Language of document :

Appell ippreżentat fis-27 ta' April 2011 mill-Union of European Football Associations (UEFA) kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba' Awla) tas-17 ta' Frar 2011 fil-Kawża T-55/08 - Union of European Football Associations (UEFA) vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-201/11 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Union of European Football Associations (UEFA) (rappreżentanti: D. Anderson QC, D. Piccinin, Barrister, B. Keane, Solicitor, T. McQuail, Solicitor)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Renju tal-Belġju, Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti ssostni li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata għal dawn ir-raġunijiet li ġejjin:

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi meta applikat id-Direttiva 89/552 1, kemm fir-rigward tar-rekwiżit ta' kjarezza u trasparenza kif ukoll fir-rigward tal-fatt li l-EURO jitqies bħala avveniment ta' importanza kbira għas-soċjetà.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi meta applikat id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw il-kompetizzjoni.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi meta applikat id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-proporzjonalità.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi meta applikat id-dritt ta' proprjetà tal-UEFA.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi meta ddikjarat li d-deċiżjoni kkontestata kienet tinkludi motivazzjoni adegwata fir-rigward (i) tal-fatt li l-EURO jitqies bħala avveniment ta' importanza kbira għas-soċjetà (ii) tal-kompetizzjoni, (iii) tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u (iv) tad-drittijiet ta' proprjetà.

____________

1 - Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta' Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224)