Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Frar 2017 – Ir-Repubblika Franċiża vs Il-Parlament Ewropew

(Kawża C-73/17)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentanti: F. Alabrune, D. Colas, B. Fodda u E. de Moustier, aġenti)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

tannulla l-aġenda tas-sessjoni tal-Parlament Ewropew tal-Erbgħa 30 ta’ Novembru 2016 (dokument P8_0J (2016)11-30), sa fejn tipprevedi dibattiti plenarji dwar l-abbozz konġunt ta’ baġit ġenerali miftiehem mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni; l-aġenda tas-sessjoni tal-Ħamis l-1 ta’ Diċembru 2016 (dokument P8_0J (2016)12-01), sa fejn tipprevedi votazzjoni segwit minn spjegazzjonijiet tal-vot fuq l-abbozz konġunt ta’ baġit ġenerali; ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew, tal-1 ta’ Diċembru 2016, dwar l-abbozz konġunt ta’ baġit ġenerali (dokument TS-0475/2016, P8_TA-PROV(2016)0475 fil-verżjoni provviżorja tagħha), kif ukoll l-att li bih, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 314(9) TFUE, il-President tal-Parlament Ewropew ikkonstata li l-baġit ġenerali kien ġie definittivament adottat;

iżżomm l-effetti tal-att li bih il-President tal-Parlament Ewropew ikkonstata li l-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena 2017 kien ġie adottat sakemm il-baġit jiġi definittivament adottat b’att konformi mat-Trattati, f’terminu raġonevoli li jibda jiddekorri mid-data tal-għoti tas-sentenza;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tiegħu, il-Gvern Franċiż jitlob l-annullament ta’ erba’ atti adottati mill-Parlament Ewropew fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħat baġitarji tiegħu, matul is-sessjoni plenarja addizzjonali li seħħet fit-30 ta’ Novembru u fl-1 ta’ Diċembru 2016 f’Brussell.

L-ewwel u t-tieni att li l-Gvern Franċiż qiegħed jitlob l-annullament tagħhom huma l-aġendi tas-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-Erbgħa 30 ta’ Novembru 2016 u tal-Ħamis l-1 ta’ Diċembru 2016, sa fejn dawn rispettivament jipprevedu dibattiti plenarji dwar l-abbozz konġunt ta’ baġit ġenerali għas-sena 2017 u votazzjoni segwit minn spjegazzjonijiet tal-vot fuq dan l-abbozz konġunt ta’ baġit ġenerali.

It-tielet att ikkontestat huwa r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew, tal-1 ta’ Diċembru 2016, dwar l-abbozz konġunt ta’ baġit ġenerali.

Fl-aħħar nett, il-Gvern Franċiż jitlob l-annullament tal-att li bih, skont l-Artikolu 314(9) TFUE, il-President tal-Parlament Ewropew ikkonstata li l-baġit ġenerali kien ġie definittivament adottat. Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-minuti tas-sessjoni tal-Parlament Ewropew tal-Ħamis l-1 ta’ Diċembru 2016, dan jikkonsisti fid-dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew u l-iffirmar sussegwenti minnu tal-baġit ġenerali, li seħħew wara l-votazzjoni fuq ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva dwar l-abbozz konġunt ta’ baġit ġenerali.

Permezz tal-uniku motiv tiegħu, il-Gvern Franċiż iqis li l-erba’ atti kkontestati għandhom jiġu annullati minħabba li jiksru l-Protokoll Nru 6 anness mat-TUE u mat-TFUE u jiksru l-Protokoll Nru 3 anness mat-Trattat KEEA, dwar il-lokalità tas-sede tal-istituzzjonijiet u ta’ ċerti organi, korpi u dipartimenti tal-Unjoni Ewropea.

Fil-fatt, kemm mill-protokolli dwar il-lokalità tas-sede tal-istituzzjonijiet kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Parlament Ewropew ma jistax jeżerċita s-setgħat baġitarji mogħtija lilu mill-Artikolu 314 TFUE matul sessjonijiet plenarji addizzjonali li jseħħu fi Brussell iżda għandu jeżerċitahom matul sessjonijiet plenarji ordinarji li jseħħu fi Strasbourg.

Madankollu, sa fejn il-legalità tal-att ikkontestat tal-President tal-Parlament Ewropew ma tkunx qiegħda tiġi kkontestata minħabba l-għan jew il-kontenut tiegħu, iżda unikament għaliex dan l-att kellu jiġi adottat waqt sessjoni plenarja ordinarja, fi Strasbourg, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz pubbliku Ewropew kif ukoll motivi importanti ta’ ċertezza legali jiġġustifikaw, skont il-Gvern Franċiż, iż-żamma tal-effetti legali ta’ dan l-att sakemm jiġi adottat att ġdid skont it-Trattati.

____________