Language of document : ECLI:EU:C:2011:238

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

12 ta’ April 2011 (*)

“Proprjetà intellettwali – Trade mark Komunitarja – Regolament (KE) Nru 40/94 – Artikolu 98(1) – Projbizzjoni ta’ atti ta’ vjolazzjoni stabbilita minn qorti tat-trade marks Komunitarji – Portata territorjali – Miżuri koerċittivi li jakkumpanjaw tali projbizzjoni – Effett fit-territorju ta’ Stati Membri oħra għajr f’dak tal-qorti li quddiemha titressaq il-kawża”

Fil-Kawża C-235/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Ġunju 2009, fil-proċedura

DHL Express France SAS, li kienet DHL International SA,

vs

Chronopost SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, K. Schiemann, J.-J. Kasel u D. Šváby, Presidenti ta’ Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, U. Lõhmus (Relatur), C. Toader u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: N. Nanchev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Chronopost SA, minn A. Cléry, avukat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u B. Cabouat kif ukoll minn B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Hathaway, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Krämer, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Ottubru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 98 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3288/94, tat-22 ta’ Diċembru 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 185, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 40/94”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn DHL Express France SAS (iktar ’il quddiem “DHL Express France”), aventi kawża ta’ DHL International SA (iktar ’il quddiem “DHL International”), u Chronopost SA (iktar ’il quddiem “Chronopost”) dwar l-użu li hija għamlet mit-trade marks Franċiżi u Komunitarji WEBSHIPPING, li Chronopost hija l-proprjetarja tagħha, dwar il-projbizzjoni ta’ dan l-użu u ta’ miżuri koeċittivi li jakkumpanjaw din il-projbizzjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru°40/94

3        Skont it-tieni, il-ħames u s-sittax-il premessa tar-Regolament Nru°40/94:

“Billi jidher li huwa meħtieġ li tittieħed azzjoni mill-Komunità sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet ta’ l-istess Kommunità; billi tali azzjoni tinvolvi li jinħolqu arranġamenti Komunitarji għar-rigward ta’ trade marks li permezz tagħhom impriża tkun tista’ tikseb trade mark Komunitarja taħt sistema proċedurali waħda, u li din it-trade mark tingħata l-istess livell ta’ protezzjoni u tkun effettiva bl-istess mod fil-Komunità kollha; billi il-prinċipju tal-karattru waħdieni tat-trade mark Komunitarja kif imsemmi għandu japplika dejjem, ħlief fejn dan ir-Regolament jipprovdi mod ieħor;

[…]

Billi d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-validità u l-vjolazzjoni ta’ trade marks Komunitarji għandu jkollhom effett u għandhom ikopru t-territorju kollu tal-Komunità, billi dan huwa l-uniku mod kif wieħed jista’ jipprevjeni deċiżjonijiet inkonsistenti minn naħa tal-qrati u ta’ l-Uffiċċju [tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI)] u u kif jista jiġi żgurat li l-karattru waħdieni tat-trade marks Komunitarji ma jiġix imxejjen; billi r-regoli li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Brussel dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar tad-Deċiżjonijiet Ċivili u Kummerċjali [iffirmata fis-27 ta’ Settembru 1968 (ĠU 1972, L 299, p. 32), ‘kif emendata bil-Konvenzjonijiet ta’ Adeżjoni għal dik il-Konvenzjoni tal-Istati li jaċċedu għall-Komunitajiet Ewropej’ (iktar ’il quddiem il-‘Konvenzjoni ta’ Brussell’) għandhom japplikaw fil-każ ta’ kull azzjoni skond il-liġi li tirrigwarda trade marks Komunitarji, ħlief fejn dan ir-Regolament jidderoga minn dawn ir-regoli;

Billi deċiżjonijiet kontradittorji għandom jiġu evitati f’azzjonijiet li jinvolvu l-istess għemil u l-istess partijiet u li jirrigwardaw trade marks Komunitarji u trade marks nazzjonali paralleli; billi għal dan il-għan, meta l-azzjonijiet jinġiebu fl-istess Stat Membru, il-mod kif dan jista’ jinkiseb jaqa taħt il-kompetenza tar-regoli proċedurali nazzjonali, li mhumiex preġudikati minn dan ir-Regolament, waqt li meta l-azzjonijiet jinġiebu fi Stati Membri differenti, ikunu approprjati dispożizzjonijiet msejsa fuq ir-regoli ta’lis pendens u azzjonijiet relatati tal-Konvenzjoni ta’ Brussel hawn fuq imsemmija”.

4        L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi:

“It-trade mark Komunitarja għandha karattru unitarju. Hija għandha jkollha l-istess effett fil-Komunità kollha: ma tistax tiġi reġistrata, trasferita jew ċeduta, jew tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni li tirrevoka d-drittijiet tal-proprjetarju jew li tiddikjaraha bħala invalida, u l-anqas ma jista’ jiġi projbijt l-użu tagħha, sakemm mhux fir-rigward tal-Kommunità kollha. Dan il-prinċipju għandu japplika sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor.”

5        L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, intitolat “Id-drittijiet li jirriżultaw minn trade mark Komunitarja”, jipprovdi fil-paragrafu 1:

“it-trade mark Komunitarja tagħti lill-proprjetarju id-drittijiet esklussivi fiha. Il-proprjetarju għandu l-jedd li jistabbilixxi lil terzi persuni li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:

a)      kull sinjal li huwa identiku għat-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata;

b)      kull sinjal li, minħabba identiċità jew xebħ mat-trade mark Komunitarja u l-identiċità jew xebħ mal-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark Komunitarja u mis-sinjal, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark;

ċ)      kull sinjal li huwa identiku għal jew li jixbaħ lit-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata, meta din ta’ l-aħħar għandha reputazzjoni fil-Komunità u fejn l-użu mingħajr raġuni valida tas-sinjal ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trademark Komunitarja.”

6        L-Artikolu 14 tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-effetti ta’ trade marks Komunitarji għandhom jiġu regolati biss mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. F’aspetti oħrajn, il-vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja għandha tiġi irregolata mill-liġi nazzjonali li tirrigwarda il-vjolazzjoni ta’ trade marks nazzjonali skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu X.

[...]

3.      Ir-regoli ta’ proċedura applikabbli għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu X.”

7        It-Titolu X tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “Il-ġurisdizzjoni u l-proċedura f’kawżi li jirrigwardaw trade marks Komunitarji”, jinkludi l-Artikoli 90 sa 104.

8        Skont l-Artikolu 90 ta’ dan ir-regolament, dwar l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell:

“1.      Sakemm dan ir-regolament ma jispeċifikax mod ieħor, il-[Konvenzjoni ta’ Brussell], japplikaw għall-proċedimenti li jirrigwardaw it-trade marks Komunitarji u l-applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji, kif ukoll għal proċedimenti li jirrigwardaw l-kawżi simultaneji u suċċessivi fuq il-bażi ta’ trade marks Komunitarji u trade marks nazzjonali.

2.      F’każ ta’ proċedimenti li jirrigwardaw il-kawżi u t-talbiet msemmija fl-Artikolu 92:

a)      L-Artikoli 2, 4, 5(1), (3), (4) u (5) u l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni [ta’ Brussell] ma japplikawx;

b)      L-Artikoli 17 u 18 ta’ dik il-Konvenzjoni għandhom japplikaw bla ħsara għall-limitazzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 93(4) ta’ dan ir-Regolament;

ċ)      id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II ta’ dik il-Konvenzjoni li huma applikabbli għal persuni domiċiljati fi Stat Membu għandhom ikunu applikabbli wkoll għal persuni li m’għandhomx domiċilju f’ebda Stat Membru iżda li għandhom stabbiliment hemmhekk.”

9        L-Artikolu 91 tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-qrati tat-trade marks Komunitarji”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jinnominaw fit-territorji tagħhom numru kemm jista’ jkun limitat ta’ qrati u tribunali nazzjonali ta’ l-ewwel u tat-tieni istanza, hawnhekk iżjed il quddiem msejjħa ‘Il-qrati tat-trade marks Komunitarji’, li għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet mogħtija lilhom minn dan ir-Regolament”

10      Skont l-Artikolu 92 tal-istess regolament, intitlolat “Il-ġurisdizzjoni fuq vjolazzjoni u validità”:

“Il-qrati tat-trade mark Komunitarja għandhom ġurisdizzjoni esklussiva fuq:

a)      kull kawża ta’ vjolazzjoni u – jekk dawn huma permissibbli taħt il-liġi nazzjonali – kawżi dwar theddida ta’ vjolazzjoni ta’ trade marks Komunitarji;

b)      kawżi għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ vjolazzjoni, jekk dawn huma permissibli taħt il-liġi nazzjonali;

[...]”

11      L-Artikolu 93 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “Il-ġurisdizzjoni internazzjonali”, jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament kif ukoll għal kull dispożizzjoni tal-[Konvenzjoni ta’ Brussell] applikabbli bis-saħħa ta’ l-Artikolu 90, il-proċedimenti li jirrigwardaw l-azzjonijiet u t-talbiet msemmija fl-Artikolu 92 għandhom jinfetħu fil-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-konvenut għandu d-domiċilju tiegħu jew, jekk huwa m’għandu domiċilju f’ebda Stat Membru, fejn huwa għandu stabbiliment.

2.      Jekk il-konvenut ma jkollu la domiċilju u lanqas stabbiliment f’ebda wieħed mill-Istati Membri, dawn il-proċedimenti għandhom jinfetħu quddiem il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn l-attur għandu d-domiċilju tiegħu jew, jekk m’għandu domiċilju f’ebda wieħed mill-Istati Membri, fejn huwa għandu stabbiliment.

3.      Jekk la l-konvenut u l-anqas l-attur mhuma hekk domiċiljati u lanqas m’għandhom tali stabbiliment, dawn il-proċedimenti għandhom jinġiebu quddiem il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn l-[UASI] għandu s-sede tiegħu.

4.      Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1, 2 u 3:

a)      L-Artikolu 17 tal-[Konvenzjoni ta’ Brussell] japplika jekk il-partijiet jaqblu li xi qorti oħra ta’ trade marks Komunitarji għandu jkollha ġurisdizzjoni;

b)      L-Artikolu 18 ta’ l-istess Konvenzjoni japplika jekk il-konvenut jidher quddiem qorti ta’ trade marks Komunitarji differenti.

5.      Il-proċedimenti li jirrigwardaw l-azzjonijiet u t-talbiet msemmija fl-Artikolu 92, bl-eċċezzjoni tal-kawżi għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, jistgħu jinfetħu quddiem il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn l-att ta’ vjolazzjoni ikun twettaq jew fejn tkun saret it-theddida, jew fejn jitwettaq att […]”

12      L-Artikolu 94 tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-firxa tal-ġurisdizzjoni”, jipprovdi:

“1.      Qorti ta’ trade marks Komunitarji li għandha ġurisdizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 93(1) sa (4) għandha ġurisdizzjoni fir-rigward ta’:

–        atti ta’ vjolazzjoni mwettqa jew mhedda fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri,

–        atti li jaqgħu taħt it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 9(3), mwettqa fit-territorju ta’ xi wieħed mill-Istati Membri.

2.      Qorti ta’ trade marks Komunitarji li għandha ġurisdizzjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 93(5) għandha ġurisdizzjoni biss fir-rigward ta’ atti mwettqa jew mhedda fit-territorju ta’ l-Istat Membru fejn tinsab dik il-Qorti.”

13      L-Artikolu 97 tal-istess regolament, intitolat “Il-liġi applikabbli”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Il-qrati tat-trade marks Komunitarji għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.      Fil-kwistjonijiet kollha li mhumiex koperti minn dan ir-Regolament, il-qorti tat-trade marks Komunitarji għandha tapplika il-liġi nazzjonali tagħha, u dan jinkludi id-dritt internazzjonali privat tagħha.

3.      Sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor, il-qorti tat-trade marks Komunitarji għandha tapplika ir-regoli ta’ proċedura li jirregolaw l-istess tip ta’ azzjoni fir-rigward ta’ trade mark nazzjonali fl-Istat Membru fejn hija għandha s-sede tagħha.”

14      L-Artikolu 98 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “Is-sanzjonijiet” jistabbilixxi:

“1.      Meta l-qorti tat-trade marks Komunitarji issib li l-konvenut għamel vjolazzjoni jew hedded li jagħmel vjolazzjoni tad-drittijiet fi trade mark Komunitarja, hija għandha, sakemm ma jkollhiex raġunijiet speċjali biex tagħmel mod ieħor, toħroġ ordni sabiex twaqqaf lill-konvenut milli jissokta bl-atti li jkunu għamlu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jagħmlu vjolazzjoni tad-drittijiet fi trade mark Komunitarja. Għandha tieħu wkoll dawk il-miżuri skond il-liġi nazzjonali li huma mmirati biex jiżguraw li din li-projbizzjoni tiġi mħarsa.

2.      F’kull aspett ieħor il-qorti tat-trade marks Komunitarji għandha tapplika il-liġi ta’ l-Istati Membru [l-Istat Membru] fejn twettqet il-vjolazzjoni jew it-theddida ta’ vjolazzjoni, u dan jinkludi d-dritt internazzjonali privat.”

 Ir-Regolament (KE) Nru 44/2001

15      Skont l-Artikolu 68(1) tiegħu, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), issostitwixxa, bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni ta’ Brussell. Il-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

16      L-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-regolament, li jistabbilixxi l-prinċipju tar-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet jipprovdi li: “[s]entenza mogħtija minn Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura speċjali.”

17      L-Artikolu 38(1) tal-istess regolament jipprovdi:

“Sentenza mogħtija fi Stat Membru u eżegwita f’dak l-Istat għandha tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor meta, fuq applikazzjoni ta’ parti nteressata, tkun ġiet dikjarata eżegwibbli hemmhekk.”

18      L-Artikolu 49 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Sentenza barranija li tordna pagamenti perjodiċi bħala penali għandu jkun eżegwibbli, fl-Istat Membru li fih tkun imfittxija l-eżekuzzjoni, biss jekk l-ammont tal-pagament ikun ġie finalment determinat mill-qrati ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini.”

 Id-Direttiva 2004/48/KE

19      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32), jipprovdi taħt it-titolu “Obbligu Ġenerali”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat.

2.      Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20      Il-kumpannija Chronopost hija proprjetarja tat-trade mark Komunitarja u Franċiża relatata mas-sinjal “WEBSHIPPING”. It-trade mark Komunitarja, ippreżentata f’Ottubru 2000, ġiet irreġistrata fis-7 ta’ Mejju 2003 għal, b’mod partikolari, servizzi relatati mal-loġistika u mat-trażmissjoni ta’ informazzjoni, ma’ telekomunikazzjonijiet, ma’ trasport bit-triq, ma’ ġbir tal-posta, ta’ gazzetti u ta’ pakketti kif ukoll mal-ġestjoni ta’ posta espress.

21      Mill-proċess jirriżulta li Chronopost, peress li kkonstatat l-użu ta’ sinjali “WEB SHIPPING”, “Web Shipping” u/jew “Webshipping” sabiex jiġi indikat servizz ta’ ġestjoni ta’ posta espress aċċessibbli fuq l-Internet minn waħda mill-kompetituri ewlenin tagħha, jiġifieri DHL International, ressqet kawża kontra din il-kumpannija, fit-8 ta’ Settembru 2004, b’mod partikolari għal vjolazzjoni tat-trade mark WEBSHIPPING, quddiem it-tribunal de grande istance de Paris (Franza), li sema’ l-kawża bħala qorti tat-trade marks Komnunitarji fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolament Nru 40/94. Permezz tas-sentenza tagħha tal-15 ta’ Marzu 2006, l-imsemmija qorti, b’mod partikolari, ikkundannat lil DHL Express France, aventi kawża ta’ DHL International, għal vjolazzjoni tat-trade mark Franċiża WEBSHIPPING li Chronopost hija l-proprjetarja tagħha, iżda madankollu ma ddeċidietx fuq il-vjolazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

22      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-cour d’appel de Paris, li kienet qed taġixxi bħala qorti tat-trade marks tat-tieni istanza fuq l-appell li sar kontra din l-imsemmija sentenza minn Chronopost, permezz ta’ sentenza tat-9 ta’ Novembru 2007, ipprojbixxiet, taħt pagamenti ta’ penalità, li jissokota l-użu minn DHL Express France tas-sinjali “WEBSHIPPING” u “WEB SHIPPING” sabiex jiġi indikat servizz ta’ ġestjoni ta’ posta espress, aċċessibbli b’mod partikolari fuq l-internet, użu li din il-qorti kkwalifikatu bħala kontravvenzjoni tat-trade mark Komunitarja u Franċiża WEBSHIPPING.

23      L-appell fil-kassazzjoni li DHL Express Franza ressqet kontra l-imsemmija sentenza ġie miċħud permezz tad-deċiżjoni tar-rinviju.

24      Madankollu, bħala parti mill-istess proċeduri quddiem il-Cour de Cassation, Chronopost ippreżentat appell inċidentali li fih hija ssostni li s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2007 kisret l-Artikoli 1 u 98 tar-Regolament Nru 40/94 sa fejn il-projbizzjoni taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità li jissoktaw atti ta’ vjolazzjoni tat-trade mark Komunitarja WEBSHIPPING, stabilita mill-cour d’appell de Paris, ma testendix għat-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea.

25      Skont il-Cour de Cassation, jirriżulta espressament mill-motivi tal-imsemmija sentenza tal-cour d’appell de Paris li, għalkemm din ma fiha ebda dispożizzjoni espressa dwar it-talba sabiex il-projbizzjoni taħt pagamenti ta’ penalità stabbilita minn din il-qorti testendi għat-territorju kollu tal-Unjoni, din il-projbizzjoni taħt pagamenti ta’ penalità għandha tinftiehem bħala li tikkonċerna t-territorju Franċiż biss.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 98 tar-Regolament Nru 98/9, il-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)       L-Artikolu 98 tar-Regolament (KE) [Nru 40/94] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni ddikjarata minn qorti tat-trade marks Komunitarji għandha effett awtomatiku fit-territorju kollu tal-Komunità?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva, il-qorti għandha d-dritt li testendi din il-projbizzjoni speċifikament fit-territorju ta’ Stati oħra li fihom il-vjolazzjonijiet huma mwettqa, jew li hemm il-periklu li jitwettqu?

3)      F’wieħed minn dawn il-każijiet, il-miżuri b’saħħa koerċitiva li [bihom] il-qorti, b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha, ikkwalifikat [il-] projbizzjoni li hija tiddeċiedi japplikaw fit-territorju tal-Istati Membri li fihom din il-projbizzjoni tipproduċi l-effett tagħha?

4)      Fil-każ kuntrarju, il-qorti tista’ tiddeċiedi miżura b’saħħa koerċitiva tali, simili jew differenti minn dik li hija tadotta skont id-dritt nazzjonali tagħha, b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-Istati li fihom din il-projbizzjoni għandha effett?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Il-kunsiderazzjonijiet preliminari

27      L-Artikolu 98 tar-Regolament Nru 40/94 jirrigwarda, kif jirriżulta mit-titolu tagħha, il-pieni għal vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja

28      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 98(1) tipprovdi li, meta l-qorti tat-trade marks Komunitarji ssib li hemm vjolazzjoni jew theddid ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, hija għandha toħroġ ordni sabiex twaqqaf li jissoktaw tali atti. It-tieni sentenza tal-Artikolu 98(1) tipprovdi li din il-qorti għandha tieħu wkoll dawk il-miżuri skont il-liġi nazzjonali li huma mmirati biex jiżguraw li din li-projbizzjoni tiġi osservata.

29      Skont l-Artikolu 98(2), il-qorti tat-trade marks Komunitarji tapplika “[f]’kull aspett ieħor […] il-liġi ta’ l-Istati Membru [l-Istat Membru] fejn twettqet il-vjolazzjoni jew it-theddida ta’ vjolazzjoni, u dan jinkludi d-dritt internazzjonali privat”.

30      Mit-termini li jintroduċi l-Artikolu 98(2), moqri fid-dawl tat-titolu tal-imsemmi Artikolu 98 kif ukoll tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari l-verżjonijiet Ġermaniża (“in Bezug auf alle anderen Fragen”), Franċiża (“par ailleurs”), Spanjola (“por otra parte”), Taljana (“negli altri casi”), u Ingliża (“in all other respects”) jirriżulta li l-Artikolu 98(2) ma jirrigwardax il-miżuri koerċittivi msemmija fl-Artikolu 98(1), li huma miżuri xierqa sabiex jiżguraw l-osservanza ta’ projbizzjoni li jissoktaw atti ta’ vjolazzjoni.

31      Peress li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw biss il-projbizzjoni li jissoktaw l-atti ta’ vjolazzjoni jew ta’ theddida ta’ vjolazzjoni u fuq il-miżuri koerċittivi intiżi li jiżguraw l-osservanza ta’ din il-projbizzjoni, għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li dawn id-domandi jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 98(1) tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq l-ewwel domanda

32      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 98(1) tar-Regolament Nru 40/94 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni li jissoktaw l-atti ta’ vjolazzjoni jew ta’ theddida ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, stabbilita minn qorti tat-trade marks Komunitarji, għandhiex effett awtomatiku fit-territorju kollu tal-Unjoni.

33      Għandu jiġi osservat li l-portata territorjali ta’ projbizzjoni li jissoktaw atti ulterjuri ta’ vjolazzjoni jew ta’ theddida ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, fis-sens tal-Artikolu 98(1) tar-Regolament Nru 40/94, hija ddeterminata kemm mill-ġurisdizzjoni territorjali tal-qorti tat-trade marks Komunitarji li tordna din il-projbizzjoni kif ukoll mill-estensjoni territorjali tad-dritt esklużiv tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja, li huwa ppreġudikat mill-vjolazzjoni jew mit-theddida ta’ vjolazzjoni, hekk kif din l-estensjoni tirriżulta mir-Regolament Nru 40/94.

34      Fir-rigward, minn naħa, tal-ġurisdizzjoni territorjali tal-qorti tat-trade marks Komunitarji, għandu qabelxejn jitfakkar li, skont l-Artikolu 14(1) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, il-kontravvenzjoni tat-trade mark Komunitarja hija rregolata mid-dritt nazzjonali dwar il-kontravvenzjoni ta’ trade mark nazzjonali skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu X ta’ dan ir-regolament. Ir-regoli ta’ proċedura applikabbli huma ddeterminati skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu X, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni u l-proċedura f’kawżi li jirrigwardaw trade marks Komunitarji” u jinkludi l-Artikoli 90 sa 104 tal-istess regolament.

35      Skont l-Artikolu 92(a) tar-regolament, il-qrati tat-trade mark Komunitarja għandhom ġurisdizzjoni esklużiva fuq kull kawża ta’ vjolazzjoni u, jekk dawn huma permissibbli taħt il-liġi nazzjonali, kawżi dwar theddida ta’ vjolazzjoni ta’ trade marks Komunitarji.

36      F’dan il-każ, mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja minn Chronopost jirriżulta li quddiem il-qorti tat-trade marks Komunitarji saret kawża abbażi tal-Artikolu 93(1) u (4) tar-Regolament Nru 40/94. Skont l-istess osservazzjonijiet, it-talba sabiex tintemm il-kontravvenzjoni jew it-theddida ta’ kontravvenzjoni ma hijiex ibbażata fuq l-Artikolu 93(5).

37      Skont l-Artikolu 93(1) sa (4) tar-Regolament Nru 40/94, moqri flimkien mal-Artikolu 94(1) tiegħu, il-qorti ta’ trade marks Komunitarji, li hija stabbilita, skont l-Artikolu 91 ta’ dan ir-regolament, sabiex tipproteġi d-drittijiet mogħtija minn trade mark Komunitarja, għandha ġurisdizzjoni, b’mod partikolari, fuq fatti ta’ vjolazzjoni mwettqa jew fejn hemm theddida li jitwettqu fit-territorju ta’ kull Stat Membru.

38      Għaldaqstant, qorti ta’ trade marks Komunitarji, bħal dik li quddiemha hemm il-kawża prinċipali għandha ġurisdizzjoni fuq fatti ta’ vjolazzjoni mwettqa jew mhedda li jitwettqu fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew iktar, jew l-Istati Membri kollha kemm huma. Għalhekk, il-ġurisdizzjoni tagħha tista’ testendi għat-territorju kollu tal-Unjoni.

39      Min-naħa l-oħra, id-dritt esklużiv tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja, mogħti skont ir-Regolament Nru 40/94, jestendi, fil-prinċipju, għat-territorju kollu tal-Unjoni, fejn fih it-trade marks Komunitarji għandhom protezzjoni uniformi u jipproduċu l-effetti tagħhom.

40      Fil-fatt, skont l-Artikolu 1(2) tal-imsemmi regolament, it-trade mark Komunitarja għandha karattru unitarju. Peress li għandha l-istess effetti fl-Unjoni kollha, hija ma tistax, skont din id-dispożizzjoni, tiġi rreġistrata jew ittrasferita, tiġi rrinunzjata jew tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni li tirrevoka d-drittijiet tal-proprjetarju jew li tiddikjaraha bħala invalida, u l-anqas ma jista’ jiġi pprojbijt l-użu tagħha, sakemm mhux fir-rigward tal-Unjoni kollha. Dan il-prinċipju għandu japplika sakemm l-istess regolament ma jipprovdix mod ieħor.

41      Barra minn hekk, mit-tieni premessa tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li l-għan ta’ dan ir-regolament jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ sistema Komunitarja ta’ trade marks li jgawdu minn protezzjoni uniformi u li jipproduċu l-effetti tagħhom fit-territorju kollu tal-Unjoni.

42      Il-karattru unitarju tat-trade mark Komunitarja jirriżulta wkoll mill-ħmistax u s-sittax-il premessa tal-istess regolament. Skont dawn, minn naħa, huwa indispensabbli li l-effetti tad-deċiżjonijiet dwar il-validità u l-vjolazzjoni ta’ trade marks Komunitarji jestendu għall-Unjoni kollha, sabiex jiġu evitati kemm deċiżjonijiet kunfliġġenti tal-qrati u tal-UASI kif ukoll kontravvenzjonijiet għall-karattru unitarju ta’ trade marks Komunitarji u, min-naħa l-oħra, għandu jkun evitat li jingħataw sentenzi kunfliġġenti bħala riżultat ta’ kawżi fejn hemm l-istess partijiet involuti u li huma jsiru għall-istess fatti abbażi ta’ trade mark Komunitarja u ta’ trade marks nazzjonali paralleli.

43      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-punt 60 tas-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Nokia (C‑316/05, Ġabra p. I‑12083), li l-għan tal-Artikolu 98(1) tar-Regolament Nru 40/94 huwa li jipproteġi b’mod uniformi d-dritt mogħti mit-trade mark Komunitarja fit-territorju kollu tal-Unjoni kontra r-riskju ta’ vjolazzjoni.

44      Sabiex tiġi żgurata din il-protezzjoni uniformi, il-projbizzjoni li jissoktaw l-atti ta’ vjolazzjoni jew ta’ theddida ta’ vjolazzjoni imposta minn qorti tat-trade marks Komunitarji kompetenti għandha għaldaqstant, fil-prinċipju, testendi għat-territorju kollu tal-Unjoni.

45      Fil-fatt, jekk il-portata territorjali ta’ din il-projbizzjoni kienet, għall-kuntrarju, limitata għat-territorju tal-Istat Membru li għalih din il-qorti kkonstatat l-att ta’ vjolazzjoni jew ta’ theddida ta’ vjolazzjoni jew għat-territorju tal-Istati Membri waħedhom li taw lok għal tali konstatazzjoni, ikun hemm riskju li l-konvenut jerġa’ jibda jisfrutta s-sinjal inkwistjoni fi Stat Membru li fir-rigward tiegħu l-projbizzjoni ma kinitx stabbilita. Barra minn hekk, il-proċeduri ġudizzjarji ġodda li l-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja jkollu jieħu ser iżidu, b’mod proporzjonat għalihom, ir-riskju ta’ deċiżjonijiet kunfliġġenti dwar it-trade mark Komunitarja msemmija, b’mod partikolari, minħabba l-evalwazzjoni fattwali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Issa, tali konsegwenza hija kontra kemm l-għan ta’ protezzjoni uniformi tat-trade mark Komunitarja segwit mir-Regolament Nru 40/94 kif ukoll il-karattru unitarju tal-istess trade mark, kif imfakkra fil-punti 40 sa 42 ta’ din is-sentenza.

46      Madankollu, il-portata territorjali tal-projbizzjoni tista’, f’ċerti każijiet, tiġi limitata. Fil-fatt, id-dritt esklużiv tal-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja, ipprovdut fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 40/94, ingħata sabiex jippermetti lil dan il-proprjetarju jipproteġi l-interessi speċifiċi tiegħu bħala proprjetarju, jiġifieri sabiex jiżgura li din it-trade mark tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet tagħha. Għaldaqstant, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandu jkun irriżervat għall-każijiet li fihom l-użu tas-sinjal minn terz jippreġudika jew ikun jista’ jippreġudika l-funzjonijiet tat-trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google, C‑236/08 sa C‑238/08, Ġabra p. I‑2417, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Minn dan isegwi, kif il-Kummissjoni Ewropea osservat, li d-dritt esklużiv tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja u, konsegwentement, l-estensjoni territorjali ta’ dan id-dritt, ma jistgħux imorru lil hinn minn dak li jippermetti lill-proprjetarju tagħha sabiex jipproteġi t-trade mark tiegħu, jiġifieri li jiġi pprojbit biss kull użu li jista’ jippreġudika l-funzjonijiet tat-trade mark. L-atti jew l-atti futuri tal-konvenut, jiġifieri l-persuna li tagħmel l-użu illegali tat-trade mark Komunitarja, li ma jippreġudikawx il-funzjonijiet tat-trade mark Komunitarja, ma jistgħux għaldaqstant ikunu pprojbiti.

48      Għaldaqstant, hekk, jekk il-qorti ta’ trade marks Komunitarji li quddiemha titressaq kawża f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali tikkonstata li l-atti ta’ vjolazzjoni jew ta’ theddida ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja huma limitati għal Stat Membru wieħed jew għal parti mit-territorju tal-Unjoni, b’mod partikolari, peress li l-applikant għall-ordni ta’ projbizzjoni ikun irrestrinġa l-portata territorjali tal-kawża tiegħu fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa libera tiegħu li jiddetermina l-estensjoni tal-kawża li jressaq jew minħabba li l-konvenut jipproduċi l-prova li l-użu tas-sinjal inkwistjoni ma jippreġudikax jew ma jistax jippreġudika l-funzjonijiet tat-trade mark, b’mod partikolari minħabba raġunijiet lingwistiċi, din il-qorti għandha tillimita l-portata territorjali tal-projbizzjoni li hija tistabbilixxi.

49      Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li l-portata territorjali ta’ projbizzjoni li jissoktaw atti ta’ vjolazzjoni jew ta’ theddida ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja tista’ testendi għat-territorju kollu tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 90 tar-Regolament Nru 40/94, li jitratta l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, moqri flimkien mal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 44/2001, l-Istati Membri l-oħra huma, fil-prinċipju, obbligati li jirrikonoxxu u jeżegwixxu d-deċiżjoni ġudizzjarja, u b’hekk din tal-aħħar tingħata effett transkonfinali.

50      Għaldaqstant għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 98(1) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-portata tal-projbizzjoni li jissoktaw atti ta’ vjolazzjoni jew ta’ theddida ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja stabbilita minn qorti tat-trade marks Komunitarja, li għandha ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikoli 93(1) u (4) u 94(1) ta’ dan ir-regolament, testendi, fil-prinċipju, għat-territorju kollu tal-Unjoni.

 Fuq it-tieni domanda

51      Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

52      Permezz tat-tielet u tar-raba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 98(1) tar-Regolament Nru 40/94 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li miżura koerċittiva, bħalma huma pagamenti ta’ penalità, ordnata minn qorti tat-trade mark Komunitarja, skont id-dritt nazzjonali tagħha, sabiex tiżgura l-osservanza tal-projbizzjoni li jissoktaw atti ulterjuri ta’ vjolazzjoni jew ta’ theddida ta’ vjolazzjoni li hija stabbiliet, tista’ tipproduċi effett fl-Istati Membri l-oħra barra mill-Istat Membru ta’ dik il-qorti, li l-portata territorjali ta’ tali projbizzjoni testendi għalihom. F’każ ta’ risposta negattiva, l-istess qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-qorti tat-trade marks Komunitarja tista tistabbilixxi tali miżura, simili jew differenti minn dik adottata skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu hija estiża l-portata tal-imsemmija projbizzjoni..

53      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li, f’dak li jirrigwarda d-dritt applikabbli għall-miżuri koerċittivi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li fost il-miżuri previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-qorti tat-trade marks Komunitarji li quddiemha titressaq il-kawża, din l-istess qorti għandha tieħu dawk il-miżuri li huma adegwati sabiex jiggarantixxu l-osservanza ta’ din il-projbizzjoni li hija ordnat (sentenza Nokia, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

54      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li miżuri koerċittivi, ordnati mill-qorti tat-trade marks Komunitarji skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru tal-istess qorti, jistgħu jilħqu l-għan li għalihom huma stabbiliti, jiġifieri li tiġi ggarantita l-osservanza tal-projbizzjoni sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva fit-territorju tal-Unjoni tad-dritt mogħti mit-trade mark Komunitarja kontra r-riskju ta’ vjolazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nokia, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60), biss jekk dawn ikollhom effett fl-istess territorju bħal dak li fih id-deċiżjoni ġudizzjarja ta’ projbizzjoni tipproduċi hija stess effetti.

55      Fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni ta’ projbizzjoni kif ordnata mill-qorti tat-trade marks Komunitarji ġiet miżjuda b’pagamenti ta’ penalità minn din tal-aħħar skont id-dritt nazzjonali. Sabiex tipproduċi effett fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għajr dak tal-qorti ordnat li ordnat l-imsemmija miżura koerċittiva, qorti ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor li quddiemha titressaq il-kawża f’dan ir-rigward għandha, skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 44/2001, tirrikonoxxi u teżegwixxi din il-miżura skont ir-regoli u l-proċeduri preskritti mid-dritt ta’ dan l-aħħar Stat.

56      Fil-każ fejn id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li kien rikjest sabiex tiġi rikonoxxuta u eżegwita d-deċiżjoni tal-qorti tat-trade mark Komunitarji ma jipprovdi ebda miżura koerċittiva analoga għal dik ordnata mill-qorti tat-trade marks Komunitarji li ordnat projbizzjoni fuq li jissoktaw atti ta’ vjolazzjoni jew ta’ theddida ta’ vjolazzjoni u żiedet ma’ din il-projbizzjoni tali miżura sabiex tiggarantixxi l-osservanza tagħha, il-qorti ta’ dak l-Istat Membru li quddiemha titressaq il-kawża għandha, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, tilħaq l-għan segwit mill-imsemmija miżura billi tirrikorri għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali tagħha li huma tali li jiżguraw b’mod ekwivalenti l-osservanza tal-projbizzjoni inizjalment stabbilita.

57      Fil-fatt, dan l-obbligu li jinkiseb l-għan segwit mill-imsemmija miżura jikkostitwixxi l-estensjoni tal-obbligu impost fuq il-qrati tat-trade marks Komunitarji li jieħdu miżuri koerċittivi meta jagħtu deċiżjoni dwar il-projbizzjoni li jissoktaw atti ta’ vjolazzjoni jew ta’ theddida ta’ vjolazzjoni. Mingħajr dawn l-obbligi relatati, tali projbizzjoni tista’ ma tiġix miżjuda ma’ miżuri neċessarji sabiex jiggarantixxu l-osservanza tagħha, hekk li tkun, fil-biċċa l-kbira, nieqsa minn effett dissważiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nokia, iċċitata iktar ’il fuq, punti 58 u 60).

58      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huma l-qrati tal-Istati Membri, bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fit-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 4(3)TUE, li għandhom jiżguraw il-protezzjoni legali tad-drittijiet tal‑individwi mogħtija lilhom mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punti 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont l-istess dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw li l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jitwettqu. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji sabiex jiġi żgurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-direttiva, li fosthom hemm, b’mod partikolari, id-dritt tal-proprjetarji tat-trade marks. Skont l-Artikolu 3(2) tal-istess direttiva, dawn il-miżuri, proċeduri u rimedji għandhom ikunu wkoll effettivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri sabiex jiġi leġitimizzat il-kummerċ u sabiex jiġu pprovduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domandi li t-tieni sentenza tal-Artikolu 98(1) tar-Regolament Nru 40/94 għandha tiġi interpretata fis-sens li miżura koerċittiva, bħalma huma pagamenti ta’ penalità, ordnata minn qorti tat-trade marks Komunitarji skont id-dritt nazzjonali tagħha, sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ projbizzjoni li jissoktaw atti ta’ vjolazzjoni ta’ theddida ta’ vjolazzjoni li hija stabbilixxiet, tipproduċi effett fl-Istati Membri l-oħra barra mill-Istat Membru ta’ dik il-qorti u li l-portata territorjali ta’ tali projbizzjoni testendi għalihom, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 44/2001 fejn jirrigwarda r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi. Meta d-dritt nazzjonali ta’ wieħed minn dawn l-Istat Membri l-oħra ma għandu ebda miżura koerċittiva analoga għal dik stabbilita mill-imsemmija qorti, l-għan segwit minn din il-miżura għandu jinkiseb mill-imsemmija qorti kompetenti ta’ dan l-Istat Membru permezz tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali tagħha tali li jiżguraw b’mod ekwivalenti l-osservanza tal-imsemmija projbizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

60      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 98(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3288/94, tat-22 ta’ Diċembru 1994, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-portata tal-projbizzjoni li jissoktaw atti ta’ vjolazzjoni jew ta’ theddida ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja stabbilita minn qorti tat-trade marks Komunitarja, li għandha ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikoli 93(1) u 94(1) ta’ dan ir-regolament testendi, fil-prinċipju, għat-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea.

2)      It-tieni sentenza tal-Artikolu 98(1) tar-Regolament Nru 40/94, kif emendata bir-Regolament Nru 3288/94, għandha tiġi interpretata fis-sens li miżura koerċittiva, bħalma huma pagamenti ta’ penalità, ordnata minn qorti tat-trade marks Komunitarji skont id-dritt nazzjonali tagħha, sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ projbizzjoni li jissoktaw atti ta’ vjolazzjoni jew ta’ theddida ta’ vjolazzjoni li hija stabbilixxiet, tipproduċi effett fl-Istati Membri l-oħra barra mill-Istat Membru ta’ dik il-qorti u li l-portata territorjali ta’ tali projbizzjoni testendi għalihom, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, fejn jirrigwarda r-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi. Meta d-dritt nazzjonali ta’ wieħed minn dawn l-Istat Membri l-oħra ma għandu ebda miżura koerċittiva analoga għal dik stabbilita mill-imsemmija qorti, l-għan segwit minn din il-miżura għandu jinkiseb mill-qorti kompetenti ta’ dan l-Istat Membru permezz tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali tagħha tali li jiżguraw b’mod ekwivalenti l-osservanza tal-imsemmija projbizzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.