Language of document : ECLI:EU:C:2014:2311

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

22 ta’ Ottubru 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Dħul li joriġina minn rebħ tal-logħob tal-ażżard — Differenza fit-tassazzjoni bejn rebħ f’pajjiżi barranin u dak fi stabbilimenti nazzjonali”

Fil-Kawżi magħquda C‑344/13 u C‑367/13,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal domanda preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Commissione tributaria provinciale di Roma (l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-28 ta’ Mejju 2013, li waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Ġunju u fl-1 ta’ Lulju 2013 fil-proċeduri

Cristiano Blanco (C‑344/13),

Pier Paolo Fabretti (C‑367/13)

vs

Agenzia delle Entrate — Direzione Provinciale I di Roma — Ufficio Controlli,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur), E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal C. Blanco u P. Fabretti, minn M. Rosa u S. Cristaldi, avukati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. De Bellis, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, kif ukoll minn J.-C. Halleux, bħala aġenti, assistiti minn P. Vlaemminck u R. Verbeke, avukati,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Recchia u W. Roels, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 46 u 49 KE, li saru l-Artikoli 52 u 56 TFUE.

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, rispettivament, C. Blanco u P. Fabretti kontra l-Agenzia delle Entrate — Direzione Provinciale I di Roma — Ufficio Controlli (iktar ’il quddiem “l-Aġenzija”) dwar l-avviżi tagħhom tat-taxxa.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ottubru 2005, tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 309, p. 15), tipprovdi fil-punt 3(f) tal-Artikolu 2(1) tagħha li din tapplika għall-casinos.

 Id-dritt Taljan

4        L-Artikolu 67(1)(d) tad-Digriet Nru 917 tal-president tar-Repubblika li japprova test uniku fuq it-taxxa fuq id-dħul (decreto del Presidente della Republica n. 917 — Approvazione del testo unico delle imposte sui redditi), tat-22 ta’ Diċembru 1986 (suppliment ordinarju Nru 302, tal-31 ta’ Diċembru 1986), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“DPR 917/86”) jikkunsidra bħala dħul varju li, fih innifsu, jifforma parti mill-bażi ta’ stima tat-taxxa fuq id-dħul, “ir-rebħ minn lotteriji, minn kompetizzjonijiet bi premju, minn logħob u mħatri organizzati għall-pubbliku u l-premji li jirriżultaw minn provi ta’ abbiltà jew mix-xorti”.

5        L-Artikolu 69(1) ta’ dan id-digriet jippreċiża li l-premji u r-rebħ fl-Artikolu 67(1)(d) ta’ dan “jammontaw għal dħul għall-ammont kollu riċevut fis-sena fiskali, mingħajr ebda tnaqqis”.

6        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 30 tad-Digriet Nru 600 tal-president tar-Repubblika, tad-29 ta’ Settembru 1973, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni fil-qasam tal-konstatazzjoni tat-taxxi fuq id-dħul (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 268, tas-16 ta’ Ottubru 1973), jipprovdi:

“[…] ir-rebħ mix-xorti, minn logħob ta’ abbiltà, dak li jirriżulta minn kompetizzjonijiet bi premju, minn pronostiċi jew minn imħatri, imħallsa mill-Istat, minn persuni ġuridiċi pubbliċi jew privati u mill-persuni indikati fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tad-digriet preżenti huma s-suġġett ta’ taxxa f’ras il-għajn bħala taxxa, bil-possibbiltà ta’ rkupru, bl-esklużjoni tal-każijiet fejn dispożizzjonijiet oħra li diġà jipprovdu għall-applikazzjoni ta’ taxxa f’ras il-għajn. It-taxxi f’ras il-għajn ma japplikawx jekk il-valur totali tal-premji […] ma jeċċedix Lire 50 000 [EUR 25.82]; jekk huwa iktar minn dan il-limitu, l-ammont huwa totalment suġġett għat-taxxa f’ras il-għajn.”

7        Din id-dispożizzjoni ma tapplikax madankollu għar-rebħ mogħti mill-istabbilimenti tal-logħob Taljani peress li, bis-saħħa tas-seba’ paragrafu tal-Artikolu 30 ta’ dan id-digriet, it-taxxa fuq ir-rebħ mogħti minn dawn l-istabbilimenti hija inkluża fit-taxxa fuq l-ispettakli, li saret it-taxxa fuq id-divertiment, introdotta bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 60 tas-26 ta’ Frar 1999 (GURI Nru 59, tat-12 ta’ Marzu 1999, p. 5).

8        Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 3 tad-Digriet Nru 640 tal-president tar-Repubblika dwar it-taxxa fuq l-ispettakli (decreto del Presidente della Republica n. 640 — Imposta sugli spettacoli), tas-26 ta’ Ottubru 1972 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 292, tal-11 ta’ Novembru 1972), kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 60 tas-26 ta’ Frar 1999, l-istabbilimenti tal-logħob obbligati li jħallsu t-taxxa fuq id-divertiment huma liberi mill-obbligu li jiġbru t-taxxa mill-ispettaturi, mill-parteċipanti u minn min jagħmel l-imħatri. Il-bażi ta’ din it-taxxa hija magħmula mill-ammont tad-dħul mibjugħ lill-pubbliku, bid-differenza pożittiva odjerna bejn is-somom miġbura għal-logħob u dawk imħallsa lill-ġugaturi bħala rebħ kif ukoll għal kull dħul ieħor marbut mal-operat tal-logħob.

 Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

 Il-Kawża C‑344/13

9        L-Aġenzija nnotifikat, fl-1 ta’ Diċembru 2011, lil C. Blanco, tlett avviżi tat-taxxa li fihom ġie akkużat li ma għamilx dikjarazzjoni tad-dħul għas-snin fiskali 2007 sa 2009, kif ukoll li ma ddikjarax, fl-2007, is-somma ta’ EUR 410 227, fl-2008, is-somma ta’ EUR 25 969, kif ukoll, fl-2009, is-somma ta’ EUR 46 028, li tikkorrispondi għal flus li ntrebħu f’casinos li jinsabu kemm fi Stati Membri oħra kif ukoll fi Stati terzi. Hija ssostni li dawn is-somom kellhom ikunu inklużi fid-dħul taxxabbli ta’ C. Blanco peress li huma jammontaw għal “dħul varju”, fis-sens tal-Artikolu 67(1)(d) tad-DPR 917/86. Konsegwentement, C. Blanco kien is-suġġett ta’ aġġustament tat-taxxa ta’ EUR 488 703.16 għas-sena 2007, ta’ EUR 23 919.86 għas-sena 2008 ta’ EUR 41 291.89 għas-sena 2009 għat-taxxa tad-dħul tal-persuni fiżiċi, b’żieda fit-taxxa u ta’ multi.

10      C. Blanco ressaq numru ta’ rikorsi kontra dawn l-avviżi tat-taxxa. Dawn ir-rikorsi ġew magħquda minħabba li huma konnessi fir-rigward tal-għan tagħhom u għall-persuna tar-rikorrent fil-kawża prinċipali. Dan tal-aħħar jikkunsidra, minn naħa, li l-informazzjoni li fuqha tibbaża l-Aġenzija għandha titqies b’kawtela sa fejn hija toriġina minn sit internet li jinkludi biss ċifri gross tar-rebħ u ma jikkunsidrax ċertu numru ta’ elementi li jaffettwaw dan ir-rebħ, bħall-prattika ta’ “stacking”, it-telf u l-ispejjeż. Min-naħa l-oħra, huwa jsostni li l-avviżi tat-taxxa jiksru, b’mod partikolari, il-prinċipju li jipprojbixxi t-tassazzjoni doppja trattat mill-konvenzjonijiet internazzjonali b’referenza għall-Artikolu 2 tal-mudell tal-konvenzjoni fiskali li tirrigwarda d-dħul u l-wirt imfassla mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD), il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi previst fl-Artikolu 56 TFUE u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-Artikoli 18 u 49 TFUE. C. Blanco qajjem trattament diskriminatorju peress li r-rebħ fl-Italja jkun eżenti mill-obbligi ta’ dikjarazzjoni u ma huwiex suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul peress li huwa suġġett, f’ras il-għajn, għat-taxxa tas-sostituzzjoni fuq id-divertiment u li r-rebħ fi Stati Membri oħra, peress li diġà ġie intaxxat f’ras il-għajn f’dawn l-aħħar imsemmija, ma għandux jiġi ntaxxat fl-Italja.

11      B’dan il-mod, C. Blanco rrefera għall-kawża, li huwa kkunsidra bħala simili, li wasslu għas-sentenza Lindman (C‑42/02, EU:C:2003:613), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 49 KE jopponi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li skont din, ir-rebħ mil-logħob tal-ażżard organizzat fi Stati Membri oħra jitqies li huwa dħul taxxabbli skont it-taxxa fuq id-dħul, filwaqt li r-rebħ mil-logħob tal-ażżard organizzat fl-Istat Membru inkwistjoni ma huwiex taxxabbli. Huwa jsostni li l-qorti tar-rinviju għandha tibqa’ lura milli tapplika l-leġiżlazzjoni nazzjonali minħabba l-karattru diskriminatorju tagħha marbuta, b’mod partikolari, mal-kuntrarjetà tagħha mal-Artikolu 56 TFUE.

12      L-Aġenzija tikkontesta l-fondatezza tar-rikorsi fil-kawża prinċipali u titlob iċ-ċaħda. Hija tikkunsidra li aġixxiet konformement mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ u tirreferi, b’mod ġenerali, għall-ispjegazzjoni iktar dettaljata kontenuta fl-avviż tat-taxxa, li fih hija indikat li, għall-snin fiskali kkunsidrati, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien naqas milli jagħmel dikjarazzjoni tad-dħul.

13      Il-qorti tar-rinviju tiċħad il-motiv ibbażat fuq it-tassazzjoni doppja peress li għandha ssir distinzjoni bejn it-taxxa li għandu jħallas l-istabbiliment tal-logħob u dak li r-rebbieħ għandu jħallas. Fil-fatt, il-kontribuzzjonijiet fiskali tal-istabbiliment tal-logħob u tar-rebbieħ ikunu riċevuti fuq il-bażi ta’ atti ta’ impożizzjoni differenti.

14      Jekk din il-qorti tammetti li jeżisti trattament differenti fiskali skont jekk ir-rebħ mil-logħob kienx miksub fl-Italja jew fi Stat Membru ieħor, dan it-trattament differenti jammonta għal diskriminazzjoni projbita biss fl-assenza ta’ raġunijiet li jippermettu li tiġi ġġustifikata tali differenza.

15      L-imsemmija qorti ssostni li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali trattament differenti jista’ jitqies li huwa ġustifikat jekk dan jaqa’ taħt dispożizzjoni derogatorja speċifika, bħall-Artikolu 52 TFUE li jirreferi għalih l-Artikolu 62 TFUE, u li għandu l-għan li jħares l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika, filwaqt li jibqa’ konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità u jħares effettivament it-twettiq tal-għan b’mod koerenti u sistematiku.

16      Skont il-qorti tar-rinviju, il-liġi Taljana għandha l-għan mhux daqshekk li tipproteġi l-istabbilimenti tal-logħob nazzjonali, iżda li tiskoraġġixxi l-prattiki ta’ ħasil tal-flus u ta’ awtoħasil tal-flus tal-kapitali f’pajjiżi barranin kif ukoll sabiex li jiġi llimitat it-trasferiment f’pajjiżi barranin jew l-introduzzjoni fl-Italja ta’ kapitali li l-oriġini tagħhom ma tistax tiġi mistħarrġa.

17      Din il-qorti tikkunsidra li huwa neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi b’evalwazzjoni preċiża tal-motivi li wasslu lil-leġiżlatur nazzjonali għall-adozzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni, u li l-gvern Taljan jista’ jkun f’pożizzjoni li jesponi r-raġunijiet li għalihom huwa ddeċieda li jissuġġetta għat-taxxa, ir-rebħ mil-logħob tal-ażżard, miksub f’pajjiżi barranin.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Commissione tributaria provinciale di Roma ddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-issuġġettar ta’ persuni residenti fl-Italja għal obbligi dikjarattivi u ta’ ħlas tat-taxxa fuq ir-rebħ minn każinòs stabbiliti f’pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, kif previst mill-Artikolu 67[1](d) tad-[DPR 917/86], imur kontra l-Artikolu [56 TFUE], jew għandu jiġi kkunsidrat bħala ġġustifikat minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika fis-sens tal-Artikolu [52 TFUE]?”

 Il-Kawża C‑367/13

19      L-Aġenzija nnotifikat, fis-6 ta’ Diċembru 2011, lil P. Fabretti avviż tat-taxxa għas-sena 2009 li fih hija talbet il-ħlas tas-somma ta’ EUR 45 327.48 peress li dan kien naqas milli jiddikjara s-somma ta’ EUR 52 000 li huwa kien rebaħ meta kien qed jilgħab il-poker f’casino li jinsab fi Stat Membru ieħor.

20      P. Fabretti jikkontesta, għal raġunijiet identiċi għal dawk esposti minn C. Blanco, dan l-avviż tat-taxxa u ressaq rikors kontra dan l-aħħar imsemmi avviż. L-Aġenzija ressqet argumenti kontrih simili għal dawk li hija ressqet fir-rigward ta’ C. Blanco.

21      Il-Commissione tributaria provinciale di Roma ġġustifikat f’termini simili għal dawk tal-ewwel deċiżjoni tagħha li wasslet għall-Kawża C‑344/13 in-neċessità ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari. Hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari identika għal dik li saret f’dan ir-rinviju.

22      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 2013, il-Kawżi C‑344/13 u C‑367/13 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq id-domanda preliminari

23      Permezz tad-domanda unika tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 52 u 56 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu lil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, skont liema r-rebħ mil-logħob tal-ażżard fl-istabbilimenti nazzjonali tagħha ma huwiex suġġett għat-taxxa fuq id-dħul, filwaqt li dak li jkun sar fi Stati Membri oħra huwa, u jekk raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika jippermettux li jiġi ġġustifikat tali trattament differenti.

24      Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, jekk it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn l-aħħar imsemmija għandhom madankollu jeżerċitaw din b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lindman, EU:C:2003:613, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tammontax għal restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

26      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi prevista fl-Artikolu 56 TFUE teħtieġ mhux biss l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni fir-rigward tal-fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru minħabba n-nazzjonalità tiegħu, iżda wkoll is-suppressjoni ta’ kull restrizzjoni, anki jekk din tapplika indistintament għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, meta din hija ta’ natura li tipprojbixxi, li jostakola jew li jagħmel inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn huwa jforni legalment servizzi simili (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Dirextra Alta Formazione, C‑523/12, EU:C:2013:831, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi japplikaw, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’attività li tikkonsisti f’li tippermetti lill-utenti li jipparteċipaw, għal remunerazzjoni, għal logħob tal-ażżard (sentenza Zenatti, C‑67/98, EU:C:1999:514, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, il-libertà ta’ provvista ta’ servizzi hija ta’ benefiċċju kemm għall-fornitur kif ukoll għad-destinatarju tas-servizzi (sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, EU:C:2009:519, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Fil-kawża prinċipali, mill-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Taljan jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġetta r-rebħ fi stabbilimenti tal-logħob tal-ażżard li jinsabu fl-Italja għal taxxa f’ras il-għajn li tikkonsisti f’li jiġu ntaxxati dawn l-istabbilimenti. B’mod iktar preċiż, ir-rebħ miksub fl-istabbilimenti tal-logħob nazzjonali huwa s-suġġett ta’ tnaqqis ikkalkolat abbażi tad-differenza bejn is-somom miġbura għal-logħob u dawk imħallsa lil ġugaturi għar-rebħ. Il-Gvern Taljan jippreċiża li r-rebħ fi stabbilimenti tal-logħob li jinsabu fl-Italja huwa eżentat mit-taxxa fuq id-dħul sabiex tiġi evitata tassazzjoni doppja tal-istess somom tal-input, mill-istabbiliment tal-logħob, u tal-output, mill-ġugatur.

29      Min-naħa l-oħra, ir-rebħ mil-logħob tal-ażżard fi stabbilimenti li jinsabu f’pajjiżi barranin jitqies li huwa dħul. Dan id-dħul għandu jidher fid-dikjarazzjoni tad-dħul u b’hekk ikun suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul.

30      B’hekk, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, filwaqt li tirriżerva l-benefiċċju ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul biss għr-rebħ mil-logħob fl-Istat Membru kkonċernat, tissuġġetta l-prestazzjoni tas-servizzi magħmula mill-organizzazzjoni għal remunerazzjoni, ta’ logħob tal-flus għal sistema fiskali differenti skont jekk l-imsemmi servizz huwiex eżegwit fl-imsemmi Stat Membru jew f’Istati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Laboratoires Fournier, C‑39/04, EU:C:2005:161, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Barra minn hekk, hekk kif sostnew ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni Ewropea, trattament fiskali differenti, li permezz tagħha, ir-rebħ mil-logħob fi Stat Membru ieħor biss jitqiesu li huma dħul suġġett għat-taxxa, inaqqas l-attrazzjoni ta’ ċaqliq lejn Stat Membru bil-għan li jsir logħob tal-ażżard. Fil-fatt, id-destinatarji tas-servizzi kkunsidrati, li huma residenti fl-Istat Membru fejn hemm tali trattament differenti, huma skoraġġuti milli jipparteċipaw f’tali logħob fejn l-organizzaturi huma stabbiliti fi Stati Membri oħra hekk kif jirriżulta mill-importanza li għandha għalihom il-possibbiltà li jinkisbu eżenzjonijiet fiskali (ara, b’analoġija, is-sentenzi Vestergaard, C‑55/98, EU:C:1999:533, punt 21, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑150/04, EU:C:2007:69, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Il-fatt li l-fornituri tal-logħob stabbiliti f’dan l-Istat Membru jkunu suġġetti għal taxxa bħala organizzaturi tal-logħob tal-flus ma jċaħħadx il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mill-karattru manifestament diskriminatorju tiegħu, peress li din it-taxxa, hekk kif sostniet il-qorti tar-rinviju, ma hijiex analoga għat-taxxa fuq id-dħul li taffettwa r-rebħ li joriġina mill-parteċipazzjoni tal-kontribwenti għal-logħob tal-ażżard organizzati fi Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lindman, EU:C:2003:613, punt 22).

33      Għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkawża restrizzjoni diskriminatorja għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi hekk kif garantita mill-Artikolu 56 TFUE, fir-rigward mhux biss ta’ min jipprovdi s-servizzi iżda wkoll tad-destinatarji ta’ dawn is-servizzi.

34      Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk din ir-restrizzjoni diskriminatorja tistax tiġi ġġustifikata.

35      Il-qorti tar-rinviju u l-Gvern Taljan josservaw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-għan li tipprevjeni l-ħasil tal-flus u l-awtoħasil tal-kapitali f’pajjiżi barranin, kif ukoll li jiġi llimitat li l-flus jittieħdu f’pajjiżi barranin jew l-introduzzjoni fl-Italja ta’ kapitali fejn l-oriġini tkun partikolarment inċerta.

36      Hekk kif sostna dan il-gvern, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-leġiżlazzjoni tal-logħob tal-ażżard jifforma parti mill-oqsma li fihom jeżistu differenzi kunsiderevoli ta’ natura morali, reliġjuża u kulturali bejn l-Istati Membri. Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni fil-qasam, hija responsabbiltà ta’ kull Stat Membru li jevalwa, f’dawn l-oqsma, skont l-iskala tagħha ta’ valuri, l-eżiġenzi ta’ protezzjoni tal-interessi kkonċernati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Stanleybet International et, C‑186/11 u C‑209/11, EU:C:2013:33, punt 24, kif ukoll Digibet u Albers, C‑156/13, EU:C:2014:1756, punt 24).

37      Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja diġà identifikat numru ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jitqajmu sabiex tiġi ġġustifikata restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fosthom il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-ġlieda kontra l-frodi u l-prevenzjoni tal-problemi soċjali marbuta mal-logħob, dawn l-għanijiet ma jitqajmux sabiex jiġu ġustifikati restrizzjonijiet applikati b’mod diskriminatorju (sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑153/08, EU:C:2009:618, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      B’hekk, restrizzjoni diskriminatorja hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni biss jekk hija taqa’ taħt dispożizzjoni derogatorja speċifika, bħall-Artikolu 52 TFUE li għalih jirreferi l-Artikolu 62 TFUE, u li għandu l-għan li jiżgura l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑546/07, EU:C:2010:25, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Dickinger u Ömer, C‑347/09, EU:C:2011:582, punt 79).

39      Konsegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tkun ġustifikata biss sa fejn hija jkollha għanijiet li jikkorrispondu ma’ motivi ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika fis-sens tal-Artikolu 52 TFUE. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li r-restrizzjonijiet imposti mill-Istati Membri għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ proporzjonalità. B’hekk, leġiżlazzjoni nazzjonali hija xierqa sabiex tħares it-twettiq tal-għan invokat biss jekk hija verament tirrispondi għall-intenzjoni li tilħqu b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Engelmann, C‑64/08, EU:C:2010:506, punt 35, kif ukoll Pfleger et, C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      L-identifikazzjoni tal-għanijiet li jridu jintlaħqu b’mod effettiv mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tifforma parti, fil-kuntest ta’ kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, mill-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, hija wkoll il-qorti tar-rinviju, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet kollha pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja, li tivverifika jekk ir-restrizzjonijiet imposti mill-Istat Membru kkonċernat jissodisfawx il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna l-proporzjonalità tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pfleger et, EU:C:2014:281, punti 47 u 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-għanijiet imqajma mill-Gvern Taljan, dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u n-neċessità li jiġi llimitat il-fluss lejn pajjiżi barranin jew l-introduzzjoni fl-Italja ta’ kapitali li l-oriġini tagħhom ikunu inċerti, u mingħajr ma jkun hemm lok li jiġi ddeterminat jekk dawn l-għanijiet humiex suxxettibbli li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ ordni pubbliku, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru ma jistgħux validament jippreżumu, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, li l-korpi u l-entitajiet stabbiliti fi Stat Membru ieħor iwettqu attivitajiet kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, EU:C:2009:618, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Barra minn hekk, għandu jingħad li, hekk kif sostniet il-Kummissjoni Ewropea, il-Gvern Taljan ma ressaqx il-prova li, anki jekk il-prodotti tal-kriminalità organizzata fl-Italja jilħqu ammonti għolja, huma twettqu totalment jew fil-parti l-kbira f’pajjiżi barranin.

43      Barra minn hekk, il-fatt li jiġi eskluż, b’mod ġenerali, il-benefiċċju ta’ eżenzjoni fiskali jidher sproporzjonat, peress li jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-ġlieda kontra l-ħasil ta’ kapitali, peress li hemm mezzi oħra għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri f’dan ir-rigward, bħad-Direttiva 2005/60 li tipprovdi għall-ġlieda kontra l-ħasil ta’ kapitali, u li tapplika għall-casinos taħt l-Artikolu 2(1), punt 3(f) tagħha.

44      Fl-aħħar nett, ma jkunx eskluż li l-ġlieda kontra l-logħob patoloġiku taqa’ taħt il-protezzjoni tas-saħħa pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, EU:C:2009:618, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata) u jkun possibbli, b’dan il-mod, li tkun ġustifikata restrizzjoni diskriminatorja għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

45      Fil-fatt, hekk kif sostna l-gvern Belġjan, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament irrikonoxxiet il-karattru partikolari tal-qasam tal-logħob tal-ażżard fejn, bil-kontra tal-istabbiliment ta’ kompetizzjoni libera u mhux distorta fi ħdan is-suq tradizzjonali, l-applikazzjoni ta’ tali kompetizzjoni f’dan is-suq speċifiku ħafna, jiġifieri bejn diversi operaturi li jistgħu jiġu awtorizzati jipprovdu l-istess logħob tal-ażżard, tista’ twassal għall-effett negattiv, li jiġi mill-fatt li dawn l-operaturi jkollhom jikkompetu fuq livell kreattiv biex irendu l-offerta tagħhom iktar attraenti minn dik tal-kompetituri tagħhom u, b’hekk, iżidu l-infiq tal-konsumaturi marbut mal-logħob u r-riskji ta’ vizzju ta’ dawn tal-aħħar (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Pfleger et, EU:C:2014:281, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Digibet u Albers, EU:C:2014:1756, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Madankollu, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-issuġġettar għat-taxxa, minn Stat Membru, tar-rebħ li joriġina minn stabbilimenti tal-logħob tal-ażżard li jinsabu fi Stati Membri oħra u l-eżenzjoni ta’ tali rebħ li joriġina minn stabbilimenti tal-logħob tal-ażżard li jinsabu fit-territorju tiegħu, ma huwiex adatt sabiex jiġi żgurat b’mod koerenti t-twettiq tal-għan tal-ġlieda kontra l-logħob patoloġiku, peress li eżenzjoni simili tista’ tinkoraġġixxi lill-konsumaturi jipparteċipaw fil-logħob tal-ażżard, u tippermettilhom jibbenefikaw minn tali eżenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, EU:C:2009:618, punt 41).

47      B’hekk jirriżulta li d-diskriminazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx ġustifikata fis-sens tal-Artikolu 52 TFUE.

48      Għalhekk, mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta għad-domanda preliminari magħmula għandha tkun li l-Artikoli 52 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta għat-taxxa fuq id-dħul ir-rebħ minn logħob tal-ażżard fi stabbilimenti tal-logħob li jinsabu fi Stati Membri oħra, u li teżenta mill-imsemmija taxxi dħul simili meta jkun joriġina minn stabbilimenti li jinsabu fit-territorju nazzjonali tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 52 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta għat-taxxa fuq id-dħul ir-rebħ minn logħob tal-ażżard fi stabbilimenti tal-logħob li jinsabu fi Stati Membri oħra, u li teżenta mill-imsemmija taxxi dħul simili meta jkun joriġina minn stabbilimenti li jinsabu fit-territorju nazzjonali tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.