Language of document : ECLI:EU:C:2014:256

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

10 ta’ April 2014 (*)


Werrej


I –  Il-kuntest ġuridiku

II –  Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

III –  Ir-rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

IV –  It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

V –  Fuq l-appelli

A –  Fuq l-appell tal-Kummissjoni

1.  Fuq l-ewwel tliet aggravji u s-seba’ aggravju

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

2.  Fuq il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-fondatezza tal-appell tal-Kummissjoni

B –  Fuq l-appell ta’ Reyrolle

1.  Fuq l-ewwel aggravju bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ individwalitŕ tal-pieni u tas-sanzjonijiet

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

2.  Fuq it-tieni aggravju bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalitŕ

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

C –  Fuq l-appell ta’ SEHV u ta’ Magrini

1.  Fuq l-ewwel żewġ appelli bbażati rispettivament fuq ksur tal-prinċipju ne ultra petita u tan-nuqqas ta’ osservanza tal-awtoritŕ ta’ res judicata.

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

2.  Fuq il-konsegwenzi li għandhom jittieħdu minħabba l-fondatezza tal-appell ta’ SEHV u ta’ Magrini

VI –  Fuq l-ispejjeż

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordju — Suq tal-proġetti relatati ma’ switchgear insulat bil-gass — Responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa — Kunċett ta’ impriża — Prinċipji ta’ responsabbiltà personali u ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet — Ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali — Prinċipju ne ultra petita — Prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament”


Fil-Kawżi magħquda C-231/11 P sa C-233/11 P,

li għandhom bħala suġġett tliet appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fit-13 u fis-16 ta’ Mejju 2011,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Antoniadis, kif ukoll minn R. Sauer u N. von Lingen, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu, (C‑231/11 P),

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Siemens AG Österreich, stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija),

VA Tech Transmission & Distribution GmbH & Co. KEG, stabbilita fi Vjenna,

Siemens Transmission & Distribution Ltd, stabbilita f’Manchester (ir-Renju Unit),

Siemens Transmission & Distribution SA, stabbilita fi Grenoble (Franza),

Nuova Magrini Galileo SpA, stabbilita f’Bergamo (l-Italja),

irrappreżentati minn H. Wollmann u F. Urlesberger, avukati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

u

Siemens Transmission & Distribution Ltd (C-232/11 P),

Siemens Transmission & Distribution SA,

Nuova Magrini Galileo SpA (C‑233/11 P),

irrappreżentati minn H. Wollmann u F. Urlesberger, avukati,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Antoniadis, kif ukoll minn R. Sauer u N. von Lingen, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Mħallef tar-Raba’ Awla, M. Safjan, J. Malenovský u A. Prechal (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Mejju 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fid-19 ta’ Settembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appelli tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea, Siemens Transmission & Distribution Ltd, Siemens Transmission & Distribution SA u Nuova Magrini Galileo SpA (iktar ’il quddiem, dawn it-tliet kumpanniji meħdua flimkien, il-“kumpanniji appellanti”) jitolbu l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens Österreich et vs Il‑Kummissjoni (T‑122/07 sa T‑124/07, Ġabra p. II‑793, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija annullat parzjalment u rriformat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 6762 finali, tal-24 ta’ Jannar 2007, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [81 KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.899 — Switchgear insulat bil-gass), li ġiet ippubblikata sinteżi tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, C 5, p. 7, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

I –  Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), intitolat “Multi” jipprovdi:

“[...]

2. Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

a)      jiksru l-Artikolu [81 KE] jew l-Artikolu [82 KE] [...]

[...]

3.      Fit-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.

[...]”

3        Skont l-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Reviżjoni mil-Qorti tal-Ġustizzja”:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hi tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti.”

II –  Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

4        Il-fatti li taw lok għal din il-kawża, hekk kif huma esposti fil-punti 1 sa 22 tas-sentenza appellata, jistgħu jitqassru kif ġej:

5        Il-kawża tirrigwarda akkordju dwar il-bejgħ ta’ switchgear insulat bil-gass (iktar ’il quddiem l-“SIG”) li jservi sabiex jiġi kkontrollat il-fluss ta’ enerġija fis-sistemi ta’ distribuzzjoni tal-elettriku. Dan huwa tagħmir tal-elettriku tqil, li jintuża bħala komponent ewlieni għal substations għall-ġenerazzjoni tal-elettriku (turnkey).

6        Fil-punti 1 sa 3 tas-sentenza appellata, il-kumpanniji differenti implikati f’din il-kawża huma ppreżentati kif ġej:

“1      Fl‑20 ta’ Settembru 1998, VA Technologie AG [(iktar ’il quddiem ‘VQ Technologie’)] akkwistat sussidjarja ta’ Rolls‑Royce, jiġifieri Reyrolle Ltd, li saret VA Tech Reyrolle Ltd u sussegwentement Siemens Transmission & Distribution Ltd [...] (iktar ’il quddiem ‘Reyrolle’). Fit‑13 ta’ Marzu 2001, VA Technologie, permezz ta’ kumpannija 100 % sussidjarja, jiġifieri, VA Tech Transmission & Distribution GmbH & Co. KEG [...] (iktar ’il quddiem ‘KEG’), ikkontribwiet lil Reyrolle lill-kumpannija stabbilita mill-ġdid VA Tech Schneider High Voltage GmbH (iktar ’il quddiem ‘VAS’), li fiha, permezz tas-sussidjarja tagħha, hija kellha 60 % tal-ishma, fejn il-kumplament tal-ishma baqgħu miżmuma minn Schneider Electric SA [(iktar ’il quddiem ‘Schneider’)]. Il-kontribuzzjoni ta’ din tal-aħħar lil VAS kienet tikkonsisti fi Schneider Electric High Voltage SA, li saret VA Tech Transmission & Distribution SA, u sussegwentement Siemens Transmission & Distribution SA [...] (iktar ’il quddiem ‘SEHV’) u fi Nuova Magrini Galileo SpA [...] (iktar ’il quddiem ‘Magrini’), li preċedentement kienu 100 % sussidjarji tagħha, filwaqt li SEHV kien jiġbor, sa mill‑1999, l-attivitajiet antiki ta’ tensjoni għolja ta’ diversi sussidjarji ta’ Schneider [...]

2      F’Ottubru 2004, VA Technologie akkwistat, permezz ta’ KEG, l-ishma kollha ta’ Schneider [...] fil-kapital ta’ VAS.

3      Fl‑2005, Siemens AG [iktar ’il quddiem “Siemens”] akkwistat il-kontroll esklużiv tal-grupp li tiegħu l-kumpannija VA Technologie kienet il-kumpannija parent (iktar ’il quddiem il-‘grupp VA Tech’), permezz ta’ offerta pubblika ta’ akkwist imnedija minn sussidjarja, jiġifieri [...] Siemens AG Österreich (iktar ’il quddiem ‘Siemens Österreich’). Wara din il-kisba ta’ kontroll, VA Technologie u, sussegwentement, VAS ingħaqdu ma’ Siemens Österreich.”

7        Fit-3 ta’ Marzu 2004, ABB Ltd (iktar ’il quddiem “ABB”) indikat lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ akkordju fis-settur tal-SIG u ressqet talba orali għal immunità minn multi, skont l-Avviż tal-Kummissjoni, dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”). Fil-25 ta’ April 2004, il-Kummissjoni tat immunità kondizzjonali lil ABB.

8        Abbażi tad-dikjarazzjonijiet ta’ ABB, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni u mingħajr avviż wettqet spezzjonijiet, fil-11 u fit-12 ta’ Mejju 2004, fl-uffiċċji ta’ Siemens AG, ta’ Areva T&D SA, tal-grupp VA Tech, ta’ Hitachi Ltd u ta’ Japan AE Power Systems Corp. (iktar ’il quddiem “JAEPS”). Fl-20 ta’ April 2006, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ġiet innotifikata lil 20 kumpannija, li fosthom kien hemm il-kumpanniji appellanti. Laqgħa mal-kumpanniji kkonċernati seħħet fit-18 u fid-19 ta’ Lulju 2006.

9        Fl-24 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li ġiet innotifikata lil 20 kumpannija li lilhom kienet ġiet ikkomunikata d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jiġifieri, minbarra l-kumpanniji appellanti, Siemens Österreich, KEG, ABB, Alstom SA, Areva SA, Areva T D AG, Areva T&D Holding SA kif ukoll Areva T&D SA (iktar ’il quddiem, dawn l-erba’ kumpanniji meħuda flimkien, “Areva”), Fuji Electric Holdings Co. Ltd u Fuji Electric Systems Co. Ltd (iktar ’il quddiem, dawn l-aħħar żewġ kumpanniji meħuda flimkien, “Fuji”), Hitachi Ltd u Hitachi Europe Ltd (iktar ’il quddiem, dawn l-aħħar żewġ kumpanniji meħuda flimkien, “Hitachi”), JAEPS, Schneider, Mitsubishi Electric System Corp. (iktar ’il quddiem “Mitsubishi”) u Toshiba Corp. (iktar ’il quddiem “Toshiba”).

10      Fil-punti 14 sa 16 tas-sentenza appellata, il-karatteristiċi tal-akkordju, hekk kif ikkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata, huma miġbura kif ġej:

“14      Fil-premessi 113 sa 123 tad-deċiżjoni [kkontestata], il-Kummissjoni indikat li l-impriżi differenti li pparteċipaw fl-akkordju kienu kkoordinaw l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fuq livell dinji, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti swieq, skont regoli miftiehma, bil-għan b’mod partikolari li jżommu kwoti li jirriflettu fil-parti l-kbira s-sehem storiku stmat tagħhom. Hija ppreċiżat li l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG twettqet abbażi ta’ kwota konġunta “Ġappuniża” u ta’ kwota konġunta “Ewropea” li kellha mbagħad tinqasam bejn il-produtturi Ġappuniżi u l-produtturi Ewropej rispettivament. Ftehim iffirmat fi Vjenna [(l-Awstrija)] fil‑15 ta’ April 1988 (iktar ’il quddiem il-‘ftehim GQ’) kien jistabbilixxi r-regoli li jippermettu l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG kemm lill-produtturi Ġappuniżi, kif ukoll lill-produtturi Ewropej, u l-attribuzzjoni tal-valur tagħhom fuq il-kwota korrispondenti. Barra minn dan, fil-premessi 124 sa 132 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-impriżi differenti li pparteċipaw fl-akkordju kienu kkonkludew arranġament mhux bil-miktub (iktar ’il quddiem l-‘arranġament komuni’), li bis-saħħa tiegħu l-proġetti ta’ SIG fil-Ġappun, minn naħa, u fil-pajjiżi Ewropej membri tal-akkordju, min-naħa l-oħra, indikati konġuntment bħala l-“pajjiżi kostrutturi” tal-proġetti ta’ SIG, kienu rriżervati rispettivament għall-membri Ġappuniżi u għall-membri Ewropej tal-kartell. Il-proġetti ta’ SIG fil-“pajjiżi kostrutturi” ma kinux suġġetti għal skambju ta’ informazzjoni bejn iż-żewġ gruppi u ma kinux attribwiti fuq il-kwoti rispettivi.

15      Il-ftehim GQ kien jinkludi wkoll regoli dwar l-iskambju tal-informazzjoni neċessarja għat-tħaddim tal-kartell bejn iż-żewġ gruppi ta’ produtturi, li kien żgurat b’mod partikolari mis-segretarji tal-imsemmija gruppi, dwar il-manipulazzjoni tas-sejħa għal offerti u dwar l-iffissar tal-prezzijiet għal proġetti ta’ SIG li ma setgħux jiġu allokati. Skont it-termini tal-anness 2 tiegħu, il-ftehim GQ kien japplika għad-dinja kollha, bl-eċċezzjoni tal-Istati Uniti, tal-Kanada, tal-Ġappun u ta’ 17‑il pajjiż tal-Ewropa tal-Punent. Barra minn dan, bis-saħħa tal-arranġament komuni, il-proġetti ta’ SIG fil-pajjiżi Ewropej minbarra l-“pajjiżi kostrutturi” kienu wkoll irriżervati għall-grupp Ewropew, il-produtturi Ġappuniżi kienu obbligati li ma jressqux offerti għal proġetti ta’ SIG fl-Ewropa.

16      Skont il-Kummissjoni, it-tqassim ta’ proġetti ta’ SIG bejn il-produtturi Ewropej kien immexxi minn ftehim ukoll iffirmat fi Vjenna fil‑15 ta’ April 1988, u intitolat “E‑Group Operation Agreement for GQ‑Agreement” (Ftehim tal-grupp E għall-implementazzjoni tal-ftehim GQ) [...]. Hija indikat li l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa kienet issegwi l-istess regoli u proċeduri li jirregolaw l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG f’pajjiżi oħra. B’mod partikolari, il-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa kellhom ukoll jiġu nnotifikati, elenkati, allokati, arranġati jew kellhom jingħataw limitu minimu ta’ prezz.”

11      Abbażi tal-konstatazzjonijiet fattwali u tal-evalwazzjonijiet legali, il-Kummissjoni kkonkludiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-impriżi implikati kienu kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), u imponiet fuqhom multi li l-ammont tagħhom ġie kkalkolat skont il-metodoloġija esposta fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65 (5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171), kif ukoll fil-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

12      Il-Kummissjoni ddeċidiet li, skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, kellha tintlaqa’ t-talba għal immunità ta’ ABB, iżda li t-talbiet għal klemenza mressqa fejn fosthom kien hemm dik imressqa mill-grupp VA Tech kellhom jiġu miċħuda.

13      L-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2000/196 jipprovdu dan li ġej:

“Artikolu 1

L-impriżi li ġejjin kisru l-[Artikoli 81 KE u 43 tal-Ftehim ŻEE] billi pparteċipaw, matul il-perijodi msemmija, f’numru ta’ akkordji u prattiki miftehma fis-settur tal-[SIG] fiż-[Zona Ekonomika Ewropea (ŻEE)].

[...]

m)      [Magrin] mill-15 ta’ April 1988 sat-13 ta’ Diċembru 2000, u mill-1 ta’ April 2002 sal-11 ta’ Mejju 2004;

n)      [Schneider] mill-15 ta’ April 1988 sat-13 ta’ Diċembru 2000;

[...]

p)      Siemens [Österreich], mill-20 ta’ Settembru 1998 sat-13 ta’ Diċembru 2000, u mill-1 ta’ April 2002 sal-11 ta’ Mejju 2004;

q)      [Reyrolle], mill-15 ta’ April 1988 sat-13 ta’ Diċembru 2000, u mill-1 ta’ April 2002 sal-11 ta’ Mejju 2004;

r)      [SEHV], mill-15 ta’ April 1988 sat-13 ta’ Diċembru 2000, u mill-1 ta’ April 2002 sal-11 ta’ Mejju 2004;

[...]

t)      [KEG], mill-20 ta’ Settembru 1998 sat-13 ta’ Diċembru 2000, u mill-1 ta’ April 2002 sal-11 ta’ Mejju 2004.

Artikolu 2

Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, huma imposti l-multi li ġejjin:

[...]

j)      Schneider [...]: EUR 3 600 000;

k)      Schneider [...], in solidum ma’ [SEHV] u [Magrini]: EUR 4 500 000;

l)      [Reyrolle]: EUR 22 050 000 euros, li minnhom:

i)       EUR 17 550 000 in solidum ma’[SEHV] u [Magrini], u

ii)    EUR 12 600 000 in solidum ma’ Siemens [Österreich] u [KEG];

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

III –  Ir-rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

14      Mill-punti 33, 34 u 229 tas-sentenza appellata jirriżulta li, insostenn tat-talbiet għal annullament tagħhom, ir-rikorrenti kienu qajmu żewġ motivi:

15      L-ewwel motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 81(1) KE u 53(1) tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikoli 23(2) u (3), u 25 tar-Regolament Nru 1/2003. Dan il-motiv kien maqsum f’erba’ partijiet, ibbażati, l-ewwel nett, fuq nuqqas ta’ prova tal-ksur allegat, it-tieni, fuq żbalji ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-tul tal-ksur allegat, it-tielet, fuq l-ammont eċċessiv tal-multa imposta u, ir-raba’, fuq il-preskrizzjoni tal-ksur allegat għall-perijodu qabel is-16 ta’ Lulju 1998.

16      It-tieni motiv kien ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u tad-dritt għal smigħ u, b’mod partikolari, tad-dritt tar-rikorrenti li jeżaminaw ix-xhud kontra tagħhom, li jirriżulta mill-Artikolu 6(3)(d) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

17      Il-Qorti Ġenerali essenzjalment ikkonfermat l-eżistenza tal-ksur kif ikkonstatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll l-ammont tal-multa imposta fuq il-grupp VA Tech kollu kemm hu, jiġifieri s-somma tal-ammonti li għandhom jitħallsu minn kull waħda mill-kumpanniji li jikkostitwixxu dan il-grupp.

18      Jekk il-Qorti Ġenerali naqqset it-tul tal-ksur imwettaq mill-kumpanniji tal-grupp VA Tech billi eskludiet minnu l-perijodu bejn l-1 ta’ April u t-30 ta’ Ġunju 2002 u annullat, sa dak il-punt, id-deċiżjoni kkontestata (punti 63 sa 72 u 236 tas-sentenza appellata u l-punt 1 tad-dispożizzjoni tagħha), hija sussegwentement ikkonstatat, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li, skont il-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65 (5) tat-Trattat KEFA, dan it-tnaqqis tat-tul tal-ksur ma kellux effett fuq l-ammont tal-multa imposta fuq dawn il-kumpanniji (punt 261 tal-istess sentenza).

19      Madankollu wara raġunament magħmul fil-punti 137 sa 165 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 166 ta’ din is-sentenza, li, billi żammet lil Reyrolle, SEHV u Magrini responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ multa f’ammont li jeċċedi b’mod ċar ir-responsabbiltà komuni tagħhom, billi ma żammitx lil Siemens Österreich u KEG responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ parti mill-multa imposta fuq SEHV u fuq Magrini u billi ma żammitx lil Reyrolle responsabbli waħedha għal parti mill-multa imposta fuqha, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet.

20      Fil-punt 167 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kien hemm lok li jiġi annullat l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jikkonċerna l-kalkolu tal-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuq SEHV u fuq Magrini u sa fejn dan jikkonċerna l-iffissar tal-multi pagabbli in solidum mir-rikorrenti.

21      Fil-punti 236 sa 264 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li għamlet użu mill-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, irriformat il-multi imposti fuq ir-rikorrenti, billi ffissat ukoll, għal dawn il-multi differenti, is-sehem li kellu jitħallas minn kull waħda mill-kumpanniji fir-relazzjonijiet interni bejn kodebituri in solidum, skont il-prinċipji applikati fil-punti 158 u 159 ta’ din is-sentenza.

22      Minbarra dan, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, annullat l-Artikolu 2(j), (k) u (l), tad-deċiżjoni kkontestata u, fil-punt 3 ta’ din id-dispożittiv, iffissat l-ammont tal-multi kif ġej:

“–      [SEHV] u [Magrini], in solidum ma’ [Schneider]: EUR 8 100 000;

–      [Reyrolle], in solidum ma’ Siemens [Österreich], [KEG], [SEHV] u [Magrini]: EUR 10 350 000;

–      [Reyrolle], in solidum ma’ [Österreich] u [KEG]: EUR 2 250 000;

–      [Reyrolle]: EUR 9 450 000”.

IV –  It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23      Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, sa fejn jibbaża fuq il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 157 ta’ din is-sentenza, li skont din il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tistabbilixxi għal kull kumpannija li tagħmel parti mill-istess impriża l-parti tagħha tal-ammont tal-pagament li l-kumpanniji li jagħmlu parti minn din l-impriża jiġu kkundannati in solidum li jħallsu, u li tannulla l-punt 3 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, sa fejn il-Qorti Ġenerali permezz tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 158 ta’ din is-sentenza, flimkien mal-punti 245, 247, 262 u 263 tal-istess sentenza, tiffissa fih l-ammonti ġodda ta’ multi u tiddetermina fih il-parti minn dawn l-ammonti li għandha titħallas minn kull kumpannija.

–        sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata, sa fejn timponi fuq il-Kummissjoni, fil-punt 157 ta’ din is-sentenza, l-obbligu li tistabbilixxi għal kull kumpannija li tagħmel parti mill-istess impriża l-parti tagħha tal-ammonti tal-pagament li l-kumpanniji li jagħmlu parti minn din l-impriża jiġu kkundannati in solidum li jħallsu, u li tannulla din is-sentenza, sa fejn il-Qorti Ġenerali, permezz tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 158 flimkien mal-punti 246, 247, 262 u 263 tal-istess sentenza, tiddetermina fih il-parti tal-ammont tal-multi li għandha titħallas minn kull kumpannija u tbiddel, billi tagħmel hekk, id-deċiżjoni kkontestata;

–        tiċħad ir-rikorsi fil-Kawżi T‑122/07, T‑123/07 u T‑124/07 sa fejn huma intiżi li jannullaw l-Artikolu 2(j), (k) u (l) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-appellati u lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż relatati kemm mal-appell kif ukoll mal-proċedura tal-ewwel istanza.

24      Reyrolle, SEHV u Magrini jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell, u

–        tilqa’ kompletament it-talbiet rispettivi tagħhom.

25      Permezz tal-appell tagħha, Reyrolle titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tbiddel ir-raba’ inċiż tal-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata fis-sens li l-multa li hija imposta fuq Reyrolle titnaqqas bi EUR 7 400 000 tal-inqas;

–        sussidjarjament, tannulla l-punt 3 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza sa fejn jikkonċernaha u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26      Permezz tal-appell tagħhom, SEHV u Magrini jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata sa fejn jagħti deċiżjoni dwar in-nullità tal-Artikolu 2(j) u (k) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla l-ewwel inċiż tal-punt 3 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, li tikkonferma l-Artikolu 2(j) u (k) tad-deċiżjoni kkontestata u li tiddeċiedi, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 2(k) ta’ din id-deċiżjoni, li kull wieħed mid-debituri in solidum għandu jbati terz mill-ammont ta’ EUR 4 500 000;

–        sussidjarjament, tannulla l-ewwel inċiż tal-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

–        f’kull każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha

–        tiċħad l-appell ta’ Reyrolle kif ukoll dak ta’ SEHV u ta’ Magrini fl-intier tagħhom; u

–        tikkundanna lill-kumpanniji rikorrenti għall-ispejjeż tal-proċedura..

28      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2011, il-Kawżi C‑231/11 P sa C‑233/11 P huma magħqudin għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

V –  Fuq l-appelli

A –  Fuq l-appell tal-Kummissjoni

29      Il-Kummissjoni tqajjem seba’ aggravji ta’ annullament insostenn tal-appell tagħha, ibbażati fuq ksur, rispettivament, tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali, tal-prinċipji ta’ responsabbiltà personali u ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, tal-prinċipju ta’ ne ultra petita, tal-prinċipju ta’ kontradittorju, tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni fid-determinazzjoni tas-suġġetti ta’ dritt li fuqhom hija imputata r-responsabbiltà tal-ksur.

30      Għandhom jiġu eżaminati flimkien l-ewwel tliet aggravji kif ukoll is-seba’ aggravju.

1.     Fuq l-ewwel tliet aggravji u s-seba’ aggravju

a)     L-argumenti tal-partijiet

31      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni takkuża lill-Qorti Ġenerali li kisret l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, peress li interpretat din id-dispożizzjoni fis-sens li din tagħtiha s-setgħa, jew li timponi fuqha l-obbligu, li tiddetermina s-sehem rispettiv tal-kodebituri differenti, għall-finijiet tal-ħlas tal-multa li għaliha dawn huma obbligati in solidum li jħallsu lejn il-Kummissjoni minħabba l-ksur imwettaq mill-impriża li kienu jagħmlu parti minnha.

32      Is-setgħa li timponi multa, li l-Kummissjoni għandha skont din id-dispożizzjoni, tirrigwarda biss ir-relazzjoni esterna ta’ responsabbiltà in solidum, jiġifieri r-relazzjoni eżistenti bejn il-Kummissjoni u d-destinatarji tad-deċiżjoni li huma obbligati in solidum li jħallsu l-multa bħala parti minn impriża waħda, u mhux fuq ir-relazzjoni interna eżistenti bejn dawn il-kodebituri in solidum differenti.

33      Is-setgħa tal-Kummissjoni li tikkundanna in solidum diversi kumpanniji għall-ħlas ta’ multa tirriżulta direttament mir-responsabbiltà tal-“impriżi”. Ma jistax, min-naħa l-oħra, jiġi dedott mill-kunċett ta’ impriża kompetenza iktar estiża, li tippermetti lill-Kummissjoni li tiddetermina r-relazzjonijiet legali bejn il-kodebituri in solidum.

34      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, billi interpretat l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 fis-sens li jinkludi s-setgħa, jew tassew l-obbligu, li tirregola l-kwistjoni tar-relazzjonijiet interni bejn kodebituri in solidum u, billi għamlet hekk, fuq din il-bażi, iddeterminat konkretament is-sehem tal-kumpanniji rikorrenti varji, marret lil hinn mis-setgħat li tagħtiha l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, peress li din il-ġurisdizzjoni tikkonċerna biss ir-relazzjoni esterna eżistenti bejn il-Kummissjoni u l-impriża li fuqha ġiet imposta multa.

35      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet, fil-punt 153 tas-sentenza appellata, li l-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet jeħtieġ li kull destinatarju tad-deċiżjoni kkundannat għall-ħlas in solidum tal-multa għandu jkun jista’ jiddeduċi minn din id-deċiżjoni s-sehem li huwa għandu jbati fir-relazzjoni tiegħu mal-kodebituri in solidum tiegħu, ladarba l-Kummissjoni ma jkollhiex iktar interess fil-kwistjoni.

36      Dan il-prinċipju, bħall-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, japplika għall-impriża inkwantu tali u mhux għall-entitajiet legali differenti li jikkostitwixxu din tal-aħħar.

37      Il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet jeħtieġ li l-Kummissjoni teżamina, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, il-gravità dwar il-parteċipazzjoni ta’ kull waħda mill-impriżi li tkun wettqet ksur, abbażi tal-aġir individwali tal-impriżi kkonċernati u, jekk ikun il-każ, taċ-ċirkustanzi aggravanti jew taċ-ċirkustanzi attenwanti.

38      Permezz tas-seba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, sa fejn il-punt 150 tas-sentenza appellata jista’ jiġi interpretat fis-sens li hija għandha l-obbligu li tikkundanna għall-ħlas in solidum tal-multa lill-entitajiet kollha li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala responsabbli mill-parteċipazzjoni fi ksur imwettaq minn impriża, dan imur kontra l-libertà ta’ għażla li din l-istituzzjoni għandha f’dan ir-rigward.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39      Skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi multi fuq impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi meta, jew b’intenzjoni jew b’negliġenza, jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE jew tal-Artikolu 82 KE.

40      Fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet, fil-punt 157 tas-sentenza appellata, li hija esklużivament il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha li timponi multi, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li “tiddetermina s-sehem rispettiv tal-kumpanniji differenti fl-ammonti li huma kkundannati jħallsu in solidum, sa fejn dawn kienu jifformaw parti mill-istess impriża, u dan il-kompitu ma jistax jitħalla f’idejn il-qrati nazzjonali”.

41      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jikkonċerna l-attivitajiet tal-impriżi (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2013, ENI vs Il‑Kummissjoni, C‑508/11 P, punt 82, u tal-11 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs Stichting Administratiekantoor Portielje, C‑440/11 P, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      L-għażla tal-awturi tat-Trattati kienet li jużaw il-kunċett ta’ impriża sabiex jindikaw l-awtur ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, li jista’ jiġi ssanzjonat b’applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, u mhux kunċetti oħra bħall-kunċett ta’ kumpannija jew ta’ persuna ġuridika, użat, b’mod partikolari, fl-Artikolu 48 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑501/11 P, punt 102).

43      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ impriża jkopri kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha. Dan il-kunċett għandu jinftiehem fis-sens li jkopri unità ekonomika, anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika tkun magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni, C‑628/10 P u C‑14/11 P, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Meta tali unità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni, punt 42, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Stichting Administratiekantoor Portielje, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      F’dan il-kuntest, hemm lok li jitfakkar li, f’ċerti ċirkustanzi, persuna ġuridika li ma tkunx l-awtur ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tista’ madankollu tiġi ssanzjonata għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ persuna ġuridika oħra, peress li dawn il-persuni jkunu jagħmlu t-tnejn li huma parti mill-istess entità ekonomika u għalhekk jifformaw l-impriża li kisret l-Artikolu 81 KE.

46      Jirriżulta għalhekk minn ġurisprudenza stabbilita li l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm din ikollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax l-aġir tagħha stess fis-suq b’mod awtonomu, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u legali li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet legali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Stichting Administratiekantoor Portielje, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Jekk, fil-kuntest ta’ relazzjoni kapitalistika vertikali ta’ dan it-tip, il-kumpannija parent inkwistjoni titqies li tkun wettqet hija stess il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ir-responsabbiltà tagħha għall-ksur tirriżulta kompletament minn dik tas-sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Jannar 2013, Il‑Kummissjoni vs Tomkins, C‑286/11 P, punti 43 u 49, kif ukoll tas-26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il‑Kummissjoni, C‑50/12 P, punt 55).

48      Sussegwentement, il-Kummissjoni tkun fil-pożizzjoni li tqis lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, C‑201/09 P u C‑216/09 P, Ġabra p. I‑2239, punt 98).

49      Huwa għaldaqstant ġustament li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 150 tas-sentenza appellata li, skont il-ġurisprudenza, meta diversi persuni jistgħu jinżammu personalment responsabbli għall-parteċipazzjoni fi ksur imwettaq minn impriża waħda, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, huma għandhom jitqiesu li huma responsabbli in solidum għall-imsemmi ksur.

50      Il-kritika, magħmula mill-Kummissjoni lill-punt 150, fil-kuntest tas-seba’ aggravju tagħha, għandha tiġi miċħuda, peress li ma jirriżultax minn dan il-punt, imqiegħed fil-kuntest tiegħu u moqri fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fih, li l-Kummissjoni effettivament għandha l-obbligu li tikkundanna in solidum multa fuq il-persuni kollha li jistgħu jiġu meqjusa personalment responsabbli mill-parteċipazzjoni fi ksur imwettaq minn impriża waħda.

51      Meta l-Kummissjoni għalhekk ikollha, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-possibbiltà li tikkundanna in solidum għall-ħlas ta’ multa lil diversi persuni ġuridiċi li jagħmlu parti minn impriża waħda responsabbli mill-ksur, id-determinazzjoni mill-Kummissjoni, tal-ammont ta’ din il-multa, sa fejn hija tapplika, f’dan il-każ, il-kunċett ta’ impriża, li huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni, hija suġġetta għal ċerti restrizzjonijiet li jimponu li jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-impriża kkonċernata, hekk kif kienet ikkostitwita matul il-perijodu meta twettaq il-ksur.

52      Meta hija tistabbilixxi r-relazzjoni esterna ta’ responsabbiltà in solidum, il-Kummissjoni b’mod partikolari għandha l-obbligu li tosserva l-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, li jeżiġi li, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, l-ammont tal-multa imposta jiġi stabbilit skont il-gravità tal-ksur individwalment ikkritikat lill-impriża kkonċernata, u t-tul tiegħu.

53      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li fost l-elementi li jistgħu jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u li jistgħu, minħabba f’hekk, jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi individwalizzata l-multa imposta fuq l-entità ekonomika kkonċernata hemm l-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati, ir-rwol li kull waħda minnhom kellha fl-istabbiliment tal-ftehimiet u tal-prattiki miftiehma, il-qligħ li dawn setgħu jagħmlu minn dawn il-ftehimiet jew prattiki, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Unjoni (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 242).

54      F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali barra minn hekk iddeċidiet ġustament, minn naħa, fil-punt 153 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma tistax tiddetermina liberament l-ammonti li għandhom jitħallsu in solidum u, min-naħa l-oħra, fil-punt 154 ta’ din is-sentenza, li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-konstatazzjonijiet li hija kienet għamlet, fil-premessa 468 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tar-responsabbiltà tal-impriżi differenti għall-perijodi ta’ ksur li jikkonċernawhom.

55      Jekk huwa veru li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multi għandha neċessarjament tiġi indirizzata lill-persuni ġuridiċi li jikkostitwixxu impriża, din ir-restrizzjoni, li għandha natura purament prattika, ma timplikax li, meta l-Kummissjoni tagħmel użu mill-possibbiltà li tikkundanna in solidum għall-ħlas ta’ multa diversi persuni ġuridiċi, peress li huma kienu jifformaw impriża waħda waqt it-twettiq tal-ksur, ir-regoli u l-prinċipji tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jkunu applikabbli mhux biss għall-impriża kkonċernata, iżda wkoll għall-persuni ġuridiċi li jikkomponuha.

56      Jirriżulta minn dan kollu li r-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, inklużi dawk dwar is-setgħa ta’ sanzjoni tal-Kummissjoni, u l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni ta’ responsabbiltà personali għall-ksur u ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet li għandhom jiġu osservati matul l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ta’ sanzjoni, jikkonċernaw biss lill-impriża inkwantu tali u mhux lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jagħmlu parti minnha.

57      B’mod partikolari, il-kunċett tad-dritt tal-Unjoni ta’ responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa, sa fejn huwa biss manifestazzjoni ta’ effett ipso iure tal-kunċett ta’ impriża, jikkonċerna biss lill-impriża u mhux lill-kumpanniji li jikkomponuha.

58      Jekk jirriżulta mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 li l-Kummissjoni tista’ tikkundanna għal ħlas ta’ multa in solidum lil diversi kumpanniji, sa fejn huma kienu jagħmlu parti mill-istess impriża, la t-test ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas l-għan ta’ mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li din is-setgħa ta’ sanzjoni tkopri, lil hinn mid-determinazzjoni tar-relazzjoni esterna ta’ responsabbiltà in solidum, li jiġi stabbilit is-sehem tal-kodebituri in solidum fil-kuntest tar-relazzjoni interna tagħhom.

59      Bil-kontra, l-għan tal-mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum jeżisti fil-fatt li jikkostitwixxi strument ġuridiku supplimentari, li l-Kummissjoni għandha sabiex issaħħaħ l-effettività tal-azzjoni tagħha fil-qasam tal-irkupru tal-multi imposti għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, peress li dan il-mekkaniżmu jnaqqas, għall-Kummissjoni bħala kreditur tad-dejn li dawn il-multi jirrappreżentaw, ir-riskju ta’ insolvenza, li jifforma parti mill-għan ta’ dissważjoni li huwa b’mod ġenerali mfittex mid-dritt tal-kompetizzjoni, hekk kif il-Qorti Ġenerali barra minn hekk affermat, essenzjalment u ġustament, fil-punt 151 tas-sentenza appellata (ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, Berel et, C‑78/10, Ġabra p. I‑717, punt 48).

60      Issa, id-determinazzjoni, fir-relazzjoni interna eżistenti bejn kodebituri in solidum, tas-sehem tagħhom ma ssegwix għan doppju, Din hija, fil-fatt, kwistjoni kontenzjuża li tiġi ttrattata fi stadju ulterjuri, li bħala prinċipju ma tirrappreżentax iktar interess għall-Kummissjoni, sa fejn il-multa kollha tkun ġiet imħallsa lilha minn wieħed jew iktar minn dawn il-kodebituri.

61      Minbarra dan, la r-Regolament Nru 1/2003 u lanqas id-dritt tal-Unjoni b’mod ġenerali ma jinkludu regoli li jippermettu li tiġi solvuta tali kwistjoni kontenzjuża, dwar it-tqassim fuq il-pjan intern tad-dejn għall-ħlas li l-kumpanniji kkonċernati huma obbligati in solidum li jħallsu (ara, b’analoġija, is-sentenza Berel, iċċitata iktar ’il fuq, punti 42 u 43).

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-assenza ta’ ffissar b’kuntratt tas-sehem tal-kodebituri ta’ multa li huma ġew ikkundannati jħallsu in solidum, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jistabbilixxu, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, dan is-sehem, billi japplikaw id-dritt nazzjonali applikabbli għat-tilwima.

63      F’dan il-kuntest, l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali mal-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri, li l-Kummissjoni għandha skont l-Artikolu 4 TFUE, japplika fil-kuntest ta’ kawżi ta’ rkupru mressqa quddiem il-qrati nazzjonali, minkejja l-fatt li dawn l-azzjonijiet bħala prinċipju għandhom jiġu deċiżi abbażi tad-dritt nazzjonali applikabbli. Fil-fatt, minn naħa, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistipula kundanna in solidum għall-ħlas ta’ multa, li fiha hija tidentifika l-kodebituri in solidum u tistabbilixxi l-ammont massimu li jista’ jintalab minn kull wieħed fosthom mill-Kummissjoni, tiffissa l-kuntest ġuridiku li fih għandha tingħata deċiżjoni dwar dawn l-azzjonijiet. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tista’ jkollha elementi rilevanti sabiex tistabbilixxi s-sehem tal-kodebituri.

64      Jirriżulta minn dan kollu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 157 tas-sentenza appellata, li huwa l-obbligu esklużiv tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha li timponi multi, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, “li tiddetermina s-sehem rispettiv tal-kumpanniji differenti fl-ammonti li huma kkundannati jħallsu in solidum, sa fejn dawn kienu jifformaw parti mill-istess impriża, u [li], dan il-kompitu ma jistax jitħalla f’idejn il-qrati nazzjonali”.

65      Isegwi wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi oħra meta ddikjarat, fl-ewwel lok, fil-punti 153 sa 159 tas-sentenza appellata, ċerti prinċipji dwar ir-relazzjoni interna ta’ responsabbiltà in solidum.

66      Fl-ewwel lok, peress li, hekk kif diġà ntqal fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet jikkonċerna biss lill-impriża inkwantu tali u mhux lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jagħmlu parti minnha, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata bi żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 153 ta’ din is-sentenza, li jirriżulta minn dan il-prinċipju li kull kumpannija għandha tkun tista’ tiddeduċi mid-deċiżjoni li timponi fuqha multa li għandha titħallas in solidum flimkien ma’ kumpannija waħda jew iktar is-sehem li hija għandha tbati fir-relazzjoni tagħha mal-kodebituri in solidum tagħha, ladarba l-Kummissjoni ma jkollhiex iktar interess fil-kwistjoni.

67      Sussegwentement, peress li, hekk kif diġà ntqal fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jistabbilixxu, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, is-sehem tal-kodebituri ta’ multa imposta in solidum billi japplikaw id-dritt nazzjonali applikabbli għat-tilwima, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 155 tas-sentenza appellata, minn naħa, li l-kunċett ta’ responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multi huwa kunċett awtonomu li għandu jiġi interpretat b’riferiment għall-għanijiet u għas-sistema tad-dritt tal-kompetizzjoni li fiha huwa jipparteċipa, u, jekk ikun il-każ, għall-prinċipji ġenerali li jirriżultaw mit-totalità tas-sistemi tad-dritt nazzjonali u, min-naħa l-oħra, li, anki jekk in-natura tal-obbligu ta’ ħlas fuq il-kumpanniji li l-Kummissjoni imponiet fuqhom multi li għandhom jitħallsu in solidum, minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, hija differenti minn dik tal-kodebituri ta’ obbligu rregolat mid-dritt privat, hemm lok li tittieħed ispirazzjoni, b’mod partikolari, mill-qafas ġuridiku tal-obbligu in solidum.

68      Barra minn hekk, peress li s-setgħa ta’ sanzjoni tal-Kummissjoni tikkonċerna biss id-determinazzjoni tar-relazzjoni esterna ta’ responsabbiltà in solidum, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 156 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni timponi fuq diversi kumpanniji l-obbligu li jħallsu in solidum multa neċessarjament tipproduċi l-effetti kollha marbuta, ex lege, mal-qafas ġuridiku tal-ħlas tal-multi fid-dritt tal-kompetizzjoni, u dan kemm fir-relazzjonijiet bejn il-kreditur u l-kodebituri in solidum kif ukoll fir-relazzjonijiet tal-kodebituri in solidum bejniethom.

69      Fl-aħħar nett, il-punti 158 u 159 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żball ta’ liġi sa fejn, fihom, il-Qorti Ġenerali essenzjalment iddeċidiet li, fl-assenza ta’ kwalunkwe konstatazzjoni fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa fuq diversi kumpanniji li għandha titħallas in solidum, li fil-fehma tagħha, fi ħdan l-impriża, ċerti kumpanniji huma iktar responsabbli minn oħrajn mill-parteċipazzjoni tal-imsemmija impriża fl-akkordju matul perijodu speċifiku, hemm lok li wieħed jassumi li huma għandhom responsabbiltà indaqs u, għaldaqstant, sehem ugwali fl-ammonti imposti fuqhom in solidum.

70      Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxix tali regoli ta’ responsabbiltà għal sehmijiet ugwali applikabbli awtomatikament, peress li, hekk kif intqal fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, is-sehem tal-kodebituri ta’ multa li tirriżulta minn kundanna in solidum għandu, bla ħsara għall-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, jiġi stabbilit skont id-dritt nazzjonali.

71      Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi enfasizzat li, bħala prinċipju, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li tqassim intern ta’ tali multa jseħħ skont regola tad-dritt nazzjonali li tiddetermina s-sehem tal-kodebituri in solidum billi tieħu inkunsiderazzjoni r-responsabbiltà tagħhom jew il-ħtija tagħhom fir-rigward tat-twettiq tal-ksur ikkritikat lill-impriża li jagħmlu parti minnha, flimkien ma’, jekk ikun il-każ, regola applikabbli awtomatikament, li tipprevedi li, jekk ma jistax jintwera mill-kumpanniji li jilmentaw tqassim f’sehmijiet mhux ugwali li ċerti kumpanniji huma iktar responsabbli minn oħrajn mill-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fl-akkordju matul perijodu partikolari, il-kumpanniji kkonċernati għandhom jitqiesu li huma responsabbli għal sehem indaqs.

72      Fit-tieni lok, il-punti 245, 247, 262 u 263 tas-sentenza appellata, li jikkritikaw lill-Kummissjoni, huma wkoll ivvizzjati bi żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali tiddetermina, permezz tagħhom, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa li hija rrikonoxxuta lilha, skont l-Artikolu 261 TFUE, fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, is-sehem tal-ammont tal-multi li għandha titħallas minn kull kumpannija li tagħmel parti mill-impriża inkwistjoni għall-perijodu ta’ ksur ikkonċernat.

73      Fil-fatt, sabiex tikkunsidra, fil-punti tas-sentenza appellata, dan it-tqassim intern, il-Qorti Ġenerali espressament ibbażat ruħha fuq il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 158 u 159 ta’ din is-sentenza. Issa, hekk kif diġà ntqal fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, dawn il-kunsiderazzjonijiet, sa fejn jistabbilixxu regola ta’ responsabbiltà għal sehem ugwali applikabbli awtomatikament, kif previst fid-dritt tal-Unjoni, huma vvizzjati minn żball ta’ liġi.

74      Barra minn hekk, peress li, hekk kif jirriżulta minn din is-sentenza, is-setgħa ta’ sanzjoni li għandha l-Kummissjoni skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ma tinkludix dik li tqassam il-multa imposta bejn il-kodebituri in solidum fil-kuntest tar-relazzjoni interna tagħhom, ladarba din tkun tħallset kompletament u, sussegwentement, ladarba l-Kummissjoni ma jkollhiex iktar interess fil-kwistjoni, il-Qorti Ġenerali ma tistax ikollha iktar tali setgħa ta’ tqassim fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha li hija rrikonoxxuta lilha fl-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament sabiex tħassar, tnaqqas jew iżżid din il-multa.

75      Fil-fatt, peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ġurisdizzjoni sħiħa li għandha l-Qorti Ġenerali tawtorizzaha sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’tagħha stess (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Alliance One International vs Il‑Kummissjoni, C‑679/11 P, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata), din il-ġurisdizzjoni ma tistax tiġi estiża għal evalwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt is-setgħa ta’ sanzjoni tal-Kummissjoni.

76      Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li l-ewwel tliet aggravji tal-Kummissjoni għandhom jintlaqgħu, filwaqt li s-seba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

77      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-appell tal-Kummissjoni jiġi milqugħ, mingħajr ma huwa neċessarju għall-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina r-raba’, il-ħames u s-sitt aggravji tagħha. Fil-fatt, dawn l-aggravji għandhom natura strettament sussidjarja meta pparagunati mal-ewwel tliet aggravji ta’ dan l-appell, peress li huma bbażati fuq il-premessa li l-ewwel tliet aggravji jiġu miċħuda mill-Qorti Ġenerali. Minbarra dan, kieku kellhom jintlaqgħu, dawn l-aggravji ma jistgħux iwasslu għall-annullament tas-sentenza appellata li jmur lil hinn minn dak li jirriżulta mill-fondatezza tal-ewwel tliet aggravji.

2.     Fuq il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-fondatezza tal-appell tal-Kummissjoni

78      Għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li l-fondatezza tal-appell tal-Kummissjoni ma hijiex ta’ natura li twassal għall-annullament tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, mitlub prinċipalment minnha.

79      Fil-fatt, jirriżulta mill-punti 137 sa 167, kif ukoll mill-punt 237 tas-sentenza appellata, li l-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-kalkolu tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq SEHV u fuq Magrini, u f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-ammonti li għandhom jitħallsu in solidum mir-rikorrenti, għat-tliet raġunijiet segwenti, li peress li qieset lil Reyrolle, SEHV u Magrini responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ multa għal ammont li jeċċedi b’mod ċar ir-responsabbiltà in solidum tagħhom, billi ma qisitx responsabbli in solidum lil Siemens Österreich u lil KEG mill-ħlas ta’ parti mill-multa imposta fuq SEHV u fuq Magrini u billi ma imponietx fuq Reyrolle parti biss mill-multa li ġiet imposta fuqha, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet.

80      Issa, hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn it-tliet raġunijiet, li mill-bqija ma humiex ikkontestati mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li bbażat fuqhom il-Qorti Ġenerali sabiex tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jirriżultawx mill-applikazzjoni tal-prinċipji dwar ir-relazzjoni interna ta’ responsabbiltà in solidum, kif stabbiliti fil-punti 153 sa 159 tas-sentenza appellata, u li ġew appellati mill-Kummissjoni.

81      Bil-kontra, dan il-motiv jirriżulta mill-applikazzjoni tal-prinċipji li jirregolaw ir-relazzjoni esterna ta’ responsabbiltà in solidum, jiġifieri r-responsabbiltà ta’ kull waħda mill-kumpanniji għall-ħlas sħiħ lill-Kummissjoni tal-multa imposta fuq l-impriża li kienu jagħmlu parti minnha matul it-twettiq tal-ksur, kif imfakkra mill-Qorti Ġenerali fil-punti 148 sa 142, fl-ewwel sentenza tal-punt 153 kif ukoll fil-punt 154 tas-sentenza appellata, li ma huma vvizzjati bl-ebda żball ta’ liġi, hekk kif jirriżulta mill-punti 49, 54, 57 u 59 ta’ din is-sentenza.

82      Min-naħa l-oħra, il-fondatezza tal-ewwel tliet aggravji invokati mill-Kummissjoni twassal għall-annullament tal-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, hekk kif titlob ukoll din l-istituzzjoni, sa fejn jirriżulta espressament mill-punti 245, 247, 262 u 263 ta’ din is-sentenza li d-determinazzjoni tas-sehem tal-kumpanniji inkwistjoni fir-relazzjoni interna tagħhom, imwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha abbażi tal-prinċipji relatati mat-tqassim intern tad-dejn in solidum stabbiliti fil-punti 156 u 159 ta’ din is-sentenza, tagħmel parti mill-kunsiderazzjonijiet li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali sabiex tirriforma u sussegwentement timponi l-multi elenkati fil-punt 3 tad-dispożittiv tal-istess sentenza.

83      Isegwi li l-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata għandu jiġi annullat sa fejn jimplika l-iffissar tas-sehem tal-ammonti tal-multi li għalihom ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ġew ikkundannati in solidum li jħallsu.

84      Peress li l-kumplament tar-rikorsi ġew miċħuda, skont il-punt 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba tal-Kummissjoni intiża għaċ-ċaħda tar-rikorsi fil-Kawżi T‑122/07, T‑123/07 u T‑124/07 f’dak li jikkonċerna l-annullament tal-Artikolu 2(j), (k) u (l) tad-deċiżjoni kkontestata mitlub mir-rikorrenti fl-ewwel istanza.

B –  Fuq l-appell ta’ Reyrolle

85      Insostenn tal-appell tagħha, Reyrolle tqajjem żewġ aggravji, ibbażati fuq ksur, l-ewwel, tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet u, it-tieni, tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità.

1.     Fuq l-ewwel aggravju bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet

a)     L-argumenti tal-partijiet

86      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Reyrolle ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, sa fejn il-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, kisret l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 billi imponiet il-multa fuq l-impriża kkostitwita minn Rolls-Royce u minn Reyrolle għall-perijodu mill-1988 sa 1998 mhux abbażi tas-sitwazzjoni ta’ din l-impriża, iżda skont is-saħħa ekonomika ta’ unità ekonomika li nħolqot biss xi snin iktar tard, bil-bejgħ ta’ Reyrolle lil VA Technologie.

87      Reyrolle ssostni li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex tikkalkola ammont inizjali wieħed billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ u l-parti tas-suq tal-impriża kkostitwita mill-grupp VA Tech, iżda kellha tiddetermina ammont inizjali differenti għal Reyrolle skont il-perijodu preċedenti, li matulu, hekk kif ġie ppreċiżat fil-punt 6 ta’ din is-sentenza, hija kienet tikkostitwixxi sussidjarja tal-impriża Rolls-Royce, jiġifieri l-perijodu bejn il-15 ta’ April 1988 u l-20 ta’ Settembru 1998.

88      Skont Reyrolle, l-ammont inizjali, għall-perijodu qabel il-bejgħ ta’ Reyrolle lil VA Technologie, kellu jiġi stabbilit abbażi tal-parti tas-suq tal-impriża kkostitwita minn Rolls-Royce u minn Reyrolle u unikament mid-dħul mill-bejgħ ta’ din l-impriża. B’dan il-mod, il-multa totali imposta fuq Reyrolle kellha titla’ sa massimu ta’ EUR 2.05 miljun.

89      Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa infondat. Hija ssostni li ma kienx iġġustifikat li jiġi stabbilit ammont inizjali differenti għall-perijodu li matulu Reyrolle kienet tagħmel parti mill-impriża Rolls-Royce, peress li ebda ksur ma seta’ jiġi kkritikat lill-kumpannija parent ta’ din l-impriża. Fi kwalunkwe każ, anki jekk tali ammont inizjali differenti kellu jiġi adottat, skont l-informazzjoni disponibbli, il-multa kienet tiżdied u mhux tonqos.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

90      Reyrolle ssostni li l-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet jeżiġi li, peress li, matul il-perijodu li fih hija pparteċipat fl-akkordju inkwistjoni, hija kienet għamlet part suċċessivament minn żewġ impriżi, jiġifieri l-impriża Rolls-Royce u wara l-impriża kkostitwita mill-grupp VA Tech, il-multa ta’ EUR 9 450 000, li l-Qorti Ġenerali kienet imponiet fuqha individwalment fl-aħħar inċiż tal-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, kellu jiġi kkalkolat abbażi ta’ żewġ ammonti inizjali differenti għaż-żewġ impriżi inkwistjoni, li jkopru ż-żewġ perijodi ta’ ksur suċċessivi, li matulhom hija kienet parti f’kull waħda minn dawn l-impriżi.

91      Hekk kif diġà ntqal fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet jeżiġi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, l-ammont tal-multa għandu jiġi stabbilit skont il-gravità tal-ksur individwalment ikkritikat lill-impriża kkonċernata, u t-tul tiegħu. Dan il-prinċipju japplika wkoll meta, bħal f’dan il-każ, tkun il-Qorti Ġenerali li tistabbilixxi l-ammont tal-multa fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

92      Issa, hekk kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 131 sa 134 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta mill-punti 140, 144 u 164 tas-sentenza appellata li, għad-determinazzjoni tal-multa li għandha tiġi imposta separatament fuq Reyrolle skont il-perijodu li matulu kienet għamlet parti mill-grupp Rolls-Royce, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-kunsiderazzjoni li, matul dan il-perijodu, il-ksur kien twettaq b’mod awtonomu minn Reyrolle, peress li l-Kummissjoni kienet ikkonstatat li, fir-rigward tal-kumpannija parent tal-impriża Rolls-Royce, il-ksur kien preskritt. Jibqa’ xorta paċifiku li, għall-perijodu sussegwenti tal-ksur, Reyrolle kompliet bil-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju bħala parti mill-impriża kkostitwita mill-grupp VA Tech, li l-impriża parent tagħha, VA Technologie, ukoll tqieset responsabbli għall-ksur.

93      Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, peress li ebda ksur ma ġie kkritikat individwalment lill-impriża Rolls-Royce, il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet kien jeżiġi li l-ammont tal-multa jiġi stabbilit mhux skont il-karatteristiċi ta’ din l-impriża, iżda ta’ impriża waħda, ikkostitwita, qabel l-akkwist tagħha minn VA Technologie, esklużivament minn Reyrolle u, wara dan l-akkwist, minn Reyrolle u minn kumpanniji oħra tal-grupp VA Tech li pparteċipaw fl-akkordju.

94      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali setgħet tiddetermina ammont inizjali wieħed għall-impriża kkostitwita mill-grupp VA Tech, abbażi tad-dħul mill-bejgħ tagħha tas-sena 2003, l-aħħar sena ta’ ksur kompleta, billi qassmet sussegwentement ir-responsabbiltà tal-ksur imwettaq bejn id-diversi kumpanniji għall-perijodi li matulhom dawn ipparteċipaw fl-akkordju.

95       F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-ewwel aggravju ta’ Reyrolle jiġi miċħud.

2.     Fuq it-tieni aggravju bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità

a)     L-argumenti tal-partijiet

96      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Reyrolle tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità sa fejn, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, hija applikat metodi ta’ kalkolu differenti minn dawk adottati għal kumpanniji oħra, liema metodi kienu ta’ żvantaġġ sinjifikattiv għaliha meta pparagunati ma’ dawk tal-kumpanniji l-oħra.

97      Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna SEHV u Magrini, kumpanniji li suċċessivament kienu għamlu parti mill-impriża Schneider u mill-impriża VA Tech, jirriżulta mill-punt 241 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali stabbilixxiet ammonti inizjali differenti għal kull perijodu li matulu dawn il-kumpanniji kienu jappartjenu għal impriża differenti. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ Reyrolle, il-Qorti Ġenerali kienet applikat metodu totalment differenti, peress li hija ffissat il-multa abbażi ta’ ammont inizjali uniformi, minkejja li din il-kumpannija kienet tappartjeni matul il-perijodu ta’ ksur għal impriżi differenti, li kien wassal għall-impożizzjoni fuq din il-kumpannija ta’ multa sproporzjonata.

98      Fit-tieni lok, id-diskriminazzjoni li kienet issubixxiet Reyrolle tkun ikbar jekk il-metodu ta’ kalkolu tal-multa li ġiet imposta fuqha kien paragunabbli ma’ dak segwit mill-Kummissjoni għal ċerti kumpanniji Ġappuniżi li kienu jinsabu f’sitwazzjoni perfettament paragunabbli ma’ tagħha, peress li, għal dawn l-impriżi, il-Qorti Ġenerali kienet ibbażat ruħha fuq ammonti inizjali differenti għall-perijodu qabel l-integrazzjoni tal-attivitajiet tagħhom fis-settur tal-SIG f’impriża komuni.

99      Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa inammissibbli, peress li ma tqajjimx quddiem il-Qorti Ġenerali, u li konsegwentement jikkostitwixxi motiv ġdid. Dan l-aggravju huwa fi kwalunkwe każ infondat.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

100    Fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-tieni aggravju, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

101    Jekk huwa veru li Reyrolle ma invokatx fl-ewwel istanza l-allegati diskriminazzjonijiet li għalihom tirreferi f’dan l-aggravju, din iċ-ċirkustanza ma hijiex ta’ natura li tirrendi dan l-aggravju inammissibbli.

102    Fil-fatt, Reyrolle għandha dritt li tippreżenta appell billi ssostni, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, aggravji li rriżultaw mis-sentenza appellata stess u li huma intiżi li jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza tagħha (sentenza tad-29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il‑Kummissjoni, C‑176/06 P, punt 17).

103    F’dan il-każ, Reyrolle tikkritika lill-Qorti Ġenerali li applikat fuqha trattament diskriminatorju meta hija stabbilixxiet, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuqha. Jekk huwa veru li għall-kalkolu tal-multi l-Qorti Ġenerali użat l-istess metodu bħal dak adottat mill-Kummissjoni, xorta jibqa’ l-fatt li, meta għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali għamlet dan il-metodu bħala wieħed tagħha u li d-diskriminazzjoni allegata li Reyrolle tilmenta dwarha tirriżulta mill-kalkolu ġdid tal-multa, kif sar mill-Qorti Ġenerali, li tinsab, bħala konsegwenza, fl-oriġini fis-sentenza appellata.

104    Barra minn hekk, dan l-aggravju, sa fejn huwa intiż għall-kalkolu tal-multa, kif sar mill-Qorti Ġenerali fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli, peress li, min-natura tiegħu stess, ma setax jitqajjem fl-ewwel istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alliance One International vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    Fir-rigward tal-eżami tal-mertu ta’ dan l-aggravju, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ma jistax iwassal, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, għal diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw fi ftehim li jmur kontra l-Artikolu 101(1) TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il‑Kummissjoni, C‑70/12 P, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    Minbarra dan jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huwa miksur biss f’sitwazzjonijiet li huma komparabbli iżda jiġu ttrattati b’mod differenti jew f’sitwazzjonijiet differenti li huma ttrattati b’mod identiku, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C‑76/06 P, p. I‑4405 punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma ġiex miksur, peress li Reyrolle ma kinitx tinsab f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-grupp Schneider u lanqas ma’ dik tal-produtturi Ġappuniżi.

108    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-allegazzjoni li Reyrolle ġiet iddiskriminata meta pparagunata ma’ SEHV u ma’ Magrini, diġà ġie rrilevat fil-punti 92 u 93 ta’ din is-sentenza li Reyrolle pparteċipat fil-ksur inkwistjoni billi għamlet parti minn impriża waħda, jiġifieri dik ikkostitwita mill-grupp VA Tech, li l-kompożizzjoni tagħha żviluppat matul il-perijodu tal-ksur.

109    Sussegwentement, din is-sitwazzjoni hija differenti minn dik li kienu jinsabu fiha SEHV u Magrini. Fil-fatt, dawn il-kumpanniji kienu suċċessivament ipparteċipaw fil-ksur inkwistjoni billi għamlu parti minn żewġ impriżi differenti, jiġifieri, fl-ewwel lok, bħala parti mill-impriża li Schneider kienet il-kumpannija parent tagħha, sussegwentement, wara l-bejgħ tagħhom lil VA Technologie, bħala parti mill-impriża kkostitwita mill-grupp VA Tech. Barra minn hekk, kemm Schneider kif ukoll VA Technologie kienu personalment tqiesu responsabbli tal-parteċipazzjoni f’dan l-akkordju.

110    Bl-istess mod, ma jistax jitqies li Reyrolle u l-produtturi Ġappuniżi kienu jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-produtturi Ġappuniżi inkwistjoni, jiġifieri Fuji u Hitachi, minn naħa, u Mitsubishi u Toshiba, min-naħa l-oħra, kienu inizjalment ipparteċipaw f’dan l-akkordju indipendentement. Jekk, fl-1 ta’ Ottubru 2002, dawn il-kumpanniji kienu integraw l-attivitajiet tagħhom fis-settur tal-SIG f’żewġ impriżi komuni, jiġifieri, rispettivament, JAEPS u TM T&D Corp., huma madankollu komplew jeżistu bħala impriżi awtonomi u indipendenti. Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex il-każ ta’ Reyrolle, peress li, wara l-bejgħ tagħha lil VA Technolgie u l-integrazzjoni tagħha fl-impriża kkostitwita mill-grupp TA Tech, hija ma komplietx teżisti bħala impriża awtonoma u indipendenti.

111    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja li ma hijiex din tal-aħħar, meta hija tagħti deċiżjoni dwar punti ta’ liġi fil-kuntest ta’ appell, li għandha tissostitwixxi, minħabba raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali b’tagħha stess billi tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fuq l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba l-ksur, minnhom, tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, huwa biss sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-livell tas-sanzjoni huwa mhux biss mhux xieraq, iżda wkoll eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat, li jkun hemm lok li jiġi kkonstatat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, minħabba n-natura mhux xierqa tal-ammont ta’ multa (ara’ b’mod partikolari, is-sentenza Quinn Barlo et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112    Issa, Reyrole sempliċement sostniet l-ilment tagħha fuq in-natura sproporzjonata tal-multa li ġiet imposta fuqha mill-Qorti Ġenerali minħabba allegazzjonijiet, li skont dawn hija kienet ġiet suġġetta għal trattament diskriminatorju, li rriżultaw infondati. Madankollu hija ma komplietx tiżviluppa argument speċifiku ta’ natura li juri l-livell eċċessiv tal-ammont assolut ta’ din il-multa. Għaldaqstant, dan l-ilment ibbażat fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi miċħud.

113    Isegwi li t-tieni aggravju invokat insostenn tal-appell ta’ Reyrolle għandu wkoll jiġi miċħud.

114    Konsegwentement, peress li ebda wieħed mill-aggravji invokati minn Reyrolle insostenn tal-appell tagħha ma jista’ jintlaqa’, hemm lok li dan jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

C –  Fuq l-appell ta’ SEHV u ta’ Magrini

115    Għandhom jiġu eżaminati fl-ewwel lok u flimkien l-ewwel żewġ aggravji invokati minn SEHV u minn Magrini insostenn tal-appell tagħhom.

1.     Fuq l-ewwel żewġ appelli bbażati rispettivament fuq ksur tal-prinċipju ne ultra petita u tan-nuqqas ta’ osservanza tal-awtorità ta’ res judicata.

a)     L-argumenti tal-partijiet

116    SEHV u Magrini jirrilevaw, minn naħa, li r-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali kien irrigwarda l-multa ta’ EUR 4 500 000 li huma kellhom iħallsu in solidum ma’ Schneider, skont l-Artikolu 2(k) tad-deċiżjoni kkontestata u mhux ukoll fuq il-multa ta’ EUR 3 600 000 li kellha titħallas unikament minn Schneider, skont l-Artikolu 2(j) ta’ din id-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, dawn il-kumpanniji josservaw li, filwaqt li Schneider biss setgħet tikkontesta din l-aħħar multa, din il-kumpannija ma ppreżentatx rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

117    Minn dan jirriżulta li, meta annullat il-multa imposta fl-Artikolu 2(j) tad-deċiżjoni kkontestata u meta inkludiet l-ammont tagħha fil-multa li huma obbligati li jħallsu in solidum Schneider, SEHV u Magrini, il-Qorti Ġenerali kienet mhux biss kisret il-prinċipju ne ultra petita, iżda kienet ukoll kisret l-awtorità tar-res judicata miksuba permezz ta’ din id-deċiżjoni fir-rigward ta’ Schneider.

118    Il-Kummissjoni tqis li dan l-appell huwa kompletament inammissibbli, peress li t-talbiet tiegħu huma eżattament il-kontra ta’ dawk tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, peress li l-kwistjoni tal-ammont tal-multa imposta in solidum fuq il-kumpanniji li kienu suċċessivament għamlu parti mill-impriżi Schneider u VA Tech kienet tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tar-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, din setgħet tirriforma l-ammont ta’ din il-multa fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, mingħajr ma tikser la l-prinċipju ne ultra petita u lanqas l-awtorità tar-res judicata.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

119    L-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar, hekk kif jikkonferma l-Artikolu 113(1) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fid-data ta’ preżentata tal-appell, li t-talbiet tal-appell għandhom ikunu intiżi sabiex jintlaqgħu, totalment jew parzjalment it-talbiet imressqa fl-ewwel istanza.

120    Għaldaqstant, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 150 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-appell huwa inammissibbli sa fejn, permezz tat-talbiet tiegħu, l-appellanti jitolbu l-konferma tal-Artikolu 2(k) tad-deċiżjoni kkontestata, li tiegħu kienu talbu l-annullament fl-ewwel istanza.

121    Sussegwentement, hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 150, l-appell ta’ SEHV u ta’ Magrini huwa barra minn hekk inammissibbli sa fejn it-talbiet tiegħu huma intiżi sabiex l-Artikolu 2(j) tad-deċiżjoni kkontestata jiġi kkonfermat, peress li din id-dispożizzjoni tikkonċerna multa li l-kumpannija Schneider biss setgħet tikkontesta. Issa, din il-kumpannija ma ppreżentatx rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

122    Fl-aħħar nett, dan l-appell huwa wkoll inammissibbli sa fejn SEHV u Magrini jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 2(k) tad-deċiżjoni kkontestata, li kull wieħed mid-debituri in solidum għandu jbati terz tal-ammont ta’ EUR 4 500 000. Fil-fatt, jirriżulta mill-punt 74 ta’ din is-sentenza li, meta teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex setgħa tqassam il-multa bejn il-kodebituri in solidum fil-kuntest tar-relazzjoni interna tagħhom.

123    Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax teċċepixxi l-inammissibbiltà tat-talbiet ta’ SEHV u ta’ Magrini, sa fejn dawn huma intiżi għall-annullament parzjali tal-punti 2 u 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

124    Hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-appell tagħhom, SEHV u Magrini jsostnu li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita meta annullat, fil-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, l-Artikolu 2(j) tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll l-Artikolu 2(k) tagħha, sa fejn din l-aħħar dispożizzjoni tikkonċerna lil Schneider. Ir-rikorrenti jsostnu f’dan ir-rigward li Schneider ma ppreżentatx rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali, b’mod li d-deċiżjoni kkontestata saret definittiva fir-rigward tagħha. Issa, skont l-appellanti, il-multa rriformata mill-Qorti Ġenerali fl-ewwel inċiż tal-punt 3 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, wara l-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lil Schneider, hija partikolarment żvantaġġuża għalihom.

125    Peress li, insostenn tat-talbiet tagħhom intiżi għall-annullament parzjali tal-punti 2 u 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, l-appellanti jqajmu għalhekk aggravji li jirriżultaw mis-sentenza stess, dawn it-talbiet għandhom, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 102 ta’ din is-sentenza, jiġu ddikjarati ammissibbli.

126    Fir-rigward tal-eżami tal-mertu tal-ewwel żewġ aggravji, hemm lok li jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni hija awtorizzata teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha meta l-kwistjoni tal-ammont tal-multa tkun suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Alliance One International vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 105).

127    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kwistjoni tal-ammont tal-multa imposta individwalment fuq Schneider, skont l-Artikolu 2(j) tad-deċiżjoni kkontestata, ma hijiex suġġetta għall-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali.

128    Fil-fatt, peress li Schneider ma ppreżentatx rikors li jikkontesta l-ammont ta’ din il-multa, din il-multa ma setgħetx tkun is-suġġett tar-rikors ippreżentat minn SEHV u minn Magrini, peress li ma kinitx ġiet imposta fuq dawn il-kumpanniji.

129    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita meta annullat, fil-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, l-Artikolu 2(j) u (k) tad-deċiżjoni kkontestata u meta rriformat, fl-ewwel inċiż tal-punt 3 ta’ dan id-dispożittiv, il-multi imposti permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, billi inkludiethom f’ammont wieħed li kellu jitħallas in solidum minn Schneider, SEHV u Magrini.

130    Huwa ċertament veru, hekk kif issemmi l-Qorti Ġenerali fil-punt 248 tas-sentenza appellata, li, jekk din ir-riforma tal-multa ma tbiddilx l-ammont totali tal-multa li tista’ tintalab mill-Kummissjoni lil Schneider fuq il-pjan estern tar-responsabbiltà in solidum, din hija favorevoli għal Schneider, fir-rigward tal-ammont tal-multa li din il-kumpannija għandha b’mod definittiv tbati fil-kuntest tat-tqassim intern tagħha. Xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx twettaq din ir-riforma, li jista’ jkun żvantaġġuż għal SEHV u għal Magrini kemm fuq il-pjan estern kif ukoll fuq il-pjan intern tar-responsabbiltà in solidum. Fil-fatt, peress li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx, fl-ewwel lok, tikkonstata l-illegalità tal-ksur tal-multa inkwistjoni mingħajr ma tikser il-prinċipju ne ultra petita, hija ma setgħetx, fit-tieni lok, tagħmel użu mill-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tħassar, tnaqqas jew iżżid din il-multa

131    Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li l-ewwel żewġ aggravji ta’ SEHV u ta’ Magrini għandhom jintlaqgħu.

132    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jintlaqa’ l-appell ta’ SEHV u ta’ Magrini mingħajr ma huwa neċessarju għall-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina t-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju. Fil-fatt, dan l-aggravju għandu natura strettament sussidjarja meta pparagunata mal-ewwel żewġ aggravji, peress li, fl-ipoteżi fejn dawn l-aggravji jiġu miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ dan it-tielet aggravju, il-Qorti Ġenerali tiġi kkritikata li, fi kwalunkwe każ, wettqet żball ta’ liġi meta rriformat il-multa, fl-ewwel inċiż tal-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, mingħajr ma tat lill-kumpanniji inkwistjoni l-possibbiltà li jieħdu pożizzjoni fuq id-determinazzjoni l-ġdida tal-multa. Barra minn hekk, kieku dan l-aggravju kellu jintlaqa’, ma jkunx jista’ jwassal għal annullament tas-sentenza appellata li jmur lil hinn minn dak li jirriżulta mill-fondatezza tal-ewwel żewġ aggravji eżaminati.

2.     Fuq il-konsegwenzi li għandhom jittieħdu minħabba l-fondatezza tal-appell ta’ SEHV u ta’ Magrini

133    Fid-dawl tal-inammissibbiltà parzjali tal-talbiet tal-appell tagħhom, kif ikkonstatata fil-punti 119 sa 122 ta’ din is-sentenza, il-fondatezza tal-ewwel żewġ aggravji invokati minn SEHV u minn Magrini twassal għall-annullament tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, sa fejn jannulla l-Artikolu 2(j) u (k) tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll l-annullament tal-ewwel inċiż tal-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

134    Peress li SEHV u Magrini, għall-kumplament, ma talbux fil-kuntest tal-appell tagħhom li jintlaqgħu r-rikorsi fil-Kawżi T‑122/07 sa T‑124/07, dawn jibqgħu miċħuda skont il-punt 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

VI –  Fuq l-ispejjeż

135    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi t-tilwima hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż

136    Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu

137    Fir-rigward tal-appell ta’ Reyrolle (C‑232/11 P), peress li din il-kumpannija tilfet l-aggravji tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell, kif mitlub mill-Kummissjoni.

138    L-appell tal-Kummissjoni (C‑231/11 P) għandu jintlaqa’ u hemm lok li r-rikorrenti fl-ewwel istanza jiġu kkundannati għall-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell, kif mitlub mill-Kummissjoni.

139    L-appell ta’ SEHV u ta’ Magrini (C‑233/11 P) għandu wkoll jiġi milqugħ u hemm lok li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell, kif mitlub minn dawn il-kumpanniji.

140    Għall-kumplament, ma hemmx lok li jinbidel it-tqassim tal-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza, hekk kif dan ġie stabbilit fil-punti 5 sa 7 tas-sentenza appellata.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens Österreich et vs Il‑Kummissjoni (T‑122/07 sa T‑124/07), huwa annullat sa fejn jannulla l-Artikolu 2(j) u (k) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 6762 finali, tal-24 ta’ Jannar 2007, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [81 KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.899 — Switchgear insulat bil-gass).

2)      L-ewwel inċiż tal-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens Österreich et vs Il‑Kummissjoni (T‑122/07 sa T‑124/07), huwa annullat.

3)      It-tieni sar-raba’ inċiżi tal-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens Österreich et vs Il‑Kummissjoni (T‑122/07 sa T‑124/07), huma annullati sa fejn jimplikaw l-iffissar tas-sehem tar-rikorrenti fl-ewwel istanza tal-ammonti tal-multa li għalihom huma kienu ġew ikkundannati li jħallsu in solidum.

4)      Il-kumplament tal-appelli huma miċħuda.

5)      Siemens AG Österreich, VA Tech Transmission & Distribution GmbH & Co. KEG, Siemens Transmission & Distribution Ltd, Siemens Transmission & Distribution SA u Nuova Magrini Galileo SpA huma kkundannati għall-ispejjeż relatati mal-appell fil-Kawża C‑231/11 P.

6)      Siemens Transmission & Distribution Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż relatati mal-appell fil-Kawża C-232/11 P.

7)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż relatati mal-appell fil-Kawża C‑233/11 P.

8)      L-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza jibqgħu mqassma skont il-punti 5 sa 7 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens Österreich et vs Il‑Kummissjoni (T‑122/07 sa T‑124/07).

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.