Rikors ippreżentat fit-22 ta' Marzu 2013 - Ir-Renju ta' Spanja vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-147/13)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrent: Ir-Renju ta' Spanja (rappreżentanti: S. Centeno Huerta u E. Chamizo Llatas, aġenti)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrent
tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1260/2012 , tas-17 ta' Diċembru 2012, li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta' protezzjoni tal-privattiva unitarja fir-rigward tal-arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni, u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż;
sussidjarjament, tannulla l-Artikoli 4, 5, 6(2), u 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1260/2012, tas-17 ta' Diċembru 2012, li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta' protezzjoni tal-privattiva unitarja fir-rigward tal-arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni, u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
1. Ksur tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni billi jintroduċi sistema li tippreġudika lill-individwi li l-lingwa tagħhom ma tkunx l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż, peress li din is-sistema hija sproporzjonata meta mqabbla mal-għan imfittex.
2. Nuqqas ta' bażi legali tal-Artikolu 4 billi jirregola t-traduzzjoni f'każ ta' tilwima, li ma taffetwax direttament is-sistema lingwistika tat-titolu kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE.
3. Ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali.
4. Ksur tal-ġurisprudenza Meroni billi jiddelega l-ġestjoni tal-iskema ta' kumpens (Artikolu 5) u l-pubblikażżjoni tat-traduzzjonijiet (Artikolu 6(2)) lill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi.
5. Ksur tal-prinċipju ta' awtonomija tad-dritt tal-Unjoni billi jissuġġetta l-applikazzjoni tar-Regolament għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim tal-Qorti Unitarja tal-Privattiva.
____________1 - ĠU L 361, p. 89