Language of document : ECLI:EU:C:2008:61

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

POIARES MADURO

ppreżentati fil-31 ta’ Jannar 2008 1(1)

Kawża C‑303/06

S. Coleman

vs

Attridge Law

u

Steve Law

(talba għal deċiżjoni preliminari mill-Employment Tribunal, London South (ir-Renju Unit))





1.        Dan it-talba mis-South London Employment Tribunal tqajjem, għall-ewwel darba, domanda importanti dwar il-portata tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament [trattament ugwali] fl-impjieg u fix-xogħol (2) (iktar’il quddiem “id-Direttiva”). Dan it-Tribunal jistaqsi jekk il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni li tinsab fid-Direttiva tkoprix każijiet fejn impjegata tiġi trattata b’mod inqas favorevoli mill-kollegi tagħha għaliex, għalkemm hi nfisha mhijiex persuna b’diżabbiltà, hi assoċjata ma’ persuna b’diżabbiltà.

I –    Sfond fattwali u d-domandi magħmula

2.        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Sharon Coleman, ħadmet mill-2001 bħala segretarja legali għal Attridge Law, uffiċċju ta’ solicitors f’Londra, fejn Steve Law huwa wieħed mis-soċji. Fl-2002 hija welldet tifel li għandu diżabbiltà; huwa jsofri minn bronchomalacia u laryngomalacia konġenitali. Hija prinċipalment hi li tieħu ħsiebu.

3.        Fl-4 ta’ Marzu 2005 ir-rikorrenti aċċettat is-sensja volontarja minħabba redundancy u, għaldaqstant, waqfet taħdem għal Attridge Law. Fit-30 ta’ Awwissu 2005 hija ressqet proċeduri għal constructive dismissal (sensja impliċita) u għal diskriminazzjoni fuq bażi ta’ diżabbiltà kontra l-persuni li kienu jimpjegawha qabel, fejn argumentat li ġiet ittrattata b’mod inqas favorevoli minn impjegati bi tfal li m’għandhomx diżabbiltà u ġiet soġġetta għal imġiba li ħolqot ambjent ostili għaliha. Fost l-eżempji ta’ trattament diskriminatorju li hi qed tallega li sofriet, issemmi li l-persuni li kienu jimpjegawaha rrifjutaw li jħalluha tirritorna għall-impjieg preċedenti li kellha wara li reġgħet lura għax-xogħol mil-leave tal-maternità; kienu jgħidulha “għażżiena” meta ppruvat tieħu ħin liberu biex tieħu ħsieb lit-tifel tagħha u rrifjutaw li jagħtuha l-istess flessibbiltà fir-rigward tal-arranġamenti tax-xogħol tagħha bħal dawk tal-kollegi tagħha bi tfal li m’għandhomx diżabbiltà; huma qalu li kienet qed tuża l-“fucking child” tagħha biex timmanipula l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha; huma għaddewha minn proċeduri dixxiplinari; u naqsu milli jittrattaw b’mod xieraq l-ilment formali li hija ressqet kontra t-trattament ħażin li rċeviet.

4.        S. Coleman invokat il-liġi nazzjonali rilevanti, l-Att tal-1995 dwar id-Diskriminazzjoni fuq bażi ta’ Diżabbiltà, u d-Direttiva. L-argument tagħha kien li d-Direttiva hija intiża biex tipprojbixxi d-diskriminazzjoni mhux biss kontra persuni b’diżabiltà nfushom, imma anki kontra individwi li huma vittmi ta’ diskriminazzjoni minħabba li huma assoċjati ma’ persuna b’diżabbiltà. L-argument ikompli fis-sens li t-Tribunal għandu jinterpreta l-Att dwar id-Diskriminazzjoni fuq bażi ta’ Diżabbiltà b’mod konformi mad-Direttiva u b’hekk jagħti protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali argumentaw li l-Att iħares biss persuni b’diżabbiltà u li d-Direttiva mhijiex intiża li tkopri d-diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni.

5.        S. Coleman tista’ tirbaħ il-kawża tagħha biss jekk id-Direttiva tiġi interpretata bħala li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni. Għalhekk, it-Tribunal m’għaddiex biex jistabbilixxi l-fatti materjali kollha u jeżamina l-mertu tat-talba, imma minflok, issospenda l-proċeduri fir-rigward ta’ din il-parti tar-rikors u żamm seduta preliminari biss fuq il-punt jekk id-diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni hijiex ipprojbita jew le. Wara s-seduta huwa ssospenda l-proċeduri u rrinvija d-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)      Fil-kuntest tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ diżabbiltà, id-Direttiva tħares mid-diskriminazzjoni diretta u mill-fastidju biss lill-persuni li huma stess għandhom diżabbiltà?

(2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, id-Direttiva tħares lill-impjegati li, għalkemm huma nfushom m’għandhomx diżabbiltà, huma ttrattati b’mod inqas favorevoli jew jiġu ffastidjati minħabba l-assoċjazzjoni tagħhom ma’ persuna li għandha diżabbiltà?

(3)      Fejn min iħaddem jittratta impjegat b’mod inqas favorevoli milli jittratta jew ikun se jittratta impjegati oħrajn, u jiġi stabbilit li r-raġuni għat-trattament tal-impjegat hija li l-impjegat għandu tifel b’diżabbiltà li l-impjegat jieħu ħsieb, dan it-trattament jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali stabbilit bid-Direttiva?

(4)      Fejn min iħaddem jagħti fastidju lil impjegat, u jiġi stabbilit li r-raġuni għat-trattament tal-impjegat hija li l-impjegat għandu tifel b’diżabbiltà li l-impjegat jieħu ħsieb, dan il-fastidju jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali stabbilit bid-Direttiva?”

II – Analiżi

6.        L-erba’ domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Employment Tribunal jirriduċu rwieħhom għal punt ta’ liġi wieħed: id-Direttiva tipproteġi persuni li m’għandhomx diżabbiltà li, fil-kuntest tal-impjieg tagħhom, isofru diskriminazzjoni diretta u/jew fastidju għaliex huma assoċjati ma’ persuna b’diżabbiltà?

7.        Id-Direttiva ġiet adottata taħt l-Artikolu 13 KE li ġie miżjud mat-Trattat KE bit-Trattat ta’ Amsterdam u jaqra kif ġej: “Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan it-Trattat u fil-limiti tal-poteri mogħtija minnu lill-Komunità, il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, jista’ jieħu l-azzjoni xierqa biex jiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew it-tendenzi sesswali”. L-ewwel punt li għandu jiġi osservat dwar l-Artikolu 13 KE huwa li dan jelenka raġunijiet speċifiċi ta’ diskriminazzjoni li huwa jittratta bħala raġunijiet li jagħtu lok għal suspett jew, biex wieħed jissellef terminu mid-dritt kostituzzjonali tal-Istati Uniti, bħala “suspect classifications” (“kategoriji li jagħtu lok għal suspett”) (3), u jagħmilhom il-mira tal-leġiżlazzjoni Komunitarja kontra d-diskriminazzjoni. Taħt din id-dispożizzjoni wiesgħa tista’ tiġi adottata leġiżlazzjoni bil-għan li tiġi kkumbattuta d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ dawk ir-raġunijiet elenkati. Filwaqt li l-Kunsill igawdi diskrezzjoni konsiderevoli fl-adozzjoni ta’ miżuri mfassla għal ċirkustanzi u kuntesti soċjali partikolari, l-Artikolu 13 KE ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tkun inkonsistenti mal-għanijiet u l-ispirtu tiegħu u li tillimita l-protezzjoni li min abbozza t-Trattat kellu l-intenzjoni li joffri. Konsegwentement, leġiżlazzjoni adottata abbażi tal-Artikolu 13 KE għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-għanijiet li l-Artikolu 13 KE nnifsu jfittex li jilħaq (4).

8.        L-Artikolu 13 KE huwa espressjoni tal-impenn tal-ordinament ġuridiku Komunitarju favur il-prinċipju ta’ trattament ugwali u non-diskriminazzjoni. Għalhekk, kwalunkwe interpretazzjoni kemm ta’ dan l-artikolu kif ukoll ta’ kull direttiva adottata taħt din il-bażi legali għandha ssir fl-isfond tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dawn il-prinċipji (5). Id-Direttiva nfisha tiddikjara fl-Artikolu 1 li l-iskop tagħha huwa li “li tniżżel [tistabbilixxi] parametru ġenerali biex tikkumbatti [d-]diskriminazzjoni […] bi skop li timplimenta fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” (il-korsiv miżjud minni). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija ċara rigward ir-rwol ta’ trattament ugwali u tan-non-diskriminazzjoni fl-ordinament ġuridiku Komunitarju. L-ugwaljanza mhijiex sempliċement ideal u aspirazzjoni ta’ natura politika imma wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju (6). Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Mangold, id-Direttiva tikkostitwixxi aspett prattiku tal-prinċipju tal-ugwaljanza (7). Sabiex jiġi stabbilit x’tirrikjedi l-ugwaljanza f’każ partikolari, huwa utli li jiġu mfakkra l-valuri inerenti fl-ugwaljanza. Dawn huma d-dinjità umana u l-awtonomija personali.

9.        Bħala minimu bażiku, id-dinjità umana tinvolvi r-rikonoxximent tal-valur ugwali ta’ kull individwu. Il-ħajja ta’ dak li jkun hija prezzjuża minħabba s-sempliċi fatt li wieħed huwa uman, u l-ebda ħajja m’hija iktar jew inqas prezzjuża minn oħra. Kif fakkarna reċentement Ronald Dworkin, anki meta ma naqblux serjament dwar kwistjonijiet ta’ moralità pubblika, l-istruttura tal-istituzzjonijiet politiċi u l-funzjonament tal-istati demokratiċi tagħna, aħna madankollu nibqgħu msieħba fl-impenn favur dan il-prinċipju fundamentali (8). Għalhekk, l-individwi u l-istituzzjonijiet politiċi m’għandhomx jaġixxu b’mod li tiġi mċaħħda l-importanza intrinsika ta’ kull ħajja umana. Valur rilevanti, imma differenti, huwa dak tal-awtonomija personali. Dan jiddetta li l-individwi għandhom ikunu f’pożizzjoni li jfasslu u jmexxi l-kors ta’ ħajjithom permezz ta’ serje ta’ għażliet minn fost għażliet differenti ta’ valur (9). L-eżerċizzju tal-awtonomija jippresupponi li n-nies jingħataw medda ta’ għażliet minn fejn jagħżlu. Meta aħna naġixxu ta’ aġenti awtonomi li jieħdu deċiżjonijiet dwar il-mod kif irridu l-ħajja tagħna tiżviluppa, “l-integrità personali u s-sens ta’ dinjità u ta’ stima tagħna nfusna jiġu kkonkretizzati” (10).

10.      L-għan tal-Artikolu 13 KE u tad-Direttiva huwa li jiġu mħarsa d-dinjità u l-awtonomija tal-persuni li jappartjenu għal dawn il-kategoriji li jagħtu lok għal suspett. L-iktar mod ovvju li bih id-dinjità u l-awtonomija ta’ persuna bħal din jistgħu jiġu affettwati huwa meta wieħed jiġi direttament identifikat minħabba li jkollu karatteristika li tagħti lok għal suspett. It-trattament inqas tajjeb ta’ persuna abbażi ta’ raġunijiet bħal twemmin reliġjuż, età, diżabbiltà u orjentazzjoni sesswali jippreġudika dan il-valur speċjali u uniku li l-persuni għandhom bis-saħħa tal-fatt li huma umani. Ir-rikonoxximent tal-valur ugwali ta’ kull persuna umana jfisser li għandna neskludu kunsiderazzjonijiet ta’ dan it-tip meta nimponu piż fuq xi ħadd jew inċaħħdu lil xi ħadd minn benefiċċju. Fi kliem ieħor, dawn huma karatteristiċi li m’għandu jkollhom l-ebda rwol fi kwalunkwe evalwazjoni dwar jekk huwiex sew jew le li xi ħadd jiġi ttrattat b’mod inqas favorevoli.

11.      Bl-istess mod, impenn favur l-awtonomija jfisser li persuni m’għandhomx jiġu mċaħħda minn għażliet ta’ valur f’oqsma ta’ importanza fundamentali għal ħajjithom bill issir referenza għal kategoriji li jagħtu lok għal suspett. L-aċċess għall-impjieg u l-iżvilupp professjonali għandhom sinjifikat fundamentali għal kull individwu, mhux sempliċement bħala mezz ta’ kif wieħed jaqla’ l-għajxien tiegħu imma wkoll bħala mod importanti ta’ kif wieħed jirrealizza lilu nnifsu u l-potenzjal li għandu. Persuna li tiddiskrimina kontra individwu li jappartjeni għal kategorija li tagħti lok għal suspett tkun qed iċaħħdu minn għażliet ta’ valur. Konsegwentement, il-kapaċità ta’ dan l-individwu li jmexxi ħajja awtonoma tiġi serjament kompromessa peress li aspett importanti tal-ħajja tiegħu ma jiġix iffurmat bl-għażliet tiegħu stess imma bil-preġudizzju ta’ xi ħaddieħor. Meta persuni li jappartjenu għal dawn il-gruppi jiġu ttrattati inqas tajjeb minħabba l-karatteristika tagħhom, min jiddiskrimina jżommhom milli jeżerċitaw l-awtonomija tagħhom. F’din is-sitwazzjoni, huwa ġust u raġonevoli li tintervjeni l-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni. Essenzjalment, bil-fatt li nagħtu valur lill-ugwaljanza u nikkomettu ruħna biex titwettaq l-ugwaljanza permezz tal-liġi, inkunu qed nimmiraw li nsostnu l-kundizzjonijiet għal ħajja awtonoma għal kull persuna.

12.      Madankollu, it-tqegħid fil-mira b’mod dirett ta’ persuna li għandha karatteristika partikolari mhuwiex l-uniku mod kif issir diskriminazjoni kontra tagħha. Wieħed mill-modi kif tiġi preġudikata d-dinjità u l-awtonomija tal-persuni li jappartjenu għal ċertu grupp huwa li mhux huma jitqiegħdu fil-mira, imma terzi persuni li huma assoċjati mill-qrib magħhom li huma stess ma jkunux jappartjenu għall-grupp. Kunċett sod ta’ ugwaljanza jimplika li dawn il-forom iktar sottili ta’ diskriminazzjoni għandhom ukoll jinqabdu bil-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni, għaliex dawn, ukoll, jaffettwaw il-persuni li jappartjenu għal kategoriji li jagħtu lok għal suspett.

13.      Tabilħaqq, id-dinjità tal-persuna b’karatteristika li tagħti lok għal suspett tiġi affettwata kemm meta ssir diskriminazzjoni diretta kontra tagħha u daqstant ieħor meta tara lil xi ħadd ieħor jsofri diskriminazzjoni sempliċement minħabba l-fatt li dan ikun assoċjat magħha. B’dan il-mod, il-persuna li hija l-vittma immedjata ta’ diskriminazzjoni mhux biss issofri inġustizzja hija stess, imma anki ssir il-mezz li permezz tiegħu tiġi ppreġudikata d-dinjità tal-persuna li tappartjeni għal kategorija li tagħti lok għal suspett.

14.      Minbarra dan, din il-forma aktar sottili ta’ diskriminazzjoni tippreġudika l-kapaċità ta’ persuni li għandhom karatteristika li tagħti lok għal suspett biex jeżerċitaw l-awtonomija tagħhom. Per eżempju, l-awtonomija ta’ membri ta’ grupp reliġjuż tista’ tiġi affettwata (per eżempju, għar-rigward ta’ min jiżżewwġu jew fejn joqogħdu) jekk ikunu jafu li l-persuna li se jiżżewwġu x’aktarx li ssofri diskriminazzjoni minħabba l-affiljazzjoni reliġjuża tal-konjuġi tagħha. L-istess jista’ jiġri, għalkemm mhux sa dan il-punt, fil-każ ta’ individwi li għandhom diżabbiltà. Persuni li jappartjenu għal ċerti gruppi huma ħafna drabi iktar vulnerabbli mill-persuna medja, u għalhekk isiru dipendenti fuq individwi li magħhom huma assocjati mill-qrib sabiex jgħinuhom fl-isforz tagħhom biex imexxu ħajjithom skont għażliet fundamentali li huma jkunu għamlu. Meta l-persuna li tiddiskrimina ċċaħħad lil individwu minn għażliet ta’ valur f’oqsma li huma ta’ importanza fundamentali għal ħajjitna għaliex dak l-individwu huwa assoċjat ma’ persuna li għandha karatteristika li tagħti lok għal suspett, hija tkun qed iċaħħad ukoll lil dik il-persuna minn għażliet fundamentali u żżommha milli teżerċita l-awtonomija tagħha. Fi kliem ieħor, il-persuna li tappartjeni għall-kategoriji li jagħtu lok għal suspett hija eskluża minn medda ta’ possibiltajiet li altrimenti kienu jkunu miftuħin għaliha.

Kif taħdem id-Direttiva

15.      Il-leġiżlatur Komunitarju adotta d-Direttiva sabiex jipproteġi, fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, lill-persuni li jappartjenu għal kategoriji li jagħtu lok għal suspett u sabiex jiġi żgurat li d-dinjità u l-awtonomija tagħhom ma tiġix kompromessa b’diskriminazzjoni li jew tkun ovvja u immedjata jew tkun sottili u inqas ovvja. Indikazzjoni ta’ kif dan għandu jintlaħaq huwa evidenti ġjà fl-Artikolu 1 tad-Direttiva, li jaqra: “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel [tistabbilixxi] parametru ġenerali biex tikkumbatti [d-]diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament” (il-korsiv miżjud minni).

16.      Il-kliem importanti hawnhekk huwa “fuq bażi ta’”. Huwa prinċipju komuni kemm tad-dritt kif ukoll tal-filosofija morali li mhux kull diskriminazzjoni hija ħażina. Fil-kuntest tal-impjieg, per eżempju, huwa perfettament aċċettabbli għal min jimpjega li jħaddem kandidat li hu responsabbli, ta’ min jafdah u edukat u li jeskludi kandidati li huma irresponsabbli, li mhux ta’ min wieħed jafdahom u psataż. Bil-maqlub, aħna naħsbu li hu ħażin li jiġi mwarrab xi ħadd abbażi tar-razza jew tar-reliġjon tiegħu jew tagħha, u fil-parti l-kbira tas-sistemi legali l-liġi tintervjeni biex iżomm diskriminazzjoni bħal din milli sseħħ. Hija r-raġuni għad-diskriminazzjoni li joqgħod fuqha min iħaddem f’kull każ li tiddetermina jekk l-imġiba ta’ min iħaddem hijiex aċċettabbli jew le, u li tipprovoka l-intervent tal-liġi.

17.      Il-fatt li l-illegalità tad-diskriminazzjoni tiddependi mir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata huwa rifless fil-mod kif il-leġiżlazzjoni rilevanti hija strutturata. Tista’ tgħid il-liġijiet kollha kontra d-diskriminazzjoni jipprojbixxu d-diskriminazzjoni bbażata fuq numru ta’ raġunijiet speċifikati. Din hija l-istrateġija segwita mil-leġiżlatur Komunitarju fid-Direttiva li tagħmel illegali d-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età u orjentazzjoni sesswali. Id-dmir prinċipali impost bil-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni, bħad-Direttiva, huwa li l-persuni jiġu ttrattati b’ċertu mod li jkun paragunabbli mal-mod kif jiġu ttrattati persuni oħrajn (11). Bl-adozzjoni tad-Direttiva l-Kunsill għamilha ċara li huwa illegali għal min iħaddem li joqgħod fuq xi waħda minn dawn ir-raġunijiet sabiex jittratta impjegat inqas tajjeb mill-kollegi tiegħu jew tagħha. Malli jiġi aċċertat li l-bażi għall-imġiba ta’ min iħaddem hija waħda mir-raġunijiet ipprojbiti, wieħed jidħol fil-kamp tad-diskriminazzjoni illegali.

18.      Fis-sens deskritt hawn fuq, id-Direttiva twettaq funzjoni ta’ esklużjoni: hija teskludi t-twemmin reliġjuż, l-età, id-diżabbiltà u l-orjentazzjoni sesswali mill-medda ta’ raġunijiet aċċettabbli li min iħaddem jista’ legittimament joqgħod fuqhom sabiex jittratta impjegat b’mod inqas favorevoli minn ieħor. Fi kliem ieħor, wara li ġiet fis-seħħ id-Direttiva mhuwiex iktar aċċettabbli li dawn il-kunsiderazzjonijiet jidħlu fir-raġunament ta’ min iħaddem meta jiddeċiedi li jittratta impjegat b’mod inqas favorevoli.

19.      Id-Direttiva tipprojbixxi d-diskriminazzjoni diretta (12), il-fastidju (13) u d-diskriminazzjoni indiretta (14). Il-fattur distintiv tad-diskriminazzjoni diretta u tal-fastidju huwa li dawn għandhom relazzjoni neċessarja ma’ kategorija partikolari li tagħti lok għal suspett. Min jiddiskrimina joqgħod fuq kategorija li tagħti lok għal suspett sabiex jaġixxi b’ċertu mod. Il-kategorija mhijiex sempliċi kontinġenza imma sservi bħala premessa essenzjali tar-raġunament tiegħu. Il-fatt li min jimpjega joqgħod fuq dawn ir-raġunijiet li jagħtu lok għal suspett huwa kkunsidrat mill-ordinament ġuridiku Komunitarju bħala ħaġa ħażina li għandha tiġi eradikata. Għalhekk, id-Direttiva tipprojbixxi l-użu ta’ dawn il-kategoriji bħala raġunijiet li fuqhom jista’ jkun ibbażat ir-raġunament ta’ min iħaddem. B’kuntrast ma’ dan, f’każijiet ta’ diskriminazzjoni indiretta l-intenzjonijiet ta’ min iħaddem u r-raġunijiet li jkollu biex jaġixxi jew ma jaġixxix huma irrilevanti. Fil-fatt, din hija r-raġuni għall-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni indiretta: anki miżuri u politiki newtrali, innoċenti jew in bona fide adottati mingħajr ebda intenzjoni diskriminatorja se jaqgħu taħt il-projbizzjoni jekk l-impatt tagħhom fuq persuni li għandhom karatteristika partikolari hija ikbar mill-impatt tagħhom fuq persuni oħra (15). Huwa dan “l-impatt divers” ta’ miżuri bħal dawn fuq ċerti persuni li huwa l-mira tal-leġiżlazzjoni dwar diskriminazzjoni indiretta. Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bħal din torbot mal-obbligu ta’ dawk li jħaddmu li jakkomodaw dawn il-gruppi billi jadottaw miżuri u jfasslu l-politiki tagħhom b’mod li ma jimponix piż fuqhom li huwa eċċessiv komparat ma’ dak impost fuq persuni oħrajn (16). B’dan il-mod, filwaqt li l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni diretta u tal-fastidju topera bħala mekkaniżmu ta’ esklużjoni (billi teskludi mir-raġunament ta’ min iħaddem li dan joqgħod fuq ċerti raġunijiet) il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni indiretta topera bħala mekkaniżmu ta’ inklużjoni (billi tobbliga lil dawk li jħaddmu li jieħdu inkunsiderazzjoni u jakkomodaw il-bżonnijiet ta’ individwi b’ċerti karatteristiċi). Huwa għal din ir-raġuni li anki kieku kellu jiġi aċċettat l-argument tal-Gvern tar-Renju Unit li d-diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni taqa’ b’mod ċar barra mill-portata tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni indiretta, dan b’ebda mod ma jkun ifisser li din taqa’ wkoll barra mill-portata tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni diretta u tal-fastidju. Għall-kuntrarju, l-inklużjoni tad-diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni fil-portata tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni diretta u tal-fastidju hija l-konsegwenza naturali tal-mekkaniżmu ta’ esklużjoni li permezz tiegħu topera l-projbizzjoni ta’ dan it-tip ta’ diskriminazzjoni.

20.      Il-każ ta’ S. Coleman iqajjem kwistjoni ta’ diskriminazzjoni diretta. Kif jagħmilha ċara d-digriet tar-rinviju, hi mhijiex qed tilmenta dwar l-impatt li miżura newtrali kellha fuqha bħala l-omm u l-persuna li tieħu ħsieb tifel b’diżabbiltà, imma tallega li hi ġiet identifikata u kienet fil-mira ta’ min kien jimpjegaha preċiżament minħabba binha li għandu diżabbiltà. Għalhekk, il-kwistjoni li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja hija jekk id-diskriminazzjoni diretta b’assoċjazzjoni hijiex ipprojbita mid-Direttiva.

21.      Huwa evidenti li kieku r-rikorrenti kienet hija nfisha persuna b’diżabbiltà, id-Direttiva kienet tkun applikabbli. Madankollu, fil-każ preżenti, l-allegazzjoni hija li kienet id-diżabbiltà tat-tifel tar-rikorrenti li pprovokat it-trattament diskriminatorju. B’hekk, il-persuna li għandha diżabbiltà u l-persuna li hija l-vittma ovvja jew is-suġġett tal-att diskriminatorju mhumiex l-istess. Dan il-fatt jirrendi d-Direttiva mhux applikabbli? Abbażi tal-analiżi tiegħi sa dan il-punt, naħseb li dan mhuwiex il-każ.

22.      Kif intqal, l-effett tad-Direttiva huwa li mhuwiex aċċettabbli għal min iħaddem li joqgħod fuq ir-reliġjon, l-età, id-diżabbiltà u l-orjentazzjoni sesswali biex jittratta xi impjegati inqas tajjeb minn oħrajn. Jekk wieħed jagħmel hekk, dan ikun jammonta għas-soġġezzjoni ta’ dawn l-individwi għal trattament inġust u għan-nuqqas ta’ rispett tad-dinjità u tal-awtonomija tagħhom. Is-sitwazzjoni ma tinbidilx f’każijiet fejn l-impjegata li hija s-suġġett ta’ diskriminazzjoni ma tkunx hi stess li għandha d-diżabbiltà. Ir-raġuni li sservi bħala l-bażi tad-diskriminazzjoni li hija ssofri tibqa’ tkun id-diżabbiltà. Id-Direttiva topera fil-livell tar-raġunijiet għad-diskriminazzjoni. L-inġustizzja li kienet intiża li tirrimedja hija l-użu ta’ ċerti karatteristiċi bħala raġunijiet għalfejn ċerti impjegati jiġu ttrattati inqas tajjeb minn oħrajn; dak li tagħmel huwa li tneħħi kompletament ir-reliġjon, l-età, id-diżabbiltà u l-orjentazzjoni sesswali mill-medda ta’ raġunijiet li min iħaddem jista’ leġittimament juża biex jittratta xi persuni inqas tajjeb. Fi kliem ieħor, id-Direttiva ma tippermettix l-ostilità li jista’ jkollu min jimpjega kontra persuni li jappartjenu għall-kategoriji elenkati li jagħtu lok għal suspett li topera bħala l-bażi għal xi tip ta’ trattament inqas favorevoli fil-kuntest tal-impjieg u tax-xogħol. Kif spjegajt, din l-ostilità tista’ tiġi espressa b’mod miftuħ billi tqiegħed fil-mira individwi li huma stess għandhom ċerti karatteristiċi, jew b’mod iktar sottili u moħbi billi tqiegħed fil-mira dawk li huma assoċjati ma’ individwi li għandhom il-karatteristiċi. Fl-ewwel każ, naħseb li imġiba bħal din hija ħażina u għandha tiġi pprojbita; it-tieni każ huwa eżatt l-istess f’kull aspett materjali. Fiż-żewġ każijiet, hija l-ostilità ta’ min iħaddem lejn persuni anzjani, b’diżabbiltà jew omossesswali jew persuni li jipprattikaw reliġjon partikolari li twasslu biex jittratta xi impjegati inqas tajjeb.

23.      Għalhekk, jekk persuna hija s-suġġett ta’ diskriminazzjoni minħabba xi waħda mill-karatteristiċi elenkati fl-Artikolu 1, hija tista’ tinvoka l-protezzjoni tad-Direttiva anki jekk hija stess m’għandhiex waħda minn dawn il-karatteristiċi. Mhuwiex meħtieġ għal xi persuna li hija s-suġġett ta’ diskriminazzjoni li tkun ġiet ttrattata ħażin minħabba d-“diżabbiltà tagħha”. Huwa biżżejjed jekk tkun ġiet ittrattata ħażin minħabba “diżabbiltà”. Għalhekk, wieħed jista’ jkun vittma ta’ diskriminazzjoni illegali fuq bażi ta’ diżabbiltà taħt id-Direttiva mingħajr ma huwa nnifsu jkollu diżabbiltà; l-importanti huwa li din id-diżabbiltà – f’dan il-każ id-diżabbiltà tat-tifel ta’ S. Coleman – ġiet użata bħala raġuni biex hi tiġi ttrattata inqas tajjeb. Id-Direttiva ma tidħolx biss fix-xena fejn ir-rikorrenti stess għandha diżabbiltà imma kull darba li jkun hemm każ ta’ trattament inqas favorevoli minħabba diżabbiltà. Għalhekk, jekk S. Coleman tista’ tipprova li ġiet ittrattata b’mod inqas favorevoli minħabba d-diżabbiltà tat-tifel tagħha, hija għandha tkun tista’ tinvoka d-Direttiva.

24.      Fl-aħħar nett, il-Gvern tar-Renju Unit huwa tal-fehma li d-Direttiva ġiet adottata bil-għan biss li jiġu stabbiliti standards minimi. Skont dan il-Gvern, il-fatt li l-Kunsill kien qed jaġixxi f’qasam fejn il-kompetenza għadha fil-parti l-kbira f’idejn l-Istati Membri jsostni din il-fehma. Konsegwentement, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu jekk jipprojbixxux jew le d-diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol. Jien ma naqbilx ma’ dan. L-ewwel nett, il-fatt li settur ma ġiex kompletament armonizzat jew li l-Komunità għandha biss kompetenza limitata biex tilleġiżla bl-ebda mod ma jimplika li l-intervent tad-dritt Komunitarju, ikun x’ikun, għandu jseħħ fl-iktar livell baxx. Fi kliem ieħor, il-fatt li l-Komunità għandha kompetenza limitata fil-qasam tad-drittijiet fundamentali ma jfissirx li meta din tiddeċiedi li teżerċita din il-kompetenza hija tista’ tipprovdi biss livelli minimi ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. It-tieni nett, m’hemm xejn fid-Direttiva jew fil-premessi tagħha li jindika li hekk kienet l-intenzjoni tal-Kunsill. Għall-kuntrarju, il-premessa 6, per eżempju, tirreferi għall-“importanza li tiġi kkumbattuta kull forma ta’ diskriminazzjoni’ (il-korsiv miżjud minni) (17).

III – Konklużjoni

25.      Għar-raġunijiet mogħtija hawn fuq, naħseb li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb għad-domanda tal-Employment Tribunal kif ġej:

Id-Direttiva 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament [trattament ugwali] fl-impjieg u fix-xogħol tipproteġi persuni li, għalkemm huma stess mhumiex persuni b’diżabbiltà, isofru diskriminazzjoni diretta u/jew fastidju fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol għaliex huma assoċjati ma’ persuna b’diżabbiltà.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – ĠU 2000 L 303, p. 16.


3 – Dwar l-iżvilupp tal-kunċett ta’ “kategoriji li jagħtu lok għal suspett” fid-dritt kostituzzjonali tal-Istati Uniti u fil-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Suprema, ara J. Balkin, “Plessy, Brown and Grutter: A Play in Three Acts” (2005) 26 Cardozo L. Rev 1689.


4 – Tabilħaqq, wieħed ma jistax jeskludi l-possibbiltà li miżuri kontra d-diskriminazzjoni adottati taħt l-Artikolu 13 KE jkunu jiksru din l-istess dispożizzjoni (pereżempju, miżuri li joffru protezzjoni minn diskriminazzjoni fuq bażi ta’ twemmin reliġjuż lis-segwaċi ta’ xi wħud biss mir-reliġjonijiet, imma mhux kollha). Barra minn hekk, kif jissuġġerixxi Christopher McCrudden f’“Thinking about the discrimination directives”, (2005) 1 European Journal of Anti-Discrimination Law 17, 20, trattament ugwali u non-diskriminazzjoni kif iggarantiti bid-Direttiva għandhom jitqiegħdu f’kuntest iktar wiesgħa tad-drittijiet tal-bniedem. Il-premessa 4 tad-Direttiva tagħmel riferiment għad-“dritt universali” għall-“ugwaljanza quddiem il-liġi u l-protezzjoni minn diskriminazzjoni” li huwa “‘rikonoxxut mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani [tal-Bniedem], il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda [Nazzjonijiet Uniti] dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa, il-Patti[jiet] tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet [Fundamentali]”. Jiena kont inżid ma’ din il-lista l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li l-Kapitolu III tagħha huwa ddedikat għall-ugwaljanza, u li jinkludi dispożizzjoni speċifika dwar l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà (l-Artikolu 26). Żvilupp reċenti fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li jikkonċerna kwistjonijiet ta’ diżabbiltà huwa l-adozzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilitajiet u l-Protokoll Mhux Obbligatorju tagħha. Il-Konvenzjoni ġiet adottata mill-Assemblea Ġenerali fit-13 ta’ Diċembru 2006 u miftuħa għall-iffirmar fit-30 ta’ Marzu 2007 meta ffirmawaha 81 Stat u l-Komunità Ewropea. Din tipprovdi, inter alia, li l-partijiet firmatarji għandhom jipprojbixxu “kull diskriminazzjoni fuq bażi ta’ diżabbiltà” (l-Artikolu 5(2)).


5 – Ġie osservat fid-dottrina dwar id-diskriminazzjoni li ebda tweġiba konklużiva dwar jekk id-diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni hijiex projbita ma tirriżulta mill-Artikolu 13 KE u mid-direttivi li ġew adottati taħtu. Madanakollu, ġie suġġerit li diskriminazzjoni bħal din x’aktarx li tiġi ttrattata bħala li taqa’ fl-ambitu tad-direttivi kontra d-diskriminazzjoni. Ara D. Schiek, L. Waddington u M. Bell (ed.), Cases, Materials and Text on National, Supranational and International Non-Discrimination Law, Hart Publishing, 2007, pp. 169-170.


6 – Ara, inter alia, is-sentenzi maqgħuda tat-12 ta’ Marzu 2002, Omega Air et, C-27/00 u C-122/00, Ġabra p. I-2569, u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll id-diskussjoni fi T. Tridimas, The General Principles of EU Law (it-tieni edizzjoni), Oxford University Press, 2007, u f’ A. Dashwood, u S. O’Leary, (ed.), The Principle of Equal Treatment in EC Law, Sweet and Maxwell, 1997.


7 – Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold vs Helm, C-144/04, Ġabra p. I-9981, punt 74.


8 – R. Dworkin, Is Democracy Possible Here?: Principles for a New Political Debate, Princeton University Press, 2006, kapitolu 1.


9 – J. Raz, The Morality of Freedom, Oxford University Press, 1986. Għall-preċiżjoni għandu jiġi osservat li xi awturi jinkludu l-valur tal-awtonomija personali taħt dak tad-dinjità. L-istess jiġri fir-rigward tat-trattament ta’ dawn iż-żewġ kunċetti fil-ġurisprudenza ta’ xi qrati kostituzzjonali. Dan l-aspett, li jista’ jkun ta’ rilevanza fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali li jirreferu biss għal valur tad-dinjità umana, ma huwa tal-ebda rilevanza għall-iskopijiet preżenti.


10 – Ibid., p. 154.


11 – J. Gardner, “Discrimination as Injustice”, (1996) 16 Oxford Journal of Legal Studies 353, 355. Kif jispjega Gardner, din hija kwistjoni ta’ ġustizzja. Għalhekk, meta aħna ngħidu li huwa ħażin li xi ħadd jiġi ttrattat b’mod inqas favorevoli għal ċerti raġunijiet li nkunu qed infissru huwa li l-ġustizzja tirrikjedi li aħna ma nibbażawx ruħna fuq dawn ir-raġunijiet sabiex naffettwaw negattivament il-pożizzjoni ta’ dik il-persuna. Fi kliem ieħor, jekk nibbażaw ruħna fuq dawn ir-raġunijiet ipprojbiti nkunu għamilna inġustizzja mal-persuna kkonċernata.


12 – Definita fl-Artikolu 2(2)(a) bħala sitwazzjoni fejn “persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli [hija, kienet jew] kienet tiġi ttrattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1”.


13 – Definita fl-Artikolu 2(3) bħala kondotta relatata ma’ xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 li “tavvera ruħha bl-iskop li tnaqqas id-dinjità ta’ persuna u li tikkrea ambjent ta’ biża’, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv”.


14 – Definita fl-Artikolu 2(2)(b) bħala sitwazzjoni fejn “dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, [...] fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra”.


15 – Jien iddiskutejt il-punt dwar diskriminazzjoni fil-passat u t-trattament ugwali fil-kuntest tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fil-konklużjonijiet tiegħi tad-29 ta’ Ġunju 2004 fil-kawża Briheche, C-319/03, Ġabra p. I-8807.


16 – Ara d-diskussjoni f’C. Jolls, “Antidiscrimination and Accommodation”, (2001) 115 Harvard Law Review 642.


17 – Hemm raġuni oħra li ddgħajjef il-fehma tar-Renju Unit. L-obbligi dwar trattament ugwali li timponi d-Direttiva jistgħu jinvolvu xi spejjeż, prinċipalment għal min jimpjega, u, sa ċertu punt, l-impożizzjoni ta’ dawn l-obbligi twassal għal deċiżjoni li l-ispejjeż jitqassmu fuq is-soċjetà permezz ta’ mekkaniżmi tas-suq partikolari. Dan jista’ jintlaħaq b’mod effiċjenti u ekwu li ma joħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni biss jekk dawn l-obbligi dwar trattament ugwali jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi fis-suq komuni kollu. Li kieku dan ma jkunx il-każ aħna nkunu qed niffaċċjaw ir-riskju li jinħolqu kundizzjonijiet fl-Ewropa li ma jkunux l-istess għal kulħadd, għaliex l-għamla tal-obbligi dwar it-trattament ugwali imposti fuq l-operaturi ekonomiċi mid-dritt Komunitarju ma jkunx l-istess fis-suq komuni kollu imma jkunu jiddependu fuq jekk Stat Membru partikolari jkunx għażel li jagħmel illegali tip speċifiku ta’ diskriminazzjoni.