Language of document : ECLI:EU:C:2007:341

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Ġunju 2007 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitat naturali– Fawna u flora selvaġġa – Kaċċa għal-lupu”

Fil-kawża C‑342/05,

li għandha bħala suġġett rikors għan-nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu taħt l-Artikolu 226KE, imressaq fl-14 ta’ Settembru 2005,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. van Beek u I. Koskinen, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn E. Bygglin, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, K. Schiemann, J. Makarczyk, L. Bay Larsen (Relatur) u J.-C. Bonichot, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ 30 ta’ Novembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill- Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, meta awtorizzat il-kaċċa għal-lupu bi ksur tal-motivi ta’ deroga stipulati fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, p.7, aktar ‘il quddiem id-“Direttiva dwar il-habitat”, ir-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 12(1) u 16(1) ta’ din id-Direttiva.

 Il-kuntest leġiżlattiv

 Id-Direttiva dwar il-habitat

2        Skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva dwar il-habitat:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:

(a) l-forom kollha ta’ qbid volontarju jew qtil ta’ kampjuni minn dawn l-ispeċi fis-selvaġġ;”.

3        L-Anness IV tad-Direttiva dwar il-habitat huwa intitolat “annimali u speċi ta’ pjanti ta’ interess għall-Komunità li għandhom bżonn ħarsien mill-qrib”. Dan l-Anness IV(a), kif emendat mill-Att dwar il-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta’ l-Iżvezja u għat-tibdil tat-trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea ( [ĠU C 241, 1994, p. 21, u ĠU 1995, L 1, p. 1, aktar ‘il quddiem, il-“paragrafu (a) ta’ l-Anness IV”], isemmi l-ispeċi li ġej: “Canis lupus […] (ħlief il-popolazzjonijet Finlandiżi li jinsabu ġewwa ż-żona ta’ amministrazzjoni tar-renni, kif definita fil-paragrafu 2 tal-Liġi Finlandiża Nru 848/90, ta’ l-14 ta’ Settembru 1990, dwar il-ġestjoni tar-renni)”.

4        L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitat jipprovdi:

“Sakemm ma jkunx hemm alternattiva sodisfaċenti u d-deroga mhix ta’ dannu għall-ħarsien tal-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi konċernati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 12, 13, 14 u 15 (a) u (b):

(a) fl-interess li jħarsu l-fawna u l-flora selvaġġa u li jikkonservaw l-habitat naturali;

(b) biex jipprevjenu l-ħsara serja, b’mod partikolari lill-uċuh tar-raba’, lill-bhejjem, lill-foresti, lis-sajd u lill-ilma u lil tipi oħra ta’ proprjetà;

(ċ) fl-interessi tas-saħħa u s-sigurtà pubblika, jew għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk tat-tip soċjali jew ekonomiku u l-konsegwenzi ta’ benefiċċju ta’ l-akbar importanza għall-ambjent;

[…].”

5        L-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi huwa ddefinit fil-paragrafu (i) ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar il-habitat:

“i)      ‘l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi’ jfisser l-ammont miżjud ta’ influwenzi li jaġixxu fuq l-ispeċi konċernati u li jistgħu jaffettwaw it-tqassim fit-tul u l-abbundanza tal-popolazzjonijiet ta’ dik l-ispeċi fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2;

L-istat ta’ konservazzjoni jitqies ‘favorevoli’ meta:

–        l-informazzjoni fuq iċ-ċaqliq tal-popolazzjoni konċernata jindikaw li qed tieħu ħsieb tagħha nnifsha fit-tul bħala komponent vjabbli ta’ l-habitat naturali tagħha

u

–        il-firxa naturali ta’ l-ispeċi la qiegħda titnaqqas u lanqas m’għandha xejra li titnaqqas fil-ġejjieni prevedibbli

u

–        hemm, u x’aktarx jibqa’ jkun hemm, habitat naturali kbir biżżejjed biex iżomm il- popolazzjonijiet tagħha fit-tul”.

 Il-leġiżlazzjoni Finlandiża

6        Mill-inkartament ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikoli 12 u 16 tad-Direttiva dwar il-habitat ġew trasposti f'termini kważi identiċi fid-dritt Finlandiż dwar il-kaċċa.

7        Madankollu, f’dak li jirrigwarda l-awtorizzazzjoni tal-qtil ta’ lpup, jeżistu leġiżlazzjonijiet partikolari. Il-kaċċa għall-ilpup hija awtorizzata każ b’każ mid-distrett kompetenti dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali tal-kaċċa. Min-naħa l-oħra, il-limiti massimi reġjonali tal-kaċċa, jiġifieri n-numru massimu ta’ lpup li jistgħu jiġu kkaċċjati f’kull distrett matul il-perijodu ta’ kaċċa bejn l-1 ta’ Novembru sal-31 ta’ Marzu huma ffissati mill-Ministeru ta’ l-Agrikoltura u tal-Foresti. Dawn il-limiti huma ffissati b’mod li l-popolazzjoni ta’ l-ilpup ma jiġux mhedda fid-distretti rispettivi. Tittieħed in kunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha dwar il-mortalità ta’ dawn l-annimali, b’mod partikolari dik li tirriżulta mill-inċidenti tat-triq u mill-attivitajiet tal-bnedmin.

8        Biex jawtorizzaw il-kaċċa, id-distretti dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali tal-kaċċa għandhom jeżaminaw jekk il-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 16 (1) tad-Direttiva habitat, li ġiet trasposta fid-dritt intern, ġewx sodisfatti. Barra minn hekk, meta jintlaħaq limitu massimu reġjonali tal-kaċċa, dan jista’ jinqabeż biss fir-rispett tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16(1), u awtorizzazzjoni Ministerjali partikolari hija meħtieġa.

9        Minbarra dan, jekk il-korpi tal-pulizija jistgħu joqtlu annimali f’ċirkustanzi eċċezzjonali, huma ma jistgħux jagħmlu dan ħlief jekk jiġu rrispettati l-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 8 ta’ din is-sentenza.

 Il-proċedura prekuntenzjuża

10      Il-Kummissjoni bdiet il-proċedura dwar għan-nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu billi bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Finlandja fl-10 ta’ April 2001. Wara li dan l-Istat Membru rrisponda għal din ta’ l-aħħar permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fis-26 ta’ Ġunju 2002. Fiha hija indikat illi, peress li fil-Finlandja, l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu ma kienx favorevoli, li soluzzjonijiet oħra setgħu jiġu implementati, u li l-permessi tal-kaċċa kienu nħarġu mingħajr ma ġiet stabbilita relazzjoni ma’ dawk l-ilpup partikolari li kkawżaw danni kunsiderevoli, il-kaċċa għal-lupu, kif awtorizzata, ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitat. Ir-Repubblika tal-Finlandja rrispondiet għal din l-opinjoni motivata permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Awwissu 2002.

11      Peress li madankollu l-Kummissjoni kkunsidrat li n-nuqqas akkużat kien għadu jeżisti, il-Kummissjoni ressqet dan ir-rikors fl-14 ta’ Settembru 2005.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

12      L-ewwel nett, il-Kummissjoni tindika li fil-Finlandja, il-lupu jikkostitwixxi speċi fil-periklu u li, konsegwentement, l-istat ta’ konservazzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar ma jistax jiġi kkunsidrat bħala favorevoli f’dan l-Istat Membru.

13      Sussegwentement, il-Kummissjoni ssostni li l-prassi Finlandiża, li tikkonsisti fl-awtorizzazzjoni tal-kaċċa in kwantu azzjoni preventiva tmur kontra l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitat. Fil-fatt, meta jiġi kkunsidrat bħala probabbli ħafna li lupu jikkawża ħsara serja, dawn ta’ l-aħħar jistgħu jiġu evitati b’mod ieħor li ma jikkonsistix fil-qtil preventiv. L-użu ta’ ripellenti, ta’ rwejjaħ, ta’ ċnut elettriċi jew tipi oħra, l-għeluq ta’ bhejjem jew klieb matul il-lejl, jew il-kumpens għad-danni kkawżati jistgħu jiġu kkontemplati. Meta l-permessi tal-kaċċa jingħataw għal skop preventiv, ma tantx huwa probabbli li l-qtil ikun dirett lejn l-ilpup li jikkawżaw ħsara serja. Fi kwalunkwe każ, dawn il-permessi jinħarġu mill-awtoritajiet Finlandiżi mingħajr ma tiġi stabbilita relazzjoni ma’ l-ilpup li jikkawżaw tali dannu. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-kaċċa mhijiex mezz effikaċji ħafna biex tipprevjeni din il-ħsara.

14      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-kwoti territorjali annwali ffissati minn qabel għall-perijodu limitat mill-Ministeru ta’ l-Agrikolutura u tal-Foresti mhumiex iġġustifikati, minħabba li d-derogi għas-sistema ta’ protezzjoni stretta għandhom jiġu evalwati indipendentement mill-perijodu kkonċernat u kkunsidrati separatament f’dak li jikkonċerna kull permess tal-kaċċa, skond l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitat. Barra minn hekk, il-prassi ta’ l-awtoritajiet Finlandiżi twassal għal sitwazzjoni li fiha l-ilpup jistgħu jiġu legalment maqtula, ukoll jekk jinqabeż sew il-limitu massimu ffissat mill-Ministeru ta’ l-Agrikolutura u tal-Foresti. Għalhekk, speċjalment matul l-istaġun 2003-2004, filwaqt li l-limitu massimu kien ġie ffissat għal tmien ilpup, ingħataw ukoll ħdax-il permess derogatorju u żewġ permessi maħruġa mill-puluzija. B’kollox, tnax-il lupu ġew maqtula matul dan l-istaġun.

15      Il-Kummissjoni tikkonkludi li, peress li l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu fil-Finlandja mhuwiex favorevoli, soluzzjonijiet oħra jistgħu jiġu implementati u li l-permessi tal-kaċċa jinħarġu mingħajr ma tiġi debitament stabbilita relazzjoni ma’ l-ilpup partikolari li jikkawżaw ħsara serja, il-kaċċa għal-lupu hija awtorizzata fil-Finlandja b’mod li tikser il-kundizzjonijet elenkati fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitat.

16      Il-Gvern Finlandiż isostni li l-kaċċa għal-lupu teħtieġ permess li jista’ jinkiseb permezz ta’ talba motivata u bil-miktub li ssemmi t-territorju u n-numru ta’ annimali maħsuba u li tiġi ppreżentata fid-distrett ta’ protezzjoni ta’ l-annimali tal-kaċċa. Dan ta’ l-aħħar, skond il-konoxxenza xierqa dwar iż-żona tiegħu, għandu jeżamina jekk il-kaċċa timpedixxix li jinżamm livell ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ l-ispeċi, jekk hux possibbli li tiġi adottata soluzzjoni sodisfaċenti oħra u jekk ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet fil-materja ta’ derogi previsti fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitat.

17      Minbarra dan, id-deċiżjonijiet dwar għoti tal-permessi tal-kaċċa xorta waħda jittieħdu skond limitu massimu reġjonali ta’ kampjuni ta’ l-ispeċi li jistgħu jiġu kkaċċjati f’kull distrett ta’ protezzjoni ta’ l-annimali tal-kaċċa, iffissat mill-Ministeru ta’ l-Agrikoltura u tal-Foresti u li jikkorrispondi mal-kwantità ta’ kampjuni ta’ l-ispeċi li jistgħu bijoloġikament jittieħdu mingħajr ma jipperikolaw il-popolazzjonijiet. Għalhekk din mhijiex kwota li għandha tintlaħaq jew tiġi eżawrita.

18      Il-Gvern Finlandiż isostni li l-prassi tiegħu ma tipprekludix iż-żamma, fil-Finlandja, ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-popolazzjoni ta’ l-ilpup. Fil-fatt, din kibret b’mod kunsiderevoli matul dawn l-aħħar snin. L-istess japplika għaż-żona ġeografika ta’ popolament. Minbarra dan, l-informazzjoni dwar id-dinamika ta’ l-ispeċi kkonċernata tindika li din ta’ l-aħħar għadha tikkostitwixxi, u tista’ tikkostitwixxi fit-tul, element vijabbli tal-habitat naturali li tagħmel parti minnhom.

19      Fir-rigward tal-kundizzjoni bbażata fuq in-“nuqqas ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra”, dan il-Gvern isostni li bosta mezzi differenti huma, safejn huwa possibbli, utilizzati, waħedhom jew flimkien, sabiex jipprevjenu jew inaqqsu l-ħsara kkawżata mill-ilpup. Fi kwalunke każ, id-distretti ta’ protezzjoni ta’ l-annimali tal-kaċċa jikkunsidraw kwalunkwe soluzzjoni sodisfaċenti oħra qabel ma joħorġu permess tal-kaċċa. F’dan ir-rigward, il-Gvern Finlandiż jinsisti fuq il-fatt li s-soluzzjonijiet li jissostitwixxu dawn il-mezzi li għalihom il-Kummissjoni tagħmel referenza f’dan il-każ, madankollu mhumiex adatti għal kull każ partikolari.

20      Skond dan il-Gvern, u kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitat ma jipprojbixxix li ssir deroga mis-sistema ta’ protezzjoni stretta bil-għan li jiġu pprevenuti ħsarat serji. Bl-istess mod, mhux eżatt li d-deċiżjonijiet li għalihom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jagħtu permessi tal-kaċċa għal-lupu ma jinkludux l-identifikazzjoni ta’ l-ilpup li jagħmlu ħsarat gravi. Fil-fatt dawn id-deċiżjonijiet jiddeterminaw b’mod preċiż iż-żoni ġeografiċi koperti mill-imsemmija permessi li jagħtu kenn lill-ilpup li jikkawżaw dawn il-ħsarat. Madankollu, peress li l-lupu huwa annimal li jgħix ġewwa grupp, il-permess tal-kaċċa ma jistax dejjem jidentifika dak il-kampjun jew dawk il-kampjuni ta’ l-ispeċi li jikkawżaw din il-ħsara. Madankollu, meta l-annimali in kwistjoni li jappartjenu lil grupp huma magħrufa, dawn isiru s-suġġett ta’ permessi ta’ kaċċa maħruġa. Minbarra dan, meta l-annimal ikkonċernat jiċċaqlaq waħdu, il-permess tal-kaċċa jista’ wkoll jikkonċernah individwalment.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

21      Kif ġustament tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 16 tal-konklużjonijiet tagħha, f’dan ir-rikors, il-Kummissjoni ma tikkontestax la l-leġiżlazzjoni Finlandiża u lanqas każ konkret ta’ qtil ta’ lpup, iżda tikkritika l-prassi amministrattiva ta’ l-awtoritajiet Finlandiżi fil-materja tal-kaċċa għal-lupu.

22      Madankollu, minkejja li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli hija, minnha nfisha, kompatibbli mad-dritt Komunitarju, jista’ jirriżulta nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mill-eżistenza ta’ prassi amministrattiva li tikser dan id-dritt (ara s-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja C-441/02, Ġabra. p. I-3449, punt 47).

23      F’dan ir-rigward, jirriżulta, skond ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest ta’ rikors dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha l-obbligu li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Hija l-Kummissjoni li, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq xi preżunzjoni, għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex tkun tista’ tiġi vverifikata minnha l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Il-Kummisjoni vs Ir-Renju Unit, C-434/01, Ġabra p. I-13239, punt 21, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitati aktar ‘il fuq, punt 48).

24      B’hekk, fil-kuntest tar-rikors presenti, huwa obbligu tal-Kummissjoni li tressaq evidenza li l-prassi segwita mill-Finlandja thedded is-sistema ta’ protezzjoni stretta tal-lupu in kwantu speċi li jinsab fil-paragrafu (a) ta’ l-Anness IV, prevista fl-Artikolu 12 (1) tad-Direttiva dwar il-habitat, għar-raġuni li d-derogi għal din is-sistema mhumiex mogħtija konformament mal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16(1) ta’ din id-Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata aktar ‘il fuq, punt 22).

25      Peress li din l-aħħar dispożizzjoni tipprovdi sistema ta’ deroga li għandha tiġi interpretata b’mod strett u tassenja l-oneru tal-prova ta’ l-eżistenza tal-kundizzjonijiet mitluba, għal kull deroga, lill-awtorità li tieħu d-deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiggarantixxu li kull intervent li jmiss l-ispeċi protetti jiġi awtorizzat biss fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet li għandhom motivazzjoni preċiża u adegwata, li tirreferi għall-motivi, għall-kundizzjonijiet u għall-eżiġenzi previsti fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitat (f’dan is-sens, ara s-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et C-60/05, Ġabra p.I-5083, punt 34).

26      Fil-każ presenti, huwa paċifiku li :

–        l-awtoritajiet Finlandiżi jawtorizzaw matul is-snin kollha, sa ċertu limitu, il-kaċċa għal-lupu bħala miżura derogatorja ;

–        skond ir-rapport dwar it-theddida lill-ispeċi fil-Finlandja fl-2000, ippublikat matul is-sena 2001 mill-Ministeru ta’ l-Ambjent u ċ-Ċentru Finlandiż għall-Ambjent [Pertti Rassi, Aulikki Alanen, Tiina Kanerva ja Ilpo Mannerkoski: (toim.): Suomen lajien uhanalaisuus 2000. Uhanalaisten lajien II seurantaryhmä. Ympäristöministeriö & Suomen ympäristökeskus, Helsinki 2001], il-lupu huwa kklassifikat fost l-ispeċi fil-periklu fil-Finlandja;

–        f’dan ir-rapport, huwa msemmi li n-numru ta’ annimali li jistgħu jipproduċu ruħhom huwa inqas minn 50, liema numru jikkostitwixxi l-limitu taħt liema jeżisti periklu kritiku ta’ estinzjoni;

–        skond il-punt 7.2 tal-Pjan ta’ Amministrazzjoni tal-Popolazzjoni ta’ l-Ilpup, ippubblikat fl-2005 mill-Ministeru ta’ l-Agrikolutura u tal-Foresti (aktar il-quddiem “Pjan ta’ Amministrazzjoni”), jista’ jiġi stmat li l-Finlandja għandu jkollha 20 koppji riproduttivi sabiex tiggarantixxi l-manteniment fit-tul tal-popolazzjoni ta’ l-ilpup, bħala komponiment vijabbli tal-habitat naturali tagħha;

–        fis-snin 2001, 2002, 2003 et 2004, skond il-punt 2.1.5 tal-Pjan ta’ Amministrazzjoni, in-numru ta’ koppji riproduttivi kien stmat għal 11, 12, 13 u 16 rispettivament.

27      B’hekk jidher li, fir-rigward tal-kriterju msemmi fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat, l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu ma kienx favorevoli, skond it-tul ta’ żmien iffissat fl-opinjoni motivata.

28      Issa, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva jagħmel l-istat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ dawn il-popolazzjoni ta’ l-ispeċi kkonċernati fil-firxa naturali tagħhom kundizzjoni neċessarja u preliminari għall-għoti tad-derogi li huwa jipprevedi (ara s-sentenza ta’ l-10 ta’ Mejju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-508/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 115).

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għoti ta’ tali derogi jibqa’ possibbli bħala eċċezzjoni meta jiġi debitament stabbilit li mhumiex ta’ natura li jaggravaw l-istat ta’ konservazzjoni mhux favorevoli ta’ dawn il-popolazzjonijet jew li jipprevenuhom milli jerġgħu jilħqu stat ta’ konservazzjoni favorevoli. Fil-fatt, bħal fil-każ tal-kunsiderazzjonijet ifformulati mill-Kummissjoni, b’mod partikolari fil-punt 47 sa 51 tas-Sezzjoni III tad-Dokument ta’ gwida fuq il-protezzjoni stretta ta’ l-ispeċi ta’ annimali ta’ interess Komunitarju previst mid-Direttiva dwar il-habitat (Guidance document on the strict protection of the animal species of Community interest provided by the “Habitats” Directive 92/43/EEC, verżjoni finali, Frar 2007), ma jistax jiġi eskluż li l-qtil ta’ numru limitat ta’ kampjuni ta’ l-ispeċi huwa mingħajr effett fuq l-għan ikkontemplat mill-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitat, li jikkonsisti fiż-żamma fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-popolazzjoni ta’ l-ilpup fil-firxa naturali tagħhom. Għaldaqstant din id-deroga hija newtrali għall-ispeċi kkonċernata.

30      Jirriżulta miż-żewġ deċiżjonijiet li jagħtu permessi ta’ kaċċa għal-lupu, meħuda mill-awtoritajiet Finlandiżi qabel ma l-Kummissjoni kienet indirizzat l-ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Finlandja u li ġew ippreżentati mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li dawn l-awtoritajiet ippermettew, f’dawn iż-żewġ każijiet, il-kaċċa ta’ numru partikolari ta’ lpup ġewwa żona ġeografika li kienet iddefinita sew, imma mingħajr ma qagħdu fuq valutazzjoni ta’ l-istat ta’ konservazzjoni ta’ l-ispeċi, mingħajr ma taw motivazzjoni preċiża u adegwata tan-nuqqas ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra u mingħajr ma identifikaw b’mod preċiż l-ilpup li jikkawżaw ħsarat kunsiderevoli li setgħu jiġu maqtula.

31      Madankollu, minn deċiżjonijiet bħal dawn li, minn naħa m’humiex ibbażati fuq valutazzjoni ta’ l-impatt tal-qtil ta’ l-ilpup li huma jawtorizzaw fuq iż-żamma fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-popolazzjoni ta’ din l-ispeċi fil-firxa naturali tagħha u li, min-naħa l-oħra ma jinkludux motivazzjoni preċiża u adegwata dwar l-ineżistenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra, imorru kontra l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitat.

32      Madankollu għandu jiġi mfakkar li, hekk kif joħrog mill-punt 21 ta’ din is-sentenza, permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni m’għandhiex l-għan li tiddenunzja każijiet konkreti, iżda li tikkritika l-prassi amministrattiva ta’ l-awtoritajiet Finlandiżi fil-materja tal-kaċċa għal-lupu.

33      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jekk imġiba ta’ Stat tikkonsisti fi prassi amministrattiva li tmur kontra r-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju tista’ tkun ta’ natura li tikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, jeħtieġ li din il-prassi amministrattiva tippreżenta ċertu grad ta’ konsistenza u ta’ ġeneralità (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata aktar ‘il fuq, punt 50).

34      Minbarra dan, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kif kienet is-sitwazzjoni ta’ l-Istat Membru fl-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-494/01, Ġabra. p. I-3331, punt 29).

35      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma ppreżentat ebda waħda mid-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ permessi tal-kaċċa għall-ilpup li l-awtoritajiet Findlandiżi kienu ħadu sussegwentement għad-deċizjonijiet imfakkra fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, b’eċċezzjoni għal żewġ deċiżjonijet li li jġibu d-data ta’ l-2006, li għalihom hija tagħmel referenza biex turi l-importanza tal-progress milħuq sadanittant f’din il-materja mill-awtoritajiet Finlandiżi.

36      Barra minn hekk, il-Kummissjoni, li fil-kuntest tal-proċedura preżenti qatt ma invokat nuqqas ta’ kooperazzjoni leali ta’ l-awtoritajiet imsemmija fir-rigward tal-komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ permessi tal-kaċċa, ma ppreżentat ebda deċiżjoni ta’ din it-tip quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li ġġib id-data tal-perijodu li jikorrispondi għat-tmiem tal-proċedura prekontenzjuża u li tista’ ġġib quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi neċessarji għall-verifika tal-fondatezza ta’ l-allegati lmenti.

37      Inoltre, għandu jiġi mfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, in-numru ta’ koppji riproduttivi għadda minn 11 sa 16 matul il-perijodu li jikkorrispondi mas-snin 2001 sa 2004. Minbarra dan, mhuwiex ikkontestat li, matul dan l-istess perijodu, in-numru totali ta’ lpup preżenti fuq it-territorju Finlandiż għadda minn parentesi minn 110 sa 130 annimal, sa parentesi minn 185 sa 200 annimal.

38      Din l-informazzjoni, għalkemm ma kinitx minnha nfisha konklużiva, hija, fi kwalunkwe każ, ta’ natura li turi li minkejja l-kaċċa għal-lupu awtorizzata fil-Finlandja skond deroga, l-istat ta’ konservazzjoni ta’ l-ispeċi kkonċernat ittejjeb kunsiderevolment u konsistentement f’dan l-Istat Membru matul il-perijodu ta’ bejn il-fażi prekontenzjuża u parti sinjifikanti tagħha li tippreċedi l-preżentata ta’ dan ir-rikors.

39      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma ppreżentatx biżżejjed elementi ta’ prova fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ prassi amministrattiva li tikkonsisti fil-ħruġ, mill-awtoritajiet Finlandiżi, ta’ permessi ta’ kaċċa għal-lupu mingħajr ma bbażaw ruħhom fuq valutazzjoni ta’ l-istat ta’ konservazzjoni ta’ l-ispeċi jew mingħajr ma pprovdew motivazzjoni preċiża u adegwata dwar in-nuqqas ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra.

40      Fir-rigward ta’ l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li l-permessi tal-kaċċa huma maħruġa bħala miżura preventiva jew, fi kwalunkwe każ, mingħajr ma tkun ġiet stabbilita relazzjoni opportuna ma’ l-ilpup partikolari li jikkawżaw ħsara gravi għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitat ma jirrikjedix li jkun hemm ħsara severa qabel l-adozzjoni tal-miżuri derogatorji.

41      Madankollu, huwa veru li l-Gvern Finlandiż jirrikonoxxi li, peress li l-lupu huwa annimal li ġeneralment jgħix fi grupp, l-permessi tal-kaċċa ma jistgħux dejjem ikunu maħsuba għall-kampjuni ta’ l-ispeċi li jikkawżaw danni kunsiderevoli.

42      Jekk ma jistax jiġi eskluż a priori li l-fatt ta’ l-awtorizzar tal-qtil ta’ wieħed jew diversi lpup minn grupp ta’ lpup, li fosthom hemm dawk il-kampjuni ta’ l-ispeċi li jikkawżaw jew jistgħu jikkawżaw tali ħsara, jista’ jipprevjeni, jelimina jew inaqqas dawn ta’ l-aħħar, għandu jingħad illi l-elementi ta’ l-inkartament mhumiex ta’ natura li jikkonfermaw din l-ipoteżi.

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif ġie indikat fil-punt 5.4.5 tal-pjan ta’ amministrazzjoni, skond ċertu opinjoni, il-kaċċa kkontrollata twassal lill-ilpup li joqogħdu attenti mill-bniedem u għalhekk tikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-danni, filwaqt li skond opinjoni oħra, il-kaċċa ta’ l-ilpup li jagħmlu parti minn gruppi twassal għal żieda tad-danni. Minbarra dan, huwa ppreċiżat li huma ftit l-istudji bijoloġiċi dwar dan is-suġġett li huma disponibbli.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li l-permessi tal-kaċċa huma maħruġa bħala miżura preventiva għandu jigi milqugħ.

45      Fir-rigward taċ-ċirkustanza li d-deċizjonijiet ta’ l-għoti ta’ permessi tal-kaċċa għal-lupu huma wkoll suġġetti għal limitu reġjonali massimu ta’ kampjuni ta’ l-ispeċi li jistgħu jiġu maqtula f’kull distrett ta’ protezzjoni ta’ l-annimali tal-kaċċa, din ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tmur kontra l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitat. Fil-fatt, kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tagħha, dan il-limitu, li huwa ffissat skond il-kwantità ta’ annimali li jistgħu jiġu maqtula mingħajr ma l-ispeċi in kwistjoni titqiegħed in periklu jikkostitwixxi biss il-kuntest li fh id-distretti ta’ protezzjoni ta’ l-annimali tal-kaċċa jistgħu joħorġu l-permessi tal-kaċċa, meta, minbarra dan, il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitat huma sodisfatti.

46      B’mod partikolari, fir-rigward ta’ dak li huwa indikat fil-punt 8 ta’ din is-sentenza, il-fatt li, matul l-istaġun 2003-2004, il-limitu in kwistjoni kien fir-realtà inqabeż ma jistax, inkwantu tali, ikun biżżejjed sabiex ikun ta’ prova li l-awtoritajiet Finlandiżi ħarġu permessi ta’ kaċċa b’tali mod u manjiera li setgħu għamlu ħsara għaż-żamma, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-popolazzjonijet ta’ l-ilpup fil-firxa naturali tagħhom.

47      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li, meta awtorizzat il-kaċċa għal-lupu bħala miżura preventiva mingħajr ma ġie stabbilit li din hija ta’ natura li tipprevjeni ħsara serja skond l-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva dwar il-habitat, ir-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 12(1) u 16(1)(b) ta’ din id-Direttiva, u li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud għall-bqija.

 Fuq l-ispejjeż

48      Skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha, b’mod partikolari meta l-partijiet ikunu tilfu rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom.

49      Fil-kawża preżenti, peress li l-partijiet tilfu rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      meta awtorizzat il-kaċċa għal-lupu bħala miżura preventiva mingħajr ma ġie stabbilit li din hija ta’ natura li tipprevjeni ħsara serja skond l-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat [habitat] naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, ir-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 12(1) u 16(1)(b) ta’ din id-Direttiva

2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u r-Repubblika tal-Findlandja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.