Language of document : ECLI:EU:C:2014:2037

Kawża C‑573/12

Ålands vindkraft AB

vs

Energimyndigheten

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Förvaltningsrätten i Linköping)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Skema nazzjonali ta’ għajnuna li tipprovdi għall-għoti ta’ ċertifikati ħodor negozjabbli għall-installazzjonijiet li jipproduċu l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli — Obbligu għall-fornituri tal-elettriku u għal ċerti utenti li kull sena jirrestitwixxu ċerta kwota ta’ ċertifikati ħodor lill-awtorità kompetenti — Rifjut li jingħataw ċertifikati ħodor għall-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jinsabu barra mill-Istat Membru kkonċernat — Direttiva 2009/28/KE — Punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 u Artikolu 3(3) — Moviment liberu tal-merkanzija — Artikolu 34 TFUE”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-1 ta’ Lulju 2014

1.        Proċedura ġudizzjarja — Proċedura orali — Ftuħ mill-ġdid — Kundizzjonijiet

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 83)

2.        Ambjent — Promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli — Direttiva 2009/28 — Regoli dwar l-iskemi ta’ għajnuna fuq livell nazzjonali — Skema ta’ għajnuna — Kunċett — Skema nazzjonali ta’ għajnuna li tipprovdi għall-għoti ta’ ċertifikati ħodor negozjabbli għall-installazzjonijiet li jipproduċu l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli — Skema li tissuġġetta lill-fornituri tal-elettriku u lil ċerti utenti għall-obbligu li kull sena jissottomettu ċerta kwota ta’ ċertifikati ħodor lill-awtorità kompetenti — Inklużjoni — Rifjut li jingħataw ċertifikati ħodor għall-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jinsabu barra mill-Istat Membru kkonċernat — Ammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/28, punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 u Artikolu 3(3))

3.        Moviment liberu tal-merkanzija — Restrizzjonijiet kwantitattivi — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Skema nazzjonali ta’ għajnuna li tipprovdi għall-għoti ta’ ċertifikati ħodor negozjabbli għall-installazzjonijiet li jipproduċu l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli — Obbligu għall-fornituri tal-elettriku u għal ċerti utenti li kull sena jissottomettu ċerta kwota ta’ ċertifikati ħodor lill-awtorità kompetenti taħt piena ta’ multa amministrattiva — Rifjut li jingħataw ċertifikati ħodor għall-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jinsabu barra mill-Istat Membru kkonċernat — Ammissibbiltà — Ġustifikazzjoni — Promozzjoni tal-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għall-produzzjoni tal-elettriku

(Artikolu 34 TFUE)

4.        Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Ċertezza legali — Leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ għajnuna għall-produzzjoni ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli — Miżuri ta’ għajnuna rriżervati biss għall-produzzjoni ta’ elettriku aħdar fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat — Kamp ta’ applikazzjoni territorjali li ma jirriżultax espressament mill-imsemmija leġiżlazzjoni — Osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali — Verifika li għandha twettaq il-qorti nazzjonali

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 35)

2.        Id-dispożizzjonijiet tal-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77 u 2003/30, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lil Stat Membru jistabbilixxi skema ta’ għajnuna li tipprovdi għall-għoti ta’ ċertifikati negozjabbli lill-produtturi ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli billi jiġi kkunsidrat biss l-elettriku prodott minn dawn is-sorsi fit-territorju ta’ dan l-Istat u li tissuġġetta lill-fornituri u lil ċerti utenti tal-elettriku għal obbligu li kull sena jissottomettu, lill-awtorità kompetenti, ċerta kwantità ta’ tali ċertifikati li tikkorrispondi għal sehem partikolari mit-total tal-kunsinni jew tal-użu tagħhom ta’ elettriku.

Fil-fatt, minn naħa, tali skema ta’ għajnuna għandha l-karatteristiċi meħtieġa sabiex tiġi kklassifikata bħala “skema ta’ sostenn [għajnuna]”, fis-sens tal-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28. Min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jobbliga lill-Istati Membri li għażlu skema ta’ għajnuna li tuża ċertifikati ħodor li jestendu l-benefiċċju ta’ din l-iskema għall-elettriku aħdar prodott fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

(ara l-punti 48, 53, 54 u d-dispożittiv 1)

3.        L-Artikolu 34 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-għoti ta’ ċertifikati negozjabbli lill-produtturi ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli billi jiġi kkunsidrat biss l-elettriku prodott minn dawn is-sorsi fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u li tissuġġetta lill-fornituri u lil ċerti utenti tal-elettriku għal obbligu li kull sena jissottomettu, lill-awtorità kompetenti, ċerta kwantità ta’ tali ċertifikati li tikkorrispondi għal sehem partikolari mit-total tal-kunsinni jew tal-użu tagħhom ta’ elettriku taħt piena li jkollhom iħallsu tariffa speċifika.

Tali leġiżlazzjoni tista’ tabilħaqq tostakola l-importazzjonijiet ta’ elettriku, b’mod partikolari dak aħdar, minn Stati Membri oħra u, għaldaqstant, tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, li bħala prinċipju hija inkompatibbli mal-obbligi tad-dritt tal-Unjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 34 TFUE.

Madankollu, għan ta’ promozzjoni tal-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għall-produzzjoni tal-elettriku bħal dak li tali leġiżlazzjoni nazzjonali tfittex li tilħaq jista’, bħala prinċipju, jiġġustifika eventwali ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija.

Issa, minn naħa, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-limitazzjoni territorjali stabbilita minn tali leġiżlazzjoni tista’, fiha nnifisha, titqies li hija neċessarja għall-finijiet li jintlaħaq dan il-għan leġittimu. Fil-fatt, għalkemm huwa tabilħaqq minnu li l-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent li fuqu hija bbażata ż-żieda fil-produzzjoni u fil-konsum ta’ elettriku aħdar jidher a priori li jista’ jintlaħaq fi ħdan l-Unjoni indipendentement minn jekk din iż-żieda toriġinax f’installazzjonijiet li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew ieħor, billi, b’mod partikolari, id-dritt tal-Unjoni ma wettaqx armonizzazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali għall-elettriku aħdar, l-Istati Membri jistgħu, bħala prinċipju, jillimitaw il-benefiċċju ta’ tali skemi għall-produzzjoni ta’ elettriku aħdar li ssir fit-territorju tagħhom.

Barra minn hekk, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, Stat Membru jista’ leġittimament jikkunsidra li tali limitazzjoni territorjali ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ żieda fil-produzzjoni u, indirettament, fil-konsum, ta’ elettriku aħdar fl-Unjoni.

Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-karatteristiċi l-oħra tagħha, ikkunsidrati flimkien mal-limitazzjoni territorjali, tali leġiżlazzjoni nazzjonali, ikkunsidrata globalment, tissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità.

(ara l-punti 75, 82, 92‑94, 104, 105, 119 u d-dispożittiv 2)

4.        Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, il-kuntest leġiżlattiv tad-dritt tal-Unjoni li tifforma parti minnu leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ għajnuna għall-produzzjoni ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li tirriżerva l-benefiċċju tal-miżuri ta’ għajnuna biss għall-produzzjoni ta’ elettriku aħdar fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, jekk, ikkunsidrata mill-perspettiva tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tagħha, l-imsemmija leġiżlazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ċertezza legali.

(ara l-punt 132 u d-dispożittiv 3)