Language of document : ECLI:EU:C:2012:484

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

19 ta’ Lulju 2012 (*)

“Direttiva 2006/112/KE — Artikolu 56(1)(e) — Artikolu 135(1)(f) u (g) — Eżenzjoni ta’ tranżazzjonijiet li jikkonsistu fl-immaniġġjar ta’ assi permezz ta’ titoli (immaniġjar ta’ portafoll)”

Fil-Kawża C‑44/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, immressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Jannar 2011, fil-proċedura

Finanzamt Frankfurt am Main V-Höchst

vs

Deutsche Bank AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Rosas (Relatur), A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Marzu 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Finanzamt Frankfurt am Main V-Höchst, minn M. Baueregger, bħala aġent,

–        għal Deutsche Bank AG, minn P. Farmer u P. Freund, barristers,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. M. Wissels u M. K. Bulterman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Murrell, bħala aġent, assistita minn R. Hill, solicitor,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Soulay u L. Lozano Palacios kif ukoll minn B.-R. Killmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati matul is-seduta tat-8 ta’ Mejju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56(1)(e) u 135(1)(f) u (g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/112”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Finanzamt Frankfurt am Main V-Höchst (iktar ’il quddiem il-“Finanzamt”) u d-Deutsche Bank AG (iktar ’il quddiem id-“Deutsche Bank”), b’mod partikolari dwar il-klassifikazzjoni, għall-finijiet ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”), ta’ servizzi ta’ mmaniġġjar ta’ assi permezz ta’ titoli (iktar ’il quddiem “immaniġġjar ta’ portafoll”) ipprovduti mid-Deutsche Bank.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Fil-mument ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali l-Artikolu 56 tad-Direttiva 2006/112 kien jipprovdi:

“1.       Il-post ta’ provvista tas-servizzi li ġejjin lil konsumaturi stabbiliti barra mill-Komunità, jew lil persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità imma mhux fl-istess Stat Membru bħall-fornitur, għandu jkun il-post fejn il-konsumatur stabbilixxa n-negozju tiegħu jew għandu stabbiliment fiss li għalih jingħata s-servizz, jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan, il-post fejn hu jkollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti:

[…]

e)      transazzjonijiet bankarji, finanzjarji u ta’ assigurazzjoni, li jinkludu ri-assigurazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ kiri ta’ kaxxiforti;

[…]”

4        Skont l-Artikolu 135 ta’ din id-Direttiva:

“1.       L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

a) assigurazzjoni u transazzjonijet ta’ ri‑assigurazzjoni, inklużi servizzi relatati mwettqa mill-brokers ta’ l-assigurazzjoni u l-aġenti ta’ l-assigurazzjoni;

[…]

f) transazzjonijet, inkluż negozjar iżda mhux l-immaniġġjar jew iż-żamma fiż-żgur, f’ishma [azzjonijiet], interessi [ishma] f’kumpanniji jew assoċjazzjonijet, obbligazzjonijiet (debentures) u sigurtajiet oħrajn, iżda esklużi dokumenti li jistabbilixxu titolu għal merkanzija, u d-drittijiet jew sigurtajiet imsemmija fl-Artikolu 15(2);

g) l-imaniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment kif definiti mill-Istati Membri;

[…]”

 Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża

5        L-Artikolu 3a(3) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud tal-2005 (Umsatzsteuergesetz 2005), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fil-mument ta’ meta ġraw il-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UstG”), kien jipprovdi:

“Jekk il-konsumatur ta’ wieħed mis-servizzi l-oħra msemmija fil-paragrafu 4 tkun impriża, b’deroga mill-paragrafu 1, is-servizz jiġi meqjus bħala pprovdut fil-post ta’ fejn il-konsumatur iwettaq l-attività tiegħu. Madankollu, jekk is-servizz jingħata lil stabbiliment fiss ta’ imprenditur, is-servizz jitqies bħala li ngħata f’dan il-post. Jekk il-konsumatur ta’ wieħed mis-servizzi l-oħra msemmija fil-paragrafu 4 ma tkunx impriża u jkollu r-residenza jew is-sede tiegħu fit-territorju ta’ pajjiż terz, is-servizz jitqies bħala li ngħata fl-imsemmi post ta’ residenza jew fejn tinsab is-sede.”

6        L-Artikolu 3a(4)(6)(a) ta’ din il-liġi kien jipprovdi:

“Fis-sens tal-paragrafu 3, ‛servizzi l-oħra’ tfisser: […]

a)       is-servizzi l-oħra bħal dawk deskritti fl-Artikolu 4(8)(a) sa (h), u (10) kif ukoll il-ġestjoni ta’ krediti u ta’ garanziji ta’ kreditu, […]”.

7        Skont l-Artikolu 4(8)(e) u (h) tal-UStG:

“Fost l-operaturi msemmija fl-Artikolu 1(1)(1) huma eżentati:

[…]

e)      tranżazzjonijiet fin-negozju ta’ titoli, inkluż negozjar iżda mhux iż-żamma fiż-żgur jew l-immaniġġjar ta’ titoli

[…]

h)       immaniġġjar ta’ fondi ta’ investiment skont il-liġi Ġermaniża fuq l-investimenti [Investmentgesetz] u ta’ skemi ta’ pensjonijiet skont il-liġi Ġermaniża dwar is-superviżjoni tal-kumpanniji tal-assigurazzjoni [Versicherungsaufsichtsgesetz)].

[…]”

8        Skont komunikazzjoni maħruġa tal-Ministeru tal-Finanzi, li hija ċirkolari interpretattiva li ma torbotx lill-qrati,

“L-Artikolu 3a(3) u (4)(6)(a) tal-UStG ma japplikax għad-determinazzjoni tal-post tat-tranżazzjonijiet ta’ mmaniġġjar ta’ assi. Lanqas ma hija possibbli applikazzjoni diretta tal-Artikolu 56(1)(e) tad-Direttiva 2006/112/KE, li jipprovdi li l-post tal-eżekuzzjoni għandu jiġi ddeterminat, f’ċerti każijiet, fir-rigward ta’ ‛transazzjonijiet bankarji, finanzjarji u ta’ assigurazzjoni’, skont is-sede jew l-istabbiliment tal-klijent. It-‛transazzjonijiet bankarji, finanzjarji u ta’ assigurazzjoni’ jirrappreżentaw kunċetti tad-dritt Komunitarju u għandhom jiġu interpretati inkwantu tali. Id-Direttiva 2006/112/KE — u, sal-31 ta’ Diċembru 2006, anki s-[Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23)] — ċertament ma [tiddefinixxix] b’mod preċiż x’jinvolvu dawn il-kunċetti. Madankollu, id-Direttiva 2006/112/KE, fl-Artikolu 135(1)(a) sa (f) tagħha, tinkludi dikjarazzjonijiet preċiżi fuq l-interpretazzjoni ta’ dawn il-kunċetti. L-immaniġġjar ta’ assi ma jissemmiex fid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. Mill-Artikolu 56(1)(e) tad-Direttiva 2006/112/KE […] lanqas ma jirriżulta li din id-dispożizzjoni hija meqjusa bħala li tkopri tranżazzjonijiet bankarji, finanzjarji u ta’ assigurazzjoni oħra.

L-“immaniġġjar ta’ assi”, li huwa servizz uniku, huwa taxxabbli. L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 4(8)(e) tal-UstG ma tapplikax peress li l-immaniġġjar ta’ assi (immaniġġjar ta’ portfoll) ma huwiex inkluż fost it-tranżazzjonijiet aġevolati skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. […].”

 Il-fatti li taw lok għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        Matul l-2008 Deutsche Bank ipprovdiet, direttament u permezz ta’ sussidjarji, servizzi ta’ mmaniġġjar ta’ portfoll lil klijenti investituri, Dawn tal-aħħar inkarigaw lil Deutsche Bank kemm sabiex timmaniġġja titoli b’mod awtonomu billi tieħu inkunsiderazzjoni l-istrateġiji ta’ investiment magħżula minn dawn il-klijenti investituri, mingħajr ma titlob minn qabel l-istruzzjonijiet tagħhom, kif ukoll sabiex tadotta kull miżura rilevanti għal dan il-għan. Deutsche Bank kienet awtorizzata li tagħmel użu minn attivi (titoli) f’isem u għall-klijenti investituri.

10      Il-klijenti investituri kienu jħallsu remunerazzjoni annwali ekwivalenti għal 1.8 % tal-valur tal-assi mmaniġġjati. Din ir-remunerazzjoni kienet komposta minn parti li tirrigwarda l-immaniġġjar tal-assi, li kienet tammonta għal 1.2 % tal-valur tal-assi mmaniġġjati, u parti li kienet tirrigwarda x-xiri u l-bejgħ ta’ titoli, li kienet tammonta għal 0.6 % tal-attiv. Din kienet tkopri wkoll iż-żamma ta’ kontijiet kurrenti u tad-depożitu kif ukoll il-kummissjonijiet ta’ sottoskrizzjonijiet għax-xiri ta’ azzjonijiet, inklużi azzjonijiet f’fondi mmaniġġjati minn impriżi ta’ Deutsche Bank.

11      Wara kull trimestru u wara kull sena kull klijent investitur kien jirċievi Rapport fuq l-iżvilupp tal-immaniġġjar tal-assi tiegħu u kellu d-dritt, f’kull mument, li jtemm mingħajr avviż minn qabel il-mandat ta’ mmaniġġjar.

12      Meta bagħtet id-dikjarazzjoni preliminari tagħha tal-VAT għall-perijodu ta’ Mejju 2008, id-Deutsche Bank indikat b’mod speċifiku lill-Finanzamt li hija kienet tqis li s-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-immaniġġjar ta’ portfoll kienu eżentati abbażi tal-Artikolu 4(8) tal-UstG, meta dawn kienu pprovduti lil klijenti investituri fit-territorju Ġermaniż u fil-kumplament tat-territorju tal-Unjoni Ewropea. Hija indikat ukoll li, abbażi tal-Artikolu 3a(4)(6)(a) tal-UstG, kienet tqis li dawn is-servizzi lanqas ma kienu taxxabbli meta dawn jiġu pprovduti lil klijenti investituri stabbiliti fi stati terzi.

13      Il-Finanzamt ċaħad dan l-argument u fid-29 ta’ April 2009 ħareġ kont għall-ħlas bill-quddiem tal-VAT għall-perijodu ta’ Mejju 2008, fejn huwa kkunsidra li t-tranżazzjonijiet ta’ mmaniġġjar ta’ portfoll f’isem il-klijenti investituri inkwistjoni kienu taxxabbli u mhux eżentati.

14      Il-kontestazzjoni ta’ Deutsche Bank kontra dan il-kont għall-ħlas ġiet miċħuda. Min-naħa l-oħra, il-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi) laqgħet ir-rikors li Deutsche Bank ippreżentat quddiemha. Il-Finanzamt sussegwentement ippreżenta appell “fuq punt ta’ liġi” quddiem il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) kontra d-deċiżjoni mogħtija mill-Finanzgericht.

15      Peress li kellha dubji, b’mod partikolari, dwar il-klassifikazzjoni tal-immaniġġjar ta’ portfoll fir-rigward tal-eżenzjoni mill-VAT, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      [L-immaniġġjar ta’ portfoll], li hija attività remunerattiva fejn persuna taxxabbli tieħu deċiżjonijiet awtonomi dwar xiri u bejgħ ta’ titoli u teżegwixxi dawn id-deċiżjonijiet permezz tax-xiri u tal‑bejgħ ta’ titoli, hija eżenti mit-taxxa

–        biss bħala [immaniġġjar] tal-fondi ta’ investiment għal numru ta’ investituri kollettivament, skont l-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva [2006/112/KE], jew ukoll

–        bħala ġestjoni [immaniġġjar] ta’ portafoll individwali għal ċerti investituri skont l‑Artikolu 135(1)(f) tad-Direttiva [2006/112] (tranżazzjoni ta’ titoli jew bħala negozjar ta’ tali tranżazzjoni)?

2)      Għall-finijiet tad-determinazzjoni tas-servizz prinċipali u tas-servizz anċillari, liema importanza għandha tingħata lill-kriterju li jipprovdi li s-servizz anċillari ma jikkostitwixxix għall-klijentela għan fih innifsu, iżda mod kif wieħed jibbenefika bl-aħjar kundizzjonijiet mis-servizz prinċipali tal-fornitur, fir‑rigward ta’ fatturazzjoni separata tas-servizz anċillari u tal-possibbiltà li s‑servizz anċillari jista’ jiġi pprovdut minn terz?

3)      L-Artikolu 56(1)([e]) tad-Direttiva [2006/112] japplika biss għas-servizzi elenkati fl-Artikolu 135(1)(a) sa (g) tad-Direttiva [2006/112] jew jinkludi wkoll [l-immaniġġjar ta’ portafoll), anki jekk din it-tranżazzjoni ma taqax taħt din id-dispożizzjoni tal-aħħar?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni domanda

16      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-kuntest tad-determinazzjoni, minn naħa, tas-servizz prinċipali u, min-naħa l-oħra, tas-servizz anċillari ta’ mmaniġġjar ta’ portfoll, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri attività remunerattiva fejn persuna taxxabbli tieħu deċiżjonijiet awtonomi dwar xiri u bejgħ ta’ titoli u teżegwixxi dawn id-deċiżjonijiet permezz tax-xiri u tal‑bejgħ ta’ titoli, x’importanza għandha tingħata lill-kriterju li jipprovdi li s-servizz anċillari ma jikkostitwixxix għall-klijentela għan fih innifsu, iżda mod kif jibbenefika bl-aħjar kundizzjonijiet mis-servizz prinċipali tal-fornitur, fir‑rigward ta’ fatturazzjoni separata tas-servizz anċillari u tal-possibbiltà li s‑servizz anċillari jista’ jiġi pprovdut minn terz.

17      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li attività ta’ mmaniġġjar ta’ portfoll bħal dik imwettqa minn Deutsche Bank fil-kawża prinċipali tinvolvi diversi elementi.

18      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta tranżazzjoni tkun ikkostitwita minn sensiela ta’ elementi u ta’ azzjonijiet, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li fihom isseħħ it-tranżazzjoni inkwistjoni, sabiex jiġi ddeterminat, b’mod partikolari, jekk din it-tranżazzjoni tinvolvix żewġ servizzi distinti jew iktar jew jekk din tinvolvix servizz wieħed (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2005, Levob Verzekeringen u OV Bank, C‑41/04, Ġabra p. I‑9433, punt 19, kif ukoll tal-10 ta’ Marzu 2011, Bog et, C‑497/09, C‑499/09, C‑501/09 u C‑502/09, Ġabra p. I‑1457, punt 52).

19      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jkun hemm servizz wieħed b’mod partikolari meta element għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi s-servizz prinċipali filwaqt li element ieħor għandu jiġi meqjus bħala servizz anċillari li jikkondividi x-xorti fiskali tas-servizz prinċipali (ara, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2001, Primback, C‑34/99, Ġabra p. I‑3833, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Madankollu, għandu jitfakkar li jistà jkun hemm servizz wieħed, għall-finijiet tal-VAT, anki f’ċirkustanzi oħra.

21      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan jista’ wkoll ikun il-każ meta żewġ elementi jew atti, jew iktar, ipprovduti mill-persuna taxxabbli lill-konsumatur, ikkunsidrat bħala konsumatur medju, tant ikunu marbuta mill-qrib li jifformaw, oġġettivament, servizz ekonomiku wieħed li ma jistax jinfired u li s-separazzjoni tiegħu f’partijiet tkun ta’ natura artifiċjali (sentenza Levob Verzekeringen u OV Bank, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

22      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tat-tieni domanda tagħha, l-imsemmija qorti essenzjalment titlob il-klassifikazzjoni, għall-finijiet tal-VAT, tas-servizz ta’ mmaniġġjar ta’ portfoll inkwistjoni fil-kawża prinċipali, attività remunerattiva fejn persuna taxxabbli tieħu deċiżjonijiet awtonomi dwar xiri u bejgħ ta’ titoli u teżegwixxi dawn id-deċiżjonijiet permezz tax-xiri u tal bejgħ ta’ titoli u, b’mod partikolari, sabiex jiġi ddeterminat jekk din l-attività għandhiex tiġi kkunsidrata bħala servizz ekonomiku wieħed.

23      Jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, iċ-ċirkustanzi kollha li fihom jiżvolġi dan is-servizz ta’ mmaniġġjar ta’ portfoll, jidher li dan huwa essenzjalment taħlita, minn naħa, ta’ servizz ta’ analiżi u ta’ sorveljanza tal-assi tal-klijent investitur u, min-naħa l-oħra, ta’ servizz ta’ xiri u ta’ bejgħ ta’ titoli veru u proprju.

24      Għalkemm huwa minnu li dawn iż-żewġ elementi tas-servizz ta’ mmaniġġjar ta’ portfoll jistgħu jingħataw separatament. Fil-fatt, klijent investitur jista’ jkun jixtieq biss servizz ta’ konsulenza u jippreferi jiddeċiedi u jwettaq it-tranżazzjonijiet ta’ investiment huwa stess. Minn naħa l-oħra, klijent investitur li jippreferi jieħu huwa nnifsu d-deċiżjonijiet ta’ investiment ta’ titoli u, b’mod iktar ġenerali, li jorganizza u jissorvelja l-assi tiegħu, mingħajr ma jwettaq l-atti ta’ bejgħ jew ta’ xiri, jista’ jagħmel użu mis-servizzi ta’ intermedjarju sabiex iwettaq l-imsemmija tranżazzjonijiet.

25      Madankollu, il-klijent investitur medju, fil-kuntest ta’ servizz ta’ mmaniġġjar ta’ portfoll bħal dak imwettaq minn Deutsche Bank fil-kawża prinċipali, ifittex ġustament taħlita ta’ dawn iż-żewġ elementi.

26      Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li l-investitur jiddeċiedi dwar l-aħjar strateġija għax-xiri, għall-bejgħ jew għaż-żamma ta’ titoli jkun inutli, għall-istess investitur fil-kuntest tas-servizz ta’ mmaniġġjar ta’ portfoll, jekk din l-istrateġija ma tiġix implementata. Bl-istess mod, lanqas ma jkun jagħmel sens li l-investitur iwettaq jew ma jwettaqx, skont il-każ, bejgħ jew xiri mingħajr għarfien espert jew mingħajr analiżi minn qabel tas-suq.

27      Għalhekk, fil-kuntest tas-servizz ta’ mmaniġġjar ta’ portfoll inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mhux biss talli dawn iż-żewġ elementi ma jistgħux jiġu sseparati iżda talli dawn għandhom, barra minn hekk, jitqiegħdu fuq l-istess livell. Fil-fatt, it-tnejn li huma huma indispensabbli għat-twettiq tas-servizz globali, b’tali mod li ma huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat li wieħed għandu jitqies bħala li huwa s-servizz prinċipali u l-ieħor bħala li huwa s-servizz anċillari.

28      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-imsemmija elementi tant huma marbuta mill-qrib li jifformaw, oġġettivament, servizz ekonomiku wieħed li s-separazzjoni tiegħu f’partijiet tkun ta’ natura artifiċjali.

29      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li servizz ta’ mmaniġġjar ta’ portfoll, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri attività remunerattiva fejn persuna taxxabbli tieħu deċiżjonijiet awtonomi dwar xiri u bejgħ ta’ titoli u teżegwixxi dawn id-deċiżjonijiet permezz tax-xiri u tal‑bejgħ ta’ titoli, huwa kompost minn żewġ elementi li tant huma marbuta mill-qrib li jifformaw, oġġettivament, servizz ekonomiku wieħed.

 Fuq l-ewwel domanda

30      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata t-tieni, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 135(1)(f) jew (g) tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li mmaniġġjar ta’ portfoll, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa eżentat mil-VAT skont din id-dispożizzjoni.

31      F’dak li jirrigwarda l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(g), tad-Direttiva 2006/112, għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ “maniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment” ma huwiex iddefinit fid-Direttiva 2006/112. Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu speċifikat li t-tranżazzjonijiet koperti minn din l-eżenzjoni huma dawk li huma speċifiċi għall-attività tal-impriża ta’ investiment kollettiv.

32      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 139), kif emendata bid-Direttiva 2001/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Jannar 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 302), jirriżulta li dawn huma impriżi li l-uniku għan tagħhom huwa l-investiment kollettiv, f’titoli trasferibbli u/jew f’assi likwidi finanzjarji oħrajn, ta’ kapital miġbur mill-pubbliku, li l-funzjonament tagħhom huwa suġġett għall-prinċipju ta’ tixrid tar-riskju u li l-ishma tiegħu huma, fuq talba tat-titolari, mixtrija lura jew rimborsati, direttament jew indirettament, mill-assi ta’ din l-impriża.

33      B’mod konkret, kif tosserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 14 u 15 tal-konklużjonijiet tagħha, dawn huma fondi komuni li jiġbru fihom diversi investimenti jinġabru u jitqassmu fuq serje ta’ titoli, li jistgħu jiġu mmaniġġjati b’mod effettiv sabiex jittejbu r-riżultati, u li fihom l-investimenti individwali jistgħu jkunu relattivament baxxi. Dawn il-fondi jimmaniġġjaw l-investimenti tagħhom f’isimhom u għan-nom tagħhom, filwaqt li kull klijent investitur ikollu sehem fil-fondi imma mhux fl-investimenti tal-fondi nfushom.

34      Min-naħa l-oħra, servizzi bħal dawk imwettqa minn Deutsche Bank fil-kawża prinċipali, jikkonċernaw ġeneralment l-assi ta’ persuna unika, li għandhom ikunu ta’ valur totali relattivament għoli sabiex l-immaniġġjar tagħhom iħalli qligħ. Il-persuna li timmaniġġja l-portfoll tixtri u tbiegħ l-investimenti f’isem u għan-nom tal-klijent investitur, u dawn jibqgħu proprjetà tiegħu matul il-perijodu kollu tal-kuntratt, u meta l-imsemmi kuntratt jintemm.

35      Konsegwentement, l-attività ta’ mmaniġġjar ta’ portfoll imwettqa minn Deutsche Bank, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tikkorrispondix għall-kunċett ta’ “maniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment” fis-sens tal-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112.

36      Fir-rigward tal-portata tal-Artikolu 135(1)(f) ta’ din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li t-tranżazzjonijiet li jinvolvu azzjonijiet u fuq titoli oħra huma tranżazzjonijiet fis-swieq tat-titoli u li n-negozjar tat-titoli jinvolvi atti li jimmodifikaw is-sitwazzjoni legali u finanzjarja bejn il-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC, C‑2/95, Ġabra p. I‑3017, punti 72 u 73, kif ukoll tal-5 ta’ Lulju 2010, DTZ Zadelhoff, C‑259/11, punt 22).

37      Għalhekk, il-kliem “tranżazzjonijiet […] f’ishma [azzjonijiet]” fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni jirrigwardaw tranżazzjonijiet li jistgħu joħolqu, jibdlu jew itemmu d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fir-rigward ta’ titoli (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2001, CSC Financial Services, C‑235/00, Ġabra p. I‑10237, punt 33, u DTZ Zadelhoff, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

38      Kif ġie kkonstatat fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, is-servizz ta’ mmaniġġjar ta’ portfoll inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa essenzjalment taħlita ta’ żewġ elementi jiġifieri, minn naħa, ta’ servizz ta’ analiżi u ta’ sorveljanza tal-assi tal-klijent investitur u, min-naħa l-oħra, ta’ servizz ta’ xiri u ta’ bejgħ ta’ titoli veru u proprju.

39      Għalkemm is-servizzi ta’ xiri u ta’ bejgħ ta’ titoli jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 135(1)(f) tad-Direttiva 2006/112, madankollu dan ma japplikax għas-servizzi ta’ analiżi u ta’ sorveljanza tal-assi, peress li dawn tal-aħħar mhux neċessarjament jinvolvu tranżazzjonijiet li jistgħu joħolqu, jibdlu jew itemmu d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fir-rigward ta’ titoli.

40      Deutsche Bank u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu li l-element essenzjali tas-servizz ta’ mmaniġġjar ta’ portfoll inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa t-tranżazzjoni attiva ta’ xiri u ta’ bejgħ ta’ titoli, u li għal din ir-raġuni l-imsemmi servizz għandu jiġi eżentat mill-VAT skont l-Artikolu 135(1)(f) tad-Direttiva 2006/112. Il-Finanzamt, l-istess bħal Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit, min-naħa tagħhom iqisu li dan is-servizz għandu jiġi kkunsidrat bħala wieħed ta’ analiżi u ta’ sorveljanza, li ma huwiex eliġibbli li jibbenefika mill-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

41      Madankollu, mill-punt 27 ta’ din is-sentenza jirriżulta li ma huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat li l-elementi li jifformaw dan is-servizz jikkostitwixxu għall-wieħed servizz prinċipali u għall-ieħor servizz anċillari. Fil-fatt dawn l-elementi għandhom jitqiegħdu fuq l-istess livell.

42      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li t-termini użati sabiex jindikaw l‑eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, peress li dawn l-eżenzjonijiet jikkostitwixxu derogi mill-prinċipju ġenerali li jipprovdi li l-VAT tinġabar fuq kull provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas minn persuna taxxabbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 2003, Taksatorringen, C‑8/01, Ġabra p. I‑13711, punt 36, u DTZ Zadelhoff, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

43      Għalhekk, minħabba l-fatt li l-imsemmi servizz jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-VAT, biss fl-intier tiegħu, dan ma jistax ikun kopert mill-Artikolu 135(1)(f) tad-Direttiva 2006/112.

44      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-istruttura tad-Direttiva 2006/112. Fil-fatt, kif osservaw il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-immaniġġjar ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” minn kumpanniji ta’ mmaniġġjar speċjali, eżentat skont l-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, jirrigwarda forma ta’ mmaniġġjar ta’ assi komposti minn titoli. Li kieku din il-forma ta’ mmaniġġjar ta’ assi permezz ta’ titoli kienet diġà koperta mill-eżenzjoni fiskali ta’ tranżazzjonijiet ta’ titoli, stabbilita fl-Artikolu 135(1)(f) ta’ din l-istess Direttiva, ma kienx ikun meħtieġ li tiġi introdotta eżenzjoni fir-rigward tagħha fl-Artikolu 135(1)(g) tal-imsemmija direttiva.

45      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jikkonfutax din il-konklużjoni. Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tagħha, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni ċara dan il-prinċipju ma jippermettix li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ eżenzjoni jiġi estiż. Fil-fatt, l-imsemmi prinċipju ma huwiex regola tad-dritt primarju li tista’ tiddetermina l-validità ta’ eżenzjoni iżda huwa prinċipju ta’ interpretazzjoni, li għandu jiġi applikat b’mod parallel mal-prinċipju li jgħid li l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett.

46      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 135(1)(f) jew (g) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li mmaniġġjar ta’ portfoll, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex eżentat mil-VAT skont din id-dispożizzjoni.

 Fuq it-tielet domanda

47      Permezz tat-tielet domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 56(1)(e) tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika biss għas-servizzi elenkati fl-Artikolu 135(1)(a) sa (g) tal-imsemmija direttiva jew inkella jekk jinkludix ukoll is-servizzi ta’ mmaniġġjar ta’ portafoll, anki jekk din it-tranżazzjoni ma taqax taħt din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

48      L-Artikolu 56(1)(e) tad-Direttiva 2001/112 kien jipprovdi li, f’dak li jirrigwarda tranżazzjonijiet bankarji, finanzjarji u ta’ assigurazzjoni, li jinkludu ri-assigurazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ kiri ta’ kaxxiforti, il-post ta’ provvista ta’ dawn is-servizzi lil konsumaturi stabbiliti barra mill-Komunità, jew lil persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità imma mhux fl-istess Stat Membru bħall-fornitur, għandu jkun il-post fejn il-konsumatur stabbilixxa n-negozju tiegħu jew għandu stabbiliment fiss li għalih ingħata s-servizz, jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan, il-post fejn huwa jkollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti.

49      Skont kliemha, din id-dispożizzjoni kienet intiża sabiex jiġi ddeterminat il-post fejn jitwettqu, għall-finijiet tal-VAT, tranżazzjonijiet bankarji, finanzjarji u ta’ assigurazzjoni, li jinkludu ri-assigurazzjoni. F’dan ir-rigward, l-imsemmija dispożizzjoni ma kienet tinkludi ebda riferiment għas-servizzi elenkati fl-Artikolu 135(1)(a) sa (g). Min-naħa l-oħra din kienet tipprovdi biss eċċezzjoni waħda, jiġifieri dik ta’ kiri ta’ kaxxiforti.

50      Deutsche Bank, il-Finanzamt, il-Gvernijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni, huma kollha tal-opinjoni li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56(1)(e) tad-Direttiva 2006/112 ma jistax ikun limitat għal dak tal-Artikolu 135(1)(a) sa (g) ta’ din l-istess direttiva.

51      Il-Gvern Ġermaniż, filwaqt li jagħmel riferiment għall-punti 31 u 32 tas-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, Swiss Re Germany Holding (C‑242/08, Ġabra p. I‑10099), isostni t-teżi kuntrarja. Skont dan il-Gvern, fl-imsemmija sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-funzjonament tajjeb u l-interpretazzjoni uniformi tas-sistema komuni tal-VAT jirrikjedu li l-kunċetti ta’ “tranżazzjonijiet […] ta’ assigurazzjoni” u ta’ “ri-assigurazzjoni”, li jinsabu fid-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva 77/388 li jikkorrispondu għall-Artikoli 56(1)(e) u 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112, ma jiġux definiti b’mod differenti skont jekk dawn jintużawx f’waħda jew f’oħra minn dawn id-dispożizzjonijiet. Dan ir-raġunament għandu jkun applikabbli, b’analoġija, għat-“tranżazzjonijiet finanzjarji”.

52      Madankollu, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tagħha, il-motivazzjoni tas-sentenza Swiss Re Germany Holding, iċċitata iktar ’il fuq, hija marbuta mal-fatt li l-Artikoli 56(1)(e) u 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112, kienu jużaw termini li huma essenzjalment identiċi f’dak li jirrigwarda l-assigurazzjoni, jiġifieri “transazzjonijiet […] ta’ assigurazzjoni, li jinkludu ri-assigurazzjoni” għall-wieħed u “assigurazzjoni u transazzjonijet ta’ ri‑assigurazzjoni”għall-ieħor.

53      Min-naħa l-oħra, ma teżistix rabta’ apparenti bejn it-tranżazzjonijiet “bankarji” u t-tranżazzjonijiet “finanzjarji” msemmija fl-Artikolu 56(1)(e) tad-Direttiva 2006/112 u kwalsijasi tranżazzjoni fost dawk elenkati fl-Artikolu 135(1)(b) sa (g) ta’ din id-direttiva. Ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar ma kienu jużaw it-termini “bankarji” jew “finanzjarji”. It-tranżazzjonijiet elenkati fihom kienu ta’ natura finanzjarja u numru fosthom setgħu jitwettqu minn Banek, iżda mhux b’mod esklużiv. Iktar minn hekk, dawn kienu l-bogħod milli jirrappreżentaw lista eżawrjenti ta’ tranżazzjonijiet li jistgħu jitwettqu minn bank jew li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “finanzjarji”.

54      Sa fejn l-immaniġġjar ta’ portfoll imwettaq minn Deutsche Bank fil-kawża prinċipali huwa servizz ta’ natura finanzjarja u sa fejn l-Artikolu 56(1)(e) tad-Direttiva 2006/112 ma għandux jiġi interpretat b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 1996, Dudda, C‑327/94, Ġabra p. I‑4595, punt 21, kif ukoll Levob Verzekering u OV Bank, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jiġi kkunsidrat li din l-attività, inkwantu tranżazzjoni finanzjarja, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56(1)(e) tad-Direttiva 2006/112.

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 56(1)(e) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat bħala li ma japplikax biss għas-servizzi elenkati fl-Artikolu 135(1)(a) sa (g) tal-imsemmija direttiva, iżda wkoll għas-servizzi ta’ mmaniġġjar ta’ portfoll.

 Fuq l-ispejjeż

56      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Servizz ta’ mmaniġġjar ta’ assi permezz ta’ titoli, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri attività remunerattiva fejn persuna taxxabbli tieħu deċiżjonijiet awtonomi dwar xiri u bejgħ ta’ titoli u teżegwixxi dawn id-deċiżjonijiet permezz tax-xiri u tal‑bejgħ ta’ titoli, huwa kompost minn żewġ elementi li tant huma marbuta mill-qrib li jifformaw, oġġettivament, servizz ekonomiku wieħed.

2)      L-Artikolu 135(1)(f) jew (g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li mmaniġġjar ta’ assi permezz ta’ titoli, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex eżentat mit-taxxa fuq il-valur miżjud skont din id-dispożizzjoni.

3)      L-Artikolu 56(1)(e) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat bħala li ma japplikax biss għas-servizzi elenkati fl-Artikolu 135(1)(a) sa (g) tal-imsemmija direttiva, iżda wkoll għas-servizzi ta’ mmaniġġjar ta’ assi permezz ta’ titoli.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.