Language of document : ECLI:EU:C:2007:147

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

JULIANE KOKOTT

ippreżentati fit-8 ta’ Marzu 20071(1)

Kawża C-334/05 P

Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

vs

Shaker di L. Laudato & C. Sas

(Appell – Trade mark Komunitarja – Trade mark verbali u figurattiva kumplessa “Limoncello della Costiera Amalfitana” – Oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark verbali “LIMONCHELO” – Rifjut tar-reġistrazzjoni)





I –    Introduzzjoni

1.        Bil-preżenti appell l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji) (“UASI”) jikkontesta s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li ngħatat fil-15 ta’ Ġunju 2005 f’Shaker vs L-UASI.(2) Il-kwistjoni ewlenija hija dwar kif għandha tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn trade mark verbali u trade mark verbali u figurattiva kumplessa.

2.        Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li ma kien hemm l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks ikkonċernati, billi l-komponent dominanti tat-trade mark kumplessa huwa rappreżentazzjoni figurattiva, u għalhekk ma teżistix similarità biżżejjed mat-trade mark verbali. Min-naħa l-oħra, l-UASI jargumenta li, meta wieħed iqis it-trade marks globalment (billi jkunu kkunsidrati wkoll l-aspetti fonetiċi u kunċettwali), teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni.

II – Il-kuntest ġuridiku

3.        L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja(3) (“Regolament Nru 40/94”) jirregola l-probabbiltà ta’ konfużjoni bħala raġuni relattiva għal rifjut tar-reġistrazzjoni:

“Jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandiex tiġi milqugħa:

(a)      […]

(b)      jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identitċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabilità ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabilità ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabilità li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.”

4.        Is-seba’ premessa fil-preambolu tar-Regolament Nru 40/94 tispjega l-kunċett tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fil-każ ta’ similarità bejn prodotti jew servizzi: “il-possibiltà ta’ konfużjoni, li l-apprezzament tagħha tiddependi fuq ħafna elementi u, b’mod partikolari, fuq l-għarfien tat-trade mark fuq is-suq, l-assoċjazzjoni li tista’ ssir bejn is-sinjal użat u dak reġistrat, il-livell ta’ xebh bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-prodotti jew is-servizzi identifikati, tikkostitwixxi l-kundizzjoni speċifika għal tali protezzjoni”.

III – Il-fatti u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza

5.        Il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeskrivi l-fatti fil-paragrafi 1 sa 13 tas-sentenza appellata kif ġej: (4)

“1.      Fl-20 ta’ Ottubru 1999, ir-rikorrenti [Shaker di L. Laudato & C. Sas (‘Shaker’)] ppreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it- trade mark Komunitarja (ĠU L11, 1994, p.1) kif emendat (iktar 'il quddiem ir-“Regolament Nru 40/94”).

2.      It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija t-tabella figurattiva riprodotta kif ġej:

Image not found

3.       Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade marks jaqgħu taħt il-klassijiet 29, 32 u 33 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat (iktar 'il quddiem il-“Ftehim ta’ Nizza”), li kull waħda minnhom tikkorrispondi għad-deskrizzjoni segwenti:

-      klassi 29: “Laħam, ħut, tjur u selvaġġina; estratti tal-laħam; frott u ħaxix ippriservat, imnixxef u msajjar, ġèli, ġammijiet, frott ippriservat jew misjur fix-xropp; bajd, ħalib u prodotti tal-ħalib; żejt u xaħam li jittiekel”;

-      klassi 32: “Birer, ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xorb tal-frott u meraq tal-frott; xroppi u preparazzjonijiet oħra biex tagħmel xarbiet”;

-      klassi 33 “Xarbiet alkoħolici (minbarra birer)”.

4      […]

5      […]

6      B’riżultat ta’ […] l-intervent ta’ l-UASI, ir-rikorrenti limitat it-talba tagħha, għal dak li għandu x’jaqsam mal-prodotti tal-klassi 33, għal-likuri ta’ lumi li ġej mill-Kosta Amalfitana [u rtirat l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni fir-rigward tal-klassi 32].

7      L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bulettin ta’ Trade marks Komunitarji Nru 30/00 tas-17 ta’ April 2000.

8      Fl-1 ta’ Ġunju 2000, Limiñana y Botella, SL (iktar 'il quddiem il-“parti li qegħda topponi”) ressqet oppożizzjoni skond l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94 kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.

9      Il-motiv [invokat in] sostenn [ta’] din l-oppożizzjoni kien il-probabbiltà ta’ konfużjoni msemmija fl-Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament Nru 40/94, bejn minn naħa waħda, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni safejn din hija konnessa mal-prodotti tal-klassi 33 tal-Ftehim ta’ Nizza u, min-naħa l-oħra, it-trade mark nominattiva tal-parti li qegħda topponi li tikkonċerna wkoll il-prodotti tal-klassi 33, irreġistrata fl-1996 fl-Oficina Española de Patentes y Marcas du Ministerio de ciencia y tecnología (Uffiċċju Spanjol ta’ privattivi u trade marks), bl-isem:

“LIMONCHELO”

10      Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Settembru 2002, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ta’ l-UASI laqgħet l-oppożizzjoni u, konsegwentement, irrifjutat [ir-reġistrazzjoni tat-]trade mark li għaliha saret applikazzjoni [fir-rigward tal-klassi 33].

11      Id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ġġustifikat id-deċiżjoni tagħha billi indikat, essenzjalment, li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fis-suq Spanjol, skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u t-trade mark preċedenti minħabba l-identiċità tal-prodotti in kwistjoni u x-xebh bejn it-trade marks. F’dak li jirrigwarda dan l-aħħar element, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni waslet għal din il-konklużjoni wara analiżi tax-xebh viżwali, fonetiku u kunċettwali tat-trade marks in kwistjoni minfejn jirriżulta, skond l-UASI, li hemm xebh viżwali u fonetiku bejn l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni li jikkonsisti fil-kelma “limoncello” u t-trade mark preċedenti.

12      Fis-7 ta’ Novembru 2002, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni quddiem l-UASI, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94.

13      Permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-24 ta’ Ottubru 2003 (iktar 'il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord ta’ l-Appell ċaħad l-appell tar-rikorrenti. Essenzjalment, il-Bord ta’ l-Appell kien ta’ l-opinjoni, wara li rrileva li l-prodotti tat-trade mark preċedenti kienu jkopru dawk tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, li l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kien il-kelma “limoncello” u li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u t-trade mark preċedenti kienu viżwalment u fonetikament simili ħafna għal xulxin, b’tali mod li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn dawn iż-żewġ trade marks”.

6.        Il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat is-sentenza tat-Tieni Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI ta’ l-24 ta’ Ottubru 2003 u rriformatha fis-sens li l-appell imressaq quddiem l-UASI mill-applikanta kien fondat u għaldaqstant l-oppożizzjoni kellha tiġi miċħuda.

7.        Il-Qorti tal-Prim’Istanza pproċediet fuq il-bażi li l-prodotti in kwistjoni huma identiċi.

8.        Għal dak li jirrigwarda s-similarità tat-trade marks, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat li karatteristika partikolarment importanti ta’ dan il-każ kien il-fatt li trade mark verbali u figurattiva kumplessa kienet f’kunflitt ma’ trade mark verbali. Trade mark kumplessa li jkollha wieħed jew iżjed mill-komponenti tagħha identiku jew simili għal trade mark oħra, ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala simili għal dik it-trade mark l-oħra, sakemm il-komponent identiku jew simili ma jifformax l-element dominanti fl-impressjoni globali mogħtija mit-trade mark kumplessa.

9.        Sa fejn kellha x’taqsam it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, ir-rappreżentazzjoni ta’ platt tond imżejjen bil-lumi kellha titqies, b’mod ċar, bħala l-komponent dominanti. Dan il-komponent ma kellu xejn in komuni mat-trade mark preċedenti. Għalhekk, ma kien hemm l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks mill-pubbliku ta’ referenza Spanjol. Il-pożizzjoni ma nbiddlitx minħabba s-similarità viżwali, fonetika jew kunċettwali tal-kliem “limoncello” jew “limonchelo” fit-trade marks.

10.      Billi ma kien hemm l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks, ma kienx hemm bżonn li tiġi eżaminata n-natura distintiva tat-trade mark preċedenti.

IV – Appell

11.      L-appell ta’ l-UASI oriġinarjament kien ibbażat fuq żewġ aggravji:

12.      L-ewwel nett, ġie sottomess li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat u applikat l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 b’mod żbaljat meta ċaħdet l-eżistenza ta’ kwalunkwe probabbiltà ta’ konfużjoni abbażi ta’ analiżi esklużivament viżwali tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.

13.      Barra minn hekk, it-tieni aggravju ta’ l-appell kien jirrigwarda kontradizzjoni ovvja u “nuqqas ta’ loġika” fis-sentenza. Dan l-ilment kien jirrigwarda parti fil-verżjoni Taljana tas-sentenza li, minħabba żball fit-traduzzjoni, kien fiha kliem kontradittorju. Wara li l-“iżball ovvju” fis-sentenza kien ġie korrett f’dan ir-rigward permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Jannar 2006 skond l-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-UASI rtira l-appell fir-rigward tat-tieni aggravju wara investigazzjoni dwar dan mill-Qorti tal-Ġustizzja.

14.      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1.      tannulla s-sentenza appellata;

2.      tikkundanna lil Shaker di L. Laudato & C. Sas tħallas l-ispejjeż.

15.      Shaker tissottometti li l-evalwazzjoni tal-fatti hija kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li kienet għamlet evalwazzjoni adegwata. Għalhekk, Shaker titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1.      tiċħad l-appell;

2.      tikkundanna lir-rikorrent iħallas l-ispejjeż.

V –    Evalwazzjoni

16.      L-UASI jqajjem numru ta’ aggravji fil-konfront tas-sentenza appellata. Dak li fl-opinjoni tiegħi jidher li huwa kruċjali, iżda, hija l-kritika tal-paragun tat-trade marks li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza.

17.      Huwa evidenti mis-seba’ premessa fil-preambolu tar-Regolament Nru 40/94 li l-apprezzament tal-probabbiltà ta’ konfużjoni “tiddependi fuq ħafna elementi u, b’mod partikolari, fuq l-għarfien tat-trade mark fis-suq, l-assoċjazzjoni li tista’ ssir bejn is-sinjal użat u dak reġsitrat, il-livell ta’ xebh bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-prodotti jew is-servizzi identifikati”. Għalhekk, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi eżaminata globalment, billi jitqiesu l-fatturi kollha li huma rilevanti għaċ-ċirkustanzi tal-każ.(5)

18.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza rrikonoxxiet il-ħtieġa li jsir paragun globali taż-żewġ trade marks fil-punt 49 tas-sentenza appellata, iżda kompliet tgħid fil-punt 50:

“Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li trade mark kumplessa, li għandha wieħed mill-komponenti tagħha identiku jew simili għal trade mark oħra, tista’ tiġi kkunsidrata bħala li hija simili għal din it-trade mark l-oħra biss jekk dan il-komponent jikkostitwixxi l-element dominanti fl-impressjoni totali mogħtija mit-trade mark kumplessa”.

19.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza stabbiliet din il-premessa fis-sentenza MATRATZEN(6) u minn dak iż-żmien sal-lum applikatha f’sensiela ta’ sentenzi.(7) Madankollu, tqum il-mistoqsija ta’ kif wieħed għandu jipproċedi jekk trade mark ma jkollhiex komponent dominanti jew jekk diversi komponenti jkollhom effett dominanti.

20.      Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà kkwalifikat il-premessa tagħha f’MATRATZEN. Hija ppreċiżat li dan l-approċċ ma jfissirx li komponent wieħed biss ta’ trade mark kumplessa għandu jittieħed in kunsiderazzjoni u mqabbel ma’ trade mark oħra. Għall-kuntrarju, tali paragun għandu jsir billi jiġu eżaminati t-trade marks in kwistjoni, kull waħda kkunsidrata fit-totalità tagħha. Madankollu, dan ma jfissirx li l-impressjoni globali li titħalla f’moħħ il-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa ma tistax, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn komponent wieħed jew iktar tagħha.(8)

21.      Dawn il-kwalifiki ntużaw ukoll bħala bażi mill-Qorti tal-Ġustizzja meta ċaħdet l-appell kontra s-sentenza f’MATRATZEN.(9) Il-premessa li ż-żewġ trade marks jistgħu jitqiesu bħala simili biss jekk jikkorrispondu għall-komponent dominanti tkopri biss kategorija partikolari ta’ każijiet.(10) Din il-kategorija ta’ każijiet hija stabbilita mid-definizzjoni tal-komponent dominanti ta’ trade mark li tinsab fil-punt 50 tas-sentenza appellata. Tali komponent jrid ikun 'jista’ jiddomina l-immaġini ta’ din it-trade mark li l-pubbliku kkonċernat jibqa’ jiftakar, b’tali mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark huma ta’ importanza żgħira fl-impressjoni totali li din ta’ l-aħħar tagħti'. Huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark jkunu negliġibbli li l-komponent dominanti waħdu jkun jista’ jiġi eżaminat għal finijiet ta’ similarità.

22.      Jekk il-premessa bażika hija b’dan il-mod limitata għal dawk il-każijiet fejn it-trade marks kumplessi huma dominati biss minn komponent dominanti wieħed, bl-esklużjoni tal-komponenti l-oħra kollha, din ma tkunx inkonsistenti mas-sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja tat sussegwentement f’Medion.(11) F’dak il-każ il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-probabbiltà ta’ konfużjoni kienet tirriżulta minn komponent li ma kienx dominanti.

23.      Dik is-sentenza kienet ibbażata fuq il-kombinazzjoni ta’ trade mark preċedenti (LIFE) ma’ isem ta’ manifattur (THOMSON LIFE), fejn l-isem tal-manifattur kien meqjus bħala l-komponent dominanti tat-trade mark kumplessa. F’każijiet bħal dawn teżisti probabbiltà, partikolarment fejn l-isem tal-manifattur ikun magħruf sewwa, li l-oriġini tal-prodotti koperti mit-trade mark kumplessa tkun attribwita mill-pubbliku wkoll għall-prodotti li juru t-trade mark preċedenti.(12) Għalhekk, il-probabbiltà ta’ konfużjoni li kienet meqjusa possibbli f’Medion irriżultat mill-fatt li, flimkien mal-komponent dominanti, kien hemm perċezzjoni ta’ komponent ieħor li kien identitku għat-trade mark preċedenti. Għalhekk, meta wieħed jikkunsidra l-impressjoni globali tat-trade mark, dan it-tieni komponent assolutament ma kienx negliġibbli. Għalhekk, f’każ bħal dan, il-premessa li għaliha saret referenza fil-punt 50 tas-sentenza appellata ma tapplikax.

24.      Dak li huwa deċisiv sa fejn għandu x’jaqsam il-każ in eżami huwa, għalhekk, jekk fil-fatt il-Qorti tal-Prim’Istanza – abbażi tad-definizzjoni tagħha stess – identifikatx komponent dominanti tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni li kien tali li l-komponenti l-oħra kollha kienu negliġibbli. Il-Qorti tal-Prim’Istanza, iżda, ma tagħmilx konstatazzjoni bħal din.

25.      Għall-kuntrarju, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeskrivi l-platt bħala dominanti fir-rigward ta’ l-elementi l-oħra u, fil-punt 58, tikkonstata li l-platt ikopri l-parti l-kbira ta’ l-aħħar żewġ terzi tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, filwaqt li l-kelma “limoncello” tkopri biss parti kbira ta’ l-ewwel terz tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. Fil-paragun sussegwenti tagħha tad-diversi elementi tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, fil-punti 60 et seq tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza sempliċement tirrifjuta li dawk l-elementi l-oħra huma dominanti. Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn l-istadji ta’ l-evakwazzjoni tagħha ma jwassal għall-konklużjoni li l-platt jiddomina t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni sal-punt li l-elementi l-oħra kollha huma negliġibbli.

26.      Għaldaqstant, skond il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma tinkludix komponent li jiġġustifika restrizzjoni – skond l-approċċ li hija żviluppat – tal-paragun tat-trade marks, safejn hija kkonċernata l-probabbiltà ta’ konfużjoni, għal dak il-komponent partikolari. Minflok, kien imissha saret evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward taż-żewġ trade marks. Billi din ma saritx, is-sentenza appellata fiha żball tad-dritt u għandha tiġi annullata.

VI – Konsegwenzi ta’ l-annullament tas-sentenza appellata

27.      Skond l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ l-Artikolu 61 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-istess Qorti tista’, fil-każ li tannulla deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Inkella, hija tista’ tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tiddeċidieha.

28.      Li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja riedet tagħti deċiżjoni definittiva fil-każ in eżami, hija jkollha twettaq evalwazzjoni tal-fatti hija stess (jiġifieri, il-paragun taż-żewġ trade marks) mingħajr ebda bażi fis-sentenza appellata li fuqha tista’ tagħmel dan. Madankollu, l-evalwazzjoni tal-fatti hija r-responsabbiltà tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Barra minn hekk, il-partijiet ma għamlu l-ebda sottomissjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ dawn l-aspetti fattwali. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, l-aktar, tieħu in kunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet bil-miktub li huma għamlu fl-ewwel istanza, mingħajr ma tkun tista’ tirreferi għar-risposti mogħtija fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-istat tal-proċedimenti preżenti ma jippermettix li tingħata deċiżjoni definittiva. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tiddeċidieha.

VII – Fuq l-Ispejjeż

29.      Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għal deċiżjoni definittiva, ma jkunx meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-ispejjeż skond l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura u dik id-deċiżjoni hija riżervata għas-sentenza finali.

30.      Kwalunkwe deċiżjoni oħra fir-rigward ta’ l-ispejjeż tidher li hija possibbli fil-prinċipju fir-rigward tat-tieni aggravju ta’ l-appell biss. Kien biss wara li kien ġie ppreżentat l-appell li l-UASI rtira dan l-aggravju ta’ l-appell, billi dan kien ibbażat fuq żball fit-traduzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li kien ġie korrett b’digriet tas-26 ta’ Jannar 2006 skond l-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Għalhekk tista’ tqum il-kwistjoni jekk ikunx ġust li wieħed mill-partijiet jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż ta’ dan l-aggravju ta’ l-appell. Fil-każ in eżami, iżda, dan l-aggravju ta’ l-appell huwa ta’ importanza tant żgħira li ma jkunx xieraq li wieħed jikkunsidrah separatament għall-finijiet ta’ l-ispejjeż.

VIII – Konklużjoni

31.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

1.      tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Shaker di Laudato & C. Sas v L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), (T-7/04, Ġabra p. II-2305);

2.      tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej sabiex din tiddeċidieha;

3.      tirriżerva l-ispejjeż tal-proċedimenti.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 − Ara s-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Shaker vs L-UASI, (T-7/04, Ġabra p. II-2305).


3 − ĠU L 11, 1994, p. 1.


4 − It-tnaqqis u l-kjarifikazzjonijiet fil-paragrafi 1, 4 sa 6 u 10 huma tiegħi.


5 − Ara s-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL (C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 22).


6 − Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Conrad vs L-UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), (T-6/01, Ġabra 2002, p. II-4335, punt 33).


7− Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Marzu 2005, Leder & Schuh vs L-UASI – Schuhpark Fascies (JELLO SCHUHPARK), (T-32/03, Ġabra p. II-1, punt 39); ta’ l-4 ta’ Mejju 2005, Chum vs L-UASI – Star TV (STAR TV), (T‑359/02, Ġabra 2005, p. II‑1515, punt 44); tal-11 ta’ Mejju 2005, CM Capital Markets vs L-UASI – Caja de Ahorros de Murcia (CM), (T‑390/03, Ġabra 2005, p. II‑1699, punt 46), u Grupo Sada vs L-UASI [GRUPO SADA], (T-31/03, Ġabra 2005, p. II‑1667, punt 49); tal-25 ta’ Mejju 2005, Creative Technology vs L-UASI – Vila Ortiz (PC WORKS), (T‑352/02, Ġabra 2005, p. II‑1745, punt 34); tas-7 ta’ Lulju 2005, Miles International vs L-UASI [BIKER MILES], (T-385/03, Ġabra 2005, p. II‑2665, punt 39); tat-13 ta’ Lulju 2005, Murúa Entrena vs L-UASI – Bodegas Murúa (Julián Murúa Entrena), (T‑40/03, Ġabra 2005, p. II‑2831, punt 52); ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, GfK vs L-UASI – BUS (Online Bus), (T‑135/04, Ġabra 2005, p. II‑4865, punt 59), u Simonds Farsons Cisk vs L-UASI – Spa Monopole (KINJI by SPA), (T‑3/04, Ġabra 2005, p. II‑4837, punt 46); tal-21 ta’ Frar 2006, Royal County of Berkshire Polo Club vs L-UASI – Polo/Lauren (ROYAL COUNTY OF BERKSHIRE POLO CLUB), (T‑214/04, Ġabra 2006, p. II‑239, punt 39); tat-23 ta’ Frar 2006, Il Ponte Finanziaria vs L-UASI – Marine Enterprise Projects (BAINBRIDGE), (T‑194/03, Ġabra 2006, p. II‑445, punt 94); tal-15 ta’ Marzu 2006, Athinaiki Oikogeniaki Artopoiia vs L-UASI – Ferrero (FERRÓ), (T‑35/04, Ġabra 2006, p. II‑785, punt 48); u tat-13 ta’ Ġunju 2006, Inex vs L-UASI – Wiseman (Rappreżentazzjoni ta’ ġilda ta’ baqra), (T‑153/03, Ġabra 2006, p. II‑1677, punt 27).


8 − Ara s-sentenza MATRATZEN, iċċitata fin-nota tal-qiegħ tal-paġna numru 6, punt 34. Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Marzu 2005, L'Oréal vs L-UASI - Revlon (FLEXI AIR), (T‑112/03, Ġabra 2005, p. II‑949, punt 79).


9 − Digriet tat-28 ta’ April 2004, Matratzen Concord vs L-UASI (MATRATZEN), (C-3/03P, Ġabra p. II-3657, punt 32).


10 − Ara wkoll il-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs fis-sentenza Medion ippreżentati fid-9 ta’ Ġunju 2005, (C-120/04, Ġabra p. I-8551, punt 33).


11 − Ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2005, Medion, (C-120/04, Ġabra p. I-8551, punt 32 et seq).


12 − Ara s-sentenza Medion, iċċitata fin-nota tal-qiegħ tal-paġna numru 11, punti 31 u 34.