix-xogħol f’lingwaġġ u f’univers kunċettwali separati, differenti minn dawk li fihom dan ix-xogħol oriġinarjament inħoloq.

58.      Wieħed mill-elementi essenzjali tal-“adattament” bħala proċess ta’ aġġustament tal-kontenut tal-kreazzjoni artistika għall-metodi ta’ espressjoni speċifiċi għal tipi ta’ arti differenti jinsab fid-diversità tal-lingwaġġi u tat-tekniki artistiċi. Element essenzjali ieħor tiegħu jikkonċerna l-adattament bħala teknika ta’ manifestazzjoni kreattiva li tipprova tintervjeni fix-xogħol innifsu iktar milli sabiex taġġusta x-xogħol għall-karatteristiċi espressivi ta’ lingwaġġ artistiku ieħor, billi tittrasforma x-xogħol, fil-lingwaġġ tiegħu stess, f’xogħol differenti, sa fejn dan jista’ jiġi rrikonoxxut fl-espressjoni oriġinali tiegħu biss b’mod vag.

59.      F’dan il-każ, jidhirli li huwa ċar li t-trasferiment fuq it-tila ma jaffettwax l-immaġni riprodotta, jiġifieri, ix-“xogħol” jew ir-riżultat tal-kreazzjoni artistika. Għall-kuntrarju, il-mertu tat-trasferiment jinsab fil-fatt li l-immaġni oriġinali hija riprodotta eżattament fuq it-tila. Għaldaqstant, minn naħa, ix-xogħol oriġinali ma huwiex traspost f’lingwaġġ artistiku differenti minn dak li fih dan ġie maħluq, lanqas, min-naħa l-oħra, ma hemm distortsjoni tal-immaġni jew it-tneħħija ta’ elementi mill-kompożizzjoni jew iż-żieda ta’ elementi esterni għall-kreazzjoni artistika. Sa fejn huwa possibbli, hija kwistjoni li jintlaħaq l-għola grad ta’ identiċità mal-oriġinal.

60.      F’dawn iċ-ċirkustanzi nqis li l-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “adattament”.

61.      Għaldaqstant hemm lok li jiġi mifhum li, meta l-qorti tar-rinviju tafferma fl-ewwel domanda tagħha li r-“riproduzzjoni tkun ġiet [...] mibdula fir-rigward tal-forma”, hija ma tfissirx li l-bidla eżaminata tikkostitwixxi “adattament” fis-sens tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Berna. L-espressjoni “mibdula fir-rigward tal-forma” għandha tinftiehem iktar bħala li qed tirreferi għal bidla fir-rigward tal-media tax-xogħol u mhux f’din tal-aħħar innifisha, jiġifieri, inkwantu prodott tal-kreazzjoni artistika.

62.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa irrilevanti jekk id-dritt ta’ adattament ġiex armonizzat jew le jew jekk l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Berna huwiex applikabbli. Huwa biss importanti li d-dritt inkwistjoni huwa dak imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/29 — jiġifieri, dak li jirrikonoxxi lid-detenturi l-possibbiltà esklużiva li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku tax-xogħol oriġinali jew tal-kopji tax-xogħol protett — u li, skont il-ġurisprudenza u l-għan stess tal-istess direttiva, jista’ jitqies li din id-dispożizzjoni armonizzat kompletament ir-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni (9), indipendentement mill-fatt li, ukoll skont il-ġurisprudenza, id-Direttiva 2001/29 “għandh[a] normalment [tingħata] interpretazzjoni awtonoma u uniformi fil‑Komunità kollha” (10).

63.      Fil-qosor, l-ewwel domanda għandha tiġi risposta fl-affermattiv, jiġifieri, fis-sens li d-dritt inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali huwa d-“dritt ta’ distribuzzjoni” tal-kopji speċifiċi li fihom huwa inkorporat ix-xogħol tal-arti riprodott, u li, għaldaqstant, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/29 huwa applikabbli.

C –    It-tieni domanda

1.      Ir-rilevanza tal-espressjoni “mibdula fir-rigward tal-forma”

64.      Għaldaqstant tqum id-domanda ċentrali tal-każ, jiġifieri, jekk l-espressjoni “mibdula fir-rigward tal-forma” (jiġifieri fir-rigward tal-media materjali tar-riproduzzjoni) tipprekludix jew tinterrompix l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29.

65.      Hemm lok li wieħed imur lura għall-kliem tad-dispożizzjoni.

“Id-dritt ta’ distribuzzjoni m’għandux jiġi eżawrit fil-Komunità rigward l-oriġinal jew kopji tax-xogħol, bla ħsara fejn l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ sidien fil-Komunità ta’ dak l-oġġett isir mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu.”

66.      Id-diffikultà kollha tinsab f’jekk, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kelma “oġġett” tirreferix għall-kreazzjoni artistika jew għall-media materjali tagħha. Għar-raġunijiet mogħtija, jidher ċar li din tirreferi għat-tieni possibbiltà, hekk kif jaffermaw ukoll Allposters, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni.

67.      Bla dubju ta’ xejn is-suġġett inkwistjoni ma jistax ikun ix-xogħol bħala corpus mysticum, peress li d-drittijiet tal-awtur fuq ix-xogħol hekk mifhum jiġu “eżawriti” biss bit-trasferiment tal-proprjetà ta’ dawn id-drittijiet, filwaqt li l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni jseħħ bit-trasferiment tal-proprjetà ta’ xi ħaġa neċessarjament differenti: ġustament il-proprjetà tal-oġġett li fuqu x-xogħol ġie riprodott.

68.      Fi kliem ieħor: ladarba l-proprjetà tal-oġġett (media materjali) hija ttrasferita, id-dritt ta’ distribuzzjoni jiġi eżawrit, iżda mhux il-proprjetà tad-drittijiet tal-awtur, li s-suġġett tagħhom jibqa’ l-kreazzjoni artistika.

69.      Fl-opinjoni tiegħi, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kliem tal-premessa 28 tad-Direttiva 2001/29 stess, li fiha huwa affermat li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur “tinkludi d-dritt esklussiv biex tikkontrolla d-distribuzzjoni tax-xogħol inkorporat f’oġġett [media] tanġibbli” (11), u li sussegwentement tipprovdi li l-ewwel bejgħ “ta’ l-oriġinal ta’ xogħol jew kopji tiegħu mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu jeżawrixxi d-dritt li jikkontrolla bejgħ mill-ġdid ta’ dak l-oġġett (12), b’riferiment ċar għal dan l-“oġġett [media] tanġibbli” (13).

70.      F’dan il-kuntest, nemmen li r-risposta għad-domanda 2(a) għandha tkun fis-sens li l-espressjoni “mibdula fir-rigward tal-forma” hija rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk l-eżawriment fis-sens tal-Arikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29 huwiex prekluż jew interrott. Dan huwa għaliex id-dritt ta’ distribuzzjoni jista’ jiġi ttrasferit fir-rigward ta’ kull media materjali possibbli jew biss fir-rigward ta’ media speċifiċi.

2.      Il-kriterji rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ “[bidla] fir-rigward tal-forma”

71.      Għaldaqstant skont it-tieni parti tat-tieni domanda hemm lok li jiġi stabbilit “liema huma l-kriterji li permezz tagħhom jista’ jiġi ddeterminat jekk tkunx involuta bidla tal-forma ta’ riproduzzjoni li tipprekludi jew tinterrompi l-eżawriment fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur”

72.      Bi qbil mal-parir tal-Kummissjoni, f’dan ir-rigward hemm lok li jiġi eżaminat il-grad tal-bidla inkwistjoni, peress li l-element deċiżiv huwa li jiġi ddeterminat “jekk, wara l-bidla, hijiex dejjem l-istess beni materjali li tirrappreżenta l-kreazzjoni intellettwali tal-awtur jew jekk il-bidla magħmula fir-rigward tal-beni kkonċernata toħloqx beni materjali oħra li tirrappreżenta din il-kreazzjoni b’forma oħra” (14).

73.      Fl-opinjoni tiegħi, f’dan il-każ in-natura tal-bidla li għaddiet minnha l-media materjali tal-kreazzjoni intellettwali tal-artisti hija tali li jista’ wkoll jiġi sostnut li, fir-realtà, l-operazzjoni mwettqa minn Allposters tammonta għal riproduzzjoni ġdida tal-kreazzjonijiet intellettwali protetti.

74.      Din l-operazzjoni tinvolvi t-trasferiment fuq it-tila ta’ immaġni inizjalment riprodotta fuq il-karta, fatt li jammonta għal bidla evidenti fir-rigward tal-media tanġibbli li fir-rigward tagħha ġiet awtorizzata d-distribuzzjoni tax-xogħlijiet pittoriċi. Dak li jirrendi din il-bidla unika huwa li t-trasferiment fuq it-tila ma jittrasferixxix l-immaġni fuq kull tip ta’ media, iżda biss fuq media tal-istess tip bħal dik li fiha huwa inkorporat ix-xogħol oriġinali. Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi, għandu jiġi vverifikat jekk id-dritt verament inkwistjoni huwiex id-dritt ta’ distribuzzjoni jew, iktar importanti, id-dritt ta’ riproduzzjoni tax-xogħol artistiku fit-totalità tiegħu; jiġifieri, bħala xogħol sħiħ magħmul minn immaġni inkorporata f’media speċifika. Fi kliem ieħor, jista’ jiġi sostnut li Allposters ma tillimitax ruħha li tiddistribwixxi, fuq karta, immaġni oriġinarjament inkorporata f’tila, iżda li, fir-realtà hija tirriproduċi l-kreazzjoni artistika sħiħa. B’mod definittiv hija ma tikkummerċjalizzax l-immaġni ta’ pittura, iżda ekwivalenti tal-pittura fiha nfisha.

75.      Issa, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni din l-aħħar kunsiderazzjoni u skont il-kliem li bih il-Hoge Raad għamlet din id-domanda preliminari, hekk kif indikajt fil-punti 49 sa 53, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun limitata għad-determinazzjoni ta’ jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-bidla magħmula minn Allposters tammontax għal bidla tal-media materjali tant kbira li din tinvolvi, għall-inqas, distribuzzjoni tax-xogħlijiet riprodotti li fir-rigward tagħha d-dritt mogħti lil Pictoright mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/29 ma ġiex eżawrit.

76.      F’dan il-kuntest, jidhirli li huwa evidenti li l-bidla inkwistjoni hija suffiċjentement rilevanti u kkwalifikata sabiex jiġi konkluż li fir-rigward tal-istess bidla d-dritt ta’ distribuzzjoni ta’ Pictoright ma jistax jitqies bħala eżawrit. Ir-rilevanza tagħha tirriżulta mill-fatt li din il-bidla ma tammontax għal xi bidla fir-rigward tal-media materjali tax-xogħol iddistribwit, iżda ġustament l-użu ta’ media li tirriżulta li hija tal-istess natura bħal dik tal-media li fiha ġiet oriġinarjament inkorporata l-kreazzjoni intellettwali. Dan il-fatt jagħti lil dan il-każ karattru partikolari ħafna, li jiddistingwixxih mill-każijiet imsemmija iktar ’il fuq li fihom il-media użata għad-distribuzzjoni tal-kreazzjoni intellettwali hija ta’ natura tali li ma tistax tagħti lok għal konfużjoni max-xogħol oriġinali. Eżempju tipiku huwa dak tal-collages imsemmi mill-Gvern tar-Renju Unit.

77.      Fl-opinjoni tiegħi għandu jkun biżżejjed li jiġi konkluż li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-bidla mwettqa minn Allposters hija suffiċjentement sinjifikattiva sabiex jitqies li kien hemm bidla sostanzjali fil-media tanġibbli tax-xogħol protett bir-riżultat li l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni għandu jiġi eskluż. Barra minn hekk inqis li ma jkunx xieraq li tingħata deċiżjoni astratta dwar il-kundizzjonijiet li, b’mod ġenerali, għandhom ikunu ssodisfatti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ bidla li hija suffiċjenti għall-finijiet tal-esklużjoni tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni. Għall-kuntrarju, dan il-każ jikkonċerna d-determinazzjoni, mill-qorti, tal-portata ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva, li tista’ ssir biss każ b’każ, fl-okkażjoni ta’ proċeduri suċċessivi relatati ma’ tilwimiet konkreti u individwali.

78.      B’mod definittiv, nemmen li, f’dan il-każ, id-dritt ta’ Pictoright li tikkontrolla d-distribuzzjoni tar-riproduzzjonijiet tax-xogħlijiet ikkonċernati ma ġiex eżawrit mal-ewwel bejgħ tal-posters, peress li dak li Allposters trid tiddistribwixxi huwa bla dubju ta’ xejn “ħaġa oħra”, irrispettivament minn jekk din il-“ħaġa oħra” inkisbitx bl-użu tal-manipulazzjoni tal-imsemmija posters, fatt li huwa inċert u li ma jistax ikun determinanti.

3.      Il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti f’dan il-każ u l-kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni

79.      It-tielet u l-aħħar parti tat-tieni domanda tirreferi għall-kompatibbiltà tal-ġurisprudenza Olandiża (ġurisprudenza Poortvliet) mad-dritt tal-Unjoni.

80.      Skont l-espożizzjoni tal-Hoge Raad, din il-ġurisprudenza ssostni li, bħala prinċipju, “ikun hemm tqegħid ġdid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku [...] jekk il-kopja kkummerċjalizzata mid-detentur tad-dritt tiġi żvelata lill-pubbliku taħt forma oħra, u b’hekk tagħti lok għal possibbiltà ġdida ta’ esplojtazzjoni għall-benefiċċju tal-persuni li jikkummerċjalizzaw din il-forma ġdida tal-kopja oriġinarjament iddistribwita” (15).

81.      F’dan il-kuntest, jidhirli li huwa ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex mitluba tiddeċiedi dwar il-fondatezza tal-ġurisprudenza nazzjonali. Hija għandha biss tindika lill-qorti tar-rinviju li hija din tal-aħħar li għandha — fid-dawl tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29 mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja u b’attenzjoni għall-kriterji pprovduti lilha għall-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għall-każ inkwistjoni — tiddetermina jekk din il-ġurisprudenza hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

VII – Konklużjoni

82.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula bil-mod li ġej:

“1)      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, jirregola l-kwistjoni ta’ jekk id-dritt ta’ distribuzzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur jistax jiġi eżerċitat fir-rigward ta’ riproduzzjoni ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur li jkun inbiegħ u ġie kkunsinnat fiż-Żona Ekonomika Ewropea mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu, meta din ir-riproduzzjoni tkun ġiet sussegwentement mibdula fir-rigward tal-forma tagħha u tiġi kkummerċjalizzata mill-ġdid f’din il-forma.

2)      a)      Il-fatt li jkun hemm bidla bħal dik imsemmija fid-domanda 1 għandu impatt fuq ir-risposta għall-kwistjoni ta’ jekk l-eżawriment, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, ikunx prekluż jew interrott.

b)      Fil-każ bħal dak diskuss fil-proċeduri prinċipali, il-bidla li tikkonsisti fl-użu ta’ media materjali tal-istess natura bħal dik tax-xogħol oriġinali teskludi l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29.

c)      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jħallux marġni għall-kriterju ġurisprudenzjali żviluppat fid-dritt intern tal-Pajjiżi l-Baxxi.”


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.


3 –      Adottat f’Genève fl-20 ta’ Diċembru 1996. Approvat f’isem il-Komunità permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 210).


4 –      Konvenzjoni tad-9 ta’ Settembru 1886, irriveduta f’Pariġi fl-24 ta’ Lulju 1971 u emendata fit-28 ta’ Settembru 1979.


5 –      NJ 1979/412, Poortvliet.


6 – Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat- 22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25).


7 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).


8 – Sentenza (C‑456/06, EU:C:2008:232), punti 31 u 34.


9 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Laserdisken (C‑479/04, EU:C:2006:549), punti 23 sa 25.


10 – Sentenza Infopaq International (C‑5/08, EU:C:2009:465), punt 27.


11 – Korsiv miżjud minni.


12 – Korsiv miżjud minni.


13 – Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dan is-sens fis-sentenza UsedSoft (C‑128/11, EU:C:2012:407), punt 60.


14 – Osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, punt 59. Il-korsiv jinsab fl-oriġinal.


15 – Digriet tar-rinviju, punt 3.3.