Language of document : ECLI:EU:C:2010:784

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fis-16 ta’ Diċembru 2010 (1)

Kawża C‑391/09

Malgožata Runevič‑Vardyn,

Łukasz Wardyn

vs

Vilniaus miesto savivaldybės administracija,

Lietuvos Respublikos teisingumo ministerija,

Valstybinė lietuvių kalbos komisija,

Vilniaus miesto savivaldybės administracijos Teisės departamento Civilinės metrikacijos skyrius

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vilniaus miesto 1 apylinkės teismas (il-Litwanja)]

“Ċittadinanza tal-Unjoni − Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità − Libertajiet ta’ moviment u ta’ residenza − Artikoli 12 KE u 18 KE − Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni mingħajr distinzjoni abbażi ta’ razza jew oriġini etnika − Direttiva 2000/43 – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi li l-ismijiet u l-kunjomijiet tal-persuni jinkitbu esklużivament bil-karattri tal-lingwa uffiċjali ta’ dak l-Istat fl-atti tal-istat ċivili maħruġa minn dan tal-aħħar – Kitba ta’ ismijiet u kunjomijiet ta’ persuni li joriġinaw minn Stat Membru ieħor”





I –    Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari li tinsab quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ċittadina Litwana ta’ oriġini etnika Pollakka (2), Malgožata Runevič‑Vardyn, u r-raġel tagħha, ċittadin Pollakk, Łukasz Paweł Wardyn, minn naħa waħda, u s-servizz tal-istat ċivili tad-dipartiment ġuridiku tal-muniċipalità ta’ Vilnjus (il-Litwanja), min-naħa l-oħra, wara li dan tal-aħħar irrifjuta li jimmodifika l-ismijiet u l-kunjomijiet tal-partijiet ikkonċernati kif kienu jinsabu fiċ-ċertifikati tat-twelid u taż-żwieġ maħruġa lilhom minn dak is-servizz.

2.        Il-leġiżlazzjoni Litwana applikabbli tipprovdi li l-ismijiet u l-kunjomijiet tal-persuni fiżiċi għandhom jinkitbu (3) fl-atti tal-istat ċivili f’forma li tirrispetta r-regoli ortografiċi tal-lingwa uffiċjali nazzjonali. B’hekk jirriżulta li huwa awtorizzat biss l-użu tal-karattri Latini, bl-esklużjoni ta’ sinjali dijakritiċi (4), legaturi (5), jew il-modifiki ortografiċi l-oħrajn kollha għall-ittri tal-alfabett Latin, li jintużaw f’lingwi oħrajn iżda li ma jeżistux fil-lingwa Litwana.

3.        Il-qorti tar-rinviju, il-Vilniaus miesto 1 apylinkės teismas (l-ewwel Qorti tad-Distrett tal-belt ta’ Vilnjus), titsaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplementa l-prinċipju tat-trattament ugwal bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (6), li s’issa għadhom qatt ma ġew interpretati f’deċiżjoni preliminari, jew id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12 KE u 18 KE, jipprekludux tali leġiżlazzjoni nazzjonali.

4.        Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġiet adita b’diversi domandi preliminari dwar l-istat ċivili ta’ ċittadini tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-kunjom tagħhom (7). Fil-ġurisprudenza reċenti tagħha, hija għażlet pożizzjoni pjuttost favorevoli għall-individwi li kkontestaw l-użanzi amministrattivi dwar il-kitba tal-kunjomijiet fl-atti tal-istat ċivili. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa prinċipalment biex tiddetermina jekk persuna li tappartjeni għal minoranza etnika jew ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jistgħux jinvokaw id-dritt tal-Unjoni sabiex jimponu l-użu tal-lingwa maternali tagħhom kontra l-awtoritajiet ta’ Stat Membru, u dan kontra l-prinċipji kostituzzjonali fis-seħħ f’dak l-Istat li jipproteġu l-lingwa uffiċjali nazzjonali.

5.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari turi li l-kwistjonijiet li jqumu f’dan il-kuntest iqanqlu emozzjonijiet ferventi, kemm għall-partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll għall-Istati Membri kkonċernati (8). Huwa minnu li din il-kawża tippreżenta aspetti storiċi u ġeopolitiċi delikati. Effettivament, ir-reġjun ta’ Vilnjus kien iċ-ċentru ta’ kunflitt politiku diffiċli fl-Ewropa fil-perijodu ta’ bejn iż-żewġ gwerer u l-pożizzjoni tal-popolazzjoni ta’ oriġini Pollakka f’dak ir-reġjun għadha tikkawża tensjonijiet politiċi bejn ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika tal-Polonja, żewġ Stati Membri li huma konnessi bi storja komuni twila, mill-1386 sal-1918, kemm fi ħdan l-Unjoni tal-Polonja-Litwanja kif ukoll taħt l-imperu Russu.

6.        L-ismijiet u l-kunjomijiet huma ta’ importanza kunsiderevoli, mill-perspettiva tal-individwi u l-Istati. Għal persuna, kunjomha u l-mod kif jinkiteb jistgħu jikkostitwixxu fattur essenzjali ta’ identità psikoloġika, etnika jew nazzjonali (9). Bħala eżempju ta’ dan il-fenomenu, wieħed jista’ jsemmi l-bidliet volontarji tal-kunjomijiet ta’ oriġini “barranija” li seħħew fuq skala massiva fil-Finlandja fil-bidu tas-seklu 20. Fl-istorja, motivazzjonijiet ta’ natura ftit jew wisq nazzjonalista kienu wkoll ispiraw il-bidliet imġiegħla, u mhux magħżula, tal-kunjomijiet ta’ minoranzi nazzjonali jew etniċi li seħħew f’diversi pajjiżi Ewropej, kif ukoll ir-regolamenti li jimponu li l-kunjomijiet jinkitbu skont varjanti nazzjonali, bl-esklużjoni ta’ konsonanzi barranin, fl-atti tal-istat ċivili. Il-libertà individwali li teżisti f’dan il-qasam hija llimitata wkoll f’diversi pajjiżi b’referenza għal kunsiderazzjonijiet ta’ ordni pubbliku (10). It-tensjoni bejn l-interessi tal-individwi u dawk tal-Istati fil-qasam tal-ismijiet u l-kunjomijiet tinħass ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll f’dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (11).

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt nazzjonali

1.      Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

7.        L-Artikolu 8 tal-imsemmija konvenzjoni, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) huwa fformulat hekk:

“1. Kulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu u tal-familja tiegħu, ta’ daru u tal-korrispondenza tiegħu.

2. Ma għandux ikun hemm indħil minn awtorità pubblika dwar l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ħlief dak li jkun skond il-liġi u li jkun meħtieġ f’soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika jew il-ġid ekonomiku tal-pajjiż, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta’ delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor.”

2.      Il-Konvenzjoni KISĊ Nru 14 dwar l-indikazzjoni tal-kunjomijiet u l-ismijiet fir-reġistri tal-istat ċivili

8.        Il-konvenzjoni ffirmata f’Berne fit-13 ta’ Settembru 1973 taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni Internazzjonali tal-Istat Ċivili (iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni KISĊ”) dwar l-indikazzjoni tal-kunjomijiet u l-ismijiet fir-reġistri tal-istat ċivili daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Frar 1977 (12).

9.        Skont l-Artikolu 2 ta’ dik il-konvenzjoni,

“Meta att ikollu jiġi insinwat fir-reġistru tal-istat ċivili minn awtorità ta’ Stat kontraenti u għal dak il-għan jiġu ppreżentati kopja jew silta minn att tal-istat ċivili jew dokument ieħor li jistabbilixxu l-kunjomijiet u l-ismijiet fl-istess ittri bħal dawk tal-lingwa li biha jkun ifformulat l-att, dawk il-kunjomijiet u ismijiet għandhom jiġu riprodotti letteralment mingħajr ebda modifika jew traduzzjoni.

Is-sinjali dijakritiċi li jkunu jinsabu f’dawk il-kunjomijiet u ismijiet għandhom jiġu riprodotti wkoll, anki jekk dawk is-sinjali ma jkunux jeżistu fil-lingwi li biha jkollu jiġi fformulat l-att.”

B –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      It-Trattat dwar l-UE

10.      L-Artikolu 4(2) tat-Trattat UE jipprovdi:

“L-Unjoni għandha tirrispetta l-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati kif ukoll l-identità nazzjonali tagħhom […].”

2.      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

11.      L-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (13) huwa fformulat hekk:

“Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta' darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha.”

3.      It-Trattat KE (14)

12.      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE jipprovdi:

“Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita”.

13.      L-Artikolu 18(1) KE jipprovdi:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u ddispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq”.

4.      Id-Direttiva 2000/43

14.      Id-Direttiva 2000/43, li ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 13 KE, tirrigwarda l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-persuni irrispettivament mir-razza jew mill-oriġini etnika.

15.      L-Artikolu 2(2)(b) ta’ dik id-Direttiva jipprovdi:

“Diskriminazzjoni indiretta għandha tittieħed li tiġri fejn dispożizzjonijiet, kriterju jew prattika apparentement newtrali, jitfgħu persuni ta’ oriġini, ta’ razza jew grupp etniku fi żvantaġġ partikolari pparagunati ma’ persuni oħra, għajr jekk din id-dispożizzjoniji, dan il-kriterja jew din il-prattika jkunu ġġustifikati oġġettivament minn mira leġittima u jekk il-mezzi għall-kisba ta’ din il-mira jkunu sewwa u meħtieġa.”

16.      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/43 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kif ġej:

“1.      Fil-limiti tal-poteri mogħtija lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, f’dak li għandu x’jaqsam mas-setturi pubbliċi u privati, inklużi l-korpi pubbliċi, f’relazzjoni ma’: […]

h) l-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi u l-provediment tagħhom li huma disponibbli għall-pubbliku, inklużi d-djar.

2.      Din id-Direttiva ma tkoprix id-differenza tat-trattamenti msejsa fuq in-nazzjonalità u hija mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet u l-kondizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-dħul u r-residenza ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi u ta’ persuni mingħajr stat fit-territorju ta’ l-Istati Membri, u għal kull trattament li jinħoloq mill-istat legali taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi u l-persuni bla stat interessati.”

C –    Id-dritt Litwan

1.      Il-Kostituzzjoni

17.      L-Artikolu 14 tal-Kostituzzjoni Litwana jipprovdi li l-lingwa uffiċjali hija l-Litwan.

2.      Il-kodiċi ċivili

18.      L-Artikolu 2.20(1) tal-kodiċi ċivili Litwan (iktar ’il quddiem il-“kodiċi ċivili”) jistabbilixxi li “kull persuna għandha dritt għal isem. Dan id-dritt għal isem iħaddan id-dritt għal kunjom, isem jew diversi ismijiet u psewdonimu”.

19.      L-Artikolu 3.31 tal-kodiċi ċivili jipprovdi:

“Kull parti fiż-żwieġ għandha d-dritt li żżomm il-kunjom li kellha qabel iż-żwieġ, li tagħżel il-kunjom tal-parti l-oħra bħala kunjom komuni jew li tagħżel kunjom doppju li jikkonsisti fiż-żieda tal-kunjom tal-parti l-oħra ma’ dak tagħha.”

20.      L-Artikolu 3.281 tal-kodiċi ċivili jipprovdi li l-atti tal-istat ċivili għandhom jiġu rreġistrati, irrikostitwiti, immodifikati, ikkompletati jew ikkoreġuti b’mod konformi mar-regoli dwar l-istat ċivili ppromulgati mill-ministru tal-Ġustizzja.

21.      L-Artikolu 3.282 tal-kodiċi ċivili jipprovdi li “ir-referenzi li jinsabu fuq l-atti tal-istat ċivili għandhom ikunu bil-Litwan. L-isem, il-kunjom u l-ismijiet ġeografiċi għandhom jinkitbu b’mod konformi mar-regoli tal-lingwa Litwana”.

3.      Ir-regoli dwar l-istat ċivili

22.      Il-punt 11 tad-Digriet Nru IR‑294 tal-ministru Litwan tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Lulju 2008, dwar il-konferma tar-regoli dwar l-istat ċivili (15) jipprovdi li r-referenzi fl-atti tal-istat ċivili għandhom ikunu bil-Litwan.

III – Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.      Malgožata Runevič‑Vardyn, li twieldet fl-20 ta’ Marzu 1977 f’Vilnjus, hija ċittadina Litwana ta’ oriġini etnika Pollakka. Hija tiddikjara li l-ġenituri tagħha tawha l-isem Pollakk “Małgorzata” u kunjom missierha, “Runiewicz”.

24.      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, fiċ-ċertifikat tat-twelid li nħarġilha fl-14 ta’ Ġunju 1977, isimha u kunjomha ġew irreġistrati bil-forma Litwana, jiġifieri “Malgožata Runevič”. L-istess isem u kunjom jinsabu fuq ċertifikat tat-twelid ġdid li nħareġ fid-9 ta’ Settembru 2003 mis-servizz tal-istat ċivili tal-belt ta’ Vilnjus, kif ukoll fuq il-passaport Litwan li nħarġilha mill-awtoritajiet kompetenti fis-7 ta’ Awwissu 2002.

25.      Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li ċ-ċertifikat ta’ twelid maħruġ fl-1977 kien miktub b’ittri Ċirilliċi (16), u li l-isem u l-kunjom jinsabu fil-forma “Malgožata Runevič” biss fil-verżjoni tal-imsemmi ċertifikat maħruġ fl-2003, kif ukoll fil-passapart maħruġ fl-2002. Il-persuna kkonċernata tiddikjara li, fuq talba tagħha, hija rnexxielha tikseb li n-“nazzjonalità” Pollakka tagħha tissemma’ fl-imsemmi passaport (17). Hija tgħid ukoll li fuq il-bażi tad-dritt Pollakk, inħarġilha ċertifikat tat-twelid fil-31 ta’ Lulju 2006 mis-servizz tal-istat ċivili tal-belt ta’ Varsavja, fejn isimha u kunjomha jidhru bħala “Małgorzata Runiewicz”.

26.      Wara li għexet u ħadmet għal xi żmien fil-Polonja, fis-7 ta’ Lulju 2007, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali żżewġet f’Vilnjus lil Łukasz Paweł Wardyn, ċittadin Pollakk. Fuq iċ-ċertifikat taż-żwieġ maħruġ mis-servizz tal-istat ċivili tal-belt ta’ Vilnjus, “Łukasz Paweł Wardyn” huma miktub bħala “LUKASZ PAWEL WARDYN” b’ittri kbar, jiġifieri bl-użu tal-alfabett Latin mingħajr is-sinjal dijakritiku, waqt li kunjom martu jidher bħala “MALGOŽATA RUNEVIČ-VARDYN”, jiġifieri bl-użu biss tal-karattri Litwani, li ma jinkludux l-ittra “W”. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jindikaw li rċevew, fl-2008, ċertifikat taż-żwieġ Pollakk fejn l-ismijiet u l-kunjomijiet tagħhom huma miktuba fil-forma Pollakka (18). Illum il-ġurnata, il-partijiet ikkonċernati jgħixu fil-Belġju, flimkien ma’ tifel li twieled miż-żwieġ tagħhom.

27.      Fis-16 ta’ Awwissu 2007, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat talba quddiem is-servizz tal-istat ċivili tal-belt ta’ Vilnjus biex, minn naħa, isimha u kunjomha, kif jinsabu fiċ-ċertifikat tat-twelid tagħha, jiġifieri “Malgožata Runevič”, jinbidlu għal “Małgorzata Runiewicz”, u min-naħa l-oħra, isimha u kunjomha, kif jinsabu fiċ-ċertifikat taż-żwieġ tagħha, jiġifieri “Malgožata Runevič‑Vardyn”, jinbidlu għal “Małgorzata Runiewicz‑Wardyn”.

28.      B’risposta tad-19 ta’ Settembru 2007, l-imsemmi servizz informa lil M. Runevič‑Vardyn li, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-Litwanja, kien impossibbli li jinbidlu r-referenzi li jinsabu fl-atti tal-istat ċivili.

29.      Jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni tar-rinviju li M. Runevič‑Vardyn u L. Wardyn ippreżentaw rikors fejn talbu li s-servizz tal-istat ċivili tal-belt ta’ Vilnjus ikun obbligat joħroġ ċertifikat tat-twelid ġdid, minbarra ċertifikat taż-żwieġ ġdid, b’mod konformi mat-talbiet li M. Runevič‑Vardyn kienet ressqet lil dak is-servizz.

30.      Peress li dehrilha li ma kinitx f’pożizzjoni li tagħti risposta ċara għad-domandi ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju ssollevati fil-kuntest tal-kawża li kellha quddiemha, il-Vilniaus miesto 1 apylinkės teismas iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:

“1)      Fid-dawl tar-regoli li jinsabu fid-Direttiva 2000/43 […], għandu l-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli indirettament jiddiskriminaw kontra individwi abbażi tal-oriġini etnika tagħhom fil-każ fejn regoli ġuridiċi nazzjonali jipprovdu li ismijiet u kunjomijiet personali jistgħu jinkitbu f’dokumenti li jindikaw l-istat ċivili billi jintużaw biss l-ittri tal-lingwa nazzjonali?

2)       Fid-dawl tar-regoli li jinsabu fid-Direttiva 2000/43 […], għandu l-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli indirettament jiddiskriminaw kontra individwi abbażi tal-oriġini etnika tagħhom fil-każ fejn regoli ġuridiċi nazzjonali jipprovdu li ismijiet u kunjomijiet personali ta’ individwi ta’ oriġini jew ċittadinanza differenti għandhom jinkitbu, f’dokumenti li jindikaw l-istat ċivili, billi jintużaw ittri Rumani u mhux billi jintużaw marki dijakritiċi, legaturi jew modifiki oħrajn għall-ittri tal-alfabett Ruman li huma użati f’diversi lingwi?

3)      Fid-dawl tal-Artikolu 18(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jipprovdi li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri, u fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 ta’ dan it-trattat, li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, għandhom dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu lill-Istati Membri milli jipprovdu f’regoli ġuridiċi nazzjonali li ismijiet u kunjomijiet personali jistgħu jinkitbu f’dokumenti li jindikaw l-istat ċivili billi jintużaw biss l-ittri tal-lingwa nazzjonali?

4)      Fid-dawl tal-Artikolu 18(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jipprovdi li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri, u fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 ta’ dan it-trattat, li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, għandhom dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu lill-Istati Membri milli jipprovdu f’regoli ġuridiċi nazzjonali li l-ismijiet u kunjomijiet personali ta’ individwi ta’ oriġini jew ċittadinanza differenti għandhom jinkitbu, f’dokumenti li jindikaw l-istat ċivili, billi jintużaw ittri Rumani u mhux billi jintużaw marki dijakritiċi, legaturi jew modifiki oħrajn għall-ittri tal-alfabett Ruman li huma użati f’diversi lingwi?”

31.      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, ġew ippreżentati osservazzjonijiet kemm bil-miktub kif ukoll orali minn M. Runevič‑Vardyn u L. Wardyn, mill-Gvernijiet tal-Litwanja, tal-Estonja, tal-Latvja u tal-Polonja, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvern Ċek, dak Portugiż u dak Slovakk ippreżentaw biss osservazzjonijiet bil-miktub.

IV – Analiżi

A –    Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

32.      Il-Gvern Litwan issolleva eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fir-rigward ta’ parti mid-domandi preliminari. Huwa jiddeduċi li manifestament il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex kompetenza biex tagħti risposta. Insostenn tal-allegazzjonijiet tiegħu, huwa jinvoka żewġ kategoriji ta’ oġġezzjonijiet.

33.      Fir-rigward tat-tieni u r-raba’ domandi preliminari, l-imsemmi gvern jafferma li huma inammissibbli minħabba nuqqas ta’ rabta mar-realtà jew is-suġġett tal-kawża prinċipali fir-rigward ta’ L. Wardyn.

34.      Fir-rigward tad-domandi preliminari kollha, il-Gvern Litwan, segwit fuq dan il-punt mill-Gvern Ċek, jikkunsidra li huma inammissibbli inkwantu huma relatati mar-regoli nazzjonali li jirregolaw il-mod kif jinkitbu l-isem u l-kunjom bħala xebba ta’ M. Runevič‑Vardyn, għar-raġuni li dawn ir-regoli dwar il-kitba jirrigwardaw sitwazzjoni purament interna fil-Litwanja, li b’hekk ma tikkonċernax lil Stati Membri oħrajn.

35.      Fir-rigward tal-ewwel oġġezzjoni, dwar is-sitwazzjoni proċedurali ta’ L. Wardyn, nirrileva li jirriżulta mill-ġurisprudenza li permezz tal-kelma “partijiet”, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirreferi għal dawk li jkollhom dik il-kwalità fil-kawża pendenti quddiem il-qorti nazzjonali li tkun irrinvjat it-talba għal deċiżjoni preliminari, u lil ħadd iżjed (19).

36.      Rigward l-ammissibbiltà ta’ domanda preliminari meta din ma tkunx relatata mas-suġġett tal-kawża jew tkun ipotetika, infakkar li skont ġurisprudenza stabbilita (20), fil-kuntest tal-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-qorti nazzjonali tinsab fl-aħjar pożizzjoni, fir-rigward tal-partikolaritajiet tal-kawża, li tevalwa kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari biex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-relevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta dawn ikunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, obbligata li tagħti deċiżjoni.

37.      F’din il-kawża, il-qorti nazzjonali tindika, fid-deċiżjoni tagħha ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, li hija ġiet adita minn Malgožata Runevič‑Vardyn u Łukasz Paweł Wardyn flimkien, li huma kkwalifikati minn dik il-qorti bħala “ir-rikorrenti”. Peress li L. Wardyn huwa parti fil-kawża prinċipali, huwa konsegwentement parti wkoll fil-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. B’hekk, id-domandi preliminari ma humiex inammissibbli fil-konfront tiegħu, anki jekk jirriżulta li s-suġġett tar-rikors ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju huwa limitat għas-sitwazzjoni ta’ M. Runevič‑Vardyn.

38.      Il-qorti tar-rinviju dehrilha li kien meħtieġ biex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha u li fl-istess ħin kien ġuridikament relevanti li tinkludi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi dwar L. Wardyn fid-domandi preliminari tagħha. Jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tirrifjuta li tiddeċiedi dwar talba għal deċiżjoni preliminari ħlief jekk jidhrilha b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jew meta l-kwistjoni ssollevata tkun ta’ natura ipotetika. Jidhirli li dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

39.      Fir-rigward tat-tieni oġġezzjoni, li tallega li s-suġġett tad-domandi preliminari huwa ta’ natura purament interna inkwantu jirrigwardaw l-isem u l-kunjom bħala xebba ta’ M. Runevič‑Vardyn, infakkar li fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (21), din il-kwistjoni ma taqax taħt eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà iżda taħt kwistjoni dwar il-mertu, li ser tiġi eżaminata iktar ’il quddiem.

40.      Għaldaqstant, għandha tingħata risposta għad-domandi preliminari kollha, inkluż safejn jirrigwardaw l-istat ċivili ta’ M. Runevič‑Vardyn qabel ma żżewġet.

B –    Fuq il-mertu

1.      Osservazzjonijiet preliminari

 a)     Fuq it-tqassim tal-kompetenzi

41.      Id-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri li jirregolaw is-sistemi tagħhom ta’ indikazzjoni tal-ismijiet u l-kunjomijiet fl-atti tal-istat ċivili (22). Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-kunċett tal-istat ċivili fil-livell tal-Unjoni (23), huwa f’idejn il-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li tiddetermina l-kundizzjonijiet għall-attribuzzjoni, il-modifika u l-kitba ta’ dawk l-elementi fir-reġistri kkonċernati.

42.      Madankollu, jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza riżervata lilhom, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari f’dan il-każ id-dispożizzjonijiet dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, iċ-ċittadinanza Ewropea jew il-moviment liberu tal-persuni (24).

 b)     Fuq l-aspetti temporali tal-kawża prinċipali

43.      Żewġ fatturi temporali jistgħu joħolqu problema fir-rigward taċ-ċertifikat tat-twelid ta’ M. Runevič‑Vardyn, li fl-ewwel lok kien inħareġ b’karattri Ċirilliċi, fl-1977, mill-awtoritajiet tal-Litwanja Sovjetika (25), u sussegwentement inħareġ f’verżjoni ġdida, bil-lingwa Litwana, fl-2003. Ir-Repubblika Litwana, wara li reġgħet kisbet l-indipendenza tagħha fl-1990, saret membru tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004. Korrelattivament, M. Runevič‑Vardyn eżerċitat il-prerogattivi ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-drittijiet ta’ moviment u ta’ residenza li huma marbuta maċ-ċittadinanza Ewropea, biss bosta snin wara r-reġistrazzjoni ta’ isimha u kunjomha.

44.      B’hekk tqum il-kwistjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju, u dan minn żewġ aspetti, wieħed ġenerali, u l-ieħor individwali.

45.      Mill-ewwel aspett, jista’ jitfakkar li meta Stat isir membru tal-Unjoni Ewropea, huwa jrid jadotta l-acquis communautaire kollu, kif jirriżulta b’mod partikolari mid-Direttiva 2000/43 u mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE li jissemmew fid-deċiżjoni ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, u li mill-adeżjoni tagħha, il-Litwanja kienet obbligata tirrispetta dawk ir-regoli u li tiżgura li jiġu rrispettati. Madankollu, fil-fehma tiegħi, minn dak id-dmir ma jirriżultax obbligu retroattiv li jiġi mmodifikat il-kontenut tal-atti amministrattivi li kienu jeżistu qabel ma l-Istat ikkonċernat sar membru tal-Unjoni u li jirrigwardaw fatti li seħħew qabel dik id-data.

46.      Mit-tieni aspett, għandu jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni transkonfinali ta’ M. Runevič‑Vardyn ċertament inħolqot ferm wara l-konstatazzjoni tal-identità tagħha fl-att tal-istat ċivili inkwistjoni, iżda dak li qed jintalab huwa l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex jinsiltu l-konklużjonijet pertinenti fir-rigward ta’ dik is-sitwazzjoni, kif ukoll fir-rigward ta’ kull sitwazzjoni oħra li issa taqa’ taħt dak id-dritt, u dan sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni f’dak l-Istat Membru.

47.      Fil-fehma tiegħi, id-dritt tal-Unjoni ma jistax jeżiġi li ċertifikat tat-twelid maħruġ qabel l-adeżjoni mal-Unjoni jinbidel retroattivament. Min-naħa l-oħra, ma huwiex eskluż li jista’ joħloq id-dritt għal individwu li jitlob li Stat Membru joħroġlu att ta’ stat ċivili li jiċċertifika informazzjoni li tinsab fiċ-ċertifikat tat-twelid tiegħu iżda li juża kitba differenti fl-identifikazzjoni tal-isem u l-kunjom, kif għamlu l-awtoritajiet Litwani fir-rigward ta’ M. Runevič‑Vardyn fl-2003.

 c)     Fuq l-aspetti transkonfinali tal-kawża prinċipali

48.      Il-Gvern Litwan jinvoka l-fatt li l-informazzjoni dwar ċerti aspetti tal-kawża prinċipali hija kkonċentrata fit-territorju tiegħu biss. Huwa jsostni li t-talbiet ta’ M. Runevič‑Vardyn dwar il-modifika ta’ isimha u kunjomha fiċ-ċertifikat tat-twelid tagħha, ma jaqgħux taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni peress li dak l-att inħareġ fil-Litwanja u jikkonċerna ċittadina Litwana. Infakkar li din hija kwistjoni dwar il-mertu u mhux kwistjoni li taqa’ taħt eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

49.      Min-naħa l-oħra, m’hemm ebda dubju dwar il-konnessjoni mad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-aspetti l-oħrajn tal-kawża, jiġifieri dawk dwar ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet taż-żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali fiċ-ċertifikat taż-żwieġ tagħhom, għaliex huma konjugi ta’ nazzjonalitajiet differenti li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu fi ħdan l-Unjoni.

50.      Fir-rigward tad-Direttiva 2000/43, għandu jiġi rrilevat li din timplementa l-prinċipju tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi tar-razza jew l-oriġini etnika li huwa stabbilit fl-Artikolu 13(1) KE. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju ma huwiex ristrett mill-kwistjoni jekk is-sitwazzjoni hijiex ta’ natura interna jew le, iżda, fuq livell ġenerali, mil-limitazzjoni tal-kompetenzi mogħtija lill-Komunità (jew l-Unjoni) u, fuq livell speċifiku, mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/43 kif iddefinit minn dik id-direttiva stess, waqt li fil-fehma tiegħi għandu jiġi osservat li dan iħaddan ukoll sitwazzjonijiet totalment interni (26).

51.      Rigward l-applikabbiltà tal-Artikolu 12 KE u tal-Artikolu 18 KE, din tiddependi minn jekk is-sitwazzjoni tkunx tinsab jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE. Kif diġà indikajt, huwa ċar li l-kwistjonijiet relatati maċ-ċertifikat taż-żwieġ jistgħu jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertajiet fundamentali. Fir-rigward taċ-ċertifikat tat-twelid maħruġ lil M. Runevič‑Vardyn fl-2003, infakkar li hija semmiet sensiela ta’ diffikultajiet prattiċi li hija tafferma li batiet fil-Polonja u fil-Belġju minħabba d-differenzi fil-kitba ta’ kunjomha bejn l-atti tal-istat ċivili Litwani u l-atti tal-istat ċivili Pollakki li jirrigwardaw lilha u lill-familja tagħha. Fil-fehma tiegħi, is-sitwazzjoni ta’ ċittadina tal-Unjoni li tkun eżerċitat il-libertà tagħha ta’ moviment u li tkun iżżewġet ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, fir-rigward tal-atti tal-istat ċivili maħruġa fil-pajjiż tal-oriġini tagħha, ma tistax titqies bħala purament interna jekk il-leġiżlazzjoni ta’ dak il-pajjiż tkun twassal biex l-isem li jkun komuni għaż-żewġ miżżewġin ma jkunx jista’ jinkiteb b’mod uniformi fl-atti tal-istat ċivili li jirrigwardawhom it-tnejn. Tali sitwazzjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE.

52.      F’din il-kawża, huwa minnu li jeżistu elementi tal-kawża prinċipali li huma kkonfinati fi ħdan it-territorju tal-Litwanja. Madankollu, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tastjeni li tagħti deċiżjoni minħabba dik il-kunsiderazzjoni biss (27). Il-kriterju determinanti huwa jekk l-interpretazzjoni mitluba hijiex relatata jew le mal-kawża prinċipali. Jista’ jiġi osservat li fil-prattika, il-kontenut taċ-ċertifikat tat-twelid ta’ M. Runevič‑Vardyn jista’ jservi bħala bażi għar-referenzi li jinsabu f’atti oħrajn, bħall-passaport jew iċ-ċertifikat taż-żwieġ tal-persuna kkonċernata, li huma wkoll is-suġġett tal-kawża. B’hekk, minkejja l-konċentrazzjoni ta’ ċerti fatti fil-limiti tat-territorju nazzjonali, risposta tista’ madankollu tkun utli għall-qorti tar-rinviju.

53.      Għaldaqstant, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għad-domandi preliminari li sarulha.

2.      Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2000/43

54.      Jekk id-domandi li saru fil-kuntest tal-kawża prinċipali, dwar l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-oriġini etnika (28) fis-sens tad-Direttiva 2000/43, ma jaqgħux taħt id-dispożizzjonijiet tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex kompetenza ratione materiae biex tirrispondi għall-ewwel u t-tieni domandi preliminari li saru mill-qorti tar-rinviju.

55.      Il-biċċa l-kbira tal-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet jikkunsidraw li d-Direttiva 2000/43 ma hijiex intiża li tapplika f’din il-kawża. Jeċċepixxu l-kontra biss ir-rikorrenti u l-Gvern Portugiż (29).

56.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-kamp ta’ applikazzjoni rationae materiae tal-imsemmija direttiva huwa wiesa’ ħafna u jiġbor fi ħdanu għadd kbir ta’ aspetti tal-ħajja soċjali. Effettivament, b’differenza mid-direttivi l-oħrajn dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, id-Direttiva 2000/43 testendi lil hinn mill-qasam tal-impjiegi u t-taħriġ professjonali, kif previst mil-leġiżlatur (30).

57.      Ċertament, għall-kuntrarju tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (31), id-Direttiva 2000/43 ma teskludix espressament il-kwistjonijiet ta’ stat ċivili mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Madankollu, il-proposta li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2000/43 tippreċiża li l-oqsma koperti minnha huma koperti biss inkwantu jaqgħu fi ħdan il-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Komunità mit-Trattat (32). L-Artikolu 3 tad-direttiva jfakkar li ġiet adottata waqt li ġew ikkunsidrati dawk il-limiti. Kif irrilevajt, l-indikazzjoni ta’ ismijiet u kunjomijiet fir-reġistri tal-istat ċivili ma tagħmilx parti mill-kompetenzi tal-Unjoni.

58.      Barra minn hekk, l-Artikolu 3(1) (33) tad-Direttiva 2000/43, li jiffissa l-kamp ta’ applikazzjoni rationae materiae tagħha b’mod eżawrjenti, fil-fehma tiegħi ma jinkludi ebda element li joqrob lejn l-oqsma speċifiċi tal-istat ċivili u l-formulazzjoni tad-dokumenti relatati. Fost l-oqsma fejn diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika hija pprojbita, fil-punt h) tal-imsemmi Artikolu, wieħed isib, “l-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi u l-provediment tagħhom li huma disponibbli għall-pubbliku, inklużi d-djar”. Din hija l-unika intestatura li tista’ tkun relevanti f’din il-kawża, peress li l-oħrajn jirreferu għal aspetti professjonali, soċjali jew ta’ taħriġ li ma għandhom ebda rabta mas-suġġett fil-kawża prinċipali. Ma jistax jitqies li l-leġiżlazzjoni dwar il-kitba tal-ismijiet u l-kunjomijiet li għandha tintuża fl-atti tal-istat ċivili taqa’ direttament taħt il-kunċett ta’ “servizz” fis-sens ta’ dik id-direttiva (34).

59.       Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li s-sitwazzjoni tagħhom taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet peress li huwa neċessarju li wieħed jippreżenta dokument tal-identità u diversi tipi ta’ dokumenti, ċertifikati jew diplomi biex ikun jista’ jibbenefika minn ċerti drittijiet, kif ukoll biex ikollu l-possibbiltà li juża l-beni u s-servizzi koperti mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/43.

60.      Madankollu, dak ir-raġunament ma huwiex konvinċenti. Id-dokumenti ta’ ħidma preparatorja dwar l-imsemmija direttiva (35) jindikaw li l-Artikolu 3(1)(h) jeħtieġ li “id-deċiżjonijiet” dwar l-aċċess għall-prodotti u servizzi jew il-forniment ta’ prodotti u servizzi ma jkunux ibbażati fuq ir-razza jew l-oriġini etnika. Biex tagħti indikazzjoni ta’ għal xiex tista’ tirreferi d-diskriminazzjoni fl-aċċess għall-prodotti u s-servizzi, li tillimita l-integrazzjoni ekonomika u soċjali, il-Kummissjoni tat l-eżempju tal-aċċess għall-mezzi ta’ finanzjament li jirriżulta minn deċiżjonijiet meħuda dwar self lil impriżi żgħar jew self ipotekarju (36). Il-konnessjoni bejn id-deċiżjoni meħuda u l-aċċess għas-servizz mitlub hija diretta u evidenti, f’dan l-eżempju. Min-naħa l-oħra, il-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidhirlix li jistgħu jagħtu lok għal tali relazzjoni ta’ kawżalità.

61.      L-approċċ adottat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jista’ jiġi aċċettat biss jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti indiretti tal-leġiżlazzjoni dwar il-kitba tal-ismijiet u l-kunjomijiet, inkwantu din jista’ jkollha mhux bħala objettiv, iddikjarat jew implikat, iżda bħala konsegwenza prattika r-restrizzjoni tal-aċċess tal-persuni kkonċernati għal ċerti prodotti jew servizzi, bħax-xiri ta’ biljetti tal-ajru, il-ftuħ ta’ kont bankarju jew it-twettiq ta’ xi proċedura amministrattiva, waqt li konjugi oħrajn f’pożizzjoni ekwivalenti ma jkollhomx jiffaċċjaw tali ostakoli potenzjalment dissważivi (37).

62.      Ma naqbilx ma’ dan l-argument. Jekk teżisti xi diskriminazzjoni fis-sitwazzjonijiet deskritti hawn fuq, din tirriżulta mhux mir-regolamentazzjoni inkwistjoni iżda mir-reazzjonijiet tal-fornituri ta’ prodotti u servizzi fil-konfront tad-dokumenti tal-istat ċivili ppreżentati lilhom. Tali aġir minn persuni privati għandu jiġi distint minn miżuri meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi.

63.      Barra minn hekk, wieħed ma jistax jiddeċiedi a priori jekk id-diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini etnika ġġenerata mill-fornituri ta’ prodotti u servizzi tistax tirriżulta mill-indikazzjoni ta’ tali oriġini, jew b’mod dirett (fiha nnifisha), jew b’mod indirett (permezz tal-kitba tal-ismijiet u l-kunjomijiet) fl-atti tal-istat ċivili jew jekk tirriżultax mill-ommissjoni ta’ dik l-indikazzjoni. Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, M. Runevič-Vardyn tinvoka d-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom minħabba l-fatt li l-karattri tal-alfabett Pollakk ma humiex awtorizzati fl-atti tal-istat ċivili ta’ ċittadini Litwani. F’kuntest ieħor, persuna tista’ ssofri diskriminazzjoni jekk l-oriġini etnika minoritarja tagħha tiġi żvelata mill-atti tal-istat ċivili (38). Infakkar li d-diskriminazzjoni indiretta tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ kriterju apparentement newtrali li jista’ joħloq żvantaġġ partikolari għal grupp ta’ persuni partikolari meta mqabbla ma’ persuni oħrajn. Huwa pprojbit li Stat Membru japplika tali kriterju, ħlief jekk ikun f’pożizzjoni li jagħti ġustifikazzjonijiet adegwati. L-interpretazzjoni mogħtija tad-dritt tal-Unjoni ma jistax ikollha r-riżultat li ż-żewġ każijiet ipotetiċi msemmija hawnhekk, li huma alternattivi u jeskludu lil xulxin, jitqiesu fil-konfront ta’ Stat Membru li huma diskriminatorji.

64.      Il-problemi konkreti msemmija minn M. Runevič‑Vardyn u L. Wardyn huma r-riżultat ta’ differenzi fil-kitba tal-ismijiet u l-kunjomijiet tagħhom fl-atti tal-istat ċivili Litwani u Pollakki, u mhux fil-kitba użata per se. Effettivament, ma jista’ jkun hemm ebda dubju dwar l-eżistenza ta’ żwieġ bejn “MALGOŽATA RUNEVIČ-VARDYN” u “LUKASZ PAWEL WARDYN”, fid-dawl taċ-ċertifikat taż-żwieġ Litwan li jikkonċernahom. Il-problema ssollevata ma hijiex relatata mal-fatturi ta’ diskriminazzjoni previsti mid-Direttiva 2000/43.

65.      Fil-fehma tiegħi, fl-epoka attwali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tammetti li, fil-każijiet fejn l-eżistenza taż-żwieġ ikollha importanza fir-rigward tal-aċċess għal prodotti jew servizzi, dak l-element jista’ jiġi dedott minn identiċità bejn l-ismijiet tal-miżżewġin jew jiġi eskluż fin-nuqqas ta’ tali identiċità. F’din il-kawża, bħal f’kull sitwazzjoni ekwivalenti, huma biss iċ-ċertifikat taż-żwieġ jew att tal-istat ċivili tal-istess tip li jistgħu jistabbilixxu r-realtà tar-rabta matrimonjali mingħajr ma jissussistu ebda dubju.

66.      Ad abundantiam, nenfasizza li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tadotta kunċett estensiv tal-portata tal-Artikolu 3(1)(h) tad-Direttiva 2000/43/KE fis-sens li din tinkludi l-effetti indiretti li l-leġiżlazzjoni dwar il-kitba tal-ismijiet jew ilo-kunjomijiet li għandhom jintużaw fl-atti tal-istat ċivili jista’ jkollha fir-rigward tal-aċċess għall-prodotti u servizzi, dan joħloq problemi ta’ applikazzjoni ta’ dik id-direttiva fir-rigward ta’ impriżi li jaqgħu b’mod ċar taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Pereżempju, jekk il-kwalifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta minħabba l-oriġini etnika tkun marbuta mar-restrizzjonijiet dwar l-użu ta’ karattri fl-atti tal-istat ċivili, tali interpretazzjoni tiftaħ il-perspettiva ta’ allegazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi kollha li, minħabba restrizzjonijiet tekniċi jew ta’ standardizzazzjoni, ikunu obbligati jużaw biss għażla pjuttost limitata ta’ grafemi u sinjali fid-dokumenti u l-komunikazzjonijiet li huma joħorġu dwar il-klijenti tagħhom (39). Il-fatt li tali prattiki jiġu kkwalifikati bħala li għandhom effett diskriminatorju, anki jekk biss potenzjalment, jidhirli li huwa eċċessiv u mhux iġġustifikat.

67.      Meta jitqies dak li ntqal hawn fuq, nikkunsidra li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni rationae materiae tad-Direttiva 2000/43.

3.      Fuq il-kwistjonijiet dwar id-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità u ċ-ċittadinanza Ewropea

68.      Skont l-Artikolu 17 KE, kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru għandha l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li minnu jirriżultaw id-drittijiet u d-dmirijiet previsti mit-Trattat KE, fosthom id-dritt ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE, kif ukoll il-libertà ta’ moviment u residenza fl-Istati Membri previst fl-Artikolu 18(1) KE, u dan fis-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni (40).

–       Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 KE fir-rigward tad-diversi talbiet ta’ modifika tal-atti tal-istat ċivili

69.      Fid-dawl tal-informazzjoni fil-kawża prinċipali, jidhirli li sabiex tkun tista’ tingħata risposta għat-tielet u r-raba’ domandi preliminari, għandha ssir distinzjoni bejn it-tliet kategoriji ta’ talbiet li saru mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jiġifieri: minn naħa waħda, it-talba ta’ M. Runevič‑Vardyn għall-modifika taċ-ċertifikat tat-twelid tagħha, min-naħa l-oħra, dik li saret minn L. Wardyn dwar iċ-ċertifikat taż-żwieġ, u finalment, dik li tirrigwarda l-kunjom wara ż-żwieġ ta’ M. Runevič‑Vardyn imsemmi f’dan l-aħħar ċertifikat.

70.      Fir-rigward tal-isem u l-kunjom bħala xebba li jinsabu fiċ-ċertifikat tat-twelid ta’ M. Runevič‑Vardyn ifformulat mis-servizz tal-istat ċivili tal-belt ta’ Vilnjus b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni Litwana, jiena tal-fehma li din is-sitwazzjoni ma taqax taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 KE. Effettivament, ma jistax ikun hemm diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità peress li M. Runevič‑Vardyn hija ċittadina tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu tinsab inkwistjoni. Barra minn hekk, nosserva li t-test tal-imsemmi Artikolu bil-Ġermaniż (41), li ma nbidilx wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Ruma fl-1957, juri li d-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità tirreferi għad-diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini ta’ Stati Membri differenti, u mhux għad-diskriminazzjoni minħabba l-appartenenza għal minoranza etnika.

71.      Fir-rigward tat-talba għall-modifika taċ-ċertifikat taż-żwieġ li ġiet ippreżentata minn L. Wardyn, nippreċiża li din ma tirrigwardax il-kunjom tiegħu, li nkiteb mingħajr ma nbidel mill-forma oriġinali tiegħu, iżda l-ismijiet tiegħu, li nkitbu bil-forma Litwana (“Lukasz Pawel”) jiġifieri mingħajr is-sinjali diakritiċi (“Łukasz Paweł”) li huma preżenti fil-lingwa tal-Istat fejn huwa twieled u li tiegħu huwa ċittadin, jiġifieri r-Repubblika tal-Polonja. Barra minn hekk, L. Wardyn jidhirlu li huwa sofra, fuq bażi personali, diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità Pollakka tiegħu inkwantu, għall-kuntrarju taċ-ċittadini Litwani li jiżżewġu, huwa ma ngħatax il-possibbiltà li jagħti lil martu l-isem awtentiku tiegħu, jiġifieri “Wardyn”, peress li dan inkiteb fil-forma Litwana “Vardyn” fir-rigward ta’ martu.

72.      Fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni, l-applikabbiltà tal-Artikolu 12 KE hija fil-biċċa l-kbira rikonoxxuta mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, pożizzjoni li magħha jiena naqbel. Effettivament, L. Wardyn, ċittadin tar-Repubblika tal-Polonja, daħal fi żwieġ transkonfinali meta ngħaqad fir-Repubblika tal- Litwanja ma’ ċittadina ta’ dak l-Istat Membru. Barra minn hekk, huwa attwalment jgħix, ma’ martu u mat-tifel li twieled minn dak iż-żwieġ, barra mit-territorju Litwanu u dak Pollakk, jiġifieri fil-Belġju, fejn huwa jallega li ltaqa’ ma’ diffikultajiet minħabba d-differenza bejn kunjomu u dak attribwit lil martu mill-awtoritajiet Litwani.

73.      Rigward l-interpretazzjoni tar-rekwiżiti stipulati mill-Artikolu 12 KE, huma biss ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika Ċeka li jikkunsidraw li dak l-Artikolu ma jipprekludix leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Jiena tal-fehma opposta, għar-raġunijiet li ser nagħti iktar ’il quddiem. Fl-ewwel lok, nindika li jidhirli li saret diskriminazzjoni indiretta abbażi tan-nazzjonalità, li b’hekk tmur kontra l-Artikolu 12 KE, kontra ċittadin tal-Unjoni li ddeċieda li jiżżewweġ fi Stat Membru ieħor li ma huwiex l-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin u li, għal dak is-sempliċi fatt, huwa sofra modifika tal-ismijiet oriġinali tiegħu fiċ-ċertifikat taż-żwieġ tiegħu.

74.      Min-naħa l-oħra, fil-fehma tiegħi, ma tistax tirriżulta diskriminazzjoni mill-fatt li ċittadin ta’ Stat Membru jkun iċċaħħad mill-possibbiltà li jagħti lil martu kunjomu fil-forma oriġinali tiegħu, peress li tali allegat “dritt” jidhirli li huwa inkompatibbli mal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi li huwa stabbilit b’mod partikolari mid-dritt tal-Unjoni (42). Kull persuna, mara jew raġel, għandha meta tiżżewweġ ikollha l-għażla bejn diversi possibbiltajiet bħal dik li żżomm kunjomha, jew li tadotta l-kunjom tal-mara jew ir-raġel tagħha (43), jew li tadotta isem kompost meta dik il-possibbiltà tkun mogħtija mil-leġiżlazzjoni applikabbli għal dak iż-żwieġ. Waqt li huwa minnu li M. Runevič‑Vardyn kellha dik l-għażla (44), min-naħa l-oħra, L. Wardyn ma jistax jeżiġi l-fakultà li jagħtiha kunjomu.

75.      Jidhirli li f’din il-kawża hemm ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament peress li ċ-ċittadini nazzjonali, li bħala regola ġenerali jkollhom isem u kunjom konformi mal-ortografija tal-lingwa Litwana, huma ttrattati aħjar miċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn li jkollhom ismijiet b’ittri jew sinjali dijakritiċi li ma jintużawx f’dik il-lingwa (45). B’hekk tqum il-kwistjoni jekk tali ksur, li jista’ jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta abbażi tan-nazzjonalità, huwiex madankollu ġġustifikat oġġettivament minn għan leġittimu kif ukoll minn motivi proporzjonati biex jinkiseb dak il-għan.

76.      L-objettiv leġittimu li jista’ jiġi invokat utilment insostenn tal-leġiżlazzjoni kkontestata huwa dak li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-lingwa uffiċjali, sabiex tiġi ssalvagwardjata l-unità nazzjonali u tiġi ppreżervata l-koeżjoni soċjali.

77.      F’dan ir-rigward, għandha ssir referenza għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropa tad-Drittijiet tal-Bniedem f’dan il-qasam, li għandha neċessarjament tittieħed inkunsiderazzjoni (46), u dan iktar u iktar meta jitqies li jirriżulta min-nota ta’ spjegazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (47) li d-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 7 tagħha jikkorrispondu għal dawk previsti fl-Artikolu 8 tal-KEDB u li l-limitazzjonijiet li jistgħu jsiru għalihom b’mod leġittimu huma l-istess bħal dawk ittollerati fil-kuntest tal-Artikolu 8(2) tal-imsemmija konvenzjoni (48).

78.      Ċertament, il-KEDB ma fiha ebda dispożizzjoni li tafferma espressament id-dritt ta’ persuna għall-protezzjoni ta’ isimha u tal-identità personali tagħha. Madankollu, permezz ta’ interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 8 tal-KEDB, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-isem ta’ individwu jikkonċerna l-ħajja privata u familjali tiegħu, peress li jikkostitwixxi mezz ta’ identifikazzjoni personali u rabta ma’ familja (49).

79.      Nenfasizza li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kellha quddiemha kawża simili għall-kawża prinċipali preżenti, li fil-kuntest tagħha r-rikorrenti kkontestat il-“Latvjanizzazzjoni mġiegħla” tal-kunjom tagħha. Hija ċaħdet dak ir-rikors bħala manifestament infondat, waqt li ddeċidiet li, għalkemm il-prattika inkwistjoni, li tikkonsisti fi translitterazzjoni ta’ kunjomijiet, tista’ tikkawża interferenza fil-ħajja privata u familjali tal-persuna kkonċernata, din madankollu ma tmurx kontra r-rekwiżiti tal-KEDB peress li dik il-pratttika, fl-ewwel lok, kienet prevista mil-liġi, fit-tieni lok, kienet issegwi għan jew diversi għanijiet leġittimi fid-dawl tal-Artikolu 8(2) tal-KEDB u, fit-tielet lok, kienet neċessarja f’soċjetà demokratika sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet (50). L-imsemmija Qorti reċentament fakkret li, f’dan il-qasam, jeħtieġ li wieħed jimxi mal-ġustifikazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet u aċċettata mill-qrati nazzjonali biex jevalwa jekk in-“neċessità” tar-restrizzjoni imposta fuq id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata kinitx stabbilita b’mod konvinċenti (51).

80.      Fil-fehma tiegħi wkoll, id-dritt tal-Unjoni ma jipprojbixxix per se lill-Istati Membri li jimponu regoli dwar il-kitba tal-ismijiet u l-kunjomijiet bil-għan li tiġi rrispettata l-lingwa nazzjonali. Nenfasizza li skont l-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar l-UE, l-Unjoni għandha tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri.

81.      Madankollu, il-kwistjoni essenzjali hija jekk il-leġiżlazzjoni Litwana tirrispettax il-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-objettiv segwit tal-protezzjoni tal-lingwa uffiċjali (52).

82.      Il-Gvern Estonjan jikkunsidra li r-rekwiżiti dwar mezzi kemm xierqa kif ukoll meħtieġa huma sodisfatti minn sistema li tinkludi miżuri li jiggarantixxu, fil-prattika u mingħajr inkonvenjent kbir, it-tqegħid f’relazzjoni tal-forom tal-isem kif ukoll il-possibbiltà li tinstab mill-ġdid il-forma inizjali.

83.      Barra minn hekk, il-Gvern Litwan jindika li huwa ppreżenta lill-Parlament Litwan abbozz ta’ liġi li jiftaħ il-possibbiltà li l-ismijiet u l-kunjomijiet ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni jinkitbu bl-użu mhux biss tal-karattri tal-lingwa uffiċjali, iżda wkoll b’ittri oħrajn tal-alfabett Latin (b’sinjali dijakritiċi jew mingħajr) (53).

84.      Dawn l-elementi juru li huwa possibbli li tiġi segwita vija iktar moderata minn dik adottata fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li l-mezzi attwalment użati biex jinkiseb l-objettiv tar-Repubblika tal-Litwanja huma sproporzjonati.

85.      F’dak ir-rigward, il-Konvenzjoni KISĊ Nru 14 (54) tista’ fil-fehma tiegħi tintuża bħala sors ta’ ispirazzjoni utli fl-interpretazzjoni tat-Trattat KE peress li dik il-konvenzjoni tesprimi standard avvanzat tad-dritt internazzjonali fir-rigward tal-indikazzjoni tal-ismijiet u l-kunjomijiet tal-barranin fir-reġistri tal-istat ċivili (55).

86.      B’mod partikolari, l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni KISĊ Nru 14, jipprovdi li meta att tal-istat ċivili għandu jitfassal minn awtorità ta’ Stat kontraenti u jkun ippreżentat għal dak il-għan att tal-istat ċivili jew kull dokument ieħor li jistabbilixxi l-ismijiet u l-kunjomijiet miktuba bl-istess karattri bħal dawk tal-lingwa li biha jrid jiġi fformulat l-att, dawk l-elementi ta’ identità għandhom jiġu riprodotti litteralment, mingħajr modifika jew traduzzjoni, inklużi wkoll is-sinjali dijakritiċi, u dan anki jekk dawk is-sinjali ma jkunux jeżistu f’dik il-lingwa. Ir-rapport ta’ spjegazzjoni anness ma’ dik il-konvenzjoni jippreċiża, fir-rigward ta’ dak l-artikolu, li “ir-regola tar-riproduzzjoni litterali tapplika wkoll għas-sinjali dijakritiċi” u li dawn “għandhom jiġu riprodotti anki jekk ma jkunux jeżistu fil-lingwa li fiha għandu jiġi fformulat l-att” u li “[jekk] l-att isir bit-tajprajter, is-sinjali dijakritiċi għandhom, jekk ikun il-każ, jiżdiedu bl-id”.

87.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, jidhirli li skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE, il-kitba mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru tal-elementi tal-identità taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn għandha tkun litterali, inkluż billi jintużaw is-sinjali dijakritiċi li jintużaw f’dawk l-Istati.

–       Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 KE fir-rigward tat-talbiet differenti ta’ modifika tal-atti tal-istat ċivili

88.      L-Artikolu 18(1) KE jiggarantixxi, b’effett dirett(56), lil kull ċittadin tal-Unjoni d-dritt ta’ moviment u residenza b’mod liberu fit-territorju tal-Istati Membri.

89.      Il-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-leġiżlazzjoni dwar l-indikazzjoni tal-ismijiet u l-kunjomijiet fl-atti tal-istat ċivili tista’ tiġi sinteżizzata kif ġej (57). Waqt li jitfakkar li l-kompetenza tal-Istati Membri hija riżervata f’dan il-qasam, ikun hemm ostakolu għal-libertà ta’ moviment meta tkun tista’ tintwera l-eżistenza ta’ inkonvenjenti serji. Il-ġustifikazzjoni li jista’ jkun hemm għal tali ostakolu tippresupponi, minn naħa waħda, l-eżistenza ta’ motivi leġittimi relatati ma’ kunsiderazzjonijiet ta’ ordni pubbliku u mhux sempliċi faċilitajiet amministrattivi u, min-naħa l-oħra, motivi proporzjonati mal-objettiv inkwistjoni (58).

90.      F’dan il-każ, fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ M. Runevič‑Vardyn għal dak li jirrigwarda isimha u kunjomha fiċ-ċertifikat tat-twelid tagħha, jiena tal-fehma, bħall-biċċa l-kbira tal-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet, li din taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 KE peress li l-persuna kkonċernata eżerċitat id-drittijiet previsti minn dak it-test, billi marret tgħix u taħdem fi Stati Membri differenti minn dak tal-oriġini tagħha.

91.      M. Runevič‑Vardyn issostni li jirriżulta b’mod ċar mis-sentenzi Garcia Avello, u Grunkin u Paul, iċċitati iktar ’il fuq, li l-leġiżlazzjoni Litwana tirrestrinġi b’mod sproporzjonat il-libertà ta’ moviment tagħha fil-kwalità tagħha bħala ċittadina tal-Unjoni. Hija ssostni li billi l-isem u l-kunjom oriġinali mhux Litwani nkitbu b’karattri Litwani, inħolqot identità personali ġdida, li tipprekludi lil persuni residenti f’pajjiżi oħrajn tal-Unjoni, bħalha, milli jkunu identifikabbli bl-isem u l-kunjom awtentiċi tagħhom u tikkawżalhom diffikultajiet serji fil-ħajja privata u professjonali tagħhom.

92.      Jiena tal-fehma, għall-kuntrarju, li fir-rigward taċ-ċertifikat tat-twelid ta’ M. Runevič‑Vardyn, l-inkonvenjenti li hija tinvoka ma humiex fondati, peress li isimha u kunjomha bħala xebba ġew attribwiti lilha fl-Istat Membru fejn hija twieldet, ma nbidlux wara t-twelid tagħha u jinsabu f’dik il-forma preċiża b’mod partikolari fil-passaport tagħha. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma humiex inqas favorevoli għal ċerti ċittadini nazzjonali għas-sempliċi fatt li, sussegwentement, ikunu eżerċitaw il-libertà tagħhom ta’ moviment u residenza fi Stat Membru ieħor.

93.      Dwar is-sitwazzjoni ta’ L. Wardyn f’dak li jirrigwarda l-ismijiet tiegħu fiċ-ċertifikat taż-żwieġ, il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet jikkunsidraw b’mod unanimu, bħali, li l-Artikolu 18 KE huwa applikabbli.

94.      Naqbel mal-perspettiva tal-Kummissjoni meta hija targumenta, b’referenza għas-sentenza Konstantinidis, iċċitata iktar ’il fuq, li għandu jsir minn kollox sabiex jiġi żgurat li l-isem u l-kunjom taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni għandhom jiġu stabbiliti b’mod sod u permanenti, b’tali mod li jkunu jistgħu jeżerċitaw mingħajr ostakoli d-drittijiet inerenti għaċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

95.      Il-Gvern Litwan jippreċiża li f’dokumenti bħal permessi ta’ residenza jew atti tal-istat ċivili (ċertifikati tat-twelid, taż-żwieġ, tal-mewt) li jinħarġu fil-Litwanja lil ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, l-ismijiet u l-kunjomijiet ta’ dawn tal-aħħar jinkitbu bl-alfabett Latin waqt li tiġi rrispettata l-ortografija użata fl-Istat ta’ oriġini, inklużi l-ittri “w”, “x” u “q” li ma jeżistux fl-alfabett Litwan, iżda mingħajr ma jintużaw is-sinjali dijakritiċi.

96.      Jiena tal-fehma li tali leġiżlazzjoni tikser biss parzjalment id-dritt ta’ L. Wardyn għal-libertà ta’ moviment u residenza fi Stat Membru ieħor. Fil-ħajja ta’ kuljum tal-kummerċ internazzjonali, is-sinjali dijakritiċi spiss jitħallew barra, b’mod speċjali peress li s-sistemi tal-informatika jippermettu biss l-użu tal-alfabett Ingliż, kif diġà semmejt. Dan japplika mhux biss għall-biljetti tal-ajru, iżda spiss ukoll għall-formoli diġitali jew il-karti ta’ kreditu. Għal persuna li ma tkunx taf lingwa barranija, it-tifsira tas-sinjali dijakritiċi spiss ma tkunx magħrufa u lanqas biss tinduna bihom. Fil-fehma tiegħi, ma tantx huwa probabbli – u hawnhekk nitkellem fuq il-bażi ta’ esperjenza personali – li l-ommissjoni ta’ sinjali dijakritiċi tista’ fiha nnifisha twassal biex ikollha tingħata ġustifikazzjoni għalfejn persuna għandha identità doppja. Il-possibbiltà ta’ inkonvenjent reali u serju li jirriżulta minn tali ommissjoni b’hekk jidhirli li hija eskluża.

97.      Min-naħa l-oħra, jidhirli li r-rifjut li jintużaw, fl-atti tal-istat ċivili li jikkonċernaw lil ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, ittri tal-alfabett Latin li ma jkunux jeżistu fl-alfabett nazzjonali jista’ jikkawża inkonvenjent suffiċjentement serju għal dawn tal-aħħar li jiddisswadihom milli jużaw il-libertà ta’ moviment tagħhom. Madankollu, dan ma jidhirlix li huwa l-każ fil-Litwanja peress li, skont l-informazzjoni mogħtija mill-Gvern Litwan, il-kunjomijiet taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn jistgħu jinkitbu b’dawk l-ittri, kif kien il-każ f’din il-kawża, inkwantu l-kunjom ta’ L. Wardyn inkiteb bil-“W” fiċ-ċertifikat taż-żwieġ Litwan.

98.      Dwar is-sitwazzjoni ta’ M. Runevič‑Vardyn fir-rigward ta’ kunjomha bħala mara miżżewġa fiċ-ċertifikat taż-żwieġ tagħha, l-Artikolu 18 KE huwa applikabbli fil-fehma tiegħi u jista’ jiġi invokat kontra leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif jikkunsidraw ukoll il-parti l-kbira tal-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet.

99.      Il-Gvern Pollakk jenfasizza li l-modifika tal-kitba ta’ isem jew kunjom tikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet tal-persuni li l-ismijiet jew kunjomijiet tagħhom jiġu mmodifikati. L-atti tal-istat ċivili u d-dokumenti jintużaw mhux biss fit-territorju tal-Istat li jkun immodifikahom skont ir-regoli tal-lingwa tiegħu, iżda wkoll fit-territorju tal-Istati Membri l-oħrajn kollha tal-Unjoni u barra mill-Unjoni. Huwa jidhirlu li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li la jaf l-ittri ta’ lingwa u lanqas ir-regoli għall-qari tagħhom ma jistax ikun f’pożizzjoni li jikkonstata jekk żewġ ismijiet li jinsabu fuq żewġ dokumenti differenti humiex fir-realtà l-istess isem jew le. Madankollu, kif diġà indikajt, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-premessa li r-rabta familjali bejn koppja miżżewġa għandha tiġi preżunta, jew eskluża, mis-sempliċi fatt li jkollhom kunjomijiet identiċi jew differenti.

100. Biex jiġġustifika tali ostakolu, il-Gvern Litwan jinvoka l-interessi u t-tradizzjonijiet tal-lingwa Litwana. Huwa minnu li l-protezzjoni tal-lingwa nazzjonali tista’ tikkostitwixxi kunsiderazzjoni oġġettiva ta’ interess ġenerali fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Jacobs meta rrefera għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (59), il-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fil-qasam tal-ortografija tal-ismijiet u l-kunjomijiet ma għandux ikollu l-effett li jillimita b’mod sproporzjonat id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għal-libertà ta’ moviment u residenza fl-Istati Membri kollha. Effettivament, irrispettivament mill-Istat Membru minn fejn ikunu joriġinaw, ma għandhomx jiġu ppreġudikati għas-sempliċi fatt li jeżerċitaw dak id-dritt (60). F’dan il-każ, M. Runevič‑Vardyn tinsab imċaħħda mid-dritt, rikonoxxut liċ-ċittadini Litwani l-oħrajn, li ġġib isem żewġha f’forma fidila għall-ortografija oriġinali, u dan minħabba l-fatt li hija żżewġet lil ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li hija ltaqgħet miegħu billi eżerċitat id-dritt tagħha għal moviment liberu.

101. Fil-fehma tiegħi, id-dispożizzjonijiet Litwani ma jikkostitwixxux il-mezz adegwat u neċessarju biex jintlaħaq l-objettiv ta’ protezzjoni tal-lingwa nazzjonali. Soluzzjonijiet oħrajn inqas restrittivi fir-rigward tad-drittijiet tal-persuna kkonċernati jistgħu jiġu previsti. Effettivament, biżżejjed jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Litwana diġà taċċetta li ittri li ma jeżistux fil-lingwa nazzjonali jintużaw fl-atti tal-istat ċivili ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, bħal L. Wardyn, biex b’hekk jista’ jiġi dedott li l-ħarsien ta’ dik il-lingwa ma jiġix ippreġudikat serjament mill-użu tal-ittra “W” ukoll fil-kunjom miġjub mill-mara tiegħu.

V –    Konklużjoni

102. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari li saru mill-Vilniaus miesto 1 apylinkės teismas:

“L-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplementa l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex applikabbli għal dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE, li jipprojbixxi diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprojbixxix lil Stat Membru milli jipprevedi fil-leġiżlazzjoni tiegħu li l-isem u l-kunjom ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu jistgħu jinkitbu biss fl-atti tal-istat ċivili bil-karattri tal-lingwa nazzjonali u mingħajr l-użu ta’ sinjali dijakritiċi, legaturi jew modifiki ortografiċi oħrajn għall-ittri tal-alfabett Latin, li jintużaw f’lingwi oħrajn. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi Artikolu jipprojbixxi li tiġi segwita tali prattika fir-rigward ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor.

Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-Artikolu 18(1) KE, li jipprevedi li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt għal-libertà ta’ moviment u residenza fit-territorju tal-Istati Membri, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi lil Stat Membru milli jipprovdi fil-leġiżlazzjoni tiegħu li l-ismijiet jew il-kunjom ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jew li l-kunjom wara ż-żwieġ li jkun għażel wieħed miċ-ċittadini tiegħu li jkun miżżewweġ ma’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jistgħu jinkitbu fl-atti tal-istat ċivili biss bil-karattri tal-lingwa nazzjonali. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi Artikolu ma jeħtieġx li Stat Membru juża sinjali dijakritiċi, legaturi, jew modifiki ortografiċi oħrajn li jsiru għall-ittri tal-alfabett Latin, li jintużaw f’lingwi oħrajn.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – M. Runevič‑Vardyn tasserixxi li hija tappartjeni għall-komunità Pollakka li tgħix fil-Litwanja, li tirrappreżenta madwar 7 % tal-popolazzjoni u li tgħix prinċipalment fil-belt u l-kontea ta’ Vilnjus. Effettivament, il-ġenituri tagħha huma ta’ oriġini Pollakka u hija ppreżentat dokumenti li jmorru lura għal diversi ġenerazzjonijiet li jindikaw rabtiet kulturali, lingwistiċi u emozzjonali mal-popolazzjoni ta’ oriġini Pollakka li tinsab fir-reġjun ta’ Vilnjus.


3 – Din il-kawża tirrigwarda l-kitba tal-ismijiet u l-kunjomijiet miktuba b’ittri bl-alfabett Latin, u mhux it-translitterazzjoni miż-żewġ alfabetti l-oħrajn li jeżistu fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, jiġifieri l-alfabett Ċirilliku u dak Grieg. Fuq din l-aħħar kwistjoni, ara s-sentenza tat-30 ta’ Marzu 1993, Konstantinidis (C‑168/91, Ġabra p. I‑1191).


4 – Dijakritika jew sinjal dijakritiku huwa element grafiku użat f’għadd ta’ lingwi li jużaw l-alfabett Latin, li jista’ jitpoġġa fuq, taħt, maġenb jew min-naħa għall-oħra ta’ ittra, li jbiddel il-pronunzja jew joħloq ittra oħra. Pereżempju, fil-lingwa Ġermaniża, id-dijereżi “ ¨ ”, imsejħa “Umlaut”, li tiżdied ma’ ittra bħall-“A” tindika bidla fil-pronunzja ta’ dik l-ittra, waqt li fil-lingwa Finlandiża, l-“Ä” hija ittra fiha nnifisha.


5 – Legatura tikkonsisti fl-għaqda ta’ żewġ grafemi ta’ kitba biex jifformaw waħda ġdida, li titqies jew le bħala karattru fih innifsu (pereżempju “OE” issir “Œ”).


6 – ĠU L 180, p. 22.


7 – Ara s-sentenzi Konstandinis, iċċitata iktar ’il fuq; tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C‑148/02, Ġabra p.I ‑11613) u tal-14 ta’ Ottubru 2008, Grunkin u Paul (C‑353/06, Ġabra p. I‑7639). Kawżi oħrajn kienu jirrigwardaw il-kitba tad-data tat-twelid f’att ta’ stat ċivili, pereżempju l-kawża li tat lok għas-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 1997, Dafeki (C‑336/94, Ġabra p. I‑6761).


8 – Ara, inter alia, l-artiklu fir-rivista Brittanika The Economist tat-23 ta’ Ottubru 2010 u dak fil-gazzetta Finlandiża Helsingin Sanomat tad-19 ta’ Novembru 2010, li jittrattaw dwar id-deterjorament tar-relazzjonijiet bejn ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika tal-Polonja f’konnessjoni mal-kitba tal-ismijiet u l-kunjomijiet ta’ oriġini Pollakka fl-atti tal-istat ċivili Litwani.


9 – Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem b’hekk ikkwalifikat il-kunjom bħala “element ta’ individwalizzazzjoni prinċipali ta’ persuna fi ħdan is-soċjetà” (ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Losonci Rose u Rose vs L-Iżvizzera, rikors NNru 664/06, § 51).


10 – Ara Kangas, U., Ihmisen nimi [L-isem ta’ persuna], Lakimiesliiton kustannus, Helsinki, 1991, p. 5, 6 u 12.


11 – Nina Holst‑Christensen tikkonstata li d-deċiżjonijiet bħas-sentenza Grunkin u Paul, iċċitata iktar ’il fuq, jistgħu jitqiesu bħala irritanti mill-perspettiva tal-Istati Membri, iżda li jagħtu liċ-ċittadini l-possibbiltà li jeħilsu minn regoli nazzjonali fastidjużi jew issuperati. Ara Hols‑Christensen, N., “What’s in a Name? – EU‑retten som korrektionsfaktor i forhold til national navnelovgivning [Id-dritt tal-Unjoni bħala fattur korrettiv fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-ismijiet] ”, Familieret og engagement – Hilsener til Svend Danielelsen, Thomson Reuters Professional A/S, København, 2009, p. 187 sa 197.


12 – L-Istati li huma partijiet għall-konvenzjoni KISĊ Nru 14 huma r-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika tat-Turkija. La l-Unjoni Ewropea, u lanqas l-Istati Membri kkonċernati direttament f’din il-kawża, jiġifieri r-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika tal-Polonja, mhuma marbuta b’din il-konvenzjoni.


13 – Ipproklamata f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1), emendata u mogħtija valur ġuridiku vinkolanti bl-adozzjoni tat-Trattat ta’ Liżbona (ĠU 2007, C 303, p. 1), iktar ’il quddiem il-“Karta tad-Drittijiet Fundamentali”.


14 – L-Artikoli 12 KE u 18 KE, imsemmija fid-domandi preliminari, saru l-Artikoli 18 TFUE u 21 TFUE. Madankollu, peress li din il-kawża tirrigwarda prinċipalment l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Litwan fil-verżjoni preċedenti tagħhom qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ser issir referenza għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE skont in-numerazzjoni applikabbli qabel dik id-data.


15 – Žin., 2008, Nru 88‑3541.


16 – Il-fajl mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jinkludi kopja taċ-ċertifikat tat-twelid oriġinali, kif redatt mill-awtoritajiet tal-Litwanja Sovjetika. Fih hemm miktub “Maлгожата Mихайловна Pуневич”, li hija translitterazzjoni diretta b’karattri Ċirilliċi tal-forma Litwana tal-isem tat-tifla kif ukoll tal-isem b’suffiss femminil u l-kunjom ta’ missierha. L-imsemmi ċertifikat jindika wkoll taħt l-intestaturi “Национальность”, jiġifieri “nazzjonalità”, fir-rigward ta’ missier u omm it-tifla kkonċernata “Поляк” u “Полька” rispettivament, jiġifieri “Pollakk” u “Pollakka”.


17 – Madankollu, matul is-seduta, L. Wardyn iddikjara li martu hija ta’ nazzjonalità Litwana, waqt li ppreċiża li ma jistax ikollha ċittadinanza doppja.


18 – Matul is-seduta, il-Gvern Pollakk indika li ċ-ċertifikati tat-twelid u taż-żwieġ inkwistjoni kellhom jinkisbu abbażi ta’ trattat bilaterali, iffirmat bejn ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika tal-Polonja, fis-26 ta’ April 1994, li l-Artikolu 14 tiegħu jipprovdi li l-partijiet kontraenti jiddikjaraw li l-persuni elenkati fl-Artikolu 13(2) għandhom dritt partikolari li jużaw isimhom u kunjomhom fil-forma proprja tal-minoranza etnika li għaliha jappartjenu. Huwa ppreċiża li ma kienx qed jeskludi li uffiċjal tal-istat ċivili Pollakk seta’ jikkunsidra dik id-dispożizzjoni bħala regola li tista’ tiġi applikata immedjatament.


19 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2003, Gasser (C‑116/02, Ġabra p. I‑14693, punt 27).


20 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, Ġabra p. I‑9981, punti 34 et seq), tal-24 ta’ Ġunju 2010, Sorge (C‑98/09, Ġabra p. I-05837, punt 24) u tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt (C‑45/09, Ġabra p. I-09391, punt 32).


21 – Sentenza tat-13 ta’ Jannar 2000, TK‑Heimdienst (C‑254/98, Ġabra p. I‑151, punti 14 u 15).


22 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ April 2007, Stamatelaki (C‑444/05, Ġabra p. I ‑3185, punt 23). Fuq id-differenzi notevoli li jeżistu bejn ir-regoli nazzjonali dwar il-kunjom, kif ukoll il-fatturi ta’ dik is-sitwazzjoni, ara s-sentenza Dafeki, iċċitata iktar ’il fuq (punti 14 et seq).


23 – “L-istat ċivili jista’ jiġi ddefinit bħala l-mod kif jiġu kkonstatati l-fatti prinċipali dwar l-istat tal-persuni u tal-familja, bħat-twelid, iż-żwieġ, l-isem jew in-nazzjonalità. Barra minn hekk, stat ċivili jirreferi wkoll għas-servizz pubbliku inkarigat mill-ħruġ tal-atti li jikkonstataw dawk il-fatti, miċ-ċelebrazzjoni taż-żwiġijiet u mill-ħruġ ta’ siltiet, libretti tal-familja u dokumenti oħrajn”, skont rapport tas-Senat Franċiż dwar il-Kummissjoni Internazzjonali tal-Istat Ċivili (Nru 277, sessjoni ordinarja 2001‑2002). Madankollu, ma teżistix definizzjoni komuni għall-Istati Membri kollha tal-kunċett ta’ stat ċivili, u wħud minnhom jistgħu jużaw termini differenti għaż-żewġ kategoriji ta’ suġġett li ġew indikati f’din iċ-ċitazzjoni.


24 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Garcia Avello, iċċitata iktar ’il fuq (punt 25).


25 – Infakkar li l-annessjoni tal-pajjiżi Baltiċi mal-Unjoni Sovjetika dak iż-żmien kienet ġiet rikonoxxuta de facto mill-Istati Ewropej kollha.


26 – F’dan is-sens, ara Ringelheim, J., “The Prohibition of Racial and Ethnic Discrimination in Access to Services under EU Law”, European Anti‑discrimination Law Review, Ħarġa Nru 10, 2010, p. 11, li jiċċita lil Bell, M., Anti‑Discrimination Law and the European Union, Oxford University Press, 2002, p. 137.


27 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2003, Salzmann (C‑300/01, Ġabra p. I‑4899).


28 – Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjarat li “il-kunċett ta’ oriġini etnika huwa bbażat fuq l-idea ta’ gruppi soċjali li għandhom inkomun nazzjonalità, appartenenza tribali, reliġjon, lingwa, oriġini u sfond kulturali u tradizzjonali” (Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Timichev vs Ir-Russja tat-13 ta’ Diċembru 2005, Rikorsi Nri 55762 u 55974/00, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet, 2005‑XII, § 55). Ara wkoll De Schutter, O., “L’interdiction de discrimination dans le droit européen des droits de l’homme – Sa pertinence pour les directives communautaires relatives à l’égalité de traitement sur la base de la race et dans l’emploi”, rapport ippubblikat taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni Ewropea, OPOCE, il-Lussemburgu, 2005, speċ. p. 7, 15, 38 u 39.


29 – L-imsemmi gvern ma jiħux pożizzjoni espliċita fuq dan il-punt, iżda jagħmel dikjarazzjonijiet fis-sens li hemm inkompatibbiltà bejn id-Direttiva 2000/43 u leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.


30 – Skont il-proposta ta’ direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni mingħajr distinzjoni abbażi ta’ razza jew oriġini etnika, tal-25 ta’ Novembru 1999, [COM(1999) 566 finali, p. 5], “kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ huwa neċessarju sabiex jingħata kontribut sod għar-ripressjoni tar-razziżmu u l-ksenofobija fl-Ewropa”. Ara wkoll it-tnax-il premessa tad-Direttiva 2000/43.


31 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79. Id-differenza rrilevata bejn dawn iż-żewġ direttivi hija wisq iktar notevoli peress li ġew adottati fl-istess perijodu u fuq l-istess bażi legali, jiġifieri l-Artikolu 13 KE.


32 – Proposta ta’ direttiva [COM(1999) 566 finali, p. 7].


33 – Kif tiddikjara l-premessa 13 tad-Direttiva 2000/43, l-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu d-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità.


34 – Fuq dan il-kunċett, ara Ringelheim, J., op. cit., p. 11 et seq.


35 – Proposta ta’ direttiva [COM(1999) 566 finali, p  8].


36 – Proposta ta’ direttiva [COM(1999) 566 finali, p. 5].


37 – Wieħed jista’ jiddefendi din il-perspettiva inkwantu, fir-rigward ta’ diskriminazzjoni, il-fattur relevanti huwa l-impatt tar-regolamentazzjoni inkwistjoni iktar milli l-intenzjoni tal-leġiżlatur. B’hekk, l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43 jirreferi għall-“iżvantaġġ” sofrut. Bl-istess mod, fis-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Feryn (C‑54/07, Ġabra p. I‑5187), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonċentrat fuq l-effett konkret tal-miżura inkwistjoni, jiġifieri l-effett dissważiv tagħha, biex tistabbilixxi diskriminazzjoni diretta fir-reklutaġġ fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/43.


38 – B’hekk, l-oriġini Pollakka ta’ M. Runevič‑Vardyn hija mniżżla fil-passaport Litwan li nħarġilha fl-2002, iżda tali referenza tista’ titqies bħala kawża ta’ diskriminazzjoni f’ċerti Stati Membri.


39 – Pereżempju, skont id-Dokument Nru 9303 tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, is-sinjali permessi fiż-żona tal-qari awtomatiku tad-dokumenti tal-ivjaġġar huma limitati għan-numri u għall-ittri l-kbar tal-alfabett Ingliż inklużi fl-appendiċi 8 ta’ dak id-dokument, waqt li l-ittri jew is-sinjali dijakritiċi l-oħrajn huma traskritti jew translitterati skont l-istandard inkluż fl-appendiċi 9 (ara Machine Readable Travel Dokuments, fuq is-sit tal-Internet tal-ICAO: www2.icao.int). Il-kumpaniji tal-ajru normalment japplikaw l-istess prinċipju fir-rigward tal-indikazzjoni tal-ismijiet tal-passiġġieri fuq il-biljetti tal-ajru.


40 – Fuq l-abbinament bejn id-dispożizzjonijiet differenti, ara s-sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2008, Nerkowska (C‑499/06, Ġabra p. I‑3993, punti 21 et seq) u tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, Ġabra p. I-01449, punti 43 et seq).


41 – “Unbeschadet besonderer Bestimmungen der Verträge ist in ihrem Anwendungsbereich jede Diskriminierung aus Gründen der Staatsangehörigkeit verboten” (kelma enfasizzata minni).


42 – Ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza Losonci Rose u Rose vs L-Iżvizzera, iċċitata iktar ’il fuq (§ 47), li tenfasizza li “hemm konsensus fi ħdan l-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa li l-għażla tal-kunjom tal-miżżewġin għandha ssir fuq bażi ta’ ugwaljanza u li, fuq livell internazzjonali, l-iżviluppi fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi huma orjentati f’dan il-qasam speċifiku lejn ir-rikonoxximent tad-dritt għal kull parti fiż-żwieġ li żżomm il-kunjom oriġinali tagħha jew li tipparteċipa fuq bażi ta’ ugwaljanza fl-għażla ta’ kunjom ġdid”.


43 – Il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa adotta, sa mill-1978, Riżoluzzjoni Nru (78) 37 li tirrakkomanda lill-Istati Membri tal-imsemmi Kunsill li jneħħu kull diskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa fis-sistema ġuridika tal-kunjomijiet, kif ukoll ir-rakkomandazzjoni Nru 1271 (1995) (ara http://assembly.coe.int).


44 – Ser nerġa’ nittratta s-sitwazzjoni ta’ M. Runevič-Vardyn fir-rigward tal-kunjom tagħha bħala miżżewġa fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 KE.


45 – Infakkar li jekk ma ssirx distinzjoni, ma huwiex possibbli li jkun hemm diskriminazzjoni. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2000, Kocak u Örs (C‑102/98 u C‑211/98, Ġabra p. I‑1287, punti 52 et seq), li jirrigwardaw ir-referenza għal data tat-twelid fir-reġistri tal-istat ċivili.


46 – Dwar l-obbligu li jiġu protetti d-drittijiet fundamentali li għandhom l-Istati Membri meta japplikaw id-dritt tal-Unjoni, ara s-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, Möllendorf u Möllendorf‑Niehuus (C‑117/06, Ġabra p. I‑8361 punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).


47 – ĠU 2007, C 303, p. 20.


48 – Ara l-punti 9 u 10 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża, li għadha pendenti, Sayn‑Wittgenstein (C‑208/09).


49 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenzi Burghartz vs L-Iżvizzera tat-22 ta’ Frar 1994 (serje A Nru 280‑B, § 24); Stjerna vs Il-Finlandja tal-25 ta’ Novembru 1994 (serje A Nru 299‑B, § 37); Guillot vs Franza tal-24 ta’ Ottubru 1996 (Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 1996‑V, § 21) u Daróczy vs L-Ungerija, tal-1 ta’ Lulju 2008 (rikors Nru 44378/05, § 32). Ara wkoll il-punti 33, 40 u 41 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża li tat lok għas-sentenza Konstantinidis, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll il-punt 66 tal-konklużjonijiet tal-istess Avukat Ġenerali fil-kawża li tat lok għas-sentenza Garcia Avello, iċċitata iktar ’il fuq.


50 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza Kuharec alias Kuhareca vs Il-Latvja tas-7 ta’ Diċembru 2004 (Rikors Nru 71557/01).


51 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza Kemal Taşkin et vs It-Turkija tat-2 ta’ Frar 2010 (Rikorsi Nri 30206/04, 37038/04, 43681/04, 45376/04, 12881/05, 28697/05, 32797/05 u 45609/05, § 49).


52 – F’dan ir-rigward, nindika li l-Konstitucinis teismas (Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Litwanja) tat, fil-21 ta’ Ottubru 1999, deċiżjoni fejn qalet li fil-passaporti taċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Litwanja, l-isem u l-kunjom għandhom jinkitbu bil-lingwa nazzjonali, għar-raġuni li l-inseriment ta’ karattri barranin jista’ jkun ta’ ħsara għall-interessi nazzjonali, peress li jiġu ppreġudikati mhux biss il-prinċipju kostituzzjonali tal-lingwa uffiċjali, iżda wkoll il-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet, l-impriżi u l-organizzazzjonijiet governattivi, muniċipali u oħrajn. Sussegwentement, f’deċiżjoni mogħtija fis-6 ta’ Novembru 2009, li interpretat id-deċiżjoni preċedenti, l-imsemmija Qorti ppreċiżat li referenza għal isem fil-forma oriġinali hija ammissibbli taħt l-intestatura “skrizzjonijiet oħrajn” fil-passaport Litwan, meta dan ikun mixtieq minn ċittadin nazzjonali.


53 – Abbozz ta’ liġi dwar l-ortografija tal-kunjomijiet u l-ismijiet fid-dokumenti uffiċjali (Vardų ir pavardžių rašymo dokumentuose įstatymo projektas), ippreżentat fl-14 ta’ Jannar 2009 (Nru XIP‑1644). L-imsemmi abbozz inċaħad mill-Parlament Litwan. Il-ħidma qed tissokta, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ abbozz ta’ liġi (Nru XIP‑1668) ippreżentat minn grupp ta’ deputati parlamentari, li l-kontenut tiegħu huwa inqas liberali (ara s-sit tal-Internet: www.lrs.lt).


54 – Il-missjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali tal-Istat Ċivili (KISĊ), li hija organizzazzjoni intergovernattiva maħluqa fl-1950 komposta minn 16-il Stat Ewropew, hija b’mod partikolari li tiżviluppa konvenzjonijiet, ta’ natura vinkolanti, li jarmonizzaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati partijiet fir-rigward tal-istat u l-kapaċità ta’ persuni, tal-familja u tan-nazzjonalità.


55 – Il-preambolu għal dik il-konvenzjoni jiddikjara li hija għandha l-għan “li tiżgura l-indikazzjoni uniformi tal-ismijiet u l-kunjomijiet fir-reġistri tal-istat ċivili”.


56 – Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C‑413/99, Ġabra p. I‑7091, punt 94).


57 – Għal iktar dettalji, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Sayn‑Wittgenstein, iċċitati iktar ’il fuq (punti 11 et seq kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


58 – Bl-istess mod, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-inkonvenjenzi mġarrba minħabba regolamenti dwar l-ismijiet għandhom ikunu ta’ ċerta gravità jew importanza biex ikun jista’ jiġi stabbilit nuqqas ta’ rispett tad-dritt għall-ħajja privata (Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Stjerna vs Il-Finlandja, iċċitata iktar ’il fuq, § 42).


59 – Punti 66 et seq tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża li tat lok għas-sentenza Garcia Avello, iċċitata iktar ’il fuq.


60 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop (C‑224/98, Ġabra p. I‑6191, punti 28 sa 31): “Sa fejn lil ċittadin ta’ l-Unjoni għandu jiġi rikonoxxut, fl-Istati Membri kollha, l-istess trattament ġuridiku bħal dak mogħti liċ-ċittadini ta’ dawn l-Istati Membri li jinsabu fl-istess sitwazzjoni, ikun inkompatibbli mad-dritt tal-moviment liberu li ċ-ċittadin jista’ jkun is-suġġett, fl-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin, ta’ trattament anqas favorevoli minn dak li kien jibbenefika minnu li kieku ma għamilx użu mill-opportunitajiet mogħtija lilu mit-Trattat f’dak li jirrigwarda l-moviment liberu. Fil-fatt, dawn l-opportunitajiet ma jkunux jistgħu jipproduċu l-effetti sħaħ tagħhom jekk ċittadin ta’ Stat Membru jista’ jiġi dissważ milli jagħmel użu minnhom minħabba l-ostakli magħmula, mar-ritorn tiegħu lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, minn leġiżlazzjoni li tippenalizza l-fatt li huwa kien eżerċithom”.