Language of document : ECLI:EU:C:2016:561

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-14 ta’ Lulju 2016 (1)

Kawża C‑290/15

Patrice D’Oultremont et

vs

Reġjun tal-Wallonie

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (kunsill tal-Istat, il-Belġju)]

“Ambjent – Direttiva 2001/42/KE – Pjan u programm – Definizzjoni – Installazzjoni ta’ eoliċi”





I –    Introduzzjoni

1.        L-espansjoni tal-produzzjoni ta’ enerġija eolika kienet suġġetta għal diskussjonijiet kontroversjali u kultant tagħti lok għal reżistenza qawwija. Madankollu, fid-dawl tad-theddida ta’ bidla fil-klima, din hija mħeġġa mill-Unjoni u minn diversi Stati Membri.

2.        Din it-tilwima toriġina mill-fatt li qabel l-adozzjoni ta’ ċerti regoli dwar installazzjonijiet eoliċi fir-Reġjun tal-Wallonie tal-Belġju, ma saret ebda evalwazzjoni ambjentali bil-parteċipazzjoni tal-pubbliku skont id-direttiva dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (2) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ESEA”, ESEA għal evalwazzjoni strateġika dwar l-effetti fuq l-ambjent). Dan huwa ħasra, peress li tali proċedura tista’ tikkostitwixxi forum ta’ diskussjoni rigward tali proġetti u dan jikkontribwixxi sabiex id-diskussjoni tkun iktar oġġettiva.

3.        Numru ta’ snin ilu, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kontenut tad-Direttiva ESEA għall-ewwel darba fis-sentenza Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie (3). Sa minn dak iż-żmien, hija żviluppat ġurisprudenza kunsiderevoli fil-qasam (4). Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem mill-ġdid il-mistoqsija ċentrali ta’ din l-ewwel proċedura, jiġifieri t-tifsira taż-żewġ kunċetti “pjanijiet u programmi”. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi jekk digriet li jistabbilixxi, fost oħrajn, regoli fil-qasam tal-ġenerazzjoni tal-ħoss u ta’ proġezzjoni perijodika ta’ dellijiet ikkawżati minn installazzjonijiet eoliċi jikkostitwixxix pjan jew programm fis-sens tad-Direttiva ESEA u jekk għandux għalhekk jiġi suġġett għal evalwazzjoni ambjentali.

4.        Madankollu, sa issa, fil-proċedura, ma tteħidx inkunsiderazzjoni l-fatt li sentenza oħra, minbarra diversi konstatazzjonijiet sinjifikattivi li jirrigwardaw oqsma oħra tad-dritt Ewropew dwar l-ambjent, diġà ddefinixxiet b’mod astratt it-tifsira li għandha tingħata lil “pjan jew programm” fis-sens tad-Direttiva ESEA. Skont din id-definizzjoni, dan huwa att li jiddefinixxi il-kriterji kif ukoll il-modalitjiet tal-iżvilupp tat-territorju u jistabbilixxi regoli u proċeduri ta’ kontroll li għalihom hija suġġetta l-implementazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar (5). Għalhekk ma jifdalx ħlief li jiġi eżaminat jekk din id-definizzjoni għandhiex tiġi rfinata jew jekk hijiex rilevanti f’dan il-każ.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt internazzjonali

5.        Id-dritt tal-Unjoni dwar l-evalwazzjoni ambjentali huwa marbut mill-qrib ma’ diversi konvenzjonijiet internazzjonali.

1.      Il-Konvenzjoni ta’ Espoo

6.        Il-Konvenzjoni ta’ Espoo dwar l-evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent f’kuntest transkonfinali (6) ġiet iffirmata fl-1991 u approvata f’isem dik li dak iż-żmien kienet il-Komunità Ewropea fl-1997 (7).

7.        L-evalwazzjoni ta’ pjanijiet u programmi tissemma fl-Artikolu 2(7):

“L-istimi tal-impatt fuq l-ambjent stabbiliti minn din il-konvenzjoni għandhom jitwettqu, bħala kundizzjoni minima, fil-livell tal-proġett tal-attività proposta. Sa fejn xieraq, il-partijiet għandhom jippruvaw japplikaw il-prinċipji tal-istima tal-impatt fuq l-ambjent għall-politika, pjanijiet u programmi”. [traduzzjoni mhux uffiċjali].

2.      Il-protokoll ta’ Kiev

8.        B’effett mill-2008, l-Unjoni hija parti kontraenti tal-protokoll ta’ Kiev (8) (iktar ’il quddiem il-“protokoll ta’ Kiev”) fil-Konvenzjoni ta’ Espoo (9). Ir-regoli ta’ dan il-protokoll jikkoinċidu essenzjalment ma’ dawk tad-Direttiva ESEA u huma trasposti permezz ta’ din tal-aħħar (10).

9.        L-Artikolu 13 tal-protokoll ta’ Kiev isemmi l-proċess ta’ tfassil tat-testi politiċi jew leġiżlattivi, iżda ma għandux dispożizzjoni ekwivalenti fid-Direttiva ESEA:

“(1)      Kull parti għandha tiżgura li l-interessi favur l-ambjent, inklużi dawk favur is-saħħa, jiġu kkunsidrati u integrati sal-limitu li jkun xieraq fit-tħejjija tal-proposti tagħha għall-politika u l-leġislazzjoni li aktarx ikun ser ikollhom effetti kbar fuq l-ambjent, inkluż fuq is-saħħa.

(2)       […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3.      Il-Konvenzjoni ta’ Århus

10.      Il-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (11) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Århus”) tirreferi wkoll għall-evalwazzjoni ambjentali.

11.      Il-Konvenzjoni ta’ Århus tinkludi fl-Artikolu 6 regoli dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku waqt l-awtorizzazzjoni ta’ attivitajiet (12). L-Artikoli 7 u 8 jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fir-rigward ta’ pjanijiet, programmi, politika u regolamenti.

12.      Għandha tiġi enfasizzata r-raba’ sentenza tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Århus, li tirrigwarda l-politika:

“Sa fejn huwa xieraq, kull parti għandha tagħmel ħilitha sabiex tipprovdi opportunitajiet għall-parteċipazzjoni pubblika fil-preparazzjoni tal-politiki relatati mal-ambjent.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13.      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta’ Århus, “[k]ull parti għandha tagħmel ħilitha sabiex tippromwovi l-parteċipazzjoni effettiva tal-pubbliku fi stadju xieraq, u sakemm ikun għad hemm il-possibbiltà tal-għażla, waqt it-tħejjija mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ regolamenti eżekuttivi u ta’ regoli legalment vinkolanti oħra ta’ applikazzjoni ġenerali u li jistgħu jkollhom effett sinjifikattiv fuq l-ambjent.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva ESEA

14.      L-għanijiet tad-Direttiva ESEA huma b’mod partikolari stabbiliti fl-Artikolu 1:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jsiru disposizzjonijiet għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u biex issir kontribuzzjoni għall-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi bil-għan li jkun jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, billi jkun assigurat li, skond din id-Direttiva, issir stima ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.”

15.      Il-pjanijiet u programmi huma ddefiniti fl-Artikolu 2(a):

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      “pjanijiet u programmi” tfisser pjanijiet u programmi, inklużi dawk ko-finanzjati mill-Komunità Ewropea, kif ukoll xi modifiki li jsirulhom:

–        li huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali jew li jkunu preparati minn xi awtorita għall-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġislattiva mill-Parlament jew il-Gvern, u

–        li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi;”

16.      L-Artikolu 3 jipprevedi liema huma l-pjanijiet u l-programmi li għandhom jiġu suġġetti għal evalwazzjoni. Huma b’mod partikolari rilevanti l-paragrafi 1, 2 u 4;

“(1)      L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

(2)      Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,

a)      li huma ppreparati għall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar ta’ l-iskart, l-amministrazzjoni ta’ l-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, pjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu ta’ l-art u li jistabilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 85/337/KEE, jew

b)      li, in vista ta’ l-effett fuq iż-żoni li x’aktarx, ġew stabbiliti biex jiksbu stima bis-saħħa ta’ l-Artikolu 6 jew 7 tad-Direttiva 92/43/KEE.

(3)      […]

(4)      L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet u l-programmi, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2, li jissettjaw il-qafas għall-kunsens futur ta' l-iżvilupp tal-proġetti, hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.”

17.      L-Anness I jiddetermina liema informazzoni għandu jinkludi r-rapport ambjentali. Nosserva f’dan ir-rigward l-ittra (ċ), li teżiġi l-preżentazzjoni ta’ karatteristiċi ambjentali ta’ żoni li aktarx ikunu milquta b’mod sinjifikattiv.

18.      L-Anness II jirreferi għall-kriterji ta’ determinazzjoni tal-portata probabbli tal-effetti msemmija fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva ESEA. Għandhom jiġu enfasizzati hawnhekk il-karatteristiċi tal-effetti u taż-żona li tista’ tintlaqat, li għandhom jiġu ppreżentati skont il-ħames sas-seba’ inċiżi tal-punt 2:

–        “il-kobor u l-estent spazjali tal-effetti (żona ġeografika u d-daqs tal-popolazzjoni li x’aktarx tkun milquta),

–        il-valur u l-vulnerabilità taż-żona li x’aktarx tkun milquta minħabba:

–        karatteristiċi naturali speċjali jew wirt kulturali,

–        standards ta’ kwalità ambjentali li jkunu maqbuża jew valuri tal-limiti,

–        użu intensiv ta’ l-art,

–        l-effetti fuq żoni jew landscapes li għandhom status ta’ protezzjoni rikonoxxuti b'mod nazzjonali, tal-Komunità jew internazzjonali”.

2.      Id-Direttiva SEA

19.      Id-Direttiva SEA (13) ssostitwixxiet id-Direttiva 85/334/KEE u tinkludi, skont il-punt 3(i) tal-Anness II tagħha, l-“[is]tallazzjonijiet li jużaw il-qawwa tar-riħ għall-produzzjoni tal-enerġija (oqsma ta’ mtieħen tar-riħ)”.

C –    Id-dritt Belġjan

20.      Id-dispożizzjonijiet tad-digriet tal-Gvern tal-Wallonie, tat-13 ta’ Frar 2014, dwar kundizzjonijiet settorjali relatati mal-oqsma ta’ parks eoliċi ta’ qawwa totali ta’ 0.5MW jew iktar (iktar ’il quddiem id-“digriet ikkontestat”), kienu essenzjalment jirreferu għall-użu ta’ eoliċi (aċċess, kontrolli, manutenzjoni), għall-prevenzjoni ta’ inċidenti u ta’ nirien (fost oħrajn, il-waqfien tat-turbina), għall-ħsejjes, għall-previżjoni perijodika ta’ dell ikkawżat minn movimenti ta’ rotor, għall-kamp manjetiku awtorizzat, għat-tiswija tal-postijiet fil-każ ta’ waqfien definittiv tat-turbini u għall-kostituzzjoni ta’ garanziji finanzjarji.

21.      Fil-qasam tal-ħoss, il-valuri tal-limiti jvarjaw b’mod partikolari skont żoni msejħa “żoni ta’ ppjanar”, jiġifieri ż-żoni ta’ habitat, żoni agrikoli, żoni ta’ attività ekonomika u oħrajn. Id-digriet ikkontestat jistabbilixxi regola ta’ ħoss inqas stretta mill-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għal kull installazzjoni, matul il-lejl għajr kundizzjonijiet tas-sajf u f’żona ta’ habitat u ta’ habitat ta’ natura rurali.

III – Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

22.      Il-Gvern tal-Wallonie ħa diversi inizjattivi fir-rigward tal-eoliċi, u f’dan ir-rigward ippubblika rapport ambjentali li fir-rigward tiegħu l-pubbliku seta’ jissottometti l-fehmiet tiegħu. Madankollu, ebda waħda minn dawn l-inizjattivi ma wasslet għall-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni vinkolanti.

23.      Minflok, il-Gvern tal-Wallonie adotta d-digriet ikkontestat, li kien mir-rikorrenti kkontestaw fil-kawża prinċipali (P. D’Oultremont et) quddiem il-kunsill tal-Istat Belġjan. Il-kwistjoni hija, b’mod partikolari, jekk dan id-digriet kellux ikun suġġett għal evalwazzjoni ambjentali strateġika.

24.      Għalhekk fir-rigward ta’ din il-proċedura, il-kunsill tal-Istat jagħmel id-domanda li ġejja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikoli 2(a) u 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, jimplikaw li għandu jiġi kkwalifikat bħala “pjan jew programm” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet digriet leġiżlattiv li jinkludi diversi dispożizzjonijiet relatati mal-installazzjoni ta’ turbini li jaħdmu bir-riħ [eoliċi], inklużi miżuri ta’ sigurtà, ta’ kontroll, ta’ tiswija u ta’ garanziji finanzjarji, kif ukoll regoli dwar il-ħsejjes iddefiniti fir-rigward taż-żoni ta’ ppjanar, liema dispożizzjonijiet jirregolaw il-ħruġ ta’ permessi amministrattivi li jagħtu d-dritt lill-persuna responsabbli mill-kostruzzjoni li twaqqaf u li topera installazzjonijiet suġġetti ipso iure għall-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent abbażi tad-dritt intern?”

25.      P. Oultremont et, il-Federazzjoni Belġjana għal enerġija rinnovabbli u alternattiva (Féderation de l‘Énergie d’origine renouvelable et alternative ASBL, iktar ’il quddiem “EDORA”), ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u orali. Minbarra dan, ir-Repubblika Franċiża pparteċipat fis-seduta li nżammet fis-7 ta’ April 2016.

IV – Evalwazzjoni

26.      Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari tiegħu, il-kunsill tal-Istat jixtieq ikun jaf jekk digriet li jinkludi regoli fil-qasam tal-kostruzzjoni u tal-użu ta’ installazzjonijiet eoliċi u għalhekk jipprovdi qafas għal dawn l-installazzjonijiet jikkostitwixxix pjan jew programm fis-sens tad-Direttiva ESEA.

27.      Skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESEA, l-espressjoni “pjanijiet u programmi” fis-sens tad-direttiva tfisser pjanijiet u programmi kif ukoll it-tibdiliet tagħhom imfassla u/jew adottati minn awtorità jew imfassla minn awtorità fid-dawl tal-adozzjoni tagħhom mill-parlament jew mill-gvern, abbażi ta’ proċedura leġiżlattiva, u li għandhom ikunu meħtieġa skont liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi.

28.      Kif diġà sostnejt fil-kuntest ta’ kawża oħra, din id-dispożizzjoni ma tiddefinixxix iż-żewġ kunċetti, iżda sempliċement tikkwalifikahom. Fis-sens tad-Direttiva ESEA, l-espressjoni “pjanijiet u programmi” tindika l-pjanijiet u programmi li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet (addizzjonali) (14).

29.      Fl-ewwel sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva ESEA, mogħtija fil-kawża Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie, li ngħatat b’risposta għal talba għal deċiżjoni preliminari tal-kunsill tal-Istat Belġjan, dawn iż-żewġ kunċetti, li huma fundamentali għad-direttiva, lanqas ma huma ddefiniti b’mod eżawrjenti. Kuntrarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata unikament li, kemm mill-karatteristiċi tagħhom kif ukoll mill-intenzjoni stess tal-leġiżlatur tal-Unjoni, il-programmi ta’ azzjoni skont id-direttiva Nitrati (15) fi kwalunkwe każ jikkostitwixxu “pjanijiet u programmi” (16).

30.      Din ir-restrizzjoni fid-definizzjoni taż-żewġ kunċetti “pjanijiet u programmi” hija dovuta għall-fatt li dawn il-kunċetti jintużaw għal numru kbir ta’ miżuri differenti, kemm fil-kuntest tad-Direttiva ESEA kif ukoll drabi oħra fid-dritt tal-Unjoni, iżda li l-portata speċifika tagħhom fl-implementazzjoni sussegwenti tad-Direttiva ESEA, tal-inqas f’dak iż-żmien, ma kinitx għadha prevedibbli b’mod ċar. Il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni indika, fid-Direttiva 2003/35 (17), li l-programmi ta’ azzjoni skont id-Direttiva Nitrati għandhom jitqiesu bħala pjanijiet u programmi fis-sens tad-Direttiva ESEA (18) ukoll ma ffaċilitax id-delimitazzjoni ta’ dawn il-kunċetti.

31.      Madankollu, it-talba għal deċiżjoni preliminari u l-partijiet inkwistjoni jeżiġu issa li dawn il-lakuni jiġu rrimedjati u, f’dan ir-rigward, iddiskutew diversi definizzjonijiet possibbli.

32.      Sal-lum għadu ma tteħidx inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-frattemp, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet, fis-sentenza Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et, billi bbażat ruħha, fost oħrajn, fuq konstatazzjoni dwar l-għanijiet tad-Direttiva ESEA magħmula fis-sentenza Inter-Environnement Bruxelles et (19), dak li għandu jiġi mifhum bħala pjan jew programm. Skont din is-sentenza, dan huwa att li jiddefinixxi l-kriterji kif ukoll il-modalitajiet tal-iżvilupp tat-territorju u jistabbilixxi regoli u proċeduri ta’ kontroll li għalihom tkun suġġetta l-implementazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar (iktar ’il quddiem id-“definizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”) (20).

33.      Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, fid-dawl tal-iskop (ġenerali) tad-Direttiva ESEA, li jikkonsisti fil-garanzija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent, id-dispożizzjonijiet li jiddelimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, u b’mod partikolari dawk li jipprovdu d-definizzjonijiet tal-atti previsti minnha, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ (21).

34.      Fid-dubju, id-delimitazzjoni taż-żewġ kunċetti meta pparagunati ma’ miżuri oħra għandha għalhekk issir fir-rigward tal-għan speċifiku stabbilit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva ESEA, jiġifieri l-pjanijiet u l-programmi li jista’ jkollhom effettivi sinjifikattivi fuq l-ambjent jiġu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali (22).

35.       Skont id-definizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-digriet ikkontestat jiddefinixxi kriterji kif ukoll modalitajiet għall-iżvilupp ta’ installazzjonijiet eoliċi u jistabbilixxi regoli u proċeduri ta’ kontroll ta’ numru indeterminat ta’ proġetti eoliċi. Huwa evidenti li d-dispożizzjonijiet tiegħu jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. Għal din ir-raġuni biss, jidher opportun li dan id-digriet ikun suġġett għal evalwazzjoni ambjentali bil-parteċipazzjoni tal-pubbliku. Dan jeħtieġ il-kunsiderazzjoni ta’ dan id-digriet bħala pjan jew programm b’mod partikolari billi l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ESEA jiġu interpretati b’mod wiesa’.

36.      Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-kunsill tal-Istat jipprevedi l-possibbiltà li pjan jew programm ikollu jirrigwarda żona ġeografikament iktar ristretta (ara taħt A) u/jew jikkostitwixxi pjan globali u koerenti, li għandu n-natura ta’ pjanifikazzjoni konkreta u artikolata (ara taħt B). Minbarra dan, ċerti partijiet jitolbu li pjan jew programm ikun distint minn leġiżlazzjonijiet iktar ġenerali (ara taħt Ċ).

A –    Fuq ir-rabta territorjali neċessarja

37.      Il-kunsill tal-Istat jibbaża ruħu, fir-riflessjonijiet tiegħu dwar ir-rabta territorjali neċessarja, fuq dispożizzjonijiet tal-annessi tad-Direttiva ESEA, li jipprovdu li r-rapport ambjentali li għandu jiġi stabbilit f’każ ta’ evalwazzjoni ambjentali għandu jindika l-karatteristiċi ambjentali taż-żoni li aktarx ikunu milquta b’mod sinjifikattiv [Anness I, taħt (ċ)]. Fatturi territorjali għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-eżami intiż sabiex jiġi stabbilit huwiex probabbli li jkun hemm effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (il-ħames u s-seba’ inċiżi tal-Anness II). Dawn id-dispożizzjonijiet probabbilment jieħdu bħala mudell il-pjanijiet ta’ użu ta’ art.

38.      Bl-istess mod, id-definizzjoni tal-kunċetti “pjanijiet u programmi” mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinftiehem fis-sens li pjan jew programm għandu jkopri territorju partikolari, peress li l-att ikkonċernat għandu jkollu bħala suġġett “pjanar ta’ bliet” [żvilupp tat-territorju] (23).

39.      B’tali interpretazzjoni, jista’ jitqajjem dubju li d-digriet inkwistjoni għandu rabta suffiċjenti ma’ territorji partikolari. Id-daqs territorjali prinċipali huwa rifless bil-fatt li japplika għat-territorju kollu tar-Reġjun tal-Wallonie. Huma biss il-valuri tal-limiti li huwa jipprevedi fil-qasam tal-ħoss li għandhom rabta territorjali stretta, peress li dawn huma stabbiliti skont tipi ta’ żoni differenti bħala “żoni ta’ ppjanar”.

40.      Madankollu, la d-Direttiva ESEA u lanqas id-definizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistabbilixxu kriterji li jindikaw liema delimitazzjoni territorjali hija suffiċjentement preċiża sabiex tkun suġġetta għal pjan jew għal programm.

41.      Barra minn hekk, eżami iktar preċiż juri li r-rekwiżiti territorjali tal-annessi jistgħu wkoll jiġu validament applikati għal-leġiżlazzjonijiet applikabbli, bħad-digriet, għal reġjun sħiħ jew għal ċerti tipi ta’ territorji fi ħdan reġjun.

42.      Dan huwa partikolarment evidenti fil-każ tal-valuri tal-limiti previsti fil-qasam tal-ħoss. Dawn huma evidentement ibbażati fuq ipoteżijiet fir-rigward tas-sensittività ta’ tipi differenti ta’ territorji, li min-naħa tagħhom jikkorrispondu ma’ żoni partikolari fi ħdan ir-Reġjun tal-Wallonie, pereżempju ż-żoni residenzjali kollha. Dawn l-ipoteżijiet jistgħu jiġu ppreżentati u diskussi fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ effetti ambjentali possibbli fuq dawn it-territorji.

43.      Fl-aħħar mill-aħħar, l-istess japplika għal-leġiżlazzjonijiet applikabbli għar-Reġjun tal-Wallonie kollu, peress li dawn huma bbażati fuq kunsiderazzjonijiet fil-qasam tal-effett ambjentali u fuq sensittivitajiet fi ħdan dan ir-reġjun li jistgħu huma wkoll jiġu ppreżentati u diskussi. Matul it-tfassil ta’ dawn il-leġiżlazzjonijiet, jistgħu (u għandhom) jiġu stabbiliti previżjonijiet fir-rigward ta’ post, fir-reġjun kollu, fejn tali proġetti jistgħu jiġu previsti u għall-effetti li għalhekk ikollhom il-leġiżlazzjonijiet. F’sitwazzjoni ideali, tali kunsiderazzjonijiet u d-diskussjoni tagħhom fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku jwasslu għal titjib tal-leġiżlazzjonijiet proposti, pereżempju billi tali proġetti jiġu pprojbiti f’ċerti postijiet jew billi jiġu suġġetti għal rekwiżiti partikolarment stretti, filwaqt li r-rekwiżiti jistgħu min-naħa l-oħra jkunu flessibbli nħawi oħra.

44.      Barra minn hekk, hemm paralleli bejn id-digriet u l-programmi ta’ azzjoni skont id-direttiva Nitrati rrikonoxxuti bħala pjanijiet jew programmi li, bħala prinċipju, għandhom jitfasslu biss f’“żoni vulnerabbli” (24), iżda li għandhom madankollu, ukoll, skont l-Artikolu 3(5) ta’ din id-direttiva, jiġu applikati għat-territorju kollu ta’ Stat Membru.

45.      Konsegwentement, nipproponi li d-definizzjoni tal-kunċetti “pjanijiet u programmi” imsemmija fid-Direttiva ESEA tiġi kkjarifikata fis-sens li dawn il-pjanijiet u programmi ma għandhomx ikollhom bħala suġġett l-iżvilupp ta’ territorju partikolari, iżda l-iżvilupp ta’ territorji jew ta’ żoni inġenerali.

B –    B - Fuq in-natura kompleta tal-kuntest stabbilit għall-proġett

46.      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta wkoll li d-digriet ikkontestat huwa ċertament intiż għal ċertu settur ekonomiku, jiġifieri l-operat ta’ parks eoliċi, iżda ma jiddefinixxix għal dan il-għan il-qafas komplet, jiġifieri ġabra ta’ miżuri kkoordinati. Il-kunsill tal-Istat għalhekk jistaqsi jekk miżuri li parzjalment jistabbilixxu qafas għall-awtorizzazzjoni tal-proġetti jistgħux jitqiesu bħala pjan jew programm.

47.      Id-definizzjoni ta’ “pjanijiet u programmi” mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tista’ timmilita favur in-neċessità ta’ qafas komplet. Hija ssemmi “l-kriterji u l-modalitajiet għall-iżvilupp tat-territorju” (25). Dan jista’ jinftiehem fis-sens li, bħala prinċipju, il-kriterji u l-modalitajiet kollha tal-iżvilupp għandhom jagħmlu parti mill-pjan jew mill-programm, li jfisser li għandu jiġi stabbilit qafas komplet.

48.      Stricto sensu, din il-kwistjoni madankollu tikkonċerna, pjuttost milli l-interpretazzjoni tal-kunċetti “pjanijiet u programmi” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESEA, il-kwistjoni dwar jekk tali miżura għandhiex tkun suġġetta għal evalwazzjoni ambjentali skont l-Artikolu 3(2)(a) jew l-Artikolu 3(4). Fil-fatt, skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-pjan jew il-programm inkwistjoni għandu, sabiex ikun suġġett għal evalwazzjoni ambjentali, jiddefinixxi l-qafas li fih l-implementazzjoni ta’ proġetti tista’ tiġi awtorizzata fil-futur. Skont l-istruttura tad-Direttiva ESEA, jistgħu għalhekk jeżistu pjanijiet u programmi li ma jistabbilixxu ebda qafas, u li għalhekk ma huwiex neċessarju li jiġu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali.

49.      L-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva ESEA jikkonferma dan. Dan jikkonċerna t-tieni grupp ta’ pjani u programmi, li għalkemm suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali, ma jiddefinixxux neċessarjament il-qafas ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġetti. Dawn huma pjanijiet u programmi li, minħabba l-effetti probabbli li jistgħu jkollhom fuq siti, ġie stabbilit li jeħtieġu evalwazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitats.

50.      Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk in-neċessità ta’ qafas hijiex marbuta maż-żewġ kunċetti “pjanijiet u programmi” jew jekk hijiex kundizzjoni indipendenti minn ċerti obbligi fil-qasam ta’ evalwazzjoni ambjentali, għandu madankollu jiġi ppreċiżat jekk il-qafas għandux ikun komplet. Fil-fatt, f’każ kuntrarju, il-kunsill tal-istat ma jkunx jista’ jiddeċiedi t-tilwima, li tkun pendenti quddiemu, dwar in-neċessità li d-digriet inkwistjoni jiġi suġġett għal evalwazzjoni ambjentali.

51.      Il-Belġju u EDORA jikkunsidraw, f’dan ir-rigward, li pjan jew programm għandu jikkostitwixxi approċċ globali u koerenti, li jipprovdi pjanifikazzjoni konkreta u strutturata. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-pjanijiet ta’ azzjoni skont id-direttiva Nitrati kellhom din il-karatteristika (26), meta hija kklassifikathom bħala pjanijiet jew programmi fis-sens tad-Direttiva ESEA.

52.      Madankollu, din id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċerna biss il-pjanijiet ta’ azzjoni li kienu suġġetti għal din il-proċedura u hija manifestament ispirata mill-ġurisprudenza preċedenti, iċċitata wkoll mill-Belġju, dwar ir-rekwiżiti imposti fuq il-programmi fil-qasam tal-ilma (27).

53.      Ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ pjanijiet jew ta’ programmi intiżi sabiex jintlaħqu ċerti għanijiet stabbiliti minn dan id-dritt joriġinaw, naturalment, minn dawn l-għanijiet infushom, pereżempju, fil-każ tal-pjanijiet ta’ azzjoni skont id-direttiva Nitrati, mill-għan ta’ restrizzjoni tat-tifrix ta’ nitrati fl-art agrikola. Tali miżuri għandhom jiġu kkonċepiti b’mod li jintlaħqu l-għanijiet inkwistjoni. Għal dan il-għan, approċċ globali u koerenti, li jipprovdi pjanifikazzjoni konkreta u strutturata, huwa ġeneralment meħtieġ.

54.      Id-definizzjoni ta’ pjanijiet jew programmi fis-sens tad-Direttiva ESEA min-naħa l-oħra ma tiddependix mill-għan tal-miżura kkonċernata. Hija għandha tkun irregolata bl-għan tad-Direttiva ESEA li huwa dak li jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest ta’ pjanijiet jew ta’ programmi li aktarx ikollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali preliminari (28). Sabiex jintlaħaq dan l-għan tad-Direttiva ESEA, huwa irrilevanti liema huwa l-għan intiż mill-miżura inkwistjoni jew jekk din tal-aħħar tikkostitwixxix approċċ globali u koerenti, li jipprovdi pjanifikazzjoni konkreta u strutturata, jew jekk din tirrigwardax biss aspett parzjali ta’ qasam problematiku.

55.      Barra minn hekk, li tiġi limitata l-applikabbiltà tad-Direttiva ESEA għall-approċċi globali u korenti iħeġġeġ l-awtoritajiet jevitaw l-obbligu ta’ evalwazzjoni billi dawn l-approċċi jinqasmu f’diversi miżuri parzjali li fihom infushom ma għandhomx natura globali u għalhekk ma għandhomx jiġu suġġetti għal evalwazzjoni. Kif indikat il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu diġà ċaħdet tali prattiki li tiġi evitata d-Direttiva SEA (29). L-istess għandu japplika għad-Direttiva ESEA.

56.      Għaldaqstant, la d-definizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas l-Artikolu 3(2)(a) u (4) tad-Direttiva ESEA ma jistgħu jinftiehmu fis-sens li pjan jew programm għandu jinkludi tali approċċ globali u koerenti. Kuntrarjament, għandu wkoll ikun possibbli li tiġi applikata l-proċedura ta’ evalwazzjoni strateġika ambjentali għal miżura li tiddefinixxi biss parzjalment il-qafas li fih l-implementazzjoni tal-proġetti tkun tista’ tiġi awtorizzata fil-futur, li tirrigwarda biss ċerti aspetti tal-iżvilupp ta’ territorju, meta żvilupp skont din il-miżura jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

57.      Konsegwentement, nipproponi li tiġi kkjarifikata d-definizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li pjanijiet jew programmi kif imsemmija mid-Direttiva ESEA ma għandhomx jiddefinixxu l-kriterji kif ukoll il-modalitajiet ta’ żvilupp, iżda huwa suffiċjenti li jiddefinixxu kriterji u modalitajiet ta’ żvilupp. Minbarra dan, l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva ESEA ma jippreżupponix li l-pjan jew il-programm inkwistjoni jistabbilixxi qafas komplet ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġetti.

C –    Fuq id-delimitazzjoni fir-rigward ta’ leġiżlazzjonijiet ġenerali

58.      Fl-aħħar nett, numru ta’ partijiet differenti jippruvaw jagħmlu distinzjoni bejn il-pjanijiet u programmi ta’ leġiżlazzjonijiet ġenerali bħad-digriet inkwistjoni li, skont dawn, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ESEA. Dawn jikkonċentraw l-argument tagħhom fuq il-fatt li ċerti konvenzjonijiet internazzjonali jipprevedu rekwiżiti inqas restrittivi fil-qasam ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku u ta’ evalwazzjoni ambjentali ta’ politika u ta’ leġiżlazzjonijet ġenerali milli għal pjanijiet u programmi (ara taħt 2). Qabel ma nanalizza dan l-argument, nixtieq madankollu nfakkar li pjanijiet u programmi jistgħu wkoll ikunu ta’ natura leġiżlattiva u, għal din ir-raġuni biss, ma humiex awtomatikament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ESEA (ara taħt 1).

1.      Fuq in-natura leġiżlattiva ta’ pjanijiet jew programmi

59.      Mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESEA jirriżulta li l-pjanijiet u programmi jistgħu jiġu adottati mill-parlament jew mill-gvern abbażi ta’ proċedura leġiżlattiva.

60.      Min-naħa l-oħra, id-Direttiva ESEA ma tinkludi ebda dispożizzjoni li tikkorrispondi mal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva SEA, li jipprevedi li, f’każijiet fejn proġett huwa adottat b’att leġiżlattiv nazzjonali speċifiku, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw dak il-proġett mid-dispożizzjonijiet relatati mal-konsultazzjoni pubblika (30).

61.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, dwar il-programmi ta’ azzjoni skont id-direttiva Nitrati, li, għalkemm mhux kull miżura leġiżlattiva tikkostitwixxi “pjan” jew “programm” fis-sens tad-Direttiva ESEA, is-sempliċi fatt li tali miżura tiġi adottata permezz ta’ att leġiżlattiv ma jeskludihiex mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (31).

62.      Id-definizzjoni ta’ pjanijiet u programmi stabbilita sussegwentement mill-Qorti tal-Ġustizzja tinkludi hija wkoll manifestament il-miżuri leġiżlattivi, peress li l-liġijiet jistgħu jkunu atti li jiddefinixxu kriterji kif ukoll modalitajiet ta’ żvilupp ta’ territorju jew ta’ użu tal-art u jistabbilixxu regoli u proċeduri ta’ stħarriġ ta’ proġetti.

63.      Il-portata tal-kunċetti “pjanijiet u programmi” tad-Direttiva ESEA ma tistax għalhekk tiġi ristretta billi jiġu esklużi l-miżuri adottati fil-forma ta’ liġi

2.      Fuq il-kontenut tal-miżura

64.      Għal din ir-raġuni, ċerti partijiet jagħmlu distinzjoni bejn il-pjanijiet u programmi ta’ miżuri oħra skont il-kontenut tagħhom.

65.      Fir-rigward ta’ pjanijiet u programmi, minn naħa, u ta’ proġetti individwali, min-naħa l-oħra, tali distinzjoni hija neċessarja minħabba r-relazzjoni bejn id-Direttiva ESEA u d-Direttiva SEA. Ma jagħmilx sens li l-effetti ambjentali ta’ miżura jiġu eżaminati darbtejn, jiġifieri skont żewġ direttivi (32). Din hija waħda mir-raġunijiet għalfejn id-Direttiva SEA hija l-leġiżlazzjoni l-iktar speċifika għall-proġetti individwali (33).

66.      Sabiex issir distinzjoni bejn il-pjanijiet u programmi mhux biss ta’ proġetti individwali, iżda, fis-sens l-ieħor, ta’ regoli (anki) iktar ġenerali, ċerti partijiet jinvokaw l-Artikoli 7 u 8 tal-Konvenzjoni ta’ Århus kif ukoll il-protokoll ta’ Kiev.

67.      It-tipi ta’ miżuri kkonċernati huma ddefiniti fl-ikbar dettall fil-Konvenzjoni ta’ Århus. L-ewwel sat-tielet sentenzi tal-Artikolu 7 jipprevedu parteċipazzjoni xierqa tal-pubbliku fir-rigward ta’ pjanijiet u programmi relatati mal-ambjent. Minbarra dan, ir-raba’ sentenza ta’ dan l-artikolu teħtieġ li kull Stat kontraenti jagħmel ħiltu sabiex il-pubbliku jipparteċipa fil-politika relatata mal-ambjent. Fl-aħħar nett, il-partijiet jimpenjaw ruħhom, skont l-Artikolu 8, li jippromwovu regolamenti u regoli legalment vinkolanti oħra ta’ aplikazzjoni ġenerali li jistgħu jkollhom effett sinjifikattiv fuq l-ambjent.

68.      Il-protokoll ta’ Kiev, li jirrigwarda speċifikament l-evalwazzjoni strateġika ambjentali, ukoll jagħmel din id-distinzjoni. Filwaqt li d-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ pjanijiet u programmi essenzjalment jikkoinċidu ma’ dawk tal-Artikolu ESEA, il-protokoll jinkludi minbarra dan Artikolu 13 li jsemmi espressament it-testi politiċi jew leġiżlattivi. Matul it-tfassil tagħhom, il-partijiet għandhom ġustament jagħmlu ħilithom li jiżguraw li t-tħassib dwar l-ambjent jittieħed inkunsiderazzjoni.

69.      Madankollu jidher inkonċepibbli li dawn il-ftehimiet internazzjonali jikkostitwixxu mudell għad-Direttiva ESEA fir-rigward tad-delimitazzjoni tal-kunċetti “pjan jew programm”. La l-Konvenzjoni ta’ Århus u lanqas il-protokoll ta’ Kiev ma kienu jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni matul l-adozzjoni tad-Direttiva ESEA. Għalkemm il-konvenzjoni kienet teżisti, din ma hijiex imsemmija fid-Direttiva ESEA; b’mod partikolari, din tal-aħħar ma hijiex intiża li tittrasponiha. Filwaqt li d-direttiva tantiċipa, fil-premessa 7 tagħha, il-protokoll konkluż preċedentement u hija intiża, skont dikjarazzjoni magħmula waqt ir-rattifika tagħha, sabiex tittrasponiha, lanqas ma jirriżulta minn dan li l-protokoll jeħtieġ interpretazzjoni stretta tad-direttiva.

70.      Barra minn hekk, id-Direttiva ESEA tagħmel distinzjoni bejn dawn iż-żewġ konvenzjonijiet internazzjonali, peress li fil-fatt ma tinkludix dispożizzjonijiet speċifiċi għal politika u għal leġiżlazzjonjiet ġenerali li jeħtieġu delimitazzjoni fir-rigward ta’ pjani u programmi.

71.      Minbarra dan, interpretazzjoni restrittiva tal-kunċetti ta’ pjan u ta’ programm fuq din il-bażi la tkun kompatibbli mal-prinċipju ta’ interpretazzjoni wiesgħa tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ESEA (34) u lanqas mal-għan globali li l-miżuri li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent jiġu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali (35). Ma huwiex sorprendenti li dawn iż-żewġ kunsiderazzjonijiet għandhom inqas piż fil-kuntest ta’ konvenzjonijiet internazzjonali ma’ Stati terzi. Dawn tal-aħħar ma humiex neċessarjament obbligati, kuntrarjament għall-Unjoni skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(3) UE, tal-Artikolu 191(2) TFUE u tal-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jsegwu livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent. Il-ftehimiet ambjentali ma’ Stati terzi jistgħu għalhekk jinkludu kompromessi li ma jilħqux il-livell ta’ protezzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea (36).

72.      Konsegwentement, traspożizzjoni tal-klassifikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Århus u tal-protokoll ta’ Kiev mad-Direttiva ESEA iktar qadima ma hijiex obbligatorja.

73.      Lanqas ma huwa konċepibbli li jsir riferiment għat-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Espoo, li kienet tagħmel parti mid-dritt tal-Unjoni waqt negozjati dwar id-Direttiva ESEA u li għalhekk tista’, pjuttost milli l-ftehimiet iċċitati iktar ’il fuq, tiġi invokata bħala ispirazzjoni possibbli għad-direttiva. Konformement mal-verżjonijiet awtentiċi (Ingliż, Franċiż u Russu), il-partijiet għandhom jagħmlu ħilithom, sa fejn huwa xieraq, sabiex japplikaw il-prinċipji ta’ evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent għall-politika, pjanijiet u programmi. It-tliet tipi ta’ miżuri għalhekk huma ttrattati bl-istess mod.

74.      Konsegwentement, ma hemm ebda raġuni li jiġu esklużi l-politika jew il-leġiżlazzjoni mid-definizzjoni tal-kunċetti “pjanijiet u programmi” mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja.

75.      L-espożizzjoni tal-Belġju, li d-digriet ikkontestat huwa paragunabbli ma’ regoli ġenerali vinkolanti fis-sens tal-Artikolu 6 tad-direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali (37) li ma jeħtiġux evalwazzjoni ambjentali, ma tbiddilx il-konklużjoni preċedenti.

76.      F’dan ir-rigward, għandu ċertament jiġi rrikonoxxut li d-direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali la tipprevedi evalwazzjoni ambjentali u lanqas parteċipazzjoni tal-pubbliku, għall-adozzjoni ta’ tali regoli mill-Istati Membri. Minbarra dan, għad-differenza tal-programmi ta’ azzjoni skont id-direttiva Nitrati, ma hemm ebda att ieħor tal-Unjoni li jissuġġerixxi li tali regoli għandhom jitqiesu bħala pjanijiet jew programmi.

77.      Dan ma jeskludix madankollu li tali regoli ġenerali vinkolanti fis-sens tal-Artikolu 6 tad-direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jkunu fil-fatt pjanijiet jew programmi li jeħtieġu evalwazzjoni ambjentali skont id-Direttiva ESEA. Fil-fatt, tali dispożizzjonijiet jiddefinixxu kriterji kif ukoll modalitajiet ta’ żvilupp ta’ territorju jew ta’ użu ta’ art u jistabbilixxu regoli u proċeduri ta’ kontroll ta’ proġetti. Dawn jistgħu ukoll ovvjament ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

78.      Minbarra dan, il-programmi ta’ azzjoni skont id-direttiva Nitrati jinkludu huma wkoll, skont il-punt 2 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, valur limitu għat-tifrix tan-nitroġenu.

79.      Konsegwentement, valuri tal-limiti ġenerali jistgħu wkoll jagħmlu parti minn “pjanijiet u programmi” fis-sens tad-Direttiva ESEA.

D –    Osservazzjonijiet finali

80.      Minbarra l-klassifikazzjoni tad-digriet ikkontestat bħala pjan jew programm, l-obbligu li ssir evalwazzjoni strateġika ambjentali jirrikjedi kundizzjonijiet oħra.

81.      F’dan ir-rigward, il-kunsill tal-Istat jikkunsidra li d-digriet ikkontestat huwa miżura li, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESEA, għandha tkun “meħtieġa” minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari, jew amministrattivi. Dan id-digriet jikkonċerna wkoll inkontestabbilment il-qasam tal-enerġija ċċitat fl-Artikolu 3(2)(a) u l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti li jaqgħu taħt id-Direttiva ESEA, jiġifieri l-installazzjonijiet eoliċi fis-sens tal-punt 3(i) tal-Anness II.

82.      EDORA hija tal-opinjoni li d-dispożizzjonijiet tad-digriet ma jistgħux ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. Madankollu dan ma huwiex, strictu sensu, kundizzjoni tal-obbligu li ssir evalwazzjoni ambjentali skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva ESEA. Huwa minnu li jista’ jiġi dedott il-kuntarju fis-sentenza Dimos Kropias Attikis, iżda f’tali każ, l-eżami tal-possibbiltà ta’ effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ikun limitat għall-kwistjoni dwar jekk jistax jiġi eskluż, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li l-imsemmi pjan jew l-imsemmi proġett jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv (38). Jidher ftit probabbli li dan ikun possibbli fir-rigward tal-iffissar ta’ valuri tal-limitu, b’mod partikolari fil-qasam tal-ħoss u tal-previżjoni perijodika ta’ dellijiet ta’ installazzjonijiet eoliċi.

83.      Il-kunsill tal-Istat ser ikollu madankollu jeżamina jekk l-evalwazzjoni ambjentali u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-kuntest ta’ inizjattivi oħra tal-Wallonie ta’ leġiżlazzjoni tal-użu tal-enerġija eolika inkludewx ukoll l-effetti ambjentali tad-digriet ikkontestat, kif tindika EDORA. Fil-fatt, id-Direttiva ESEA bħala prinċipju ma teħtieġx evalwazzjoni doppja tal-effetti ambjentali, b’mod li evalwazzjoni ambjentali differenti tad-digriet probabbilment kienet superfluwa (39). Jekk, madankollu, jirriżulta korrett, kif jaffermaw P. D’Oultremont et, li l-osservazzjonijiet fil-kuntest ta’ din il-parteċipazzjoni tal-pubbliku ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni, din il-parteċipazzjoni ma tistax tissostitwixxi evalwazzjoni ambjentali speċifika tad-digriet ikkontestat.

V –    Konklużjoni

84.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari kif ġej:

1)      “Pjan jew programm” fis-sens tad-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent huwa att li jiddefinixxi kriterji kif ukoll modalitajiet ta’ żvilupp ta’ territorji jew ta’ użu ta’ art u jistabbilixxi regoli u proċeduri ta’ kontroll li għalihom tkun suġġetta l-implementazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar.

2)      L-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42 ma jippreżupponix li l-pjan jew il-programm inkwistjoni jistabbilixxi qafas komplet ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġetti.

3)      Għandu jiġi kklassifikat bħala “pjan jew programm” fis-sens tad-Direttiva 2001/42 digriet li jinkludi diversi dispożizzjonijiet dwar l-installazzjoni ta’ eoliċi, inkluż miżuri ta’ sigurtà, ta’ kontroll, ta’ tiswija u ta’ garanziji finanzjarji, kif ukoll regoli dwar il-ħoss iddefiniti fir-rigward taż-żoni ta’ “ppjanar”, li jippreskrivu tal-inqas parzjalment il-ħruġ ta’ permessi amministrattivi ta’ installazzjonijiet iċċitati fil-punt 3(i) tal-Anness II tad-Direttiva 2011/92/UE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent.


1 –      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2–      Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157).


3–      Sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie (C‑105/09 u C‑110/09, EU:C:2010:355).


4–      Minn dak iż-żmien il-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet għal domandi dwar din id-direttiva f’disa’ talbiet għal deċiżjoni preliminari ġodda. Minbarra din il-proċedura, tal-inqas żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari oħra huma attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


5–      Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012, Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (C‑43/10, EU:C:2012:560, punt 95).


6–      ĠU 1992, C 104, p. 7.


7–      Skont il-proposta ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-ewwel u tat-tieni emendi tal-konvenzjoni ta’ ESPOO tal-KEE-ONU dwar l-istima tal-impatt fuq l-ambjent f’kuntest transkonfinali [COM(2007) 470 finali)], il-Komunità approvat din il-konvenzjoni fis-27 ta’ Ġunju 1997 permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill mhux ippubblikata, apparentement fil-15 ta’ Ottubru 1996 (ara abbozz tal-ewwel deċiżjoni tal-Kunisll fil-ĠU 1992, C 104, p. 5).


8–      ĠU 2008, L 308, p. 35 (iktar ’il quddiem il-protokoll ta’ Kiev”).


9–      Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/871/KE, tal-20 ta’ Ottubru 2008, dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali għall-Konvenzjoni ta’ Espoo tal-UN/ECE tal-1991 dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali f’Kuntest Transkonfinali (ĠU 2008, L 308, p. 34).


10–      Ara d-dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea skont l-Artikolu 23(5) tal-Protokoll dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali għall-Konvenzjoni ta’ Espoo tal-UN/ECE tal-1991 dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali f’Kuntest Transkonfinali (ĠU 2008, L 308, p. 34).


11–      ĠU 2005, L 124, p. 4, adottata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, p. 17).


12–      Ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:491, punti 64 sa 85).


13 – Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2011, L 26, p. 1, iktar ’il quddiem id-“direttiva SEA”), emendata fl-aħħar lok mid-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 (ĠU 2014, L 124, p. 1).


14–      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Terre wallonne u Inter‑Environnement Wallonie (C‑105/09 u C‑110/09, EU:C:2010:120, punt 38).


15–      Direttiva tal-Kunsill 91/767/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 68, iktar ’il quddiem id-“direttiva Nitrati”) kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jadatta għad-Deċiżjoni tal-Kunsill  1999/468/KE id-dispożizzjonijiet dwar kumitati li jassistu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha stabbiliti fi strumenti suġġetti għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447).


16–      Sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie (C‑105/09 u C‑110/09, EU:C:2010:355, punt 42).


17–      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466).


18–      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Terre wallonne u Inter‑Environnement Wallonie (C‑105/09 u C‑110/09, EU:C:2010:120, punt 26).


19–      Sentenza tat-22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2012:159, punt 30).


20–      Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012, Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (C‑43/10, EU:C:2012:560, punt 95).


21–      Sentenzi tat-22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2012:159, punt 37), u tal-10 ta’ Settembru 2015, Dimos Kropias Attikis (C‑473/14, EU:C:2015:582, punt 50).


22–      F’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 40), u tat-22 ta’ Marzu 2012, Inter‑Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2012:159, punt 30).


23–      Korsiv miżjud minni.


24–      Sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie (C‑105/09 u C‑110/09, EU:C:2010:355, punti 36 u 47).


25–      Korsiv miżjud minni.


26–      Sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie (C‑105/09 u C‑110/09, EU:C:2010:355, punt 47).


27–      Sentenza tal-21 ta’ Jannar 1999, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑207/97, EU:C:1999:17, punt 40), kif ukoll sentenza, iċċitata mill-Pajjiżi l-Baxxi, tal-4 ta’ Lulju 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑387/97, EU:C:2000:356, punt 76), dwar miżuri ta’ pjanifikazzjoni ta’ regoli fil-qasam tal-iskart.


28–      Sentenzi tat-28 ta’ Frar  2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 40), u tat-22 ta’ Marzu 2012, Inter Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2012:159, punt 30).


29–      Sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑392/96, EU:C:1999:431, punt 76).


30–      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Terre wallonne u Inter‑Environnement Wallonie (C‑105/09 u C‑110/09, EU:C:2010:120, punt 40).


31–      Sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie (C‑105/09 u C‑110/09, EU:C:2010:355, punt 41).


32–      Sentenzi tat-22 ta’ Settembru 2011, Valčiukienė et (C‑295/10, EU:C:2011:608, punt 62) u tal‑10 ta’ Settembru 2015, Dimos Kropias Attikis (C‑473/14, EU:C:2015:582, punt 58).


33–      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (C‑43/10, EU:C:2011:651, punt 151).


34–      Sentenzi tat-22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2012:159, punt 37), u tal-10 ta’ Settembru 2015, Dimos Kropias Attikis (C‑473/14, EU:C:2015:582, punt 50).


35 –      Sentenzi tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 40), u tat-22 ta’ Marzu 2012, Inter Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2012:159, punt 30).


36–      Sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1998, Safety Hi-Tech (C‑284/95, EU:C:1998:352, punt 48), u tal-14 ta’ Lulju 1998, Bettati (C‑341/95, EU:C:1998:353, punt 46).


37–      Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU 2010, L 334, p. 17).


38–      Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Dimos Kropias Attikis (C‑473/14, EU:C:2015:582, punt 47).


39–      Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Dimos Kropias Attikis (C‑473/14, EU:C:2015:582, punt 58).