Language of document : ECLI:EU:C:2013:180

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

21 ta’ Marzu 2013 (*)

“Direttiva 2003/55/KE – Suq intern tal-gass naturali – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 1(2) u Artikoli 3 sa 5 – Kuntratti konklużi bejn il-bejjiegħa jew fornituri u l-konsumaturi – Kundizzjonijiet ġenerali – Klawżoli inġusti – Modifikazzjoni unilaterali mill-bejjiegħ jew fornitur tal-prezz tas-servizz – Riferiment għal leġiżlazzjoni imperattiva maħsuba għal kategorija oħra ta’ konsumaturi – Applikabbiltà tad-Direttiva 93/13 – Obbligu ta’ redazzjoni sempliċi u ċara u ta’ trasparenza”

Fil-Kawża C‑92/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Frar 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Frar 2011, fil-proċedura

RWE Vertrieb AG

vs

Verbraucherzentrale Nordrhein-Westfalen eV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič, M. Safjan (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal RWE Vertrieb AG, minn P. Rosin, J. Schütze, u A. von Graevenitz, avukati,

–        għall-Verbraucherzentrale Nordrhein-Westfalen eV, minn P. Wassermann, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u J.-C. Halleux, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Owsiany-Hornung u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-Artikolu 1(2), tal-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288) kif ukoll il-punti (1)(j) u t-tieni subparagrafu tal-punt 2(b) tal-Anness tagħha, u min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 3(3) u l-punti (b) u (ċ) tal-Anness A tad-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 230).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn RWE Vertrieb AG (iktar ’il quddiem “RWE”) u l-Verbraucherzentrale Nordrhein-Westfalen eV (assoċjazzjoni tal-konsumaturi) rigward l-użu, minn RWE, ta’ klawżoli allegatament inġusti fil-kuntratti konklużi ma’ konsumaturi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 93/13

3        It-tlettax-il premessa tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi:

“[…] d-disposizzjonijiet statutorji jew regolatorji ta’l-Istati Membri li jistabbilixxu direttament jew indirettament il-klawżoli tal-kuntratti tal-konsumatur huma preżunti li ma’ fihomx klawżoli inġusti; [...] għal dan il-għan, ma jidhirx li huwa meħtieġ li jiġu assoġġettati l-klawżoli li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u l-prinċipji jew id-disposizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom huma parti l-Istati Membri jew il-Komunità; […] f’dak ir-rigward il-kliem “disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji” fl-Artikolu 1(2) ikopru wkoll ir-regoli li, skond il-liġi, għandhom jgħoddu bejn il-partijiet kontraenti sakemm ma twaqqfux xi arranġamenti oħra”.

4        L-għoxrin premessa ta’ din id-direttiva tipprovdi:

“konsumatur għandu fil-fatt jingħata opportunità biex jeżamina l-klawżoli kollha u, jekk ikollu xi dubju, l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli lejn il-kunsumatur għandha tirbaħ”.

5        Skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13:

“Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew il-Komunità, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

6        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

2      Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.

Il-fatt li ċerti aspetti ta’ klawżola jew klawżola speċifika waħda tkun ġiet innegozjata individwalment m’għandux jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għall-bqija ta’ kuntratt jekk stima globali tal-kuntratt tindika li dan ikun madankollu kuntratt standard ippreparat minn qabel.

Meta xi bejjiegħ jew fornitur jippretendi li klawżola standard ikun ġie nnegozjat b’mod individwali, il-piż tal-prova f’dan ir-rigward għandu jaqa’ fuqu.

3.      L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”

7        Skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva:

“[...] il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.”

8        L-Artikolu 5 tal-istess direttiva jipprovdi:

“Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsir ta’ klawżola, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur. [...]”

9        L-Anness tad-Direttiva 93/13 jelenka l-klawżoli msemmija fl-Artikolu 3(3) tagħha:

“1.      Klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li:

[...]

i)      [li] jorbtu lill-konsumatur b’mod irrevokabbli b’klawżoli li ma kellu l-ebda opportunità vera li jsir jafhom qabel il-konklużjoni tal-kuntratt;

j)      jawtorizzaw lill-bejjiegħ jew lill-fornitur li jibdel il-klawżoli ta’ kuntratt minn naħa waħda biss mingħajr raġuni valida li tkun speċifikata fil-kuntratt;

[...]

l)      jipprovdu biex il-prezz tal-merkanzija jiġi stabbilit fil-ħin tal-provvista jew jippermettu lil bejjiegħ ta’ merkanzija jew lil fornitur ta’ servizzi jżid il-prezz tagħhom mingħajr ma’ jagħti lill-konsumatur fiż-żewġ każi d-dritt korrispondenti li jikkanċella l-kuntratt jekk l-aħħar prezz ikun għoli wisq f’relazzjoni mal-prezz miftiehem meta l-kuntratt ikun ġie konkluż;

[...]

2.      L-ambitu tas-subparagrafi […] (j) u (l)

[...]

b)      [...]

Is-subparagrafu (j) huwa wkoll mingħajr xkiel għal klawżoli li taħthom bejjiegħ jew fornitur jirriserva d-dritt li jbiddel minn naħa l-waħda l-kondizzjonijiet ta’ kuntratt ta’ żmien mhux stabilit, sakemm dan ikun meħtieġ jinforma lill-konsumatur b’avviż xieraq u l-konsumatur ikun ħieles li jxolji l-kuntratt.

[...]

d)      Is-subparagrafu (1) huwa mingħajr xkiel għal klawsoli ta’l-indiċjar tal-prezzijiet, fejn legali, sakemm il-metodu li bih ivarjaw il-prezzijiet jiġi deskritt b’mod espliċitu.”

 Id-Direttiva 2003/55

10      L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2003/55 huwa miktub fit-termini li ġejjin:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex iħarsu l-klijenti finali u jaċċertaw livelli għoljin ta’ protezzjoni tal-konsumatur u għandhom, b’mod partikolari, jaċċertaw illi hemm salvagwardji xieraq għall-ħarsien tal-klijenti vulnerabbli, inklużi miżuri xierqa biex jgħinuhom jeveitaw id-diskonnessjoni. F’dan il-kuntest jistgħu jieħdu l-passi xierqa biex iħarsu l-klijenti f’żoni remoti li huma mqabbda mas-sistema tal-gass. L-Istati Membri jistgħu jaħtru provditur ta’ l-aħħar riżort għall-klijenti mqabbdin man-netwerks tal-gass. Għandhom jaċċertaw livelli għoljin ta’ protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari rigward trasparenza rigward it-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali ta’ l-appalti, informazzjoni ġenerali u mekkaniżmi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim. L-Istati Membri għandhom jaċċertaw li l-klijent eliġibbli effettivament jista’ jaqleb għal provditur ġdid. Rigward klijenti tad-dar dawn il-miżuri għandhom jinkludu dawk stabbiliti fl-Anness A.”

11      L-Anness A tad-Direttiva 2003/55 f’dak li jikkonċerna l-miżuri relatati mal-protezzjoni tal-konsumaturi huwa miktub kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Komunità dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari d-Direttivi 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tal-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319)] u d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KE […], il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 għandhom jaċċertaw li l-klijenti:

a)      [...]

Il-kondizzjonijiet għandhom ikunu imparzjali u magħrufa sew minn qabel. Fi kwalunkwe każ, din l-informazzjoni għandha tingħata qabel il-konklużjoni jew il- konferma tal-kuntratt. Fejn il-kuntratti jiġu konklużi permezz ta' intermedjarji, din l-informazzjoni għandha tingħata wkoll qabel il-konklużjoni tal-kuntratt;

b)      jingħataw avviż xieraq dwar kwalunkwe intenzjoni li l-kondizzjonijiet tal-kuntratti jiġu modifikati u jiġu informati dwar id-dritt tagħhom ta' rtir meta jingħata l-avviż. Il-provdituri tas-servizzi għandhom javżaw lis-sottoskritti tagħhom direttament dwar kwalunkwe żieda fil-piżijiet, fi żmien xieraq mhux aktar tard minn perjodu wieħed fejn isir il-kont, wara li ż-żieda tkun daħlet fis-seħħ. L-Istati Membri għandhom jaċċertaw li l-klijenti huma liberi li jirtiraw mill-kuntratti jekk ma jaċċettawx il-kondizzjonijiet ġodda, notifikati lilhom mill-provditur tagħhom tas-servizzi tal-gass;

ċ)      jirċievu informazzjoni trasparenti dwar il-prezzijiet li japplikaw u t-tariffi u dwar termini kondizzjonijiet standard, rigward l-aċċess għal u l-użu tas-servizzi tal-gass;

d)      [...]It-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għandhom ikunu imparzjali u trasparenti. Għandhom jingħataw f'lingwa ċara u li tinftiehem. Il-klijenti għandhom jiġu mħarsa kontra l-metodi tal-bejgħ mhux imparzjali u qarriqin;

[...]”

 Id-dritt Ġermaniż

12      Skont l-Artikolu 1(1) u (2), tar-regolament dwar il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ provvista ta’ gass lill-klijenti li jaqgħu taħt it-tariffa standard (Verordnung über Allgemeine Bedingungen für die Gasversorgung von Tarifkunden, iktar ’il quddiem l-“AVBGasV”) applikabbli matul il-perijodu rilevanti fil-kawża prinċipali:

“(1)      Il-kundizzjonijiet ġenerali li l-impriżi tal-gass għandhom l-obbligu [...] li jgħaqqdu kull persuna man-netwerk ta’ distribuzzjoni u li jipprovdu prezzijiet tariffarji ġenerali huma ffissati fl-Artikoli 2 sa 34 ta’ dan ir-regolament. Dawn il-kundizzjonijiet jagħmlu parti mill-kuntratt ta’ provvista.

(2)      Il-klijent fis-sens ta’ dan ir-regolament huwa l-klijent li jaqa’ taħt it-tariffa standard.”

13      L-Artikolu 4(1) u (2) tal-AVBGasV énonce jipprovdi:

“(1)      L-impriża li tipproduċi l-gass tipprovdi l-gass taħt il-kundizzjonijiet u tariffi ġenerali rispettivament applikabbli. Il-valur kalorifiku mal-marġni ta’ varjazzjoni li jirriżulta mill-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni u ta’ xiri tal-impriża kif ukoll il-pressjoni statika tal-gass li jikkorrispondu mal-provvista lill-klijent għandhom ikunu ddeterminati skont it-tariffi ġenerali.

(2)      Il-modifiki li jsiru lit-tariffi ġenerali u l-kundizzjonijiet ġenerali ma jkollhomx effett qabel il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom.

[...]”

14      L-Artikolu 32(1) u (2) tal-AVBGasV jipprovdi:

“(1)      Il-kuntratt jibqa’ japplika kontinwament sat-tħassir tiegħu minn waħda miż-żewġ partijiet permezz ta’ preavviż ta’ xahar fi tmiem xahar [...]

(2)      F’każ ta’ modifiki fit-tariffi ġenerali jew ta’ modifika fil-kundizzjonijiet ġenerali mill-impriża tal-gass fil-kuntest ta’ dan ir-regolament, il-klijent jista’ jirrexxindi l-kuntratt permezz ta’ preavviż ta’ ġimagħtejn fit-tmiem ix-xahar li jsegwi l-pubblikazzjoni uffiċjali.

[...]”

15      L-Artikolu 307 tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż (Bürgerliches Gesetzbuch, iktar ’il quddiem il-“BGB”) jipprovdi:

“(1) Id-dispożizzjonijiet li jinsabu f’kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ ma humiex applikabbli meta huma jippreġudikaw indebitament u kontra l-prinċipji tal-bona fides l-parti kontraenti tal-persuna li tutilizzahom. Preġudizzju indebitu jista’ jirriżulta wkoll mill-fatt li d-dispożizzjoni inkwistjoni ma hijiex b’lingwaġġ sempliċi u ma hijiex ċara.

(2)      F’każ ta’ dubju, għandu jiġi rikonoxxut żvantaġġ indebitu meta dispożizzjoni:

1.      ma hijiex kompatibbli mal-kunċetti fundamentali tar-regolament legali li minnu hija tiddevja, jew

2.      tillimita drittijiet jew obbligi essenzjali li jirriżultaw min-natura tal-kuntratt sal-punt li tikkomprometti t-twettiq tal-għan tal-kuntratt.

(3)      Il-paragrafi 1 u 2 kif ukoll l-Artikoli 308 u 309 japplikaw biss għad-dispożizzjonijiet ta’ kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ li għandhom l-għan li jidderogaw dispożizzjonijiet legali jew li jikkompletawhom. Dispożizzjonijiet oħra jistgħu ma jkunux applikabbli taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tal-ewwel u t-tieni sentenzi tal-paragrafu 1.”

16      Skont l-Artikolu 310(2) tal-BGB:

“L-Artikoli 308 u 309 ma humiex applikabbli għall-kuntratti tal-impriżi ta’ provvista ta’ enerġija elettrika, ta’ gass, ta’ ilma u ta’ tisħin distrettwali li jirregolaw il-provvista ta’ klijenti b’kuntratt speċjali minn netwerk, sa fejn il-kundizzjonijiet għal provvista ma jiddevjawx, bi preġudizzju ta’ dawn tal-aħħar, minn regolamenti fuq il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ provvista tal-klijenti li jaqgħu taħt it-tariffa standard ta’ enerġija elettrika, gass, tisħin distrettwali u ilma. L-ewwel sentenza tapplika mutatis mutandis għall-kuntratti dwar purifikazzjoni tad-drenaġġ.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      RWE, impriża ta’ provvista ta’ gass, ikkonkludiet ma’ konsumaturi, fil-kuntest tas-sistema tal-libertà kuntrattwali, kuntratti ta’ provvista ta’ gass naturali (kuntratti speċjali). Minbarra l-possibbiltà li jikkonkludu tali kuntratti, RWE u l-fornituri ta’ gass l-oħra għandhom l-obbligu, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li jikkonkludu kuntratti ma’ konsumaturi billi japplikaw tariffa standard (kuntratti tariffarji).

18      Il-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali (iktar ’il quddiem il-“KĠ”), integrati fil-kuntratti speċjali inkwistjoni f’din il-kawża, relatati mal-modifika fil-prezzijiet tal-gass, jirreferu għad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew għall-kundizzjonijiet standardizzati li t-test tagħhom kien jikkorrispondi ma’ din il-leġiżlazzjoni, peress illi din tal-aħħar ma kinitx applikabbli għal dawn il-kuntratti u kienet tirregola biss il-kuntratti tariffarji. Din il-leġiżlazzjoni kienet tippermetti lill-fornitur li jvarja unilateralment il-prezzijiet tal-gass mingħajr ma jindika r-raġuni, il-kunidizzjonijiet jew l-iskala ta’ tali modifika, filwaqt li madankollu jiggarantixxxi li l-klijienti jiġu infurmati b’din il-modifika u li jkunu liberi, skont il-każ li, jekk ikun il-każ, ixolju l-kuntratt.

19      Matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2003 sal-1 ta’ Ottubru 2005, RWE żiedet il-prezzijiet tal-gass għal erba’ darbiet. Matul dan il-perijodu, il-klijenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kellhomx il-possibbiltà li jbiddlu l-fornitur tal-gass.

20      Il-Verbraucherzentrale Nordrhein-Westfalen eV talbet lil RWE, f’isem dawn il-konsumaturi, ir-rimbors tas-supplimenti li dawn tal-aħħar ħallsuha meta żdied il-prezz.

21      Il-Landgericht Dortmund laqgħet it-talba għal rimbors għal ammont ta’ EUR 16 128.63 flimkien mal-interessi. RWE ma reħbitx l-appell quddiem l-Oberlandsgericht.

22      RWE ressqet talba għal “Reviżjoni” tas-sentenza mogħtija mill-Oberlandesgericht. Il-Bundesgerichtshof ikkunsidrat li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali kienet tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13/KEE [...] għandu jiġi interpretat fis‑sens li l-klawżoli kuntrattwali dwar bidla fil-prezzijiet inklużi f’kuntratti ta’ provvista [kunsinna] tal-gass li ġew konklużi ma’ konsumaturi li jingħataw is-servizz barra mill-obbligu ġenerali ta’ provvista ta’ gass, fil-kuntest tal-libertà kuntrattwali tad-dritt komuni (klijenti b’kuntratti speċjali), ma humiex suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jekk ir-regoli legali fis-seħħ, applikabbli għall-klijenti li jaqgħu taħt ir-rata fissa fil-kuntest tal-obbligu ġenerali ta’ konnessjoni u provvista ta’ gass, jiġu inkorporati mingħajr tibdil fir-relazzjonijiet kuntrattwali mal-klijienti b’kuntratti speċjali?

2)      L-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 93/13/KEE [...] – sa fejn huma applikabbli – flimkien mal-punt 1(j) u t-tieni sentenza tal-punt 2(b) tal-Anness fl‑Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, u l-Artikolu 3(3), flimkien mal-punti (b) u/jew (ċ) tal-Anness A tad-Direttiva 2003/55 [...] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, klawżoli kuntrattwali dwar bidla fil-prezzijiet inklużi f’kuntratti ta’ provvista [kunsinna] ta’ gass naturali konklużi ma’ klijenti b’kuntratt speċjali jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ redazzjoni sempliċi u ċara u/jew ikollhom il-livell ta’ trasparenza rekwiżit jekk, għalkemm ma jiġux indikati l-motivi, il‑kundizzjonijiet u l-portata tal-bidla fil-prezz, dawn ikunu jiżguraw li l‑impriża li tipprovdi l-gass tinnotifika minn qabel lill-klijenti tagħha bi kwalunkwe żieda fil-prezz u jekk il-klijenti jkollhom dritt ixolju l-kuntratt jekk ma jkunux iridu jaċċettaw il-kundizzjonijiet emendati li jkunu ġew innotifikati lilhom?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

24      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva ma tapplikax għall-klawżoli tal-KĠ integrati f’kuntratti, konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li jadottaw dispożizzjoni legali nazzjonali applikabbli għal kategorija oħra ta’ kuntratt u li ma humiex suġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

25      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu dispożizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji ma għandhomx ikunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tagħha.

26      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mit-tlettax-il premessa tad-Direttiva 93/13, l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 tapplika għall-klawżoli li jirriflettu d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li japplikaw bejn il-partijiet kontraenti indipendentement mill-għażla tagħhom jew dawk minn dawn id-dispożizzjonijiet li huma applikabbli fin-nuqqas ta’ dan, jiġiferi fl-assenza ta’ arranġament differenti mill-partijiet f’dan ir-rigward.

27      Barra minn hekk, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva l-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola ċerta kategorija ta’ kuntratt, mhux biss f’każijiet fejn il-kuntratt konkluż mill-partijiet jaqa’ taħt din il-kategorija ta’ kuntratt, iżda wkoll f’dak li jikkonċerna kuntratti oħra li għalihom tapplika din il-leġiżlazzjoni skont dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali.

28      Hekk kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tagħha, din l-esklużjoni tal-applikazzjoni tas-sistema tad-Direttiva 93/13 hija ġġustifikata mill-fatt li, fil-każijiet imsemmija fil-punti 26 u 27 ta’ din is-sentenza, huwa leġittimu li jiġi preżunt li l-leġiżlatur nazzjonali jkun stabbilixxa ekwilibriju bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet f’ċerti kuntratti.

29      Madankollu, dan ir-raġunament ma huwiex applikabbli għall-kawżoli ta’ kuntratt differenti minn dawk imsemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza. F’tali sitwazzjoni, il-leġiżlatur nazzjonali fil-fatt iddeċieda li jeskudi dan il-kuntratt mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema leġiżlattiva prevista għal kategoriji oħra ta’ kuntratti. Volontà possibbli tal-partijiet li jestendu l-applikazzjoni ta’ din is-sistema lil kuntratt differenti ma tistax tiġi pparagunata mal-istabbiliment, mil-leġiżlatur nazzjonali, ta’ ekwilibriju bejn id-drittijiet u obbligi kollha tal-partijiet fil-kuntratt.

30      Barra minn hekk, li jitħalla li tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 għall-klawżoli kuntratti mill-fatt biss li dawn jadottaw dispożizzjonijiet legiżlattivi jew regolatorji nazzjonali li ma humiex applikabbli għall-kuntratt konkluż mill-partijiet, jew li jirreferu għal tali dispożizzjonijiet, joħloq dubji rigward is-sistema tal-protezzjoni tal-konsumaturi stabbilita minn din id-direttiva.

31      Fil-fatt, f’dawn iċ-ċirkustanzi, bejjiegħ jew fornitur jista’ faċilment jevita l-kontroll tan-natura inġusta tal-klawżoli li ma kinux ġew innegozjati individwalment ma’ konsumatur billi jiġu redatti klawżoli tal-kuntratti tiegħu bl-istess mod bħal dawk previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal ċerti kategoriji ta’ kuntratti. Issa, drittijiet u obbligi kollha maħluqa mill-kuntratt hekk redatt ma jikkorrispondux neċessarjament mal-ekwilibriju li l-leġiżlatur nazzjonali xtaq jistabbilixxi għall-kuntratti redatti permezz tal-leġiżlazzjoni tiegħu fil-qasam.

32      F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-proċess nazzjonali, il-possibbiltà, għal fornitur, li jvarja unilateralment il-prezzijiet tal-gass mingħajr ma jindika r-raġuni, il-kundizzjonijiet jew l-iskala ta’ modifika f’dan il-prezz kienet prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jiġifieri l-AVBGasV, li ma kinitx applikabbli għall-kuntratti speċjali ta’ kunsinna ta’ gass naturali konklużi minn RWE ma’ konsumaturi fil-kuntest tas-sistema tal-libertà kuntrattwali.

33      Il-leġiżlatur Ġermaniż għalhekk għażel li jeskludi l-kuntratti speċjali mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-AVBGasV.

34      Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-projbizzjoni tal-klawżoli speċifiċi msemmija fl-Artikoli 308 u 309 tal-BGB ma hijiex applikabbli, skont l-Artikolu 310(2) ta’ dan il-kodiċi, għall-kuntratti tal-impriżi ta’ provvista tal-gass li jirregolaw il-provvista ta’ klijienti b’kuntratt speċjali, sa fejn il-kundizzjonijiet ta’ provvista ma jiddevjawx għad-dannu ta’ dawn il-klijenti, minn dawk tar-regolamenti fuq il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ provvista tal-klijenti li jaqgħu taħt it-tariffa standard.

35      Fil-fatt, dawn il-kuntratti speċjali huma suġġetti għall-Artikolu 307 tal-BGB, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-KĠ ma japplikawx meta dawn jiżvantaġġaw indebitament u kontra l-prinċipji ta’ bona fides l-parti kontraenti tal-persuna li tutilizzahom, meta tali żvantaġġ jista’ wkoll jirriżulta mill-fatt li d-dispożizzjoni inkwistjoni ma hijiex f’lingwaġġ sempliċi u ċar.

36      Issa, l-Artikolu 307 tal-BGB jikkorrispondi mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13, li huwa element fundamentali tas-sistema tal-protezzjoni tal-konsumaturi stabbilita minn din id-direttiva.

37      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, hekk kif irrilevat essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tagħha, il-leġiżlatur Ġermaniż deliberatament iddeċieda li ma japplikax għall-kuntratti speċjali s-sistema stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddetermina l-kontenut tal-klawżoli tal-kuntratti tal-provvista tal-gass.

38      F’dawn iċ-ċirksutanzi, ma hijiex eskluża, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar fir-rigward ta’ klawżoli bħal dawk tal-kuntratti speċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

39      Fid-dawl ta’ dawk kollu li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva tapplika għall-klawżoli tal-KĠ integrati f’kuntratti, konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li jadottaw regola tad-dritt nazzjonali applikabbli għal kategorija oħra ta’ kuntratt li ma humiex suġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

 Fuq it-tieni domanda

40      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 93/13, moqrija flimkien mal-punt 1(j) u t-tieni subparagrafu tal-punt 2(b) tal-Anness ta’ din id-direttiva, kif ukoll l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2003/55, moqri flimkiem mal-inċiż (b) u/jew (ċ) tal-Anness A ta’ din l-aħħar direttiva, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li klawżola kuntrattwali standardizzata, li permezz tagħha l-impriża ta’ provvista tirriżerva d-dritt li tbiddel unilateralment il-prezz tal-provvista tal-gass, iżda ma tindikax ir-raġuni, il-kundizzjonijiet jew l-iskala ta’ tali modifika, hija konformi mar-rekwiżiti magħmula minn dawn id-dispożizzjonijiet meta huwa ggarantit li l-konsumaturi ser jiġu infurmati bil-modifika fil-prezz bi preavviż raġonevoli u li dawn tal-aħħar għandhom għalhekk id-dritt li jirrexindu l-kuntratt jekk huma ma jixtiqux jaċċettaw dawn il-modifiki.

41      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, qabelxejn għandu jitfakkar li s-sistema ta’ protezzjoni implementata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twasslu sabiex jaderixxi mal-kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom (sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič, C‑453/10, punt 27, kif ukoll tas-26 ta’ April 2012, Invitel, C‑472/10, punt 33).

42      Fid-dawl ta’ tali sitwazzjoni ta’ inferjorità, id-Direttiva 93/13 tipprovdi, minn naħa, fl-Artikolu 3(1) tagħha, il-projbizzjoni ta’ klawżoli standardizzati li, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fides, toħolq għad-dannu tal-konsumatur nuqqas’ ta’ ekwilibriju sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt.

43      Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 93/13 timponi fl-Artikolu 5 tagħha lill-bejjiegħa jew fornituri l-obbligu li jifformulaw il-klawżoli f’lingwaġġ sempliċi u ċar. L-għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 tippreċiża f’dan ir-rigward li l-konsumatur għandu effettivament jingħata l-opportunità biex jeżamina l-klawżoli kollha.

44      Fil-fatt, l-informazzjoni, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, fuq il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi ta’ din il-konklużjoni hija, għal konsumatur, ta’ importanza fundamentali. Huwa b’mod partikolari abbażi ta’ din l-informazzjoni li dan tal-aħħar jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat mal-kundizzjonijiet redatti preċedentement mill-bejjiegħ jew fornitur.

45      Il-leġiżlatur tal-Unjoni, barra minn hekk, ta importanza partikolari lil din l-informazzjoni tal-konsumatur ukoll fil-kuntest tad-Direttiva 2003/55 u għalhekk speċifikament fir-rigward tal-kuntratti li jirrigwardaw il-provvista ta’ gass. Għalhekk, din l-aħħar direttiva tobbliga, skont l-Artikolu 3(3) tagħha, lill-Istati Membri li jiggarantixxu livell ta’ protezzjoni għoli tal-konsumaturi f’dak li jikkonċerna t-trasparenza tal-kundizzjonijiet kuntrattwali. F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-punti (a), (ċ) u (d) tal-Anness A tad-Direttiva 2003/55 li dawn l-Istati għandhom b’mod partikolari l-obbligu li jadottaw miżuri li jiżguraw li dawn il-kundizzjonijiet ikunu ekwi u trasparenti, li huma jiġu stipulati b’lingwa sempliċi u ċara, li jiġu kkomunikati lill-konsumaturi qabel il-konklużjoni tal-kuntratt u li dawn tal-aħħar jirċeivu informazzjoni trasparenti relatata mal-prezzijiet u mat-tariffi pprattikati, kif ukoll mal-KĠ applikabbli. Dan l-anness jippreċiża, minbarra dan, li l-miżuri li huma msemmija fih japplikaw bla ħsara għad-Direttiva 93/13.

46      Fir-rigward ta’ klawżola standardizzata, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-impriża ta’ provvista li tbiddel unilateralment l-ispejjeż tal-provvista tal-gass, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta kemm mit-tieni subparagrafu tal-punt 2(b) kif ukoll minn punt (d) tal-Anness tad-Direttiva 93/13 li mill-punt (b) tal-Anness A tad-Direttiva 2003/55 l-leġiżlatur irrikonoxxa, fil-kuntest ta’ kuntratt għal żmien indeterminat bħal kuntratt ta’ provvista ta’ gass, l-eżistenza ta’ interess leġittimu tal-impriża ta’ provvista li tkun tista’ tbiddel l-ispejjeż tas-servizz tagħha.

47      Klawżola standardizzata li tippermetti tali adattament unilaterali għandha madankollu tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ bona fides, ta’ ekwilibriju u ta’ trasparenza meħtieġa minn dawn id-direttivi.

48      F’dan ir-rigwrd, għandu jitfakkar, li b’mod definittiv ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, f’kull każ konkret, jekk dan huwiex il-każ. Fil-fatt, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi, kif ukoll il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika waqt l-eżami ta’ klawżola kuntrattwali fir-rigward tagħhom, fid-dawl tal‑fatt li hija l-qorti li għandha tiddeċiedi, billi tieħu inkunsiderazzjoni dawn il‑kriterji, dwar il-klassifikazzjoni konkreta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari skont ċirkustanzi proprji għall-każ ineżami (ara s-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing, C‑137/08, Ġabra p. I‑10847, punt 44, u Invitel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

49      Fir-rigward tal-evalwazzjoni li għandha ssir fuq klawżola li tippermetti lil bejjiegħ jew fornitur li unilateralment ibiddel l-ispejjeż tas-servizz li għandu jipprovdi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li mill-Artikoli 3 u 5 kif ukoll mill-punti (1)(j) u (l) u 2(b) u (d) tal-Anness tad-Direttiva 93/13 jirriżulta li huwa ta’ importanza essenzjali għal dan il-għan il-kwistjoni jekk, minn naħa, il-kuntratt jesponix b’mod trasparenti r-raġuni u l-metodu ta’ varjazzjoni tal-ispejjeż marbuta mas-servizz li għandu jiġi pprovdut, b’mod li l-konsumatur ikun jista’ jibbaża ruħu, permezz ta’ kriterji ċari u li jinftiehmu, fuq il-modifiki possibbli ta’ dawn l-ispejjeż u, min-naħa l-oħra, jekk il-konsumaturi għandhomx id-dritt li jtemmu l-kuntratt fil-każ fejn dawn l-ispejjeż ikunu effettivament mibdula (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Invitel, iċċitata iktar ’il fuq, punti 24, 26 u 28).

50      F’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, l-informazzjoni dovuta lill-konsumatur, kien jidher li ma kienx jissodisfa dan l-obbligu li l-konsumatur jiġi mgħarraf bir-raġuni u l-metodu ta’ varjazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż kif ukoll id-dritt tiegħu li jirrexindi l-kuntratt b’sempliċi riferiment, magħmul mill-KĠ, għal test leġiżlattiv jew regolatorju li jistipula d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet. Huwa fil-fatt essenzjali li l-konsumatur jiġi infurmat mill-bejjiegħ jew fornitur bil-kontenut tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Invitel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

51      Jekk il-livell tal-informazzjoni meħtieġa jista’ jvarja skont ċirkustanzi proprji tal-każ u tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati, l-assenza ta’ informazzjoni fuq dan is-suġġett qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, bħala prinċipju ma tistax tiġi kkumpensata mill-fatt biss li l-konsumaturi, matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, jiġu infurmati bil-modifiki tal-ispejjeż permezz ta’ preavviż raġonevoli u tad-dritt tagħhom li jirrexindu l-kuntratt jekk huma jixtiqux jaċċettaw din il-modifika.

52      Fil-fatt, jekk, fir-rigward tal-punt 2(b) tal-Anness tad-Direttiva 93/13 u tal-punt (b) tal-Anness A tad-Direttiva 2003/55, hija l-impriża ta’ provvista li għandha tavża lill-konsumatur bi preavviż raġonevoli ta’ kull żieda fit-tariffi u tad-dritt tagħhom li jirrexindu l-kuntratt, dan l-obbligu, li huwa previst fil-każ fejn din l-impriża effettivament tixtieq teżerċita d-dritt li hija rriżervat li tbiddel it-tariffi, jiżdied ma’ dak li l-konsumatur jiġi infurmat, qabel il-konklużjoni tal-kuntatt u f’lingwaġġ sempliċi u ċar, b’kundizzjonijiet prinċipali ta’ eżerċizzju ta’ tali dritt ta’ modifika unilaterali.

53      Dawn ir-rekwiżiti stretti fir-rigward tal-informazzjoni dovuta lill-konsumatur, kemm fl-istadju tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ provvista kif ukoll matul l-eżekuzzjoni tiegħu, f’dak li jikkonċerna d-dritt tal-bejjiegħ jew fornitur li jbiddel fih unilateralment il-kundizzjonijiet, iwieġeb għal bilanċ tal-interessi taż-żewġ partijiet. Fl-interess leġittimu tal-bejjiegħ jew fornitur li jħejji lilu nnifsu kontra kull tibdil fiċ-ċirkustanzi jikkorrispondi l-interess ukoll għal kollox leġittimu tal-konsumatur, minn naħa, li jsir jaf, u għalhekk li jkun jista’ jipprevedi, il-konsegwenzi li tali bidla tista’ fil-futur, twassal fir-rigward tiegħu u, min-naħa l-oħra, li jkollu f’idejh tali informazzjoni li tippermettilu li jirreaġixxi b’mod l-iktar xieraq għas-sitwazzjoni ġdida tiegħu.

54      F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, id-dritt tal-konsumatur li jirtira l-kuntratt ta’ provvista li huwa kkonkluda fil-każ ta’ modifika unilaterali tat-tariffi pprattikati mill-bejjiegħ jew fornitur, huwa ta’ importanza essenzjali, bħala ma tirrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-possibbiltà ta’ rexissjoni mogħtija lill-konsumatur ma hijiex biss waħda ta’ forma, iżda tista’ tiġi realment eżerċitata. Dan ma jkunx il-każ meta, minħabba raġunijiet marbuta mal-modalitajiet ta’ implementazzjoni tad-dritt ta’ rexissjoni jew mal-kundizzjonijiet tas-suq ikkonċernat, dan il-konsumatur ma għandux possibbiltà reali li jbiddel il-fornitur jew meta ma jkunx ġie infurmat b’mod xieraq u fil-ħin bil-modifika li tkun ser isseħħ, u għalhekk jiċċaħħad mill-possibbiltà li jivverifika l-metodu ta’ kalkolu u, jekk ikun il-każ, li jbiddel il-fornitur. F’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kwistjoni jekk il-kuntratt inkwistjoni huwiex kompetittiv, l-ispiża possibbli, għall-konsumatur, marbuta mar-rexissjoni tal-kuntratt, it-terminu bejn il-komunikazzjoni u d-dħul fis-seħħ tat-tariffi ġodda, l-informazzjoni pprovduta fil-mument ta’ din il-komunikazzjoni, kif ukoll l-ispiża involuta u ż-żmien neċessarju sabiex jinbidel il-fornitur.

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, it-tieni domanda għandha tiġi risposta li:

–        L-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 93/13, moqrija flimkien mal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2003/55, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex jiġi evalwat jekk klawżola kuntrattwali standardizzata, li permezz tagħha impriża ta’ provvista tirriżerva d-dritt li tbiddel l-ispejjeż tal-provvista ta’ gass, tweġibx jew le għar-rekwiżiti ta’ bona fides, ta’ ekwilibriju u ta’ trasparenza meħtieġa minn dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom b’mod partikolari importanza essenzjali:

–        il-kwistjoni jekk il-kuntratt jesponix b’mod trasparenti r-raġuni u l-metodu ta’ varjazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż, b’mod li l-konsumatur ikun jista’ jipprevedi, abbażi ta’ kriterji ċari u li jinftehmu, il-modifiki eventwali ta’ dawn l-ispejjeż. L-assenza ta’ informazzjoni fuq dan is-suġġett qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ma tistax, bħala prinċipju, tiġi kkumpensata mill-fatt biss li l-konsumaturi, matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, jiġu infurmati bil-modifika fl-ispejjeż bi preavviż raġonevoli u tad-dritt tagħhom li jirrexindu l-kuntratt jekk huma ma jixtiqux jaċċettaw din il-modifika u

–        il-kwistjoni jekk il-possibbiltà ta’ rexissjoni mogħtija lill-konsumatur tistax, fil-kundizzjonijiet konkreti, tiġi realment eżerċitata.

–        Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq din l-evalwazzjoni skont iċ-ċirkustanzi proprji kollha tal-każ, inklużi l-klawżoli kollha li jinsabu fil-KĠ tal-kuntratti ta’ konsum li l-klawżola inkwistjoni tagħmel parti minnhom.

 Fuq il-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza

56      Fl-ipoteżi fejn is-sentenza li għandha tingħata jkollha bħala konsegwenza li klawżola bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tissodisfax ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-Gvern Ġermaniż, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, talab lill-Qorti tal-Ġustizzja li tillimita l-effetti tas-sentenza tagħha ratione temporis, b’mod li l-interpretazzjoni adottata f’din is-sentenza ma tapplikax għall-modifiki tariffarji li jseħħu qabel id-data ta’ meta tingħata din is-sentenza. RWE, li wkoll ifformulat talba f’dan is-sens fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, tqis li l-effetti tas-sentenza għandhom jitressqu ’l quddiem b’20 xahar sabiex l-impriżi kkonċernati kif ukoll il-leġiżlatur nazzjonali jkunu jistgħu jadattaw għall-konsegwenzi ta’ din is-sentenza.

57      Insostenn tat-talbiet tagħhom, il-Gvern Ġermaniż u RWE invokaw il-konsegwenzi finanzjarji gravi li jistgħu jiġu prodotti fir-rigward ta’ numru kbir ta’ kuntratti ta’ provvista ta’ gass fil-Ġermanja, li joħloq telf sinjifikattiv għall-impriżi kkonċernati.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiftakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tispeċifika t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li daħlet fis-seħħ. Minn dan jirriżulta li r-regola hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti għal relazzjonijiet legali li nħolqu u ġew ikkostitwiti qabel is-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni, jekk, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi mressqa kawża quddiem il-qrati kompetenti dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola jkunu ssodisfatti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Blaizot et, 24/86, Ġabra. p. 379, punt 27; tal-10 ta’ Jannar 2006, Skov u Bilka, C‑402/03, Ġabra p. I‑199, punt 50; tat-18 ta’ Jannar 2007, Brzeziński, C‑313/05, Ġabra p. I‑513, punt 55, kif ukoll tas-7 ta’ Lulju 2011, Nisipeanu, C‑263/10, punt 32).

59      Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li, b’applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tillimita l-possibbiltà għal kull persuna kkonċernata li tinvoka dispożizzjoni li hija interpretat sabiex tqajjem dubju fir-rigward ta’ relazzjonijiet legali stabbiliti in bona fides. Sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tiġi deċiża, huwa neċessarju li jkunu ssodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fides tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Skov u Bilka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51, Brzeziński, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56; tat-3 ta’ Ġunju 2010, Kalinchev, C‑2/09, Ġabra p. I‑4939, punt 50, kif ukoll tad-19 ta’ Lulju 2012, Rēdlihs, C‑263/11, punt 59).

60      Fir-rigward tar-riskju ta’ diffikultajiet serji, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li, f’dan il-każ, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza tirrigwarda l-kunċett ta’ “klawżola inġusta” msemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, kif ukoll il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika waqt l-eżami tal-klawżola kuntrattwali inkwistjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13, billi tieħu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/55. Fil-fatt, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi, billi tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-kriterji, dwar il-klassifikazzjoni konkreta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari skont ċirkustanzi proprji għall-każ ineżami (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq VB Pénzügyi Lízing, C‑137/08, Ġabra. p. I‑10847, punt 44, u Invitel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konsegwenzi finanzjarji, għall-impriżi ta’ provvista tal-gass fil-Ġermanja li kkonkludew mal-konsumaturi kuntratti speċjali ta’ kunsinna ta’ gass naturali, ma jistgħux jiġu ddeterminati unikament abbażi tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-kawża (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C‑524/04, Ġabra p. I‑2107, punt 131).

62      Bħala konsegwenza, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-eżistenza ta’ riskju ta’ diffikultajiet serji, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, ta’ natura li tiġġustifika limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza ma tistax tiġi kkunsidrata bħala stabbilita.

63      Peress illi t-tieni kriterju msemmi fil-punt 59 ta’ din is-sentenza ma kienx issodisfatt, ma huwiex neċessarju li jiġi vverifikat jekk issodisfax il-kriterju relatat mal-bona fides tal-persuni kkonċernati.

64      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li ma hemmx lok li jiġu limitati ratione temporis l-effetti ta’ din is-sentenza.

 Fuq l-ispejjeż

65      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva tapplika għall-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali integrati f’kuntratti, konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li jadottaw regola tad-dritt nazzjonali applikabbli għal kategorija oħra ta’ kuntratt u li ma humiex suġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

2)      L-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 93/13, moqrija flimkien mal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex jiġi evalwat jekk klawżola kuntrattwali standardizzata, li permezz tagħha impriża ta’ provvista tirriżerva d-dritt li tbiddel l-ispejjeż tal-provvista ta’ gass, tweġibx jew le għar-rekwiżiti ta’ bona fides, ta’ ekwilibriju u ta’ trasparenza meħtieġa minn dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom b’mod partikolari importanza essenzjali:

–        il-kwistjoni jekk il-kuntratt jesponix b’mod trasparenti r-raġuni u l-metodu ta’ varjazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż, b’mod li l-konsumatur ikun jista’ jipprevedi, abbażi ta’ kriterji ċari u li jinftehmu, il-modifiki eventwali ta’ dawn l-ispejjeż. L-assenza ta’ informazzjoni fuq dan is-suġġett qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ma tistax, bħala prinċipju, tiġi kkumpensata mill-fatt biss li l-konsumaturi, matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, jiġu infurmati bil-modifika fl-ispejjeż bi preavviż raġonevoli u tad-dritt tagħhom li jirrexindu l-kuntratt jekk huma ma jixtiqux jaċċettaw din il-modifika u

–        il-kwistjoni jekk il-possibbiltà ta’ rexissjoni mogħtija lill-konsumatur tistax, fil-kundizzjonijiet konkreti, tiġi realment eżerċitata.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq din l-evalwazzjoni skont iċ-ċirkustanzi proprji kollha tal-każ, inklużi l-klawżoli kollha li jinsabu fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti ta’ konsum li l-klawżola inkwistjoni tagħmel parti minnhom.

Firem


*Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.