Language of document : ECLI:EU:T:2015:124

Kawża T‑188/12

Patrick Breyer

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Noti ppreżentati mir-Repubblika tal-Awstrija fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja — Rifjut ta’ aċċess”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tas-27 ta’ Frar 2015

1.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Deċiżjoni ta’ istituzzjoni li tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti — Dokumenti kkomunikati fil-mori tal-kawża — Rikors li ma għadx għandu skop — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001)

2.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Kunċett ta’ dokument — Portata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 2(3) u (3)(a))

3.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Kunċett ta’ dokument — Portata — Noti redatti minn Stat Membru fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja magħluqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja — Inklużjoni

(Artikolu 258 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 2(3), 3(a) u 4(2))

4.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Portata — Esklużjoni tad-dokumenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li jaqgħu taħt l-attività ġudizzjarja tagħha — Kunċett — Noti ppreżentati minn Stat Membru fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu magħluqa — Esklużjoni

(ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE u Artikolu 258 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2) u (5))

5.      Proċedura ġudizzjarja — Trattament tal-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali — Protezzjoni mogħtija lill-partijiet kontra l-użu mhux xieraq tal-atti proċedurali — Portata — Pubblikazzjoni fuq l-internet tar-risposta tal-parti avversarja — Inammissibbiltà — Teħid inkunsiderazzjoni matul it-tqassim tal-ispejjeż

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 87(3); Istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 5(8))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 27-29)

2.      Il-kunċett ta’ dokument, li huwa s-suġġett ta’ definizzjoni wiesgħa fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, ikopri “kull kontenut, ikun liema jkun il-medju [mezz] tiegħu (miktub fuq karta jew reġistrat f’forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni, ta’ ħoss, viżiv jew awdjoviż) dwar kwistjoni dwar il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni” tal-Unjoni. Din id-definizzjoni hija essenzjalment ibbażata fuq l-eżistenza ta’ kontenut ikkonservat, li jista’ jiġi riprodott jew ikkonsultat wara l-produzzjoni tiegħu, filwaqt li huwa ppreċiżat, minn naħa, li n-natura tal-mezz ta’ ħżin, it-tip u n-natura tal-kontenut maħżun, kif ukoll id-daqs, it-tul, l-importanza jew il-preżentazzjoni ta’ kontenut huma irrilevanti għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk kontenut huwiex, jew le, kopert mill-imsemmija definizzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-unika limitazzjoni li tirrigwarda kontenut li jista’ jaqa’ taħt din id-definizzjoni hija l-kundizzjoni li dan il-kontenut għandu jikkonċerna materja relatata mal-politika, mal-attivitajiet u mad-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-istituzzjoni inkwistjoni.

(ara l-punti 41, 42)

3.      Għandhom jiġu kklassifikati bħala dokumenti miżmuma minn istituzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 3(a) tiegħu, noti redatti minn Stat Membru, ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE u trażmess lill-Kummissjoni li hija parti fil-kawża.

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata miċ-ċirkustanza li n-noti ma humiex indirizzati lil din l-istituzzjoni li hija parti, iżda lill-Qorti tal-Ġustizzja, u li din l-istituzzjoni rċeviet biss kopji trażmessi mill-Qorti tal-Ġustizzja. Issa, għalkemm, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, huma biss id-dokumenti miżmuma minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċeviet u fil-pussess tagħha, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, xorta jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma tissuġġetta l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għad-dokumenti riċevuti mill-istituzzjoni għall-kundizzjoni li d-dokument inkwistjoni kien ġie indirizzat lilha u direttament trażmess mill-awtur tiegħu. Bl-istess mod, peress li l-kunċett ta’ dokument huwa s-suġġett ta’ definizzjoni wiesgħa fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ kontenut ikkonservat, hemm lok li jiġi kkunsidrat li huwa irrilevanti fuq l-eżistenza ta’ dokument fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni li n- noti inkwistjoni kienu ġew trażmessi lill-istituzzjoni kkonċernata fil-forma ta’ kopji u mhux fil-forma ta’ oriġinali.

Minbarra dan, jirriżulta mid-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ dokument kif ukoll mill-formulazzjoni u mill-eżistenza stess, fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ta’ eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma xtaqx jeskludi l-attività kontenzjuża tal-istituzzjonijiet mid-dritt ta’ aċċess taċ-ċittadini. Din il-kunsiderazzjoni tapplika tant li dan ir-regolament ma japplikax la l-esklużjoni tal-attività kontenzjuża tal-istituzzjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u lanqas limitazzjoni ta’ dan tal-aħħar għall-unika attività amministrattiva tagħhom. Barra minn hekk, peress li n-noti huma trażmessi lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ rikors għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li hija ppreżentat fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha skont l-Artikolu 258 TFUE, il-Kummissjoni rċeviethom fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha.

Barra minn hekk, l-inklużjoni, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, tan-noti ppreżentati minn Stat Membru fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, ma għandhiex bħala effett li tippreġudika l-għan tar-regoli speċifiċi relatati mal-aċċess għad-dokumenti li jikkonċernaw il-proċeduri ġudizzjarji. Fil-fatt, il-protezzjoni ta’ dawn il-proċeduri tista’, skont il-każ, tiġi żgurata bl-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, filwaqt li huwa ppreċiżat li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni l-assenza, fir-regoli speċifiċi relatati mal-qrati tal-Unjoni, ta’ dritt ta’ aċċess ta’ terzi għan-noti ppreżentati quddiem dawn il-qrati fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji.

(ara l-punti 48-51, 53, 54, 57, 61, 104, 105)

4.      Bħal fil-każ tan-noti redatti mill-Kummissjoni fid-dawl ta’ proċedura ġudizzjarja, in-noti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn Stat Membru fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat kontra tiegħu mill-Kummissjoni għandhom karatteristiċi partikolari peress li jagħmlu parti wkoll, min-natura tagħhom stess, mill-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, peress li, fin-noti tiegħu, l-Istat Membru konvenut jista’ b’mod partikolari jinvoka l-motivi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jiżgura d-difiża tiegħu, in-noti tal-Istat Membru konvenut jipprovdu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi li fuqhom hija mitluba tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja tagħha.

F’dan ir-rigward, minkejja l-parteċipazzjoni tagħhom fl-attività ġudizzjarja tal-qrati tal-Unjoni, in-noti prodotti minn Stat Membru fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jaqgħux, bħal fil-każ ta’ dawk tal-Kummissjoni, taħt l-esklużjoni tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti stabbilita, fir-rigward tal-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir—raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE. Fil-fatt, minbarra l-fatt li n-noti redatti minn Stat Membru fid-dawl ta’ proċedura ġudizzjarja jippreżentaw karatteristiċi partikolari komuni, la r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE u lanqas il-fatt li dawn in-noti joriġinaw minn awturi differenti, u lanqas in-natura ta’ dawn in-noti ma jimponu li ssir distinzjoni, fid-dawl tal-inklużjoni tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, bejn in-noti li joriġinaw mill-Kummissjoni u dawk li joriġinaw minn Stat Membru. Isegwi li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE ma jistax jiġi interpretat bħala li stabbilixxa, fir-rigward tal-aċċess għan-noti redatti minn istituzzjoni fid-dawl ta’ proċedura ġudizzjarja, kwalunkwe regola tal-awtur li timponi li ssir distinzjoni bejn in-noti redatti minn istituzzjoni fid-dawl ta’ proċedura ġudizzjarja u dawk prodotti, minn Stat Membru, fil-kuntest tal-fażi kontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

Min-naħa l-oħra, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-esklużjoni, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, tal-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja mid-dritt ta’ aċċess għal dokumenti u, min-naħa l-oħra, in-noti redatti fid-dawl ta’ tali proċedura, li, minkejja li jagħmlu parti minn din l-attività ġudizzjarja, madankollu ma jaqgħux taħt l-esklużjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni u għall-kuntrarju huma suġġetti għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti. Għaldaqstant, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE ma jipprekludix l-inklużjoni tan-noti ppreżentati minn Stat Membru fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, sa fejn, madankollu, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dan l-aħħar regolament jiġu ssodisfatti u bla ħsara għall-applikazzjoni, skont il-każ, ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament u tal-possibbiltà, prevista fil-paragrafu 5 ta’ din id-dispożizzjoni, għall-Istat Membru kkonċernat li jitlob lill-istituzzjoni kkonċernata li ma tiżvelax in-noti tiegħu.

(ara l-punti 72, 73, 79-83)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 118-120)