Language of document : ECLI:EU:T:2011:585

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Ottubru 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Spanjol tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-suq – Multi – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ – Effett dissważiv – Ugwaljanza fit-trattament – Ċirkustanzi attenwanti – Kooperazzjoni”

Fil-Kawża T-38/05,

Agroexpansión, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn J. Folguera Crespo u P. Vidal Martínez, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, É. Gippini Fournier u J. Bourke, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 4030 finali, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar proċedura skont l-Artikolu 81(1) [KE] (Każ COMP/C.38.238/B.2 − Tabakk mhux maħdum – Spanja) kif ukoll talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti f’dik id-deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn O. Czúcz, President, I. Labucka u K. O’Higgins (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Settembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –  Ir-rikorrenti u l-proċedura amministrattiva

1        Ir-rikorrenti, Agroexpansión SA, hija waħda mill-erba’ impriżi tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum fi Spanja (iktar ’il quddiem il-“proċessuri”).

2        It-tliet proċessuri l-oħrajn huma dawn li ġejjin: Compañia española de tabaco en rama, SA (iktar ’il quddiem “Cetarsa”), Tabacos Españoles, SL (iktar ’il quddiem “Taes”) u World Wide Tobacco España, SA (iktar ’il quddiem “WWTE”).

3        Oriġinarjament, ir-rikorrenti kienet impriża tal-familja. Din inħolqot fl-1988 minn B., li kien id-direttur ġenerali tagħha sa tmiem is-sena 2004. Bejn l-1994 u l-1997, il-kapital tagħha kien miżmum f’ishma ugwali minn mart B. u minn kumpannija Spanjola, WW Marpetrol, SA.

4        Fit-18 ta’ Novembru 1997, Intabex Netherlands BV (iktar ’il quddiem “Intabex”) akkwistat l-ishma kollha tar-rikorrenti. Dak iż-żmien, Intabex kienet tifforma parti mill-grupp ta’ kumpanniji Intabex, li kien inxtara minn Dimon Inc. f’April 1997.

5        Dimon hija kumpannija Amerikana stabbilita f’Virginia (l-Istati Uniti). Hija l-kumpannija parent ta’ grupp li jħaddan madwar mitt kumpannija attivi fis-settur tat-tabakk (iktar ’il quddiem il-“grupp Dimon”). L-attività prinċipali tagħha hija l-provvista ta’ tabakk ipproċessat lil manifatturi tas-sigaretti. Għal dan il-għan, hija takkwista t-tabakk ipproċessat mingħand, b’mod partikolari, ir-rikorrenti.

6        Peress li l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej waslitilha informazzjoni li l-proċessuri u l-produtturi Spanjoli tat-tabakk mhux maħdum kienu wettqu ksur tal-Artikolu 81 KE, din wettqet xi verifiki, fit-3 u fl-4 ta’ Ottubru 2001, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), fil-bini ta’ tlieta mill-proċessuri, jiġifieri r-rikorrenti, Cetarsa u WWTE, kif ukoll tal-Asociación Nacional de Empresas Transformadoras de Tabaco (iktar ’il quddiem l-“Anetab”).

7        Il-Kummissjoni pproċediet ukoll sabiex twettaq xi verifiki fl-uffiċċji tal-Maison des métiers du tabac u tal-Fédération européenne des transformateurs de tabac fit-3 ta’ Ottubru 2001, kif ukoll f’dawk tal-Federación nacional de cultivadores de tabaco (iktar ’il quddiem l-“FNCT”), fil-5 ta’ Ottubru 2001.

8        B’ittra tas-16 ta’ Jannar 2002, il-proċessuri u l-Anetab, filwaqt li invokaw l-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”), għarrfu lill-Kummissjoni bir-rieda tagħhom li jikkooperaw.

9        B’ittra tal-21 ta’ Jannar 2002, dawn ipprovdew xi informazzjoni lill-Kummissjoni.

10      Ir-rikorrenti, Cetarsa u WWTE, b’korrispondenza tal-15 ta’ Frar 2002, u Taes, b’ittra tat-18 ta’ Frar 2002, ipprovdew ċerta informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni.

11      Sussegwentement, il-Kummissjoni bagħtet diversi talbiet għal informazzjoni lill-proċessuri, lill-Anetab u lill-FNCT abbażi tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17. Il-Kummissjoni talbet ukoll xi informazzjoni mingħand il-Ministeru tal-Agrikoltura, tas-Sajd u tal-Ikel Spanjol fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Spanjola dwar prodotti agrikoli.

12      Fil-11 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura li wasslet għal din il-kawża u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li bagħtet lil 20 impriża jew assoċjazzjoni, fosthom il-proċessuri, Dimon, Intabex, Anetab, FNCT u Deltafina SpA. Deltafina hija kumpannija Taljana li bħala attività prinċipali twettaq l-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum fl-Italja u tikkummerċjalizza t-tabakk ipproċessat. Hija tifforma parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji bħal Taes, jiġifieri dak ikkontrollat minn kumpannija Amerikana, Universal Corp.

13      L-impriżi u l-assoċjazzjonijiet inkwistjoni kellhom aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni fil-forma ta’ kopja fuq CD-ROM li ntbagħtitilhom, u bagħtu osservazzjonijiet bil-miktub b’risposta għall-oġġezzjonijiet imqajma minn din tal-aħħar.

14      Fid-29 ta’ Marzu 2004 saret seduta.

15      Wara li kkonsultat mal-kumitat konsultattiv dwar akkordji u pożizzjonijiet dominanti, u fid-dawl tar-rapport finali tal-kunsillier-awditur, il-Kummissjoni adottat, fl-20 ta’ Ottubru 2004, id-Deċiżjoni C (2004) 4030 finali, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) [KE] (Każ COMP/C.38.238/B.2 − Tabakk mhux maħdum – Spanja) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li sunt tagħha ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ April 2007 (ĠU L 102, p. 14).

B –  Id-deċiżjoni kkontestata

16      Id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda żewġ akkordji orizzontali konklużi u implementati fis-suq Spanjol tat-tabakk mhux maħdum.

17      L-ewwel akkordju, li kien jinvolvi lill-proċessuri u lil Deltafina, kellu l-għan li jiffissa, kull sena, matul il-perijodu 1996/2001, il-prezz medju tal-provvista (massimu) ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum, il-kwalitajiet kollha mħallta, kif ukoll li jqassam il-kwantitajiet ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum li kull wieħed mill-proċessuri seta’ jixtri mingħand il-produtturi (ara, b’mod partikolari, il-premessi 74 sa 76 u 276 tad-deċiżjoni kkontestata). Mill-1999 sal-2001, il-proċessuri u Deltafina kienu ftehmu wkoll dwar livelli ta’ prezz skont il-grad ta’ kwalità ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum li tidher fit-tabelli annessi mal-“kuntratti ta’ kultivazzjoni” kif ukoll dwar “kundizzjonijiet kumplimentari”, jiġifieri l-prezz minimu medju għal kull produttur u l-prezz minimu medju għal kull grupp ta’ produtturi (ara, b’mod partikolari, il-premessi 77 sa 83 u 276 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Iktar ’il quddiem ser issir referenza għall-akkordju deskritt fil-punt 17 iktar ’il fuq bit-terminu “akkordju tal-proċessuri”.

19      It-tieni akkordju identifikat fid-deċiżjoni kkontestata kien jimplika lit-tliet unions agrikoli Spanjoli, jiġifieri lill-Asociación agraria de jóvenes agricultores (iktar ’il quddiem l-“ASAJA”), lill-Unión de pequeños agricultores (iktar ’il quddiem l-“UPA”) u lill-Coordinadora de organizaciones de agricultores y ganaderos (iktar ’il quddiem il-“COAG”), kif ukoll lill-Confederación de cooperativas agrarias de España (iktar ’il quddiem il-“CCAE”). Dan l-akkordju kellu l-għan li jiffissa kull sena, matul il-perijodu 1996/2001, il-livelli ta’ prezz skont il-grad ta’ kwalità ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum li tidher fit-tabelli annessi mal-“kuntratti ta’ kultivazzjoni” kif ukoll il-“kundizzjonijiet kumplimentari” (ara, b’mod partikolari, il-premessi 77 sa 83 u 277 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Iktar ’il quddiem ser issir referenza għall-akkordju deskritt fil-punt 19 iktar ’il fuq bit-terminu “akkordju tar-rappreżentanti tal-produtturi”.

21      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li kull wieħed minn dawn l-akkordji kien jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 81(1) KE (ara, b’mod partikolari, il-premessi 275 sa 277 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, hija imputat ir-responsabbiltà għall-akkordju tal-proċessuri lil dawn tal-aħħar, lil Deltafina, lil Dimon u lill-kumpanniji parent ta’ WWTE, jiġifieri Standard Commercial Corp. (iktar ’il quddiem “SCC”), Standard Commercial Tobacco Co., Inc. (iktar ’il quddiem “SCTC”) u Trans-Continental Leaf Tobacco Corp. Ltd (iktar ’il quddiem “TCLT”), u dik għall-akkordju tar-rappreżentanti tal-produtturi lil ASAJA, UPA, COAG u CCAE (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, ir-“rappreżentanti tal-produtturi”).

23      Fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ordnat lil dawn l-impriżi u lir-rappreżentanti tal-produtturi li jwaqqfu immedjatament, jekk ma waqfux diġà, il-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 u li jieqfu minn kull prattika restrittiva li għandha għan jew effett identiku jew ekwivalenti.

24      Fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet multi kontra dawk l-impriżi kif ukoll kontra r-rappreżentanti tal-produtturi, billi żammet lil Dimon responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta kontra r-rikorrenti, u lil SCC, SCTC u TCLT għall-ħlas tal-multa imposta fuq WWTE (ara l-punti 67 u 68 iktar ’il quddiem).

C –  Id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata

25      Il-punt 2.4 tad-deċiżjoni kkontestata jitratta l-kwistjoni tad-destinatarji (premessi 357 sa 400 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Qabel kollox, il-Kummissjoni esponiet li huwa stabbilit li l-proċessuri u Deltafina kienu pparteċipaw direttament fl-akkordju tal-proċessuri u r-rappreżentanti tal-produtturi fl-akkordju tar-rappreżentanti tal-proċessuri, b’tali mod li kull waħda minn dawn l-impriżi u assoċjazzjonijiet “[kienet] mitluba tassumi r-responsabbiltà tal-ksur u [kienet] konsegwentement destinatarja tad-[deċiżjoni kkontestata]” (premessi 357 u 358 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-premessi 359 sa 369 ta’ din id-deċiżjoni, hija evalwat, b’mod iktar partikolari, ir-rwol ta’ Deltafina fl-akkordju tal-proċessuri.

27      Wara, il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni tal-imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kumpannija sussidjarja fuq il-kumpannija parent tagħha, u nnotat li, fil-kawża preżenti, dan kien jinsab fi tliet każijiet, f’dan il-każ f’dak tar-rikorrenti, ta’ WWTE u ta’ Taes (premessi 370 sa 400 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret il-prinċipji applikabbli, fl-opinjoni tagħha, f’dan ir-rigward (premessi 371 sa 374 tad-deċiżjoni kkontestata.

29      B’mod iktar partikolari, hija nnotat dan li ġej :

–        sabiex jiġi ddeterminat jekk kumpannija parent għandhiex tiġi kkunsidrata bħala responsabbli għall-aġir illeċitu tas-sussidjarja tagħha, huwa neċessarju li jiġi stabbilit li din tal-aħħar “ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-linja ta’ aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li jkunu ngħataw mill-kumpannija parent” (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punti 132 u 133);

–        skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-kumpannija parent iżżomm il-kapital kollu tal-kumpannija sussidjarja tagħha, jista’ jitqies b’mod leġittimu li hija effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punt 50, u tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, C-286/98 P, Ġabra p. I-9925, punt 29; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, imsejħa “PVC II”, T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra p. II-931, punti 961 u 984);

–        din is-suppożizzjoni tista’ tiġi kkonfermata minn “fatturi partikolari proprji għal ċerti kawżi”;

–        fil-każ fejn is-sussidjarji ma humiex ikkontrollati 100 %, kumpannija parent tista’, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tinfluwenza l-politika tas-sussidjarja tagħha meta din ikollha, fil-mument li fih twettaq il-ksur, il-maġġoranza tal-kapital tagħha (sentenza Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 136) jew meta hija tkun informata “b’mod kostanti” bil-prattiki tal-imsemmija sussidjarja u tiddetermina direttament l-aġir tagħha (sentenza AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52);

–        skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed fil-kuntest tal-liġi tal-kompetizzjoni, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika mill-perspettiva tas-suġġett tal-ftehim inkwistjoni, anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T-9/99, Ġabra p. II-1487, punt 66, b’riferiment għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm Gerätebau, 170/83, Ġabra p. 2999, punt 11).

30      It-tieni nett, qabel ma eżaminat f’iktar dettall il-każ tar-rikorrenti kif ukoll dak ta’ WWTE, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 375 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:

“F’din il-kawża, tlieta mill-erba’ proċessuri Spanjoli tat-tabakk mhux maħdum huma kkontrollati (b’100 % jew 90 % tal-ishma) minn kumpanniji multinazzjonali Amerikani. Barra minn hekk, jeżistu elementi fattwali oħrajn li jikkonfermaw il-preżunzjoni li l-aġir [tar-rikorrenti] u ta’ WWTE għandu jiġi imputat lill-kumpannija[i] parent rispettiva[i] tagħhom. F’dan il-każ, iż-żewġ kumpanniji – il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha – għandhom jitqiesu bħala responsabbli in solidum għall-ksur ikkonstatat fid-[…] deċiżjoni [kkontestata].”

31      Fil-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żżid dan li ġej:

“[Min-naħa l-oħra], wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u wara li nstemgħu l-partijiet, deher li l-provi fil-fajl ma setgħux jiġġustifikaw konklużjoni simili dwar l-ishma ta’ Universal […] u ta’ Universal Leaf [Tobacco Co. Inc.] f’Taes u f’Deltafina. Fil-fatt, [minbarra] ir-rabta fil-kapital bejn il-kumpanniji parent u s-sussidjarji tagħhom, il-fajl ma jagħti ebda indikazzjoni ta’ sehem materjali ta’ Universal […] u ta’ Universal Leaf fil-fatti eżaminati fid-[deċiżjoni kkontestata]. Għaldaqstant dawn ma għandhomx ikunu d-destinatarji ta’ deċiżjoni f’din il-kawża. L-istess konklużjoni tapplika a fortiori għal Intabex peress li l-parteċipazzjoni tagħha ta’ 100 % [fir-rikorrenti] kienet purament finanzjarja.”

32      Fil-premessi 377 sa 386 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-każ tar-rikorrenti.

33      Il-Kummissjoni b’mod partikolari rrilevat li, mit-tieni semestru tas-sena 1997, ir-rikorrenti kienet ikkontrollata għalkollox minn Dimon, u dan permezz tal-kumpannija sussidjarja tagħha Intabex li tagħha kellha 100 % tal-ishma (premessa 377 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija ddeduċiet minn dan li kien leġittimu li wieħed jippreżumi li, mill-inqas wara dak il-mument, Dimon kienet teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tar-rikorrenti (l-ewwel sentenza tal-premessa 378 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li elementi oħrajn tal-fajl tagħha – deskritti fil-premessa 379 tad-deċiżjoni kkontestata – kienu jikkonfermaw il-“preżunzjoni [li tgħid li Dimon] kienet f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti” (it-tieni sentenza tal-premessa 378 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-premessa 380 tad-deċiżjoni kkontestata, hija indikat li minn dak li ntqal qabel kien jirriżulta li “Dimon kienet infurmata dwar il-prattiki tal-kumpannija sussidjarja tagħha li huma s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll tal-kuntest li kienu jsiru fih u li inkwantu, mill-1997, Dimon [kellha] l-ishma kollha tal-kumpannija sussidjarja tagħha, hija kienet f’pożizzjoni li effettivament teżerċita influwenza fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha”. Fil-premessa 382 ta’ dik id-deċiżjoni, hija ppreċiżat li “[l]-elementi fattwali li [r-rikorrenti] wasslet għall-attenzjoni ta’ Dimon fil-korrispondenza tagħha, kellhom jipprovokaw reazzjoni immedjata min-naħa tagħha, jew billi titbiegħed, kif kellha tagħmel, minn kull ksur possibbli tar-regoli tal-kompetizzjoni, jew billi teżiġi li t-tmexxija [tar-rikorrenti] ittemm kull aġir potenzjalment antikompetittiv”, qabel ma kkonstatat li “Dimon finalment ma [kienet] għamlet xejn ta’ dan it-tip”.

34      Barra minn hekk, fil-premessa 381 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat bħala infondati l-argumenti mqajma minn Dimon fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex turi li r-rikorrenti kienet taġixxi b’mod awtonomu fis-suq.

35      Finalment, il-Kummissjoni ċaħdet l-allegazzjoni ta’ Dimon li tgħid li hija kienet kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni billi żammet lil din responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-kumpannija sussidjarja tagħha, filwaqt li ma għamlitx l-istess fir-rigward tal-kumpannija parent ta’ Cetarsa, jiġifieri Sociedad estatal de participaciones industriales (iktar ’il quddiem “Sepi”). Il-Kummissjoni ġġustifikat din id-differenza fit-trattament permezz tal-fatt li, bil-kontra ta’ dak li kienet affermat Dimon, “il-fajl [tagħha] […] ma [kienx fih] kommunikazzjoni diretta bejn Cetarsa u Sepi dwar din il-kawża”, li “is-sehem ta’ Sepi f’Cetarsa [kien jidher] essenzjalment finanzjarju, simili għar-rabta bejn Intabex u [r-rikorrenti]”, li “Cetarsa (bil-kontra [tar-rikorrenti]) [kienet tgħaqqad] flimkien kull attività ta’ pproċessar ta’ tabakk fil-grupp Sepi u, minħabba din l-istess raġuni, [kienet] manifestament ġestita b’mod separat” u, fl-aħħar, li “Cetarsa ma [kinitx kumpannija] sussidjarja b’100 % ta’ Sepi” (premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata).

36      Il-Kummissjoni kkonkludiet minn dawn id-diversi elementi li Dimon “[kellha] tinżamm responsabbli in solidum, [mar-rikorrenti], għall-aġir ta’ din tal-aħħar stabbilit mid-[deċiżjoni kkontestata] għall-perijodu mit-tieni semestru tal-1997 sal-10 ta’ Awwissu 2001” (premessa 386 tad-deċiżjoni kkontestata).

37      Fil-premessi 387 sa 400 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-każ ta’ WWTE. Hija kkonstatat li, matul il-perijodu mill-1995 sa Mejju 1998, din tal-aħħar kienet ikkontrollata konġuntament minn SCC (permezz ta’ SCTC u TCLT) u mill-president ta’ WWTE u l-familja tiegħu, u semmiet sensiela ta’ elementi li jistabbilixxu li, matul dak l-istess perijodu, SCC “u/jew is-sussidjarji tagħha” kienu eżerċitaw influwenza effettiva fuq l-aġir ta’ WWTE fi Spanja (premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tal-perijodu, minn Mejju 1998 sad-data tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni invokat sensiela ta’ elementi li juru li SCC, kemm direttament kif ukoll permezz ta’ SCTC u TCLT, kellha l-kontroll esklużiv ta’ WWTE u kienet teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din tal-aħħar. Hija ddikjarat ukoll li “[l]-argumenti mressqa minn SCC fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma [kinux jiġġustifikaw] konklużjoni differenti f’dan ir-rigward” (premessa 399 tad-deċiżjoni kkontestata). Fid-dawl ta’ dawn l-elementi differenti, il-Kummissjoni kkonkludiet li, mill-inqas mill-1996, “SCC u/jew il-kumpanniji sussidjarji tagħha SCTC u TCLT” kellhom influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ WWTE u li kellhom għaldaqstant jinżammu responsabbli in solidum għall-prattiċi li hija akkużata bihom din tal-aħħar u jidhru fost id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata (premessa 400 tad-deċiżjoni kkontestata).

D –  Iffissar tal-ammont tal-multi

38      Fil-premessi 404 sa 458 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni tal-multi li kellhom jiġu imposti fuq id-destinatarji tagħha.

39      L-ammonti tal-multi ġew iddeterminati mill-Kummissjoni skont il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur inkwistjoni, jiġifieri ż-żewġ kriterji msemmija b’mod espliċitu fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, li kien, skont id-deċiżjoni kkontestata, applikabbli fil-mument meta twettaq il-ksur (premessi 404 u 405 tad-deċiżjoni kkontestata).

40      Sabiex tiffissa l-ammont tal-multa imposta kontra kull waħda mid-destinatarji, il-Kummissjoni applikat il-metodu stabbilit fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) [KEFA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), anki jekk ma tkunx saret referenza espliċita għalihom. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll jekk, u sa fejn, id-destinatarji kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti bil-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

1.     Ammont inizjali tal-multi

41      Qabel kollox, fil-premessa 414 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkwalifikat il-ksur bħala “serju ħafna”, wara li eżaminat, fil-premessi 408 sa 413 ta’ dik id-deċiżjoni, in-natura proprja tagħhom, l-impatt konkret tagħhom fuq is-suq, il-firxa tas-suq ġeografiku inkwistjoni u d-daqs tas-suq tal-prodott inkwistjoni.

42      Sussegwentement, il-Kummissjoni stmat, fil-premessa 415 tad-deċiżjoni kkontestata, li kellha “tieħu inkunsiderazzjoni l-kobor speċifiku ta’ kull impriża u b’hekk tal-effett reali tal-aġir illeċitu tagħha fuq il-kompetizzjoni sabiex l-effett dissważiv tal-multa imposta fuq kull impriża jkun proporzjonat għall-kontribuzzjoni tagħha fl-aġir illegali li għandu jiġi ssanzjonat”.

43      Il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-akkordju tal-proċessuri (premessi 416 sa 424 tad-deċiżjoni kkontestata) u dak tar-rappreżentanti tal-produtturi (premessi 425 sa 431 tad-deċiżjoni kkontestata).

44      Fir-rigward tal-akkordju tal-proċessuri, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni qieset li “il-multi [kellhom] jinqasmu f’diversi livelli fid-dawl tal-kontribuzzjoni fl-aġir illeċitu u fid-dawl tal-pożizzjoni fis-suq okkupata minn kull parti inkwistjoni” (premessa 416 tad-deċiżjoni kkontestata).

45      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ddikjarat li “kienet Deltafina li [kellha] tirċievi l-ammont inizjali tal-multa l-iktar għoli minħabba l-pożizzjoni tagħha fl-ogħla livell fis-suq bħala x-xerrejja prinċipali tat-tabakk ipproċessat Spanjol” (premessa 417 tad-deċiżjoni kkontestata).

46      F’dak li jirrigwarda l-proċessuri, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-“kontribuzzjoni” tagħhom għall-prattiki illegali “[setgħet] bejn wieħed u ieħor titqies bħala simili” (premessa 418 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, hija kienet tal-fehma li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqsijiet differenti tagħhom u l-ishma mis-suq rispettivi tagħhom, u fuq dik il-bażi, qassmithom fi tliet kategoriji.

47      B’hekk, il-Kummissjoni poġġiet lil Cetarsa fl-ewwel kategorija, ikkwalifikata bħala “partikolari”, peress li din kienet “bil-kbir il-proċessur Spanjol prinċipali” u kellha, minħabba dan il-fatt, tingħata l-ogħla ammont inizjali (premessa 419 tad-deċiżjoni kkontestata). Fit-tieni kategorija poġġiet lir-rikorrenti u lil WWTE, billi indikat li kull waħda minnhom kellha sehem mis-suq ta’ madwar 15 % u kellu jiġi impost fuqhom l-istess ammont inizjali (premessa 420 tad-deċiżjoni kkontestata). Finalment, fit-tielet kategorija, hija poġġiet lil Taes għar-raġuni li din kellha biss sehem mis-suq ta’ 1.6 % u kellha, għalhekk, tingħata l-ammont inizjali l-iktar baxx (premessa 421 tad-deċiżjoni kkontestata).

48      Fit-tieni lok, sabiex tiżgura li l-multa jkollha effett dissważiv biżżejjed, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien meħtieġ li jiġi applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 1.5 – jiġifieri żieda ta’ 50 % – fuq l-ammont inizjali stabbilit għal WWTE, u koeffiċjent multiplikatur ta’ 2 – jiġifieri żieda ta’ 100 % – fuq l-ammont inizjali stabbilit għar-rikorrenti (premessa 423 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija stmat, effettivament, li kien hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, minkejja s-sehem mis-suq relattivament limitat tagħhom fis-suq tax-xiri tat-tabakk mhux maħdum Spanjol, dawk iż-żewġ proċessuri kienu jappartjenu għal kumpanniji multinazzjonali b’saħħa ekonomika u finanzjarja kunsiderevoli u li, “barra minn hekk”, huma kienu aġixxew “taħt l-influwenza deċiżiva tal-kwartjieri ġenerali tal-kumpanniji parent rispettivi tagħhom” (premessa 422 tad-deċiżjoni kkontestata).

49      Fid-dawl ta’ dawn id-diversi elementi, il-Kummissjoni ffissat l-ammont inizjali tal-multi għall-proċessuri u għal Deltafina fil-premessa 424 tad-deċiżjoni kkontestata :

–        Deltafina: EUR 8 000 000;

–        Cetarsa: EUR 8 000 000;

–        Ir-rikorrenti: EUR 1 800 000 x 2 = EUR 3 600 000;

–        WWTE: EUR 1 800 000 x 1.5 = EUR 2 700 000;

–        Taes: EUR 200 000.

50      Fir-rigward tal-akkordju tar-rappreżentanti tal-produtturi, il-Kummissjoni kkunsidrat li kellha tiġi imposta fuq kull wieħed minnhom biss multa simbolika ta’ EUR 1 000 (premessi 425 u 430 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija ġġustifikat il-pożizzjoni tagħha mill-fatt li “l-kuntest leġiżlattiv li jirregola n-negozjati kollettivi tal-kuntratti standard seta’ joħloq livell kunsiderevoli ta’ inċertezza fir-rigward tal-legalità tal-aġir tar-rappreżentanti tal-produtturi u tal-proċessuri fil-kuntest ferm preċiż tan-negozjati kollettivi tal-ftehim standard” (premessa 428 tad-deċiżjoni kkontestata), u dan billi bbażat ruħha fuq ċerti elementi msemmija fil-premessa 427 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija rrilevat ukoll li “l-eżistenza u r-riżultati tan-negozjati fuq il-kuntratti standard kienu ġeneralment pubbliċi u […] l-ebda awtorità qatt ma [kienet] poġġiet indiskussjoni l-kompatibbiltà tagħhom kemm mad-dritt Komunitarju, kif ukoll mad-dritt Spanjol qabel il-bidu ta’ din il-proċedura” (premessa 429 tad-deċiżjoni kkontestata).

2.     Ammont bażiku tal-multi

51      Fil-premessi 432 u 433 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni tat-tul tal-ksur ilmentat kontra l-proċessuri u Deltafina. Hija ffissat dak it-tul ta’ żmien għal ħames snin u erba’ xhur, li jikkorrispondi għal ksur ta’ żmien twil. Konsegwentement, hija żiedet b’50 % l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq kull wieħed mill-proċessuri u Deltafina.

52      Għaldaqstant, l-ammonti bażiċi tal-multi imposti fuq id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata ġew stabbiliti kif ġej:

–        Deltafina: EUR 12 000 000;

–        Cetarsa: EUR 12 000 000;

–        Ir-rikorrenti : EUR 5 400 000;

–        WWTE: EUR 4 050 000;

–        Taes: EUR 300 000;

–        ASAJA: EUR 1 000;

–        UPA: EUR 1 000;

–        COAG: EUR 1 000;

–        CCAE: EUR 1 000 (premessa 434 tad-deċiżjoni kkontestata).

3.     Ċirkustanzi aggravanti u attenwanti

53      L-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Deltafina ġie miżjud b’50 % abbażi taċ-ċirkustanzi aggravanti għar-raġuni li dik l-impriża kellha rwol ta’ mexxejja fil-kuntest tal-akkordju tal-proċessuri (premessi 435 u 436 tad-deċiżjoni kkontestata).

54      Abbażi taċ-ċirkustanzi attenwanti, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 437 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-istess fatturi msemmija fil-premessi 427 sa 429 [tad-deċiżjoni kkontestata setgħu] japplikaw għall-aġir tal-proċessuri unikament fir-rigward tan-negozjati pubbliċi tagħhom u l-konklużjoni ta’ kuntratti standard (b’mod partikolari n-negozjati dwar il-meded tal-prezzijiet u l-kundizzjonijiet kumplimentari) mar-rappreżentanti tal-produtturi”.

55      Fil-premessa 438 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li, fir-rigward tal-akkordji “sigrieti”, dwar il-prezzijiet medji ta’ provvista (massimi) u t-tqassim tal-kwantitajiet ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum konklużi mill-proċessuri, il-prattiki ta’ dawn tal-aħħar kienu “marru nettament lil hinn minn dak li kien jipprevedi l-qafas ġuridiku applikabbli, in-negozjati pubbliċi u l-akkordji mar-rappreżentanti tal-produtturi”. Hija madankollu rrikonoxxiet li “in-negozjati pubbliċi bejn ir-rappreżentanti tal-produtturi u l-proċessuri [kienu] ddeterminaw, għall-inqas sa ċertu punt, il-kuntest materjali (b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-okkażjonijiet biex jilħqu ftehim u biex jadottaw pożizzjoni komuni) li fih il-proċessuri setgħu jiżviluppaw, minbarra l-pożizzjoni komuni li kellhom jadottaw fil-kuntest tan-negozjati pubbliċi, l-istrateġija sigrieta tagħhom dwar il-prezzijiet ta’ provvista medji (massimi) u l-kwantitajiet”.

56      Fid-dawl tal-elementi msemmija fil-punti 54 u 55 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ddeċidiet li tnaqqas b’40 % l-ammonti bażiċi tal-multi imposti kontra l-proċessuri u Deltafina (premessa 438 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ammont bażiku tal-multa imposta kontra r-rikorrenti b’hekk ġie ffissat għal EUR 3 240 000 (premessa 439 tad-deċiżjoni kkontestata).

4.     Limitu massimu tal-multa prevista fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003

57      Fil-premessi 440 sa 447 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat jekk kienx hemm lok li jiġu adattati l-ammonti bażiċi kkalkolati b’dan il-mod għad-diversi destinatarji sabiex dawk l-ammonti ma jaqbżux il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ stabbilit mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

58      Fil-premessa 441 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat li, meta l-kumpanniji inkwistjoni jkunu jappartjenu għal grupp, u meta jkun stabbilit li l-kumpanniji parent ta’ dawk il-kumpanniji jkunu eżerċitaw influwenza determinanti fuq dawn tal-aħħar u li, konsegwentement, dawk il-kumpanniji parent huma responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multi imposti fuq il-kumpannija sussidjarja tagħhom, huwa d-dħul mill-bejgħ fuq livell dinji tal-grupp li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-limitu massimu msemmi iktar ’il fuq.

59      Wara li fakkret, fil-premessa 442 tad-deċiżjoni kkontestata, li Dimon kienet responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, il-Kummissjoni stmat, fil-premessa 446 ta’ dik id-deċiżjoni, li l-ammont tal-imsemmija multa ma kellux jiġi adattat, peress li d-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat ta’ Dimon kien jammonta għal 1 271 700 000 dollaru Amerikan (USD) fl-2003. B’hekk, l-ammont tal-multa tar-rikorrenti, qabel l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, baqa’ ffissat għal EUR 3 240 000 (premessa 447 tad-deċiżjoni kkontestata).

5.     Applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni

60      Fil-premessi 448 sa 456 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esprimiet ruħha fuq l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fil-każ tal-proċessuri u ta’ Deltafina.

61      Fl-ewwel lok, hija b’mod partikolari indikat li dawn tal-aħħar kienu talbu sabiex jibbenefikaw mill-applikazzjoni ta’ din il-komunikazzjoni qabel ma tiġi nnotifikata lilhom id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (premessa 449 tad-deċiżjoni kkontestata).

62      Fit-tieni lok, hija kkonstatat li l-punt D tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni kien applikabbli għall-proċessuri. Hija rrilevat li, għalkemm kellha diġà fil-pussess tagħha l-maġġorparti tal-provi essenzjali li jipprovaw l-eżistenza tal-ksur, l-informazzjoni li kienu tawha dawn tal-aħħar għenuha sabiex tikkjarifika u tistabbilixxi l-ksur (premessi 450 u 451 tad-deċiżjoni kkontestata).

63      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kkunsidrat li Taes, fid-dawl tal-kooperazzjoni “partikolarment utli” tagħha matul il-proċedura, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni ta’ Deltafina fil-ksur, u fid-dawl tal-fatt li hija qatt ma kienet ikkontestat il-fatti kif stabbiliti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kellha tibbenefika minn tnaqqis ta’ 40 % tal-multa b’applikazzjoni tal-ewwel u tat-tieni inċiżi tal-punt D(2) tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (premessa 452 tad-deċiżjoni kkontestata).

64      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni qieset li l-informazzjoni mogħtija minn Cetarsa u minn WWTE, għalkemm kienet sinjifikanti, ma rriżultatx daqstant utli għall-investigazzjoni tagħha daqs dik mogħtija minn Taes (premessa 453 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija ddikjarat ukoll li, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Cetarsa u WWTE kienu affermaw li “l-akkordju tal-proċessuri dwar il-prezzijiet ta’ kunsinna medji (massimi), minn naħa waħda, u d-diversi akkordji li saru mill-produtturi u mill-proċessuri dwar prezz medju minn grupp ta’ produtturi, min-naħa l-oħra, kienu identiċi u li, għaldaqstant, l-effetti antikompetittivi potenzjali tal-aġir tal-proċessuri u tal-produtturi [kienu jinnewtralizzaw lil xulxin]”, qabel ma rrilevat li dik l-affermazzjoni ma kinitx tikkorrispondi mar-realtà tal-fatti. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti lil dawn iż-żewġ proċessuri tnaqqis fil-multa ta’ 25 % b’mod konformi mal-ewwel inċiż tal-punt D(2) tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

65      Fil-ħames lok, fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kkonstatat li din ukoll kienet ipprovdietilha informazzjoni utli, iżda li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija kienet ikkontestat il-fatti “fl-istess termini bħal Cetarsa u WWTE” (premessa 454 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija indikat ukoll li r-rikorrenti kienet ċaħdet in-natura sigrieta tal-akkordji tal-proċessuri fuq il-prezzijiet ta’ provvista medji (massimi). Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni tatha tnaqqis tal-multa ta’ 20 %.

66      Fis-sitt lok, il-Kummissjoni naqqset b’10 % il-multa imposta fuq Deltafina (premessa 456 tad-deċiżjoni kkontestata).

6.     Ammont finali tal-multi

67      B’mod konformi mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni ffissat l-ammonti tal-multi li għandhom jiġu imposti fuq l-impriżi u fuq l-assoċjazzjonijiet tal-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kif ġej:

–        Deltafina: EUR 11 880 000;

–        Cetarsa: EUR 3 631 500;

–        Ir-rikorrenti: EUR 2 592 000;

–        WWTE: EUR 1 822 500;

–        Taes: EUR 108 000;

–        ASAJA: EUR 1 000;

–        UPA: EUR 1 000;

–        COAG: EUR 1 000;

–        CCAE: EUR 1 000 (premessa 458 tad-deċiżjoni kkontestata).

68      Dimon ġiet iddikjarata responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta kontra r-rikorrenti, u SCC, SCTC u TCLT għall-ħlas ta’ dik imposta fuq WWTE (premessa 458 u l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata.

 Proċedura u talbiet tal-partijiet

69      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-22 ta’ Jannar 2005, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

70      Il-ġurnata ta’ qabel, SCC, SCTC u TCLT kienu ppreżentaw rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (Kawża T-24/05) u WWTE ppreżentat rikors intiż għat-tnaqqis tal-multa imposta fuqha minn dik id-deċiżjoni (Kawża T-37/05).

71      Fit-28 ta’ Jannar 2005, Dimon ippreżentat rikors intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata jew, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-multa imposta fuqha minn din id-deċiżjoni (Kawża T-41/05).

72      B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Awwissu 2005, ir-rikorrenti talbet li l-kawża preżenti tingħaqad mal-Kawżi T-24/05, T-37/05 u T-41/05.

73      Il-Kummissjoni indikat lill-Qorti Ġenerali, b’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Settembru 2005, li hija kienet tikkunsidra li t-tagħqid tal-erba’ kawżi ma jippermettix li titjieb kunsiderevolament l-effettività tal-proċedura u li kienet ser tħalli lilha tiddeċiedi jekk kienx konvenjenti jew le li tilqa’ din it-talba għal tagħqid.

74      Il-Qorti Ġenerali ma laqatx din it-talba għal tagħqid.

75      Abbażi tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-partijiet sabiex iwieġbu għal ċerti domandi. Il-partijiet issodisfaw dawn it-talbiet fit-terminu mogħti.

76      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi li saru mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-9 ta’ Settembru 2009.

77      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla parzjalment l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni kkontestata;

–        tnaqqas l-ammont tal-multa li l-Kummissjoni imponiet fuqha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

78      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

79      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi, ibbażati:

–        l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni;

–        it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament;

–        it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi;

–        ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni kif ukoll tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

80      L-ewwel motiv huwa invokat, essenzjalment, insostenn tat-talbiet intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata. It-tliet motivi l-oħrajn huma invokati insostenn tat-talbiet intiżi għar-riforma ta’ dik id-deċiżjoni.

A –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

81      L-ewwel motiv jinqasam fi tliet partijiet. L-ewwel tnejn huma bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, iżda t-tieni parti hija ssollevata fuq bażi sussidjarja fil-konfront tal-ewwel parti. It-tielet parti, invokata fl-istadju tar-replika, hija bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. It-tielet parti ser tiġi eżaminata qabel it-tieni waħda.

1.     Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fir-rigward tal-eżistenza ta’ responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa

a)     L-argumenti tal-partijiet

82      Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni b’mod żbaljat żammet lil Dimon responsabbli in solidum għall-ksur u li, konsegwentement, ma kellhiex id-dritt li tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat ta’ din tal-aħħar għall-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10% tad-dħul mill-bejgħ previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Hija tindika li d-dħul mill-bejgħ li rċeviet matul is-sena fiskali qabel id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kien jammonta għal EUR 8 163 815 u tqis li għaldaqstant, il-multa imposta fuqha taqbeż sew il-limitu massimu msemmi.

83      Fl-ewwel lok, insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-fatti ppreżentati mill-Kummissjoni sabiex tipprova r-responsabbiltà ta’ Dimon huma rrilevanti u li ma huwiex ipprovat biżżejjed li din tal-aħħar kellha influwenza determinanti fuqha f’dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni tagħha fil-prattiki restrittivi inkwistjoni.

84      F’dan ir-rigward, qabel kollox, wara li fakkret li kellha “tmexxija lokali”, ir-rikorrenti tinvoka l-elementi li ġejjin li għandhom jistabbilixxu li hija kellha awtonomija sħiħa f’dak li jikkonċerna l-attivitajiet tagħha ta’ xiri ta’ tabakk mhux maħdum:

–        l-ebda kumpannija tal-grupp Dimon ma kellha kontroll, dirett jew indirett, fuq l-attivitajiet imsemmija;

–        meta nxtrat minn Intabex, ikkonkludiet ma’ B., id-direttur ġenerali tagħha, “kuntratt ta’ tmexxija” (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ tmexxija”) li permezz tiegħu ġew iddelegati “b’mod integrali u esklussiv” lil dan tal-aħħar dawk is-setgħat relatati mat-tmexxija tal-kumpannija u, b’mod iktar speċifiku, dawk relatati mal-ippjanar u l-ġestjoni tax-xiri (inkluża l-elaborazzjoni tal-baġit annwali kif ukoll l-iffirmar ta’ ftehimiet mal-gruppi ta’ produtturi);

–        il-bord tad-diretturi tagħha qatt ma implementa proċeduri interni jew sistemi li B. kien marbut li jikkonforma magħhom u ma hemm xejn fil-kuntratt ta’ tmexxija li jippermetti li jiġi affermat li l-attività ta’ dan tal-aħħar kienet suġġetta għal approvazzjoni minn qabel jew għal ratifika sussegwenti minn dan il-bord tad-diretturi;

–        l-ebda membru tal-bord tad-diretturi tagħha jew tal-persunal tagħha, minbarra B., ma kellu s-setgħa li jieħu sehem fil-ġestjoni, fin-negozjar jew fl-iffirmar ta’ kuntratti ta’ xiri ta’ tabakk mhux maħdum jew li jintervjeni fir-relazzjonijiet kuntrattwali mal-produtturi;

–        meta nxtrat minn Intabex, din tal-aħħar ħalliet lil B. fil-pożizzjoni tiegħu bħala President tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti u ħatret tliet membri oħrajn fi ħdan dan il-bord, li tnejn minnhom kienu ġejjin mill-grupp ta’ kumpanniji Intabex (jiġifieri, T. u G.) u t-tielet wieħed kien “professjonist indipendenti”;

–        it-tim preċedenti ta’ B. responsabbli mit-tmexxija u mill-ġestjoni tax-xiri baqa’ fejn kien wara l-akkwiżizzjoni tagħha minn Intabex;

–        l-ebda membru mill-bord tad-diretturi tagħha ma kien membru tal-bord tad-diretturi jew tal-korpi tat-tmexxija ta’ Intabex jew ta’ Dimon fl-istess ħin u lanqas ma kien impjegat minn dawn il-kumpanniji msemmija;

–        hija la kkonsultat lil Dimon u lanqas lil xi kumpannija oħra tal-grupp Dimon rigward il-politika ta’ xiri tagħha jew il-prattiki restrittivi inkwistjoni;

–        hija ma rċivietx struzzjonijiet la mingħand Dimon u lanqas mingħand xi kumpannija oħra tal-grupp Dimon f’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni fil-prattiki msemmija;

–        il-fajl tal-Kummissjoni ma fih l-ebda prova tal-parteċipazzjoni diretta ta’ Dimon jew ta’ xi kumpannija oħra tal-grupp Dimon fil-ksur.

85      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkontesta li bagħtet lil Dimon dawk ir-“rapporti tal-attivitajiet” u l-“field reports” imsemmija fil-premessa 379 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija ssostni li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda prova li turi li dawn ir-rapporti ntbagħtu lil persuni esterni mill-bord tad-diretturi tagħha jew lill-korpi ta’ tmexxija tagħha. Din tispeċifika li r-rapporti msemmija ġew sistematikament tradotti bl-Ingliż bil-għan li jiġi ffaċilitat it-twettiq tal-funzjonijiet ta’ T., li ma kienx jaf bl-Ispanjol u li, fl-1998, kien jaħdem ma’ Dimon International Services Ltd., kumpannija tal-grupp Dimon stabbilita fir-Renju Unit u li tforni servizzi operazzjonali. Hija tkompli billi tgħid li jekk ir-rapporti inkwistjoni ntbagħtu lil T. fl-uffiċċju prinċipali ta’ din il-kumpannija, dan ma sarx fil-kapaċità tiegħu bħala membru tal-bord tad-diretturi ta’ din, iżda biss għaliex dan kien jaħdem hemm u kien jirċievi hemm kull korrispondenza mibgħuta mir-rikorrenti.

86      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tosserva li l-ebda waħda mill-korrispondenza msemmija fil-premessa 379 tad-deċiżjoni kkontestata ma ntbagħtet lil Dimon. Minn naħa waħda, hija kkorrispondiet ma’ T. fil-kapaċità tiegħu bħala membru tal-bord tad-diretturi tagħha, u, min-naħa l-oħra, ma’ S., li mis-sena 2000 kellu pożizzjoni ta’ koordinazzjoni tal-operazzjonijiet fl-Ewropa fi ħdan Dimon International Services. Din tkompli tgħid li ħafna mill-korrispondenzi msemmija ma kellhom l-ebda rabta mal-politika ta’ xiri tagħha ta’ tabakk mhux maħdum jew mal-prattiki inkriminati. Hija tippreċiża li fil-korrispondenza elettronika li bagħat lil S. fit-30 ta’ Ottubru 2000 u fid-9 ta’ Mejju 2001, B. jillimita ruħu sabiex jgħarraf lil dan tal-aħħar b’mod vag u ġenerali dwar ċerti fatti pubbliċi u magħrufa, jiġifieri dwar l-eżistenza tan-negozjati kollettivi tal-prezzijiet bejn il-proċessuri, minn naħa waħda, u l-gruppi ta’ produtturi u l-assoċjazzjonijiet agrikoli, min-naħa l-oħra. Fir-rigward tal-faks tal-14 ta’ Diċembru 1998 ta’ B., din intbagħtet lil Dimon International Inc., u mhux lil Dimon, u tirrigwarda biss kwistjonijiet relatati mal-kuntratt ta’ bejgħ ta’ tabakk ipproċessat li r-rikorrenti kienet ikkonkludiet ma’ Deltafina qabel ma ġiet integrata fil-grupp Dimon.

87      Fir-replika, ir-rikorrenti tikkontesta r-rwol u l-funzjonijiet li l-Kummissjoni attribwixxiet lil T. u lil S., fuq il-bażi tal-elementi li ġejjin:

–        l-ebda element mill-fajl ma jindika li T. kien jittrażmetti lil Dimon l-informazzjoni li dan kien jikseb fil-kapaċità tiegħu bħala membru tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti jew li dan kien jissorvelja l-politika ta’ xiri ta’ din tal-aħħar sabiex jgħarraf din lil Dimon;

–        T. ma kienx jeżerċita funzjonijiet importanti fi ħdan il-grupp Dimon u ma kienx inkarigat mill-integrazzjoni tal-attivitajiet tar-rikorrenti fih;

–        f’Awwissu 1998, wara kwistjoni bejn Dimon u l-familja ta’ T., dan tal-aħħar spiċċa minn membru tal-bord tad-diretturi ta’ Dimon International Services;

–        T. kien membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpanniji oħrajn – “ta’ importanza żgħira” – fil-grupp Dimon fuq bażi temporanja biss;

–        fiż-żmien meta rċieva l-uniċi żewġ dokumenti ta’ korrispondenza relatati mal-prattiki restrittivi inkwistjoni, S., kien impjegat ta’ Dimon International Services u ma kienx jifforma parti mill-bord tad-diretturi ta’ xi kumpannija tal-grupp Dimon;

–        S. qatt ma wettaq attivitajiet relatati mal-politika ta’ xiri ta’ tabakk mhux maħdum tar-rikorrenti u qatt ma kien impjegat minn Dimon u lanqas ma kien membru tal-bord tad-diretturi tagħha.

88      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li mill-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni fil-premessi 371 sa 374 tad-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari mill-punti 28 u 29 tas-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, jirriżulta b’mod ċar li l-fatt waħdu li kumpannija parent ikollha t-totalità tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja tagħha ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi preżunt li din teżerċita influwenza determinanti fuq din tal-aħħar. Sabiex kumpannija parent tkun tista’ tinżamm responsabbli għall-ksur tal-kumpannija sussidjarja tagħha, jibqgħu meħtieġa elementi supplimentari fir-rigward tar-rata tas-sehem, b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, il-kumpanniji kkonċernati jkunu opponew ruħhom, matul il-proċedura amministrattiva, għall-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni.

89      Ir-rikorrenti tisħaq li dawn l-elementi huma nieqsa f’dan il-każ. B’mod iktar speċifiku, tinsisti fuq il-fatt li Dimon ma kienet teżerċita l-ebda kontroll fuq il-politika tagħha ta’ xiri ta’ tabakk mhux maħdum u li ma huwiex ipprovat li din tal-aħħar ħadet sehem b’mod dirett fil-ksur jew li tatha struzzjonijiet sabiex twettqu. Hija ssostni li l-fatt li kumpannija parent irċeviet tagħrif limitat u mhux preċiż dwar uħud mill-prattiki restrittivi mwettqa mill-kumpannija sussidjarja tagħha qatt ma tqies li kien “minnu nnifsu u b’mod iżolat” biżżejjed sabiex ir-rikorrenti tinżamm responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ Dimon. Skont il-ġurisprudenza, huwa indispensabbli li l-kumpannija parent tkun inżammet informata b’mod kostanti bl-aġiri tal-akkordju u b’hekk li hija setgħet tkun taf b’mod ferm dettaljat bil-prattiki restrittivi mwettqa mill-kumpannija sussidjarja tagħha. Iżda r-rikorrenti qatt ma kkomunikat lil Dimon tagħrif dwar il-politika ta’ xiri tagħha, u wisq inqas dwar il-prattiki inkwistjoni.

90      Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

91      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tippreżenta sensiela ta’ kunsiderazzjonijiet dwar il-kunċett ta’ impriża fid-dritt tal-kompetizzjoni u l-kundizzjonijiet li fihom kumpannija parent tista’ tinżamm responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-kumpannija sussidjarja tagħha. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, hija ssostni, b’referenza għas-sentenza AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, li jeħtieġ li mhux biss il-kumpannija parent tkun f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha, iżda wkoll li hija tkun effettivament użat dik l-influwenza.

92      B’mod iktar partikolari, fir-rigward tat-tieni waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 91 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tikkontesta li din teżiġi li l-kumpannija parent tkun tat struzzjonijiet lill-kumpannija sussidjarja tagħha biex tikser l-Artikolu 81 KE. Hija tafferma li, meta tiddefinixxi din il-kundizzjoni, il-ġurisprudenza tirreferi b’mod kostanti għan-nuqqas ta’ awtonomija tal-kumpannija sussidjarja fid-determinazzjoni tal-aġir ġenerali tagħha fis-suq, u dan mingħajr ma tistabbilixxi rabta speċifika mal-ksur inkwistjoni.

93      Il-Kummissjoni ssostni li, fost il-provi ta’ natura li jistabbilixxu t-twettiq effettiv ta’ kontroll fuq il-politika tal-kumpannija sussidjarja, hemm il-fatt li l-kumpannija parent hija rrapreżentata fi ħdan il-bord tad-diretturi tagħha. Hija tiddikjara wkoll li kumpannija sussidjarja inqas jista’ jkollha awtonomija meta tkun attiva fl-istess suq bħall-kumpannija parent jew fi swieq marbuta b’mod strett. Barra dawn l-elementi ġenerali, ċerti elementi speċifiċi jistgħu jikkontribwixxu sabiex jintwera li l-kumpannija parent ipparteċipat fil-politika kummerċjali tal-kumpannija sussidjarja tagħha jew li implementat mekkaniżmi li jippermettulha tissorvelja l-attivitajiet tagħha.

94      Il-Kummissjoni tiddikjara wkoll li l-ġurisprudenza ammettiet li, meta sussidjarja tkun miżmuma 100 % mill-kumpannija parent tagħha, din tal-aħħar tkun preżunta li teżerċita s-setgħa ta’ influwenza tagħha fl-aġir tas-sussidjarja. Il-kumpannija parent tkun tista’ tirribatti din il-preżunzjoni billi tressaq provi ta’ natura li juru li l-imsemmija kumpannija sussidjarja fir-realtà taġixxi b’mod awtonomu fis-suq.

95      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tfakkar ir-raġunijiet għalfejn hija kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li Dimon kellha tinżamm responsabbli għall-ksur imwettaq mir-rikorrenti.

96      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tindika li, wara t-tieni semestru tas-sena 1997, Dimon kellha, permezz ta’ Intabex, il-kapital kollu tar-rikorrenti, b’mod li seta’ jiġi preżunt li hija effettivament kienet teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din tal-aħħar.

97      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tallega li dik il-preżunzjoni hija kkonfermata minn elementi oħrajn li jinsabu fil-fajl tagħha. F’dan ir-rigward, qabelkollox, il-Kummissjoni tirrileva li x-xiri u l-bejgħ tat-tabakk jikkostitwixxu l-attivitajiet essenzjali tal-grupp Dimon, li sa mill-1999, Dimon tixtri parti kbira tat-tabakk ipproċessat mingħand ir-rikorrenti u li Dimon ikkonkludiet ma’ Cetarsa u ma’ Deltafina diversi kuntratti li jirrigwardaw, rispettivament, is-subappaltar u l-bejgħ tat-tabakk tar-rikorrenti. Sussegwentement, il-Kummissjoni ssemmi li r-rikorrenti kienet tħejji “rapporti ta’ attività” u “field reports” li jiddeskrivu fid-dettall l-attivitajiet tagħha u, b’mod partikolari, l-akkordji konklużi bejn il-proċessuri kif ukoll in-negozjati kollettivi mal-produtturi. Hija tenfażizza li T., fil-kwalità tiegħu bħala membru tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti u kumpanniji oħrajn tal-grupp Dimon u, għaldaqstant, bħala intermedjarju li jaġixxi f’isem Dimon, kien jirċievi kopji ta’ dawk ir-rapporti. Finalment, il-Kummissjoni tirreferi għall-korrispondenza msemmija fil-premessa 379 tad-deċiżjoni kkontestata, waqt li tindika b’mod partikolari li wħud fosthom kienu relatati mal-prattiki restrittivi inkwistjoni u kienu indirizzati lil T. jew S., li kienu jaġixxu f’isem Dimon, waqt li oħrajn kienu jikkonċernaw il-kuntratti ta’ proċessar jew ta’ bejgħ tat-tabakk konklużi minn Dimon ma’ Cetarsa u ma’ Deltafina.

98      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni targumenta li, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, la r-rikorrenti u lanqas Dimon ma waslu biex jirribattu l-preżunzjoni msemmija fil-punt 94 iktar ’il fuq. Hija tqis li l-fatt li r-rikorrenti għandha tmexxija lokali tagħha stess ma huwiex suffiċjenti, fih innifsu, biex jiġi stabbilit li hija kienet qiegħda taġixxi b’mod awtonomu u tirrileva li l-kuntratt ta’ tmexxija jipprevedi li B. huwa suġġett għas-“sistemi” u għall-“proċeduri” imposti mill-bord tad-diretturi tar-rikorrenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

99      Għandu jiġi mfakkar li d-dritt tal-kompetizzjoni jikkonċerna l-attivitajiet tal-impriżi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 59), u li l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 112).

100    Il-ġurisprudenza ppreċiżat ukoll li l-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija komposta minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C-217/05, Ġabra p. I-11987, punt 40 u tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2005, DaimlerChrysler vs Il-Kummissjoni, T-325/01, Ġabra p. II-3319, punt 85).

101    Meta entità ekonomika bħal din tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija jkollha, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 145; tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni, C-279/98 P, Ġabra p. I-9693, punt 78, u tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C-280/06, Ġabra p. I-10893, punt 39).

102    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar f’liema ċirkustanzi persuna ġuridika li ma tkunx l-awtriċi tal-ksur tista’ madankollu tiġi ssanzjonata, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-aġir ta’ kumpannija sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika distinta, dik il-kumpannija sussidjarja ma tkunx tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punti 132 u 133; tal-14 ta’ Lulju 1972, Geigy vs Il-Kummissjoni, 52/69, Ġabra p. 787, punt 44, u tal-21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni, 6/72, Ġabra p. 215, punt 15), b’mod partikolari fir-rigward tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawk iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara, b’analoġija, is-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, punt 117, u ETI et, punt 101 iktar ’il fuq, punt 49).

103    Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jiffurmaw impriża waħda fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 99 u 100 iktar ’il fuq. B’hekk, ma hijiex rabta ta’ instigazzjoni fir-rigward tal-ksur bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha u lanqas ma huwa, iktar u iktar, involviment tal-kumpannija parent fl-imsemmi ksur, iżda l-fatt li dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE li jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tindirizza d-deċiżjoni li timponi l-multi lill-kumpannija parent (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, T-112/05, Ġabra p. II-5049, punt 58).

104    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni ma tistax tillimita ruħha li tikkonstata li l-kumpannija parent tinsab f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha, iżda għandha wkoll tivverifika jekk din l-influwenza ġietx effettivament eżerċitata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punt 137, u AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punt 50).

105    Fil-każ partikolari fejn kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din il-kumpannija sussidjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punti 136 u 137), u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni sempliċi li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punt 50, u s-sentenza PVC II, punt 29 iktar ’il fuq, punti 961 u 984).

106    F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu ta’ sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex jiġi preżunt li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tirribatti din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li l-kumpannija sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punt 29).

107    Għalkemm huwa minnu li fil-punti 28 u 29 tas-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 29 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet, minbarra ż-żamma ta’ 100 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja, ċirkustanzi oħra, bħan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-influwenza li l-kumpannija parent teżerċita fuq il-politika kummerċjali tal-kumpannija sussidjarja tagħha u r-rappreżentazzjoni komuni taż-żewġ kumpanniji matul il-proċedura amministrattiva, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat dawn iċ-ċirkustanzi biss bil-għan li tesponi l-elementi kollha li fuqhom il-Qorti Ġenerali kienet ibbażat ir-raġunament tagħha u mhux sabiex tissuġġetta l-implementazzjoni tal-preżunzjoni msemmija fil-punt 105 iktar ’il fuq għall-produzzjoni ta’ ħjiel supplimentari fir-rigward tal-fatt li l-kumpannija parent effettivament eżerċitat influwenza (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, T-69/04, Ġabra p. II-2567, punt 57).

108    Fl-aħħar, għandu jiġi ppreċiżat li l-preżunzjoni bbażata fuq iż-żamma tat-totalità ta’ kapital tista’ tapplika mhux biss fil-każ fejn teżisti relazzjoni diretta bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, iżda wkoll fil-każ, bħal dak fil-kawża preżenti, fejn din ir-relazzjoni hija indiretta, permezz ta’ sussidjarja intermedjarja.

109    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi kontra l-impriżi li jkunu kisru l-Artikolu 81(1) KE, multi li ma jistgħux jaqbżu l-10 % tad-dħul mill-bejgħ miksub matul is-sena finanzjarja preċedenti minn kull waħda mill-impriżi li jkunu pparteċipaw fil-ksur. L-istess indikazzjoni tinsab fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

110    Id-dħul mill-bejgħ imsemmi f’dawk id-dispożizzjonijiet huwa relatat, skont ġurisprudenza stabbilita dwar l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, mad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 119; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T-236/01, T-239/01, T-244/01 sa T-246/01, T-251/01 u T-252/01, Ġabra p. II-1181, punt 367, u tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T-67/00, T-68/00, T-71/00 u T-78/00, Ġabra p. II-2501, punt 533), jiġifieri l-impriża akkużata bil-ksur u li, għal dak il-fatt, tkun ġiet iddikjarata responsabbli (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, T-31/99, Ġabra p. II-1881, punt 181, u tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il-Kummissjoni, T‑304/02, Ġabra p. II-1887, punt 116).

111    Rigward il-kunċett ta’ “sena finanzjarja preċedenti” imsemmi fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, dan għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għas-sena finanzjarja ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, ħlief f’sitwazzjonijiet partikolari fejn id-dħul mill-bejgħ ta’ din l-aħħar sena finanzjarja ma jkun jagħti ebda indikazzjoni utli dwar is-sitwazzjoni ekonomika reali tal-impriża kkonċernata u l-livell xieraq tal-multa li għandha tiġi imposta fuqha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C-76/06 P, Ġabra p. I-4405, punti 25, 29 u 30), li ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

112    Minn dan isegwi li l-kwistjoni li tqum fil-kuntest ta’ din il-parti hija jekk il-Kummissjoni kellhiex bażi biex tikkunsidra li, f’dan il-każ, l-impriża kkonċernata kienet ikkostitwita mir-rikorrenti u mill-kumpannija li tinsab f’ras il-grupp li tappartjeni għalih, jiġifieri Dimon. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal dik id-domanda, ikollu jiġi konkluż, fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 109 sa 111 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fil-premessi 442 u 446 tad-deċiżjoni kkontestata, id-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat miksub minn Dimon fl-2003 għall-applikazzjoni tal-limitu msemmi iktar ’il fuq ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ.

113    Għall-finijiet tal-eżami ta’ dik id-domanda, qabel kollox, għandu jiġi ddeterminat liema huma l-kriterji li użat il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex iżżomm lill-kumpannija parent responsabbli għall-ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja tagħha, kif ukoll il-konformità tagħhom mal-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza dwar dan is-suġġett, u sussegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni applikatx dawk il-kriterji b’mod korrett sabiex tikkonkludi li r-rikorrenti u Dimon kienu jikkostitwixxu entità ekonomika waħda.

 Fuq il-kriterji użati mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, biex iżżomm lil kumpannija parent responsabbli għall-ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja tagħha

114    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex kumpannija parent tinżamm responsabbli għal ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha u, konsegwentement, sabiex tidher fost id-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni u tiġi ddikjarata responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq l-imsemmija sussidjarja, il-Kummissjoni segwiet ir-raġunament li ġej.

115    Il-Kummissjoni bdiet mill-premessa li tgħid li tali imputabbiltà hija possibbli meta l-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jkunu jifformaw parti mill-istess unità ekonomika u, konsegwentement, jikkostitwixxu impriża unika fis-sens tal-Artikolu 81 KE (ara l-premessa 374 tad-deċiżjoni kkontestata).

116    L-element ċentrali li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi li l-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jinsabu fil-każ bħal dan huwa n-nuqqas ta’ awtonomija ta’ din tal-aħħar fir-rigward tal-aġir tagħha fis-suq (ara l-premessa 371 tad-deċiżjoni kkontestata), peress li dan in-nuqqas ta’ awtonomija huwa l-korollarju tal-eżerċizzju ta’ “influwenza determinanti” tal-kumpannija parent fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (ara l-premessi 18, 372, 373, 378, 380, 381, 383, 391, 392, 397, 399, 400, 422 u 441 tad-deċiżjoni kkontestata).

117    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li hija ma setgħatx tillimita ruħha li tikkonstata li l-kumpannija parent kellha l-possibbiltà teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja taghha, iżda kellha turi li din l-influwenza ġiet effettivament eżerċitata (ara, b’mod partikolari, il-premessi 18, 376, 384, 391, 392, 397, 399 u 400 tad-deċiżjoni kkontestata).

118    B’hekk, b’mod partikolari, mill-premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, għalkemm il-Kummissjoni qieset li ma kienx hemm lok li Sepi tinżamm responsabbli għall-ksur imwettaq minn Cetarsa, li din kienet iżżomm madwar 80 % tal-kapital tagħha, dan kien minħabba l-fatt li hija ma kellha l-ebda element fil-fajl tagħha li kien jippermettilha li tistabbilixxi li din tal-aħħar ma kinitx tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq.

119    Bl-istess mod, mill-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-raġuni għalfejn il-Kummissjoni ma żammitx lil Universal u lanqas lis-sussidjarja tagħha b’100 % Universal Leaf, responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja b’90 % tagħha, Taes, hija li ma kellhiex provi suffiċjenti li juru li dawn eżerċitaw effettivament influwenza determinanti fuq din tal-aħħar.

120    Dawn huma l-istess prinċipji li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji parent ta’ WWTE, fir-rigward tal-perijodu preċedenti għal Mejju 1998. B’hekk, inizjalment, hija ntrabtet sabiex turi li dawk il-kumpanniji parent kienu jeżerċitaw kontroll konġunt fuq WWTE mal-president tagħha u ma’ żewġ membri tal-familja tiegħu, u b’hekk seta’ jinftiehem li dawn kienu f’pożizzjoni li jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din il-kumpannija (ara l-premessi 388 sa 391 tad-deċiżjoni kkontestata). Fit-tieni lok, il-Kummissjoni, abbażi ta’ sensiela ta’ elementi stabbiliti fil-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata, ipprovat tistabbilixxi li l-imsemmija kumpanniji parent effettivament kienu jeżerċitaw tali influwenza fuq l-aġir ta’ WWTE (ara l-premessi 391, 392 u 400 tad-deċiżjoni kkontestata).

121    Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li, fil-każ partikolari fejn kumpannija parent iżżomm it-totalità tal-kapital tas-sussidjarja tagħha, jista’, skont il-ġurisprudenza, jiġi preżunt li l-ewwel waħda teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir tat-tieni waħda (ara l-premessa 372 tad-deċiżjoni kkontestata).

122    Madankollu, fil-kawża preżenti, sabiex jinżammu responsabbli kumpanniji parent li jinsabu f’tali sitwazzjoni, għall-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħhom, il-Kummissjoni għażlet li ma tillimitax ruħha sabiex tuża din il-preżunzjoni, iżda sabiex tibbaża ruħha wkoll fuq elementi ta’ fatt intiżi sabiex jistabbilixxu li dawn il-kumpanniji parent effettivament eżerċitaw influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħhom, u għaldaqstant, sabiex issostni din il-preżunzjoni (ara, b’mod partikolari, il-premessi 372, 375, 376 u 378 tad-deċiżjoni kkontestata).

123    B’hekk, mill-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta espressament li, għalkemm il-Kummissjoni ma żammitx lill-kumpanniji parent ewlenin u intermedjarji ta’ Deltafina, jiġifieri Universal u Universal Leaf, responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħhom, minkejja l-fatt li dawn ikkontrollawha 100 %, huwa minħabba l-fatt li din ma kellhiex provi suffiċjenti li dawn eżerċitaw effettivament influwenza determinanti fuq l-imsemmija sussidjarja. Huwa wkoll f’dan is-sens li għandha tinftiehem il-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata, anki jekk din hija fformulata f’termini kemxejn ambigwi. B’mod iktar partikolari, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni tiddikjara, f’dik il-premessa, li fil-fajl tagħha ma hemm “ebda indikazzjoni tal-parteċipazzjoni materjali ta’ Universal […] u ta’ Universal Leaf fil-fatti eżaminati fid-[deċiżjoni kkontestata]”, madankollu, meta tinqara b’mod parallel mal-premessa 18 ta’ dik id-deċiżjoni u titpoġġa fil-kuntest tagħha, dik id-dikjarazzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li r-raġuni għalfejn hija ma żammitx lil dawn iż-żewġ kumpanniji parent responsabbli – jew xi kumpannija parent oħra – kienet minħabba li huma ma kinux involuti fil-ksur.

124    Bl-istess mod, jirriżulta wkoll espressament mill-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata li r-raġuni għalfejn il-Kummissjoni ma żammitx lil Intabex responsabbli għall-aġir illeċitu tar-rikorrenti, minkejja li din kienet tikkontrollaha 100 %, hija n-nuqqas ta’ provi suffiċjenti fir-rigward tal-eżerċizzju effettiv, minn din tal-ewwel, ta’ influwenza determinanti fuq din tal-aħħar, peress li l-parteċipazzjoni tagħha hija ta’ natura purament finanzjarja (ara wkoll il-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata).

125    Min-naħa l-oħra, il-fatt huwa preċiżament li, fir-rigward tal-perijodu wara Mejju 1998, kienu allegatament jeżistu tali provi fir-rigward tal-kumpanniji parent ta’ WWTE, minbarra l-fatt li dawn tal-ewwel kellhom l-ishma kollha – jew, għal xi ftit xhur biss, kważi kollha – ta’ din tal-aħħar, liema ħaġa wasslet lill-Kummissjoni biex iżżomm lil dawk il-kumpanniji parent responsabbli għall-ksur (ara, b’mod partikolari, il-premessi 375, 393, 396 u 398 tad-deċiżjoni kkontestata).

126    Dan huwa l-istess metodu li l-Kummissjoni riedet tapplika fil-każ ta’ Dimon. B’hekk, sabiex tiddikjara lil din tal-aħħar responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tar-rikorrenti mit-tieni semestru tas-sena 1997, hija ma llimitatx ruħha li tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni li tirriżulta mill-fatt li, minn dak iż-żmien, hija kellha l-ishma kollha tar-rikorrenti (ara l-premessi 375, 377 u 378 tad-deċiżjoni kkontestata), iżda ħadet inkunsiderazzjoni wkoll ċerti elementi supplimentari li juru li hija effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din l-istess kumpannija (ara l-premessi 375 u 378 sa 380 tad-deċiżjoni kkontestata).

127    Dan jista’ jiġi dedott, b’mod partikolari, mit-tieni sentenza tal-premessa 378 tad-deċiżjoni kkontestata, għalkemm huwa indikat li dawk l-elementi supplimentari jikkonfermaw li Dimon kienet “f’pożizzjoni” li teżerċita tali influwenza (ara l-punt 33 iktar ’il fuq). Huwa minnu li, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni stess fir-risposta tagħha għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, dik is-sentenza setgħet tiġi “ifformulata b’mod iktar ċar”. Madankollu, meta tinqara flimkien mal-premessi 372 u 377 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mal-ewwel sentenza tal-premessa 378 ta’ dik id-deċiżjoni, din tista’ tinftiehem biss fis-sens deskritt fil-punt 126 iktar ’il fuq.

128    Finalment, il-Kummissjoni eżaminat jekk jistgħux jiġu aċċettati l-argumenti ppreżentati mill-kumpanniji sussidjarji kkonċernati (u/jew mill-kumpanniji parent tagħhom) fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bil-għan li jiġi stabbilit li huma kienu qegħdin jaġixxu b’mod awtonomu fis-suq (ara, b’mod partikolari, il-premessi 381 u 399 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk, fir-rigward tal-argumenti invokati minn Dimon, hija ċaħdithom fuq il-bażi li ma kinux konklużivi, billi rrilevat, b’mod partikolari, li “l-eżistenza ta’ tmexxija lokali tal-kumpannija sussidjarja tagħha Spanjola ma [kinitx teskludi] il-possibbiltà li Dimon teżerċita influwenza determinanti fuq l-istess kumpannija sussidjarja” (premessa 381 tad-deċiżjoni kkontestata).

129    Għandu jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni adottat il-metodu msemmi fil-punti 115 sa 117, 121 u 122 iktar ’il fuq mhux biss għall-kumpanniji parent ewlenin, iżda wkoll għall-kumpanniji parent intermedjarji, hekk kif juri – fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar – il-każ ta’ Universal Leaf, ta’ Intabex, ta’ SCTC u ta’ TCLT.

130    Għandu jingħad ukoll li dak il-metodu – bla ħsara għall-kwistjoni jekk hija applikatux b’mod korrett fil-każ tar-rikorrenti, kwistjoni li ser tiġi eżaminata iktar ’il quddiem – jikkonforma kompletament mal-prinċipji stabbiliti f’dan ir-rigward mill-ġurisprudenza, kif imfakkra fil-punti 99 sa 108 iktar ’il fuq.

131    Huwa minnu li, fir-rigward tal-każ partikolari fejn kumpannija parent iżżomm it-totalità tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha esklużivament fuq il-preżunzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza (ara l-punti 105 u 106 iktar ’il fuq) sabiex turi li l-ewwel waħda kienet effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tat-tieni waħda, iżda ħadet inkunsiderazzjoni wkoll elementi oħra ta’ fatt intiżi sabiex jikkonfermaw dan l-eżerċizzju. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni indikat, f’dan il-kuntest, li, fid-dawl tal-istat tal-ġurisprudenza rilevanti fiż-żmien meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, hija kienet għażlet li taġixxi b’mod prudenti.

132    Madankollu, meta pproċediet b’dan il-mod, il-Kummissjoni għolliet il-livell ta’ prova meħtieġ sabiex hija tikkunsidra bħala stabbilit il-fatt li l-kundizzjoni dwar l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ġiet sodisfatta, b’rispett komplet tal-kunċett fundamentali tal-unità ekonomika li tirreferi għalih il-ġurisprudenza kollha dwar l-imputabbiltà tar-responsabbiltà għall-ksur fuq persuni ġuridiċi li jikkostitwixxu l-istess impriża.

133    Għandu jiġi ppreċiżat li, meta, f’kawża li fiha jiddaħħal inkwistjoni ksur li jimplika lil diversi impriżi differenti, il-Kummissjoni tadotta, f’kuntest stabbilit mill-ġurisprudenza, metodu partikolari sabiex tiddetermina jekk hemmx lok li jinżammu responsabbli kemm il-kumpanniji sussidjarji li wettqu materjalment dan il-ksur, kif ukoll il-kumpanniji parent tagħhom, hija għandha, ħlief f’ċirkustanzi speċifiċi, tibbaża ruħha għal dan il-għan fuq l-istess kriterji fil-każ ta’ dawn l-impriżi kollha. Fil-fatt, il-Kummissjoni hija marbuta li tirrispetta l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li, skont ġurisprudenza stabbilita, jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 1984, Sermide, 106/83, Ġabra p. 4209, punt 28, u tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T-311/94, Ġabra p. II‑1129, punt 309). Għandu jiġi kkonstatat li barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha l-istess opinjoni peress li, fil-premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tindika li “għalkemm iċ-ċirkustanzi preċiżi li jistgħu jwasslu[ha] […] sabiex tikkunsidra kumpannija parent responsabbli għall-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha jistgħu jvarjaw minn każ għal ieħor, ma jistax minħabba dan ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sa kemm il-prinċipji ta’ responsabbiltà jiġu applikati b’mod koerenti”.

 Fuq l-eżistenza ta’ entità ekonomika unika bejn ir-rikorrenti u Dimon

134    Għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni applikatx korrettament, il-kriterji msemmija fil-punti 115 sa 117, 121 u 122 iktar ’il fuq sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ entità ekonomika unika bejn ir-rikorrenti u Dimon sa mit-tieni semestru tas-sena 1997 u, għaldaqstant, li żżomm lil din tal-aħħar responsabbli in solidum għall-ksur kif ukoll għall-ħlas tal-multa u li tinkludiha fost id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

135    Huwa stabbilit li, matul il-perijodu mit-18 ta’ Novembru 1997 sad-data meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, Dimon kellha, permezz ta’ Intabex, it-totalità tal-kapital tar-rikorrenti. B’hekk, ma jistax jiġi kkontestat li, matul dak il-perijodu kollu, Dimon kienet f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din tal-aħħar (ara l-punt 105 iktar ’il fuq).

136    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, f’dak li jirrigwarda l-istess perijodu, il-kundizzjoni dwar l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti minn Dimon kinitx sodisfatta wkoll, hekk kif issostni l-Kummissjoni.

137    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-kumpanniji sussidjarji kkontrollati 100 % mill-kumpanniji parent tagħhom, il-Kummissjoni għażlet li ma tibbażax ruħha sempliċement fuq il-preżunzjoni msemmija fil-punti 105, 106 u 121 iktar ’il fuq sabiex iżżomm lil dawn tal-aħħar responsabbli għall-ksur imwettaq mill-imsemmija kumpanniji sussidjarji, iżda li tikkunsidra wkoll elementi supplimentari li juru l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti (ara l-punti 122 sa 127 iktar ’il fuq).

138    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-elementi kkunsidrati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, flimkien mal-fatt li Dimon kellha t-totalità tal-kapital tar-rikorrenti, jistabbilixxux b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi li, matul il-perijodu kkunsidrat, din tal-ewwel kienet effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din tal-aħħar. Dawn l-elementi huma elenkati fil-premessa 379 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 303 sa 305 ta’ dik id-deċiżjoni. Essenzjalment, dawn jikkonsistu f’diversi rapporti u korrispondenza mir-rikorrenti u li kienu indirizzati, skont il-Kummissjoni, lil Dimon.

139    Fl-affermattiv, ikollu jiġi vverifikat jekk l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, kif riprodotti fil-punt 84 iktar ’il fuq, jistgħux jinvalidaw dik il-konklużjoni.

–       Fuq ir-“rapporti tal-attività” u l-“field reports”

140    Il-Kummissjoni tinvoka sensiela ta’ “rapporti tal-attivitajiet” u “field reports” ifformulati mir-rikorrenti, waqt li tirrileva b’mod partikolari li dawn spiss kienu jistabbilixxu l-prattiki illegali inkwistjoni. Dawk ir-rapporti, li jammontaw għal erbatax u li jkopru perijodu minn Diċembru 1998 sa Mejju 2001, huma elenkati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 303 tad-deċiżjoni kkontestata.

141    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija rapporti fihom informazzjoni dettaljata mhux biss dwar diversi aspetti tal-attivitajiet kummerċjali tar-rikorrenti, bħall-iżvolġiment ta’ kampanji ta’ xiri ta’ tabakk mhux maħdum (kwantitajiet mixtrija, prezzijiet tax-xiri, eċċ.), il-kwantitajiet ta’ tabakk mhux maħdum ipproċessati u l-kuntratti konklużi ma’ Cetarsa għat-tfarrik ta’ parti mit-tabakk tagħha, dwar l-iżvilupp fir-regolamenti fis-settur tat-tabakk u dwar il-laqgħat li saru fi ħdan l-Anetab kif ukoll mal-assoċjazzjonijiet agrikoli u l-gruppi ta’ produtturi, iżda wkoll – kif ġie enfażizzat fil-premessa 379 tad-deċiżjoni kkontestata – dwar il-prattiki illegali inkwistjoni.

142    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta mill-proċess li r-rapporti inkwistjoni kienu mħejjija minn B. u li, skont l-indikazzjonijiet tar-rikorrenti stess, dawn kienu indirizzati lill-membri tal-bord tad-diretturi tiegħu.

143    Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, għandu jiġi rrilevat li, fl-istess jum meta akkwistat l-ishma kollha tar-rikorrenti, Dimon – permezz tal-kumpannija sussidjarja tagħha 100 % Intabex, li kellha biss sehem ta’ natura purament finanzjarja fir-rikorrenti – issostitwixxiet tlieta mill-erba’ membri ta’ dak il-bord tad-diretturi, billi nnominat b’mod partikolari lil żewġ persuni (G u T) li diġà kienu jeżerċitaw funzjonijiet fi ħdan kumpanniji oħrajn tal-grupp Dimon. B’hekk, dak iż-żmien, G kien ukoll direttur eżekuttiv ta’ Compañia de Filipinas, SA, kumpannija sussidjarja ta’ Intabex li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Spanja u li hija attiva fil-produzzjoni ta’ tabakk iswed, u T. li kien ukoll impjegat minn Dimon International Services u membru tal-bord tad-diretturi ta’ dik il-kumpannija (sa Awwissu 1998).

144    F’dan il-kuntest, għandha tiġi enfażizzata, b’mod partikolari, l-importanza tal-funzjonijiet li assuma T. fi ħdan il-grupp Dimon. Effettivament, minbarra li kien membru tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti matul il-perijodu kollu tal-ksur u membru tal-bord tad-diretturi ta’ Dimon International Services sa Awwissu 1998, T. kien jippresjedi l-bord tad-diretturi ta’ żewġ kumpanniji oħrajn tal-grupp Dimon, jiġifieri Intabex Holding Worldwide, SA (mill-1998 sal-1999) u LRH Travel Ltd (sa Novembru 2000). Barra minn hekk, hekk kif indikat ir-rikorrenti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, huwa kien inkarigat sabiex “jiggarantixxi l-integrazzjoni effettiva tal-grupp Intabex fil-grupp Dimon”. Ma’ dan jiżdied il-fatt li, kif ser jiġi spjegat f’iktar dettall fil-punt 160 iktar ’il quddiem, minn korrispondenza diversa li tinsab fil-fajl jirriżulta li r-rikorrenti kkonsultat ma’ T. dwar kwistjonijiet relatati mal-attivitajiet kummerċjali tagħha jew talbet l-approvazzjoni tiegħu qabel l-adozzjoni ta’ ċerti deċiżjonijiet importanti. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni kienet fondata meta kkunsidrat li T. kien jaġixxi f’isem il-kumpannija li tinsab f’ras il-grupp Dimon, jiġifieri r-rikorrenti, u li kellu rwol ta’ intermedjarju bejnha u r-rikorrenti. Il-fatt li T. kellu kwistjoni ma’ Dimon, li wasslet lil din tal-aħħar biex ittemm, f’Awwissu 1998, il-funzjonijiet tiegħu bħala membru tal-bord tad-diretturi ta’ Dimon International Services, ma jpoġġix indiskussjoni dik il-konklużjoni. Effettivament, wara dik id-data, T. mhux biss baqa’ impjegat ta’ dik il-kumpannija, iżda baqa’ wkoll membru tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti, ta’ Intabex Holding Worldwide u ta’ LRH Travel.

145    L-elementi msemmija fil-punti 142 sa 144 iktar ’il fuq juru li Dimon, permezz tal-membri li hija ħatret fi ħdan il-bord tad-diretturi tar-rikorrenti u, b’mod partikolari, T, kellha l-iskop li tissorvelja l-attivitajiet ta’ din tal-aħħar u tagħmel ċert li dawn jiżviluppaw b’mod konformi mal-politika kummerċjali tal-grupp Dimon. B’hekk, għalkemm formalment ir-“rapporti tal-attivitajiet” u l-“field reports” inkwistjoni kienu ntbagħtu lil dawk il-membri u mhux direttament lil Dimon innifisha, il-Kummissjoni kienet fondata meta stmat, fil-premessa 380 tad-deċiżjoni kkontestata, li dik il-kumpannija kienet informata bil-kontenut ta’ dawk ir-rapporti u, singolarment, dwar il-prattiki illegali inkwistjoni. Dik il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-fatt, irrilevat fil-premessa 379 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-imsemmija rapporti kienu tradotti sistematikament mill-Ispanjol għall-Ingliż, li hija l-lingwa ta’ ħidma ta’ Dimon.

146    Finalment, għandu jiġi rrilevat li huwa stabbilit li Dimon, li kienet mingħajr kontestazzjoni f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tar-rikorrenti (ara l-punti 105 u 135 iktar ’il fuq), qatt ma esprimiet l-oppożizzjoni ċara tagħha għall-prattiki illegali li kienet taf bihom u lanqas ma ħadet xi miżura kontra l-kumpannija sussidjarja tagħha sabiex iżżommha milli tkompli tipparteċipa fil-ksur, u dan minkejja r-riskju ta’ prosekuzzjonijiet jew azzjonijiet għad-danni minn terzi li hija esponiet ruħha għalihom billi aġixxiet b’dan il-mod (ara wkoll il-premessa 382 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn dan, il-Kummissjoni setgħet leġittimament tiddeduċi li Dimon kienet tapprova b’mod taċitu l-imsemmija parteċipazzjoni u tikkunsidra li tali aġir jikkostitwixxi indikazzjoni supplimentari tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha.

–       Fuq il-korrispondenza skambjata bejn ir-rikorrenti u Dimon

147    Il-Kummissjoni tibbaża ruħha wkoll fuq għadd ta’ korrispondenza bejn ir-rikorrenti u Dimon, filwaqt li rrilevat li wħud minnhom kienu jsemmu l-prattiki illegali inkwistjoni, li oħrajn kienu jirrigwardaw il-kuntratti ta’ pproċessar ta’ tabakk jew ta’ bejgħ ta’ tabakk ipproċessat li Dimon kienet ikkonkludiet ma’ Cetarsa u Deltafina u li oħrajn kienu jirrigwardaw, b’mod iktar ġenerali, il-kundizzjonijiet ta’ xiri tat-tabakk mhux maħdum u l-qafas regolamentarju applikabbli fi Spanja.

148    Fir-rigward tal-korrispondenza li tifforma parti mill-ewwel kategorija msemmija fil-punt 147 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, fil-premessa 379 tad-deċiżjoni kkontestata, tirreferi, bħala eżempju, għall-premessi 168 u 179 u għan-noti ta’ qiegħ il-paġna 217 u 229 ta’ dik id-deċiżjoni.

149    Qabel kollox, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dik il-korrispondenza effettivament tirreferi għall-prattiki illegali inkwistjoni.

150    B’hekk, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-faks tal-14 ta’ Diċembru 1998 mibgħuta minn B. lil D. (fi ħdan Dimon International, kumpannija sussidjarja tal-grupp Dimon stabbilita fl-Istati Uniti), imsemmija fil-premessa 168 tad-deċiżjoni kkontestata, ma kellhiex bħala skop esklużiv kuntratt ta’ bejgħ ta’ tabakk ipproċessat li hija kienet ikkonkludiet ma’ Deltafina, iżda kienet tirrigwarda wkoll dawk il-prattiki. Dan jirriżulta b’mod ċar mit-tielet paragrafu ta’ dik il-faks, fejn B. indika dan li ġej :

“Meta nkun irċevejt il-prezzijiet tal-erba’ kumpannija, ninfurmak. Madankollu, nista’ ngħidlek minn issa li l-problemi li kienu jidhru daqstant serji meta żortna fi Spanja sparixxew, peress li l-kumpanniji kollha marru għall-prezz miftiehem ta’ 87 [pesetas Spanjoli (ESP)] (bejn 2 jew 3 ESP ’il fuq jew l-isfel) [għal kull kg], u dawn il-prezzijiet huma l-prezzijiet uffiċjali, għalkemm nissuponu li Cetarsa għamlet ħlasijiet oħrajn lil produtturi bħalna.”

151    Il-premessa 179 tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi għal rapport ta’ B. tal-5 ta’ Mejju 1998, li kien indirizzat lil T. u li kopja tiegħu ntbagħtet il-ġurnata ta’ qabel b’faks minn B. liż-żewġ membri l-oħra tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti. Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan ir-rapport, li jiddeskrivi l-iżvolġiment tal-kampanja ta’ xiri tat-tabakk tas-sena 1998, huwa partikolarment indikat li “[r-rikorrenti] tat kontribut importanti sabiex l-impriżi jaslu għal ċerti akkordji bil-għan li tiġi evitata l-gwerra tal-prezzijiet tas-sena [preċedenti]”, li “il-prezzijiet ġew innegozjati mal-assoċjazzjonijiet u l-[gruppi ta’ produtturi tat-tabakk]”, li, “għall-ewwel darba, […] il-gwerra bejn l-impriżi [ġiet evitata] u li kull impriża setgħet tixtri l-kwantitajiet li riedet” u li “in-negozjati ma’ [dawk il-gruppi] kienu diffiċli iżda l-impriżi kollha sostnew il-pożizzjoni tagħhom b’serjetà u fi spirtu ta’ kollaborazzjoni”. Fl-imsemmi rapport jingħad ukoll li r-rikorrenti u WWTE ntrabtu li jixtru l-istess kwantitajiet ta’ tabakk bħas-sena preċedenti u li l-proċessuri ftehmu li jagħti lill-gruppi ta’ produtturi ħlasijiet bil-quddiem ta’ 35 ESP/kg għall-varjetà Virginia u ta’ 45 ESP/kg għall-varjetajiet Burley. Finalment, issemmiet l-“opportunità ta’ akkordji oħrajn fil-futur bejn il-proċessuri”. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ma jistax jiġi kkontestat li r-rapport tal-5 ta’ Mejju 1998 kien jagħmel referenza għall-prattiki illegali inkwistjoni.

152    L-istess jgħodd fir-rigward tal-email ta’ B. lil S. tat-30 ta’ Ottubru 2000, li tirreferi għaliha n-nota ta’ qiegħ il-paġna 217 tad-deċiżjoni kkontestata. Effettivament, f’dik l-email, B. jibda billi jfakkar li, matul laqgħa organizzata fi ħdan l-Anetab, il-proċessuri kienu ddiskutew żieda fil-prezzijiet mitluba mill-gruppi u mill-assoċjazzjonijiet tal-produtturi u kienu ftehmu b’mod unanimu li ma jaċċettawhiex. Sussegwentement, dan jgħid li, matul laqgħa li saret ma’ dawk il-gruppi u assoċjazzjonijiet, il-proċessuri sostnew il-pożizzjoni tagħhom u indikaw b’mod ċar lil dawn tal-aħħar li kienu qegħdin jiċħdu t-talba għal żieda ta’ 20 % li huma kienu ppreżentaw.

153    Fir-rigward tal-email ta’ B. lil S. tad-9 ta’ Mejju 2001, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 229 tad-deċiżjoni kkontestata, fiha hemm indikat li l-proċessuri ltaqgħu fil-kwartjieri ġenerali tal-Anetab “biex iħejju d-diskussjonijiet mal-produtturi dwar il-prezzijiet” u b’hekk tagħmel referenza ċara għall-fatt li dawn tal-ewwel kienu jaqblu dwar il-prezzijiet tax-xiri tat-tabakk mhux maħdum.

154    Sussegwentement, bħal fil-każ tar-“rapporti tal-attivitajiet” u l-“field reports” iċċitati iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet fondata meta kkunsidrat, fil-premessa 380 tad-deċiżjoni kkontestata, li Dimon kienet informata dwar il-kontenut tad-dokumenti msemmija fil-punti 150 sa 153 iktar ’il fuq u, b’hekk, dwar il-prattiki illegali inkwistjoni, minkejja li, formalment, dawn ma kinux indirizzati lilha.

155    B’hekk, fir-rigward tar-rapport tal-5 ta’ Mejju 1998 li B. kien bagħat lil T. (ara l-punt 151 iktar ’il fuq), diġà ġie spjegat fil-punt 144 iktar ’il fuq li dan tal-aħħar kien qiegħed jaġixxi f’isem Dimon u kien qed jaqdi r-rwol ta’ intermedjarju bejnha u r-rikorrenti. Fir-rigward tal-faks tal-14 ta’ Diċembru 1998 (ara l-punt 150 iktar ’il fuq), li kienet intbagħtet lil Dimon International, biżżejjed jiġi kkonstatat li, fir-replika, ir-rikorrenti stess indikat li, b’dik il-faks, hija riedet tikkomunika ċerta informazzjoni lill-“azzjonist il-ġdid tagħha”. Dan kien preċiżament Dimon, u mhux Dimon International.

156    Rigward l-emails tat-30 ta’ Ottubru 2000 u tad-9 ta’ Mejju 2001 (ara l-punti 152 u 153 iktar ’il fuq), dawn intbagħtu lil S. Kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem ir-rikorrenti, dan tal-aħħar ma kienx sempliċement impjegat ta’ Dimon International Services, iżda kellu pożizzjoni ewlenija fi ħdan il-grupp Dimon, b’tali mod li, bħal fil-każ ta’ T., il-Kummissjoni kellha d-dritt li tikkunsidra li huwa kien qed jaġixxi f’isem il-kumpannija li kienet tinsab f’ras dak il-grupp, f’dan il-każ Dimon. B’hekk, fir-risposta tagħha tat-18 ta’ Marzu 2002 għal talba għall-informazzjoni mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti indikat li S. kienet teżerċita l-funzjonijiet ta’ “direttur reġjonali tal-grupp Dimon fl-Ewropa”. Fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fit-noti ta’ osservazzjonijiet tagħha, hija ppreċiżat ukoll li, wara l-2000, huwa kien “jokkupa kariga ta’ koordinazzjoni tal-operazzjonijiet fl-Ewropa”. Ċerti indikazzjonijiet li jinsabu fl-email tad-9 ta’ Mejju 2001 u fir-risposta ta’ S. għaliha jkomplu jikkonfermaw l-importanza tar-rwol tiegħu fi ħdan il-grupp Dimon. B’hekk, f’dik l-email, B. informa wkoll lil S. dwar laqgħa li kellu mal-president ta’ Deltafina, flimkien ma’ dik li saret fil-kwartieri ġenerali tal-Anetab, sabiex jiddiskuti żewġ kwistjonijiet li huwa ddeskriva bħala “importanti ħafna” u jindika lil dan tal-aħħar biex iċempillu kemm jista’ jkun malajr sabiex jaslu għal ftehim dwar dan is-suġġett. B’email li ntbagħtet dakinhar stess, S. irrisponda lil B. li kien għadu kemm tkellem mal-president ta’ Deltafina u li huma kienu ftehmu li jiltqagħu mill-iktar fis. Huwa indika wkoll lil B. li kien jaqbel mal-proposti li dan tal-aħħar kien għamel dwar il-kwistjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

157    Finalment, il-Kummissjoni setgħet tiddeduċi b’mod leġittimu min-nuqqas ta’ kull reazzjoni ta’ Dimon fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur, minkejja li hija kienet ġiet informata dwar dan, li hija approvat b’mod taċitu l-aġir illegali tal-kumpannija sussidjarja tagħha, u setgħet tikkunsidra li dan kien jikkostitwixxi ħjiel supplimentari tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tagħha (ara l-punt 146 iktar ’il fuq).

158    Fir-rigward tal-korrispondenza tat-tieni kategorija msemmija fil-punt 147 iktar ’il fuq, din hija identifikata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 304 tad-deċiżjoni kkontestata. Essenzjalment, din tikkonsisti f’faksijiet jew emails skambjati bejn B., min-naħa waħda, u T. jew S., min-naħa l-oħra. Għar-raġunijiet diġà msemmija fil-punti 144 u 156 iktar ’il fuq, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala li kienu qegħdin jaġixxu f’isem Dimon.

159    Parti minn dik il-korrispondenza kienet tirrigwarda kuntratt datat Settembru 1998 u li ġie nnegozjat mill-ġdid fl-2001 li permezz tiegħu ċerti operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ tabakk tar-rikorrenti ġew subappaltati lil Cetarsa. Minn dik il-korrispondenza jirriżulta b’mod ċar li dak il-kuntratt ġie konkluż minn B. f’isem u għan-nom ta’ Dimon u li din tal-aħħar, permezz ta’ T. u S., effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq in-negozjati ta’ dak il-kuntratt.

160    B’hekk, f’faks lil T. tad-9 ta’ Settembru 1998, B., wara li indika li reċentement kellu diversi laqgħat ma’ Cetarsa sabiex jipprova jirregola l-“kwistjonijiet pendenti ta’ Dimon”, talab espressament il-kunsens ta’ T. dwar ċerti kundizzjonijiet kuntrattwali msemmija fil-minuti ta’ waħda mil-laqgħat mehmuża ma’ dik il-faks. Għandu jiġi enfażizzat li, f’dawk il-minuti, B. huwa identifikat espressament bħala r-rappreżentant ta’ Dimon. Bl-istess mod, għandu jiġi rrilevat li, f’faks tal-14 ta’ Settembru 1998, B. informa lil T. li, “b’mod konformi ma’ […] l-indikazzjonijiet [tiegħu]”, huwa reġa’ ltaqa’ ma’ Cetarsa u li saru modifiki għall-kuntratt li kellu jiġi ffirmat ma’ din tal-aħħar, u f’dan ir-rigward talab il-kunsens ta’ T. F’faks tal-15 ta’ Settembru 1998, B. indika lil T. li huwa kkomunika lil Cetarsa l-proposta ta’ modifika li din tal-aħħar kienet bagħtitlu l-ġurnata ta’ qabel u li dak il-proċessur kien għamel kontroproposta. B talab lil T. biex jinfurmah jekk dik il-kontroproposta kellhiex tiġi aċċettata. Finalment, għandu jiġi osservat li, fil-verżjoni finali tal-kuntratt konkluż ma’ Cetarsa, li B. bagħat lil T. b’faks tat-18 ta’ Settembru 1998, Dimon hija identifikata espressament bħala waħda miż-żewġ partijiet fil-kuntratt u B. bħala r-rappreżentant tagħha.

161    Bl-istess mod, għandu jiġi rrilevat li, f’email tat-3 ta’ April 2001, B. informa lil S. dwar l-iżvolġiment tan-negozjar mill-ġdid tal-kuntratt imsemmi fil-punt 160 iktar ’il fuq, waqt li esprima t-tħassib li Cetarsa teżiġi mingħand Dimon l-istess kundizzjonijiet li hija kienet ftehmet ma’ M., il-president ta’ Deltafina, fil-kuntest ta’ kuntratt konkluż b’mod parallel ma’ din tal-aħħar f’isem Universal, u b’hekk talab lil S. biex jagħmel kuntatt ma’ M. Minn email tal-ġurnata ta’ wara ta’ S. lil B. jirriżulta li dan tal-ewwel effettivament ipprova jagħmel kuntatt ma’ M.

162    Finalment, għandu jiġi osservat li, f’email tas-7 ta’ Marzu 2001, B. jirrapporta lil S. dwar laqgħa li, “kif kien ġie miftiehem f’Camberley” (fejn jinsabu l-kwartjeri ġenerali ta’ Dimon International Services fir-Renju Unit), kellu l-ġurnata ta’ qabel ma’ rappreżentant ta’ Cetarsa u li matulha huma ddiskutew b’mod partikolari ċerti aspetti tal-kuntratt li kien qed jiġi nnegozjat mill-ġdid ma’ din tal-aħħar.

163    Korrispondenza oħra li taqa’ taħt it-tieni mill-kategoriji msemmija fil-punt 147 iktar ’il fuq tirrigwarda kuntratt li permezz tiegħu Deltafina kellha tixtri ammont kbir ta’ tabakk ipproċessat mingħand ir-rikorrenti. B’hekk, f’faks tal-14 ta’ Settembru 1998, T. talab lil B. biex jagħtih kjarifiki dwar ċerti prezzijiet u kundizzjonijiet oħrajn miftiehma fil-kuntest ta’ dak il-kuntratt. B’faks li ntbagħtet dakinhar stess, B. ta kjarifiki lil T. Bl-istess mod, fil-faks tal-14 ta’ Diċembru 1998 imsemmija fil-punt 150 iktar ’il fuq, B., minbarra li għamel referenza għall-prattiki illegali inkwistjoni, jirrispondi għal domanda li D. – li kien b’mod partikolari membru tal-bord tad-diretturi ta’ Dimon – kien għamillu dwar l-eżekuzzjoni ta’ dak il-kuntratt. Finalment, l-email tad-9 ta’ Mejju 2001 imsemmija fil-punti 153 u 156 iktar ’il fuq tistabbilixxi mhux biss li Dimon kienet informata dwar dawk il-prattiki, iżda wkoll li hija kellha influwenza fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn ir-rikorrenti u Deltafina.

164    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-korrispondenza eżaminata fil-punti 158 sa 163 iktar ’il fuq ma hijiex relatata max-xiri tat-tabakk mhux maħdum, dan ma huwiex rilevanti. Effettivament, l-awtonomija ta’ kumpannija sussidjarja fil-konfront tal-kumpannija parent ma għandhiex tiġi evalwata esklużivament fir-rigward tal-attività tagħha fil-qasam tal-prodotti kkonċernati mill-ksur. Hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punt 102 iktar ’il fuq, sabiex jiġi stabbilit jekk kumpannija sussidjarja tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li jirrigwardaw ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jorbtu lill-kumpannija sussidjarja mal-kumpannija parent, li jistgħu jvarjaw skont il-każ u għaldaqstant ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ lista eżawrjenti.

165    Finalment, fir-rigward tat-tielet tip ta’ korrispondenza msemmija fil-punt 147 iktar ’il fuq, din hija elenkata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 305 tad-deċiżjoni kkontestata.

166    Din tikkonsisti f’emails mibgħuta minn B. lil S. li, kif tindika l-Kummissjoni fil-premessa 379 tad-deċiżjoni kkontestata, jirrigwardaw, b’mod iktar ġenerali, il-kundizzjonijiet tax-xiri tat-tabakk mhux maħdum u l-qafas regolatorju applikabbli fi Spanja. Dik il-korrispondenza hija rilevanti inkwantu turi li Dimon, permezz ta’ S., kienet qiegħda ssegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fis-suq Spanjol.

–       Fuq l-argumenti invokati mir-rikorrenti sabiex turi li hija kienet taġixxi b’mod awtonomu fis-suq

167    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tibbaża parti kbira mir-raġunament tagħha fuq l-argument li jgħid li l-influwenza determinanti li għandha teżerċita kumpannija parent sabiex tinżamm responsabbli għall-ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja tagħha għandha tirrigwarda attivitajiet li huma marbuta direttament ma’ dak il-ksur, f’dan il-każ ix-xiri ta’ tabakk mhux maħdum. Għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 102 u 164 iktar ’il fuq, dak l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

168    B’hekk, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li ebda kumpannija tal-grupp Dimon ma kienet teżerċita kontroll fuq l-attivitajiet tagħha ta’ xiri tat-tabakk mhux maħdum, minbarra l-fatt li – kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet segwenti – ma hijiex preċiża, ma hijiex biżżejjed biex tistabbilixxi li hija kienet taġixxi b’mod awtonomu fis-suq matul il-perijodu ta’ wara l-akkwiżizzjoni tagħha minn Dimon. L-istess jgħodd għall-allegazzjoni tagħha li tgħid li hija ma kkonsultat la lil Dimon u lanqas lil xi kumpannija oħra tal-grupp Dimon dwar il-politika ta’ xiri tagħha tat-tabakk mhux maħdum. Dawk l-allegazzjonijiet huma saħansitra inqas konklużivi peress li, kif jirriżulta mid-dokumenti eżaminati fil-punti 158 sa 163 iktar ’il fuq, Dimon, permezz ta’ T. jew S., kienet tintervjeni b’mod attiv f’aspetti oħrajn tal-politika kummerċjali tar-rikorrenti, jiġifieri s-subappaltar ta’ ċerti operazzjonijiet ta’ proċessar ta’ tabakk mhux maħdum u l-bejgħ ta’ tabakk ipproċessat.

169    Għandu jiġi miċħud ukoll mill-bidu l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ma wrietx b’mod suffiċjenti li Dimon – jew kwalunkwe kumpannija oħra tal-grupp Dimon – tatha struzzjoni biex twettaq il-ksur jew kienet implikata direttament f’dak il-ksur. Fil-fatt, hekk kif diġà ġie indikat fil-punt 103 iktar ’il fuq, ma hijiex relazzjoni ta’ istigazzjoni, fir-rigward tal-ksur bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja u, inqas u inqas ma hija l-implikazzjoni tal-kumpannija parent fl-imsemmi ksur, iżda huwa l-fatt li dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE li jawtorizza lill-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent.

170    Sussegwentement, fir-rigward tal-argument li Intabex, meta akkwistat lir-rikorrenti, iddeċidiet li tbiddel tlieta mill-erba’ membri tal-bord tad-diretturi ta’ din tal-aħħar, dan mhux talli ma jwaqqax l-argument tal-Kummissjoni, iżda pjuttost juri, kif diġà ntqal fil-punt 145 iktar ’il fuq, li Dimon ma kellhiex l-intenzjoni li tagħti awtonomija totali lir-rikorrenti, iżda kellha l-ħsieb li żżomm għajnejha fuq l-attivitajiet ta’ din tal-aħħar u li tagħmel mod li dawn jiżviluppaw b’mod konformi mal-politika kummerċjali tal-grupp Dimon. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, minn naħa waħda, Intabex kienet ikkontrollata 100 % minn Dimon u li kellha parteċipazzjoni ta’ natura purament finanzjarja fir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, li tnejn miż-żewġ membri ġodda tal-bord tad-diretturi ta’ din tal-aħħar, fil-mument meta nħatru minn Intabex, kienu diġà jeżerċitaw funzjonijiet fi ħdan kumpanniji oħrajn tal-grupp Dimon (ara l-punt 143 iktar ’il fuq).

171    Rigward il-fatt li, meta r-rikorrenti ġiet akkwistata minn Intabex, minn naħa waħda, B. inżamm fil-kariga tiegħu bħala president tal-bord tad-diretturi u, min-naħa l-oħra, it-tim li kellu qabel li kien responsabbli mit-tmexxija u l-ġestjoni tax-xiri baqa’ l-istess, dan ma jurix fih innifsu li r-rikorrenti kienet qed taġixxi b’mod awtonomu fis-suq, anki f’dak li jirrigwarda biss l-attivitajiet tagħha ta’ xiri tat-tabakk mhux maħdum. Effettivament, minn naħa waħda, kif indikat ir-rikorrenti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, dan il-fatt jirriżulta minn għażla ta’ Dimon, u mhux tagħha stess. Min-naħa l-oħra, huwa fil-fatt normali li grupp internazzjonali, meta jakkwista l-ishma kollha ta’ kumpannija attiva f’suq nazzjonali partikolari fejn hija ma kinitx preżenti qabel – kif kien il-każ tal-grupp Dimon – iżżomm lil uħud mid-diretturi l-qodma ta’ dik il-kumpannija fil-kariga tagħhom kif ukoll it-tim li kien responsabbli għax-xiri tagħha.

172    Finalment, fir-rigward tal-kuntratt ta’ tmexxija, għalkemm huwa minnu li dan jagħti poteri estiżi lil B. fir-rigward tal-ġestjoni tar-rikorrenti u, singolarment, tax-xiri tat-tabakk mhux maħdum, xorta jibqa’ l-fatt li dan jipprevedi espressament, fl-Artikolu 1(1) tiegħu, li din tal-aħħar hija obbligata li taġixxi b’mod li tirrispetta, b’mod partikolari, il-“metodi u l-proċeduri imposti fuqha mill-bord tad-diretturi [tar-rikorrenti]”. Barra minn hekk, l-Artikolu 1(2) tal-kuntratt ta’ tmexxija jobbliga lil B. li “jinforma regolarment u b’mod iddettaljat [lil dak il-bord tad-diretturi] dwar l-iżvilupp tal-attivitajiet tal-kumpannija u li jħejji u jippreżenta fid-dati u fil-forma indikati lilu r-rapporti li [l-imsemmi] bord tad-diretturi jista’ jitlob”. B’hekk huwa ċar li, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, inkluż dawk dwar ix-xiri tat-tabakk mhux maħdum, B. baqa’ suġġett għall-kontroll tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti kif ukoll għad-direttivi li setgħu jiġu indirizzati lilu. Meta ġiet mistoqsija dwar dan is-suġġett mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta, ir-rikorrenti barra minn hekk ammettiet espressament li, kif kien il-każ għal kull kumpannija oħra fi Spanja, il-bord tad-diretturi tagħha kellu s-setgħa li jiċħad, jimmodifika jew jannulla d-deċiżjonijiet tad-direttur ġenerali tiegħu. Il-fatt, jekk nippreżumu li ġie stabbilit, li fil-prattika dak il-bord tad-diretturi tar-rikorrenti qatt ma pproċeda b’dak il-mod jew fassal “metodi” jew “proċeduri” bħal dawk imsemmija iktar ’il fuq ma jbiddel xejn mill-fatt li, għall-kuntrarju ta’ dak li tagħti x’tifhem din tal-aħħar, B. ma kellux libertà totali ta’ azzjoni fir-rigward tal-ġestjoni tal-kumpannija u lanqas tal-politika tagħha ta’ xiri ta’ tabakk mhux maħdum. Għandu jingħad ukoll li ma kien hemm xejn eċċezzjonali dwar l-għoti ta’ setgħat lil B. fil-kuntratt ta’ tmexxija u li dan b’ebda mod ma kien jiddistingwi lir-rikorrenti minn kumpanniji oħrajn taħt id-dritt Spanjol, għall-kuntrarju ta’ dak li tridna nemmnu din tal-aħħar. Effettivament, huwa pjuttost normali li l-bord tad-diretturi ta’ kumpannija ma jiħux ħsieb l-attivitajiet ta’ kuljum tagħha.

173    Fid-dawl tal-konstatazzjoni li saret fil-punt 145 iktar ’il fuq, li tgħid li Dimon, permezz tal-membri li hija kienet ħatret fuq il-bord tad-diretturi tar-rikorrenti u, b’mod partikolari, T., kienet tagħmel superviżjoni tal-attivitajiet tagħha, l-argumenti bbażati fuq il-kuntratt ta’ tmexxija u s-setgħat mogħtija lil B. ma humiex konvinċenti. F’dan l-istess sens, f’dak li jirrigwarda, b’mod iktar ġenerali, il-fatt li r-rikorrenti għandha t-tmexxija lokali tagħha stess, għandu jiġi kkunsidrat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li dan ma jurix fih innifsu li hija tiddefinixxi l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu mill-kumpannija parent tagħha. B’hekk, f’din il-kawża, għalkemm ċertament ir-rikorrenti kienet tinsab f’dik is-sitwazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li hija kienet taġixxi taħt is-superviżjoni ta’ Dimon u li din tal-aħħar kellha saħansitra rwol attiv f’ċerti aspetti tal-politika kummerċjali tagħha (ara, b’mod partikolari, il-punti 158 sa 163 iktar ’il fuq).

174    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li kienet teżisti entità ekonomika unika bejn ir-rikorrenti u Dimon mit-18 ta’ Novembru 1997, u b’hekk, żammet lil din tal-aħħar responsabbli in solidum għall-ksur kif ukoll għall-ħlas tal-multa u inkludietha fost id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

175    Fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 109 sa 111 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ġustament ukoll ibbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat miksub minn Dimon fl-2003, is-sena ta’ qabel dik tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tikkalkula l-limitu massimu ta’ 10 % previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

176    Għalhekk, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

2.     Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u nuqqas ta’ motivazzjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

177    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tallega li kien biss fl-istadju tar-risposta li l-Kummissjoni, bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tat għall-ewwel darba r-raġunijiet għalfejn Dimon kellha tinżamm responsabbli in solidum għall-aġir li jikkostitwixxi ksur inkwistjoni. Hija tirrileva, b’mod iktar partikolari, li la fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u lanqas fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma bbażatx f’dan ir-rigward fuq il-fatt li T. kien wieħed mill-membri tal-bord tad-diretturi tagħha u “direttur importanti” ta’ Dimon, li kien jikkomunika lil din tal-aħħar kopja tar-rapporti li kien jirċievi mingħand B. u li kien jiżgura l-eżerċizzju effettiv, minn Dimon, ta’ influwenza determinanti fuq ir-rikorrenti.

178    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni evalwat fuq il-bażi ta’ kriterji “radikalment differenti” ir-responsabbiltà eventwali tal-kumpanniji parent ta’ Taes u ta’ Cetarsa, minn naħa waħda, u dik tal-kumpannija parent tagħha, min-naħa l-oħra, bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

179    Il-Kummissjoni targumenta li t-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli għar-raġuni li tikkonsisti f’żewġ ilmenti li huma ġodda.

180    F’kull każ, dawn iż-żewġ ilmenti huma infondati.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

181    Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-ilment dwar allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, biżżejjed jiġi kkonstatat li dan huwa motiv ġdid, ifformulat għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika, li ma huwiex ibbażat fuq elementi ta’ dritt jew ta’ fatt li ħarġu matul il-proċedura. Konsegwentement, dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

182    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment dwar allegat nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jiġi kkonstatat ukoll li dan ġie ssollevat mir-rikorrenti għall-ewwel darba biss fir-replika. Madankollu, dik iċ-ċirkustanza ma tfissirx li l-Qorti Ġenerali ma tistax teżaminah f’din il-kawża. Effettivament, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-motiv ibbażat fuq xi nuqqas jew fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ att jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, saħansitra għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni u li, konsegwentement, jista’ jiġi invokat mill-partijiet f’kull stadju tal-proċeduri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, T-45/98 u T-47/98, Ġabra p. II-3757, punt 125).

183    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma hemmx bżonn li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, billi l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss b’riferiment għall-kliem tagħha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza Hoek Loos vs Il-Kummissjoni, punt 110 iktar ’il fuq, punt 58).

184    Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li, meta deċiżjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE tikkonċerna bosta destinatarji u tqajjem problema ta’ imputabbiltà tal-ksur, hija għandha tagħti motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari ta’ dawk fosthom li, skont din id-deċiżjoni, ikollhom ibatu r-responsabbiltà għal dan il-ksur (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 1994, AWS Benelux vs Il-Kummissjoni, T-38/92, Ġabra p. II-211, punt 26, u tas-27 ta’ Settembru 2006, Akzo Nobel vs Il-Kummissjoni, T-330/01, Ġabra p. II-3389, punt 93).

185    Fil-kawża preżenti, mis-sunt tal-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda lid-destinatarji tagħha li jidhru fil-punti 27 sa 37 iktar ’il fuq kif ukoll mill-konstatazzjonijiet imwettqa fil-punti 114 sa 129 iktar ’il fuq jirriżulta li, fl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni pprovdiet motivazzjoni suffiċjenti tar-raġunijiet għalfejn hija kienet iddeċidiet li żżomm lil Dimon responsabbli għall-ksur imwettaq mir-rikorrenti. B’hekk, il-Kummissjoni ddikjarat, b’referenza għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, il-prinċipji li hija kellha l-intenzjoni tapplika sabiex tiddefinixxi l-imsemmija destinatarji. F’dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku lil Dimon, qabel kollox, hija rrilevat li wara t-tieni semestru tas-sena 1997, hija kellha l-kapital kollu tar-rikorrenti. Wara, hija kkunsidrat li kien stabbilit li Dimon eżerċitat effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir tar-rikorrenti, billi bbażat ruħha f’dan ir-rigward mhux biss fuq il-preżunzjoni li tirriżulta miż-żamma tat-totalità tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja tagħha, iżda wkoll fuq ċerti elementi supplimentari li jikkorroboraw dik il-preżunzjoni. Fl-aħħar, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ebda wieħed mill-argumenti invokati minn Dimon fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kien jippermetti li ssir konklużjoni kuntrarja.

186    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tallega b’mod serju li hija ma setgħetx tifhem, qabel ma rat ir-risposta tal-Kummissjoni, li din tal-aħħar kienet tikkunsidra li T. kellu jitqies li qiegħed jaġixxi bħala intermedjarju għal Dimon. Effettivament. minn naħa waħda, il-biċċa l-kbira tad-dokumenti identifikati espressament fin-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 303 u 304 tad-deċiżjoni kkontestata kienu indirizzati lil T. Min-naħa l-oħra, kemm fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet iddettaljati dwar ir-rwol u l-funzjonijiet ta’ T. fi ħdan il-grupp Dimon, u insistiet b’mod partikolari dwar il-fatt li huwa ma kienx f’pożizzjoni li jeżerċita influwenza determinanti f’isem Dimon fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha.

187    Konsegwentement, it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

3.     Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fir-rigward tal-konsegwenzi tal-portata tar-responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa

a)     L-argumenti tal-partijiet

188    Fit-tieni parti tal-ewwel motiv, invokata b’mod sussidjarju, ir-rikorrenti tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni, meta kkalkolat l-ammont tal-multa tagħha, ma dderivat l-ebda konsegwenza mill-konstatazzjoni tagħha, li tidher fil-premessa 386 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li Dimon ma setgħetx tinżamm responsabbli in solidum magħha għall-ksur għall-perijodu qabel it-tieni semestru tal-1997. Hija tisħaq li l-kalkolu kellu jsir filwaqt li ssir distinzjoni bejn il-perijodu ta’ qabel it-18 ta’ Novembru 1997, id-data tal-akkwiżizzjoni tagħha minn Intabex, u dak ta’ wara din id-data.

189    Għalhekk, min-naħa waħda, fir-rigward tal-ewwel perijodu, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma kinitx ġustifikata fl-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur ta’ 2 għall-finijiet ta’ dissważjoni għall-ammont inizjali tal-multa tagħha, peress li f’dak iż-żmien, hija ma kinitx parti minn kumpannija multinazzjonali u ma kinitx suġġetta għall-influwenza determinanti ta’ Dimon. Hija tkompli billi tgħid li, ladarba jkun ġie kkalkolat l-ammont tal-multa li tikkorrispondi għall-ksur imwettaq matul l-1996 u 1997, ikun għad hemm lok li jiġi vverifikat li “il-limitu massimu tas-sanzjoni li tista’ tiġi imposta fuqha […] b’mod individwali, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (EUR 816 381, jew 10 % tad-dħul mill-bejgħ [tagħha] […] għas-sena fiskali 2003/2004) ma jkunx inqabeż”.

190    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tqis li l-ammont tal-multa li jikkorrispondi għat-tieni perijodu kellu jiġi kkalkolat billi jitnaqqas mill-ammont tal-multa li ġiet imposta kontriha dak l-ammont li hija, waħedha, hija responsabbli għalih għall-ewwel sentejn tal-ksur. Hija tiddikjara wkoll li għall-motivi esposti fil-kuntest tat-tieni motiv, l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur għall-finijiet ta’ dissważjoni ma kinitx ġustifikata.

191    Il-Kummissjoni tikkunsidra li t-tieni parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

192    Anki jekk jitqies li Dimon ma setgħetx tinżamm responsabbli in solidum mar-rikorrenti għall-ksur inkwistjoni għall-perijodu ta’ qabel it-18 ta’ Novembru 1997, madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din iċ-ċirkustanza ma tħallix konsegwenzi fuq l-ammont tal-multa imposta fuq din tal-aħħar.

193    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm effettivament ir-rikorrenti nxtrat minn Dimon, permezz ta’ Intabex, biss fit-18 ta’ Novembru 1997, xorta jibqa’ l-fatt li hija ħatja li ħadet sehem fl-akkordju tal-proċessuri – att li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwat (ara l-punt 21 iktar ’il quddiem) – matul il-perijodu kollu tal-ksur, jiġifieri mit-13 ta’ Marzu 1996. Għaldaqstant, ma kien hemm l-ebda raġuni sabiex isir kalkolu separat tal-ammont tal-multa tagħha għall-perijodu ta’ qabel it-18 ta’ Novembru 1997, min-naħa, u għal dak ta’ wara dik id-data, min-naħa l-oħra, u għalhekk, li tingħata multa li tikkonsisti f’żewġ ammonti distinti għal kull wieħed minn dawn il-perjodi.

194    Iċ-ċirkustanza invokata mir-rikorrenti lanqas ma għandha effett fuq l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur ta’ 2 għall-finijiet ta’ dissważjoni għall-ammont inizjali tal-multa tar-rikorrenti. Fil-fatt, hekk kif ser jiġi spjegat f’iktar dettall iktar ’il quddiem matul l-analiżi tat-tieni motiv, huwa billi bbażat – b’mod leġittimu – fuq id-daqs u r-riżorsi globali tal-impriża kkonċernata – jiġifieri, hekk kif intwera matul l-analiżi iktar ’il fuq tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, l-entità ekonomika fformata mir-rikorrenti u minn Dimon, il-kumpannija fit-tmexxija tal-grupp Dimon – fl-2003, is-sena ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni ddeċidiet li tapplika dan il-koeffiċjent. Għaldaqstant, il-fatt li qabel it-18 ta’ Novembru 1997, Dimon ma kinitx l-istess entità ekonomika unika flimkien mar-rikorrenti u għalhekk, ma setgħetx tinżamm responsabbli in solidum ma’ din tal-aħħar għall-ksur huwa kompletament irrilevantii.

195    Dan japplika wkoll f’dak li jirrigwarda l-limitu massimu ta’ 10 % previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, peress li dan ġie kkalkolat fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ globali rċevut mill-impriża kkonċernata matul is-sena finanzjarja ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara l-punti 109 sa 111 iktar ’il fuq). F’din il-kawża, peress li, hekk kif intwera matul l-analiżi tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni kienet ġustifikata meta ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat irċevut minn Dimon fl-2003 sabiex tikkalkola dan il-limitu massimu, huwa assolutament irrilevanti li din tal-aħħar ma tistax tinżamm responsabbli in solidum għall-ksur fir-rigward tal-perijodu ta’ qabel it-18 ta’ Novembru 1997.

196    Għalhekk, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

197    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv ma jistax jiġi milqugħ. Għaldaqstant, it-talbiet għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda.

B –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

1.     L-argumenti tal-partijiet

198    Ir-rikorrenti tisħaq li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta applikat koeffiċjent multiplikatur għall-finijiet ta’ dissważjoni għall-ammont inizjali tal-multa tagħha, u mhux għal dak iffissat għal Taes u Deltafina.

199    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-fatt li hija tifforma parti minn kumpannija multinazzjonali b’saħħa ekonomika u finanzjarja kunsiderevoli sabiex tapplika koeffiċjent bħal dan fil-każ tagħha. L-użu tal-lokuzzjoni avverbjali “barra minn hekk” fl-aħħar frażi tal-premessa 422 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 48 iktar ’il fuq) juri li ċ-ċirkustanza li hija allegatament aġixxiet taħt l-influwenza deċiżiva tal-kumpannija parent tagħha hija ġustifikazzjoni li ġiet ifformulata b’mod purament anċillari.

200    Ir-rikorrenti tosserva li Taes u Deltafina jifformaw parti minn grupp ta’ kumpanniji li s-saħħa ekonomika u finanzjarja tiegħu hija ferm ikbar minn dik tal-grupp Dimon. Għalhekk, anki l-ammont inizjali tal-multa ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji kellu jiżdied għal finijiet dissważivi.

201    Ir-rikorrenti tiddikjara wkoll li, anki kieku kellu jiġi aċċettat li l-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi koeffiċjent multiplikatur ħlief billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-impriżi ddikjarati responsabbli mill-ksur, ikun qed jinkiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Hija tosserva li l-Kummissjoni, fil-fatt, ma kkunsidratx id-dħul mill-bejgħ miksub minn Deltafina sabiex tapplika koeffiċjent multiplikatur għall-ammont inizjali tal-multa ta’ Taes, u dan filwaqt li Deltafina ħadet sehem bl-istess mod fil-ksur.

202    B’mod sussidjarju, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tnaqqas il-koeffiċjent multiplikatur li ġie applikat għall-ammont inizjali tal-multa tagħha għar-raġuni li dan huwa sproporzjonat meta mqabbel ma’ dak applikat fil-każ ta’ WWTE.

203    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tirrevedi l-kalkolu tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha billi tħassar il-koeffiċjent multiplikatur jew, sussidjarjament, billi tnaqqas ir-rata tiegħu.

204    Il-Kummissjoni tikkontesta li kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi applikat koeffiċjent multiplikatur għall-ammont inizjali ffissat għar-rikorrenti u mhux għal dak iffissat għal Taes u Deltafina.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

205    Fir-rigward tal-kunċett ta’ “dissważjoni”, għandu jitfakkar li dan jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-multa. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-multi imposti minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE, kif previsti fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għandhom l-għan li jrażżnu l-atti illegali tal-impriżi kkonċernati kif ukoll li jiddisswadu kemm lill-impriżi inkwistjoni kif ukoll lil operaturi ekonomiċi oħrajn milli jiksru, fil-futur, ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il-Kummissjoni, C-289/04 P, Ġabra p. I-5859, punt 16).

206    L-iskop ta’ dissważjoni jissemma b’mod partikolari fir-raba’ paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida, li jgħid li “huwa […] neċessarju […] li l-ammont tal-multa jiġi stabbilit fuq livell li jassigura natura suffiċjentement preventiva”.

207    Għandu jiġi mfakkar ukoll li d-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża kkonċernata jikkostitwixxu fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa u, għaldaqstant, għall-iffissar ta’ koeffiċjent multiplikatur li jiżgura li din għandha effett dissważiv (ara s-sentenza Showa Denko vs Il‑Kummissjoni, punt 205 iktar ’il fuq, punti 16 u 29, u l-ġurisprudenza ċċitata).

208    It-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs u tar-riżorsi globali tal-impriża kkonċernata sabiex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv huwa spjegat mill-impatt imfittex fuq l-imsemmija impriża, peress li s-sanzjoni ma għandhiex tkun żgħira fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kapaċità finanzjarja tagħħa.

209    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali ġustament qieset li impriża, minħabba d-dħul mill-bejgħ globali “enormi” tagħha meta mqabbel ma’ dak tal-partijiet l-oħra fl-akkordju, setgħet iktar faċilment issib il-fondi neċessarji sabiex tħallas il-multa tagħha, fatt li ġġustifika, fid-dawl tal-effett dissważiv biżżejjed ta’ din tal-aħħar, l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur (sentenza Showa Denko vs Il-Kummissjoni, punt 205 iktar ’il fuq, punt 18). Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal din il-konklużjoni wara li fakkret li hija kienet diġà enfażizzat ir-rilevanza tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ kull impriża li kienet tifforma parti mill-akkordju sabiex tiffissa l-ammont tal-multa (sentenza Showa Denko vs Il-Kummissjoni, punt 205 iktar ’il fuq, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

210    F’din il-kawża, il-Kummissjoni applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 2 (jew żieda ta’ 100 %) għall-ammont inizjali tal-multa stabbilit għar-rikorrenti u ta’ 1.5 (jew żieda ta’ 50 %) għal dak stabbilit għal WWTE billi bbażat ruħha fuq id-daqs tal-gruppi li dawn il-proċessuri jifformaw parti minnhom kif ukoll fuq “id-daqs tagħhom meta pparagunat mal-proċessuri l-oħra” (premessa 423 tad-deċiżjoni kkontestata). Sabiex tevalwa d-daqs ta’ dawn il-gruppi, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat miksub, fl-2003, mill-kumpannija li tinsab fit-tmexxija tal-gruppi msemmija (l-istess premessa).

211    Skont il-premessa 422 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn iż-żidiet kellhom l-għan li jiżguraw li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti. Fil-fatt, il-Kummissjoni qieset li ammont inizjali tal-multa li jirrifletti biss il-pożizzjoni fis-suq ma kienx ikun dissważiv biżżejjed fil-każ tar-rikorrenti u ta’ WWTE. F’dan ir-rigward, hija osservat li għalkemm dawn tal-aħħar kellhom biss sehem mis-suq relattivament baxx fis-suq Spanjol tax-xiri tat-tabakk mhux maħdum, huma madankollu kienu jappartjenu għal kumpanniji multinazzjonali li kellhom “saħħa ekonomika u finanzjarja kunsiderevoli” u, “barra minn hekk, [kienu] aġixxew taħt l-influwenza deċiżiva tal-kumpanniji parent rispettivi tagħhom” (l-istess premessa, it-tieni u t-tielet frażi).

212    L-argumenti mressqa mir-rikorrenti huma infondati kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt.

213    Fl-ewwel lok, b’mod kuntrarju għal dak li tisħaq ir-rikorrenti, ma huwiex biss il-fatt li hija tifforma parti minn grupp ta’ kumpanniji b’saħħa ekonomika u finanzjarja kunsiderevoli li wassal sabiex il-Kummissjoni żżid l-ammont inizjali tal-multa tagħha sabiex tiżgura li din ikollha effett dissważiv suffiċjenti. Għalkemm, ċertament, din iż-żieda kellha l-għan li tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali tal-grupp Dimon, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni ħadet passi biss għaliex ir-rikorrenti, minbarra li kienet tifforma parti minn dan il-grupp, kienet tifforma mal-kumpannija li tmexxiha entità ekonomika unika jew, f’termini oħrajn, l-istess impriża unika skont it-tifsira tal-Artikolu 81 KE. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 99 sa 103 u fil-premessi 377 sa 386 tad-deċiżjoni kkontestata, li fihom il-Kummissjoni kellha l-għan li tistabbilixxi li r-rikorrenti u Dimon flimkien kienu jikkostitwixxu l-istess impriża unika, l-aħħar żewġ frażijiet tal-premessa 422 ta’ din id-deċiżjoni (ara l-punt 211 iktar ’il quddiem) għandhom jinqraw b’mod konġunt u għandhom jinftiehmu biss f’dan is-sens.

214    It-tieni nett, meta, bħal f’din il-kawża, il-Kummissjoni tuża d-daqs u r-riżorsi globali tal-impriża kkonċernata bħala elementi għall-analiżi sabiex tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur għall-finijiet ta’ dissważjoni, l-impriża msemmija ma tistax, fil-fatt, tinkludi lill-kumpannija parent tal-kumpannija li wettqet il-ksur tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni ħlief fil-każ fejn din teżerċita b’mod effettiv influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija msemmija.

215    L-impriża li d-daqs u r-riżorsi globali tagħha qegħdin jittieħdu inkunsiderazzjoni hawnhekk neċessarjament tikkoinċidi mal-impriża fit-tifsira tal-Artikolu 81 KE, hekk kif definita mill-ġurisprudenza. Kif diġà ġie indikat fil-punt 208 iktar ’il fuq, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi sabiex jiġi żgurat effett dissważiv biżżejjed għall-multa huwa spjegat mill-impatt imfittex fuq l-impriża li hija imposta kontriha din il-multa. L-għan imfittex huwa li tiġi żgurata l-effettività tal-multa filwaqt li jiġi adattat l-ammont tagħha billi jiġu kkunsidrati r-riżorsi globali tal-impriża msemmija u l-kapaċità tagħha li talloka l-fondi meħtieġa għall-ħlas tagħha. Iżda, fil-każ fejn il-kumpannija li tkun wettqet il-ksur taġixxi b’mod awtonomu fis-suq u għalhekk, waħedha, tikkostitwixxi impriża, dan l-għan jista’ b’mod loġiku, fir-rigward ta’ din l-awtonomija, ikollu fil-mira biss il-kumpannija msemmija, u mhux lil kumpaniji oħrajn tal-grupp li tappartjeni għalih. Jekk, f’ipoteżi bħal din, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs u s-saħħa ekonomika tal-grupp imsemmi sabiex tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur għall-finijiet ta’ dissważjoni, fil-fatt, mhux biss l-effett dissważiv imfittex jiġi eżerċitat fuq entità li ma hijiex l-entità responsabbli mill-ksur, iżda barra minn hekk il-multa tista’ ssir eċċessiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità finanzjarja ta’ din l-impriża, u dan bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

216    Fit-tielet lok, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jinkiser biss meta sitwazzjonijiet paragunabbli huma ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti huma ttrattati b’mod identiku, sakemm dan it-trattament ma huwiex oġġettivament iġġustifikat (sentenzi Sermide, punt 133 iktar ’il fuq, punt 28, u BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, punt 133 iktar ’il fuq, punt 309).

217    F’din il-kawża, ir-rikorrenti, min-naħa waħda, u Taes u Deltafina, min-naħa l-oħra, ma kinux jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli, peress li l-kumpannija parent tal-ewwel waħda, għall-kuntrarju tal-kumpanniji parent tat-tnejn l-oħra, inżammet responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja tagħha peress li hija kienet teżerċita b’mod effettiv influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din (ara l-premessi 18 u 375 sa 386 kif ukoll il-punti 32 sa 36 iktar ’il fuq). Fl-applikazzjoni tal-prinċipji mfakkra fil-punti 99 sa 103 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti u Dimon tqiesu li jifformaw flimkien l-istess impriża skont it-tifsira tal-Artikolu 81 KE, li d-daqs u r-riżorsi globali tagħha ddeterminaw l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur għall-finijiet ta’ dissważjoni.

218    Għall-istess motivi, ir-rikorrenti ma tistax tilmenta mal-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ miksub minn Deltafina sabiex tapplika koeffiċjent multiplikatur għall-ammont inizjali tal-multa ta’ Taes. Fil-fatt, fl-ebda mument il-Kummissjoni ma qieset li Deltafina setgħet teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija affiljata tagħha Taes, u lanqas a fortiori li hija eżerċitat b’mod effettiv influwenza bħal din. Peress li dawn iż-żewġ kumpanniji ma tqisux li jiffurmaw entità ekonomika unika, ma kienx possibbli li d-daqs u r-riżorsi tal-ewwel waħda jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur għall-finijiet ta’ dissważjoni għall-ammont inizjali tat-tieni waħda.

219    Fir-raba’ lok, jista’ jiġi konkluż minn tqabbil sempliċi bejn id-dħul mill-bejgħ miksub minn Dimon fl-2003, jiġifieri USD 1 271 700 000, u dak li għamlet SCC, il-kumpannija parent finali ta’ WWTE, matul l-istess sena, jiġifieri USD 993 716 000, li l-koeffiċjent multiplikatur ta’ 2 applikat fil-każ ta’ Dimon ma huwiex sproporzjonat b’mod manifest meta mqabbel ma’ dak ta’ 1.5 applikat fil-każ ta’ WWTE.

220    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat u li, għaldaqstant, ma hemmx raġuni għalfejn jiġi eliminat jew jitnaqqas il-koeffiċjent multiplikatur applikat għal finijiet ta’ dissważjoni għall-ammont inizjali tal-multa tar-rikorrenti.

C –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

1.     L-argumenti tal-partijiet

221    Ir-rikorrenti tallega li waqfet tipparteċipa fil-ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni u tilmenta li din tal-aħħar ma rrispettatx l-aspettattivi leġittimi tagħha billi naqset milli tikkunsidra, b’mod konformi mal-punt 3 tal-linji gwida kif ukoll mal-prattika deċiżjonali tagħha, dik iċ-ċirkustanza attenwanti meta ddeterminat l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuqha.

222    Fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm huwa minnu li, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl-istabbiliment tal-ammont tal-multi, madankollu, dan ma jfissirx li hija tista’ tevita r-regoli li hija imponiet fuqha stess, jiġifieri dawk stabbiliti mil-linji gwida. Hija tirrikonoxxi li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta li tagħti b’mod awtomatiku tnaqqis ta’ multa u lanqas li tikkunsidra ċirkustanza attenwanti, iżda tqis li, b’mod kuntrarju, fil-preżenza ta’ ħjiel dwar l-eżistenza ta’ ċirkustanza tali, din għandha teħodha inkunsiderazzjoni u tindika, fid-deċiżjoni tagħha, il-motivi għalfejn hija tqis li ċ-ċirkustanza msemmija tiġġustifika, jew ma tiġġustifikax, tnaqqis ta’ multa.

223    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tistax issostni li t-teħid inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti, tal-waqfien ta’ ksur mill-ewwel interventi tagħha ma huwiex xieraq peress li seħħ ksur gravi u volontarju tar-regoli tal-kompetizzjoni u lanqas ma tista’ ssostni li dan il-waqfien kellu effett pożittiv fuq id-dewmien tal-ksur imsemmi.

224    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha.

225    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

226    Fir-rikors, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni, fil-każ tagħha, ma kkunsidratx bħala ċirkustanza attenwanti l-fatt, invokat fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija kienet temmet il-ksur sa mill-ewwel interventi ta’ din tal-aħħar.

227    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha, fil-prinċipju, tikkonforma mat-termini tal-linji gwida tagħha stess meta tiffissa l-ammont tal-multi. Madankollu, il-linji gwida ma jipprovdux li l-Kummissjoni għandha dejjem tieħu inkunsiderazzjoni b’mod separat kull waħda miċ-ċirkustanzi attenwanti elenkati fil-punt 3 ta’ dawn il-linji gwida, u hija ma hijiex obbligata tagħti tnaqqis addizzjonali f’dan ir-rigward b’mod awtomatiku, peress li n-natura adegwata ta’ eventwali tnaqqis tal-multa abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti għandha tiġi evalwata mill-perspettiva globali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Fil-fatt, l-adozzjoni tal-linji gwida ma rrenditx irrilevanti l-ġurisprudenza preċedenti li tgħid li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali li tippermettilha tieħu jew ma tiħux inkunsiderazzjoni ċerti elementi meta tiffissa l-ammont tal-multi li hija jkollha l-intenzjoni timponi, abbażi, b’mod partikolari, taċ-ċirkustanzi tal-każ. B’hekk, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ natura obbligatorja fil-linji gwida rigward iċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, għandu jitqies li l-Kummissjoni żammet ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa b’mod globali l-importanza ta’ tnaqqis eventwali tal-ammont tal-multi abbażi taċ-ċirkustanzi attenwanti (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T-259/02 sa T-264/02 u T-271/02, Ġabra p. II-5169, punt 473, u l-ġurisprudenza ċċitata).

228    Skont it-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, il-“waqfien tal-ksur wara l-ewwel interventi tal-Kummissjoni (b’mod partikolari verifiki)” jgħodd fost iċ-ċirkustanzi attenwanti.

229    Madankollu, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, dak il-waqfien jista’ loġikament ikun ċirkustanza attenwanti biss jekk jeżistu raġunijiet għalfejn jitqies li l-impriżi inkwistjoni ġew imħajra li jwaqqfu l-aġir antikompetittiv tagħhom minħabba l-interventi inkwistjoni, peress li l-ksur li jkun diġà waqaf qabel id-data tal-ewwel interventi tal-Kummissjoni ma huwiex kopert minn din id-dispożizzjoni tal-linji gwida (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, T-50/00, Ġabra p. II-2395, punti 328 u 329, ikkonfermata fuq appell bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, C-407/04 P, Ġabra p. I-829, punt 158).

230    Issa, f’dan il-każ, il-ksur kien intemm fl-10 ta’ Awwissu 2001, jiġifieri qabel id-data tal-ewwel verifiki mwettqa mill-Kummissjoni, f’dan il-każ it-3 ta’ Ottubru 2001. Effettivament, hekk kif jirriżulta mill-premessa 432 tad-deċiżjoni kkontestata, għalkemm il-proċessuri ddikjaraw li l-akkordju tagħhom kien waqaf jeżisti f’dik l-aħħar data, il-Kummissjoni kkunsidrat l-ewwel data bħala d-data tat-tmiem tal-ksur għar-raġuni li l-“aħħar prova” li hija kellha kienet ta’ laqgħa tal-10 ta’ Awwissu 2001, imsemmija fil-premessa 260 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, il-waqfien imsemmi ma jistax jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa.

231    Għandu jingħad ukoll li, anki kieku l-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur kien waqaf fl-istess jum meta hija kienet għamlet l-ewwel verifiki tagħha, hija kienet totalment iġġustifikata li ma tikkunsidrax iċ-ċirkustanza allegata mir-rikorrenti. Effettivament, tnaqqis tal-multa minħabba t-tmiem ta’ ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni ma jistax ikun awtomatiku, iżda jiddependi minn evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ minn din tal-aħħar, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. F’dan ir-rigward, l-applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida favur impriża tkun partikolarment xierqa f’sitwazzjoni fejn in-natura antikompetittiva tal-aġir inkwistjoni ma hijiex manifesta. Bil-maqlub, l-applikazzjoni tiegħu tkun inqas adattata, fil-prinċipju, f’sitwazzjoni fejn l-aġir ikun b’mod ċar antikompetittiv, dejjem jekk dan ikun ġie stabbilit (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Aristrain vs Il-Kummissjoni, T-156/94, Ġabra p. II-645, punt 138, u tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il‑Kummissjoni, T-44/00, Ġabra p. II-2223, punt 281).

232    F’dan il-każ, ma hemm ebda dubju dwar in-natura antikompetittiva tal-aġir tar-rikorrenti. Effettivament, l-akkordju tal-proċessuri, li s-suġġett tiegħu kien l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-suq (ara l-premessi 278 sa 317 tad-deċiżjoni kkontestata), jikkorrispondi għal tip ta’ ksur klassiku u partikolarment serju (ara l-premessi 409 sa 411 tad-deċiżjoni kkontestata) tad-dritt tal-kompetizzjoni u aġir li l-illegalità tiegħu ġiet affermata mill-Kummissjoni bosta drabi sa mill-ewwel interventi tagħha f’dan il-qasam. Il-fatt li dan l-akkordju kien jinkludi aspett sigriet jikkonferma barra minn hekk li r-rikorrenti kienet totalment konxja dwar in-natura illeċità tal-aġir tagħha.

233    Fir-replika, ir-rikorrenti tinvoka ilment ġdid li jallega li l-Kummissjoni ma tatx spjegazzjonijiet, fid-deċiżjoni kkontestata, dwar ir-raġunijiet għalfejn hija kienet stmat li ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-allegata ċirkustanza attenwanti inkwistjoni.

234    Għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punt 182 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li dak l-ilment ġie ssollevat mir-rikorrenti, għall-ewwel darba, biss fl-istadju tar-replika ma jfissirx li l-Qorti Ġenerali ma tistax teżaminah f’din il-kawża.

235    Madankollu, dan l-ilment ma jistax jiġi milqugħ.

236    Effettivament, hija ġurisprudenza stabbilita li, għalkemm il-Kummissjoni hija obbligata, skont l-Artikolu 253 KE, tagħti motivazzjoni għad-deċiżjonijiet tagħha billi ssemmi l-punti ta’ fatt li minnhom tiddependi l-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni u l-kunsiderazzjonijiet li wassluha biex tieħu din id-deċiżjoni, din id-dispożizzjoni ma teżiġix li l-Kummissjoni tiddiskuti l-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt li jkunu ġew indirizzati matul il-proċedura amministrattiva (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punti 14 u 15, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Fiskeby Board vs Il-Kummissjoni, T-319/94, Ġabra p. II-1331, punt 127). B’hekk, diġà ġie deċiż li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta li tieħu pożizzjoni fuq l-elementi li kienu manifestament irrilevanti, mingħajr ebda sinjifikat jew manifestament sekondarji (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, T-349/03, Ġabra p. II-2197, punt 64). L-istess soluzzjoni tapplika meta, bħal f’din il-kawża, ir-raġuni għalfejn ċirkustanza allegata minn rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva ma tkunx tista’ tiġi kkwalifikata bħala attenwanti tkun tista’ tinftiehem faċilment (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 229 sa 232 iktar ’il fuq).

237    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat u li, għaldaqstant, ma hemmx lok li jingħata tnaqqis supplimentari lir-rikorrenti abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti.

D –  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni kif ukoll tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament

1.     L-argumenti tal-partijiet

238    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni marret kontra l-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni kif ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament billi tatha, b’applikazzjoni tal-punt D(2) ta’ din il-komunikazzjoni, tnaqqis mill-multa iktar baxx minn dak mogħti lil WWTE, lil Cetarsa u lil Taes.

239    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma tistax tiġġustifika din id-differenza fit-trattament fuq il-bażi li hija kkontestat ċerti fatti spjegati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll in-natura sigrieta tal-akkordji tal-proċessuri dwar il-prezzijiet.

240    L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, hija tosserva li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija limitat ruħha sabiex tipprovdi xi kjarifiki dwar ċerti fatti ppreżentati b’mod impreċiż jew żbaljat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. B’mod partikolari, fl-ebda mument ma ddikjarat li l-akkordji dwar il-prezzijiet medji massimi konklużi mill-proċessuri u l-akkordji dwar il-prezzijiet medji minimi konklużi mir-rappreżentanti tal-produtturi kienu jinnewtralizzaw lil xulxin. Hija tkompli tgħid li fir-rapport finali tiegħu, l-uffiċjal tas-seduta stess stqarr li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kien fiha ċerti ambigwitajiet u li l-kjarifiki mressqa mill-proċessuri fir-risposta tagħhom għal din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll waqt is-smigħ ippermettew lill-Kummissjoni li “tiċċara d-direzzjoni” tal-abbozz tad-deċiżjoni tagħha dwar diversi punti.

241    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma setgħetx tikkontesta n-natura sigrieta tal-ftehimiet dwar il-prezzijiet medji massimi “minnhom infushom”. Hija sempliċement speċifikat li r-“riżultat” tan-negozjati bejn il-proċessuri, jiġifieri l-prezz medju massimu li dawn jaqblu dwaru fil-bidu ta’ kull kampanja u li kienu jipproponu matul in-negozjati kollettivi mal-assoċjazzjonijiet agrikoli u l-gruppi ta’ produtturi, kien neċessarjament magħruf mis-settur tal-produzzjoni. Hija tispeċifika li, f’termini oħrajn, “hija kienet qed tirreferi għall-għarfien pubbliku dwar l-ammont tal-prezz medju ta’ xiri massimu miftehem bejn il-proċessuri fil-bidu tas-sena li, ladarba propost matul in-negozjati tal-prezzijiet mal-[assoċjazzjonijiet agrikoli u l-gruppi ta’ produtturi] bħala l-ammont massimu li bih il-proċessuri kienu lesti li jixtru t-tabakk, kellu neċessarjament isir prezz magħruf b’mod pubbliku”.

242    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

243    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tiddikjara li fil-każ tagħha, il-Kummissjoni żbaljat meta naqset milli tapplika t-tieni inċiż tal-punt D(2) tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni billi stipulat, fil-premessa 454 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet poġġiet indiskussjoni b’mod sostanzjali ċerti fatti msemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u billi, għal din ir-raġuni, ċaħdet milli tagħtiha tnaqqis tal-multa fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni.

244    It-tieni nett, ir-rikorrenti tiddikkjara li hija kkooperat b’mod attiv mal-Kummissjoni mill-mument li fih din wettqet il-verifika tagħha. Hija tippreċiża li t-tagħrif u l-kjarifiki li hija pprovdiet lill-Kummissjoni ppermettew lil din tal-aħħar sabiex tifhem iktar faċilment il-funzjonament tas-suq u l-imġiba partikolari tal-partijiet kif ukoll sabiex jiġu ċċarati ċerti aspetti essenzjali tal-ksur. Għaldaqstant, hija tqis li l-Kummissjoni kellha tagħtiha, skont l-ewwel inċiż tal-punt D(2) tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, perċentwali ta’ tnaqqis tal-multa li jaqbeż l-20 %.

245    It-tielet nett, ir-rikorrenti tqis li kellha d-dritt li tibbenefika minn tnaqqis tal-multa identiku għal dak ta’ Taes, jiġifieri 40 %, peress li din tal-aħħar ma għaddietx lill-Kummissjoni tagħrif li l-valur tiegħu kien superjuri għal dak tat-tagħrif ipprovdut minnha.

246    Fuq bażi sussidjarja, hija tosserva li mill-inqas, hija kellha tibbenefika mill-istess perċentwali ta’ tnaqqis tal-multa bħal Cetarsa u WWTE, jiġifieri 25 %, peress li l-Kummissjoni ma fehmitx sew il-kjarifiki li hija pprovdiet rigward in-natura sigrieta tal-akkordji dwar il-prezzijiet medji.

247    Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

248    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija sempliċement ikkjarifikat ċerti fatti pprovduti f’dik id-dikjarazzjoni. Fil-verità, ir-rikorrenti xeħtet dubju dwar ċerti aspetti importanti tal-fatti msemmija. B’mod iktar speċifiku, hija ċaħdet in-natura sigrieta tal-akkordji dwar il-prezz medju tal-kunsinna (massimi) konklużi mill-proċessuri u ddefendiet il-pożizzjoni li tgħid li l-akkordji ma kinux imorru lil hinn minn dawk konklużi mir-rappreżentanti tal-produtturi.

249    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li hija applikat b’mod korrett il-punt D(2) tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u ma marritx kontra l-prinċipju ta’ proprozjonalità.

250    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tikkontesta li kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta tat lil Taes, lil Cetarsa u lil WWTE perċentwal ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa superjuri għal dak mogħti lir-rikorrenti. Hija tosserva li t-tagħrif li ġie komunikat lilha minn Taes ippermettilha b’mod partikolari li tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ Deltafina fil-prattiki restrittivi inkwistjoni u li r-rikorrenti ma ressqitx elementi rilevanti ġodda, iżda, l-iktar l-iktar, ipprovdiet “dettalji relatati ma’ elementi diġà magħrufa”. Hija tiddikjara wkoll li għall-kuntrarju tar-rikorrenti, Taes, Cetarsa u WWTE ma ċaħdux in-natura sigrieta tal-akkordji relatati mal-prezz medju tal-kunsinna (massimu) konklużi mill-proċessuri. Finalment, Taes, għall-kuntrarju tar-rikorrenti, ma poġġietx indiskussjoni ċerti fatti oħra msemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

251    Qabel ma jiġu eżaminati d-diversi argumenti fformulati mir-rikorrenti, għandhom jissemmew xi kunsiderazzjonijiet ġenerali.

252    Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-multi u li hija tista’, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi, fosthom il-kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati matul l-investigazzjoni mwettqa mid-dipartimenti ta’ din l-istituzzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa sabiex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija minn impriża, b’mod partikolari meta mqabbla mal-kontribuzzjonijiet ta’ impriżi oħrajn (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, C-328/05 P, Ġabra p. I-3921, punti 81 u 88).

253    Sabiex tiġġustifika t-tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni, l-imġiba tal-impriża għandha tiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-konstatazzjoni u t-trażżin tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 110 iktar ’il fuq, punt 499, u l-ġurisprudenza ċċitata), u għandha turi spirtu ġenwin ta’ kooperazzjoni (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, punti 395 u 396).

254    Fil-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni ppreċiżat il-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikkooperaw magħha matul l-investigazzjoni tagħha dwar akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis fl-ammont tal-multa li kieku kien ikollhom iħallsu (ara l-punt A(3) tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni).

255    Il-punt D tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, intitolat “Tnaqqis sinjifikattiv tal-ammont tal-multa”, jipprovdi:

“1.      Meta impriża tikkoopera mingħajr ma tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha msemmija [fil-Punti] B u C, hija tibbenefika minn tnaqqis ta’ bejn 10 u 50 % mill-ammont tal-multa li kienet tiġi imposta fuqha li kieku hija ma kkooperatx.

2.      Dan ikun b’mod partikolari l-każ fejn:

–        qabel ma tiġi mibgħuta komunikazzjoni ta’ l-ilmenti, impriża tressaq lill-Kummissjoni l-informazzjoni, id-dokumenti jew provi oħra li jikkontribwixxu sabiex jikkonfermaw l-eżistenza tal-ksur kommess,

–        wara li tkun irċeviet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża għandha tinforma lill-Kummissjoni li hija ma tikkontestax sostanzjalment il-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-allegazzjonijiet tagħha.”

256    F’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat li huwa stabbilit li, b’mod konformi ma’ dak li ġie kkonstatat fil-premessa 450 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-punti B u C tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, b’mod li l-aġir tagħha kellu jiġi evalwat fid-dawl tal-punt D ta’ dik il-komunikazzjoni.

257    Id-diversi argumenti li r-rikorrenti tqajjem fil-kuntest ta’ dan il-motiv jistgħu jiġu maqsuma f’żewġ partijiet. L-ewwel parti tikkonċerna n-nuqqas ta’ applikazzjoni, għar-rikorrenti, tat-tieni inċiż tal-punt D(2) tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. It-tieni parti tirrigwarda l-kwalità tal-kooperazzjoni pprovduta mir-rikorrenti meta mqabbla ma’ dik ipprovduta minn Taes, Cetarsa u WWTE.

a)     Fuq in-nuqqas ta’ applikazjoni, għar-rikorrenti, tat-tieni inċiż tal-punt D(2) tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni

258    Fil-premessa 454 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tat lir-rikorrenti tnaqqis fil-multa ta’ 20 % biss abbażi tal-ewwel inċiż tal-punt D(2) tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Minn qari kkombinat ta’ din il-premessa u tal-premessa 453 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni rrifjutat li tippermetti lir-rikorrenti li tibbenefika mit-tieni inċiż tal-istess punt, u dan minkejja l-fatt li din kienet iddikjarat b’mod ġenerali li hija ma tikkontestax il-materjalità tal-fatti li fuqhom huma bbażati l-akkużi mressqa kontriha, għal żewġ motivi.

259    L-ewwel nett, affermazzjoni tar-rikorrenti ma tikkorrispondix għar-realtà tal-fatti, jiġifieri li l-akkordji tal-proċessuri dwar il-prezzijiet medji ta’ kunsinna (massimi), min-naħa, u l-akkordji konklużi mill-produtturi u l-proċessuri fuq il-prezzijiet medji minimi mill-grupp ta’ produtturi, min-naħa l-oħra, kienu identiċi u li, konsegwentement, l-effetti potenzjali antikompetittivi tal-aġir tal-proċessuri u tal-produtturi jiġu nnewtralizzati. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rreferiet għall-paġni 18 sa 45 tar-risposta tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

260    Għandu jiġi kkonstatat li l-paġni msemmija iktar ’il fuq tar-risposta tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jinkludux affermazzjoni bħal din. Fil-fatt, meta mistiedna, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, sabiex tidentifika s-siltiet ta’ din ir-risposta fejn tidher din l-affermazzjoni, il-Kummissjoni ammettiet li din ma kinitx ifformulata b’mod espliċitu, iżda li kienet impliċita minn ċerti argumenti mressqa mir-rikorrenti. Matul is-smigħ, b’risposta għal mistoqsija li saret mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan, il-Kummissjoni tenniet din l-ispjegazzjoni.

261    Anki jekk jitqies li l-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq sempliċi affermazzjoni impliċita sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ kontestazzjoni tal-materjalità tal-fatti skont it-tieni inċiż tal-punt D(2) tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, f’din il-kawża, ma jistax jiġi konkluż mill-argumenti li tirreferi għalihom il-Kummissjoni li r-rikorrenti ddikjarat li ż-żewġ kategoriji ta’ akkordji msemmija fil-punt 259 iktar ’il fuq kienu identiċi u li, għaldaqstant, l-effetti antikompetittivi potenzjali tal-aġir tal-proċessuri u tal-produtturi jiġu newtralizzati. Fil-fatt, bl-argumenti msemmija, ir-rikorrenti riedet biss tesprimi l-fehma tagħha li skontha, anki kieku l-akkordji tal-proċessuri fuq il-prezzijiet medji ta’ kunsinna (massimi) ma seħħewx, il-kompetizzjoni ma kinitx tkun perfetta fis-suq, peress li, min-naħa tagħhom, l-assoċjazzjonijiet agrikoli u l-gruppi ta’ produtturi qablu bejniethom dwar il-prezzijiet medji ta’ bejgħ tat-tabakk mhux maħdum, li huma mbagħad innegozjaw b’mod kollettiv mal-proċessuri. F’kull każ, għażla bħal din relatata mal-effetti ta’ akkordju fuq is-suq ma setgħetx tiġi pparagunata b’mod raġonevoli ma’ kontestazzjoni dwar il-“materjalità tal-fatti” fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T-224/00, Ġabra p. II-2597, punt 366). B’mod partikolari, għandu jiġi osservat li, bl-argumenti tagħha, ir-rikorrenti ma poġġietx indiskussjoni l-eżistenza stess tal-akkordji kkonċernati. Għandu jingħad ukoll li diversi kjarifiki li saru mir-rikorrenti fil-paġni 18 sa 45 tar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod espliċitu fid-deċiżjoni kkontestata (ara, b’mod partikolari, il-premessi 75, 82 u 201 tad-deċiżjoni kkontestata).

262    It-tieni nett, ir-rikorrenti ċaħdet in-natura sigrieta tal-akkordji relatati mal-prezz medju tal-kunsinna (massimu) konklużi mill-proċessuri.

263    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti effettivament iddefendiet mingħajr ambigwità dik il-pożizzjoni. B’hekk, fil-paġna 8 ta’ din ir-risposta, hija ddikjarat b’mod partikolari li “fl-ebda mument il-[proċessuri] ma [kienu] adottaw xi akkordji sigrieti dwar il-prezzijiet medji minbarra n-negozjati kollettivi organizzati mal-pjattaforma tan-negozjar tas-settur tal-produzzjoni”. L-ispjegazzjoni li r-rikorrenti tipprova tagħti għal din id-dikjarazzjoni fin-noti tagħha (ara l-punt 241 iktar ’il fuq) hija bbażata fuq distinzjoni purament artifiċjali u mhux konvinċenti.

264    Peress li d-dikjarazzjoni msemmija bl-ebda mod ma tikkorrispondi mar-realtà, u l-fatt li l-akkordju tal-proċessuri kien jinvolvi komponent sigriet ta’ importanza kbira fl-ekonomija tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kkommettitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li, meta fformulata, ir-rikorrenti kienet ikkontestat il-materjalità tal-fatti fis-sens tat-tieni inċiż tal-punt D(2) tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

b)     Fuq il-kwalità tal-kooperazzjoni mogħtija mir-rikorrenti pparagunata ma’ dik mogħtija minn Taes, Cetarsa u WWTE

265    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ma tistax tippretendi li hija kellha tingħata, fuq il-bażi tal-punt D(2) tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, l-istess rata ta’ tnaqqis tal-multa bħal dik mogħtija lil Taes.

266    Fil-fatt, min-naħa waħda, fir-rigward tal-applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-punt D(2), għall-kuntrarju tar-rikorrenti, Taes bl-ebda mod ma kienet ikkontestat il-materjalità tal-fatti.

267    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-ewwel inċiż tal-imsemmi punt D(2), mill-fajl jirriżulta b’mod ċar li l-kooperazzjoni pprovduta minn Taes kienet ta’ kwalità u ta’ utilità superjuri għal dik ipprovduta mir-rikorrenti. B’hekk, it-tagħrif ipprovdut minn din tal-aħħar, filwaqt li kien utli, fil-parti l-kbira tiegħu ma għamel xejn ħlief ikkonferma u kkjarifika l-elementi li l-Kummissjoni diġà kienet taf u għalhekk, kellu biss valur dgħajjef, filwaqt li Taes, barra minn hekk, ipprovdiet elementi ġodda u deċiżivi li jippermettu li tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ Deltafina fit-twettiq tal-ksur.

268    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka b’mod validu – kif għamlet fit-talba – ir-risposti li hija tat għat-talbiet għal informazzjoni li ġew indirizzati lilha mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 17. Effettivament, id-dokumenti mogħtija lill-Kummissjoni b’risposta għal talba għall-informazzjoni ngħataw minħabba obbligu legali u ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni anki jekk jistgħu jservu sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv kontra l-impriża li pprovdiethom jew kontra impriża oħra (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il-Kummissjoni, T-101/05 u T-111/05, Ġabra p. II-4949, punt 111).

269    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti lanqas ma tista’ titlob l-istess rata ta’ tnaqqis tal-multa bħal dik mogħtija lil Cetarsa u lil WWTE. Fil-fatt, dawn tal-aħħar, għall-kuntrarju tar-rikorrenti, ma kinux ċaħdu n-natura sigrieta tal-akkordji relatati mal-prezz medju tal-kunsinna (massimu) konklużi mill-proċessuri. Għandu jiġi rrilevat ukoll li għalkemm, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet ikkritikat lil Cetarsa u lil WWTE talli ressqu, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-istess affermazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt 259 iktar ’il fuq, madankollu, l-istess bħal f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tagħha tat-3 ta’ Frar 2011, Cetarsa vs Il-Kummissjoni (T-33/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 271), u tat-8 ta’ Marzu 2011, World Wide Tobacco España vs Il-Kummissjoni (T-37/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 197), li meta għamlet hekk, hija kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

270    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat, ħlief sa fejn jikkonċerna l-affermazzjoni msemmija fil-punt 259 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni attribwixxiet bi żball lir-rikorrenti.

E –  Fuq l-iffissar tal-ammont finali tal-multa

271    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tistabbilixxi rata xierqa ta’ tnaqqis. Fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali tqis li, abbażi tal-kooperazzjoni tagħha, ir-rikorrenti għandha tingħata, tnaqqis addizzjonali ta’ 5 % flimkien ma’ dak ta’ 20 % diġà mogħti. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi applikat tnaqqis ta’ 25 % mill-ammont tal-multa wara l-applikazzjoni tar-regola tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, jiġifieri EUR 3 240 000, li jwassal sabiex l-ammont finali tal-multa imposta jiġi stabbilit għal EUR 2 430 000.

 Fuq l-ispejjeż

272    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 tal-istess dispożizzjoni, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l-ispejjeż jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq kap jew iktar.

273    Billi fil-kawża preżenti r-rikors ġie parzjalment milqugħ, tkun saret evalwazzjoni xierqa taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li r-rikorrenti tbati disgħa minn għaxra tal-ispejjeż tagħha u disgħa minn għaxra tal-ispejjeż tal-Kummissjoni, filwaqt li din tal-aħħar tbati wieħed minn għaxra tal-ispejjeż tagħha u wieħed minn għaxra tal-ispejjeż tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ammont tal-multa imposta fuq Agroexpansión, SA fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 4030 finali, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar proċedura skont l-Artikolu 81(1) [KE] (Każ COMP/C.38.238/B.2 − Tabakk mhux maħdum – Spanja), hija ffissata għal EUR 2 430 000.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Agroexpansión għandha tbati disgħa minn għaxra tal-ispejjeż tagħha u disgħa minn għaxra tal-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li din tal-aħħar għandha tbati wieħed minn għaxra tal-ispejjeż tagħha u wieħed minn għaxra tal-ispejjeż tar-rikorrenti.

Czúcz

Labucka

O’Higgins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Ottubru 2011.

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –  Ir-rikorrenti u l-proċedura amministrattiva

B –  Id-deċiżjoni kkontestata

C –  Id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata

D –  Iffissar tal-ammont tal-multi

1.  Ammont inizjali tal-multi

2.  Ammont bażiku tal-multi

3.  Ċirkustanzi aggravanti u attenwanti

4.  Limitu massimu tal-multa prevista fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003

5.  Applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni

6.  Ammont finali tal-multi

Proċedura u talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-prinċipji ta’ proporzjonalitŕ u ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

1.  Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ, fir-rigward tal-eżistenza ta’ responsabbiltŕ in solidum għall-ħlas tal-multa

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-kriterji użati mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, biex iżżomm lil kumpannija parent responsabbli għall-ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja tagħha

Fuq l-eżistenza ta’ entitŕ ekonomika unika bejn ir-rikorrenti u Dimon

–  Fuq ir-“rapporti tal-attività” u l-“field reports”

–  Fuq il-korrispondenza skambjata bejn ir-rikorrenti u Dimon

–  Fuq l-argumenti invokati mir-rikorrenti sabiex turi li hija kienet taġixxi b’mod awtonomu fis-suq

2.  Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u nuqqas ta’ motivazzjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ, fir-rigward tal-konsegwenzi tal-portata tar-responsabbiltŕ in solidum għall-ħlas tal-multa

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

B –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

C –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

D –  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni kif ukoll tal-prinċipji ta’ proporzjonalitŕ, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

a)  Fuq in-nuqqas ta’ applikazjoni, għar-rikorrenti, tat-tieni inċiż tal-punt D(2) tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni

b)  Fuq il-kwalità tal-kooperazzjoni mogħtija mir-rikorrenti pparagunata ma’ dik mogħtija minn Taes, Cetarsa u WWTE

E –  Fuq l-iffissar tal-ammont finali tal-multa

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.