Language of document : ECLI:EU:C:2008:558

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-14 ta’ Ottubru 2008 1(1)

Kawża C‑301/06

L-Irlanda

vs

Il-Parlament Ewropew,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament – Direttiva 2006/24/KE – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Żamma ta’ data – Għażla tal-bażi legali – Artikolu 95 KE – Titolu VI tat-Trattat UE”





1.        Il-kwistjoni dwar l-għażla tal-bażi legali tat lok reċentement għal diversi sentenzi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tissepara l-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Komunità Ewropea minn dawk tal-Unjoni Ewropea (2).

2.        It-tqassim ta’ kompetenzi fi ħdan struttura kostituzzjonali li tinkludi tliet kolonni, jiġifieri kolonna Komunitarja u żewġ kolonni fejn id-dimensjoni intergovernattiva hija iktar enfasizzata, iwassal għal din it-tip ta’ kwistjoni fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għandha x-xogħol delikat u kumpless li taqta’ l-linja ta’ demarkazzjoni bejn l-oqsma ta’ azzjonijiet li jappartjenu lil-leġiżlatur Komunitarju u dawk attribwiti lil-leġiżlatur tal-Unjoni.

3.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tippreċiża d-delimitazzjoni bejn il-kolonna Komunitarja u t-tielet kolonna, jiġifieri it-Titolu VI tat-Trattat UE dwar il-Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali.

4.        Permezz tar-rikors tagħha, l-Irlanda qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni pubblika [netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni] u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE (3), peress li din ma ġietx adottata fuq il-bażi legali xierqa.

5.        Fil-fatt l-Irlanda, sostnuta mir-Repubblika Slovakka, tikkunsidra li l-unika bażi legali li tista’ korrettament tifforma l-bażi għall-miżuri li jinsabu fid-Direttiva 2006/24 ma tinsabx fl-Artikolu 95 KE, iżda fi ħdan it-Titolu VI tat-Trattat UE li jittratta l-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, b’mod partikolari fl-Artikoli 30 UE, 31(1)(ċ) UE u 34(2)(b) UE.

6.        F’dawn il-konklużjonijiet, se nesponi r-raġunijiet li fuq il-bażi tagħhom jiena nikkunsidra li l-leġiżlatur Komunitarju kien legalment korrett meta għażel li jadotta d-Direttiva 2006/24 fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE.

I –    Il-kuntest ġuridiku

7.        Skont l-Artikolu 47 UE:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet li jemendaw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea bil-mira li tistabbilixxi l-Komunità Ewropea, it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, u għal dawn id-dispożizzjonijiet finali, ebda ħaġa f’dan it-Trattat m’għandha taffettwa t-Trattati li jistabbilixxxu l-Komunitajiet Ewropej jew it-Trattati u l-Atti sussegwenti li jimmodifikawhom jew li jissupplimentawhom.”

8.        L-Artikolu 95(1) KE jipprovdi:

“B’deroga mill-Artikolu 94 u ħlief fejn provdut xort’oħra f’dan it-Trattat, id-disposizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-kisba ta’ l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 14. Il-Kunsill għandu, waqt li jaġixxi skond il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 251 u wara li jikkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, jadotta l-miżuri għall-approssimazzjoni tad-disposizzjonijiet stipulati bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni [tħaddim] tas-suq intern.”

9.        Huwa fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE li dawn it-tliet Direttivi li ġejjin ġew adottati:

–        id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (4);

–        id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (5), u

–        id-Direttiva 2006/24.

A –    Id-Direttiva 95/46

10.      Id-Direttiva 95/46 tistabbilixxi regoli dwar l-ipproċessar ta’ data personali sabiex tipproteġi l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-individwi, b’mod partikolari l-ħajja privata tagħhom, filwaqt li tiżgura ċ-ċirkulazzjoni libera ta’ din id-data fil-Komunità.

11.      L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 jipprovdi limitu għall-kamp ta’ applikazzjoni materjali tagħha inkwantu jipprovdi:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali:

–        fil-kors ta’ attività li ma tkunx skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat (magħdud il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-operazzjoni ta’ l-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali,

[…]”

12.      Skont l-Artikolu 13(1), tad-Direttiva 95/46, intitolat “Eżenzjonijiet u Restrizzjonijiet”:

“Stati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi biex jirrestrinġu l-finijiet ta’ l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet provduti fl-Artikoli 6(1), 10, 11 (1), 12 u 21 meta dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri meħtieġa li jagħtu protezzjoni lil:

(a)      sigurtà nazzjonali;

(b)      difiża;

(ċ)      sigurtà pubblika;

(d)      prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien u prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali jew il-ksur ta’ etika ta’ professjonijiet regolati;

(e)      interess ekonomiku jew finanzjarju ta’ importanza għal Stat Membru jew għall-Unjoni Ewropea, magħduda affarijiet monetarji, fiskali jew ta’ l-estmi;

(f)      monitoraġġ, spezzjoni jew funzjoni regolatorja marbuta, ukoll jekk kulltant, ma’ l-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali fil-każi msemmija f’(ċ), (d) u (e);

(g)      il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-oħrajn.”

B –    Id-Direttiva 2002/58

13.      Id-Direttiva 2002/58 ġiet adottata bil-għan li tikkompleta d-Direttiva 95/46 permezz ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

14.      Kif jispeċifika l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/58:

“Din id-Direttiva tarmonizza d-dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ ħarsien ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza, fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-data personali fis-settur ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità.”

15.      Bħall-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58 jistabbilixxi limitu għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar meta jipprovdi:

“Din id-Direttiva ma tgħoddx għal attivitajiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bħal dawk koperti mit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u f’ kull każ għal attivitajiet li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurta ta’ l-Istat (inkluż il-benessere ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet jirrigwardaw affarjiet ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat f’oqsma tal-liġi kriminali.”

16.      L-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58 jiddefinixxu r-regoli applikabbli għall-ipproċessar, mill-fornituri ta’ netwerks u ta’ servizzi, ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data ta’ lokalizzazzjoni ġġenerata mill-użu ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Din id-data għandha tiġi mħassra jew għandha ssir anonima meta ma tkunx iktar meħtieġa għat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni, minbarra d-data meħtieġa sabiex isiru l-fatturi u l-pagamenti għal interkonnessjoni. Barra minn hekk, bi ftehim mal-persuna kkonċernata, ċerta data tista’ wkoll tiġi pproċessata għal għanijiet kummerċjali jew ta’ provvista ta’ servizzi b’valur miżjud.

17.      B’mod partikolari, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2002/58 jipprovdi:

“Data dwar it-traffiku relatata ma’ abbonati u utenti ipproċessat u maħżun mill-provditur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jitħassru jew jiġu magħmula anonimi meta m’għadhomx aktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 15(1).”

18.      Skont l-Artikolu 15(1) ta’ din l-istess Direttiva:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id- Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għar-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

C –    Id-Direttiva 2006/24

19.      Skont il-premessi 5 sa 11 tad-Direttiva 2006/24:

“(5)      Diversi Stati Membri adottaw leġiżlazzjoni li taħseb għaż-żamma ta’ data mill-fornituri tas-servizzi għal raġunijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali. Dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali jvarjaw b’mod konsiderevoli.

(6)      Id-differenzi legali u tekniċi bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali rigward iż-żamma ta’ data għal skopijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jippreżentaw ostakli għas-suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, minħabba li l-fornituri tas-servizzi jkollhom ikunu konformi ma’ rekwiżiti differenti rigward it-tipi ta’ data dwar it-traffiku u dwar il-lok li jkollha tinżamm kif ukoll rigward il-kondizzjonijiet u l-perjodi taż-żamma.

(7)      Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tad-19 ta’ Diċembru 2002 jissottolinjaw li, minħabba t-tkabbir sostanzjali fil-possibbiltajiet offruti permezz tal-kommunikazzjonijiet elettroniċi, id-data relatata ma’ l-użu ta’ kommunikazzjonijiet elettroniċi hija partikolarment importanti u għalhekk hija għodda siewja għall-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, b’mod partikolari ta’ kriminalità organizzata.

(8)      Id-Dikjarazzjoni dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu adottata mill-Kunsill Ewropew fil-25 ta’ Marzu 2004 sejħet lill-Kunsill sabiex jeżamina miżuri sabiex jiġu stabbiliti regoli dwar iż-żamma, mill-fornituri tas-servizzi, ta’ data dwar it-traffiku fil-komunikazzjonijiet.

(9)      Taħt l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ECHR) [KEDB], kulħadd għandu l-jedd għar-rispett tal-ħajja privata u tal-korrispondenza tiegħu. L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jindaħlu fl-eżerċizzju ta’ dak id-dritt biss b’konformità mal-liġi u fejn ikun neċessarju f’soċjetà demokratika fl-interess tas-sigurtà nazzjonali jew tas-sigurtà pubblika, għall-prevenzjoni tad-diżordni jew tal-kriminalità, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tat-terzi. Minħabba li ż-żamma tad-data wriet li hija għodda ta’ investigazzjoni tant neċessarja u effettiva għall-infurzar tal-liġi f’diversi Stati Membri, u b’mod partikolari fir-rigward ta’ każijiet serji bħal dawk ta’ kriminalità organizzata u ta’ terroriżmu, huwa neċessarju li tkun żgurata għal ċertu perjodu ta’ żmien id-disponibbiltà tad-data miżmuma għall-infurzar tal-liġi skond il-kondizzjonijiet disposti f’din id-Direttiva. L-adozzjoni ta’ strument dwar iż-żamma tad-data li jikkonforma mar-rekwiziti ta’ l-Artikolu 8 ta’ l-ECHR [KEDB] hija għalhekk miżura neċessarja.

(10)      Fit-13 ta’ Lulju 2005, il-Kunsill afferma mill-ġdid, fid-dikjarazzjoni ta’ kundanna kontra l-attakki terroristiċi f’Londra, il-ħtieġa li tiġi adottata malajr kemm jista’ jkun miżuri komuni dwar iż-żamma ta’ data tat-telekomunikazzjonijiet.

(11)      Minħabba l-importanza tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lok għall-investigazzjoni, għall-iskoperta u għall-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, kif muri mir-riċerka u mill-esperjenza prattika ta’ diversi Stati Membri, hemm il-ħtieġa li jiġi żgurat fil-livell Ewropew li d-data li tkun ġenerata jew proċessata, fil-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni, mill-fornituri ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjoni, tinżamm għal ċertu perjodu ta’ żmien skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva.”

20.      Jinsab ukoll speċifikat fil-premessa 15 tad-Direttiva 2006/24:

“Id-Direttiva 95/46/KE u d-Direttiva 2002/58/KE huma applikabbli bis-sħiħ għad-data miżmuma skond din id-Direttiva. […]”

21.      Skont il-premessa 21 tad-Direttiva 2006/24:

“Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-armonizzazzjoni ta’ l-obbligi imposti fuq il-fornituri sabiex iżommu ċerta data u sabiex jiżguraw li dik id-data tkun disponibbli għal skopijiet ta’ investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati serji kif definiti minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu, ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ din id-Direttiva, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.”

22.      Il-premessa 25 ta’ din l-istess direttiva hija redatta kif ġej:

“Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għas-setgħa ta’ l-Istati Membri li jadottaw miżuri leġiżlattivi dwar id-dritt ta’ aċċess għal, u ta’ użu ta’, data ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, kif nominati minnhom. Il-kwistjonijiet ta’ aċċess għal data miżmuma skond din id-Direttiva mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali għal tali attivitajiet bħal dawk imsemmija fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46/KE ma jaqawx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi Komunitarja. Madanakollu, huma jistgħu jkunu suġġetti għal-liġi nazzjonali, jew għall-azzjoni skond it-Titlu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Tali liġijiet jew azzjoni għandhom dejjem jirrispettaw id-drittijiet fundamentali kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni ta’ l-Istati Membri u kif garantiti mill-ECHR. Taħt l-Artikolu 8 ta’ l-ECHR, skond kif interpretat mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-indħil mill-awtoritajiet pubbliċi fid-drittijiet ta’ privatezza għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta’ ħtieġa u ta’ proporzjonalità u għalhekk għandu jservi skopijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u jkun eżerċitat b’mod li jkun adattat, pertinenti u mhux eċċessiv fir-rigward ta’ l-iskop ta’ l-indħil.”

23.      Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/24:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tarmonizza d-dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-obbligi imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fir-rigward taż-żamma ta’ ċerta data ġenerata jew proċessata minnhom, sabiex jiġi żgurat li d-data tkun disponibbli għal skopijiet ta’ investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati serji, kif definita minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu.”

24.      L-Artikolu 3 ta’ din l-istess direttiva jistabbilixxi obbligu li tinżamm id-data. Il-paragrafu (1) tiegħu huwa redatt kif ġej:

“B’deroga mill-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58/KE, l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li d-data speċifikata fl-Artikolu 5 ta’ din id-Direttiva tinżamm skond id-dispożizzjonijiet tagħha sa fejn dik id-data tkun ġenerata jew proċessata mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom fil-proċess tal-forniment tas-servizzi ta’ komunikazzjoni konċernati.”

25.      Fir-rigward tal-aċċess għad-data, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/24 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li d-data miżmuma skond din id-Direttiva tiġi provduta biss lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, f’każijiet speċifiċi u skond il-liġi nazzjonali. Il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-kondizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jiġi ottenut l-aċċess għal data miżmuma skond ir-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu definiti minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu, suġġetti għad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi ta’ l-Unjoni Ewropea jew tal-liġi pubblika internazzjonali, b’mod partikulari il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif interpretata mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.”

26.      Fir-rigward tal-perijodi ta’ żamma tad-data, l-Artikolu 6 ta’ din l-istess direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kategoriji ta’ data speċifikati fl-Artikolu 5 tinżamm għal perjodi ta’ mhux inqas minn sitt xhur u għal mhux iżjed minn sentejn mid-data tal-komunikazzjoni.”

27.      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu osservati għaż-żamma tad-data miżmuma, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/24 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data msemmija fl-Artikolu 5 tinżamm skond din id-Direttiva b’tali mod li d-data miżmuma u kull informazzjoni oħra neċessarja relatata ma’ dik id-data jkunu jistgħu jiġu trażmessi, meta mitluba, lill-awtoritajiet kompetenti mingħajr dewmien żejjed.”

28.      Minħabba l-obbligu taż-żamma ta’ data stipulat mid-Direttiva 2006/24/KE, l-Artikolu 11 ta’ din id-Direttiva jżid paragrafu ġdid fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58. Dan il-paragrafu huwa redatt kif ġej:

“1a. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal data speċifikament meħtieġa mid-Direttiva 2006/24 […] sabiex tinżamm għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ dik id-Direttiva.”

29.      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/24 huwa redatt kif ġej:

“1.      Stat Membru li jkun suġġett għal ċirkostanzi partikolari li jesiġu estensjoni għal perjodu limitat tal-perjodu massimu ta’ żamma msemmi fl-Artikolu 6 jista’ jieħu l-miżuri neċessarji. L-Istat Membru għandu javża minnufih lill-Kummissjoni u jinforma l-Istati Membri l-oħra dwar il-miżuri meħuda taħt dan l-Artikolu u għandu jiddikjara r-raġunijiet għall-introduzzjoni tagħhom.

2.      Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur wara n-notifika msemmija fil-paragrafu 1, tapprova jew tirrifjuta l-miżuri nazzjonali konċernati wara li jiġi eżaminat jekk humiex mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija ta’ kummerċ bejn l-Istati Membri u jikkostitwixxux ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern. Fl-assenza ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni f’dak il-perjodu, il-miżuri nazzjonali għandhom jitqiesu bħala approvati.

[…]”

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

30.      Fit-28 ta’ April 2004, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ippreżentaw lill-Kunsill abbozz ta’ deċiżjoni qafas fuq il-bażi tal-Artikoli 31(1)(ċ) UE u 34(2)(b) UE. Dan l-abbozz kellu bħala għan iż-żamma ta’ data pproċessata u miżmuma fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku jew ta’ data trażmessa permezz ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni pubbliċi, bil-għan li jkun hemm prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien u prosekuzzjoni ta’ delitti u ta’ reati kriminali, inkluż it-terroriżmu (6).

31.      Filwaqt li kkunsidrat li dan l-abbozz ta’ deċiżjoni qafas kellu żewġ partijiet, jiġifieri, minn naħa, obbligi għall-operaturi li jżommu d-data tat-traffiku dwar l-utenti tas-servizzi tagħhom għal ċertu żmien u, min-naħa l-oħra, obbligi dwar l-aċċess u l-iskambju ta’ din id-data mill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam kriminali, il-Kummissjoni ddikjarat ruħha favorevoli għall-Artikolu 95 KE bħala l-bażi legali ta’ miżuri li jinsabu fl-ewwel parti ta’ dan l-abbozz. B’mod partikolari, hija indikat li l-Artikolu 47 UE ma kienx jippermetti li att ibbażat fuq it-Trattat UE jaffettwa l-acquis communautaire, f’dan il-każ id-Direttivi 95/46 u 2002/58. Filwaqt li kkunsidrat li d-determinazzjoni ta’ kategoriji ta’ data li għandha tinżamm u tal-perijodu taż-żamma tagħha kienet taqa’ fil-kompetenza tal-leġiżlatur Komunitarju, il-Kummissjoni rriżervat id-dritt li tagħmel proposta għal direttiva.

32.      Fil-21 ta’ Settembru 2005, il-Kummissjoni adottat proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żamma ta’ data pproċessata fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika aċċessibbli għall-pubbliku, u li temenda d-Direttiva 2002/58 (7), fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE.

33.      Fis-sessjoni tiegħu tal-1 u t-2 ta’ Diċembru 2005, il-Kunsill għażel li jiffavorixxi direttiva fuq il-bażi legali tat-Trattat KE minflok ma jfittex li jadotta deċiżjoni qafas.

34.      Fit-28 ta’ Novembru 2005, il-Kumitat għal-“Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern” tal-Parlament Ewropew approva rapport fuq il-proposta għal direttiva (8). Fl-14 ta’ Diċembru 2005, il-Parlament ta l-opinjoni tiegħu skont il-proċedura ta’ kodeċiżjoni msemmija fl-Artikolu 251 KE (9).

35.      Il-Kunsill adotta b’maġġoranza kwalifikata d-Direttiva 2006/24 fis-sessjoni tal-21 ta’ Frar 2006. L-Irlanda u r-Repubblika Slovakka vvotaw kontra.

III – It-talbiet tal-partijiet

36.      L-Irlanda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla d-Direttiva 2006/24 minħabba li din ma ġietx adottata fuq il-bażi legali xierqa, u

–        tikkundanna lill-Kunsill u lill-Parlament għall-ispejjeż.

37.      Il-Parlament jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat, u

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-intier tal-ispejjeż marbuta ma’ din il-proċedura,

–        jew, sussidjarjament, tiddikjara li l-effetti tad-direttiva kkontestata japplikaw sad-dħul fis-seħħ ta’ att ġdid.

38.      Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad ir-rikors tal-Irlanda li għandu bħala għan l-annullament tad-Direttiva 2006/24, u

–        tikkundanna l-Irlanda għall-ispejjeż.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

39.      Permezz tad-digrieti tal-1 ta’ Frar 2007, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ t-talba tar-Repubblika Slovakka sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti u t-talba tar-Renju ta’ Spanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kummissjoni kif ukoll il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (iktar ’il quddiem “EDPS”) sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-konvenuti.

V –    L-argumenti prinċipali tal-partijiet

40.      L-Irlanda ssostni li l-għażla tal-Artikolu 95 KE bħala bażi legali tad-Direttiva 2006/24 hija żbaljata. Skont dan l-Istat Membru, la l-Artikolu 95 KE u lanqas kwalunkwe dispożizzjoni oħra tat-Trattat KE ma jistgħu jipprovdu bażi legali xierqa għal din id-direttiva.

41.      L-Irlanda prinċipalment tasserixxi li l-uniku għan jew, sussidjarjament, l-għan prinċipali jew ewlieni tad-Direttiva 2006/24 huwa li tiġi ffaċilitata l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji, inklużi dawk fil-kamp tat-terroriżmu. Għaldaqstant, hija ssostni li l-unika bażi legali li tista’ korrettament tkun ta’ bażi għal miżuri li jinsabu f’din id-direttiva tinsab fi ħdan it-Titolu VI tat-Trattat UE, b’mod partikolari fl-Artikoli 30 UE, 31(1)(ċ) UE, u 34(2)(b) UE.

42.      Eżami tal-premessi (b’mod partikolari l-premessi 7 sa 11 kif ukoll il-premessa 21) u dispożizzjonijiet fundamentali (b’mod partikolari l-Artikolu 1(1)) tad-Direttiva 2006/24 juru li mhuwiex korrett li l-Artikolu 95 KE jitqies li huwa bażi legali għal din id-direttiva. Fil-fatt, din id-direttiva hija b’mod ċar intiża għall-ġlieda kontra r-reati serji.

43.      Huwa stabbilit li l-miżuri bbażati fuq l-Artikolu 95 KE għandu jkollhom bħala l-għan ewlieni tagħhom l-approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali sabiex ikun hemm titjib fit-tħaddim tas-suq intern. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/24 jikkonċernaw il-ġlieda kontra r-reati serji u ma humiex intiżi li jirreparaw in-nuqqasijiet li jista’ jkun hemm fis-suq intern.

44.      Sussidjarjament, anki jekk, bil-kontra tal-pożizzjoni essenzjali tal-Irlanda, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li d-Direttiva 2006/24 għandha bħala għan, b’mod partikolari, il-prevenzjoni ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jew ostakoli għas-suq intern, l-Irlanda ssostni li dan l-għan għandu jiġi kkunsidrat li huwa ta’ natura kompletament sekondarja meta mqabbel mal-għan prinċipali jew ewlieni tal-ġlieda kontra l-kriminalità.

45.      Skont dan l-istess Stat Membru, il-leġiżlatur Komunitarju mhuwiex awtorizzat jirrikorri għal direttiva emendatorja adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE sabiex jiġu inkorporati dispożizzjonijiet li ma jaqgħux fil-kompetenza tal-Komunità skont l-ewwel kolonna. L-obbligi intiżi li jiggarantixxu li d-data tkun disponibbli għall-finijiet tal-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji jaqgħu f’qasam li jista’ jkun biss is-suġġett ta’ strument ibbażat fuq it-Titolu VI tat-Trattat UE. Għalhekk l-adozzjoni ta’ strument bħal dan ma taffettwax id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58 fis-sens tal-Artikolu 47 UE.

46.      Barra minn hekk, l-Irlanda ssostni li d-Direttiva 95/46, fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tagħha, u d-Direttiva 2002/58, fl-Artikolu 1(3) tagħha, jeskludu b’mod espliċitu mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom l-attivitajiet li ma jaqgħux taħt it-Trattat KE, l-attivitajiet dwar is-sigurtà pubblika, id-difiża u s-sigurtà tal-Istat kif ukoll l-attivitajiet tal-Istat fl-oqsma li jaqgħu taħt id-dritt kriminali. Id-Direttiva 2006/24 m’għandha ebda esklużjoni ta’ dan it-tip. Minflok, is-suġġetti esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 95/46 u 2002/58 huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/24, kif juru b’mod ċar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1) ta’ din tal-aħħar. Anki jekk dan ma huwiex il-każ għad-Direttivi 95/46 u 2002/58, l-għażla tal-Artikolu 95 KE bħala bażi legali għad-Direttiva 2006/24 tista’ titqiegħed f’dubju minħabba l-fatt li din id-direttiva tinkludi fiha suġġetti espressament esklużi mid-direttivi preċedenti.

47.      Il-fatt li d-Direttiva 2006/24 ma tinkludix dispożizzjonijiet li jipprovdu l-aċċess għal data għal finijiet ta’ investigazzjoni, sejbien u prosekuzzjoni ta’ reati serji ma huwiex deċiżiv u ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli ssegwi l-istess raġunament li hija adottat fis-sentenza tagħha Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

48.      Fl-aħħar nett, dwar it-talba tal-Parlament sabiex l-effetti ta’ sentenza eventwali ta’ annullament jiġu limitati fiż-żmien, l-Irlanda ssostni, minn naħa, li tali annullament ma jinvolvix riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji u, min-naħa l-oħra, li ċ-ċertezza legali ma teżiġix li jinżammu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/24 minkejja l-invalidità tagħha. Għalhekk, l-Irlanda tikkunsidra li ma huwiex xieraq li l-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-effetti fiż-żmien ta’ annullament eventwali ta’ din id-direttiva.

49.      Ir-Repubblika Slovakka ssostni l-pożizzjoni tal-Irlanda. Hija tikkunsidra li l-Artikolu 95 KE ma jistax iservi bħala bażi legali għad-Direttiva 2006/24, ladarba l-għan prinċipali ta’ din tal-aħħar ma huwiex l-eliminazzjoni tal-ostakoli u tad-distorsjonijiet fis-suq intern. Din id-direttiva tarmonizza ż-żamma ta’ data personali lil hinn mill-għanijiet kummerċjali sabiex tiġi ffaċilitata l-azzjoni tal-Istat fil-qasam tad-dritt kriminali. Għal din ir-raġuni, hija ma tistax tkun adottata fl-ambitu tas-setgħat tal-Komunità, u dan indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk l-att Komunitarju jipprovdix għat-trażmissjoni tad-data jew għal ipproċessar ieħor mill-korpi tal-infurzar tal-liġi.

50.      Iż-żamma ta’ data personali, kif teżiġi d-Direttiva 2006/24 twassal għal indħil sinjifikattiv fid-dritt tal-individwi għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom, protett mill-Artikolu 8 tal-KEDB. Huwa dubjuż kemm indħil daqshekk sinjifikattiv jista’ jkun iġġustifikat għal raġunijiet ekonomiċi, f’dan il-każ għal tħaddim aħjar tas-suq intern. L-adozzjoni ta’ att lil hinn mill-kompetenza tal-Komunità, li l-għan prinċipali u ċar tiegħu huwa l-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu, tirrappreżenta soluzzjoni iktar xierqa, li toffri raġuni iktar ġustifikata għall-indħil fuq id-dritt taċ-ċittadini għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom.

51.      B’differenza mill-Irlanda, ir-Repubblika Slovakka tikkunsidra li, fil-każ ta’ annullament tad-Direttiva 2006/24, ikun opportun li l-Qorti tal-Ġustizzja tissospendi l-effetti tas-sentenza tagħha sakemm jiġi adottat att ieħor minflokha.

52.      Skont il-Parlament, ir-rikors tal-Irlanda huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-għan tal-kontenut tad-Direttiva 2006/24, kif ukoll fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kompetenzi attribwiti lill-Komunità fil-kuntest tal-ewwel kolonna u ta’ dawk li jappartjenu lill-Unjoni fil-kuntest tat-tielet kolonna, jiġifieri t-Titolu VI tat-Trattat UE.

53.      B’dan il-mod, il-Parlament isostni li r-rikorrenti taqra b’mod selettiv id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/24. Fil-fatt, il-premessi 5 u 6 tagħha jippreċiżaw li l-għan prinċipali jew ewlieni ta’ din id-direttiva huwa dak li jiġu eliminati l-ostakoli għas-suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, u l-premessa 25 ta’ din id-direttiva tikkonferma li l-aċċess u l-użu tad-data miżmuma ma jaqgħux fil-kompetenza Komunitarja.

54.      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/24 jipprovdi għal deroga mill-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58, sabiex il-fornituri tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jiġu obbligati jżommu d-data li qabel kien ikollhom iħassru. Tali bidla tal-obbligi eżistenti għandha neċessarjament tiġi adottata fuq il-bażi tal-kompetenzi li jaqgħu taħt l-ewwel kolonna peress li l-użu ta’ att tat-tielet kolonna jmur kontra l-Artikolu 47 UE. Il-Parlament josserva wkoll li d-dispożizzjonijiet prinċipali tad-Direttiva 2006/24, jiġifieri l-Artikoli 5 sa 8 tagħha, għandhom mingħajr dubju l-għan li jarmonizzaw il-kundizzjonijiet applikabbli għad-data miżmuma.

55.      Il-Parlament jindika li, wara l-attentati terroristiċi tal-11 ta’ Settembru 2001 fl-Istati Uniti tal-Amerika u l-attentati ta’ wara f’Madrid u f’Londra, ċerti Stati Membri adottaw jew kienu fi proċess li jadottaw regoli differenti ħafna fil-qasam taż-żamma tad-data. Differenzi bħal dawn setgħu jostakolaw iċ-ċirkulazzjoni libera tad-data personali bejn l-Istati Membri u, konsegwentement, il-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

56.      Iż-żamma ta’ data tikkostitwixxi element kbir ta’ spejjeż għall-operaturi kkonċernati u l-eżistenza ta’ regoli differenti fil-qasam tista’ taffettwa ħażin il-kompetizzjoni fis-suq intern. Id-Direttiva 2006/24 għandha bħala għan prinċipali l-armonizzazzjoni tal-obbligi imposti mill-Istati Membri fuq il-fornituri ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fil-qasam taż-żamma ta’ data. Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 95 KE huwa l-bażi legali korretta ta’ din id-direttiva. L-importanza mogħtija lill-ġlieda kontra l-kriminalità ma tipprekludix lil din id-direttiva milli tkun ibbażata fuq l-Artikolu 95 KE. Jekk il-ġlieda kontra l-kriminalità influwenzat b’mod ċar l-għażliet magħmula fid-Direttiva 2006/24, dan il-ħsieb ma jħassarx l-għażla tal-Artikolu 95 KE bħala l-bażi legali għal din id-direttiva.

57.      Il-Parlament jirrimarka wkoll li d-Direttiva 2006/24 ma għandha ebda dispożizzjoni li għandha bħala għan jew effett l-għoti ta’ aċċess għad-data miżmuma jew l-awtorizzazzjoni tal-ipproċessar tagħha għal finijiet tal-infurzar tal-liġi, u dan b’mod differenti mill-kawżi li taw lok għas-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li fihom ingħata aċċess għal servizzi tal-infurzar tal-liġi ta’ pajjiż terz. Barra minn hekk, din id-direttiva ma tinkludix dispożizzjonijiet dwar kooperazzjoni bejn servizzi tal-infurzar tal-liġi fis-sens tal-Artikolu 30 UE jew dwar kooperazzjoni bejn awtoritajiet ġudizzjarji fis-sens tal-Artikolu 31 UE. Fil-qosor, din id-direttiva ma tinkludi ebda dispożizzjoni li tirrigwarda “attivitajiet ta’ l-Istat f’oqsma tal-liġi kriminali”, fis-sens tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58.

58.      Skont il-Parlament, jekk huwa veru li ż-żamma ta’ data personali ta’ individwu tista’ fil-prinċipju tikkostitwixxi indħil fis-sens tal-Artikolu 8 tal-KEDB, dan l-indħil jista’ jkun iġġustifikat, fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu, billi jsir riferiment għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni ta’ reati kriminali. Din il-ġustifikazzjoni għandha tinżamm distinta mill-għażla korretta tal-bażi legali fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea, kwistjoni li magħha din ma għandha ebda relazzjoni.

59.      Fl-aħħar nett, il-Parlament jikkunsidra li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-Direttiva 2006/24, l-effetti tagħha għandhom jinżammu, fuq il-bażi tal-Artikolu 231 KE, sakemm jiġi adottat att ieħor minflokha. Fil-fatt, għalkemm ir-rikorrenti qed titlob l-annullament ta’ din id-direttiva minħabba bażi legali mhux xierqa, hija mhijiex qed tikkontesta l-kontenut tagħha. Iż-żamma tal-effetti ta’ din id-direttiva hija ġġustifikata minħabba raġunijiet ta’ ċertezza legali u sabiex ikunu protetti l-interessi tal-persuni kkonċernati.

60.      Il-Kunsill isostni li, fis-snin wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2002/58, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi nazzjonali saru dejjem iktar imħassba fuq l-użu ta’ innovazzjonijiet fil-qasam tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għal finijiet ta’ atti kriminali. Dawn il-preokkupazzjonijiet ġodda wasslu lill-Istati Membri għall-adozzjoni ta’ miżuri sabiex ikun prekluż it-tħassir ta’ data marbuta ma’ dawn il-komunikazzjonijiet u sabiex tiġi ggarantita d-disponibbiltà tagħhom lejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Dawn il-miżuri saru b’mod diverġenti u bdew jaffettwaw it-tħaddim tajjeb tas-suq intern. Il-premessi 5 u 6 tad-Direttiva 2006/24 huma espliċiti f’dan ir-rigward. Din is-sitwazzjoni wasslet lil-leġiżlatur Komunitarju għall-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet preċiżi u armonizzati li għandhom jiġu osservati mill-fornituri ta’ servizzi fir-rigward tat-tħassir jew le ta’ data personali msemmija fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, bl-iżgurar għalhekk ta’ regoli komuni fil-Komunità sabiex tiġi ggarantita l-uniċità tas-suq intern.

61.      Il-Kunsill jikkunsidra wkoll li jekk il-ħtieġa tal-ġlieda kontra l-kriminalità, inkluż it-terroriżmu, kienet fattur determinanti fid-deċiżjoni li l-portata tad-drittijiet u tal-obbligi msemmija fl-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58 tiġi mmodifikata, din iċ-ċirkustanza ma tipprekludix l-adozzjoni tad-Direttiva 2006/24 fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE. La l-Artikoli 30 UE, 31 UE u 34 UE u lanqas kwalunkwe artikolu ieħor fit-Trattat UE ma jistgħu jkunu ta’ bażi għal att li jimmodifika l-obbligi imposti fuq il-fornituri mid-Direttiva 2002/58, mingħajr ma jinkiser l-Artikolu 47 UE.

62.      Apparti l-limiti imposti mill-Artikolu 47 UE, il-Kunsill jikkontesta li s-suġġett regolat mid-Direttiva 2006/24 jista’ jkun is-suġġett ta’ att li għandu jiġi adottat skont it-Titolu VI tat-Trattat UE, peress li xejn f’din id-direttiva ma jaqa’ fl-organizzazzjoni ta’ kooperazzjoni bejn, b’mod partikolari, il-forzi tal-pulizija, l-awtoritajiet tad-dwana u l-awtoritajiet ġudizzjarji jew fl-approssimazzjoni tar-regoli tal-liġi kriminali tal-Istati Membri.

63.      Il-Kunsill iżid li d-drittijiet protetti permezz tal-Artikolu 8 tal-KEDB ma humiex assoluti u jistgħu jkunu suġġetti għal restrizzjonijiet skont il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Skont kif previst mid-Direttiva 2006/24, iż-żamma ta’ data sservi għal interess ġenerali leġittimu, rikonoxxut mill-Artikolu 8(2) tal-KEDB, u tikkostitwixxi mezz xieraq għall-protezzjoni ta’ dan l-interess.

64.      Ir-Renju ta’ Spanja u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jappoġġjaw lill-Parlament u lill-Kunsill billi jissottomettu lill-Qorti tal-Ġustizzja argumenti sostanzjalment identiċi għal dawk żviluppati mill-konvenuti.

65.      Il-Kummissjoni tfakkar li, qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2006/24, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, diversi Stati Membri ħadu miżuri nazzjonali dwar iż-żamma ta’ data. Hija tenfasizza d-disparità sinjifikattiva li kienet teżisti bejn dawn il-miżuri. Pereżempju, il-perijodi taż-żamma kienu jvarjaw minn tliet xhur fil-Pajjiżi l-Baxxi għal erba’ snin fl-Irlanda. L-obbligi dwar iż-żamma ta’ data għandhom implikazzjonijiet ekonomiċi kbar għall-fornituri ta’ servizzi. Diverġenza f’dawn l-obbligi tista’ tinvolvi distorsjonijiet kbar tas-suq. F’dan il-kuntest, kien leġittimu li tiġi adottata d-Direttiva 2006/24 fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE.

66.      Din id-direttiva tillimita, b’mod armonizzat fil-livell Komunitarju, l-obbligi msemmija fid-Direttiva 2002/58. Ladarba din tal-aħħar hija bbażata fuq l-Artikolu 95 KE, id-Direttiva 2006/24 li temendaha għandha tiġi bbażata fuq l-istess Artikolu tat-Trattat KE.

67.      Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll, b’mod kuntrarju għal dak li jirriżulta mill-argumenti żviluppati mill-Irlanda, li d-Direttiva 2006/24 għandha tiġi interpretata bħala strument ta’ protezzjoni tad-data li jidħol fil-qafas regolatorju stabbilit mid-Direttivi 95/46 u 2002/58. B’mod partikolari, huwa importanti li ssir distinzjoni, mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-data, bejn l-ipproċessar li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju minħabba klawżola ta’ esklużjoni u dak li huwa suġġett għad-dritt Komunitarju li madankollu jista’ jkun suġġett għal ċerti limitazzjonijiet ġustifikati u proporzjonati minħabba klawżola ta’ restrizzjoni.

68.      Ċertament, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 u l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58 jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi, fost oħrajn, l-attivitajiet tal-Istat fl-oqsma li jaqgħu taħt il-liġi kriminali. Madankollu, id-Direttiva 2006/24 ma tipprevedix l-attivitajiet tal-Istat bħala tali, iżda l-ipproċessar ta’ data mill-operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet b’finijiet kummerċjali marbuta mal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fin-netwerk pubbliku ta’ komunikazzjoni. Din l-attività taqa’ b’mod ċar fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, tad-Direttivi 95/46 u 2002/58.

69.      Barra minn hekk, jekk il-possibbiltà li Stat Membru jillimita l-portata tad-drittijiet fil-qasam tal-protezzjoni tad-data għal finijiet ta’ investigazzjoni, ta’ sejbien u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati serji hija effettivament kwistjoni li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46 u l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 huma żejda u għalhekk nieqsa minn effett utli fil-kuntest tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 u tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58.

70.      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li r-riferiment għall-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji, li jinsab fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/24, jaqa’ fi ħdan id-dritt Komunitarju peress li huwa jindika l-għan leġittimu ta’ restrizzjonijiet magħmula minn din id-direttiva għad-drittijiet tal-individwi fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali tagħhom. Tali indikazzjoni hija neċessarja kemm sabiex jiġu osservati r-rekwiżiti tad-Direttivi 95/46 u 2002/58 kif ukoll għall-finijiet ta’ konformità mal-Artikolu 8 tal-KEDB.

71.      Fir-rigward tal-EDPS, l-argumenti tiegħu juru b’mod partikolari l-impatt tal-għażla tal-bażi legali fuq is-sistema Komunitarja tal-protezzjoni tad-data personali. Skont il-Kontrollur, jekk it-Trattat KE ma jistax iservi ta’ bażi għad-Direttiva 2006/24, id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju dwar il-protezzjoni tad-data ma jipproteġux liċ-ċittadini fil-każ fejn l-ipproċessar tad-data personali tagħhom jiffaċilita l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità. F’din l-ipoteżi, is-sistema ġenerali tal-protezzjoni tad-data skont id-dritt Komunitarju, li toħroġ b’mod partikolari mid-Direttivi 95/46 u 2002/58, tapplika għall-ipproċessar ta’ data għal finijiet kummerċjali iżda mhux għall-ipproċessar tal-istess data għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi. Minn dan jirriżultaw distinzjonijiet diffiċli għall-fornituri ta’ servizzi u tnaqqis tal-livell ta’ protezzjoni għall-persuna kkonċernata. Huwa opportun li sitwazzjoni bħal din tiġi evitata. Din il-ħtieġa ta’ koerenza tiġġustifika l-adozzjoni tad-Direttiva 2006/24 fuq il-bażi tat-Trattat KE.

VI – Evalwazzjoni

72.      Sabiex tiġi mmarkata, fil-kuntest tal-kwistjoni dwar l-għażla tal-bażi legali, il-linja ta’ demarkazzjoni bejn l-oqsma ta’ azzjonijiet li jappartjenu għal-leġiżlatur Komunitarju u dawk attribwiti għal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-portata li għandha tingħata lill-Artikolu 47 UE, li hija dispożizzjoni ċentrali għad-demarkazzjoni bejn dak li jaqa’ fl-ambitu tad-dritt Komunitarju u dak li jaqa’ fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni.

73.      Infakkar li, skont l-Artikolu 47 UE, ebda dispożizzjoni tat-Trattat KE ma tista’ tiġi affettwata minn dispożizzjoni tat-Trattat UE. Dan l-istess rekwiżit jidher ukoll fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 29 UE, li jintroduċi t-Titolu VI ta’ dan it-Trattat tal-aħħar, li jittratta l-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali.

74.      Inkwantu tiżgura bbilanċjar bejn l-oqsma li jaqgħu fl-ambitu tat-Trattati KE u UE b’mod konformi għar-regola espressa fl-Artikolu 47 UE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha bħala rwol tivverifika jekk l-atti li parti tippretendi, li jaqgħu fl-ambitu tat-Titoli V jew VI tat-Trattat UE, jidħlux fuq il-kompetenzi li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE jattribwixxu lill-Komunità (10).

75.      F’dan il-kuntest, il-kompetenzi li l-Komunità għandha fuq il-bażi tat-Trattat KE għandhom jiġu kkunsidrati bħala affettwati fis-sens tal-Artikolu 47 KE meta d-dispożizzjonijiet ta’ att adottat fuq il-bażi tat-Trattat UE jkunu setgħu jiġu adottati fuq il-bażi ta’ Artikolu tat-Trattat KE (11). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 47 UE jipprevedi għalhekk, skont il-ħames inċiż tal-Artikolu 2 UE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 UE, iż-żamma u l-iżvilupp tal-acquis communautaire (12).

76.      F’dak li jirrigwarda l-mod użat sabiex jiġi ddeterminat jekk att magħmul fuq il-bażi tat-Trattat UE jkunx seta’ ġie adottat fuq il-bażi tat-Trattat KE, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina jekk, fuq il-bażi tal-iskop u l-kontenut tiegħu, att bħal dan ikollux bħala għan prinċipali l-implementazzjoni ta’ politika attribwita lill-Komunità mit-Trattat KE (13). B’dan il-mod il-Qorti tal-Ġustizzja tapplika l-ġurisprudenza stabbilita tagħha, li tipprovdi li l-għażla tal-bażi legali ta’ att għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jiġu mistħarrġa ġudizzjarjament, li fosthom hemm, b’mod partikolari, il-mira u l-kontenut ta’ dan l-att (14).

77.      Ċertament, din il-kawża ma tinvolvix il-kwistjoni ta’ jekk att adottat fuq il-bażi tat-Trattat UE setax isir fuq il-bażi tat-Trattat KE, iżda l-kwistjoni ta’ jekk huwiex legalment korrett li att jiġi adottat fuq il-bażi tat-Trattat KE u mhux fuq il-bażi tat-Trattat UE, skont kif qed issostni r-rikorrenti. Madankollu l-mod li għandu jiġi użat huwa identiku. Dan jikkonsisti fl-istħarriġ ta’ jekk, fid-dawl tal-bażi fundamentali tal-miżura inkwistjoni, l-Artikolu 47 UE kienx jippermetti l-adozzjoni ta’ din tal-aħħar fuq il-bażi tat-Trattat UE.

78.      Il-problema f’din il-kawża tikkonsisti, għalhekk, fid-determinazzjoni ta’ jekk il-pożizzjoni sostnuta mill-Irlanda, jiġifieri li d-Direttiva 2006/24 kellhiex tiġi adottata fuq il-bażi tal-Artikoli 30 UE, 31(1)(ċ) UE u 34(2)(b) UE, hijiex kompatibbli ma’ dak li jipprovdi l-Artikolu 47 UE. Fi kliem ieħor, l-adozzjoni ta’ miżuri inklużi f’din id-direttiva fuq il-bażi tat-Trattat UE tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 47 UE? Sabiex tingħata tweġiba għal din id-domanda, għandu l-ewwel jiġi vverifikat jekk, fid-dawl tal-iskop u l-kontenut tagħha, id-Direttiva 2006/24 taqax fil-qasam kopert mill-Artikolu 95 KE.

79.      Fir-rigward tal-użu tal-Artikolu 95 KE bħala bażi legali għal att Komunitarju, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, filwaqt li s-sempliċi konstatazzjoni ta’ diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-użu ta’ dan l-artikolu, huwa differenti l-każ meta jkun hemm diverġenzi bejn liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jkunu ta’ natura li jostakolaw il-libertajiet fundamentali u li għalhekk ikollhom effett dirett fuq it-tħaddim tas-suq intern (15). Jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita li, jekk jista’ jsir użu mill-Artikolu 95 KE bħala bażi legali sabiex jiġu evitati ostakoli futuri għall-kummerċ li jirriżultaw mill-evoluzzjoni eteroġenea tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, id-dehra ta’ dawn l-ostakoli għandha tkun fattibbli u l-miżura inkwistjoni għandha jkollha bħala għan il-prevenzjoni tagħhom (16). Fil-qosor, dak li jimporta, għall-ġustifikazzjoni tal-użu tal-Artikolu 95 KE bħala bażi legali, huwa li l-att adottat fuq din il-bażi jkollu bħala għan it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-istabbiliment u tat-tħaddim tas-suq intern (17).

80.      Jidhirli li l-adozzjoni tad-Direttiva 2006/24 fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE tirrispondi għar-rekwiżiti hekk stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

81.      Fil-fatt, jirriżulta b’mod espliċitu mill-premessi 4 u 6 ta’ din id-direttiva li l-leġiżlatur Komunitarju jibbaża ruħu fuq il-premessa li kien hemm diverġenzi leġiżlattivi u tekniċi bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw iż-żamma ta’ data mill-fornituri ta’ servizzi. Fil-fatt, diversi Stati Membri, bl-użu tal-possibbiltà li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 tagħtihom, illeġiżlaw dwar iż-żamma ta’ data mill-fornituri ta’ servizzi bil-ħsieb tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tas-sejbien u tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali. Issa, dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali kienu jvarjaw ħafna, b’mod partikolari fir-rigward tal-perijodu taż-żamma tad-data rikjest u tat-tipi ta’ data li għandha tinżamm (18).

82.      Diverġenzi bħal dawn setgħu għalhekk jagħmlu neċessarja l-approssimazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-obbligi tal-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku jew ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni fil-qasam taż-żamma ta’ data.

83.      Madankollu għandu jiġi vverifikat jekk dawn id-diverġenzi kkonstatati kinux ta’ natura li jipproduċu effetti fuq l-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern, b’tali mod li l-leġiżlatur Komunitarju seta’ jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 95 KE sabiex jadotta l-miżuri inklużi fid-Direttiva 2006/24.

84.      F’din il-perspettiva, huwa importanti li jiġi nnotat li ż-żamma tad-data mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tirrappreżenta għalihom spiża finanzjarja sinjifikattiva u li din hija proporzjonata għan-numru u l-perijodu tad-data li għandha tinżamm (19). L-ispejjeż inkwistjoni ma jsirux biss sabiex jintlaħaq il-livell ta’ teknoloġija meħtieġ sabiex tinżamm u tinħażen id-data b’sigurtà, iżda wkoll għaż-żamma u l-operazzjoni ta’ sistemi li jippermettu ż-żamma ta’ data.

85.      Minn dan isegwi li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni, fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jkollu spejjeż marbuta maż-żamma ta’ data differenti skont l-Istat Membru li fih huwa jkun jixtieq jipprovdi dawn is-servizzi. Differenzi bħal dawn jistgħu jikkostitwixxu ostakoli għaċ-ċirkulazzjoni libera ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi bejn l-Istati Membri u jistgħu għalhekk joħolqu ostakoli għall-istabbiliment u għat-tħaddim tas-suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Huma jistgħu, b’mod partikolari, iwaqqfu l-iżvilupp transkonfinali ta’ servizzi ġodda ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li regolarment jidħlu fis-soċjetà tal-informazzjoni. Huma jistgħu wkoll jipproduċu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi li joperaw fis-suq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

86.      Kif jirriżulta ċar mill-premessa 6 tad-Direttiva 2006/24, differenzi bħal dawn bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri “jippreżentaw ostakli għas-suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, minħabba li l-fornituri tas-servizzi jkollhom ikunu konformi ma’ rekwiżiti differenti rigward it-tipi ta’ data dwar it-traffiku u dwar il-lok li jkollha tinżamm kif ukoll rigward il-kondizzjonijiet u l-perjodi taż-żamma.”

87.      Sa fejn id-Direttiva 2006/24 tagħmel l-approssimazzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar l-obbligu taż-żamma ta’ data (Artikolu 3), il-kategoriji ta’ data li għandha tinżamm (Artikolu 5), il-perijodi ta’ żamma tad-data (Artikolu 6) kif ukoll il-protezzjoni u s-sigurtà tad-data (Artikolu 7), jiena naħseb li din tiffavorixxi l-iżvilupp tas-suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi billi qed teżiġi rekwiżiti komuni mingħand il-fornituri ta’ servizzi.

88.      Ma’ dan inżid li l-impatt li d-diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar iż-żamma ta’ data jipproduċu fuq it-tħaddim tas-suq intern huwa kkunsidrat ukoll fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2006/24. Fil-fatt, fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ miżuri nazzjonali li jipprovdu, fiċ-ċirkustanzi partikolari u għal perijodu limitat, estensjoni tal-perijodu massimu taż-żamma tad-data, il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk dawn il-miżuri jirrappreżentawx mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija għall-kummerċ bejn l-Istati Membri u jekk dawn jikkostitwixxux ostakolu għat-tħaddim tas-suq intern.

89.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidhirli li l-intervent tal-leġiżlatur Komunitarju fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE huwa ġustifikat.

90.      L-Irlanda, sostnuta mir-Repubblika Slovakka, tikkunsidra, min-naħa l-oħra, li d-Direttiva 2006/24 ma tistax tiġi bbażata fuq l-Artikolu 95 KE inkwantu l-bażi fundamentali tagħha ma tinsabx fl-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern. Din id-direttiva għandha, fil-fatt, bħala l-uniku għan tagħha jew, tal-anqas, bħala għan prinċipali l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji. F’dan ir-rigward, l-Irlanda tibbaża ruħha fuq diversi dispożizzjonijiet li jindikaw tassew dan l-iskop.

91.      Fost dawn id-dispożizzjonijiet, niċċita l-premessa 11 tad-Direttiva 2006/24, li infakkar li tipprovdi li “[m]inħabba l-importanza tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lok għall-investigazzjoni, għall-iskoperta u għall-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, kif muri mir-riċerka u mill-esperjenza prattika ta’ diversi Stati Membri, hemm il-ħtieġa li jiġi żgurat fil-livell Ewropew li d-data li tkun ġenerata jew proċessata, fil-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni, mill-fornituri ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjoni, tinżamm għal ċertu perjodu ta’ żmien skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva”. Barra minn hekk, din id-direttiva għandha, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, “[l]-għan […] li tarmonizza d-dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-obbligi imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fir-rigward taż-żamma ta’ ċerta data ġenerata jew proċessata minnhom, sabiex jiġi żgurat li d-data tkun disponibbli għal skopijiet ta’ investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati serji, kif definita minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu.”

92.      F’din il-proċedura ħadd ma kkontesta, u fil-fehma tiegħi lanqas ma huwa kontestabbli li, bħala tali, ir-raġuni wara l-obbligu taż-żamma tad-data fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tinsab fil-fatt li din tiffavorixxi l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji. Ma jistax jiġi nnegat li huwa minħabba li ż-żamma ta’ data tikkostitwixxi għodda ta’ investigazzjoni effikaċi fil-kuntest ta’ inkjesti ġestiti mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri, u b’mod partikolari fil-każijiet ta’ kriminalità organizzata u ta’ terroriżmu, li l-leġiżlatur Komunitarju xtaq jiġġeneralizza l-obbligu taż-żamma tad-data tat-traffiku u tad-data tal-lokalizzazzjoni ġġenerata jew ipproċessata mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jew ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni.

93.      B’dan il-mod, il-leġiżlatur Komunitarju xtaq imur lil hinn minn dak li jipprovdi l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58. Infakkar li din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li “jadottaw miżuri leġislattivi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għar-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu.” Bl-adozzjoni tad-Direttiva 2006/24, il-leġiżlatur Komunitarju ried imur iktar ’il bogħod minn hekk, minn naħa, billi jittrasforma din il-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri għal obbligu li tiġi imposta ż-żamma ta’ data, u min-naħa l-oħra, billi jarmonizza l-kategoriji ta’ data li għandha tinżamm kif ukoll il-perijodu taż-żamma tagħha.

94.      Minn fost ir-raġunijiet iċċitati fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, il-leġiżlatur Komunitarju żamm biss dik dwar l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji. B’dan il-mod, huwa indika l-għan leġittimu tar-restrizzjonijiet magħmula mid-Direttiva 2006/24 għad-drittijiet tal-individwi fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali tagħhom. Waħda mill-karatteristiċi ta’ din id-direttiva hija, fil-fatt, li din għandha tiġi mifhuma bħala inkluża fis-sistema tal-protezzjoni tad-data personali li ġiet implementata progressivament mil-leġiżlatur Komunitarju. Peress li din id-direttiva tagħmel eċċezzjoni għal ċerti miżuri ta’ protezzjoni msemmija fid-Direttiva 2002/58, kien indispensabbli li l-leġiżlatur isemmi dan l-għan ta’ interess ġenerali sabiex tiġi stabbilita l-ħtieġa li jiġi adottat strument dwar iż-żamma ta’ data fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 8 tal-KEDB.

95.      Minħabba f’hekk, għandu wieħed jikkunsidra li r-riferiment għal raġuni bħal din li tiġġustifika l-indħil fid-dritt taċ-ċittadini għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom, protett mill-Artikolu 8 tal-KEDB, kif ukoll l-affermazzjoni li ż-żamma ta’ data tikkostitwixxi strument effikaċi fil-qasam tal-infurzar tal-liġi, għall-finijiet tal-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji, huma inkompatibbli mal-użu tal-Artikolu 95 KE bħala bażi legali ta’ att Komunitarju bħad-Direttiva 2006/24?

96.      Ma naħsibx li dan huwa l-każ, u dan għar-raġunijiet li ġejjin.

97.      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tafferma li, meta l-kundizzjonijiet tal-użu tal-Artikolu 95 KE bħala bażi legali jkunu ssodisfatti, il-leġiżlatur Komunitarju ma jistax jiġi prekluż milli juża din il-bażi legali minħabba l-fatt li interess pubbliku huwa determinanti fl-għażla meħtieġa (20). F’dan ir-rigward, wieħed m’għandux jinsa li l-Artikolu 95(3) KE jeżiġi b’mod espress li fl-armonizzazzjoni li ssir għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ rekwiżiti ta’ interess ġenerali u li dawn ikollhom livell għoli ta’ protezzjoni (21). Issa, nirrileva li fost dawn ir-rekwiżiti hemm dak li jirrigwarda s-sigurtà. Fil-fehma tiegħi, att bħad-Direttiva 2006/24, li jarmonizza l-kundizzjonijiet dwar iż-żamma ta’ ċerta data għall-finijiet ta’ investigazzjoni, ta’ sejbien u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati serji, għandu parti minn dan ir-rekwiżit li jiġi ggarantit livell għoli ta’ sigurtà fi ħdan is-suq intern. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 95(3) KE jawtorizza miżuri ta’ approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom bħala għan l-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern u li għandhom, fl-istess ħin, għan ta’ interess ġenerali bħall-garanzija ta’ livell għoli ta’ sigurtà fi ħdan il-Komunità.

98.      Issa, b’mod kuntrarju għal dak li ssostni l-Irlanda, jiena nikkunsidra li ċ-ċirkustanza biss li att ikollu għan bħall-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji ma hijiex suffiċjenti għat-trasferiment ta’ att mill-ewwel kolonna għat-tielet kolonna. Fi kliem ieħor, fil-fehma tiegħi, skop bħal dan ma huwiex biżżejjed sabiex jikkostitwixxi att li jidħol fil-qasam kopert mill-“kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali” fis-sens tat-Titolu VI tat-Trattat UE.

99.      Mill-Artikolu 29 UE jirriżulta li, mingħajr preġudizzju għall-poteri tal-Komunità, il-mira tal-Unjoni li ċ-ċittadini jingħataw livell għoli ta’ protezzjoni fl-ambitu ta’ spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja hija milħuqa permezz tal-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontra dan il-fenomenu permezz ta’ tliet tipi ta’ azzjoni. Dan jinvolvi, fl-ewwel lok, kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn il-forzi tal-pulizija, l-awtoritajiet tad-dwana u l-awtoritajiet kompetenti l-oħra fl-Istati Membri, direttament u permezz tal-intermedjarju l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), skont l-Artikoli 30 UE u 32 UE. Fit-tieni lok, dan jinvolvi kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u awtoritajiet kompetenti oħra tal-Istati Membri, inkluż permezz tal-intermedjarja l-Enti Ewropea għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja (Eurojust), skont l-Artikoli 31 UE u 32 UE. Fit-tielet lok, dan jinvolvi approssimazzjoni, inkwantu meħtieġ, ta’ regoli tal-liġi kriminali tal-Istati Membri, skont l-Artikolu 31(e) UE.

100. Issa, nikkunsidra li l-obbligu taż-żamma ta’ data ġġenerata jew ipproċessata fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni ma tikkorrispondi għal ebda waħda minn dawn it-tliet tipi ta’ azzjoni. Għalhekk din ma tippreżentax il-karatteristiċi xierqa sabiex tkun inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu VI tat-Trattat UE.

101. Ċertament, l-iskop li jirrigwarda l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji għandu konnotazzjoni kriminali li jinċita li l-atti kollha b’dan il-għan jitqiegħdu fi ħdan it-tielet kolonna. Din it-tendenza twassal, madankollu, għal estensjoni b’mod eċċessiv tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu VI tat-Trattat UE li, kif indikajt, ma jwassalx għall-affermazzjoni ta’ għan, iżda jelenka tipi ta’ azzjoni li jikkonkretizzaw il-kunċett ta’ “kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali” fis-sens ta’ dan it-Titolu.

102. F’dan ir-rigward, nikkonstata li l-miżuri msemmija mid-Direttiva 2006/24 ma jimplikaw ebda intervent dirett tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri. Hemm biss previst li l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku jew ta’ netwerk pubbliku ta’ komunikazzjoni għandhom iżommu d-data ġġenerata jew ipproċessata meta s-servizzi ta’ komunikazzjoni kkonċernati jiġu pprovduti, jiġifieri dawk biss li huma marbuta mill-qrib mal-eżerċizzju minn dawn il-fornituri tal-attività kummerċjali tagħhom.

103. Fil-qosor, id-Direttiva 2006/24 tinkludi miżuri li jinsabu fi stadju li jippreċedi l-implementazzjoni eventwali ta’ azzjoni ta’ kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali. Hija ma tarmonizzax la l-kwistjoni tal-aċċess għad-data mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u lanqas dik dwar l-użu u l-iskambju ta’ din id-data bejn dawn l-awtoritajiet, pereżempju fil-kuntest ta’ inkjesti kriminali. Dawn il-kwistjonijiet, li jaqgħu, fil-fehma tiegħi, fil-qasam kopert mit-Titolu VI tat-Trattat UE, ġew korrettament esklużi mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/ 24(22).

104. Barra minn hekk jinsab espressament indikat fil-premessa 25 ta’ din id-direttiva li din “hija mingħajr preġudizzju għas-setgħa ta’ l-Istati Membri li jadottaw miżuri leġiżlattivi dwar id-dritt ta’ aċċess għal, u ta’ użu ta’, data ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, kif nominati minnhom. Il-kwistjonijiet ta’ aċċess għal data miżmuma skont din id-Direttiva mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali għal tali attivitajiet bħal dawk imsemmija fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46/KE ma jaqawx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi Komunitarja. Madanakollu, huma jistgħu jkunu suġġetti għal-liġi nazzjonali, jew għall-azzjoni skond it-Titlu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea”(23). L-uniku rekwiżit fil-qasam tal-aċċess għad-data li l-leġiżlatur Komunitarju xtaq jenfasizza, u li jidher li huwa iktar miżura ta’ twissija milli miżura ta’ armonizzazzjoni, jidher fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/24, li jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li d-data miżmuma skond din id-Direttiva tiġi provduta biss lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, f’każijiet speċifiċi u skond il-liġi nazzjonali. Il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-kondizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jiġi ottenut l-aċċess għal data miżmuma skond ir-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu definiti minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu, suġġetti għad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi ta’ l-Unjoni Ewropea jew tal-liġi pubblika internazzjonali, b’mod partikulari il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif interpretata mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem”.

105. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-linja ta’ demarkazzjoni bejn il-miżuri li jaqgħu fil-kolonna Komunitarja u dawk li għandhom jiġu adottati fil-kuntest tat-Titolu VI tat-Trattat UE tista’ ssir bil-mod kif ġej.

106. Jappartjenu lill-kolonna Komunitarja dawk il-miżuri li jarmonizzaw il-kundizzjonijiet li fihom il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni għandhom iżommu d-data tat-traffiku u tal-lokalizzazzjoni li tkun iġġenerata jew ipproċessata fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-attivitajiet kummerċjali tagħhom. Tali approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam taż-żamma ta’ data tnaqqas, fil-fatt, ir-riskju ta’ ostakoli għall-iżvilupp tas-suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi bl-impożizzjoni ta’ rekwiżiti komuni fuq l-operaturi. Il-fatt li l-leġiżlatur Komunitarju kkunsidra neċessarju li jimponi ż-żamma ta’ data minħabba l-effiċjenza ta’ din l-għodda għall-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji ma huwiex suffiċjenti sabiex miżura bħal din titneħħa mill-kolonna Komunitarja, filwaqt li dan ir-rekwiżit ta’ interess ġenerali jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għal miżura ta’ armonizzazzjoni adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE. Barra minn hekk, ir-riferiment għal tali rekwiżit ta’ interess ġenerali huwa indispensabbli għall-ġustifikazzjoni tal-indħil mil-leġiżlatur Komunitarju fuq id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tal-utenti ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

107. Min-naħa l-oħra, jagħmlu parti mit-tielet kolonna l-miżuri li jarmonizzaw il-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-infurzar tal-liġi jista’ jkollhom aċċess għad-data miżmuma, użata u skambjata fit-twettiq tax-xogħol tagħhom. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-intervent dirett ta’ dawn l-awtoritajiet fuq operaturi privati u l-komunikazzjoni obbligatorja minn dawn ta’ data għal finijiet tal-infurzar tal-liġi jidħlu fil-kamp tal-“kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali” fis-sens tat-Titolu VI tat-Trattat UE. Fil-fatt, f’dan l-istadju, il-parteċipazzjoni tal-operaturi privati fi proċess tal-infurzar tal-liġi u l-kollaborazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f’dan il-qasam jassumu karattru konkret u ta’ ċertezza.

108. Ċertament din il-linja ta’ demarkazzjoni ma hijiex eżentata minn kull kritika u tista’ tidher, f’ċerti aspetti, artifiċjali. Naqbel li huwa iktar sodisfaċenti li l-problema globali taż-żamma ta’ data mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u tal-modalitajiet tal-kooperazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-infurzar tal-liġi jkunu s-suġġett ta’ att wieħed li jiżgura l-koerenza bejn iż-żewġ partijiet. Madankollu, anki jekk b’mod ta’ dispjaċir, l-arkitettura kostituzzjonali komposta minn tliet kolonni timponi qsim bejn l-oqsma ta’ azzjonijiet. F’dan il-kuntest, il-prijorità hija li tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali billi tiġi ċċarata kemm jista’ jkun il-linja ta’ demarkazzjoni bejn l-oqsma ta’ azzjonijiet li jaqgħu f’kolonni differenti.

109. Ma jidhirlix li l-analiżi li qed nipproponi hawnhekk hija kontradittorja għal dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ġġudikat fis-sentenza tagħha Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Minflok, din tippermetti li tiġi ċċarata l-portata li, fil-fehma tiegħi, għandha tingħata lil din is-sentenza.

110. Infakkar li, fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, il-Parlament talab, minn naħa, l-annullament tad-Deċiżjoni 2004/496/KE tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2004 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data PNR minn Trasportaturi tal-Ajru lill-Uffiċċju tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri fid-Dipartiment tal-Homeland Security tal-Istati Uniti (24) u, min-naħa l-oħra, dak tad-Deċiżjoni 2004/535/KE tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Mejju 2004 dwar il-protezzjoni adegwata tad-data personali tal-passiġġieri tal-ajru miżmuma fil-Passenger Name Record u trasferiti lill-United States’ Bureau of Customs and Border Protection (25).

111. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-ewwel il-legalità tad-Deċiżjoni dwar l-adegwatezza, u dan fid-dawl tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46. Infakkar li din id-dispożizzjoni teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva l-ipproċessar ta’ data personali “fil-kors ta’ attività li ma tkunx skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal[l-]operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat (magħdud il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-operazzjoni ta’ l-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali”.

112. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li t-trasferiment tad-data personali tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (iktar ’il quddiem id-data “PNR”) lill-Uffiċċju tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri tad-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (iktar ’il quddiem is-“CBP”) jikkostitwixxi pproċessar li għandu bħala għan is-sigurtà pubblika u l-attivitajiet tal-Istat li jirrigwardaw l-oqsma tal-liġi kriminali. Hija tenfasizza li d-Deċiżjoni dwar l-adegwatezza ma tirrigwardax ipproċessar ta’ data meħtieġ sabiex jingħataw servizzi, iżda pproċessar ta’ data kkunsidrat meħtieġ għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika u għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi. Barra minn hekk, filwaqt li jirriżulta mis-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (26), li l-attivitajiet imsemmija bħala eżempji fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 huma, f’kull każ, attivitajiet li jappartjenu għall-Istati jew lill-awtoritajiet tal-Istat u li jaqgħu barra mill-oqsma ta’ attività tal-individwi, bl-istess mod ma jirriżultax, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-fatt li d-data PNR tkun ġiet miġbura mill-operaturi privati għal finijiet kummerċjali u li huma dawn tal-aħħar li jorganizzaw it-trasferiment tagħhom lejn pajjiż terz għandu bħala konsegwenza l-esklużjoni tat-trasferiment inkwistjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li dan it-trasferiment jidħol f’qafas stabbilit mill-awtoritajiet pubbliċi u li jittratta s-sigurtà pubblika.

113. Hija kkonkludiet li d-Deċiżjoni dwar l-adegwatezza kienet tikkonċerna pproċessar ta’ data personali fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 u li għalhekk din ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li kien hemm lok li d-Deċiżjoni dwar l-adegwatezza tiġi annullata.

114. Imbagħad il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-legalità tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u tat biss deċiżjoni fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq l-għażla żbaljata tal-Artikolu 95 KE bħala bażi legali għal din id-deċiżjoni. Hija kkunsidrat li l-Artikolu 95 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46, ma setax ikun ta’ bażi għall-kompetenza tal-Komunità sabiex tikkonkludi l-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data PNR mit-Trasportaturi tal-Ajru lill-Uffiċċju tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri fid-Dipartiment tal-Homeland Security tal-Istati Uniti (iktar ’il quddiem il-“ftehim”, approvat għan-nom tal-Komunità bl-imsemmija deċiżjoni (27)). Insostenn ta’ din l-affermazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-ftehim kien jittratta l-istess trasferiment ta’ data tad-Deċiżjoni dwar l-adegwatezza u għalhekk l-ipproċessar ta’ data li huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Hija kkonkludiet li d-Deċiżjoni tal-Kunsill ma setgħetx tiġi adottata korrettament fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE.

115. L-Irlanda tibbaża ruħha fuq is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, sabiex issostni l-pożizzjoni li hija żżomm f’din il-kawża, jiġifieri, essenzjalment, li minħabba l-għan uniku jew, tal-anqas, prinċipali tad-Direttiva 2006/24 u li jikkonsisti fl-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji, din kellha tiġi adottata fl-ambitu tat-Titolu VI tat-Trattat UE. Madankollu din is-sentenza ngħatat f’kuntest fejn l-aspetti prinċipali tagħha jippermettu distinzjoni minn din il-kawża.

116. Fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-ftehim konkluż bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika kellu bħala għan prinċipali li t-trasportaturi tal-ajru li jipprovdu servizz ta’ trasport internazzjonali ta’ passiġġieri b’destinazzjoni lejn l-Istati Uniti tal-Amerika jew li jitilqu minn hemm ikunu obbligati jipprovdu lis-CBP aċċess elettroniku għad-data PNR miġbura u maħżuna fis-sistema kompjuterizzata tagħhom dwar ir-riservi u t-tluq. Għalhekk il-ftehim stabbilixxa forma ta’ kooperazzjoni internazzjonali bejn il-partijiet kontraenti, bil-ħsieb li jintlaħaq l-għan tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati serji oħra, filwaqt li jsir tentattiv sabiex dan l-għan jiġi rrikonċiljat ma’ dak li jirrigwarda l-protezzjoni tad-data personali tal-passiġġieri tal-ajru (28). L-eżistenza ta’ tali forma ta’ kooperazzjoni internazzjonali ma’ awtorità pubblika ta’ pajjiż terz diġà tikkostitwixxi differenza kbira fil-konfront tal-kawża ineżami.

117. Imbagħad, għandu jiġi enfasizzat li l-ipproċessar ta’ data li kien inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kien ikopri stadju ulterjuri għall-ġabra inizjali ta’ data mill-kumpanniji tal-ajru. Dan l-ipproċessar kien jinvolvi l-konsultazzjoni, l-użu mis-CBP u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dan tal-aħħar ta’ data ta’ passiġġieri tal-ajru li jiġu minn sistemi tar-riserva ta’ trasportaturi tal-ajru li jinsabu fit-territorju tal-Istati Membri (29). Għalhekk dan kien jinvolvi forma ta’ kooperazzjoni li ma timplikax biss operaturi privati, iżda timplika wkoll awtorità pubblika, f’dan il-każ is-CBP, għall-finijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u ta’ reati serji oħra.

118. F’kuntest bħal dan, jidhirli li att li jinvolvi l-konsultazzjoni u l-użu ta’ data personali minn entità li għandha bħala funzjoni l-iżgurar tas-sigurtà interna ta’ Stat, kif ukoll it-tqegħid ta’ din id-data għad-dispożizzjoni ta’ entità bħal din, għandu jiġi assimilat ma’ att ta’ kooperazzjoni bejn awtoritajiet pubbliċi. B’mod partikolari, f’sitwazzjoni bħal din ta’ komunikazzjoni obbligatorja ta’ data lil korp nazzjonali bi skopijiet ta’ sigurtà u ta’ infurzar tal-liġi, il-fatt li persuna legali tkun obbligata tagħmel trasferiment ta’ data ma jidhirx li huwa fundamentalment ’il bogħod minn skambju dirett ta’ data bejn awtoritajiet pubbliċi, pereżempju fil-kuntest ta’ inkjesti kriminali (30).

119. Id-dimensjoni internazzjonali tal-kooperazzjoni implementata kif ukoll il-modalitajiet tal-kollaborazzjoni stabbilita bejn it-trasportaturi tal-ajru u s-CBP, modalitajiet li fil-fehma tiegħi jdaħħluha fil-kamp kopert mit-Titolu VI tat-Trattat UE, tikkostitwixxi għalhekk żewġ differenzi fundamentali fir-rigward tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża ineżami.

120. Barra minn hekk, huwa proprju minħabba l-karatteristiċi li għadni kif identifikajt li d-Deċiżjoni 2007/551/PESC/ĠAI tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2007 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data mir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti tal-Amerika (DHS) (ftehim PNR 2007)(31), ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikoli 24 UE u 38 UE.

121. Id-differenzi li indikajt jippermettu wkoll li wieħed jifhem iktar il-portata tas-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

122. B’dan il-mod, din is-sentenza ma tistax tfisser, kif naraha jiena, li huwa biss l-eżami tal-iskop ta’ pproċessar ta’ data personali li huwa rilevanti sabiex tali pproċessar jiġi inkluż jew eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ protezzjoni tad-data stabbilita mid-Direttiva 95/46. Għandu wkoll jiġi vverifikat it-tip ta’ attivitajiet li fil-kuntest tagħhom isir ipproċessar ta’ data. Huwa biss fil-każ fejn tali pproċessar isir permezz tal-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jappartjenu lill-Istati jew lill-awtoritajiet tal-Istat u li jaqgħu barra mill-oqsma tal-attivitajiet tal-individwi li dan ikun eskluż mis-sistema Komunitarja tal-protezzjoni tad-data personali li toħroġ mid-Direttiva 95/46, u dan b’applikazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva. Għalhekk huwa l-kompitu tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea li jassumi u jiżviluppa sistema ġenerali ta’ protezzjoni tad-data intiża sabiex tkopri l-ipproċessar ta’ data li jsir fil-kuntest ta’ dawn l-attivitajiet tal-Istati (32).

123. Fis-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li t-trasferiment ta’ data mit-trasportaturi tal-ajru lis-CBP għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika u għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi kien simili għal proċessar ta’ data magħmul permezz tal-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jappartjenu lill-Istati jew lill-awtoritajiet tal-Istat u li jaqgħu barra mill-oqsma tal-attivitajiet tal-individwi. Huwa għalhekk li hija ddeċidiet li dan kien eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46.

124. Mifhuma b’dan il-mod, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, tippermetti li wieħed jifhem sewwa d-distinzjoni li għandha ssir bejn il-klawżoli ta’ esklużjoni u l-klawżoli ta’ restrizzjoni li jidhru fid-Direttiva 95/46 kif ukoll fid-Direttiva 2002/58.

125. Kif spjegat sewwa l-Kummissjoni fil-kuntest tal-kawża ineżami, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 u l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58 jikkostitwixxu klawżoli ta’ esklużjoni, sa fejn dawn jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ direttivi l-ipproċessar ta’ data li jsir fil-kuntest ta’ attivitajiet li ma jaqgħux taħt it-Trattat KE, bħal dawk imsemmija fit-Titoli V u VI tat-Trattat UE, u, fi kwalunkwe każ, għal attivitajiet li għandhom bħala għan is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà tal-Istat u attivitajiet tal-Istat li jirrigwardaw l-oqsma tal-liġi kriminali.

126. Min-naħa l-oħra, il-klawżoli ta’ restrizzjoni msemmija fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46 kif ukoll fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 għandhom portata oħra. Fil-fatt, huma jippermettu biss lill-Istati Membri li jillimitaw il-portata ta’ ċerti drittijiet u obbligi ddefiniti f’dawn iż-żewġ direttivi meta limitazzjoni bħal din tikkostitwixxi miżura meħtieġa sabiex jiġi ggarantit għan ta’ interess ġenerali bħas-sigurtà tal-Istat, id-difiża u s-saħħa pubblika, kif ukoll il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali. L-ipproċessar ta’ data kkonċernat jibqa’ madankollu jaqa’ fis-sistema Komunitarja tal-protezzjoni tad-data personali.

127. Il-fatt li dawn iż-żewġ tipi ta’ klawżoli jsemmu għanijiet ta’ interess ġenerali simili jinvolvi ċertament il-konfużjoni fir-rigward tal-portata rispettiva tagħhom. Din il-konfużjoni hija probabbilment parzjalment ikkawżata mill-pożizzjoni sostnuta mill-Irlanda, sa fejn dan l-Istat Membru jsostni biss il-klawżoli ta’ esklużjoni, billi jinterpretahom bħala li jfissru li l-fatt biss li att għandu għan ta’ interess ġenerali, bħall-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji, imsemmi fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/24, huwa suffiċjenti sabiex dan jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju.

128. Madankollu l-fatt stess li hemm klawżoli ta’ restrizzjoni fid-Direttivi 95/46 u 2002/58, li jispeċifikaw ir-raġunijiet ta’ interess ġenerali li fuq il-bażi tagħhom il-portata tad-drittijiet u l-obbligi fil-qasam tal-protezzjoni tad-data tista’ tiġi limitata, juri li din il-pożizzjoni hija żbaljata u li l-fatt biss li jissemma għan ta’ interess ġenerali bħal dak tal-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji, imsemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/24, ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jidentifika dak li jaqa’ jew ma jaqax taħt id-dritt Komunitarju, jew, b’mod iktar speċifiku, taħt is-sistema Komunitarja tal-protezzjoni tad-data personali.

129. Għall-protezzjoni tal-effett utli tal-klawżoli ta’ restrizzjoni u sabiex jiġi evitat li dawn jikkostitwixxu biss sempliċi ripetizzjoni tal-klawżoli ta’ esklużjoni, għandu għaldaqstant jiġi kkunsidrat li, bl-applikazzjoni tal-klawżoli ta’ esklużjoni li jinsabu fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 u fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58, huwa biss fil-każ fejn isir ipproċessar ta’ data fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jappartjenu lill-Istati jew lill-awtoritajiet tal-Istat u li jaqgħu barra mill-oqsma tal-attivitajiet tal-individwi, sabiex nużaw il-formula użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha ċċitati iktar ’il fuq Lindqvist u mbagħad Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, li dan ikun eskluż mis-sistema Komunitarja tal-protezzjoni tad-data personali.

130. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, naħseb għalhekk li, sa fejn id-Direttiva 2006/24 ma għandhiex dispożizzjonijiet li jarmonizzaw il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data u tal-użu ta’ din għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jappartjenu lill-Istat jew lill-awtoritajiet tal-Istat u li jaqgħu barra mill-oqsma tal-attivitajiet tal-individwi u, b’mod partikolari, ebda dispożizzjoni li tista’ tkun koperta mill-kunċett ta’ “kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali” fis-sens tat-Titolu VI tat-Trattat UE, huwa korrett li din tiġi adottata fil-kuntest tal-kolonna Komunitarja u, b’mod iktar speċifiku, fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE.

131. Li kieku ġiet segwita, il-pożizzjoni sostnuta mill-Irlanda, jiġifieri li d-Direttiva 2006/24 kellha tiġi adottata fuq il-bażi tal-Artikoli 30 UE, 31(1)(ċ) UE u 34(2)(b) UE, kienet għalhekk twassal għal ksur tal-Artikolu 47 UE.

132. Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li, anki kieku jiġi kkunsidrat li d-Direttiva 2006/24 għandha komponent doppju li jaqa’ taħt kemm l-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern, skont dak li jipprovdi l-Artikolu 95 KE, kif ukoll taħt il-“kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali” fis-sens tat-Titolu VI tat-Trattat UE, mingħajr ma wieħed minnhom ikun aċċessorju għall-ieħor, l-Artikolu 47 UE jibqa’ jkun ta’ ostakolu għall-użu ta’ bażi legali li taqa’ taħt dan it-Titolu tat-Trattat UE.

133. Fil-fatt, fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Mejju 2008, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-portata tal-Artikolu 47 UE fil-każ fejn l-eżami ta’ miżura juri li din ikollha skop doppju jew li din ikollha komponent doppju, li jaqa’ taħt it-Trattat KE u t-Trattat UE rispettivament, mingħajr ma wieħed minnhom ikun aċċessorju għall-ieħor. F’sitwazzjoni bħal din, hija ġġudikat li, meta l-Artikolu 47 UE jipprekludi l-adozzjoni mill-Unjoni, fuq il-bażi tat-Trattat UE, ta’ miżura li tkun tista’ validament tiġi adottata fuq il-bażi tat-Trattat KE, l-Unjoni ma tkunx tista’ tirrikorri għal bażi legali li taqa’ taħt qasam kopert mit-Trattat UE sabiex tadotta dispożizzjonijiet li jaqgħu wkoll taħt kompetenza attribwita lill-Komunità mit-Trattat KE.

134. B’dan il-mod, meta miżura jkollha komponent doppju li minħabba fih tkun tista’ taqa’ kemm taħt it-Trattat KE kif ukoll taħt it-Trattat UE, l-Artikolu 47 UE jagħti, fi kwalunkwe każ, il-prijorità lit-Trattat KE.

VII – Konklużjoni

135. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li ntqalu, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

“1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      L-Irlanda hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      Ir-Renju ta’ Spanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Slovakka, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Nirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑176/03, Ġabra p. I‑7879); tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑317/04 u C‑318/04, Ġabra p. I‑4721); tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑440/05, Ġabra p. I‑9097), u tal-20 ta’ Mejju 2008, Il‑Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑91/05, Ġabra p. I-3651).


3 – ĠU L 105, p. 54.


4 – ĠU L 281, p. 31.


5 – ĠU L 201, p. 37.


6 – Dokument tal-Kunsill Nru 8958/04, CRIMORG 36, TELECOM 82.


7 – COM(2005) 438 finali.


8 – A6‑0365/2005.


9 – T6‑0512/2005.


10 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11 – Ibidem (punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12 – Ibidem (punt 59).


13 – Ibidem (punt 60).


14 – Sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (punt 61).


15 – Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑380/03, Ġabra p. I‑11573, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16 – Ibidem (punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17 – Ibidem (punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18 – Ara, f’dan ir-rigward, l-Anness 1 tal-kontroreplika ppreżentata mill-Parlament, kif ukoll id-Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Settembru 2005 li jinsab fl-anness tal-proposta tagħha għal direttiva [SEC(2005) 1131, punt 1.4].


19 – Ara, b’mod partikolari, l-evalwazzjonijiet indikati fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Settembru 2005, op. cit. (punt 4.3.4).


20 – Ara, f’dan is-sens, fil-qasam tas-saħħa pubblika, is-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21 – Ibidem (punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22 – Fost il-proposti għal deċiżjonijiet qafas li jittrattaw il-kwistjonijiet dwar il-konsultazzjoni, l-użu u l-iskambju ta’ informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-infurzar tal-liġi, ara, b’mod partikolari, proposta għal deċiżjoni qafas tal-Kunsill, tat-12 ta’ Ottubru 2005, dwar l-iskambju ta’ informazzjoni fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ disponibbiltà [COM(2005) 490 finali], kif ukoll proposta għal deċiżjoni qafas tal-Kunsill, tas-6 ta’ Novembru 2007, dwar l-użu tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi [COM(2007) 654 finali].


23 – Enfasi tiegħi.


24 – ĠU L 183, p. 83, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-Kunsill”.


25 – ĠU L 235, p. 11, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni dwar l-adegwatezza”.


26 – C-101/01, Ġabra p. I-12971.


27 – Iktar tard dan il-ftehim ġie sottopost għal rettifika (ĠU 2005, L 255, p. 168).


28 – Ara l-punt 139 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger ippreżentati fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.


29 – Ibidem (punt 102).


30 – Ibidem (punti 159 u 160).


31 – ĠU L 204, p. 16.


32 – Ara, f’dan ir-rigward, proposta ta’ deċiżjoni qafas tal-Kunsill, tal-4 ta’ Ottubru 2005, dwar il-protezzjoni tad-data personali fil-kuntest tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali [COM(2005) 475 finali].