Language of document : ECLI:EU:C:2014:13

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

16 ta’ Jannar 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2004/38/KE — Artikolu 16(2) u (3) — Dritt ta’ residenza permanenti ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ priġunerija ta’ dawn iċ-ċittadini”

Fil-Kawża C‑378/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Awwissu 2012, fil-proċedura

Nnamdi Onuekwere

vs

Secretary of State for the Home Department,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.‑C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Ġunju 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal N. Onuekwere, minn M. Henderson u C. Meredith, barristers, inkarigati minn D. Furner, solicitor,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brighouse u H. Walker, bħala aġenti, assistiti minn R. Palmer, barrister,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn E. Creedon, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Palatiello, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Szpunar, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u C. Tufvesson, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Ottubru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2        Din it-talba ġiet mressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn N. Onuekwere u s-Secretary of State for the Home Department (Ministru tal-Intern, iktar ’il quddiem is-“Secretary of State”), dwar deċiżjoni li tirrifjuta lil N. Onuekwere l-benefiċċju ta’ permess ta’ residenza permanenti bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-premessi 17 u 18 tad-Direttiva 2004/38:

“(17) It-tgawdija ta’ residenza permanenti miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għażlu li jittrasferixxu ruħhom għal perjodu indeterminat fl-Istat Membru ospitanti għandha ssaħħaħ is-sens ta’ ċittadinanza ta’ l-Unjoni u hi element prinċipali fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, li hi waħda mill-għanijiet fondamentali ta’ l-Unjoni. Għandu għalhekk jiġi stabbilit dritt ta’ residenza permanenti għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom li għixu fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva u mingħajr ma jkunu suġġetti għal miżura ta’ tkeċċija.

(18)      Sabiex jikkostitwixxi mezz awtentiku ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ l-Istat Membru ospitanti li fih jgħix iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni, id-dritt ta’ residenza permanenti, ġaladarba miksub, m’għandux ikun suġġett għal xi kondizzjonijiet.”

4        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi li:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1.      ‘ċittadin ta’ l-Unjoni’ tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru;

2.      ‘membru tal-familja’ tfisser:

a)      ir-raġel jew martu;

[...]

3.      ‘Stat Membru ospitanti’ tfisser l-Istat Membru li jmur fih ċittadin ta’ l-Unjoni sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u residenza.”

5        L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, intitolat “Benefiċjarji”, jipprovdi li:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.”

6        L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

(a)      ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

(b)      għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

(ċ)      –       miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

      –      għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

d)      membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).

2.      Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(a), (b) jew (ċ).

[...]

4.      Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1(d) u 2 t’hawn fuq, ir-raġel jew il-mara, is-sieħeb/sieħba reġistrat/a previsti fl-Artikolu 2(2)(b) u t-tfal dipendenti biss għandhom id-dritt ta’ residenza bħala membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet taħt 1(ċ) t’hawn fuq. L-Artikolu 3(2) għandu japplika għall-qraba diretti dipendenti tiegħu u għar-raġel, għall-mara jew għas-sieħeb/sieħba reġistrat/a.”

7        L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Regola ġenerali għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom”, li jinsab fil-Kapitolu IV tagħha, intitolat “Dritt ta’ residenza permanenti”, jipprovdi li:

“1.      Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. Dan id-dritt m’għandux ikun suġġett għall-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III.

2.      Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għall-membri tal-familja li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru u li għexu legalment maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin.

3.      Il-kontinwità tar-residenza m’għandhiex tintlaqat minn assenzi temporanji li ma jaqbżux is-sitt xhur f’sena, jew minn assenzi ta’ dewma itwal għal servizz militari obbligatorju, jew minn assenza waħda ta’ massimu ta’ 12‑il xahar konsekuttivi għal raġunijiet importanti bħal tqala u maternità, mard serju, studju jew taħriġ professjonali, jew kariga fi Stat Membru ieħor jew pajjiż terz.

4.      Meta jinkiseb, id-dritt ta’ residenza permanenti għandu jintilef biss permezz ta’ assenza mill-Istat Membru ospitanti għal perjodu ta’ sentejn konsekuttivi.”

 Id-dritt tar-Renju Unit

8        Ir-Regolament tal-2006 dwar l-immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea) [Immigration (European Economic Area) Regulations 2006] jimplementa, fid-dritt tar-Renju Unit, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38.

9        L-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt ta’ residenza permanenti”, jittrasponi l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      N. Onuekwere huwa ċittadin Niġerjan. Fit-2 ta’ Diċembru 1999, huwa żżewweġ ċittadina Irlandiża li teżerċita d-drittijiet tagħha ta’ moviment liberu u ta’ residenza fit-Renju Unit, u li magħha kellu żewġt itfal. Fil-5 ta’ Settembru 2000, N. Onuekwere kiseb, bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, permess ta’ residenza fir-Renju Unit li kien validu għal 5 snin.

11      Fis-26 ta’ Ġunju 2000, N. Onuekwere ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ disa’ xhur, sospiża għal perijodu ta’ sentejn, iżda din il-kundanna ma wasslitx għall-priġunerija effettiva tal-persuna kkonċernata.

12      Fis-16 ta’ Settembru 2004, N. Onuekwere reġa’ ġie kkundannat għal reat imwettaq matul l-2003. Għalkemm il-piena ta’ priġunerija mogħtija kienet ta’ sentejn u sitt xhur, huwa ġie lliberat fis-16 ta’ Novembru 2005. Madankollu, is-Secretary of State, b’deċiżjoni tat-18 ta’ Novembru 2005, ordna t-tkeċċija ta’ N. Onuekwere mir-Renju Unit. Din id-deċiżjoni ġiet annullata minħabba li kien il-konjuġi ta’ ċittadina tal-Unjoni li teżerċita d-drittijiet tagħha mogħtija mit-Trattat KE.

13      Matul ix-xahar ta’ Jannar 2008, N. Onuekwere reġa’ ddaħħal il-ħabs għal reat ieħor. Fit-8 ta’ Mejju 2008, ġie kkundannat għal sentejn u tliet xhur priġunerija. Fis-6 ta’ Frar 2009, N. Onuekwere ġie lliberat, iżda s-Secretary of State reġa’ ordna t-tkeċċija tiegħu mir-Renju Unit. Fid-29 ta’ Ġunju 2010, l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London, annulla madankollu d-deċiżjoni tas-Secretary of State li tordna din it-tkeċċija. Filwaqt li huwa qies li d-dritt ta’ residenza permanenti, fis-sens tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38, kien inkiseb biss mill-konjuġi ta’ N. Onuekwere, din il-qorti qieset li l-elementi speċifiċi għas-sitwazzjoni ta’ N. Onuekwere kienu jipprevalu fuq l-interess pubbliku marbut mat-tkeċċija tiegħu għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku.

14      Sussegwentement, N. Onuekwere ressaq talba għal permess ta’ residenza permanenti, li s-Secretary of State ċaħad permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2010. Għalkemm il-First-tier Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) qies li N. Onuekwere kien jibbenefika minn dritt ta’ residenza, huwa madankollu kkonferma l-assenza tad-dritt ta’ residenza permanenti ta’ N. Onuekwere, li appella quddiem il-qorti tar-rinviju.

15      Din il-qorti tosserva li jekk il-perijodi ta’ priġunerija ta’ N. Onuekwere, ta’ tul totali ta’ tliet snin u tliet xhur, jiġu esklużi mill-kalkolu tat-tul tar-residenza ta’ dan tal-aħħar fir-Renju Unit, din ir-residenza, għalkemm interrotta minn dawn il-perijodi, hija itwal minn ħames snin. Min-naħa l-oħra, jekk l-imsemmija perijodi kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, ir-residenza ta’ N. Onuekwere fir-Renju Unit tkun ta’ disa’ snin u tliet xhur fid-data tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali u ta’ iktar minn għaxar snin fid-data tat-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

16      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London, iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      F’liema ċirkustanzi, jekk inhu l-każ, perijodu ta’ priġunerija jikkostitwixxi residenza legali għall-finijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva [...] 2004/38?

2)      Jekk perijodu ta’ priġunerija ma jikkwalifikax bħala residenza legali, persuna li tkun skontat perijodu ta’ priġunerija hija permessa li tiġbor flimkien il-perijodi ta’ residenza qabel u wara l-priġunerija tagħha għall-finijiet tal-kalkolu tal-perijodu ta’ 5 snin meħtieġ sabiex jiġi stabbilit id-dritt ta’ residenza permanenti skont id-Direttiva?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

17      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-perijodi ta’ priġunerija fl-Istat Membru ospitanti ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun kiseb id-dritt ta’ residenza permanenti f’dan l-Istat Membru matul dawn il-perijodi, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kisba, minn dan iċ-ċittadin, tad-dritt ta’ residenza permanenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

18      Qabelxejn, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38, il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti mill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru tiddependi, fi kwalunkwe każ, mill-fatt li, minn naħa, dan iċ-ċittadin jissodisfa huwa stess il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva u li, min-naħa l-oħra, dawn il-membri kienu rrisjedew miegħu matul il-perijodu kkonċernat (ara s-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2013, Alarape u Tijani, C‑529/11, punt 34) b’mod mhux interrot.

19      F’dan ir-rigward, l-obbligu tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru li jirrisjedu ma’ dan iċ-ċittadin fl-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu kkonċernat jimplika l-eżistenza neċessarja u konkomitanti għalihom ta’ dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38, bħala membri tal-familja li jakkumpanjaw jew jingħaqdu mal-imsemmi ċittadin, b’tali mod li huma biss il-perijodi ta’ residenza ta’ dawn il-membri li jissodisfaw il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 7(2) tagħha li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara s-sentenza Alarape u Tijani, iċċitata iktar ’il fuq, punti 36 u 37).

20      Skont N. Onuekwere, peress li, fil-mument tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti mill-konjuġi tiegħu, din kienet issodisfat il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1), (b) jew (ċ) tad-Direttiva 2004/38, għal perijodu mhux interrot ta’ ħames snin, huwa ssodisfa min-naħa tiegħu l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva, għall-istess perijodu li fih kien jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti, b’tali mod li l-imsemmi perijodu għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jikseb id-dritt ta’ residenza permanenti, fis-sens tal-Artikolu 16(2) tal-imsemmija direttiva, u dan minkejja l-fatt li, għal parti minn dan il-perijodu, huwa kien il-ħabs.

21      Hekk kif sostnew l-Istati Membri kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

22      Fil-fatt, mill-kliem stess u mill-iskop tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li l-perijodi ta’ priġunerija ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kisba, minn dan iċ-ċittadin, tad-dritt ta’ residenza permanenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

23      Minn naħa, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, il-kisba, skont dan l-Artikolu 16(2), tad-dritt ta’ residenza permanenti tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru tiddependi, fi kwalunkwe każ, mhux biss mill-fatt li dan iċ-ċittadin jissodisfa huwa stess il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, iżda wkoll mill-fatt li dawn il-membri kienu rrisjedew legalment matul il-perijodu kkonċernat b’mod mhux interrot “ma’” dan iċ-ċittadin, fejn il-kelma “ma’” ssaħħaħ il-kundizzjoni skont liema l-imsemmija membri tal-familja għandhom jakkumpanjaw jew jingħaqdu ma’ dan l-istess ċittadin.

24      Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, hekk kif issemmi l-premessa 17 tad-Direttiva 2004/38, id-dritt ta’ residenza permanenti jikkostitwixxi element importanti sabiex jippromwovi l-koeżjoni soċjali u ġie previst minn din id-direttiva sabiex isaħħaħ is-sentiment ta’ ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea, b’tali mod li l-leġiżlatur tal-Unjoni ssuġġetta l-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 għall-integrazzjoni taċ-ċittadin tal-Unjoni Ewropea fl-Istat Membru ospitanti (ara s-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2010, Lassal, C‑162/09, Ġabra p. I‑9217, punti 32 u 37).

25      Tali integrazzjoni, li hija ċentrali għall-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti previst fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, ma hijiex ibbażata biss fuq fatturi territorjali u temporali, iżda wkoll fuq fatturi kwalitattivi, li jirrigwardaw il-livell ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti (ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Dias, C‑325/09, Ġabra p. I‑6387, punt 64), sal-punt li l-fatt li tiġi ppreġudikata r-rabta ta’ integrazzjoni bejn il-persuna kkonċernata u dan l-Istat Membru ospitanti jiġġustifika t-telf tad-dritt ta’ residenza permanenti lil hinn ukoll mill-każ imsemmi fl-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2004/38 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dias, iċċitata iktar ’il fuq, punti 59, 63 u 65).

26      Issa, l-impożizzjoni mill-qorti nazzjonali ta’ piena ta’ priġunerija hija ta’ natura li turi n-nuqqas ta’ osservanza mill-persuna kkonċernata tal-valuri espressi mis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti fid-dritt kriminali ta’ dan tal-aħħar, b’tali mod li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ priġunerija għall-finijiet tal-kisba, mill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, tad-dritt ta’ residenza permanenti, fis-sens tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38, imur manifestament kontra l-għan li din id-direttiva tipprova tilħaq bl-istabbiliment ta’ dan id-dritt ta’ residenza.

27      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodi ta’ priġunerija fl-Istat Membru ospitanti ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun kiseb id-dritt ta’ residenza permanenti f’dan l-Istat Membru matul dawn il-perijodi, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kisba, minn dan iċ-ċittadin, tad-dritt ta’ residenza permanenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq it-tieni domanda

28      Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(2) u (3) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kontinwità tar-residenza hija interrotta minn perijodi ta’ priġunerija fl-Istat Membru ospitanti ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun kiseb id-dritt ta’ residenza permanenti f’dan l-Istat Membru matul dawn il-perijodi.

29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38, il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti mill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru tiddependi, fost kundizzjonijiet oħra, mill-fatt li dawn il-membri kienu rrisjedew legalment ma’ dan iċ-ċittadin għal perijodu mhux interrot ta’ ħames snin.

30      Din il-kundizzjoni ta’ kontinwità tar-residenza legali tissodisfa l-obbligu ta’ integrazzjoni li hija ċentrali għall-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, imfakkar fil-punti 24 u 25 ta’ din is-sentenza, kif ukoll il-kuntest globali tad-Direttiva 2004/38, li tipprevedi sistema gradwali għal dak li jirrigwarda d-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, li, filwaqt li tinkludi essenzjalment l-istadji u l-kundizzjonijiet stipulati fil-varji strumenti tad-dritt tal-Unjoni u tal-ġurisprudenza preċedenti għal din id-direttiva, twassal għad-dritt ta’ residenza permanenti (ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja, C‑424/10 u C‑425/10, Ġabra p. I‑14051, punt 38, kif ukoll Alarape u Tijani, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

31      Hekk kif ġie mfakkar fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, l-impożizzjoni mill-qorti nazzjonali ta’ piena ta’ priġunerija hija ta’ natura li turi n-nuqqas ta’ osservanza mill-persuna kkonċernata tal-valuri espressi mis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti fid-dritt kriminali ta’ dan tal-aħħar, b’tali mod li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ priġunerija għall-finijiet tal-kisba, mill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, tad-dritt ta’ residenza permanenti, fis-sens tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38, imur manifestament kontra l-għan li din id-direttiva tipprova tilħaq bl-istabbiliment ta’ dan id-dritt ta’ residenza.

32      Minn dan jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 16(2) u (3) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kontinwità tar-residenza hija interrotta minn perijodi ta’ priġunerija fl-Istat Membru ospitanti ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun kiseb id-dritt ta’ residenza permanenti f’dan l-Istat Membru matul dawn il-perijodi.

 Fuq l-ispejjeż

33      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodi ta’ priġunerija fl-Istat Membru ospitanti ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun kiseb id-dritt ta’ residenza permanenti f’dan l-Istat Membru matul dawn il-perijodi, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kisba, minn dan iċ-ċittadin, tad-dritt ta’ residenza permanenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

2)      L-Artikolu 16(2) u (3) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kontinwità tar-residenza hija interrotta minn perijodi ta’ priġunerija fl-Istat Membru ospitanti ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun kiseb id-dritt ta’ residenza permanenti f’dan l-Istat Membru matul dawn il-perijodi.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.