Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-22 ta' Settembru 2011 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesverwaltungsgericht - il-Ġermanja) - Mesopotamia Broadcast A/S METV (C-244/10), Roj TV A/S (C-245/10) vs Bundesrepublik Deutschland

(Kawżi magħquda C-244/10 u C-245/10) 1

(Direttiva 89/552/KEE - Attivitajiet ta' xandir televiżiv - Possibbiltà għal Stat Membru li jipprojbixxi fit-territorju tiegħu, l-attività ta' xandar tat-televiżjoni stabbilit fi Stat Membru ieħor - Motiv ibbażat fuq ksur tal-ftehim bejn il-popli)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Mesopotamia Broadcast A/S METV (C-244/10), Roj TV A/S (C-245/10)

Konvenuta: Bundesrepublik Deutschland

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Bundesverwaltungsgericht - Interpretazzjoni tal-Artikoli 2a u 22a tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta' Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224), kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Ġunju 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 321) - Projbizzjoni ta' attività minħabba ksur tal-ftehim bejn il-popli, invokata mill-awtoritajiet ta' Stat Membru fil-konfront ta' korp ta' xandir bit-televiżjoni stabbilit fi Stat Membru ieħor - Esklużjoni tal-poter ta' Stat Membru destinatarju li jipprekludi fit-territorju tiegħu t-trażmissjonijiet televiżivi li joriġinaw minn Stati Membri oħra għal raġunijiet li jaqgħu fl-oqsma rregolati mid-Direttiva 89/552/KEE - Ammissibbiltà tal-ksur tal-ftehim bejn il-popli bħala raġuni għall-projbizzjoni li taqa' taħt l-oqsma rregolati mill-imsemmija direttiva.

Dispożittiv

L-Artikolu 22a tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta' Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni, kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Ġunju 1997, għandu jiġi interpretat fis-sens li fatti bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li jaqgħu taħt dispożizzjoni legali nazzjonali li tipprojbixxi ksur tal-ftehim bejn il-popli, għandhom jitqiesu bħala inklużi fil-kunċett ta' "tixwix għall-mibegħda fuq bażi ta razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità". Dan l-artikolu ma jipprekludix li Stat Membru jadotta, skont leġiżlazzjoni ġenerali, bħal-liġi dwar l-assoċjazzjonijiet (Gesetz zur Regelung des öffentlichen Vereinsrechts), tal-5 ta' Awwissu 1964, kif emendata bl-Artikolu 6 tal-liġi tal-21 ta' Diċembru 2007, miżuri fir-rigward ta' xandar tat-televiżjoni stabbilit fi Stat Membru ieħor, minħabba li l-attivitajiet u l-għanijiet ta' dan ix-xandar jiksru l-projbizzjoni ta' ksur tal-ftehim bejn il-popli, sakemm dawn il-miżuri ma jimpedixxux, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali, it-trażmissjoni mill-ġdid fil-veru sens tal-kelma fit-territorju tal-Istat Membru ta' riċezzjoni tax-xandiriet televiżivi mwettqa minn dan ix-xandar mill-Istat Membru l-ieħor.

____________

1 - ĠU C 234, 28.08.2010.