Language of document : ECLI:EU:C:2009:357

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

9 ta’ Ġunju 2009 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 92/50/KEE – Nuqqas ta’ proċedura formali għall-għoti ta’ kuntratt Ewropew għall-servizzi ta’ trattament tal-iskart – Kooperazzjoni bejn awtoritajiet lokali”

Fil-kawża C‑480/06,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fl-24 ta’ Novembru 2006,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn X. Lewis u B. Schima, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u C. Schulze-Bahr, bħala aġenti, assistiti minn C. von Donat, Rechtsanwalt,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. M. Wissels u Y. de Vries, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn J. Heliskoski, bħala aġent,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, K. Lenaerts u J.-C. Bonichot (Relatur), Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, J. Malenovský, J. Klučka u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Novembru 2008,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Frar 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, minħabba li l-Landkreise (distretti amministrattivi) ta’ Rotenburg (Wümme), ta’ Harburg, ta’ Soltau-Fallingbostel u ta’ Stade ikkonkludew direttament kuntratt dwar ir-rimi tal-iskart mad-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg mingħajr ma dan il-kuntratt għal servizzi ma kien suġġett għal sejħa għal offerti fil-kuntest ta’ proċedura formali fuq livell tal-Komunità Ewropea, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi li hija għandha taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 u tat-titoli III sa VI tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

2        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/50 jiddisponi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      ‘kuntratti ta’ servizz pubbliku’ [kuntratti pubbliċi għal servizzi] għandhom ifissru kuntratti għal interess pekunjarju konklużi bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u awtorità kontraenti […]

b)      ‘l-awtoritajiet kontraenti’ għandhom ifissru l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, korpi rregolati mil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew iktar minn dawn l-awtoritajiet jew korpi regolati mil-liġi pubblika.”

Korp irregolat mil-liġi pubblika jfisser kwalunkwe korp:

stabbilit għall-iskop speċifiku li jissodisfa bżonnijiet fl-interess ġenerali, li m’għandux karattru industrijali jew kummerċjali, u

li jkollu personalità ġuridika u

–        iffinanzjat, fil-parti l-kbira, mill-Istat, jew awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew korpi oħrajn irregolati mil-liġi pubblika; jew soġġett għal sorveljanza ta’ amministrazzjoni minn dawk il-korpi; jew li jkollu bord amministrattiv, ta’ tmexxija jew ta’ sorveljanza, li iktar minn nofs il-membri tiegħu jkunu maħtura mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali jew minn korpi oħrajn irregolati mil-liġi pubblika.

[…]

ċ)      ‘dak li jipprovdi servizz’ għandu jfisser kull persuna fiżika jew ġuridika, inkluż korp pubbliku, li joffri servizzi. Dak li jipprovdi servizz li jissottometti offerta għandu jiġi nominat bil-[kliem] ‘min jagħmel l-offerta’; u dak li fittex li jieħu parti fi proċedura ta’ restrizzjoni jew negozjati [għandu jiġi nominat bil-kelma] ‘kandidat’; […]”

3        Skont l-Artikolu 11(3)(b), tad-Direttiva 92/50:

“L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] bi proċedura negozjata, mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ notifika ta’ kuntratt fil-każijiet li ġejjin:

[...]

b)      meta, għal raġunijiet tekniċi jew artistiċi, jew għal raġunijiet konnessi mal-protezzjoni ta’ drittijiet esklussivi, is-servizzi jkunu jistgħu jiġu pprovduti biss minn fornitur partikolari ta’ servizz”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

4        Fit-18 ta’ Diċembru 1995, erba’ Landkreise tas-Sassonja ta’ Isfel, jiġifieri dawk ta’ Rotenburg (Wümme), ta’ Harburg, ta’ Soltau-Fallingbostel u ta’ Stade, ikkonkludew mad-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg kuntratt dwar ir-rimi tal-iskart tagħhom fl-impjant il-ġdid tal-irkupru tas-sħana mill-iskart f’Rugenberger Damm, b’kapaċità ta’ 320 000 tunnellata, li huwa intiż sabiex jipproduċi l-elettriku u s-sħana fl-istess ħin, u li l-kostruzzjoni tiegħu kellha tintemm sal-15 ta’ April 1999.

5        B’dan il-kuntratt, id-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg irriżerva kapaċità ta’ 120 000 tunnellata lill-erba’ Landkreise inkwistjoni, għal prezz ikkalkolat skont l-istess formola għal kull wieħed mill-partijiet ikkonċernati. Dan il-prezz jitħallas lill-operatur tal-impjant, li huwa parti kontraenti mad-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg, bl-intermedjarju ta’ dan id-dipartiment tat-toroq. It-tul tal-kuntratt huwa ta’ għoxrin sena. Il-partijiet ftehmu li sa mhux iktar tard minn ħames snin qabel ma jispiċċa l-kuntratt, jibdew negozjati bil-għan li jiġi deċiż it-tiġdid tiegħu.

6        Il-kuntratt inkwistjoni ġie konkluż direttament bejn l-erba’ Landkreise u d-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg mingħajr ma ġiet segwita l-proċedura ta’ sejħa għal offerti prevista mid-Direttiva 92/50.

7        B’ittra ta’ intimazzjoni mibgħuta fit-30 ta’ Marzu 2004, b’mod konformi mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Ġermaniżi li, billi kkonkludiet direttament kuntratt dwar ir-rimi tal-iskart mingħajr ma għamlet użu mill-proċedura għall-kuntratti pubbliċi u lanqas minn dik għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku fuq livell Ewropew, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 u tat-titoli III sa VI tad-Direttiva 92/50.

8        B’ittra tat-30 ta’ Ġunju 2004 indirizzata lill-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sostniet li l-kuntratt inkwistjoni kien jiffinalizza ftehim fuq l-eżekuzzjoni komuni ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku li kien jorbot lil-Landkreise kkonċernati u l-belt ta’ Hamburg. Dan l-Istat Membru spjega li l-operazzjoni ta’ kooperazzjoni komunali inkwistjoni, li kellha bħala skop attività li sseħħ fil-kompetenza tal-Istat, ma kinitx tolqot is-suq, u b’hekk, ma kinitx taqa’ taħt id-dritt tal-kuntratti pubbliċi.

9        Peress li qieset, minkejja dawn l-ispjegazzjonijiet, li l-Landkreise kkonċernati kienu jikkostitwixxu awtoritajiet kontraenti pubbliċi, li l-kuntratt dwar ir-rimi tal-iskart kien kuntratt għal servizzi għal interess pekunjarju, konkluż bil-miktub, li kien jaqbeż il-livell stabbilit b’applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 u li, konsegwentement, kien jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, fit-22 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, b’mod konformi mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 226 KE.

10      B’ittra tal-25 ta’ April 2005, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żammet l-argumentazzjoni invokata preċedentement.

11      Peress li kkunsidrat li dan l-argument ma jippermettix li jiġu kkonfutati l-ilmenti fformulati fl-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 226 KE.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

12      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tosserva li l-Landkreise kkonċernati għandhom jitqiesu bħala awtoritajiet kontraenti fis-sens tad-Direttiva 92/50 u li l-kuntratt inkwistjoni huwa kuntratt konkluż għal interess pekunjarju, bil-miktub, u li jaqbeż il-livell stabbilit b’applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, ir-rimi tal-iskart huwa attività kkwalifikata bħala “servizz” fis-sens tal-kategorija 16 imsemmija fl-Anness I A tad-direttiva msemmija.

13      Min-naħa tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-kuntratt inkwistjoni huwa l-konklużjoni ta’ operazzjoni interna għall-amministrazzjoni, u li konsegwentement, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50.

14      Skont dan l-Istat Membru, il-partijiet kontraenti għandhom jitqiesu bħala li qed jiġu pprovduti b’assistenza amministrattiva fit-twettiq ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku. F’dan is-sens, id-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg jista’ jitqies mhux bħala entità li tipprovdi servizzi bi ħlas ta’ remunerazzjoni, iżda bħala korp irregolat mid-dritt pubbliku responsabbli mir-rimi tal-iskart, li joffri assistenza amministrattiva lill-awtoritajiet pubbliċi ġirien b’rifużjoni tal-ispejjeż għat-tħaddim tagħha.

15      F’dan ir-rigward, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jibbaża ruħu fuq il-punti 16 u 17 tas-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, University of Cambridge (C-380/98, Ġabra p. I‑8035) sabiex jikkonkludi li l-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi” għandu jinftiehem bħala li jirreferi b’mod esklussiv għall-provvista ta’ servizzi li jistgħu jiġu offruti fis-suq minn operaturi taħt ċerti kundizzjonijiet determinati.

16      Issa, skont dawn iż-żewġ Stati Membri, il-kontenut tal-kuntratt inkwistjoni jmur lil hinn minn dak li jipprevedi “kuntratt għal servizzi” fis-sens tad-Direttiva 92/50, peress li jimponi fuq il-Landkreise kkonċernati, bħala kontroparti għat-trattament tal-iskart fl-impjant ta’ Rugenberger Damm, l-obbligu li jpoġġu għad-dispożizzjoni tad-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg, għal prezz miftiehem, il-kapaċitajiet ta’ rimi ta’ skart li huma stess ma kinux jużaw sabiex ipattu għan-nuqqas ta’ kapaċitajiet ta’ rimi ta’ skart li kellha taffronta l-belt ta’ Hamburg.

17      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza wkoll li din ir-relazzjoni ġuridika hija kkwalifikata fil-preambolu tal-imsemmi kuntratt ta’ “ftehim ta’ kooperazzjoni reġjonali intiż għar-rimi tal-iskart”. Dan jippermetti l-implementazzjoni ta’ kooperazzjoni bejn il-partijiet kontraenti li, f’każ ta’ bżonn, jassistu lil xulxin fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-obbligu legali tagħhom ta’ rimi tal-iskart, u li, b’hekk, iwettqu din il-missjoni flimkien fir-reġjun ikkonċernat. Għaldaqstant, huwa previst li f’ċerti ċirkustanzi, il-Landkreise kkonċernati jobbligaw ruħhom sabiex, matul perijodu ta’ żmien stabbilit, inaqqsu l-kwantità ta’ skart mibgħut f’każ ta’ nuqqas ta’ funzjonament tal-impjant ta’ trattament. B’hekk, huma jaċċettaw li jnaqqsu d-dritt tagħhom għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

18      Skont il-Kummissjoni, is-servizzi pprovduti f’dan il-każ ma jistgħux jitqiesu bħala li jikkostitwixxu assistenza amministrattiva, peress li d-dipartiment tat-toroq jeżerċita l-attività tiegħu mhux abbażi ta’ liġi jew ta’ atti unilaterali oħra, iżda abbażi ta’ kuntratt.

19      Il-Kummissjoni żżid li l-uniċi eċċezzjonijiet permessi għall-applikazzjoni tad-direttivi dwar id-dritt tal-kuntratti pubbliċi huma dawk li huma b’mod limitat u espressament imsemmija fihom [ara s-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal, C‑107/98, Ġabra p. I‑8121, punt 43, fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista [għal provvisti] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 110)]. Skont il-Kummissjoni, fis-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑84/03, Ġabra p. I‑139, punti 38 sa 40), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-kuntratti ta’ kooperazzjoni orizzontali konklużi minn awtoritajiet reġjonali jew lokali, bħal dak ikkunsidrat f’dan il-każ, huma suġġetti għad-dritt tal-kuntratti pubbliċi.

20      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta din l-interpretazzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, peress li tqis li, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx espressament li kull ftehim konkluż bejn korpi amministrattivi kien jifforma parti mid-dritt tal-kuntratti pubbliċi, iżda kkritikat biss l-esklużjoni ġenerali min-naħa tar-Renju ta’ Spanja tal-ftehim konklużi bejn korpi pubbliċi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt.

21      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni teskludi li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’ tinvoka l-eċċezzjoni “in house”, li tgħid li l-kuntratti mogħtija minn awtorità kontraenti ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi meta, minn naħa, l-entità pubblika teżerċita fuq il-parti kontraenti, persuna ġuridikament distinta minnha, kontroll simili għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess, u sa fejn, min-naħa l-oħra, din il-persuna twettaq il-parti essenzjali tal-attività tagħha mal-entità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Teckal, iċċitata iktar ’il fuq, punti 49 u 50). Skont il-Kummissjoni, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ tali kontroll hija nieqsa f’dan il-każ, għaliex l-ebda waħda mill-awtoritajiet kontraenti kkonċernati ma teżerċita setgħa fuq it-tmexxija tad-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg.

22      B’mod kuntrarju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li fil-kuntest tar-reġjun metropolitan ta’ Hamburg, l-eżerċizzju dwar l-intensità tal-kontroll eżerċitat, li għandu jitkejjel fid-dawl tal-interess pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau, C-26/03, Ġabra p. I‑1, punt 50), huwa sodisfatt peress li l-korpi kkonċernati jeżerċitaw kontroll reċiproku fuq xulxin. Diverġenza fir-rigward tal-għanijiet stabbiliti flimkien twassal għal waqfien tal-kooperazzjoni kollha. Issa, il-prinċipju “ħaġa mogħtija għal ħaġa rċevuta” jimplika li d-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg, kif ukoll il-Landkreise kkonċernati, għandhom interess fiż-żamma ta’ tali kooperazzjoni, u konsegwentament, fl-osservanza tal-għanijiet stabbiliti flimkien.

23      Fuq il-bażi tas-sentenza tad-19 ta’ April 2007, Asemfo (C-295/05, Ġabra p. I‑2999), ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jqis li l-kundizzjoni dwar l-intensità tal-kontroll eżerċitat tista’ tiġi sodisfatta anki jekk il-kontroll li l-entità pubblika kkonċernata teżerċita huwa iktar limitat minn dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess. Huwa ma jqisx li din il-kundizzjoni timplika kontroll identiku. Huwa biss kontroll simili li huwa meħtieġ.

24      Skont il-Kummissjoni, din is-sentenza ma għandhiex l-effett li ddgħajjef il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Teckal, iċċitata iktar ’il fuq. Din tippreċiża biss li l-kriterju dwar l-intensità tal-kontroll eżerċitat jista’ jiġi sodisfatt ukoll meta kuntest ġuridiku speċifiku jistabbilixxi relazzjoni ta’ dipendenza u ta’ subordinazzjoni li tippermetti l-eżerċizzju ta’ kontroll simili minn diversi awtoritajiet kontraenti, liema ħaġa ma hijiex il-każ f’din il-kawża.

25      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma pprovatx li, għal raġunijiet tekniċi, kien biss id-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg li setgħa jikkonkludi l-kuntratt inkwistjoni, u li konsegwentement, hija setgħet tinvoka d-deroga prevista fl-Artikolu 11(3)(b) tad-Direttiva 92/50.

26      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tosserva li, kieku saret sejħa għal offerti, id-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg ma kienx neċessarjament ikun f’pożizzjoni li jippreżenta offerta, għaliex fl-1994, din il-belt ma kellhiex kapaċità ta’ rkupru tal-iskart li tħeġġiġha tipparteċipa f’tali sejħa għal offerti. Huwa biss fir-rigward tal-bżonn tal-Landkreise kkonċernati li jirkupraw l-iskart tagħhom, liema bżonn sar magħruf sussegwentement, u tal-assigurazzjoni li dawn kienu ser jużaw impjant fil-futur, li ġiet ikkunsidrata l-kostruzzjoni tal-impjant ta’ Rugenberger Damm.

27      Dan l-Istat Membru jenfasizza wkoll li l-Landkreise msemmija kellhom l-assigurazzjoni ta’ tqegħid fis-servizz, f’terminu ta’ żmien prevedibbli, tal-impjant ipproġettat mid-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg, liema assigurazzjoni ma setgħet tiġi offruta minn ebda offerent ieħor.

28      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tiċħad l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jgħid li l-applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 għandha tiġi injorata abbażi tal-Artikolu 86(2) KE meta, bħal f’dan il-każ, din twassal sabiex jiġi ostakolat it-twettiq minn korpi pubbliċi tal-missjoni ta’ rimi tal-iskart li ġiet mogħtija lilhom.

29      Fil-fatt, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 92/50 mogħtija mill-Kummissjoni twassal, minn naħa, sabiex il-Landkreise kkonċernati ma jkunux jistgħu jinkarigaw lid-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg bir-rimi tal-iskart, li jikkostitwixxi missjoni ta’ interess ġenerali fuq livell Komunitarju, u jkunu marbuta li jafdaw din il-missjoni lill-operatur li jippreżenta l-iktar offerta vantaġġuża, mingħajr l-ebda garanzija li s-servizz pubbliku jiġi eżegwit b’mod sodisfaċenti u kontinwu, u min-naħa l-oħra, sabiex il-kapaċitajiet tal-impjant il-ġdid ma jkunux użati b’mod vijabbli.

30      Dan l-Istat Membru jfakkar li, mingħajr il-konklużjoni tal-kuntratt ikkontestat, l-ebda waħda mill-partijiet ma kienet tkun f’pożizzjoni li twettaq il-missjoni pubblika tagħha. B’mod partikolari, il-belt ta’ Hamburg ma kinitx tkun tista’ tipproċedi bil-kostruzzjoni ta’ impjant b’kapaċità żejda sabiex wara tipprova, mingħajr l-ebda assigurazzjoni ta’ riżultat, tbiegħ fuq is-suq, għal raġunijiet ekonomiċi, il-kapaċitajiet mhux użati tal-impjant.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

31      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li r-rikors tal-Kummissjoni jirrigwarda biss il-kuntratt li sar bejn id-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg u erba’ Landkreise ġirien, intiż sabiex jiżgura t-trattament reċiproku tal-iskart tagħhom, u ma jirrigwardax il-kuntratt li permezz tiegħu għandhom jiġu stabbiliti r-relazzjonijiet bejn id-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg u l-operatur tal-impjant ta’ trattament tal-iskart ta’ Rugenberger Damm.

32      Skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50, il-kuntratti pubbliċi għal servizzi għandhom ifissru kuntratti għal interess pekunjarju, konklużi bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u waħda mill-awtoritajiet kontraenti msemmija fl-Artikolu 1(b) ta’ din id-direttiva, fost liema hemm imsemmija l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, bħal-Landkreise inkwistjoni f’dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

33      Skont l-Artikolu 1(ċ) ta’ din l-istess direttiva, il-parti kontraenti li tipprovdi s-servizzi tista’ tkun “kull persuna fiżika jew ġuridika, inkluż korp pubbliku”. Għaldaqstant, il-fatt li min jipprovdi s-servizzi hija entità pubblika distinta mill-benefiċjarju tas-servizzi ma jostakolax l-applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40, fir-rigward ta’ kuntratt pubbliku għall-provvista ta’ servizzi).

34      Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sejħa għal offerti ma hijiex obbligatorja fil-każ fejn l-awtorità pubblika, li hija awtorità kontraenti, teżerċità fuq l-entità distinta inkwistjoni kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess, bil-kundizzjoni li dik l-entità twettaq l-essenzjal tal-attività tagħha mal-awtorità pubblika jew mal-awtoritajiet pubbliċi li jikkontrollawha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Teckal, punt 50, u Stadt Halle u RPL Lochau, punt 49).

35      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tad-delegazzjoni ta’ servizz pubbliku min-naħa ta’ komun lil kumpannija kooperattiva interkomunali, li l-għan tagħha kien esklussivament dak li tipprovdi servizzi lill-komuni msieħba, li dan seta’ jseħħ legalment mingħajr sejħa għal offerti, għaliex hija qieset li, minkejja l-aspetti awtonomi tat-tmexxija ta’ kooperattiva mill-kunsill amministrattiv tagħha, il-komuni msieħba kellhom jitqiesu bħala li jeżerċitaw kontroll fuqha flimkien (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2008, Coditel Brabant, C-324/07, Ġabra p. I-8457, punt 41).

36      Madankollu, f’dan il-każ huwa stabbilit li l-erba Landkreise kkonċernati ma jeżerċitaw l-ebda kontroll li jista’ jkun ikkwalifikat bħala simili għal dak li dawn jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess, kemm fir-rigward tal-parti kontraenti tagħhom, jiġifieri d-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg, jew inkella fuq l-operatur tal-impjant termiku ta’ Rugenberger Damm, li huwa kumpannija li l-kapital tagħha jikkonsisti parzjalment minn fondi privati.

37      Madankollu, għandu jiġi osservat li l-kuntratt ikkontestat jistabbilixxi kooperazzjoni bejn awtoritajiet lokali li għandhom l-għan li jiżguraw l-implementazzjoni ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku li huwa komuni għalihom, jiġifieri l-eleminazzjoni tal-iskart. Għandu jiġi mfakkar li din il-missjoni hija marbuta mal-implementazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23), li tobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu pjanijiet ta’ amministrazzjoni tal-iskart li jistabbilixxu, b’mod partikolari, “il-miżuri xierqa sabiex tiġi inkoraġġita r-razzjonaliżżazzjoni tal-ġbir, l-għażla u t-trattament ta’ l-iskart”, fejn waħda mill-iktar importanti minn dawn il-miżuri hija, abbażi tad-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta’ Marzu 1991, li temenda l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 75/442 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 3), it-tfittix ta’ trattament tal-iskart fl-iktar impjant viċin possibbli.

38      Barra minn hekk, huwa stabbilit li l-kuntratt li sar bejn id-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg u l-Landkreise kkonċernati għandu jiġi evalwat bħala l-kulminazzjoni ta’ proċess ta’ kooperazzjoni interkomunali bejn il-partijiet tiegħu, u li jinvolvi eżiġenzi adattati sabiex jassiguraw il-missjoni ta’ rimi tal-iskart. Fil-fatt, dan għandu l-għan li jippermetti lill-belt ta’ Hamburg li tibni u li topera impjant ta’ trattament tal-iskart fl-iktar kundizzjonijiet ekonomiċi favorevoli permezz tal-provvisti ta’ skart mill-Landkreise ġirien, liema ħaġa tippermetti li tintlaħaq kapaċità ta’ 320 000 tunnellata. Għal din ir-raġuni, il-kostruzzjoni ta’ dan l-impjant ġiet deċiża u mwettqa biss wara l-ftehim tal-erba’ Landkreise kkonċernati li jużaw l-impjant u l-impenn korrispondenti tagħhom f’dan is-sens.

39      L-għan ta’ dan il-kuntratt, hekk kif inhu espressament indikat fl-ewwel klawżoli tiegħu, jikkonsisti prinċipalment fl-impenn tad-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-erba’ Landkreise kkonċernati, kull sena, kapaċità ta’ trattament ta’ 120 000 tunnellata ta’ skart bil-għan tal-irkupru termiku tagħhom fl-impjant ta’ Rugenberger Damm. Hekk kif inhu sussegwentement ippreċiżat fil-kuntratt, id-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg bl-ebda mod ma jadotta r-responsabbiltà tat-tħaddim ta’ dan l-impjant, u ma joffri l-ebda garanzija f’dan ir-rigward. F’każ ta’ waqfien jew ta’ ħsara fl-impjant, l-obbligi tiegħu huma limitati sabiex joffri kapaċitajiet ta’ rimpjazzament, fejn madankollu dan l-obbligu huwa suġġett għal żewġ kundizzjonijiet. Min-naħa waħda, ir-rimi tal-iskart tal-belt ta’ Hamburg għandu jiġi żgurat b’mod prijoritarju, u min-naħa l-oħra, xi kapaċitajiet għandhom ikunu disponibbli f’impjanti oħra li d-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg għandu aċċess għalihom.

40      Bi ħlas għat-trattament tal-iskart tagħhom fl-impjant ta’ Rugenberger Damm, kif deskritt fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, l-erba’ Landkreise kkonċernati jħallsu, lid-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg, remunerazzjoni annwali li l-metodu ta’ kalkolu u l-metodi tal-ħlas tagħha huma stabbiliti mill-kuntratt. Il-kapaċitajiet ta’ twassil u ta’ teħid tal-iskart huma deċiżi, għal kull ġimgħa, bejn id-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg u interlokutur innominat minn dawn il-Landkreise. Barra minn hekk, mill-kuntratt jirriżulta li d-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg, li għandu dritt għall-ħlas tad-danni fil-konfront tal-operatur tal-impjant imsemmi, jintrabat, fil-każ fejn l-imsemmija Landkreise ikunu sofrew preġudizzju, li jiddefendi l-interessi tagħhom fil-konfront tal-operatur, inkluż, jekk ikun il-każ permezz ta’ rikors quddiem il-qrati.

41      Il-kuntratt inkwistjoni jipprevedi wkoll ċerti impenji tal-awtoritajiet lokali kontraenti direttament b’rabta mal-għan tas-servizz pubbliku. Fil-fatt, għalkemm il-belt ta’ Hamburg tieħu ħsieb il-maġġorparti tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt konkluż bejnha u l-erba’ Landkreise kkonċernati, dawn tal-aħħar ipoġġu għad-dispożizzjoni tad-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg il-kapaċitajiet ta’ rimi li huma stess ma jużawx, sabiex ipattu għan-nuqqas ta’ kapaċitajiet ta’ rimi tal-belt ta’ Hamburg. Huma jimpenjaw ruħhom ukoll sabiex jaċċettaw fil-miżbliet tagħhom il-kwantitajiet ta’ fdalijiet mill-inċinerazzjoni li ma jistgħux jiġu rkuprati bi proporzjon tal-kwantitajiet ta’ skart li huma jkunu bagħtu.

42      Barra minn hekk, skont it-termini tal-kuntratt, il-partijiet kontraenti għandhom, f’każ ta’ neċessità, jipprovdu assistenza fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-obbligu legali tagħhom ta’ rimi tal-iskart. Għaldaqstant, b’mod partikolari, huwa previst li f’ċerti ċirkustanzi, bħal pereżempju fejn l-impjant ikkonċernat ikun qabeż il-kapaċità tiegħu, l-erba’ Landkreise kkonċernati jimpenjaw ruħhom li jnaqqsu l-kwantità ta’ skart mibgħuta u b’hekk jaċċettaw li jirrestrinġu d-dritt ta’ aċċess tagħhom fl-impjant ta’ inċinerazzjoni.

43      Fl-aħħar, il-provvista ta’ servizzi ta’ rimi tal-iskart tagħti lok għall-ħlas ta’ prezz lill-operatur tal-impjant biss. Madankollu, mill-klawżoli tal-kuntratt inkwistjoni jirriżulta li l-kooperazzjoni li dan il-kuntratt jistabbilixxi bejn id-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg u l-erba’ Landkreise kkonċernati ma tagħtix lok, bejn dawn l-entitajiet, għal movimenti finanzjarji oħra ħlief dawk li jikkorrispondu mar-rimborż ta’ dik il-parti mill-ispejjeż dovuti mill-Landkreise msemmija, iżda mħallsa lill-operatur mid-dipartiment tat-toroq.

44      Għaldaqstant, jidher li l-kuntratt ikkontestat jikkostitwixxi kemm il-bażi kif ukoll il-kuntest legali għall-kostruzzjoni u t-tħaddim futuri ta’ impjant intiż għat-twettiq ta’ servizz pubbliku, jiġifieri l-irkupru tas-sħana mill-iskart. Il-kuntratt imsemmi ġie konkluż minn awtoritajiet pubbliċi biss, mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ parti privata, u ma jipprevedi u lanqas ma jippreġudika l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li jkunu eventwalment neċessarji għall-kostruzzjoni u għat-tħaddim tal-impjant ta’ trattament tal-iskart.

45      Issa, b’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li awtorità pubblika għandha l-possibbiltà li twettaq id-dmirijiet ta’ interess pubbliku li huma imposti fuqha mill-mezzi tagħha stess, mingħajr ma tkun obbligata li tirrikorri għall-entitajiet esterni li ma humiex parti mid-dipartimenti tagħha, u li tista’ twettaqhom ukoll inkollaborazzjoni ma’ awtoritajiet pubbliċi oħra (ara s-sentenza Coditel Brabant, iċċitata iktar ’il fuq, punti 48 u 49).

46      Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li, kieku l-kooperazzjoni inkwistjoni saret permezz tal-ħolqien ta’ korp irregolat mid-dritt pubbliku li d-diversi awtoritajiet ikkonċernati kienu jinkarigaw sabiex jaqdi l-missjoni ta’ interess ġenerali ta’ rimi tal-iskart, hija kienet tammetti li l-użu tal-impjant mill-Landkreise kkonċernati ma kienx ikun jifforma parti mil-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi. Madankollu, hija tqis li, fin-nuqqas ta’ tali korp ta’ kooperazzjoni interkomunali, il-kuntratt pubbliku għal servizzi konkluż bejn id-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg u l-Landkreise kkonċernati kellu jkun is-suġġett ta’ sejħa għal offerti.

47      Madankollu, min-naħa waħda, għandu jiġi rrilevat li d-dritt Komunitarju bl-ebda mod ma jimponi l-adozzjoni ta’ forma ġuridika partikolari fuq l-awtoritajiet pubbliċi, sabiex jiżguraw flimkien il-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku tagħhom. Min-naħa l-oħra, tali kollaborazzjoni bejn awtoritajiet pubbliċi ma tistax thedded l-għan prinċipali tar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, jiġifieri l-moviment liberu ta’ servizzi u l-ftuħ għall-kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fl-Istati Membri kollha, meta l-implementazzjoni ta’ din il-kooperazzjoni tkun unikament irregolata minn kunsiderazzjonijiet u ħtiġijiet intiżi għall-ksib ta’ għanijiet ta’ interess pubbliku u meta l-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-persuni kkonċernati msemmi fid-Direttiva 92/50 ikun iggarantit, b’tali mod li l-ebda impriża privata ma titqiegħed f’sitwazzjoni privileġġjata meta mqabbla mal-kompetituri tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Stadt Halle u RPL Lochau, iċċitata iktar ’il fuq, punti 50 u 51).

48      Fl-aħħar, għandu jiġi kkonstatat li minn l-ebda prova fil-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li, f’din il-kawża, l-awtoritajiet inkwistjoni ppjanaw xi mekkaniżmu sabiex jevitaw ir-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi.

49      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, u mingħajr ma hemm il-bżonn li tingħata deċiżjoni fir-rigward tal-motivi l-oħra tad-difiża tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, hemm lok li r-rikors tal-Kummissjoni jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

50      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitluba mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.