Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Frar 2012 - Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Ġermanja

(Kawża C-95/12)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: E. Montaguti u G. Braun, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, billi naqset milli tadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-23 ta' Ottubru 2007 fil-Kawża C-112/05, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, dwar l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni Ewropea ta' dispożizzjonijiet tal-VW-Gesetz, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(2) TFEU;

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għal pagamenti ta' penalità għal kull jum fl-ammont ta' EUR 282 725.10 u għal ħlas ta' somma f'daqqa għal kull jum fl-ammont ta' EUR 31 114.72, pagabbli fil-kont tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea;

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-112/05, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, ngħatat fit-23 ta' Ottubru 2007. F'dik il-kawża, il-Kummissjoni essenzjalment issottomettiet li tliet dispożizzjonijiet tal-VW-Gesetz setgħu jiskoraġġixxu l-investiment dirett u għalhekk irrestrinġew il-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 56 KE inkwantu dawn, fl-ewwel lok, b'deroga mil-liġi ġenerali, illimitaw id-drittijiet ta' votazzjoni ta' kull azzjonist għal 20 % tal-kapital azzjonarju ta' Volkswagen, fit-tieni lok, ħtieġu maġġoranza ta' iktar minn 80% tal-kapital azzjonarju rrappreżentat sabiex jittieħdu riżoluzzjonijet tal-assemblea ġenerali li, skont il-liġi ġenerali, jeħtieġu biss maġġoranza ta' 75 % u, fit-tielet lok, ippermettew, b'deroga mil-liġi ġenerali, li l-Istat Federali u l-Land Niedersachsen jappuntaw, kull wieħed minnhom, żewġ rappreżentanti fil-bord ta' superviżjoni ta' Volkswagen.

Mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata iktar 'il fuq, jirriżulta li kull waħda minn dawn it-tliet dispożizzjonijiet tal-VW-Gesetz ikkontestati, ikkunsidrata individwalment, kienet tikser il-moviment liberu tal-kapital.

Il-liġi adottata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li, fil-fehma ta' din tal-aħħar, implementat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għadha teħtieġ, madankollu, maġġoranza ta' iktar minn 80 % tal-kapital azzjonarju rrappreżentat sabiex jittieħdu riżoluzzjonijiet tal-assemblea ġenerali ta' Volkswagen AG, li, skont l-Aktiengesetz (il-liġi dwar il-kumpanniji Ġermaniża), jeħtieġu biss maġġoranza ta' 75 %. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiġġustifika dan billi tirreferi għad-dispożittiv tas-sentenza fil-Kawża C-112/05 li jipprovdi li din id-dispożizzjoni tikkostitiwixxi ksur legali biss meta kkunsidrata flimkien maż-żewġ dispożizzjonijiet l-oħra. Ikkunsidrata individwalment, madankollu, din id-dispożizzjoni ma tikkostitwixxix ksur tal-moviment liberu tal-kapital.

Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-kliem użat fid-dispożittiv tas-sentenza ma jeskludix l-illegalità tat-tliet dispożizzjonijiet ikkontestati, ikkunsidrati individwalment. Fl-implementazzjoni ta' sentenza, ma huwiex biss id-dispożittiv li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, iżda wkoll il-motivazzjoni tad-deċiżjoni. Fil-kuntest ta' din il-kawża, jidher li huwa partikolarment imġebbed l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li permezz tiegħu tipprova tiġġustifika n-nuqqas ta' implementazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja biss fuq il-bażi ta' tliet kelmiet "fid-dawl ta'" fid-dispożittiv tas-sentenza. Tali interpretazzjoni tinjora l-motivazzjoni ġenerali tas-sentenza kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-imsejħa "Golden Shares".

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li għandha tressaq mill-ġdid il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 260(2) TFEU. L-ammont tas-sanzjonijiet finanzjarji ġie ddeterminat fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Settembru 2011 li taġġorna d-data għall-kalkolu tal-ħlas ta' somma f'daqqa u l-pagamenti ta' penalità .

____________

1 - ĠU 2011 C 12, p. 1