Language of document : ECLI:EU:C:2017:95

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

8 ta’ Frar 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Reklamar komparattiv – Direttiva 2006/114/KE – Artikolu 4 – Direttiva 2005/29/KE – Artikolu 7 – Paragun oġġettiv tal-prezzijiet – Ommissjoni qarrieqa – Reklamar li jipparaguna l-prezzijiet ta’ prodotti mibjugħa fi ħwienet differenti f’dak li jirrigwarda d-daqs u l-format tagħhom – Legalità – Tagħrif importanti – Grad u mezz ta’ tixrid tat-tagħrif”

Fil-Kawża C‑562/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi) (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Novembru 2015, fil-proċedura

Carrefour Hypermarchés SAS

vs

ITM Alimentaire International SASU,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas, C. Toader u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Lulju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Carrefour Hypermarchés SAS, minn B. Moreau-Margotin, M. Karsenty‑Ricard, B. L’Homme-Houzai u F. Guerre, avukati,

–        għal ITM Alimentaire International SASU, minn P. Deprez u J.‑C. André, avukati,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u J. Traband, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Valero u D. Roussanov, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Ottubru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 4(a) u (ċ) tad-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑12 ta’ Diċembru 2006, dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (ĠU 2006, L 376, p. 21), u tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, Rettifika ĠU L 114, p. 86).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ITM Alimentaire International SASU (iktar ’il quddiem “ITM”) u Carrefour Hypermarchés SAS (iktar ’il quddiem “Carrefour”) dwar kampanja ta’ reklamar, imnedija minn din tal-aħħar, li tipparaguna l-prezzijiet ta’ prodotti ta’ ditti ewlenin fil-ħwienet tal-istabbiliment Carrefour u fi ħwienet ta’ stabbilimenti kompetituri.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont l‑Artikolu 2(b) tad‑Direttiva 2006/114, “reklamar qarrieqi”, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, tfisser “kull reklamar li, bi kwalunkwe mod, inkluża l-preżentazzjoni tiegħu, iqarraq jew probabbilment iqarraq bil-persuni li lejhom ikun indirizzat jew li għandhom jasal u li, minħabba n-natura qarrieqa tiegħu, probabbilment jaffettwa l-imġiba ekonomika tagħhom jew li, għal dawk ir-raġunijiet, jagħmel ħsara jew probabbilment jagħmel ħsara lil xi kompetitur”.

4        L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jistipula:

“Ir-reklamar komparattiv għandu, safejn il-paragun huwa konċernat, jiġi permess fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      ma jqarraqx fis-sens ta’ l-Artikoli 2(b), 3 u 8(1) ta’ din id-Direttiva jew ta’ l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2005/29 […];

(b)      jagħmel paragun bejn merkanzija jew servizzi li jissodisfaw l-istess ħtiġijiet jew li huma maħsuba għall-istess għan;

(ċ)      jagħmel paragun oġġettiv bejn wieħed jew iżjed mill-karatteristiċi essenzjali, relevanti, verifikabbli u rappreżentattivi ta’ dawk il-merkanziji u servizzi, li jistgħu jinkludu l-prezz;

(d)      la jiskredita u lanqas imaqdar it-trade marks, l-ismijiet kummerċjali, jew marki oħra distintivi, il-merkanzija, is-servizzi, l-attivitajiet jew iċ-ċirkostanzi ta’ kompetitur;

(e)      jirreferi, għal prodotti b’titlu ta’ oriġini, f’kull każ għal prodotti bl-istess titlu;

(f)      ma jiħux vantaġġ żlealment mir-reputazzjoni ta’ trade mark, ta’ isem kummerċjali jew ta’ marki oħra distintivi ta’ kompetitur jew tat-titlu ta’ oriġini ta’ prodotti konkorrenti;

(g)      ma jippreżentax merkanzija jew servizzi bħala imitazzjonijiet jew repliki ta’ merkanzija jew servizzi li għandhom trade mark jew isem kummerċjali protett;

(h)      ma joħloqx konfużjoni bejn kummerċjanti, bejn dak li jirreklama u xi kompetitur jew bejn it-trade marks, ismijiet kummerċjali jew marki oħra distintivi, merkanzija jew servizzi tar-riklamant u dawk ta’ xi kompetitur.”

5        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/29, intitolat “Azzjonijiet Qarrieqa” jipprovdi:

“1.      Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqajekk tikkontjeni tagħrif falz u li għalhekk ma tikkorrispondix għall-verità jew li b’xi mod, anki bil-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq jew x’aktarx tqarraq bil-konsumatur medju, anke jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment, fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin, u li f’kull każ iġġiegħlu jew x’aktarx iġġiegħlu jieħu deċiżjoni transazzjonali [kummerċjali] li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra:

[…]

(d)      il-prezz jew il-mod kif il-prezz huwa kalkolat, jew l-eżistenza ta’ vantaġġ speċifiku fil-prezz;

[…]”

6        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29, intitolat “Ommissjonijiet qarrieqa” jipprevedi:

“1.      Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqameta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali [kummerċjali] informata u għalhekk tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.

2.      Prattika kummerċjali għandha titqies wkoll bħala ommissjoni qarrieqa meta kummerċjant jaħbi jew jipprovdi b’manjiera mhux ċara, mhux intelliġibbli, ambigwa u/jew mhux f’waqtha dak it-tagħrif importanti msemmi fil-paragrafu 1, b’kont meħud tal-kwistjonijiet deskritti f’dak il-paragrafu, jew […] jonqos milli jidentifika l-intenzjoni kummerċjali wara l-prattika kummerċjali jekk din ma tkunx diġà apparenti mill-kuntest u fejn, fi kwalunkwe każ, din tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.

3.      Fejn il-mezz użat għall-komunikazzjoni tal-prattika kummerċjali jimponi limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ żmien, għandu jittieħed kont ta’ dawn il-limitazzjonijiet u ta’ kwalunkwe miżuri meħuda mill-kummerċjant sabiex jagħmel it-tagħrif disponibbli għall-konsumaturi permezz ta’ mezzi oħra meta jiġi deċiż jekk xi tagħrif ġiex imħolli barra.

[…]”

 Id-dritt Franċiż

7        L-Artikolu L. 121-8 tal-kodiċi tal-konsum jipprovdi, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data ta’ meta seħħew il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Kull reklamar li jipparaguna oġġetti jew servizzi billi, b’mod impliċitu jew b’mod espliċitu, jidentifika kompetitur jew oġġetti jew servizzi offruti minn kompetitur, huwa leġittimu biss jekk:

1°      ma jkunx qarrieqi jew ta’ natura li jista’ jiżgwida;

2°      ikun jirrigwarda oġġetti jew servizzi li jissodisfaw l-istess ħtiġijiet jew li huma maħsuba għall-istess għan;

3°      ikun jikkompara oġġettivament karatteristika essenzjali, rilevanti, verifikabbli u rappreżentattiva waħda jew iktar ta’ dawk l-oġġetti jew servizzi, li jistgħu jinkludu l-prezz.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Matul ix-xahar ta’ Diċembru 2012, Carrefour nediet kampanja ta’ reklamar televiżiva fuq skala kbira, intitolata “Garanzija tal-iktar prezz baxx Carrefour”, li tipparaguna l-prezzijiet ta’ 500 prodott ta’ ditti ewlenin fil-ħwienet tal-istabbiliment Carrefour u fi ħwienet ta’ stabbilimenti kompetituri, fosthom il-ħwienet Intermarché, u li toffri lill-konsumatur li tirrimborsah id-doppju tad-differenza fil-prezz jekk isib prezz irħas xi mkien ieħor.

9        L-ispots ta’ reklamar mxandra kienu juru differenzi fil-prezzijiet favorevoli ta’ Carrefour u, b’mod partikolari, il-prodotti mibjugħa fil-ħwienet tal-istabbiliment Intermarché kienu ntwerew bħala li huma sistematikament iktar għoljin minn dawk ta’ Carrefour. Mit-tieni spot televiżiv ’il quddiem, il-ħwienet ta’ Intermarché magħżula għall-paragun kienu kollha supermarkits u l-ħwienet ta’ Carrefour kienu kollha ipermarkits. Dan it-tagħrif kien jidher biss fuq il-paġna prinċipali tas-sit tal-internet ta’ Carrefour bil-frażi, b’ittri ta’ daqs żgħir, li l-garanzija kienet “valida biss fil-ħwienet Carrefour u Carrefour Planet” u li għaldaqstant din ma kinitx “valida fil-ħwienet Carrefour Market, Carrefour Contact, Carrefour City”. Fl-ispots ta’ reklamar televiżivi, taħt l-isem Intermarché, b’ittri iżgħar kien hemm il-kelma “Super”.

10      Fit-2 ta’ Ottubru 2013, wara li intimat lil Carrefour sabiex twaqqaf it-tixrid ta’ dan ir-reklamar, ITM, li hija kumpannija li tieħu ħsieb l-istrateġija u l-politika kummerċjali tal-istabbilimenti ta’ distribuzzjoni alimentari tal-“groupe des Mousquetaires [grupp tal-Muskettieri]”, li jinlkudi b’mod partikolari lil Intermarché Hyper u Intermarché Super, tellgħet lil Carrefour quddiem it-tribunal de commerce de Paris (qorti tal-kummerċ ta’ Pariġi) (Franza) sabiex din tal-aħħar tiġi kkundannata tħallasha s-somma ta’ EUR 3 miljun bħala danni, sabiex jiġi pprojbit it-tixrid tar-reklamar inkriminat kif ukoll ta’ kull prattika ta’ reklamar komparattiv ibbażata fuq modalitajiet ta’ paragun simili, il-waqfien, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità, tat-tixrid ta’ tmien spots ta’ reklamar fuq l-internet, il-waqfien, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità, ta’ kull preżentazzjoni li tipparaguna d-differenza fil-prezz medju tad-diversi stabbilimenti abbażi ta’ metodoloġija ta’ paragun li ma hijiex oġġettiva, kif ukoll il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li kienet se tingħata.

11      B’deċiżjoni tal-31 ta’ Diċembru 2014, it-tribunal de commerce de Paris (qorti tal-kummerċ ta’ Pariġi) ikkundannat lil Carrefour tħallas lil ITM is-somma ta’ EUR 800 000 bħala kumpens għad-dannu sostnut, laqgħet it-talbiet ta’ projbizzjoni tat-tixrid tar-reklamar u ordnat il-pubblikazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni.

12      Din il-qorti qieset, b’mod partikolari, li Carrefour, billi adottat metodu ta’ selezzjoni tal-punti tal-bejgħ li kien qarrieqi, li jivvizzja r-rappreżentattività tal-paraguni tal-prezzijiet, ma kinitx osservat ir-rekwiżiti ta’ oġġettività li jirriżultaw mill-Artikolu L. 121-8 tal-kodiċi tal-konsum, u li dan in-nuqqas ta’ newtralità u ta’ oġġettività ta’ kampanja ta’ reklamar komparattiv kien jikkostitwixxi att ta’ kompetizzjoni żleali. Hija rrilevat ukoll li t-tagħrif fuq is-sit tal-internet ta’ Carrefour ma kienx jippermetti lill-konsumatur li jkun jaf b’mod ċar li l-paragun kien twettaq bejn ħwienet ta’ daqs differenti.

13      Carrefour appellat mill-imsemmija deċiżjoni quddiem il-cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi) (Franza) u, fil-kuntest tat-tressiq tal-kawża għas-sentenza, talbet li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

14      Quddiem din il-qorti, Carrefour sostniet li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/114, li l-Artikolu L. 121-8 tal-kodiċi tal-konsum huwa intiż li jiżgura t-traspożizzjoni tagħha, kienet neċessarja sabiex tingħata d-deċiżjoni għall-kawża prinċipali, fir-rigward tal-punt ta’ jekk paragun tal-prezzijiet ta’ prodotti magħżula kienx leġittimu biss jekk dawn il-prodotti kienu mibjugħa fi ħwienet identiċi f’dak li jirrigwarda d-daqs u l-format tagħhom.

15      ITM opponiet għat-talba għal rinviju għal deċiżjoni preliminari billi sostniet li l-kwistjoni msemmija ma kinitx neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali peress li f’din it-tilwima l-kwistjoni ma kinitx tikkonċerna projbizzjoni ta’ paragun tal-prezzijiet ta’ prodotti mibjugħa fi ħwienet differenti f’dak li jirrigwarda d-daqs u l-format tagħhom, iżda l-evalwazzjoni tan-natura qarrieqa tar-reklamar sa fejn il-konsumatur ma kienx ġie informat b’mod ċar u oġġettiv bid-differenza ta’ format jew ta’ daqs tal-ħwienet ipparagunati.

16      Il-maġistrat inkarigat mit-tressiq tal-kawża għas-sentenza rrileva li kien tabilħaqq il-prinċipju stess ta’ reklamar komparattiv tal-prezzijiet bejn ħwienet ta’ formati differenti li kien il-bażi tad-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza u qies li l-cour d’appel de Paris, adita bit-tilwima sħiħa, għandha tiddeċiedi fuq dan il-punt. Barra minn hekk huwa rrileva li, jekk il-prinċipju ta’ reklamar komparattiv tal-prezzijiet bejn ħwienet ta’ formati differenti kellu jitqies li huwa konformi mad-Direttiva 2006/114, il-qorti tal-appell ikollha barra minn hekk tistaqsi dwar il-punt ta’ jekk il-fatt li l-ħwienet li l-prezzijiet tagħhom ġew ipparagunati kienu differenti f’dak li jirrigwarda d-daqs u l-format tagħhom, kienx jikkostitwixxi tagħrif importanti, fis-sens tad-Direttiva 2005/29, li għandu neċessarjament jiġi mgħarraf lill-konsumatur u, jekk dan jirriżulta li huwa minnu, fuq il-grad jew il-mezz ta’ tixrid ta’ dan it-tagħrif.

17      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-cour d’appel de Paris iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      [L-]Artikolu 4(a) u (ċ) tad-Direttiva [2006/114] li jipprovdi li “[i]r-reklamar komparattiv għandu […] jiġi permess fejn […] ma jqarraqx […] [u] jagħmel paragun oġġettiv bejn wieħed jew iżjed mill-karatteristiċi essenzjali, relevanti, verifikabbli u rappreżentattivi ta’ dawk il-merkanziji u servizzi” [għandu] jiġi interpretat fis-sens li paragun tal-prezz ta’ prodotti mibjugħa minn stabbilimenti ta’ distribuzzjoni huwa leġittimu biss jekk il-prodotti jinbiegħu fi ħwienet identiċi f’dak li jirrigwarda l-format u d-daqs tagħhom [?]

2)      [I]l-fatt li l-ħwienet li l-prezzijiet tagħhom huma pparagunati huma differenti f’dak li jirrigwarda l-format u d-daqs tagħhom [jikkostitwixxi] tagħrif importanti, fis-sens tad-Direttiva [2005/29], li għandu neċessarjament jinġieb għall-attenzjoni tal-konsumatur[?]

3)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva […] sa liema grad u/jew b’liema mezz għandu jixxerred dan it-tagħrif lill-konsumatur [?]”

 Fuq id-domandi preliminari

18      Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(a) u (ċ) tad-Direttiva 2006/114 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa leġittimu reklamar, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipparaguna l-prezzijiet ta’ prodotti mibjugħa fi ħwienet differenti f’dak li jirrigwarda d-daqs u l-format tagħhom. Barra minn hekk hija tistaqsi jekk il-fatt li l-ħwienet li l-prezzijiet tagħhom huma pparagunati huma differenti f’dak li jirrigwarda d-daqs u l-format tagħhom jikkostitwixxix tagħrif importanti, fis-sens tal-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2005/29, li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 2006/114, u, jekk ikun il-każ, liema huma l-grad u l-mezz ta’ tixrid li dan it-tagħrif għandu jkollu.

19      Għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2006/114 tirriżulta mill-kodifikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, tal-10 ta’ Settembru 1984, dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 227), li, wara li ġiet emendata f’diversi okkażjonijiet tħassret u ġiet issostitwita mid-Direttiva 2006/114, b’mod li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 84/450 hija applikabbli b’mod sħiħ għas-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-Direttiva 2006/114.

20      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d‑Direttiva 2006/114 twettaq armonizzazzjoni eżawrjenti tal‑kundizzjonijiet li taħthom ir‑reklamar komparattiv huwa leġittimu fl‑Istati Membri u li tali armonizzazzjoni timplika, min-natura tagħha, li l‑leġittimità tar‑reklamar komparattiv għandha tiġi evalwata biss fid‑dawl tal‑kriterji stabbiliti mil‑leġiżlatur tal‑Unjoni (sentenzi tat-8 ta’ April 2003, Pippig Augenoptik, C‑44/01, EU:C:2003:205, punt 44, u tat-18 ta’ Novembru 2010, Lidl, C‑159/09, EU:C:2010:696, punt 22).

21      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, reklamar komparattiv li jikkontribwixxi sabiex b’mod oġġettiv jiġu enfasizzati l-vantaġġi tad-diversi prodotti komparabbli u għaldaqstant sabiex tiġi stimulata l-kompetizzjoni bejn il-fornituri ta’ oġġetti u ta’ servizzi fl-interess tal-konsumaturi, il-kundizzjonijiet meħtieġa minn tali reklamar għandhom jiġu interpretati fis-sens li jkun l-iktar favorevoli għar-reklamar, filwaqt li jiġi żgurat li r-reklamar komparattiv ma jiġix użat b’mod antikompetittiv u żleali jew b’mod li jikkawża preġudizzju lill-interessi tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2001, Toshiba Europe, C‑112/99, EU:C:2001:566, punti 36 u 37; tad-19 ta’ Settembru 2006, Lidl Belgium, C‑356/04, EU:C:2006:585, punt 22, u tat-18 ta’ Novembru 2010, Lidl, C‑159/09, EU:C:2010:696, punti 20 u 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

22      Issa, minn naħa, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/114 ma jimponiex li l-format u d-daqs tal-ħwienet li fihom jinbiegħu l-prodotti li l-prezzijiet tagħhom jiġu pparagunati jkunu simili u, min-naħa l-oħra, paragun tal-prezzijiet ta’ prodotti komparabbli mibjugħa fi ħwienet li huma differenti f’dak li jirrigwarda l-format u d-daqs tagħhom, fih innifsu, jista’ jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet tar-reklamar komparattiv imfakkra fil-punt ta’ qabel dan tas-sentenza preżenti u ma jikkawżax preġudizzju għar-rekwiżit ta’ kompetizzjoni leali u lanqas għall-interessi tal-konsumaturi.

23      Madankollu, reklamar li jipparaguna l-prezzijiet ta’ prodotti mibjugħa fi ħwienet differenti f’dak li jirrigwarda l-format u d-daqs tagħhom ma jistax jitqies bħala leġittimu fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/114 ħlief jekk kemm-il darba l-kundizzjonijiet kollha msemmija f’dan l-artikolu jkunu ssodisfatti.

24      B’mod partikolari, tali reklamar għandu jipparaguna oġġettivament il-prezzijiet u ma għandux ikun qarrieqi.

25      Fil-fatt, minn naħa, mill-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2006/114 jirriżulta li l-prezzijiet għandhom jiġu pparagunati b’mod oġġettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2006, Lidl Belgium, C‑356/04, EU:C:2006:585, punt 45).

26      Issa, f’ċerti ċirkustanzi, id-differenza fid-daqs jew fil-format tal-ħwienet li minnhom inġabru l-prezzijiet ipparagunati minn min jirreklama tista’ tivvizzja l-oġġettività tal-paragun. Dan jista’ jseħħ meta min jirreklama u l-kompetituri li l-prezzijiet tagħhom ġew ipparagunati jkunu jagħmlu parti minn stabbilimenti li kull wieħed minnhom għandu firxa ta’ ħwienet ta’ daqsijiet u ta’ formati differenti u meta min jirreklama jipparaguna l-prezzijiet ipprattikati fil-ħwienet ta’ daqsijiet jew ta’ formati superjuri tal-istabbiliment tiegħu ma’ dawk miġbura minn ħwienet ta’ daqsijiet u ta’ formati inferjuri tal-istabbilimenti kompetituri, mingħajr ma dan ikun jidher fir-reklamar.

27      Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 u 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-prezzijiet tal-oġġetti ta’ konsum ta’ kuljum jistgħu jvarjaw skont il-format u d-daqs tal-ħanut, b’mod li tali paragun asimmetriku jista’ jkollu l-effett li joħloq jew iżid b’mod artifiċjali d-differenza fil-prezzijiet bejn min jirreklama u l-kompetitur, skont l-għażla ta’ ħwienet li jiġu pparagunati.

28      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 2006/114 jirrikjedi li r-reklamar komparattiv ma jkunx qarrieqi, fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva jew fis-sens tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2005/29.

29      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li huwa qarrieqi reklamar komparattiv li, b’xi mod, permezz ta’ azzjoni jew permezz ta’ ommissjoni, jista’ jiżgwida lill-konsumaturi li lilhom huwa indirizzat u jaffettwa l-aġir ekonomiku tagħhom jew, għal dawn ir-raġunijiet, jikkawża preġudizzju lil kompetitur. Huwa għaldaqstant qarrieqi, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 2006/114, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2005/29, reklamar li jommetti tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali informata, jew li jxerred tali tagħrif jew jipprovdih b’manjiera mhux ċara, mhux intelliġibbli, ambigwa jew mhux f’waqtha, u li, konsegwentement, jista’ jwassal lill-konsumatur medju sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra.

30      Għalkemm id-Direttiva 2005/29 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “tagħrif importanti”, madankollu mill-Artikolu 7(1) u (2) tagħha jirriżulta li għandu din il-kwalità tagħrif li l-konsumatur medju għandu bżonn, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali informata, u li konsegwentement, l-ommissjoni tiegħu tista’ twasslu sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra.

31      Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ inkwistjoni, jekk, ikkunsidrati l-konsumaturi li lilhom ikun indirizzat, reklamar jistax ikun ta’ natura qarrieqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 2010, Lidl, C‑159/09, EU:C:2010:696, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-12 ta’ Mejju 2011, Ving Sverige, C‑122/10, EU:C:2011:299, punt 51). Sabiex jagħmlu dan, huma għandhom, minn naħa, jieħdu inkunsiderazzjoni l‑perċezzjoni tal‑konsumatur medju tal‑prodotti jew tas‑servizzi li huma s‑suġġett tar‑reklamar kontenzjuż, normalment informat u raġonevolement attent u avżat u, min-naħa l-oħra, jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti tal-każ, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2006/114, l‑indikazzjonijiet li jkunu jinsabu fir‑reklamar u, b’mod iktar ġenerali, l-elementi kollha tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 2010, Lidl, C‑159/09, EU:C:2010:696, punti 47 u 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dan il-każ, reklamar li fih, min jirreklama, sabiex jipparaguna l-prezzijiet tal-prodotti mibjugħa fil-ħwienet tiegħu ma’ dawk ta’ prodotti mibjugħa fil-ħwienet kompetituri, jagħżel minn naħa l-prezzijiet ipprattikati fil-ħwienet ta’ daqsijiet jew ta’ formati superjuri tal-istabbiliment tiegħu u min-naħa l-oħra l-prezzijiet miġbura minn ħwienet ta’ daqsijiet ta’ formati inferjuri ta’ stabbilimenti kompetituri, filwaqt li kull wieħed minn dawn l-istabbilimenti għandu firxa ta’ ħwienet ta’ daqsijiet u ta’ formati differenti, jista’ jiżgwida lill-konsumatur medju billi jagħtih l-impressjoni li l-ħwienet kollha li jagħmlu parti minn dawn l-istabbilimenti ttieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jitwettaq il-paragun u li d-differenzi fil-prezz indikati huma validi għall-ħwienet kollha ta’ kull stabbiliment, irrispettivament mid-daqs jew mill-format tagħhom, filwaqt li, għar-raġunijiet indikati fil-punt 27 tas-sentenza preżenti, dan ma huwiex neċessarjament il-każ.

33      Dan ir-reklamar jista’ jinfluwenza l-aġir ekonomiku tal-konsumatur billi jwasslu sabiex jieħu deċiżjoni bl-impressjoni żbaljata li huwa ser jibbenefika mid-differenzi fil-prezz li jissemmew fir-reklamar billi jixtri l-prodotti kkonċernati mill-ħwienet kollha tal-istabbiliment ta’ min jirreklama minflok ma jixtrihom minn ħwienet tal-istabbilimenti kompetituri.

34      Minn dan isegwi li tali reklamar jista’ jkun qarrieqi, fis-sens tal-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 2006/114.

35      Madankollu, is-sitwazzjoni tkun differenti li kieku l-konsumatur jiġi informat li r-reklamar inkwistjoni jipparaguna l-prezzijiet ipprattikati fil-ħwienet ta’ daqsijiet jew ta’ formati superjuri tal-istabbiliment ta’ min jirreklama mal-prezzijiet miġbura minn ħwienet ta’ daqsijiet jew ta’ formati inferjuri tal-istabbilimenti kompetituri, peress li l-konsumatur b’hekk ikun jaf li huwa jista’ jibbenefika mid-differenzi fil-prezz imsemmija fir-reklamar jekk jixtri l-prodotti kkonċernati biss fil-ħwienet ta’ daqsijiet jew ta’ formati superjuri tal-istabbiliment ta’ min jirreklama. Konsegwentement, dan it-tagħrif, fil-kuntest ta’ tali reklamar li jipparaguna l-prezzijiet ipprattikati fi ħwienet li jagħmlu parti minn stabbilimenti li kull wieħed minnhom għandu firxa ta’ ħwienet ta’ daqsijiet u ta’ formati differenti, huwa neċessarju għall-konsumatur sabiex dan ikun jista’ jieħu d-deċiżjoni informata li jixtri l-prodotti kkonċernati mill-ħwienet ta’ min jirreklama minflok ma jixtrihom mill-ħwienet kompetituri u ma jiġix iggwidat sabiex jieħu deċiżjoni ta’ xiri li f’ċirkustanzi oħra ma kienx jieħu. Għaldaqstant, f’dan il-kuntest, dan huwa tagħrif importanti fis-sens tal-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2005/29.

36      Mill-kunsiderazzjonijet ta’ hawn fuq jirriżulta li reklam, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipparaguna l-prezzijiet ta’ prodotti mibjugħa fi ħwienet differenti f’dak li jirrigwarda d-daqs u l-format tagħhom jista’, meta dawn il-ħwienet ikunu jagħmlu parti minn stabbilimenti li kull wieħed minnhom ikollu firxa ta’ ħwienet ta’ daqsijiet u ta’ formati differenti u meta min jirreklama jipparaguna l-prezzijiet ipprattikati fil-ħwienet ta’ daqsijiet jew ta’ formati superjuri tal-istabbiliment tiegħu ma’ dawk miġbura mill-ħwienet ta’ daqsijiet jew ta’ formati inferjuri tal-istabbilimenti kompetituri, ma jkunx jissodisfa r-rekwiżit ta’ oġġettività tal-paragun li jirriżulta mill-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2006/114 u jista’ jkun qarrieqi, fis-sens tal-Artikolu 4(a) ta’ din id-direttiva, sakemm il-konsumaturi ma jiġux informati li l-paragun twettaq bejn il-prezzijiet ipprattikati fil-ħwienet ta’ daqsijiet jew ta’ formati superjuri tal-istabbiliment ta’ min jirreklama ma’ dawk miġbura mill-ħwienet ta’ daqsijiet jew ta’ formati inferjuri tal-istabbilimenti kompetituri.

37      F’dak li jikkonċerna l-grad u l-mezz ta’ tixrid li tali tagħrif importanti għandu jkollu, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2005/29 ma fiha ebda indikazzjoni preċiża f’dan ir-rigward. Madankollu, jirriżulta, minn naħa, mill-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva li tagħrif importanti ma jistax jixxerred jew jiġi pprovdut b’manjiera mhux ċara, mhux intelliġibbli, ambigwa jew mhux f’waqtha, u, min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 7(1) u (3) tal-imsemmija direttiva, li sabiex jiġi evalwat jekk dan it-tagħrif tħalliex barra, għandu jittieħed kont tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni użat u, meta dan il-mezz jimponi limiti ta’ spazju jew ta’ żmien, ta’ kull miżura meħuda mill-professjonist sabiex iqiegħed l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-konsumatur permezz ta’ mezzi oħra.

38      Fir-rigward ta’ reklamar bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li t-tagħrif li l-paragun twettaq bejn il-prezzijiet ipprattikati fil-ħwienet ta’ daqsijiet jew ta’ formati superjuri tal-istabbiliment ta’ min jirreklama u dawk miġbura minn ħwienet ta’ daqsijiet jew ta’ formati inferjuri tal-istabbilimenti kompetituri jikkostitwixxi element li mingħajru huwa probabbli sew li r-reklamar ma jkunx jissodisfa r-rekwiżit ta’ oġġettività tal-paragun u jkun ta’ natura qarrieqa. Għaldaqstant, dan it-tagħrif mhux biss għandu jingħata b’manjiera ċara, iżda, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 75 sa 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jidher fil-messaġġ ta’ reklamar stess.

39      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fil-kawża prinċipali, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, ir-reklamar inkwistjoni fil-kawża prinċipali jonqosx milli jissodisfa r-rekwiżit ta’ oġġettività tal-paragun u huwiex ta’ natura qarrieqa, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi mfakkra fil-punt 31 tas-sentenza preżenti, b’mod partikolari l-indikazzjonijiet mogħtija fir-reklamar fih innifsu f’dak li jikkonċerna l-ħwienet tal-istabbiliment ta’ min jirreklama u dawk tal-istabbilimenti kompetituri li l-prezzijiet tagħhom ġew ipparagunati, b’dawn l-elementi jkunu rilevanti għall-evalwazzjoni kemm tal-oġġettività tal-paragun kif ukoll tan-natura qarrieqa tal-imsemmi reklamar.

40      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun:

–        L-Artikolu 4(a) u (ċ) tad-Direttiva 2006/114, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) sa (3) tad-Direttiva 2005/29, għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jkun illeġittimu, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, reklamar, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipparaguna l-prezzijiet ta’ prodotti mibjugħa fi ħwienet differenti f’dak li jirrigwarda d-daqs u l-format tagħhom, meta dawn il-ħwienet ikunu jagħmlu parti minn stabbilimenti li kull wieħed minnhom għandu firxa ta’ ħwienet ta’ daqsijiet u ta’ formati differenti u meta min jirreklama jipparaguna l-prezzijiet ipprattikati fil-ħwienet ta’ daqsijiet jew ta’ formati superjuri tal-istabbiliment tiegħu ma’ dawk miġbura minn ħwienet ta’ daqsijiet jew ta’ formati inferjuri tal-istabbilimenti kompetituri, sakemm il-konsumaturi ma jiġux informati, b’manjiera ċara u permezz tal-messaġġ ta’ reklamar stess, li l-paragun twettaq bejn il-prezzijiet ipprattikati fil-ħwienet ta’ daqsijiet jew ta’ formati superjuri tal-istabbiliment ta’ min jirreklama u dawk miġbura mill-ħwienet ta’ daqsijiet jew ta’ formati inferjuri tal-istabbilimenti kompetituri.

–        Hija l-qorti tar-rinviju li, sabiex tevalwa l-leġittimità ta’ tali reklamar, għandha tivverifika jekk, fil-kawża prinċipali, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, ir-reklamar inkwistjoni jonqosx milli jissodisfa r-rekwiżit ta’ oġġettività tal-paragun u/jew huwiex ta’ natura qarrieqa, minn naħa, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tal-konsumatur medju tal-prodotti kkonċernati, normalment informat u raġonevolment attent u avżat u, min-naħa l-oħra, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet li jidhru fl-imsemmi reklamar, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-ħwienet tal-istabbiliment ta’ min jirreklama u dawk tal-istabbilimenti kompetituri li l-prezzijiet tagħhom ġew ipparagunati, u, b’mod iktar ġenerali, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

41      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 4(a) u (ċ) tad-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar reklamar qarrieqi u komparattiv, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) sa (3) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali), għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jkun illeġittimu, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, reklamar, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipparaguna l-prezzijiet ta’ prodotti mibjugħa fi ħwienet differenti f’dak li jirrigwarda d-daqs u l-format tagħhom, meta dawn il-ħwienet ikunu jagħmlu parti minn stabbilimenti li kull wieħed minnhom għandu firxa ta’ ħwienet ta’ daqsijiet u ta’ formati differenti u meta min jirreklama jipparaguna l-prezzijiet ipprattikati fil-ħwienet ta’ daqsijiet jew ta’ formati superjuri tal-istabbiliment tiegħu ma’ dawk miġbura minn ħwienet ta’ daqsijiet jew ta’ formati inferjuri tal-istabbilimenti kompetituri, sakemm il-konsumaturi ma jiġux informati, b’manjiera ċara u permezz tal-messaġġ ta’ reklamar stess, li l-paragun twettaq bejn il-prezzijiet ipprattikati fil-ħwienet ta’ daqsijiet jew ta’ formati superjuri tal-istabbiliment ta’ min jirreklama u dawk miġbura mill-ħwienet ta’ daqsijiet jew ta’ formati inferjuri tal-istabbilimenti kompetituri.

Hija l-qorti tar-rinviju li, sabiex tevalwa l-leġittimità ta’ tali reklamar, għandha tivverifika jekk, fil-kawża prinċipali, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, ir-reklamar inkwistjoni jonqosx milli jissodisfa r-rekwiżit ta’ oġġettività tal-paragun u/jew huwiex ta’ natura qarrieqa, minn naħa, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tal-konsumatur medju tal-prodotti kkonċernati, normalment informat u raġonevolment attent u avżat u, min-naħa l-oħra, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet li jidhru fl-imsemmi reklamar, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-ħwienet tal-istabbiliment ta’ min jirreklama u dawk tal-istabbilimenti kompetituri li l‑prezzijiet tagħhom ġew ipparagunati, u, b’mod iktar ġenerali, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tiegħu.

Firem


** Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.