Language of document :

Appell ippreżentat fil-5 ta’ Jannar 2017 minn ANKO A.E. Antiprosopeion, Emporiou kai Viomichanias mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fis-27 ta’ April 2016 fil-Kawża T-155/14, ANKO vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-7/17 P)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Appellanti: ANKO A.E. Antiprosopeion, Emporiou kai Viomichanias (rappreżentant: Stavroula Paliou, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ April 2016, fil-Kawża T-155/14, u tirreferi l-kawża lura lill-Qorti Ġenerali biex tagħti sentenza fuq il-mertu;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti ssostni li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ April 2016, fil-Kawża T155/14 fiha konklużjonijiet ġuridiċi li jiksru prinċipji tad-dritt tal-Unjoni u tisfidhom permezz ta’ dan l-appell.

Skont ir-rikorrenti, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata:

Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt sostanzjali, inkwantu fih żbalji tal-liġi u irregolarità proċedurali li jivvizzjaw ir-raġunament f’dik is-sentenza.

Fit-tieni lok, sa fejn fih żbalji tal-liġi fir-rigward tar-regoli li jirregolaw, b’riferiment għar-rikors fl-ewwel istanza, il-kwistjonijiet li għandhom jiġu pprovati u l-oneru tal-prova u, b’riferiment għall-kontrotalba, l-allokazzjoni tal-oneru tal-prova.

F’dan il-kuntest, l-aggravji huma s-segwenti:

B’riferiment għall-iżball tal-liġi u għall-irregolaritajiet proċedurali:

L-ewwel aggravju: assenza totali ta’ motivazzjoni.

It-tieni aggravju: żball ta’ liġi u motivazzjoni kontradittorja.

B’riferiment għall-iżball ta’ liġi u r-regoli li jirregolaw il-kwistjonijiet li għandhom jiġu pprovati u l-oneru tal-prova:

It-tielet aggravju: żball ta’ liġi b’riferiment għall-kwistjonijiet li għandhom jiġu pprovati u l-oneru tal-prova fl-ewwel istanzi.

Ir-raba’ aggravju: żball ta’ liġi b’riferiment għall-allokazzjoni tal-oneru tal-prova fil-kontrotalba tal-Kummissjoni.

____________