Language of document : ECLI:EU:C:2011:873

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

21 ta’ Diċembru 2011 (*)

“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2001/220/JHA – Pożizzjoni legali tal-vittmi fil-kuntest tal-proċeduri kriminali – Protezzjoni tal-persuni vulnerabbli – Smigħ ta’ minuri fil-kwalità tagħhom ta’ xhud – Proċedura interlokutorja għas-smigħ antiċipat tal-provi – Rifjut tal-prosekutur pubbliku li jressaq talba quddiem il-Giudice per le Indagini Preliminari sabiex isejjaħ seduta”

Fil-Kawża C‑507/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Giudice per le Indagini Preliminari (GIP) fi ħdan it-Tribunale di Firenze (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Ottubru 2010, fil-proċeduri kriminali kontra

X

fil-preżenza ta’:

Y,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J.N. Cunha Rodrigues (Relatur), President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Rosas, A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal X, minn F. Bagattini, avukat,

–        għal Y, minn G. Vitiello u G. Paloscia, avukati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Arena, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, bħala aġent,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. de Ree, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Recchia u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Ottubru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2, 3 u 8 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2001/220/JHA, tal-15 ta’ Marzu 2001, dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 72, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa kontra X, issuspettat li wettaq atti ta’ natura sesswali fuq bintu minuri Y.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Deċiżjoni Qafas

3        Skont l-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni Qafas, għall-finijiet tad-Deċiżjoni Qafas “vittma” tfisser il-“persuna fiżika li tkun sofriet danni, inkluż ħsara fiżika jew mentali, tbatija emozzjonali jew telf ekonomiku, kawżati direttament minn atti jew ommissjonijiet [...] bi ksur tal-liġi kriminali ta’ Stat Membru”.

4        Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Rispett u rikonoxximent”:

“1.      Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-vittmi jkollhom rwol sinifikanti u xieraq fis-sistema legali kriminali tieghu. Dan għandu jkompli jagħmel kull sforz sabiex jiżgura li l-vittmi jkunu trattati bir-rispett dovut għad-dinjità ta’ l-individwu matul il-proċeduri u għandu jirrikonoxxi d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-vittmi b’refernza partikolari għall-proċeduri kriminali.

2.      Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-vittmi li jkunu partikolarment vulnerabbli jkunu jistgħu jibbenefikaw minn trattament speċifiku li l’aktar ikun addattat għaċ-ċirkostanzi tagħhom.”

5        L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Seduti u l-provvista ta’ provi”, jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandhu jissalvagwardja l-possibbiltà għall-vittmi li jinstemgħhu matul il-proċeduri u li jkunu fornuti provi.”

“Kull Stat Membru għandu jieħu miżuri xierqa sabiex jiżgura li l-awtoritajiet tiegħu isaqsu lill-vittma biss safejn ikun neċessarju għall-finijiet tal-proċeduri kriminali.”

6        L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Id-dritt għall-protezzjoni”, jipprovdi:

“1.      Kull Stat Membru għandu jiżgura livell xieraq ta’ protezzjoni għall-vittmi u, fejn ikun xieraq, lill-familji tagħhom jew persuni f’posizzjoni simili, partikolarment rigward is-sigurtà tagħhom u l-protezzjoni tal-privatezza tagħhom, fejn l-awtoritajiet kompetenti jikkonsidraw li jkun hemm riskju serju ta’ tpattija jew evidenza serja ta’ l-intenzjoni li ssir intrużjoni fil-privatezza tagħhom.

2.      Għal dak il-għan, u mingħajr preġudizzju għal paragrafu 4, kull Stat Membru għandu jiggarantixxi li jkun possibli li jadotta, jekk ikun hemm bżonn, bħala parti mill-proċeduri fil-qrati, miżuri appropjati sabiex jitħarsu l-privatezza u l-immaġni fotografika tal-vittmi u l-familji tagħhom jew perdsuni f-posizzjoni simili.

3.      Kull Stat Membri għandhu barra minn hekk jiżgura li jiġi evitat kull kuntatt bejn il-vittmi u l-ħatja fil-bini tal-qrati, sakemm il-proċeduri kriminali ma jkunux jitolbu dan il-kuntatt. Fejn ikun xieraq għal dak il-għan, kull Stat Membru għandu progressivament jipprovdi li l-bini tal-qrati jkollhom żoni ta’ stennija apposta għall-vittmi.

4.      Kull Stat Membru għandu jiżgura li, fejn ikun hemm bżonn li jiġu protetti l-vittmi - partikolarment dawk l-aktar vulnerabbli - mill-effetti tax-xhieda fil-qorti miftuħa [f’qorti bil-miftuħ], il-vittmi jistgħu, permezz ta’ deċiżjoni meħuda mill-qorti, ikunu intitolati jixhdu b’mod li jippermetti li jintlaħaq dan il-għan, b’kull mezz xieraq kompatibbli mal-prinċipji legali bażiċi.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7        L-Artikolu 392(1a) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali (Codice di Procedura Penale Italiano) (iktar ’il quddiem iċ-“CPP”), li jinsab fil-Ktieb V, intitolat “Stħarriġ preliminari u seduta preliminari”, jipprovdi:

“Fil-proċeduri għar-reati stabbiliti fl-Artikoli [...] 609c [...] tal-Kodiċi Kriminali, il-prosekutur pubbliku, inkluż fuq it-talba tal-persuna leża, jew il-persuna investigata, jista’ jressaq talba sabiex jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja bil-produzzjoni tat-testimonjanza tal-minuri jew tal-persuna leża maġġorenni, anki f’każijiet li ma humiex previsti fil-paragrafu 1.”

8        L-Artikolu 394 taċ-CPP jipprovdi :

“1.      Il-persuna leża tista’ titlob lill-prosekutur pubbliku sabiex iressaq talba għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja.”

2.      Jekk il-prosekutur pubbliku ma jilqax din it-talba, huwa għandu joħroġ digriet motivat u jinnotifikah lill-persuna leża.”

9        Skont l-Artikolu 398(5a) taċ-CPP:

“Fil-każ ta’ indaġini li jirrigwardaw ir-reati previsti mill-Artikoli [609c] tal-Kodiċi Kriminali, il-qorti, fejn fost il-persuni kkonċernati mill-produzzjoni tal-provi jkun hemm minuri, bid-digriet stabbilit fil-paragrafu 2, għandha tistabbilixxi l-post, iż-żmien u l-modalitajiet partikolari li permezz tagħhom għandu jitwettaq il-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja, meta r-rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-persuni jagħmlu dan neċessarju jew xieraq. Għal dan il-għan, is-seduta tista’ wkoll tinżamm f’post differenti mill-qorti, fejn jeżistu, fi strutturi speċjalizzati ta’ assistenza, jew, fin-nuqqas tagħhom, fir-residenza tal-persuna kkonċernata mill-produzzjoni tal-provi. Ix-xhieda għandha tkun kollha kemm hi ddokumentata b’mezzi ta’ reġistrazzjoni fonografika jew awdjoviżiva. Fin-nuqqas ta’ apparat ta’ reġistrazzjoni jew ta’ persunal tekniku, il-qorti għandha tirrikorri għal perizja jew konsulenza teknika. L-interrogatorju għandu jiġi redatt fil-qosor fi proċess verbali. It-traskrizzjoni tar-reġistrazzjoni għandha tkun disponibbli biss fuq talba tal-partijiet.”

 Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Z ressqet ilment kontra X talli, matul is-sena 2007, huwa wettaq ripetutament atti ta’ natura sesswali punibbli taħt l-Artikolu 609c tal-Kodiċi Kriminali, flimkien mal-Artikoli 81 et seq tal-imsemmi kodiċi, fuq binthom, Y, li dak iż-żmien kellha ħames snin.

11      Dan l-ilment iġġustifika l-ftuħ ta’ investigazzjoni preliminari, li matulha nstemgħet Y f’diversi okkażjonijiet minn diversi periti fil-psikoloġija u fil-pedjatrija. Wara dawn il-miżuri, fit-8 ta’ Mejju 2008, il-prosekutur pubbliku talab li din il-kawża tiġi mwaqqfa mingħajr ma jittieħdu azzjonijiet ulterjuri.

12      Billi Y opponiet l-imsemmija talba, il-GIP, skont ir-regoli proċedurali applikabbli, iffissa seduta in camera sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jesprimu ruħhom dwar il-fondatezza ta’ din it-talba u sabiex eventwalment jitolbu investigazzjoni addizzjonali jew ir-rinviju quddiem qorti. Matul l-imsemmija seduta, b’applikazzjoni tal-Artikolu 394 taċ-CPP, Y talbet lill-prosekutur pubbliku sabiex isir smigħ tagħha fi proċedura interlokutorja għas-smigħ antiċipat tal-provi, imsejħa ukoll bħala l-proċedura tal-“ġbir tal-provi waqt l-istruttorja”.

13      Wara li laqgħet il-kunsens tal-prosekutur pubbliku fuq it-talba sabiex tinfetaħ proċedura tal-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja, il-qorti tar-rinviju ordnat li l-minuri tinstema’ skont il-modalitajiet partikolari skont l-Artikolu 398(5a) taċ-CPP. F’din l-okkażjoni, Y ikkonfermat li hija kienet is-suġġett ta’ atti b’konnotazzjoni sesswali minn missierha.

14      Fis-27 ta’ Mejju 2010, il-Corte suprema di cassazione annullat id-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju sabiex tinfetaħ proċedura ta’ ġbir tal-provi waqt l-istruttorja.

15      Fl-14 ta’ Lulju 2010, il-prosekutur pubbliku talab mill-ġdid il-waqfien tal-kawża, talba li l-vittma opponiet.

16      Il-qorti tar-rinviju ffissat seduta ġdida in camera, li fiha matulha, Y talbet lill-prosekutur pubbliku iġedded it-talba għal smigħ fi proċedura ta’ ġbir tal-provi waqt l-istruttorja. Il-prosekutur pubbliku ma ddeċidiex dwar din it-talba u tenna t-talba tiegħu għall-waqfien tal-kawża mingħajr ma jittieħdu azzjonijiet ulterjuri.

17      Filwaqt li staqsa dwar il-kompatibbiltà tas-sistema proċedurali applikabbli għall-vittmi minuri skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 392(1a), 394 u 398 taċ-CPP flimkien mal-Artikoli 2, 3 u 8 tad-Deċiżjoni Qafas, fejn minn naħa, din ma tobbligax lill-prosekutur pubbliku jieħu azzjoni ulterjuri dwar it-talba tal-vittma sabiex tinfetaħ proċedura ta’ ġbir tal-provi waqt l-istruttorja u, min-naħa l-oħra, ma tippermettix lill-vittma tressaq azzjoni quddiem qorti fil-każ fejn il-prosekutur pubbliku ma jilqax l-imsemmija talba, il-GIP fi ħdan it-Tribunale di Firenze ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-portata tal-imsemmija artikoli tad-Deċiżjoni Qafas.

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

18      Skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, anness mat-Trattat FUE, l-effetti legali tad-Deċiżjoni Qafas, li ġiet adottata fuq il-bażi tat-Titolu VI tat-Trattat UE qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, għandhom jiġu ppreżervati sakemm id-Deċiżjoni Qafas tiġi rrevokata, annullata jew emendata fl-implementazzjoni tat-Trattati.

19      Barra minn hekk, l-Artikolu 10(1) tal-istess protokoll jipprovdi li l-kompetenzi tal-istituzzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, li ġew adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona bis-saħħa tat-Titolu VI tat-Trattat UE, għandom jibqgħu l-istess, inklużi fejn dawn ġew aċċettati taħt l-Artikolu 35(2) UE. B’applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) ta’ dan il-protokoll, il-miżura tranżitorja li tinsab fil-paragrafu 1 tiegħu għandha tieqaf milli jkollha effett ħames snin wara l-1 ta’ Diċembru 2009, id-data ta’ dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

20      Mill-informazzjoni dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tal-1 ta’ Mejju 1999 (ĠU L 114, p. 56), jirriżulta li r-Repubblika Taljana għamlet dikjarazzjoni skont l-Artikolu 35(2) UE, li permezz tagħha hija aċċettat il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti msemmija fl-Artikolu 35 UE skont il-modalitajiet previsti fil-paragrafu 3(b) ta’ dan l-artikolu.

21      Huwa stabbilit ukoll li d-Deċiżjoni Qafas, ibbażata fuq l-Artikoli 31 UE u 34 UE, taqa’ taħt l-atti msemmija fl-Artikolu 35(1) UE li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti deċiżjoni preliminari u ma huwiex ikkontestat li l-GIP, fil-kuntest ta’ proċedura bħal dik fil-kawża prinċipali, għandu jitqies li huwa qorti ta’ Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 35 UE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, Dell’Orto, C‑467/05, p. I‑5557, punt 35).

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula.

 Fuq id-domandi preliminari

23      Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 2, 3 u 8(4) tad-Deċiżjoni Qafas għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali, bħalma huma l-Artikolu 392(1a), 398(5b), u 394 taċ-CPP, li, minn naħa, ma jipprovdux l-obbligu fuq il-prosekutur pubbliku li jitlob lill-qorti li quddiemha titressaq il-kawża sabiex hija tippermetti lill-vittma li tkun partikolarment vulnerabbli li tinstema’ u li tagħmel depożizzjoni skont il-modalitajiet tal-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja matul il-fażi ta’ investigazzjoni tal-proċeduri kriminali, u, min-naħa l-oħra, ma jawtorizzawx lill-imsemmija vittma tappella quddiem qorti mid-deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku li jiċħad it-talba tagħha li tinstema’ u li tagħmel dikjarazzjoni skont l-imsemmija modalitajiet.

24      Skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas, kull Stat Membru għandu jiggarantixxi l-possibbiltà għall-vittmi li jinstemgħu matul il-proċeduri u li jipproduċu provi, u għandu jieħu miżuri xierqa sabiex jiżgura li l-awtoritajiet tiegħu jinterrogaw lill-vittma biss sa fejn ikun neċessarju għall-finijiet tal-proċedura kriminali.

25      L-Artikoli 2 u 8(4) tad-Deċiżjoni Qafas jobbligaw lil kull Stat Membru li jieħu azzjoni sabiex jiggarantixxi lill-vittmi kollha, b’mod partikolari, trattament li jkun jirrispetta d-dinjità personali tagħhom waqt il-proċedimenti, jara li l-vittmi partikolarment vulnerabbli jibbenefikaw minn trattament speċifiku li jikkorrispondi l-aħjar għas-sitwazzjoni tagħhom u li jiggarantixxi, meta jkun neċessarju, li l-vittmi - partikolarment dawk l-iktar vulnerabbli - jiġu protetti mill-konsegwenzi tax-xhieda tagħhom f’seduta f’qorti bil-miftuħ, li huma jkunu jistgħu, abbażi ta’ deċiżjoni tal-qorti, jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ta’ xhieda li jippermettu li dan l-għan jintlaħaq, b’kull mezz xieraq li huwa kompatibbli mal-prinċipji fundamentali tad-dritt tiegħu.

26      Minkejja li d-Deċiżjoni Qafas ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ vulnerabbiltà tal-vittma, fis-sens tal-Artikoli 2(2) u 8(4) tagħha, ma jistax jiġi kkontestat li meta, bħal fil-kawza prinċipali, minuri ta’ età żgħira jallegaw li kienu vittmi, ripetutament, ta’ atti ta’ natura sesswali minn missierhom, dawn il-minuri jistgħu manifestament jikkwalifikaw bħala tali fid-dawl b’mod partikolari tal-età tagħhom, kif ukoll tan-natura, tal-gravità u l-konsegwenzi tal-ksur li huma jsostnu li kienu vittma tagħhom, bil-għan illi jibbenefikaw mill-protezzjoni speċifika meħtieġa mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas iċċitati iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino, C‑105/03, Ġabra p. I‑5285, punt 53).

27      L-ebda waħda mit-tliet dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas imsemmija mill-qorti tar-rinviju ma tipprovdi l-modalitajiet konkreti ta’ implementazzjoni tal-għanijiet li huma jsemmu, li jikkonsistu, b’mod partikolari, fil-garanzija li l-vittmi kollha jkunu ttrattati “bir-rispett dovut għad-dinjità ta’ l-individwu”, fil-possibbiltà li “jinstemgħu” matul il-proċeduri kif ukoll li “jkunu fornuti provi” u f’li “dawn isaqsu [jinterrogaw] lill-vittma biss safejn ikun neċessarju għall-finijiet tal-proċeduri kriminali”, kif ukoll f’li jiġi żgurat lill-“vittmi li jkunu partikolarment vulnerabbli” “trattament speċifiku li l’aktar ikun addattat għaċ-ċirkostanzi tagħhom” u, jekk ikun il-każ, f’li jiġi ggarantit li dawn il-vittmi jkunu protetti “mill-effetti tax-xhieda [tagħhom] fil-qorti miftuħa [f’qorti bil-miftuħ]”, billi jkunu intitolati, “permezz ta’ deċiżjoni meħuda mill-qorti”, “jixhdu b’mod li jippermetti li jintlaħaq dan il-għan, b’kull mezz xieraq kompatibbli mal-prinċipji legali bażiċi” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pupino, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

28      Fin-nuqqas ta’ iktar dettalji fid-dispożizzjonijiet infishom tad-Deċiżjoni Qafas u fid-dawl tal-Artikolu 34 UE, li jagħti lill-qrati nazzjonali l-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-forma u tal-mezzi meħtieġa sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq mid-Deċiżjonijiet Qafas, għandu jiġi rrikonoxxut li d-Deċiżjoni Qafas tħalli f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-modalitajiet konkreti ta’ implementazzjoni tal-għanijiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2008, Katz, C‑404/07, Ġabra p. I‑7607, punt 46; tal-21 ta’ Ottubru 2010, Eredics u Sápi, C‑205/09, Ġabra p. I‑10231, punti 37 u 38, kif ukoll tal-15 ta’ Settemrbu 2011, Gueye u Salmerón Sánchez, C‑483/09 u C‑1/10, Ġabra p. 1‑0000, punti 57, 72 u 74).

29      Skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ix-xhieda mogħtija matul l-investigazzjonijiet preliminari għandha ġeneralment terġa’ tinstema’ f’qorti bil-miftuħ sabiex tikseb il-valur ta’ prova. Madankollu, f’ċerti każijiet huwa permess li xhieda tingħata darba biss, matul l-investigazzjonijiet preliminari, bl-istess valur probatorju, iżda skont proċeduri differenti minn dawk li għandhom jintużaw f’qorti bil-miftuħ (sentenza Pupino, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

30      Fir-rigward ta’ din il-leġiżlazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-twettiq tal-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas iċċitati iktar ’il fuq jeżiġi li qorti nazzjonali tagħti l-possibbiltà, lill-vittmi li jkunu partikolarment vulnerabbli, li jużaw proċedura speċjali bħalma hija l-proċedura interlokutorja għas-smigħ antiċipat tal-provi previst fid-dritt Taljan, jekk din il-proċedura tikkorrispondi l-aħjar għas-sitwazzjoni ta’ dawn il-vittmi u tevita li jintilfu xi provi, tnaqqas għall-minimu l-ammont ta’ drabi li l-interrogatorji jiġu rripetuti u timpedixxi l-konsegwenzi dannużi, għall-imsemmija vittmi, tax-xhieda tagħhom f’qorti bil-mitfuħ (sentenza Pupino, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

31      B’differenza mill-kawża li tat lok għas-sentenza Pupino, iċċitata iktar ’il fuq, il-ksur inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt il-ksur li fil-prinċipju huwa possibbli li jsir użu mill-imsemmija proċedura.

32      Madankollu l-qorti tar-rinviju tqis li n-nuqqas ta’ obbligu fuq il-prosekutur pubbliku li jilqa’ t-talba fformulata minn vittma partikolarment vulnerabbli matul il-fażi struttorja, li jitlob lill-qorti li quddiemha titressaq il-kawża sabiex tirrikorri għall-imsemmija proċedura u għas-smigħ, skont il-modalitajiet partikolari previsti, imur kontra d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas iċċitati iktar ’il fuq. Fil-każ ta’ rifjut min-naħa tal-prosekutur pubbliku u fin-nuqqas ta’ talba f’dan is-sens min-naħa tal-persuna li tkun suġġetta għall-indaġini, il-GIP ma jkunx jista’ jirrikorri għall-imsemmija proċedura minkejja l-fatt li, barra minn hekk, huwa stess jista’ jobbliga lill-prosekutur pubbliku jifformula l-kapi ta’ akkuża għar-rinviju eventwali sabiex jinbdew il-proċeduri fil-mertu kontra l-persuna akkużata.

33      Hekk kif ġie osservat fil-punti 27 u 28 ta’ din is-sentenza, l-ebda waħda mit-tliet dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas imsemmija mill-qorti tar-rinviju ma tipprovdi l-modalitajiet konkreti ta’ implementazzjoni tal-għanijiet li huma jsemmu. Fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u b’kunsiderazzjoni tal-Artikolu 34 UE, għandha tiġi rrikonoxxuta setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward ta’ dawn il-modalitajiet.

34      Minkejja li, kif diġà ġie rrilevat iktar ’il fuq, għandhom jiġu previsti mill-Istati Membri xi miżuri speċifiċi favur vittmi li huma partikolarment vulnerabbli, minn dan il-fatt ma għandux neċessarjament jirriżulta dritt favur dawn il-vittmi sabiex jibbenefikaw, fi kwalunkwe ipoteżi, minn sistema bħalma huwa dak tal-ġbir ta’ provi matul il-fażi struttorja, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Deċiżjoni Qafas.

35      L-Artikolu 8(4) tad-Deċiżjoni Qafas jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw, fejn ikun hemm bżonn li jiġu protetti l-vittmi, b’mod partikolari dawk l-iktar vulnerabbli, “mill-effetti tax-xhieda fil-qorti miftuħa [f’qorti bil-miftuħ]”, dawn jistgħu, “permezz ta’ deċiżjoni meħuda mill-qorti, ikunu intitolati jixhdu b’mod li jippermetti li jintlaħaq dan il-għan”, u dan “b’kull mezz xieraq kompatibbli mal-prinċipji legali bażiċi”.

36      Madankollu, hekk kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punti 53 sa 58 tal-konlużjonijiet tiegħu, leġiżlazzjoni li, f’sistema ġuridika bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprovdi għal sistema proċedurali li bis-saħħa tagħha l-prosekutur pubbliku jiddeċiedi jekk hemmx lok li t-talba tal-vittma sabiex issir proċedura bħalma hija dik tal-ġbir ta’ provi waqt l-istruttorja għandhiex tintlaqa’, ma tkunx qiegħda taqbeż il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fl-implementazzjoni ta’ dan l-għan.

37      Minbarra dan, hekk kif jissemma fid-disa’ premessa tad-Deċiżjoni Qafas, hija ma tobbligax lill-Istati Membri jiggarantixxu lill-vittmi ugwaljanza ta’ trattament għal dak tal-partijiet fil-proċeduri (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Gueye u Salmerón Sánchez, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53), peress li l-fatt li, fis-sistema ġuridika kriminali Taljana, huwa l-prosekutur pubbliku li għandu jiddeċiedi jekk iressaqx quddiem il-qorti kompetenti t-talba tal-vittma sabiex, matul il-fażi struttorja, titwettaq il-proċedura ta’ ġbir tal-provi, li tidderoga mill-prinċipju li l-provi għandhom jinġabru matul is-seduti, jista’ jitqies li jsegwi l-loġika ta’ sistema fejn il-prosekutur pubbliku jikkostitwixxi organu ġudizzjarju inkarigat bl-eżerċizzju tal-azzjoni kriminali.

38      Mill-argumenti preċedenti jirriżulta, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinsiltu mill-prinċipji fundamentali tas-sistema ġuridika kriminali tal-Istat Membru kkonċernat, li, skont l-Artikolu 8(4) tad-Deċiżjoni Qafas, għandhom jiġu osservati. Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tat-talba ta’ vittma sabiex tuża l-proċedura ta’ ġbir ta’ provi waqt l-istruttorja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li tiġi interpretata d-Deċiżjoni Qafas b’mod li d-drittijiet fundamentali jiġu rrispettati. Fid-dawl ta’ din il-ħtieġa, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom, f’kull każ, jiżguraw li l-applikazzjoni ta’ proċedura bħal din ma tirrendix il-proċedura kriminali, meta meqjusa fl-intier tagħha, inġusta fis-sens tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq.

39      Jekk fis-sistema ġuridika Taljana l-GIP jista’ jobbliga lill-prosekutur pubbliku jifformula l-att ta’ akkuża f’kawża, minkejja l-fatt li dan tal-aħħar xtaq il-waqfien tal-kawża mingħajr ma jittieħdu azzjonijiet ulterjuri, jirriżulta b’mod ċar li f’każ bħal dan, il-prosekutur pubbliku jista’ dejjem iressaq, fejn ikun il-każ, anki lill-qorti inkarigata sabiex tiddeċiedi dwar is-segwitu tal-proċedura, talba għal użu ta’ proċedura bħalma hija dik tal-ġbir ta’ provi waqt l-istruttorja.

40      Barra minn hekk, hekk kif spjega l-Gvern Taljan, fir-rigward tad-dibattiti quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-każ ta’ rinviju għall-ġudizzju tal-akkużat, il-protezzjoni tal-vittma hija żgurata permezz ta’ diversi dispożizzjonijiet taċ-CPP, li jipprovdu b’mod partikolari l-in camera u l-possibbiltà li jintużaw il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 398(5a) taċ-CPP, jiġifieri preċiżament il-modalitajiet li l-qorti tar-rinviju tkun tixtieq tara jintużaw matul il-fażi struttorja.

41      Lanqas ma jaffettwa l-konklużjoni fformulata fil-punt 36 ta’ din is-sentenza l-fatt li d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-prosekutur pubbliku, li għandu jkun motivat, ma jistax jiġi mistħarreġ mill-qorti, peress li tali sitwazzjoni hija konsegwenza ta’ sistema fejn l-inkarigu tal-akkuża huwa, fil-prinċipju, irriżervat għall-prosekutur pubbliku.

42      Ċertament, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Gueye u Salmerón Sánchez, iċċitata iktar ’il fuq, punti 58 u 59), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas jimplikaw b’mod partikolari li l-vittma tista’ tagħmel dikjarazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali u li din id-dikjarazzjoni tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni bħala prova. Sabiex jiġi ggarantit li l-vittma tkun tista’ effettivament tieħu sehem fil-proċedura kriminali b’mod xieraq, id-dritt għal smigħ għandu jagħtiha, minbarra l-possibbiltà li tiddeskrivi b’mod oġġettiv kif seħħew il-fatti, l-opportunità li tesprimi l-perspettiva tagħha.

43      Madankollu, la d-dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas u lanqas l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara fir-rigward tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, b’mod partikolari, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza Asociación de Víctimas del Terrorismo vs Spanja, tad-29 ta’ Marzu 2001) ma jiggarantixxu lill-vittma ta’ reat kriminali dritt li jipprovoka twettiq ta’ prosekuzzjoni kriminali kontra terz sabiex jiġi kkundannat.

44      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi mressqa għandha tkun li l-Artikoli 2, 3 u 8(4) tad-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux dispożizzjonijiet nazzjonali, bħalma huma dawk tal-Artikoli 392(1a), 398(5a) u 394 taċ-CPP li, minn naħa, ma jipprovdux għall-obbligu fuq il-prosekutur pubbliku li jitlob lill-qorti li quddiemha titressaq il-kawża sabiex hija tippermetti lil vittma li tkun partikolarment vulnerabbli tinstema’ u tagħmel dikjarazzjoni skont il-modalitajiet tal-ġbir tal-provi matul il-fażi struttorja tal-proċeduri kriminali, u, min-naħa l-oħra, ma jawtorizzawx lill-imsemmija vittma li tappella quddiem qorti mid-deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku li tiċħad it-talba tagħha sabiex tinstema’ u tagħmel dikjarazzjoni skont l-imsemmija modalitajiet.

 Fuq l-ispejjeż

45      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 2, 3 u 8(4) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2001/220/JHA, tal-15 ta’ Marzu 2001, dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux dispożizzjonijiet nazzjonali, bħalma huma dawk tal-Artikoli 392(1a), 398(5a) u 394 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali li, minn naħa, ma jipprovdux għall-obbligu fuq il-prosekutur pubbliku li jitlob lill-qorti li quddiemha titressaq il-kawża sabiex hija tippermetti lil vittma li tkun partikolarment vulnerabbli tinstema’ u tagħmel dikjarazzjoni skont il-modalitajiet tal-ġbir tal-provi matul il-fażi struttorja tal-proċeduri kriminali, u, min-naħa l-oħra, ma jawtorizzawx lill-imsemmija vittma li tappella quddiem qorti mid-deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku li tiċħad it-talba tagħha sabiex tinstema’ u tagħmel dikjarazzjoni skont l-imsemmija modalitajiet.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.