Language of document : ECLI:EU:C:2007:626

Kawżi magħquda C-11/06 u C-12/06

Rhiannon Morgan

vs

Bezirksregierung Köln

u

Iris Bucher

vs

Landrat des Kreises Düren

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mll-Verwaltungsgericht Aachen)

“Ċittadinanza ta’ l-Unjoni — Artikoli 17 KE u 18 KE — Rifjut tal-benefiċċju ta’ l-għajnuna għat-taħriġ għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jwettqu l-istudji tagħhom fi Stat Membru ieħor — Rekwiżit ta’ kontinwità bejn l-istudji segwiti fi Stat Membru ieħor u dawk imwettqa preċedentement matul ta’ l-inqas sena fi stabbiliment li jinsab fit-territorju nazzjonali ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini”

Sommarju tas-Sentenza

1.        Ċittadinanza ta’ l-Unjoni Ewropea — Dispożizzjonijiet tat-Trattat — Kamp ta’ applikazzjoni personali

(Artikoli 17 KE u 18 KE)

2.        Ċittadinanza ta’ l-Unjoni Ewropea — Dritt tal-moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri

(Artikoli 17 KE u 18 KE)

1.        Iċ-ċittadini ta’ Stat Membru, studenti f’Stat Membru ieħor, għandhom l-istatus ta’ ċittadini ta’ l-Unjoni skond l-Artikolu 17(1) u għalhekk jistgħu jirrikorru eventwalment, ukoll fir-rigward ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, għad-drittijiet relatati ma’ tali status. Fost is-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju hemm dawk li jirrigwardaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, b’mod partikolari, dawk li jirrigwardaw il-moviment liberu u l-libertà ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri kif stabbilit mill-Artikolu 18 KE.

(ara l-punti 22-23)

2.        L-Artikoli 17 KE u 18 KE jipprekludu kundizzjoni li, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna għat-taħriġ mogħtija għal studji segwiti fi Stat Membru ieħor li mhuwiex dak li l-istudenti li jitolbu l-benefiċċju huma ċ-ċittadini tiegħu, dawn l-istudji għandhom ikunu l-kontinwazzjoni ta’ taħriġ segwit għal ta’ l-inqas sena fit-territorju ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini ta’ dawn ta’ l-aħħar.

Fil-fatt, l-obbligu doppju li jkunu segwew taħriġ matul il-perijodu ta’ mill-inqas sena f’dan l-Istat Membru u li jkomplu biss dan l-istess taħriġ fi Stat Membru ieħor huwa ta’ natura, minħabba inkonvenjenzi personali, l-ispejjeż supplementari kif ukoll ta’ eventwali dewmien li dan jimplika, li jiddiswadi liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea milli jitilqu l-Istat Membru kkonċernat sabiex iwettqu studji fi Stat Membru ieħor u li b’hekk jagħmlu użu mil-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fih, kif stabbilit mill-Artikolu 18(1) KE.

Tali kundizzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala proporzjonali ma’ l-għan sabiex jiġi assigurat li l-istudenti kkonċernati jispiċċaw il-korsijiet tagħhom fl-iqsar żmien jew li tiġi ffaċilitata għażla bir-reqqa tat-taħriġ li jaħsbu li jsegwu. L-intenzjoni li jiġi assigurat li l-għajnuna għat-taħriġ tingħata biss lill-istudenti li għandhom il-kapaċità jirnexxu u juru r-rieda tagħhom li jsegwu u jispiċċaw l-istudji tagħhom b’suċċess u mingħajr telf ta’ żmien, tista’ tikkostitwixxi għan leġittimu fil-kuntest ta’ l-organizzazzjoni ta’ din is-sistema. Madankollu, il-fatt li tiġi imposta l-kundizzjoni in kwistjoni, fil-każ fejn jista’ jkun hemm bħala konsegwenza, fil-prattika, żieda fid-dewmien ġenerali ta’ l-istudji, jidher inkoerenti ma’ l-għan imsemmi u, għaldaqstant, mhux adattat għat-twettiq tiegħu.

Barra minn hekk, bħala prinċipju, jista’ jkun leġittimu għal Stat Membru li ma jagħtix għajnuna għat-taħriġ ħlief lil studenti li jkunu wrew ċertu livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ dan l-Istat, sabiex jevita li l-għoti ta’ għajnuna lil studenti li jixtiequ jwettqu xi studji fi Stati Membri oħra ma jsirx piż irraġonevoli li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali ta’ l-għajnuna li tista’ tiġi mogħtija minn dan l-Istat. Il-kundizzjoni ta’ l-ewwel fażi ta’ studji f’din l-Istat Membru madankollu tiffavorixxi indebitament element li mhuwiex neċessarjament rappreżentattiv tal-livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru fil-mument tat-talba għal għajnuna. Għalhekk kundizzjoni bħal din tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imsegwi u b’hekk ma tistax tiġi kkunsidrata bħala proporzjonali.

Fl-aħħar nett, ir-restrizzjoni in kwistjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala adatta jew neċessarja, fiha nnfisha, biex tassigura n-nuqqas ta’ akkumulu ma’ l-għajuna ta’ l-istess natura mogħtija fi Stat Membru ieħor .

(ara l-punti 18, 30, 35-36, 39, 43-44, 46, 50-51 u disp.)