Language of document : ECLI:EU:C:2012:544

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-6 ta’ Settembru 2012 (1)

Kawża C‑226/11

Expedia Inc.

vs

Autorité de la concurrence et

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation]

“Kompetizzjoni — Artikolu 81 KE — Restrizzjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni — Evalwazzjoni tan-natura sinjifikattiva tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni ‘minħabba l-għan’ — Notifika ‘de minimis’ tal-Kummissjoni (Komunikazzjoni dwar ftehim ta’ importanza minuri) — Nuqqas ta’ qbiż tal-kriterji ta’ sehem mis-suq previsti fil-Komunikazzjoni de minimis — Setgħa tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li madankollu japplikaw l-Artikolu 81 KE u li jimponu sanzjonijiet — Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003”





I –    Introduzzjoni

1.        Il-komunikazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-qasam tal-liġi dwar il-kompetizzjoni jivvinkolaw lill-qrati u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni? Din hija essenzjalment il-kwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab issolvi f’dan il-każ. Din il-kwistjoni titressaq b’rabta mal-Komunikazzjoni “de minimis” (2) (magħrufa wkoll taħt l-isem “Komunikazzjoni dwar ftehim ta’ importanza minuri”), li tippreċiża ċ-ċirkostanzi li fihom il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kompetizzjoni hija ristretta b’mod sinjifikattiv skont l-Artikolu 81 KE (li sar l-Artikolu 101 TFUE).

2.        Hija l-Cour de cassation Franċiża (3) li, adita b’kawża bejn l-aġenzija tal-vjaġġi online Expedia u l-Awtorità Franċiża tal-Kompetizzjoni (4), għamlet din id-domanda. Expedia kienet ħolqot impriża komuni mas-Société nationale des chemins de fer (iktar ’il quddiem l-“SNCF”) għall-bejgħ ta’ biljetti ta’ ferrovija u servizzi oħra relatati mal-ivvjaġġar. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, Expedia kisbet aċċess privileġġat għas-sit Internet “voyages‑sncf.com” maħluq mill-SNCF, tant li bbenefikat għas-servizzi minn trattament preferenzjali li l-aġenziji tal-vjaġġi l-oħra ma kellhomx. Peress li dan il-ftehim kien jirrestrinġi illegalment il-kompetizzjoni bi ksur kemm tal-Artikolu 81 KE kif ukoll tad-dispożizzjoni korrispondenti tad-dritt nazzjonali, l-Awtorità Franċiża tal-Kompetizzjoni imponiet multi lil Expedia u lill-SNCF.

3.        Il-partijiet fil-kawża prinċipali qabel kollox ma jaqblux fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-ftehim kontenzjuż konkluż bejn Expedia u l-SNCF wassalx għal restrizzjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 81 KE. Expedia tafferma li l-kriterju ta’ sehem mis-suq ta’ 10 % iddefinit fil-Komunikazzjoni de minimis tal-Kummissjoni ma kienx intlaħaq, b’mod li l-Awtorità Franċiża tal-Kompetizzjoni ma misshiex ikkonkludiet li kienet hemm restrizzjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni.

4.        Huwa f’dan il-kuntest li l-Cour de cassation tixtieq tkun taf jekk l-awtoritajiet nazzjonali jistgħux, skont l-Artikolu 3(2), tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (5), jikkunsidraw li l-kompetizzjoni hija ristretta b’mod sinjifikattiv anki jekk il-limitu ċċitat iktar ’il fuq ta’ 10 % ma jinqabiżx. Il-qorti suprema Franċiża tenfasizza b’mod partikolari li, skont il-konstatazzjonijiet fattwali stabbiliti fil-kawża prinċipali, il-ftehim kontenzjuż konkluż bejn Expedia u l-SNCF kellu mhux biss effett, iżda wkoll għan antikompetittiv.

5.        Ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkontribwixxi b’mod determinanti sabiex tippreċiża l-kamp ta’ applikazzjoni li l-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollhom fil-futur fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE. Barra minn hekk din il-kawża toffri l-okkażjoni li jiġi ppreċiżat, kemm fuq livell tal-Unjoni kif ukoll fuq livell nazzjonali, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont is-suġġett tkun tista’ tiġi rreġistrata. Dawn iż-żewġ punti huma ta’ importanza kunsiderevoli għall-funzjonament tajjeb tas-sistema deċentralizzata għall-implementazzjoni tad-dritt tal-akkordji, stabbilit permezz tar-Regolament Nru 1/2003.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

6.        Peress li d-deċiżjoni kontenzjuża tal-Kunsill Franċiż tal-Kompetizzjoni ġiet adottata fix-xahar ta’ Frar 2009, id-domanda preliminari għandha tiġi eżaminata abbażi tar-regoli li jipprovdu għall-projbizzjoni tal-ftehim antikompetittiv (jew “regoli li jipprojbixxu l-akkordji”) fil-verżjoni applikabbli tagħhom qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, il-kawża attwali hija rregolata mill-Artikolu 81(1) KE u mir-Regolament Nru 1/2003 adottat għall-implimentazzjoni tiegħu. Il-kummenti tiegħi dwar l-Artikolu 81 KE huma madankollu validi wkoll għall-Artikolu 101 TFUE, iċċitat mill-qorti tar-rinviju.

7.        Fir-rigward tar-“[r]elazzjoni bejn l-Artikolu 81 KE […] u liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni” l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi b’mod partikolari:

“1. Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri u qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal ftehim, deċiżjonijiet min assoċjazzjonijiet tal-impriża jew prattiċi miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81 [KE] li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens ta’ din id-disposizzjoni, dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu 81 [KE] għal ftehim bħal dawn, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma. [...]

2. L-applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma tistax twassal għal projbizzjoni ta’ ftehim, deċiżjonijiet min assoċjazzjonijiet ta’ l-impriża jew prattiċi miftiehma li jista jaffetwa il-kummerċ bejn l-Istati Membri imma ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) [KE], jew ma jilħaqx il-kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81(3) [KE] jew li huma kopruti min xi Regolament għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(3) [KE]. [...]

[...]”

8.        Fir-rigward tal-“[k]operazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri” l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi:

“Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità f’koperazzjoni [mill-qrib].”

9.        Għandhom jissemmew ukoll, b’mod supplementari, l-ispjegazzjonijiet li jinstabu fil-premessi 1, 6, 8, 14, 15, 22 u 34 tar-Regolament Nru 1/2003:

“(1) Sabiex jistabbilixxi sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni fis-suq [intern] ma tiġix distorta, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat irridu jiġu applikati effettivament u b’mod uniformi [fl-Unjoni]. [...]

[...]

(6) Sabiex jiżgura li l-liġijiet tal-kompetizzjoni [tal-Unjoni] huma applikati b’mod effettiv, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri għandhom ikun assoċjati aktar mil-qrib ma l-applikazzjoni tagħhom. Għal dan il-għan, għandhom is-saħħa li japplikaw il-liġijiet [tal-Unjoni].”

[...]

(8) Sabiex jiżgura l-infurzar effettiv tal-liġijiet tal-kompetizzjoni [tal-Unjoni] u il-funżjoni propja tal-mekkaniżmi tal-koperazzjoni li jinsabu fir-Regolament, huwa neċċessarju l-obligu ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati tal-Istati Membri li huma ukoll japplikaw l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] billi huma japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompettitività lil ftehim u prattiki li jistgħu jaffetwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Sabiex jiġu kreati kondizzjonijet ugwali għal ftehim, deċiżjonijiet permezz ta’ assoċjazzjoni ta’ impriża u prattiċi miftiehma fi ħdan is-suq intern, huwa ukoll neċċessarju li jistabilixxi [...]ir-relazzjoni bejn il-liġijiet nazzjonali u l-liġi tal-kompetizzjoni tal-[Unjoni]. Sabiex dan iseħħ huwa neċessarju li l-ligijiet nazzjonali tal-kompettività provduti jiġu applikati għal ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma fi ħdan s-sens ta’ l-Artikolu 81(1) [KE] ma għandhomx iwasslu għall-projbizzjoni ta’ dan il-ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma sa kemm mhux projbiti taħt il-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-[Unjoni]. [...]

[...]

(14) F’każi eċċezzjonali fejn hu obbligu minħabba l-interess tal-pubbliku [tal-Unjoni], jista jkun spedjenti għall-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni ta’ natura deklarattiva ssib li l-projbizzjoni fl-Artikolu 81 [KE] jew l-Artikolu 82 [KE] ma japplikax, b’skop li l-liġi tiġi klarifikata u tiġi applikata b’mod konsistenti fi ħdan [l-Unjoni], b’mod partikolari b’rigward tipi ġodda ta’ ftehim u prattiċi li ma ġewx irranġati b’liġijiet u prattiċi amministrattivi esistenti”.

(15) Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri għandhom jifformaw netwerk ta’ awtoritajiet pubbliċi flimkien fejn japplikaw liġijiet tal-kompetizzjoni [tal-Unjoni] f’koperazzjoni [mill-qrib]. [...]

[...]

(22) Sabiex tiżgura qbil mal-prinċipji ċerti legali u l-applikazzjoni uniformi tal-liġijiet tal-kompettività [tal-Unjoni] f’sistema ta poteri paralleli, deċizzjonijiet li huma f’kunflitt għandhom jiġu evitati. [...]

[...]

(34) Il-prinċipji stabbiliti mil-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] [...] ingħataw rwol ċentrali lill-korpi tal-[Unjoni]. Dan ir-rwol ċentrali għandu jinżamm, waqt li l-Istati Membri jassoċjaw ruħhom aktar mil-viċin mal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni [tal-Unjoni]. [...]

[...]”

10.      F’dan il-każ, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-Komunikazzjoni de minimis adottata mill-Kumissjoni fl-2001. Din il-komunikazzjoni tiddikjara b’mod partikolari dan li ġej:

“[...]

2.      Fin-notifika attwali, il-Kummissjoni tikkwantifika permezz tal-limiti [kriterji] tas-sehem mis-suq, dak li ma jikkostitwixxix restrizzjoni b’mod apprezzabbli [sinjifikattiv] tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81 [KE].

[...]

4.      Il-Kummissjoni mhijiex se tibda proċedura fuq talba jew fuq inizjattiva tagħa stess fil-każijiet li huma koperti mill-Komunikazzjoni attwali. Fejn l-intrapriżi jassumu in bona fide li ftehim huwa kopert min-Notifika attwali, il-Kummissjoni mhix se timponi multi. Għalkemm mhijiex vinkolanti fir-rigward tagħhom, in-notifika attwali għandha l-għan ukoll li tagħti indikazzjonijiet lill-Qrati u l-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE].

[...]

6.      In-notifika attwali ma taffettwax l-interpretazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] li tista’ tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali [...].

[...]

7.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ftehimiet bejn l-intrapriżi li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri ma jirrestrinġux b’mod apprezzabbli [sinjifikattiv] l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) [KE]:

a)      jekk is-sehem mis-suq ikkombinat li jkollhom il-partijiet għall-ftehim ma jaqbiżx l-10 % fuq l-ebda mis-swieq rilevanti affettwati mill-imsemmi ftehim, meta l-ftehim isir minn intrapriżi li huma kompetituri eżistenti jew potenzjali fuq kwalunwke minn dawn is-swieq (ftehimiet bejn kompetituri) [...]

[...]

11.      Il-punti 7, 8, u 9 ma japplikawx għall-ftehim li jkun fih kwalunkwe mir-restrizzjoni karatterizzata (minn hawn ’il quddiem imsejħa “restrizzjonijiet prinċipali”) li jmiss. [...]

[...]”

B –    Id-dritt nazzjonali

11.      Fost id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Franċiż, għandu qabel kollox jissemma l-Artikolu L420‑1 tal-Kodiċi tal-Kummerċ li, essenzjalment, jipprekludi l-akkordji bl-istess mod bħall-Artikolu 81 KE (li sar l-Artikolu 101 TFUE) fil-livell tal-Unjoni.

12.      Barra minn hekk, l-Artikolu L464‑6‑1 tal-Kodiċi tal-Kummerċ jinkludi l-kriterji ddefinti mill-Komunikazzjoni de minimis tal-Kummissjoni u jħalli f’idejn l-Awtorità tal-Kompetizzjoni sabiex tiddeċiedi jekk il-proċedura għandhiex tiġi implementata f’każ ta’ ftehim ta’ importanza minuri (6). Għalhekk, jekk il-kriterji ta’ sehem mis-suq imsemmija fil-Komunikazzjoni de minimis ma jinkisbux mill-impriżi li huma partijiet għall-ftehim, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni tista’ tiddeċiedi li ma tkomplix il-proċedura.

III – Il-fatti u l-kawża prinċipali

13.      Bil-għan li jiġi żviluppat il-bejgħ tal-biljetti tal-ferrovija u tal-vjaġġi fuq l-Internet, l-SNCF bdiet tfittex imsieħeb tal-esperjenza. L-għażla tagħha waqgħet fuq Expedia, kumpannija rregolata mid-dritt Amerikan speċjalizzata fil-bejgħ tal-vjaġġi fuq l-internet. F’Settembru 2001, l-SNCF u Expedia kkonkludew iktar minn ftehim wieħed sabiex jissiġillaw il-kooperazzjoni tagħhom u joħolqu sussidjarja konġunta (GL Expedia) li biddlet isimha fl-2004 sabiex issir Agence Voyages‑sncf.com (Agence VSC). Is-sit Internet voyages‑sncf.com, preċedentement iddedikat għall-informazzjoni, ir-riżervazzjoni u l-bejgħ tal-biljetti tal-ferrovija fuq l-Internet, minn dakinhar ’l hawn mexxiet l-attività tal-kumpanija konġunta u biddlet ruħha sabiex toffri, minbarra l-benefiċċji inizjali tagħha, attività ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar online.

14.      Wara lment minn bosta impriżi kompetituri, l-Awtorità Franċiża tal-Kompetizzjoni kkonstatat, permezz tad-deċiżjoni Nru 09-D-06 tal-5 ta’ Frar 2009, li l-SNCF u Expedia kienu implementaw prattiki ta’ akkordju pprojbiti mil-Artikolu 81 KE u mill-Artikolu L420‑1 tal-Kodiċi tal-Kummerċ. Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni kkunsidrat li l-prattika miftiehma tal-SNCF u ta’ Expedia kellha għan antikompetittiv. Bħala sanzjoni, hija imponiet lil Expedia multa ta’ EUR 500 000 u lill-SNCF multa ta’ EUR 5 000 000.

15.      Fil-proċedura amministrattiva quddiem l-awtorità tal-kompetizzjoni, Expedia argumentat, essenzjalment, li l-kriterji previsti mill-Komunikazzjoni de minimis tal-Kummissjoni kif ukoll il-kriterji ekwivalenti previsti mill-Artikolu L464‑6‑1 tal-Kodiċi tal-Kummerċ ma ġewx sodisfatti minħabba allegat żball ta’ kalkolu (7). Fin-nuqqas ta’ sehem mis-suq ta’ 10 %, Expedia tqis li, peress li l-Komunikazzjoni de minimis tippreskrivi l-kundizzjonijiet li fihom il-kompetizzjoni tiġi ristretta b’mod sinjifikattiv fis-sens tal-Artikolu 81 KE, l-awtorità nazzjonali ma kellhiex timponi sanzjoni skont l-Artikolu 3(2), tar-Regolament Nru 1/2003. Skont Expedia, il-liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni ma għandhiex tkun iktar stretta mid-dritt tal-Unjoni fuq dan il-punt.

16.      L-Awtorità tal-Kompetizzjoni rrifjutat dawn l-argumenti minħabba l-fatt li l-SNCF u Expedia kienu kompetituri fis-suq affettwat tas-servizzi online ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar tad-divertiment u li dawn kellhom iktar minn 10 % mis-sehem ta’ dan is-suq. Hija ddikjarat ukoll li l-ftehim konkluż bejn Expedia u l-SNCF kellu għan antikompetittiv.

17.      Għalhekk Expedia appellat lill-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi sabiex tikkontesta d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni. Il-Qorti tal-Appell ma indirizzatx direttament il-kwistjoni tal-kalkolu tas-sehem tal-Agence VSC fis-suq inkwistjoni. Fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ Frar 2010, hija tindika, b’riferiment għall-verb “tista’” fl-Artikolu L464-6-1 tal-Kodiċi tal-Kummerċ, li l-investigazzjoni u r-repressjoni tal-akkordji hija wkoll possibbli meta l-kriterji ta’ sehem mis-suq ma jintlaħqux. Sakemm il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE jiġu sodisfatti (liema fatt il-Qorti tal-Appell ammettiet f’dan il-każ), l-Artikolu 3(2), tar-Regolament Nru 1/2003 lanqas ma jmur kontra, skont il-Qorti tal-Appell, il-fatt li tiġi imposta multa.

18.      Wara appell fil-kassazzjoni ppreżentat minn Expedia kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Appell, il-kawża tinstab minn issa ’l quddiem f’idejn il-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-Cour de cassation (8).

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.      Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Mejju 2011, irċevuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Mejju 2011, il-Cour de cassation Franċiża ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

L-Artikolu 101(1) TFUE u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu milli jsiru proċeduri kontra u milli jingħataw sanzjonijiet minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fuq il-bażi kemm tal-Artikolu 101(1) TFUE kif ukoll tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ prattiki ta’ ftehim, deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriża jew prattiki miftiehma li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri, iżda li ma jilħqux il-livelli stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni tagħha tat-22 ta’ Diċembru 2001, dwar ftehim ta’ importanza minuri li ma jirrestrinġux b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni taħt l-Artikolu 81(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (de minimis) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 125)?

20.      Expedia, l-Awtorità Franċiża tal-Kompetizzjoni, il-gvern Franċiż, Taljan u Pollakk, l-Irlanda, il-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn l-istess partijiet ipparteċipaw ukoll fis-seduta tas-27 ta’ Ġunju 2012, ħlief l-Irlanda u l-gvern Taljan u Pollakk.

V –    Kunsiderazzjonijiet

21.      Sabiex tiġi riżolta din il-kawża, wieħed għandu jibbaża ruħu skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi rabta stretta bejn id-dritt tal-akkordji tal-Unjoni u dak tal-Istati Membri (9). Filwaqt li r-regoli nazzjonali li jipprojbixxu l-akkordji jiġu applikati għal akkordju li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 timponi li jiġi applikat ukoll fir-rigward tiegħu, b’mod parallel, l-Artikolu 81 KE (l-Artikolu 101 TFUE) (10).

22.      Barra minn hekk, meta d-dritt tal-akkordji tal-Unjoni u dak ta’ Stat Membru japplikaw b’mod parallel, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jiggarantixxi s-supremazija tal-prinċipji superjuri tad-dritt tal-akkordji tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-ftehim bejn impriżi jista’ jiġi pprojbit mid-dritt nazzjonali biss jekk dan ikun ipprojbit ukoll taħt id-dritt tal-Unjoni (11). Għaldaqstant id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni ma għandux għalhekk jipproduċi riżultati iktar stretti mill-Artikolu 81 KE.

23.      Peress li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li huwa biss il-ftehim bejn l-impriżi (12) li għandu bħala għan jew bħala effett li jirrestrinġi b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni jista’ jiġi investigat u jitneħħa skont l-Artikolu 81 KE (13), l-Artikolu 3(2), tar-Regolament Nru 1/2003 jeżiġi li l-kriterju ta’ restrizzjoni sinjifikattiva jiġi wkoll osservat meta, bħal f’dan il-każ, id-dritt tal-akkordji tal-Unjoni u dak ta’ Stat Membru jkunu japplikaw b’mod parallel quddiem l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali.

24.      F’dan il-qafas, il-Cour de cassation tixtieq tkun taf jekk, sabiex ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni tkun sinjifikattiva, l-awtoritajiet nazzjonali għandhomx bilfors jibbażaw ruħhom mill-kriterji stabbiliti fuq livell tal-Unjoni fil-Komunikazzjoni de minimis tal-Kummissjoni. Huwa b’mod partikolari importanti għall-Cour de cassation li tkun taf jekk awtorità nazzjonali tistax tikkunsidra li l-kompetizzjoni hija ristretta b’mod sinjifikattiv meta l-ftehim li jiġi sottomess lilha jippreżenta għan antikompetittiv mingħajr madankollu ma jintlaħqu l-kriterji ta’ sehem mis-suq iddefiniti fil-Komunikazzjoni de minimis.

25.      Fost il-partijiet fil-proċedura li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, Expedia biss issostni li l-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni huma marbuta bil-kriterji ta’ sehem mis-suq tal-Komunikazzjoni de minimis, inkluż meta l-ftehim inkwistjoni jippreżenta għan antikompetittiv. Min-naħa l-oħra l-gvernijiet u l-awtoritajiet l-oħra li pparteċipaw fil-proċedura jikkunsidraw li l-Komunikazzjoni de minmis ma tivvinkolax lill-awtoritajiet nazzjonali. Uħud minnhom isostnu barra minn hekk li ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat b’mod konkret il-kriterju ta’ restrizzjoni sinjifikattiva meta jitressqu azzjonijiet kontra ftehim li l-għan tiegħu jkun antikompetittiv.

A –    Nuqqas ta’ effett legali restrittiv tal-Komunikazzjoni de minimis

26.      Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja f’kuntest differenti, il-komunikazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-qasam tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni ma jipproduċux effett legali restrittiv għall-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali (14). Għalhekk l-istess jgħodd f’dan il-każ għall-Komunikazzjoni de minimis u għall-kriterji ta’ sehem mis-suq li huma hawnhekk iddefiniti. Dan ma jirriżultax biss mill-formulazzjoni ta’ din il-komunikazzjoni, iżda wkoll mill-għan u mill-kuntest tal-adozzjoni tagħha.

27.      Waħedha biss, il-formulazzjoni tal-Komunikazzjoni de minimis turi mingħajr dubju li din tesprimi biss l-opinjoni ġuridika tal-Kummissjoni (15)u li “mhijiex vinkolanti” (16) fir-rigward tal-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali. Barra minn hekk lanqas ma hija vinkolanti fir-rigward tal-qrati tal-Unjoni peress li tiddikjara b’mod ċar li l-kontenut tagħha “[huwa] mingħajr preġudizzju” (17)għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 81 KE li tista’ tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja jew mill-Qorti Ġenerali.

28.      Mill-għan imfittex mill-Komunikazzjoni de minimis jirriżulta wkoll li l-kontenut ma huwiex ta’ natura vinkolanti. Permezz tal-adozzjoni ta’ din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tixtieq biss turi b’mod trasparenti l-mod ta’ kif tapplika l-Artikolu 81 KE (18) u tipprovdi indikazzjonijiet u punti ta’ interpretazzjoni utli lill-impriżi li joperaw fis-suq intern kif ukoll lill-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali (19).

29.      Din l-impressjoni hija kkonfermata meta wieħed jikkunsidra l-kuntest li fih tidħol il-Komunikazzjoni de minimis. Il-Kummissjoni ma adottatx din il-komunikazzjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat leġiżlattivi tagħha, iżda fil-kwalità tagħha ta’ awtorità tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Minn naħa, hija tipprovdi spjegazzjonijiet dwar il-prattika tagħha, u min-naħa l-oħra, tipprovdi rakkomandazzjoni jew opinjoni ġenerali dwar il-kompetizzjoni fil-kuntest tar-responsabbiltà tagħha li żżomm u tiżviluppa sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq intern Ewropew (20). Il-Kummissjoni hija awtorizzata sabiex toħroġ rakkomandazzjonijiet jew opinjonijiet bħal dawn skont id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 85 KE u tat-tieni inċiż tal-Artikolu 211 KE (li saru l-Artikolu 105 u r-raba’ sentenza tal-Artikolu 292 TFUE rispettivament ) (21).

30.      Rakkomandazzjonijiet jew opinjonijiet bħal dawn madankollu ma humiex vinkolanti (il-ħames paragrafu tal-Artikolu 249 KE, li sar il-ħames paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE). Id-dispożizzjonijiet vinkolanti li għandhom l-għan li jimplementaw ir-regoli tal-kompetizzjoni previsti fit-trattati Ewropej jistgħu jiġu adottati biss mill-Kunsill fl-għamla ta’ regolamenti u direttivi (Artikolu 83 KE, li sar l-Artikolu 103 TFUE) (22). L-uniċi regolamenti li l-Kummissjoni tista’ tadotta f’dan il-qasam — kif ukoll, bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill — huma dawk li ġejjin minn eżenzjonijiet ta’ ċerti kategoriji ta’ ftehim (Artikolu 85(3) KE li sar l-Artikolu 105(3) TFUE).

31.      Irrispettivament mill-argumenti preċedenti, huwa minnu li l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1/2003, għandha s-setgħa li tadotta, f’każijiet eċċezzjonali, deċiżjonijiet ta’ natura dikjaratorja sabiex tikkonstata n-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 81 KE. Madankollu, deċiżjonijiet bħal dawn jistgħu jikkonċernaw biss każijiet individwali (“ftehim”), b’mod partikolari fir-rigward ta’ tipi ta’ ftehim jew prattiki ġodda (23). Kwalunkwe dikjarazzjoni ġenerali oħra fil-qasam tal-kompetizzjoni — bħall-kummenti espressi fil-Komunikazzjoni de minimis dwar ir-restrizzjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni — tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1/2003.

32.      Il-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni de minimis fis-Serje “C” tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea turi wkoll li l-Kummissjoni ma tixtieqx tadotta dispożizzjonijiet vinkolanti fil-kuntest ta’ din il-komunikazzjoni. Issa, kuntrarjament għas-Serje “L” tiegħu, is-Serje “C” għandha l-għan li tippubblika mhux atti legalment vinkolanti, iżda biss informazzjoni, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet li jikkonċernaw l-Unjoni (24).

33.      Fl-aħħar nett, il-prinċipju ta’ nulla poena sine lege, rikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni (25), ma jimponix l-obbligu li l-Komunikazzjoni de minimis tiġi kkunsidrata bħala regola ġuridika vinkolanti. Kuntrarjament għal dak li tidher li taħseb Expedia, il-komunikazzjoni de minimis ma tikkostitwixxix, bħala tali, il-bażi legali li skontha l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jistgħu jaġixxu kontra l-ftehim antikompetittiv. Il-projbizzjoni tal-akkordji taħt id-dritt tal-Unjoni fil-fatt hija diġà stabbilita fil-livell tad-dritt primarju mill-Artikolu 81 KE, jiġifieri f’dispożizzjoni tat-Trattat li toħloq effetti diretti kemm għall-vantaġġ kif ukoll għad-detriment tal-impriżi (26). Is-sanzjonijiet imposti mill-awtorità Franċiża tal-kompetizzjoni jirriżultaw mil-liġi nazzjonali (27).

34.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jeħtieġ għaldaqstant li jiġi kkunsidrat li l-Komunikazzjoni de minimis fiha nnifisha ma hijiex maħsuba sabiex toħloq effetti ġuridiċi vinkolanti.

B –    Il-Komunikazzjoni de minimis tipprovdi sempliċi indikazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE (Artikolu 101 TFUE)

35.      Għalkemm, kif għadna kif rajna, il-Komunikazzjoni de minimis ma tipproduċix effetti ġuridiċi vinkolanti, ikun żbaljat li jitqies li hija ma għandha ebda portata ġuridika fil-proċeduri fil-qasam tal-akkordji (28). Il-pubblikazzjonijiet bħall-Komunikazzjoni de minimis fil-fatt għandhom karattru ta’ “soft law” u jeħtieġ li ma tiġix sottovalutata l-importanza tagħhom fil-proċeduri fil-qasam tal-akkordji, kemm fuq livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali.

36.      Fir-rigward tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-akkordji fuq livell tal-Unjoni, huwa stabbilit fil-ġurisprudenza li l-Kummissjoni timponi obbligi fuqha nnifisha meta tadotta komunikazzjonijiet li jispjegaw il-prassi tagħha. Dan jirrigwarda regoli ta’ kondotta li l-Kummissjoni ma tistax twarrab, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (29). Awtolimitazzjoni bħal din tirriżulta wkoll mill-Komunikazzjoni de minimis, sa fejn fiha l-Kummissjoni tindika b’mod espliċitu li hija “m’għandhiex tieħu passi kemm wara applikazzjoni kif ukoll b’inizjattiva proprja” (30) fir-rigward ta’ akkordji ta’ importanza minuri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiddikjara li ma hijiex ser timponi multi meta l-kumpaniji jqisu in bona fede li ftehim huwa kopert mill-Komunikazzjoni de minimis (31).

37.      Fir-rigward tal-proċeduri fil-qasam tal-akkordji fuq livell nazzjonali, il-Komunikazzjoni de minimis hija wkoll espressament maħsuba sabiex “tiggwida” lill-qrati u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri fl-applikazzjoni tagħhom tal-Artikolu 81 KE, anke jekk “mhijiex vinkolanti fuqhom” (32). Indikazzjonijiet bħal dawn huma essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema deċentralizzata ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-akkordji, kif stabbilit bir-Regolament Nru 1/2003 (33). Huma jikkontribwixxu għall-għan fundamentali li jikkonsisti f’li tiġi żgurata kemm jista’ jkun applikazzjoni effikaċi u uniformi tal-Artikoli 81 KE u 82 KE (li saru l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE) fl-Unjoni kollha (34). Huma jippromwovu fl-istess ħin il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet omoġenji ta’ kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern (“level playing field”) (35) filwaqt li jżidu ċ-ċertezza legali għall-impriżi kkonċernati (36). Barra minn hekk Expedia ġustament, fost oħrajn, enfasizzat dan il-punt.

38.      Ir-rwol ewlieni tal-Kummissjoni fl-iżvilupp tal-politika Ewropea tal-kompetizzjoni, li huwa stabbilit sew fis-sistema mwaqqfa mir-Regolament Nru 1/2003 (37), jitlef mis-setgħa tiegħu jekk l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istati Membri jinjoraw purament u sempliċement komunikazzjoni adottata mill-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali impost fuq l-awtoritajiet nazzjonali kollha (Artikolu 10 KE, li sar l-Artikolu 4(3) TFUE) (38) jirriżulta li fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilhom mir-Regolament Nru 1/2003, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali għandhom debitament jieħdu inkunsiderazzjoni l-komunikazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, speċjalment il-Komunikazzjoni de minimis (39).

39.      Anki jekk, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ġuridika tal-ftehim konkluż fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-komunikazzjoni de minimis ma jista jipprovdi ebda rekwiżiti vinkolanti għall-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, dawn madankollu għandhom jeżaminaw l-opinjoni li l-Kummissjoni tesprimi dwar is-suġġett tar-restrizzjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni u jipprovdu raġunijiet li jkunu jistgħu jiġu vverifikati mill-qrati, jekk dawn jiddeċiedu li jwarrbu din l-opinjoni (40).

40.      Ċertament, ma tirriżultax projbizzjoni għall-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jibdew proċedura kontra l-ftehim li ma jissodisfax il-kriterji minimi ta’ sehem mis-suq previsti mill-Kummissjoni.

41.      Fil-fatt, is-sehem mis-suq huwa biss wieħed mill-ħafna indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk ftehim bejn kumpaniji jikkawżax jew le restrizzjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni. Bħalma l-gvern Taljan indika bir-raġun, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat, minbarra s-sehem mis-suq miksub mill-impriżi inkwistjoni, il-kuntest ekonomiku u ġuridiku sħiħ li taħtu jaqa’ l-ftehim ikkonċernat (41).

42.      Barra minn hekk, l-awtorità jew il-qorti kompetenti għandha tkun tista’ tirreaġixxi b’mod effettiv għall-problemi partikolari ta’ natura nazzjonali jew reġjonali li jistgħu jirriżultaw fil-qasam tal-kompetizzjoni fis-swieq differenti tal-Istati Membri. Barra minn hekk l-Awtorità Franċiża tal-Kompetizzjoni ġustament indikat fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jista’ jkun hemm differenzi oġġettivi fil-prassi ta’ tressiq ta’ azzjoni mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, anki jekk dawn l-awtoritajiet kollha jkunu jagħmlu parti min-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni (REC) (42) u jkollhom jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin (43).

43.      Konsegwentement, il-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni huma liberi li jibdew proċeduri kontra ftehim li ma jissodisfax il-kriterji tal-Komunikazzjoni de minimis, sakemm dawn ikunu eżaminaw debitament l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni f’din il-komunikazzjoni u sakemm, fil-kawża inkwistjoni, indikazzjonijiet oħrajn minbarra s-sehem mis-suq miksub mill-impriżi kkonċernati jagħtu lil wieħed x’jifhem li l-kompetizzjoni ġiet ristretta b’mod sinjifikattiv.

C –    Nuqqas ta’ rilevanza tal-kriterji minimi ta’ sehem mis-suq fuq l-evalwazzjoni tal-ftehim b’għan antikompetittiv

44.      Jeħtieġ ulterjorment li jiġi eżaminat il-piż li l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali għandhom jagħtu lill-indikazzjonijiet li jirriżultaw għalihom mill-Komunikazzjoni de minimis f’termini ta’ kriterji ta’ sehem mis-suq meta l-ftehim bejn il-kumpaniji jkollu għan antikompetittiv. Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, huwa fil-fatt stabbilit li l-ftehim kontenzjuż konkluż bejn Expedia u l-SNCF għandu għan antikompetittiv (44), anki jekk, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Expedia, il-gvern Franċiż u l-Kummissjoni esprimew dubji dwar dan is-suġġett.

45.      F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat, skont il-Komunikazzjoni de minimis, li l-kompetizzjoni hija ristretta b’mod sinjifikattiv meta l-ftehim inkwistjoni jkollu għan antikompetittiv iżda mingħajr ma jaqbeż il-kriterji ta’ sehem mis-suq stabbiliti mill-Kummissjoni. Kif seta’ jiġi kkonstatat speċjalment waqt is-seduta, hija partikolarment mixtieqa kjarifika tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt.

46.      Qabel kollox għandu jiġi osservat li n-nuqqas ta’ natura vinkolanti ta’ att tal-Kummissjoni (kif inhu l-każ tal-Komunikazzjoni de minimis) ma jtellifx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipproċedi bl-interpretazzjoni tagħha fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE (45).

47.      Il-kontenut tal-Komunikazzjoni de minimis huwa bbażat fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha l-projbizzjoni tal-akkordji prevista fl-Artikolu 81 KE (li sar l-Artikolu 101 TFUE) tkopri biss ir-restrizzjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni (46). Fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din l-osservazzjoni fundamentali tapplika għall-ftehim li jkollu għan antikompetittiv kif ukoll għal dak li jkollu effett antikompetittiv (47). Fi kliem ieħor, il-ħtieġa għal restrizzjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni tgħodd, bħala prinċipju, kemm għar-restrizzjonijiet minħabba l-għan kif ukoll għar-restrizzjonijiet minħabba l-effett.

48.      Madankollu dan ma jfissirx li l-kwistjoni tal-prova ta’ natura sinjifikattiva ta’ restrizzjoni hija suġġetta għall-istess rekwiżiti f’kull wieħed miż-żewġ każijiet. Għall-kuntrarju, dawn ir-rekwiżiti huma differenti skont jekk il-ftehim inkwistjoni jkollux għan antikompetittiv jew joħloqx biss effett antikompetittiv.

49.      Fil-fatt huwa biss jekk ma jkun hemm ebda indikazzjoni li tippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ għan antikompetittiv li jkun meħtieġ li jiġi pprovat, skont l-Artikolu 81(1) KE, li l-ftehim konkretament joħloq effetti antikompetittivi. Min-naħa l-oħra jekk jiġi stabbilit li l-ftehim ikollu għan antikompetittiv, ma jkunx iktar meħtieġ, skont il-ġurisprudenza, li jiġi pprovat li l-ftehim joħloq effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni. F’każ bħal dan, huwa biżżejjed li jiġi stabbilit li l-ftehim ikun konkretament kapaċi jtellef, jirrestrinġi jew ifixkel il-kompetizzjoni fis-suq intern (48).

50.      Dawn id-differenzi fir-rigward tal-prova huma spjegati bil-fatt li r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan jistgħu jiġu kkunsidrati, minnhom infushom, bħala ta’ ħsara għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni normali (49). Huwa magħruf li l-ftehim li jkollu għan antikompetittiv jippreġudika l-kumpannija (50). Huwa diffiċli li jiġi kkunsidrat li dan il-ftehim jikkostitwixxi ksur ta’ importanza minuri. Għalhekk jeħtieġ li wieħed jibda mill-prinċipju li l-impriżi li jikkonkludu ftehim li l-għan tiegħu jkun antikompetittiv sistematikament għandhom l-għan li jirrestrinġu b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni, ikun xi jkun id-daqs tas-sehem fis-suq tagħhom jew tad-dħul mill-bejgħ tagħhom.

51.      Fil-Komunikazzjoni de minimis tagħha, il-Kummissjoni ma għandhiex tikkontradixxi dawn ir-regoli li jirriżultaw direttament mill-Artikolu 81 KE (51). Barra minn hekk din hija r-raġuni għalfejn il-Komunikazzjoni de minimis teskludi l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ sehem mis-suq għal ċerti “restrizzjonijiet prinċipali” (52). Kif il-Kummissjoni nnifisha kkonċediet matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Komunikazzjoni de minimis madankollu ma telenkax b’mod li jillimita l-ftehim kollu li jkollu għan antikompetittiv (53).

52.      Il-fatt li ma jiġux applikati l-kriterji minimi ta’ sehem mis-suq għall-ftehim li jkollu għan antikompetittiv ma huwiex iġġustifikat biss mill-perspettiva legali, iżda wkoll fir-rigward tal-politika tal-kompetizzjoni: fil-fatt, il-kriterji ta’ sehem mis-suq, bħal dawk previsti fil-Komunikazzjoni de minimis, huma maħsuba sabiex joħolqu ċertezza legali. Dawn jiffurmaw żona ta’ ċertezza (bl-Ingliż “safe harbour”) li fi ħdanha l-impriżi li jkunu partijiet fi ftehim ma jkollhomx għalfejn jibżgħu li se jwettqu ksur tad-dritt tal-akkordji. Trattament preferenzjali bħal dan diffiċilment jista’ jingħata lil impriżi li jikkonkludu ftehim li l-għan tiegħu huwa antikompetittiv. Fil-każ kuntrarju, l-impriżi li s-sehem mis-suq tagħhom ikun inqas mill-kriterji stabbiliti fil-Komunikazzjoni de minimis jiġu mistiedna jirrifjutaw kompetizzjoni effettiva bejniethom u jikkonkludu akkordji bi ksur tal-prinċipji fundamentali tas-suq intern. Il-gvern Pollakk, b’mod partikolari, ġustament enfasizza dan il-punt.

53.      B’mod ġenerali, jeħtieġ li jiġi konkluż li l-kriterji ta’ sehem mis-suq stabbiliti fil-Komunikazzjoni de minimis huma neqsin minn rilevanza meta jiġi ddeterminat jekk ftehim b’għan antikompetittiv jagħtix lok għal restrizzjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni. L-Awtorità Franċiża tal-Kompetizzjoni, l-Irlanda, kif ukoll il-gvern Franċiż u Taljan ġustament enfasizzaw dan il-punt. Matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni stess essenzjalment qablet ma’ din l-opinjoni.

54.      Huwa minnu li, f’sentenzi individwali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li r-regoli li jipprojbixxu l-akkordji lanqas ma kellhom japplikaw għal ftehim b’għan antikompetittiv meta dawn “jaffettwa[w] [i]s-suq b’mod insinjifikanti biss, u dan minħabba l-pożizzjoni dgħajfa li l-impriżi kkonċernati għandhom fis-suq tal-prodotti inkwistjoni” (54). Madankollu jeħtieġ li din il-ġurisprudenza ma tiġix interpretata fis-sens li n-natura sinjifikattiva tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-kriterji ta’ sehem mis-suq, u wisq inqas fir-rigward tal-kriterji stabbiliti mill-eżami tar-restrizzjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni minħabba l-effett (55). Interpretazzjoni bħal din ikollha l-konsegwenza li telimina b’mod inammissibbli d-differenza fundamentali li teżisti bejn ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u l-effett.

55.      Barra minn hekk, dan jispjega għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja, anki f’negozju fejn sehem mis-suq relattivament baxx kien kunsiderevolment inferjuri mill-“kriterju de minimis” ta’ 10 % diskuss f’dan il-każ, ma baqgħetx lura milli tikkunsidra li l-kompetizzjoni kienet ristretta b’mod sinjifikattiv, inkwantu permezz tal-aġir tagħhom l-impriżi kkonċernati segwew għan antikompetittiv (56). F’ċerti sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali ma kinux jirrikjedu indikazzjonijiet konkreti li jipprovaw restrizzjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni, peress li kien stabbilit li l-ftehim kellu għan antikompetittiv (57).

56.      Dan kollu jippermetti li jiġi konkluż li l-prova ta’ restrizzjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fl-ebda każ ma għandha tkun suġġetta għal rekwiżiti iktar stretti mill-prova tal-impatt sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fil-kuntest tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 81(1) KE (li sar l-Artikolu 101(1) TFUE) (58).

57.      Għalhekk jekk huwa paċifiku, bħal f’dan il-każ, li ftehim li jkollu għan antikompetittiv jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn l-Istati Membri (59), għandu jiġi konkluż li dan il-ftehim jista’ wkoll itellef, jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern.

VI – Konklużjoni

58.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha indikati iktar ’il fuq, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari mressqa mill-Cour de cassation:

1)      L-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru tista’ tikkunsidra bħala antikompetittiv u f’dan ir-rigward issegwi u tirrestrinġi l-ftehim bejn impriżi, anki jekk il-kriterji ta’ sehem mis-suq stabbiliti mill-Kummissjoni fin-“Notifika [Komunikazzjoni] de minimis” tagħha ma jintlaħqux, sakemm madankollu l-awtorità nazzjonali tkun debitament ħadet inkunsiderazzjoni din il-komunikazzjoni u pprovat b’mezzi oħra li l-ftehim għandu bħala għan jew bħala effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni b’mod sinjifikattiv.

2)       In-“Notifika [Komunikazzjoni] de minimis” tal-Kummissjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kriterji ta’ sehem mis-suq li huma ddefiniti fiha ma humiex rilevanti meta jkunu qed jiġi ddeterminat jekk ftehim li jsegwi għan antikompetittiv ikunx jinvolvi restrizzjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ftehim ta’ importanza minuri li ma jirrestrinġux b’mod apprezzabbli l-kompetizzjoni taħt l-Artikolu 81(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (de minimis) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 125).


3 – [Mingħajr suġġett fil-verżjoni Franċiża].


4 – Li qabel kien “il-Kunsill tal-kompetizzjoni”.


5 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


6 – Sakemm il-proċedura ma tkunx tikkonċerna kuntratt taħt il-Kodiċi tal-kuntratti pubbliċi.


7 – Skont Expedia, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni ma kellux, fil-kalkolu tas-sehem, jikkunsidra s-sehem miksub permezz tas-sit tal-Internet sħiħ (is-suq affettwat kien dak tas-servizzi online ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar ta’ divertiment). Hija tikkunsidra, għall-kuntrarju, li l-impriża komuni (Agence VSC) kisbet biss sehem ta’ 20 % mill-ammont ta’ bejgħ ta’ dan is-sit.


8 – Awla tal-proċeduri kummerċjali, finanzjarji u ekonomiċi.


9 – Sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et (C‑17/10, punt 77).


10 – Punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħi tat-8 ta’ Settembru 2011 fil-kawża li tat lok għas-sentenza Toshiba Corporation et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9).


11 – Premessa 8 tar-Regolament Nru 1/2003.


12 – Għal raġuni ta’ simplifikazzjoni, ser noqgħod lura, fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet, milli nsemmi d-deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u l-prattiki miftiehma li huma wkoll is-suġġett tal-Artikolu 81 KE. Il-kummenti ta’ din l-opinjoni japplikawmutatis mutandis għal dawn il-kunċetti.


13 – Sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 1966, LTM (56/65, Ġabra p. 337, p. 360); tad-9 ta’ Lulju 1969, Völk (5/69, Ġabra p. 295, punt 7); tas-6 ta’ Mejju 1971, Cadillon (1/71, Ġabra p. 351, punt 9); tal-25 ta’ Novembru 1971, Béguelin Import (22/71, Ġabra p. 949, punt 16); tat-28 ta’ April 1998, Javico (C‑306/96, Ġabra p. I‑1983, punt 12); tat-28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il-Kummissjoni (C‑7/95 P, Ġabra p. I‑3111, punt 77); tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef‑Equifax u Administración del Estado (C‑238/05, Ġabra p. I‑11125, punt 50), u tat-2 ta’ April 2009, Pedro IV Servicios (C‑260/07, Ġabra p. I‑2437, punt 68).


14 – Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer (C‑360/09, Ġabra p. I‑5161, punt 21). Ara, b’mod analogu, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 209: il-komunikazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala regola tad-dritt), u tad-29 ta’ Settembru 2011, Arkema vs Il‑Kummissjoni (C‑520/09 P, Ġabra p. I‑8901, punt 88: il-linji gwida ppubblikati mill-Kummissjoni jistabbilixxu biss regoli ta’ kondotta).


15 – Ara, b’mod partikolari, il-punti 2 (“[...] [i]l-Kummissjoni tikkwantifika [...]”), 7 (“Il-Kummissjoni hija ta’ l-opinjoni [...]”) u 9 tal-Komunikazzjoni de minimis (“Il-Kummissjoni hija wkoll ta’ l-opinjoni [...]”).


16 – L-aħħar sentenza tal-punt 4 tal-Komunikazzjoni de minimis.


17 – Punt 6 tal-Komunikazzjoni de minimis.


18 – L-ewwel u t-tieni sentenzi tal-punt 4 tal-Komunikazzjoni de minimis.


19 – L-aħħar sentenza tal-punt 4 tal-Komunikazzjoni de minimis.


20 – Dwar l-importanza tar-regoli Ewropej dwar il-kompetizzjoni għall-funzjonament tas-suq intern, ara s-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss (C‑126/97, Ġabra p. I‑3055, punt 6); tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, Ġabra p. I‑6297, punt 20), u, fir-rigward tal-istat tad-dritt wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, is-sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera (C‑52/09, Ġabra p. I‑527, punt 20).


21 – Dwar ir-rwol tal-Kummissjoni fir-rigward tad-definizzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, ara s-sentenza ewlenija tal-14 ta’ Diċembru 2000, Masterfoods u HB (C‑344/98, Ġabra p. I‑11369, punt 46, l-ewwel sentenza).


22 – Fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat, ara, fl-istess sens, l-Artikolu 89 KE (li sar l-Artikolu 109 TFUE).


23 – Premessa 14 tar-Regolament Nru 1/2003 u s-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2001, Tele 2 Polska (C‑375/09, Ġabra p. I‑3055, punt 25).


24 – Sentenza tat-12 ta’ Mejju 2001 Polska Telefonia Cyfrowa (C‑410/09, Ġabra p. I‑3853, punt 35).


25 – Ara, minn naħa, l-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll, min-naħa l-oħra, is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, X (C‑60/02, Ġabra p. I‑651, punt 63); tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld (C-303/05, Ġabra p. I‑3633, punt 49), u tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta (li qabel kienet ThyssenKrupp Stainless) vs Il-Kummissjoni (C‑352/09 P, Ġabra p. I‑2359, punt 80).


26 – Ġurisprudenza stabbilita li tirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 1974, BRT u Société belge des auteurs, compositeurs et éditeurs (127/73, Ġabra p. 51, punti 15 sa 17); tal-20 ta’ Settembru 2001, Gourage u Crehan (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 23); tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, Ġabra p. I‑6619, punti 39, 58 u 59), u tal-4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et (C‑8/08, Ġabra p. I‑4529, punti 49 u 50).


27 – Ara wkoll l-aħħar inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003.


28 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 211, l-aħħar sentenza).


29 – Sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punti 209 sa 211); tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il‑Kummissjoni (C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punti 207 u 208); tad-29 ta’ Settembru 2011, Arkema vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 88), u tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME et vs Il‑Kummissjoni (C‑272/09 P, Ġabra p. I‑12789, punt 100). Fir-rigward tad-dritt għall-għajnuna mill-Istat, ara, fl-istess sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑288/96, Ġabra p. I‑8237, punt 62). Lil hinn mid-dritt tal-kompetizzjoni, ara wkoll is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 1983, Blomefield vs Il‑Kummissjoni (190/82, Ġabra p. 3981, punt 20).


30 – L-ewwel sentenza tal-punt 4 tal-Komunikazzjoni de minimis.


31 – It-tieni sentenza tal-punt 4 tal-Komunikazzjoni de minimis.


32 – L-aħħar sentenza tal-punt 4 tal-Komunikazzjoni de minimis.


33 – F’dan ir-rigward, ara wkoll il-premessi 6 u 34 tar-Regolament Nru 1/2003.


34 – Ara l-preambolu tar-Regolament Nru 1/2003, b’mod partikolari l-premessi 1 u 22. L-importanza ta’ implementazzjoni effettiva tal-Artikoli 81 KE u 82 KE (li saru l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE) ġiet enfasizzata wkoll dan l-aħħar f’diversi sentenzi, bħal b’mod partikolari s-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2009, X (C‑429/07, Ġabra p. I‑4833, punti 33 sa 35), u tas-7 ta’ Diċembru 2010, VEBIC (C‑439/08, Ġabra p. I‑12471, punti 59 u 61).


35 – Premessa 8 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll il-punt 169 tal-konklużjonijiet tiegħi tad-29 ta’ April 2010 fil-Kawża li tat lok għas-sentenza Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, C‑550/07 P, Ġabra p. I‑8301) u l-punt 118 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza Toshiba Corporation et (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9).


36 – Premessa 22 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-punt 36 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed tas-27 ta’ April 2005 fil-Kawża li tat lok għas-sentenza Vulcan Silkeborg (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, C‑125/05, Ġabra p. I‑7637).


37 – Sentenza Masterfoods u HB (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 46, l-ewwel sentenza); ara wkoll il-premessa 34 tar-Regolament Nru 1/2003 li tenfasizza r-rwol ċentrali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-implementazzjoni tal-prinċipji ddikjarati fl-Artikoli 81 KE u 82 KE.


38 – Fir-rigward tal-portata tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-politika ta’ kompetizzjoni, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Masterfoods u HB (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 56), X (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punt 21) u Tele 2 Polska (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 26). L-importanza ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni hija enfasizzata wkoll fl-Artikolu 11(1), u fil-preambolu tar-Regolament Nru 1/2003 (b’mod partikolari l-premessi 8 u 15).


39 – Fir-rigward ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, ara, fl-istess sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 1989, Grimaldi (C‑322/88, Ġabra p. 4407, punti 18 u 19).


40 – Raġunijiet bħal dawn jistgħu jiġu pprovduti kemm skont il-każ kif ukoll fl-għamla ta’ komunikazzjoni li tispjega l-prassi tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni.


41 – F’dan ir-rigward, ara s-sentenzi tas-6 ta’ Mejju 1971, Cadillon (iċċitata aktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 8); tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ International Belgium et vs Il‑Kummissjoni (96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punt 25); tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et (C‑180/98 sa C‑184/98, Ġabra p. I‑6451, punt 91); tal-20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers (C‑209/07, Ġabra p. I‑8637, punti 16 u 21); tal-4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 27); u tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo‑Cosmétique (C‑439/09, Ġabra p. I‑9419, punt 35).


42 – Bl-Ingliż: European Competition Network (ECN).


43 – Dwar dan in-netwerk, ara l-premessa 15 tar-Regolament Nru 1/2003.


44 – Fid-deċiżjoni ta’ rinviju tagħha, il-Cour de cassation tindika espressament fir-rigward tal-ftehim konkluż bejn Expedia u l-SNCF li “il-[k]unsill tal-kompetizzjoni saħaq, mingħajr ma ġie kkontestat, li l-prassi kellu skop antikompetittiv”.


45 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Grimaldi (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punti 8 u 9) dwar kawża li tikkonċerna d-dritt tax-xogħol; fis-sentenza tat-2 ta’ April 2009, Lodato Genaro & C. (C‑415/07, Ġabra p. I‑2599), il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat ukoll il-linji gwida mhux vinkolanti tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar għajnuna mill-Istat.


46 – Ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13.


47 – Sentenzi Völk (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 7) u Cadillon (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punti 9 u 10) dwar kuntratti ta’ konċessjoni ta’ bejgħ esklużiv li tipprovdi protezzjoni territorjali assoluta, jiġifieri kuntratti li l-għan tagħhom kien antikompetittiv; ara wkoll is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 1995, Bayerische Motorenwerke (C‑70/93, Ġabra p. I‑3439, punt 18); u tat-2 ta’ April 2009, Pedro IV Servicios (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 68) li t-tnejn li huma jużaw l-espressjoni “[...] għandu bħala għan jew bħala effett li jirrestrinġi b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni [...]”.


48 – Sentenza T‑Mobile Netherlands et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punti 28 sa 31); ara wkoll is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il‑Kummissjoni (56/64 u 58/64, Ġabra p. 429, p. 496); tal-20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41, punti 15 u 16); tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et (C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, Ġabra p. I‑9291, punt 55); tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, Ġabra p. I‑9083, punt 135); tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME et vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 65); u tat-13 ta’ Ottubru 2001, Pierre Fabre Dermo‑Cosmétique (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41, punt 34).


49 – Sentenza Beef Industry Development Society u Barry Brothers (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41, punt 17) u s-sentenza T‑Mobile Netherlands et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 29).


50 – Ara, dwar din il-kwistjoni kollha, il-punti 42 sa 47 tal-konklużjonijiet tiegħi tad-19 ta’ Frar 2009 fil-kawża li tat lok għas-sentenza T‑Mobile Netherlands et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26) kif ukoll il-punt 136 tal-osservazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed tat-12 ta’ Settembru 2006 fil-kawża li tat lok għas-sentenza Dalmine vs Il‑Kummissjoni (sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829).


51 – Fir-rigward tal-komunikazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni adottati dwar l-għajnuna mill-Istat, ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2000, il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 62), u tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Ġermanja et vs Kronofrance (C-75/05 P u C-80/05 P, Ġabra p. I-6619, punti 65 u 66).


52 – Punt 11 tal-Komunikazzjoni de minimis.


53 – B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fis-sentenza T‑Mobile Netherlands et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, b’mod partikolari l-punti 32 sa 39), li l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva dwar il-prezzijiet bejn kompetituri kellu għan antikompetittiv. Huwa saħansitra possibbli li jiġi kkunsidrat li prattika bħal din tikkostitwixxi “restrizzjoni prinċipali” fis-sens tal-Komunikazzjoni de minimis jekk jiġu interpretati b’mod partikolarment wiesa’ l-“ftehimiet” li, “indirettament”, għandhom bħala għan “l-iffissar ta’ prezzijiet meta l-prodotti jinbiegħu lil partijiet terzi” [punt 11(1)(a), tal-Komunikazzjoni de minimis].


54 – Sentenzi Völk (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 7) u Cadillon (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 9).


55 – L-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Völk (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 7) għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest fejn is-sehem mis-suq huwa inqas minn 1 %.


56 – Sentenzi tal-1 ta’ Frar 1978, Miller International Schallplatten vs Il‑Kummissjoni (19/77, Ġabra p. 131, punt 7 moqri flimkien mal-punti 9 u 10); tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni (100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 82 moqri flimkien mal-punti 3 u 4), u tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG‑Telefunken vs Il‑Kummissjoni (107/82, Ġabra p. 3151, punt 43 moqri flimkien mal-punt 58).


57 – Fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeħtieġ b’mod partikolari li jiġu ċċitati s-sentenzi LTM (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, p. 361, punt 3 tad-dispożittiv), Deere vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 75), Beef Industry Development Society u Barry Brothers (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41, punt 15) u Football Association Premier League et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48, punti 135 u 136), li fihom il-kriterju tar-restrizzjoni sinjifikattiva huwa msemmi biss fir-rigward tal-effetti antikompetittivi tal-ftehim inkwistjoni, u mhux fir-rigward tal-għan antikompetittiv. Fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, ara, pereżempju, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren‑Werke vs Il‑Kummissjoni (T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punti 129 sa 131); tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il‑Kummissjoni (T‑50/00, Ġabra p. II‑2395, punt 225); tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni (T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punti 383 u 384), u tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il‑Kummissjoni (T‑53/03, Ġabra p. II‑1333, punt 90, l-aħħar sentenza).


58 – Mill-ġurisprudenza jirriżulta li jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-kummerċ bejn Stati Membri huwa affettwat b’mod sinjifikattiv anki meta s-sehem mis-suq ikun kunsiderevolment inqas minn 10 % — sehem mis-suq ta’ 5 % ġeneralment huwa biżżejjed għal dan l-għan (ara, fost il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 56, is-sentenza Miller International Schallplatten vs Il‑Kummissjoni, punt 9, is-sentenza Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 86 moqri flimkien mal-punt 82, u s-sentenza AEG‑Telefunken vs Il‑Kummissjoni, punti 56 sa 58). Fil-Linji Gwida tagħha dwar il-kunċett tal-impatt fuq il-kummerċ li jirriżulta fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 2004, C 101, p. 81), il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll kriterju ta’ sehem mis-suq ta’ 5 % fost l-għadd ta’ kriterji intiżi li jikkwantifikaw in-natura sinjifikattiva tal-impatt fuq il-kummerċ (ara, b’mod partikolari, l-punt 52 tal-Linji Gwida).


59 – Il-kapaċità tal-ftehim konkluż bejn Expedia u s-SNCF li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri tikkostitwixxi l-ipoteżi inizjali li wasslet għar-rinviju u għad-domanda preliminari.