Language of document : ECLI:EU:C:2012:684

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Novembru 2012 (*)

“Rappreżentanza tal-Unjoni Ewropea quddiem il-qrati nazzjonali — Artikoli 282 KE u 335 TFUE — Talba għad-danni minħabba d-dannu kkawżat lill-Unjoni permezz ta’ akkordju — Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Dritt għal smigħ xieraq – Dritt ta’ aċċess għal qorti — Opportunitajiet ugwali għall-partijiet — Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1/2003”

Fil-Kawża C‑199/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank van koophandel te Brussel (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ April 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ April 2011, fil-proċedura

 Europese Gemeenschap, optredend via de Europese Commissie

vs

 Otis NV,


 General Technic-Otis Sàrl (GTO),


 Kone Belgium NV,


 Kone Luxembourg Sàrl,


 Schindler NV,


 Schindler Sàrl,


 ThyssenKrupp Liften Ascenseurs NV,


 ThyssenKrupp Ascenseurs Luxembourg Sàrl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi-President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, L. Bay Larsen, A. Rosas u E. Jarašiūnas, Presidenti ta’ Awla, E. Levits, A. Ó Caoimh, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur), A. Prechal u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Marzu 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Otis NV, minn H. Speyart, S. Brijs u G. Borremans, avukati,

–        għal Kone Belgium NV, minn D. Paemen, avukat, D. Vermeiren, avukat, u T. Vinje, solicitor,

–        għal Schindler NV, minn P. Wytinck, avukat,

–        għal ThyssenKrupp Liften Ascenseurs NV, minn O. Brouwer, N. Lorjé u A. Pliego Selie, avukati,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Krämer u C. ten Dam, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn B. Driessen, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 282 KE, 335 TFUE u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll tal-Artikoli 103 u 104 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), kif emendat bir-Regolament (KE, EURATOM) Nru 1995/2006 tat-13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 390, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Europese Gemeenschap (il-Komunità Ewropea), irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea u Otis NV, Kone Belgium NV, Schindler NV, ThyssenKrupp Liften Ascenseurs NV, General Technic‑Otis Sàrl u ThyssenKrupp Ascenseurs Luxembourg Sàrl, manifatturi ta’ liftijiet u eskalejters, dwar kawża għall-kumpens għad-dannu subit minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE mwettaq minn dawn il-kumpanniji.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 It-Trattati

3        L-Artikolu 282 KE kien jipprovdi:

“F’kull wieħed mill-Istati Membri, l-Komunità għandha tippossjedi il-kapaċità ġuridika l-iktar wiesa’ mogħtija lil persuni ġuridiċi bil-liġijiet nazzjonali; b’mod partikolari, hija tkun tista’ tikseb jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tkun parti fi proċeduri legali. Għal dan il-għan, il-Komunita’ għandha tkun rappreżentata mill-Kummissjoni”

4        Fl-1 ta’ Diċembru 2009, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat FUE, dan l-artikolu ġie ssostitwit bl-Artikolu 335 TFUE, li jipprovdi kif ġej:

“F’kull wieħed mill-Istati Membri, l-Unjoni għandha tippossjedi il-kapaċità ġuridika l-iktar wiesa’ mogħtija lil persuni ġuridiċi bil-liġijiet nazzjonali; b’mod partikolari, hija tkun tista’ tikseb jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tkun parti fi proċeduri legali. Għal dan il-għan, l-Unjoni għandha tkun rappreżentata mill-Kummissjoni. Madankollu, l-Unjoni għandha tkun rappreżentata minn kull waħda mill-istituzzjonijiet, bis-saħħa ta’ l-awtonomija amministrattiva tagħhom, fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-operat rispettiv tagħhom.”

5        L-Artikolu 339 TFUE jipprovdi:

“Il-membri ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni, il-membri tal-kumitati, u l-uffiċjali u l-aġenti l-oħra ta’ l-Unjoni, ikunu meħtieġa ukoll wara t-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom, li ma jxerrdux tagħrif li jkun kopert bis-sigriet professjonali u, b’mod partikolari, tagħrif li jirriferi għal impriżi u dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jew l-elementi tal-costing tagħhom.”

6        L-Artikolu 47 TUE jipprovdi kif ġej:

“L-Unjoni għandha jkollha personalità ġuridika”

Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003

7        Il-premessa 37 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), tipprovdi:

“Dan ir-Regolament jirrispetta id-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji magħrufin b’mod partikolari mil-[Karta]. B’hekk, dan ir-Regolament għandu jiġi interpretat u applikat b’rispett ghal dawk id-drittijiet u il-prinċipji.”

8        L-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat: “L-applikazzjoni uniformi tal-Liġi tal-Kompetizzjoni tal-Komunità”, jipprovdi:

“Meta il-qrati nazzjonali jideċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu 81 [KE] jew l-Artikolu 82 [KE] li huma diġa suġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jieħdux id-deċiżjonijiet li jmorru kontra id-deċiżjoni adottata mil-Kummissjoni. Huma jridu jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li huma f’kunflitt ma deċiżjoni kontemplata mil-Kummissjoni fil-proċeduri li jniżjat. Għal dak l-effet, il-qrati nazzjonali jistgħu jagħmlu stima jekk huwiex neċessarju li jpoġġu dawn il-proċeduri. Dan l-obligu hu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obligazzjonijiet taħt l-Artikolu 234 [KE]”

9        Skont l-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament, intitolat: “Segretezza professjonali”:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 12 u 15, l-informazzjoni miġbura skond l-Artikoli 17 sa 22 ser jiġu wżati biss għall-għan li għalih ġie akwistat.

2.      Mingħajr preġudizzju għall-iskambju u l-użu ta’ informazzjoni pprovduti fl-Artikoli 11, 12, 14, 15 u 27, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri, l-uffiċjali tagħhom, impjegati u persuni oħra li jaħdmu taħt is-sorveljanza ta’ dawn l-awtoritajiet kif ukoll l-uffiċjali u impjegati ċivili ta’ awtoritajiet oħra ta’ l-Istati Membri mhux ser jiġi żvelat informazzjoni akwistata jew skambjata minnhom skont dan ir-Regolament u tat-tip kopert mil-obligu ta’ segretezza professjonali. Dan l-obbligu japplika ukoll għar-rappreżentanti kollha u l-esperti ta’l-Istati Membri li qed jattendu l-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv skont l-Artikolu 14.”

 Ir-Regolament Finanzjarju

10      Skont l-Artikolu 50 tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni għandha tikkonferixxi lill-istituzzjonijiet l-oħrajn is-setgħat meħtieġa għall-implementazzjoni tas-sezzjonijiet tal-baġit li huma relatati magħhom.

11      Skont l-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament:

“1.       L-istituzzjoni għandha twettaq id-doveri ta’ l-uffiċjal awtorizzanti.

[...]

2.       Kull istituzzjoni għandha tistabbilixxi fir-regoli amministrattivi interni tagħha l-persunal ta’ livell xieraq li lilu tiddelega b’konformità mal-kondizzjonijiet fir-regoli ta’ proċedura tagħha d-doveri ta’ l-uffiċjal awtorizzanti, l-kamp ta’ applikazzjoni tal-poteri delegati u l-possibbiltà li l-persuni delegati b’dawn il-poteri jistgħu jissubdelegawhom

[...]”

12      Skont l-Artikolu 60(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-uffiċjal awtorizzanti għandu jkun responsabbli f’kull istituzzjoni għall-implementazzjoni tad-dħul u tal-infiq skont il-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba u sabiex jiżgura l-legalità u r-regolarità tagħhom.

13      L-Artikolu 103 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Meta l-proċedura ta’ għoti tkun soġġetta għal żbalji sostanzjali, irregolaritajiet jew frodi, l-istituzzjonijiet għandhom jissospendu l-proċedura u jistgħu jieħdu kwalunkwe miżuri meħtieġa, inkluża l-kanċellazzjoni tal-proċedura.

Meta, wara l-għoti tal-kuntratt, il-proċedura ta’ għoti jew it-twettiq tal-kuntratt tkun soġġetta għal żbalji sostanzjali, irregolaritajiet jew frodi, l-istituzzjonijiet jistgħu, skont l-istadju li jkun intlaħaq fil-proċedura, jibqgħu lura milli jikkonkludu l-kuntratt jew jissospendu t-twettiq tal-kuntratt jew, fejn xieraq, jitterminaw il-kuntratt.

Meta tali żbalji, irregolaritajiet jew frodi huma attribwibbli għall-kuntrattur, l-istituzzjonijiet jistgħu wkoll jirrifjutaw li jagħmlu ħlasijiet, jistgħu jirkupraw ammonti diġà mħallsa jew jistgħu jitterminaw il-kuntratti kollha konklużi ma’ dan il-kuntrattur, fi proporzjon mas-serjetà ta’ l-iżbalji, irregolaritajiet jew frodi.”

14      L-Artikolu 104 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

L-istituzzjonijiet tal-Komunità għandhom ikunu meqjusa li huma l-awtoritajiet kontrattwanti fil-każi ta’ kuntratti mogħtija għall-akkont tagħhom. [...]”

 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali għall-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE.

15      Skont il-punt 26 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali għall-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE (ĠU 2004, C 101, p. 54), “[i]l-Kummissjoni ma għandhiex […] tgħaddi lill-qrati nazzjonali informazzjoni mogħtija volontarjament mill-applikant għal klemenza mingħajr ma tkun kisbet il-kunsens tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Id-dritt Belġjan

16      L-Artikolu 17 tal-Kodiċi Ġudizzjarju jipprovdi:

“Il-kawża ma tistax tiġi aċċettata jekk ir-rikorrent ma għandux kwalità u interess sabiex iressaqha.”

17      L-Artikolu 1382 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi:

“Kull att ta’ persuna, li jikkawża dannu lil persuna oħra, jobbliga lil min ikkawżah, jikkumpensa d-dannu”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali

18      Wara li rċeviet diversi lmenti, fl-2004 il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni dwar l-eżistenza ta’ ftehim bejn erba’ manifatturi prinċipali Ewropej ta’ liftijiet u ta’ eskalejters, jiġifieri l-gruppi Otis, Kone, Schindler u ThyssenKrupp. L-investigazzjoni wasslet għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Frar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Każ COMP/E‑1/38.823 – Liftijiet u eskalejters) [C(2007) 512 finali] (iktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2007”).

19      F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li l-impriżi destinatarji tagħha, li fosthom kien hemm il-konvenuti fil-kawża prinċipali, kienu kisru l-Artikolu 81 KE billi qasmu bejniethom is-sejħiet għal offerti u kuntratti oħra fil-Belġju, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi, bil-għan li jaqsmu s-swieq u li jiffissaw il-prezzijiet, billi f’ċerti każijiet ftiehmu fuq mekkaniżmu ta’ kumpens, billi skambjaw informazzjoni dwar il-volumi tal-bejgħ u dwar il-prezzijiet, kif ukoll billi pparteċipaw f’laqgħat regolari u billi stabbilixxew kuntratti oħra intiżi sabiex jiddeterminaw ir-restrizzjonijiet imsemmija hawn fuq u sabiex jimplementawhom. Għal dan il-ksur, il-Kummissjoni imponiet multi ta’ ammont totali ta’ iktar minn EUR 992 miljun.

20      Diversi kumpanniji, inklużi l-konvenuti fil-kawża prinċipali, ippreżentaw, quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, rikorsi intiżi għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

21      Permezz ta’ sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2011, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni (T‑138/07, Ġabra p. II‑4819), General Technic-Otis vs Il‑Kummissjoni (T‑141/07, T‑142/07, T‑145/07 u T‑146/07, fil-Ġabra p. II‑4977), ThyssenKrupp Liften Ascenseurs vs Il‑Kummissjoni (T‑144/07, T‑147/07 sa T‑150/07 u T‑154/07, Ġabra p. II‑5129), u Kone et vs Il‑Kummissjoni (T‑151/07, Ġabra p. II‑5313), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn ir-rikorsi, bl-eċċezzjoni ta’ dawk ippreżentati mill-kumpanniji tal-grupp ThyssenKrupp, li kienu ġew milqugħa parzjalment fir-rigward tal-ammont tal-multi imposti.

22      Wara, ir-rikorrenti ppreżentaw appelli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja intiżi għall-annullament tal-imsemmija sentenzi, irreġistrati taħt in-Numri C‑493/11 P, C‑494/11 P, C‑501/11 P, C‑503/11 P sa 506/11 P, C‑510/11 P, C‑516/11 P u C‑519/11 P. Permezz ta’ digrieti tal- 24 ta’ April u tat-8 ta’ Mejju 2012, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ħassar mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja l-Kawżi C‑503/11 P sa 506/11 P, C‑516/11 P u C‑519/11 P. Permezz ta’ digrieti tal-15 ta’ Ġunju 2012, United Technologies vs Il‑Kummissjoni, u Otis Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appelli fil-Kawżi C‑493/11 P u C‑494/11 P. Il-Kawżi C‑501/11 P u C‑510/11 P huma pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

 Il-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju

23      Permezz ta’ rikors promotur tal-20 ta’ Ġunju 2008, il-Komunità Ewropea, li saret l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, ressqet kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, li permezz tagħha hija talbet, prinċipalment, li l-konvenuti fil-kawża prinċipali jħallsu lill-Unjoni s-somma provviżorja ta’ EUR 7 061 688 (esklużi interessi u spejjeż tal-proċeduri) għad-dannu subit mill-Unjoni minħabba l-prattiki antikompetittivi stabbiliti fil-deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2007. Fil-fatt, l-Unjoni kienet ikkonkludiet mal-konvenuti fil-kawża prinċipali diversi kuntratti ta’ installazzjoni, ta’ manutenzjoni kif ukoll ta’ rinnovazzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters f’għadd ta’ binjiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-Parlament Ewropew, tal-Kummissjoni, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea u tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, kemm fil-Belġju kif ukoll fil-Lussemburgu. Sussegwentement, l-Unjoni talbet li jkun maħtur espert sabiex b’mod partikolari jiddetermina l-intier tad-dannu subit.

24      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jikkontestaw il-kapaċità tal-Kummissjoni li taġixxi bħala rappreżentanta tal-Unjoni, fin-nuqqas ta’ mandat mogħti espressament għal dan il-għan mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni allegatament leżi mill-ksur inkwistjoni. Barra minn hekk, huma invokaw ksur tal-prinċipji ta’ indipendenza tal-qorti u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari li l-Kummissjoni tokkupa fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 81(1) KE. Fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1/2003, id-deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2008 torbot lill-qorti tar-rinviju, ikun miksur ukoll il-prinċipju li jistipola li ħadd ma jista’ jagħti deċiżjoni dwar il-kawża tiegħu stess (nemo judex in sua causa).

25      Il-qorti tar-rinviju ddikjarat lilha nnifisha bla ġurisdizzjoni fir-rigward tad-dannu kkawżat minn dawk il-konvenuti fil-kawża prinċipali li huma stabbiliti fil-Lussemburgu.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank van koophandel te Brussel iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      a)      Skont l-Artikolu 282 KE, li sar l-Artikolu 335 TFUE, l-Unjoni għandha tkun irrappreżentata mill-Kummissjoni; l-Artikolu 335 TFUE, minn naħa, u l-Artikoli 103 u 104 tar-Regolament Finanzjarju, min-naħa l-oħra, jipprovdu li, f’dak li jikkonċerna l-kwistjonijiet amministrattivi marbuta mal-operat tagħhom, l-istituzzjonijiet ikkonċernati jirrappreżentaw l-Unjoni, li jista’ jimplika li l-istituzzjonijiet stess huma awtorizzati, kemm jekk esklużivament jew le, li jkunu parti minn proċeduri legali; ma hemmx dubju li, għall-imprendituri b’mod partikolari, il-fatt li jiksbu prezzijiet għoljin wisq wara li jitfassal kartell jaqa’ taħt il-kunċett ta’ frodi; fid-dritt Belġjan jipprevali l-prinċipju “lex specialis generalibus derogat”; sa fejn dan il-prinċipju japplika wkoll fid-dritt Ewropew, għandu jiġi kkunsidrat li l-inizjattiva li jinbdew proċeduri (ħlief meta l-Kummissjoni stess hija l-awtorità kontraenti) tappartjeni lill-istituzzjonijiet ikkonċernati?

      b)       (domanda sussidjarja) Il-Kummissjoni għandha jkollha, tal-inqas, mandat ta’ rappreżentazzjoni min-naħa tal-istituzzjonijiet sabiex tiddefendi l-interessi ġuridiċi tagħhom?

2)      a)      L-Artikolu 47 tal-[Karta] u l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem [u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”)] jiggarantixxu d-dritt ta’ kull persuna għal smigħ xieraq kif ukoll il-prinċipju korollarju li ħadd ma jista’ jagħti deċiżjoni dwar il-kawża tiegħu stess; – huwa konformi ma’ dan il-prinċipju li l-Kummissjoni taġixxi fl-ewwel lok bħala awtorità tal-kompetizzjoni u tissanzjona l-aġir akkużat, jiġifieri t-tfassil ta’ kartell, f’dak li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81 KE, li sar l-Artikolu 101 TFUE, ukoll wara li tkun mexxiet hija stess l-investigazzjoni, u fit-tieni lok tipprepara l-proċeduri għad-danni quddiem qorti nazzjonali u tiddeċiedi li tibda dawn il-proċeduri, filwaqt li l-istess membru tal-Kummissjoni huwa responsabbli miż-żewġ kwistjonijiet, li huma marbuta flimkien, u dan iktar minħabba li l-qorti li quddiemha tressqet il-kawża ma tistax tevita li tieħu d-deċiżjoni ta’ sanzjoni?

      b)       (domanda sussidjarja) Jekk tingħata risposta [negattiva] għal 2(a) (fis-sens li hemm inkompatibbiltà), kif il-vittma (il-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet, jew l-Unjoni) ta’ att illeċitu (it-tfassil ta’ kartell) għandha ssostni skont id-dritt tal-Unjoni d-dritt tagħha għad-danni, li huwa dritt fundamentali?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

27      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 282 KE u 335 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-Kummissjoni hija awtorizzata tirrappreżenta lill-Unjoni quddiem qorti nazzjonali fil-kuntest ta’ kawża ċivili għall-kumpens għad-dannu kkawżat lill-Unjoni permezz ta’ akkordju jew ta’ prattika pprojbita mill-Artikoli 81 KE u 101 TFUE, li tista’ tkun affettwat lil ċerti kuntratti pubbliċi mogħtija minn istituzzjonijiet differenti u minn korpi differenti tal-Unjoni, u dan mingħajr ma għandha mandat ta’ rappreżentanza mill-istituzzjonijiet jew mill-korpi l-oħra kkonċernati.

28      Ir-rappreżentanza tal-Komunità quddiem il-qrati tal-Istati Membri kienet irregolata mill-Artikolu 282 KE sal-1 ta’ Diċembru 2009, id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat FUE.

29      Billi l-kawża prinċipali tressqet qabel din id-data, qabel xejn għandu jiġi eżaminat jekk dan l-artikolu kienx jawtorizza lill-Kummissjoni tirrappreżenta lill-Komunità fil-kuntest ta’ kawża bħal din.

30      Mill-kliem tal-imsemmi artikolu jirriżulta li l-Komunità għandha locus standi f’kull Stat Membru u li, għal dan il-għan, hija rrappreżentata mill-Kummissjoni.

31      Madankollu, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-Artikolu 282 KE jikkostitwixxi biss regola ġenerali, li minnha jidderogaw l-Artikoli 274 KE u 279 KE. Dawn l-aħħar dispożizzjonijiet kienu ġew implementati mir-Regolament Finanzjarju, li l-Artikoli 59 u 60 tiegħu jawtorizzaw lil kull istituzzjoni tal-Unjoni timplementa l-punti baġitarji tagħha stess. Barra minn hekk, mill-Artikoli 103 u 104 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li hija kull waħda minn dawn l-istituzzjonijiet li għandha, jekk hija tqis li hija leża mill-ksur inkwistjoni, tiftaħ kawża għal kumpens, peress li l-biċċa l-kbira tal-kuntratti jkunu ngħataw f’isimha stess u għaliha nnfisiha.

32      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikoli 274 KE u 279 KE, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju, jiddefinixxi, b’mod partikolari, is-setgħat tal-istituzzjonijiet fir-rigward tat-tfassil u tal-implementazzjoni tal-baġit. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 282 KE jagħti lill-Komunità l-kapaċità ġuridika u jirregola r-rappreżentanza tagħha, b’mod partikolari, quddiem il-qrati tal-Istati Membri. Issa, ir-rappreżentanza tal-Komunità quddiem l-imsemmija qrati hija kwistjoni separata minn dik li tikkonċerna l-miżuri ta’ implementazzjoni baġitarja li istituzzjoni tal-Komunità tadotta. Għal din ir-raġuni, il-prinċipju “lex specialis generalibus derogat” huwa irrilevanti f’dan il-każ.

33      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Artikoli 103 u 104 tar-Regolament Finanzjarju, imsemmija mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tagħha, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu regoli relatati mal-għoti u mal-eżekuzzjoni ta’ kuntratti pubbliċi u mhux mar-rappreżentanza tal-Unjoni quddiem il-qrati tal-Istati Membri.

34      Minn dan isegwi li, abbażi tal-Artikolu 282 KE, il-Kummissjoni setgħet tirrappreżenta lill-Komunità quddiem il-qorti tar-rinviju.

35      Fir-rigward tal-Artikolu 335 TFUE, għandu jiġi rrilevat li t-Trattat FUE ma jinkludix dispożizzjoni tranżitorja fir-rigward tar-rappreżentanza tal-Unjoni fil-proċeduri mibdija quddiem il-qrati tal-Istati Membri qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan it-Trattat, iżda dejjem pendenti warajh. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dispożizzjoni rilevanti li tirregola din ir-rappreżentanza hija l-Artikolu 282 KE, peress li l-kawża prinċipali tressqet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat FUE.

36      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jkun interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan ma jipprekludix li l-Kummissjoni tirrappreżenta lill-Unjoni quddiem qorti nazzjonali li quddiemha titressaq kawża ċivili għall-kumpens għad-dannu kkawżat lill-Unjoni permezz ta’ akkordju jew ta’ prattika pprojbiti mill-Artikoli 81 KE u 101 TFUE, li jistgħu jkunu affettwaw lil ċerti kuntratti pubbliċi mogħtija minn istituzzjonijiet differenti u minn korpi differenti tal-Unjoni, mingħajr ma huwa meħtieġ li l-Kummissjoni jkollha mandat għal dan il-għan minn dawn tal-aħħar.

 Fuq it-tieni domanda

37      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 47 tal-Karta jipprekludix li l-Kummissjoni tressaq, f’isem l-Unjoni, quddiem qorti nazzjonali, kawża għall-kumpens għad-dannu subit mill-Unjoni b’riżultat ta’ akkordju jew ta’ prattika li ġiet ikkonstatata kuntrarja għall-Artikolu 81 KE permezz ta’ deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni.

38      B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk fil-kuntest ta’ kawża bħal din, huwiex miksur id-dritt għal smigħ xieraq, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 6 tal-KEDB, minħabba l-fatt li, skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE torbot lil din il-qorti. Fil-fatt, il-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE tkun imposta fuqha b’deċiżjoni meħuda minn waħda mill-partijiet fil-kawża, fatt li jimpedixxi lill-qorti nazzjonali milli teżamina b’mod sovran wieħed mill-elementi li jagħtu lok għad-dritt għal kumpens, jiġifieri s-seħħ ta’ fatt dannuż.

39      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, fil-kuntest ta’ kawża bħal din, il-Kummissjoni hijiex imħallef u parti fil-kawża tagħha stess, bi ksur tal-prinċipju “nemo judex in sua causa”.

40      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tenfasizza li kull persuna għandha d-dritt li tinvoka quddiem qorti l-ksur tal-Artikolu 81 KE u, għaldaqstant, li ssostni n-nullità ta’ akkordju jew ta’ prattika pprojbita minn dan l-artikolu (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, Ġabra p. I‑6619, punt 59).

41      Sa fejn jikkonċerna, b’mod partikolari, il-possibbiltà li jintalab kumpens għad-dannu kkawżat minn kuntratt jew minn imġiba li tista’ toħloq restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni, għandu jitfakkar li l-effettività sħiħa tal-Artikolu 81 KE u, b’mod partikolari, l-effett utli tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) jiġu ppreġudikati li kieku ma kienx possibbli għal kull persuna titlob kumpens għad-dannu li jkun ikkawżalha kuntratt jew imġiba li tista’ toħloq restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C‑453/99, Ġabra p. I‑6297, punt 26, u Manfredi et iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

42      Fil-fatt, dritt bħal dan isaħħaħ in-natura operattiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u huwa ta’ natura li jiskoraġġixxi l-ftehim jew il-prattiki, ħafna drabi moħbija, li jistgħu joħolqu restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni. Fid-dawl ta’ dan, il-kawżi għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali jistgħu jikkontribwixxu sostanzjalment għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni (sentenza Courage u Crehan, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

43      Minn dan isegwi li kull persuna għandha d-dritt li titlob kumpens għad-dannu subit meta teżisti rabta kawżali bejn l-imsemmi dannu u akkordju jew prattika pprojbita mill-Artikolu 81 KE (sentenza Manfredi et, ’il fuq iċċitata, punt 61).

44      Għalhekk, dan id-dritt japplika wkoll għall-Unjoni.

45      Dan għandu madankollu jiġi eżerċitat b’rispett tad-drittijiet fundamentali tal-konvenuti, kif iggarantiti b’mod partikolari mill-Karta. Id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar huma indirizzati, skont l-Artikolu 51(1) tagħha, kemm lill-istituzzjonijiet, lill-organi u lill-korpi tal-Unjoni kif ukoll lill-Istati Membri meta huma jimplementaw id-dritt tal-Unjoni.

46      F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li llum il-ġurnata huwa espress fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB, C‑279/09, Ġabra p. I‑13849, punti 30 u 31; id-digriet tal-1 ta’ Marzu 2011, Chartry, C‑457/09, Ġabra p. I‑819, punt 25, kif ukoll is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf, C‑69/10, Ġabra p. I‑7151, punt 49).

47      L-imsemmi Artikolu 47 jiżgura, fid-dritt tal-Unjoni, il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Għalhekk, għandu jsir biss riferiment għal din l-ewwel dispożizzjoni (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, Ġabra p. I‑13085, punt 51).

48      Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-imsemmi Artikolu 47 li huwa magħmul minn diversi elementi, fosthom, b’mod partikolari, id-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, id-dritt ta’ aċċess għall-qrati kif ukoll id-dritt li persuna tieħu parir, li jkollha difiża u li tkun irrappreżentata.

49      B’mod partikolari, fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal qorti, għandu jiġi ppreċiżat li, sabiex “qorti” tista’ tiddeċiedi fuq kontestazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 47 tal-Karta, huwa neċessarju li jkollha ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti għall-każ li hija jkollha quddiemha.

50      F’dan ir-rigward, huwa minnu li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2000, Masterfoods u HB, C‑344/98, Ġabra p. I‑11369, punt 52), li fil-preżent hija kkodifikata fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1/2003, meta l-qrati nazzjonali jideċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi li fir-rigward tagħhom japplika b’mod partikolari l-Artikolu 101 TFUE li huma diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jistawx jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

51      Dan il-prinċipju japplika wkoll meta titressaq quddiem il-qrati nazzjonali kawża għall-kumpens għad-dannu subit b’riżultat ta’ akkordju jew ta’ prattika li ġiet ikkonstatata kuntrarja għall-Artikolu 101 TFUE permezz ta’ deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni.

52      L-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni hija għaldaqstant ibbażata fuq obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn, minn naħa, il-qrati nazzjonali u, min-naħa l-oħra, rispettivament, il-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni, li fil-kuntest tiegħu kull waħda taġixxi skont ir-rwol mogħti lilha mit-Trattat (sentenza Masterfoods u HB vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

53      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jistħarrġu l-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tappartjenti għall-qrati tal-Unjoni u mhux għall-qrati nazzjonali. Dawn tal-aħħar ma għandhomx is-setgħa li jiddikjaraw dawn l-atti invalidi (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost, 314/85, Ġabra. p. 4199, punti 12 sa 20).

54      Ir-regola li skontha l-qrati nazzjonali ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE hija għalhekk, espressjoni speċifika tat-tqassim tal-kompetenzi, fi ħdan l-Unjoni, bejn, minn naħa, il-qrati nazzjonali u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni.

55      Madankollu, din ir-regola ma timplikax li l-konvenuti fil-kawża prinċipali huma mċaħħda mid-dritt tagħhom ta’ aċċess għal qorti skont l-Artikolu 47 tal-Karta.

56      Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni jipprovdi għal sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri skont l-Artikolu 101 TFUE li toffri l-garanziji kollha meħtieġa mill-Artikolu 47 tal-Karta.

57      F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tkun soġġetta għal stħarriġ tal-legalità mwettqa mill-qrati tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 263 TFUE. F’dan il-każ, il-konvenuti fil-kawża prinċipali li lilhom kienet ġiet indirizzata d-deċiżjoni effettivament ippreżentaw rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni, kif ġie mfakkar fil-punti 20 sa 22 ta’ din is-sentenza.

58      Madankollu, l-imsemmija konvenuti jsostnu li l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-qrati tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 263 TFUE fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni ma huwiex komplut, b’mod partikolari minħabba l-marġni ta’ diskrezzjoni li dawn il-qrati jirrikonoxxu lill-Kummissjoni fil-qasam ekonomiku.

59      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tenfasizza li, għalkemm, fl-oqsma li jwasslu għal evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, il-Kummissjoni għandha marġni diskrezzjonali fil-qasam ekonomiku, dan ma jfissirx li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni għandha, b’mod partikolari, mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi prodotti, l-affidabbiltà tagħhom u l-konsistenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-intier tad-data rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk din hijiex ta’ natura li tissostanzja l-konklużjonijiet misluta minnha (sentenza Chalkor vs Il‑Kummissjoni ċċitata iktar ’il fuq, punt 54 u ġurisprudenza ċċitata).

60      Il-Qorti tal-Unjoni għandha wkoll tivverifika ex-officio jekk il-Kummissjoni mmotivatx id-deċiżjoni tagħha u, b’mod partikolari, jekk hija spjegatx il-piż li tat u l-evalwazzjoni li hija għamlet tal-provi meħuda inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Chalkor vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

61      Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni għandha twettaq l-istħarriġ tal-legalità li hija għandha l-obbligu li twettaq abbażi tal-provi prodotti mir-rikorrent insostenn tal-motivi invokati. Matul dan l-istħarriġ, il-qorti ma tistax tinvoka l-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Kummissjoni għandha la fir-rigward tal-għażla tal-provi meħuda inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterji msemmija fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru [1/2003]” (ĠU 2006, C 210, p. 2), u lanqas fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dawn il-provi sabiex tirrinunzja għall-eżerċizzju ta’ stħarriġ fil-fond kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt (sentenza Chalkor vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

62      Fl-aħħar nett, l-istħarriġ tal-legalità huwa kkompletat bil-ġurisdizzjoni sħiħa li kienet ġiet irrikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), u li issa hija rrikonoxxuta permezz tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 261 TFUE. Din il-ġurisdizzjoni tawtorizza lill-qorti, lil hinn mis-semplici stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti (sentenza Chalkor vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63 u ġurisprudenza ċċitata).

63      L-istħarriġ previst mit-Trattati jimplika għaldaqstant li l-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt u li hija għandha s-setgħa li tevalwa l-provi, tannulla d-deċiżjoni kkontestata u temenda l-ammont tal-multi. Għalhekk, jidher li l-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE, ikkompletat bil- ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tal-ammont tal-multa, prevista fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, huwa konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Chalkor vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67).

64      Fir-rigward tal-oġġezzjoni tal-konvenuti fil-kawża prinċipali bbażata fuq il-fatt li dan l-istħarriġ ġudizzjarju huwa fdat lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-indipendenza tagħha qed tiġi kkontestata minħabba li hija stess hija istituzzjoni tal-Unjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din hija infondata fid-dawl, minn naħa, tal-garanziji kollha stabbiliti fit-Trattat li jiżguraw l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Qorti tal-Ġustizzja u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li kull korp ġudizzjarju jifforma neċessarjament parti mill-organizzazzjoni statali jew supranazzjonali li għaliha huwa jappartjeni, mingħajr dan il-fatt ma jista’ jwassal għal ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 6 tal-KEDB

65      Fl-aħħar nett, huwa importanti li jiġi rrilevat li kawża ċivili għal kumpens, bħal dik fil-kawża prinċipali, timplika, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, mhux biss il-konstatazzjoni tas-seħħ ta’ fatt dannuż, iżda wkoll l-eżistenza ta’ dannu u ta’ rabta diretta bejnu u bejn l-imsemmi fatt dannuż. Filwaqt li huwa minnu li l-obbligu tal-qorti nazzjonali li ma tiħux deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE jimponilha, ċertament, jammetti l-eżistenza ta’ akkordju jew ta’ prattika pprojbita, għandu jiġi ppreċiżat li l-eżistenza ta’ dannu u ta’ rabta kawżali diretta bejn dan id-dannu u l-akkordju jew il-prattika inkwistjoni tibqa’, għall-kuntrarju, suġġetta għall-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali.

66      Fil-fatt, anki meta l-Kummissjoni twasslet tiddetermina l-effetti preċiżi tal-ksur fid-deċiżjoni tagħha, hija dejjem il-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi b’mod individwali d-dannu kkawżat lil kull persuna li tkun ressqet kawża għal kumpens. Evalwazzjoni bħal din ma hijiex kuntrarja għall-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1/2003.

67      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Kummissjoni ma tistax titqies bħala imħallef u parti fil-kawża tagħha stess fil-kuntest ta’ kawża bħal dik prinċipali.

68      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tieni lok, jekk il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet huwiex miksur fil-kuntest ta’ kawża ċivili bħal dik fil-kawża prinċipali minħabba l-fatt li l-Kummissjoni kienet hija stess wettqet l-investigazzjoni relatata mal-ksur inkwistjoni.

69      Skont il-konvenuti fil-kawża prinċipali, din l-istituzzjoni kienet, għalhekk, tinsab f’pożizzjoni privileġġjata fil-konfront tagħhom, fatt li kien ippermettilha tiġbor u tuża informazzjoni, inkluża dik kunfidenzjali u għalhekk protetta bis-sigriet professjonali, li ħadd mill-konvenuti ma kellu.

70      Il-Kummissjoni ssostni, fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li matul il-preparazzjoni tal-kawża prinċipali, hija użat biss informazzjoni li tinsab fil-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Frar 2007. Barra minn dan, din l-istituzzjoni tispjega li s-servizzi responsabbli għall-kawża prinċipali, jiġifieri l-Uffiċċji “Infrastruttura u loġistika”, fi Brussell u fil-Lussemburgu, ma kellhom l-ebda dritt ta’ aċċess ipprivileġġjat għall-fajl kunfidenzjali tad-Direttorat Ġenerali “Kompetizzjoni”. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni kienet fuq livell ugwali ma’ kwalunkwe parti f’kawża oħra.

71      Il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li huwa korollarju tal-kunċett stess ta’ smigħ xieraq (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, Ġabra. p. I‑8533, punt 88) jimplika l-obbligu li kull parti tiġi offruta possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, inkluż li tipproduċi l-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jpoġġuhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ ċar meta mqabbla mal-avversarju tagħha.

72      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet għandu l-għan li jiżgura bilanċ bejn il-partijiet fil-proċeduri billi jiggarantixxi li kull dokument ippreżentat lill-qorti jista’ jiġi evalwat u kkontestat minn kull parti fil-proċeduri. Għall-kuntrarju, id-dannu maħluq mill-iżbilanċ fil-prinċipju għandu jiġi pprovat minn dak li subieh.

73      Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-informazzjoni li jirreferu għaliha l-konvenuti fil-kawża prinċipali ma ġietx ipprovduta lill-qorti nazzjonali mill-Kummissjoni, anzi din tal-aħħar sostniet li hija bbażat ruħha biss fuq l-informazzjoni disponibbli fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur tal-Artikolu 81 KE. B’konsegwenza, dawn iċ-ċirkustanzi jeskludu l-ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet.

74      L-argument tal-konvenuti fil-kawża prinċipali, li skontu l-bilanċ bejn il-partijiet huwa ppreġudikat minħabba l-fatt li l-Kummissjoni kienet wettqet l-investigazzjoni dwar il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE bl-iskop li titlob, sussegwentement, il-kumpens għad-dannu subit minħabba dan il-ksur, imur kontra l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1/2003, li l-informazzjoni miġbura fil-kuntest tal-investigazzjoni tintuża għal skopijiet mhux relatati magħha.

75      Barra minn hekk, il-fatt li kemm id-deċiżjoni 27 ta’ Frar 2007 u kemm dik li titressaq il-kawża għal kumpens fil-kawża prinċipali kienu ttieħdu mill-Kulleġġ tal-Kummissjoni ma jikkontestax il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, peress li d-dritt ta’ Unjoni jinkludi biżżejjed garanziji sabiex jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet fil-kuntest ta’ kawża bħal din, bħal dawk li jirriżultaw mill-Artikoli 339 TFUE u 28 tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll mill-punt 26 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali għall-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE.

76      Fl-aħħar nett, l-argumenti li jisiltu l-konvenuti fil-kawża prinċipali mis-sentenza Yvon vs Franza (QEDB, sentenza tal-24 ta’ April 2003, Ġabra ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet 2003-V), ma jistgħux jiġi milqugħa. Fil-fatt, l-elementi li wasslu lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tikkonstata ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB, jiġifieri, b’mod partikolari, l-influwenza importanti tal-konklużjonijiet tal-Kummissarju tal-Gvern dwar l-evalwazzjoni tal-qorti tal-esproprjazzjoni, kif ukoll ir-regoli li jikkonċernaw l-aċċess u l-użu mill-Kummissarju tal-Gvern, tal-informazzjoni rilevanti, ma kinux suġġetti, kuntrarjament għall-elementi li jikkaratterizzaw din il-kawża prinċipali, għal stħarriġ ġudizzjarju jew għal garanziji paragunabbli jew ekwivalenti għal dawk imsemmija, rispettivament, fil-punti 63 u 75 ta’ din is-sentenza.

77      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 47 tal-Karta ma jipprekludix li l-Kummissjoni tressaq, f’isem l-Unjoni, quddiem qorti nazzjonali, kawża għall-kumpens għad-dannu subit mill-Unjoni b’riżultat ta’ akkordju jew ta’ prattika li ġiet ikkonstatata kuntrarja għall-Artikolu 81 KE jew għall-Artikolu 101 TFUE permezz ta’ deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

78      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-dritt tal-Unjoni għandu jkun interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan ma jipprekludix li l-Kummissjoni Ewropea tirrappreżenta lill-Unjoni Ewropea quddiem qorti nazzjonali li quddiemha titressaq kawża ċivili għall-kumpens għad-dannu kkawżat lill-Unjoni permezz ta’ akkordju jew ta’ prattika pprojbiti mill-Artikoli 81 KE u 101 TFUE, li jistgħu jkunu affettwaw lil ċerti kuntratti pubbliċi mogħtija minn istituzzjonijiet differenti u minn korpi differenti tal-Unjoni, mingħajr ma huwa meħtieġ li l-Kummissjoni jkollha mandat għal dan il-għan minn dawn tal-aħħar.

2)      L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma jipprekludix li l-Kummissjoni Ewropea tressaq, f’isem l-Unjoni Ewropea, quddiem qorti nazzjonali, kawża għall-kumpens għad-dannu subit mill-Unjoni b’riżultat ta’ akkordju jew ta’ prattika li ġiet ikkonstatata kuntrarja għall-Artikolu 81 KE, jew għall-Artikolu 101 TFUE permezz ta’ deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.