Language of document : ECLI:EU:C:2014:2069

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

10 ta’ Lulju 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trade marks — Direttiva 2008/95/KE — Identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal protezzjoni permezz tat-trade mark — Rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni — Klassifikazzjoni ta’ Nice — Kummerċ bl-imnut — Ġbir flimkien ta’ servizzi”

Fil-Kawża C‑420/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundespatentgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2013, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Lulju 2013, fil-proċeduri

Netto Marken-Discount AG & Co. KG

vs

Deutsches Patent- und Markenamt,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: K. Malacek, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ April 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Netto Marken-Discount AG & Co. KG, minn M. Rauscher, avukat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u F.‑X. Bréchot, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. Beeko, bħala aġent, assistit minn S. Ford, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. W. Bulst u E. Montaguti, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25, u r-rettifika ĠU 2009, L 11, p. 86).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Netto Marken-Discount AG & Co. KG (iktar ’il quddiem “Netto Marken-Discount”) u d-Deutsches Patent- und Markenamt (Uffiċċju Ġermaniż tal-privattivi u t-trade marks, iktar ’il quddiem id-“DPMA”) dwar iċ-ċaħda minn din tal-aħħar ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Fuq il-livell internazzjonali, id-dritt tat-trade marks huwa rregolat b’mod partikolari mill-Konvenzjoni għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, iffirmata f’Pariġi fl-20 ta’ Marzu 1883, irriveduta l-aħħar fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967 u emendata fit-28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 11851, p. 305, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Pariġi”). L-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea huma firmatarji ta’ din il-konvenzjoni.

4        Skont l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, l-Istati li għalihom tapplika din il-konvenzjoni jirriżervaw id-dritt li jadottaw b’mod separat, bejniethom, arranġamenti partikolari għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali.

5        Din id-dispożizzjoni kienet il-bażi għall-adozzjoni tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, adottat fil-konferenza diplomatika ta’ Nice fil-15 ta’ Ġunju 1957, rivedut l-aħħar f’Genève fit-13 ta’ Mejju 1977 u emendat fit-28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1154, Nru I‑18200, p. 89, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nice”). Skont l-Artikolu 1 tiegħu:

“1)      Il-pajjiżi li għalihom japplika dan il-Ftehim jikkostitwixxu Unjoni partikolari u jadottaw klassifikazzjoni komuni tal-prodotti u tas-servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks [iktar ’il quddiem il-‘Klassifikazzjoni ta’ Nice’].

2)      Il-Klassifikazzjoni [ta’ Nice] tinkludi:

i)      lista ta’ klassijiet, flimkien ma’, jekk ikun il-każ, noti ta’ spjega;

ii)      lista alfabetika tal-prodotti u tas-servizzi […], bl-indikazzjoni tal-klassi li fiha jitpoġġa kull prodott jew servizz.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        L-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Nice, intitolat “Portata legali u applikazzjoni tal-Klassifikazzjoni [ta’ Nice]”, jipprovdi hekk:

“1)      Mingħajr preġudizzju għall-obbligi imposti mill-preżenti Ftehim, il-portata tal-Klassifikazzjoni [ta’ Nice] hija dik li ġiet attribwita lilha minn kull pajjiż tal-Unjoni partikolari. B’mod partikolari, il-klassifikazzjoni [ta’ Nice] la torbot lill-pajjiżi tal-Unjoni partikolari f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-portata tal-protezzjoni tat-trade mark, u lanqas f’dak li jirrigwarda r-rikonoxximent tat-trade marks fir-rigward ta’ servizzi.

2)      Kull wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni partikolari jirriżerva l-fakultà li japplika l-Klassifikazzjoni [ta’ Nice] bħala sistema prinċipali jew bħala sistema sussidjarja.

3)      L-amministrazzjonijiet kompetenti tal-pajjiżi tal-Unjoni partikolari għandhom jinkludu fid-dokumenti u fil-pubblikazzjonijiet uffiċjali tar-reġistrazzjonijiet tat-trade marks in-numri tal-klassijiet tal-Klassifikazzjoni [ta’ Nice] li taħthom jaqgħu l-prodotti jew is-servizzi li għalihom hija reġistrata t-trade mark.

4)      Il-fatt li isem jidher fil-lista alfabetika [tal-prodotti u tas-servizzi] bl-ebda mod ma jolqot id-drittijiet li jistgħu ikunu jeżistu fuq dan l-isem.”

7        Il-lista ta’ klassijiet tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice fiha, mit-tmien edizzjoni tagħha li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002, 34 klassi ta’ prodotti u 11-il klassi ta’ servizzi. Kull klassi hija indikata b’indikazzjoni ġenerali waħda jew iktar, normalment imsejħa “intestatura tal-klassi”, li jindikaw b’mod ġenerali l-oqsma li bħala prinċipju jifformaw parti minnhom il-prodotti jew is-servizzi ta’ din il-klassi.

8        B’mod konformi mal-gwida tal-utent tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, sabiex tiġi żgurata l-klassifikazzjoni korretta ta’ kull prodott jew servizz, għandha tiġi kkonsultata l-lista alfabetika tal-prodotti u tas-servizzi kif ukoll in-noti ta’ spjega li jikkonċernaw lid-diversi klassijiet.

9        Fid-disa’ edizzjoni tagħha, fis-seħħ sa mill-1 ta’ Jannar 2007 u ripetuta b’mod identiku fl-għaxar edizzjoni tagħha fis-seħħ sa mill-1 ta’ Jannar 2012, il-Klassifikazzjoni ta’ Nice tinkludi t-titolu segwenti għall-klassi 35, li tirrigwarda s-servizzi:

“Reklamar; Il-ġestjoni ta’ negozju; L-amministrazzjoni ta’ negozju; Funzjonijiet ta’ uffiċċju.”

10      In-nota ta’ spjega ta’ din il-klassi tuża l-kliem segwenti:

“Il-klassi 35 tinkludi prinċipalment is-servizzi pprovduti minn persuni jew minn organizzazzjonijiet li l-għan prinċipali huwa:

1.      l-għajnuna fl-operat jew it-tmexxija ta’ impriża kummerċjali jew

2.      l-għajnuna fit-tmexxija tan-negozju jew tal-funzjonijiet kummerċjali ta’ impriża industrijali jew kummerċjali,

kif ukoll is-servizzi mogħtija minn stabbilimenti tar-reklamar li jkunu responsabbli essenzjalment għall-komunikazzjoni lill-pubbliku, għal dikjarazzjonijiet jew avviżi bil-mezzi kollha tax-xandir u li jirrigwardaw it-tipi kollha ta’ prodotti jew servizzi.

Din il-klassi tinkludi b’mod partikolari:

–        il-ġbir flimkien għan-nom ta’ terzi ta’ prodotti diversi (bl-eċċezzjoni tat-trasport tagħhom) li jippermettu lill-klijenti li jarawhom u jixtruhom b’mod faċli, tali servizzi jistgħu jiġu pprovduti minn ħwienet bl-imnut, minn ħwienet bl-ingrossa, permezz ta’ katalogi tal-bejgħ bil-korrispondenza jew permezz ta’ mezzi elettroniċi, pereżempju, permezz tas-siti web jew xandiriet tat-telebejgħ;

–        is-servizzi li jikkonsistu fir-reġistrazzjoni, it-traskrizzjoni, il-kompożizzjoni, il-kompilazzjoni jew is-sistematizzazzjoni tal-komunikazzjonijiet bil-miktub u ta’ reġistrazzjonijiet, kif ukoll tal-kumpilazzjoni tad-data matematiċi jew statistiċi;

–        is-servizzi tal-aġenziji tar-reklamar, kif ukoll is-servizzi bħad-distribuzzjoni ta’ prospetti, direttament jew bil-posta, jew id-distribuzzjoni ta’ kampjuni. Din il-klassi tista’ tirreferi għar-reklamar li tirrigwarda servizzi oħra, bħal dawk li jirrigwardaw self mill-bank jew reklamar permezz tar-radju.

Din il-klassi ma tinkludix b’mod partkolari:

–        is-servizzi bħall-evalwazzjonijiet u rapporti ta’ inġiniera li ma jirreferux direttament għall-operat jew għat-tmexxija f’impriża kummerċjali jew industrijali (ikkonsulta l-lista alfabetikat tas-servizzi).”

11      Il-lista alfabetika tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice tidentifika, fost l-oħrajn, il-“bejgħ (promozzjoni ta’ –) għal terzi” bħala li jaqgħu taħt l-imsemmija klassi 35.

12      Il-Klassifikazzjoni ta’ Nice tinkludi l-intestaturi segwenti, rispettivament għall-klassijiet 36, 39, 41 u 45, li jirrigwardaw ukoll is-servizzi: “Assigurazzjoni; Affarijiet finanzjarji; Affarijiet monetarji; Affarijiet relatati mal-proprjetà immobbli”; “Trasport; L-ippakkjar u l-ħażna ta’ oġġetti; Arranġamenti għall-ivvjaġġjar”; “Edukazzjoni; Provvediment ta’ taħriġ; Divertiment; Attivitajiet kulturali u sportivi”; u “Servizzi legali; Servizzi ta’ sigurtà għall-protezzjoni tal-propjetà u ta’ l-individwi; Servizzi personali u soċjali provduti minn oħrajn sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet ta’ individwi”.

 Id-dritt tal-Unjoni

13      Il-premessa 13 tad-Direttiva 2008/95 tipprovdi:

“L-Istati Membri kollha huma marbuta mill-[Konvenzjoni ta’ Pariġi]. Huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jkunu għal kollox konsistenti ma’ dawk tal-Konvenzjoni msemmija. Din id-Direttiva m’għandhiex tinċidi fuq l-obbligi ta’ l-Istati Membri li jirriżultaw minn dik il-Konvenzjoni. […]”

14      L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Trade mark tista’ tikkonsisti minn kwalunkwe sinjal kapaċi li jiġi rappreżentat grafikament, b’mod partikolari permezz ta’ kliem, inklużi ismijiet personali, disinji, ittri, numri, l-għamla ta’ merkanzija jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali ikunu jistgħu jiddistingwu l-merkanzija jew is-servizzi ta’ impriża waħda minn dawk ta’ impriżi oħra.”

15      Skont l-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva:

“Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew, jekk jiġu reġistrati, għandhom ikunu suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità:

a)      sinjali li ma jistgħux jikkostitwixxu trade mark;

b)      trade marks li ma għandhom l-ebda karatteristika distintiva;

c)      trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw it-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, jew iż-żmien ta’ produzzjoni tal-merkanzija jew ta’ l-għoti tas-servizz, jew karatteristiċi oħra tal-merkanzija jew tas-servizz;

d)      trade marks li jikkonsistu esklussivament minn sinjali jew indikazzjonijiet li saru konswetudinarji fil-lingwa kurrenti jew fil-prattika bona fide u stabbilita tal-kummerċ;

[…]”

16      Il-kliem tal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2008/95 jikkorrispondu ma’ dak tal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), li ġiet abrogata u ssostitwita bid-Direttiva 2008/95 sa mit-28 ta’ Novembru 2008.

 Id-dritt Ġermaniż

17      L-Artikolu 3(1) tal-liġi fuq il-protezzjoni tat-trade marks u sinjali distintivi oħra [Gesetz über den Schutz von Marken und sonstigen Kennzeichen (Markengesetz)], tal-25 ta’ Ottubru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 3082, iktar ’il quddiem il-“MarkenG”), jikkorrispondi essenzjalment mal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95.

18      L-Artikolu 32(3) tal-MarkenG jipprovdi:

“Ir-reġistrazzjoni għandha tissodisfa kundizzjonijiet oħra għar-reġistrazzjoni ddefiniti f’regolament skont il-punt 2 tal-Artikolu 65(1).”

19      Il-punt 2 tal-Artikolu 65(1) tal-MarkenG jipprovdi:

“Il-Ministeru Federali tal-Ġustizzja jista’ jiddefinixxi, permezz ta’ regolament li ma jeħtieġx l-approvazzjoni tal-Bundesrat, […] kundizzjonijiet oħra meħtieġa għar-reġistrazzjoni tat-trade marks […]”

20      Skont l-Artikolu 20(1) tar-regolament li jimplementa l-MarkenG (iktar ’il quddiem il-“MarkenV”):

“Il-prodotti u s-servizzi għandhom ikunu identifikati b’mod li jippermetti li kull prodott jew servizz jiġi kklassifikat fi klassi tan-nomenklatura stabbilita skont l-Artikolu 19(1).”

21      L-Artikolu 19(1) tal-MarkenV jipprovdi li “[l]-klassifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi ssir skont in-nomenklatura tal-prodotti u tas-servizzi li jidhru fl-Anness 1 tar-regolament preżenti”. Dan l-Anness 1 jinkludi l-klassi 35 liema kliem jikkorrispondu ma’ dawk tal-klassi 35 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice.

22      L-Artikolu 36(4) tal-MarkenG jipprovdi:

“Jekk irregolaritajiet oħra ma humiex ikkoreġuti f’terminu stabbilit mid-[DPMA], dan jiċħad l-applikazzjoni.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23      Fl-10 ta’ Settembru 2011, Netto Marken-Discount ippreżentat quddiem id-DPMA, għall-finijiet tar-reġistrazzjoni bħala trade mark għal prodotti u servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 18, 25, 35 u 36 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, is-sinjal verbali u figurattiv segwenti:

Image not found

24      Fir-rigward tal-klassi 35, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni indikat:

“Klassi 35: servizzi fil-kummerċ bl-imnut u bl-ingrossa, b’mod partikolari l-ġbir flimkien għan-nom ta’ terzi ta’ servizzi diversi li jiffaċilitaw ix-xiri ta’ dawk is-servizzi mill-konsumaturi, b’mod partikolari dawk is-servizzi pprovduti minn ħwienet bl-imnut, minn ħwienet bl-ingrossa, permezz ta’ katalogi tal-bejgħ bil-korrispondenza jew permezz ta’ mezzi elettroniċi, pereżempju, permezz tas-siti web jew xandiriet tat-telebejgħ fir-rigward tas-servizzi segwenti: tal-klassi 35: Reklamar; Il-ġestjoni ta’ negozju; L-amministrazzjoni ta’ negozju; Funzjonijiet ta’ uffiċċju; tal-klassi 36: ħruġ ta’ vawċers jew tokens ta’ valur; tal-klassi 39: Arranġamenti għall-ivvjaġġjar; tal-klassi 41: Divertiment; tal-klassi 45: Servizzi personali u soċjali sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet ta’ individwi.”

25      Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2012, id-DPMA, fuq il-bażi tal-Artikolu 36(4) tal-MarkenG, ċaħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni sa fejn din ġiet ippreżentata għas-servizzi tal-klassi 35, peress li ma kinitx ġiet sodisfatta l-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 20(1) tal-MarkenV, is-servizzi tal-imsemmija klassi indikati f’din l-applikazzjoni ma setgħux, skont dan, ikunu distinti b’mod ċar minn servizzi oħra, la fin-natura tagħhom u lanqas fil-portata tagħhom.

26      Netto Marken-Discount ressqet rikors għal annullament kontra l-imsemmija deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-qorti tar-rinviju.

27      Il-qorti tar-rinviju sostniet li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar il-kwistjoni dwar jekk protezzjoni permezz ta’ trade mark tistax tinkiseb fir-rigward ta’ kummerċ bl-imnut tas-servizzi. Fil-każ fejn dan ikun il-każ, hija tistaqsi fuq il-livell ta’ preċiżjoni li bih, is-servizzi kkonċernati minn dan il-kummerċ bl-imnut għandhom jiġu deskritti kif ukoll fuq il-possibbiltà li l-protezzjoni mogħtija minn trade mark li tindika tali kummerċ bl-imnut ta’ servizzi li tiġi estiża wkoll għall-provvista ta’ servizzi pprovduti minn kummerċjant bl-imnut stess.

28      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundespatentgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-Artikolu 2 tad-Direttiva [2008/95] għandu jiġi interpretat fis-sens li servizz fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jkopri wkoll il-kummerċ bl-imnut ta’ servizzi?

2)      Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

L-Artikolu 2 tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizzi offruti mill-kummerċjant bl-imnut għandhom jiġu ppreċiżati daqstant tajjeb, fir-rigward tan-natura tagħhom, bħall-prodotti ddistribwiti minn kummerċjant bl-imnut?

a)      Is-servizzi jkunu ppreċiżati biżżejjed jekk

i)      ikunu indikati biss it-tip ta’ servizz b’mod ġenerali jew kunċetti ġeneriċi,

ii)      ikunu indikati biss il-klassi jew il-klassijiet, jew

iii)      ikun indikat kull servizz b’mod konkret?

b)      Dawn l-indikazzjonijiet jikkontribwixxu għalhekk sabiex tiġi stabbilita l-ġurnata tal-applikazzjoni jew inkella, meta l-indikazzjoni tikkonsisti f’kunċetti ġeneriċi jew fi klassijiet, ikun possibbli li ssir bidla jew żieda?

3)      Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

L-Artikolu 2 tad-Direttiva [2008/95] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-portata tal-protezzjoni tat-trade mark ta’ servizz tal-kummerċ bl-imnut tkopri wkoll is-servizzi li l-kummerċjant bl-imnut iwettaq huwa stess?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

29      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk is-servizz ta’ kummerċjant bl-imnut li jikkonsisti f’li jinġabru flimkien servizzi sabiex il-konsumatur ikun jista’ faċilment jikkompara u jixtri dawn jistax jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “servizzi” previst fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95.

30      Netto Marken-Discount, il-Gvern Franċiż u tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jipproponu li l-imsemmija domanda għandha tiġi risposta fl-affermattiv, peress li l-Gvern Pollakk jikkunsidra li ma huwiex neċessarju li kummerċ bl-imnut ta’ servizzi jiġi kklassifikat bħala servizz.

31      Għandu jitfakkar mill-bidu li, sabiex ikun jista’ jammonta għal trade mark, is-suġġett tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu, bis-saħħa tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95, jissodisfa tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett, għandu jammonta għal sinjal. It-tieni nett, dan is-sinjal għandu jkun kapaċi li jiġi rrappreżentat grafikament. It-tielet nett, l-imsemmi sinjal għandu jkun xieraq sabiex jiddistingwi l-“prodotti” jew is-“servizzi” ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra (ara, fir-rigward tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/104, is-sentenzi Libertel, C‑104/01, EU:C:2003:244, punt 23; Heidelberger Bauchemie, C‑49/02, EU:C:2004:384, punt 22, u Dyson, C‑321/03, EU:C:2007:51, punt 28).

32      F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-kunċett ta’ “servizzi”, għandu jingħad li dan ma ġiex definit mil-leġiżlatur tal-Unjoni u li, sabiex tiġi evitata l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet varjabbli ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks abbażi tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, hemm lok li tingħata interpretazzjoni uniformi għal dan il-kunċett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte, C‑418/02, EU:C:2005:425, punti 28 sa 33).

33      Għall-finijiet ta’ tali interpretazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’kawża li tirrigwarda applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark mressqa minn kummerċjant bl-imnut, li servizzi fornuti fil-kuntest ta’ kummerċ bl-imnut ta’ prodotti jista’ jammonta għal servizzi. Fil-fatt, il-kummerċ bl-imnut ta’ prodotti jinkludi, minbarra l-bejgħ stess ta’ dawn il-prodotti, attivitajiet oħra tal-kummerċjant bl-imnut, bħal għażla ta’ prodotti proposti għall-bejgħ u diversi servizzi bil-għan li jwasslu lill-konsumatur jixtri dawn il-prodotti mingħand il-kummerċjant inkwistjoni milli mingħand kompetitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte, EU:C:2005:425, punti 34, 39 u 52).

34      Mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk servizzi jistgħux, bħal prodotti, ikunu s-suġġett ta’ “kummerċ bl-imnut” fis-sens proprju ta’ dawn il-kliem, għandu jingħad, hekk kif sostnew il-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Kummissjoni, li jeżistu sitwazzjonijiet li fihom operatur ekonomiku jagħżel u jippreżenta ġabra ta’ servizzi ta’ terzi sabiex il-konsumatur ikun jista’ jagħżel fost dawn is-servizzi minn interlokutur uniku.

35      Is-servizzi ta’ tali operatur ekonomiku jistgħu jikkonsistu, b’mod partikolari, f’attivitajiet li għandhom bħala għan li jippermettu lill-konsumatur li jikkompara u jikseb b’mod faċli l-imsemmija servizzi kif ukoll servizzi ta’ reklamar.

36      Tali servizzi ta’ ġbir flimkien u ta’ reklamar jistgħu, jekk ikun il-każ, jaqgħu fil-klassi 35 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, fejn it-titolu u n-nota ta’ spjega huma ċċitati fil-punti 9 u 10 tas-sentenza preżenti. Din il-possibbiltà hija kkorroborata minn lista alfabetika tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, li tinkludi l-“bejgħ (promozzjoni ta’ –) għal terzi” fost is-servizzi li jaqgħu fl-imsemmija klassi.

37      L-imsemmija servizzi huma koperti, f’dan il-każ, mill-kunċett ta’ “servizzi” fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-premessa 13 ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet ta’ din għandhom ikunu f’armonija sħiħa ma’ dawk tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u ma jaffettwawx l-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw minn dik il-konvenzjoni. Peress li l-Ftehim ta’ Nice ġie adottat skont dik l-istess konvenzjoni, l-imsemmi Artikolu 2 ma jkunx interpretat f’sens li jeskludi mill-kunċett ta’ “servizzi” previst minn dan l-artikolu servizzi li jaqgħu f’waħda mill-klassijiet ta’ servizzi li jidhru fil-Klassifikazzjoni ta’ Nice (ara, b’analoġija, is-sentenza Chartered Institute of Patent Attorneys, C‑307/10, EU:C:2012:361, punt 52).

38      Fil-każ preżenti, mill-estratt tal-applikazzjoni ċċitata fil-punt 24 tas-sentenza preżenti jirriżulta li r-reġistrazzjoni bħala trade mark tas-sinjal verbali u figurattiv riprodott fil-punt 23 ta’ din hija mfittxija “b’mod partikolari” għal servizzi ta’ ġbir flimkien ta’ servizzi offerti minn terzi. Jekk, ċertament, Netto Marken-Discount ippreċiżat matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li s-servizzi miġbura flimkien minnha huma kollha offerti minn terzi, il-kliem “b’mod partikolari” jistgħu jagħtu x’wieħed jifhem lill-awtorità kompetenti li din il-kumpannija ma teskludix li jinġabru flimkien servizzi li jinkludu, minbarra dawk offerti minn operaturi ekonomiċi oħra, servizzi fornuti minnha stess.

39      Madankollu, għalkemm il-firxa ta’ servizzi offruti minn Netto Marken-Discount tista’ tinkludi servizzi fornuti minnha, din iċ-ċirkustanza bl-ebda mod ma tefgħat dubju fuq il-fatt li s-servizz deskritt fl-applikazzjoni tagħha għal reġistrazzjoni, permezz tal-kliem “ġbir flimkien għan-nom ta’ terzi ta’ servizzi diversi li jiffaċilitaw ix-xiri ta’ dawk is-servizzi mill-konsumaturi”, tista’ tkun ikklassifikata, għal raġunijiet spjegati fil-punti 34 sa 37 tas-sentenza preżenti, bħala servizz. Suġġett għar-riskju li tiċħad lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali mill-possibbiltà li l-imsemmi sinjal jiġi rreġistrat bħala trade mark għal dan is-servizz ta’ ġbir flimkien, l-applikazzjoni tagħha għal reġistrazzjoni għall-klassi 35 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice ma tkunx miċħuda għar-raġuni biss li l-firxa ta’ servizzi li hija tipproponi li toffri lill-konsumatur tista’ tinkludi wkoll servizzi offerti minnha stess.

40      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li s-servizzi ta’ operatur ekonomiku li jikkonsistu f’li jinġabru flimkien servizzi sabiex il-konsumatur ikun jista’ jikkompara u jixtri dawn b’mod faċli jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “servizzi” previst fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95.

 Fuq it-tieni domanda

41      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2008/95 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija teħtieġ li applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark għal servizz li jikkonsistu f’li jinġabru flimkien servizzi jidentifikaw konkretament u preċiżament is-servizzi li jammontaw għas-servizz ta’ ġbir flimkien kif ukoll is-servizzi miġbura flimkien.

42      Għandu jitfakkar l-ewwel nett li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark f’reġistru pubbliku għandha bħala għan li tagħmel dan aċċessibbli lill-awtoritajiet kompetenti u lill-pubbliku, b’mod partikolari lill-operaturi ekonomiċi (sentenzi Heidelberger Bauchemie, EU:C:2004:384, punt 28, u Chartered Institute of Patent Attorneys, EU:C:2012:361, punt 46).

43      Minn naħa, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jafu, b’ċarezza u preċiżjoni suffiċjenti, il-prodotti jew is-servizzi previsti minn trade mark sabiex tkun f’pożizzjoni li tissodisfa l-obbligi tagħhom dwar l-eżami minn qabel tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni kif ukoll għall-pubblikazzjoni u ż-żamma ta’ reġistru xieraq u preċiż tat-trade marks. Min-naħa l-oħra, l-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu jistgħu jiżguraw b’ċarezza u preċiżjoni reġistrazzjonijiet imwettqa jew applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni magħmula minn kompetituri attwali jew potenzjali u b’hekk jibbenefikaw minn informazzjoni rilevanti li tirrigwarda d-drittijiet ta’ terzi (sentenza Chartered Institute of Patent Attorneys, EU:C:2012:361, punti 47 u 48).

44      Konsegwentement, id-Direttiva 2008/95 teħtieġ li l-prodotti jew is-servizzi li għalihom issir applikazzjoni għall-protezzjoni permezz tat-trade mark ikunu identifikati mill-applikant b’ċarezza u preċiżjoni suffiċjenti sabiex tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi ekonomiċi, fuq din il-bażi biss, li jistabbilixxu l-portata tal-protezzjoni mitluba (sentenza Chartered Institute of Patent Attorneys, EU:C:2012:361, punt 49).

45      Sabiex tissodisfa dan ir-rekwiżit, ma huwiex neċessarju li l-applikant għal reġistrazzjoni ta’ trade mark għal servizz ta’ ġbir flimkien jindika konkretement kull wieħed mill-attivitajiet li jifformaw parti minn dak is-servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte, EU:C:2005:425, punt 49, u Chartered Institute of Patent Attorneys, EU:C:2012:361, punt 45). Deskrizzjoni tali bħal dik li tidher fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ppreżentata minn Netto Marken-Discount, li skont din is-servizz inkwistjoni jirrigwarda, b’mod partikolari, il-“ġbir flimkien għan-nom ta’ terzi ta’ servizzi diversi li jiffaċilitaw ix-xiri ta’ dawk is-servizzi mill-konsumaturi, b’mod partikolari dawk is-servizzi pprovduti minn ħwienet bl-imnut, minn ħwienet bl-ingrossa, permezz ta’ katalogi tal-bejgħ bil-korrispondenza jew permezz ta’ mezzi elettroniċi, pereżempju, permezz tas-siti web jew xandiriet tat-telebejgħ”, tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi ekonomiċi li jifhmu li l-applikazzjoni saret għal servizz li jikkonsisti f’li tiġi magħżula u ppreżentata firxa ta’ servizzi sabiex il-konsumatur ikun jista’ jagħżel fosthom permezz ta’ interlokutur wieħed.

46      Min-naħa l-oħra, huwa neċessarju li l-applikant għal reġistrazzjoni ta’ trade mark għal servizz ta’ ġbir flimkien ta’ servizzi jindika b’mod suffiċjentement ċar u preċiż dawn tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenzi Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte, EU:C:2005:425, punt 50, u Chartered Institute of Patent Attorneys, EU:C:2012:361, punt 45).

47      Fil-fatt, fl-assenza ta’ identifikazzjoni suffiċjentement ċara u preċiża tas-servizzi li l-applikant għandu l-intenzjoni li jagħżel u jippreżenta lill-konsumatur, huwa jista’ b’mod partikolari jirriżulta diffiċli, saħansitra jkun impossibbli, għall-awtoritajiet kompetenti li jagħmlu eżami sħiħ tal-applikazzjoni. Meta dawn tal-aħħar ma jistgħux jiddeduċu mill-applikazzjoni liema servizzi huma previsti mill-applikant, huma ma jistgħux jeżaminaw b’mod xieraq, b’mod partikolari, jekk is-sinjal li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark huwa deskrittiv ta’ wieħed jew iktar mis-servizzi li dan l-applikant għandu l-għan li jagħżel u li jippreżenta.

48      Fil-każ preżenti, Netto Marken-Discount irreferiet, sabiex tidentifika s-servizzi li hija għandha l-intenzjoni li tiġbor flimkien, fil-klassijiet 35, 36, 39, 41 u 45 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice. Issa, fir-rigward tal-parti l-kbira ta’ dawn il-klassijiet, hija llimitat ruħha li tuża indikazzjonijiet ġenerali li jidhru fl-intestaturi tagħha.

49      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li xi wħud mill-indikazzjonijiet ġenerali li jidhru fl-intestaturi tal-klassijiet tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice jkopru prodotti jew servizzi talment varji li huma ma humiex suġġetti li jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni. B’hekk jirriżulta li l-uniċi każijiet fejn id-Direttiva 2008/95 tawtorizza l-użu mingħajr deskrizzjoni supplimentari tal-indikazzjonijiet ġenerali li jidhru fl-imsemmija intestaturi huma dawk li għalihom dawn l-indikazzjonijiet ġenerali huma, fihom infushom, suffiċjentement ċari u preċiżi sabiex ipoġġu lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi ekonomiċi f’pożizzjoni li jiddeterminaw il-portata tal-protezzjoni mitluba (ara s-sentenza Chartered Institute of Patent Attorneys, EU:C:2012:361, punti 54 u 56).

50      Huma l-awtoritajiet kompetenti li għandhom jevalwaw jekk indikazzjonijiet bħal “Divertiment” u “Servizzi personali u soċjali sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet ta’ individwi”, użati fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ppreżentata minn Netto Marken-Discount, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġa (ara, b’analoġija, is-sentenza Chartered Institute of Patent Attorneys, EU:C:2012:361, punt 55).

51      Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li, meta l-applikant għal reġistrazzjoni ta’ trade mark juża, għal klassi partikolari, l-indikazzjonijiet ġenerali kollha u b’hekk l-intestatura sħiħa tagħha, huwa għandu, f’kull każ, jippreċiża jekk hija tkoprix il-prodotti jew servizzi kollha inklużi fil-lista alfabetika ta’ din il-klassi jew biss xi wħud minnhom. Fil-każ fejn l-applikazzjoni tkopri biss xi wħud mill-imsemmija prodotti jew servizzi, l-applikant huwa marbut jippreċiża liema prodotti jew servizzi f’din il-klassi huma intiżi li jkunu koperti (sentenza Chartered Institute of Patent Attorneys, EU:C:2012:361, punt 61).

52      F’din il-kawża, Netto Marken-Discount indikat fl-applikazzjoni tagħha għal reġistrazzjoni li s-servizz ta’ ġbir flimkien li għalih hija għamlet applikazzjoni għall-protezzjoni permezz tat-trade mark tirrigwarda, fost l-oħrajn, il-ġbir flimkien ta’ servizzi ta’ “Reklamar; Il-ġestjoni ta’ negozju; L-amministrazzjoni ta’ negozju; Funzjonijiet ta’ uffiċċju”. Suġġett għall-verifikazzjoni mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-imsemmija applikazzjoni ma tippreċiżax jekk, billi tikkwota l-intestatura sħiħa tal-klassi 35 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tfittex il-protezzjoni permezz ta’ din it-trade mark għall-ġbir flimkien tas-servizzi kollha fil-lista alfabetika ta’ din il-klassi jew biss għal għall-ġbir flimkien ta’ xi wħud minn dawn is-servizzi. Issa, fir-rigward tal-eżistenza ta’ approċċi differenti fi ħdan l-Unjoni fir-rigward tal-mod kif l-użu tal-intestatura ta’ klassi tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice għandu jiġi interpretat, applikazzjoni li ma tippermettix li jiġi stabbilit jekk, permezz tal-użu tal-intestatura ta’ klassi, l-applikant għandu l-intenzjoni li jkopri l-prodotti jew is-servizzi ta’ din kollha jew in parti ma tistax titqies li hija suffiċjentement ċara u preċiża (sentenza Chartered Institute of Patent Attorneys, EU:C:2012:361, punti 58, 59 u 62).

53      Fir-rigward ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li d-Direttiva 2008/95 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija teżiġi li applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark għal servizz ta’ ġbir flimkien ta’ servizzi tkun ifformulata b’ċarezza u preċiżjoni suffiċjenti sabiex tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi ekonomiċi oħra jkunu jafu liema huma s-servizzi li l-applikant għandu l-intenzjoni li jiġbor flimkien.

 Fuq it-tielet domanda

54      It-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, li tirrigwarda x’inhija l-portata tal-protezzjoni mogħtija minn trade mark għal servizz ta’ ġbir flimkien ta’ servizzi, huwa, hekk kif sostnew Netto Marken-Discount u l-Kummissjoni, manifestament mhux konnessi mal-kawża prinċipali, peress li dan tal-aħħar jikkonċerna esklużivament ir-rifjut tad-DPMA milli jirreġistra bħala trade mark is-sinjal verbali u figurattiv riprodott fil-punt 23 tas-sentenza preżenti għal servizz ta’ ġbir flimkien ta’ servizzi.

55      Konsegwentement, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li skont din talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali għandha tiġi miċħuda meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mfittxija tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew is-suġġett fil-kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 25; kif ukoll Jakubowska, C‑225/09, EU:C:2010:729, punt 28), it-tielet domanda għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

56      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-servizzi ta’ operatur ekonomiku li jikkonsistu f’li jinġabru flimkien servizzi sabiex il-konsumatur ikun jista’ jikkompara u jixtri dawn b’mod faċli jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “servizzi” previst fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks.

2)      Id-Direttiva 2008/95 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija teżiġi li applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark għal servizz ta’ ġbir flimkien ta’ servizzi tkun ifformulata b’ċarezza u preċiżjoni suffiċjenti sabiex tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi ekonomiċi oħra jkunu jafu liema huma s-servizzi li l-applikant għandu l-intenzjoni li jiġbor flimkien.

 

Firem      

 

* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.